Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0571

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fl-20 ta’ Diċembru 2017.
Samet Ardic.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Amsterdam.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv – Artikolu 4a(1) li jirriżulta mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI – Mandat maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà – Kunċett ta’ ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ – Portata – Persuna li ġiet ikkundannata definittivament għal piena li ċċaħħad il-libertà fi tmiem proċedura li nżammet fil-preżenza tagħha – Piena li l-eżekuzzjoni tagħha ġiet sussegwentement sospiża parzjalment u taħt ċerti kundizzjonijiet – Proċedura sussegwenti li wasslet għar-revoka tas-sospensjoni minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet – Proċedura ta’ revoka li nżammet fl-assenza tal-parti kkonċernata.
Kawża C-571/17 PPU.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:1013

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fl‑20 ta’ Diċembru 2017 ( 1 )

Kawża C‑571/17 PPU

Openbaar Ministerie

vs

Samet Ardic

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita piena li ċċaħħad il-libertà – Raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva – Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas – Kunċett ta’ ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ – Portata – Persuna li ġiet ikkundannata definittivament għal piena li ċċaħħad il-libertà fi tmiem proċess li żvolġa fil-preżenza tal-parti kkonċernata – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet ta’ piena li ċċaħħad il-libertà parzjalment skontata – Nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti – Proċedura ulterjuri li wasslet għar-revoka tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena – Proċedura li żvolġiet mingħajr ma l-parti kkonċernata kienet preżenti”

I. Introduzzjoni

1.

Samet Ardic, ċittadin Ġermaniż, huwa s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem l-“MAE”) maħruġ minn awtorità ġudizzjarja Ġermaniża. Din l-awtorità titlob il-konsenja ta’ S. Ardic, attwalment detenut fil-Pajjiżi l-Baxxi, bl-għan tal-eżekuzzjoni tal-kumplament tal-piena prevista minn żewġ sentenzi li kull waħda minnhom imponiet piena li ċċaħħad il-libertà. Wara li skonta parti minn dawn il-pieni, S. Ardic ingħata sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħhom. Din is-sospensjoni mbagħad ġiet irrevokata minħabba li S. Ardic ma kienx osserva l-kundizzjonijiet tar-rilaxx tiegħu b’libertà kkundizzjonata.

2.

Minkejja li S. Ardic deher personalment għall-proċess li wassal għaż-żewġ sentenzi finali li kkundannawh għal żewġ pieni li jċaħħdu l-libertà, huwa ma deherx personalment għall-proċedura li wasslet għad-deċiżjonijiet ta’ revoka tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kumplament tal-imsemmija pieni.

3.

Din il-kawża tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI ( 2 ). Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” li jinsab fiha jikkonċernax proċedura li rriżultat fid-deċiżjonijiet li rrevokaw is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kumplament tal-pieni li jċaħħdu l-libertà.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.  Il-KEDB

4.

L-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) jipprevedi:

“Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u ta’ l-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa intitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi. […]”

B.  Id-dritt tal-Unjoni

1.  Il-Karta

5.

Skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”):

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

[…]”

6.

Skont l-Artikolu 48(2) tal-Karta “[g]ħandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat”.

2.  Id-Deċiżjoni Qafas

7.

L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas]”.

8.

L-Artikolu 1(3) jipprevedi li l-imsemmija deċiżjoni qafas “m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [TUE]”.

9.

L-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas ġie introdott mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI ( 4 ) biex jippreċiża r-raġunijiet fakultattivi tar-rifjut għall-eżekuzzjoni ta’ MAE meta l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment għall-proċess tagħha:

“1.   L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti:

(a)

fi żmien debitu

(i)

jew kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni, jew b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata;

u

(ii)

kienet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-kawża;

jew

(b)

konxja mill-kawża skedata, kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna konċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża;

jew

(ċ)

wara li kienet innotifikata bid-deċiżjoni u kienet infurmata espressament dwar id-dritt għal kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermetti li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali:

(i)

iddikjarat espressament li huwa jew hija ma tikkontestax id-deċiżjoni;

jew

(ii)

ma talbitx kawża mill-ġdid jew appell fil-perijodu ta’ żmien applikabbli;

jew

(d)

ma kinitx notifikata personalment bid-deċiżjoni iżda:

(i)

ser tkun innotifikata personalment biha mingħajr dewmien wara ċ-ċediment u ser tkun infurmata espressament dwar id-dritt tiegħu jew tagħha għal kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermettu li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali;

u

(ii)

ser tkun infurmata bil-perijodu taż-żmien li fih hija għandha titlob din il-kawża mill-ġdid jew l-appell, kif imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew rilevanti.

[…]”

III. Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10.

Fit‑13 ta’ Ġunju 2017, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) ġiet adita mill-officier van justitie bij de rechtbank (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti, il-Pajjiżi l-Baxxi) b’talba li tikkonċerna l-ipproċessar ta’ MAE maħruġ fid‑9 ta’ Mejju 2017 mill-iStaatsanwaltschaft Stuttgart (il-Prosekutur ta’ Stuttgart, il-Ġermanja).

11.

Dan l-MAE jitlob l-arrest u l-konsenja ta’ S. Ardic, ċittadin Ġermaniż, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni fil-Ġermanja ta’ żewġ pieni li jċaħħdu l-libertà. Żewġ sentenzi finali li jipprevedu disa’ reati jikkostitwixxu l-bażi tal-imsemmi MAE. Fl-ewwel lok, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2009 tal-Amtsgericht Böblingen (il-Qorti tad-Distrett ta’ Böblingen, il-Ġermanja) ikkundannat lil S. Ardic għal piena li ċċaħħad il-libertà ta’ sena u tmien xhur. Fit-tieni lok, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2010 tal-Amtsgericht Stuttgart-Bad Cannstatt (il-Qorti tad-Distrett ta’ Stuttgart-Bad Cannstatt, il-Ġermanja) ikkundannat lil S. Ardic għal piena li ċċaħħad il-libertà ta’ sena u tmien xhur.

12.

Il-parti (d) tal-MAE inkwistjoni tikkonferma li S. Ardic deher personalment għall-proċess li rriżulta f’dawn iż-żewġ sentenzi.

13.

Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet (rispettivament tal‑4 ta’ Jannar 2010 u tal‑31 ta’ Mejju 2011), il-qrati li taw is-sentenzi msemmija fil-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet issospendew l-eżekuzzjoni tal-kumplament tal-pieni previsti fihom ( 5 ).

14.

Dawn is-sospensjonijiet ġew irrevokati minn żewġ deċiżjonijiet tal-Amtsgericht Stuttgart-Bad Cannstatt (il-Qorti tad-Distrett ta’ Stuttgart-Bad Cannstatt), mogħtija rispettivament fit‑18 u fl‑4 ta’ April 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ta’ revoka”). L-eżekuzzjoni tal-kumplament tal-pieni li jċaħħdu l-libertà ġiet ordnata minħabba li l-parti kkonċernata ma kinitx osservat il-kundizzjonijiet tar-rilaxx kundizzjonali tagħha u kienet evadiet, minkejja t-tfakkiriet, il-kontroll u l-gwida ta’ uffiċjal superviżorju kif ukoll l-istħarriġ tal-qorti. Dawn id-deċiżjonijiet ta’ revoka huma finali. Barra minn hekk, S. Ardic għadu jrid jiskonta 338 ġurnata tal-piena li ċċaħħad il-libertà imposta fil-kawża deċiża fl-4 ta’ Marzu 2009 mill-Amtsgericht Böblingen (il-Qorti tad-Distrett ta’ Böblingen) u 340 ġurnata ta’ dik imposta fil-kawża deċiża fl-10 ta’ Novembru 2010 mill-Amtsgericht Stuttgart-Bad Cannstatt (il-Qorti tad-Distrett ta’ Stuttgart-Bad Cannstatt).

15.

Il-qorti tar-rinviju tiddeduċi mill-MAE inkwistjoni li S. Ardic ma deherx personalment għall-proċedura li rriżultat fid-deċiżjonijiet ta’ revoka, u dan ġie kkonfermat minn S. Ardic. Dan tal-aħħar iddikjara wkoll li, kieku kien jaf bid-data u l-post tal-imsemmi proċess, huwa kien jidher sabiex jikkonvinċi lill-qorti li kellha ġurisdizzjoni biex ma tipproċedix għar-revoka.

16.

Il-parti (f) tal-MAE (informazzjoni fakultattiva dwar iċ-“ċirkustanzi l-oħra rilevanti f’dan il-każ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]) issemmi li d-deċiżjonijiet ta’ revoka ġew innotifikati permezz ta’ pubblikazzjoni lill-persuna rikjesta, li għandha għalhekk tingħata d-dritt għal smigħ a posteriori fir-rigward ta’ dawn id-deċiżjonijiet, mingħajr ma dan ikollu effett dirett fuq in-natura eżekuttiva tagħhom.

17.

Skont il-qorti tar-rinviju, id-dritt Ġermaniż jimponi lill-qorti tirrevoka d-deċiżjoni dwar is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kumplament tal-pieni jekk il-persuna kkundannata tibqa’ tevadi l-kontroll u l-gwida ta’ uffiċjal superviżorju u/jew ma tosservax il-kundizzjonijiet ta’ din is-sospensjoni. Il-qorti Ġermaniża għandha min-naħa l-oħra żżomm lura milli tipproċedi għal tali revoka jekk ikun biżżejjed li jiġu imposti kundizzjonijiet jew struzzjonijiet supplimentari jew li jiġi estiż il-perijodu ta’ probation. Mid-deċiżjonijiet ta’ revoka jirriżulta li l-Amtsgericht Stuttgart-Bad Cannstatt (il-Qorti tad-Distrett ta’ Stuttgart-Bad Cannstatt) ikkonstatat li l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet supplimentari jew l-estensjoni tal-perijodu ta’ probation ma kinux biżżejjed u li r-revoka kienet konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-qorti tar-rinviju tinnota li, meta tiddeċiedi dwar ir-revoka, il-qorti Ġermaniża jkollha marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni jew il-personalità tal-parti kkonċernata.

18.

Fid-dawl tas-sentenza mogħtija fil-kawża Zdziaszek, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas, bejn il-miżuri li jbiddlu l-quantum tal-piena imposta u dawk dwar il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà ( 6 ). Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li d-deċiżjonijiet ta’ revoka inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jbiddlux il-quantum tal-piena. Madankollu, dan ma jfissirx neċessarjament li l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas ma japplikax għad-deċiżjonijiet ta’ revoka, fid-dawl tal-livell ta’ protezzjoni ogħla ggarantit mill-Karta. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tinnota li huwa possibbli li deċiżjoni ta’ revoka jkollha iktar importanza għall-parti kkonċernata minn sentenza li timponi piena kumulattiva (inkwistjoni fil-kawża Zdziaszek) meta l-qorti jkollha marġni ta’ diskrezzjoni.

19.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fil-każ li l-persuna rikjesta tkun definittivament instabet ħatja fi proċeduri li żvolġew fil-preżenza tagħha u tkun ġiet ikkundannata għal piena li ċċaħħad il-libertà, li l-eżekuzzjoni tagħha ġiet sospiża taħt ċerti kundizzjonijiet: il-proċedura sussegwenti, li fil-kuntest tagħha l-qorti, fl-assenza tal-persuna rikjesta, tordna r-revoka ta’ din is-sospensjoni minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet u minħabba evażjoni mill-kontroll u mill-gwida ta’ uffiċjal superviżorju tikkostitwixxi ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ fis-sens tal-Artikolu 4a tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584]?”

IV. Fuq il-proċedura b’urġenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn ta’ din it-talba, hija ssostni li d-domanda preliminari magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas li taqa’ taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE. Hija osservat ukoll li l-persuna kkonċernata kienet tinsab f’detenzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi, tistenna biex tara x’ser jiġri wara l-konsenja tagħha. Ir-risposta urġenti tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha influwenza diretta u deċiżiva fuq id-dewmien tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata.

21.

Il-Ħames Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fit‑12 ta’ Ottubru 2017, tilqa’ din it-talba.

22.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi), S. Ardic, il-gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet, kif ukoll il-Gvern Irlandiż, ippreżentaw osservazzjonijiet orali matul is-seduta li saret fit‑22 ta’ Novembru 2017.

V. Evalwazzjoni

23.

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju għandha l-għan li ssir taf jekk il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” fis-sens tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas jinkludix il-proċedura li rriżultat fid-deċiżjoni ta’ revoka tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kumplament ta’ piena li ċċaħħad il-libertà li kienet ingħatat b’mod finali. Din il-kawża hija intiża għalhekk għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas.

24.

Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. Wara xi kunsiderazzjonijiet preliminari dwar il-kuntest ġuridiku proċedurali Ġermaniż rilevanti kif ukoll dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (A), jien ser nipproponi qabelxejn interpretazzjoni tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas (B). Imbagħad, ser neżamina d-domanda speċifika tar-revoka tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kumplament ta’ piena li ċċaħħad il-libertà fil-kuntest tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas (C). Biex nispiċċa, ser nagħmel xi rimarki fil-qosor dwar id-drittijiet fundamentali fis-sistema tad-Deċiżjoni Qafas (D).

A.  Preċiżazzjonijiet preliminari

25.

Id-domanda preliminari magħmula f’din il-kawża hija marbuta mill-qrib mad-domandi ttrattati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Tupikas (C‑270/17 PPU) u Zdziaszek (C‑271/17 PPU). Fl-ewwel waħda minn dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat b’mod partikolari li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” għandu jinftiehem, fil-każ fejn il-proċedura tinkludi diversi istanzi, bħala li jipprevedi l-istanza tal-appell, sakemm id-deċiżjoni mogħtija fi tmiem din l-istanza tkun iddeċidiet b’mod finali fuq il-ħtija tal-persuna kkonċernata kif ukoll fuq il-piena tagħha ( 7 ). Fil-kawża Zdziaszek, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li l-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” huwa intiż ukoll għall-proċeduri sussegwenti (bħal dawk li wasslu għal sentenza li timponi piena kumulattiva) li fi tmiemhom ttieħdet deċiżjoni li bidlet b’mod finali l-livell tal-pieni inizjalment mogħtija, sakemm l-awtorità li adottat dawn id-deċiżjonijiet kellha ċerta setgħa diskrezzjonali ( 8 ).

26.

F’din is-sentenza tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, b’riferiment għas-sentenza tal-Qorti EDB fil-kawża Boulois ( 9 ), li “għandha ssir distinzjoni bejn il-miżuri [li jbiddlu l-quantum tal-piena jew pieni imposti] minn dawk dwar il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ ċaħda tal-libertà. Barra minn hekk mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li l-Artikolu 6(1) KEDB ma japplikax għall-kwistjonijiet dwar il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ ċaħda tal-libertà, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw it-tqegħid fil-libertà provviżorja ( 10 )”.

27.

F’dan il-kuntest, id-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża hija marbuta mad-distinzjoni bejn, minn naħa, id-deċiżjonijiet dwar il-ħtija u dwar il-piena u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet dwar il-“modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ ċaħda tal-libertà”. Konformement mas-sentenza Zdziaszek, dawn tal-aħħar ikunu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) KEDB ( 11 ), li mbagħad jista’ jiġi interpretat bħala li jeskludi tali “modalitajiet ta’ eżekuzzjoni” mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas.

28.

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, huma meħtieġa żewġ preċiżazzjonijiet preliminari. Fl-ewwel lok, għandu jiġi ċċarat liema hija, fid-dritt Ġermaniż, in-natura eżatta tal-proċedura li rriżultat fid-deċiżjoni ta’ revoka tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kumplament ta’ piena li ċċaħħad il-libertà (1). Fit-tieni lok, jidher meħtieġ ukoll li jiġi indirizzat il-kunċett ta’ “modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà” fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (2).

1.  Fuq il-proċedura ta’ revoka tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kumplament ta’ piena li ċċaħħad il-libertà fid-dritt Ġermaniż

29.

Il-Gvern Ġermaniż ġie mistieden mill-Qorti tal-Ġustizzja jispeċifika l-iskema Ġermaniża li tirregola l-proċedura ta’ revoka tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kumplament ta’ piena li ċċaħħad il-libertà. Dan il-gvern ta l-ispjegazzjonijiet li ġejjin.

30.

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 57 tal-iStrafgesetzbuch (il-Kodiċi Kriminali; iktar ’il quddiem is-“StGB”) jippermetti sospensjoni bi probation tal-kumplament ta’ piena li ċċaħħad il-libertà parzjalment skontata ( 12 ). Meta jkunu ġew skontati żewġ terzi tal-piena imposta b’minimu ta’ xahrejn, il-qorti tissospendi l-eżekuzzjoni tal-kumplament tal-piena li ċċaħħad il-libertà, bi qbil mal-persuna kkundannata u wara li tkun iddeterminat jekk l-interessi tas-sigurtà pubblika jistgħux jiġġustifikawha ( 13 ). Meta jkun ġie skontat nofs it-terminu ta’ piena li ċċaħħad il-libertà, madankollu b’minimu ta’ sitt xhur, il-qorti tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni tal-kumplament tal-piena bi probation taħt kundizzjonijiet iktar stretti ( 14 ).

31.

Il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tirrevoka s-sospensjoni jekk il-persuna kkundannata tikser b’mod flagranti jew persistenti l-istruzzjonijiet jew il-kundizzjonijiet, jew tkompli tevadi l-kontroll jew il-gwida tal-uffiċjal superviżorju, u b’hekk toħloq tħassib ta’ reċidiva ( 15 ). Min-naħa l-oħra, il-qorti ma tirrevokax is-sospensjoni jekk ikun biżżejjed li jiġu imposti kundizzjonijiet jew istruzzjonijiet supplimentari, b’mod partikolari l-fatt li l-persuna kkundannata titqiegħed taħt il-kontroll ta’ uffiċjal ta’ probation jew li jiġi estiż il-perijodu probatorju jew tal-kontroll ( 16 ). Jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux osservati, il-qorti għandha assolutament tirrevoka s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kumplament tal-piena.

32.

Fit-tieni lok, id-deċiżjonijiet sussegwenti relatati mas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kumplament ta’ piena li ċċaħħad il-libertà bi probation huma rregolati mill-Artikolu 453 tal-iStrafprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali; iktar ’il quddiem is-“StPO”). Meta tiġi prevista revoka tas-sospensjoni, il-qorti tagħti lill-persuna kkundannata l-opportunità li tinstema’ oralment ( 17 ). Ladarba tiġi adottata d-deċiżjoni ta’ revoka, din tista’ tiġi kkontestata mill-persuna kkundannata permezz tal-appell immedjat, li għandu jiġi ppreżentat fi żmien ġimgħa wara l-komunikazzjoni tad-digriet ta’ revoka lill-persuna kkundannata ( 18 ). Jekk il-post ta’ residenza tal-persuna kkundannata ma jkunx magħruf u n-notifika ma tkunx tista’ ssir fil-forom rikjesti, huwa permess li d-digriet jiġi nnotifikat pubblikament permezz ta’ avviż fuq il-bord tal-qorti. In-notifika titqies li tkun saret fi tmiem xahar mill-avviż. It-terminu msemmi iktar ’il fuq ta’ ġimgħa għall-preżentata tal-appell immedjat jibda jiddekorri minn dan il-mument. Mal-iskadenza tiegħu, id-digriet ta’ revoka jikseb l-awtorità ta’ res judicata ( 19 ).

33.

Il-Gvern Ġermaniż spjega matul is-seduta li l-opportunità li persuna tinstema’ għandha assolutament tingħata lill-persuna kkundannata minkejja li l-persuna ssir taf biss bid-deċiżjoni ta’ revoka nnotifikata pubblikament wara li jkun skada t-terminu ta’ ġimgħa. Mill-ġurisprudenza nazzjonali relatata mal-Artikolu 33a tas-StPO jirriżulta li, f’tali sitwazzjoni, il-persuna kkundannata għandha tinstema’ sabiex ikollha l-opportunità tafferma l-oġġezzjonijiet tagħha għar-revoka u turi fatti ġodda. Wara din is-seduta, il-proċedura tista’ terġa’ tiġi stabbilita, ex officio jew fuq talba, fl-istat fejn hija kienet tinsab qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ revoka inkwistjoni.

2.  Fuq il-“modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà” fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB

34.

Bħalma nnotat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Zdziaszek ( 20 ), mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li l-garanziji tal-Artikolu 6(1) KEDB japplikaw mhux biss għad-dikjarazzjoni ta’ ħtija, iżda wkoll għad-determinazzjoni tal-piena ( 21 ).

35.

Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, il-kwistjonijiet relatati mal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) KEDB ( 22 ). B’mod iktar partikolari, il-Qorti EDB affermat li l-aspett kriminali tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB ma japplikax għall-kontenzjuż penitenzjarju li ma jikkonċernax, fil-prinċipju, il-fondatezza ta’ “akkuża kriminali” ( 23 ).

36.

Għalhekk, il-Qorti EDB u l-Kummissjoni EDB preċedenti qiesu li l-protezzjoni tal-Artikolu 6(1) KEDB ma tapplikax għal proċeduri bħal-leave li jingħata lil persuna detenuta ( 24 ), l-amnestija ( 25 ), l-għoti ta’ rilaxx kundizzjonali ( 26 ), l-għoti ta’ libertà provviżorja fil-kuntest ta’ arrest preventiv ( 27 ), jew it-trasferiment ta’ persuni kkundannati ( 28 ). L-istess jgħodd għall-proċeduri ta’ revoka tas-sospensjoni ta’ piena, mill-inqas skont il-ġurisprudenza tal-Kummissjoni EDB preċedenti ( 29 ).

37.

Bħalma tinnota l-qorti tar-rinviju, dan l-approċċ jaqbel mal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB relatata mal-kunċett ta’ “piena” fis-sens tal-Artikolu 7 KEDB ( 30 ).

38.

Madankollu, il-Qorti EDB irrikonoxxiet ukoll, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Artikolu 7 KEDB, li d-distinzjoni bejn “piena” u miżura relatata mal-“eżekuzzjoni” ta’ piena ma hijiex dejjem netta fil-prattika ( 31 ). Il-Qorti EDB aċċettat ukoll b’mod eċċezzjonali l-applikabbiltà tal-Artikolu 6(1) KEDB għall-miżuri strettament marbuta mal-proċedura kriminali u mad-determinazzjoni finali tal-piena ( 32 ).

39.

Barra minn hekk, għad hemm dubji fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżuri marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ pieni jistgħux jiġu koperti, f’ċerti kundizzjonijiet, mill-aspett ċivili tal-Artikolu 6(1) KEDB ( 33 ). Fil-fatt, għalkemm, fil-kawża Boulois, l-Awla Manja tal-Qorti EDB ma qisitx applikabbli l-Artikolu 6(1) KEDB fl-aspett ċivili tagħha, din ir-risposta hija marbuta mal-fatt li l-“leave penali” ma kienx jikkostitwixxi dritt, peress li d-determinazzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi “dritt” hija marbuta sew mal-konfigurazzjoni tiegħu fis-sistema ġuridika nazzjonali ( 34 ).

40.

Finalment, il-garanziji inerenti għad-dritt iktar speċifiku tal-akkużat li jidher fil-proċess tiegħu ma jinsabx espressament fl-Artikolu 6(1) KEDB. Dawn ġew stabbiliti inizjalment mill-Qorti EDB fil-kuntest speċifiku tal-aspett kriminali ta’ din id-dispożizzjoni ( 35 ) qabel ma ġew estiżi reċentement għall-aspett ċivili ( 36 ).

B.  L-interpretazzjoni tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas

41.

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni ta’ revoka taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas u jekk tali deċiżjoni hijiex relatata ma’ modalità ta’ eżekuzzjoni ta’ piena, il-partijiet ikkonċernati jagħtu interpretazzjonijiet diverġenti.

42.

S. Ardic isostni li l-Artikolu 4a huwa intiż għal proċedura ta’ revoka bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Huwa jressaq, qabelxejn, l-argument li l-Artikolu 6 KEDB huwa applikabbli għad-deċiżjonijiet ta’ revoka. Fir-rigward tal-“aspett kriminali” tal-Artikolu 6 KEDB, S. Ardic jafferma li l-proċeduri ta’ revoka jistgħu jwasslu għal bidla fil-piena fil-kuntest ta’ tali proċedura, u li l-qorti tar-revoka jkollha marġni ta’ diskrezzjoni meta tieħu d-deċiżjoni tagħha. Imbagħad, l-Artikolu 6 KEDB, fl-aspett ċivili tiegħu, jista’ japplika wkoll ladarba l-proċedura ta’ revoka tqiegħed f’riskju id-“dritt għal-libertà”. Fi kwalunkwe ipoteżi, anki jekk jiġi aċċettat li l-Artikolu 6 KEDB ma japplikax għall-proċedura ta’ revoka, l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta jagħtu protezzjoni iktar estiża. B’mod partikolari, l-Artikolu 47 tal-Karta għandu portata usa’ li tista’ tkopri proċedura ta’ revoka bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Huwa fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat.

43.

Il-Gvern Irlandiż jafferma li, f’ċirkustanzi fejn ir-revoka ma hijiex awtomatika u fejn il-qorti jkollha ċerta setgħa diskrezzjonali, persuna għandha titqies bħala li tkun għadha s-suġġett ta’ proċedura kriminali matul seduta dwar ir-revoka tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kumplament tal-piena. F’tali ċirkustanzi, din tirrigwarda proċedura li twassal għal deċiżjoni ġudizzjarja li kkundannat b’mod finali lill-persuna li ntalbet il-konsenja tagħha (għal riproduzzjoni tat-terminoloġija użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 74 tas-sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628). B’riferiment għall-punt 91 tas-sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629), il-Gvern Irlandiż iqis li din tirrigwarda deċiżjoni li tiddetermina l-quantum tal-piena. Il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 84 tal-imsemmija sentenza Tupikas għandhom għalhekk jiġu applikati b’analoġija f’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li s-seduta dwar ir-revoka tas-sospensjoni tista’ twassal għal ċaħda tal-libertà. Fir-rigward tal-konsegwenzi potenzjali għall-individwu, tali proċedura tikkonċerna l-fondatezza ta’ akkuża kriminali fis-sens tal-Artikolu 6(1) KEDB. Fi kwalunkwe każ, jista’ jingħata livell ogħla ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 47 tal-Karta, konformement mal-Artikolu 53(2) tagħha.

44.

Min-naħa l-oħra, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak tal-Ġermanja u l-Kummissjoni, jikkondividu essenzjalment il-pożizzjoni li skontha d-deċiżjonijiet ta’ revoka inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas. L-ewwel nett, dan jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 85 tas-sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629). Skont dawn il-partijiet ikkonċernati, l-eżami rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 4a jikkonċerna biss il-kwistjonijiet relatati mal-ħtija u mal-piena. Għalhekk, għandha ssir distinzjoni bejn id-determinazzjoni tal-ħtija/tal-piena u l-proċeduri sussegwenti li jikkonċernaw il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-piena imposta. Peress li d-deċiżjonijiet ta’ revoka jikkostitwixxu modalitajiet ta’ eżekuzzjoni, dawn ma jaqgħux taħt l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas. It-tieni nett, il-piena hija ċerta u finali f’dan il-każ, b’differenza mill-kawża Zdziaszek fejn il-quantum tal-piena ma kienx stabbilit. Id-deċiżjonijiet ulterjuri li jikkonċernaw ir-revoka tas-sospensjoni bl-ebda mod ma biddlu ż-żewġ kundanni finali għaż-żewġ pieni li jċaħħdu l-libertà ta’ perijodu ta’ sena u tmien xhur. Id-deċiżjonijiet ta’ revoka jindikaw dak li jrid jiġi eżegwit: il-kumplament tal-pieni imposti inizjalment. It-tielet nett, is-setgħa diskrezzjonali tal-qorti tapplika biss fil-kuntest tal-istabbiliment tal-piena. Il-fatt li, fil-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti għandha marġni ta’ diskrezzjoni biex tirrevoka s-sospensjoni ma għandux effett fuq il-quantum tal-piena.

45.

L-argumenti li ser jiġu spjegati juru li l-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-garanziji tal-Artikolu 6 KEDB u d-delimitazzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi modalità ta’ eżekuzzjoni ta’ pieni jqajmu problemi kumplessi. Ċertament, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, il-kunċett ta’ “modalitajiet ta’ eżekuzzjoni” u l-implikazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-applikabbiltà tal-aspetti kriminali u ċivili tal-Artikolu 6 KEDB ma humiex ċari għalkollox, b’mod partikolari fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ revoka inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħal dawk previsti mid-dritt Ġermaniż.

46.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, din id-diskussjoni għandha importanza limitata għall-finijiet ta’ din il-kawża. L-identifikazzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi modalità ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 6 KEDB ma hijiex determinanti biex tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti nazzjonali sa fejn din hija intiża speċifikament għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas. Konsegwentement, dak li huwa importanti sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju huwa l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas. Għal dan l-għan, għandna mmorru lura għat-test u s-sistema (1), għall-oriġini (2) u għall-iskop ta’ din id-dispożizzjoni (3).

1.  Fuq it-test u s-sistema

47.

Il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” li jinsab fil-formulazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jinftiehem bħala kunċett awtonomu mid-dritt tal-Unjoni ( 37 ). Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni madankollu ma tippermettix, waħedha, il-preċiżazzjoni tal-kontenut speċifiku tal-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”. L-istess jgħodd għall-kunċett irriprodott fit-titolu tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas li sempliċement jirreferi għad-“[d]eċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna ma dehritx personalment” ( 38 ).

48.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa neċessarju li jsir riferiment għat-test u għas-sistema tal-Artikolu 4a sħiħ kif ukoll għal dispożizzjonijiet oħra tad-Deċiżjoni Qafas.

49.

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 4a huwa applikabbli għall-mandati ta’ arrest Ewropew intiżi għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ ordni ta’ detenzjoni. Huwa għalhekk evidenti li din id-dispożizzjoni ssir rilevanti biss fil-preżenza ta’ deċiżjoni ta’ kundanna ( 39 ). Għalhekk, teżisti rabta espliċita bejn il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u d-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita.

50.

F’dan ir-rigward, diversi dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas jiċċaraw il-kunċett ta’ “deċiżjoni” li għandu jwassal għaliha l-proċess, fis-sens tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas. Għalhekk, l-Artikolu 8(1)(c) u (f) tad-Deċiżjoni Qafas jirreferi għas-“sentenza esegwibbli” jew għal “kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett” kif ukoll għall-“piena imposta” fis-“sentenza finali”, skont l-informazzjoni li għandha tinsab fil-MAE. Bl-istess mod, il-punt b(2) tal-Anness tad-Deċiżjoni Qafas isemmi is-“sentenza esegwibbli”. Dawn l-elementi jenfasizzaw il-fatt li l-Artikolu 4a huwa intiż b’mod espliċitu għall-proċess li jwassal għad-deċiżjoni ta’ kundanna li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, għandha tkun finali ( 40 ).

51.

Fit-tieni lok, ix-xenarji differenti intiżi fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas bħala eċċezzjonijiet għall-possibbiltà ta’ rifjut tal-eżekuzzjoni tal-MAE jixhdu l-fatt li l-proċess inkwistjoni huwa dak li jwassal għal deċiżjoni dwar il-ħtija u/jew il-piena, fi kliem ieħor deċiżjoni li fiha l-elementi kostituttivi ta’ kundanna kriminali.

52.

B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 4a(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas jirreferi għad-difiża effettiva fil-proċess minn konsulent legali. L-Artikolu 4a(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas jirreferi għas-sitwazzjoni fejn, wara li tiġi informata dwar id-dritt tagħha għal kawża mill-ġdid jew appell li jippermettu l-eżami mill-ġdid tal-mertu tal-kawża, il-parti kkonċernata ma tikkontestax id-deċiżjoni jew ma titlobx kawża mill-ġdid. L-Artikolu 4a(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas huwa intiż għas-sitwazzjoni li fiha l-persuna ser tiġi nnotifikata personalment bid-deċiżjoni wara l-konsenja u ser tkun informata dwar id-dritt tagħha għal kawża mill-ġdid jew appell li jippermettu l-eżami mill-ġdid tal-mertu tal-kawża, fid-dawl ta’ provi ġodda, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali.

53.

Minn dan jirriżulta li, fis-sens tal-Artikolu 4a, id-deċiżjoni li għandu jwassal għaliha l-proċess hija “[d]-deċiżjoni ġudizzjarja li kkundannat b’mod finali lill-persuna li ntalbet il-konsenja tagħha fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew” ( 41 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, f’dan il-kuntest, li t-terminu “kundanna” ikopri d-dikjarazzjoni ta’ ħtija kif ukoll l-impożizzjoni ta’ piena jew ta’ miżura oħra li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà ( 42 ).

54.

Fil-kawża Zdziaszek, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” jinkludi wkoll proċedura sussegwenti li twassal għal sentenza li timponi piena kumulattiva. F’din l-ipoteżi, l-element determinanti huwa preċiżament li tali proċedura twassal għal deċiżjoni li tibdel il-livell tal-piena inizjalment mogħtija, meta l-awtur ta’ din id-deċiżjoni jkollu f’dan ir-rigward ċerta setgħa diskrezzjonali ( 43 ). Għalhekk, il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, interpretat fil-kuntest speċifiku tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas, jiffoka fuq il-fażi proċedurali li tikkonċerna l-eżami tal-kawża fil-mertu, determinanti għall-kundanna tal-persuna kkonċernata ( 44 ).

55.

L-elementi analizzati iktar ’il fuq jippermettu li jiġi konkluż li l-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” ma jinkludix il-proċeduri sussegwenti għall-proċess li wassal għal deċiżjoni finali dwar il-kundanna peress li dawn il-proċeduri ma jaffettwawx id-determinazzjoni tal-ħtija u l-livell tal-piena.

2.  Fuq l-oriġini tal-Artikolu 4a

56.

L-oriġini tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 tikkonferma li l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas jikkonċerna biss id-dritt speċifiku li l-persuna kkonċernata tidher għall-proċess kriminali, mifhum bħala l-proċedura li tiddetermina b’mod finali l-kundanna (ħtija u piena).

57.

Fl-ewwel lok, id-Deċiżjoni Qafas 2009/299, li introduċiet l-Artikolu 4a, tistabbilixxi regoli komuni għar-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji “wara l-proċedimenti li għalihom il-persuna konċernata ma kenitx preżenti” ( 45 ). Dan l-istrument jirrispondi għat-tħassib tat-tisħiħ tad-dritt tal-akkużati għal smigħ xieraq iggarantit mill-KEDB, li jinkludi speċifikament “[i]d-dritt tal-persuna konċernata li tidher personalment waqt il-kawża” ( 46 ). Id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 4a huma intiżi speċifikament għal wieħed mill-elementi inklużi fid-dritt għal smigħ xieraq previst fl-Artikolu 6 KEDB, bħalma jirriżulta mis-suġġett u mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni sħiħa: id-dritt tal-akkużat li jidher personalment għall-proċess tiegħu, kif interpretat mill-Qorti EDB ( 47 ). Ix-xenarji previsti fl-Artikolu 4a jirriflettu din il-ġurisprudenza ( 48 ).

58.

Għalhekk, l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas, bħala raġuni fakultattiva ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE intiż huwa stess għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza eżegwibbli, ikopri b’mod speċifiku, fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, il-garanziji marbuta mad-dritt speċifiku tal-parti kkonċernata li tidher għall-proċess kriminali tagħha. Fil-fatt, l-Artikolu 4a ma għandux l-għan li jinkorpora l-garanziji proċedurali kollha li jirriżultaw mill-Artikolu 6 KEDB (lanqas, b’analoġija, dawk potenzjalment iktar estiżi li jirriżultaw mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta), bħala elementi li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut tal-eżekuzzjoni tal-MAE. L-Artikolu 4a huwa intiż esklużivament għall-garanziji relatati mad-dritt li l-persuna kkonċernata tidher għall-proċess kriminali.

59.

Fit-tieni lok, il-fatt li l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas għandu bħala l-uniku għan il-proċedura ġudizzjarja li tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kundanna kriminali huwa kkonfermat mix-xogħol preparatorju. Fil-fatt, il-formulazzjoni oriġinali ta’ din id-dispożizzjoni, bħalma jirriżulta mill-Inizjattiva tal-Istati Membri li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, kienet tirreferi għat-terminu wiesa’ “proċediment”, li finalment ġie ppreferut dak, iktar preċiż, ta’ “proċess” ( 49 ).

60.

Għalhekk, il-fatt li ma ġietx estiża fil-kuntest ta’ proċedura sussegwenti għall-proċess, bħal proċedura ta’ revoka ta’ deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena, ma jrendix is-sentenza eżekuttiva mogħtija fil-proċess kriminali sentenza in absentia jew, fil-kontumaċja, fis-sens tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas.

3.  Interpretazzjoni teleoloġika

61.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika, l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għanijiet ġenerali tagħha kif ukoll ta’ dawk tad-Deċiżjoni Qafas 2009/229.

62.

L-għan tal-emendi introdotti mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299 kien doppju. Dan kien jirrigwarda t-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali tal-persuni li jkunu s-suġġett ta’ proċedura kriminali filwaqt li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, b’mod partikolari bit-titjib tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji ( 50 ).

63.

Fir-rigward tal-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, mill-premessa 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried itemm is-sitwazzjoni prevista mill-Artikolu 5 tal-verżjoni inizjali tad-Deċiżjoni Qafas li skontu hija l-awtorità ta’ eżekuzzjoni li għandha tevalwa jekk l-assigurazzjonijiet mogħtija dwar il-possibbiltà li jintalab il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ġudizzjarja kinux suffiċjenti ( 51 ).

64.

Il-bilanċ bejn dan l-għan u dak tat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali tal-persuni huwa ggarantit, b’mod partikolari, bl-applikazzjoni tar-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 4a fir-rigward tal-uniċi elementi li huma essenzjali għall-proċess kriminali bħala tali, jiġifieri l-ħtija u l-piena. Huwa fil-konfront ta’ dawn l-elementi li tapplika l-protezzjoni miżjuda fil-każ ta’ kundanni mogħtija fil-kontumaċja.

65.

Interpretazzjoni estensiva ta’ dawn ir-rekwiżiti lil hinn mill-proċess kriminali proprju, fis-sens tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas, tirriskja li tibdel dan il-bilanċ delikat imfittex mid-Deċiżjoni Qafas fl-intier tagħha, kif ukoll mill-emendi tal-2009. Fil-fatt, tali approċċ jirriskja li jissuġġetta għall-eżami tal-qrati ta’ eżekuzzjoni l-elementi ta’ proċedura sekondarji kollha marbuta mal-proċess kriminali, inkluż meta dawn l-elementi joħorġu wara s-sentenza finali, jew qabel il-bidu tal-proċess proprju.

66.

Bħalma tinnota l-qorti tar-rinviju, huwa ċertament possibbli li jiġi sostnut li deċiżjoni ta’ revoka tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kumplament ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà għandha konsegwenzi importanti għall-persuna kkonċernata. Madankollu, minn perspettiva prattika, is-suġġettar tal-konsenja għad-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-proċedura li twassal għal deċiżjonijiet ta’ revoka bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkollu l-effett li jxekkel il-funzjonament tas-sistema tad-Deċiżjoni Qafas fil-każijiet kollha fejn persuna kkundannata li ma tkunx għadha fit-territorju tal-Istat Membru tal-kundanna (u ma tkunx informat lill-awtoritajiet bil-bidla tad-domiċilju tagħha) ma tosservax il-miżuri ta’ probation.

67.

Minbarra dan, jista’ jiġi nnotat għal kull fini utli li d-dritt tal-Unjoni jipprevedi mezz speċifiku biex tiġi żgurata l-possibbiltà għall-persuni suġġetti għal miżuri ta’ probation li jiċċaqilqu fi Stati Membri oħra filwaqt li josservaw dawn il-miżuri ( 52 ).

C.  Il-proċedura ta’ revoka ta’ deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni

68.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas, huwa intiż għall-proċess (fl-ewwel istanza jew fl-appell) li wassal għas-sentenza eżekuttiva li tiddeċiedi dwar il-kundanna (ħtija u piena), fejn din is-sentenza tikkostitwixxi l-bażi tal-piena li ċċaħħad il-libertà li l-eżekuzzjoni tagħha hija intiża mill-MAE. Tali interpretazzjoni twassal għall-konklużjoni li l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas ma huwiex applikabbli għal proċedura sussegwenti għall-proċess li jwassal għal deċiżjoni finali dwar il-kundanna meta tali proċedura ma tistax taffettwa d-determinazzjoni tal-ħtija u tal-livell tal-piena.

69.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidher li r-revoka ta’ deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kumplament tal-pieni li jċaħħdu l-libertà, bħalma hija ppreżentata mill-qorti tar-rinviju u spjegata mill-Gvern Ġermaniż, ma hijiex għalhekk koperta mill-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas.

70.

L-ewwel nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjonijiet ta’ revoka inkwistjoni ma bidlux il-quantum tal-pieni imposti mis-sentenzi finali li jikkostitwixxu l-bażi tal-MAE inkwistjoni. Fil-fatt, l-unika sentenza eżekuttiva fuq il-bażi tal-MAE tibqa’ s-sentenza ta’ kundanna. Id-deċiżjonijiet ta’ revoka ma jimplikawx deċiżjoni ġdida dwar il-mertu li tista’ tikkostitwixxi l-bażi tal-MAE. Id-deċiżjonijiet ta’ revoka ma jistgħux jitqiesu indipendentement mis-sentenzi li fihom l-elementi li jikkonċernaw il-ħtija u l-piena deċiżi b’mod finali, u li l-eżekuzzjoni tagħhom tkun għadha pendenti ( 53 ).

71.

It-tieni nett, id-deċiżjonijiet ta’ revoka jattivaw mill-ġdid il-pieni li ġew stabbiliti b’mod finali fil-mument tal-kundanna, anki jekk dawn ikunu ġew sussegwentement sospiżi taħt kundizzjonijiet. Għalhekk, sar kalkolu artimetiku tal-jiem li għad iridu jiġi skontati b’rabta mat-tul tal-piena diġà skontata. Is-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti f’dan ir-rigward ma hijiex relatata mal-elementi tal-kundanna li huma l-ħtija u l-piena.

72.

It-tielet nett, is-suġġett ta’ tali proċedura ta’ revoka huwa differenti mill-proċess kriminali li rriżulta fis-sentenza dwar il-ħtija u l-piena. Il-proċedura ta’ revoka u l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-qorti f’dan il-kuntest speċifiku jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni kif ukoll tar-rilevanza tal-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet supplimentari oħra. Dawn ma jaffettwawx il-ħtija u l-piena deċiżi b’mod finali fil-proċess kriminali ( 54 ).

D.  Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali lil hinn mill-Artikolu 4a

73.

Il-fatt li, bħala proċeduri sussegwenti għall-proċess kriminali fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas, il-proċeduri ta’ revoka inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a tagħha, ma jwassalx madankollu għall-assenza ta’ garanziji proċedurali f’dan l-istadju.

74.

Għalkemm is-sistema tad-Deċiżjoni Qafas hija bbażata fuq il-fiduċja reċiproka, sar dejjem iktar evidenti li din ma tirrigwardax fiduċja għamja. Il-fiduċja li jibbaża fuqha l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku hija bbażata fuq kostruzzjoni solida bbażata fuq standards ekwivalenti u responsabbiltajiet kondiviżi.

75.

F’dan il-kuntest, u b’mod iktar partikolari fil-kawżi miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-diskussjoni tiffoka fuq ir-rwol tal-qorti ta’ eżekuzzjoni, u b’mod partikolari fuq il-possibbiltajiet li hija għandha biex tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ MAE fil-konfront tar-riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru emittenti. Madankollu, l-importanza kruċjali tal-obbligi tiegħu ma jistgħux jiġu ssottovalutati.

76.

Minn naħa, il-preżunzjoni ta’ protezzjoni ekwivalenti (iżda mhux identika) li fuqha huwa bbażat il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka hija bbażata fuq bażijiet legali sodi. L-Istati Membri kollha huma parti għall-KEDB u għandhom jiggarantixxu b’mod effettiv l-osservanza tal-garanziji kollha li jirriżultaw minnha, u dan indipendentement mill-fatt li proċedura partikolari tkun marbuta jew le mal-eżekuzzjoni ta’ MAE.

77.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm il-fatt li l-persuna kkonċernata ma tinstemax minn qabel fil-kuntest ta’ proċedura ta’ revoka ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà ma huwiex raġuni ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-MAE konformement mal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas, dan bl-ebda mod ma jfisser li d-dritt għal smigħ ma għandux jiġi rrispettat. Dan l-obbligu jaqa’, fil-fatt, taħt obbligi marbut mal-Istat Membru emittenti. Huwa fil-kuntest tal-obbligi tiegħu li d-drittijiet fundamentali proċedurali, inkluż id-dritt għal smigħ, għandhom jiġu protetti fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-proċeduri u tar-rimedji interni.

78.

Ir-rwol ta’ protagonist tal-Istat Membru emittenti fil-qasam tad-drittijiet proċedurali huwa enfasizzat, fi ħdan is-sistema tal-MAE, mill-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, li skontu din id-Deċiżjoni Qafas “m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif proklamati fl-Artikolu 6 tat-Trattat, inkluż id-dritt ta’ difiza ta’ persuni soġġetti għal proċedimenti kriminali, u kwalunkwe obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward m’għandux jiġi milqut”. Din id-dispożizzjoni, li għandha portata ekwivalenti għall-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas, hija intiża għall-obbligi imposti kemm fuq l-Istat Membru emittenti kif ukoll fuq l-Istat Membri ta’ eżekuzzjoni ( 55 ). Għalhekk, għalkemm id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma jimplikawx li kull riskju ta’ ksur ta’ dritt fundamentali għandu jwassal għal rifjut ta’ eżekuzzjoni, dawn madankollu jiżguraw li jiggarantixxu li l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ma jkunx affettwat mill-fatt li l-persuna kkonċernata kienet is-suġġett ta’ MAE.

79.

Huwa għalhekk li d-dritt Ġermaniż, kif spjegat mill-Gvern Ġermaniż, jiggarantixxi d-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-proċedura ta’ revoka inkwistjoni, inkluż wara l-konsenja, meta l-parti kkonċernata ma tkunx instemgħet matul din il-proċedura.

80.

Min-naħa l-oħra, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, għalkemm il-fiduċja reċiproka timplika li l-Istati Membri jistgħu jkunu obbligati jippreżumu r-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri l-oħra ( 56 ), din ma tikkostitwixxix preżunzjoni inkontestabbli. Id-Deċiżjoni Qafas tidħol fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni bħala Unjoni ta’ dritt li tirrispetta d-drittijiet fundamentali fejn il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-kawżi Aranyosi u Căldăraru, tikkostitwixxi l-pedament ( 57 ). Din il-ġurisprudenza tirrikonoxxi l-obbligu għall-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li tipposponi d-deċiżjoni dwar il-konsenja – anki li ttemm il-proċedura ta’ konsenja – wara evalwazzjoni konkreta u preċiża tar-raġunijiet serji u pprovati li jindikaw riskju reali ta’ ksur serju tad-drittijiet fundamentali ( 58 ). Madankollu, fid-dawl tal-kuntest fattwali u leġiżlattiv ta’ din il-kawża, tali sitwazzjoni hija hawnhekk purament ipotetika ( 59 ).

81.

Bħala konklużjoni, huwa indispensabbli li titfakkar l-importanza tal-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni u l-awtoritajiet emittenti, kif previst fl-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas. Bħalma enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet, din id-dispożizzjoni, li tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni titlob informazzjoni addizzjonali, tikkostitwixxi element essenzjali tal-kooperazzjoni ġudizzjarja li tinsab fil-bażi tas-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku ( 60 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija mistennija tikseb għarfien permezz tal-mezzi offruti minn din id-dispożizzjoni qabel ma tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ MAE ( 61 ).

VI. Konklużjoni

82.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) bil-mod li ġej:

Il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jinkludix proċedura ta’ revoka ta’ deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà, minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet tas-sospensjoni, sa fejn tali revoka ma taffettwax id-deċiżjoni dwar il-ħtija jew dwar il-piena li tikkostitwixxi l-bażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34) kif emendata mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).

( 3 ) Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950.

( 4 ) Deċiżjoni Qafas tas‑26 ta’ Frar 2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża (ĠU 2009, L 81, p. 24).

( 5 ) Dan jirrigwarda, f’konformità mad-dritt Ġermaniż, il-miżura msejħa “Aussetzung des Strafrestes bei zeitiger Freiheitsstrafe” (sospensjoni tal-kumplament tal-piena fil-każ ta’ priġunerija). Din il-miżura timplika r-rilaxx b’libertà kkundizzjonata meta parti mill-piena li ċċaħħad il-libertà tkun diġà ġiet skontata. Ara, ukoll, il-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 6 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 85).

( 7 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punti 81, 9098).

( 8 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C-271/17 PPU, EU:C:2017:629, punti 9096).

( 9 ) Qorti EDB, 3 ta’ April 2012, Boulois vs Il‑Lussemburgu, CE:ECHR:2012:0403JUD003757504, punt 87.

( 10 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 85).

( 11 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 85).

( 12 ) “Aussetzung des Strafrestes bei zeitiger Freiheitsstrafe”.

( 13 ) L-Artikolu 57(1) tas-StGB.

( 14 ) L-Artikolu 57(2) tas-StGB.

( 15 ) L-Artikolu 56f(1) tas-StGB.

( 16 ) L-Artikolu 56f(2) tas-StGB.

( 17 ) Ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 453(1) tas-StPO.

( 18 ) It-tielet sentenza tal-Artikolu 453(2) tas-StPO u l-Artikolu 311(2) tas-StPO.

( 19 ) L-Artikolu 40(1) u l-Artikolu 37(1) u (2) tas-StPO u l-Artikoli 186 u 188 taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

( 20 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 87).

( 21 ) Dawn il-garanziji jkopru “l-proċedura inkwistjoni sħiħa, inklużi r-rimedji u d-determinazzjoni tal-piena” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 28 ta’ Novembru 2013, Aleksandr Dementyev vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2013:1128JUD004309505, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Qorti EDB, 3 ta’ April 2012, Boulois vs Il‑Lussemburgu (CE:ECHR:2012:0403JUD003757504, punt 87).

( 23 ) Qorti EDB, 3 ta’ April 2012, Boulois vs Il‑Lussemburgu (CE:ECHR:2012:0403JUD003757504) punt 85, u Qorti EDB, 17 ta’ Settembru 2009, Enea vs L‑Italja (CE:ECHR:2009:0917JUD007491201, punt 97).

( 24 ) Qorti EDB, 3 ta’ April 2012, Boulois vs Il‑Lussemburgu (CE:ECHR:2012:0403JUD003757504, punt 104).

( 25 ) Qorti EDB, 13 ta’ Mejju 2003, Montcornet de Caumont vs Franza (CE:ECHR:2003:0513DEC005929000).

( 26 ) Kummissjoni EDB, 7 ta’ Mejju 1990, A. vs L‑Awstrija (CE:ECHR:1990:0507DEC001626690, punt 2 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Qorti EDB, Neumeister vs L‑Awstrija, 27 ta’ Ġunju 1968 (CE:ECHR:1968:0627JUD000193663, punti 22 u 23).

( 28 ) Qorti EDB 6 ta’ Ġunju 2006, Szabó vs L‑Isvezja (CE:ECHR:2006:0627DEC002857803).

( 29 ) Kummissjoni EDB, 5 ta’ Ottubru 1967, X vs the Federal Republic of Germany (CE:ECHR:1967:1005DEC000242865).

( 30 ) Qorti EDB, 29 ta’ Novembru 2005, Uttley vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2005:1129DEC003694603); Qorti EDB, 10 ta’ Lulju 2003, Grava vs L‑Italja (CE:ECHR:2003:0710JUD004352298, punt 51); Qorti EDB, 23 ta’ Ottubru 2012, Ciok vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2012:1023DEC000049810, punt 33); Qorti EDB, 12 ta’ Frar 2008, Kafkaris vs Ċipru (CE:ECHR:2008:0212JUD002190604, punt 142 et seq). B’mod partikolari, fir-rigward tal-kundizzjonijiet differenti fl-Istati Membri għal rilaxx kundizzjonali applikabbli fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas, Qorti EDB, 23 ta’ Ottubru 2012, Giza vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2012:1023DEC000199711, punti 31 sa 33).

( 31 ) Ara Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja (CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, punt 85 et seq), li tiċċita, b’mod partikolari, Qorti EDB, 12 ta’ Frar 2008, Kafkaris vs Ċipru (CE:ECHR:2008:0212JUD002190604, punt 142).

( 32 ) Qorti EDB, 1 ta’ April 2010, Buijen vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2010:0401JUD002780405, punt 42, dwar it-trasferiment ta’ persuni kkundannati). Ara, wkoll, Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2009, Gurguchiani vs Spanja (CE:ECHR:2009:1215JUD001601206, punti 40, 47 u 48, dwar is-sostituzzjoni ta’ piena ta’ ħabs bit-tkeċċija mit-territorju tal-Istat). Bl-istess mod, il-Qorti EDB qieset applikabbli l-Artikolu 6(1) KEDB għall-proċeduri imposti minħabba ksur imwettaq matul l-eżekuzzjoni tal-piena u li rriżulta f’estensjoni tat-tul tal-arrest (Qorti EDB, 9 ta’ Ottubru 2003, Ezeh u Connors vs Ir‑Renju Unit, CE:ECHR:2003:1009JUD003966598).

( 33 ) Skont liema “[f]id-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u ta’ l-obbligi tiegħu […], kulħadd huwa intitolat għal smigħ […] minn tribunal […]”.

( 34 ) Qorti EDB, 3 ta’ April 2012, Boulois vs Il‑Lussemburgu (CE:ECHR:2012:0403JUD003757504, punti 89 u 101).

( 35 ) Il-Qorti EDB enfasizzat li dan id-dritt jirriżulta mis-suġġett u mill-għan tal-Artikolu 6 meħud fl-intier tiegħu, filwaqt li rreferiet għall-punti (ċ), (d) u (e) tal-paragrafu 3, li jirrikonoxxu lil “kull min ikun akkużat” id-dritt li “jiddefendi ruħu personalment”, li “jeżamina jew li jara li jiġu eżaminati xhieda” u li “jkollu assistenza b’xejn ta’ interpretu jekk ma jkunx jifhem jew jitkellem il-lingwa użata fil-qorti”, “li ftit li xejn ikun jista’ jinftiehem mingħajr il-preżenza tiegħu” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali]. Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 12 ta’ Frar 1985, Colozza vs L‑Italja (CE:ECHR:1985:0212JUD000902480, punt 27); Qorti EDB, 1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L‑Italja (CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punti 81 et seq).

( 36 ) Ara Qorti EDB, 14 ta’ Marzu 2014, Dilipak u Karakaya vs It‑Turkija (CE:ECHR:2014:0304JUD000794205, punti 76-80), kif ukoll Qorti EDB, 8 ta’ Ottubru 2015, Aždajić vs Is‑Slovenja (CE:ECHR:2015:1008JUD007187212, punt 50).

( 37 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punti 6667).

( 38 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 69).

( 39 ) Għaldaqstant, dawn il-garanziji ma jkunux applikabbli fil-kuntest ta’ MAE maħruġ bl-għan ta’ prosekuzzjonijiet kriminali. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2013, Radu (C‑396/11, EU:C:2013:39, punti 3940).

( 40 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punti 7172).

( 41 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 74).

( 42 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 78, li tirreferi għas-sentenza tal-Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja, CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, punt 123).

( 43 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 96).

( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punti 8789) kif ukoll is-sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 98).

( 45 ) L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299.

( 46 ) Il-premessa 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299.

( 47 ) Dan jirriżulta wkoll mit-titolu tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 “li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru [Qafas] […] u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża”.

( 48 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Dworzecki (C‑108/16 PPU, EU:C:2016:333, punt 69 et seq u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata).

( 49 ) It-termini “proceedings” (l-Ingliż), “procédure” (il-Franċiż), “proceso” (l-Ispanjol), “Verfahren” (il-Ġermaniż) u “procedimento” (it-Taljan) […] jidhru fit-test tal-Inizjattiva tar-Repubblika tas-Slovenja, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Ċeka, tar-Renju ta’ l-Iżveżja, tar-Repubblika Slovakka, tar-Renju Unit u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/…/ĠAI ta’ dwar l-infurzar ta’ deċiżjonijiet mogħtija in absentia u li temenda d-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, id-Deċiżjoni Kwadru 2005/214/ĠAI dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji, id-Deċiżjoni Kwadru 2006/783/ĠAI dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ konfiska u d-Deċiżjoni Kwadru 2008/…/ĠAI dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu sentenzi jew miżuri ta’ kustodja li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà għall-finijiet ta’ l-eżekuzzjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008 C 52, p. 1). Wara r-reazzjonijiet tal-Istati Membri (ara d-dokument tal-Kunsill 6501/08, nota 21), din it-terminoloġija ġiet issostitwita minn kunċett evidentement iktar strett (rispettivament mit-termini “trial”, “procès”, “juicio”, “Verhandlung”, “proceso”, etc.) li jidhru fit-test tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299.

( 50 ) Il-premessa 15 u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 51 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 41).

( 52 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi (ĠU 2008, L 337, p. 102), b’mod partikolari l-premessa 14 u l-Artikolu 5(2) tagħha.

( 53 ) Ara, fil-kuntest differenti tal-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Kretzinger (C‑288/05, EU:C:2007:441, punt 42), li skontha, “piena sospiża ta’ priġunerija […] għandha titqies li hija ‘fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata’ malli l-kundanna tkun saret eżegwibbli u matul il-perijodu ta’ sospensjoni […]”.

( 54 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:612, punti 53, 6768).

( 55 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 53), u tat‑30 ta’ Mejju 2013, F (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 40).

( 56 ) Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13, tat‑18 ta’ Diċembru 2014, (EU:C:2014:2454, punt 191).

( 57 ) Sentenza tal‑5 ta’ April 2016 (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198). Ara, b’analoġija, fil-kuntest tad-dritt għal ażil, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865) u iktar reċentement is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127).

( 58 ) Tali possibbiltà għalissa ġiet irrikonoxxuta biss fir-rigward tad-dritt (ta’ natura assoluta) stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Karta. Ara, ukoll, Qorti EDB 23 ta’ Mejju 2016, Avotiņš vs Il‑Latvja (CE:ECHR:2016:0523JUD001750207, punt 116). Fuq il-kwistjoni tal-applikazzjoni ta’ tali approċċ għad-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 6 KEDB, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Radu (C‑396/11, EU:C:2012:648).

( 59 ) Għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-Artikolu 6(1) KEDB, il-Qorti EDB “ma teskludix li b’mod eċċezzjonali tista’ titqajjem kwistjoni taħt l-Artikolu 6 […] b’deċiżjoni ta’ estradizzjoni f’ċirkustanzi fejn il-persuna maħruba tkun sofriet jew qed tirriskja li ssofri ċaħda flagranti ta’ proċess imparzjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (7 ta’ Lulju 1989, Soering vs Ir‑Renju Unit, CE:ECHR:1989:0707JUD001403888, punt 113) (enfasi miżjuda minni). Il-Qorti EDB ikkonfermat dan l-approċċ fil-konfront tad-Deċiżjoni Qafas fid-deċiżjoni tagħha tal‑4 ta’ Mejju 2010, Stapleton vs L‑Irlanda (CE:ECHR:2010:0504DEC005658807 punt 25), u qieset il-fatt li, f’dan il-kuntest, l-Istat Membru emittenti ħa l-impenn li josserva l-obbligi tal-Artikolu 6 tal-KEDB.

( 60 ) Sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 95-98); tal‑24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 53); tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob‑Dogi (C‑241/15, EU:C:2016:385, punti 65-66), u tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 91).

( 61 ) Għal iktar dettall, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:612, punti 88 sa 113).

Top