Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0563

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fil-21 ta’ Novembru 2018.
    Associação Peço a Palavra et vs Conselho de Ministros.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Regolament (KE) Nru 1008/2008 – Kumpannija ta’ trasport bl-ajru – Proċedura ta’ riprivatizzazzjoni – Bejgħ ta’ ishma rappreżentattivi li jammontaw għal-61 % tal-kapital azzjonarju – Kundizzjonijiet – Obbligu ta’ żamma tas-sede u tal-amministrazzjoni effettiva fi Stat Membru – Obbligi ta’ servizz pubbliku – Obbligu ta’ żamma u ta’ żvilupp ta’ ċentru operattiv (hub) nazzjonali eżistenti.
    Kawża C-563/17.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:937

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

    ippreżentati fil‑21 ta’ Novembru 2018 ( 1 )

    Kawża C‑563/17

    Associação Peço a Palavra,

    João Carlos Constantino Pereira Osório,

    Maria Clara Marques Pires Sarmento Franco,

    Sofia da Silva Santos Arauz,

    Maria João Galhardas Fitas

    vs

    Conselho de Ministros,

    bl-intervent ta’:

    PARPÚBLICA — Participações Públicas, SGPS, SA,

    TAP, SGPS, SA

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall))

    “Domanda preliminari — Libertà ta’ stabbiliment — Kumpannija ta’ trasport bl-ajru — Proċedura ta’ riprivatizzazzjoni — Kundizzjonijiet — Obbligu ta’ żamma tas-sede u tal-amministrazzjoni effettiva — Obbligi ta’ servizz pubbliku — Obbligu ta’ żamma tal-hub nazzjonali”

    1. 

    Is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, (il-Portugall)) tqajjem ċerti dubji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ ċerti rekwiżiti li jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-proċedura ta’ privatizzazzjoni tal-kumpannija “TAP Transportes Aéreos Portugueses, S.A.” (iktar ’il quddiem “TAP SA”), li twettqet fis-sena 2015.

    2. 

    B’mod konkret, dawn ir-rekwiżiti jirrigwardaw l-obbligu li s-sede u l-amministrazzjoni effettiva tal-kumpannija jinżammu fil-Portugall, il-kapaċità li jiġu ssodisfatti l-obbligi ta’ servizz pubbliku; kif ukoll l-impenn li jinżamm u jiġi żviluppat il-hub nazzjonali.

    3. 

    Sabiex jissolvew id-dubji tal-qorti tar-rinviju għandu jiġi ċċarat, qabel kollox, jekk f’din il-kawża tapplikax id-Direttiva 2006/123/KE ( 2 ) jew ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 ( 3 ). Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk il-libertà eventwalment affettwata hijiex dik ta’ stabbiliment, dik ta’ servizzi jew dik ta’ kapital u, fi kwalunkwe każ, jekk ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt humiex konformi magħha jew le.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    1. Id-Direttiva 2006/123

    4.

    Konformement mal-premessa 21, “[s]ervizzi ta’ trasport, inkluż trasport urban, taxis u ambulanzi kif ukoll servizzi fil-portijiet, għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.”

    5.

    Skont l-Artikolu 1(2), “[id-direttiva] ma tkoprix il-liberalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, riżervata għall-entitajiet pubbliċi jew privati, lanqas mil-privatizzazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi.”

    6.

    Fid-dawl tal-Artikolu 2(2)(d) tagħha, id-direttiva ma tapplikax “[għas-]servizzi fil-qasam tat-trasport inklużi servizzi tal-port, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V tat-Trattat”.

    7.

    Il-Kapitolu IV, “Moviment liberu ta’ servizzi”, jinkludi fit-Taqsima 1 tiegħu (“Libertà Tal-provvista ta’ servizzi u derogi relatati”), dispożizzjonijiet li, minn naħa, jiżguraw id-dritt lill-fornituri ta’ servizzi sabiex jipprovdu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti (Artikolu 16) u, min-naħa l-oħra, isemmu ċerti eċċezzjonijiet għal dan id-dritt (Artikolu 17).

    2. Ir-Regolament Nru 1008/2008

    8.

    Il-premessi 10 sa 12 jipprovdu li:

    “(10)

    Sabiex jiġi komplut is-suq intern ta’ l-avjazzjoni, għandhom jitneħħew ir-restrizzjonijiet li għadhom jeżistu u li huma applikati bejn l-Istati Membri, bħar-restrizzjonijiet dwar il-code-sharing fuq rotot lejn pajjiżi terzi jew dwar l-iffissar tal-prezzijiet fuq rotot lejn pajjiżi terzi b’waqfa intermedja fi Stat Membru ieħor […].

    (11)

    Sabiex jittieħed kont tal-karatteristiċi speċjali u r-restrizzjonijiet tar-reġjuni l-aktar ‘il bogħod, b’mod partikolari d-distanza, l-insularità u d-daqs żgħir tagħhom, u tal-ħtieġa li jsir kollegament adegwat bejnhom u r-reġjuni ċentrali tal-Komunità, jistgħu jkunu ġustifikati arranġamenti speċjali fir-rigward tar-regoli dwar il-perijodi ta’ validità tal-kuntratti għall-obbligi tas-servizz pubbliku li jkopru rotot għal tali reġjuni.

    (12)

    Il-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu imposti l-obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom jiġu ddefiniti b’mod ċar u inekwivoku, filwaqt li l-proċeduri assoċjati tat-tfigħ ta’ l-offerti għandhom jippermettu li numru biżżejjed ta’ kompetituri jkunu jistgħu jieħdu sehem fit-tfigħ ta’ l-offerti. Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tikseb informazzjoni kemm ikun meħtieġ sabiex tkun tista’ tistħarreġ il-ġustifikazzjonijiet ekonomiċi għall-obbligi tas-servizz pubbliku għal każi individwali.”

    9.

    L-Artikolu 2 jipprovdi d-definizzjonijiet li ġejjin:

    “1)

    ‘liċenzja operattiva’ tfisser awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji lil xi impriża, li jippermettilha li tipprovdi servizzi ta’ l-ajru kif indikat fil-liċenzja operattiva;

    […]

    8)

    ‘ċertifikat ta’ operatur ta’ l-ajru (ĊOA)’ tfisser ċertifikat mogħti lil impriża li jikkonferma li l-operatur għandu l-abbiltà professjonali u organizzattiva biex jiżgura s-sikurezza ta’ operazzjonijiet speċifikati fiċ-ċertifikat, kif previst fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Komunitarja jew tal-liġi nazzjonali, skond kif applikabli;

    9)

    ‘kontroll effettiv’ tfisser relazzjoni kostitwita permezz ta’ jeddijiet, kuntratti jew kull mezz ieħor li, jew separatament jew konġuntament u b’kont meħud tal-konsiderazzjonijiet ta’ fatt jew liġi involuta, jagħtu l-possibbiltà li direttament jew indirettament tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq xi impriża, b’mod partikolari permezz ta’:

    (a)

    id-dritt li jintużaw l-assi kollha jew parti minnhom ta’ impriża;

    (b)

    jeddijiet jew kuntratti li jagħtu influwenza deċiżiva fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-korpi ta’ xi impriża jew b’xi mod ieħor jinfluwenzaw b’mod deċiżiv it-tmexxija ta’ l-operat kummerċjali ta’ l-impriża.

    10)

    ‘trasportatur ta’ l-ajru’ tfisser impriża b’liċenzja operattiva valida jew l-ekwivalenti;

    11)

    ‘trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju’ tfisser trasportatur ta’ l-ajru li jkollu liċenzja operattiva valida maħruġa minn awtorità kompetenti tal-liċenzji skond il-Kapitolu II;

    […]

    14)

    ‘dritt tat-traffiku’ tfisser id-dritt ta’ operazzjoni ta’ servizz ta’ l-ajru bejn żewġ ajruporti Komunitarji;

    […]

    26)

    ‘post prinċipali tan-negozju’ tfisser l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju reġistrat ta’ trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju fl-Istat Membru li fih jiġu eżerċitat l-funzjonijiet finanzjarji prinċipali u l-kontroll operattiv, inkluża l-ġestjoni kontinwa ta’ airworthiness, tat-trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju.”

    10.

    L-Artikolu 4 jipprovdi li:

    “Impriża għandha tingħata liċenzja operattiva minn awtorità kompetenti tal-liċenzji ta’ Stat Membru sakemm:

    (a)

    is-sede ewlenija tan-negozju tagħha tkun f’dak l-Istat Membru;

    (b)

    ikollha ĊOA validu maħruġ minn awtorità nazzjonali ta’ l-istess Stat Membru li l-awtorità kompetenti tal-liċenzji tiegħu tkun responsabbli mill-għoti, ċħid, revoka jew sospensjoni tal-liċenzja operattiva tat-trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju;

    […]

    (f)

    Stati Membri u/jew ċittadini ta’ Stati Membri ikollhom id-dritt ta’ proprjetà fuq aktar minn 50 % ta’ l-impriża u effettivament jikkontrollawha, sew direttament jew indirettament permezz ta’ impriza intermedja waħda jew aktar, ħlief kif previst fi ftehim ma’ pajjiż terz li għalih il-Komunità tkun parti,

    […]”

    11.

    L-Artikolu 8 jistabbilixxi li:

    “1.   Liċenzja operattiva għandha tkun valida sakemm it-trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu.

    Trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju għandu f’kull ħin ikun kapaċi li juri lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji li huwa jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ dan il-Kapitolu.

    […]

    5.   Trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji:

    […]

    (b)

    qabel kwalunkwe merger jew akkwiżizzjoni maħsuba; […]

    […]

    7.   Għar-rigward ta’ trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji liċenzjati minnha, l-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha tiddeċiedi jekk il-liċenzja operattiva għandhiex tiġi ppreżentata mill-ġdid għall-approvazzjoni f’każ ta’ bidla f’element wieħed jew iżjed li jinċidu fuq is-sitwazzjoni legali ta’ trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju u, b’mod partikolari, fil-każ ta’ merger jew akkwiżizzjoni.

    […]”

    12.

    L-Artikolu 15 jistipula li:

    “1.   It-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji għandhom ikunu intitolati joperaw servizzi ta’ l-arju intra-Komunitarji.

    2.   L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw l-operat ta’ servizzi ta’ l-arju intra-Komunitarji minn trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju għal permess jew awtorizzazzjoni. L-Istati Membri m’għandhomx jesiġu li trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji jipprovdu dokumenti jew informazzjoni li jkunu diġa pprovdew lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji, sakemm l-informazzjoni rilevanti tista’ tinkiseb mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji fiż-żmien dovut.

    […]

    4.   Meta jkun qed jopera servizzi ta’ l-ajru intra-Komunitarji, it-trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju għandu jitħalla jikkombina s-servizzi ta’ l-ajru u jidħol f’arranġamenti ta’ code-sharing, bla ħsara għar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji applikabbli għall-impriżi.

    Kull restrizzjoni fuq il-libertà tat-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru intra-Komunitarji li joħorġu minn kwalunkwe ftehim bilaterali bejn l-Istati Membri hija b’dan imħassra.

    5.   Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ kull ftehim bilaterali bejn l-Istati Membri, u suġġett għar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi, it-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji għandhom jitħallew mill-Istati Membri konċernati jikkombinaw servizzi ta’ l-ajru u jidħlu f’arranġamenti ta’ code-sharing ma kwalunkwe trasportatur ta’ l-ajru fuq servizzi ta’ l-ajru lejn, minn jew via kwalunkwe ajruport fuq it-territorju tagħhom minn jew lejn kwalunkwe punt f’pajjiżi terzi.

    […]”

    13.

    Skont l-Artikolu 16:

    “1.   Stat Membru, wara konsultazzjonijiet ma’ l-Istati Membri l-oħra konċernati u wara li jkun informa lill-Kummissjoni, lill-ajruporti konċernati u lit-trasportaturi ta’ l-ajru li joperaw fuq ir-rotta, jista’ jimponi obbligu ta’ servizz pubbliku fir-rigward ta’ servizzi ta’ l-ajru skedati bejn ajruport fil-Komunità u ajruport li jservi reġjun periferiku jew ta’ żvilupp fit-territorju tiegħu jew fuq rotta b’densità ta’ traffiku baxxa lejn kwalunkwe ajruport fit-territorju tiegħu meta dik ir-rotta tkun meqjusa vitali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun li l-ajruport iservi. Dik l-obligazzjoni tista’ biss tiġi imposta sal-limitu meħtieġ biex ikun żgurat fuq dik ir-rotta l-għoti minimu ta’ servizzi ta’ l-ajru skedati li jkunu jissodisfaw l-istandards stabbiliti ta’ kontinwità, regolarità, prezz jew kapaċità minima, li t-trasportaturi ta’ l-ajru ma jassumux kieku jqisu biss l-interess kummerċjali tagħhom.

    L-istandards fissi imposti fuq ir-rotta suġġetta għal dak l-obbligu ta’ servizz pubbliku għandhom jiġu stabbiliti b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju.

    […]

    4.   Meta Stat Membru jkun jixtieq jimponi obbligu ta’ servizz pubbliku, għandu jikkomunika t-test ta’ l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku li tkun qed tiġi kkunsidrata lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri l-oħra konċernati, lill-ajruporti konċernati u lit-trasportaturi ta’ l-ajru li joperaw ir-rotta in kwistjoni.

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż ta’ informazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea:

    (a)

    li jidentifika ż-żewġ ajruporti konnessi mir-rotta konċernata u punt(i) ta’ waqfien intermedji possibbli,

    (b)

    isemmi d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ l-obbligu ta’ servizz pubbliku; u

    (ċ)

    jindika l-indirizz komplut fejn it-test u kull informazzjoni rilevanti u/jew dokumentazzjoni marbuta ma’ l-obbligu ta’ servizz pubbliku għandha tkun disponibbli mingħajr dewmien u bla ħlas mill-Istat Membru konċernat.

    […]”

    B.   Id-dritt nazzjonali

    14.

    Permezz tad-Digriet Liġi Nru 181/‑A/2014 tal‑24 ta’ Diċembru 2014 ( 4 ), il-Gvern Portugiż approva l-proċess ta’ riprivatizzazzjoni indiretta tal-kapital azzjonarju ta’ TAP SA), permezz ta’ bejgħ dirett ta’ riferiment li jilħaq sal‑61 % tal-ishma rappreżentattivi tal-kapital azzjonarju ta’ TAP — Transportes Aéreos Portugueses, SGPS, SA (iktar ’il quddiem it-“TAP SGPS”) u ta’ offerta ta’ bejgħ indirizzata lill-ħaddiema tagħha li tilħaq sal‑5 % tal-kapital azzjonarju ta’ TAP SGPS. Barra minn hekk, ġiet inkluża għażla ta’ bejgħ favur l-Istat, li jista’ kemm jittrasferixxi l-kapital li jifdal ta’ TAP SGPS lix-xerrej fil-bejgħ dirett ta’ riferiment, kif ukoll jilħaq ftehim miegħu dwar għażla ta’ xiri, fit-termini tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-operazzjoni.

    15.

    Bid-Deċiżjoni Nru 4‑A/2015 tal‑15 ta’ Jannar 2015 ( 5 ), il-Kunsill tal-Ministri approva l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-bejgħ dirett ta’ riferiment tal-ishma rappreżentattivi li jilħqu sal‑61 % tal-kapital azzjonarju ta’ TAP SGPS.

    16.

    L-Artikolu 1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jipprovdi li:

    “1.   Dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jirregolaw it-termini u l-kundizzjonijiet tal-bejgħ dirett ta’ riferiment ta’ ishma rappreżentattivi tal-kapital azzjonarju ta’ [TAP SGPS], previst fil-qafas tal-proċess ta’ riprivatizzazzjoni indiretta tal-kapital azzjonarju ta’ [TAP SA].

    2.   Il-bejgħ dirett ta’ riferiment jinkludi t-trasferiment, permezz ta’ negozjar partikolari, ta’ lott jew lottijiet indiviżibbli ta’ ishma rappreżentattivi tal-kapital azzjonarju ta’ [TAP SGPS], lil investitur jew investituri nazzjonali jew barranin, individwalment jew b’mod kollettiv.

    3.   Il-bejgħ dirett ta’ riferiment tal-ishma msemmija fil-punt preċedenti jiġi konkluż ma offerent jew offerenti li jintgħażlu bħala xerrejja tal-ishma suġġetti għall-bejgħ dirett.

    4.   Fil-qasam tal-bejgħ dirett ta’ riferiment, l-ishma li jinxtraw mill-offerent jew mill-offerenti magħżula jiġu ttrasferiti minn PARPÚBLICA — Participações Públicas (SGPS), S.A. (iktar ’il quddiem ‘Parpública’)”.

    17.

    L-Artikolu 5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt isemmi l-“kriterji ta’ selezzjoni” li ġejjin:

    “a)

    Il-kontribut għat-tisħiħ tal-kapaċità ekonomika‑finanzjarja ta’ [TAP SGPS] u ta’ [TAP SA] u tal-istruttura tal-kapital tagħhom, b’mod partikolari, il-kwalità tal-pjan ta’ kapitalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu permezz ta’ assi u riżorsi ġodda fir-rigward tal-offerent, kif ukoll il-kundizzjonijiet marbuta mad-disponibbiltà tagħhom, b’tali mod li jkunu ta’ kontribut għas-sostenibbiltà u għall-valorizzazzjoni tal-kumpanniji u għat-tkabbir tal-attività tagħhom, kif ukoll il-preservazzjoni tal-valur u tal-piż relattiv tal-kapital li jifdal ta’ sjieda tal-Istat u tal-valur tal-għażla ta’ bejgħ.

    b)

    Il-valur ippreżentat għall-akkwist tal-ishma rappreżentattivi tal-kapital azzjonarju ta’ [TAP SGPS] suġġett għall-bejgħ dirett ta’ riferiment, b’mod partikolari, il-prezz għal kull sehem, id-dħul finanzjarju globali, il-kwalità u l-valur tal-metodi u tal-modalitajiet ta’ tisħiħ tal-għażliet ta’ bejgħ u ta’ xiri u, b’mod ġenerali, il-possibbiltà li l-bejgħ dirett isir fit-terminu previst, il-kundizzjonijiet ta’ ħlas u termini oħrajn xierqa sabiex jissalvagwardjaw l-interessi patrimonjali tal-Istat.

    c)

    Il-preżentazzjoni u l-garanzija ta’ implimentazzjoni ta’ proġett strateġiku xieraq u konsistenti, li jieħu inkunsiderazzjoni l-preservazzjoni u l-promozzjoni tat-tkabbir ta’ [TAP SA] u li jiżgura l-kisba tal-għanijiet imfassla mill-Gvern għall-proċess ta’ riprivatizzazzjoni, il-promozzjoni tat-tisħiħ tal-pożizzjoni kompetittiva tagħha bħala operatur ta’ trasport bl-ajru fuq livell globali fis-swieq eżistenti attwalment u fi swieq ġodda, iż-żamma tal-integrità, l-identità professjonali u l-awtonomija tal-Grupp TAP, b’mod partikolari billi tinżamm it-trade mark TAP u l-assoċjazzjoni tagħha mal-Portugall u jiġi żgurat li s-sede u l-amministrazzjoni effettiva tal-Grupp TAP jibqgħu bbażati fil-Portugall, il-kontribut għall-preservazzjoni u għall-iżvilupp tal-kwalitajiet operattivi u kummerċjali tal-Grupp TAP, u l-valorizzazzjoni u l-iżvilupp tar-riżorsi umani tiegħu.

    d)

    Il-kapaċità li jiġi żgurat it-twettiq, f’waqtu u b’mod xieraq, tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li kieku jaqgħu fuq [TAP SA], inkluż dak li jirrigwarda l-konnessjonijiet bl-ajru bejn l-ajruporti nazzjonali ewlenin u tar-reġjuni awtonomi, fejn xieraq, kif ukoll il-kontinwità u t-tisħiħ ta’ rotot li joffru servizzi lir-reġjuni awtonomi, lill-komunitajiet Portugiżi bbażati barra mill-pajjiż u lill-pajjiżi u l-komunitajiet ta’ espressjoni jew lingwa uffiċjali Portugiża.

    e)

    Il-kontribut għat-tkabbir tal-ekonomija nazzjonali, inkluż dak li jirrigwarda ż-żamma u l-iżvilupp tal-hub nazzjonali attwali, bħala pjattaforma ta’ importanza strateġika kruċjali fir-relazzjonijiet bejn l-Ewropa, l-Afrika u l-Amerika Latina.

    f)

    In-nuqqas ta’ impedimenti ġuridiċi jew ekonomiċi‑finanzjarji tal-offerent sabiex isir il-bejgħ dirett ta’ riferiment, b’mod partikolari l-minimizzazzjoni tal-kunflitti ta’ interess bejn l-attivitajiet tal-offerent u dawk tal-Grupp TAP, kif ukoll il-mitigazzjoni tar-riskji għall-interessi patrimonjali tal-Istat u għall-kisba tal-għanijiet relatati mal-kriterji li jinsabu fil-paragrafi preċedenti.

    g)

    L-esperjenza teknika u ta’ ġestjoni rispettiva fil-qasam tal-avjazzjoni, l-adegwatezza u l-kapaċità finanzjarja tagħha, kif ukoll tal-garanziji eventwalment ipprovduti għall-konformità mal-kriterji li jinsabu fil-paragrafi preċedenti.

    h)

    It-teħid ta’ impenji fil-qasam tal-istabbiltà tax-xogħol, b’mod partikolari l-irbit espliċitu, f’termini legali u kostituzzjonali, bil-ftehim bejn il-Gvern, is-sindakati u [TAP SGPS], kif ukoll il-konformità ma’ kull ftehim kollettiv fis-seħħ.

    i)

    Il-kontribut għat-tisħiħ tal-istruttura u tal-istabbiltà tal-azzjonisti ta’ [TAP SGPS] u ta’ [TAP SA], b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni ta’ mudell ta’ tmexxija korporattiv li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika ta’ [TAP SGPS], l-attività mwettqa minn [TAP SA] u l-għanijiet imfassla mill-Gvern għall-proċess ta’ riprivatizzazzjoni.”

    II. Il-fatti

    18.

    L-“Associação Peço a Palavra” u oħrajn ippreżentaw, quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema, rikors kontenzjuż amministrattiv li jirrigwarda n-nullità tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt approvati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri Nru 4‑A/2015 tal‑15 ta’ Jannar 2015.

    19.

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 5(c) ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt imur kontra l-Artikoli 49 u 54 TFUE, minħabba li jeżiġi ż-żamma tas-sede u tal-amministrazzjoni effettiva tal-Grupp TAP. Barra minn hekk, fl-opinjoni tagħhom, l-Artikolu 5(d) u (e) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jikser l-Artikoli 56 u 57 TFUE u l-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 2006/123, billi jimponu bħala rekwiżiti t-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u ż-żamma u l-iżvilupp tal-hub nazzjonali attwali.

    III. Id-domandi magħmula

    20.

    F’dan il-kuntest, il-Qorti Amministrattiva Suprema (il-Portugall) għamlet id-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 49 u 54 TFUE u l-prinċipji li jirriżultaw minnhom, jippermetti li, fil-kuntest ta’ proċedura relatata mal-proċess ta’ reprivatizzazzjoni indiretta tal-kapital azzjonarju ta’ kumpannija pubblika b’kapital azzjonarju u li għandha bħala oġġett l-attività tat-trasport bl-ajru, jiġi inkluż, fid-dokumenti li jirrigwardaw din il-proċedura, ir-rekwiżit ta’ żamma tas-sede u tal-amministrazzjoni effettiva ta’ din il-kumpannija fl-Istat Membru fejn tkun ġiet ikkostitwita bħala kriterju ta’ selezzjoni tal-intenzjonijiet ta’ akkwist tal-investituri potenzjali tagħha u ta’ għażla tal-offerti?

    2)

    Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 56 u 57 TFUE u l-prinċipji li jirriżultaw minnhom u, barra minn hekk, il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ neċessità, jippermetti li, fil-kuntest ta’ proċedura relatata mal-proċess ta’ reprivatizzazzjoni indiretta tal-kapital azzjonarju tal-istess kumpannija, jiġi inkluż, fid-dokumenti li jirrigwardaw din il-proċedura, ir-rekwiżit li jiġu ssodisfatti l-obbligi ta’ servizz pubbliku min-naħa tal-entità li takkwista bħala kriterju ta’ selezzjoni tal-intenzjonijiet ta’ akkwist tal-investituri potenzjali tagħha u ta’ għażla tal-offerti?

    3)

    Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 56 u 57 TFUE u l-prinċipji li jirriżultaw minnhom, jippermetti li, fil-kuntest ta’ proċedura relatata mal-proċess ta’ reprivatizzazzjoni indiretta tal-kapital azzjonarju tal-istess kumpannija, jiġi inkluż, fid-dokumenti li jirrigwardaw din il-proċedura, ir-rekwiżit ta’ żamma u ta’ żvilupp tal-hub nazzjonali attwali min-naħa tal-entità li takkwista bħala kriterju ta’ għażla tal-intenzjonijiet ta’ akkwist tal-investituri potenzjali u ta’ għażla tal-offerti?

    4)

    Fid-dawl tal-attività żviluppata mill-istess kumpannija, li t-trasferiment tal-kapital azzjonarju tagħha huwa suġġett għal proċedura ta’ reprivatizzazzjoni, din għandha titqies li hija servizz fis-suq intern suġġett għad-Direttiva 2006/123/KE, fid-dawl tal-eċċezzjoni, prevista fl-Artikolu 2(2)(d) ta’ din id-direttiva, dwar is-servizzi fil-qasam tat-trasport, u, konsegwentement, din il-proċedura hija wkoll suġġetta għall-imsemmija direttiva?

    5)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 4), l-Artikoli 16 u 17 tal-imsemmija direttiva jippermettu li, fil-kuntest ta’ proċedura relatata mal-proċess ta’ reprivatizzazzjoni indiretta tal-kapital azzjonarju tal-istess kumpannija, jiġi inkluż, fid-dokumenti li jirrigwardaw din il-proċedura, ir-rekwiżit li jiġu sodisfatti l-obbligi ta’ servizz pubbliku min-naħa tal-entità li takkwista bħala kriterju ta’ selezzjoni tal-intenzjonijiet ta’ akkwist tal-investituri potenzjali tagħha u ta’ għażla tal-offerti?

    6)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 4), l-Artikoli 16 u 17 tal-imsemmija direttiva jippermettu li, fil-kuntest ta’ proċedura relatata mal-proċess ta’ reprivatizzazzjoni indiretta tal-kapital azzjonarju tal-istess kumpannija, jiġi inkluż, fid-dokumenti li jirrigwardaw din il-proċedura, ir-rekwiżit ta’ żamma u ta’ żvilupp tal-hub nazzjonali attwali min-naħa tal-entità li takkwista bħala kriterju ta’ għażla tal-intenzjonijiet ta’ akkwist tal-investituri potenzjali u ta’ għażla tal-offerti?”

    IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    21.

    Id-domandi preliminari ġew irreġistrati fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Settembru 2017. Ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub Parpública, il-Gvern Portugiż, dak Taljan u dak Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, li dehru wkoll fis-seduta pubblika li nżammet fit‑13 ta’ Settembru 2018.

    22.

    Parpública ssostni li l-ewwel domanda preliminari għandha tingħata risposta negattiva. Fl-opinjoni tagħha, ir-rekwiżiti inkwistjoni la jillimitaw u lanqas ma jirrestrinġu l-libertà ta’ stabbiliment u, f’każ li jiġri dan, din tkun limitazzjoni ġġustifikata. Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet domandi, hija ssostni li l-Artikoli 56 u 57 TFUE ma humiex applikabbli għas-servizzi ta’ trasport bl-ajru, skont l-Artikoli 58(1), 90 u 100(2) TFUE. Fuq ir-raba’ domanda, tallega li l-attività ta’ TAP ma tistax titqies bħala servizz suġġett għad-Direttiva 2006/123, fid-dawl tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(d) tagħha. Għalhekk, ma hemmx bżonn tingħata risposta għall-ħames u għas-sitt domandi.

    23.

    Skont il-Gvern Portugiż, fir-rigward tal-ewwel domanda, il-kundizzjoni li tissemma tirriżulta mis-sistema ta’ għoti ta’ liċenzji operattivi prevista fir-Regolament Nru 1008/2008 u ma timplikax restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment, għalhekk ma tapplikax għall-investituri potenzjali. Fir-rigward tat-tieni u t-tielet domandi, jaqbel mal-pożizzjoni ta’ Parpública, billi jallega li, fi kwalunkwe każ, il-kriterji ta’ għażla ma jmorrux kontra d-dritt sekondarju fil-qasam ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru. Jappoġġja wkoll il-pożizzjoni ta’ Parpública fir-rigward tar-raba’, tal-ħames u tas-sitt domandi, filwaqt li żied jgħid li huwa applikabbli r-Regolament Nru 1008/2008.

    24.

    Skont il-Gvern Taljan, l-ewwel tliet domandi għandhom jingħataw risposta konġunta, fis-sens li l-Artikoli 49, 54, 56 u 57 TFUE ma jipprekludux l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-proċess ta’ riprivatizzazzjoni. Dawk ikkontestati ma humiex rekwiżiti li jirrestrinġu l-libertajiet ta’ stabbiliment jew ta’ provvista ta’ servizzi u, f’każ li jkunu, dawn madankollu jkunu ġġustifikati għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku.

    25.

    Il-Gvern Taljan jaqbel ma’ Parpública u mal-Gvern Portugiż fir-rigward tar-raba’, tal-ħames u tas-sitt domandi, billi jallega li d-Direttiva 2006/123 ma hijiex applikabbli f’din il-kawża, għalkemm ma jibbażax din id-dikjarazzjoni fuq l-Artikolu 2(2)(d) tat-tali direttiva, iżda fuq l-Artikolu 1(2) tagħha. Sussidjarjament, jallega li, minħabba li l-proċedura ta’ privatizzazzjoni ma tirrigwardax il-kapital tat-trasportatur tal-ajru, iżda tal-kumpannija li tikkontrollah, għandu jiġi eżaminat jekk is-servizzi ta’ din tal-aħħar humiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123. Fl-opinjoni tiegħu, dan ma huwiex il-każ minħabba li huma “investimenti” fis-sens tal-eċċezzjoni tal-Artikolu 2(2)(b) tal-imsemmija direttiva. Kieku kienet attività ta’ trasport, kienet tapplika d-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(2)(d) tal-istess direttiva.

    26.

    Il-Gvern Olandiż huwa tal-opinjoni li, fir-rigward tal-ewwel domanda, il-kundizzjonijiet inkwistjoni jirrestrinġu l-libertà ta’ stabbiliment, anki jekk jistgħu jkunu ġġustifikati. Fir-rigward tat-tieni domanda, jappoġġja l-pożizzjoni ta’ Parpública u tal-Gvern Portugiż dwar l-inapplikabbiltà tal-Artikoli 56 u 57 TFUE. Fir-rigward tar-raba’, tal-ħames u tas-sitt domandi, iqis ukoll li d-Direttiva 2006/123 ma hijiex applikabbli, konformement mal-Artikolu 2(2)(d) tagħha.

    27.

    Bħala risposta għall-ewwel domanda, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-Artikolu 49 TFUE ma jipprekludix il-kundizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża, dejjem sakemm iż-żamma tad-drittijiet tat-traffiku tal-kumpannija tkun suġġetta, skont il-ftehimiet bilaterali konklużi bejn il-Portugall u ċerti Stati terzi, għall-permanenza tas-sede u tal-attività prinċipali tagħha fil-Portugall.

    28.

    Fir-rigward tat-tieni domanda, il-Kummissjoni tgħid li r-rekwiżit jista’ jkun ammissibbli skont l-Artikoli 16, 17 u 18 tar-Regolament Nru 1008/2008. Fir-rigward tat-tielet domanda, temmen li l-obbligu ta’ żamma u ta’ żvilupp tal-hub nazzjonali jista’ jkun iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, iżda mhux għax jikkontribwixxi għat-tkabbir tal-ekonomija nazzjonali. Fir-rigward tar-raba’, tal-ħames u tas-sitt domandi, temmen li d-Direttiva 2006/123 ma hijiex applikabbli, minħabba l-Artikolu 2(2)(d) tagħha —jekk is-suġġett tat-tilwima jikkonċerna l-qasam tat-trasport— jew l-Artikolu 5(4) tagħha —jekk jaqa’ taħt dak tal-kuntratti pubbliċi.

    V. Analiżi

    29.

    Il-Qorti Amministrattiva Suprema (il-Portugall) għandha tiċċara jekk tlieta mir-rekwiżiti mniżżla fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, approvati mill-Gvern Portugiż fil-proċedura ta’ riprivatizzazzjoni tal-kumpannija ta’ trasport bl-ajru TAP ( 6 ), humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    30.

    Preliminarjament, għandu jiġi ċċarat li, għall-finijiet ta’ din il-kawża, għalkemm fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jiġu ppreżentati formalment taħt l-intestatura “Kriterji ta’ selezzjoni”, dawn fil-verità huma “rekwiżiti” jew “kundizzjonijiet”.

    31.

    Matul is-seduta, Parpública insistiet li l-qorti tar-rinviju żbaljat meta kklassifikat dawk li sempliċement kienu “kriterji ta’ selezzjoni” bħala rekwiżiti stretti tal-kapaċità tal-offerenti. Fl-opinjoni tagħha, dan l-iżball “ikkontamina” l-bqija tar-rinviju preliminari.

    32.

    Inqis li għandha tiġi aċċettata l-klassifikazzjoni legali magħmula mill-qorti tar-rinviju li, b’mod espliċitu u ripetutament, tuża t-terminu “rekwiżiti” ( 7 ) meta tirreferi għaċ-ċirkustanzi elenkati bħala “kriterji” fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Ir-rilevanza jew in-nuqqas ta’ rilevanza tal-pożizzjoni tal-qorti tar-rinviju f’din l-evalwazzjoni tista’ tiġi diskussa iżda biss mill-perspettiva tad-dritt nazzjonali, li fl-interpretazzjoni tiegħu ma tistax tieħu sehem il-Qorti tal-Ġustizzja, ladarba hija obbligata li tillimita ruħha għat-termini tad-digriet tar-rinviju dwar is-sitwazzjoni fattwali u legali li tiddefinixxi s-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali.

    33.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għad-domandi preliminari ma tinbidilx jekk jiġi aċċettat li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jinkludu kriterji ta’ selezzjoni veri u proprji, minħabba li l-kuntrast tal-adegwatezza tagħha għad-dritt tal-Unjoni jista’ anki jiġi estiż għal dawn il-kriterji, kif normalment jiġri fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    34.

    Fl-aħħar mill-aħħar, kinux kriterji ta’ selezzjoni jew rekwiżiti awtentiċi, il-kontenut tagħhom kiseb saħħa vinkolanti fil-proċess ta’ privatizzazzjoni, b’tali mod li x-xerrej tal-ishma kellu jissodisfa r-rekwiżiti korrelattivi, issa mdaħħla fil-kuntratt ta’ xiri ta’ tali ishma.

    35.

    Infakkar li t-tliet rekwiżiti inkwistjoni huma l-obbligu ta’ (a) żamma fil-Portugall tas-sede u l-amministrazzjoni effettiva tal-kumpannija; (b) twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku; u (ċ) żamma u żvilupp tal-hub nazzjonali attwali.

    36.

    B’bidla tal-ordni proposta mill-qorti tar-rinviju, u skont l-opinjoni ta’ ħafna mill-partijiet, qabel kollox, ikun aħjar li tiġi indirizzata r-raba’ domanda preliminari. Mir-risposta għal din id-domanda jiddependi jekk il-problema ewlenija għandhiex tissolva bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 jew skont dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni.

    A.   L-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123 (ir-raba’, il-ħames u s-sitt domandi)

    37.

    Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123, sa fejn ir-riprivatizzazzjoni ta’ TAP taffettwa l-kapital ta’ kumpannija ta’ trasport bl-ajru. Fl-opinjoni tagħha, minħabba din l-attività, tista’ tkun applikabbli l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123, minħabba li din id-direttiva ma tapplikax “[għas-]servizzi fil-qasam tat-trasport”.

    38.

    Prattikament, il-partijiet kollha jaqblu li d-Direttiva 2006/123 ma hijiex applikabbli, minħabba li din il-kawża hija limitata għall-privatizzazzjoni ta’ kumpannija tal-ajru u, għaldaqstant, tapplika l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 2(2)(d) ta’ din id-direttiva.

    39.

    Madankollu, il-Gvern Taljan isostni li l-inapplikabbiltà tad-Direttiva 2006/123 hija pjuttost kawża tal-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2), fejn l-għan tal-imsemmija direttiva ma huwiex “il-privatizzazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi” ( 8 ).

    40.

    Jiena naqbel ma’ din l-evalwazzjoni ( 9 ). Infatti, il-kwistjoni tirrigwarda l-privatizzazzjoni ta’ kumpannija li qabel kienet pubblika, b’tali mod li din iċ-ċirkustanza biss, ikunu xi jkunu s-servizzi pprovduti mill-entità pprivatizzata, tkun biżżejjed sabiex tiġi rrifjutata l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123.

    41.

    Jekk, barra minn hekk, bħala argument addizzjonali, jekk il-kwistjoni tiġi ristretta għan-natura tal-attività mwettqa minn TAP SA, jiġifieri, mill-kumpannija li l-ishma tagħha huma miżmuma mill-entità li l-kapital tagħha huwa riprivatizzat (TAP SPGS), għandu jiġi nnotat li tista’ tkun applikabbli wkoll l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123.

    42.

    Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Grupo Itevelesa et ( 10 ), “mill-ħidma preparatorja għall-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi jirriżulta li l-esklużjoni dwar is-‘servizzi fil-qasam tat-trasport’ kienet ifformulata, intenzjonalment, b’termini maħsuba sabiex jikkorrispondu mal-formulazzjoni tal-Artikolu 51 KE, li sar l-Artikolu 58 TFUE, li l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li l-‘moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport għandu jiġi regolat mid-dispożizzjonijiet ta’ l-intestatura dwar it-trasport’”.

    43.

    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]l-kunċett ta’ ‘servizz fil-qasam tat-trasport’ jinkludi mhux biss is-servizzi tat-trasport bħala tali, iżda wkoll kull servizz intrinsikament marbut ma’ att fiżiku ta’ vvjaġġar ta’ persuni jew ta’ merkanzija minn post għal ieħor permezz ta’ mezz ta’ trasport” ( 11 ). Taħt il-protezzjoni ta’ definizzjoni tant wiesgħa, l-attività proprja ta’ TAP SA tista’ taqa’ naturalment taħt dan il-kunċett u, b’rabta loġika, anki dik ta’ TAP SPGS. Din tal-aħħar hija sempliċement holding proprjetarja tal-kapital ta’ TAP SA, li r-riprivatizzazzjoni tagħha tikkostitwixxi s-suġġett tal-proċeduri.

    44.

    Għaldaqstant, id-Direttiva 2006/123 ma tapplikax darbtejn f’din il-kawża, għalhekk ma hijiex meħtieġa risposta għall-ħames u s-sitt domandi preliminari. Madankollu, naħseb li għandha tipprevala l-kawża prevista fl-Artikolu 1(2) tad-direttiva, minħabba li tagħmel riferiment għal ċirkustanza li loġikament hija preċedenti, għalhekk, filwaqt li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/123 jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, l-Artikolu 1 jiddefinixxi l-għan regolatorju tagħha, li lil hinn minnu ma tapplikax id-direttiva. Għalhekk, ma għandhiex issir eċċezzjoni għal applikabbiltà li, bħala definizzjoni, ma tistax issir.

    B.   Fuq il-libertà affettwata fil-kawża prinċipali

    45.

    Il-privatizzazzjoni ta’ kumpannija tal-ajru tinvolvi t-trasferiment ta’ parti mill-kapital azzjonarju tagħha, sa dakinhar f’idejn pubbliċi, favur l-investituri (partikolari) li jixtru l-ishma korrelattivi. In-natura ta’ privatizzazzjoni tal-bejgħ tal-ishma tippredomina fuq l-attività materjali tal-entità pprivatizzata. Għalhekk, il-kwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 345 TFUE, li jesprimi l-prinċipju ta’ newtralità tat-Trattati f’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ proprjetà tal-Istati Membri.

    46.

    Madankollu, dan l-artikolu “ma għandux l-effett li jeżenta lis-sistemi ta’ proprjetà eżistenti fl-Istati Membri mir-regoli fundamentali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari, dawk ta’ nondiskriminazzjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital” ( 12 ).

    47.

    Minħabba r-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni, nikkunsidra li l-libertà implikata hija dik ta’ stabbiliment, iktar milli dik ta’ moviment tal-kapital jew dik ta’ provvista ta’ servizzi.

    48.

    Għalhekk, il-bejgħ ta’ ishma rappreżentattivi li jammontaw għal-61 % tal-kapital azzjonarju ta’ TAP SGPS jippermetti lix-xerrej tagħhom jeżerċita influwenza reali fil-ġestjoni ta’ tali kumpannija u f’dik tal-kumpannija miżmuma minnha (TAP SA). Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-fattur huwa definittiv sabiex jiġi żgurat li l-libertà eżerċitata hija dik ta’ stabbiliment ( 13 ).

    49.

    Skont dak speċifikat fid-digriet tar-rinviju ( 14 ), ftit wara li ġie konkluż il-ftehim ta’ bejgħ mal-kumpannija magħżula, il-Gvern Portugiż ( 15 ) beda proċess ta’ negozjar sabiex ifassal mill-ġdid it-termini u l-kundizzjonijiet tas-sehem tal-Istat f’TAP SGPS. Fi tmiem dan in-negozjar, il-kumpannija xerrejja aċċettat li tbigħ l-ishma meħtieġa lil Parpública sabiex din ikollha l-50 % tal-kapital azzjonarju ta’ TAP SGPS.

    50.

    F’dan il-qafas (ġdid), għalkemm jibqa’ sostanzjali l-kapital f’idejn il-kumpannija magħżula fil-proċedura ta’ riprivatizzazzjoni, dan ma jiggarantilhiex il-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti fil-ġestjoni ta’ TAP SGPS, kif jiġri li kieku żammet l-61 % tal-kapital tal-kumpannija ( 16 ). Madankollu, il-kriterju msemmi fil-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq ma huwiex dak tal-influwenza determinanti jew deċiżiva, iżda dak ta’ “influwenza reali”, jiġifieri, dik li tista’ tintuża b’mod attiv fil-ġestjoni tal-kumpannija, bħal dik li, fl-opinjoni tiegħi, tiġi eżerċitata b’45 % tal-kapital azzjonarju ( 17 ).

    51.

    Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonforma ruħha ma’ dak li l-qorti tar-rinviju talbet fid-domandi tagħha, jiġifieri, mal-kundizzjonijiet oriġinali tal-proċedura ta’ riprivatizzazzjoni. Mingħajr ma jsir riferiment għal raġunijiet oħra għajr il-preżunzjoni ta’ rilevanza li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi lid-domandi preliminari ( 18 ), biżżejjed jiġi indikat li l-vijabbiltà tal-operazzjoni ta’ xiri mill-ġdid tal-kapital azzjonarju ta’ TAP SGPS, min-naħa ta’ Parpública, tista’, min-naħa tagħha, tkun tiddependi fuq il-validità tal-proċedura ta’ privatizzazzjoni inizjali. Għalhekk, jibqa’ jagħmel sens li tingħata risposta għad-domandi preliminari fil-kuntest ta’ privatizzazzjoni li laħqet sal‑61 % tal-kapital azzjonarju tal-kumpannija, li qabel kienet pubblika u li, għalhekk, kien biżżejjed sabiex lix-xerrej tiegħu tingħatalu influwenza mhux biss reali, iżda verament deċiżiva.

    52.

    Għaldaqstant, ir-regoli rilevanti għad-determinazzjoni tal-kompatibbiltà tal-klawżoli tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt mad-dritt tal-Unjoni huma l-Artikoli 49 u 54 TFUE. Minn din il-perspettiva, l-ewwel, it-tieni u t-tielet domandi għandhom jiġu fformulati mill-ġdid, b’tali mod li kull wieħed mill-kriterji ta’ selezzjoni li jagħmlu riferiment għalihom jitqabbel ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tat-TFUE.

    53.

    Għandu jitqies ukoll ir-Regolament Nru 1008/2008 (li jinkludi “dispożizzjonijiet xierqa għan-navigazzjoni […] ta’ l-ajru” stabbiliti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill bl-użu tal-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 100(2) TFUE), fir-rigward tal-fatt li xi regoli ta’ armonizzazzjoni dwar ir-regolazzjoni tas-servizzi tal-ajru influwenzaw din il-kawża ( 19 ).

    C.   Fuq in-natura restrittiva tal-kundizzjonijiet, fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment

    54.

    Fl-opinjoni tiegħi, it-tliet kriterji li d-digriet tar-rinviju jagħmel riferiment għalihom jinkludu, fihom infushom, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment. Infakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[g]ħandhom jitqiesu li huma restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà” ( 20 ).

    55.

    Wieħed jista’ jaqbel li l-kundizzjonijiet imposti mill-Gvern Portugiż fuq il-proċess ta’ privatizzazzjoni ma jwasslux għall-projbizzjoni tal-eżerċizzju ta’ din il-libertà u lanqas ma jostakolawh sal-punt li jwaqqfuh. Madankollu, minn tal-inqas, jagħmluh inqas attraenti.

    56.

    Dawn il-kundizzjonijiet huma sinjifikattivi. Dawn jippreżumu li min jakkwista sal‑61 % tal-kapital ta’ TAP SGPS ma jitħalliex jiġġestjona l-kumpannija tal-ajru b’libertà assoluta u skont l-interessi ekonomiċi proprji tiegħu, għalhekk la jista’ ma jwettaqx l-obbligi ta’ servizz pubbliku, la jista’ jbiddel il-post tas-sede jew tal-amministrazzjoni effettiva tagħha, u lanqas ma jista’ jeħles mill-hub nazzjonali attwali.

    57.

    Għalkemm il-Gvern Taljan jinsisti li jindika d-differenzi fir-rigward tar-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-prerogattivi marbuta mal-imsejħa “ishma privileġġati” ( 21 ), naħseb li teżisti prossimità notevoli bejn dawn il-prerogattivi u l-kundizzjonijiet attwalment inkwistjoni.

    58.

    L-“ishma privileġġati” li Stat Membru jkollu fil-proċessi ta’ privatizzazzjoni ta’ kumpanniji li qabel kienu pubbliċi, u li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwarhom f’dak iż-żmien ( 22 ), jagħtu lill-proprjetarju tagħhom “influwenza fuq il-ġestjoni ta’ [kumpannija] li ma hijiex iġġustifikata mid-daqs tal-holding li għandu f’din il-kumpannija [u li] tista’ tiskoraġġixxi l-operaturi ta’ Stati Membri oħra milli jagħmlu investimenti diretti f[’din il-kumpannija] inkwantu ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fil-ġestjoni u fil-kontroll ta’ din il-kumpannija skont il-proporzjon tal-holding tagħhom” ( 23 ). Fil-qosor, kien hemm “ir-riskju li tara l-Istat [Membru] jeżerċita d-drittijiet speċjali tiegħu favur interessi li mhumiex kompatibbli ma’ l-interess ekonomiku tal-kumpannija kkonċernat”, li wassal għal skoraġġiment ( 24 ).

    59.

    Il-kundizzjonijiet inkwistjoni ma jimplikawx sempliċement ir-riskju li l-Gvern Portugiż “[iwaqqaf] ċerti deċiżjonijiet, irrakkomandati mill-organi ta[l-kumpannija] bħala li jikkorrispondu għall-interessi ekonomiċi ta’ [din il-kumpannija]” ( 25 ), iżda jippreżumu l-materjalizzazzjoni ta’ din il-possibbiltà. L-organi tal-kumpannija pprivatizzata lanqas ma setgħu jippromwovu deċiżjonijiet li, bħat-trasferiment tas-sede prinċipali u tal-amministrazzjoni effettiva, kienu ser jiġu rrifjutati minn qabel, konsegwenza ta’ kundizzjoni imposta b’mod obbligatorju fuq il-proprjetarju ġdid tal-kumpannija.

    60.

    Kemm Parpública ( 26 ) kif ukoll il-Gvern Portugiż ( 27 ) jiddefendu l-kriterju ta’ selezzjoni li jikkonsisti fiż-żamma tas-sede tal-kumpannija fil-Portugall, billi jagħmlu riferiment għas-sentenza Yellow Cab Verkehrsbetrieb ( 28 ), fejn ġie ddikjarat li “l-obbligu ta’ sede jew ta’ stabbiliment ieħor fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ma jistax loġikament jikkostitwixxi, inkwantu tali, ostakolu jew restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment”, minħabba li “dan l-obbligu ma jinkludi l-ebda limitazzjoni tal-libertà ta’ operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri oħra li joħolqu aġenziji jew stabbilimenti oħra fuq dan it-territorju” ( 29 ).

    61.

    Fl-imsemmija kawża, l-obbligu inkwistjoni kien dak li jkun hemm sede jew stabbiliment ieħor fit-territorju ta’ Stat Membru, bħala rekwiżit sabiex tingħata awtorizzazzjoni għall-operat ta’ linja urbana ta’ trasport pubbliku ta’ passiġġieri bix-xarabank. Għalkemm dan l-obbligu fih innifsu ma jmurx kontra l-libertà ta’ stabbiliment, il-perijodu li fih kellu jiġi ssodisfatt (qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni) biddluh, madankollu, f’wieħed irrikonċiljabbli ma’ din il-libertà ( 30 ).

    62.

    Din il-kawża, għall-kuntrarju, ma tittrattax sempliċement l-obbligu li wieħed ikollu xi sede jew stabbiliment permanenti fil-Portugall, iżda li s-sede prinċipali u l-amministrazzjoni effettiva tal-kumpannija tinżamm fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

    63.

    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà ta’ stabbiliment tinkludi “id-dritt għal kumpannija kkostitwita konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tiġi kkonvertita f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor […], sakemm ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru ieħor” ( 31 ). Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi, l-obbligu li s-sede tal-kumpannija tibqa’ fil-Portugall ukoll jimplika restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.

    64.

    L-istess jiġri fir-rigward tal-issuġġettar għall-obbligi ta’ servizz pubbliku u l-impożizzjoni taż-żamma fil-Portugall tal-hub nazzjonali tal-kumpannija pprivatizzata. Iż-żewġ rekwiżiti jistgħu jiskoraġġixxu lix-xerrej potenzjali milli jassumi l-maġġoranza tal-kapital azzjonarju tiegħu, minħabba li jiddeterminaw minn qabel, b’mod sinjifikattiv, id-deċiżjonijiet kummerċjali sussegwenti.

    65.

    Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, għandu jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet inkwistjoni jistgħux jiġu ġġustifikati skont id-dritt tal-Unjoni, minbarra li huma xierqa biex jintlaħaq l-għan li eventwalment jiġġustifikahom u ma humiex sproporzjonati f’dan ir-rigward.

    66.

    F’dan ir-rigward, naqbel mal-opinjoni tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ( 32 ), li l-ewwel nett jipproponi l-analiżi tal-kundizzjoni li tikkonsisti fit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku. Il-motiv li nikkondividi huwa li l-kundizzjoni dwar iż-żamma tas-sede u tal-amministrazzjoni effettiva tal-kumpannija fil-Portugall tista’ tkun marbuta ma’ dik li, fil-verità, hija estensjoni.

    D.   It-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku (it-tieni domanda preliminari)

    67.

    Skont l-Artikolu 5(d) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fost il-kriterji ta’ selezzjoni hemm inkluża “[l]-kapaċità li jiġi żgurat it-twettiq, f’waqtu u b’mod xieraq, tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li kieku jaqgħu fuq [TAP SA], inkluż dak li jirrigwarda l-konnessjonijiet bl-ajru bejn l-ajruporti nazzjonali ewlenin u tar-reġjuni awtonomi, fejn xieraq, kif ukoll il-kontinwità u t-tisħiħ ta’ rotot li joffru servizzi lir-reġjuni awtonomi, lill-komunitajiet Portugiżi bbażati barra mill-pajjiż u lill-pajjiżi u l-komunitajiet ta’ espressjoni jew lingwa uffiċjali Portugiża.”

    68.

    Ir-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, kif diġà indikajt, tirriżulta mill-fatt li, permezz ta’ din il-klawżola, ix-xerrej tal‑61 % tal-kapital riprivatizzat jiġi suġġett għal obbligi xierqa, bħala prinċipju, li jiskoraġġuh mix-xiri li jkun se jagħmel, billi jillimitaw il-kapaċità kummerċjali tiegħu ta’ azzjoni awtonoma.

    69.

    Madankollu, huwa paċifiku fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-garanzija ta’ servizz ta’ interess ġenerali tista’ tirrappreżenta raġuni imperattiva li tista’ tiġġustifika ostakolu għall-libertajiet iggarantiti mit-Trattati ( 33 ).

    70.

    Fl-opinjoni tiegħi, il-fatt li jiġi żgurat servizz tal-ajru fit-termini tal-Artikolu 5(d) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt — li jinsistu b’mod partikolari fuq il-konnessjonijiet mar-reġjuni awtonomi Portugiżi, jiġifieri, ma’ reġjuni ultraperiferiċi fis-sens tal-Artikolu 349 TFUE ( 34 ) — jirrappreżenta raġuni ta’ interess ġenerali suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata r-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment.

    71.

    Il-Kummissjoni ffokat l-allegazzjonijiet tagħha fuq jekk TAP SA hijiex verament suġġetta għal-obbligi ta’ servizz pubbliku u jekk dawn ġewx stabbiliti konformement mal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1008/2008. Din issostni li jekk dan ma jkunx il-każ, dawn ikunu inkompatibbli ma’ tali regolament ( 35 ).

    72.

    Fuq l-istess linji, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi “jikkonkludi” li TAP SA għandha obbligu ta’ servizz pubbliku allokat abbażi tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1008/2008 ( 36 ). B’iktar preċiżjoni, Parpública tagħmel riferiment għall-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ TAP SA fis-seħħ mill‑20 ta’ Jannar 2015, jiġifieri, fid-data tal-pubblikazzjoni uffiċjali tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ( 37 ).

    73.

    Dan l-approċċ tal-partijiet xaqleb id-diskussjoni lejn l-obbligi ta’ servizz pubbliku li huma responsabbiltà ta’ TAP SA, li huma meqjusa li diġà jeżistu (skont il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi) jew li huma effettivament fis-seħħ (skont Parpública) jew li hemm biss informazzjoni parzjali disponibbli dwar l-eżistenza tagħhom (skont il-Kummissjoni) ( 38 )

    74.

    Fl-opinjoni tiegħi, dan l-approċċ iwassal sabiex tiġi żvijata l-attenzjoni mill-problema ewlenija li hija l-qofol tad-domanda preliminari u tad-dubji tal-qorti tar-rinviju nnifisha.

    75.

    Għandna nerġgħu lura għat-termini letterali tal-kundizzjoni deskritta fl-Artikolu 5(d) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Fihom qiegħda tiġi diskussa “[i]l-kapaċità li jiġi żgurat it-twettiq, f’waqtu u b’mod xieraq, tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li kieku jaqgħu fuq [TAP SA]” ( 39 ). Ma jissemmewx l-obbligi li huma responsabbiltà tal-kumpannija — jiġifieri, dawk li fir-realtà jikkonċernawha —, iżda dawk li kieku jaqgħu fuqha — jiġifieri, dawk li eventwalment għandhom jaffettwawha.

    76.

    Għalhekk, il-kriterju ta’ selezzjoni ma huwiex il-kapaċità li jibqa’ jiġi żgurat it-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li diġà għandha TAP SA (ikunu xi jkunu), iżda li jiġu ssodisfatti dawk li ser jiġu imposti ladarba parti mill-kapital tagħha tinxtara minn persuna li tintgħażel għar-riprivatizzazzjoni.

    77.

    Ċertament, l-Artikolu 5(d) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jirreferi wkoll, b’mod partikolari, għal “dak li jirrigwarda l-konnessjonijiet bl-ajru bejn l-ajruporti nazzjonali ewlenin u tar-reġjuni awtonomi, fejn xieraq, kif ukoll il-kontinwità u t-tisħiħ ta’ rotot li joffru servizzi lir-reġjuni awtonomi […]”. B’dan il-mod, jagħmel riferiment għas-servizzi li TAP SA diġà kienet obbligata twettaq, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1008/2008. Madankollu, barra mill-fatt li ma jiġix invokat espressament l-obbligu fis-seħħ, naħseb li l-klawżola tammonta għal obbligu ta’ natura eventwali, ladarba ssemmi l-konnessjonijiet mar-reġjuni awtonomi “fejn xieraq” ( 40 )

    78.

    Anki jekk din l-interpretazzjoni kienet letterali jew formalistika żżejjed u kien hemm qbil li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ifittxu li jiżguraw it-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li diġà huma responsabbiltà ta’ TAP SA, hemm il-fatt inevitabbli li l-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha rreferiet għall-fatt “li jiġu ssodisfatti l-obbligi ta’ servizz pubbliku min-naħa tal-entità li takkwista”. Għalhekk, ma tissemmiex il-kapaċità ta’ din l-entità sabiex twettaq l-obbligi konkreti ta’ servizz pubbliku li huma responsabbiltà tal-entità mixtrija.

    79.

    Huwa possibbli li “l-obbligi” li huma s-suġġett ta’ din il-parti tad-digriet tar-rinviju jkunu dawk li diġà japplikaw għal TAP SA. Madankollu, — u dan huwa, fl-opinjoni tiegħi, il-qofol — il-qorti tar-rinviju la tagħmel domandi dwar dawn l-obbligi b’mod partikolari (obbligi li, kif ġie rrikonoxxut, jidher li ma baqgħux jeżistu mis-sena 2015), u lanqas ma tistaqsi dwar jekk ġewx imposti fuq TAP SA konformement mar-Regolament Nru 1008/2008 jew jekk, f’każ kuntrarju, il-garanzija tat-twettiq tagħhom setgħetx, minkejja dan, tkun kriterju ta’ selezzjoni. Id-domanda tagħha tirrigwarda strettament jekk ir-rekwiżiti dwar il-kapaċità li jiġu ssodisfatti l-obbligi ta’ servizz pubbliku tistax tikkostitwixxi kriterju ta’ selezzjoni kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    80.

    F’dawn it-termini, evidentement astratti, ir-risposta għandha tħalli barra l-obbligi speċifiċi ta’ servizz pubbliku fis-seħħ għal TAP fil-mument tal-privatizzazzjoni tagħha. Nirrepeti li l-qorti tar-rinviju ma tagħmel l-ebda mistoqsija dwar dan, u li hija dik il-qorti li għandha, barra minn hekk, tiddetermina jekk tali obbligi ġewx imposti jew le, b’mod legalment regolari (u b’liema konsegwenzi, fit-tieni każ). Naturalment, dejjem jekk fil-kawża prinċipali tkun saret talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità fir-rigward ta’ din il-kwistjoni speċifika, li jidher li ma saritx.

    81.

    Konsegwentement, il-fatt li l-entità li takkwista tintalab li jkollha l-kapaċità li tissodisfa l-obbligi ta’ servizz pubbliku, għar-rotot tal-ajru li joħolqu konnessjoni bejn l-ajruporti nazzjonali prinċipali u dawk tar-reġjuni awtonomi, jirrappreżenta rekwiżit li, għalkemm jirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment, huwa ġġustifikat minħabba li jirrigwarda raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Raġuni li, fl-aħħar mill-aħħar, ma hija xejn ħlief dik li tappoġġja l-leġittimità nnifisha tal-impożizzjoni ta’ dan it-tip ta’ obbligi, li huma sostnuti b’mod espliċitu mill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1008/2008.

    82.

    Għal din ir-raġuni, ir-rekwiżit inkwistjoni, minbarra li hu ġġustifikat, huwa rilevanti u xieraq, minħabba li permezz tiegħu jiġi żgurat it-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li għalihom tista’ tkun responsabbli l-kumpannija pprivatizzata, mingħajr ma jmur lil hinn minn dak li hu strettamentt indispensabbli sabiex dan l-għan jintlaħaq.

    E.   L-obbligu ta’ żamma fil-Portugall tas-sede u tal-amministrazzjoni effettiva tal-kumpannija tal-ajru (l-ewwel domanda preliminari)

    83.

    Konformement mal-Artikolu 5(c) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, huwa kriterju ta’ selezzjoni “[i]l-preżentazzjoni u l-garanzija ta’ implimentazzjoni ta’ proġett strateġiku xieraq u konsistenti” bil-għan li jiġi ppreservat u promoss it-tkabbir ta’ TAP SA, filwaqt li jiġu kkonservati l-integrità, l-identità u l-awtonomija tagħha. Hija enfasizzata l-ħtieġa li tiġi kkonservata “[t]-trade mark TAP u l-assoċjazzjoni tagħha mal-Portugall” u li s-sede u l-amministrazzjoni effettiva jinżammu f’dan l-Istat Membru.

    84.

    Skont il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, dan ir-rekwiżit jista’ jkun suffiċjentement iġġustifikat mill-għan li jservi bħala garanzija tat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti (jew li jistgħu jiġu imposti) fuq il-kumpannija li takkwista ( 41 ). Madankollu, l-argument tiegħu xejn ma jikkonvinċini.

    85.

    Infatti, il-ġurisprudenza ma hijiex wisq inklinata li tivvalida dan it-tip ta’ impożizzjonijiet fir-rigward tas-sede, għaliex, ġeneralment, huwa possibbli li wieħed jirrikorri għal miżuri inqas restrittivi ( 42 ). U jekk l-obbligi ta’ servizz pubbliku li jissemmew fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1008/2008 (jiġifieri, il-konnessjonijiet intrakomunitarji biss) jiġu imposti direttament fuq ir-rotot, tkun xi tkun il-kumpannija li tkoprihom, l-argument imressaq iktar ’il fuq jiġġustifika li kwalunkwe kumpannija li għandha l-għan li tkopri dawn ir-rotot għandu jkollha s-sede tagħha fil-Portugall, li jidhirli li hija eċċessiva.

    86.

    Barra minn hekk, wieħed mill-obbligi tal-Artikolu 5(d) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (is-salvagwardja tal-“kontinwità u [t]-tisħiħ ta’ rotot li joffru servizzi […] lill-komunitajiet Portugiżi bbażati barra mill-pajjiż u lill-pajjiżi u l-komunitajiet ta’ espressjoni jew lingwa uffiċjali Portugiża”) ma jistax jitqies, fih innifsu, bħala obbligu ta’ servizz pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1008/2008 diġà msemmi.

    87.

    Madankollu, kif enfasizzat il-Kummissjoni, prattika komuni fis-settur tat-trasport bl-ajru tikkonsisti fl-inklużjoni ta’ rekwiżit dwar in-nazzjonalità fil-ftehimiet bilaterali konklużi kemm mill-Unjoni, kif ukoll mill-Istati Membri ma’ Stati terzi ( 43 ). Dawn huma l-ftehimiet bilaterali bejn il-Portugall u l-Istati terzi li jappartjenu għall-komunità lingwistika Portugiża, bħalma huma l-Angola, il-Brażil u l-Możambik ( 44 ), li magħhom il-Portugall għandu relazzjoni storika, kulturali, soċjali u politika speċjali, li għall-kultivazzjoni u t-tisħiħ tagħha hija indispensabbli sistema ta’ trasport bl-ajru stabbli, regolari u suffiċjenti.

    88.

    F’dan ir-rigward, Parpública tenfasizza li l-ftehimiet iffirmati, inter alia, mal-Angola u mal-Możambik jipprevedi li l-kumpannija tal-ajru magħżula sabiex tipprovdi konnessjonijiet mal-Portugall għandu jkollha s-sede tagħha f’territorju Portugiż, b’tali mod li t-trasferiment tagħha għal Stat ieħor iwassal għat-telf tal-liċenzja u tad-drittijiet tat-traffiku korrispondenti ( 45 ), fatt li jista’ jkun ta’ dannu ferm serju għal wieħed mill-elementi fundamentali ta’ komunikazzjoni li huwa l-bażi tar-relazzjonijiet tradizzjonali tal-Portugall mal-pajjiżi tal-komunità Lusitana ta’ nazzjonijiet u li, għal dan l-Istat Membru, jirrappreżenta valur kulturali u politiku sinjifikattiv.

    89.

    Jekk dan huwa l-każ, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali, inqis li dan il-kriterju ta’ selezzjoni jikkostitwixxi restrizzjoni meħtieġa u mhux sproporzjonata.

    F.   L-obbligu ta’ żamma u ta’ żvilupp tal-hub nazzjonali (it-tielet domanda)

    90.

    L-Artikolu 5(e) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jitlob li l-kumpannija li takkwista tagħti “[l]-kontribut għat-tkabbir tal-ekonomija nazzjonali, inkluż dak li jirrigwarda ż-żamma u l-iżvilupp tal-hub nazzjonali attwali, bħala pjattaforma ta’ importanza strateġika kruċjali fir-relazzjonijiet bejn l-Ewropa, l-Afrika u l-Amerika Latina”.

    91.

    Jidher ċar li ż-żamma u l-iżvilupp tal-hub nazzjonali huma marbuta ma’ għan purament ekonomiku, jiġifieri, it-tkabbir tal-ekonomija nazzjonali.

    92.

    Favur dan il-kriterju (bħal fil-każ ta’ dak li ġie eżaminat qabel) tista’ forsi tissemma l-adegwatezza tiegħu sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-komunità storika u lingwistika Portugiża. Madankollu, il-klawżola tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt titkellem biss dwar l-“importanza strateġika kruċjali [tal-hub] fir-relazzjonijiet bejn l-Ewropa, l-Afrika u l-Amerika Latina”, billi jiġi preżunt li r-rilevanza ta’ dawn ir-relazzjonijiet tissemma, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-privatizzazzjoni, b’riferiment għall-ekonomija nazzjonali u bħala fattur li x’aktarx jikkontribwixxi għat-tkabbir.

    93.

    Fid-dawl ta’ din il-perspettiva purament ekonomika, il-kriterju dwar iż-żamma tal-hub nazzjonali ma jistax jiġġustifika, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-restrizzjoni li joħloq għal-libertà ta’ stabbiliment.

    94.

    Fi kliem is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis ( 46 ), “hija ġurisprudenza stabbilita li motivi ta’ natura purament ekonomika bħal, b’mod partikolari, il-promozzjoni tal-ekonomija nazzjonali jew il-funzjonamnet tajjeb tagħha, ma jistgħux iservu bħala ġustifikazzjoni għal ostakoli pprojbiti mit-Trattat”.

    95.

    Dan ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja hija indifferenti fir-rigward tal-interessi ekonomiċi tal-Istati Membri, meta dawn jintużaw biex ixekklu l-libertà ta’ stabbiliment favur għan leġittimu ta’ politika soċjali. Għalhekk, fl-istess sentenza AGET Iraklis jiġi affermat li, “[p]eress li l-Unjoni ma għandhiex biss għan ekonomiku, iżda wkoll għan soċjali, id-drittijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital għandhom jiġu bbilanċjati mal-għanijiet intiżi mill-politika soċjali, fosthom, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 151 TFUE, il-promozzjoni tal-impjieg, it-titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, li jippermetti li dawn ikollhom l-istess progress, protezzjoni soċjali adegwata u d-djalogu soċjali, l-iżvilupp tar-riżorsi umani li jippermettu livell ta’ impjieg għoli u għal żmien twil u l-ġlieda kontra l-esklużjoni” ( 47 ).

    96.

    Madankollu, f’dan il-każ, ma hemmx perspettiva oħra f’dan il-kriterju ħlief dik strettament ekonomika, li hija l-unika waħda invoka fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt f’dan ir-rigward. L-applikazzjoni tiegħu toħloq ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment li, minħabba li ma hemmx ġustifikazzjoni raġonevoli għalih, huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    Konklużjoni

    97.

    Fid-dawl ta’ dan, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall) kif ġej:

    “1)

    L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, ma japplikax għal proċedura ta’ riprivatizzazzjoni ta’ entità pubblika li hija proprjetarja tal-kapital azzjonarju ta’ kumpannija tat-trasport bl-ajru.

    2)

    L-Artikolu 49 TFUE u l-Artikolu 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-fatt li, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, fost ir-rekwiżiti li jirregolaw il-proċedura ta’ riprivatizzazzjoni, jiġu inklużi:

    il-kapaċità li jiġi żgurat it-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li jistgħu jkunu responsabbiltà tal-entità li takkwista; u

    ż-żamma tas-sede u tal-amministrazzjoni effettiva tal-kumpannija fl-Istat Membru fejn tkun ġiet ikkostitwita, ladarba huma indispensabbli sabiex jiġu żgurati d-drittijiet tat-traffiku tal-ajru rrikonoxxuti skont il-ftehimiet bilaterali ffirmati minn dan l-Istat Membru ma’ Stati terzi oħrajn li magħhom għandu rabtiet storiċi, lingwistiċi, kulturali u soċjali speċjali, meta dawn il-ftehimiet jeżiġu li l-kumpannija li għandha l-liċenzja operattiva korrispondenti jkollha n-nazzjonalità tal-Istat Membru firmatarju.

    3)

    L-Artikolu 49 TFUE u l-Artikolu 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, fost ir-rekwiżiti msemmija, ikun hemm il-‘kontribut għat-tkabbir tal-ekonomija nazzjonali, inkluż dak li jirrigwarda ż-żamma u l-iżvilupp tal-hub nazzjonali attwali’.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

    ( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3).

    ( 4 ) Diário da República, I.a serie, n.o 248, tal‑24 ta’ Diċembru 2014.

    ( 5 ) Diário da República, I.a serie, n.o 13, tal‑20 ta’ Jannar 2015.

    ( 6 ) Normalment, il-qorti tar-rinviju tuża l-kelma “riprivatizzazzjoni”, għalkemm xi drabi tuża n-nom “privatizzazzjoni” (pereżempju fil-paragrafi 1.1 u 3.1, punt III tad-digriet tar-rinviju). Madankollu, id-differenza terminoloġika hija irrilevanti għal dak li huwa inkwistjoni f’dan il-każ, kif ġie rrikonoxxut fis-seduta.

    ( 7 ) Għalhekk, l-ewwel domanda tirreferi għar-“rekwiżit ta’ żamma tas-sede u tal-amministrazzjoni effettiva”. Fit-tieni u l-ħames domandi, jissemma “[r]-rekwiżit li jiġu ssodisfatti l-obbligi ta’ servizz pubbliku”, filwaqt li t-tielet u fis-sitt waħda jitkellmu dwar “ir-rekwiżit ta’ żamma u ta’ żvilupp tal-hub nazzjonali attwali” (enfasi miżjud).

    ( 8 ) Punt 6 tan-nota ta’ osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan.

    ( 9 ) Li, barra minn hekk, jidher li anki l-qorti tar-rinviju tappoġġjaha, skont dak li ssostni fil-paragrafu 3.4 tal-punti XXXII u XXXIII tad-digriet tar-rinviju.

    ( 10 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015 (C‑168/14, EU:C:2015:685), punt 44.

    ( 11 ) Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Élite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981), punt 41.

    ( 12 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Essent et (C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677), punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata fih.

    ( 13 ) Fi kliem is-sentenza tat‑13 ta’ April 2000, Baars (C‑251/98, EU:C:2000:205), punt 22, “jeżerċita d-dritt ta’ stabbiliment dak iċ-ċittadin ta’ Stat Membru li għandu sehem fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor li jitħalla jkollu influwenza reali fid-deċiżjonijiet tal-kumpannija u jkun jista’ jiddetermina l-attivitajiet tagħha.” Fl-istess sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑35/11, EU:C:2012:707), punt 91; u tal‑10 ta’ Ġunju 2015, X (C‑686/13, EU:C:2015:375), punt 18. Għall-kuntrarju, skont is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka (C‑6/16, EU:C:2017:641), punt 41, “dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għal ishma miksuba biss bl-intenzjoni li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li jkun hemm influwenza fuq it-tmexxija u l-kontroll tal-impriża għandhom jiġu eżaminati esklużivament fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital.” Anki s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Deister Holding u Juhler Holding (C‑504/16 u C‑613/16, EU:C:2017:1009), punt 78.

    ( 14 ) Punt 3.1 VII tad-digriet tar-rinviju.

    ( 15 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri (91‑A/2015) li temmet il-proċess ta’ privatizzazzjoni hija ddatata t-12 ta’ Novembru 2015. L-eżekuttiv il-ġdid, ta’ sinjal politiku differenti, li ħa l-poter fis‑26 ta’ Novembru ta’ din is-sena, beda immedjatament in-negozjar sabiex ifassal mill-ġdid dan il-proċess.

    ( 16 ) Fis-seduta, Parpública rrikonoxxiet li l-Istat Portugiż, issa bil-maġġoranza tal-kapital azzjonarju tal-kumpannija tal-ajru, għandu d-drittijiet tal-vot kollha marbuta mal-maġġoranza azzjonarja tiegħu.

    ( 17 ) L-Istat Portugiż huwa proprjetarju tal‑50 % tal-kapital azzjonarju u l‑5 % li jibqa’ huma tal-ħaddiema ta’ TAP.

    ( 18 ) Fost ħafna, is-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741), punt 35; tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C‑614/14, EU:C:2016:514), punt 19; tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874), punt 54; u tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236), punti 50155.

    ( 19 ) Jekk l-armonizzazzjoni tkun assoluta, id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-TFUE dwar il-libertà tal-provvista ta’ servizzi ma japplikawx, u l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni u mhux tad-dritt primarju, skont kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita inter alia, tas-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2015, RegioPost (C‑115/14, EU:C:2015:760), punt 57.

    ( 20 ) Pereżempju, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2017, Euro Park Service (C‑14/16, EU:C:2017:177), punt 59.

    ( 21 ) Punti 17 u 18 tan-nota ta’ osservazzjonijiet tiegħu.

    ( 22 ) Sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑367/98, EU:C:2002:326), Il-Kummissjoni vs Franza (C‑483/99, EU:C:2002:327) u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑503/99, EU:C:2002:328); tat‑13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑463/00, EU:C:2003:272) u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑98/01, EU:C:2003:273); tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Federconsumatori et (C‑463/04 u C‑464/04, EU:C:2007:752); tat‑28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑282/04 u C‑283/04, EU:C:2006:608); tat‑23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑112/05, EU:C:2007:623); tas‑26 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑326/07, EU:C:2009:193); tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑171/08, EU:C:2010:412); tal‑11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑543/08, EU:C:2010:669); u tal‑10 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑212/09, EU:C:2011:717).

    ( 23 ) Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑171/08, EU:C:2010:412), punt 60.

    ( 24 ) Sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑282/04 u C‑283/04, EU:C:2006:608), punt 29.

    ( 25 ) Sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑282/04 u C‑283/04, EU:C:2006:608), punt 30.

    ( 26 ) Punt 81 tan-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha.

    ( 27 ) Punti 63 u 64 tan-nota ta’ osservazzjonijiet tiegħu.

    ( 28 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, C‑338/09, EU:C:2010:814.

    ( 29 ) Ibidem, punt 34.

    ( 30 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Yellow Cab Verkehrsbetrieb (C‑338/09, EU:C:2010:814), punt 37: “li jiġi meħtieġ minn operatur ekonomiku, stabbilit fi Stat Membru ieħor u li jixtieq jikseb awtorizzazzjoni għal operat ta’ rotta regolari ta’ trasport ta’ persuni permezz tal-karozza tal-linja fl-Istat Membru ospitanti, li jkollu sede jew stabbiliment ieħor fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat qabel ukoll ma l-operat ta’ din il-linja jiġi konċessi lilu, għandu effett dissważiv. Fil-fatt, operatur ekonomiku normalment prudenti ma jkunx dispost li jagħmel investimenti, possibbilment sinjifikattivi, fl-inċertezza kompleta fir-rigward tal-kisba ta’ tali awtorizzazzjoni.”

    ( 31 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud — Wykonawstwo (C‑106/16, EU:C:2017:804), punt 33, biċ-ċitazzjoni tas-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Daily Mail and General Trust (81/87, EU:C:1988:456), punt 17. Wieħed jista’ jiltaqa’ ma’ iktar riferimenti fil-punt 35 tas-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785), fejn jitfakkar li, “[m]inkejja li, skont il-kliem tagħhom, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, dawn jipprekludu xorta waħda li l-Istat ta’ oriġini jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija kkostitwita skont il-leġiżlazzjoni tiegħu”.

    ( 32 ) Punt 25 tan-nota ta’ osservazzjonijiet tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi.

    ( 33 ) Dan ġie osservat fir-rigward tas-servizz universali tal-posta (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi,C‑282/04 u C‑283/04, EU:C:2006:608, punt 38) jew tas-servizzi regolari ta’ trasport marittimu li sejjer jew ġej minn xi gżejjer jew li jsir bejniethom (sentenza tal‑20 ta’ Frar 2001, Analir et, C‑205/99, EU:C:2001:107, punt 27).

    ( 34 ) Territorji li jiġu affettwati b’mod individwali mid-dikjarazzjoni ta’ prinċipju li tinsab fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 26 inkluż bħala anness tat-TFUE, fis-sens li l-valuri komuni tal-Unjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali skont l-Artikolu 14 TFUE jinkludu, b’mod partikolari, inter alia, “id-diversità bejn [tali] servizzi […] u d-differenzi fil-ħtiġijiet […] ta’ l-utenti li jistgħu jirriżultaw minn sitwazzjonijiet ġeografiċi […] differenti”.

    ( 35 ) Punt 71 tan-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha.

    ( 36 ) Punti 26 u 27 tan-nota ta’ osservazzjonijiet tiegħu. Il-“konklużjoni” hija bbażata fuq żewġ Avviżi tal-Kummissjoni skont ir-Regolament (KEE) Nru 2408/92, predeċessur tar-Regolament Nru 1008/2008: l-ewwel wieħed dwar obbligi ta’ servizz pubbliku għal servizzi bl-ajru skedati fil-Portugall (ĠU 1997, C 68, p. 6); u t-tieni wieħed dwar obbligi modifikati ta’ servizz pubbliku għal ċerti servizzi bl-ajru skedati fil-Portugall (ĠU 2007, C 108, p. 6).

    ( 37 ) Punt 107 tan-nota ta’ osservazzjonijiet ta’ Parpública, fejn tissemma l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal‑20 ta’ Ottubru 2010ex Artikolu 16(4) tar-Regolament Nru 1008/2008 dwar obbligi ta’ servizz pubbliku fir-rigward ta’ servizzi tal-ajru bi skeda (ĠU 2010, C 283, p. 14).

    ( 38 ) Fis-seduta ġie affermat li TAP ma operat l-ebda rotta koperta minn obbligu ta’ servizz pubbliku mit‑28 ta’ Marzu 2015. Minn din id-data, daħlet fis-seħħ sistema ta’ benefiċċju soċjali fir-rigward tal-mobbiltà, li ġie allokat lil biljett ta’ kwalunkwe kumpannija li tkopri ċerti rotot.

    ( 39 ) Enfasi miżjuda minni. Fl-oriġinali bil-Portugiż: “obrigações de serviço público que incumbam à TAP, SA”.

    ( 40 ) Fuq din il-linja, id-dispożizzjoni tispiċċa biċ-ċitazzjoni “[l]-kontinwità u t-tisħiħ ta’ rotot li joffru servizzi lir-reġjuni awtonomi, lill-komunitajiet Portugiżi bbażati barra mill-pajjiż u lill-pajjiżi u l-komunitajiet ta’ espressjoni jew lingwa uffiċjali Portugiża”. Għal darba oħra, hemm ħjiel ta’ eventwalità u, fi kwalunkwe każ, b’rabta mal-konnessjonijiet bl-ajru differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1008/2008.

    ( 41 ) Punt 36 tan-nota ta’ osservazzjonijiet tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi.

    ( 42 ) Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jappella s-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1998, Clean Car Autoservice (C‑350/96, EU:C:1998:205), punti 3637.

    ( 43 ) Punt 52 tan-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha.

    ( 44 ) Ibidem, punt 55.

    ( 45 ) Punti 40 u 41 tan-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha.

    ( 46 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016 (C‑201/15, EU:C:2016:972), punt 72.

    ( 47 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972), punt 77.

    Top