EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0305

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fil-5 ta’ Lulju 2018.
FENS spol. s r.o. vs Slovenská republika – Úrad pre reguláciu sieťových odvetví.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Okresný súd Bratislava II.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Dazji doganali – Taxxi li għandhom effett ekwivalenti – Ħlas fuq it-trażmissjoni tal-elettriku prodott fit-territorju nazzjonali u intiż għall-esportazzjoni – Kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija.
Kawża C-305/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:536

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil-5 ta’ Lulju 2018 ( 1 )

Kawża C-305/17

FENS spol. s r.o.

vs

Slovenská republika – Úrad pre reguláciu sieťových odvetví

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresný súd Bratislava II (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava II, is-Slovakkja))

(Moviment liberu tal-merkanzija — Dazji doganali fuq l-esportazzjoni — Taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali — Taxxa interna — Ħlas għal servizzi ta’ netwerk għat-trażmissjoni tal-elettriku)

1. 

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jikkonċerna wieħed mill-pilastri tas-suq intern, il-moviment liberu tal-merkanzija. Id-domandi preliminari jirrigwardaw il-qofol tad-dimensjoni interna u esterna ta’ din il-libertà — l-unjoni doganali. L-interess partikolari ta’ din il-kawża huwa li jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li teżamina mill-ġdid iż-żewġ elementi klassiċi tas-suq intern, jiġifieri t-taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali u r-regoli dwar it-taxxi interni, fil-kuntest speċifiku tas-suq tal-elettriku.

Il-kuntest ġuridiku

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

2.

L-Artikolu 28(1) TFUE jipprovdi li “[l]-Unjoni tinkludi unjoni doganali li tkopri n-negozju kollu tal-merkanzija u tikkomprendi kemm l-abolizzjoni, bejn l-Istati Membri ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni u kull piż b’effett ekwivalenti, kif ukoll l-adozzjoni ta’ tariffa doganali komuni fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi.”

3.

L-Artikolu 30 TFUE jipprovdi li “[d]-Dazji tad-dwana fuq importazzjonijiet u esportazzjonijiet u piżijiet li jkollhom effett ekwivalenti għandhom ikunu pprojbiti bejn l-Istati Membri. Din il-projbizzjoni għandha tapplika wkoll għal dazji doganali ta’ natura fiskali.”

4.

Skont l-Artikolu 110 TFUE, “[e]bda Stat Membru ma għandu japplika, direttament jew indirettament, fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni, ta’ kull deskrizzjoni, ogħla minn dawk applikati direttament jew indirettament fuq prodotti simili nazzjonali.”

Id-Direttiva 2003/54

5.

Id-Direttiva 2003/54 stabbilixxiet regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku ( 2 ).

6.

Skont l-Artikolu 2(3), trażmissjoni tfisser “it-trasport ta’ l-elettriku fuq is-sistema ta’ vultaġġ qawwi ħafna u ta’ sistema interkonnessa ta’ vultaġġ għoli bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti finali jew lid-distributuri, iżda ma jkunx jinkludi l-provvista.”

7.

L-Artikolu 9(ċ) jipprovdi li kull operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni għandu jkun responsabbli “biex jiżgura sistema ta’ l-elettriku tajba, ta’ min jorbot fuqha u effiċjenti”. F’dan il-kuntest “[i]r-regoli adottati mill-operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni għall-ibbilanċjar tas-sistema ta’ l-elettriku għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, inklużi r-regoli biex l-utenti tas-sistema tan-netwerks tagħhom jiġu ċċarġjati għal skwilibrju ta’ l-enerġija.” ( 3 )

Id-Direttiva 2005/89

8.

Id-Direttiva 2005/89 tistabbilixxi miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku biex ikun żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern tal-elettriku u biex ikun żgurat livell adegwat ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni, bilanċ adegwat bejn il-provvista u d-domanda u livell xieraq ta’ interkonnessjoni bejn l-Istati Membri għall-iżvilupp tas-suq intern. Id-Direttiva tistabbilixxi wkoll qafas li fih l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu politiki trasparenti, stabbli u mhux diskriminatorji dwar is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ suq intern kompetittiv tal-elettriku ( 4 ).

9.

Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex iżommu bilanċ bejn id-domanda għall-elettriku u d-disponibbiltà tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni.

Id-dritt nazzjonali

10.

Skont l-Artikolu 12(9) tan-Nariadenie vlády Slovenskej republiky č. 317/2007 Z. z., ktorým sa ustanovujú pravidlá pre fungovanie trhu s elektrinou (id-Digriet tal-Gvern tar-Repubblika Slovakka Nru 317/2007 li jistabbilixxi regoli għall-funzjonament tas-suq tal-elettriku, iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar l-Elettriku”), kif kien fis-seħħ fiż-żmien rilevanti, meta l-elettriku kien jiġi esportat, l-esportatur kellu jagħmel ħlas għas-servizzi tan-netwerk, sakemm ma kienx iġib prova li l-elettriku esportat kien ikun ġie qabel importat f’dak li l-leġiżlazzjoni kienet issejjaħ “it-territorju speċifikat” ( 5 ).

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

11.

FENS spol. S.r.o., ir-rikorrenti attwali fil-kawża prinċipali, hija s-suċċessur fit-titolu f’dawn il-proċeduri tar-rikorrenti oriġinali, Korlea Invest a.s. (iktar ’il quddiem “Korlea”).

12.

Korlea kienet awtorizzata topera bħala fornitriċi fis-settur tal-elettriku Slovakk u l-attivitajiet tagħha kienu jinkludu x-xiri, il-kummerċjalizzazzjoni u l-esportazzjoni tal-elettriku. F’dan il-kuntest, Korlea kkonkludiet mas-Slovenské elektrárne a.s. (kumpannija Slovakka involuta fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku) kuntratt qafas għall-bejgħ u x-xiri tal-elettriku, b’effett mill-15 ta’ Awwissu 2006, kif ukoll diversi kuntratti individwali ta’ provvista. Fis-16 ta’ Jannar 2008, Korlea kkonkludiet ftehim ta’ trażmissjoni mas-Slovenská elektrizačná prenosová sústava a.s. (kumpannija Slovakka involuta fin-netwerk nazzjonali ta’ trażmissjoni tal-elettriku) għat-trażmissjoni tal-elettriku permezz ta’ linji ta’ interkonnessjoni u l-immaniġġar u l-għoti ta’ servizzi ta’ trażmissjoni. Il-ftehim ta’ trażmissjoni kien jipprovdi li Korlea kellha tħallas ammont bħala ħlas għall-għoti ta’ servizzi ta’ netwerk għall-esportazzjoni tal-elettriku, ikkalkolat skont l-Artikolu 12(9) tad-Digriet dwar l-Elettriku, sakemm hija ma kinitx tista’ turi li l-elettriku esportat kien l-ewwel ikun ġie importat fir-Repubblika Slovakka.

13.

Korlea ħallset EUR 6 815 853.415 lill-amministratur tan-netwerk ta’ trażmissjoni bħala ħlas għal servizzi ta’ netwerk għall-esportazzjoni tal-elettriku għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008. Dan l-ammont ġie kkalkolat fuq il-bażi ta’ deċiżjoni tat-4 ta’ Diċembru 2007 tal-Úrad pre reguláciu sieťových odvetví (l-Uffiċċju ta’ Regolamentazzjoni tal-Industriji tan-Netwerk tal-Enerġija, iktar ’il quddiem l-“ÚRSO”), il-konvenuta fil-kawża prinċipali flimkien mar-Repubblika Slovakka.

14.

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Ottubru 2008, Korlea talbet lill-amministratur tan-netwerk ta’ trażmissjoni u lill-awtorità kompetenti sabiex jissospendu l-ġbir tal-ħlas u jħallsuha lura l-ammonti diġà mħallsa. B’ittra tat-30 ta’ Ottubru 2008, l-amministratur tan-netwerk ta’ trażmissjoni ma laqax din it-talba.

15.

Korlea fetħet kawża għad-danni kontra l-ÚRSO. Hija sostniet li l-ħlas għall-għoti ta’ servizzi tan-netwerk kienet taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali. Il-ħlas kien jolqot esklużivament l-elettriku prodott fir-Repubblika Slovakka li kien jiġi esportat u mhux l-elettriku preċedentement importat fis-Slovakkja sabiex wara jiġi esportat mill-ġdid. L-ÚRSO sostna li l-ħlas inkwistjoni kien temporanju u li l-għan tiegħu kien li tkun iggarantita s-sigurtà operazzjonali, l-affidabbiltà u l-istabbiltà tan-netwerk tal-enerġija tar-Repubblika Slovakka.

16.

L-azzjoni ġiet miċħuda b’sentenza tal-4 ta’ Frar 2011. Korlea appellat quddiem il-Krajský súd (il-Qorti Reġjonali, is-Slovakkja), li annullat is-sentenza u bagħtet il-kawża quddiem l-Okresný súd Bratislava II (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava II, is-Slovakkja, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”).

17.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun aċċertata jekk l-Artikolu 12(9) tad-Digriet dwar l-Elettriku huwiex kompatibbli mal-Artikoli 28 u 30 TFUE. Għalhekk, hija ressqet talba għal deċiżjoni preliminari dwar id-domandi li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 30 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 12(9) [tad-Digriet dwar l-Elettriku,] li tintroduċi ħlas partikolari għall-esportaturi tal-elettriku mit-territorju tar-Repubblika Slovakka, mingħajr ma tiddistingwi jekk hijiex esportazzjoni tal-elettriku mit-territorju tar-Repubblika Slovakka lejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew lejn pajjiżi terzi, u dan jekk il-prodottur tal-elettriku ma jurix li l-elettriku esportat ġie importat fit-territorju tar-Repubblika Slovakka, jiġifieri li l-ħlas japplika esklużivament għall-elettriku prodott fir-Repubblika Slovakka u esportat mit-territorju tar-Repubblika Slovakka?

2)

Tariffa pekunjarja bħal dik stabbilita bid-dispożizzjoni tal-Artikolu 12(9) [tad-Digriet dwar l-Elettriku], jiġifieri taxxa applikata esklużivament għall-elettriku li jkun ġie prodott fir-Repubblika Slovakka u li jkun fl-istess ħin ġie esportat mit-territorju tar-Repubblika Slovakka, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni ta jekk hijiex esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew lejn L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali fis-sens tal-Artikolu 28(1) TFUE?

3)

Dispożizzjoni legali interna bħalma huwa l-Artikolu 12(9) [tad-Digriet dwar l-Elettriku] hija kompatibbli mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija fis-sens tal-Artikolu 28 TFUE?”

18.

Osservazzjonijiet bil-miktub tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn FENS, mill-Gvern Olandiż, mill-Gvern Slovakk u mill-Kummissjoni Ewropea. FENS u l-Kummissjoni għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta tad-19 ta’ April 2018.

Evalwazzjoni

Osservazzjonijiet preliminari

L-elettriku bħala “merkanzija”

19.

Biex prodott jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, il-prodott inkwistjoni għandu jkun fil-kategorija ta’ “merkanzija”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet “merkanzija” bħala “prodott li jista’ jiġi vvalutat fi flus u li jkun jista’, bħala tali, jifforma s-suġġett ta’ tranżazzjoni kummerċjali” ( 6 ).

20.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-elettriku, minkejja n-natura intanġibbli tiegħu, jirrappreżenta “merkanzija” fis-sens tat-TFUE ( 7 ). Isegwi li l-elettriku huwa suġġett għar-regoli stabbiliti fit-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u l-Unjoni Doganali.

21.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li ħlas li jkun impost mhux fuq prodott bħala tali iżda fuq attività neċessarja b’rabta ma’ prodott (bħal servizzi ta’ netwerk f’dan il-każ) jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija. Meta t-taxxa tkun ikkalkolata skont l-għadd ta’ kWh trażmessi u mhux fuq id-distanza li tulha l-elettriku jiġi trażmess jew skont kull kriterju ieħor marbut direttament ma’ trażmissjoni, huwa għandu jitqies bħala li jkun ġie impost fuq il-prodott innifsu ( 8 ).

Id-dritt applikabbli

22.

Il-fatt li qorti tar-rinviju tkun, f’livell formali, ifformulat it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari b’riferiment għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex din tal-aħħar tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha, sew jekk hija tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha sew jekk le. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li tislet mill-elementi kollha mogħtija mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-digriet tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima ( 9 ).

23.

F’din il-kawża, jidher mid-digriet tar-rinviju li bl-azzjoni fil-kawża prinċipali FENS essenzjalment qiegħda titlob kumpens għad-dannu li Korlea tallega li sofriet minħabba li għamlet ħlas sabiex tingħata servizzi tan-netwerk għall-esportazzjoni tal-elettriku. Il-qorti tar-rinviju tikkonċentra fuq il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-Digriet dwar l-Elettriku li introduċa dan il-ħlas mal-Artikoli 28 u 30 TFUE ( 10 ).

24.

Madankollu, fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jiġi eżaminat jekk jistgħux ikunu wkoll rilevanti dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju jew sekondarju, jiġifieri l-Artikolu 110 TFUE u d-Direttivi 2003/54 u 2005/89.

25.

F’dan ir-rigward, il-Gvern Olandiż jissottometti li l-ħlas inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(7) tad-Direttiva 2003/54, li jippermetti l-adozzjoni ta’ ħlasijiet għall-ibbilanċjar tas-sistema ta’ trażmissjoni. Skont dan il-gvern, il-kompatibbiltà tal-ħlas inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni għandha, għalhekk, tkun eżaminata b’riferiment għal dik id-direttiva iktar milli għad-dritt primarju tal-Unjoni.

26.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li meta kwistjoni kienet is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni, kull miżura nazzjonali relatata magħha kellha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux fid-dawl tad-dritt primarju ( 11 ). Fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet dan il-prinċipju fil-kuntest tal-Artikoli 34 sa 36 TFUE, li jindirizzaw restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni bejn l-Istati Membri ( 12 ). Minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li jekk is-sottomissjoni tal-Gvern Olandiż hija korretta jkun jeħtieġ li wieħed jikkonċentra fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/54 iktar milli fuq id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija.

27.

Madankollu, id-diffikultà immedjata hija li l-qorti tar-rinviju ma pprovdietx lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-informazzjoni meħtieġa dwar jekk il-miżuri li jimponu l-ħlas inkwistjoni jirrigwardawx dispożizzjoni partikolari tad-Direttiva 2003/54. Jekk dan huwa l-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza sabiex tinterpreta d-Direttiva 2003/54, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-armonizzazzjoni mwettqa minn din id-direttiva hijiex eżawrjenti u tipprekludi li jkun eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hijiex kompatibbli mal-Artikoli 28 u 30 TFUE.

28.

Fl-ambitu ta’ tali analiżi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-kuntest li fih kien adottat l-att legali ta’ armonizzazzjoni, in-natura tiegħu, l-għanijiet li jsegwi u l-kontenut tiegħu ( 13 ).

29.

Il-kisba ta’ suq intern tal-elettriku huwa proċess kontinwu. Id-Direttiva 2003/54, applikabbli fiż-żmien rilevanti, kienet it-tieni pass f’din id-direzzjoni, sa fejn hija ħassret l-ewwel att legali adottat f’dan il-qasam, jiġifieri d-Direttiva 96/92 ( 14 ). L-adozzjoni tad-Direttiva 2003/54 kienet intiża sabiex tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi kollha fis-suq ( 15 ). Madankollu, hija ma lestietx il-proċedura għall-kisba tas-suq intern fl-elettriku u tħassret permezz tad-Direttiva 2009/72 ( 16 ). Din id-direttiva għandha mbagħad tiġi wkoll issostitwita sabiex, kif tgħid il-Kummissjoni, “ir-regoli attwali tas-suq jiġu adattati għal realtajiet ġodda tas-suq, billi jippermettu li l-elettriku jgħaddi b’mod liberu fejn l-iktar ikun meħtieġ meta jkun l-iktar meħtieġ permezz ta’ indikazzjonijiet ta’ prezzijiet mingħajr distorsjoni”. ( 17 )

30.

Għalhekk, il-kuntest li fih kienet adottata d-Direttiva 2003/54 jimplika proċess kontinwu ta’ armonizzazzjoni li għadu qed jitlesta, iktar milli armonizzazzjoni eżawrjenti.

31.

Barra minn hekk, jidhirli li n-natura legali tad-direttivi (bħala strument ta’ armonizzazzjoni li, skont l-Artikolu 288 TFUE, iħalli għall-Istati Membri l-għażla tal-forma u l-metodi biex jinkiseb ir-riżultat meħtieġ) timmilita kontra l-konklużjoni li dawn id-direttivi huma intiżi sabiex jarmonizzaw is-suq tal-elettriku b’mod eżawrjenti ( 18 ). F’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2003/54, dan l-approċċ huwa msaħħaħ iktar bil-bażi legali tagħha, jiġifieri l-artikoli tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, flimkien ma’ dak li llum huwa l-Artikolu 114 TFUE dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet. Fis-seduta, il-Kummissjoni esprimiet ukoll il-fehma li l-armonizzazzjoni miġjuba minn din id-direttiva hija parzjali.

32.

Ngħaddi issa għall-għanijiet u għall-kontenut tad-Direttiva 2003/54: din il-miżura tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni u l-provvista tal-elettriku ( 19 ).

33.

Għalhekk, id-Direttiva 2003/54 tipprevedi li l-Istati Membri jaħtru amministraturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni li jkunu jistgħu jadottaw regoli li jkunu oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji sabiex jibbilanċjaw is-sistema tal-elettriku u jitolbu ħlas mingħand l-utenti tan-netwerk għal żbilanċ fl-enerġija. Għandhom ikunu stabbiliti regoli u tariffi sabiex dawn is-servizzi jingħataw b’mod mhux diskriminatorju u li jkunu jirriflettu l-ispejjeż u dawn għandhom jiġu ppubblikati ( 20 ). L-awtoritajiet regolatorji maħtura mill-Istati Membri jkunu responsabbli sabiex jiffissaw jew japprovaw, qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ, tal-inqas il-metodoloġiji użati sabiex ikunu kkalkolati jew stabbiliti tariffi ta’ trażmissjoni ( 21 ).

34.

Dwar l-għan tad-direttiva u l-kontenut tagħha, fil-fehma tiegħi dawn huma qrib dak li jista’ jitqies bħala armonizzazzjoni sħiħa. Madankollu, fir-rigward ta’ tariffi ta’ trażmissjoni, l-awtoritajiet kompetenti jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni. Għalhekk, ma jidhirlix li l-armonizzazzjoni miġjuba minn dawk id-dispożizzjonijiet kienet kompleta biżżejjed sabiex teskludi eżami dwar jekk leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex kompatibbli mal-Artikoli 28 u 30 TFUE.

35.

Il-ġurisprudenza tindika wkoll din id-direzzjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/54 flimkien ma’ dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ miżuri nazzjonali dwar id-distribuzzjoni bla ħlas ta’ elettriku ekoloġiku ( 22 ). Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx, f’dak il-kuntest, li l-armonizzazzjoni miġjuba bid-Direttiva 2003/54 kienet eżawrjenti ( 23 ).

36.

Għalhekk, nikkonkludi li l-armonizzazzjoni miġjuba bid-Direttiva 2003/54 ma kinitx tali li teskludi eżami dwar jekk leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju u, b’mod partikolari, mal-Artikoli 28 u 30 TFUE. L-importanza fundamentali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija tali li t-Trattat ipprova jevita kull falliment li seta’ jkun hemm fl-implimentazzjoni tagħhom billi ma ppermettiex li dawn jiġu evitati permezz ta’ miżuri doganali u fiskali ( 24 ).

37.

L-istess raġunament huwa, fil-fehma tiegħi, applikabbli għad-Direttiva 2005/89, li l-Gvern Slovakk invoka sabiex jiġġustifika l-ħlas inkwistjoni bħala li kien miżura adottata sabiex tħares is-sigurtà tal-provvista u l-investiment fl-infrastruttura.

38.

Id-Direttiva 2005/89 kienet adottata fl-istess kuntest bħal dak tad-Direttiva 2003/54 u hija tal-istess natura legali (ara l-punti 29 sa 31 iktar ’il fuq u l-premessi 1 u 3 tad-Direttiva 2005/89).

39.

Id-Direttiva 2005/89 għandha l-għan li tiżgura qafas stabbli għal suq tal-elettriku li verament jiffunzjona u jkun integrat, li joħloq l-inċentivi t-tajba għal parteċipanti fis-suq sabiex jiġu żgurati l-provvista u l-investiment ( 25 ). Għalhekk hija tistabbilixxi qafas li fih l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu politiki trasparenti, stabbli u mhux diskriminatorji dwar is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ suq intern kompetittiv tal-elettriku ( 26 ). L-Artikolu 5, invokat mill-Gvern Slovakk, jirreferi għall-adozzjoni ta’ “miżuri xierqa” mill-Istati Membri. Jidher li, f’dan il-kuntest, l-Istati Membri jżommu marġni ta’ diskrezzjoni u, għalhekk, din l-armonizzazzjoni ma hijiex kompleta.

40.

Għaldaqstant, u fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 35 u 36 iktar ’il fuq, nikkonkludi li l-armonizzazzjoni miġjuba bid-Direttiva 2005/89 ma kinitx tali li teskludi eżami dwar jekk leġiżlazzjoni tax-xorta inkwistjoni hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju u, b’mod partikolari, mal-Artikoli 28 u 30 TFUE.

Id-domandi preliminari

41.

Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jitqiesu flimkien, il-qorti tar-rinviju titlob sabiex jiġi stabbilit, essenzjalment, jekk ħlas bħal dak impost għall-għoti ta’ servizzi ta’ netwerk għall-esportazzjoni tal-elettriku introdott bl-Artikolu 12(9) tad-Digriet dwar l-Elettriku jikkostitwixxix taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali u, għalhekk, huwa pprojbit mid-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, u b’mod iktar preċiż mill-Artikoli 28 u 30 TFUE.

42.

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinġabar irrispettivament minn jekk l-elettriku jkunx esportat lejn Stati Membri oħra jew lejn pajjiżi terzi.

L-applikazzjoni tal-Artikoli 28 u 30 TFUE għal ħlasijiet fuq l-esportazzjoni lejn Stati terzi

43.

L-Artikolu 28(1) TFUE jistabbilixxi l-prinċipji fundamentali relatati mal-moviment liberu tal-merkanzija u mal-Unjoni Doganali, fid-dimensjoni interna u f’dik esterna tagħha. L-Artikolu 30 TFUE jirrigwarda l-aspetti interni tal-Unjoni Doganali: il-projbizzjoni, bejn l-Istati Membri, ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni u ta’ taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali ( 27 ).

44.

Il-fatti fil-kawża prinċipali jaqgħu kompletament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 28(1) u 30 TFUE? Il-ħlas inkwistjoni jista’ jkun kopert mill-Artikolu 30 sa fejn dan ikun jirrigwarda l-elettriku intiż għall-esportazzjoni lejn Stati Membri oħra. Fir-rigward tal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, it-TFUE ma għandux dispożizzjonijiet speċifiċi simili għal dawk li jipprojbixxu taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali fil-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk tali taxxi li għandhom effett ekwivalenti għalihom humiex ukoll ipprojbiti fil-kummerċ ma’ dawk il-pajjiżi.

45.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’riferiment għall-Artikolu 9 tat-Trattat KEE (illum l-Artikolu 28 TFUE) u għall-politika kummerċjali komuni, li kemm l-unità tat-territorju doganali tal-Unjoni kif ukoll l-uniformità tal-politika kummerċjali komuni jkunu serjament mhedda jekk l-Istati Membri kellhom ikunu awtorizzati li b’mod unilaterali jimponu taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali fuq l-importazzjoni minn pajjiżi terzi. ( 28 )

46.

Jidhirli li din il-konklużjoni loġikament tapplika wkoll għal taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali fuq l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

47.

Skont l-Artikolu 207 TFUE, il-politika kummerċjali komuni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi, partikolarment fir-rigward ta’, fost l-oħrajn, il-politika ta’ esportazzjoni. Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità jiddefinixxi dazji ta’ importazzjoni u esportazzjoni b’mod ugwali u identiku bħala li jinkludu kemm dazji doganali kif ukoll taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali li jitħallsu malli ssir l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ merkanzija ( 29 ). L-Artikolu 161(1) u (2) tal-Kodiċi jipprovdi li hija l-proċedura ta’ esportazzjoni li tippermetti merkanzija tal-Unjoni tħalli t-territorju doganali tal-Unjoni u li l-esportazzjoni timplika l-applikazzjoni ta’, fost l-oħrajn, dazji fuq l-esportazzjoni (fejn jixraq).

48.

Barra minn hekk, proprju fl-ewwel opinjoni tagħha mogħtija fuq il-bażi ta’ (dak li llum huwa) l-Artikolu 218(11) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset illi l-politika dwar l-esportazzjoni taqa’ fl-ambitu ta’ (dawk li qabel kienu) is-setgħat Komunitarji ( 30 ). Dan ir-raġunament huwa konsistenti mal-kostruzzjoni tal-Unjoni Doganali stabbilita mit-Trattat ta’ Ruma. It-Trattati jagħtu lill-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tagħha r-responsabbiltà li jiddefendu l-interessi kummerċjali tal-Unjoni esternament. Kieku l-Istati Membri setgħu jmexxu l-politiki kummerċjali tagħhom stess mad-dinja ta’ barra (u tabilħaqq isegwu l-interessi tagħhom stess f’dak il-kuntest) b’mod parallel mal-azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, dan kien b’mod ċar iġib miegħu r-riskju li din il-funzjoni essenzjali tiġi ppreġudikata ( 31 ). Illum, l-Artikolu 3(1)(a) u (e) TFUE espressament jikkonfermaw is-setgħat esklużivi tal-Unjoni Ewropea dwar l-Unjoni Doganali u l-politika kummerċjali komuni.

49.

Isegwi li l-Istati Membri ma jistgħux unilateralment jintroduċu taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazji fuq l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. Kieku l-ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellu jiġi kklassifikat bħala tali, dan ikun, għalhekk, ipprojbit irrispettivament minn jekk dan ikunx għall-esportazzjoni lejn Stati Membri jew lejn pajjiżi terzi ( 32 ).

Klassifikazzjoni bħala taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazji doganali

50.

It-Trattat kellu l-għan li jipprovdi kamp ta’ applikazzjoni u effett ġenerali għar-regola dwar l-eliminazzjoni ta’ dazji doganali u taxxi li għandhom effett ekwivalenti sabiex mhux biss jelimina n-natura protettiva tagħhom iżda wkoll sabiex jiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija. L-estensjoni tal-projbizzjoni ta’ dazji doganali għal taxxi li għandhom effett ekwivalenti hija maħsuba sabiex tissupplimenta l-projbizzjoni kontra ostakli għall-kummerċ maħluqa minn dawn id-dazji billi żżid l-effiċjenza tagħha. Il-kunċett ta’ “taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali” ma kienx iddefinit fil-liġi primarja iżda kien interpretat mill-ġurisprudenza sa mill-jiem bikrin tal-integrazzjoni Ewropea bħala li huwa: (i) ħlas pekunjarju, żgħir kemm hu żgħir, u tkun xi tkun l-indikazzjoni tiegħu u l-mod ta’ applikazzjoni; (ii) impost unilateralment fuq prodotti lokali jew barranin (iii) minħabba l-fatt li dawn jaqsmu fruntiera. Huwa irrilevanti jekk dan il-ħlas ikunx impost jew le għall-benefiċċju tal-Istat jew jekk ikunx diskriminatorju jew protettiv ( 33 ).

51.

F’dan il-każ, huwa t-tielet aspett tad-definizzjoni ta’ “ħlasijiet b’effett ekwivalenti għal dazji doganali” li jitlob kjarifika, jiġifieri li jkun hemm ħlas impost minħabba l-fatt li l-prodotti jkunu qasmu fruntiera.

52.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-ħlas inkwistjoni jinġabar biss l-elettriku prodott fis-Slovakkja u wara esportat. L-elettriku esportat li ma jkunx ġie prodott fis-Slovakkja ma jkunx suġġett għal dak il-ħlas. Il-qorti tar-rinviju ma tidentifika ebda ħlas ekwivalenti miġbur minn fuq l-elettriku prodott u kkonsmat fis-Slovakkja. Konsegwentement, li jkun stabbilit li l-ħlas jinġabar biss minn fuq l-elettriku esportat mis-Slovakkja u mhux minn fuq dak ikkonsmat fis-Slovakkja huwa biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li l-fatt taxxabbli huwa l-qsim ta’ fruntiera.

53.

Madankollu l-Gvern Slovakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ssottometta li d-Digriet dwar l-Elettriku jipprevedi ħlas identiku li jolqot l-elettriku kkonsmat fir-Repubblika Slovakka mill-konsumatur jew mill-klijent finali u (f’ċerti każijiet biss) mill-produttur tal-elettriku u mill-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni, irrispettivament mill-oriġini tal-elettriku (kemm jekk ikun prodott lokalment jew importat) ( 34 ).

54.

Jekk dan ikun il-każ ikun possibbli jitqies li l-fatt li jikkawża dan il-ħlas huwa l-fatt li tkun inqasmet fruntiera?

55.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dazju lokali għal ħlas b’mod sistematiku u skont l-istess kriterji fuq prodotti esportati u fuq prodotti li ma jiġux esportati ma jinqabadx mill-projbizzjoni ta’ ħlasijiet b’effett ekwivalenti għal dazji doganali ( 35 ). Il-kriterji rilevanti huma jekk f’termini ekonomiċi reali t-tranżazzjoni li tagħti lok għall-ħlas impost fuq iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti hijiex l-istess fir-rigward tal-istadju ta’ kummerċjalizzazzjoni, tal-kategoriji ta’ persuni li jġorru l-piż tal-ħlas, tal-metodu ta’ kalkolu tal-ħlas u tal-użu finali tiegħu ( 36 ).

56.

Huwa għall-qorti tar-rinviju li għandu jkollha l-informazzjoni meħtieġa sabiex tapplika dawk il-kriterji.

57.

Madankollu, mill-informazzjoni li kienet ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li l-ħlas ma huwiex applikabbli fil-mument li jikkorrispondi għall-istess stadju ta’ kummerċjalizzazzjoni, kemm għall-elettriku li jiġi kkonsmat fir-Repubblika Slovakka, kif ukoll għall-elettriku li jiġi esportat u l-piż tal-ħlas ma huwiex imqiegħed fuq l-istess kategorija ta’ persuni. Jidher mill-Artikolu 12 tad-Digriet dwar l-Elettriku, kif ġie ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Slovakk li, filwaqt li għall-elettriku kkonsmat fis-Slovakkja huwa l-konsumatur jew il-klijent finali li jagħmel il-ħlas ( 37 ), għall-elettriku li jiġi esportat huwa l-esportatur li jħallas. B’hekk, fl-ewwel każ il-ħlas isir għall-konsum tal-elettriku u, bħala prinċipju, wara li l-elettriku jkun għadda mill-istadji differenti mit-trażmissjoni għall-provvista u l-konsum. Għall-kuntrarju, fil-każ tal-elettriku li jiġi esportat, huwa l-esportatur li jkun suġġett għall-ħlas u l-elettriku la jkun ġie kkonsmat u lanqas ma jkun għadu ħalla n-netwerk tat-trażmissjoni.

58.

Minn dak il-lat, wieħed għandu jiddistingwi din il-kawża mill-kawża Nygård fejn il-Qorti sabet li dak li kien ta lok għal ħlas miġbur minn fuq ħnieżer imrobbija fid-Danimarka u mibjugħa għall-qatla fis-suq lokali, li kien isir mill-produttur meta l-ħnieżer kienu jiġu kkonsenjati għall-qatla, u ħlas miġbur minn fuq ħnieżer esportati ħajjin li kien isir mill-esportatur, irrispettivament minn jekk huwa kienx ukoll il-produttur, kienu l-istess, jiġifieri meta l-annimali jkunu ħallew dak li l-Qorti tal-Ġustizzja hemmhekk sejħet “il-produzzjoni nazzjonali primarja” ( 38 ). F’din il-kawża l-ħlas jinġabar minn fuq l-elettriku kkonsmat fis-Slovakkja meta jkun wasal għand il-konsumatur jew il-klijent finali, u fuq l-elettriku esportat qabel id-distribuzzjoni u qabel ma jkun disponibbli għall-konsum finali ( 39 ). Barra minn hekk, l-elettriku huwa prodott li jista’ jiġi kkonsmat ( 40 ). Meta ħlas jinġabar fuq l-elettriku meta jiġi kkonsmat dan ifisser li l-prodott ma jkunx għadu fis-suq. Għall-kuntrarju, l-elettriku esportat ikun għadu fis-suq u jista’ (u normalment ikun) is-suġġett ta’ iktar tranżazzjonijiet.

59.

Ngħaddi issa għall-metodu ta’ kalkolu tal-ammont li naturalment huwa kwistjoni ta’ dritt nazzjonali. Jidher mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-ħlas jiġi kkalkolat abbażi tal-MWh trażmessi. FENS issostni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-ammont tal-ħlas kien ogħla għall-elettriku esportat, iżda l-Gvern Slovakk jiċħad dan. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika din il-kwistjoni u tqis jekk kienx hemm raġuni oġġettiva għal xi divrenzjar.

60.

Barra minn hekk, jidher mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis tal-ħlas hija differenti għall-elettriku li jiġi kkonsmat fis-Slovakkja u għall-elettriku li jiġi esportat. Għalhekk, il-ħlas jinġabar fuq l-elettriku kollu kkonsmat fis-Slovakkja, kemm jekk ikun prodott lokalment kif ukoll jekk importat; iżda fil-każ tal-elettriku li jiġi esportat, il-ħlas jinġabar biss fuq l-elettriku li jiġi prodott lokalment. Barra minn hekk, filwaqt li l-ħlas impost fuq l-elettriku kkonsmat fis-Slovakkja jidher li huwa permanenti, il-ħlas għall-elettriku esportat kien temporanju, miġbur biss bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-31 ta’ Marzu 2009.

61.

Fir-rigward tal-użu finali tal-ħlas il-Gvern Slovakk jissottometti li dan jikkorrispondi għad-dħul tal-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni u jservi biex jiggarantixxi l-affidabbiltà tan-netwerk ta’ trażmissjoni. Il-Gvern Slovakk iqis li dawn is-servizzi huma ta’ ġid bl-istess mod għall-elettriku li jiġi kkonsmat lokalment u għall-elettriku li jiġi esportat. Madankollu, dan it-tip ta’ servizz jidher li huwa ta’ natura permanenti — ma jispjegax għaliex għandu jiġi impost ħlas temporanju. Barra minn hekk, għalkemm l-użu finali tal-ħlas huwa element li għandu jitqies sabiex jiġi speċifikat il-fatt taxxabbli, hija ġurisprudenza stabbilita li taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali huma pprojbiti irrispettivament mill-għan li għalih huma jkunu ġew introdotti u mill-iskop tad-dħul li jirriżulta minnhom ( 41 ).

62.

Jien għalhekk tal-fehma li l-fatt taxxabbli f’dan il-każ huwa l-fatt li l-elettriku jkun qasam il-fruntiera Slovakka. Il-ħlas inkwistjoni f’dan il-każ, miġbur fuq l-elettriku kollu kkonsmat fis-Slovakkja, kemm jekk ikun prodott lokalment kif ukoll jekk ikun importat, iżda fil-każ tal-elettriku li jiġi esportat, miġbur għall-perjodu ta’ żmien qasir u biss fuq l-elettriku li jiġi prodott lokalment, jikkostitwixxi taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali.

63.

Fir-rigward ta’ ġustifikazzjonijiet possibbli għall-ħlas fuq l-esportazzjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li l-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 30 TFUE hija ta’ natura ġenerali u assoluta ( 42 ). Dan it-Trattat ma jipprevedi ebda deroga u l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jsegwi miċ-ċarezza, miċ-ċertezza u mill-iskop illimitat ta’ (dawk li llum huma) l-Artikoli 28 u 30 TFUE li l-projbizzjoni ta’ dazji doganali tikkostitwixxi regola essenzjali u li kull eċċezzjoni għandha, għalhekk, tiġi stipulata b’mod ċar ( 43 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat testendi b’analoġija d-derogi għall-Artikoli 34 u 35 TFUE stabbiliti fl-Artikolu 36 TFUE għal dazji doganali u taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali, billi nnotat li eċċezzjonijiet għal regola fundamentali bħal din għandhom jiġu interpretati b’mod strett ( 44 ).

64.

Is-sottomissjonijiet tal-Gvern Slovakk li l-ħlas fuq l-esportazzjoni kien iġġustifikat minħabba li ġie impost skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/89 u biss bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-31 ta’ Marzu 2009 minħabba l-ħtieġa li tkun żgurata l-operazzjoni, l-istabbiltà u l-affidabbiltà tan-netwerk minħabba tnaqqis mistenni fil-produzzjoni għandhom, għalhekk, jiġu miċħuda ( 45 ). Barra minn hekk, il-miżuri kkontestati kellhom l-effett li jagħmlu l-esportazzjoni tal-elettriku ta’ piż ikbar, mingħajr ma neċessarjament kienu jiżguraw il-kisba tal-għan imsemmi mill-Gvern Slovakk ( 46 ).

65.

Il-Gvern Olandiż jissottometti li l-ħlas inkwistjoni jikkostitwixxi ħlas għal servizz, jiġifieri jiggarantixxi l-istabbiltà u l-affidabbiltà tan-netwerk tal-elettriku Slovakk u, għalhekk, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30 TFUE.

66.

Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li ħlas li jirrappreżenta ħlas għal servizz attwalment mogħti lil operatur ekonomiku, ta’ ammont li jkun proporzjonat għal dak is-servizz, ma jkunx jikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali ( 47 ). Madankollu, biex il-ħlas ma jkunx skont l-Artikolu 30 TFUE, is-servizz mogħti għandu jagħti benefiċċju speċifiku lill-esportatur individwali ( 48 ). Benefiċċju għall-interess pubbliku huwa ta’ natura wisq ġenerali u diffiċli jiġi evalwat sabiex jitqies li huwa l-korrispettiv għal benefiċċju speċifiku fil-fatt mogħti ( 49 ).

67.

Il-Gvern Slovakk ressaq dan l-aspett fil-qosor fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u ssottometta li l-ħlas jiggarantixxi l-affidabbiltà u l-funzjonament tan-netwerk ta’ trażmissjoni u jipprovdi servizzi li jiggarantixxu t-tħaddim ta’ siti ta’ produzzjoni. Il-Gvern Slovakk ma attendiex għas-seduta u ma tax iktar informazzjoni.

68.

Id-dokumentazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi evalwat jekk il-ħlas inkwistjoni huwiex ħlas għal servizzi li jagħtu benefiċċju speċifiku lill-esportatur individwali. Barra minn hekk, is-sottomissjoni ta’ FENS fis-seduta li l-ħlas kellu jkun suġġett għall-VAT, element li normalment seta’ jindika li l-ħlas kien jikkorrispondi għal ħlas għal servizz, ma hijiex biżżejjed sabiex wieħed jikkonkludi li dan il-ħlas kien jissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jikkostitwixxi ħlas għal servizz attwalment mogħti lil operatur ekonomiku li jaqa’ lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30 TFUE.

69.

Minn dan isegwi li, bla ħsara għall-verifika tal-elementi fattwali mill-qorti tar-rinviju, ħlas bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, impost fuq elettriku prodott lokalment minħabba l-fatt li dan jaqsam il-fruntiera nazzjonali, huwa taxxa b’effett ekwivalenti għal dazji doganali fuq l-esportazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30 TFUE, meta applikabbli għall-kummerċ bejn Stati Membri. Dan il-ħlas huwa bl-istess mod ipprojbit fir-rigward ta’ esportazzjoni lejn Stati terzi, minħabba li ħlasijiet bħal dawn jaqgħu fil-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikoli 3(1)(a) u (e), 28(1), 206 u 207 TFUE.

Klassifikazzjoni bħala taxxa interna diskriminatorja

70.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom kemm il-Gvern Olandiż kif ukoll dak Slovakk indirizzaw il-possibbiltà li l-ħlas inkwistjoni seta’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 110 TFUE. Il-Kummissjoni għamlet sottomissjonijiet simili fis-seduta. Madankollu jiena kkonkludejt li dan il-ħlas jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30 TFUE u hija ġurisprudenza stabbilita li ż-żewġ dispożizzjonijiet, li jikkomplementaw lil xulxin meta jsegwu l-għan li tkun ipprojbita kull miżura fiskali nazzjonali li tkun tista’ tiddiskrimina kontra prodotti li jiġu minn jew ikunu sejrin lejn Stati Membri oħra billi tirrestrinġi l-moviment liberu tagħhom ġewwa l-Unjoni Ewropea f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, ma jistgħux jiġu applikati flimkien ( 50 ). Il-possibbiltà li l-istess miżura tkun taqa’ taħt iż-żewġ kategoriji fl-istess ħin hija inkonsistenti mal-iskema ġenerali tat-Trattati ( 51 ).

71.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun ta’ fehma kuntrarja u ssib li l-ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30 TFUE, ikun meħtieġ li jiġi indirizzat l-Artikolu 110 TFUE. Ser nagħmel hekk fil-qosor.

72.

Ħlas jikkostitwixxi taxxa interna skont it-tifsira tal-Artikolu 110 TFUE, iktar milli taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali, jekk ikun relatat ma’ sistema ġenerali ta’ ħlasijiet interni applikata sistematikament għal kategoriji ta’ prodotti skont kriterji oġġettivi irrispettivament mill-oriġini jew mid-destinazzjoni tal-prodotti ( 52 ). Għalkemm l-Artikolu 110 TFUE jirreferi b’mod espliċitu biss għal oġġetti importati, hija ġurisprudenza stabbilita li prodotti esportati huma wkoll koperti b’din id-dispożizzjoni ( 53 ).

73.

Biex regoli fiskali li japplikaw internament fi Stat Membru jkunu pprojbiti mill-Artikolu 110 TFUE, dawn għandhom ikunu diskriminatorji jew protettivi ( 54 ). Din id-dispożizzjoni kienet interpretata b’mod wiesa’ u tkopri l-proċeduri kollha ta’ tassazzjoni li jdgħajfu t-trattament ugwali ta’ prodotti lokali u importati (jew esportati). Il-projbizzjoni stabbilita f’dan l-artikolu għandha, għalhekk, tapplika kull darba li ħlas ikun aktarx jiskoraġġixxi l-importazzjoni ta’ oġġetti li joriġinaw fi Stati Membri oħra għall-benefiċċju tal-produzzjoni lokali ( 55 ). Jiena tal-fehma li dawn il-prinċipji japplikaw b’analoġija ma’ ħlasijiet li x’aktarx jiskoraġġixxu l-esportazzjoni ta’ prodotti lokali lejn Stati Membri oħra għall-benefiċċju tal-konsum lokali.

74.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li taxxa interna applikabbli mingħajr distinzjoni“għandha, madankollu, titqies bħala li tikkostitwixxi ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista [mill-Artikolu 110 TFUE] jekk il-vantaġġi li jirriżultaw għall-prodotti nazzjonali intaxxati pproċessati u kkummerċjalizzati fis-suq nazzjonali mill-użu tad-dħul iġġenerat mill-ħlas ipaċu biss parzjalment il-piż li jġorru dawn il-prodotti u b’hekk jolqtu ħażin prodotti lokali esportati […] F’dan il-każ, il-ħlas miġbur minn fuq il-prodott esportat, li bħala prinċipju huwa legali, ikollu jiġi pprojbit sa fejn huwa jikkumpensa parzjalment il-ħlas fuq il-prodott ipproċessat jew imqiegħed fis-suq nazzjonali u jkollu jitnaqqas proporzjonalment […] Skont ġurisprudenza stabbilita hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi l-portata ta’ diskriminazzjoni kontra prodotti esportati […] Għal dan il-għan, hija għandha teżamina, matul perijodu ta’ riferiment, l-ekwivalenza finanzjarja tal-ammonti totali miġbura minn fuq prodotti mqiegħda fis-suq lokali b’rabta mal-ħlas inkwistjoni u mal-vantaġġi mogħtija esklużivament lil dawn il-prodotti” ( 56 ).

75.

Il-Gvern Slovakk jissottometti li l-ħlas għal servizzi ta’ netwerk għandhom jitqiesu bħala taxxa interna iżda dan bl-ebda mod ma huwa diskriminatorju minħabba li japplika bl-istess mod għall-elettriku esportat mis-Slovakkja u għall-elettriku kkonsmat fis-Slovakkja skont kriterji oġġettivi irrispettivament minn jekk il-prodott jaqsamx fruntiera.

76.

Abbażi tal-materjal li eżaminajt fil-punti 57 sa 61 iktar ’il fuq, inqis li l-ħlas inkwistjoni aktarx li jiskoraġġixxi l-esportazzjoni ta’ prodotti lokali għall-benefiċċju tal-konsum lokali tagħhom. Dwar il-vantaġġi li jistgħu jirriżultaw għall-elettriku kkonsmat fuq livell lokali jew għal dak esportat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha biss dikjarazzjoni ġenerali li l-arranġament jiggarantixxi l-affidabbiltà u l-funzjonament tan-netwerk ta’ trażmissjoni, tal-provvista ta’ servizzi u tat-tħaddim ta’ siti ta’ produzzjoni. Dan ma huwiex biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex jiġi evalwat jekk dawn il-vantaġġi jpaċux il-piż għal kategorija waħda tal-elettriku.

77.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-verifiki meħtieġa u tislet il-konklużjonijiet neċessarji, u huwa, għalhekk, quddiem dik il-qorti li l-partijiet fil-kawża prinċipali u l-intervenjenti għandhom jistabbilixxu l-fatti kif meħtieġ ( 57 ). Jekk ikun jidher, abbażi tal-prinċipji derivanti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ħlas inkwistjoni jkun b’xi mod diskriminatorju jew protettiv, huwa jkollu jitqies li jkun ipprojbit skont l-Artikolu 110 TFUE.

78.

Għalhekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ssib li l-ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30 TFUE, dak il-ħlas ikollu jiġi kklassifikat bħala taxxa interna pprojbita skont l-Artikolu 110 TFUE jekk u sa fejn jinstab li jkollu rabta ma’ sistema ġenerali ta’ ħlasijiet interni applikati sistematikament għall-elettriku kollu skont kriterji oġġettivi irrispettivament mill-oriġini jew mid-destinazzjoni tiegħu iżda li fin-natura tiegħu jkun diskriminatorju jew protettiv. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi l-fatti rilevanti u li tislet il-konklużjonijiet meħtieġa.

Konklużjoni

79.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari tal-Okresný súd Bratislava II (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava II, is-Slovakkja) kif ġej:

Bla ħsara għall-verifika tal-fatti mill-qorti tar-rinviju, ħlas bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinġabar minn fuq l-elettriku prodott lokalment minħabba l-fatt li huwa jaqsam il-fruntieri nazzjonali, jikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazji doganali fuq l-esportazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30 TFUE, meta dan il-ħlas ikun japplika għall-kummerċ bejn l-Istati Membri. Dan il-ħlas huwa pprojbit ukoll fir-rigward tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, minħabba li ħlasijiet bħal dawn jaqgħu fil-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikoli 3(1)(a) u (e), 28(1), 206 u 207 TFUE.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211). Din id-direttiva tħassret b’effett mit-3 ta’ Marzu 2011 bid-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (ĠU 2009 L 211, p. 55).

( 3 ) Artikolu 11(7).

( 4 ) Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista tal-elettriku u tal-investiment fl-infrastruttura (ĠU 2006 L 33, p. 22).

( 5 ) Jiġifieri t-territorju tar-Repubblika Slovakka li fih l-amministratur ta’ netwerk ta’ trażmissjoni jew ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni kien meħtieġ jiggarantixxi t-trażmissjoni jew id-distribuzzjoni tal-elettriku (Artikolu 2(a) taz-Zákon č. 251/2012 Z. z. o energetike a o zmene a doplnení niektorých zákonov (il-Liġi Nru 251/2012 dwar l-Enerġija, li kienet temenda u tissupplimenta ċerti liġijiet).

( 6 ) Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1968, Il-Kummissjoni vs L-Italja (7/68, EU:C:1968:51, p. 428).

( 7 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tas-27 ta’ April 1994, Almelo (C‑393/92, EU:C:1994:171, punt 28).

( 8 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413, punti 43 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 43).

( 10 ) Fiż-żmien rilevanti t-TFUE kien għadu ma daħalx fis-seħħ. Madankollu, minħabba li l-kontenut tad-dispożizzjonijiet rilevanti għadu ma nbidilx u għal faċilità ta’ riferiment, ser nirreferi għad-dispożizzjonijiet tat-TFUE minflok dawk tat-Trattat KE.

( 11 ) Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C-573/12, EU:C:2014:2037, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C-573/12, EU:C:2014:2037, punt 57 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C-322/01, EU:C:2003:664, punti 64 u 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler (C-324/99, EU:C:2001:682, punt 42).

( 14 ) Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3).

( 15 ) Opinjoni tal-Kummissjoni skont il-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE, dwar l-emendi tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE li temenda l-proposta tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE, 23 ta’ Lulju 2003, COM (2003) 429 finali.

( 16 ) Premessi 2 u 4 tad-Direttiva 2009/72.

( 17 ) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (tfassil mill-ġdid), 30 ta’ Novembru 2016, COM(2016) 864 finali, p. 4.

( 18 ) Madankollu, hawnhekk m’iniex nissuġġerixxi li l-armonizzazzjoni permezz ta’ direttiva qatt ma tista’ tkun tali li teskludi l-eżami dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva tkunx kompatibbli mad-dritt primarju. Dan ikun kuntrarju għall-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker u Lesage (C-37/92, EU:C:1993:836).

( 19 ) Artikolu 1.

( 20 ) Artikolu 11(7).

( 21 ) Artikolu 23(2).

( 22 ) Sentenza tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 119).

( 23 ) F’każ li kien jikkonċerna d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009 L 140, p. 16) li tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-istess mod iddeċidiet li dik id-direttiva ma introduċietx armonizzazzjoni ta’ tali natura li kienet tipprekludi eżami dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tista’ żżomm l-importazzjoni ta’ elettriku ekoloġiku minn Stati Membri oħra kinitx kompatibbli mal-Artikolu 34 TFUE. Ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C-573/12, EU:C:2014:2037, punti 56 sa 64).

( 24 ) Ara, dwar il-funzjoni fundamentali ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 1969, Il-Kummissjoni vs L-Italja (24/68, EU:C:1969:29, punti 4 u 5).

( 25 ) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u l-investiment fl-infrastruttura {SEC(2003) 1368}, 10 ta’ Diċembru 2003, COM(2003) 740 finali, p. 2.

( 26 ) Artikolu 1(2).

( 27 ) Il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li l-projbizzjonijiet stabbiliti b’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom effett dirett. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-17 ta’ Diċembru 1970, SACE (33/70, EU:C:1970:118, punt 10), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fi tmiem il-perjodu tranżitorju (l-1 ta’ Lulju 1968), il-projbizzjoni stabbilita mill-Artikoli 9 u 13 tat-Trattat KEE (illum l-Artikoli 28 u 30 TFUE) hija adatta, min-natura tagħha stess, sabiex tipproduċi effett dirett.

( 28 ) Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1995, Aprile (C-125/94, EU:C:1995:309, punt 34).

( 29 ) Artikolu 4(10) u (11) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 tal-20 ta’ Novembru 2006 li jadatta ċerti Regolamenti u deċiżjonijiet fl-oqsma tal-moviment liberu ta’ oġġetti, il-moviment liberu ta’ persuni, il-liġi dwar il-kumpanniji, il-politika dwar il-kompetizzjoni, l-agrikoltura (inkluż il-leġiżlazzjoni veterinarja u fitosanitarja), il-politika dwar it-trasport, it-tassazzjoni, l-istatistika, l-enerġija, l-ambjent, il-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, l-unjoni doganali, ir-relazzjonijiet esterni, il-politika estera u ta’ sigurtà komuni u istituzzjonijiet, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU 2006 L 363, p. 1). Dan ir-regolament tħassar bir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU 2008 L 145, p. 1), parzjalment applikabbli mill-24 ta’ Ġunju 2008. L-Artikolu 4(15) u (16) jiddefinixxi dazji ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni, kif ukoll il-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ esportazzjoni mit-territorju doganali, u ma kienx daħal fis-seħħ dak iż-żmien (Artikolu 188(1) u (2) ta’ dak ir-regolament). Dan ir-regolament wara tħassar mir-Regolament (KE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013 L 269, p. 1).

( 30 ) Opinjoni 1/75 (OECD Understanding on a Local Cost Standard) tal-11 ta’ Novembru 1975, EU:C:1975:145, p. 1362.

( 31 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Opinjoni 2/15 (EU-Singapore Free Trade Agreement), EU:C:2016:992, punt 96.

( 32 ) Hemm differenza hawn bejn id-dazji doganali u t-taxxi li għandhom effett ekwivalenti fuq prodotti li jiġu esportati lejn Stati Membri oħra u dawk fuq prodotti li jiġu esportati lejn pajjiżi terzi u b’hekk iħallu t-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea: dawk tal-ewwel huma suġġetti għal projbizzjoni assoluta li tapplika kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni (Artikolu 30 TFUE), filwaqt li dawk tat-tieni huma pprojbiti biss għall-Istati Membri minħabba li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.

( 33 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 1969, Brachfeld u Chougol Diamond (2/69 u 3/69, EU:C:1969:30, p. 222). Id-definizzjoni ta’ taxxi li għandhom effett ekwivalenti baqgħet ma nbidlitx minn dak iż-żmien ’l hawn. Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2018, Petrotel-Lukoil u Georgescu (C-76/17, EU:C:2018:139, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 34 ) Il-Gvern Slovakk jagħmel riferiment f’dan ir-rigward għall-Artikolu 12(2) sa (8) tad-Digriet dwar l-Elettriku. FENS ma tidhirx li tikkontesta dan il-punt.

( 35 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tat-23 ta’ April 2002, Nygård (C‑234/99, EU:C:2002:244, punt 28).

( 36 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tat-23 ta’ April 2002, Nygård (C-234/99, EU:C:2002:244, punti 29 sa 39).

( 37 ) F’każijiet speċifiċi, huwa l-amministratur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni jew il-produttur tal-elettriku li jagħmel il-ħlas inkwistjoni għall-elettriku li jikkonsma fil-bini tiegħu għal finijiet oħra li ma jinkludux dawk ta’ produzzjoni tal-elettriku.

( 38 ) Sentenza tat-23 ta’ April 2002, Nygård, C‑234/99 (EU:C:2002:244, punt 29).

( 39 ) Hawnhekk, għandu jingħad ukoll li l-argument ta’ FENS li l-elettriku esportat seta’ jkun suġġett għal ħlas doppju tal-ħlas għas-servizzi ta’ netwerk ta’ trażmissjoni kien ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet fejn id-dritt tal-Unjoni ma jkollu ebda dispożizzjoni li tipprojbixxi ħlas doppju ta’ tali ħlasijiet. Ara, dwar dan, is-sentenza tat-23 ta’ April 2002, Nygård, C‑234/99, EU:C:2002:244, punti 37 u 38.

( 40 ) Għalkemm jingħad li, skont il-liġi dwar il-konservazzjoni tal-enerġija, l-enerġija la tinħoloq u lanqas tinqered iżda biss tinbidel minn għamla għal oħra, l-enerġija elettrika, ladarba tinħela, ma tibqax iżjed fis-suq, tal-inqas għal finijiet ta’ taxxa.

( 41 ) Ara, dwar dan, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-173/05, EU:C:2007:362, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tad-9 ta’ Settembru 2004, Carbonati Apuani (C-72/03, EU:C:2004:506, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) Sentenza tal-21 ta’ Settembru 2000, Michaïlidis, C‑441/98 u C‑442/98 (EU:C:2000:479, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1962, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu u l-Belġju (2/62 u 3/62, EU:C:1962:45, p. 432).

( 44 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1968, Il-Kummissjioni vs L-Italja (7/68, EU:C:1968:51, p. 430).

( 45 ) Il-Gvern Slovakk ma jispjegax kif ħlas temporanju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ dik id-direttiva, li tippermetti l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ miżuri xierqa sabiex iżommu bilanċ bejn il-provvista u d-domanda għall-elettriku. Jirrepeti biss li l-ħlas jikkonċerna l-istabbiltà tas-sistema u s-sigurtà u l-affidabbiltà tal-provvista.

( 46 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1968, Il-Kummissjoni vs L-Italja (7/68, EU:C:1968:51, p. 430).

( 47 ) Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2004, Carbonati Apuani (C‑72/03, EU:C:2004:506, punt 31).

( 48 ) Sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (18/87, EU:C:1988:453, punt 7).

( 49 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 1969, Il-Kummissjoni vs L-Italja (24/68, EU:C:1969:29, punt 16).

( 50 ) Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 51 ) Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Orgacom (C-254/13, EU:C:2014:2251, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 52 ) Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, Koornstra, C‑517/04 (EU:C:2006:375, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 53 ) Sentenza tat-22 ta’ Mejju 2003, Freskot (C-355/00, EU:C:2003:298, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Sentenza tal-11 ta’ Marzu 1992, Compagnie commerciale de l’Ouest et (C‑78/90 sa C‑83/90, EU:C:1992:118, punt 24).

( 55 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten (C‑221/06, EU:C:2007:657, punt 40).

( 56 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tat-23 ta’ April 2002, Nygård (C-234/99, EU:C:2002:244, punti 42 u 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 57 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tat-23 ta’ April 2002, Nygård (C‑234/99, EU:C:2002:244, punt 47).

Top