EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0385

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fil-5 ta’ Settembru 2018.
Torsten Hein vs Albert Holzkamm GmbH & Co.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Arbeitsgericht Verden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Dritt għal-leave annwali mħallas – Artikolu 7(1) – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni, permezz ta’ ftehim kollettiv, il-perijodi ta’ qgħad parzjali għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave annwali – Effetti ratione temporis tas-sentenzi ta’ interpretazzjoni.
Kawża C-385/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:666

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fil‑5 ta’ Settembru 2018 ( 1 )

Kawża C‑385/17

Torsten Hein

vs

Albert Holzkamm GmbH & Co.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeitsgericht Verden (il‑Qorti Industrijali ta’ Verden, il-Ġermanja))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Ftehim kollettiv fis-settur tal-kostruzzjoni — Dritt għal-leave annwali mħallas — Kumpens għal leave mħallas — Konsegwenzi li jirriżultaw minn perijodi ta’ qgħad parzjali)

I. Introduzzjoni

1.

Taħt id-dritt federali fil-Ġermanja, fis-sena għandhom jingħataw mill-inqas 24 jum ta’ xogħol bħala leave annwali mħallas. Tnaqqis fir-remunerazzjoni li jirriżulta minn perijodu ta’ qgħad parzjali ma jistax, bħala prinċipju, jaffettwa l-kalkolu tal-kumpens legali għal leave mħallas mill-persuna li timpjega. Madankollu, il-partijiet għal ftehim kollettiv huma intitolati li jidderogaw minn dawn ir-regoli federali dwar il-leave. Fis-settur tal-kostruzzjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol huma rregolati minn ftehim qafas kollettiv speċifiku. Dan tal-aħħar jipprovdi li l-ħaddiema huma intitolati għal 30 jum ta’ leave annwali mħallas. Madankollu, il-kalkolu tal-kumpens legali għal leave mħallas jieħu inkunsiderazzjoni t-tnaqqis fir-remunerazzjoni minħabba perijodi ta’ qgħad parzjali.

2.

T. Hein jaħdem fis-settur tal-kostruzzjoni. Huwa kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ qgħad parzjali għal perijodu ta’ diversi ġimgħat fl‑2015 u 2016. Huwa ħa l-leave annwali mħallas. Fl-opinjoni tiegħu, il-kalkolu tal-kumpens li huwa tħallas għal-leave annwali ma kellux jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ qgħad parzjali.

3.

Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddetermina jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix regola nazzjonali, inkluża fi ftehim kolletiv, li tippermetti li t-tnaqqis fir-remunerazzjoni, li jirriżulta minn qgħad parzjali, jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkolat id-dritt tal-ħaddiem għall-kumpens għal leave mħallas.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

4.

L-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”) jipprovdi: “Kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perijodu annwali ta’ leave imħallas.”

2. Id-Direttiva 2003/88

5.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88/KE li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/88” jew id-“Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol”) ( 2 ) jiddefinixxi l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.   Din id-Direttiva tapplika għal:

(a)

il-perjodi minimi ta’ […] leave annwali […]”

6.

L-Artikolu 2(1) jiddefinixxi “ħin tax-xogħol” bħala “kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi”. L-Artikolu 2(2) jiddefinixxi “perjodu ta’ serħan” bħala “kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol”.

7.

L-Artikolu 7 huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.   Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

8.

Skont l-Artikolu 15, “Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija li huma aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema”.

B.   Id-dritt Ġermaniż

1. Il-Liġi dwar il-Leave Minimu tal-Impjegati

9.

L-Artikolu 3(1) tal-Mindesturlaubsgesetz für Arbeitnehmer (Bundesurlaubsgesetz – BUrlG) (il-Liġi dwar il-Leave Minimu tal-Impjegati, iktar ’il quddiem il-“Liġi Federali dwar il-leave”) ( 3 ) jipprovdi li “il-leave għandu jammonta għal mill-inqas 24 jum ta’ xogħol kull sena […]”.

10.

L-Artikolu 11(1) jipprovdi li:

“Il-kumpens legali għal leave mħallas għandu jiġi kkalkolat abbażi tar-remunerazzjoni medja li l-impjegat ikun irċieva matul l-aħħar tlettax‑il ġimgħa li jippreċedu l-bidu tal-leave, bl-eċċezzjoni tar-remunerazzjoni mħallsa b’mod addizzjonali għas-sahra.

[…]

It-tnaqqis fir-remunerazzjoni matul il-perijodu ta’ referenza li jirriżulta minn qgħad parzjali, minn telf ta’ sigħat tax-xogħol jew minn assenza ġġustifikata mix-xogħol ma għandux jaffettwa l-kalkolu tal-kumpens legali għal leave mħallas […]”.

11.

L-Artikolu 13(1) jippermetti lill-partijiet għall-ftehim kollettiv li jidderogaw mir-regoli tal-Liġi Federali dwar il-leave, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 1, 2 u 3(1) tagħha. L-Artikolu 13(2) jippermetti lill-ftehimiet kollettivi b’mod partikolari fis-settur tal-kostruzzjoni li jidderogaw mill- Artikoli 1, 2 u 3(1), sa fejn dan ikun neċessarju sabiex jiġi salvagwardjat il-leave annwali kontinwu għall-ħaddiema kollha.

2. Il-Ftehim Qafas Kollettiv Federali għas-Settur tal-Kostruzzjoni

12.

L-Artikolu 8(1) tal-Bundesrahmentarifvertrag für das Baugewerbe (il-Ftehim Qafas Kollettiv Federali għas-Settur tal-Kostruzzjoni, iktar ’il quddiem il-“BRTV-Bau”) ( 4 ) jipprovdi li:

“1.   L-impjegat huwa intitolat għal 30 jum ta’ xogħol bħala leave ta’ mistrieħ mħallas għal kull sena kalendarja (sena ta’ leave)

[…]

4.   It-tul tal-leave għandu jiġi ddeterminat skont in-numru ta’ jiem ta’ xogħol maħduma f’impriżi fis-settur tal-kostruzzjoni […]”.

13.

L-Artikolu 8(2) jirrigwarda l-kalkolu tat-tul tal-leave:

“[…]

2.   L-impjegat jikseb id-dritt għal jum wieħed ta’ leave wara kull 12‑il jum ta’ xogħol – fil-każ ta’ persuni b’diżabbiltà serja, wara kull 10.3 jiem ta’ xogħol.

3.   Il-‘jiem ta’ xogħol’ għandhom jinkludu l-jiem kalendarji kollha li fihom kienet teżisti relazzjoni ta’ xogħol f’impriżi fis-settur tal-kostruzzjoni matul is-sena ta’ leave. Dawn għandhom jeskludu l-jiem li fihom l-impjegat ikun assenti mix-xogħol mingħajr awtorizzazzjoni u l-jiem ta’ leave mhux imħallas, fejn it-tul taż-żmien huwa itwal minn 14‑il jum […]”.

14.

L-Artikolu 8(4) jikkonċerna kumpens għal leave mħallas u huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għal-leave annwali skont il-punt 1, il-ħaddiem għandu jirċievi kumpens għal leave mħallas.

Il-kumpens għal leave mħallas għandu jammonta għal 14.25 % tas-salarju gross jew għal 16.63 % għall-persuni b’diżabbiltà serja fis-sens tad-dispożizzjonijiet legali. Il-kumpens għal leave mħallas għandu jikkonsisti fil-kumpens legali għal leave mħallas ta’ 11.4 % tas-salarju gross – 13.3 % għall-persuni b’diżabbiltà serja – u l-ħlas għal vaganzi addizzjonali. Il-ħlas għal vaganzi addizzjonali għandu jammonta għal 25 % tal-kumpens legali għal leave mħallas. Huwa jista’ jiġi kkreditat kontra l-ħlas għal vaganzi addizzjonali mogħti mill-kumpannija.

Fir-rigward tal-leave annwali li jkun inġema’ wara l‑31 ta’ Diċembru 2015 u qabel l‑1 ta’ Jannar 2018, il-kumpens għal leave mħallas għandu jammonta għal 13.68 % tas-salarju gross jew 15.96 % għall-persuni b’diżabbiltà serja fis-sens tad-dispożizzjonijiet legali. Il-kumpens għal leave mħallas għandu jikkonsisti fil-kumpens legali għal leave annwali ta’ 11.4 % tas-salarju gross – 13.3 % għall-persuni b’diżabbiltà serja – u l-ħlas għal vaganzi addizjonali. Il-ħlas għal vaganzi addizzjonali għandu jammonta għal 20 % tal-kumpens legali għal leave mħallas. Dan jista’ jiġi kkreditat kontra l-ħlas għal vaganzi addizzjonali mogħti mill-kumpannija.

2.   ‘Salarju gross’ ifisser:

(a)

il-ħlas gross li fuqu huwa bbażat il-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul u li jitniżżel fid-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, inkluż ir-remunerazzjoni mħallsa in natura li ma hijiex intaxxata b’rata fissa skont l-Artikolu 40 tal-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul);

[…]

3.   Il-kumpens għal leave mħallas għal leave annwali li jkun ittieħed parzjalment għandu jiġi kkalkolat billi jiġi diviż il-kumpens għal leave mħallas ddeterminat skont il-punt 4.1 bin-numru totali ta’ jiem ta’ leave ddeterminat skont il-punt 2 u billi dan jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ jiem ta’ leave meħuda.

...

5.   Fi tmiem is-sena ta’ leave, il-bilanċ tal-kreditu tal-kumpens għal leave mħallas għandu jiġi ttrasferit għas-sena kalendarja li jmiss.”

15.

Skont l-Artikolu 8(5):

“1.   Għal kull siegħa mitlufa minħabba inkapaċità għax-xogħol iġġustifikata li tirriżulta minn mard, li fil-konfront tagħha ma hemm l-ebda dritt għal salarju, il-kumpens għal leave mħallas ddeterminat skont il-punt 4.1 għandu jiżdied b’14.25 % tas-salarju gross li jkun ġie nnotifikat l-aħħar skont il-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tat-Tarifvertrag über das Sozialkassenverfahren im Baugewerbe (il-Ftehim Kollettiv dwar il-Proċeduri tal-Fondi Soċjali fis-Settur tal-Kostruzzjoni, iktar ’il quddiem il-“VTV”).

2.   Għal kull siegħa mitlufa fil-perijodu mill‑1 ta’ Diċembru sal‑31 ta’ Marzu, li fil-konfront tagħha l-ħaddiem jirċievi allowance tal-qgħad parzjali staġjonali, il-kumpens għal leave mħallas iddeterminat skont il-punt 4.1 għandu jiżdied, wara li jintemm dan il-perijodu, b’14.25 % tas-salarju gross li jkun ġie nnotifikat l-aħħar skont il-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-VTV. L-ewwel 90 siegħa mitlufa minħabba li l-ħaddiem ikun irċieva allowance tal-qgħad parzjali staġjonali għandhom jiġu injorati.

[…]

4.   Madankollu, fir-rigward tal-leave annwali li jkun inġema’ wara l‑31 ta’ Diċembru 2015 u qabel l-1 ta’ Jannar 2008, b’deroga mill-punti 5.1 u 5.2, il-perċentwali tal-kumpens minimu għal leave mħallas għandha tkun ta’ 13.68 %.”

III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16.

T. Hein (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”) ilu jaħdem għal Albert Holzkamm GmbH & Co. (iktar ’il quddiem il-“konvenuta” jew “il-persuna li timpjega”) bħala ħaddiem tal-konkrit mill-1980. Huwa kien jitħallas salarju bis-siegħa ta’ EUR 19.57 (gross) fl-2015 u EUR 20.04 (gross) fl-2016.

17.

Permezz ta’ ftehim industrijali, il-persuna li timpjega poġġiet lill-ħaddiema f’qgħad parzjali għax-xhur ta’ Awwissu, Settembru, Ottubru u Novembru 2015. Flimkien ma’ perijodi oħra ta’ qgħad parzjali fl-istess sena, T. Hein ħadem b’sistema ta’ qgħad parzjali għal total ta’ 26 ġimgħa fl-2015.

18.

Fl-2015, huwa akkwista 30 jum ta’ leave annwali. Mid‑19 ta’ Ottubru 2015 sal‑31 ta’ Ottubru 2015, huwa uża 10 ijiem minn dan il-leave annwali, li jikkorrispondu għat-total ta’ 82 siegħa bbażati fuq is-sigħat li huwa ħadem fil-ġimgħa għax-xahar ta’ Ottubru (jiġifieri 41 siegħa). Il-persuna li timpjega kkalkulat l-kumpens għal leave mħallas ( 5 ) abbażi ta’ salarju bis-siegħa ta’ madwar EUR 10.96 (gross). B’paragun mas-salarju bis-siegħa normali ta’ T. Hein fis-sena 2015 (EUR 19.57 gross), hemm differenza totali ta’ madwar EUR 705.88 (gross): l-ammont li huwa jsostni huwa dovut lilu. Fir-rigward tal-ħlas għal vaganzi addizzjonali miftiehem kollettivament, huwa jsostni li hemm differenza ta’ EUR 176.50 (gross). T. Hein ħa wkoll ġurnata waħda mill-leave annwali fit‑22 ta’ Diċembru 2015. Għal dan il-jum, huwa qed jitlob EUR 69.45 (gross) bħala kumpens legali għal leave mħallas u EUR 17.22 (gross) bħala ħlas għal vaganzi.

19.

Fl-2016, T. Hein ħa l-leave annwali mill‑4 ta’ Ottubru sat‑28 ta’ Ottubru, jiġifieri total ta’ 155.5 siegħa. Il-persuna li timpjegah ikkalkulat il-kumpens għal leave mħallas abbażi ta’ salarju bis-siegħa ta’ madwar EUR 11.76 (gross). B’paragun mas-salarju bis-siegħa tar-rikorrent fl-2016 – EUR 20.04 (gross) – T. Hein għalhekk qed jitlob id-differenza totali ta’ madwar EUR 1 287.85 (gross). Fir-rigward tal-ħlas għal vaganzi addizzjonali, T. Hein qed jitlob ukoll EUR 413.39 (gross).

20.

T. Hein iqis li, għal dawn is-sentejn, il-perijodi ta’ qgħad parzjali ma għandhomx iwasslu għal tnaqqis fl-ammont tal-kumpens għal leave mħallas. Ir-regola prevista fl-Artikolu 8 tal-ftehim kollettiv twassal għal tnaqqis sinjifikattiv fil-kumpens għal leave mħallas fil-każ ta’ qgħad parzjali. Għalhekk, T. Hein isostni li, globalment, il-qorti tar-rinviju għandha tordna lill-persuna li timpjegah tħallas EUR 2 670.27 (gross), flimkien mal-interessi, bħala kumpens għal leave mħallas.

21.

Albert Holzkamm GmbH & Co. tqis li r-regola prevista fl-Artikolu 8 tal-ftehim kolletiv taqa’ taħt l-Artikolu 13(1) u (2) tal-Liġi Federali dwar il-Leave. Id-dispożizzjoni tal-aħħar u r-regola miftiehma kollettivament ibbażata fuqhom huma konformi mad-dritt tal-Unjoni. Il-persuna li timpjega żżid li għandu jiġi rrimarkat li fil-verżjoni rreveduta tal-ftehim kollettiv il-partijiet għal dan il-ftehim ma naqsux in-numru ta’ jiem ta’ leave li jista’ jintalab meta l-qgħad parzjali jkun ġie organizzat minn qabel. Madankollu, huwa ta kumpens għal qgħad parzjali organizzat minn qabel billi żied l-ammont tal-kumpens għal leave mħallas. Skont il-persuna li timpjega, ir-rikors ta’ T. Hein għandu għalhekk jiġi miċħud.

22.

Huwa f’dan il-kuntest fattwali u legali li l-Arbeitsgericht Verden (il-Qorti Industrijali ta’ Verden) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tippermetti li jiġi previst permezz ta’ ftehim kollettiv li tnaqqis ta’ remunerazzjoni li jirriżulta matul il-perijodu ta’ referenza ta’ qgħad parzjali jittieħed inkunsiderazzjoni waqt il-kalkolu tal-kumpens legali għal leave imħallas, li għandu bħala konsegwenza li l-impjegat jirċievi, matul il-leave annwali minimu ta’ erba’ ġimgħat, kumpens għal leave imħallas – jew, f’każ ta’ waqfien tar-relazzjoni ta’ xogħol, kumpens finanzjarju għal leave mhux meħud – inqas minn dak li huwa kien jirċievi kieku l-kumpens għal leave imħallas kien ġie kkalkolat abbażi tar-remunerazzjoni medja li huwa kien jibbenefika minnha matul il-perijodu ta’ referenza mingħajr dan it-tnaqqis ta’ remunerazzjoni? Fl-affermattiv, liema jista’ jkun bħala massimu, bħala perċentwali tar-remunerazzjoni medja mingħajr tnaqqis, it-tnaqqis tal-kuumpens għal leave imħallas li jirriżulta minn qgħad parzjali matul il-perijodu ta’ referenza, sabiex jista’ jitqies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jiġi previst tali tnaqqis permezz ta’ ftehim kollettiv tkun ġiet interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni?

2.

F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1: il-prinċipju ta’ ċertezza legali, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività jimponu li tiġi limitata ratione temporis il-possibbiltà għall-persuni kkonċernati kollha li jibbażaw ruħhom fuq l-interpetazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti lis-sentenza preliminari tagħha tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, sa fejn il-qrati nazzjonali l-iktar għolja kienu preċedentement iddeċidew li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, ta’ oriġini leġiżlattiva u konvenzjonali, ma setgħux jiġu interpretati b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni? Fin-negattiv, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jipproteġu, abbażi tad-dritt nazzjonali, l-aspettattivi leġittimi tal-persuni li jimpjegaw li kienu bbażaw ruħhom fuq iż-żamma tal-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali l-iktar għolja, jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi hija rriżervata lill-Qorti tal-Ġustizzja?”

23.

Saru osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrent, mill-konvenut, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Gvern Taljan, u mill-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Taljan, huma kollha għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta li saret fl‑14 ta’ Ġunju 2018.

IV. Evalwazzjoni

24.

F’dawn il-konklużjonijiet, ser niddiskuti l-ewwel, bħala punt preliminari, il-konsegwenzi, jekk hemm, tal-fatt li r-regola nazzjonali inkwistjoni tagħmel parti minn ftehim kollettiv li jidderoga mil-leġiżlazzjoni nazzjonali prestabbilita dwar il-leave sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tas-settur tal-kostruzzjoni (A). It-tieni nett, ser nistabbilixxi r-rekwiżiti minimi li huma previsti mid-dritt tal-Unjoni għad-dritt għal-leave annwali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kumpens għal leave mħallas. (B). It-tielet nett, ser neżamina jekk, fil-każ preżenti, id-dritt tal-Unjoni jippermettix li jittieħed inkunsiderazzjoni l-qgħad parzjali sabiex jiġi kkalkulat il-kumpens għal leave mħallas (C).

A.   Il-ftehim kollettiv fis-settur tal-kostruzzjoni

25.

Is-settur tal-kostruzzjoni għandu l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu. Dan is-settur huwa suġġett għall-varjazzjonijiet fil-progress tax-xogħol matul is-sena, b’mod partikolari minħabba tibdil fil-kundizzjonijiet tat-temp jew ir-riskji ekonomiċi. Għalhekk, il-ħaddiema f’dan is-settur jiġu x’aktarx suġġetti għal perijodi tal-hekk imsejjaħ “qgħad parzjali”, speċjalment (iżda mhux biss) fix-xitwa, u għal perijodi ta’ piż ta’ xogħol għoli, fejn is-sahra hija ġeneralment meħtieġa. Dawn il-varjazzjonijiet fil-progress tax-xogħol jistgħu jagħmlu d-determinazzjoni tat-tul tal-leave annwali u l-kumpens għal leave mħallas pjuttost kumplessi.

26.

Skont l-Artikolu 11(1) tal-Liġi Federali dwar il-Leave, il-kumpens legali għal leave mħallas għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tar-remunerazzjoni medja tal-ħaddiem, eskluża is-sahra. Din il-medja tittieħed minn perijodu ta’ 13‑il ġimgħa (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ referenza”), ikkalkolat b’lura mid-data li fiha jkun ittieħed il-leave. It-tnaqqis fir-remunerazzjoni li jseħħ fil-perijodu ta’ referenza li jirriżulta minn qgħad parzjali ma jittiħidx inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kumpens legali għal leave mħallas.

27.

Madankollu, l-Artikolu 13 ta’ din il-liġi jippermetti li ftehimiet kollettivi fis-settur tal-kostruzzjoni jidderogaw mir-regoli tal-Liġi Federali dwar il-Leave. Il-BRTV-Bau għamel użu minn din il-fakultà, għal dak li jirrigwarda l-kalkolu kemm tat-tul (30 jum ta’ xogħol minflok 24) kif ukoll tal-kumpens għal leave mħallas. B’mod partikolari, sabiex jiġi ddeterminat is-salarju gross medju bis-siegħa, is-sistema prevista fl-Artikolu8(4) tal-BRTV-Bau, dwar il-kumpens għal leave mħallas, tieħu inkunsiderazzjoni t-tnaqqis fir-remunerazzjoni minħabba qgħad parzjali sabiex jiġi kkalkolat dan il-kumpens.

28.

F’dan il-kuntest leġiżlattiv speċifiku, il-Gvern Ġermaniż jargumenta li s-suġġett ta’ din il-kawża huwa l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni li tippermetti d-deroga (jiġifieri l-Artikolu 13 tal-Liġi Federali dwar il-Leave), u mhux id-dispożizzjonijiet sostantivi tal-BRTV-Bau. Il-qorti tar-rinviju għamlet ukoll l-ewwel domanda tagħha mill-perspettiva li din id-dispożizzjoni leġiżlattiva tawtorizza lill-imsieħba soċjali li jidderogaw.

29.

Naqbel li, fuq il-livell formali, hija fil-fatt il-Liġi Federali dwar il-Leave li tista’ titqies bħala s-sors primarju ta’ inkompatibbiltà potenzjali mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn din ippermettiet lill-partijiet għall-ftehim kollettiv li jitbgħiedu mil-leġiżlattiva nazzjonali li hija ġeneralment applikabbli. Madankollu, jekk inwarrab dan il-fatt, ma nistax nara x’jista’ fil-fatt jiġi evalwat b’mod sostanzjali fil-kawża preżenti fir-rigward tal-Liġi Federali dwar il-Leave, peress li r-regoli applikabbli inkwistjoni jinsabu fil-BRTV-Bau għaż-żewġ elementi ewlenin fil-kawża preżenti: it-tul tal-leave annwali u l-kumpens għal dan il-leave.

30.

Jista’ jitfakkar li, għalkemm ir-regoli nazzjonali ntlaħqu u ġew miftiehma mill-imsieħba soċjali, dawn ma jevitawx il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni naturalment li dawn jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu b’mod materjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat il-kompatibbiltà sostantiva tal-ftehim kollettiv mad-dritt tal-Unjoni fil-passat, inkluż fejn dan il-ftehim jidderoga mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 6 ). Fejn l-imsieħba soċjali jadottaw miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huma għandhom josservaw dan tal-aħħar ( 7 ).

31.

Il-fatt li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ma jkunux abbozzaw ir-regoli fil-ftehim kollettiv ma huwiex rilevanti mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni. Dak li jgħodd huwa li dawn l-awtoritajiet ikunu ppermettew dawn ir-regoli, u għamluhom parti mir-regoli legali applikabbli fis-settur inkwistjoni, u jkunu applikawhom fil-ġurisdizzjoni tagħhom. Fil-qosor, diversi forom ta’ “esternalizzazzjoni” leġiżlattiva ma jipproteġux lil dawn ir-regoli mid-dritt tal-Unjoni u lanqas ma jċaħħdu lill-Istat Membru mir-responsabbiltà finali għall-kontenut ta’ dawn ir-regoli ( 8 ).

32.

Għalhekk, fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija b’mod ċar kompetenti li tevalwa l-kompatibbiltà sostantiva tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-BRTV-Bau mad-dritt tal-Unjoni.

33.

Iżda, għalkemm ir-regoli inkwistjoni ma jevitawx il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li dawn ġew miftiehma fil-forma ta’ ftehim kollettiv mill-imsieħba soċjali, huwa fl-opinjoni tiegħi rilevanti, iżda minn angolu differenti.

34.

Id-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi l-importanza tad-djalogu soċjali. L-Artikolu 28 tal-Karta jiggarantixxi d-dritt li jiġu nnegozjati u konklużi ftehimiet kollettivi. Dawn il-ftehimiet huwa espressjoni tad-djalogu soċjali. Ir-regoli (settorjali) li jinsabu f’dawn il-ftehimiet probabbilment jiddisponu minn livell ikbar ta’ leġittimità għaliex huma ma humiex uniletarment (u ġeneralment) imposti mill-awtoritajiet pubbliċi, iżda jkunu ġew innegozjati mill-atturi soċjali rilevanti, normalment fid-dawl tal-partikolaritajiet tas-settur inkwistjoni. Għalhekk, jista’ jiġi preżunt li l-ftehimiet kollettivi jirriflettu bilanċ sottili globali bejn, minn naħa, l-interessi tal-ħaddiema u, minn naħa l-oħra, dawk tal-persuni li jimpjegaw.

35.

Barra minn hekk, it-termini li għandhom jiġu enfasizzati f’dan il-kuntest huma fil-fatt “il-bilanċ globali”. Jekk awtorizzati mis-sistema legali, huwa improbabbli li l-ftehimiet kollettivi jidderogaw minn element wieħed jew tnejn biss tad-dritt (tax-xogħol) nazzjonali applikabbli. Huma għandhom it-tendenza li pjuttost ipoġġu strutturi iktar kumplessi, li jinkorporaw numru ta’ sostituzzjonijiet u kumpens. Għalhekk, ir-regoli individwali li jinsabu fihom ma jistgħux jitqiesu f’iżolament, iżda bħala parti minn pakkett.

B.   Ir-rekwiżiti minimi skont id-dritt tal-Unjoni għal-leave annwali

36.

Bħala rimarka preliminari, għandu jiġi osservat li d-dritt tal-Unjoni jipprovdi biss għall-protezzjoni minima tal-ħaddiema, inkluż id-dritt għal-leave annwali ( 9 ). Huwa għall-Istati Membri li jistabbilixxu, fil-limiti tad-dritt tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-eżistenza tiegħu ( 10 ). Dak li finalment jgħodd taħt id-dritt tal-Unjoni huwa li teżisti l-opportunità definittiva li jiġi eżerċitat id-dritt u għalhekk li l-qofol tad-dritt għal-leave annwali ma jiġix affettwat ( 11 ).

37.

Madankollu, liema huma b’mod preċiż ir-rekwiżiti minimi fir-rigward tad-dritt għal-leave annwali li għandhom jiġu osservati sabiex id-dritt nazzjonali, inkluż il-ftehim kollettiv, ikun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni?

38.

Skont l-Artikolu 31(2) tal-Karta, kull ħaddiem għandu d-dritt għal perijodu annwali ta’ leave mħallas: ma hemmx ipprovduti iktar dettalji dwar dan id-dritt. L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li fil-konfront tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandu effett dirett ( 12 ), jikkonkretizza speċifikament dan id-dritt. Huwa jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġi żgurat li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat skont il-kundizzjonijiet għall-ksib u għall-għoti ta’ dan il-leave, kif stipulat mil-leġiżlazzjoni u/jew prattika nazzjonali.

39.

Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat f’diversi okkażjonijiet li d-dritt għal-leave annwali mħallas għandu jitqies bħala prinċipju partikolarment importanti tad-dritt soċjali tal-Unjoni ( 13 ), li għandu l-għan li jiżgura lil kull ħaddiem kemm perijodu ta’ mistrieħ kif ukoll perijodu ta’ serħan u ta’ rikreazzjoni ( 14 ). Dan id-dritt għandu żewġ aspetti: id-dritt għal-leave annwali u l-kumpens għal dan il-leave ( 15 ). Ma jistax jiġi interpretat b’mod strett ( 16 ).

40.

Fir-rigward b’mod parikolari tal-kumpens għal leave mħallas, għandu jiġi osservat li ma hemm l-ebda dispożizzjoni dwar dan l-aspett tad-dritt fid-Direttiva 2003/88 ( 17 ). Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li l-ħaddiema għandhom jirċievu remunerazzjoni normali għall-perijodu ta’ mistrieħ li jikkorispondi għan-numru tas-sigħat tal-leave annwali li jkun ittieħed ( 18 ). Huma għandhom jitpoġġew f’sitwazzjoni komparabbli mal-perijodi ta’ xogħol li jkunu twettqu ( 19 ). Il-loġika wara “ir-remunerazzjoni normali” hija li jiġi żgurat li l-ħaddiema jieħdu l-jiem li huma intitolati għalihom sabiex jistrieħu. Jekk l-ammont tal-kumpens għal leave mħallas jkun baxx wisq, il-ħaddiema jistgħu jitħajru li ma jiħdux il-leave annwali tagħhom. F’dan il-każ, id-dritt għal-leave annwali jista’ jiġi mingħajr skop ( 20 ).

41.

Madankollu, minn dawn l-istqarrijiet, ma huwiex immedjatament ovvju x’inhi “ir-remunerazzjoni normali” li għandha titħallas matul il-leave annwali f’sitwazzjonijiet professjonali li jinvolvu varjazzjonijiet fil-ħin tax-xogħol matul il-perijodu ta’ referenza. Dawn il-varjazzjonijiet jistgħu jagħmlu l-kalkolu tal-leave annwali iktar diffiċli, kemm jekk jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tiegħu jew il-kumpens għal dan il-leave, kif intwera f’numru ta’ kawżi aditi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

42.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-konsegwenzi tal-leave tal-mard fuq il-leave annwali, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-fatt li tkun fuq il-leave tal-mard ma għandux inaqqas id-dritt għal-leave annwali ( 21 ). “[I]d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas mogħti mid-[Direttiva 2003/88] lill-ħaddiema kollha […] ma jistax jiġi suġġettat minn Stat Membru għall-obbligu li huma jkunu effettivament ħadmu matul il-perijodu ta’ referenza stabbilit mill-imsemmi Stat” ( 22 ). Għalhekk, li tkun fuq il-leave tal-mard għal perijodu ta’ żmien, li huwa avveniment kemm involontarju kif ukoll imprevedibbli, ma jistax ikollu impatt fuq it-tul tal-leave annwali u l-kumpens għal dan il-leave. Minn dan isegwi li l-fatt li persuna jkollha inqas sigħat tax-xogħol effettivi minħabba l-leave tal-mard ma għandu l-ebda effett fuq id-dritt għal-leave annwali ( 23 ).

43.

It-tieni nett, fir-rigward tad-determinazzjoni tar-“remunerazzjoni normali” għal xogħlijiet li jinvolvu varjazzjonijiet fl-iskeda tal-kompiti u tax-xogħol, jidher li din ir-remunerazzjoni għandha tikkorispondi mal-kompiti li twettqu mill-ħaddiem. Fis-sentenza Williams et, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet gwida dwar dak li hija r-“remunerazzjoni normali” ta’ pilota ta’ linja tal-ajru. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fejn ir-remunerazzjoni li jirċievi l-ħaddiem hija magħmula minn diversi elementi, u għandha tiġi ddeterminata mid-dispożizzjonijiet u l-prattika stabbilita mid-dritt tal-Istati Membri, “[din l-istruttura mhux ser ikollha] impatt fuq id-dritt tal-ħaddiem […] li jgawdi, matul il-perijodu ta’ mistrieħ u serħan, minn kundizzjonijiet ekonomiċi simili għal dawk li jirrigwardjaw l-eżerċizzju tax-xogħol tiegħu. Għalhekk, kull nuqqas ta’ qbil li huwa intrinsikament marbut mal-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tal-ħaddiem skont il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu u kkumpensat minn ammont ta’ flus […] għandu neċessarjament ikun parti mill-ammont li għalih il-ħaddiem huwa intitolat matul il-leave annwali tiegħu […]. Madankollu, l-elementi tar-remunerazzjoni globali tal-ħaddiem li jfittex esklużivament li jkopri l-ispejjeż okkażjonali jew inċidentali li jinqalgħu b’rabta mal-eżekuzzjoni tal-kompiti tal-ħaddiem skont il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, bħall-ispejjeż relatati maż-żmien li l-piloti għandhom bilfors jagħmlu ’il bogħod mill-bażi, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi kkalkulat il-ħlas li għandu jitħallas matul il-leave annwali” ( 24 ).

44.

Għalhekk, jidher li r-“remunerazzjoni normali” għandha “tirrifletti” l-kundizzjonijiet tax-xogħol “normali” li huma intrinsiċi għax-xogħol inkwistjoni. B’ċertu grad ta’ ġeneralizzazzjoni, jidher għalhekk li l-kumpens għal leave mħallas għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tar-remunerazzjoni globali realment irċevut bħala l-korrispettiv għall-kompiti mwettqa effettivament fuq bażi regolari.

45.

It-tielet nett, fir-rigward tal-effett tax-xogħol part-time fuq id-dritt għal-leave annwali, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat, b’riferiment għall-ftehim qafas tal-Unjoni dwar ix-xogħol part-time, il-prinċipju ta’ pro rata temporis għat-tul tal-leave annwali sabiex ikun proporzjonat max-xogħol (part-time) effettiv. Pereżempju, fis-sentenza Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, li tikkonċerna l-effetti fuq id-dritt għal-leave annwali mħallas tal-bidla fis-sigħat tax-xogħol ta’ ħaddiem minn xogħol full-time għal xogħol part-time, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għal perijodu ta’ impjieg fuq bażi part-time, it-tnaqqis tal-leave annwali meta mqabbel ma’ dak mogħti għall-perijodu ta’ impjieg full-time huwa ġġustifikat għal raġunijiet oġġettivi. Madankollu, dan il-prinċipju ma jistax jiġi applikat a posteriori għad-dritt għal-leave annwali akkumulat matul il-perijodu tax-xogħol full-time ( 25 ).

46.

Sussegwentement, fis-sentenza Heimann, il-Qorti tal-Ġustizzja estendiet l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ pro rata temporis għas-sitwazzjoni partikolari ħafna tal-qgħad parzjali, jiġifieri “tnaqqis fil-ħin tax-xogħol għal żero sigħat tax-xogħol”. Din is-sitwazzjoni kienet ġiet introdotta mill-pjan soċjali ( 26 ) sabiex il-ħaddiema mkeċċija, li qabel kienu jaħdmu full-time, jieħdu l-kumpens finanzjarju għal-leave mħallas. Adita b’din is-sitwazzjoni speċifika, il-Qorti tal-Ġustizzja ddiskreviet il-ħaddiema kkonċernati bħala de facto“ħaddiema temporanjament part-time” ( 27 ) u għaddiet sabiex tapplika l-prinċipju ta’ pro rata temporis. Għalhekk, fis-sentenza Heimann, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrasponiet effettivament il-prinċpju ta’ pro rata temporis għad-determinazzjoni tat-tul tal-leave annwali ta’ ċertu tip ta’ ħaddiema b’qgħad parzjali. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja adattat it-tul tal-leave annwali għax-xogħol li realment twettaq minn dawn il-ħaddiema.

47.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma applikat il-prinċipju ta’ pro rata temporis għad-dritt tal-kumpens għal leave mħallas. Minkejja dan, jista’ jiġi osservat li dan il-prinċipju jista’ jkollu wkoll impatt fuq numru ta’ benefiċċji li jgawdu minnhom il-ħaddiema part-time. Pereżempju, fis-sentenza Schönheit u Becker, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-prinċipju ta’ pro rata temporis sabiex tikkalkola (u għalhekk tnaqqas) il-pensjoni tal-irtirar ta’ persuna fil-każ ta’ xogħol part-time ( 28 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li t-tnaqqis tal-pensjoni kellu jkun strettament proporzjonat ( 29 ). Minbarra hekk, fis-sentenza Österreichischer Gewerkschaftsbund ( 30 ), li tikkonċerna tip ta’ benefiċċju ieħor, jiġifieri l-allowance għall-ulied dipendenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk, skont it-termini ta’ din ir-relazzjoni tax-xogħol inkwistjoni, il-ħaddiem huwa impjegat part-time, għandu jiġi stabbilit li l-kalkolu tal-allowance għall-ulied dipendenti skont il-prinċipju ta’ pro rata temporis huwa oġġettivament iġġustifikat. Dak li jsegwi minn din il-linja tal-ġurisprudenza huwa li l-ħaddiema part-time huma intitolati għall-ħlas ta’ ammont ikkalkolat pro rata fuq in-numru ta’ sigħat realment maħduma.

48.

Fl-aħħar nett, fis-sentenza Greenfield, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonfrontata bix-xenarju bil-maqlub ta’ żieda fis-sigħat tax-xogħol, mhux fil-kuntest tal-qgħad parzjali, iżda minħabba varjazzjonijiet imprevedibbli fis-sigħat tax-xogħol. F’dik il-kawża, kien hemm kuntratt li jistipula li s-sigħat tax-xogħol kienu differenti minn ġimgħa għal ġimgħa. Għalhekk, ir-remunerazzjoni tal-ħaddiem kienet ukoll tvarja minn ġimgħa għal ġimgħa. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt għal leave annwali mħallas minimu għandu jiġi kkalkolat b’riferiment għall-jiem u għas-sigħat maħduma u speċifikati fil-kuntratt tax-xogħol ( 31 ). Minħabba din il-bidla fis-sigħat tax-xogħol, l-Istati Membri ma humiex meħtieġa li jikkalkolaw mill-ġdid b’mod retroattiv il-leave diġà akkumulat (u li possibbilment ittieħed) qabel il-bidla. Id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ biss li jsir kalkolu ġdid għall-perijodu tax-xogħol sussegwenti li matulu l-ħaddiem ikun żied in-numru tas-sigħat maħduma ( 32 ). Dan juri wkoll li, minbarra s-sitwazzjonijiet komparabbli għal-leave tal-mard, il-leave annwali għandu tendenza li jiġi bbażat fuq is-sigħat tax-xogħol effettivament imwettqa.

49.

Fil-qosor, jidher li, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu varjazzjonijiet fil-ħinijiet tax-xogħol minħabba numru ta’ avvenimenti differenti, il-leave annwali huwa, b’mod ġenerali, ikkalkolat fuq il-bażi tas-sigħat tax-xogħol effettivi. Dan huwa b’mod ċar il-każ f’sitwazzjonijiet fejn l-avveniment li jwassal għall-varjazzjoni huwa prevedibbli jew volontarju, normalment għaliex huwa inerenti fit-tip tal-kuntratt inkwistjoni, pereżempju fir-rigward tax-xogħlijiet speċifiċi jew għall-ħaddiema part-time u ċertu ħaddiema b’qgħad parzjali li jistgħu jkunu assimilati ma’ tal-ewwel. L-unika eċċezzjoni ċara għar-“regola dwar il-ħin tax-xogħol effettiv” tirrigwarda l-varjazzjonijiet minħabba l-perijodi tal-leave tal-mard. Ir-raġunament wara din l-eċċezzjoni huwa li jiġi żgurat li avveniment imprevedibbli jew involontarju, bħall-inkapaċità għax-xogħol ikkawżata mill-mard, ma taffettwax b’mod mhux iġġustifikat id-dritt awtonomu għal-leave annwali, li l-għan tiegħu huwa differenti ħafna mid-dritt għal-leave tal-mard. Minbarra dan il-każ speċifiku, jidher li s-sigħat tax-xogħol effettivi, kuntrarjament għal dawk teoretiċi, huma l-istandard għall-finijiet li jiġi ddeterminat il-leave annwali ( 33 ).

C.   Il-kawża prinċipali

50.

Ir-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-metodu ta’ kalkolu tal-leave annwali, kif stabbilita fil-ftehim kollettiv fis-settur tal-kostruzzjoni, il-BRTV-Bau. Il-kwistjoni ċentrali li fuqha hija bbażata l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju hija jekk, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ din ir-remunerazzjoni, id-dritt tal-Unjoni jippermettix li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol effettivi (u għalhekk fir-remunerazzjoni) minħabba qgħad parzjali deċiż permezz tal-ftehimiet kollettivi (ftehimiet tax-xogħol): jiġifieri fil-kuntest partikolari ta’ relazzjoni tax-xogħol li formalment tidher li hija relazzjoni full-time, f’settur li huwa normalment suġġett għal varjazzjonijiet importanti fl-iskeda tax-xogħol.

51.

Skont il-qorti tar-rinviju, ir-regoli Ġermaniżi dwar il-leave annwali jorbtu l-ammont tal-kumpens għal leave mħallas mar-remunerazzjoni li l-ħaddiem realment jirċievi fil-perijodu ta’ referenza. Hija fuq il-bażi ta’ din ir-remunerazzjoni effettiva, li hija stess hija bbażata fuq is-sigħat tax-xogħol effettivi, li s-salarju bis-siegħa rilevanti, li mbagħad iservi sabiex jiġi ddeterminat l-ammont globali tal-kumpens għal leave mħallas, hija kkalkolata.

52.

Ir-rikorrent isostni li l-qgħad parzjali matul il-perijodu ta’ referenza wassal għal tnaqqis ta’ kważi 50 % tas-salarju bis-siegħa medju, li huwa deċiżiv għall-kalkolu tal-kumpens għal leave mħallas. Fejn hemm qgħad parzjali kontinwu matul il-perijodu ta’ referenza kollu, is-salarju bis-siegħa matul dan il-perijodu jista’ jkun anki żero. Iżda, l-ammont tal-kumpens għal leave mħallas għandu mill-inqas ikun identiku għall-kumpens li l-ħaddiem kien jirċievi li kieku huwa kompla jaħdem b’mod normali. Id-dritt għall-kumpens għal leave mħallas huwa dritt għal kumpens veru. Għalhekk, il-“valur” tal-leave annwali ma għandux jiddependi minn fuq meta jittieħed il-leave matul il-perijodu ta’ referenza.

53.

Skont il-konvenuta, il-BRTV-Bau jsaħħaħ b’mod kunsiderevoli il-protezzjoni tal-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni. Fid-dawl tal-vantaġġi li joffri dan tal-ewwel, l-inkonvenjenza ta’ kumpens għal leave mħallas iktar baxx tidher li hija negliġibbli. Pereżempju, il-ħaddiema għandhom 30 jum ta’ leave annwali mħallas, minflok 24 jum għal ġimgħa tax-xogħol ta’ 6 ijiem. In-numru ta’ jiem li l-ħaddiema huma intitolati għalihom ma jitnaqqasx jekk jiġi miftiehem qgħad parzjali. Barra minn hekk, il-kalkolu tal-kumpens għal leave mħallas jinkludi s-sahra.

54.

Il-konvenuta ssostni wkoll li matul il-perijodi ta’ qgħad parzjali, il-ħaddiema jistgħu jistrieħu u jagħmlu attivitajiet ta’ divertiment għaliex l-obbligi tagħhom lejn il-persuna li timpjega huma sospiżi. Barra minn hekk, fil-perijodi ta’ qgħad parzjali, għalkemm l-obbligi tal-ħaddiem huma sospiżi, il-ħaddiem jibqa’ jirċievi ħlas minimu (eżenti mit-taxxa) kif stabbilit mit-tabelli xierqa, li huma ppubblikati kull sena mill-Gvern Federali. Il-persuna li timpjega tkompli tħallas ukoll il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tiegħu kollha (jiġifieri, l-assigurazzjoni għall-mard u l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni). Fl-aħħar nett, il-perijodi ta’ qgħad parzjali, li essenzjalment għandhom l-għan li jipprevjenu tkeċċijiet motivati minn raġunijiet ekonomiċi, huma prevedibbli, għaliex huma ġew deċiżi permezz ta’ ftehimiet tax-xogħol.

55.

Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-fatt li l-kumpens għal leave mħallas jiġi kkalkolat fuq il-bażi tas-salarju gross effettivament irċevut matul il-perijodu ta’ referenza, u għalhekk jieħu inkunsiderazzjoni it-tnaqqis fir-remunerazzjoni minħabba l-qgħad parzjali, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Il-Gvern Ġermaniż isostni li r-regola li tidher li qed topera għad-detriment tal-ħaddiem f’aspett speċifiku wieħed, tagħmel parti minn sensiela sħiħa ta’ regoli adottati mill-imsieħba soċjali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata din ir-regola. Il-ftehim kollettiv għandu jkun preżunt li huwa ġust. L-effetti “negattivi” possibbli huma kkumpensati mir-regoli l-oħra fil-ftehim kollettiv li għandhom effetti pożittivi fuq il-ħaddiema bħall-ħlas għal vaganzi addizzjonali jew il-ħlas ta’ salarju bażiku ogħla sabiex jikkumpensa għad-diffikultajiet inerenti fis-settur tal-kostruzzjoni.

56.

Skont il-Kummissjoni, ma hemmx bżonn li tiġi eżaminata b’mod speċifiku il-Karta għaliex l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jikkostitwixxi espressjoni konkreta tal-Artikolu 31(2) tal-Karta. Il-Kummissjoni tfakkar li l-ħaddiem huwa intitolat għar-remunerazzjoni normali tiegħu kkalkolata fuq il-bażi ta’ medja matul perijodu ta’ referenza li jitqies bħala rappreżentattiv. Ma hemm l-ebda eċċezzjonijiet jew derogi possibbli għal dan id-dritt. Meta l-Istat Membru jagħti iktar minn erbgħa ġimgħat ta’ leave annwali, huwa jista’ jistabbilixxi liberament il-kundizzjonijiet u jiddeċiedi, pereżempju, jekk jagħtix kumpens għall-jiem li ma ttieħdux, u jiddeċiedi taħt liema kundizzjonijiet dan jista’ jseħħ. Għall-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija kompatibbli mad-Direttiva 2003/88 jekk jiġi stabbilit li kien hemm it-traspożizzjoni tal-prinċipju ta’ pro rata temporis f’din il-leġiżlazzjoni. Huwa għall-qorti tar-rinviju li tiddetermina jekk il-ftehim kollettiv inkwistjoni applikax dan il-prinċipju.

57.

Jiena naqbel mal-ewwel rimarka preliminari magħmula mill-Kummissjoni, jiġifieri li ma huwiex meħtieġ li l-Artikolu 31(2) tal-Karta jiġi eżaminat fil-kawża preżenti. Din id-dispożizzjoni tipprovdi biss, b’mod ġenerali u astratt, li kull ħaddiem għandu d-dritt għal-limitazzjoni tas-sigħat massimi tax-xogħol, għall-perijodi ta’ serħan ta’ kuljum u fil-ġimgħa, u għall-perijodu annwali ta’ leave imħallas. Il-Karta ma tistipulax iż-żmien minimu tal-leave annwali ggarantit, u wisq inqas liema regoli jirregolaw il-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens matul il-leave annwali.

58.

Fir-rigward tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u tal-ġurisprudenza li tinterpreta din id-dispożizzjoni, nosserva li ma hemm xejn f’din id-dispożizzjoni, jew fil-ġurisprudenza li tinterpretaha, li jistabbilixxi b’mod preċiż kif l-Istati Membri għandhom jikkalkolaw il-kumpens għal leave mħallas. L-uniku rekwiżit li huwa jistabbilixxi huwa li tali remunerazzjoni normali ma għandhiex taqa’ taħt ċerti rekwiżiti minimi, b’mod li d-dritt għal-leave annwali jitneħħielu s-sustanza tiegħu. Fid-dawl tal-fatti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma nistax nara kif dan ir-riskju jista’ jimmaterjalizza fil-kawża preżenti.

59.

Il-ġurisprudenza ( 34 ) teħtieġ li l-ħaddiema jirċievu remunerazzjoni normali matul il-leave annwali sabiex b’hekk huma jitpoġġew f’sitwazzjoni komparabbli mal-perijodi tax-xogħol imwettqa. B’mod partikolari, għandu jiġi żgurat li l-ħaddiema ma jitħajrux ma jiħdux il-leave annwali tagħhom, li jista’ għalhekk iwassal sabiex id-dritt għal-leave annwali jitneħħielu s-sustanza tiegħu.

60.

Fil-kawża preżenti, x’inhi, taħt id-dritt tal-Unjoni, ir-“remunerazzjoni normali” tal-ħaddiem li jsib ruħu f’qgħad parzjali b’mod frekwenti minħabba l-ispeċifiċità tas-settur tal-kostruzzjoni? Hija r-remunerazzjoni li tikkorrispondi għax-xogħol “teoretiku”, li hija r-remunerazzjoni li l-ħaddiem kien jirċievi li kieku huwa baqa’ jaħdem b’mod normali matul il-perijodu ta’ referenza, kif argumentat mir-rikorrent? Jew hija pjuttost dik li tikkorrispondi għax-xogħol effettiv imwettaq mill-ħaddiem?

61.

Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustijzza fis-sentenza Williams et stabbilixxiet li l-kumpens għal leave mħallas kellu jiġi ddeterminat fid-dawl tar-remunerazzjoni globali realment irċevuta bħala korrispettiv għall-kompiti effettivament imwettqa fuq bażi regolari ( 35 ). Għalhekk, bħala minimu taħt id-dritt tal-Unjoni, il-kumpens għal leave mħallas jinkludi r-remunerazzjoni marbuta mill-qrib max-xogħol realment imwettaq. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jadottaw dispożizzjonijiet iktar favorevoli. Jekk jagħmlu hekk, din hija kwistjoni purament għad-dritt nazzjonali għaliex id-dritt tal-Unjoni ma jeħtieġx lill-Istati Membri li jmorru lil hinn mir-remunerazzjoni li tikkorrispondi għax-xogħol realment imwettaq matul il-perijodu ta’ referenza.

62.

Barra minn hekk, peress li l-kumpens għal leave mħallas ma jistax raġonevolment jiġi evalwat b’mod iżolat mit-tul tal-leave annwali, dawn iż-żewġ elementi ma jistgħux imbagħad jiġu kkunsidrati b’mod kompletament iżolat mill-istruttura iktar wiesgħa li jappartjenu fiha. Kif enfasizzat il-konvenuta u l-Gvern Ġermaniż fis-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tagħhom, ir-regola inkwistjoni tagħmel parti minn pakkett li jirrifletti l-bilanċ globali tal-interessi li ntlaħaq mill-imsieħba soċjali permezz tal-BRTV-Bau. Dwar l-arranġamenti li jirrigwardaw il-leave annwali, il-BRTV-Bau jipprovdi li t-tul tal-leave annwali huwa ta’ 30 jum kull sena, li huwa 10 ijiem iktar minn dak li teħtieġ bħala minimu d-Direttiva 2003/88, irrispettivament minn jekk il-ħaddiema humiex realment jaħdmu jew humiex f’qgħad parzjali. Għall-kumpens għal leave mħallas, jekk l-ammont tiegħu jvarja b’mod li jiddependi fuq dan l-aħħar fattur, tittieħed inkunsiderazzjoni s-sahra bħala l-bażi tal-kalkolu, u għalhekk titkabbar din il-bażi, u tiġi applikata perċentwali pjuttost għolja għal din il-bażi. Barra minn hekk, kif ġie sostnut mill-Gvern Ġermaniż fis-seduta, il-perijodu ta’ referenza jidher li huwa s-sena sħiħa, li jippermetti li jiġu bbilanċjati l-perijodi ta’ xogħol effettiv mal-perijodi ta’ qgħad parzjali. Fl-aħħar nett, kif issuġġerit mill-konvenuta u kkonfermat mill-Gvern Ġermaniż fis-seduta, matul il-perijodi ta’ qgħad parzjali, il-ħaddiema ma jirċievux biss il-ħlas kontinwu (jiġifieri l-allowance tal-qgħad parzjali mħallsa mill-persuna li timpjega u rrimborsata mill-aġenzija għall-impjieg Ġermaniża ( 36 )), iżda jibqgħu koperti mill-assigurazzjoni għas-saħħa u mill-iskemi tal-pensjoni.

63.

Il-BRTV-Bau għandu, f’ċerti limiti, jiġi interpretat fis-sens li huwa r-riżultat ta’ “bilanċ globali” u l-kumplessità tal-istrutturi stabbiliti timplika li d-dispożizzjonijiet individwali ma għandhomx jinqraw b’mod iżolat, iżda bħala parti minn pakkett ( 37 ). Mill-perspettiva tad-dritt għal-leave annwali mħallas iggarantit taħt id-Direttiva 2003/88, il-konklużjoni tibqa’ li l-qofol tad-dritt għal-leave annwali ma jistax jiġi affettwat. Huwa fil-fatt veru li dan tal-aħħar huwa dritt awtonomu li jservi għan speċifiku. Għalhekk, l-indħil fil-leave annwali, jekk hemm, ma jistax jiġi “ikkumpensat” minn tipi oħra ta’ vantaġġi soċjali li jirriżultaw mill-BRTV-Bau. Għalhekk, jekk hemm “kumpens” bejn ċerti vantaġġi u inkonvenjenzi, huwa fil-parametru tal-arranġamenti li jirrigwardaw il-leave annwali. Il-fatt li l-ftehim kollettiv jista’ jkun favorevoli ħafna fir-rigward ta’ aspetti oħra ċertament ma jippermettix li l-qofol tad-dritt għal-leave annwali jiġi affettwat.

64.

Għalkemm finalment hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa din il-kwistjoni, dan ma jidhirx li huwa l-każ hawnhekk. L-imsieħba soċjali fil-Ġermanja għażlu s-soluzzjoni li jagħtu iktar jiem ta’ leave annwali u kumpens għal leave mħallas li, fost affarijiet oħra, ma jieħux inkunsiderazzjoni s-sahra biss iżda wkoll il-qgħad parzjali meta jiġi kkalkolat il-leave annwali. Din l-għażla tal-imseħba soċjali ma tidhirx li tiskoraġġixxi lill-ħaddiema milli jeżerċitaw id-dritt għal-leave annwali – anzi pjuttost il-kuntrarju. Il-fatt li dan l-istess ammont huwa mifrux fuq iktar jiem jista’ jingħad ukoll li jservi bħala inċentiv għall-ħaddiema sabiex jieħdu it‑30 jum kollha tal-leave annwali sabiex jirċievu l-kumpens sħiħ u ta’ kull sena għal leave annwali li huma intitolati għalih taħt il-BRTV-Bau. Għalhekk, l-arraġamenti tal-aħħar li jirrigwardaw il-leave annwali ma jidhrux li jiksru l-qofol tad-dritt għal-leave annwali.

65.

Din il-konklużjoni ma tiġix affettwata mill-kwistjoni, li ġiet diskussa b’mod estensiv fis-seduta, tal-applikabbiltà potenzjali tal-prinċipju ta’ pro rata temporis għall-kawża preżenti. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssuġġeriet li l-kawża preżenti hija komparabbli ma’ dik tal-ħaddiema part-time. Għalhekk, għalkemm il-prinċipju ta’ pro rata temporis jidher li ma għandux japplika għat-tul tal-leave annwali (4 ġimgħat huwa l-minimu fiċ-ċirkostanzi kollha), huwa għandu japplika għall-kumpens għal leave mħallas fil-kawża preżenti.

66.

Insostenn tal-argument tagħha, il-Kummissjoni invokat is-sentenza Heimann ( 38 ). Huwa veru li f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-“ħaddiema li l-ħin tax-xogħol tagħhom tnaqqas għandhom jiġu kkwalifikati bħala ‘ħaddiema temporanjament part-time’, fejn is-sitwazzjoni tagħhom hija de facto paragunabbli għal dik ta’ ħaddiema part-time” ( 39 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għaddiet sabiex tapplika l-prinċipju ta’ pro rata temporis għal tip ta’ qgħad parzjali fir-rigward tal-kalkolu (tat-tul) tal-leave annwali.

67.

Madankollu, fuq il-fatti, is-sentenza Heimann tikkonċerna s-sospensjoni sħiħa tal-obbligi kemm tal-ħaddiema kif ukoll tal-persuni li jimpjegaw permezz ta’ tnaqqis fil-ħin tax-xogħol għal żero sigħat tax-xogħol (“Kurzarbeit-Null”), li kien intuża għal sena wara li ntemm b’mod effettiv il-kuntratt tax-xogħol ta’ A. Heimann taħt il-pjan soċjali miftiehem. Kien f’dan il-kuntest li d-dritt nazzjonali pprovda li kull talba għal-leave annwali taħt tali “Kurzarbeit-Null” għandha tiġi kkalkolata billi jintuża l-prinċipju ta’ pro rata temporis. Id-domanda li saret mill-qorti tar-rinviju f’dik il-kawża kienet dwar il-fatt jekk id-dritt tal-Unjoni kienx jipprekludi d-dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu japplikaw il-prinċipju ta’ pro rata temporis f’dawn is-sitwazzjonijiet, jiġifieri li jekk ma kienx hemm xogħol effettiv matul din is-sena, il-jiem akkumulati għall-kalkolu tal-leave annwali jkunu wkoll żero.

68.

Kien f’dan il-kuntest speċifiku li l-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet, filwaqt li xebħet de facto il-ħaddiema f’qgħad parzjali mal-ħaddiema temporanjament part-time, li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali li huma strutturati b’dan il-mod.

69.

Issa, dak li l-Kummissjoni qiegħda tissuġġerixxi b’mod effettiv f’din il-kawża hija l-estensjoni tripla tas-sentenza Heimann. L-ewwel nett, qgħad parzjali fil-kuntest ta’ relazzjoni tax-xogħol li xort’oħra tidher li hija kontinwa, għall-finijiet prattiċi kollha, għandu jitqies bħala xogħol part-time. It-tieni nett, il-prinċipju ta’ pro rata temporis ikun applikabbli mhux biss għat-tul tal-leave annwali, iżda wkoll b’mod effettiv għall-kumpens għal leave mħallas. It-tielet nett, l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ pro rata temporis tinbidel, taħt ċertu kundizzjonijiet, minn għodda fakultattiva għall-Istati Membri, u li fir-rigward tagħha d-dritt tal-Unjoni ma huwiex oppost, għal obbligu impost mid-dritt tal-Unjoni fuq l-Istati Membri, fid-dawl ta’ liema l-Istati Membri jkunu obbligati jivverifikaw jekk humiex konformi mal-istandards minimi tad-dritt tal-Unjoni.

70.

Barra minn hekk, din l-estensjoni tripla proposta mill-Kummissjoni tista’ potenzjalment twassal, fil-kuntest tal-kawża preżenti, għal riżultat pjuttost paradossali: li ċċaħħad lill-Istati Membri mid-diskrezzjoni li huma jgawdu b’mod leġittimu taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li jikkalkolaw ir-remunerazzjoni normali għal-leave annwali sabiex inaqqsu l-protezzjoni tal-ħaddiema li hija diġà disponibbli f’settur speċifiku.

71.

Dawn l-elementi kollha jenfasizzaw, fl-opinjoni tiegħi, il-bżonn li tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni oriġinali magħmula fil-punti 58 u 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet: fil-każijiet bħal dak preżenti, id-dritt tal-Unjoni sempliċement ma jipprovdix għal regoli preċiżi dwar il-kalkolu tal-kumpens għal leave mħallas. Huwa għall-Istati Membri li jifformulaw dawn ir-regoli, bil-kundizzjoni li l-qofol tad-dritt għal-leave annwali mħallas ma jiġix affettwat minn dawn ir-regoli.

72.

Fid-dawl tar-risposta proposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, ma hemmx bżonn li tiġi indirizzata t-tieni domanda.

V. Konklużjoni

73.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda magħmula mill-Arbeitsgericht Verden (il-Qorti Industrijali ta’ Verden, il-Ġermanja) kif ġej:

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ma jipprekludix dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li jiġi previst li tnaqqis fir-remunerazzjoni li jirriżulta matul il-perijodu ta’ referenza ta’ qgħad parzjali jittieħed inkunsiderazzjoni waqt il-kalkolu tal-kumpens legali għal leave mħallas, li għandu bħala konsegwenza li l-impjegat jirċievi, matul il-leave annwali minimu ta’ erba’ ġimgħat, kumpens għal leave imħallas – jew, fil-każ ta’ waqfien mix-xogħol, kumpens finanzjarju għal leave mhux meħud – li jkun inqas minn dak li huwa kien jirċievi kieku l-kumpens għal leave imħallas ġie kkalkolat abbażi tar-remunerazzjoni medja li huwa kien jibbenefika minnha matul il-perijodu ta’ referenza mingħajr dan it-tnaqqis fir-remunerazzjoni. Madankollu, huwa finalment għall-qorti tar-rinviju li tevalwa, fid-dawl tal-istruttura ġenerali tal-ftehim qafas kollettiv federali għas-settur tal-kostruzzjoni u, b’mod partikolari, tal-arranġamenti tiegħu dwar il-leave annwali, jekk dawn ir-regoli jippreġudikax il-qofol tad-dritt għal-leave annwali mħallas.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

( 3 ) BGBl. III, S. 800-4, zuletzt geändert durch Gesetz vom 20. April 2013 (BGBl. I S. 868).

( 4 ) Bundesrahmentarifvertrag für Baugewerbe vom 4 Juli 2002 in der Fassung vom 17 Dezember 2003, 14 Dezember 2004, 29 Juli 2005, 19 Mai 2006, 20 August 2007, 31 Mai 2012, 17 Dezember 2012, 5 Juni 2014 und 10 Dezember 2014.

( 5 ) Skont l-Artikolu 8(4) tal-BRTV-Bau, il-kumpens għal leave mħallas jikkonsisti fil-kumpens legali għal leave annwali ta’ 11.4 % tas-salarju gross – 13.3 % għall-persuni b’diżabbilà serja – u l-ħlas għal vaganzi addizzjonali. Il-ħlas għal vaganzi addizzjonali huwa perċentwali tal-kumpens legali għal leave mħallas. B’eċċezzjoni għal fejn huwa iktar preċiż li nirreferi strettament għall-kumpens legali għal leave mħallas, ser nuża t-terminu “kumpens għal leave mħallas”.

( 6 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2011, KHS (C‑214/10, EU:C:2011:761), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kompatibbilà ta’ ftehim kollettiv (li jappartjeni għal settur ieħor), li dderoga mill-Liġi Federali Ġermaniża dwar il-Leave, mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88. Għal eżempju ta’ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat il-kompatibbiltà tar-regola leġiżlattiva nazzjonali li żammet l-effetti ta’ ftehim kollettiv, minkejja l-irtirar tiegħu, mad-dritt tal-Unjoni, ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑328/13, EU:C:2014:2197).

( 7 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 1998, Schöning-Kougebetopoulou (C‑15/96, EU:C:1998:3); tat‑12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt (C‑45/09, EU:C:2010:601, punt 53); u tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punti 4648).

( 8 ) B’analoġija iktar wiesgħa mal-ġurisprudenza dwar ir-responsabbiltà tal-Istat, ser ikun dejjem l-Istat Membru li huwa responsabbli, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, għal kull dannu kkawżat lill-individwi minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ikunu liema jkunu l-entitajiet responsabbli għal dan il-ksur (ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Konle (C‑302/97, EU:C:1999:271, punt 62); u tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punti 31 sa 33), u tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 46)). Għalhekk, indipendentement mill-arranġamenti leġiżlattivi jew kostituzzjonali li jista’ jkollu l-Istat Membru, kemm fuq livell orizzontali (il-leġiżlatur – l-eżekuttiv – il-ġudikatura – u/jew l-entitajiet ċentrali l-oħra) kif ukoll vertikali, dak li jiġi eżegwit fuq it-territorju tal-Istat Membru huwa finalment ir-responsabbiltà tiegħu, indipendentement mill-attur(i) inkwistjoni.

( 9 ) Dwar il-possibbiltà għall-Istati Membri li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni, ara, pereżempju, fil-kalkolu tal-kumpens għal-leave mħallas, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Williams et (C‑155/10, EU:C:2011:588, punti 29 sa 30). Ara wkoll, dwar id-drittijiet għal leave imħallas mogħtija addizzjonalment mad-dritt minimu għal leave mħallas ta’ erba’ ġimgħat taħt id-dritt tal-Unjoni, is-sentenzi tat‑3 ta’ Mejju 2012, Neidel (C‑337/10, EU:C:2012:263, punt 36), u tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek (C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 39).

( 10 ) Sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et (C‑131/04 u C‑257/04, EU:C:2006:177, punt 57), u tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 28).

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punti 45 sa 46).

( 12 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 35).

( 13 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punti 2254 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha), u tal‑15 ta’ Settembru 2011, Williams et (C‑155/10, EU:C:2011:588, punt 17).

( 14 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 25).

( 15 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Williams et (C‑155/10, EU:C:2011:588, punt 26).

( 16 ) Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2012, ANGED (C‑78/11, EU:C:2012:372, punt 18), u tat‑8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin (C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 23).

( 17 ) Kif ikkonfermat mis-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Greenfield (C‑219/14, EU:C:2015:745, punti 48 sa 50), dwar, b’mod partikolari, il-kalkolu tal-kumpens finanzjarju għal-leave mħallas.

( 18 ) Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et (C‑131/04 u C‑257/04, EU:C:2006:177, punt 50), u tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punti 5860).

( 19 ) Ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2011, Williams et (C‑155/10, EU:C:2011:588, punt 20), u tat‑22 ta’ Mejju 2014, Lock (C‑539/12, EU:C:2014:351, punt 17).

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et (C‑131/04 u C‑257/04, EU:C:2006:177, punt 51), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li r-remunerazzjoni għax-xogħol li sar ma għandhiex tirrendi mingħajr skop id-dritt għal-leave annwali mħallas. Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Williams et (C‑155/10, EU:C:2011:588, punt 21), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kumpens, li l-ammont tiegħu kien suffiċjenti sabiex jiżgura sempliċement li ma jkunx hemm riskju serju li l-impjegat ma jiħux il-leave tiegħu, ma jissodisfax ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

( 21 ) Ara pereżempju s-sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punti 48 sa 49), u tal‑21 ta’ Ġunju 2012, ANGED (C‑78/11, EU:C:2012:372, punt 21).

( 22 ) Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 41), u tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 20).

( 23 ) Għal trattament simili għal dak li jirrigwarda l-leave tal-maternità, ara s-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez (C‑342/01, EU:C:2004:160, punti 32 sa 33).

( 24 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Williams et (C‑155/10, EU:C:2011:588, punti 19 sa 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ April 2010, Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols (C‑486/08, EU:C:2010:215, punt 33).

( 26 ) Dan il-pjan soċjali kien jipprovdi għall-estensjoni tal-kuntratti tax-xogħol għall-impjegati mkeċċija għal sena mid-data tat-tkeċċija tagħhom, filwaqt li ġew sospiżi, bl-applikazzjoni tat-“tnaqqis fil-ħin tax-xogħol għal żero sigħat tax-xogħol” (“Kurzarbeit Null”), l-obbligu tal-impjegat li jaħdem u l-obbligu tal-persuna li timpjega li tħallsu s-salarju.

( 27 ) Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin (C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 32).

( 28 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit and Becker (C-4/02 u C-5/02, EU:C:2003:583, punti 90-91).

( 29 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit and Becker (C-4/02 u C-5/02, EU:C:2003:583, punt 93).

( 30 ) Sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C-476/12, EU:C:2014:2332).

( 31 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Greenfield (C‑219/14, EU:C:2015:745, punt 32).

( 32 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015, Greenfield (C-219/14, EU:C:2015:745, punti 38 sa 39 u 43 sa 44).

( 33 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, fil-kuntest tar-relazzjoni bejn il-leave annwali u l-leave tal-ġenituri, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Ministerul Justiţiei et (C‑12/17, EU:C:2018:195, punti 23 sa 29).

( 34 ) Imsemmija iktar ’il fuq, b’mod partikolari l-punt 40.

( 35 ) Iktar ’il fuq, punti 43 u 44. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker (C‑4/02 u C‑5/02, EU:C:2003:583), u tal‑5 ta’ Novembru 2014, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑476/12, EU:C:2014:2332).

( 36 ) Il-Gvern Ġermaniż isostni fis-seduta li l-allowance tal-qgħad parzjali jammonta għal mill-inqas 60 % tas-salarju tal-ħaddiem.

( 37 ) Ara l-punti 34 u 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin (C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693).

( 39 ) Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin (C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 32).

Top