EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0300

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fis-7 ta’ Ġunju 2018.
Hochtief AG vs Budapest Főváros Önkormányzata.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Kúria.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Proċeduri għal tressiq ta’ kawża – Direttiva 89/665/KE – Kawża għad-danni – Artikolu 2(6) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ azzjoni għad-danni għall-konstatazzjoni preliminari u finali tal-illegalità tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li allegatament ikkawża d-dannu allegat – Rikors għal annullament – Proċedura preċedenti quddiem Kumitat Arbitrali – Stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet mill-Kumitat Arbitrali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-produzzjoni ta’ motivi li ma jkunux tqajmu quddiem il-Kumitat Arbitrali – tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.
Kawża C-300/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:405

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fis-7 ta’ Ġunju 2018 ( 1 )

Kawża C-300/17

Hochtief AG

vs

Budapest Főváros Önkormányzata

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 89/665/KEE – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet – Proċeduri ta’ reviżjoni – Artikolu 2(6) – Kawża għad-danni – Konstatazzjoni preliminari obbligatorja tal-illegalità tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti – Esklużjoni tal-motivi mhux invokati quddiem kumitat arbitrali – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipji ta’ effettività u ekwivalenza”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet] ( 2 ), kif emendata permezz tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni ( 3 ).

2.

Hija saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn Hochtief AG u Budapest Főváros Önkormányzata (il-Gvern Lokali ta’ Budapest, l-Ungerija, iktar ’il quddiem, il-“BFÖ”) fil-kuntest ta’ kawża għad-danni minħabba ksur tar-regoli fil-qasam tal-kuntratt pubbliċi.

3.

Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) tistaqsi dwar l-effett li jista’ jkollha l-artikulazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali fuq id-dritt għal rimedju effettiv meta l-imsemmija regoli ma jippreżentawx neċessarjament diffikultajiet meta dawn jittieħdu separatament.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

4.

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2004/18/KE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam tal-appalti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi”.

5.

Skont l-Artikolu 2(1), (2), (6) u (9) tad-Direttiva 89/665:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li:

[…]

(b)

jitwarrbu jew jiġi żgurat it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluż it-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji fis-sejħa għall-offerti, fid-dokumenti tal-kuntratt jew fi kwalunkwe dokument ieħor relatat mal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt;

(c)

jingħataw danni lil persuni li jġarrbu ħsara minn xi ksur.

2.   Is-setgħat speċifikati fil-paragrafu 1 u l-Artikoli 2d u 2e jistgħu jingħataw lil korpi separati responsabbli minn aspetti differenti tal-proċedura ta’ reviżjoni.

[…]

6.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li fil-każ fejn jiġu mitluba danni minħabba li deċiżjoni kienet meħuda illegalment, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-ewwel titwarrab minn korp li jkollu s-setgħat neċessarji.

[…]

9.   Fejn il-korpi responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni ma jkunux ta’ natura ġudizzjarja, għandhom dejjem jingħataw raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, f’każ bħal dan, għandha ssir dispożizzjoni biex ikunu garantiti proċeduri li bihom kwalunkwe miżura kontra l-liġi allegatament meħuda mill-korp ta’ reviżjoni, jew kwalunkwe difett allegat fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu, jkunu jistgħu jiġu soġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja jew reviżjoni minn korp ieħor li jkun qorti jew tribunal fis-sens ta’ l-Artikolu [267 TFUE] tat-Trattat, u indipendenti kemm mill-awtorità kontraenti kif ukoll mill-korp ta’ reviżjoni.”

B.   Id-dritt Ungeriż

1. Il-Liġi Nru CXXIX tal-2003 dwar il-kuntratti pubbliċi

6.

Il-fatti kontenzjużi tal-kawża prinċipali seħħew fl-2005. Dakinhar kienu rregolati mill-közbeszerzésekről szóló 2003 évi CXXIX. törvény (il-Liġi Nru CXXIX tal-2003 dwar il-kuntratti pubbliċi) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi”).

7.

Skont l-Artikolu 108(3) tal-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, “[i]l-kandidat jista’ jbiddel it-talba għal parteċipazzjoni tiegħu sa mhux iktar tard mill-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-kandidaturi”.

8.

L-Artikolu 350 tal-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi jipprovdi:

“Il-possibbiltà li titressaq pretensjoni tad-dritt ċivili f’każ ta’ ksur tar-regoli li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi u l-għoti tal-kuntratti pubbliċi hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-ksur jiġi kkonstatat b’mod definittiv mill-kumitat arbitrali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew minn qorti – adita b’appell minn deċiżjoni tal-kumitat arbitrali”.

9.

Madankollu, skont l-Artikolu 351 ta’ din l-istess liġi:

“Jekk l-offerent jitlob mingħand l-awtorità kontraenti kumpens għall-ispejjeż li huwa sostna fil-kuntest tal-preparazzjoni tal-offerta u tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedura tal-għoti tal-kuntratt biss, sabiex jagħmel din it-talba għall-kumpens, huwa suffiċjenti li jipprova li

(a)

l-awtorità kontraenti kisret dispożizzjoni tar-regoli li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi,

(b)

huwa kellu ċans reali li jingħata l-kuntratt u

(ċ)

il-ksur kellu effett sfavorevoli fuq iċ-ċans tiegħu li jingħata l-kuntratt”.

2. Il-Liġi Nru III tal-1952 dwar il-proċedura ċivili

10.

L-Artikolu 339/A tal-Polgári perrendtartásról szóló 1952 évi III. törvény (il-Liġi Nru III tal-1952 dwar il-proċedura ċivili, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-proċedura ċivili”) jipprovdi:

“Ħlief f’każ ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva kuntrarja, qorti għandha tistħarreġ deċiżjoni amministrattiva abbażi tar-regoli legali fis-seħħ meta ttieħdet id-deċiżjoni u tal-elementi fattwali dakinhar eżistenti”.

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

11.

Fil-5 ta’ Frar 2005, il-BFÖ ppubblika sejħa għal parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet ta’ ammont li jaqbeż il-limitu previst mid-dritt tal-Unjoni, wara l-proċedura negozjata bil-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt. Fit-terminu mogħti kienu rċevuti ħames kandidaturi, li waħda minnhom kienet dik tal-konsorzju HOLI (iktar ’il quddiem il-“konsorzju”), immexxi minn Hochtief.

12.

Fid-19 ta’ Lulju 2005, il-BFÖ informa lill-konsorzju li l-kandidatura tiegħu kienet invalida minħabba inkompabbiltà u kienet ġiet miċħuda. Din id-deċiżjoni kienet immotivata mill-fatt li l-konsorzju kien innomina bħala kap tal-proġett espert li kien ipparteċipa fil-preparazzjoni tas-sejħa għal offerti f’isem l-awtorità kontraenti.

13.

Il-konsorzju kkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Közbeszerzési Döntőbizottság (il-Kumitat Arbitrali fil-qasam tal-Kuntratti Pubbliċi, l-Ungerija, iktar ’il quddiem il-“Kumitat Arbitrali”). Dan ċaħad ir-rikors permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Settembru 2005. Huwa qies li n-nominazzjoni tal-espert fit-talba ta’ parteċipazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala żball amministrattiv, kif argumentat Hochtief, peress li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmi espert kienet timplika emenda tat-talba ta’ parteċipazzjoni, eskluża mill-Artikolu 108(3) tal-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi. Huwa kkunsidra wkoll li l-awtorità kontraenti ma kinitx aġixxiet illegalment billi kompliet il-proċedura b’żewġ kandidati biss, peress li l-Artikolu 130(7) tal-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi jipprovdi li jekk ikun baqa’ numru xieraq ta’ kandidati li ppreżentaw talba ta’ parteċipazzjoni fin-numru jew fil-limitu massimu jew minimu stabbiliti, dawn tal-aħħar għandhom jiġu mistiedna jagħmlu offerta.

14.

Il-konsorzju kkontesta ġudizzjarjament din is-sentenza tal-Kumitat Arbitrali. Permezz tas-sentenza tat-28 ta’ April 2006, il-Fővárosi Bíróság (il-Qorti ta’ Budapest, l-Ungerija) ċaħdet ir-rikors tiegħu. Adita b’appell minn din is-sentenza, il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tressaq talba għal deċiżjoni preliminari li tat lok għas-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Hochtief u Linde-Kca-Dresden (C-138/08, EU:C:2009:627).

15.

Wara din is-sentenza, il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest) ikkonfermat is-sentenza tat-28 ta’ April 2006 permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Jannar 2010.

16.

Quddiem din il-qorti, ir-rikorrenti b’mod partikolari kienet argumentat, abbażi tas-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom (C-21/03 u C‑34/03EU:C:2005:127), li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-fatti tal-kawża jew li tipprova li l-parteċipazzjoni tal-espert ma setgħetx tippreġudika kompetizzjoni ġusta u trasparenti.

17.

Għalhekk, din is-sentenza, preċedenti għad-deċiżjoni tal-BFÖ, kienet teżisti meta Hochtief ippreżentat ir-rikors tagħha quddiem il-Kumitat Arbitrali. Madankollu, hija saret “disponibbli” fil-verżjoni tal-lingwa Ungeriża wara dik id-data biss ( 4 ). Fis-sentenza tagħha, il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest), indikat madankollu li ma hijiex ser teżamina dan l-ilment peress li ma kienx inkluż fir-rikors tal-ewwel istanza. Skont il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni dwar jekk billi kkonkludiet inkompatibbiltà, l-awtorità kontraenti wettqitx ksur billi ma tatx lill-parti rikorrenti fil-kawża prinċipali l-possibbiltà li tiddefendi ruħha ma hijiex inkluża fir-rikors. Hija żżid li kien fl-istadju tal-appell li l-imsemmija parti argumentat, għall-ewwel darba, li l-projbizzjoni fil-konfront tagħha kienet tikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata tad-dritt tagħha li tippreżenta kandidatura u offerta, għall-kuntrarju tal-Artikolu 220 KE, tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/37/KEE ( 5 ) u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

18.

Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Frar 2011, il-Legfelsőbb Bíróság (isem preċedenti tal-Kúria (il-Qorti Suprema)) ikkonfermat is-sentenza tal-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest) tal-20 ta’ Jannar 2010.

19.

B’mod parallel għal dawn il-proċeduri, id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mill-politika reġjonali wettaq, matul is-sena 2008, awditjar dwar il-proċedura tal-għoti tal-kuntratt kontenzjuż. Huwa kkonkluda li l-awtorità kontraenti kienet kisret ir-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, minn naħa, billi ppubblikat avviż ta’ proċedura negozjata, u min-naħa l-oħra, billi eskludiet wieħed mill-kandidati matul il-proċedura ta’ preselezzjoni mingħajr ma tagħtu l-possibbiltà, b’konformità mas-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom (C-21/03 u C-34/03, EU:C:2005:127), li jipproduċi prova kuntrarja, jiġifieri li jistabbilixxi li l-parteċipazzjoni tal-espert nominat bħala kap tal-proġett ma kinitx ser toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

20.

Fil-11 ta’ Awwissu 2011, abbażi tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, Hochtief bdiet proċedura ta’ reviżjoni kontra s-sentenza tal-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest). Permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Ġunju 2013, il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) adottat digriet ta’ ċaħda tar-rikors għal reviżjoni, ikkonfermat permezz ta’ digriet tal-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), bħala qorti tal-aħħar istanza.

21.

Abbażi tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, Hochtief ippreżentat rikors ġdid intiż għall-kundanna tal-awtorità kontraenti għal kumpens korrispondenti għall-ispejjeż li hija sostniet fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku.

22.

Peress li dan ir-rikors ġie miċħud fl-ewwel istanza u fl-appell, Hochtief ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, billi invokat, b’mod partikolari, il-ksur tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665.

23.

Il-qorti tar-rinviju, tesponi essenzjalment, li mid-Direttiva 89/665 jirriżulta li l-eżerċizzju ta’ azzjonijiet għad-danni jista’ jkun suġġett għall-annullament preliminari tad-deċiżjoni kkontestata minn awtorità amministrattiva jew minn qorti (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, MedEval, C-166/14, EU:C:2015:779, punt 35), b’tali mod li, bħala prinċipju, l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva donnu ma jipprekludix dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali bħall-Artikolu 350 tal-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi u tal-Liġi dwar il-proċedura ċivili, jista’ jkollha l-effett li tostakola l-possibbiltà li kandidat eskluż fi proċedura negozjata ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiftaħ kawża għad-danni peress li ma jistax jinvoka deċiżjoni li tikkonstata b’mod definittiv ksur tar-regoli tal-kuntratti pubbliċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jiġi ġġustifikat jew li tiġi stabbilita l-possibbiltà li tiġi prodotta l-prova ta’ tali ksur permezz ta’ mezzi oħra, jew li tiġi skartata r-regola nazzjonali fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, jew anki li din tiġi interpretata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

24.

Għalhekk, il-Kúria (il-Qorti Suprema), iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tressaq lill-Qorti Ġenerali talba għal deċiżjoni preliminari.

IV. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2017, li waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Mejju 2017, il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) iddeċidiet għalhekk li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dritt tal-Unjoni jipprekudi dispożizzjoni proċedurali ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-preżentata ta’ kull talba ċivili bbażata fuq ksur ta’ regola fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għall-kundizzjoni li kumitat arbitrali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew qorti – adita b’appell mid-deċiżjoni tal-kumitat arbitrali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi – j/tiddikjara b’mod definittiv li kien hemm ksur ta’ din ir-regola?

2)

Dispożizzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi, bħala kundizzjoni preliminari għall-preżentata ta’ talba għad-danni, li kumitat arbitrali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew qorti – adita b’appell mid-deċiżjoni tal-kumitat arbitrali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi – j/tiddikjara b’mod definittiv li kien hemm ksur ta’ din ir-regola, tista’ tiġi ssostitwita b’dispożizzjoni oħra li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni. Jiġifieri, teżisti l-possibbiltà li persuna ppreġudikata tipprova l-ksur tar-regola b’mezzi oħra?

3)

Fil-kuntest ta’ kawża għad-danni, hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, għall-prinċipji ta’ effettività u ta’ ugwaljanza, jew tista’ tippreġudika tali dritt jew tali prinċipji, dispożizzjoni proċedurali ta’ Stat Membru li tipprovdi għall-kontestazzjoni legali ta’ deċiżjoni amministrativa esklużivament abbażi tal-motivi invokati fil-proċedimenti quddiem il-kumitat arbitrali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, anki meta l-persuna ppreġudikata, insostenn tal-imsemmi ksur tar-regola, tkun tista’ tinvoka biss l-illeġittimità tad-deċiżjoni tiegħu tal-esklużjoni tagħha abbażi tal-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interess, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tali li twassal għall-esklużjoni tagħha mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt pubbliku għal raġuni oħra, prevista mill-istess dispożizzjoni proċedurali nnegozjata, jiġifieri t-tibdil tal-applikazzjoni tagħha”.

26.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Ungeriż, dak Grieg, dak Awstrijak u dak Pollakk, kif ukoll mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni esprimew ruħhom waqt is-seduta li nżammet fit-30 ta’ April 2018.

V. Analiżi

A.   Rimarki metodoloġiċi preliminari

27.

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria (il-Qorti Suprema) fil-kawża prinċipali tqajjem żewġ problemi preliminari ta’ metodoloġija: minn naħa, il-mod li bih għandhom jiġu indirizzati d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, u min-naħa l-oħra, ir-regola li fid-dawl tagħha għandhom jiġu eżaminati l-problemi.

1. Fuq il-mod li bih għandhom jinftiehmu d-domandi preliminari

28.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi tliet domandi distinti. Madankollu, malajr jidher li l-eżami individwali ta’ kull waħda minn dawn id-domandi ma jqajjimx neċessarjament diffikultajiet fir-rigward tad-dritt għal rimedju effettiv. Mill-banda l-oħra, l-artikulazzjoni tar-regoli proċedurali inkwistjoni tqajjem iktar mistoqsijiet.

29.

Għalhekk, jidhirli li huwa opportun, u anki neċessarju, li t-tliet domandi magħmula jiġu trattati flimkien anki jekk huwa possibbli, li fl-aħħar, jingħataw risposti distinti.

30.

Qabelxejn, nippreċiża wkoll li l-preċiżazzjoni magħmula fit-tieni parti tat-tielet domanda preliminari ma jidhirlix li hija rilevanti. Fil-fatt, il-fatt li l-parti leża tista’ tallega biss motiv ibbażat fuq illegalità li fi kwalunkwe każ tipprovoka l-esklużjoni tagħha mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt, ma għandux effett fuq ir-raġunament legali li għandu jwassal għar-risposta għal din it-tielet domanda. L-effett ta’ motiv ta’ esklużjoni fuq is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali hija kwistjoni li tista’ tintervjeni biss iktar tard u li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwarha ( 6 ). Għalhekk m’iniex ser nikkunsidraha.

31.

Għalhekk l-analiżi tiegħi ser issir fi tliet stadji. Qabelxejn, ser neżamina l-kwistjoni dwar jekk huwiex permess li proċedura għad-danni tkun issuġġettata għall-annullament preliminari tad-deċiżjoni allegatament illegali (u għalhekk, a fortiori, għall-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha). Imbagħad, ser nindirizza l-problema tal-limitazzjoni tal-istħarriġ tal-legalità fil-kuntest legali u fattwali stabbilit mir-rikorrenti fir-rikors promotur tagħha. Finalment, ser nanalizza l-konsegwenzi fir-rigward ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-importazzjoni ta’ dawn iż-żewġ limitazzjonijiet proċedurali tar-rikors għal annullament fir-rikors għad-danni.

2. Fuq ir-regola tal-istħarriġ

32.

Huwa neċessarju wkoll li tiġi ddeterminata r-regola li fid-dawl tagħha għandhom jiġu eżaminati l-problemi. Fit-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività li tradizzjonalment jistabbilixxu l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. Madankollu, hija tibbaża l-motivazzjoni tar-rinviju preliminari tagħha fuq l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) li jistabbilixxi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea d-dritt għal rimedju effettiv u aċċess għal qorti imparzjali ( 7 ).

33.

Jidhirli li dan l-aħħar approċċ għandu jiġi pprivileġġat. Fil-fatt, jibqa’ stabbilit, minn naħa, li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri bl-Artikolu 19(1) TUE li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jikkorrispondi għall-Artikolu 47 tal-Karta ( 8 ), u min-naħa l-oħra, li jsegwi li meta l-Istati Membri jistabbilixxu l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija minn regola tal-Unjoni bħad-Direttiva 89/665, huma għandhom jiżguraw l-osservanza tad-dritt għal rimedju effettiv u ta’ aċċess għal qorti imparzjali, stabbilit mill-Artikolu 47 tal-Karta. Il-karatteristiċi ta’ rimedju bħal dak previst fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 għandhom għalhekk jiġu ddeterminanti b’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta ( 9 ).

34.

Barra minn hekk, dan l-approċċ huwa dak li diġà kien segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 89/665, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, diversi drabi, li l-Artikolu 1 tagħha għandu “neċessarjament jiġi interpretat fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li huma inklużi [fil-]karta, b’mod partikolari, id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, previst fl-Artikolu 47 tagħha” ( 10 ). B’mod konkret dan ifisser li, meta l-Istati Membri jistabbilixxu l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 89/665 lill-kandidati u lill-offerenti leżi mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti, huma għandhom jiżguraw l-osservanza tad-dritt għal rimedju effettiv u ta’ aċċess għal qorti imparzjali, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta ( 11 ).

35.

Huwa għalhekk fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta li ser neżamina d-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

B.   Fuq il-possibbiltà li proċedura għad-danni tiġi ssuġġettata għall-annullament preliminari tad-deċiżjoni allegatament illegali

36.

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jimponi fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE ( 12 ) jew tad-Direttiva 2014/23 ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rimedji effettivi, u b’mod partikolari, l-iktar rapidi possibbli.

37.

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665, għandhom ikunu jistgħu jiġu adottati tliet tipi ta’ miżuri fil-kuntest ta’ dawn ir-rimedji: l-ewwel nett, miżuri provviżorji li għandhom l-għan li jikkoreġu l-illegalità allegata jew jipprekludu li tippreġudika l-interessi kkonċernati; it-tieni nett l-annullament tad-deċiżjonijiet illegali, u t-tielet nett, l-għoti ta’ kumpens lill-persuni leżi minn ksur tar-regoli applikabbli.

38.

Fir-rigward ta’ dan l-aħħar tip ta’ miżuri, l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665 jippreċiża li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw il-possibbiltà li jintalab kumpens għall-annullament preliminari tad-deċiżjoni allegatament illegali. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tispeċifikax il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, “fil-prinċipju, li l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665 ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali […] li tipprovdi li l-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kuntratti hija l-prerekwiżit ta’ ammissibbiltà ta’ azzjoni għad-danni” ( 13 ). Dan huwa dak li jiena nsejjaħ il-prinċipju ta’ prevalenza tal-kontenzjuż tal-legalità fuq il-kontenzjuż tal-kumpens.

39.

Peress li hija sempliċi possibbiltà – l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665 juża il-verb “jistgħu” u mhux “għandhom” – l-Istati Membri li jirrikorru għal din il-fakultà huma liberi li jirregolawha ( 14 ). Huma jistgħu jipprevedu wkoll każijiet fejn l-assenza ta’ annullament preliminari ma tikkawżax l-inammissibbiltà tal-kawża għad-danni ( 15 ).

40.

Fi kwalunkwe każ, l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ prevalenza tal-kontenzjuż tal-legalità fuq il-kontenzjuż tal-kumpens ma tistax twassal, sabiex flimkien ma’ regola proċedurali oħra, iċċaħħad lill-persuna leża mhux biss mill-possibbiltà li tannulla d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti iżda wkoll minn rimedji oħra previsti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665. Fil-fatt, tali “sistema” tkun kontra l-prinċipju ta’ effettività ( 16 ). Dan il-prinċipju huwa meqjus bħala wieħed mill-“eżiġenzi […] li jesprimu l-obbligu ġenerali li l-Istati Membri għandhom li jassiguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tal-liġi [tal-Unjoni]” ( 17 ), li huwa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

41.

F’dan il-każ, hija l-applikazzjoni tal-Artikolu 350 tal-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi flimkien ma’ dik tal-Artikolu 339/A tal-Liġi dwar il-proċedura ċivili li tista’ tqajjem problema fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta.

C.   Fuq il-limitazzjoni tal-istħarriġ tal-legalità għall-kuntest legali u fattwali stabbilit mir-rikorrenti

42.

L-Artikolu 339/A tal-Liġi dwar il-proċedura ċivili jipprovdi li qorti tista’ tistħarreġ deċiżjoni amministrattiva biss abbażi tar-regoli legali li kienu fis-seħħ meta ttieħdet id-deċiżjoni u tal-elementi fattwali dakinhar preżenti.

43.

B’mod konkret, fil-kuntest tal-kontestazzjonijiet dwar id-deċiżjonijiet meħuda fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, dan ifisser li l-qrati nazzjonali aditi mill-istħarriġ tas-sentenzi tal-Kumitat Arbitrali ma għandhomx id-dritt jeżaminaw kull motiv ġdid li ma kienx invokat quddiemu.

44.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jimponi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw l-eżistenza ta’ rimedji effettivi u l-iktar rapidi possibbli kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

45.

Sabiex jagħmlu dan, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/665 jawtorizza lill-Istati Membri jagħtu s-setgħat ta’ annullament u kumpens lill-istanzi distinti li mhux neċessarjament huma ġudizzjarji ( 18 ). Mill-bqija, id-Direttiva 89/665 ma tinkludix dispożizzjonijiet li jirregolaw b’mod speċifiku l-kundizzjonijiet li fihom dawn ir-rimedji jistgħu jiġu eżerċitati ( 19 ). Id-Direttiva 89/665 tħalli għalhekk lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali fl-għażla tal-garanziji proċedurali li huma jipprovdu u tal-formalitajiet marbuta magħhom ( 20 ).

46.

Skont ġurisprudenza stabbilita, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, huma għandhom jirregolaw il-modalitajiet tal-proċedura amministrattiva u dawk tal-proċedura ġudizzjarja intiżi sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet li l-partijiet fil-kawża għandhom skont id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dawn il-modalitajiet proċedurali ma għandhomx jippreġudikaw l-effett utli tad-Direttiva 89/665 ( 21 ).

47.

F’dan il-kuntest, ma jidhirlix li regola bħal dik prevista fl-Artikolu 339/A tal-Liġi dwar il-proċedura ċivili, fiha nnifisha, tmur kontra d-dritt tal-Unjoni meta hija tiġi applikata fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Kumitat Arbitrali, u mbagħad mill-qrati

48.

Fil-fatt, mit-tielet premessa tad-Direttiva 89/665 jirriżulta li wieħed mill-għanijiet prijoritarji tagħha huwa l-implimentazzjoni ta’ “rimedji effettivi u rapidi” ( 22 ). L-importanza ta’ din l-aħħar karatteristika hija enfasizzata mil-leġiżlatur innifsu billi fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, jimponi espressament fuq l-Istati Membri li jieħdu “l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li […] id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun” ( 23 ).

49.

Issa, il-limitazzjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju għall-motivi invokati quddiem il-Kumitat Arbitrali abbażi tar-regoli legali li kienu fis-seħħ meta ttieħdet id-deċiżjoni u tal-elementi fattwali kif ippreżentati fl-epoka, tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dan l-għan ta’ rapidità mingħajr madankollu ma tippreġudika s-sustanza tad-dritt għal rimedju effettiv ( 24 ).

50.

Minn naħa, din ir-regola tevita dewmien fil-proċedura billi tipprekludi l-ftuħ ta’ dibattitu ġdid – li għandu neċessarjament ikun kontradittorju u deċiż permezz ta’ deċiżjoni motivata – quddiem il-qorti tal-appell. B’hekk, hija tikkontribwixxi għall-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja għall-benefiċċju tal-partijiet fil-kawża ( 25 ) u tikkonsolida r-rekwiżit taċ-ċertezza legali li għandu jipprevalixxi fl-azzjonijiet intiżi sabiex kuntratt isir mingħajr effett ( 26 ). Min-naħa l-oħra, hija ma ċċaħħadx lill-parti fil-kawża minn aċċess għal qorti. Hija tinkwadrah fil-limiti li l-parti fil-kawża stess tistabbilixxi, fir-responsabbiltà unika tagħha.

51.

F’dan ir-rigward, mistoqsija dwar il-konsegwenzi ta’ regola proċedurali li tillimita l-azzjoni ta’ qorti għall-argumenti invokati mill-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ effettività ma jimponix fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li jinvokaw ex officio motiv ibbażat fuq dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, indipendentement mill-importanza tagħha għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, meta l-partijiet kellhom opportunità ġenwina li jinvokaw motiv ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni quddiem qorti nazzjonali ( 27 ).

52.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li huwa minnu li regola proċedurali li għandha l-konsegwenza li tillimita l-kawża għall-motivi ppreżentati quddiem il-Kumitat Arbitrali biss, tillimita d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, dan huwa ġġustifikat fis-sens tal-Artikolu 52(1) tagħha, peress li hija prevista minn liġi, tosserva l-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv u tosserva l-għan ta’ rapidità tar-rimedji previst mid-Direttiva 89/665, li jikkontribwixxi għal amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u għar-rekwiżit ta’ ċertezza legali.

D.   Fuq l-importazzjoni tal-limiti proċedurali tal-kontenzjuż tal-legalità fil-kontenzjuż tal-kumpens

53.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dritt għal rimedju effettiv ma jipprekludix regola li tistabbilixxi l-prevalenza tal-kontenzjuż tal-legalità fuq il-kontenzjuż tal-kumpens, u lanqas dik li tipprojbixxi l-invokazzjoni ta’ motiv ta’ dritt ġdid wara l-preżentazzjoni tal-kawża meta l-imsemmija regoli jitqiesu b’mod separat.

54.

Madankollu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 350 tal-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi flimkien ma’ dik tal-Artikolu 339/A tal-Liġi dwar il-proċedura ċivili għandha l-effett li azzjoni għad-danni tkun inammissibbli jekk ma tinkisibx minn qabel deċiżjoni li tikkonstata l-illegalità tal-kuntratt inkwistjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti għad-danni kellux fir-realtà opportunità ġenwina li jinvoka l-motiv tal-illegalità rilevanti fil-kuntest ta’ kontenzjuż tal-legalità.

55.

Jidhirli li tali konsegwenza tmur kontra l-Artikolu 47 tal-Karta għaliex tippreġudika d-dritt għal rimedju effettiv mogħti minn din id-dispożizzjoni billi fil-prattika tirrendi impossibbli l-azzjoni għad-danni mingħajr ma hija ġġustifikata minn għan ta’ interess ġenerali, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

1. Fuq il-preġudizzju għad-dritt għal rimedju effettiv

56.

Ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja jimplika l-possibbiltà li jinkiseb kumpens għad-danni subiti f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, meta jiġi applikat att li l-validità tiegħu hija kkontestata, l-annullament tiegħu xorta ma jistax jikkumpensa d-danni kollha subiti ( 28 ). Filwaqt li l-inaplikabbiltà tal-att twaqqaf l-effetti tiegħu fis-sitwazzjoni sottomessa lill-qorti, l-għoti ta’ danni jikkumpensaw il-preġudizzju li jirriżulta minnu. Għalhekk, il-protezzjoni kompluta tal-parti fil-kawża teħtieġ it-tnejn ( 29 ).

57.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li l-prinċipju ta’ prevalenza tal-kontenzjuż tal-legalità fuq il-kontenzjuż tal-kumpens awtorizzat fl-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665 jista’ jkun spjegat u ġġustifikat minn motivi dwar l-ekonomija tal-ġudizzju, u fl-aħħar mill-aħħar, miċ-ċertezza legali ( 30 ), ir-regola li timplimentah għandha tkun skartata meta jintwera li ma kienx possibbli li tiġi kkonstatata l-illegalità tad-deċiżjoni kontenzjuża għal raġuni leġittima indipendenti mill-aġir tar-rikorrent.

58.

Fin-nuqqas, il-parti fil-kawża tiġi mċaħħda minn kull protezzjoni ġudizzjarja, peress li f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, ir-rikors għad-danni huwa “l-aħħar tarġa ta’ protezzjoni tal-individwi meta […] r-rimedji ta’ dritt l-oħra ma [jkunux] offrew[lhom] protezzjoni effettiva” ( 31 ).

59.

Din il-karatteristika partikolari tal-kontenzjuż tal-kumpens issostni l-ġurisprudenza kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-artikulazzjoni tar-rimedji u l-effett tagħhom fuq il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kemm sabiex tirrispondi għas-severità tar-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà tar-rikors għal annullament fil-kontenzjuż tal-legalità tal-atti tal-Unjoni ( 32 ), sabiex tikkumpensa għall-assenza ta’ effett dirett orizzontali tad-direttivi ( 33 ) jew anki meta ksur ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva ma jkunx jista’ jkun iktar is-suġġett ta’ rimedju.

60.

F’dan l-aħħar każ, minkejja li d-dritt tal-Unjoni ma jirrikjedix li sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni rilevanti ta’ dan id-dritt adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja wara d-deċiżjoni ta’ korp ġudizzjarju li għandha l-awtorità ta’ res judicata, dan tal-aħħar għandu bħala prinċipju jmur lura minn din id-deċiżjoni, “l-individwi ma jistgħux jiġu miċħuda l-possibbiltà li jżommu lill-Istat responsabbli sabiex b’dan il-mezz jiksbu protezzjoni legali tad-drittijiet tagħhom” ( 34 ).

61.

Din il-loġika kienet implimentata fir-rikonoxximent tar-responsabbiltà tal-qrati tal-aħħar istanza f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, “[f]id-dawl tar-rwol essenzjali li għandhom il-qrati fil-protezzjoni tad-drittijiet li minnhom jibbenefikaw l-individwi permezz [tad-dritt tal-Unjoni], li kieku jiġi eskluż li l-individwi jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiksbu kumpens għad-danni kkawżati lilhom minn ksur tad-dritt [tal-Unjoni] imputabbli lil deċiżjoni ta’ qorti ta’ l-aħħar istanza ta’ Stat Membru, l-effikaċja sħiħa ta’ dawn ir-regoli tkun ikkonfutata u l-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija minnhom tiddgħajjef” ( 35 ).

62.

L-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet li huwa jirrikonoxxi, li huma l-bażi ta’ din il-ġurisprudenza, jimponu wkoll li din is-soluzzjoni tiġi sostnuta meta l-amalgamazzjoni ta’ regoli proċedurali twassal sabiex awtorità kontraenti tiġi “immuni” minn kull responsabbiltà minkejja l-ksur tad-dritt tal-Unjoni li hija wettqet. Il-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura proċeduri xierqa li jippermettu l-kumpens lill-persuni leżi minn ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 36 ) tikkonferma din l-interpretazzjoni.

63.

Hija tikkontribwixxi wkoll sabiex tiżgura l-garanzija tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk jidher li l-evalwazzjonijiet magħmula minn qorti nazzjonali ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, dan jimponi li qorti nazzjonali differenti, li skont id-dritt nazzjonali hija marbuta b’mod inkundizzjonali bl-interpretazzjoni magħmula mill-ewwel qorti, tħalli inapplikata, fuq deċiżjoni tagħha stess, ir-regola tad-dritt nazzjonali li timponilha li tikkonforma mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-imsemmija l-ewwel qorti ( 37 ).

64.

Fil-problema ta’ artikulazzjoni tar-regoli proċedurali f’dan il-każ, jidher li l-applikant għall-kumpens ma kellux opportunità ġenwina sabiex jinvoka, fil-kuntest ta’ kontenzjuż tal-legalità, il-motiv li huwa jixtieq jinvoka insostenn tal-azzjoni għad-danni tiegħu, u l-applikazzjoni ħażina tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tissewwa. Għalhekk, sabiex tiżgura s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali għandha, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, tieħu l-miżuri neċessarji kollha għal dan l-għan ( 38 ). Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li meta jintwera li ma kienx possibbli li tiġi kkonstatata l-illegalità tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti għal raġuni indipendenti mill-aġir tar-rikorrenti, il-qorti nazzjonali kompetenti għandha tiskarta r-regola li timplimenta l-prinċipju ta’ prevalenza tal-kontenzjuż tal-legalità fuq il-kontenzjuż tal-kumpens.

2. Fuq l-assenza ta’ ġustifikazzjoni

65.

Meta eżaminajt il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ regola li tipprojbixxi li jiġi invokat motiv ta’ dritt li ma kienx invokat fir-rikors promotur, jien ikkunsidrajt li l-għan tar-rapidità segwit mid-Direttiva 89/665 huwa ta’ natura li jiġġustifika l-applikabbiltà ta’ din ir-regola fil-kuntest tal-proċedura tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet adottati fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, għaliex hija fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tikkonsolida r-rekwiżit taċ-ċertezza legali li għandu jipprevali fl-azzjonijiet intiżi sabiex kuntratt isir mingħajr effett.

66.

B’hekk, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]l-grad ta’ eżiġenza ta’ sigurtà ġuridika dwar il-kundizzjonijiet tal-ammissibbiltà ta’ azzjonijiet ma huwiex identiku skont jekk hemmx inkwistjoni azzjonijiet għal danni jew azzjonijiet intiżi li jrendu kuntratt mingħajr effett. Fil-fatt, li kuntratt isir mingħajr effett, liema kuntratt ikun ġie konkluż fi tmiem proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku jtemm l-eżistenza u l-eżekuzzjoni possibbli tal-imsemmi kuntratt, u dan jikkostitwixxi intervent sostanzjali tal-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja fir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn individwi u l-organi statali. Għaldaqstant, tali deċiżjoni tista’ toħloq disturb kunsiderevoli u telf ekonomiku mhux biss għall-offerent rebbieħ tal-kuntratt pubbliku kkonċernat, iżda wkoll għall-awtorità kontraenti u, konsegwentement, għall-pubbliku, li huwa l-benefiċjarju finali tal-provvista tax-xogħol u tas-servizzi li hija s-suġġett tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Kif jirriżulta mill-premessi 25 sa 27 tad-Direttiva [2007/66] ( 39 ), il-leġiżlatur tal-Unjoni alloka importanza ikbar lir-rekwiżit taċ-ċertezza legali fir-rigward ta’ azzjonijiet li huma intiżi sabiex kuntratt isir mingħajr effett milli fir-rigward ta’ azzjonijiet għad-danni” ( 40 ).

67.

Barra minn hekk, artikulazzjoni ta’ proċeduri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tittardja t-tmiem tal-proċedura ta’ aġġudikazzjoni u lanqas tippreġudika ċ-ċertezza legali. Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ esklużjoni li l-illegalità tagħha hija l-oriġini tad-dannu allegat saret definittiva permezz taċ-ċaħda definittiva tar-rikors kontra s-sentenza tal-Kumitat Arbitrali u tar-rikors għal reviżjoni ppreżentat kontra s-sentenza tal-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest) mogħtija fil-kuntest ta’ din l-istess proċedura.

68.

Konsegwentement, l-awtorizzazzjoni tal-qorti tal-kumpens li tikkonstata l-illegalità tad-deċiżjoni fl-oriġini tad-dannu allegat abbażi ta’ motiv li ma kienx eżaminat fil-kuntest ta’ proċedura għal annullament ma jistax ikollha l-konsegwenza li ċċaħħad l-att kontenzjuż mill-effett tiegħu.

69.

Barra minn hekk, din il-possibbiltà ma tistax tkun assimilata għall-kontestazzjoni tal-awtorità ta’ res judicata mill-qorti tal-kumpens peress li l-azzjoni għad-danni ma għandhiex l-istess għan bħar-rikors għal annullament u li din l-aħħar kawża ma tirrigwardax l-istess kwistjoni legali. Għall-kuntrarju, f’ċirkustanzi analogi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jistax jiġġustifika regola nazzjonali li timpedixxi lill-qorti nazzjonali milli tislet il-konsegwenzi kollha mill-ksur ta’ dispożizzjoni ta’ trattat minħabba deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li jkollha awtorità ta’ res judicata ( 41 ).

3. Applikazzjoni għal dan il-każ

70.

L-għoti ta’ danni lill-persuni leżi minħabba ksur tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jikkostitwixxi wieħed mir-rimedji ggarantiti mill-Unjoni ( 42 ). Madankollu, parafrażi tal-formulazzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 43 tas-sentenza tagħha tas-26 ta’ Novembru 2015, MedEval (C-166/14, EU:C:2015:779), hija li l-artikulazzjoni tar-regoli proċedurali applikabbli għall-kawża prinċipali tista’ twassal sabiex il-persuna leża tiġi mċaħħda mhux biss mill-possibbiltà li tannulla d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, iżda wkoll mir-rimedji l-oħra kollha previsti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665.

71.

Konsegwentement, għandha tingħata konklużjoni analoga f’din il-kawża. Id-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludi sistema bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tippreġudika l-imsemmi dritt billi tirrendi impossibbli l-eżerċizzju tal-azzjoni għad-danni billi tipprojbixxi li jittieħed inkunsiderazzjoni motiv legali li l-parti fil-kawża ma setgħetx tkun taf bih, mingħajr ħtija jew negliġenza min-naħa tagħha, qabel il-preżentata tar-rikors għal annullament tagħha, jew sabiex nuża t-termini tas-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C-222/05 sa C-225/05, EU:C:2007:318), li ma kellhix opportunità ġenwina li tinvokah quddiem qorti nazzjonali.

72.

F’din il-kawża, il-ksur tad-dritt tal-Unjoni invokat minn Hochtief għall-ewwel darba quddiem il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest) huwa bbażat fuq is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom (C‑21/03 u C-34/03, EU:C:2005:127), li saret “disponibbli” biss fil-verżjoni bil-lingwa Ungeriża wara l-preżentazzjoni tal-kawża quddiem il-Kumitat Arbitrali ( 43 ).

73.

Għandu jiġi eżaminat jekk impriża bħal Hochtief, kumpannija tad-dritt Ġermaniż li għandha s-sede soċjali tagħha fil-Ġermanja, kinitx realment f’impossibbiltà li tkun taf b’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja qabel it-traduzzjoni tagħha fil-lingwa Ungeriża. Il-fatt li l-informazzjoni dwar id-disponibbiltà tas-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom (C-21/03 u C-34/03, EU:C:2005:127) bil-lingwa Ungeriża kienet ingħatat bil-lingwa Ġermaniża mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara talba bil-Ġermaniż magħmula mis-sede Ġermaniża ta’ Hochtief, huwa mingħajr dubju element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Madankollu, fir-rigward ta’ kwistjoni fattwali, hija il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk Hochtief kellhiex opportunità ġenwina li tinvoka dan il-motiv quddiem il-Kumitat Arbitrali (jew quddiem il-qorti ta’ reviżjoni jekk il-Kumitat Arbitrali ma għandux il-kwalità ta’ qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE ( 44 )). Fin-nuqqas ta’ tali possibbiltà, l-azzjoni għad-danni tagħha tista’ tiġi milqugħa minkejja l-assenza ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti.

VI. Konklużjoni

74.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija):

“1)

Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ kawża għad-danni għall-konstatazzjoni preliminari u definittiva tal-illegalità tad-deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti minn istanza li għandha l-kwalità neċessarja għal dan il-għan fis-sens tal-Artikolu 2(6) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratt pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet].

2)

L-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665 ma jipprekludix li l-Istati Membri jipprevedu każijiet fejn l-assenza tal-annullament preliminari ma tikkawżax l-inammissibbiltà tal-kawża għad-danni bbażata fuq l-irregolarità tad-deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti.

3)

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-preżentazzjoni ta’ rikors intiż għall-kisba ta’ danni minħabba ksur ta’ regola tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi, għall-konstatazzjoni preliminari tal-illegalità tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt ikkonċernat meta l-applikant għal kumpens ma kellux opportunità ġenwina li jinvoka quddiem qorti nazzjonali l-motiv li huwa jixtieq jinvoka insostenn tar-rikors għad-danni tiegħu”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246.

( 3 ) ĠU 2014, L 94, p. 1.

( 4 ) Skont ittra mibgħuta mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja lil Hochtief fit-22 ta’ Settembru 2010, it-traduzzjoni Ungeriża tas-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom (C-21/03 u C-34/03, EU:C:2005:127) waslet fir-Reġistru fit-2 ta’ Ottubru 2006. Ir-Reġistru jippreċiża madankollu li ma kienx possibbli li jiġi ppreċiżat b’mod preċiż id-data ta’ meta tpoġġiet online fuq is-sit tal-internet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 5 ) Direttiva tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163).

( 6 ) Dan japplika iktar u iktar peress li t-teżi li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’ tinvoka l-motiv “ġdid” għall-emenda tal-kandidatura tagħha biss, li tikkostitwixxi motiv ta’ esklużjoni mill-proċedura, hija kkontestata minn Hochtief (punt 34 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha) u mill-Gvern Ungeriż (punti 13 sa 15 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu).

( 7 ) Punt 22 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 8 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C-682/15, EU:C:2017:373, punt 44); tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C-348/16, EU:C:2017:591, punt 30), kif ukoll tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C-73/16, EU:C:2017:725, punt 58).

( 9 ) Ara f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C-348/16, EU:C:2017:591, punt 31), u fir-rigward tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C-73/16, EU:C:2017:725, punti 5960).

( 10 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute (C-61/14, EU:C:2015:655, punt 49); enfasi miżjuda minni.

( 11 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et (C-439/14 u C-488/14, EU:C:2016:688, punt 46).

( 12 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65).

( 13 ) Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, MedEval (C-166/14, EU:C:2015:779, punt 36); enfasi miżjuda minni.

( 14 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, MedEval (C-166/14; EU:C:2015:779, punt 35).

( 15 ) Mill-banda l-oħra, fil-fehma tiegħi, din il-possibbiltà derogatorja ma tistax tinbidel f’obbligu bil-konsegwenza li parti sostanzjali tal-utilità tagħha tiġi rtirata favur il-prinċipju ta’ prevalenza tal-kontenzjuż tal-legalità fuq il-kontenzjuż tal-kumpens li l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665 jawtorizza.

( 16 ) Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “d-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ effettività jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-preżentata ta’ rikors, għall-finijiet tal-kisba ta’ danni minħabba ksur ta’ regola tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi, għall-konstatazzjoni preliminari ta’ illegalità tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt pubbliku kkonċernat minħabba n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, meta din l-azzjoni għal konstatazzjoni ta’ illegalità hija suġġetta għal terminu ta’ dekadenza ta’ sitt xhur li jibda jiddekorri mill-jum wara d-data tal-għoti tal-kuntratt pubbliku kkonċernat, irrispettivament mill-punt dwar jekk ir-rikorrent kienx f’pożizzjoni li jkollu għarfien dwar l-eżistenza tal-illegalità li taffettwa din id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti” (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, MedEval, C-166/14, EU:C:2015:779, punt 46 u d-dispożittiv).

( 17 ) Sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact (C-268/06, EU:C:2008:223, punt 47); enfasi miżjuda minni. Ara wkoll, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C-317/08 sa C-320/08, EU:C:2010:146, punt 49), u tal-14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana López (C‑184/15 u C-197/15, EU:C:2016:680, punt 59).

( 18 ) F’dan il-każ, l-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 89/665 jimponi madankollu li kull miżura illegali li jistgħu jieħdu dawn il-“korp[i] ta’ reviżjoni” mhux ġudizzjarji jew kull nuqqas preżunt fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom jista’ jkun suġġett għal rimedju ġudizzjarju (jew rimedju quddiem istanza oħra li hija qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE u li hija indipendenti meta mqabbla mal-awtorità kontraenti u l-korp ta’ reviżjoni kkonċernat).

( 19 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et (C-439/14 u C-488/14, EU:C:2016:688, punt 42).

( 20 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute (C-61/14, EU:C:2015:655, punt 44).

( 21 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2015, eVigilo (C-538/13, EU:C:2015:166, punt 40); tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute (C-61/14, EU:C:2015:655, punt 47); tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et (C-439/14 u C-488/14, EU:C:2016:688, punt 43), kif ukoll tal-5 ta’ April 2017, Marina del Mediterráneo et (C-391/15, EU:C:2017:268, punt 33).

( 22 ) Enfasi miżjuda minni.

( 23 ) Enfasi miżjuda minni.

( 24 ) Ara f’dan is-sens, il-punt 90 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Texdata Software (C-418/11, EU:C:2013:50) li jipprovdi li “id-divjet ta’ motivi ġodda fl-appell […] huwa divjet komuni għas-sistemi ġuridiċi ta’ diversi Stati Membri u […] ma jikkomprometti lanqas l-effettività tar-rikors”. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din il-perspettiva u l-legalità teoretika ta’ tali regola. Fil-fatt, fil-punt 87 tas-sentenza tagħha tas-26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software (C-418/11, EU:C:2013:588), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, bi tweġiba għall-ilment dwar il-projbizzjoni li jiġu ppreżentati motivi ġodda fl-istadju tal-appell, li hija ma għandha “ebda element ta’ natura li jqajjem dubju fir-rigward tal-konformità tas-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-prinċipji tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża”.

( 25 ) Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li rekwiżit finanzjarju jista’ jikkostitwixxi “miżura ta’ natura li tiddisswadi l-kontestazzjonijiet abbużivi u tiggarantixxi lill-individwi kollha, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, it-trattament tal-azzjonijiet tagħhom kemm jista’ jkun malajr, konformement mal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 47 tal-Karta” (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C-439/14 u C-488/14, EU:C:2016:688, punt 54).

( 26 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, MedEval (C-166/14, EU:C:2015:779, punt 40).

( 27 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C-222/05 sa C-225/05, EU:C:2007:318, punt 41).

( 28 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C-45/15 P, EU:C:2017:402, punt 49).

( 29 ) Ara f’dan is-sens, fir-rigward tar-regoli legali, Dubouis, L., “La responsabilité de l’État législateur pour les dommages causés aux particuliers par la violation du droit communautaire et son incidence sur la responsabilité de la Communauté”, Revue française de droit administratif, Nru 3, 1996, p. 583 sa 601.

( 30 ) Fil-fatt, dan il-prinċipju huwa intiż sabiex jafda l-istħarriġ tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi lill-korpi ta’ reviżjoni speċjalizzati. Huwa jiżgura li kull kwistjoni ta’ dritt dwar il-ksur tad-dritt ta’ kuntratti pubbliċi li sseħħ fil-kuntest ta’ proċeduri oħra tkun deċiża definittivament mill-korp speċjalizzat innominat għal dan l-għan.

( 31 ) Fir-rigward tar-rikors għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, Berrod, Fr., La systématique des voies de droit communautaire, Pariġi, Dalloz, 2003, Nru 946.

( 32 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni (C-131/03 P, EU:C:2006:541, punt 82).

( 33 ) Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C-282/10, EU:C:2012:33, punti 4243), u tas-26 ta’ Marzu 2015, Fenoll (C-316/13, EU:C:2015:200, punt 48).

( 34 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia (C-69/14, EU:C:2015:662, punt 40).

( 35 ) Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, EU:C:2003:513, punt 33). Ara wkoll, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo (C-173/03, EU:C:2006:391, punt 31).

( 36 ) Ara f’dan is-sens, is-sitt premessa tad-Direttiva 89/665.

( 37 ) Ara f’dan is-sens, id-digriet tal-15 ta’ Ottubru 2015, Naderhirn (C-581/14, mhux ippubblikat, EU:C:2015:707, punt 35).

( 38 ) Ara f’dan is-sens, id-digriet tal-15 ta’ Ottubru 2015, Naderhirn (C-581/14, mhux ippubblikat, EU:C:2015:707, punt 37).

( 39 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU 2007, L 335, p. 31).

( 40 ) Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, MedEval (C-166/14, EU:C:2015:779, punti 3940).

( 41 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen (C‑505/14, EU:C:2015:742, punt 45).

( 42 ) Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, MedEval (C-166/14, EU:C:2015:779, punt 43).

( 43 ) Għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet Hochtief waqt is-seduta tat-30 ta’ April, l-argument ibbażat fuq is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom (C-21/03 u C-34/03, EU:C:2005:127) jidhirli li huwa ferm distint minn dak invokat inizjalment fir-rikors promotur. Fil-fatt, il-problema legali invokata fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq tirrigwarda d-drittijiet ta’ difiża u mhux il-problema tal-inkompatibbiltà tal-offerta fiha nnifisha.

( 44 ) Il-kwalità ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE tiddependi fuq numru ta’ elementi, bħall-oriġini legali tal-organu inkwistjoni, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni mill-imsemmi organu ta’ regoli ta’ dritt kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult, C-54/96, EU:C:1997:413, punt 23, kif ukoll, għal applikazzjoni reċenti, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme, C‑203/14, EU:C:2015:664, punt 17). Jista’ jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet diversi drabi li istanzi bħall-Kumitat Arbitrali għandhom ikunu kklassifikati bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, meta dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet fuq imsemmija. F’dan ir-rigward, ara, minbarra iż-żewġ sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, is-sentenzi tal-4 ta’ Frar 1999, Köllensperger u Atzwanger (C-103/97, EU:C:1999:52); tat-18 ta’ Novembru 1999, Unitron Scandinavia u 3-S (C-275/98, EU:C:1999:567); tat-18 ta’ Ġunju 2002, HI (C-92/00, EU:C:2002:379); tat-13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact (C-465/11, EU:C:2012:801); tat-18 ta’ Settembru 2014, Bundesdruckerei (C-549/13, EU:C:2014:2235); tal‑24 ta’ Mejju 2016, MT Højgaard u Züblin (C-396/14, EU:C:2016:347); tas-27 ta’ Ottubru 2016, Hörmann Reisen (C-292/15, EU:C:2016:817), kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 2017, Medisanus (C-296/15, EU:C:2017:431).

Top