Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0335

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-12 ta’ April 2018.
    Neli Valcheva vs Georgios Babanarakis.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (Bulgarie).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘dritt ta’ aċċess’ – Artikolu 1(2)(a) u punti (7) u (10) tal-Artikolu 2 – Dritt ta’ aċċess tan-nanniet.
    Kawża C-335/17.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:242

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fit-12 ta’ April 2018 ( 1 )

    Kawża C-335/17

    Neli Valcheva

    vs

    Georgios Babanarakis

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni, il-Bulgarija)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘dritt ta’ aċċess’ – Applikabbiltà għan-nanniet”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Hemm nanna li tixtieq teżerċita d-dritt ta’ aċċess għan-neputi tagħha. Kwistjoni li għandha bħala suġġett tali talba taqa’ taħt ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003? ( 2 ) Din hija, fil-mertu, id-domanda li għamlet il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni, il-Bulgarija.

    2.

    Din il-kawża toffri għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi, għall-ewwel darba, fuq l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 għal talba għad-dritt ta’ aċċess tan-nanniet biex jiġi deċiż jekk il-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq il-modi ta’ eżerċizzju ta’ tali dritt għandux ikun iddeterminat abbażi tal-imsemmi regolament jew abbażi tar-regoli ta’ dritt internazzjonali privat tal-Istati Membri. Dan ir-regolament jirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tal-qrati tar-residenza abitwali tal-minuri billi huwa bbażat b’mod partikolari fuq il-kriterju tal-viċinanza. L-analiżi li ssegwi hija intiża għaldaqstant biex tistabbilixxi l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni fil-qasam tad-dritt ta’aċċess mingħajr ma tidħol f’kunsiderazzjonijiet ta’ natura materjali.

    3.

    Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li din il-kawża ma tistax tiġi analizzata indipendentement minn kwistjoni fundamentali: dik tal-importanza għat-tifel li jkollu relazzjoni personali man-nanniet tiegħu, sakemm dawn il-kuntatti ma jkunux kontra l-interessi tiegħu. Għaldaqstant, huwa mill-aspett tal-prinċipju tas-supremazija tal-aħjar interessi tat-tifel li għandu jiġi interpretat hawnhekk ir-Regolament Nru 2201/2003 fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.  Id-dritt tal-Unjoni

    1. Il-Karta

    4.

    Skont l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem: il-“Karta”) intitolat “Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja”:

    “Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha”.

    5.

    L-Artikolu 24(2) tal-Karta jindika li “[f]l-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja”.

    2. Ir-Regolament Nru 2201/2003

    6.

    Mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li “[]l-Kunsill Ewropew ta’ Tampere ndorsja [approva] l-prinċipju tar- rikonoxximent reċiproku ta’ deċizjonijiet ġudizzjarji bħala bażi għall-ħolqien ta’ żona ġuridika ġenwina, u identifika[]d-dritt taż- żjara [aċċess] bħala prijorità”.

    7.

    Skont il-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, “[s]abiex l-ugwaljanza għal[l-]minuri kollha tkun assigurata, dan ir-Regolament ikopri d-deċizjonijiet kollha dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri, inkluzi l-miżuri ta’ protezzjoni għall-minuri, indipendentement minn xi konnessjoni ma’ xi proċedura matrimonjali”.

    8.

    Il-premessa 12 tal-imsemmi regolament tipprovdi li “r-raġunijiet ta’ [ir-regoli dwar] l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan [skont] l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija [viċinanza]. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod [tkun] l-ewwelnett [tal-qrati t]al-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità”.

    9.

    Għal dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

    а)

    id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ;

    b)

    l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

    2.   Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:

    а)

    drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess;

    […]”.

    10.

    Fir-rigward tad-definizzjonijiet, l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprevedi fil-punti 1, 7, 8, 9 u 10 tiegħu:

    “1)   ll-kelma ‘qorti’ għandha tkopri l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri bil-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt u li huma nkluzi fil-kompetenza ta’ dan ir-Regolament skond l-Artikolu 1;

    […]

    7)   il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

    8)   il-kliem ‘min għandu r-responsabilità ta’ l-ġenituri’ se tfisser kwalunkwe persuna li għandha r-responsabilità ta’ l-ġenituri fuq il-minuri;

    9)   il-kliem ‘drittijiet ta’ kustodja’ għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri;

    10)   il-kliem ‘drittijiet ta’ aċċess’ għandhom jinkludu partikolarment id-dritt li tieħu l-minuri f’post ‘l barra minn dak li huwa l-post residenzali proprju, għal perjodu ta’ żmien limitat;”.

    11.

    Għal dik li hija ġurisdizzjoni ġenerali, l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.

    2.   Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12”.

    B.  Id-dritt Bulgaru

    12.

    Għal dak li jikkonċerna d-dritt ta’ aċċess tal-membri tal-familja, l-Artikolu 128 tas-Semeen kodets (il-Kodiċi tal-Familja) jipprovdi:

    “1.   In-nannu u n-nanna jistgħu jippreżentaw talba quddiem ir-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali, il-Bulgarija) tad-domiċilju attwali tat-tfal, biex tagħti provvedimenti li jikkonċernaw id-dritt ta’ aċċess tagħhom, meta dan ikun fl-interess tat-tfal. It-tifel għandu l-istess dritt.

    (2)   Il-qorti għandha tapplika konsegwentement l-Artikolu 59(8) u (9).

    (3)   Jekk il-ġenitur li lilu l-qorti tkun tat id-dritt ta’ aċċess ikun temporanjament inkapaċi li jeżerċitah minħabba assenza jew mard, dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat min-nanna u n-nannu tat-tifel”.

    13.

    Iż-Zakon za litsata i semeystvoto (il-Liġi dwar il-persuni u l-familja) (DV Nru 182, tad-9 ta’ Awwissu 1949, fil-verżjoni emendata li ġiet ippubblikata fid-DV Nru 120, tad-29 ta’ Diċembru 2002) tipprevedi, fl-Artikolu 4 tagħha:

    “Il-persuni ta’ iktar minn 14-il sena u ta’ inqas minn 18-il sena huma adoloxxenti minuri.

    Dawn jistgħu jwettqu atti ġuridiċi bil-kunsens tal-ġenituri tagħhom jew tat-tuturi tagħhom, iżda jistgħu jwettqu huma stess tranżazzjonijiet żgħar biex jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom stess u jiddisponu minn dak li huma akkwistaw bix-xogħol tagħhom”.

    III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    14.

    Neli Valcheva hija omm Mariana Koleva u n-nanna ta’ Christos Babanarakis, li twieled fit-8 ta’ April 2002 miż-żwieġ ta’ M. Koleva ma’ Georgios Babanarakis. Dan iż-żwieġ ġie maħlul minn qorti Griega li fdat il-kustodja ta’ Christos Babanarakis lil missieru. Il-qorti Griega stabbilixxiet il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess bejn l-omm u t-tifel, li jinkludu kuntatti permezz tal-internet u bit-telefon, kif ukoll laqgħat personali, fil-Greċja, għal ftit sigħat, darba fix-xahar.

    15.

    Wara li sostniet li kien impossibbli għaliha li żżomm kuntatt ta’ kwalità man-neputi tagħha u li hija kienet talbet is-sapport tal-awtoritajiet Griegi mingħajr suċċess, N. Valcheva talbet lir-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali), abbażi tal-Artikolu 128 tal-Kodiċi tal-Familja, biex tistabbilixxi l-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess bejnha u n-neputi minuri tagħha. Hija talbet biex tkun awtorizzata tarah regolarment tmiem-il ġimgħa wieħed fix-xahar, kif ukoll iżżommu għandha ġimagħtejn jew tlieta matul il-vaganzi tiegħu, darbtejn fis-sena.

    16.

    Ir-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali) ikkonkludiet li ma kellhiex ġurisdizzjoni biex teżamina t-talba ta’ N. Valcheva. L-Okrazhen sad de Burgas (il-Qorti Reġjonali ta’ Burgas, il-Bulgarija), ikkonfermat fl-appell ir-riżultat tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza billi bbażat ruħha fuq ir-Regolament Nru 2201/2003. Hija ddeċidiet li dan ir-regolament kien japplika għal kawżi li jikkonċernaw id-dritt ta’ aċċess għall-minuri minn ċirku familjari estiż li jinkludi lin-nanniet u li, skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, il-ġurisdizzjoni tkun tal-qrati tal-Istat Membru li fih it-tifel kellu r-residenza abitwali fil-mument li huma jkunu ġew aditi, jiġifieri l-qrati Griegi.

    17.

    N. Valcheva ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni). Din il-qorti tindika li ttendi li taqbel mal-pożizzjoni tal-qorti tal-appell, iżda żżid li huwa essenzjali għaliha li tkun taf jekk ir-Regolament Nru 2201/2003 japplikax għad-dritt ta’ aċċess tan-nanniet sabiex tistabbilixxi l-qorti li għandha ġursdizzjoni.

    18.

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni) iddeċidiet, permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Mejju 2017, li waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ġunju 2017, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Il-kunċett ta’ ‘drittijiet ta’ aċċess’ li jintuża fl-Artikolu 1(2)(a) u fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkonċernax biss l-aċċess bejn il-ġenituri u l-minuri iżda wkoll l-aċċess għal qraba oħra għajr il-ġenituri, b’mod partikolari għan-nanniet?”

    19.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet innotifikata lill-partijiet interessati fis-6 ta’ Lulju 2017. Notifika oħra ta’ din it-talba ntbagħtet lill-konvenuta fil-kawża prinċipali fil-15 ta’ Settembru 2017. Il-partijiet ikkonċernati qablu, dwar il-preżentata tal-osservazzjonijiet bil-miktub, fuq terminu li jiskadi fit-18 ta’ Settembru u fl-4 ta’ Diċembru 2017. Il-qorti tar-rinviju u dawn il-partijiet ġew infurmati, waqt din in-notifika, bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti prijorità lil din it-talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    20.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-Repubblika Ċeka u mill-Kummissjoni Ewropea. Peress li ħadd mill-partijiet ikkonċernati ma talabha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tiddeċiedi mingħajr ma żżomm seduta għas-sottomissjonijiet orali.

    IV. Analiżi

    21.

    Fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, N. Valcheva, ta’ nazzjonalità Bulgara, hija n-nanna materna ta’ tifel minuri li twieled fit-8 ta’ April 2002 ( 3 ). Wara l-ħall taż-żwieġ tal-ġenituri tiegħu, il-minuri rrisjeda abitwalment fil-Greċja ma’ missieru, ta’ nazzjonalità Griega. In-nanna tiegħu tixtieq tikseb id-dritt għall-aċċess fir-rigward tan-neputi tagħha.

    22.

    Madankollu, inkwantu, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-kustodja tat-tifel hija tal-missier, filwaqt li l-omm għandha biss dritt ta’ aċċess, tqum il-kwistjoni dwar jekk in-nanniet li jixtiequ jkollhom relazzjoni personali man-neputi jistgħux jipprevalixxu mir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni fir-Regolament Nru 2201/2003 biex jitolbu d-dritt ta’ aċċess.

    A.  Kunsiderazzjonijiet ġenerali

    23.

    Jidhirli utli, qabel ma nibda l-eżami tal-domanda preliminari, li jsiru ċertu numru ta’ kunsiderazzjonijiet ġenerali li jippermettu li jiġi ddefinit il-kuntest li fih jidħol ir-Regolament Nru 2201/2003. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkonċernaw l-effett tal-integrazzjoni Ewropea fuq il-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat, il-kuntest soċjoekonomiku ta’ dan ir-regolament u s-supremazija tal-aħjar interess tal-minuri.

    1. L-integrazzjoni Ewropea u d-dritt internazzjonali privat

    24.

    Kważi 20 sena għaddew mill-pubblikazzjoni tar-rapport spjegattiv li jikkonċerna l-Konvenzjoni ta Brussell tat-28 ta’ Mejju 1998 ( 4 ). Dan ir-rapport kien jenfasizza, ġustament, in-neċessità li jiġu ttrattati l-problemi li jqumu fid-dritt tal-familja mill-perspettiva tal-integrazzjoni Ewropea. Fil-fatt, fis-snin 90, il-kwistjoni tal-“komunitarizzazzjoni” tad-dritt privat kellha post tajjeb fil-programmi akkademiċi, fil-proġetti ta’ riċerka u fil-konferenzi universitarji ( 5 ). Il-korsijiet offruti fl-Académie de droit international de La Haye ( 6 ) kienu ffukati b’mod partikolari fuq ir-riżultati ta’ dawn id-dibattiti u ta’ din ir-riflessjoni li tikkonċerna l-effett tar-regoli “komunitarji” fuq id-dritt internazzjonali privat u l-konsegwenzi tal-integrazzjoni Ewropea fuq l-iżvilupp tal-istess.

    25.

    Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li l-evoluzzjoni tal-Unjoni u tal-għanijiet tagħha kellha effett reali fuq il-kompetenzi tagħha stess fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat. Fil-fatt, ir-rwol tad-dritt internazzjonali privat Ewropew, li kien limitat ħafna għall-ewwel fid-dawl tal-għan inizjali tal-ħolqien ta’ suq komuni, ibbenefika mill-introduzzjoni tat-tieni għan, jiġifieri ċ-ċittadinanza Ewropea, li ppermettiet lill-Unjoni li taqbeż il-limiti ta’ sempliċi integrazzjoni ekonomika biex torjenta ruħha lejn l-Ewropea taċ-ċittadini ( 7 ). Iktar minn hekk, wara t-Trattat ta’ Amsterdam, it-tielet għan ikkontribwixxa għall-avvanz tal-proġett Ewropew: il-kunsiderazzjoni ta’ żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja li tiggarantixxi l-moviment liberu tal-persuni filwaqt li tinkwadra l-mobbiltà dejjem tikber taċ-ċittadini u billi tagħti kontenut lil din iċ-ċittadinanza Ewropea ( 8 ), b’mod partikolari, mad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja ( 9 ). Fir-rigward ta’ dan id-dritt, kruċjali għall-implementazzjoni ta’ drittijiet proċedurali u fundamentali oħra, jidhirli evidentement essenzjali, sabiex il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea jkollu ċerta realtà għaċ-ċittadini tal-Unjoni, li jkunu jistgħu jintlaħqu “riżultati rapidi u tanġibbli” fl-oqsma bħalma huma r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ( 10 ).

    26.

    Dan huwa l-kuntest li fih jidħlu, b’mod ġenerali, ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat Ewropew u, b’mod iktar partikolari, ir-regoli li jikkonċernaw il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri tar-Regolament Nru 2201/2003.

    2. L-evoluzzjoni tas-soċjetà u r-Regolament Nru 2201/2003

    27.

    Nixtieq insemmi wkoll ir-riperkussjonijiet tat-trasformazzjonijiet li messew lis-soċjetà dawn l-aħħar deċenni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Dan ser jippermetti li jiġi ddefinit aħjar il-kuntest tar-Regolament Nru 2201/2003 għall-iskopijiet tal-analizi tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju

    28.

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-trasformazzjonijiet tas-soċjetà fi ħdan l-Unjoni (u, b’mod ġenerali tas-soċjetà tal-Punent), għandu jiġi osservat, min-naħa, li t-tibdil ekonomiku marbut mal-mondjalizzazzjoni pprovoka tibdil profond fir-relazzjonijiet tax-xogħol, bil-konsegwenza, b’mod partikolari, tal-fenomenu tas-separazzjoni bejn il-lok tar-residenza abitwali u l-lok tax-xogħol. Li wieħed jirrisjedi fi Stat Membru u jaħdem fi Stat Membru ieħor sar normali għal parti miċ-ċittadini tal-Unjoni. Is-sitwazzjoni hija madankollu iktar kumplessa fil-każ ta’ ċittadini li jirrisjedu fi Stat Membru u li huma kkollokati f’pajjiż terz għal kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor. Dan it-tibdil jaffettwa wkoll b’mod sinjifikattiv il-ħajja familjari taċ-ċittadini tal-Unjoni.

    29.

    Min-naħa l-oħra, fuq livell soċjokulturali, hemm trasformazzjonijiet daqstant profondi li jaffettwaw il-modi ta’ ħajja taċ-ċittadini. Il-fenomenu tal-familji li l-membri tagħhom (ġenituri u tfal) għandhom nazzjonalità doppja jew nazzjonalitajiet differenti (ħaġa li hija marbuta mill-qrib mal-moviment liberu tal-persuni, u, b’mod iktar ġenerali, għall-mondjalizzazzjoni), id-diversità tat-tipi ta’ unjoni u ta’ ħajja komuni, barra miż-żwieġ, b’mod partikolari l-patt ċivili ta’ solidarjetà (Pacs), il-forom ġodda ta’ strutturi familjari, b’mod partikolari l-familji b’ġenitur wieħed, familja rikostitwita jew omoparentali, u l-forom ġodda ta’ parentalità fir-rigward tal-ulied imwielda minn unjoni preċedenti, imwielda minn prokreazzjoni medikament assistita jew adottati, huma biss ftit eżempji. Id-diversifikazzjoni tal-istrutturi familjari hija għaldaqstant realtà tas-soċjetà kontemporanja. Ċerti minn dawn il-fenomeni ma humiex verament ġodda, imma, b’effett mis-snin 60, it-trasformazzjonijiet intensifikaw ruħhom u żviluppaw b’mod esponenzjali. Dawn it-tibdiliet ekonomiċi u soċjokulturali li l-effett multiplu tagħhom fuq il-ħajja taċ-ċittadini jinħass b’ritmu kostanti jimplikaw f’ċerti każijiet li jerġgħu jiġu kkunsidrati l-pedamenti li fuqhom huma bbażati s-sistemi legali u l-kontenut tar-regoli tagħhom u jinneċessitaw aġġustament tad-dritt, u b’mod partikolari tad-dritt tal-Unjoni (inkluż id-dritt internazzjonali privat Ewropew).

    30.

    Fit-tieni lok, fir-rigward b’mod iktar preċiż tar-riperkussjonijiet tal-evoluzzjoni tas-soċjetà fuq ir-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi kkonstatat li, għal dak li jikkonċerna l-kwistjonijiet li jirrigwardaw it-tfal, il-portata ta’ dan ir-regolament ġiet konsiderevolment estiża meta mqabbla mal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1998 ( 11 ) u mar-Regolament Nru 1347/2000 ( 12 ). Fil-fatt, filwaqt li r-Regolament Nru 1347/2000 kien jirrigwarda biss il-proċeduri ċivili li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-ulied komuni tal-konjuġi fl-okkażjoni ta’ proċeduri li jirrigwardaw il-ħall (divorzju jew annullament) tar-rabta matrimonjali jew għas-separazzjoni legali ( 13 ), ir-Regolament Nru 2201/2003 jestendi llum, indipendentement min-natura tal-qorti, għall-“kwistjonijiet kollha” li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Fil-fatt, bil-għan li jiggarantixxi l-ugwaljanza tat-“tfal kollha” mingħajr distinzjoni, dan tal-aħħar japplika għas-sitwazzjoni tat-tfal minn relazzjoni preċedenti u tat-tfal imnissla u mwielda barra miż-żwieġ, kemm jekk ir-responsabbiltà tal-ġenituri tiġi eżerċitata mill-ġenituri jew minn terz, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-familji rikomposti.

    31.

    Madankollu, minkejja l-isforzi tal-leġiżlatur tal-Unjoni biex jaġġusta l-leġiżlazzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri għall-evoluzzjonijiet tas-soċjetà, dawn isegwu ritmu pjuttost iktar mgħaġġel mill-proċess ta’ aġġustament leġiżlattiv u huwa evidenti li jibqa’ ċerti “żoni vagi”, li għalihom il-leġiżlazzjoni ma tagħtix risposta espliċita. Il-kawża prinċipali tikkostitwixxi eżempju ta’ dawn iż-żoni vagi maħluqa minħabba l-evoluzzjonijiet tas-soċjetà fir-rigward b’mod partikolari tar-relazzjonijiet personali tat-tifel flimkien ma’ persuni oħra li magħhom huwa marbut b’rabtiet “familjari” ta’ dritt jew ta’ fatt (bħalma huwa l-ex konjuġi ta’ wieħed mill-ġenituri, l-aħwa tat-tifel, in-nanniet jew is-sieħeb/sieħba li għandu r-responsabbiltà ta’ ġenitur). Dawn iż-żoni vagi jistgħu jqajmu inċertezzi, spiss paradossali, fir-rigward tal-eżistenza ta’ dritt ta’ aċċess tal-persuni li ma humiex il-ġenituri, f’dan il-każ in-nanniet.

    32.

    Fir-rigward b’mod preċiż tan-nanniet, din l-inċertezza ma toħloqx konfużjoni jekk wieħed iqis li, fil-prinċipju u salv l-aqwa interess tat-tifel, ir-relazzjoni personali bejn in-nanniet u n-neputijiet tagħhom tibqa’, b’mod partikolari f’soċjetà f’evoluzzjoni kostanti, sors essenzjali ta’ stabbiltà għat-tfal u fattur importanti ta’ rabta interġenerazzjonali li tikkontribwixxi bla ebda dubju għall-bini tal-identità proprja tagħhom?

    3. Il-prinċipju tas-supremazija tal-aħjar interess tal-minuri

    33.

    Jien ma nistax nagħlaq din il-parti ddedikata għall-kunsiderazzjonijiet ġenerali mingħajr ma nsemmi l-prinċipju l-iktar importanti tar-Regolament Nru 2201/2003: is-supremazija tal-aħjar interess tat-tifel.

    34.

    Dan il-prinċipju huwa wieħed mill-prinċipji li jimmarka l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 14 ). F’dan ir-rigward, mhux biss l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal ( 15 ) imma l-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, diġà kellha l-okkażjoni li tfakkar li din il-konvenzjoni torbot lil kull wieħed mill-Istati Membri u li dan it-test jinsab fost in-numru ta’ strumenti internazzjonali li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li hija tieħu inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 16 ). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(3) TUE jipprovdi li l-“Unjoni għandha tistabbilixxi suq intern” imbagħad tistipula li l-Unjoni “tippromwovi l-ġustizzja […] is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal” ( 17 ).

    35.

    Fir-rigward tar-Regolament Nru 2201/2003, dan huwa bbażat fuq il-prinċipju tas-supremazija tal-aħjar interess tat-tifel u r-rispett tad-drittijiet tiegħu. Fil-fatt, il-premessa 33 tiegħu tipprovdi li dan ir-regolament jfittex b’mod partikolari li jiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali tat-tifel kif stabbiliti fl-Artikolu 24 tal-Karta. Dan l-artikolu jirrikonoxxi t-tfal bħala detenturi ta’ drittijiet, indipendenti u awtonomi, u jrendi l-aħjar interess tat-tfal kunsiderazzjoni primarja għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-istituzzjonijiet privati ( 18 ). F’dan ir-rigward, għandu jissemma wkoll l-Artikolu 7 tal-Karta dwar ir-rispett tal-ħajja privata u familjari.

    36.

    Għal dak li jikkonċerna, b’mod iktar preċiż, ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 2201/2003 fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, dawn huma stabbiliti skont l-imsemmi prinċipju u, b’mod partikolari, skont il-kriterju tal-viċinanza. Għaldaqstant, huma l-qrati tal-post tar-residenza abitwali tat-tfal li huma fl-aħjar pożizzjoni li jirregolaw kull kwistjoni li tikkonċerna r-responsabbiltà tal-ġenituri u, konsegwentement, id-dritt għall-aċċess ( 19 ). Barra minn hekk, fl-interess tat-tfal, ir-Regolament 2201/2003 jippermetti, permezz ta’ eċċezzjoni u taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni tittrasferixxi l-każ għal qorti ta’ Stat Membru ieħor jekk din il-qorti hija f’pożizzjoni aħjar biex tisma’ l-każ ( 20 ).

    37.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat is-supremazija tal-interess tal-minuri bħala l-priżma li minnha għandhom jinqraw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ( 21 ). Fil-ġurisprudenza tagħha, hija tirreferi għall-interess tat-tfal li jsegwu l-ħajja familjari tagħhom, protett ukoll mid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja familjari ggarantit mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali ( 22 ).

    38.

    Konsegwentement, ma hemmx dubju li l-prinċipju tas-supremazija tal-interess tat-tfal għandu jiggwida kull interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 li jikkonċernaw, kif inhu dan il-każ, talba għad-dritt għall-aċċess tan-nanniet. Jien ser nittratta dan iktar tard.

    B.  Id-domanda preliminari

    39.

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “dritt ta’ aċċess” imsemmi fl-Artikolu 1(2)(a) u fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li jestendi għad-dritt ta’ aċċess tan-nanniet li jikkonċerna lin-neputijiet tagħhom.

    40.

    Issa, għalkemm il-kunċett ta’ “dritt ta’ aċċess” jissemma espliċitament fl-Artikolu 1(2)(a) u fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2201/2003, dawn id-dispożizzjonijiet ma jippreċiżawx espressament jekk dan id-dritt ikoprix jew le d-dritt ta’ aċċess ta’ persuni oħrajn, barra mill-ġenituri.

    41.

    Għaldaqstant, għall-iskopijiet tal-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat mhux biss il-formulazzjoni imma wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 2201/2003.

    42.

    Għandu jiġi rrilevat mill-ewwel li, għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u l-għan tar-Regolament Nru 2201/2003, il-gvern Ċek u l-Kummissjoni ddefendew fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, filwaqt li bbażaw b’mod partikolari fuq il-formulazzjoni ta’ dan ir-regolament, il-fehma li l-imsemmi regolament japplika għad-dritt ta’ aċċess tan-nanniet. Il-qorti tar-rinviju tidher li taqbel ma’ din il-fehma fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha ( 23 ).

    1. Il-kliem u l-istruttura tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003

    43.

    Fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2201/2003 jippreċiża li dan japplika, indipendentement min-natura tal-qorti, fi kwistjonijiet dwar “l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri”. Biex ikun jista’ jiġi stabbilit b’mod adegwat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 ( 24 ), kien importanti għal-leġiżlatur tal-Unjoni li jippreċiża l-kunċett tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Dan il-kunċett ma kienx fil-fatt iddefinit la mill-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1998 ( 25 ) u lanqas mir-Regolament Nru 1347/2000. Il-leġiżlatur għażel, għaldaqstant, definizzjoni uniformi tal-kunċett ta’ responsabbiltà tal-ġenituri ( 26 ). Dan il-kunċett huwa ddefinit fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 bħala “d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali”. Konsegwentement, kemm il-persuni fiżiċi kif ukoll dawk ġuridiċi jistgħu jkollhom ir-responsabbiltà ta’ ġenituri ( 27 ). Iktar minn hekk, il-kunċett ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jinkludi “b’mod partikolari” id-dritt għall-kustodja u d-dritt ta’ aċċess, ħaġa li tfisser li din tista’ tinqasam f’dawn iż-żewġ elementi ( 28 ). Minħabba dan il-fatt, fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, kemm min għandu d-dritt ta’ kustodja kif ukoll min għandu d-dritt ta’ aċċess indikati mid-dritt nazzjonali jistgħu jkunu kklassifikati bħala li huma detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri li tinkludi b’mod partikolari dawn iż-żewġ drittijiet ( 29 ).

    44.

    Fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess, skont il-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003, dan huwa ddefinit bħala “partikolarment id-dritt li tieħu l-minuri f’post ‘l barra minn dak li huwa l-post residenzali proprju, għal perjodu ta’ żmien limitat”. Din id-definizzjoni tindika biss parti waħda mill-kontenut tad-dritt ta’ aċċess, mingħajr ma tagħmel riferiment għall-persuni li jistgħu jkollhom dan id-dritt ( 30 ).

    45.

    Il-punt 8 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 jiddefinixxi min-naħa tiegħu min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri bħala “kwalunkwe persuna li għandha r-responsabilità ta’ l-ġenituri fuq il-minuri” ( 31 ).

    46.

    Jirriżulta fil-fehma tiegħi minn qari tal-punti 7, 8 u 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 li l-leġiżlatur tal-Unjoni uża volontarjament definizzjonijiet wiesgħa sabiex ikopri pluralità ta’ każijiet. Din l-intenzjoni toħroġ mill-użu ta’ formulazzjonijiet ġenerali bħalma hija “d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha” jew “kwalunkwe persuna” kif ukoll mill-avverbju “partikolarment”. B’mod partikolari, l-użu ta’ dan l-avverbju fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ dritt ta’ aċċess tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 jixhed, fil-fehma tiegħi, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħżel definizzjoni estiża ta’ dan id-dritt.

    47.

    Konsegwentement, għalkemm il-kunċett ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, fid-dawl tal-punti 7 u 8 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003, ikopri kull persuna fiżika jew ġuridika li għandha d-dritt ta’ aċċess – fejn dan tal-aħħar huwa wkoll iddefinit b’mod wiesa’ fil-punt 10 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament – jidhirli li huwa ċar li kemm ir-responsabbiltà tal-ġenituri (bħala kunċett globali) kif ukoll id-dritt ta’ aċċess (bħala element minn dan il-kunċett globali) jistgħu jappartjenu lil kull persuna fiżika jew ġuridika għall-iskopijiet ta’ dan ir-regolament ( 32 ).

    48.

    Ċertament, jirriżulta mid-definizzjoni tal-kunċett tar-responsabbiltà tal-ġenituri li tinsab fil-punt 7 tal-imsemmi artikolu li d-dritt ta’ aċċess huwa biss element wieħed mir-responsabbiltà tal-ġenituri ( 33 ). B’mod partikolari, f’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-kawża prinċipali fejn ir-responsabbiltà tal-ġenituri hija, skont id-dritt nazzjonali, eżerċitata b’mod konġunt mill-ġenituri, huwa biss ġenitur wieħed (f’dan il-każ, il-missier) li għandu l-kustodja tat-tifel filwaqt li l-ġenitur l-ieħor (f’dan il-każ, l-omm) għandha normalment id-dritt ta’ aċċess. F’dan il-kuntest, jekk terza persuna titlob dritt ta’ aċċess, il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk, għall-iskopijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni, ir-Regolament Nru 2201/2003 ikoprix ukoll dritt ta’ aċċess separat minn dak li jkun ingħata mid-dritt nazzjonali lil wieħed mill-ġenituri (f’dan il-każ, l-omm) u jekk, konsegwentement, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jistax ukoll jintalab minn terza persuna, bħalma huma n-nanniet.

    49.

    Biex tingħata risposta lil din id-domanda, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-kliem u mill-istruttura tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 li r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jkopri l-ikbar numru ta’ modalitajiet li jippermettu lit-tifel li jżomm relazzjonijiet personali mhux biss mal-ġenituri tiegħu imma wkoll ma’ membri oħra tal-familja jew qraba ( 34 ). Fil-fehma tiegħi, ma hemm xejn fid-definizzjonijiet eżaminati u lanqas fil-kuntest tagħhom li jipprekludi fil-prinċipju li nanna tkun tista’ tipprevalixxi ruħha mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-regolament biex titlob dritt ta’ aċċess.

    50.

    Għandu jiġi vverifikat jekk din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-għan tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003.

    2. L-interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003

    51.

    L-interpretazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-għan tar-Regolament Nru 2201/2003 tikkonferma, hija wkoll, l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għad-dritt ta’ aċċess tan-nanniet.

    52.

    Infakkar, qabelxejn, li wieħed mill-għanijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa dak li jiffavorixxi r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Dan joħroġ mill-premessa 2 ta’ dan ir-regolament li tenfasizza li dan ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji huwa “bażi għall-ħolqien ta’ żona ġuridika ġenwina” ( 35 ). Għal din ir-raġuni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru “għandu jiġi bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-bażi għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandu jinżamm għall-minimu neċessarju” kif tipprovdi l-premessa 21 tar-Regolament Nru 2201/2003. Iktar minn hekk, jirriżulta mill-premessa 2 ta’ dan ir-regolament li d-dritt ta’ aċċess huwa prijorità għal-leġiżlatur tal-Unjoni.

    53.

    Fir-rigward, imbagħad, li tiggarantixxi l-ugwaljanza għall-minuri kollha, il-premessa 5 tar-Regolament Nru 2201/2003 tipprovdi li dan ir-regolament ikopri d-deċiżjonijiet kollha fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, inklużi l-miżuri ta’ protezzjoni għall-minuri, indipendentement minn xi konnessjoni ma’ xi proċedura matrimonjali ( 36 ). F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-eżami tal-punti 7, 8 u 10 tal-Artikolu 2, ir-Regolament Nru 2201/2003 jadotta kunċett estiż ta’ min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri li jinkludi mhux biss kull persuna fiżika li teżerċita r-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ tfal imma wkoll it-terzi persuni jew il-persuni ġuridiċi, bħalma huma l-awtoritajiet għall-protezzjoni tat-tfal.

    54.

    Fl-aħħar nett, infakkar li kif jirriżulta mill-punti 35 sa 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-regoli li joħorġu mir-Regolament Nru 2201/2003 fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, u b’mod partikolari r-regoli ta’ ġurisdizzjoni, għandhom jinftehmu – u konsegwentement għandhom jiġu interpretati – skont mhux l-interess tal-applikant imma l-aħjar interess tat-tfal, u b’mod partikolari skont il-kriterju tal-viċinanza ( 37 ). Għaldaqstant, l-interpretazzjoni teleoloġika tar-Regolament Nru 2201/2003 għandha ssir fid-dawl tas-supremazija tal-aħjar interess tat-tfal, bħala l-prinċipju prinċipali stabbilit kemm mill-premessi kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tagħha ( 38 ).

    55.

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, x’konklużjonijiet nistgħu naslu għalihom mill-eżami tal-għanijiet tar-Regolament Nru 2201/2003?

    56.

    Ir-risposta jidhirli li issa evidenti. Ċertament, ma jeżistux dispożizzjonijiet partikolari li japplikaw għas-sitwazzjoni, bħalma hija dik tal-kawża prinċipali, ta’ nanna li titlob id-dritt ta’ aċċess fir-rigward tan-neputi tagħha. Fil-fehma tiegħi ma hemmx lakuna legali. Fil-fatt, jirriżulta ċar mill-għanijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 li xejn ma jiġġustifika li d-dritt ta’ aċċess ikun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament meta l-applikant għad-dritt ta’ aċċess ikun persuna li ma hijiex il-ġenituri, li għandha rabtiet familjari fid-dritt jew fil-fatt mat-tifel, kif inhu l-każ hawnhekk. Barra minn hekk, l-għoti ta’ dritt ta’ aċċess lil persuna li ma hijiex waħda mill-ġenituri jista’ jidħol fuq id-drittijiet u dmirijiet ta’ dawn tal-aħħar (f’dan il-każ, għal dak li jikkonċerna d-dritt ta’ kustodja tal-missier u d-dritt ta’ aċċess tal-omm). Għaldaqstant, biex jiġu evitati miżuri kunflittwali u fl-aħjar interess tat-tifel jeħtieġ li l-istess qorti, dik tar-residenza abitwali tal-minuri, tiddeċiedi fuq id-drittijiet ta’ aċċess ( 39 ).

    57.

    Abbażi ta’ dawn l-ideat, jien naqbel mal-argument tal-Kummissjoni li, jekk it-talbiet għad-dritt ta’ aċċess ta’ persuni li ma humiex ġenituri għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, il-kompetenza ġudizzjarja għal dawn it-talbiet tiġi ddeterminata b’regoli nazzjonali mhux armonizzati. Ir-riskju ta’ espożizzjoni tat-tifel għal tilwima quddiem qorti li magħha ma għandux rabta mill-qrib u r-riskju ta’ proċeduri paralleli kif ukoll ta’ deċiżjonijiet inkonċiljabbli jiżdiedu, ħaġa li tmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 2201/2003, li huwa intiż li jistabbilixxi regoli ta’ ġurisdizzjoni uniformi li josservaw il-prinċipju ta’ viċinanza fil-proċeduri ġudizzjarji.

    58.

    Jirriżulta għaldaqstant mill-punti 43 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 fis-sens li dan ir-regolament jirrigwarda t-talba għal dritt ta’ aċċess minn-nannu/nanna, ma tmurx kontra l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest ta’ dan ir-regolament.

    59.

    Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, din l-interpretazzjoni hija kkonfortata mill-istorja tar-Regolament Nru 2201/2003.

    3. Il-qari storiku tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003

    60.

    Qabel ma nipproponi risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, jidhirli xieraq li jiġi eżaminat mhux biss il-kuntest storiku tar-Regolament Nru 2201/2003 imma wkoll il-leġiżlazzjoni preċedenti għal dan ir-regolament.

    a) Ix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 2201/2003

    61.

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tax-xogħol preparatorju, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punti 30 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1347/2000, it-test li ppreċeda r-Regolament Nru 2201/2003, kien limitat, fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri, għall-kwistjonijiet li jikkonċernaw lill-ġenituri biss. Din il-limitazzjoni kienet tapplika wkoll għall-proċeduri li jirrigwardaw id-dritt ta’ aċċess (dritt ta’ aċċess ta’ wieħed mill-ġenituri).

    62.

    Fis-sena 2000, fid-dawl tan-numru kbir ta’ kunflitti familjari li jikkonċernaw l-impossibbiltà ta’ wieħed mill-ġenituri li jeżegwixxi d-dritt ta’ aċċess fi Stat Membru ieħor, ir-Repubblika Franċiża kienet ippreżentat inizjattiva bil-għan li jiġi adottat regolament tal-Kunsill dwar l-eżekuzzjoni reċiproka tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw id-dritt ta’ aċċess tat-tfal ( 40 ). Meta eżamina din l-inizjattiva, il-Kunsill tal-Unjoni kien ikkonkluda li din setgħet tiġi segwita biss b’mod parallel max-xogħol dwar l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1347/2000. Dan kien jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament tat-tfal kollha, biex jieħu inkunsiderazzjoni r-realtajiet soċjali bħalma hija d-diversifikazzjoni tal-istrutturi familjari ( 41 ).

    63.

    Fis-sena 2001, waqt fażi ta’ żvilupp tal-proposta tal-Kummissjoni li tikkonċerna regolament li jirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġenituri, din l-istituzzjoni ppubblikat dokument ta’ xogħol li minnu kien jirriżulta, evidentement, li hija kienet intenzjonata tadotta tifsira tad-dritt ta’ aċċess ħafna iktar wiesgħa minn dik tar-Regolament Nru 1347/2000 ( 42 ). F’dan id-dokument ta’ xogħol, il-Kummissjoni indikat li “[f]ilwaqt li r-regolament [Nru 1347/2000] iħalli f’idejn id-dritt nazzjonali biex jirregola din il-kwistjoni, ġie propost li t-test ġdid imur iktar ’il bogħod għal dak li jikkonċerna l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess, billi jeżiġi pereżempju li kull ex membru tal-familja tat-tifel, kif inhu l-ex sieħeb/sieħba ta’ wieħed mill-ġenituri, ikollu dritt ta’ aċċess jew dritt li jitlob li jgawdi minn dan id-dritt” ( 43 ). Il-Kummissjoni ssostni wkoll fl-imsemmi dokument li ċerti Stati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti sostantivi li jirrigwardaw l-għażla tal-benefiċjarji tad-dritt ta’ aċċess bħala kundizzjonijiet li l-osservanza tagħhom tikkundizzjona r-rikonoxximent tad-deċiżjoni fl-Istati Membri l-oħra. Barra minn hekk, hija rrilevat fl-istess dokument li l-inklużjoni ta’ tali rekwiżiti joħloq periklu reali li wieħed itendi lejn ir-reviżjoni fil-mertu tad-deċiżjonijiet mill-Istat Membru mitlub, għad-detriment tal-għan stess tar-rikonoxximent reċiproku. Il-Kummissjoni kienet għaldaqstant waslet għall-konklużjoni li l-estensjoni tal-mekkaniżmu ta’ strument legali ġdid għad-deċiżjonijiet kollha fuq ir-responsabbiltà tal-ġenituri “ikun x’ikun il-kontenut tagħhom, il-minuri kkonċernati jew il-persuni li jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta’ kustodja jew id-dritt ta’ aċċess”, tippermetti li jkun issodisfatt aħjar il-mandat tal-Kunsill dwar dan l-istrument ġdid u li tiġi implementata l-ewwel fażi tal-programm ta’ miżuri fuq ir-rikonoxximent reċiproku li l-għan tiegħu kien li jitneħħa l-exequatur ( 44 ).

    64.

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li d-dokument ta’ xogħol jagħmel riferiment ukoll għall-abbozz ta’ Konvenzjoni Ewropea fuq ir-relazzjonijiet personali li jikkonċernaw lit-tfal ( 45 ). Hija tippreċiża li dan l-abbozz jirrikonoxxi d-dritt għat-tfal li jżommu relazzjonijiet personali mhux biss mal-ġenituri tagħhom imma wkoll ma’ persuni oħra li għandhom rabtiet ta’ familja magħhom, kif inhu l-każ tan-nanniet ( 46 ).

    65.

    Fil-fehma tiegħi, jirriżulta ċar mill-punti 61 sa 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet li x-xogħol preparatorju li jirrigwarda r-Regolament Nru 2201/2003 jikkonferma r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1347/2000, li kien limitat għall-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-ġenituri. Din ir-rieda hija kkorroborata mill-fatt li dawn ix-xogħlijiet kienu jikkontemplaw b’mod ċar id-deċiżjonijiet kollha li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri u, konsegwentement, id-dritt ta’ aċċess, indipendentement mill-persuni li jistgħu jeżerċitawh u mingħajr ma jkunu esklużi n-nanniet.

    b) Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996

    66.

    Għandu jiġi nnutat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 li jikkonċernaw il-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri għandhom ħafna mill-mudell tal-Konvenzjoni tal-Aja tad-19 ta’ Ottubru 1996 ( 47 ). Ir-Regolament Nru 2201/2003 huwa ispirat mill-prinċipji ta’ ġurisdizzjoni waħda ( 48 ), jiġifieri dik tal-awtoritajiet tal-Istat tar-residenza abitwali tat-tifel, stabbilita b’dik il-konvenzjoni ( 49 ).

    67.

    L-Artikolu 3 tal-Konvenzjon tal-Aja tal-1996 jiddefinixxi l-miżuri li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Dawn il-miżuri jinkludu b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri u dawk li jirrigwardaw id-dritt ta’ aċċess ( 50 ). Ir-Regolament Nru 2201/2003, fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tiegħu, jirriproduċi essenzjalment id-definizzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri li toħroġ mill-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 imma din id-definizzjoni ( 51 ), b’kuntrast mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ responsabbiltà tal-ġenituri tar-Regolament Nru 2201/2003, ma ssemmix espressament id-dritt ta’ aċċess. Dan is-silenzju jippermetti fil-prinċipju li jiġi kkunsidrat, fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni, li min għandu d-dritt ta’ aċċess ma huwiex bilfors min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri ( 52 ).

    68.

    Id-definizzjoni tad-dritt ta’ aċċess li tinsab fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 ġiet ifformulata, min-naħa tagħha, b’mod identiku għal dik li tinsab fil-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 ( 53 ). Madankollu, ir-rapport Lagarde ma jgħid xejn fuq il-kwistjoni dwar jekk it-talbiet għad-dritt ta’ aċċess imressqa minn persuni li ma humiex il-ġenituri, b’mod partikolari n-nanniet, jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996.

    69.

    L-istruzzjonijiet ulterjuri adottati mill-Istati Membri tal-konferenza tal-Aja tad-dritt internazzjonali privat jindikaw madankollu li l-importanza, għat-tfal, li jżommu relazzjonijiet personali ma’ persuni oħra li magħhom għandhom rabtiet ta’ familja hija rrikonoxxuta ħafna u jippreċiżaw li “[l]a l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u lanqas il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 ma jillimitaw id-drittijiet ta’ aċċess għal dawk eżistenti bejn ġenituri u ulied” ( 54 ).

    70.

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, u b’mod partikolari tas-supremazija tal-aħjar interess tal-minuri bħala prinċipju li jiggwida kull interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, jien konvint li dan ir-regolament japplika wkoll għal talba għad-dritt ta’ aċċess tan-nanniet.

    4. Strumenti internazzjonali oħra li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet personali mat-tfal

    71.

    L-interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt ta’ aċċess ma hijiex biss tar-Regolament Nru 2201/2003. Fil-fatt, strumenti internazzjonali oħra li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet personali ma’ tfal jadottaw kunċett wiesa’ tad-dritt ta’ aċċess.

    72.

    F’dan ir-rigward, ninnota, fl-ewwel lok, li l-konvenzjoni fuq ir-relazzjonijiet personali li jikkonċernaw lill-minuri tipprovdi, fl-Artikolu 5(1) li “[b]’riżerva għall-aqwa interess tal-minuri, ir-relazzjonijiet personali jistgħu jinħolqu bejn il-minuri u persuni li ma humiex il-ġenituri li miegħu għandhom rabtiet ta’ fmailja” ( 55 ). Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 2(d) ta’ din il-konvenzjoni jiddefinixxi r-“rabtiet ta’ familja” bħala “r-relazzjonijiet mill-qrib bħalma huma dawk eżistenti bejn minuri u n-nanniet tiegħu jew ħutu subien u bniet li jirriżultaw mid-dritt jew minn relazzjoni ta’ familja de facto”.

    73.

    F’dan ir-rigward, ir-rapport spjegattiv tal-imsemmija konvenzjoni jippreċiża, l-ewwel nett, li d-determinazzjoni tal-persuni, barra mill-ġenituri, li magħhom it-tifel jista’ jżomm relazzjonijiet personali, sakemm dan ma jkunx kontra l-aħjar interess tiegħu, huwa ta’ “importanza kbira” ( 56 ). Huwa jenfasizza, sussegwentement, li f’ċerti Stati Membri, il-leġiżlazzjonijiet kellhom tendenza li jwessgħu ċ-ċirku ta’ persuni li jingħatalhom jew li jistgħu jitolbu relazzjonijiet personali ma’ tfal. Huwa jfakkar li, filwaqt li “dawn il-liġijiet jagħtu lin-nanniet id-dritt li jżommu relazzjonijiet personali mal-minuri, hemm oħrajn li jagħtuhom biss id-dritt li jitolbu li jkollhom dawn ir-relazzjonijiet personali” ( 57 ). Fl-aħħar nett, dan ir-rapport jikkonstata li l-ġurisprudenza dwar il-KEDB irrikonoxxiet li l-protezzjoni tal-Artikolu 8 tal-KEDB testendi għaż-żamma ta’ relazzjonijiet personali bejn in-nanniet u n-neputijiet tagħhom ( 58 ).

    74.

    Għandu għaldaqstant jitfakkar, fit-tieni lok, li l-Artikolu 8 tal-KEDB jirrikonoxxi li “[k]ulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal-familja tiegħu”. Kif ġie indikat fil-punt preċedenti, il-Qorti EDB iddeċidiet li “r-rabtiet bejn in-nanniet u n-neputijiet jaqgħu taħt ir-rabtiet familjari fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni” ( 59 ). B’mod partikolari, f’kawża li tikkonċerna s-sospensjoni tar-responsabbiltà parentali tal-ġenituri, din il-qorti ddeċidiet li “ma huwiex ikkontestat li l-kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet bejn in-[nanna] u n-neputijiet tagħha huma koperti mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni”. Dik il-qorti fakkret ukoll li “l-ħajja tal-familja fis-sens tal-Artikolu 8 tinkludi talinqas ir-relazzjonijiet bejn qraba, li jistgħu ikollhom rwol konsiderevoli, pereżempju bejn nanniet u neputijiet. Ir-rispett tal-ħajja tal-familja hekk estiża jimplika, għall-Istat, l-obbligu li jaġixxi b’mod li jippermetti l-iżvilupp normali ta’ dawn ir-relazzjonijiet” ( 60 ).

    75.

    Fil-fehma tiegħi, jirriżulta ċar mill-punti 43 sa 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-analiżi testwali, teleoloġika, sistematika u storika tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 tikkorrobora l-idea li r-regola tal-ġurisdizzjoni fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament tapplika wkoll għal talba għall-eżerċizzju ta’ dritt ta’ aċċess ta’ persuni li ma humiex il-ġenituri, b’mod partikolari ta’ membri oħra tal-familja fid-dritt u fil-fatt.

    76.

    Għaldaqstant, nikkunsidra li għandha tingħata risposta għad-domanda preliminari li l-kunċett ta’ “dritt ta’ aċċess” imsemmi fl-Artikolu 1(2)(a) u fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li jestendi għad-dritt ta’ aċċess tan-nanniet fil-konfront tan-neputijiet tagħhom.

    C.  Bħala epilogu

    77.

    Kif għadni kif esponejt fil-punti preċedenti, jirriżulta mhux biss mill-kliem, mill-għanijiet u mill-istruttura imma wkoll mill-ġenesi tar-Regolament Nru 2201/2003 li dan ir-regolament jestendi għal talba li tikkonċerna d-dritt ta’ aċċess tan-nanniet.

    78.

    Jirriżulta wkoll mill-analiżi tiegħi li r-Regolament Nru 2201/2003 ma jeskludix mill-kunċett ta’ dritt ta’ aċċess persuni oħra li ma humiex il-ġenituri iżda li għandhom rabtiet ta’ familja fid-dritt jew fil-fatt mat-tfal (b’mod partikolari, aħwa bniet jew subien jew ex konjuġi jew ex sieħeb/sieħba ta’ ġenitur). Fil-fatt, fid-dawl tat-tibdil kostanti fis-soċjetà tagħna u tal-eżistenza ta’ forom ġodda ta’ strutturi familjari, il-possibbiltajiet, fir-rigward ta’ persuni kkonċernati mill-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, jistgħu jkunu numerużi ( 61 ). Il-każ tal-ex sieħeb/sieħba tal-ġenitur li għandu r-responsabbiltà paternali u, għaldaqstant, tal-ġenituri ta’ dan l-ex sieħeb/sieħba – ikkunsidrati mit-tifel bħala nanniet – jew ukoll il-każ ta’ zija jew ziju inkarigat, fl-assenza temporanja ta’ wieħed jew iż-żewġ ġenituri, li jieħdu ħsieb tat-tifel, huma biss ftit eżempji li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ eventwalment tkun iffaċċjata bihom fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament ( 62 ).

    79.

    Huwa minnu li r-Regolament Nru 2201/2003 jikkonċerna biss ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam, b’mod partikolari, tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Konswegwentement, f’dan l-istadju tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, il-kwistjoni dwar liema persuni ser jingħatalhom – jew ma jingħatalhomx – dritt ta’ aċċess taqa’ taħt id-dritt nazzjonali. Din hija r-raġuni għaliex huwa iktar importanti li jkun hemm regola dwar il-ġurisdizzjoni waħda u uniformi, jiġifieri dik tal-awtoritajiet tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tat-tifel, sabiex jiġi żgurat ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija fid-diversi Stati Membri.

    V. Konklużjoni

    80.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija):

    Il-kunċett ta’ “dritt ta’ aċċess”, ikkontemplat fl-Artikolu 1(2)(a) u fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li jestendi għad-dritt ta’ aċċess tan-nanniet fil-konfront tan-neputijiet tagħhom.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Regolament tal-Kunsill, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 6, p. 243).

    ( 3 ) Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li d-dritt Bulgaru jagħmel distinzjoni bejn il-“minuri” ta’ inqas minn 14-il sena (“maloletni”) u l-“minuri” bejn 14 u 18-il sena (“nepalnoletni”, litteralment “mhux maġġorenni”, li jgawdu minn kapaċità ta’ eżerċizzju tad-drittijiet limitata). Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li r-Regolament Nru 2201/2003 japplika għall-“minuri” kollha mingħajr distinzjoni u li ebda limitu ta’ età ma ġie stabbilit. Skont id-dottrina, “quddiem dan is-silenzju, u fl-assenza ta’ definizzjoni Komunitarja awtonoma tal-kunċett “ta’ minuri”, wieħed għandu jirreferi għad-drittijiet nazzjonali biex jiġi stabbilit sa liema età wieħed ikollu quddiemu minuri”, ara Corneloup, S., “Les règles de compétence relatives à la responsabilité parentale”, Le nouveau droit communautaire du divorce et de la responsabilité parentale, Atti tas-simpożju organizzat fis-7 u fit-8 ta’ April 2005 mis-Centre de droit de la famille de l’université Lyon III, Dalloz, 2005, p. 69 sa 84.

    ( 4 ) Att tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 1998 li jistabbilixxi, abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-konvenzjoni li tikkonċerna l-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam matrimonjali (ĠU 1998, C 221, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1998”). Rapport spjegattiv dwar il-konvenzjoni stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li tikkonċerna l-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam matrimonjali magħmul minn Alegría Borrás, professur tad-dritt internazzjonali privat fl-università ta’ Barcelona (ĠU 1998, C 221, p. 27, iktar ’il quddiem ir-“rapport Borrás”).

    ( 5 ) Ara, b’mod partikolari, von Hoffman, B. (ed), European Private International Law, Nijmegen, 1998, p. 13 sa 37; Kohler, Ch. “Interrogations sur les sources du droit international privé après le Traité d’Amsterdam”, Revue critique de droit international privé, 1999, Nru 1, p. 1.

    ( 6 ) Ara, b’mod partikolari, Struycken, A. V. M., “Les conséquences de l’intégration européenne sur le développement du droit international privé”, Recueil des cours, vol 232, 1992, p. 256 sa 383; Fallon, M., “Les conflits de lois et de juridictions dans un espace économique intégré. L’expérience de la Communauté européenne”, Recueil des cours, vol 253, 1995, p. 9 sa 290, u Borrás, A., “Le droit international privé communautaire: réalités, problèmes et perspectives d’avenir”, Recueil de cours, Vol 317, 2005, p. 313 sa 516.

    ( 7 ) Ara, f’dan is-sens, Borrás, A., op. cit., p. 333 sa 369. Ara wkoll, ir-rapport Borrás, p. 28: “L-integrazzjoni Ewropea kienet, oriġinarjament, proċess essenzjalment ekonomiku u l-istrumenti legali implementati kienu intiżi għaldaqstant li jservu din it-tip ta’ integrazzjoni. Madankollu, seħħ tibdil qawwi matul l-aħħar snin u, fil-preżent, l-integrazzjoni, barra mill-komponent ekonomiku tagħha, taffettwa progressivament u b’mod dejjem iktar qawwi l-ħajja taċ-ċittadini Ewropej”.

    ( 8 ) Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 2201/2003 tfakkar dan l-għan tal-Unjoni kif ġej: “il-Komunitajiet Ewropej iffissaw l-oġġettiv li joħolqu żona ta’ libertà, siġurtà u ġustizzja, li fiha l-moviment liberu talpersuni huwa assigurat”.

    ( 9 ) Fir-rigward tal-aċċess tat-tfal għall-ġustizzja, u b’mod partikolari d-dritt li jżommu kuntatt maż-żewġ ġenituri fil-kawżi transkonfinali, id-direttiva dwar l-aċċess għall-ġustizzja hija partikolarment importanti. Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f’tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma’ għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 6, p. 90).

    ( 10 ) Ara, f’dan is-sens, Borrás, A., op. cit., p. 369. Ara wkoll, Lagarde, P., “En guise de synthèse”, Quelle architecture pour un code européen de droit international privé, Fallon, M., Lagarde, P., u Poillot-Peruzzetto, S. (dir.), Peter Lang, 2011, p. 365 sa 388, p. 366: “[m]ill-aspett tad-dritt internazzjonali privat, dan ifisser li l-kodiċi kkontemplat ma għandux jibqa’ jkun limitat għal regoli li jiggarantixxu fil-qasam ekonomiku l-eżerċizzju tal-erba’ libertajiet kbar tat-trattat fundatur. Huwa għandu jiżgura liċ-ċitaddin Ewropew, mhux biss il-moviment liberu fl-Unjoni għall-bżonnijiet tal-attività ekonomika tiegħu, imma wkoll, meta huwa jiċċaqlaq fl-Unjoni, ikun x’ikun il-motiv ta’ dak iċ-ċaqliq, kull garanzija ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja”.

    ( 11 ) Din il-konvenzjoni ma daħlet qatt fis-seħħ minħabba li ġiet issostitwita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 1, p. 209) wara l-“komunitarizzazzjoni” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja ċivili magħmula miċ-ċaqliq tal-kapitolu rilevanti tat-tielet pilastru l-antik lejn l-ewwel pilastru (it-tielet parti, Titolu IV tat-Trattat KE) flimkien mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amesterdam fl-1 ta’ Mejju 1999.

    ( 12 ) B’effett mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 1347/2000, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ġie kkunsidrat bħala li huwa limitat ħafna. Fuq l-aspetti pożittivi u negattivi ta’ dan ir-regolament, ara, Borrás, A., “Le règlement no 1347/2000 sur la compétence, la reconnaissance et l’exécution des décisions en matière matrimoniale et en matière de responsabilité parentale des enfants communs”, Petites affiches, 2002, Nru 248, p. 12. Is-“suċċessjoni kaotika u armonizzata ta’ testi fl-uniku qasam tas-separazzjoni u tar-responsabbiltà tal-ġenituri” ssib spjegazzjoni, b’mod partikolari, fl-eżistenza ta’ diversità tat-tradizzjonijiet nazzjonali li huma iktar apparenti u iktar sensittivi minn dak tal-qasam patrimonjali, ara Ancel, B., u Muir Watt, H., “L’intérêt supérieur de l’enfant dans le concert des juridictions: le règlement Bruxelles II bis”, Revue critique de droit international privé, 2005, Nru 94 (4), p. 569 sa 586.

    ( 13 ) Fi kliem ieħor, ir-Regolament Nru 1347/2000 ma japplikax għal tfal illeġittimi fil-kriżi u lanqas għall-protezzjoni tat-tfal tal-koppja barra minn kriżi matrimonjali. Borrás, A.,, p. 12. Fuq ir-Regolament Nru 1347/2000, ara, b’mod partikolari, Gaudemet-Tallon, H., “Le règlement no 1347/2000 […]”, Journal de droit international, 2001, p. 381.

    ( 14 ) Għal ħarsa ġenerali tal-acquis tal-Unjoni f’dak li jikkonċerna d-drittijiet tat-tfal, ara l-Kummissjoni Ewropea, DG Justice, EU acquis and policy documents on the rights of the child, Diċembru 2015, p. 1 sa 83. Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Chavez-Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2016:659, punt 42).

    ( 15 ) Konvenzjoni konkluża fi New York fl-20 ta’ Novembru 1989. L-Artikolu 3(1) jipprovdi li “fid-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tfal, kemm jekk jittieħdu minn istituzzjonijiet pubbliċi jew privati tal-protezzjoni soċjali, qrati, awtoritajiet amministrattivi jew korpi leġiżlattivi, il-kunsiderazzjoni primarja għandha tkun l-aħjar interess tat-tfal”.

    ( 16 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 17 ) Il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal hija wkoll aspett importanti mill-politika esterna tal-Unjoni. Ara l-Artikolu 3(5) TUE.

    ( 18 ) L-Artikolu 24 tal-Karta jsemmi tliet prinċipji fundamentali tad-drittijiet tat-tfal: id-dritt li jesprimu l-opinjoni liberament, skont l-età tagħhom u skont il-maturità tagħhom [Artikolu 24(1)], id-dritt li jaraw li l-aħjar interess tagħhom jikkostitwixxi kunsiderazzjoni primarja fl-atti kollha li jikkonċernawhom [Artikolu 24(2)] u d-dritt li jżommu regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri tagħhom, ħlief jekk dan ikun kontra l-interessi tagħhom [Artikolu 24(3)].

    ( 19 ) Ara premessa 12 u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003.

    ( 20 ) Ara l-premessa 13 u l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003. Għandu jiġi rrilevat, ukoll, li tingħata attenzjoni partikolari minn dan ir-regolament lis-smigħ tat-tfal. Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 19, l-Artikolu 41(2)(ċ) u l-Artikolu 42(2)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003.

    ( 21 ) Fir-rigward tar-Regolament Nru 2201/2003, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2008, Rinau (C-195/08 PPU, EU:C:2008:406, punti 4851), u tat-2 ta’ April 2009, A (C-523/07, EU:C:2009:225, punti 6164). Ara wkoll, it-teħid ta’ pożizzjoni mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Rinau (C-195/08 PPU, EU:C:2008:377, punt 20). Ara wkoll is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C-165/14, EU:C:2016:675, punti 668185) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawżi Rendón Marín u CS (C-165/14 u C-304/14, EU:C:2016:75, punt 174).

    ( 22 ) Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem: il-“KEDB”).

    ( 23 ) Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tesponi, fil-punt 5.3 tad-deċiżjoni tar-rinviju, li “anki jekk din il-konklużjoni ma toħroġx direttament minn kliem ir-regolament […] hija tista’ tkun dedotta mill-istruttura ġenerali, mill-kontenut u mill-għan tar-regolament”.

    ( 24 ) Ara l-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 25 ) Fir-rigward tal-kunċett ta’ responsabbiltà tal-ġenituri fil-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1998, ir-rapport Borrás kien jindika li dan il-kunċett “għandu jkun ippreċiżat mid-dritt intern tal-Istat Membri li fih tiġi eżaminata l-kwistjoni tar-responsabbiltà”. Għaldaqstant, f’din il-konvenzjoni, id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri kienu ddefiniti mid-dritt nazzjonali.

    ( 26 ) B’kuntrast mal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1998, għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, kienet meħtieġa interpretazzjoni awtonoma tar-responsabbiltà tal-ġenituri, ħaġa li ġiet finalment ikkonfermata mid-definizzjoni ta’ dan il-kunċett li dan ir-regolament jipprovdi fil-punt 7 tal-Artikolu 2. Ara, f’dan is-sens, Pintens, W., f’Magnus, U., u Mankowski, P. (ed.), Brussels II bis Regulation, European Commentaries on Private International Law, Sellier European Law Publishers, 2016, punt 59 tal-Artikolu 1, u punt 19 tal-Artikolu 2.

    ( 27 ) Differenti hija l-kwistjoni tal-għażla ta’ min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri. Ir-Regolament Nru 2201/2003 ma jistabbilixxix liema persuna għandu jkollha r-responsabbiltà tal-ġenitur imma jirreferi għall-Istati Membri għal dak li jikkonċerna l-għażla ta’ min għandu, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kustodja u d-dritt ta’ aċċess. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB. (C-400/10 PPU, EU:C:2010:582, punti 40 sa 43).

    ( 28 ) Id-dritt ta’ kustodja huwa ddefinit fil-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 bħala “d-drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri”. Fuq dan il-kunċett, ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB., (C-400/10 PPU, EU:C:2010:582, punti 40 sa 43).

    ( 29 ) Ara, f’dan ir-rigward, Francq, S., “La responsabilité parentale en droit international privé. Entrée en vigueur du règlement Bruxelles II bis et du Code de droit international privé”, Revue trimestrielle de droit familial, 2005, Nru 3, p. 691 sa 711. Ara, wkoll, Pintens, W., loc. cit., Artikolu 2, punt 23. Dawn l-awturi jikkunsidraw barra minn hekk li nannu li għandu dritt ta’ aċċess li jikkonċerna lin-neputi tiegħu għandu wkoll ir-reponsabbiltà tal-ġenitur fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003. Madankollu, għandu jiġi nnutat li f’ċerti drittijiet nazzjonali huma biss il-ġenituri li għandhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri filwaqt li t-terzi persuni għandhom biss drittijiet limitati, anki jekk ingħatalhom dritt ta’ aċċess.

    ( 30 ) Fir-Regolament Nru 2201/2003, din id-definizzjoni hija biss limitata ratione temporis (“perijodu limitat”), u ebda limitazzjoni ratione personae ma tirriżulta minn din id-definizzjoni.

    ( 31 ) Din id-definizzjoni tippreċiża li persuni oħra barra mill-ġenituri jistgħu jkollhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Dan it-terminu jinkludi mhux biss il-persuni li akkwistaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri bħala konsegwenza tal-filjazzjoni, tat-tutela u tal-kurazija u l-istituzzjonijiet simili imma wkoll persuni li kisbu r-responsabbiltà tal-ġenituri bħala sieħba ta’ ġenitur li għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri. Ara Pintens, W., 2016, loc. cit., punt 22 tal-Artikolu 2.

    ( 32 ) F’dan ir-rigward, ara Pintens, W., op. cit., p. 88: “Since the Brussels II bis Regulation has a broader scope –third persons can be holders of parental responsibility – there is no reason to exclude rights of access from the scope of the Regulation when the holder is a third person”.

    ( 33 ) Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 34 ) Bħal kif inhu l-każ b’mod partikolari tas-sieħeb/sieħba ta’ ġenitur li għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri. Fil-fatt, tifel jista’ jkun stabbilixxa relazzjoni personali mill-qrib ħafna, u b’saħħitha u stabbli mas-sieħeb ta’ ommu jew sieħba ta’ missieru. Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 31.

    ( 35 ) Ara wkoll, il-premessa 23 tar-Regolament Nru 2201/2003; konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u tas-16 ta’ Ottubru 1999, punt 34, disponibbli fis-sit internet li ġej: http://www.europarl.europa.eu/summits/tam_fr.htm, u d-dokument tax-xogħol tal-Kummissjoni “Rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri”, COM(2001) 166 finali, p. 3.

    ( 36 ) Jekk ir-Regolament Nru 2201/2003 jestendi għad-deċiżjonijiet kollha fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, huwa għandu jinkludi d-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw id-dritt ta’ aċċess mhux biss tal-ġenituri imma wkoll ta’ terzi persuni, bħal “b’mod partikolari n-nanniet”. Ara, f’dan is-sens, Pintens, W., loc. cit., punt 70 tal-Artikolu 1.

    ( 37 ) Ara l-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003.

    ( 38 ) Ara l-punti 73 u 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 39 ) Dan japplika iktar u iktar li r-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet li jistabbilixxu l-liġi applikabbli għall-kwistjonijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri ma humiex armonizzati. Għaldaqstant, għalkemm il-qrati ta’ Stati Membri differenti jiddeċiedu fuq ir-responsabbiltà parentali ta’ diversi persuni (il-ġenituri u n-nanniet), huma japplikaw ir-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet nazzjonali. Issa, dawn ir-regoli jistgħu jkunu kkaratterizzati b’differenzi kbar. Id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw ir-responsabbiltà parentali eżerċitata minn diversi persuni jingħataw għaldaqstant minn qrati differenti u skont liġijiet sostanzjalment differenti, anki jekk dawn id-deċiżjonijiet jikkonċernaw, essenzjalment, tifel wieħed. Min-naħa l-oħra, l-adozzjoni ta’ approċċ wiesgħa tal-kunċetti li jistabbilixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 jippermetti ċerta armonizzazzjoni tad-deċiżjonijiet, tal-inqas għal dak li jikkonċerna l-liġijiet applikabbli, u jevita kumplikazzjonijiet li jirriżultaw mill-assenza ta’ regoli ta’ kunflitt armonizzati.

    ( 40 ) ĠU 2000, C 234, p. 7. Ara wkoll il-premessa 4 tar-Regolament Nru 2201/2003. Din l-inizjattiva tikkonċerna biss l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess minn wieħed mill-ġenituri.

    ( 41 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet u COM(2001) 166 finali, p. 1 u 2.

    ( 42 ) COM(2001) 166 finali, p. 1.

    ( 43 ) Ibid., p. 20.

    ( 44 ) Ibid., p. 5 u 20. Ara, wkoll, il-Kunsill (Ġustizzja, Affarijiet Interni u Protezzjoni Ċivili) tat-30 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru 2000, p. 4 u 5, “Programm ta’ miżuri fuq l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet f’materja ċivili u kummerċjali” (ĠU 2001, C 12, p. 1).

    ( 45 ) COM(2001) 166 finali, p. 15, nota ta’ qiegħ il-paġna 33. Fuq din il-konvenzjoni, ara l-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 46 ) Id-dokument ta’ xogħol tal-Kummissjoni jsemmi wkoll id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “rabtiet tal-familja” tal-imsemmi abbozz ta’ konvenzjoni. Ara COM(2001) 166 finali, p. 15, nota ta’ qiegħ il-paġna 33.

    ( 47 ) Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-infurzar u l-kooperazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri u l-miżuri għall-ћarsien tat-tfal (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-Aja tal-1996”), disponibbli fis-sit internet li ġej: https://www.hcch.net/fr/instruments/conventions/full-text/?cid=70.

    ( 48 ) Skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-paragrafu 1 tiegħu japplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 10 u 12.

    ( 49 ) Artikoli 8 et seq. Ara wkoll il-punti 6, 9 u 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fuq in-neċessità li tingħata interpretazzjoni uniformi għall-kunċetti identiċi tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 u tar-Regolament Nru 2201/2003, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża A (C-523/07, EU:C:2009:39, punti 24 sa 26).

    ( 50 ) L-Artikolu 3(a) u (b) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi li “[l]-miżuri previsti fl-ewwel artikolu jistgħu jirrigwardaw b’mod partikolari: l-attribuzzjoni, l-eżerċizzju u t-tneħħija totali jew parzjali tar-responsabbiltà tal-ġenituri, kif ukoll id-delegazzjoni ta’ din; […] id-dritt ta’ aċċess, li jinkludi d-dritt li l-minuri jittieħed għal perijodu limitat f’post differenti minn dak tar-residenza abitwali tiegħu”.

    ( 51 ) Skont l-Artikolu 1(2) ta’ din il-konvenzjoni, “[…] l-espressjoni ‘responsabbiltà tal-ġenituri’ tinkludi l-awtorità tal-ġenituri jew kull rapport ta’ awtorità simili ieħor li jiddetermina d-drittijiet, is-setgħat u l-obbligi tal-ġenituri, ta’ tutur jew rappreżentant legali ieħor fir-rigward tal-persuna jew tal-oġġetti tal-minuri”. Ara rapport spjegattiv ta’ Paul Lagarde fuq il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996, disponibbli fis-sit internet segwenti: https://assets.hcch.net/upload/expl34.pdf.

    ( 52 ) Skont ir-rapport ta’ Paul Lagarde, loc. cit., p. 542: “Id-definizzjoni [tar-responsabbiltà tal-ġenituri] hija wiesgħa. […] Din ir-responsabbiltà hija eżerċitata b’mod partikolari mill-ġenituri, imma hija tista’ tiġi eżerċitata in toto jew in parte minn terzi persuni, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, f’każ ta’ mewt, inkapaċità, inkompetenza jew indinjità tal-ġenituri, jew f’każ ta’ abbandun tal-minuri mill-ġenituri tiegħu”.

    ( 53 ) Fuq ir-relazzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996, ara l-Artikolu 61 ta’ dan ir-regolament.

    ( 54 ) Contacts transfrontières relatifs aux enfants. Principes généraux et Guide de bonnes pratiques, Conférence de La Haye de droit international privé, Family Law, 2008, p. 5, u nota ta’ qiegħ il-paġna 38. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li wieħed isib riferimenti għad-dritt ta’ aċċess tan-nanniet fl-eżempji 5B u 8A li jinsabu fil-Manuel pratique sur le fonctionnement de la Convention de La Haye de 1996 sur la protection des enfants, 2014, p. 64, 65 u 86, disponibbli fis-sit internet segwenti: https://www.hcch.net/fr/instruments/conventions/publications1/?dtid=3&cid=70.

    ( 55 ) Konvenzjoni fuq ir-relazzjonijiet personali li jikkonċernaw lill-minuri, Kunsill tal-Ewropa, Série des traités européens, Nru 192, Strasburgu, 15 ta’ Mejju 2003,. Din il-konvenzjoni ġiet irratifikata biss, għal dak li jirrigwarda l-Istati Membri, mir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ Kroazja, ir-Repubblika ta’ Malta u r-Rumanija. Madankollu, hija tibqa’ importanti inkwantu tikkodifika prinċipalment il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ‘’il quddiem il-“Qorti EDB”) li tinterpreta d-dritt għar-rispett tal-ħajja familjari stabbilit fl-Artikolu 8 tal-KEDB, li hija obbligatorja fl-Istati Membri kollha.

    ( 56 ) Rapport spjegattiv tal-Konvenzjoni fuq ir-relazzjonijiet personali li jikkonċernaw l-ulied, Conseil de l’Europe, Série de traités européens, Nru 192, Strasburgu, 15 ta’ Mejju 2003, punti 9 u 34. Dan ir-rapport isemmi wkoll il-Konvenzjoni Ewropea fuq ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-kustodja tat-tfal u r-ristabbiliment tal-kustodja tat-tfal, Kunsill tal-Ewropa, Lussemburgu, 20 ta’ Mejju 1980, Série des traités européens, Nru 105, Lussemburgu, 20 ta’ Mejju 1980 li tagħmel riferiment għall-“persuna” li tinvoka d-dritt ta’ aċċess.

    ( 57 ) Rapport spjegattiv tal-Konvenzjoni fuq ir-relazzjonijiet personali dwar it-tfal, punti 9 u 47. Fuq il-leġiżlazzjoni pparagunata fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, ara Granet, F., “L’exercice de l’autorité parentale dans les législations européennes”, La documentation française, 2002.

    ( 58 ) Rapport spjegattiv tal-Konvenzjoni fuq ir-relazzjonijiet personali dwar it-tfal”, op cit, punt 9.

    ( 59 ) F’kawża li tikkonċerna s-sospensjoni tad-dritt ta’ aċċess tan-nanniet minħabba proċeduri kriminali kontra binhom, missier il-minuri, ara Qorti EDB, l-20 ta’ Jannar 2015, Manuello u Nevi vs L-Italja, CE:ECHR:2015:0120JUD000010710 § 53, u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 60 ) Qorti EDB, 13 ta’ Lulju 2000, Scozzari u Giunta vs L-Italja,, CE:ECHR:2000:0713JUD003922198, § 221 kif ukoll Qorti EDB, 13 ta’ Ġunju 1979, Marckx vs Il-Belġju, CE:ECHR:1979:0613JUD000683374, § 45.

    ( 61 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 62 ) Ara l-punti 31, 32, 49, 64, 69 u 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    Top