Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0345

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fis-27 ta’ Settembru 2018.
Kawża mressqa minn Sergejs Buivids.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Augstākā tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 3 – Kamp ta’ applikazzjoni – Reġistrazzjoni video ta’ membri tal-pulizija f’għassa tal-pulizija matul l-eżekuzzjoni ta’ atti ta’ natura proċedurali – Pubblikazzjoni fuq sit Internet ta’ videos – Artikolu 9 – Ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet biss ta’ ġurnaliżmu – Kunċett – Libertà tal-espressjoni – Protezzjoni tal-ħajja privata.
Kawża C-345/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:780

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-27 ta’ Settembru 2018 ( 1 )

Kawża C‑345/17

Sergejs Buivids

partijiet magħquda:

Datu valsts inspekcija

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE – Iffilmjar u pubblikazzjoni fuq siti tal-Internet ta’ reġistrazzjoni video ta’ uffiċjali tal-pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom f’għassa tal-pulizija – L-ipproċessar ta’ data personali u l-libertà tal-espressjoni – Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46)

1. 

Dan ir-rinviju mil-Latvijas Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja) jirrigwarda l-iffilmjar u l-pubblikazzjoni fuq siti tal-Internet ta’ reġistrazzjoni video ta’ uffiċjali tal-pulizija fil-qadi ta’ dmirijiethom f’għassa tal-pulizija. Il-Qorti tar-rinviju titlob gwida dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data ( 2 ) u l-interpretazzjoni tal-eżenzjoni tal-Artikolu 9 tagħha (l-eċċezzjoni ta’ “għanijiet ġurnalistiċi”).

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

2.

Id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja ta’ individwu huwa ggarantit bl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) ( 3 ), Skont l-Artikolu 8, “Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha. Din id-data għandha tiġi trattata b’mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha”. Skont l-Artikolu 11, kull persuna għandha d-dritt għal-libertà tal-espressjoni li jinkludi d-dritt li tirċievi u tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil minn awtorità pubblika ( 4 ).

3.

L-Artikolu 52(3) jgħid li sa fejn il-Karta għandha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEBD, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet huma l-istess bħal dawk stabbiliti f’dik il-Konvenzjoni.

Id-Direttiva 95/46

4.

L-għanijiet li ġejjin huma elenkati fil-preambolu tad-Direttiva 95/46:

“m’għandux ikun magħdud l-ipproċessar ta’ data magħmul minn persuna naturali fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li huma esklussivament personali jew domestiċi, bħal ma hija korrispondenza u ż-żamma ta’ reġistri ta’ indirizzi;

[…]

[…] meħud kont ta’ l-importanza ta’ l-iżviluppi li qed ikun hemm fil-qafas tas-soċjetà ta’ l-informatika, tat-teknika użata biex taqbad, tibgħat, timmanipula, tirreġistra, taħżen jew tikkomunika data audio-viżwali dwar persuna naturali, [id-Direttiva 95/46] għandha tapplika għal ipproċessar li jkollu x’jaqsam ma’ din id-data;

[…]

[…] l-ipproċessar ta’ data audio-viżwali, bħal ma jiġri f’każi ta’ sorveljanza bil-video, ma jaqgħax taħt [id-Direttiva 95/46] jekk isir għal għanijiet ta’ sigurtà pubblika, difiża, sigurtà nazzjonali jew meta jsiru attivitajiet ta’ l-Istat fil-qasam tal-liġi kriminali jew attivitajiet oħra li ma jaqgħux taħt [il-liġi tal-Unjoni];

[…]

[…] sa fejn għandu x’jaqsam l-ipproċessar ta’ data audio-viżwali li jsir għal għanijiet ta’ ġurnaliżmu jew għal għanijiet ta’ espressjoni letterarja jew artistika, partikolarment fil-qasam audio-viżiv, il-prinċipji tad-[Direttiva 95/46] għandhom japplikaw b’mod ristrett skond id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9;

[…]

l-ipproċessar ta’ data personali għal għanijiet ta’ ġurnaliżmu jew għal għanijiet ta’ espressjoni letterarja jew artistika, partikolarment fil-qasam audio-viżwali, għandu jikkwalifika għal eżenzjoni minn ċerti dispożizzjonijiet [tad-Direttiva 95/46] meta dan ikun meħtieġ biex issir rikonċiljazzjoni bejn id-drittijiet fundamentali ta’ individwi u l-libertà ta’ l-informazzjoni, u l-iktar mad-dritt li tingħata u tintbagħat informazzjoni, kif garantita partikolarment bl-Artikolu 10 [tal-KEDB]; […] Stati Membri għandhom għalhekk jistabbilixxu eżenzjonijiet u derogi meħtieġa għall-fini ta’ bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali dwar miżuri ġenerali ta’ leġitimità ta’ l-ipproċessar tad-data […]” ( 5 ).

5.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/46 jgħid li l-Istati Membri għandhom “jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ [persuni] naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali”.

6.

Id-definizzjonijiet li ġejjin huma stabbiliti fl-Artikolu 2:

“(a)

‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

(b)

‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[…]

(d)

‘kontrollur’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali […]”.

7.

Skont l-Artikolu 3 d-Direttiva 95/46 tapplika:

“(1)   […] għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

(2)   [Id-Direttiva 95/46] m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet [tal-liġi tal-Unjoni], bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika”.

8.

Il-Kapitolu II huwa intitolat “Regoli ġenerali dwar il-legalità ta’ l-ipproċessar ta’ data personali”. Skont l-Artikolu 6(1) l-Istati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandha tkun ittrattata skont il-kundizzjonijiet kumulattivi elenkati hemmhekk. Inkluż f’din il-lista hemm li data tista’ tinġabar biss għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi ( 6 ). L-Artikolu 6(2) jgħid li l-kontrollur tad-data għandu jassigura konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(1).

9.

L-Artikolu 7 jistabbilixxi kriterji biex l-ipproċessar tad-data jkun leġittimu. Dan jinkludi li l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew mit-terz/i li lilhom tkun ġiet żvelata d-data, ħlief meta dawk l-interessi ma jingħelbux mid-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett/i tad-data protetti bl-Artikolu 1(1) tad-direttiva ( 7 ).

10.

Skont l-Artikolu 9, intitolat “L-ipproċessar ta’ data personali u libertà tal-espressjoni” (u li jifforma parti mill-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46), “Stati Membri għandhom jipprovdu għal eżenzjonijiet jew derogi mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-Kapitolu IV u l-Kapitolu VI dwar l-ipproċessar ta’ data personali magħmul biss għal għanijiet ġurnalistiċi jew għall-iskop ta’ espressjoni artistika jew letterarja jekk dawn ikunu meħtieġa biss biex jirrikonċiljaw id-dritt tal-ħajja [privata] mar-regoli li jirregolaw il-libertà ta’ l-espressjoni.”.

11.

L-Artikolu 13 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u tad-drittijiet stipulati, inter alia, fl-Artikolu 6(1) meta restrizzjoni bħal din tkun meħtieġa biex jitħarsu ċerti interessi, bħas-sigurtà nazzjonali, id-difiża jew is-sigurtà pubblika.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12.

Il-qorti tar-rinviju tgħid li l-għan tal-liġi Latvjana inkwistjoni huwa l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi u, b’mod partikolari, id-dritt għall-ħajja privata, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali li tkun tikkonċerna persuni fiżiċi. Skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 3 tal-Fizisko personu datu aizsardzības likums (il-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Data Personali), ir-regoli nazzjonali ma japplikawx għall-ipproċessar ta’ data personali magħmul minn individwi għal użu personali jew domestiku u, barra minn hekk, meta d-data personali ma tiġix żvelata lil terzi.

13.

F’konformità ma’ dik il-liġi, “data personali” hija ddefinita bħala li tfisser kull informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli. L-“ipproċessar” ta’ data personali huwa kull operazzjoni applikata għal data personali, inklużi ġbir, reġistrazzjoni, dħul, ħażna, organizzazzjoni, tibdil, użu, trasferiment, trażmissjoni u tixrid, imblukkar jew tħassir.

14.

L-Artikolu 5 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Data Personali jipprovdi għal eċċezzjoni għar-regoli stabbiliti f’dik il-leġiżlazzjoni meta data personali tiġi pproċessata għal għanijiet ġurnalistiċi skont il-Liġi intitolata Par presi un citiem masu informacijas lidzekliem (Liġi dwar l-istampa u midja oħra) jew għall-għanijiet ta’ espressjoni artistika jew letterarja.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

15.

S. Buivids (il-“kontrollur tad-data” għal dawn il-finijiet) għamel reġistrazzjoni video ġewwa għassa tal-pulizija Latvjana. Ir-reġistrazzjoni kienet dwar dikjarazzjoni li huwa kien għamel lill-pulizija fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi li kienu nbdew kontrih ( 8 ). F’dik ir-reġistrazzjoni video huwa possibbli wieħed jara l-faċilitajiet tal-pulizija u għadd ta’ uffiċjali tal-pulizija fil-qadi ta’ dmirijiethom. Il-konverżazzjoni ta’ S. Buivids mal-uffiċjali tal-pulizija waqt li dawn kienu qed iwettqu ċerti funzjonijiet amministrattivi kienet ġiet irreġistrata: huwa jista’ jinstema’, kif ukoll l-uffiċjali tal-pulizija konċernati u l-persuna li akkumpanjatu fl-għassa tal-pulizija. S. Buivids ippubblika r-reġistrazzjoni video li rriżultat fuq is-sit tal-Internet www.youtube.com.

16.

B’deċiżjoni tat-30 ta’ Awwissu 2013 id-Data valsts inspecija (l-Aġenzija għall-Protezzjoni tad-Data tal-Latvja) iddeċidiet li S. Buivids kien kiser ir-regoli nazzjonali rilevanti (l-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Data Personali) minħabba li ma kienx għarraf lill-uffiċjali tal-pulizija (is-suġġetti tad-data) f’konformità ma’ dawk ir-regoli dwar l-għan maħsub tal-iffilmjar. Huwa lanqas ma ta lill-Aġenzija għall-Protezzjoni tad-Data tal-Latvja xi informazzjoni dwar l-għan tal-iffilmjar u tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni video fuq sit tal-Internet biex juri li l-għan tiegħu meta ħa u ppubblika l-film kien jissodisfa r-rekwiżiti tar-regoli nazzjonali rilevanti. Konsegwentement, l-Aġenzija għall-Protezzjoni tad-Data qalet lil S. Buivids biex ineħħi l-video inkwistjoni mis-sit tal-YouTube u minn siti oħra tal-Internet fejn kien ippubblikat.

17.

S. Buivids beda proċeduri quddiem l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) li ċaħdet ir-rikors tiegħu. S. Buivids sussegwentement appella minn din id-deċiżjoni quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) fejn talab għal dikjarazzjoni li d-deċiżjoni tat-30 ta’ Awwissu 2013 kienet illegali u talab kumpens għal ħsara li bata b’riżultat ta’ dan. Biex isostni t-talba tiegħu S. Buivids argumenta li permezz tar-reġistrazzjoni video tiegħu huwa xtaq iġib għall-attenzjoni tas-soċjetà xi ħaġa li fl-opinjoni tiegħu kienet tikkostitwixxi mġiba illegali min-naħa tal-pulizija. Ma hemm xejn fid-digriet tar-rinviju li jindika li S. Buivids kien identifika l-atti li kienu jikkostitwixxu l-allegata mġiba illegali.

18.

L-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) ċaħdet it-talba ta’ S. Buivids għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, hija sabet bħala fatt li s-suġġetti tad-data kienu identifikabbli fir-reġistrazzjoni ta’ S. Buivids. It-tieni nett, hija qieset li S. Buivids ma kienx għamel ir-reġistrazzjoni video għal għanijiet ġurnalistiċi skont ir-regoli Latvjani. Meta huwa rreġistra uffiċjali tal-pulizija fuq il-post tax-xogħol tagħhom waqt li kienu qed jaqdu dmirijiethom u mingħajr ma għarraf lil dawk l-uffiċjali dwar l-għan speċifiku tal-ipproċessar tad-data personali konċernata, S. Buivids ma kienx konformi mal-Artikolu 5 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Data Personali u kien kiser l-Artikolu 8(1) ta’ dik il-liġi. It-tielet nett, l-Aġenzija Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Data kienet talbet lil S. Buivids ineħħi l-video mis-siti tal-Internet li fuqhom kien ġie ppubblikat, minħabba li kien ipproċessa d-data personali b’mod illegali. Dik it-talba kienet kemm leġittima kif ukoll proporzjonali. Fl-aħħar nett, ma kien jidher li kien hemm ebda konflitt bejn id-dritt ta’ S. Buivids għal-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-ħajja privata tas-suġġetti tad-data, minħabba li S. Buivids ma kienx indika l-għan tiegħu għall-pubblikazzjoni tal-video. Barra minn hekk, il-video ma kienx għarraf lill-pubbliku dwar aħbarijiet kurrenti; lanqas ma żvela xi mġiba illegali min-naħa tal-pulizija.

19.

S. Buivids ippreżenta appell fil-kassazzjoni kontra dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar tosserva li l-każ ta’ S. Buivids huwa dwar reġistrazzjoni video waħda ta’ uffiċjali tal-pulizija fil-qadi ta’ dmirijiethom filwaqt li kienu qed jaġixxu bħala rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi. Ma hijiex ċerta jekk l-azzjonijiet ta’ S. Buivids jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 u jekk l-eċċezzjoni ta’ għanijiet ġurnalistiċi tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva tapplikax għall-espressjoni ta’ opinjoni personali dwar il-ħidma tal-pulizija u t-tixrid ta’ reġistrazzjoni video li turi lil uffiċjali tal-pulizija jwettqu dmirijiethom fuq is-sit tal-Internet www.youtube.com. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju titlob gwida minn din il-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-domandi li ġejjin:

“(1)

L-azzjonijiet bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża (li jinġibdu filmati ta’ membri tal-pulizija f’għassa tal-pulizija matul l-eżekuzzjoni ta’ atti ta’ natura proċedurali u l-pubblikazzjoni tal-video hekk irreġistrat fis-sit internet www.youtube.com) jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46?

(2)

Id-Direttiva 95/46 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-azzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jistgħu jitqiesu bħala trattament ta’ data ta’ natura personali għal għanijiet ġurnalistiċi fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva?”

20.

Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ssottomessi minn S. Buivids, mill-Gvern tal-Awstrija, tar-Repubblika Ċeka, tal-Italja, tal-Latvja, tal-Polonja u tal-Portugall u mill-Kummissjoni Ewropea. S. Buivids, il-Gvern Latvjan u l-Kummissjoni attendew għas-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2018 flimkien mal-Gvern Svediż, li ma ppreżentax osservazzjonijiet bil-miktub.

Fuq l-ewwel domanda

21.

Permezz tal-ewwel domanda l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk persuna li tirreġistra uffiċjali tal-pulizija fuq film waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, u wara tippubblika video ta’ dik ir-reġistrazzjoni fuq sit tal-Internet, bħal YouTube, taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46.

22.

S. Buivids, ir-Repubblika Ċeka, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall u l-Kummissjoni jissottomettu li dawk l-azzjonijiet jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46. L-Awstrija u l-Latvja jargumentaw il-kuntrarju.

23.

Jidhirli li attivitajiet bħal dawk imwettqa minn S. Buivids tabilħaqq jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46.

24.

Reġistrazzjoni video ta’ uffiċjali tal-pulizija fil-qadi ta’ dmirijiethom li ssir f’bini tal-puliżija taqa’ skont il-kliem tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46 sa fejn tikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatiċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, skont l-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva, “data personali” tinkludi l-immaġni ta’ persuna rreġistrata permezz ta’ kamera ( 9 ). Isegwi mill-Artikolu 2(b) li reġistrazzjoni video, bħala prinċipju, tikkostitwixxi “ipproċessar ta’ data personali” minħabba li taqa’ fil-kunċett ta’ “kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali […], bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, […] ħażna” ( 10 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet preċedentement iddeċidiet li l-operazzjoni ta’ tqegħid ta’ data personali għal fuq paġna tal-Internet tikkostitwixxi ipproċessar fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46 ( 11 ).

25.

Il-pubblikazzjoni ta’ tali reġistrazzjoni video fuq sit tal-Internet, għalhekk, b’mod ċar taqa’ fil-kunċett ta’ “ipproċessar” ta’ data personali stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46 ( 12 ).

26.

L-interpretazzjoni tiegħi tal-Artikolu 2(a) u (b) flimkien mal-Artikolu 3(1) hija konsistenti mal-għanijiet tad-Direttiva 95/46, li jgħidu li d-direttiva għandha tapplika, inter alia, għal reġistrazzjoni, ħżin jew komunikazzjoni ta’ data audioviżwali dwar persuni fiżiċi ( 13 ). Filwaqt li l-premessa 16 tindika li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva għandu jkun ristrett fir-rigward ta’ pproċessar mill-Istat ta’ data audioviżwali “jekk isir għal għanijiet ta’ sigurtà pubblika, difiża, sigurtà nazzjonali jew meta jsiru attivitajiet ta’ l-Istat fil-qasam tal-liġi kriminali jew attivitajiet oħra li ma jaqgħux taħt [il-liġi tal-Unjoni]”, isegwi a contrario li l-leġiżlatur qies li d-Direttiva 95/46 għandha, xort’oħra, tkopri reġistrazzjonijiet video ( 14 ).

27.

L-Awstrija hija tal-fehma li l-attivitajiet bħal dawk imwettqa minn S. Buivids jaqgħu lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46. Hija tissottometti li d-digriet tar-rinviju jgħid li, skont il-liġi tal-Latvja, impjegati taċ-ċivil waqt il-qadi tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom jaqgħu lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – dan minħabba li uffiċjali li jkunu qed jaqdu dmirijiethom ikollhom jaċċettaw li huma joperaw fl-arena pubblika u li l-azzjonijiet tagħhom jistgħu jkunu suġġetti għal skrutinju.

28.

Jiena ma naċċettax dan l-argument kuntrarju.

29.

It-test tad-Direttiva 95/46 ma għandux eċċezzjoni espliċita li teskludi uffiċjali pubbliċi, bħal uffiċjali tal-pulizija, mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Lanqas il-premessi ma jirriflettu xi għan bħal dan.

30.

Id-Direttiva għandha, barra minn hekk, tiġi interpretata b’mod li jkun konsistenti ma’ drittijiet fundamentali. Impjegati tas-servizz ċivili huma, bħala prinċipju, protetti bl-istess mod bħal individwi oħra fir-rigward tad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja (Artikolu 7 tal-Karta) u tad-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali (Artikolu 8 tal-Karta) li joriġina mid-dritt iktar ġenerali għall-ħajja privata ( 15 ). Tabilħaqq, li jitqies mod ieħor jista’ jwassal għal konsegwenzi negattivi minħabba li uffiċjali pubbliċi jitħallew vulnerabbli fir-rigward tad-drittijiet tagħhom għall-ħajja privata u jista’ jfixkel ir-reklutaġġ u ż-żamma ta’ staff fis-settur pubbliku.

31.

Barra minn hekk, kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja, it-terminu “ħajja privata” ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv u, għalhekk, ma hemmx raġuni ta’ prinċipju li tiġġustifika l-esklużjoni ta’ attivitajiet ta’ natura professjonali ( 16 ).

32.

Il-Latvja tissottometti li atti bħal dawk imwettqa minn S. Buivids ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46, u dan għal erba’ raġunijiet. L-ewwel, minn interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 3(1) isegwi li, biex id-Direttiva 95/46 tkun applikabbli, id-data konċernata għandha tkun tagħmel parti minn sistema ta’ arkivjar. Il-qorti tar-rinviju tgħid li S. Buivids għamel reġistrazzjoni video waħda. L-attivitajiet tiegħu, għalhekk, ma jistgħux ikunu deskritti bħala li kienu organizzati jew strutturati biex jagħmlu parti minn sistema ta’ arkivjar. It-tieni, l-Artikolu 3(1) għandu jiġi interpretat b’mod konsistenti mal-għanijiet tad-Direttiva 95/46 li jinkludu l-ħarsien tad-dritt għall-ħajja privata. Ir-rabta bejn dan l-għan interpretat kif xieraq u l-pubblikazzjoni ta’ reġistrazzjoni video waħda fuq l-Internet hija wisq dgħajfa. It-tielet, l-individwi fir-reġistrazzjoni video ma jistgħux ikunu identifikati mingħajr sforz sinjifikattiv. Dik ir-reġistrazzjoni, għalhekk, ma fihiex “data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli” li hija skont id-definizzjoni ta’ “data personali” skont l-Artikolu 2(a) tad-direttiva. Ir-raba’, din il-kawża hija differenti mill-kawża Lindqvist ( 17 ): f’din tal-aħħar kien possibbli tinstab data personali ppubblikata fuq l-Internet billi jiddaħħal l-isem jew informazzjoni oħra f’magna ta’ tiftix. Il-Latvja żżid li minħabba li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Data Personali huwa usa’ minn dak tad-Direttiva 95/46, l-azzjoni meħuda mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tad-Data kontra S. Buivids kienet, madankollu, fondata.

33.

Jiena ma naċċettax l-argumenti tal-Latvja, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 għar-raġunijiet li ġejjin.

34.

Jiena ma ninterpretax it-test tal-Artikolu 3(1) bl-istess mod kif jagħmel il-Gvern Latvjan. Il-kliem ma jgħidx li meta data personali tiġi pproċessata kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatiċi, din id-data għandha barra minn hekk tagħmel parti minn sistema ta’ arkivjar biex tkun tapplika d-Direttiva 95/46. Minflok, jidhirli li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46 japplika f’kull waħda minn żewġ sitwazzjonijiet: (i) għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatiċi u (ii) għal tali data li ma tkunx ipproċessata awtomatikament iżda li tkun tagħmel (jew tkun maħsuba li tagħmel) parti minn sistema ta’ arkivjar.

35.

Il-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali hija objettiv prinċipali tad-Direttiva 95/46. Id-drittijiet ta’ uffiċjali tal-pulizija li kienu ffilmjati minn S. Buivids huma integrali għal dan il-każ. Bħala suġġetti ta’ data individwali, huma identifikabbli, u kienet ippubblikata informazzjoni dwarhom. Għalhekk hemm prima facie ksur ċar tad-drittijiet fundamentali tagħhom iggarantit bl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ( 18 ). Huwa immaterjali jekk l-informazzjoni ppubblikata hijiex sensittiva jew jekk l-individwi konċernati sofrewx xi inkonvenjent ( 19 ).

36.

Jekk tkunx bi tqila li s-suġġetti ta’ data jkunu identifikati ma huwiex kriterju stabbilit fid-Direttiva 95/46 u, għalhekk, ma jistax jintuża biex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) ikunux tħarsu. Id-Direttiva 95/46 bl-istess mod ma titlobx li l-ipproċessar ta’ data personali jkun jinkludi informazzjoni, bħal isem jew indirizz, li tippermetti li ssir tfittxija fuq l-Internet qabel ma individwu jkun jista’ jgħid li d-drittijiet tiegħu għall-protezzjoni ta’ data kienu nkisru.

37.

Għall-fini ta’ bon ordni nżid ngħid li fil-fehma tiegħi l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 ma japplikax għal dan il-każ. Din id-dispożizzjoni tgħid li d-direttiva ma tapplikax għall-ipproċessar ta’ data personali “fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet [tal-liġi tal-Unjoni] […] u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat […] u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali.” Bħala eċċezzjoni għar-regoli dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 3(2) għandu jiġi interpretat b’mod strett ( 20 ). L-attivitajiet kollha elenkati bħala eżempji huma attivitajiet tal-Istat jew ta’ awtoritajiet Statali li ma humiex relatati mad-diversi sferi ta’ attività ta’ individwi. Huma intiżi biex jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni stabbilita, bir-riżultat li dik l-eċċezzjoni tkun tapplika biss għal dawk l-attivitajiet espressament elenkati jew li jistgħu jiġu kklassifikati fl-istess kategorija (ejusdem generis) ( 21 ).

38.

L-azzjonijiet ta’ S. Buivids kienu l-attivitajiet ta’ individwu li kien qed jesprimi l-fehmiet privati tiegħu. B’mod ċar, għalhekk, dawn ma jaqgħux taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46.

39.

Fir-rigward tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni, interpretata b’riferiment għall-għanijiet espressi fil-premessa 12, b’rabta ma’ dik l-eċċezzjoni, issemmi korrispondenza u ż-żamma ta’ reġistrazzjonijiet ta’ indirizzi bħala eżempji ta’ proċessar ta’ data magħmul minn persuna fiżika matul attività purament personali jew domestika. Isegwi li din l-aħħar eċċezzjoni għandha tiġi interpretata bħala li hija relatata biss ma’ attivitajiet li jitwettqu matul il-ħajja privata jew tal-familja ta’ individwi ( 22 ).

40.

Għalhekk, it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 bl-istess mod ma jistax japplika għall-attivitjiet ta’ S. Buivids. Il-pubblikazzjoni ta’ reġistrazzjoni video fuq l-Internet ma kinitx tagħmel parti mill-ħajja privata jew tal-familja tiegħu. Bil-kontra ta’ dan: il-pubblikazzjoni kienet tfisser li d-data tqegħdet għad-dispożizzjoni u kienet aċċessibbli min numru illimitat ta’ persuni.

41.

Għalhekk nikkonkludi li attivitajiet bħall-iffilmjar u r-reġistrazzjoni ta’ uffiċjali pubbliċi fil-qadi ta’ dmirijiethom fil-post tax-xogħol tagħhom u l-pubblikazzjoni sussegwenti tar-reġistrazzjoni video fuq l-Internet tikkostitwixxi ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatiċi għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46.

Fuq it-tieni domanda

42.

Permezz tat-tieni domanda l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk atti bħal dawk imwettqa minn S. Buivids għandhomx jitqiesu bħala li huma koperti mill-eċċezzjoni ta’ għanijiet ġurnalistiċi prevista fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46.

43.

Il-qorti tar-rinviju tgħid fid-digriet tar-rinviju tagħha li jekk S. Buivids kien għamel u ppubblika r-reġistrazzjoni video tiegħu għal għanijiet ġurnalistiċi skont ir-regoli nazzjonali rilevanti, l-attivitajiet tiegħu kienu jkunu eżenti mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Data Personali li jitlob li l-kontrollur tad-data jinforma lis-suġġett tad-data bil-mod stabbilit dwar l-għan maħsub ta’ reġistrazzjoni video.

44.

F’dan ir-rigward nosserva li l-Istati Membri għandhom, meta jittrasponu direttivi bħad-Direttiva 95/46, jieħdu ħsieb jiżguraw li regoli nazzjonali jiġu interpretati b’mod li jippermetti li jinkiseb bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali protetti bl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Barra minn hekk, meta jimplementaw miżuri nazzjonali li jittrasponu direttivi l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri għandhom mhux biss jinterpretaw il-liġi nazzjonali tagħhom b’mod konsistenti ma’ dawk id-direttivi iżda għandhom ukoll jiżguraw li ma jistriħux fuq interpretazzjoni ta’ regoli nazzjonali li tkun f’kunflitt ma’ dawk id-drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tal-liġi tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 23 ).

45.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qalet li l-Artikolu 9 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għanijiet segwiti mid-Direttiva 95/46 u mis-sistema li hija tistabbilixxi ( 24 ). L-Artikolu 1 jagħmilha ċara li dawk l-għanijiet jinkludu li jitħalla jkun hemm iċ-ċirkulazzjoni libera ta’ data personali, kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali ta’ individwi, b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali. L-Artikolu 9 tad-direttiva jindika kif dawn iż-żewġ għanijiet għandhom jiġu rrikonċiljati. L-obbligu li jinkiseb il-bilanċ meħtieġ huwa tal-Istati Membri ( 25 ).

46.

L-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva 95/46 tindika li l-eċċezzjoni ta’ għanijiet ġurnalistiċi għandha tiġi applikata b’mod restrittiv. Il-kliem issa tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 ma kienx fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni ( 26 ). Dan iddaħħal kważi ħames snin wara li kienet saret dik il-proposta b’riżultat ta’ emendi ssuġġeriti mill-Parlament Ewropew biex jiġi ċċarat li l-Istati Membri kellhom jipprovdu għal eżenzjonijiet jew derogi biss jekk dawn ikunu meħtieġa biex id-dritt għall-ħajja privata jiġi rrikonċiljat mar-regoli dwar il-libertà tal-espressjoni ( 27 ).

47.

L-Artikolu 9 jista’ jinqasam f’żewġ partijiet. Skont l-ewwel parti, l-istruzzjoni lill-Istati Membri hija li huma għandhom jipprovdu għal eżenzjonijiet jew derogi, inter alia, mir-regoli ġenerali dwar il-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali, bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 ta’ dik id-direttiva. It-tieni parti tenfasizza li tali eżenzjonijiet jew derogi għall-ipproċessar tad-data personali magħmul biss għal għanijiet ġurnalistiċi jistgħu jingħataw biss sa fejn dan ikun meħtieġ biex id-dritt għall-ħajja privata jiġi rrikonċiljat mar-regoli dwar il-libertà tal-espressjoni ( 28 ).

48.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlitha ċara li fil-kuntest tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni t-terminu “għanijiet ġurnalistiċi” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ ( 29 ); u stabbilixxiet għadd ta’ kriterji li għandhom jitqiesu. L-ewwel nett, il-ġurnaliżmu ma huwiex ristrett għal impriżi tal-midja: pjuttost, japplika għal kull persuna li tidħol għal dik l-attività. It-tieni nett, il-kwistjoni ta’ jekk il-ġurnaliżmu inkwistjoni jiġġenerax profitt ma hijiex kunsiderazzjoni determinanti. It-tielet nett, metodi ta’ komunikazzjoni jinbidlu u jevolvu: hekk li, jekk id-data tiġix ipproċessata u trażmessa b’mezzi konvenzjonali, anki antikwati (bħal fuq il-karta jew b’radio waves) jew jekk l-ipproċessar isirx permezz ta’ metodu iktar modern (bħat-tqegħid ta’ data fuq l-Internet), ma humiex determinanti. Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, azzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “attivitajiet ġurnalistiċi” jekk l-għan tagħhom ikun l-iżvelar lill-pubbliku ta’ informazzjoni, opinjonijiet jew ideat ( 30 ).

49.

Attivitajiet bħal dawk imwettqa minn S. Buivids jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “għanijiet ġurnalistiċi” kif stabbilit fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46?

50.

S. Buivids, bl-appoġġ tal-Gvern Portugiż u Svediż, jissottometti li l-azzjonijiet tiegħu jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 u li huwa eżenti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II ta’ dik id-direttiva. Ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja jirribattu li l-Artikolu 9 ma japplikax għal dan il-każ. L-Awstrija, l-Italja u l-Kummissjoni jsostnu li l-evalwazzjoni dwar jekk l-eċċezzjoni ta’ għanijiet ġurnalistiċi tapplikax hija, fl-aħħar mill-aħħar, kwistjoni għall-qorti nazzjonali. Il-Latvja ssostni li għalkemm l-azzjonijiet ta’ S. Buivids ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46, japplikaw fil-fatt ir-regoli nazzjonali rilevanti.

51.

L-għanijiet tal-iżvelar inkwistjoni hawnhekk huma b’mod ċar kwistjonijiet ta’ fatt li ma humiex għal din Qorti tal-Ġustizzja. Dan espost, fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju l-qafas meħtieġ biex hija tagħmel dik l-evalwazzjoni. Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti ta’ Strasbourg”) li tinterpreta d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-KEDB (Artikoli 8 u 10) tagħti punti utli ta’ riferiment.

52.

Għalhekk, fl-interpretazzjoni li tat tal-Artikolu 10 tal-KEDB, il-Qorti ta’ Strasbourg iddeċidiet li “attività ta’ espressjoni ġġenerata minn utenti fuq l-Internet tagħti pjattaforma bla preċedent għall-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni” u li l-pubblikazzjoni ta’ aħbarijiet u kummenti fuq sit tal-Internet hija attività ġurnalistika ( 31 ). L-imsemmija qorti ripetutament irrikonoxxiet il-funzjoni vitali tal-midja biex jitħaffef u jitrawwem id-dritt tal-pubbliku li jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat ( 32 ). Hija rrikonoxxiet ukoll li l-funzjoni li jinħolqu diversi “pjattaformi għal dibattitu pubbliku ma hijiex limitata għall-istampa [konvenzjonali] […] Minħabba l-funzjoni importanti li jaqdi l-Internet biex jitjieb l-aċċess tal-pubbliku għal aħbarijiet u biex jitħaffef it-tixrid ta’ informazzjoni […] il-funzjoni ta’ bloggers u ta’ dawk li jagħmlu użu popolari tal-midja soċjali tista’ wkoll tiġi assimilata [mal-funzjoni] ta’ “għassiesa pubbliċi” sa fejn għandha x’taqsam il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 10 [tal-KEDB].” ( 33 )

53.

Għalhekk, jidhirli li huwa ċar li individwu li jidħol għall-hekk imsejjaħ “ġurnaliżmu taċ-ċittadini” billi jiġbor u jxerred informazzjoni biex jiżvela lill-pubbliku informazzjoni, opinjonijiet jew ideat jista’ jitqies bħala li jkun qiegħed jipproċessa data personali għal għanijiet ġurnalistiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 9 ( 34 ).

54.

Isegwi li jiena ma naqbilx mal-fehmiet espressi mir-Repubblika Ċeka u mill-Portugall sa fejn huma jsostnu li l-ġurnaliżmu dejjem neċessarjament jimplika grad ta’ formaliżmu u proċeduri professjonali jew kontroll. Anke jekk dan seta’ b’mod ġeneriku jkun minnu fil-passat, l-avvanz teknoloġiku u l-bidliet fid-drawwiet soċjali issa jagħmluha impossibbli li l-kunċett ta’ ġurnaliżmu jkun limitat għal dak ta’ professjoni irregolata ( 35 ).

55.

Madankollu, bl-ebda mod ma jsegwi li kull żvelar ta’ informazzjoni relatata ma’ persuna identifikabbli magħmul minn individwu li jippubblika materjal fuq l-Internet jikkwalifika bħala ġurnaliżmu u, għalhekk, jaqa’ fl-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46. Din id-dispożizzjoni hija kategorika li l-eżenzjoni għal għanijiet ġurnalistiċi tapplika biss sal-punt meħtieġ biex id-dritt għall-ħajja privata jiġi rrikonċiljat mar-regoli dwar il-libertà tal-espressjoni; u li l-ipproċessar ta’ data li jsir għandu jkun biss għal għanijiet ġurnalistiċi.

56.

Fejn, allura, għandha tinqata’ l-linja?

57.

Hawnhekk, infakkar li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 iqiegħed l-obbligu li jintlaħaq il-bilanċ korrett bejn iż-żewġ drittijiet fundamentali kompetituri – il-protezzjoni tal-ħajja privata u l-libertà tal-espressjoni – direttament fuq l-Istati Membri. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ u għandha tipprovdi l-gwida meħtieġa biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta u uniformi, suġġetta għal stħarriġ mill-qrati nazzjonali, tal-prinċipji stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Nissuġġerixxi li l-approċċ li ġej jista’ jkun ta’ għajnuna.

58.

L-ewwel nett, f’kull każ speċifiku, il-qorti nazzjonali għandha teżamina jekk id-data pproċessata wasslitx materjal sostantiv tali li jikkostitwixxi “żvelar ta’ informazzjoni, opinjonijiet jew ideat lill-pubbliku” skont it-test stabbilit fil-kawża Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia ( 36 ). Id-digriet tar-rinviju f’dan il-każ ma fihx materjal biżżejjed biex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun taf jekk il-video ta’ S. Buivids jissodisfax dak it-test u huwa għall-qrati nazzjonali li jagħmlu l-konstatazzjonijiet addizzjonali meħtieġa dwar fatti ( 37 ). Fin-nuqqas ta’ dak il-kontenut sostantiv meħtieġ, il-video f’kull każ ma jkunx kopert bl-eżenzjoni ta’ għanijiet ġurnalistiċi tal-Artikolu 9 tad-Direttiva.

59.

It-tieni nett, il-qorti nazzjonali għandha tiddetermina jekk l-ipproċessar tad-data inkwistjoni sarx biss għal għanijiet ġurnalistiċi. Id-digriet tar-rinviju jgħid li S. Buivids ma weriex l-għan tiegħu meta ħa u ppubblika r-reġistrazzjoni video. Madankollu, ġie ssuġġerit fis-seduta quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja li huwa seta’ xtaq li jesponi prattika ħażina tal-pulizija (għan klassiku ta’ ġurnaliżmu tajjeb fl-interess tal-pubbliku). Huwa għal darb’oħra għall-qorti nazzjonali, li hija l-unika qorti li tiddeċiedi dwar il-fatti, li tiddetermina kemm jekk dak kienx l-għan ta’ S. Buivids u jekk dak kienx l-uniku għan tiegħu. Li jkun hemm elementi oħra (bħal konvinzjoni għal dritt intrinsiku li wieħed jieħu films u jippubblika videos ta’ pulizija minħabba l-fatt biss li huma uffiċjali pubbliċi, jew sempliċi tnemmis) ifisser li l-kriterju ta’ “biss għal għanijiet ġurnalistiċi” ma kienx tħares. Għaldaqstant, l-eżenzjoni tal-Artikolu 9 ma tkunx tapplika.

60.

It-tielet nett, il-qorti nazzjonali jkollha titħabat mar-rekwiżit li eżenzjonijiet skont l-Artikolu 9 mir-rekwiżiti normali tad-direttiva li tipproteġi data personali huma permissibbli “jekk dawn ikunu meħtieġa biss biex jirrikonċiljaw id-dritt tal-ħajja parivata mar-regoli li jirregolaw il-libertà ta’ l-espressjoni” (enfasi miżjuda). Il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li derogi u limitazzjonijiet għad-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali garantit bl-Artikolu 8 tal-Karta għandhom japplikaw biss sa fejn ikunu strettament meħtieġa u għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv ( 38 ).

61.

Ma hemm ebda dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 8 tal-Karta (il-protezzjoni ta’ data personali) fil-KEDB. Fil-ġurisprudenza tagħha l-Qorti ta’ Strasbourg assimilat dak id-dritt fundamentali mad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja garantit bl-Artikolu 8 tal-KEDB, u ttrattatu bħala espressjoni iktar speċifika tad-dritt għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali ( 39 ). Għalhekk, id-deċiżjonijiet ta’ dik il-Qorti dwar il-bilanċ bejn l-Artikoli 8 u 10 tal-KEDB jipprovdu qafas biex permezz tiegħu jiġu rrikonċiljati d-drittijiet fundamentali għall-privatezza ta’ data personali u għal-libertà tal-espressjoni: ix-xogħol impost bl-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46.

62.

B’rabta mal-eżerċizzju ta’ bbilanċjar li l-awtoritajiet nazzjonali (u sussegwentement il-qrati nazzjonali) għandhom jagħmlu biex ikunu rrikonċiljati dawn iż-żewġ drittijiet, il-Qorti ta’ Strasbourg iddeċidiet li bħala kwistjoni ta’ prinċipju d-drittijiet skont l-Artikoli 8 u 10 tal-KEDB jixirqilhom rispett ugwali ( 40 ). Il-miżuri rilevanti, għalhekk, s’issa kienu ddefiniti bħala: (i) l-eżami tal-kontribut għal dibattitu ta’ interess pubbliku; (ii) l-evalwazzjoni tal-grad ta’ notorjetà tal-persuna milquta; (iii) teħid inkunsiderazzjoni tas-suġġett tar-rapport; (iv) l-eżami tal-kondotta preċedenti tal-persuna konċernata; (v) l-eżami tal-kontenut, tal-forma u tal-konsegwenzi tal-pubblikazzjoni u (vi) it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi li fihom tkun inkisbet l-informazzjoni.

63.

Biex taċċerta jekk pubblikazzjoni li tiżvela elementi ta’ ħajja privata kinitx ukoll dwar kwistjoni ta’ interess pubbliku, dik il-Qorti qieset l-importanza tal-kwistjoni għall-pubbliku u n-natura tal-informazzjoni żvelata. Barra minn hekk, l-interess pubbliku ordinarjament jirrigwarda kwistjonijiet li jolqtu lill-pubbliku tant li huwa jista’ b’mod leġittimu jieħu interess fihom; kwistjonijiet li jiġbdu l-attenzjoni tiegħu jew li jkunu jikkonċernawh f’livell sinjifikattiv, speċjalment minħabba li jaffettwaw il-benesseri taċ-ċittadini jew il-ħajja tal-komunità ( 41 ). Il-Qorti ta’ Strasbourg iddeċidiet li r-riskju ta’ dannu miġjub minn kontenut u komunikazzjonijiet fuq l-Internet għall-eżerċizzju u t-tgawdija ta’ drittijiet tal-bniedem u libertajiet, partikolarment id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata, ċertament huwa ogħla minn dak miġjub mill-istampa li tippubblika billi tuża teknoloġija iktar antikwata bħal midja stampata ( 42 ).

64.

F’dan il-każ l-informazzjoni mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tar-rinviju hija vaga. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li r-reġistrazzjoni video ta’ S. Buivids ma tagħti ebda aħbarijiet kurrenti jew imġiba illegali min-naħa tal-pulizija; u ma tagħmel ebda suġġeriment li xi ħadd mill-uffiċjali tal-pulizija identifikati f’dak il-video kien persuna pubblika minnha nnifisha. Ma tingħata ebda informazzjoni dwar il-kondotta preċedenti ta’ ebda waħda mill-persuni konċernati. Is-suġġett tal-video jidher biss li huwa li S. Buivids kien f’post tal-puliżija b’rabta ma’ proċeduri amministrattivi li kienu jirigwardawh. S. Buivids għamel ir-reġistrazzjoni video tiegħu b’mod miftuħ iżda ma għarrafx lis-suġġetti tad-data (l-uffiċjali tal-pulizija) dwar l-għan speċifiku tal-iffilmjar. Fis-seduta huwa kkonferma li huwa ma kellux il-kunsens espress tagħhom, għall-iffilmjar jew għall-pubblikazzjoni sussegwenti fuq l-Internet.

65.

Huwa ċar li meta ppubblika r-reġistrazzjoni video tiegħu fuq sit tal-Internet S. Buivids kiser id-dritt fundamentali tas-suġġetti tad-data għall-ħajja privata. Huwa ma ħa ebda pass biex itaffi l-kobor ta’ dak il-ksur – pereżempju, billi jċajpar jew joskura wiċċhom jew jgħatti leħinhom qabel ma ppubblika l-video.

66.

Abbażi tal-informazzjoni limitata li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli li x’aktarx il-kriterji identifikati qabel għall-evalwazzjoni ta’ jekk, f’każ partikolari, id-dritt għal-libertà tal-informazzjoni għandux jipprevali fuq id-dritt għall-ħajja privata u għall-protezzjoni ta’ data personali ma kinux tħarsu. Nenfasizza, madankollu, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tlesti l-proċess biex jinstabu l-fatti meħtieġa u li, fuq dik il-bażi, għandha twettaq evalwazzjoni definittiva f’dan il-każ.

67.

Għal finijiet ta’ kompletezza għandi nindirizza wkoll argument magħmul mir-Repubblika Ċeka li l-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data ta’ S. Buivids isiru legali bis-saħħa tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46. Dik id-dispożizzjoni tistabbilixxi lista eżawrjenti u restrittiva ta’ każijiet li fihom l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies legali ( 43 ), sakemm huma wkoll l-ewwel ikunu konformi mal-prinċipji relatati mal-kwalità tad-data stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-direttiva.

68.

Skont l-Artikolu 7(f), l-ipproċessar iħares il-kundizzjoni ta’ leġittimità meta dan ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi tal-kontrollur tad-data (hawnhekk S. Buivids) jew tat-terz jew terzi li lilhom tiġi żvelata d-data, ħlief meta tali interessi jkunu subordinati għall-interessi ta’ drittijiet fundamentali u libertajiet tas-suġġett tad-data, li huma protetti bl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/46. Dak l-eżami jitlob li jkun hemm bilanċ bejn id-drittijiet u l-interessi opposti ( 44 ).

69.

Jidhirli li l-pożizzjoni li ħadet il-Qorti tal-Ġustizzja meta interpretat l-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46 flimkien mal-Artikolu 6(1)(b) tapplika bl-istess mod hawnhekk ( 45 ). Għalhekk, l-Artikolu 7(f) għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 6(1)(b) ta’ din id-direttiva.

70.

Id-digriet tar-rinviju jgħid li l-qorti tal-ewwel istanza kkonstatat li S. Buivids ma għarrafx lis-suġġetti tad-data bl-għan speċifiku li għalih kien għamel ir-reġistrazzjoni video. Fid-dawl ta’ dik il-konstatazzjoni, jidher probabbli li mill-inqas tnejn mill-kundizzjonijiet kumulattivi tal-Artikolu 6(1)(b) – li d-data “tinġabar għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi” – ma kinux issodisfatti.

71.

Isegwi li l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 ma jistax jiġi applikat hawnhekk.

72.

Fl-aħħar nett, nenfasizza li ovvjament jista’ jkun hemm ċirkustanzi partikolari fejn l-uniku mod li bih il-ġurnaliżmu investigattiv jista’ jikxef aġir ħażin gravi huwa billi ssir xi xorta ta’ operazzjoni sigrieta. Sitwazzjoni bħal din tkun ikkaratterizzata minn livell għoli ta’ interess pubbliku li jippermetti investigazzjoni u pubblikazzjoni (għalhekk neċessarjament ikun involut l-ipproċessar ta’ data). Dan, madankollu, ikun jitlob skrutinju bir-reqqa biex wieħed jasal għal bilanċ xieraq bejn id-drittijiet fundamentali kompetituri inkwistjoni. Jien mhux ser nidħol iktar dwar dan hawnhekk, minħabba li abbażi tal-fatti li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jiena tal-fehma li dan evidentement mhux ser jinqala’ f’dan il-każ.

73.

Nikkonkludi li meta individwu li ma jkunx ġurnalist professjonista jagħmel reġistrazzjonijiet video li huwa jippubblika fuq sit tal-Internet, dawk ir-reġistrazzjonijiet video jistgħu jaqgħu fit-terminu ta’ “għanijiet ġurnalistiċi” skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 jekk ikun stabbilit li dawk l-attivitajiet ikunu twettqu biss għal tali għanijiet. Skont dik id-dispożizzjoni huwa għall-awtoritajiet nazzjonali, bla ħsara għal stħarriġ mill-qrati nazzjonali, li jeżaminaw u jirrikonċiljaw id-dritt fundamentali għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali tas-suġġett tad-data u d-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni tal-kontrollur tad-data. Fit-twettiq ta’ dak l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar l-imsemmija awtoritajiet għandhom iqisu (i) jekk il-materjal żvelat jikkontribwixxix għal dibattitu ta’ interess pubbliku; (ii) il-grad ta’ notorjetà tal-persuna/i milquta/in; (iii) is-suġġett tar-rapport; (iv) il-kondotta preċedenti tal-persuna konċernata; (v) il-kontenut, il-forma u l-konsegwenzi tal-pubblikazzjoni inkwistjoni; u (vi) iċ-ċirkustanzi li fihom tkun inkisbet l-informazzjoni.

Konklużjoni

74.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domandi magħmula mil-Latvijas Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja) kif ġej:

Attivitajiet bħall-iffilmjar u r-reġistrazzjoni ta’ uffiċjali pubbliċi fil-qadi ta’ dmirijiethom fil-post tax-xogħol tagħhom u l-pubblikazzjoni sussegwenti ta’ reġistrazzjoni video fuq l-Internet jikkostitwixxu l-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatiċi għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data.

Meta individwu li ma jkunx ġurnalista professjonista jagħmel reġistrazzjonijiet video li huwa jippubblika fuq sit tal-Internet, dawk ir-reġistrazzjonijiet video jistgħu jaqgħu fit-terminu “għanijiet ġurnalistiċi” skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 jekk jiġi stabbilit li dawk l-attivitajiet ikunu twettqu biss għal għanijiet bħal dawk.

F’kull każ partikolari, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46, huwa għall-awtoritajiet nazzjonali, bla ħsara għal stħarriġ mill-qrati nazzjonali, li jeżaminaw u jirrikonċiljaw id-dritt fundamentali għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali tas-suġġett tad-data u d-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni tal-kontrollur tad-data. Fit-twettiq ta’ dak l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar l-imsemmija awtoritajiet għandhom iqisu (i) jekk il-materjal żvelat jikkontribwixxix għal dibattitu ta’ interess pubbliku; (ii) il-grad ta’ notorjetà tal-persuna/i milquta/in; (iii) is-suġġett tar-rapport; (iv) il-kondotta preċedenti tal-persuna konċernata; (v) il-kontenut, il-forma u l-konsegwenzi tal-pubblikazzjoni inkwistjoni; u (vi) iċ-ċirkustanzi li fihom tkun inkisbet l-informazzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355). Minn dak iż-żmien ’l hawn dik id-Direttiva kienet tħassret u ġiet issostitwita mir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016 L 119, p. 1) b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018.

( 3 ) ĠU 2010 C 83, p. 391.

( 4 ) L-Artikoli 7 u 11 tal-Karta jikkorrispondu għad-drittijiet stabbiliti bl-Artikoli 8 u 10 (rispettivament id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. L-Istati Membri kollha huma firmatarji tal-KEDB, iżda l-Unjoni Ewropea għadha ma aderixxietx bħala tali; ara l-Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 2/13 tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454.

( 5 ) Premessi 12, 14, 16, 17 u 37 rispettivament.

( 6 ) Artikolu 6(1)(b). Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1)(a), (c) sa (e) jgħidu li data personali għandha tiġi pproċessata b’mod ġust u skont il-liġi; barra minn hekk għandhom ikunu adegwati, rilevanti u mhux eċċessivi għall-finijiet tagħhom, eżatti u miżmuma b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret. Dawn il-kundizzjonijiet ma għandhom l-ebda effett dirett fuq il-kawża inkwistjoni.

( 7 ) Il-lista ta’ każijiet li fihom l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies li jkun skont il-liġi għall-finijiet tal-Artikolu 7 hija eżawrjenti u restrittiva. L-Artikolu 7(f) biss huwa rilevanti fir-rigward tal-każ inkwistjoni: ara l-punti 67 sa 71 iktar ’il quddiem.

( 8 ) Il-qorti tar-rinviju tgħid fid-digriet tagħha ta’ rinviju li iktar tard kienet ġiet imposta multa fuq S. Buivids fil-kuntest ta’ dawk il-proċeduri amministrattivi.

( 9 ) Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš, C-212/13, EU:C:2014:2428, punti 2122.

( 10 ) Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš, C-212/13, EU:C:2014:2428, punti 2324.

( 11 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014Google Spain u Google, C-131/12, EU:C:2014:317, punt 26.

( 12 ) Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C-101/01, EU:C:2003:596, punti 25 u 26. Dik il-kawża kienet dwar il-pubblikazzjoni, minn katekist, ta’ paġni tal-Internet biex parruċċani jkunu jistgħu jitħejjew għall-griżma tagħhom billi jiksbu tagħrif li setgħu jeħtieġu.

( 13 ) Premessa 14.

( 14 ) Premessa 16; ara l-punt 4 iktar ’il fuq.

( 15 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth u PAN Europe v EFSA, C‑615/13 P, EU:C:2015:489, punt 30.

( 16 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C-92/09 u C-93/09, EU:C:2010:662, punt 59.

( 17 ) Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, C‑101/01, EU:C:2003:596.

( 18 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 66.

( 19 ) Sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C-293/12 u C-594/12, EU:C:2014:238, punt 33.

( 20 ) Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 38.

( 21 ) Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C-73/16, EU:C:2017:725, punti 36 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 22 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punti 43 u 44.

( 23 ) Sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 24 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C-73/07, EU:C:2008:727, punti 50 sa 53.

( 25 ) Ara l-premessi 17 u 37 tad-Direttiva 95/46.

( 26 ) COM(90) 314 finali tat-13 ta’ Settembru 1990. Il-proposta oriġinali kienet tinkludi abbozz tal-Artikolu 19 li kien jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva fir-rigward tal-istampa u tal-midja audjoviżiva, sa fejn dan kien meħtieġ biex ikunu rrikonċiljati d-drittijiet fundamentali ta’ individwi għall-ħajja privata u l-libertà tal-espressjoni. Dik il-proposta ġiet emendata darbtejn, bil-proposti tal-Kummissjoni COM (92) 422 finali tal-15 ta’ Ottubru 1992 u COM (95) 375 finali tat-18 ta’ Lulju 1995.

( 27 ) Ara d-Deċiżjoni dwar il-pożizzjoni komuni stabbilita mill-Kunsill bil-ħsieb li tkun adottata direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ tali data (C4–0051/95 – 00/0287 (COD) (ĠU 1995 C 166, p. 105).

( 28 ) L-eżenzjoni tkopri wkoll l-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ espressjoni artistika jew letterarja li ma huwiex rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali: ara wkoll il-punt 10 iktar ’il fuq.

( 29 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 56.

( 30 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punti 58 sa 61.

( 31 ) QEDB, 16 ta’ Ġunju 2015, Delfi AS vs L-Estonja [GC], CE:ECHR:2015:0616JUD006456909, § 110 u l-ġurisprudenza ċċitata, u § 112.

( 32 ) QEDB, 8 ta’ Novembru 2016, Magyar Helsinki Bizottság vs L-Ungerija, CE:ECHR:2016:1108JUD001803011, § 165 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 33 ) QEDB, 8 ta’ Novembru 2016, Magyar Helsinki Bizottság vs L-Ungerija, CE:ECHR:2016:1108JUD001803011, § 166 u § 168.

( 34 ) Ara n-Nota ta’ qiegħ il-paġna 30 iktar ’il fuq.

( 35 ) Ara l-gazzetta The Guardian, “The rise of citizen journalism”, 11 ta’ Ġunju 2012. Il-Financial Times għażlet, bħala “Il-persuna tas-sena 2017” tagħha, lil Susan Fowler, il-mara żagħżugħa Amerikana li ħarġet fil-beraħ il-fastidju sesswali f’Uber billi żvelat l-esperjenzi tagħha f’għamla ta’ blogg u kienet l-ispirazzjoni għan-nisa biex jitkellmu. Anki qabel l-Internet, il-ġurnaliżmu ma kienx ristrett b’mod formali għal professjoni speċifika. Bħal, pereżempju Samizdat, is-sistema klandestina fl-U.S.S.R u fil-pajjiżi fl-orbita tagħha, li kienet tistampa u tippubblika letteratura privatament biex tkun evitata ċ-ċensura governattiva, nies ordinarji setgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom.

( 36 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, C‑73/07, EU:C:2008:727; ara l-punt 48 iktar ’il fuq.

( 37 ) Peress li f’dan il-każ ir-rinviju sar mill-Qorti Suprema, jista’ jkun neċessarju li l-kwistjoni tintbgħat lura quddiem il-qrati inferjuri sabiex dawn jgħamlu konstatazzjonijiet addizzjonali ta’ fatt.

( 38 ) Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš, C-212/13, EU:C:2014:2428, punti 2829 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 39 ) QEDB, 27 ta’ Ġunju 2017, Satakunnan Markkinapörssi Oy u Satamedia Oy vs Il-Finlandja [GC], CE:ECHR 2017:0627JUD000093113, § 8 sa § 28. L-oriġini ta’ din il-kawża huma fiċ-ċirkustanzi fattwali li kienu taw lok għas-sentenza ta’ din il-Qorti tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C-73/07, EU:C:2008:727. Il-proċeduri fil-Qorti ta’ Strasbourg inbdew b’rikors Nru 931/13. Ir-Raba’ Sessjoni ta’ dik il-Qorti tat is-sentenza tagħha fit-21 ta’ Lulju 2015. It-talba tar-rikorrent biex il-kawża tintbagħat quddiem l-Awla Manja ngħatat fil-14 ta’ Diċembru 2015; u din l-awla ddeċidiet fis-27 ta’ Ġunju 2017.

( 40 ) QEDB, 16 ta’ Ġunu 2015, Delfi AS vs L-Estonja [GC], CE:ECHR:2015:0616JUD006456909, § 139.

( 41 ) QEDB, 27 ta’ Ġunju 2017, Satakunnan Markkinapörssi Oy u Satamedia Oy vs Il-Finlandja [GC], CE:ECHR:2017:0627JUD000093113, § 165, § 166 u § 171.

( 42 ) QEDB, 15 ta’ Ġunju 2015, Delfi AS vs L-Estonja [GC], CE:ECHR:2015:0616JUD006456909, § 133.

( 43 ) Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll il-punt 105.

( 44 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 45 ) Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C-73/16, EU:C:2017:725, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’dik il-kawża, EU:C:2017:253, punt 106.

Top