Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0535

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fit-18 ta’ Ottubru 2018.
    NK vs BNP Paribas Fortis NV.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 u Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi — Falliment ta’ uffiċjal ġudizzjarju – Azzjoni mressqa mil-likwidatur responsabbli għall-Amministrazzjoni u ta’ falliment.
    Kawża C-535/17.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:850

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOBEK

    ippreżentati fit‑18 ta’ Ottubru 2018 ( 1 )

    Kawża C‑535/17

    NK, fil-kwalità tiegħu ta’ likwidatur tal-fallimenti ta’ PI Gerechtsdeurwaarderskantoor BV u ta’ PI

    vs

    BNP Paribas Fortis NV

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Proċedura ta’ insolvenza — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Kamp ta’ applikazzjoni — Regolament (KE) Nru 864/2007 — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis — Talba għad-danni mressqa minn likwidatur kontra terz li kkawża dannu lill-kredituri”

    I. Introduzzjoni

    1.

    PI kien uffiċjal ġudizzjarju fil-Pajjiżi l-Baxxi. Huwa kellu kont kurrenti ma’ BNP Paribas Fortis NV (iktar ’il quddiem “Fortis”) fil-Belġju. PI kien juża l-kont għal finijiet professjonali relatati mal-prattika tiegħu ta’ uffiċjal ġudizzjarju. Fl‑2006, PI waqqaf kumpannija li permezz tagħha seta’ jwettaq l-attivitajiet tal-prattika ta’ uffiċjal ġudizzjarju. Huwa kien l-uniku azzjonist u d-direttur ta’ din il-kumpannija. Il-kumpannija kellha kont ieħor, kont fiduċjarju, ma’ Rabobank fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    2.

    F’Settembru 2008, PI ttrasferixxa EUR 550000 mill-kont fiduċjarju ma’ Rabobank fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-kont kurrenti ma’ Fortis fil-Belġju. Ftit ġranet wara, huwa ġibed dak l-ammont fi flus mill-kont kurrenti ma’ Fortis.

    3.

    Kemm PI u l-kumpannija ġew iddikjarati falluti. Il-likwidatur li qiegħed jittratta din il-proċedura ta’ falliment, li nfetħet fil-Pajjiżi l-Baxxi, issa qiegħed ifittex l-irkupru ta’ EUR 550000 mingħand Fortis fl-interess tal-korp ġenerali tal-kredituri ta’ PI u l-kumpannija. Dan it-tip ta’ talba huwa magħruf, fid-dritt Olandiż, bħala “l-azzjoni Peeters-Gatzen”. Dan kien ġie permess l-ewwel darba fl‑1983 minn deċiżjoni tal-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), il-qorti tar-rinviju fil-kawża ineżami.

    4.

    Għall-finijiet ta’ deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk talba bħall-azzjoni Peeters-Gatzen taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-insolvenza”) jew tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”).

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    1. Ir-Regolament Brussell I

    5.

    L-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Brussell I jistabbilixxi li r-regolament ma għandux japplika għal “falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi”.

    2. Ir-Regolament Ruma II

    6.

    L-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali ( 4 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma II”), jistabbilixxi:

    “Fl-eżami tal-komportament tal-persuna allegatament responsabbli, għandu jittieħed kont, bħala fatt u sa fejn ikun xieraq, tar-regoli ta’ sigurtà u ta’ kondotta li kienu fis-seħħ fil-post u fil-mument ta’ l-avveniment li wassal għar-responsabbiltà.”

    7.

    L-Artikolu 31 tar-Regolament Ruma II, huwa intitolat “Regola temporali relattiva għall-applikazzjoni”. Dan jistabbilixxi li r-regolament “għandu japplika għal avvenimenti li jwasslu għal dannu li jseħħu wara d-dħul fis-seħħ tiegħu”. Skont l-Artikolu 32, intitolat “Id-data ta’ applikazzjoni”, ir-regolament “għandu japplika mill‑11 ta’ Jannar 2009”.

    3. Ir-Regolament dwar l-insolvenza

    8.

    Il-premessa 6 tar-Regolament dwar l-insolvenza tistabbilixxi: “Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità dan ir-Regolament għandu jkun limitat għal dispożizzjonijiet li jirregolaw ġurisdizzjoni għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment u ġudizzji li jingħataw direttament fuq bażi ta’ proċedimenti ta’ falliment u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedimenti bħal dawn. […]”

    9.

    L-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-insolvenza jistabbilixxi regoli dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali. Il-paragrafu 1 tiegħu jagħti ġurisdizzjoni biex jinfetħu l-proċeduri ta’ insolvenza fil-“qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur”.

    10.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-insolvenza jiddetermina r-regoli dwar il-liġi applikabbli. Dan jistabbilixxi dan li ġej:

    “1.   Ħlief fejn ipprovdut b’ mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, minn hawn ‘il quddiem imsemmija bħala l-“Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti”.

    2.   Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’ mod partikolari:

    […]

    (ċ)

    il-poteri rispettivi tad-debitur u tal-likwidatur;

    […]

    (m)

    ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ invalidità, nuqqas ta’ irbit u nuqqas ta’ enforzabilità ta’ atti legali detrimentali għal kredituri kollha.”

    11.

    Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament dwar l-insolvenza, intitolat “Atti detrimentali”:

    “L-Artikolu 4(2) m’għandux japplika meta l-persuna li tibbenefika minn att detrimentali għal-kredituri kollha tipprovdi prova li:

    l-imsemmi att huwa suġġett għall-liġi ta’ Stat Membru apparti minn dak l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti, u

    dik il-liġi ma tippermettix xi meżżi biex jiġi disputat dak l-att fil-każ relevanti.”

    B.   Id-dritt Olandiż (u l-ġurisprudenza)

    1. L-azzjoni Peeters-Gatzen

    12.

    L-azzjoni Peeters-Gatzen ġiet permessa l-ewwel darba minn sentenza li ngħatat fl‑14 ta’ Jannar 1983 ( 5 ) mill-qorti tar-rinviju, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi). Fid-deċiżjoni tar-rinviju, din il-qorti ddeskriviet xi karatteristiċi prinċipali ta’ dan it-tip ta’ azzjoni, kif żviluppa fil-ġurisprudenza sussegwenti tagħha ( 6 ).

    13.

    Fejn il-kredituri sofrew dannu mill-parti falluta qabel il-falliment, likwidatur għandu s-setgħa li jiddefendi l-interessi tal-korp ġenerali tal-kredituri. Il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li f’ċerti ċirkustanzi jista’ jkun possibbli li tiġi eżegwita talba għad-danni li tirriżulta minn att dannuż kontra terz li kien involut fl-ikkawżar ta’ dak id-dannu, anki jekk tali talba ma kinitx disponibbli għall-parti falluta nnifisha. Ir-rikavati ta’ tali talba mressqa mil-likwidatur fl-interessi tal-korp ġenerali tal-kredituri jagħmlu parti mill-patrimonju, bħar-rikavati ta’ talba għal tħassir skont l-Artikolu 42 et seq. tal-Faillissementswet tat-30 ta’ Settembru 1893 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Insolvenza”, jew il-“Fw”). Dawn għalhekk jibbenefikaw lill-korp ġenerali tal-kredituri fil-forma ta’ żieda fl-assi tal-patrimonju.

    14.

    Il-likwidatur huwa intitolat li jressaq tali talbiet abbażi tal-Artikolu 68(1) tal-Fw li jgħaddilu l-kompitu li jamministra u jillikwida l-patrimonju fallut. Dak id-dritt li jressaq talba, irrispettivament minn jekk il-likwidatur jagħmilx użu minnu jew le, ma jipprekludix lill-kredituri individwali nnifishom milli jinfurzaw talba li huma intitolati għaliha minħabba att dannuż ta’ terz. Madankollu, l-importanza ta’ soluzzjoni xierqa għall-falliment tista’ teżiġi li jekk, abbażi tal-istess ġabra ta’ fatti, il-likwidatur huwa intitolat li jinforza talba li tirriżulta minn att dannuż għall-benefiċċju tal-korp ġenerali tal-kredituri kontra terz, l-ewwel għandha tiġi deċiża din it-talba, u sussegwentement dik tal-kreditur(i) individwali.

    15.

    Fl-evalwazzjoni tat-talba mressqa mil-likwidatur għall-benefiċċju tal-korp ġenerali tal-kredituri, ma hemm l-ebda lok għal eżami tal-pożizzjoni individwali ta’ kull wieħed mill-kredituri kkonċernati: l-ewwel prijorità hija li jiġi rrimedjat id-dannu li sofrew b’mod konġunt il-kredituri. Barra minn hekk, l-interess konġunt li l-likwidatur għandu l-għan li jipproteġi, jiġġustifika l-fatt li t-terz ma jistax, f’azzjoni Peeters-Gatzen, jiskjera d-difiżi kollha li setgħu kienu għad-dispożizzjoni tiegħu kontra ċerti kredituri individwali.

    16.

    Is-setgħa tal-likwidatur biex jippreżenta azzjoni Peeters-Gatzen ma hijiex limitata għal kazijiet fejn terz jappartjeni għal ċirku ta’ persuni li, abbażi ta’ talba Pauliana (falliment) (l-Artikolu 42 et seq. tal-Fw), ikun responsabbli għall-involviment fl-atti detrimentali allegati. Il-kompetenza tal-likwidatur tirrelata b’mod iktar ġeneriku għad-dannu kkawżat lill-korp ġenerali tal-kredituri mill-att dannuż ta’ terz involut fl-ikkawżar tad-dannu. It-terz ma għandux għalfejn ikun dak li kkawża d-dannu jew ikun iggwadanja minnu: huwa biżżejjed li dak it-terz seta’ jipprevjeni d-dannu iżda minflok ikkoopera fih.

    III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari

    17.

    PI kien uffiċjal ġudizzjarju f’Beek (fil-Pajjiżi l-Baxxi) mill‑2002 sakemm tneħħa mill-kariga tiegħu. Mill‑2002 ’il quddiem, PI kellu kont kurrenti ma’ Fortis, bank irreġistrat skont id-dritt Belġjan. Dan il-kont kurrenti kien jinsab fil-Belġju u kien użat għall-prattika ta’ PI ta’ uffiċjal ġudizzjarju biex jiġbor il-pagamenti mid-debituri Belġjani.

    18.

    Fl‑2006 PI waqqaf il-kumpannija b’responsabbiltà limitata, PI Gerechtsdeurwaarderskantoor BV (iktar ’il quddiem “PI BV”), li tagħha huwa kien l-unika azzjonist u l-unika direttur. Bit-twaqqif ta’ PI BV, l-assi tal-prattika ta’ uffiċjal ġudizzjarju ta’ PI li huwa kien preċedentement jopera bħala kummerċjant waħdieni, inkluż il-kont kurrenti ma’ Fortis, ġew assenjati mill-ġdid lil din il-kumpannija. PI BV kellha wkoll kont fiduċjarju ma’ Rabobank, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fir-rigward tal-prattika ta’ uffiċjal ġudizzjarju tagħha. Dan il-kont kellu fih il-fondi ta’ madwar 200 klijent mill-prattika ta’ uffiċjal ġudizzjarju.

    19.

    Bejn it-23 u s-26 ta’ Settembru 2008, PI ttrasferixxa total ta’ EUR 550000 mill-kont fiduċjarju ma’ Rabobank għall-kont kurrenti ma’ Fortis permezz tas-servizzi bankarji fuq l-internet. Fl‑1 u fit‑3 ta’ Ottubru 2008, PI ġibed total ta’ EUR 550000 fi flus mill-kont kurrenti ma’ Fortis fil-Belġju.

    20.

    Fis‑16 ta’ Diċembru 2008, PI tneħħa mill-kariga tiegħu minħabba miżapproprijazzjoni tal-fondi fdati lilu. Iktar tard ingħata sentenza ta’ ħabs abbażi tal-istess raġuni.

    21.

    Fit‑23 ta’ Ġunju 2009, PI BV ġiet iddikjarata falluta. Fit‑2 ta’ Marzu 2010 PI stess ġie ddikjarat fallut. Dawn il-fallimenti ġew ikkonsolidati. NK huwa l-likwidatur fiż-żewġ fallimenti.

    22.

    Il-likwidatur fetaħ proċeduri quddiem ir-Rechtbank Maastricht (il-Qorti Distrettwali ta’ Maastricht, il-Pajjiżi l-Baxxi; iktar ’il quddiem il-“qorti tal-ewwel istanza”), biex jikseb ordni biex Fortis tħallas EUR 550000. Huwa sostna li Fortis aġixxa b’mod dannuż fil-konfront tal-korp ġenerali tal-kredituri ta’ PI BV u PI billi ppermetta li l-ġbid tal-flus minn PI jseħħ mingħajr ebda ndħil, u b’hekk ma osservax l-obbligi statutorji tiegħu. Skont il-likwidatur, b’riżultat tal-atti ta’ Fortis il-kredituri fiż-żewġ fallimenti sofrew dannu.

    23.

    F’sentenza provviżorja, il-qorti tal-ewwel istanza ddikjarat li kellha ġurisdizzjoni tisma’ t-talba tal-likwidatur. Il-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi; iktar ’il quddiem il-“qorti tat-tieni istanza”) ikkonfermat din id-deċiżjoni permezz ta’ sentenza provviżorja tal‑4 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi li t-talba mressqa mil-likwidatur kienet ibbażata esklużivament fuq il-fallimenti ta’ PI u PI BV u għalhekk waqgħet fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-insolvenza.

    24.

    Permezz ta’ sentenza finali, il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet it-talba tal-likwidatur u kkundannat lil Fortis iħallas EUR 550000 lil-likwidatur.

    25.

    Fl-appell kontra s-sentenza finali, il-qorti tat-tieni istanza kkunsidrat fis-sentenza provviżorja tagħha tas‑16 ta’ Frar 2016 li peress li diġà ddeċidiet dwar il-ġurisdizzjoni fis-sentenza provviżorja tagħha tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ma setgħetx (bħala prinċipju) terġa’ tagħmel dan. Madankollu, hija nnotat ukoll li s-sentenzi sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition ( 7 ), u tal-11 ta’ Ġunju 2015, Comité d’entreprise de Nortel Networks et ( 8 ), ipprovdew sostenn għall-allegazzjonijiet ta’ Fortis li d-deċiżjoni fis-sentenza provviżorja tal‑4 ta’ Ġunju 2013 kienet waħda żbaljata. Għalhekk, il-qorti tat-tieni istanza ddeċidiet li tawtorizza appell provviżorju ta’ kassazzjoni dwar dan il-punt.

    26.

    Il-qorti tat-tieni istanza kkunsidrat ukoll li l-Wet Conflictenrecht Onrechtmatige Daad tal-11 ta’ April 2001 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kunflitt bejn il-Liġijiet dwar id-Delitti”, jew “WCOD”) tapplika għal dannu li jkun seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Ruma II tal‑11 ta’ Jannar 2009. Skont l-Artikolu 3 tal-WCOD it-talba kellha tiġi deċiża skont id-dritt Belġjan, peress li l-azzjonijiet ta’ Fortis seħħew fil-Belġju.

    27.

    Il-qorti tat-tieni istanza ddeċidiet ukoll li l-kwistjoni jekk likwidatur għandux is-setgħa li jressaq tip speċifiku ta’ talba, bħal azzjoni Peeters-Gatzen, għandha tiġi deċiża skont id-dritt li jirregola l-falliment (l-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament dwar l-insolvenza). Fil-kawża ineżami huwa d-dritt Olandiż li skontu likwidatur għandu s-setgħa li jippreżenta azzjoni Peeters-Gatzen.

    28.

    Il-likwidatur ippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kontra s-sentenza provviżorja tal-qorti tat-tieni istanza tas‑16 ta’ Frar 2016. Il-likwidatur argumenta li abbażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar l-insolvenza, il-qorti tat-tieni istanza kellha tikkonstata li l-azzjoni Peeters-Gatzen kellha titqies bħala “effett tal-proċedimenti ta’ falliment” u li għalhekk il-lex fori concursus (jiġifieri d-dritt Olandiż) kienet applikabbli għaliha.

    29.

    Fortis ippreżenta appell inċidentali kontra s-sentenzi provviżorji tal-qorti tat-tieni istanza tal‑4 ta’ Ġunju 2013 u tas‑16 ta’ Frar 2016. Huwa argumenta li l-qorti tat-tieni istanza injorat il-fatt li t-talba mressqa mil-likwidatur hija rregolata mir-Regolament Brussell I u mhux mir-Regolament dwar l-insolvenza. Azzjoni Peeters-Gatzen ma tkunx koperta mill-eċċezzjoni tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Brussell I, peress li t-talba hija bbażata fuq ir-regoli ordinarji tad-dritt ċivili u għalhekk ma torġinax direttament mir-regoli derogatorji speċifiċi dwar il-proċedura ta’ insolvenza.

    30.

    Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tinnota li azzjoni Peeters-Gatzen hija marbuta mad-dritt għal azzjoni tal-kredituri u mar-responsabbiltà tat-terz fil-konfront tal-kredituri, u li dan id-dritt għal azzjoni u din ir-responsabbiltà joriġinaw mir-regoli ordinarji tad-dritt ċivili. Madankollu, hija tenfasizza wkoll li s-setgħa tal-likwidatur li jressaq tali talba toriġina mir-regoli dwar l-insolvenza u li r-rikavati tat-talba jmorru lura għall-patrimonju, u mhux għand il-kredituri individwali.

    31.

    Il-qorti tar-rinviju għandha dubji wkoll fuq id-determinazzjoni tad-dritt applikabbli għat-talba. Il-qorti tat-tieni istanza għamlet distinzjoni bejn id-dritt applikabbli għas-setgħa tal-likwidatur biex jippreżenta azzjoni Peeters-Gatzen (il-ius agendi, li jkun suġġett għad-dritt Olandiż) u d-dritt sostantiv applikabbli għat-talba (li jkun id-dritt Belġjan). Madankollu, fil-każ li japplika r-Regolament dwar l-insolvenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk id-dritt applikabbli għat-talba skont l-Artikoli 4(2) tar-Regolament dwar l-insolvenza (id-dritt Olandiż) jirregolax it-talba fit-totalità tagħha, u għalhekk kemm fir-rigward tas-setgħa li tiġi mressqa talba kif ukoll fir-rigward tad-dritt sostantiv applikabbli għaliha. Barra minn hekk, jekk dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt Belġjan għandux, minkejja dan, jittieħed inkunsiderazzjoni biex tiġi evalwata r-responsabbiltà ta’ Fortis

    32.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “(1)

    L-azzjoni għad-danni li l-likwidatur tal-falliment, abbażi tal-Artikolu 68(1) tal-liġi dwar il-falliment li jinkarigah bil-ġestjoni u bil-likwidazzjoni tal-massa tal-falliment, jibda, f’isem il-kredituri kollha tal-persuna falluta kontra terz li kkawża dannu lil dawn il-kredituri, azzjoni li, fil-każ ta’ suċċess, il-benefiċċju li jirriżulta minnha jerġa’ lura fil-massa, taqa’ taħt l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat‑22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali?

    (2)

    Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u jekk, għaldaqstant, l-azzjoni inkwistjoni taqa’ taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad‑29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza], din l-azzjoni hija rregolata mil-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-proċedura ta’ insolvenza tinfetaħ, skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, kemm f’dak li jirrigwarda l-kompetenza tal-likwidatur sabiex jibda din l-azzjoni kif ukoll f’dak li jirrigwarda d-dritt li japplika għaliha fil-mertu?

    (3)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, il-qorti tal-Istat ta’ ftuħ għandha tieħu inkunsiderazzjoni, irrispettivament jekk hux b’analoġija jew le:

    (a)

    l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza], fis-sens li l-parti li r-responsabbiltà tagħha tinsab inkwistjoni tista’ tiddefendi ruħha mill-azzjoni mibdija mil-likwidatur f’isem il-kredituri kollha billi tipproduċi l-prova li l-atti tagħha ma jiskattawx ir-responsabbiltà tagħha skont il-liġi li kienet tkun applikabbli għall-azzjoni li kieku r-responsabbiltà tagħha ma kinitx tqajmet inkwistjoni mil-likwidatur iżda minn debitur individwali;

    (b)

    l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II), moqri flimkien mal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad‑29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza], jiġifieri r-regoli ta’ sigurtà u ta’ aġir fis-seħħ fil-post tal-fatt dannuż li huwa allegat, bħar-regoli ta’ aġir imposti fuq il-banek fil-qasam finanzjarju?

    33.

    Ġew ippreżentati sottomissjonijiet bil-miktub mil-likwidatur, minn Fortis, mill-Gvern Portugiż u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-likwidatur, Fortis u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fil‑5 ta’ Lulju 2018.

    IV. Evalwazzjoni

    34.

    Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej: Ser nibda billi nirrevedi l-kriterji ta’ delineazzjoni bejn ir-Regolament Brussell I u r-Regolament dwar l-insolvenza. L-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji għall-azzjoni Peeters-Gatzen ser twassalni għall-konklużjoni li tali talba taqa’ ratione materiae fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I (A). B’riżultat ta’ dan, ma naħsibx li huwa meħtieġ li nagħti risposta għat-tieni u t-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, sabiex nagħti kompletament l-appoġġ tiegħi lill-Qorti tal-Ġustizzja li kieku kellha tasal għal risposta differenti għall-ewwel domanda, ser nittratta b’mod konċiż il-kwistjoni jekk, skont ir-Regolament dwar l-insolvenza, il-lex fori concursus ġeneralment applikabbli, jistax jiġi limitat biss għal xi element ta’ talba (B), qabel ma finalment nittratta l-applikabbiltà potenzjali tar-Regolament Ruma II ratione temporis għall-każ fil-kawża prinċipali (Ċ).

    A.   L-ewwel domanda: il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I u tar-Regolament dwar l-insolvenza

    35.

    Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tfittex li taċċerta liema regolament (ir-Regolament Brussell I jew ir-Regolament dwar l-insolvenza) huwa applikabbli fir-rigward tat-talba għad-danni mressqa kontra terz minn likwidatur skont l-obbligu, impost fuq dan tal-aħħar mid-dritt nazzjonali dwar l-insolvenza, biex jamministra u jillikwida l-patrimonju fallut f’isem il-korp ġenerali tal-kredituri, meta din it-talba titressaq abbażi tal-fatt li dan it-terz ikkawża danni fil-konfront tal-kredituri, u meta r-rikavati tat-talba, jekk tintlaqa’, jiġu miżjuda mal-patrimonju.

    36.

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk tali talba taqax taħt l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Brussell I, li jistabbilixxi li dan ir-regolament ma japplikax għal “falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi”. Huwa biss f’każ li tali talba titqies bħala li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni li r-Regolament dwar l-insolvenza jkun japplika.

    1. Ir-relazzjoni bejn ir-Regolament Brussell I u r-Regolament dwar l-insolvenza

    37.

    Skont ġurisprudenza stabbilita ( 9 ), ir-Regolament Brussell I u r-Regolament dwar l-insolvenza għandhom jiġu interpretati b’mod li tiġi evitata kull sovrapożizzjoni bejn ir-regoli tad-dritt li dawn jistabbilixxu, minn naħa waħda u kwalunkwe lakuna legali, min-naħa l-oħra. Għaldaqstant, l-azzjonijiet esklużi, skont l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Brussell I, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-insolvenza. Min-naħa l-oħra, l-azzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-insolvenza għandhom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I.

    38.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, wara li kkunsidrat il-premessi tar-Regolament Brussell I, u b’mod partikolari l-premessa 7, li l-intenzjoni min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jipprevedi definizzjoni wiesgħa tal-kunċett “materji ċivili u kummerċjali” imsemmi fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament ( 10 ). Għall-kuntrarju, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-insolvenza għandu jiġi interpretat f’sens dejjaq ( 11 ).

    39.

    Ir-relazzjoni bejn iż-żewġ regolamenti għandha għalhekk tkun waħda ta’ komplementarjetà. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà nnotat li l-falliment u proċeduri simili ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-predeċessur legali tar-Regolament Brussell I, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 12 ), kemm minħabba n-natura speċjali tas-suġġett ikkonċernat, li jeżiġi regoli speċifiċi, u minħabba d-differenzi maġġuri bejn il-leġiżlazzjoni tal-Istati Kontraenti ( 13 ). Madankollu, lanqas ma huwa kkontestat ( 14 ) li din l-esklużjoni kienet minħabba l-fatt li meta l-Konvenzjoni ta’ Brussell ġiet adottata, kienet qiegħda tiġi binarjament abbozzata konvenzjoni dwar il-falliment, stralċ, arranġamenti, kompożizzjonijiet u proċedimenti simili sabiex tipprevedi r-regoli speċifiċi msemmija hawn fuq. Iż-żewġ konvenzjonijiet suppost kellhom ikunu komplementari, fis-sens li l-proċeduri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Falliment ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 15 ). Għalkemm il-Konvenzjoni dwar il-Proċeduri ta’ Insolvenza ( 16 ) qatt ma daħlet fis-seħħ, serviet bħala bażi għall-adozzjoni sussegwenti tar-Regolament dwar l-insolvenza li rriproduċa, f’termini identiċi, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni ( 17 ).

    2. L-esklużjoni: li tkun“ġejja direttament minn” u/jew li tkun “strettament marbuta ma’” proċedura ta’ insolvenza

    40.

    Fir-rigward tad-delineazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I u r-Regolament dwar l-insolvenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, fir-rigward tal-esklużjoni li tinsab fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Brussell I, li azzjonijiet li joriġinaw direttament minn proċedura ta’ insolvenza u huma strettament marbuta magħha ( 18 ) huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I ( 19 ). Konsegwentement, dawn l-azzjonijiet biss jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-insolvenza ( 20 ).

    41.

    Din il-formulazzjoni ġiet użata l-ewwel darba mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Gourdain ( 21 ). Kif innotat il-Qorti tal-Ġustizzja f’numru ta’ okkażjonijiet ( 22 ), l-istess formulazzjoni hija stabbilita wkoll fil-premessa 6 tar-Regolament dwar l-insolvenza biex tiddefinixxi s-suġġett ta’ dan tal-aħħar. L-istess formulazzjoni tintuża wkoll fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament dwar l-insolvenza. L-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi obbligu ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet li jingħataw minn qorti b’ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(1) tar-regolament ( 23 ). Skont it-tieni subparagrafu tal-istess artikolu, l-ewwel subparagrafu japplika wkoll għal “sentenzi li jirriżultaw direttament mill-proċedimenti ta’ falliment u li jkunu marbuta mill-qrib magħhom”. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha f’Seagon, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament dwar l-insolvenza “jagħti wkoll ġurisdizzjoni internazzjonali lil dak l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħu l-proċedimenti ta’ falliment sabiex jiddeċiedi dwar azzjonijiet li joriġinaw direttament minn dawn il-proċedimenti u li huma marbuta mill-qrib magħhom” ( 24 ).

    42.

    Għalhekk, din il-formulazzjoni ġiet kkwotata bħala t-test li għandu jintuża sabiex jiġi ddeterminat jekk talba (bħall-azzjoni Peeters-Gatzen fil-kawża ineżami) taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussells I jew tar-Regolament dwar l-insolvenza.

    3. It-test kif applikat: żewġ kriterji jew kriterju wieħed biss?

    43.

    Madankollu, huwa xieraq li wieħed jammetti li minn spezzjoni iktar bir-reqqa tal-ġurisprudenza, jidher li t-test li għandu jiġi applikat f’każijiet individwali ma huwiex kompletament inekwivoku, b’mod partikolari fir-rigward (i) id-definizzjoni tal-kontenut eżatt ta’ kull wieħed miż-żewġ kriterji stabbiliti u (ii) ir-relazzjoni reċiproka tagħhom.

    44.

    L-inċertezza diġà tibda fir-rigward tal-kontenut ta’ kull wieħed mill-kriterji. It-tifsira ta’ “ġejja direttament minn” tidher li tinbidel minn evalwazzjoni ta’ rabta diretta (għalhekk effettivament ġiet viċin, b’mod perikoluż, li tiġi magħquda mat-tieni kundizzjoni) f’analiżi tal-bażi legali tat-talba (fis-sens tal-kawża sottostanti tal-azzjoni). Il-fatt li huma “strettament marbutin” ma’ proċedura ta’ insolvenza tindika xi forma ta’ test ta’ prossimità, għalkemm ma huwiex kompletament ċar liema ċirkustanzi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġi evalwat jekk tali rabta stretta teżistix f’każ partikolari.

    45.

    Din l-inċertezza tkompli tiżdied minħabba nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tar-relazzjoni loġika bejn iż-żewġ kriterji, filwaqt li tixħet dubju fuq jekk it-tnejn humiex effettivament kundizzjonijiet differenti. L-użu ta’ “u” bħala konġunzjoni grammatikali tkun tissuġġerixxi wkoll konġunzjoni loġika: il-proposta sħiħa tkun vera biss jekk iż-żewġ proposti individwali jiġu ssodisfatti. Għalhekk, ikun hemm żewġ kriterji kumulattivi.

    46.

    Madankollu, il-ġurisprudenza ma tidħolx kompletament f’dan il-kwadru.

    47.

    F’xi każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċicidiet li fejn wieħed mill-kriterji ma huwiex biżżejjed, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat il-kriterju l-ieħor. Pereżempju, f’F-Tex il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li peress li l-azzjoni inkwistjoni ma kinitx strettament marbuta mal-proċedura ta’ insolvenza (it-tieni kundizzjoni) ma kienx meħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-azzjoni u dik il-proċedura (l-ewwel kundizzjoni) ( 25 ). F’Nickel & Goeldner Spedition, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-azzjoni inkwistjoni ma kellhiex rabta diretta mal-proċedura ta’ insolvenza (l-ewwel kundizzjoni), għalhekk ma kienx meħtieġ li jiġi eżaminat jekk dik l-azzjoni kinitx strettament marbut ma’ dik il-proċedura (it-tieni kundizzjoni) ( 26 ).

    48.

    F’każijiet oħra, il-fatt li wieħed mill-kriterji tat-test ma kienx issodisfatt ma żammx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli teżamina l-kriterju l-ieħor. Dan kien il-każ f’Tünkers France u Tünkers Maschinenbau, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li ddeċidiet li l-azzjoni inkwistjoni ma kienx ġej direttament minn proċedura ta’ insolvenza (l-ewwel kundizzjoni), kompliet billi eżaminat jekk l-azzjoni kinitx strettament marbuta ma’ dik il-proċedura (it-tieni kundizzjoni) ( 27 ). Minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li lanqas it-tieni kundizzjoni ma ġiet issodisfatta. Għalhekk, ċertament ma jistax jiġi dedott minn dan il-każ li waħda miż-żewġ kundizzjonijiet iġġorr iżjed piż mill-oħra. Iżda l-bżonn li jiġu eżaminati ż-żewġ kriterji jixħet dubju fuq in-natura kumulattiva tagħhom: jekk iż-żewġ kriterji għandhom jiġu ssodisfatti, ikun pjuttost inutli li wieħed jeżamina ż-żewġ kriterji meta huwa ċar li wieħed minnhom ma huwiex issodisfatt.

    49.

    Barra minn hekk, hemm ukoll każijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet kriterju li kien meqjus deċiżiv u ddikjarat li kien superjuri fuq l-ieħor.

    50.

    F’SCT Industri l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li fakkret li f’Gourdain kienet iddeċidiet li “azzjoni hija marbuta ma’ proċedimenti ta’ falliment fil-każ fejn din tirriżulta direttament u tkun marbuta mill‑qrib [ma’ proċedimenti ta’ falliment]” ikkonkludiet li “hija l-intensità tar-rabta li hemm fis-sens tal‑ġurisprudenza Gourdain, […], bejn azzjoni ġudizzjarja […] u l-proċedimenti ta’ falliment li hija determinati sabiex jiġi deċiż jekk l-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2)(b) tar-[Regolament Brussell I] għandhiex tiġi applikata” ( 28 ).

    51.

    Għall-kuntrarju, f’Nickel & Goeldner Spedition, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-kriterju determinanti […] sabiex tidentifika l-qasam li taqa’ fih azzjoni ma huwiex il-kuntest proċedurali li fih taqa’ din l-azzjoni, iżda l-bażi legali ta’ din tal-aħħar”. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li skont dan l-approċċ, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-dritt jew l-obbligu li fuqu tkun ibbażata l-azzjoni joriġinax minn regoli komuni tad-dritt ċivili jew kummerċjali jew minn regoli derogatorji, speċifiċi għall-proċeduri ta’ insolvenza ( 29 ).

    52.

    Għalhekk, għall-kuntrarju tal-approċċ f’SCT Industri, li enfasizza fuq it-tieni kundizzjoni tat-test, il-kriterju tal-bażi legali tal-azzjoni jidher li huwa marbut mal-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet tat-test, jiġifieri l-fatt li l-azzjoni ġejja direttament mill-proċedura ta’ insolvenza. Infatti, f’Nickel & Goeldner Spedition il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat l-azzjoni inkwistjoni fid-dawl ta’ dan il-kriterju u kkonkludiet li din l-azzjoni ma għandhiex rabta diretta mal-proċedura ta’ insolvenza, konklużjoni li implikat li ma kienx meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-azzjoni kinitx strettament marbuta ma’ dawk il-proċeduri ( 30 ).

    53.

    Iktar riċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ż-żewġ bażijiet legali u l-qrubija tar-rabta jikkostitwixxu kriterji determinanti: l-ewwel wieħed dwar l-analiżi tal-ewwel kundizzjoni (jekk l-azzjoni hijiex ġejja direttament mill-proċeduri ta’ insolvenza) u tal-aħħar dwar l-evalwazzjoni tat-tieni kundizzjoni (jekk l-azzjoni hijiex strettament marbuta ma’ tali proċedura) ( 31 ).

    54.

    Huwa għalhekk xieraq li jiġi rrikonoxxut li ma huwiex faċli li jiġi ddeterminat x’inhu l-kontenut eżatt tat-test u kif għandu jiġi applikat. L-applikazzjoni tat-test toxxilla bejn żewġ kundizzjonijiet kumulattivi (bi profili, madankollu, pjuttost sfumati), fejn drabi tgħaqqad iż-żewġ kundizzjonijiet f’waħda jew anki attwalment tissostitwixxihom bi kriterju fformulat b’mod differenti.

    55.

    Ma jistax wieħed jiċħad il-fatt li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar id-dritt internazzjonali privat dejjem se jkunu, kif inhu l-każ fi kwalunkwe kunflitt tar-regoli tad-dritt, dipendenti ħafna fuq il-fatti u l-kuntest, ikkaratterizzati minn approċċ li jimxi każ b’każ. Għalhekk, id-diskussjoni ta’ tassonomiji miżgħuda tfettiq għal qasam ta’ liġi li dejjem ser ikun inerentement irraġunat fuq bażi ta’ każ b’każ tista’ effettivament ma tidhirx bħala waħda meħtieġa: huwa fil-kuntest proċedurali ġenerali ta’ kull każ individwali li l-prossimità tat-talba inkwistjoni mal-proċedura ta’ insolvenza tista’ tiġi evalwata bl-aħjar mod, u għalhekk ikun possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi differenti (iżda preżumibbilment xorta rilevanti).

    56.

    Tkun kemm tkun ta’ tentazzjoni tali proposta in abstracto, l-argumenti ppreżentati mill-partijiet ikkonċernati f’dan il-każ juru b’mod ċar il-limiti ta’ tali approċċ. Mingħajr kjarifika dwar il-kundizzjoni(jiet) eżatti u r-relazzjoni tagħhom, il-prossimità ġenerali u/jew l-approċċ għall-evalwazzjoni tal-kuntest proċedurali jirriżultaw biex kull waħda mill-partijiet (kif ukoll, għal dan ir-rigward, il-qrati nazzjonali) li qiegħda tiffoka fuq aspett differenti ta’ talba u, abbażi ta’ dan, tevalwa jekk fil-fehma tagħhom l-azzjoni inkwistjoni hijiex suffiċjentement marbuta strettament mal-proċedura ta’ insolvenza li għaddejja jew le. Bla dubju, sa fejn elementi differenti huma meħudin bħala l-punt tat-tluq għall-evalwazzjoni, kull wieħed minn dawn l-approċċi jwassal għal riżultati differenti ħafna, b’mod partikolari fejn ikun hemm azzjoni ibrida bħal dik fil-kawża prinċipali.

    4. It-test: il-bażi legali tat-talba (sakemm ma huwiex marbut b’mod inseparabbli mal-proċedura ta’ insolvenza)

    57.

    Għalhekk, ser nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tafferma mill-ġdid it-test essenzjalment aċċettat minn żmien is-sentenza Nickel & Goeldner Spedition: il-verifika tad-dritt jew l-obbligu li jifforma l-bażi tal-azzjoni joriġina mir-regoli ordinarji tad-dritt ċivili u kummerċjali jew mir-regoli derogatorji speċifi għall-proċeduri ta’ insolvenza? Il-kriterju determinanti jkun għalhekk marbut mal-ewwel parti tat-test, jiġifieri jekk il-bażi legali għall-azzjoni tkunx ġejja direttament mir-regoli dwar l-insolvenza ( 32 ). It-tieni kundizzjoni tat-test tkun isservi iktar ta’ għodda ta’ verifika għar-riżultat milħuq abbażi tal-ewwel parti, iżda mhux bħala kriterju kompletament stabbilit għalih.

    58.

    Sabiex tiġi evalwata l-bażi legali tal-azzjoni, għandha tiġi eżaminata n-natura tat-talba fis-sens tal-kawża tal-azzjoni: hija azzjoni bbażata fuq regoli ordinarji (pereżempju regoli dwar id-delitti, dwar il-kuntratt, dwar l-arrikkimenti inġusti) jew pjuttost fuq regoli speċifiċi għall-insolvenza?

    59.

    Meta wieħed jikkunsidra x’inhi l-bażi legali tal-azzjoni, l-idea hija li tiġi identifikata l-oriġini u n-natura tat-talba fit-termini tal-analiżi sostantiva (prinċipali) li l-każ jitlob. Għalhekk, pereżempju, azzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu kuntrattwali għandha l-bażi legali tagħha fir-regoli ordinarji tad-dritt tal-kuntratti anki jekk hija ppreżentata minn likwidatur li qiegħed jaġixxi fl-interess tal-kredituri ( 33 ), li mbagħad timplika li r-rikavati (potenzjali) ser imorru lura fil-patrimonju. L-istess japplika għal azzjoni bbażata pereżempju, fuq ir-regoli dwar l-arrikkimenti inġusti jew, kif jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, fuq regoli dwar id-delitti.

    60.

    F’dawn il-każijiet, in-natura sottostanti tat-talba tibqa’ l-istess irrispettivament minn min jippreżenta l-azzjoni. Għalhekk, iċ-ċirkustanza li azzjoni ppreżentata minn (jew kontra) likwidatur sempliċement bħala konsegwenza tal-fatt li huwa ppreżentat waqt li l-proċedura ta’ insolvenza għadha għaddejja mhux ser tbiddel in-natura (prinċipali jew sottostanti) tat-talba. Il-bażi legali tagħha baqgħet l-istess ( 34 ). L-istess jista’ jingħad dwar il-fatt li r-rikavati tat-talba jerġgħu lura għall-patrimonju: jekk dan huwa sempliċement riżultat tal-azzjoni li qiegħda tiġi ppreżentata waqt il-proċedura ta’ insolvenza għadha miftuħa, ma għandu l-ebda effett fuq in-natura tat-talba.

    61.

    Iż-żewġ tibdiliet fl-“input” tat-talba (min iressaq l-azzjoni jew kontra min qiegħda titressaq) jew fl-“output” tagħha (fejn ser tasal il-proċedura) huma konsegwenzi naturali u meħtieġa tal-eżistenza tal-proċedura ta’ insolvenza li għadha għaddejja, iżda fihom innifishom ma jalternawx in-natura tat-talba li tressqet mil-likwidatur. Jekk jitħallew jiskattaw l-eżenzjoni mill-applikabbiltà tar-Regolament Brussell I favur ir-Regolament dwar l-insolvenza, mela virtwalment kull ħaġa li sseħħ waqt li l-proċedura ta’ insolvenza tkun miftuħa tkun tiskatta l-eżenzjoni. Tispiċċa tinfetaħ “black hole ta’ insolvenza”: minħabba li l-att legali twettaq minn likwidatur, li qiegħed jaġixxi bis-saħħa ta’ regoli speċifiċi relatati mal-insolvenza, u l-flus jiġu minn jew imorru lura għall-patrimonju, li huwa wkoll ir-riżultat ta’ regoli speċifiċi dwar l-insolvenza, mela kull ħaġa li qiegħda sseħħ fi ħdan dawn iż-żewġ parametri effettivament tkun taqa’ fi ħdan ir-Regolament dwar l-insolvenza.

    62.

    Għalhekk, pereżempju, likwidatur li ffirma kuntratt għall-provvista ta’ kartolerija li għandu bżonn biex iwettaq l-obbligi professjonali jidħol f’dan il-kuntratt b’rabta mal-kompiti assenjati lilu mir-regoli speċjali dwar l-insolvenza u jagħmel dan fl-interess tal-korp ġenerali tal-kredituri. Barra minn hekk, il-prezz tax-xiri (finalment) ser jitħallas mill-bqija tal-patrimonju. Madankollu, dan ċertament ma jfissirx li, jekk azzjoni għandha tiġi ppreżentata f’tilwima li tikkonċerna l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, din it-talba toriġina mir-regoli derogatorji speċifiċi għall-proċedura ta’ insolvenza. L-azzjoni prinċipali sottostanti li tirrelata ma’ tali tranżazzjoni b’mod ċar tibqa’ kuntrattwali.

    63.

    Barra minn hekk, għandha tiġi eżaminata l-bażi legali għat-talba (ir-regoli li ser ikunu applikabbli meta jiġi deċiż il-mertu tal-każ), u mhux ir-raġuni ekonomika jew finanzjarja tat-tranżazzjoni (pereżempju għalfejn ġie konkluż kuntratt, jew għalfejn fl-ewwel lok sar tentattiv ta’ ċertu aġir li finalment wassal għad-dannu kkawżat) u lanqas, fil-kuntest partikolari ta’ delitt, il-kwistjoni ta’ liema regoli ġew preċiżament (allegatament) miksura.

    64.

    Għalhekk, biex nipprovdi eżempju ieħor, wieħed jista’ jimmaġina likwidatur li kkawża inċident stradali waqt li kien sejjer jiltaqa’ mal-kredituri (għaliex moħħu kien iffukat fuq il-proċedura ta’ insolvenza minflok fuq it-triq). Jekk il-parti li korriet tixtieq tħarrek lil-likwidatur, mela n-natura tat-talba tkun b’mod ċar waħda ta’ delitt, irrispettivament mill-fatt li, sa ċertu punt, wieħed jista’ ċertament jissuġġerixxi li l-likwidatur kien involut f’inċident minħabba u waqt li kien qiegħed iwettaq il-kompiti imposti fuqu minn regoli speċjali dwar l-insolvenza.

    65.

    Minn din il-perspettiva, joħroġ ċar li t-tieni parti tal-formulazzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja jiġifieri jekk l-azzjoni hijiex strettament marbuta mal-proċedura ta’ insolvenza, ma hijiex effettivament kriterju indipendenti, iżda pjuttost element addizzjonali ta’ verifika tal-kriterju ewlieni, jiġifieri l-bażi legali. Għalhekk, il-kriterju ta’ rabta stretta jippermetti li ssir verifika dwar jekk l-evalwazzjoni bbażata fuq il-bażi legali hijiex korretta. Jagħmel dan billi jippermetti elementi kuntestwali oħrajn li jistgħu potenzjalment iwasslu, f’każijiet li huma pjuttost speċifiċi, għal soluzzjoni għajr dik li ntlaħqet skont il-kriterju tal-bażi legali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

    66.

    F’ħafna każijiet, l-eżistenza ta’ rabta stretta mal-proċedura ta’ insolvenza tkun ivverifikata billi wieħed jistaqsi mistoqsija pjuttost sempliċi: huwa possibbli li wieħed jippreżenta l-istess azzjoni – jiġifieri azzjoni bl-istess natura legali, iżda ovvjament ma tkunx identika fl-aspetti kollha – ’il barra mill-proċedura ta’ insolvenza li tkun għaddejja? Jekk it-tweġiba hija fl-affermattiv, mela x’aktarx li ma jkunx hemm rabta stretta li kapaċi timmodifika l-evalwazzjoni mwettqa skont l-ewwel parti tat-test, billi titqies in-natura legali tat-talba.

    67.

    Minn din il-perspettiva, ir-rabta stretta pjuttost tfisser bħala marbuta b’mod inseparabbli ma’. Din twassal għal test “iżda għal”: jekk azzjoni simili (għal darba oħra, mhux identika fit-termini tal-elementi proċedurali kollha tagħha, iżda fit-termini tagħha ta’ natura legali) tista’ tiġi ppreżentata b’mod parallel għal jew indipendentament minn proċedura ta’ insolvenza, sussegwentement huwa kkonfermat li tali azzjoni ma hijiex marbuta b’mod inseparabbli mal-proċeduri ta’ insolvenza.

    68.

    Tali test jippermetti għal konferma ulterjuri tan-nuqqas ta’ rilevanza tal-elementi tal-“input” jew tal-“output” ta’ talba msemmija iktar ’il fuq, sa fejn dawn huma sempliċement ikkawżati mill-eżistenza ta’ proċedura ta’ insolvenza li għadha għaddejja. Min-naħa l-oħra, it-tweġiba tista’ tkun differenti jekk azzjoni speċifika ma tistax tiġi ppreżentata minn jew kontra persuna għajr il-likwidatur tal-insolvenza, jew jekk teżiġi l-ftuħ preċedenti ta’ proċedura ta’ insolvenza.

    69.

    Finalment, ma tistax titwarrab kompletament il-possibbiltà li, f’każijiet tassew eċċezzjonali l-verifika bbażata fuq ir-rabta stretta tista’ tikkanċella r-riżultat tat-test tal-bażi legali. Din tista’ tiġri jekk azzjoni partikolari, filwaqt li fil-prinċipju hija bbażata fuq regoli ordinarji, hija kkaratterizzata minn numru tant kbir ta’ regoli derogatorji speċifiċi, pereżempju dwar is-suġġett tat-talba, dwar l-oneru tal-prova, jew dwar il-perijodu ta’ limitazzjoni, li huma differenti b’mod sinjifikattiv mir-reġim ġenerali li fil-fatt jammontaw għal reġim separat u speċifiku li, bħala riżultat, ikun kapaċi jmexxi dik l-azzjoni fil-qasam tal-insolvenza. B’mod metaforiku, jekk wieħed jibqa’ dejjem iżid l-elementi speċifiċi fi tpinġija ta’ żiemel inevitabbilment ser iwassal biex, f’ċertu punt, in-natura proprja tal-annimal deskritt tinbidel f’ġemel, iljunfant jew xi ħaġa oħra.

    70.

    Madankollu, filwaqt li jiġi applikat it-test u b’mod partikolari l-verifika tat-tieni stadju li għadni kif iddeskrivejt, l-approċċ ġenerali huwa infatti wieħed ta’ bżonn li ssemma kemm-il darba għal interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjoni tal-insolvenza fir-Regolament Brussell I ( 35 ). Dan ikompli jiġi enfasizzat mill-fatt li l-iskattar ta’ din l-eċċezzjoni x’aktarx ma jirriżultax biss f’deċiżjoni dwar ġurisdizzjoni internazzjoni iżda jaffettwa wkoll id-determinazzjoni tad-dritt applikabbli, kif ser jidher iktar ’il quddiem fir-risposti tiegħi għad-domandi l-oħra tal-qorti tar-rinviju.

    5. L-azzjoni Peeters-Gatzen

    71.

    Issa b’ħarsa speċifika fuq l-azzjoni Peeters-Gatzen inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tkun il-qorti tar-rinviju, bl-għarfien tagħha tar-regoli proċedurali nazzjonali li huma pjuttost kumplessi, li tapplika l-kunsiderazzjonijiet li ssuġġerejt iktar ’il fuq għal dan l-istrument proċedurali u għalhekk tiddetermina liema miż-żewġ regolamenti inkwisjtoni japplika għat-talba ineżami.

    72.

    Madankollu, jekk wieħed jikkunsidra l-karatteristiċi prinċipali tal-azzjoni Peeters-Gatzen kif ippreżentata fid-deċiżjoni tar-rinviju, evalwata fit-termini tan-natura legali tagħha fis-sens li għadu kif ġie deskritt, nikkunsidra li tali azzjoni hija azzjoni ta’ delitt. Għalhekk, nissuġġerixxi li din ma taqax fl-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Brussell I. Għalhekk, tali talba tibqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I.

    73.

    Id-deċiżjoni tar-rinviju tiddeskrivi l-azzjoni Peeters-Gatzen bħala talba li ġejja mir-regoli ordinarji tad-dritt ċivili, jiġifieri r-regoli dwar id-delitti. Din tiddikjara li minn sentenza tal-qorti tar-rinviju tal‑24 ta’ April 2009 ( 36 ) jidher li l-azzjoni Peeters-Gatzen hija bbażata fuq id-dannu kkawżat lill-kredituri mill-azzjonijiet tal-parti falluta u tat-terz. Tali talba tirrelata mad-dritt tal-kredituri għal azzjoni u r-responsabbiltà tat-terz fil-konfront tal-kredituri. Għalhekk, filwaqt li tippreżenta xi karatteristiċi speċifiċi għall-insolvenza, il-fatt jibqa’ li tali azzjoni ġejja minn delitt.

    74.

    Għalhekk, in-natura legali tat-talba ppreżentata mil-likwidatur kontra Fortis tidher li hija waħda ta’ delitt: hija bbażata fuq il-falliment allegat tal-bank biex jissodisfa l-obbligi statutorji tiegħu f’termini ta’ monitoraġġ u l-irrifjutar ta’ ġbid ta’ flus, li apparentement ikkawżaw id-dannu lill-kredituri (l-ewwel parti tat-test). L-ebda mill-karatteristiċi speċifiċi tal-azzjoni Peeters-Gatzen ippreżentata ma hija biżżejjed biex tiġi ġġustifikata konstatazzjoni li azzjoni bħal dik imnedija fil-kuntest tal-kawża prinċipali tkun infatti strettament marbuta mal-proċedura ta’ insolvenza sabiex tikkanċella l-fatt li n-natura legali tagħha hija dik ta’ delitt (it-tieni parti tat-test).

    75.

    Il-qorti tar-rinviju ssemmi tlieta minn dawn il-karatteristiċi speċifiċi fit-test tal-ewwel domanda.

    76.

    L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-azzjoni Peeters-Gatzen ġiet ippreżentata minn likwidatur skont kompitu li ngħatalu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-insolvenza: li jamministra u jillikwida l-patrimonju fallut f’isem u fl-interessi tal-korp ġenerali tal-kredituri. Din fiha nnifisha ma hijiex determinanti, minħabba li virtwalment l-azzjonijiet kollha ppreżentati minn likwidatur huma mwettqa abbażi tal-kompiti stabbiliti mir-regoli dwar l-insolvenza u għall-amministrazzjoni u l-likwidazzjoni tal-patrimonju f’isem u fl-interessi tal-korp ġenerali tal-kredituri. Kif diġà ġie diskuss iktar ’il fuq fil-punti 61 sa 64, li kieku dan kellu jkun element determinanti, mela kwalunkwe talba mressqa minn likwidatur fil-kapaċità uffiċjali tiegħu tkun, irrispettivament min-natura legali tagħha, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-insolvenza.

    77.

    It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-fatt li f’azzjoni Peeters-Gatzen il-likwidatur iressaq talba abbażi tar-raġuni li t-terz ikun ikkawża danni fil-konfront tal-kredituri. Ma naħsibx li dan l-element huwa kapaċi jiġġustifika rabta stretta ta’ dan it-tip ta’ talba mal-proċedura ta’ insolvenza. Pjuttost tenfasizza, fil-fehma tiegħi, in-natura ta’ delitt reali tal-azzjoni Peeters-Gatzen.

    78.

    It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll il-fatt li r-rikavati tat-talba ġew miżjuda mal-patrimonju. Għal darba oħra, kif ġie spjegat fil-punti 61 sa 64, dan l-element ma huwiex determinanti, peress li jkun irendi r-Regolament dwar l-insolvenza virtwalment applikabbli għat-talbiet kollha mressqa minn likwidatur. Infatti, ir-rikavati ta’ dawn it-talbiet normalment imorru lura għall-patrimonju, peress li l-kredituri bi dritt li jiksbu r-rikavati ta’ azzjoni speċifika huma l-eċċezzjoni, u mhux ir-regola fl-insolvenza.

    79.

    Apparti dawn l-elementi, iċċitati fit-test tal-ewwel domanda, id-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi wkoll żewġ elementi oħra li huma karatteristika ta’ dan it-tip ta’ talba u li ġew diskussi wkoll waqt is-seduta.

    80.

    L-ewwel element addizzjonali ġej minn sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2001 ( 37 )fejn il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li għalkemm l-azzjoni Peeters-Gatzen ma tipprekludix kredituri individwali milli jippreżentaw talba f’isimhom, jekk kreditur individwali jippreżenta tali talba, l-importanza ta’ soluzzjoni xierqa tal-falliment tista’ teżiġi li l-ewwel tiġi deċiża l-azzjoni Peeters-Gatzen.

    81.

    Dan l-element juri rabta bejn dan it-tip speċifiku ta’ talba u l-proċedura ta’ insolvenza, sa fejn it-trattament preferenzjali (potenzjali) tal-azzjoni Peeters-Gatzen tkun ibbażata fuq l-eżistenza ta’ din il-proċedura. Madankollu, fil-fehma tiegħi din ir-rabta ma tidhirx li hija waħda daqshekk stretta sabiex tikkanċella l-evalwazzjoni magħmula abbażi tan-natura tat-talba, minħabba li t-trattament preferenzjali ma jidhirx li jingħata awtomatikament: kif tinnota l-qorti tar-rinviju, fejn jeżistu azzjonijiet individwali paralleli, “jista’” ikun meħtieġ li l-ewwel tiġi deċiża l-azzjoni Peeters-Gatzen.

    82.

    It-tieni element addizzjonali enfasizzat mid-deċiżjoni tar-rinviju huwa li, skont sentenza tal-qorti tar-rinviju tat‑23 ta’ Diċembru 1994 ( 38 ), il-pożizzjoni tal-kredituri f’azzjoni Peeters-Gatzen tiġi eżaminata b’mod konġunt sabiex jiġi pprovdut rimedju għad-dannu li huma sofrew b’mod konġunt. Għalhekk it-terz ma jistax jinvoka d-difiżi li seta’ jkollu kontra l-kredituri individwali.

    83.

    Fil-fehma tiegħi, din il-karatteristika pjuttost ġejja min-natura kollettiva tal-azzjoni Peeters-Gatzen iktar milli mir-rabta tagħha mal-proċedura ta’ insolvenza ( 39 ). Madankollu, huwa vera li jista’ jiġi affermat li din il-limitazzjoni fuq id-difiżi li jistgħu jiġu invokati hija finalment fl-interess tal-proċedura ta’ insolvenza, sa fejn ittejjeb l-effiċjenza ta’ talba li, jekk tintlaqa’, tispiċċa żżid l-assi tal-patrimonju. Madankollu, tali karatteristika pjuttost inċidentali jew anċillari tal-azzjoni Peeters-Gatzen ma tidhirx li tistabbilixxi rabta suffiċjentement stretta bejn l-azzjoni u l-proċedura ta’ insolvenza li tkun tippermetti li l-konklużjoni ġenerali bbażata fuq l-evalwazzjoni tan-natura ta’ din it-talba tiġi rrevokata.

    84.

    Għar-raġunijiet kollha li ssemmew iktar ’il fuq, jien tal-fehma li talba għad-danni li ġejja minn regoli ordinarji tad-dritt ċivili, imressqa kontra terz minn likwidatur skont l-obbligu, impost fuqu mid-dritt nazzjonali dwar l-insolvenza, li jamministra u jillikwida l-patrimonju fallut f’isem il-korp ġenerali tal-kredituri, li ġiet imressqa abbażi tar-raġuni li t-terz ikkawża dannu fil-konfront tal-kredituri, u li r-rikavati tagħha ġew miżjuda mal-patrimonju, taqa’ ratione materiae fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I.

    B.   It-tieni domanda u l-ewwel parti tat-tielet domanda: il-kamp ta’ applikazzjoni tal-lex fori concursus skont ir-Regolament dwar l-insolvenza.

    85.

    It-tieni u t-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jiġu ttrattati biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-azzjoni Peeters-Gatzen taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-insolvenza. Fid-dawl ta’ risposta fin-negattiv li jien nissuġġerixxiha għal din id-domanda, ma naħsibx li huwa meħtieġ li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet domanda. Madankollu, sabiex nagħti kompletament l-appoġġ tiegħi lill-Qorti tal-Ġustizzja li kieku kellha tagħżel konklużjoni differenti għall-ewwel domanda, ser nittratta b’mod konċiż dawn id-domandi fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    86.

    Bit-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, f’każ li l-azzjoni Peeters-Gatzen hija koperta mir-Regolament dwar l-insolvenza, tali talba tkunx irregolata, skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, mid-dritt tal-Istat Membru fejn infetħet il-proċedura ta’ insolvenza fir-rigward kemm tas-setgħa tal-likwidatur biex iressaq din it-talba u d-dritt sostantiv applikabbli għal din it-talba.

    87.

    Din id-domanda tfittex li tiddetermina jekk huwiex possibbli li jiġi segwit l-approċċ tal-qorti tat-tieni istanza fil-kawża prinċipali u għalhekk li jiġi sseparat id-dritt li jirregola s-setgħat tal-likwidatur (ius agendi) mid-dritt applikabbli għall-mertu tat-talba. Jekk tali approċċ kellu jiġi segwit, is-setgħat tal-likwidatur ikunu rregolati mil-lex fori concursus (jiġifieri mid-dritt Olandiż), kif stabbilit mill-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament dwar l-insolvenza. L-artikolu jistabbilixxi li “[l]-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti […] [g]ħand[ha] [t]iddetermina b’ mod partikolari […] il-poteri rispettivi tad-debitur u tal-likwidatur”. Madankollu, il-mertu tat-talba għandu jkun irregolat mid-dritt applikabbli bis-saħħa tal-kunflitt ġenerali (mhux ta’ insolvenza) tar-regoli tad-dritt. Fil-kawża ineżami dan ikun iwassal għall-applikazzjoni tar-regoli Olandiżi dwar il-kunflitt tal-liġijiet, minħabba li r-Regolament Ruma II ma japplikax ratione temporis (ara t-Taqsima C iktar ’il quddiem). F’dan il-każ, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, ir-regola applikabbli tkun l-Artikolu 3 tal-WCOD li skontha t-talba għandha tiġi deċiża abbażi tad-dirtt Belġjan, peress li l-atti ta’ Fortis seħħew fil-Belġju.

    88.

    Tali separazzjoni tad-dritt applikabbli għal kull element tal-azzjoni jidhirli li huwa problematiku ( 40 ).

    89.

    L-ewwel nett, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja ( 41 ), il-premessa 23 tar-Regolament dwar l-insolvenza tiddikjara li dan ir-regolament, “għandu jesiġi, għall-materji koperti minnu, regoli uniformi dwar kunflitt ta’ liġijiet, li jibdlu, fl-iskop tal-applikazzjoni tagħhom, ir-regoli nazzjonali tal-liġi privata internazzjonali”. Il-premessa żżid ukoll li “il-lex concursus tiddetermina l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment, kemm proċedurali kif ukoll sostantivi, fuq il-persuni u relazzjonijiet legali li jikkonċernawhom” ( 42 ). Għalhekk, jekk l-azzjoni Peeters-Gatzen kienet koperta mir-Regolament dwar l-insolvenza, l-elementi kollha tagħha jkunu rregolati esklużivament mill-kunflitt tar-regoli tad-dritt ta’ dan ir-regolament.

    90.

    It-tieni nett, jidher ċar li d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament dwar l-insolvenza jfittxu li jiksbu, bħala regola ġenerali, identità bejn forum u ius, jiġifieri korrispondenza bejn il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali u d-dritt applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza. Infatti, skont l-Artikolu 4(1), “[ħ]lief fejn ipprovdut b’ mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura” ( 43 ). Fil-fehma tiegħi, ir-regolament ma jipprovdi l-ebda eċċezzjoni li tista’ tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ liġi għajr dik tal-lex fori concursus għall-mertu ta’ talba bħal dik tal-azzjoni Peeters-Gatzen, li kieku tali talba kellha tkun irregolata mir-Regolament dwar l-insolvenza.

    91.

    F’każ li s-separazzjoni tad-dritt applikabbli għall-azzjoni ma hijiex possibbli, il-qorti tar-rinviju qiegħda tfittex, permezz tal-ewwel parti tat-tielet domanda, li taċċerta jekk id-dritt Belġjan jistax jittieħed inkusiderazzjoni b’mod differenti. Din tistaqsi jekk il-qrati tal-Istat Membru fejn infetħet il-proċedura ta’ insolvenza jistgħux jieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tar-Regolament dwar l-insolvenza, sabiex il-konvenut ikun jista’ jiddefendi ruħu kontra azzjoni Peeters-Gatzen billi jagħti prova li l-aġir tiegħu ma jkunx jiskatta r-responsabbiltà tiegħu li kieku ġie evalwat abbażi tad-dritt li kien ikun applikabbli għat-talba li kieku din tressqet minn kreditur individwali b’riżultat tal-att dannuż, minflok mil-likwidatur (jiġifieri d-dritt Belġjan).

    92.

    Skont l-Artikolu 4(2)(m) tar-Regolament dwar l-insolvenza “[l]-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti […] għand[ha] [t]iddetermina b’ mod partikolari […] ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ invalidità, nuqqas ta’ irbit u nuqqas ta’ enforzabilità ta’ atti legali detrimentali għal kredituri kollha”.

    93.

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 13 jipprevedi eċċezzjoni għall-applikabbiltà tal-Artikolu 4(2)(m), billi jistabbilixxi li dan tal-aħħar “m’għandux japplika meta l-persuna li tibbenefika minn att detrimentali għal-kredituri kollha tipprovdi prova li (i) l-imsemmi att huwa suġġett għall-liġi ta’ Stat Membru apparti minn dak l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti, u (ii) dik il-liġi ma tippermettix xi meżżi biex jiġi disputat dak l-att fil-każ relevanti”. Għalhekk, l-Artikolu 13 jista’ biss ikun applikabbli għal każijiet fejn l-Artikolu 4(2)(m) huwa applikabbli.

    94.

    Huwa diffiċli biex wieħed jara kif l-azzjoni Peeters-Gatzen inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tikkwalifika bħala regola “li għand[ha] x’[taqsam] ma’ invalidità, nuqqas ta’ irbit u nuqqas ta’ enforzabilità ta’ atti legali detrimentali għal kredituri kollha”, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(m) tar-Regolament dwar l-insolvenza. L-għan ta’ tali azzjoni ma huwiex dikjarazzjoni ta’ invalidità, nuqqas ta’ rbit jew nuqqas ta’ enforzabbiltà ta’ att ta’ terz, iżda l-irkupru tad-danni kkawżati minn aġir dannuż tal-istess terz fil-konfront tal-kredituri. Għalhekk, peress li l-Artikolu 4(2)(m) tar-regolament ma japplikax fil-kawża prinċipali, lanqas l-eċċezzjoni tal-Artikolu 13 ma tista’ tapplika.

    95.

    Ostakolu ieħor fl-applikabbiltà tal-Artikolu 13 jidher li ġej mill-formulazzjoni u l-għan tiegħu. Jekk wieħed idawwar il-formulazzjoni, din id-dispożizzjoni tirreferi għal “l-persuna li tibbenefika minn att detrimentali għal-kredituri” (enfasi miżjuda minni). Jekk wieħed iħares lejn l-għan tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eċċezzjoni stabbilità mill-Artikolu 13, li għandha tiġi interpretata b’mod ristrett ( 44 ), “[hija] intiż[a] li [t]ipproteġi l-aspettattivi leġittimi tal-persuna li bbenefikat minn att li jikkawża preġudizzju lill-kredituri kollha, billi [t]ipprovdi li dan l-att għandu jibqa’ rregolat, anki wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, mid-dritt li kien applikabbli għalih fid-data ta’ meta twettaq […]” ( 45 ).

    96.

    Fil-kawża ineżami ma nistax nara att li minnu bbenefika Fortis u li kellu jinżamm sabiex jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi ta’ Fortis. Għalhekk, l-eċċezzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament dwar l-insolvenza, suġġetta għal obbligu ta’ interpretazzjoni ristretta ma tistax tiġi kkunsidrata li tapplika għall-kawża prinċipali.

    97.

    Bħala konklużjoni, jekk l-azzjoni Peeters-Gatzen kellha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-insolvenza tkun esklużivament irregolata mil-lex fori concursus. Barra minn hekk, l-Artikolu 13 tar-regolament ma jistax jiġi invokat biex jittieħed inkunsiderazzjoni dritt differenti.

    98.

    Permezz ta’ rimarka addizzjonali, jista’ jingħad ukoll li d-diskussjoni f’din it-taqsima tidher, fil-fehma tiegħi, li qiegħda tkompli tikkonferma li r-risposta t-tajba għall-ewwel domanda hija dik li l-azzjoni Peeters-Gatzen ma hijiex irregolata mir-Regolament dwar l-insolvenza. Infatti, jekk tali azzjoni kellha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, dan ikun ifisser li d-dritt applikabbli għad-delitt allegat ma jkunx id-dritt Belġjan (id-dritt tal-post fejn seħħ id-delitt allegat), iżda d-dritt Olandiż (id-dritt tal-post fejn infetħet il-proċedura ta’ insolvenza sussegwenti kontra l-persuna li kienet allegata li bbenefikat mid-delitt). Dan il-fatt ikun jiskatta, kif intwera mid-diskussjoni f’din it-taqsima, il-ħtieġa prattika għal kostruzzjoni legali pjuttost artifiċjali u kkumplikata sabiex titreġġa’ lura l-operazzjoni tar-regoli ġenerali tar-Regolament dwar l-insolvenza li ċertament jitolbu li wieħed isaqsi għalfejn dawn ir-regoli, fl-ewwel lok, għandhom jiġu applikati. Tali sforzi pjuttost jikkonfermaw li infatti ma hemmx rabta stretta u meħtieġa bejn l-azzjoni u l-proċedura ta’ insolvenza.

    C.   It-tieni parti tat-tielet domanda: ir-Regolament Ruma II

    99.

    Bit-tieni parti tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’każ li l-azzjoni Peeters-Gatzen hija esklużivament suġġett għal-lex fori concursus, ikunx possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm jekk direttament jew almenu b’analoġija, u abbażi tal-Artikolu 17 tar-Regolament Ruma II moqri flimkien mal-Artikoli 13 tar-Regolament dwar l-insolvenza, ir-regolamenti ta’ sigurtà u l-kodiċijiet ta’ kondotta applikabbli fil-post tal-att dannuż allegat (jiġifieri, fil-Belġju) bħar-regoli finanzjarji dwar il-kondotta tal-banek.

    100.

    Sa fejn naf jien, l-Artikolu 17 tar-Regolament Ruma II qatt ma ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-evalwazzjoni tal-kondotta tal-persuna allegatament responsabbli, din id-dispożizzjoni tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni (iktar milli l-applikazzjoni), bħala kwistjoni ta’ fatt (iktar milli regola legali) u sa fejn huwa xieraq (li x’aktarx b’ċerta libertà għall-imħallef), tar-regoli dwar is-sigurtà u l-kondotta li kienu fis-seħħ fil-post u fiż-żmien tal-avveniment li wassal għar-responsabbiltà.

    101.

    Sabiex jiġi applikat l-Artikolu 17 tar-Regolament Ruma II fil-kawża prinċipali, dan ir-regolament irid ikun applikabbli ratione temporis. Huwa minnu li d-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Ruma II, kif stabbilit mill-Artikoli 31 u 32 ta’ dan ir-regolament ma hijiex evidenti minnha nnifisha. Madankollu, f’Homawoo l-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati bħala li jeżiġu li qorti nazzjonali tapplika r-Regolament f’każijiet li jwasslu għal danni li jseħħu wara l-11 ta’ Jannar 2009 biss. Id-data tal-bidu tal-proċedura għall-kumpens tad-dannu ma għandha l-ebda rilevanza għall-finijiet ta’ determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-regolament ( 46 ).

    102.

    Għalhekk, fid-dawl tas-sentenza Homawoo, u mingħajr il-ħtieġa li jiġi vverifikat jekk ir-regoli finanzjarji dwar il-kondotta tal-banek jaqgħux fil-kunċett ta’ “regoli dwar is-sigurtà u l-kondotta”, jien tal-fehma li l-Artikolu 17 tar-Regolament Ruma II ma jistax jiġi applikat għall-kawża prinċipali.

    103.

    Finalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 17 tar-Regolament Ruma II (kif ukoll l-Artikolu 13 tar-Regolament dwar l-insolvenza) fil-kawża ineżami. Huwa ċertament minnu li kwalunkwe regola jew prinċipju legali tal-Unjoni, kemm jekk humiex fis-seħħ jew le, jekk jipproduċux effetti legali vinkolanti jew le, jistgħu potenzjalment jittieħdu inkunsiderazzjoni b’analoġija minn qorti nazzjonali, sa fejn ir-regoli nazzjonali tagħha dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni jippermettu dan ( 47 ), u sa fejn il-qorti nazzjonali tqis tali ispirazzjoni fakultattiva mfassla mid-dritt tal-Unjoni bħala utli biex tissolva l-kawża ineżami.

    104.

    Madankollu, fil-fehma tiegħi l-iktar mistoqsija rilevanti hija, għal darba oħra ( 48 ), jekk huwiex tassew meħtieġ li jsir użu minn kostruzzjoni legali kkumplikata, f’dan il-każ l-applikazzjoni ta’ regoli b’analoġija, ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u temporis tagħhom, sabiex tintlaħaq soluzzjoni (l-applikazzjoni tad-dirtt Belġjan) għall-problema (l-applikabbiltà tad-dritt Olandiż bis-saħħa tar-Regolament dwar l-insolvenza) li fl-ewwel lok lanqas biss kellha tinħoloq (peress li t-talba Peeters-Gatzen inkwistjoni kellha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I). Fi kwalunkwe każ, jien tal-fehma anki fuq dan ir-rigward, li dawn id-domandi mill-qorti tar-rinviju pjuttost jikkonfermaw li ma hemm l-ebda rabta stretta bejn l-azzjoni u l-proċedura ta’ insolvenza.

    V. Konklużjoni

    105.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domandi preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi):

    Talba għad-danni li toriġina minn regoli ordinarji tad-dritt ċivili, bħal dik fil-kawża prinċipali, imressqa kontra terz minn likwidatur skont l-obbligu, impost fuqu mid-dritt nazzjonali dwar l-insolvenza, li jamministra u jillikwida l-patrimonju fallut f’isem il-korp ġenerali tal-kredituri, li ġiet imressqa abbażi tar-raġuni li dan it-terz ikkawża dannu fil-konfront tal-kredituri u li r-rikavati tagħha ġew miżjuda mal-patrimonju, taqa’ ratione materiae fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191.

    ( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.

    ( 4 ) ĠU 2007 L 199, p. 40

    ( 5 ) ECLI:NL:HR:1983:AG4521, NJ 1983/597.

    ( 6 ) Il-qorti tar-rinviju tikkwota s-sentenzi tagħha tat‑23 ta’ Diċembru 1994, ECLI:NL:HR:1994:ZC1590, NJ 1996/628, tal‑21 ta’ Diċembru 2001, ECLI:NL:HR:2001:AD 2684, NJ 2005/95, tas‑16 ta’ Settembru 2005, ECLI:NL:HR:2005:AT7797, NJ 2006/311, u tal‑24 ta’ April 2009, ECLI:NL:HR:2009:BF3917, NJ 2009/416.

    ( 7 ) C‑157/13, EU:C:2014:2145.

    ( 8 ) C‑649/13, EU:C:2015:384.

    ( 9 ) Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 21); tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Comité d’entreprise de Nortel Networks et (C‑649/13, EU:C:2015:384, punt 26); u tad‑9 ta’ Novembru 2017, Tünkers France u Tünkers Maschinenbau (C‑641/16, EU:C:2017:847, punt 17). Ara wkoll, fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012 L 351, p. 1; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I bis”), is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017. Valach et (C‑649/16, EU:C:2017:986, punt 24).

    ( 10 ) Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2009, German Graphics Graphische Maschinen (C‑292/08, EU:C:2009:544, punti 22 u 23), u tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 22). Ara wkoll is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Valach et (C‑649/16, EU:C:2017:986, punt 25).

    ( 11 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, German Graphics Graphische Maschinen (C‑292/08, EU:C:2009:544, punt 25), u tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 22). Ara wkoll is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Valach et (C‑649/16, EU:C:2017:986, punt 25).

    ( 12 ) Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, (ĠU 1972, L 299, p. 32).

    ( 13 ) Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Frar 1979, Gourdain (133/78, EU:C:1979:49, punt 3), u tat‑2 ta’ Lulju 2009, SCT Industri (C‑111/08, EU:C:2009:419, punt 20).

    ( 14 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, F-Tex (C‑213/10, EU:C:2012:215, punt 21).

    ( 15 ) Ara r-Rapport dwar il-Kovenzjoni dwar ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, imfassal minn P. Jenard (ĠU 1979, C 59, p. 1, f’p. 11 u 12). Ara wkoll ir-Rapport dwar il-Konvenzjoni dwar l-Assoċjazzjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għal Konvenzjoni dwar ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali u l-Protokoll dwar l-interpretazzjoni tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1979 C 59, p. 71 punt 53).

    ( 16 ) Infetħet biex tiġi ffirmata mill-Istati Membri fit‑23 ta’ Novembru 1995.

    ( 17 ) Sentenza tad‑19 ta’ April 2012, F-Tex (C‑213/10, EU:C:2012:215, punt 24).

    ( 18 ) Dawn l-azzjonijiet jirreferu għalihom bħala “azzjonijiet annessi” fis-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Comité d’entreprise de Nortel Networks et (C‑649/13, EU:C:2015:384).

    ( 19 ) Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, jiġifieri l-punt 2 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1, ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Frar 1979, Gourdain (133/78, EU:C:1979:49, punt 4), u tat‑12 ta’ Frar 2009, Seagon (C‑339/07, EU:C:2009:83, punt 19). Dwar ir-Regolament Brussell I, ara s-sentenzi tad‑19 ta’ April 2012, F-Tex (C‑213/10, EU:C:2012:215, punt 29); tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 23); u tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Comité d’entreprise de Nortel Networks et (C‑649/13, EU:C:2015:384, punt 27). Dwar ir-Regolament Brussell I bis, ara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Valach et (C‑649/16, EU:C:2017:986, paragraph 26).

    ( 20 ) Sentenzi tad‑19 ta’ April 2012, F-Tex (C‑213/10, EU:C:2012:215, punt 29); tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 23); tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Comité d’entreprise de Nortel Networks et (C‑649/13, EU:C:2015:384, punt 27); jew tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Valach et (C‑649/16, EU:C:2017:986, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 21 ) Sentenza tat‑22 ta’ Frar 1979, Gourdain (133/78, EU:C:1979:49, punt 4).

    ( 22 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2009, Seagon (C‑339/07, EU:C:2009:83, punt 20); tad‑9 ta’ Novembru 2017, Tünkers France u Tünkers Maschinenbau (C‑641/16, EU:C:2017:847, punt 20); u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Valach et (C‑649/16, EU:C:2017:986, punt 27).

    ( 23 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2009, Seagon (C‑339/07, EU:C:2009:83, punt 25).

    ( 24 ) Sentenza tat‑12 ta’ Frar 2009, Seagon (C‑339/07, EU:C:2009:83, punt 21). Din ir-regola ġiet sussegwentement ikkodifikata fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015 L 141, p. 19), li ħassret ir-Regolament dwar l-insolvenza iżda li ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża ineżami. Skont din id-dispożizzjoni, “[i]l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkunu nfetħu proċedimenti ta’ insolvenza f’konformità mal-Artikolu 3 ikollhom ġurisdizzjoni għal kull azzjoni li tirriżulta direttament mill-proċedimenti ta’ insolvenza u li tkun marbuta magħhom, bħal azzjonijiet ta’ nullità”.

    ( 25 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, F-Tex (C‑213/10, EU:C:2012:215, punti 47 u 48).

    ( 26 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145, punti 30 u 31).

    ( 27 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Tünkers France u Tünkers Maschinenbau (C‑641/16, EU:C:2017:847, punti 22, 27 u 28).

    ( 28 ) Sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2009, SCT Industri (C‑111/08, EU:C:2009:419, punti 21 u 25) (enfasi miżjuda minni). Ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, German Graphics Graphische Maschinen (C‑292/08, EU:C:2009:544, punt 29).

    ( 29 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 27) (enfasi miżjuda minni). Ara wkoll is-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Comité d’entreprise de Nortel Networks et (C‑649/13, EU:C:2015:384, punt 28), u iktar riċenti, tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Valach et (C‑649/16, EU:C:2017:986, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 30 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145, punti 30 u 31). Huwa interessanti li wieħed jinnota, f’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “bażi legali” diġà ssemma (bit-termini “bażi legali”) f’Gourdain, għalkemm f’dan il-każ tali kunċett għamel riferiment għaż-żewġ partijiet tat-test: ara s-sentenza tat‑22 ta’ Frar 1979, Gourdain (133/78, EU:C:1979:49, punt 4).

    ( 31 ) Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2017, Tünkers France u Tünkers Maschinenbau (C‑641/16, EU:C:2017:847, punti 22 u 28), u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Valach et (C‑649/16, EU:C:2017:986, punti 29 u 37).

    ( 32 ) Dwar l-importanza tat-test tal-bażi legali, ara wkoll Virgós M. u Schmit E., Rapport dwar il-Konvenzjoni dwar il-Proċedimenti ta’ Insolvenza tat-3 ta’ Mejju 1996 (Dokument tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Nru 6500/96, DRS 8 (CFC)), punt 196.

    ( 33 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 29).

    ( 34 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, German Graphics Graphische Maschinen (C‑292/08, EU:C:2009:544, punti 32 u 33).

    ( 35 ) In-noti ta’ qiegħ il-paġna 10 u 11, iktar ’il fuq.

    ( 36 ) ECLI:NL:HR:2009:BF3917, NJ 2009/416.

    ( 37 ) ECLI:NL:HR:2001:AD 2684, NJ 2005/95.

    ( 38 ) ECLI:NL:HR:1994:ZC1590, NJ 1996/628.

    ( 39 ) It-trattament effiċjenti tal-azzjonijiet kollettivi normalment jipprekludi eżami individwali tas-sitwazzjoni ta’ kull rikorrent fil-konfront tal-konvenut: ara pereżempju fir-rigward tal-azzjonijiet kollettivi Olandiżi, Bosters, T., Collective Redress and Private International Law in the EU, T.M.C. Asser Press, The Hague, 2017, pp. 38 u 39.

    ( 40 ) Mill-mod ta’ kif issuġġeriet il-qorti tar-rinviju, jiġifieri jekk ir-Regolament dwar l-insolvenza kellu jkun applikabbli għat-talba għad-danni kontra Fortis, iżda mhux għal “l-elementi kollha” ta’ din l-azzjoni. Madankollu, nixtieq nagħmilha ċara li l-fatt li r-Regolament dwar l-insolvenza ma huwiex naturalment applikabbli għal tali azzjoni ma jinvolvix li r-Regolament dwar l-insolvenza ma jkunx rilevanti għad-determinazzjoni tas-setgħat tal-likwidatur fil-proċedura ta’ insolvenza li tkun għaddejja, inkluż il-kwistjoni ta’ locus standi biex wieħed jippreżenta azzjoni (f’materji ta’ delitt) fi Stat Membru ieħor.

    ( 41 ) Sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Vinyls Italia (C‑54/16, EU:C:2017:433, punt 47).

    ( 42 ) Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, ENEFI (C‑212/15, EU:C:2016:841, punt 17). Enfasi miżjuda minni.

    ( 43 ) Dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament dwar l-insolvenza, ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Kornhaas (C‑594/14, EU:C:2015:806, punt 17).

    ( 44 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Nike European Operations Netherlands (C‑310/14, EU:C:2015:690, punt 18).

    ( 45 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Nike European Operations Netherlands (C‑310/14, EU:C:2015:690, punt 19). Ara wkoll is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Vinyls Italia (C‑54/16, EU:C:2017:433, punt 30).

    ( 46 ) Sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2011, Homawoo (C‑412/10, EU:C:2011:747, punt 37).

    ( 47 ) Ara, fir-rigward tar-rikors għall-analoġija fid-dritt tal-Unjoni, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1985, Krohn (165/84, EU:C:1985:507, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 48 ) Punt 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet, iktar ’il fuq.

    Top