Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0461

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fis-7 ta’ Awwissu 2018.
Brian Holohan et vs An Bord Pleanála.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (l-Irlanda).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali – Konservazzjoni tal-fawna u tal-flora selvaġġa – Proġett ta’ kostruzzjoni ta’ toroq – Evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq l-ambjent – Portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti – Anness IV, punt 3 – Artikolu 5(3)(d) – Portata tal-kunċett ta’ ‘alternattivi ewlenin prinċipali’.
Kawża C-461/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:649

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis‑7 ta’ Awwissu 2018 ( 1 )

Kawża C‑461/17

Brian Holohan et,

vs

An Bord Pleanála,

fil-preżenza ta’:

National Parks and Wildlife Service (NPWS)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Żona speċjali ta’ konservazzjoni – Evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ proġett fuq sit – Proġett ta’ kostruzzjoni ta’ triq – Motivazzjoni – Alternattivi ewlenin”

I. Introduzzjoni

1.

Id-dritt tal-ambjent tal-Unjoni Ewropea jitlob diversi evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent. Għal proġetti individwali għandhom sinjifikat partikolari l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva 2011/92/KE ( 2 ) u l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għal siti protetti skont id-Direttiva 92/43/KEE ( 3 ).

2.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, dovuta għal awtorizzazzjoni ta’ triq periferali fejn Kilkenny fl-Irlanda, tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża r-rekwiżiti sostantivi ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, partikolarment fir-rigward tal-ispeċi milquta minn proġett u l-evalwazzjoni ta’ alternattivi.

3.

B’mod partikolari, il-mistoqsijiet dwar it-trattament ta’ alternattivi fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jirrappreżentaw diffikultajiet, iżda r-risposti kollha għad-domandi magħmula jistgħu jipprovdu kontribuzzjonijiet sinjifikattivi għaċ-ċertezza legali fit-twettiq taż-żewġ evalwazzjonijiet.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva dwar il-habitats

4.

L-Artikolu 1(e) tad-Direttiva dwar il-habitats jiddefinixxi l-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali kif ġej:

“l-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali jfisser l-influwenzi kollha li jagħfsu fuq l-habitat naturali u l-ispeċi tipiċi tiegħu li jistgħu jaffettwaw it-tqassim naturali tiegħu fit-tul, l-istruttura u l-funzjonijiet kif ukoll l-għajxien fit-tul ta’ l-ispeċi tipiċi tiegħu fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2.

L-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali jitqies “favorevoli” meta:

il-medda naturali tiegħu u ż-żoni li jkopri f’dik il-medda huma stabbli jew qed jiżdiedu, u

l-istruttura speċifika u l-funzjonijiet li huma meħtieġa biex ikun mantenut fit-tul jeżistu u x’aktarx jibqgħu jeżistu fil-ġejjieni prevedibbli, u

l-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-ispeċi tipiċi hu favorevoli kif imfisser f’(i);”.

5.

L-Artikolu 2(2) u (3) tad-Direttiva dwar il-habitats jinkludi l-għanijiet essenzjali għall-applikazzjoni tagħhom:

“2.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

6.

L-evalwazzjoni ta’ pjanijiet u proġetti hija rregolata kif ġej fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats:

“Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.”

7.

Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-habitats, l-Artikolu 6(2) sa (4) ta’ din l-aħħar direttiva japplika wkoll għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni li ġew stabbiliti skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/147/KE ( 4 ).

2. Id-Direttiva SEA

8.

Il-kontenut fundamentali tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent huwa stipulat fl-Artikolu 3 tad-Direttiva SEA:

“L-istima dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi mal-Artikoli 4 sa 12, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

(a)

il-bniedem, il-fawna u l-flora;

(b)

il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;

(c)

il-beni materjali u l-wirt kulturali;

(d)

l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fil punti (a), (b) u (c).”

9.

L-Artikolu 5(1) u (3) tad-Direttiva SEA jistabbilixxi liema informazzjoni għandha tiġi ppreżentata mill-iżviluppatur:

“1.   Fil-każ ta’ proġetti li, skont l-Artikolu 4, iridu jiġu soġġetti għal stima dwar l-impatt fuq l-ambjent b’mod konformi ma’ dan l-Artikolu u l-Artikoli 6 sa 10, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-iżviluppatur iforni f’għamla xierqa t-tagħrif speċifikat fl-Anness IV sa fejn:

(a)

l-Istati Membri jikkunsidraw li t-tagħrif ikun rilevanti għal stadju partikolari tal-proċedura tal-kunsens u għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ proġett partikolari jew ta’ tip ta’ proġett u dwar il-karatteristiċi ambjentali li x’aktarx jiġu affettwati;

(b)

l-Istati Membri jikkunsidraw li żviluppatur jista’ raġjonevolment ikun meħtieġ li jiġbor dan it-tagħrif u jagħti każ, fost ħwejjeġ oħra, tal-għarfien u l-metodi ta’ stima attwali.

2.   […]

3.   It-tagħrif li għandu jiġi pprovvdut mill-iżviluppatur b’mod konformi mal-paragrafu 1 għandu mill-inqas jinkludi:

(a)

deskrizzjoni tal-proġett li tinkludi tagħrif dwar is-sit, id-disinn u d-daqs tal-proġett;

(b)

deskrizzjoni tal-miżuri previsti sabiex jevitaw, inaqqsu u, jekk ikun possibbli, jirrimedjaw effetti negattivi sinifikanti;

(c)

id-data meħtieġa biex jidentifikaw u jistmaw l-effetti ewlenin li l-proġett x’aktarx li jkun sejjer ikollu fuq l-ambjent;

(d)

il-punti prinċipali tal-alternattivi ewlenin studjati mill-iżviluppatur u indikazzjoni tar-raġunijiet prinċipali għall-għażla tiegħu, fid-dawl tal-effetti fuq l-ambjent;

(e)

sommarju mhux tekniku tat-tagħrif imsemmi fil-punti (a) sa (d).”

10.

L-Anness IV tad-Direttiva SEA jispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-alternattivi u l-effetti speċifiċi fuq l-ambjent:

“2.   Il-punti prinċipali tal-alternattivi ewliena studjati mill-iżviluppatur u indikazzjoni tar-raġunijiet prinċipali għall-għażla tiegħu, filwaqt li jitqiesu l-effetti fuq l-ambjent.

3.   Id-deskrizzjoni tal-aspetti tal-ambjent li x’aktarx jiġu affettwati b’mod sinifikanti mill-proġett propost, inklużi, b’mod partikolari, il-popolazzjoni, il-fawna, il-flora, il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-fatturi klimatiċi, il-beni materjali, inklużi l-wirt arkitettoniku u arkeoloġiku, il-pajsaġġ u l-inter-relazzjonijiet bejn il-fatturi msemmija hawn fuq.”

11.

Il-premessa 13 tad-Direttiva SEA tirrigwarda l-proċedura ta’ definizzjoni tal-ambitu skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva SEA:

“Huwa xieraq li tiġi stabbilita proċedura sabiex tgħin lill-iżviluppatur jikseb opinjoni mingħand l-awtoritajiet kompetenti dwar il- kontenut u d-daqs tat-tagħrif li għandu jiġi preċiżat u fornit għall-istima. L-Istati Membri, fil-qafas ta’ din il-proċedura, jistgħu jeħtieġu li l-iżviluppatur jipprovdi, fost ħwejjeġ oħra, alternattivi għall-proġetti li għalihom ikun beħsiebu jissottometti applikazzjoni.”

III. Il-fatti u r-rinviju għal deċiżjoni preliminari

12.

An Bord Pleanála (l-Aġenzija Nazzjonali fil-Qasam tal-Iżvilupp tal-Art, l-Irlanda, iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) huwa l-korp Irlandiż responsabbli għall-ħruġ ta’ permess tal-bini għal proġetti ta’ kostruzzjoni ta’ triq ippjanati, għall-istabbiliment tal-ambitu tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent meħtieġa u jagħti pariri abbażi tal-informazzjoni ppreżentata.

13.

Fis-sena 2008 l-iżviluppatur, il-Kilkenny County Council (il-Kunsill tal-kontea ta’ Kilkenny, l-Irlanda), ippreżenta lill-Aġenzija talba għal approvazzjoni ta’ proġett ta’ kostruzzjoni ta’ triq li jkopri l-kostruzzjoni ta’ triq ġdida u ta’ pont fuq ix-xmara Nore kif ukoll tal-esproprjazzjoni mill-proprjetarji tal-art meħtieġa. Il-bini ta’ din it-triq periferali għandu l-għan li jiġi kkompletat ċirku stradali magħluq madwar l-erja tal-belt ta’ Kilkenny, sabiex inter alia titnaqqas il-konġestjoni fuq ġewwa tal-belt. Il-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ triq ippjanat jgħaddi minn diversi riżervi naturali: jgħaddi mis-Special Protection Area (iż-Żona ta’ Protezzjoni Speċjali, iktar ’il quddiem is-“SPA”) “River Nore SPA” (il-Kodiċi Natura 2000 IE0004233) indikata skont id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, minn candidate Special Area of Conservation (Żona Prevista għall-Identifikazzjoni Bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni, iktar ’il quddiem is-“SAC futura”) fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva dwar il-habitats, jiġifieri mir-“River Barrow and River Nore SAC” (il-Kodiċi Natura 2000 IE0002162) kif ukoll sit li l-klassifikazzjoni tiegħu bħala “National Heritage Area” (Żona ta’ Patrimonju Nazzjonali) kien ġie propost.

14.

Fil‑11 ta’ Lulju 2014 l-Aġenzija adottat deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni tal-iżvilupp tat-triq magħruf bl-isem “estensjoni tal-Kilkenny Northern Ring Road”, kif ukoll tal-ordni ta’ esproprjazzjoni mitluba. Quddiem il-qorti tar-rinviju r-rikorrenti qegħdin jitolbu stħarriġ ta’ din id-deċiżjoni u l-annullament tagħha minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni.

15.

Fl‑4 ta’ Mejju 2017 il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) iddeċidiet f’din il-proċedura li tagħmel din it-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, li waslet fit‑28 ta’ Lulju 2017:

“1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal‑21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata, għandha l-effett li dikjarazzjoni tal-impatt ambjentali (Natura impact statement) għandha tidentifika l-firxa kollha tal-habitats u tal-ispeċi li għalihom is-sit huwa elenkat?

2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal‑21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata, għandha l-effett li l-impatt potenzjali fuq l-ispeċi kollha (mhux biss speċi protetti) li jikkontribwixxu u li jagħmlu parti minn habitat protett għandu jiġi identifikat u diskuss f’dikjarazzjoni tal-impatt ambjentali?

3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal‑21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata, għandha l-effett li dikjarazzjoni tal-impatt ambjentali għandha tindirizza espressament l-impatt tal-iżvilupp propost fuq l-ispeċi u l-habitats protetti li t-tnejn jinsabu fis-sit ŻSK kif ukoll speċi u habitats li jinsabu barra mill-konfini tiegħu?

4)

Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata, għandha l-effett li dikjarazzjoni tal-impatt ambjentali għandha tindirizza espressament jekk l-iżvilupp propost huwiex ser ikollu impatt sinjifikattiv fuq l-ispeċi identifikati fid-dikjarazzjoni?

5)

Alternattiva li ġiet ikkunsidrata mill-iżviluppatur u li ġiet diskussa fl-evalwazzjoni tal-impatt ambjentali, u/jew li ġiet sostnuta minn uħud mill-partijiet interessati, u/jew li ġiet ikkunsidrata mill-awtorità kompetenti, għandha titqies bħala “alternattiva ewlenija” fis-sens tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata, anki jekk din tkun ġiet skartata mill-iżviluppatur fi stadju bikri?

6)

Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata, għandha l-effett li evalwazzjoni tal-impatt ambjentali għandha tinkludi biżżejjed informazzjoni dwar l-impatt ambjentali ta’ kull alternattiva sabiex ikun jista’ jitwettaq paragun bejn ix-xewqat ambjentali tal-alternattivi differenti; u/jew li għandu jiġi espressament indikat fid-dikjarazzjoni tal-impatt ambjentali b’liema mod ittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti ambjentali tal-alternattivi?

7)

Ir-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata, li r-raġunijiet għall-għażla tal-iżviluppatur għandhom jittieħdu “fid-dawl tal-effetti fuq l-ambjent”, japplika biss għall-alternattiva magħżula jew anki għall-alternattivi ewlenin studjati, b’tali mod li tkun meħtieġa analiżi ta’ dawn l-alternattivi sabiex jiġu indirizzati l-effetti ambjentali tagħhom?

8)

Il-fatt li dettalji tal-fażi tal-kostruzzjoni (pereżempju s-sit tal-kostruzzjoni u r-rotot) jistgħu jiġu deċiżi wara li jingħata l-kunsens huwa kompatibbli mal-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal‑21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata, u jekk dan ikun il-każ, awtorità kompetenti tista’ tippermetti li kwistjonijiet bħal dawn jiġu ddeterminati permezz ta’ deċiżjoni unilaterali tal-iżviluppatur, fil-kuntest ta’ kwalunkwe permess ta’ żvilupp maħruġ, li għandha tiġi nnotifikata lill-awtorità kompetenti minflok tiġi approvata minnha?

9)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal‑21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata, għandha l-effett li awtorità kompetenti għandha tirreġistra, b’mod suffiċjentement iddetalljat u ċar sabiex jitneħħa kull dubju dwar it-tifsira u l-effett ta’ tali opinjoni, sa fejn l-opinjoni xjentifika ppreżentata lilha targumenta favur il-kisba ta’ informazzjoni addizzjonali qabel il-ħruġ tal-permess tal-iżvilupp?;

10)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal‑21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata, għandha l-effett li l-awtorità kompetenti għandha tagħti raġunijiet jew raġunijiet iddettaljati għaċ-ċaħda ta’ konklużjoni tal-ispettur tagħha li hija meħtieġa informazzjoni addizzjonali jew studju xjentifiku qabel il-ħruġ ta’ permess tal-iżvilupp?; u

11)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal‑21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata, għandha l-effett li awtorità kompetenti, fit-twettiq ta’ evalwazzjoni xierqa, għandha tipprovdi raġunijiet iddettaljati u espressi għal kull element tad-deċiżjoni tagħha?”

16.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Irlanda, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Madankollu, ir-Repubblika Ċeka ma pparteċipatx fis-seduta tas‑16 ta’ Mejju 2018.

IV. L-analiżi ġuridika

17.

Sussegwentement, fl-ewwel lok, ser niddiskuti d-domandi li jikkonċernaw id-Direttiva dwar il-habitats u mbagħad id-domandi dwar id-Direttiva SEA.

A.   Fuq id-Direttiva dwar il-habitats

18.

Id-domandi dwar id-Direttiva dwar il-habitats fl-ewwel lok jirrigwardaw il-portata tal-evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva (ara l-punt 1. hawn taħt), imbagħad is-setgħat ta’ deċiżjoni li jistgħu jiġu ddelegati lill-iżviluppatur fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett skont din id-dispożizzjoni (ara l-punt 2. hawn taħt), u finalment ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li d-deċiżjoni li tawtorizza proġett għandha tissodisfa (ara l-punt 3. hawn taħt).

1. Fuq l-ewwel tliet domandi – portata tal-evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats

19.

L-ewwel tliet domandi tal-High Court (il-Qorti Għolja) jirrigwardaw il-portata tal-evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. Din proprju tistaqsi jekk “Natura Impact Statement” (dikjarazzjoni tal-impatt Natura) għandhiex tinkludi ċerta informazzjoni.

20.

Id-Direttiva dwar il-habitats, madankollu, ma tistipulax metodu partikolari għat-twettiq ta’ tali evalwazzjoni ( 5 ) u wisq inqas ma tistipula rekwiżiti speċifiċi li n-“Natura Impact Statement” prevista fid-dritt Irlandiż għandha tissodisfa. Barra minn hekk, l-Aġenzija ssostni wkoll li, minbarra dan id-dokument, jiġu ssottomessi wkoll osservazzjonijiet u teħid ta’ pożizzjoni oħra li kollha jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

21.

Madankollu, sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċċara liema rekwiżiti għandhom jiġu stabbiliti għal evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

a) Fuq l-ewwel domanda – indikazzjoni tal-habitats u tal-ispeċi kollha protetti

22.

Bl-ewwel domanda l-High Court (il-Qorti Għolja) tixtieq issir taf jekk matul l-evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, il-habitats u l-ispeċi li għalihom is-sit huwa elenkat għandhomx jiġu identifikati fit-totalità tagħhom. Id-domanda hija dovuta għall-fatt li diversi speċi u tipi ta’ habitats, li għall-protezzjoni tagħhom ġie stabbilit is-sit ta’ importanza għall-Komunità, ma jissemmewx fid-dokumenti ta’ evalwazzjoni ppreżentati.

23.

Fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin ser nuri li, għalkemm l-evalwazzjoni, b’mod inekwivoku, għandha teskludi kull deterjorazzjoni sinjifikattiva tat-tipi ta’ habitats u speċi kollha protetti fis-sit ikkonċernat, din l-esklużjoni tista’ ssir ukoll impliċitament.

24.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats jinkludi sensiela sħiħa ta’ obbligi u ta’ proċeduri speċjali maħsuba sabiex jiġu żgurati, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, iż-żamma jew, jekk ikun il-każ, l-istabbiliment mill-ġdid, ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats naturali u b’mod partikolari taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoin ( 6 ).

25.

Għal dan il-għan, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats jipprevedi proċedura ta’ evalwazzjoni maħsuba sabiex jiġi żgurat, permezz ta’ kontroll ex ante, li pjanijiet jew proġetti li ma jkunux marbuta direttament ma’ jew meħtieġa għall-ġestjoni tas-sit ikkonċernat, iżda li jistgħu jaffettwaw lil dan tal-aħħar b’mod sinjifikattiv, ikunu awtorizzati biss sakemm (effettivament) ma jippreġudikawx dan is-sit fit-totalità tiegħu ( 7 ).

26.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, għandha ssir evalwazzjoni xierqa tal-kompatibbiltà ta’ tali pjanijiet u proġetti mal-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għal dan is-sit, jekk ma jistax jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li dawn, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jistgħu jaffettwaw ħażin b’mod sinjifikattiv l-imsemmi sit ( 8 ). Fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku fil-qasam, għandhom jiġu identifikati l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett inkwistjoni li jistgħu jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit ( 9 ). L-evalwazzjoni ta’ dan ir-riskju għandha tiġi stabbilita b’mod partikolari fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn dan il-pjan jew proġett ( 10 ).

27.

Meta pjan jew proġett, jirriskja li jikkomprometti l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit, dan għandu jiġi meqjus bħala li jista’ jaffettwa lil dan is-sit b’mod sinjifikattiv ( 11 ). Sabiex ma jkunx ippreġudikat is-sit fit-totalità tiegħu bħala habitat naturali, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, huwa meħtieġ li s-sit jinżamm fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Għal dan il-għan, għandhom jinżammu b’mod sostenibbli l-karatteristiċi kostitwenti tas-sit ikkonċernat, marbuta mal-preżenza ta’ tip ta’ habitat naturali li l-għan ta’ preżervazzjoni tiegħu ġġustifika l-inklużjoni ta’ dan is-sit fil-lista tas-siti ta’ importanza għall-Komunità, fis-sens ta’ din id-direttiva ( 12 ). Dan irid japplika wkoll, mutatis mutandis, f’dak li jikkonċerna l-ispeċi protetti.

28.

Kif taċċenna korrettament ir-Repubblika Ċeka, fil-prinċipju ma għandhomx għalfejn jiġu mistħarrġa l-effetti fuq ċerti tipi ta’ habitats u speċi inklużi fl-Annessi I u II tad-Direttiva dwar il-habitats kif ukoll fuq għasafar migratorji u għasafar inklużi fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi li, għalkemm ikunu preżenti fis-sit protett, ma jkunux koperti mill-għanijiet ta’ konservazzjoni. Madankollu, dan japplika biss jekk dawn l-inċidenzi tant ikunu irrilevanti li ma jkunx hemm għalfejn jiġu inklużi b’mod supplimentari fl-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit.

29.

Finalment, l-evalwazzjoni mwettqa skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats ma tistax ma tkunx kompleta u għandha tinkludi konstatazzjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jeliminaw kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar l-effetti tax-xogħlijiet ippjanati fis-sit protett inkwistjoni ( 13 ). Issa, evalwazzjoni ma tistax titqies li hija “xierqa” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats fl-assenza ta’ data aġġornata li tikkonċerna l-habitats u l-ispeċi protetti ( 14 ).

30.

Għaldaqstant, l-evalwazzjoni trid tissostanzja b’mod inekwivoku għalfejn it-tipi ta’ habitats u l-ispeċi protetti ma humiex ser jiġu affettwati. B’hekk, f’ċerti każijiet jaf ikun biżżejjed li jiġi stabbilit li fl-artijiet ikkonċernati huma preżenti biss ċerti tipi ta’ habitats u speċi protetti, jiġifieri li ma hemmx preżenza ta’ tipi ta’ habitats u speċi oħrajn li huma protetti fis-sit. Madankollu, mill-evalwazzjoni jrid jirriżulta wkoll li x-xogħlijiet fl-artijiet ikkonċernati ma jistgħux iwasslu għal effetti negattivi fuq dawn it-tipi ta’ habitats u speċi oħra, sa fejn ikunu preżenti f’żoni oħra tas-sit.

31.

Min-naħa l-oħra, is-sempliċi silenzju dwar ċerti tipi ta’ habitats jew speċi normalment ma jirrappreżentax konstatazzjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jeliminaw kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar l-effetti tax-xogħlijiet mistħarrġa.

32.

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, għalkemm l-evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats ma għandhiex għalfejn tidentifika espressament u kompletament il-habitats u l-ispeċi li għalihom is-sit ġie elenkat bħala sit ta’ importanza għall-Komunità jew huwa protett bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni skont id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, din l-evalwazzjoni mill-inqas trid tinkludi, impliċitament, konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jeliminaw kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar l-effetti tax-xogħlijiet inkwistjoni fuq it-tipi ta’ habitat u l-ispeċi protetti.

b) Fuq it-tieni domanda – teħid inkunsiderazzjoni ta’ tipi oħra ta’ habitats u speċi

33.

Bit-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiċċara jekk id-Direttiva dwar il-habitats titlobx li, f’evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats iridu jiġu identifikati u eżaminati l-effetti potenzjali fuq l-ispeċi kollha (u mhux biss fuq l-ispeċi protetti), li jikkontribwixxu għal habitat protett u li huma parti minnu.

34.

Kif diġà għidt ( 15 ), għar-rekwiżiti ta’ din l-evalwazzjoni huma rilevanti l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit, jiġifieri qabel kollox l-ispeċi u t-tipi ta’ habitats protetti. Fl-istess waqt jista’ jkun neċessarju li fl-evalwazzjoni jiġu inklużi effetti negattivi fuq speċi u habitats oħra.

35.

Speċi oħrajn fi kwalunkwe każ huma ta’ importanza għall-evalwazzjoni jekk ikunu parti minn habitats protetti. Kif jenfasizzaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dan huwa stipulat fid-definizzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali skont l-Artikolu 1(e) tad-Direttiva dwar il-habitats. Dan l-istat espliċitament jinkludi l-ispeċi tipiċi tal-habitat inkwistjoni. Kwalunkwe deterjorazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żoni li dan it-tip ta’ habitat ikopri, tkun ta’ dannu wkoll għall-habitat inkwistjoni.

36.

Id-Direttiva dwar il-habitats tfassal biss liema speċi huma tipiċi għal habitats partikolari, peress li dawn parzjalment jirriżultaw mill-isem tat-tipi ta’ habitats inkwistjoni, li ħafna drabi jirreferu għal speċi ta’ flora partikolari. Pereżempju, it-tip ta’ habitat prijoritarju “foresti alluvjali b’Alnus glutinosa u Fraxinus excelsior (Alno-Padion, Alnion incanae, Salicion albae)” (il-Kodiċi Natura 2000 91E0*), preżenti fis-SAC futura inkwistjoni, fl-isem tiegħu diġà jinkludi siġar tal-alnu (Alnus glutinosa) u tal-fraxxnu (Fraxinus excelsior) kif ukoll ċiras (Padion), alnu abjad (Alnus incanae) u żafżafa bajda (Salix alba).

37.

L-istħarriġ u d-diskussjoni xjentifiċi tat-tipi ta’ habitats differenti għandhom jippermettu li jiġu identifikati speċi tipiċi addizzjonali. Il-manwal ta’ interpretazzjoni tal-Kummissjoni għat-tipi ta’ habitats skont l-Anness I tad-Direttiva dwar il-habitats ( 16 ) jinkludi informazzjoni sinjifikattiva f’dan ir-rigward, għalkemm naturalment ma huwiex vinkolanti legalment.

38.

Minbarra l-ispeċi ta’ siġar li diġà jirriżultaw mill-isem, għat-tip ta’ habitat 91E0* inkwistjoni jissemmew ukoll il-luq (Populus nigra), iż-żafżafa fraġli (Salix fragilis), il-betula tax-xagħri (Betula pubescens), l-ulmu (Ulmus glabra) u kważi 20 speċi tas-saff tal-ħaxix.

39.

Iżda l-ispeċi tipiċi tat-tipi ta’ habitats protetti ma humiex limitati għal speċi ta’ flora. Il-manwal ta’ interpretazzjoni tal-Kummissjoni għat-tip ta’ habitat “estwarji” (Kodiċi Natura 2000 1130), li wkoll huwa parti mis-SAC futura iżda x’aktarx ma huwiex milqut mill-proġett ikkontestat, isemmi komunitajiet ta’ qiegħ il-baħar invertebrati (pereżempju arzell jew bebbux u ħafna speċi tal-annimali żgħar) kif ukoll iċ-ċirkustanza li dan it-tip ta’ habitat jinkludi erjas ta’ ikel importanti għal ħafna għasafar ( 17 ).

40.

Barra minn hekk, anki habitats u speċi li ma humiex protetti espliċitament jista’ jkollhom rwol sinjifikattiv għall-konservazzjoni tat-tipi ta’ habitats u l-ispeċi protetti. F’dan ir-rigward ir-Repubblika Ċeka korrettament issemmi s-sinjifikat tagħhom għall-ikel tal-ispeċi protetti, iżda jista’ jkollhom ukoll funzjonijiet oħra fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ speċi protetti.

41.

Huwa magħruf li ċerti habitats jistgħu jkunu ta’ importanza kbira għar-riproduzzjoni ta’ ċerti speċi. Il-kontinwità ta’ xmajjar u nixxigħat hija l-prerekwiżit sabiex il-ħut migratorju, pereżempju s-salamun (Salmo salar), ikun jista’ jilħaq is-siti ta’ riproduzzjoni.

42.

Barra minn hekk, xi speċi protetti fiċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom parzjalment jiddependu wkoll fuq speċi oħra ta’ natura partikolari ħafna. Pereżempju, il-larva tal-mollusk tal-perla tal-ilma ħelu (Margaritifera margaritifera) u tal-mollusk tal-perla tal-ilma ħelu endemiku tax-xmara Nore (Margaritifera durrovensis), li t-tnejn li huma huma preżenti fis-SAC futura inkwistjoni, tagħmel ċertu żmien tgħix bħala parassita fil-garġi tat-trota komuni (Salmo trutta fario) jew tas-salamun ( 18 ).

43.

Naturalment dan ma jfissirx li effetti negattivi fuq l-ispeċi tipiċi tat-tipi ta’ habitats protetti u fuq l-ispeċi u l-habitats rilevanti l-oħra għandhom neċessarjament jitqiesu li jippreġudikaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit protett u li għalhekk jipprekludu approvazzjoni tal-pjan jew proġett. Tali preġudizzji jkunu jipprekludu l-proġett biss meta jeżistu dubji xjentifiċi raġonevoli li ma humiex ser jibdlu, b’mod żvantaġġuż, l-istat ta’ konservazzjoni tat-tipi ta’ habitats u l-ispeċi protetti fis-sit rispettiv.

44.

Konsegwentement, l-evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats tkun tkopri l-effetti fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit b’mod adegwat biss jekk tinkorpora l-effetti negattivi fuq l-ispeċi tipiċi tat-tipi ta’ habitats protetti u fuq l-ispeċi u l-habitats l-oħra, sa fejn dawn ikunu neċessarji għall-konservazzjoni tat-tipi ta’ habitat u l-ispeċi protetti.

c) Fuq it-tielet domanda – teħid inkunsiderazzjoni ta’ tipi ta’ habitats u speċi li ma jinsabux fiż-żoni ta’ konservazzjoni kkonċernati

45.

Bit-tielet domanda, il-High Court (il-Qorti Għolja) tixtieq issir taf jekk evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats għandhiex tindirizza espressament l-effetti tal-proġett ippjanat fuq speċi u habitats protetti, kemm fis-sit taż-żona speċjali ta’ konservazzjoni kif ukoll barra mil-limiti ta’ din iż-żona.

46.

F’dan ir-rigward ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali korrettament jinvokaw l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. Dan jipprovdi li l-miżuri meħuda skont din id-direttiva, inter alia, għandhom iqisu l-karatteristiċi reġjonali u lokali. Għall-evalwazzjoni ta’ deterjorazzjonijiet potenzjali fir-rigward tas-sit dan ifisser li ma jistgħux jiġu evalwati b’mod iżolat mill-viċinanzi tas-sit u mill-karatteristiċi eżistenti hemmhekk.

47.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li attivitajiet li jseħħu barra minn siti protetti u li jwasslu għal deterjorazzjonijiet fi ħdan siti jridu wkoll jiġu evalwati skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats ( 19 ). B’mod partikolari s-sentenza dwar l-impjant tal-enerġija Moorburg hija interessanti għall-proċedura preżenti. Din kienet tikkonċerna l-qtil possibbli ta’ ħut minħabba t-tkessiħ tal-impjant tal-enerġija, li għar-riproduzzjoni ta’ dawn tal-aħħar kienu ġew stabbiliti żoni ta’ konservazzjoni iktar ’il fuq fix-xmara. Għalehekk kien jeżisti riskju li l-impjant tal-enerġija jwassal għal tnaqqis fin-numru ta’ ħut li jista’ jilħaq iż-żoni ta’ konservazzjoni, filwaqt li proġett tal-impjant ta’ enerġija kien jippreġudika s-sit fit-totalità tiegħu.

48.

Id-deterjorazzjoni ta’ speċi li ma jinsabux fis-SAC futura jew fis-SPA għandha l-istess grad ta’ importanza għall-evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats jekk dawn ikunu protetti direttament jew bħala speċi tipiċi ta’ habitats protetti, jew jekk ikunu neċessarji f’forma oħra għall-konservazzjoni ta’ habitats u speċi protetti.

49.

Barra minn hekk, tista’ tkun ta’ importanza wkoll id-deterjorazzjoni ta’ habitats barra minn siti protetti. Dan japplika b’mod partikolari jekk sit protett, għalkemm jipproteġi ċerti speċi, ma jinkludix il-habitats kollha li jintużaw minn dawn l-ispeċi. F’dak il-każ, id-deterjorazzjoni ta’ tali habitats barra mis-siti protetti tista’ tkun dannuża wkoll għall-preżenzi protetti tal-ispeċi fis-siti protetti.

50.

Lanqas ma rrid neskludi li, minn perspettiva xjentifika, huwa possibbli li jiġu identifikati ċerti relazzjonijiet kawżali li jwasslu sabiex id-deterjorazzjonijiet ta’ habitats barra minn limiti ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni ma jaffettwawx biss speċi iżda wkoll habitats li jinsabu f’siti protetti.

51.

Min-naħa l-oħra, jidher irrilevanti, prima facie, jekk il-habitats barra mil-limiti taż-żona speċjali ta’ konservazzjoni humiex tipi ta’ habitats skont l-Anness I tad-Direttiva dwar il-habitats. Dan għaliex l-imsemmija habitats fil-prinċipju huma protetti biss fi ħdan is-siti protetti.

52.

L-evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats trid konsegwentement tikkunsidra wkoll id-deterjorazzjonijiet ta’ speċi jew ta’ habitats barra mil-limiti taż-żoni ta’ konservazzjoni jekk dawn id-deterjorazzjonijiet jista’ jkollhom effetti negattivi fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn iż-żoni.

2. Fuq it-tmien domanda – setgħat ta’ deċiżjoni tal-iżviluppatur

53.

Bit-tmien domanda għandu jiġi ċċarat jekk il-fatt li dettalji tal-fażi tal-kostruzzjoni (pereżempju s-sit tal-kostruzzjoni u r-rotot) jistgħu jiġu deċiżi fil-kuntest ta’ deċiżjoni sussegwenti għall-awtorizzazzjoni huwiex kompatibbli mad-Direttiva dwar il-habitats, u, f’każ li iva, jekk awtorità kompetenti tistax tippermetti li kwistjonijiet bħal dawn jiġu ddeterminati permezz ta’ deċiżjoni unilaterali tal-iżviluppatur, hawnhekk tal-Kunsill tal-kontea ta’ Kilkenny, fil-kuntest ta’ kwalunkwe permess ta’ żvilupp maħruġ, li għandha tiġi nnotifikata lill-awtorità tal-approvazzjoni (jiġifieri lill-Aġenzija), iżda li ma għandhiex tiġi approvata minnha.

54.

Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jippreġudikax is-sit ikkonċernat fit-totalità tiegħu.

55.

Għalhekk, l-evalwazzjoni mwettqa skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats ma tistax ma tkunx kompleta. Din għandha tinkludi konstatazzjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jeliminaw kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar l-effetti tax-xogħlijiet ippjanati fis-sit protett inkwistjoni ( 20 ).

56.

Konsegwentement, l-iżviluppatur jista’ jieħu biss deċiżjonijiet li fir-rigward tagħhom ma jeżistix dubju xjentifiku raġonevoli li l-effetti tagħhom ma humiex ser jippreġudikaw l-integrità tas-sit.

57.

Tali dubji jistgħu b’mod partikolari jiġu esklużi permezz ta’ kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni suffiċjentement speċifiċi, li jistabbilixxu qafas għal dawn id-deċiżjonijiet, b’tali mod li ma jkunux jistgħu jippreġudikaw is-sit fit-totalità tiegħu b’mod negattiv.

58.

Il-qorti nazzjonali trid teżamina jekk dawn ir-rekwiżiti humiex issodisfatti fil-kawża preżenti fid-dawl tal-kundizzjonijiet konkreti tal-proġett ikkontestat.

59.

Jekk fid-data tal-awtorizzazzjoni prinċipali tal-pjan jew proġett ma jkunx possibbli eżami komprensiv tal-kundizzjonijiet għal dettalji tal-fażi tal-kostruzzjoni, allura – kif tosserva r-Repubblika Ċeka – trid titwettaq proċedura ta’ eżami u ta’ awtorizzazzjoni maqsuma f’diversi fażijiet. Dan l-approċċ huwa magħruf mill-qasam tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ( 21 ).

60.

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tmien domanda għandha tkun li, id-dettalji dwar il-fażi ta’ kostruzzjoni jistgħu jiġu deċiżi b’deċiżjoni unilaterali tal-iżviluppatur wara l-approvazzjoni tal-proġett skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats unikament jekk jiġi eskluż kull dubju xjentifiku raġonevoli fuq il-punt li l-effetti ta’ dawn id-deċiżjonijiet ma humiex ser jippreġudikaw is-sit fit-totalità tiegħu.

3. Fuq id-disa’ sal-ħdax-il domanda – motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-awtorità kompetenti

61.

Bid-disa’ sal-ħdax-il domanda, il-High Court (il-Qorti Għolja) tixtieq issir taf iktar dwar ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ deċiżjoni skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, b’mod partikolari dwar jekk l-entità kompetenti tridx tinvalida espliċitament ċerti dubji dwar jekk l-informazzjoni ppreżentata hijiex suffiċjenti.

62.

Mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, din il-kwistjoni tista’ tinftiehem ħażin, għaliex il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE trid turi biss, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati sabiex ikunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 22 ). Madankollu dan ma huwiex dak li hawn inkwistjoni.

63.

Pjuttost huwa kkontestat fil-proċedura nazzjonali jekk il-motivazzjoni pprovduta hijiex biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata d-deċiżjoni tal-Aġenzija. Dan għaliex, kif jirrikonoxxu unanimament il-partijiet, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, pjan jew proġett jista’ jiġi approvat biss jekk l-evalwazzjoni tal-proġett tkun tinkludi konstatazzjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jeliminaw kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar l-effetti tax-xogħlijiet ippjanati fis-sit protett inkwistjoni ( 23 ). Konsegwentement, din l-evalwazzjoni trid kompletament tissostanzja b’mod suffiċjentement iddettaljat u ċar għalfejn huwa eskluż kull dubju xjentifiku raġonevoli.

64.

F’dan ir-rigward l-Irlanda tagħmel paragun tajjeb mal-ġurisprudenza dwar id-Direttiva SEA li tgħid li deċiżjonijiet skont din id-direttiva ma għandhomx għalfejn jinkludu raġunijiet li għalihom ittieħdu iżda li, fl-ipoteżi fejn persuna kkonċernata titlobhom, l-awtorità amministrattiva kompetenti għandha l-obbligu li tikkomunikalha r-raġunijiet li għalihom din id-deċiżjoni ttieħdet, jew l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti bi tweġiba għat-talba li tkun tressqet ( 24 ).

65.

Dan japplika wkoll għal deċiżjonijiet li jittieħdu abbażi tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, sa fejn din id-dispożizzjoni ma tipprovdi ebda forma speċifika għall-permess ta’ proġett mill-awtoritajiet iżda sempliċement titlob evalwazzjoni xierqa. Għaldaqstant huwa possibbli li, minflok motivazzjoni espressa tad-deċiżjoni, isir riferiment għad-dokumenti li jikkostitwixxu l-evalwazzjoni. Madankollu għandu jiġi enfasizzat li dan l-approċċ ma jistax iwassal sabiex il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-partijiet tiġi ppreġudikata b’mod negattiv ( 25 ).

66.

Id-domandi jistgħu faċilment jingħataw risposta fuq din il-bażi.

a) Fuq id-disa’ domanda – spjegazzjoni ta’ perizja xjentifika

67.

Id-disa’ domanda għandha tiċċara jekk awtorità kompetenti hijiex obbligata tissostanzja, b’mod suffiċjentement iddettaljat u ċar sabiex jitneħħa kull dubju dwar it-tifsira u l-effett ta’ tali perizja xjentifika, sa fejn din il-perizja xjentifika ppreżentata lilha targumenta favur il-kisba ta’ informazzjoni addizzjonali qabel il-ħruġ tal-awtorizzazzjoni tal-proġett.

68.

Jekk jeżistix tali obbligu essenzjalment jiddependi miċ-ċarezza sostantiva tal-perizja inkwistjoni. F’każ li din il-perizja, fiha nnifisha, diġà teskludi, b’mod suffiċjentement ċar, id-dubji xjentifiċi raġonevoli kollha, l-awtorità ma jkollhiex għalfejn tissottometti informazzjoni addizzjonali.

69.

F’kuntrast, jekk il-perizja waħedha ma teskludix tali dubji biċ-ċarezza neċessarja, l-awtorità tista’ tagħti permess għall-proġett biss bil-kundizzjoni li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali li telimina d-dubji li jifdal.

b) Fuq l-għaxar domanda – motivazzjoni taċ-ċaħda ta’ konklużjoni tal-ispettur

70.

L-għaxar domanda tikkonċerna l-konklużjoni ta’ spettur tal-awtorità kompetenti li hija injorata minn din l-awtorità.

71.

F’dan ir-rigward hija l-eskużjoni ta’ kull dubju xjentifiku raġonevoli li sservi bħala kriterju għan-neċessità li tiġi pprovduta informazzjoni komplementari. Jekk il-konstatazzjoni tal-ispettur tiġġustifika tali dubji, il-kunsens għall-proġett għandu jingħata biss jekk l-awtorità tipprovdi informazzjoni komplementari li tinvalida dawn id-dubji.

72.

Kuntrarjament għall-argumenti tal-Aġenzija u tal-Irlanda, ir-relazzjoni bejn l-ispettur u l-awtorità hija irrilevanti. Pjuttost huwa determinanti jekk il-konstatazzjonijiet tiegħu jiġġustifikawx dubji xjentifiċi raġonevoli dwar il-fondatezza tad-deċiżjoni tal-awtorità.

c) Fuq il-ħdax-il domanda – motivazzjoni tal-elementi kollha ta’ deċiżjoni

73.

Fl-aħħar nett, il-ħdax-il domanda hija intiża sabiex tiġġeneralizza t-tagħrif eżistenti dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni. Din għandha tiċċara jekk l-awtorità tridx tipprovdi raġunijiet iddettaljati u espressi għal kull element tad-deċiżjoni tagħha.

74.

F’dan ir-rigward ukoll japplika li, fi kwalunkwe każ, l-awtorità kompetenti trid tipprovdi raġunijiet iddettaljati u espressi għal dawk l-elementi tad-deċiżjoni tagħha li jistgħu jagħtu lok għal dubji xjentifiċi raġonevoli, sabiex tali dubji jiġu esklużi.

75.

B’mod partikolari, sa fejn l-Aġenzija tenfasizza li d-deċiżjoni tagħha mhux biss hija bbażata fuq in-“Natura Impact Statement” iżda wkoll fuq għadd ta’ informazzjoni addizzjonali, għandu jiġi osservat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni trid turi b’mod ċar fuq liema informazzjoni ġiet ibbażata. U sa fejn din l-informazzjoni tkun f’kontradizzjoni ma’ informazzjoni oħra, il-motivazzjoni trid telimina l-kontradizzjonijiet b’tali mod li jiġi eskluż kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar il-fondatezza tad-deċiżjoni.

d) Ir-risposta għad-disa’ sal-ħdax-il domanda preliminari

76.

Għaldaqstant, ir-risposta għad-disa’ sal-ħdax-il domanda għandha tkun li l-awtorità kompetenti hija obbligata tipprovdi raġunijiet espliċiti u ddettaljati għal dawk l-elementi ta’ deċiżjoni li jiġi awtorizzat proġett skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, li jistgħu jqajmu dubju xjentifiku raġonevoli li l-effetti tal-proġett ma humiex ser jippreġudikaw is-sit fit-totalità tiegħu b’mod suffiċjentement speċifiku u ddettaljat sabiex jiġi eskluż dan id-dubju. Dan japplika b’mod partikolari għal dubji li jirriżultaw mill-konklużjonijiet ta’ spettur. Għalkemm l-awtorità tista’ timmotiva d-deċiżjoni tagħha billi tirreferi għal perizja xjentifika, din ukoll għandha tkun xierqa sabiex teskludi kull dubju xjentifiku raġonevoli.

B.   Fuq id-Direttiva SEA

77.

F’dak li għandu x’jaqsam mad-Direttiva SEA, qabelxejn għandha tiġi ddeterminata l-verżjoni applikabbli ratione temporis tagħha. Għalkemm it-talba għal deċiżjoni preliminari, okkażjonalment, tirreferi għad-direttiva fil-verżjoni emendata tagħha, l-emendi l-iktar reċenti bis-saħħa tad-Direttiva 2014/52 ( 26 ), skont l-Artikolu 3 tagħha, japplikaw biss għal proġetti li fir-rigward tagħhom ġew introdotti ċerti passi proċedurali wara s‑16 ta’ Mejju 2017. Madankollu, il-kawża preżenti tikkonċerna awtorizzazzjoni tal‑11 ta’ Lulju 2014 li – kif jaqblu l-qorti nazzjonali u l-partijiet – kienet għadha suġġetta għar-regoli tad-Direttiva SEA fil-verżjoni preċedenti tagħha.

78.

Fuq din il-bażi l-ewwel nett ser nirrispondi d-domanda relatata mal-informazzjoni dwar l-effetti fuq ċerti speċi, qabel ma nirrispondi d-domandi dwar evalwazzjoni alternattiva.

1. Fuq ir-raba’ domanda – eżami tal-effetti fuq l-ispeċi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent

79.

Ir-raba’ domanda tikkonċerna d-diskussjoni ta’ effetti fuq l-ambjent fl-evalwazzjoni tal-effetti. Għandu jiġi ċċarat jekk dikjarazzjoni tal-effetti ambjentali tridx tindirizza espressament il-kwistjoni dwar liema effetti sinjifikattivi li l-proġett ippjanat ser ikollu fuq l-ispeċi identifikati fid-dikjarazzjoni.

80.

L-Aġenzija għandha dubji dwar ir-rilevanza ta’ din id-domanda għall-proċedura nazzjonali, peress li din id-domanda ma tagħmilx parti minn dawk li dwarhom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu ġew awtorizzati sabiex jippreżentaw rikors. Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita ( 27 ), id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li l-evalwazzjoni tal-eżattezza tiegħu ma taqax taħt il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha. Skont dawn il-kriterji, ir-raba’ domanda hija ammissibbli.

81.

Id-dikjarazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imsemmija fir-raba’ domanda hija kunċett tad-dritt Irlandiż li l-interpretazzjoni tiegħu ma taqax fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, skont l-informazzjoni tal-Aġenzija dwar Section 50(2) tar-Roads Act (l-Att dwar it-Toroq), din essenzjalment tkopri l-informazzjoni li jrid jippreżenta l-iżviluppatur b’rabta mal-applikazzjoni tiegħu għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva SEA.

82.

Għaldaqstant, ninterpreta din id-domanda bħala li tistaqsi jekk l-informazzjoni stabbilita fid-domanda għandhiex tiġi pprovduta mill-iżviluppatur, konformement mal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva SEA. Skont il-punt (c) tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva SEA, l-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata mill-iżviluppatur tkopri, inter alia, mill-inqas l-informazzjoni neċessarja għall-konstatazzjoni u għall-evalwazzjoni tal-effetti ewlenin li l-proġett x’aktarx li jkun sejjer ikollu fuq l-ambjent.

83.

L-Artikolu 5(1) u l-punt 3 tal-Anness IV tad-Direttiva SEA jistabbilixxu x’mezzi ambjentali għandhom jiġu eżaminati. Huwa stipulat li l-iżviluppatur għandu jippreżenta deskrizzjoni tal-aspetti tal-ambjent li x’aktarx jiġu affettwati b’mod sinjifikattiv mill-proġett propost, inklużi b’mod partikolari l-fawna u l-flora. Dan huwa konformi mal-għan tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent stabbilit fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva SEA, jiġifieri li jiġu identifikati, deskritti u evalwati l-effetti diretti u indiretti tal-proġett fuq il-fawna u l-flora.

84.

Peress li l-fawna u l-flora huma kkostitwiti mill-ispeċi varji li jkunu preżenti fis-sit, l-iżviluppatur irid jippreżenta informazzjoni dwar l-effetti fuq ċerti speċi. Madankollu, dan l-obbligu ma jkoprix l-effetti kollha fuq l-ispeċi kollha li jkunu preżenti, iżda l-effetti ewlenin biss. Din il-limitazzjoni għal effetti ewlenin hija kkonfermata wkoll mill-fatt li, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva SEA, l-iżviluppatur irid jippreżenta biss informazzjoni rilevanti u li hija mistennija raġonevolment.

85.

Il-kunċett tal-“effetti ewlenin” għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva SEA, li jipprovdu li proġetti li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni rigward l-effetti tagħhom. F’kuntrast, effetti li ma jistgħux ikunu sinjifikattivi ma humiex effetti ewlenin fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva SEA.

86.

Jistgħu jiġu kkunsidrati aspetti varji b’rabta mal-kwistjoni dwar x’effetti għandhom jitqiesu sinjifikattivi. Madankollu, il-punti ta’ orjentament essenzjali għandhom jiġu dedotti mill-protezzjoni ġuridika tal-elementi ambjentali kkonċernati.

87.

Effetti potenzjali fuq speċi li huma protetti pereżempju bis-saħħa tad-Direttiva dwar il-habitats, jew anki permezz tad-dritt nazzjonali, normalment għandhom jitqiesu bħala sinjifikattivi ( 28 ) u għalhekk iridu wkoll ikunu inklużi fl-informazzjoni tal-iżviluppatur, anki jekk kull darba jiġu affettwati biss kampjuni individwali.

88.

F’kuntrast, jekk ikunu milqutin biss kampjuni individwali ta’ speċi mifruxin sew, li ma humiex suġġetti għal protezzjoni speċjali, normalment ma jkunux ikkonċernati effetti ewlenin li dwarhom l-iżviluppatur irid jippreżenta informazzjoni.

89.

Minħabba ċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ individwali jaf ikun possibbli eżitu differenti dwar l-effetti ewlenin prinċipali. Effett negattiv fuq kampjun uniku ta’ speċi mifruxa sew jaf ikun sinjifikattiv jekk ikun ikkonċernat kampjun mhux tas-soltu, pereżempju siġra partikolarment antika.

90.

Dan ifisser, għall-kontestazzjoni ġudizzjarja ta’ awtorizzazzjoni minħabba ksur tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva SEA, li l-parti rikorrenti trid turi x’effetti sinjifikattivi possibbli tal-proġett ma ġewx investigati u diskussi suffiċjentement mill-iżviluppatur. F’dan ir-rigward ma hijiex biżżejjed iċ-ċirkustanza li, għalkemm jissemmew ċerti speċi, dawn ma jiġux eżaminati f’iktar dettall. Madankollu, skont l-ispeċi kkonċernati, jaf ikun relattivament sempliċi li jiġi ssostanzjat għalfejn l-effetti potenzjali jistgħu jkunu sinjifikattivi.

91.

Bħala konklużjoni, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-iżviluppatur irid jippreżenta l-informazzjoni neċessarja għall-identifikazzjoni u għall-evalwazzjoni tal-effetti sinjifikattivi possibbli li l-proġett jista’ jkollu fuq il-flora u l-fawna, konformement mal-Artikolu 5(3)(c) tad-Direttiva SEA. L-informazzjoni neċessarja tkopri partikolarment l-effetti fuq speċi protetti kif ukoll fuq speċi li l-popolazzjonijiet ikkonċernati tagħhom huma ta’ importanza partikolari minħabba raġunijiet oħra.

2. Fuq il-ħames sas-seba’ domanda – eżami tal-alternattivi ewlenin fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent

92.

Il-ħames sas-seba’ domanda jirrigwardaw informazzjoni tal-iżviluppatur dwar alternattivi għall-proġett eżaminat. Fil-fatt, fil-kawża prinċipali ġie kkunsidrat, fi stadju iktar bikri, jekk it-triq periferali setgħetx “taqbeż” iż-żona suġġetta għal possibbiltà ta’ għargħar permezz ta’ pont. Madankollu, din l-alternattiva ta’ kostruzzjoni ġiet skartata minħabba raġunijiet ta’ spejjeż. Id-domandi tal-High Court (il-Qorti Għolja) jistaqsu jekk l-iżviluppatur iridx jipprovdi informazzjoni xorta waħda dwar l-effetti fuq l-ambjent ta’ tali varjazzjoni tal-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ triq.

a) Fuq il-ħames domanda – l-alternattivi ewlenin prinċipali

93.

Il-ħames domanda tistaqsi jekk alternattiva għandhiex titqies bħala “alternattivi ewlenin” fis-sens tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva SEA anki jekk din tkun ġiet skartata mill-iżviluppatur fi stadju bikri.

94.

Sabiex jiġi evalwat liema alternattivi għandhom jiġu kkunsidrati bħala “ewlenin”, is-sinjifikat ta’ dawn l-alternattivi għandu jkun determinanti għall-effetti fuq l-ambjent tal-proġett jew għall-prevenzjoni tal-istess effetti. Infatti, skont l-Artikolu 3, id-Direttiva SEA għandha l-għan li tidentifika, tiddeskrivi u tevalwa l-effetti li proġetti għandhom fuq l-ambjent. Għaldaqstant, ir-rappreżentazzjoni ta’ alternattivi hija ta’ interess partikolarment inkwantu tali jistgħu jinfluwenzaw l-effetti li l-proġett ikollu fuq l-ambjent.

95.

Id-data tar-rifjut ta’ soluzzjoni oħra hija insinjifikattiva minn din il-perspettiva, iżda indirettament tista’ tinfluwenza l-ambitu tar-raġunijiet li għandhom jiġu elenkati. Is-suġġett tas-sitt u s-seba’ domanda huwa proprju dan l-ambitu.

96.

Għaldaqstant, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva SEA huma “ewlenin” dawk l-alternattivi li jista’ jkollhom influwenza sinjifikattiva fuq l-effetti li proġett għandu fuq l-ambjent.

b) Fuq ir-rabta mal-eżami mwettaq mill-iżviluppatur

97.

Għalkemm r-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jagħmilx domanda f’dan ir-rigward, qabel tingħata risposta għas-sitt u s-seba’ domanda għandu jiġi indirizzat il-fatt li l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva SEA jitlob biss informazzjoni dwar alternattivi oħra studjati mill-iżviluppatur. Huwa minnu li l-qorti tar-rinviju tassumi li l-iżviluppatur “eżamina” l-eżekuzzjoni differenti msemmija tat-triq periferali. Madankollu, din id-deċiżjoni bażika tal-leġiżlatur tal-Unjoni hija rilevanti wkoll għall-informazzjoni pprovduta minn żviluppatur dwar l-alternattivi studjati minnu.

98.

Fid-dawl tal-għan tal-politika ambjentali tal-Unjoni li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 191(2) TFUE u fl-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fid-dawl tal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva li huma wkoll stabbiliti fl-Artikolu 191(2) TFUE, jidher li huwa mixtieq li l-alternattivi għal proġett jiġu eżaminati b’mod kemm jista’ jkun komprensiv. Tali approċċ ikun jippermetti li tintgħażel dik l-alternattiva tal-proġett li tillimita għal livell minimu l-effetti negattivi tiegħu fuq l-ambjent.

99.

Konformement ma’ din il-kunsiderazzjoni, ir-rapport ta’ evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent tal-pjan u programmi, li għandu jitfassal skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/42/KE ( 29 ), jinkludi l-alternattivi raġonevoli.

100.

Madankollu, bl-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva SEA, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel approċċ differenti. Dan jipprovdi li l-informazzjoni mressqa mill-iżviluppatur mill-inqas trid tkopri l-punti prinċipali tal-alternattivi ewlenin studjati minnu u indikazzjoni tar-raġunijiet prinċipali għall-għażla tiegħu, filwaqt li jitqiesu l-effetti fuq l-ambjent. Dan huwa rrepetut fil-punt 2 tal-Anness IV.

– Fuq l-istorja leġiżlattiva

101.

Kif issostnu l-qorti tar-rinviju, l-Aġenzija u l-Irlanda, din id-deċiżjoni leġiżlattiva tirriżulta wkoll b’mod ċar mill-oriġini tad-Direttiva 97/11 ( 30 ). Dan għaliex kemm il-Kummissjoni ( 31 ) kif ukoll il-Parlament Ewropew ( 32 ) ipproponew l-obbligu fuq l-iżviluppatur li jiddeskrivi l-alternattivi ewlenin. Madankollu, ma rnexxielhomx jipprevalu.

102.

Barra minn hekk, fl‑1980 il-Kummissjoni kienet diġà pproponiet deskrizzjoni tal-alternattivi li raġonevolment huma possibbli ( 33 ) u dak iż-żmien il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kien diġà llimita l-obbligu tal-iżviluppatur għat-test li wieħed għadu jsib anki fid-Direttiva SEA attwalment fis-seħħ ( 34 ).

103.

Minkejja proposti iktar estensivi tal-Kummissjoni ( 35 ) u tal-Parlament ( 36 ), l-emendi l-aktar reċenti li saru permezz tad-Direttiva 2014/52 għadhom jistabbilixxu, fl-Artikolu 5(1)(d) tad-Direttiva SEA, li tintalab biss deskrizzjoni tal-alternattivi raġonevoli studjati mill-iżviluppatur.

104.

Għaldaqstant, l-istorja leġiżlattiva marbuta mal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva SEA tikkonferma l-konklużjoni li tirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu, jiġifieri li l-iżviluppatur irid jipprovdi biss informazzjoni dwar l-alternattivi studjati minnu, iżda mhux dwar l-alternattivi li possibbilment ikunu jagħmlu sens iżda li ma ġewx studjati minnu.

– Fuq il-Konvenzjoni ta’ Espoo

105.

Il-Konvenzjoni ta’ Espoo, imsemmija fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, tipprovdi obbligi ulterjuri fir-rigward tal-istudju ta’ alternattivi, li għalihom huwa suġġett kull proġett irrispettivament mir-rekwiżiti sostantivi ( 37 ). Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(1) u l-punti (b), (c) u (d) tal-Anness II tal-Konvenzjoni ta’ Espoo, għandha tiġi ppreżentata deskrizzjoni ta’ alternattivi raġonevoli u l-effetti tagħhom fl-ambjent.

106.

Madankollu, kif stabbilit fl-Artikolu 2(2) tagħha, il-Konvenzjoni ta’ Espoo ma tirregolax l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għall-proġetti kollha li huma suġġetti għad-Direttiva SEA, iżda biss għal proġetti speċifiċi li probabbilment ikollhom effetti negattivi sinjifikattivi u transkonfinali.

107.

Huwa minnu li tkun mixtieqa interpretazzjoni konformi ma’ din il-Konvenzjoni ( 38 ) għall-finijiet ta’ applikazzjoni uniformi, peress li din id-direttiva fil-biċċa l-kbira għandha timplimenta l-Konvenzjoni ( 39 ). Barra minn hekk, is-setgħat tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati b’osservanza tad-dritt internazzjonali; konsegwentement, l-interpretazzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni prinċipalment trid issir konformement mal-obbligi internazzjonali tagħha ( 40 ).

108.

Madankollu, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu u tal-istorja leġiżlattiva ma huwiex possibbli li l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva SEA jiġi interpretat fis-sens li proġett jista’ jiġi approvat biss jekk jiġu deskritti wkoll l-alternattivi ewlenin aċċettabbli u dment li jiġu evalwati l-effetti tagħhom fl-ambjent.

109.

Il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix jekk ir-regola tal-istudju ta’ alternattivi skont il-Konvenzjoni ta’ Espoo hijiex applikabbli direttament f’każ ta’ proġetti speċifiċi b’mod supplimentari għad-Direttiva SEA minħabba l-fatt li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-formulazzjoni tagħha u fir-rigward tal-iskop u tan-natura ta’ din il-Konvenzjoni, din tinkludi obbligu ċar u speċifiku, li l-eżekuzzjoni u l-effetti tiegħu ma jiddependux mill-adozzjoni ta’ att ulterjuri ( 41 ). Fl-aħħar mill-aħħar, tali mistoqsija x’aktarx li ma tkunx rilevanti għall-kawża prinċipali, peress li, milli jidher, il-proġett ikkontestat ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għalfejn tikkummenta dwarha.

– Evalwazzjoni ta’ din is-sistema fir-rigward tal-istruttura u tal-għanijiet tad-Direttiva SEA

110.

Prima facie ma huwiex sodisfaċenti li l-eżami tal-alternattivi ewlenin fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jiddependi sostanzjalment mill-iżviluppatur. Madankollu, minn tal-inqas sa ċertu punt, din is-sistema tissodisfa n-natura primarjament proċedurali tad-Direttiva SEA.

111.

Fil-fatt, mid-Direttiva SEA ma jirriżultax jekk u kif wieħed irid jieħu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet għall-għażla tal-iżviluppatur, fir-rigward tal-effetti fuq l-ambjent fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar proġett. Dan għaliex din id-direttiva ma fihiex rekwiżiti sostantivi fir-rigward tal-approvazzjoni tal-proġett ( 42 ).

112.

Lanqas l-obbligu “fundamentali” jew “essenzjali” tal-Artikolu 3 tad-Direttiva SEA enfasizzat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri li mhux biss jiġu identifikati u deskritti l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq fatturi speċifiċi, iżda li dawn, barra minn hekk, jiġu evalwati b’manjiera xierqa fid-dawl ta’ kull każ individwali ( 43 ), ma jimplika rekwiżiti sostantivi fir-rigward tal-proġett rispettiv.

113.

Konsegwentement, minħabba regolamenti oħra, l-iżviluppatur jista’ jkun obbligat jikkunsidra u anki jiddokumenta alternattivi.

114.

Pereżempju, awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitats ikollha l-kundizzjoni ta’ assenza ta’ alternattivi ewlenin. Fil-kawża prinċipali, l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni jista’ jiġi kkunsidrat fl-ipoteżi fejn ma jkunx possibbli li jiġi eliminat kull dubju xjentifiku raġonevoli li l-proġett ma huwiex ser ikollu effett negattiv fuq iż-żoni ta’ konservazzjoni fit-totalità tagħhom.

115.

Barra minn hekk, f’dan il-każ il-protezzjoni tal-ispeċi wkoll tista’ tirrikjedi studju ta’ alternattivi. Dan għaliex mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li, x’aktarx minħabba l-preżenza ta’ friefet il-lejl, qiegħda tiġi diskussa n-neċessità ta’ eċċezzjonijiet mis-sistema ta’ protezzjoni stretta tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats ( 44 ). Skont l-Artikolu 16, tali eċċezzjonijiet huma ammissibbli biss jekk ma tkunx teżisti soluzzjoni sodisfaċenti oħra.

116.

Jaf huwa wkoll minnu li l-awtorità tal-approvazzjoni titlob informazzjoni mingħand l-iżviluppatur dwar alternattivi, kif previst fil-premessa 13 tad-Direttiva SEA. Tali talba x’aktarx li tkun partikolarment neċessarja jekk l-awtorità tkun trid tieħu deċiżjoni diskrezzjonali dwar l-awtorizzazzjoni tal-proġett.

117.

Barra minn hekk, finalment, ir-Renju Unit josserva korrettament li l-istudju ta’ alternattivi fil-kuntest tal-evalwazzjoni strateġika ambjentali tal-pjanijiet u tal-programmi minn tal-inqas iservi ta’ kumpens parzjali għall-assenza ta’ eżami obbligatorju dwar soluzzjonijiet oħra fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

c) Fuq is-sitt u s-seba’ domanda – l-effetti tal-alternattivi ewlenin fuq l-ambjent

118.

Is-sitt u s-seba’ domanda għandhom jiċċaraw x’informazzjoni jrid jippreżenta l-iżviluppatur dwar l-effetti tal-alternattiva ewlenija fuq l-ambjent. Is-seba’ domanda tistaqsi jekk dawn iridux qabelxejn jiġu ppreżentati, filwaqt li s-sitt domanda milli jidher tikkonċerna l-firxa tal-preżentazzjoni f’każ ta’ risposta fl-affermattiv.

119.

Skont l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva SEA, l-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata mill-iżviluppatur tkopri mill-inqas ir-raġunijiet prinċipali għall-għażla fid-dawl tal-effetti fuq l-ambjent.

120.

Din ir-regola tirrappreżenta forma oħra tal-orjentazzjoni sistematika tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva SEA mal-istudju ta’ alternattivi mill-iżviluppatur. Għall-inqas fid-dawl ta’ din id-direttiva, ma huwiex obbligat jibbaża l-għażla tiegħu fuq l-effetti fuq l-ambjent tal-alternattivi diversi jew li qabelxejn jikkunsidra l-effetti fuq l-ambjent waqt id-deċiżjoni tiegħu. L-obbligu tiegħu pjuttost huwa limitat għall-iżvelar tar-raġunijiet għall-għażla tiegħu filwaqt li jqis l-effetti fuq l-ambjent.

121.

Madankollu, kif milli jidher ġara f’dan il-każ, jekk l-effetti fuq l-ambjent ma kinux rilevanti għall-għażla, iżda sempliċement saru kunsiderazzjonijiet finanzjarji, ma jkunux jeżistu raġunijiet għall-għażla li għandhom jiġu żvelati.

122.

B’mod partikolari, l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva SEA ma jimplika l-ebda obbligu li jiġu identifikati, deskritti u evalwati l-effetti fuq l-ambjent tas-soluzzjonijiet l-oħra.

123.

Madankollu, tkun mogħtija sitwazzjoni differenti jekk regoli sostantivi ta’ regoli oħra jobbligaw lill-iżviluppatur jikkunsidra l-alternattivi ( 45 ). F’tali sitwazzjoni normalment ikollu jindikahom skont l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva SEA u jagħti r-raġunijiet fid-dawl tal-effetti fuq l-ambjent li jiġġustifikaw l-għażla tal-alternattiva magħżula fil-kuntest ta’ dawn ir-regoli l-oħra.

124.

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva SEA, l-iżviluppatur irid isemmi dawk ir-raġunijiet fid-dawl tal-effetti fuq l-ambjent li kien ikollhom l-alternattivi għall-proġett inkwistjoni li kienu ta’ rilevanza waqt l-għażla tiegħu bejn dawn il-possibbiltajiet.

V. Konklużjoni

125.

Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari kif ġej:

1)

Għalkemm l-evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa ma għandhiex għalfejn tidentifika espressament u kompletament il-habitats u l-ispeċi li għalihom is-sit ġie elenkat bħala sit ta’ importanza għall-Komunità jew huwa protett bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni skont id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, din l-evalwazzjoni mill-inqas trid tinkludi, impliċitament, konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jeliminaw kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar l-effetti tax-xogħlijiet inkwistjoni fuq it-tipi ta’ habitat u l-ispeċi protetti (l-ewwel domanda).

2)

L-evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 tkun tkopri l-effetti fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit b’mod adegwat biss jekk tinkorpora l-effetti negattivi fuq l-ispeċi tipiċi tat-tipi ta’ habitats protetti u fuq l-ispeċi u l-habitats l-oħra, sa fejn dawn ikunu neċessarji għall-konservazzjoni tat-tipi ta’ habitat u l-ispeċi protetti. (it-tieni domanda).

3)

L-evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 trid tikkunsidra wkoll id-deterjorazzjonijiet ta’ speċi jew ta’ habitats barra mil-limiti taż-żoni ta’ konservazzjoni jekk dawn id-deterjorazzjonijiet jista’ jkollhom effetti negattivi fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn iż-żoni (it-tielet domanda).

4)

Dettalji dwar il-fażi ta’ kostruzzjoni jistgħu jiġu deċiżi b’deċiżjoni unilaterali tal-iżviluppatur wara l-approvazzjoni tal-proġett skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 unikament jekk jiġi eskluż kull dubju xjentifiku raġonevoli fuq il-punt li l-effetti ta’ dawn id-deċiżjonijiet ma humiex ser jippreġudikaw is-sit fit-totalità tiegħu (it-tmien domanda).

5)

L-awtorità kompetenti hija obbligata tipprovdi raġunijiet espliċiti u ddettaljati għal dawk l-elementi ta’ deċiżjoni li jiġi awtorizzat proġett skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, li jistgħu jqajmu dubju xjentifiku raġonevoli li l-effetti tal-proġett ma humiex ser jippreġudikaw tas-sit fit-totalità tiegħu b’mod suffiċjentement speċifiku u ddettaljat sabiex jiġi eskluż dan id-dubju. Dan japplika b’mod partikolari għal dubji li jirriżultaw mill-konklużjonijiet ta’ spettur. Għalkemm l-awtorità tista’ timmotiva d-deċiżjoni tagħha billi tirreferi għal perizja xjentifika, din ukoll għandha tkun xierqa sabiex teskludi kull dubju xjentifiku raġonevoli (id-disa’, l-għaxar u l-ħdax-il domanda).

6)

Skont l-Artikolu 5(3)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/92/UE tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, l-iżviluppatur irid jippreżenta l-informazzjoni neċessarja għall-identifikazzjoni u għall-evalwazzjoni tal-effetti sinjifikattivi possibbli li l-proġett jista’ jkollu fuq il-flora u l-fawna (ir-raba’ domanda).

7)

Fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2011/92 huma “ewlenin” dawk l-alternattivi li jista’ jkollhom influwenza sinjifikattiva fuq l-effetti li proġett għandu fuq l-ambjent (il-ħames domanda).

8)

Skont l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2011/92, l-iżviluppatur għandu jesponi dawk ir-raġunijiet li wasslu għall-għażla li huwa għamel bejn l-alternattivi possibbli differenti, sa fejn dawn ir-raġunijiet huma relatati mal-effetti tal-proġett u mal-alternattivi possibbli oħra fuq l-ambjent (is-sitt u s-seba’ domanda).


( 1 ) Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.

( 2 ) Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44, iktar ’il quddiem id-“Direttiva SEA”).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193).

( 4 ) Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi”).

( 5 ) Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 52).

( 6 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 31), u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 106).

( 7 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 34), u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 108).

( 8 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 45), tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 238), tas‑26 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑538/09, EU:C:2011:349, punt 53), u tat‑12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman (C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 34).

( 9 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 51), tas‑26 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Moorburg) (C‑142/16, EU:C:2017:301, punt 57), u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 113).

( 10 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 49), u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 112).

( 11 ) Sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, Sweetman et (C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 30), u tal‑15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 20).

( 12 ) Sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, Sweetman et (C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 39), u tal‑15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 21), tal‑21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 47), u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 116).

( 13 ) Sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, Sweetman et (C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 44), tal‑21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 50), u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 114).

( 14 ) Sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 137).

( 15 ) Ara l-punt 27 iktar ’il fuq.

( 16 ) Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali “Ambjent”, Diviżjoni “Natura u Bijodiversità” (ENV B.3), Interpretation Manual of European Union Habitats – EUR 28, April 2013, http://ec.europa.eu/environment/nature/legislation/habitatsdirective/docs/Int_Manual_EU28.pdf, ara partikolarment p. 7.

( 17 ) Ibid., p. 11.

( 18 ) Araujo, R. u Ramos, Action plan for Margaritifera margaritifera in Europe, p. 13 (dokument tal-Kunsill tal-Ewropa T-PVS(2000)10revE, https://rm.coe.int/168074690e).

( 19 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑98/03, EU:C:2006:3, punt 45), u tas‑26 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Moorburg) (C‑142/16, EU:C:2017:301, punti 29 sa 31).

( 20 ) Sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, Sweetman et (C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 44), tal‑21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 50), u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 114).

( 21 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punti 52 u 53), tat‑28 ta’ Frar 2008, Abraham et (C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 26), u tas‑17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et (C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 33).

( 22 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 63), u tal‑5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português (C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 44).

( 23 ) Sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, Sweetman et (C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 44), tal‑21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 50), u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 114).

( 24 ) Sentenzi tat‑30 ta’ April 2009, Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 61), u tas‑16 ta’ Frar 2012, Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 64).

( 25 ) Sentenzi tat‑30 ta’ April 2009, Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 59), u tas‑16 ta’ Frar 2012, Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 59).

( 26 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/92/UE dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2014, L 124, p. 1).

( 27 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2018, Deutscher Naturschutzring (C‑683/16, EU:C:2018:433, punt 29).

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Alto Sil/l-ors kannella Spanjol, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 86).

( 29 ) Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).

( 30 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑3 ta’ Marzu 1997 li temenda d-Direttiva 85/337/KEE dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151).

( 31 ) Anness, punt 11 tal-proposta tad-Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 85/337 (ĠU 1994, C 130, p. 8, COM(93) 575 final, p. 25).

( 32 ) Emenda Nru 57 tal-Opinjoni tal‑Parlament tal-11 ta’ Ottubru 1995 (ĠU 1995, C 287, p. 83 (100)).

( 33 ) L-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tal-proposta ta’ direttiva tal-Kunsill dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 1980, C 169, p. 14).

( 34 ) Il-punt 2 tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas‑27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248).

( 35 ) Skont l-Artikolu 5(2)(d) tal-proposta tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/92 (COM(2012) 628).

( 36 ) Rapport fuq il-proposta tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/92 (A7-0277/2013, emenda 57).

( 37 ) ĠU 1992, C 104, p. 7. Skont il-premessa 15 tad-Direttiva SEA, l-Unjoni rratifikat din il-konvenzjoni fl‑24 ta’ Ġunju 1997 permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li ma kinitx ippubblikata (ara l-proposta għall-ewwel deċiżjoni tal-Kunsill fil-ĠU 1992, C 104, p. 5).

( 38 ) Ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 42), u tal‑15 ta’ Marzu 2018, North East Pylon Pressure Campaign u Sheehy (C‑470/16, EU:C:2018:185, punt 50).

( 39 ) Ara l-proposta ta’ dikjarazzjoni tal-Komunità Ekonomika Ewropea skont l-Artikolu 17(5) tal-Konvenzjoni ta’ Espoo (il-Finlandja) dwar l-Istima tal-Impatt fuq l-Ambjent f’Kuntest Transkonfinali (ĠU 1992, C 104, p. 6) kif ukoll il-premessa 15 tad-Direttiva SEA.

( 40 ) Sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C‑286/90, EU:C:1992:453, punt 9), tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 291), kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 123).

( 41 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2004, Pêcheurs de l’étang de Berre (C‑213/03, EU:C:2004:464, punt 39), kif ukoll tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 231) u tal‑14 ta’ Marzu 2013, Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punt 46).

( 43 ) Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑50/09, EU:C:2011:109, punti 37, 38 u 41).

( 44 ) Hija din id-dispożizzjoni li tiċċita s-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑518/04, mhux ippubblikata, EU:C:2006:183, punt 16), kif ukoll tal‑11 ta’ Jannar 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑183/05, EU:C:2007:14, punt 30), imsemmija fid-digriet tar-rinviju b’rabta mal-protezzjoni tas-sit.

( 45 ) Ara l-punti 113 sa 116 iktar ’il fuq.

Top