Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0287

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fid-29 ta’ Mejju 2018.
Česká pojišťovna a.s. vs WCZ, spol. s r.o.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Okresní soud v Českých Budějovicích.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tal-kumpanniji – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2011/7/UE – Artikolu 6(1) u (3) – Rimbors tal-ispejjeż ta’ rkupru ta’ dejn – Spejjeż li jirriżultaw mit-tfakkir mibgħut minħabba l-ħlas tardiv tad-debitur.
Kawża C-287/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:342

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fid‑29 ta’ Mejju 2018 ( 1 )

Kawża C‑287/17

Česká pojišťovna a.s.

vs

WCZ spol. s r.o.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresní soud v Českých Budějovicích (il-Qorti Distrettwali ta’ Českých Budějovicích, ir-Repubblika Ċeka))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tal-kumpanniji – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2011/7/UE – Artikolu 6(1) u (3) – Rimbors tal-ispejjeż ta’ rkupru ta’ dejn – Spejjeż ta’ tfakkira”

1. 

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ippreżentat mill-Okresní soud v Českých Budějovicích (il-Qorti Distrettwali ta’ Českých Budějovicích, ir-Repubblika Ċeka), jirrigwarda l-Artikolu 6(1) u (3) tad-Direttiva 2011/7/UE ( 2 ). Dan ġie ppreżentat fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija tal-assigurazzjonijiet Česká pojišťovna a.s. u l-kumpannija WCZ, spol. s r.o., fir-rigward tal-kumpens tal-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti minn Česká pojišťovna bl-għan li tikseb il-ħlas tal-primjums dovuti minn WCZ.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

2.

Il-premessi 19 sa 21 tad-Direttiva 2011/7 jistabbilixxu:

“(19)

Jeħtieġ kumpens ġust tal-kredituri għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba minħabba ħlas tard biex jiġi skoraġġit il-ħlas tard. L-ispejjeż ta’ rkupru għandhom ukoll jinkludu l-irkupru ta’ spejjeż amministrattivi u kumpens għal spejjeż interni mġarrba minħabba ħlas tard li għalih din id-Direttiva għandha tiddetermina somma minima stabbilita [somma minima f’daqqa] li tista’ tingħadd mal-imgħax għall-ħlas tard. Il-kumpens fil-forma ta’ somma stabbilita għandu jkun immirat lejn it-trażżin tal-ispejjeż amministrattivi u interni marbuta mal-irkupru. Kumpens biex jiġu rkuprati l-ispejjeż għandu jkun determinat bla ħsara għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li bis-saħħa tagħhom qorti nazzjonali tista’ tagħti kumpens lill-kreditur għal kwalunkwe ħsara addizzjonali rigward ħlas tard tad-debitur.

(20)

Minbarra li jkunu intitolati għal ħlas ta’ somma stabbilita biex ikopru l-ispejjeż interni ta’ rkupru, il-kredituri għandhom ukoll ikunu intitolati għal rimborż tal-ispejjeż l-oħra ta’ rkupru li jġarrbu minħabba ħlas tard minn debitur. Spejjeż ta’ dan it-tip għandhom jnkludu, b’mod partikolari, dawk l-ispejjeż imġarrba mill-kredituri biex iqabbdu avukat jew inkella aġenzija tal-ġbir tad-djun.

(21)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jipprovdu għal somom stabbiliti għall-kumpens tal-ispejjeż ta’ rkupru li jkunu ogħla u għaldaqstant aktar favorevoli għall-kreditu, jew li jżidu dawk is-sommom, fost l-oħrajn biex iżommu mar-rata tal-inflazzjoni.”

3.

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-imgħax għal ħlas tard isir dovut fi transazzjonijiet kummerċjali b’mod konformi mal-Artikolu 3 jew 4, il-kreditur huwa intitolat li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, somma stabbilita [somma f’daqqa] ta’ EUR 40.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1 tkun dovuta mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira u bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kreditur stess.

3.   Il-kreditur, apparti s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1, għandu jkun intitolat li jikseb kumpens raġonevoli mid-debitur għal kwalunkwe spejjeż ta’ rkupru li jaqbżu dik is-somma stabbilita u mġarrba minħabba l-ħlas tard tad-debitur. Dawn jistgħu jinkludu l-ispejjeż imġarrba, fost l-oħrajn, biex jitqabbdu avukat jew aġenzija tal-ġbir tad-djun.”

4.

L-Artikolu 12 tal-istess direttiva jiddikjara:

“[…]

3.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew iġibu fis-seħħ dispożizzjonijiet li jkunu aktar favorevoli għall-kreditur mid-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva.

4.   Fit-traspożizzjoni tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk jeskludux il-kuntratti konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2013.”

B.   Id-dritt Ċek

5.

L-aħħar sentenza tal-Artikolu 369(1) taż-zákon č. 513/1991, obchodní zákoník (il-Liġi Nru 513/1991 dwar il-Kodiċi tal-Kummerċ), kif emendata biż-zákon č. 179/2013 (il-Liġi Nru 179/2013), tipprovdi:

“Minbarra l-interessi moratorji, il-kreditur għandu d-dritt għar-rimbors ta’ ammont minimu tal-ispejjeż ta’ rkupru tad-dejn fejn il-livell u l-kundizzjonijiet huma stabbiliti minn digriet tal-gvern.”

6.

L-Artikolu 3 tan-nařízení vlády č. 351/2013 (id-Digriet Governattiv Nru 351/2013), li, skont il-qorti tar-rinviju, jittrasponi l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Governattiv”) jipprovdi:

“Fl-każ ta’ obbligu reċiproku tal-imprendituri […], l-ammont minimu tal-ispejjeż marbuta mal-preżentazzjoni ta’ kull dejn jitla’ għal 1200 [koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 47)]”.

7.

L-Artikolu 121(3) taż-zákon č. 40/1964, občanský zákoník (il-Liġi Nru 40/1964 li jistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili) jipprovdi:

“L-aċċessorji ta’ dejn huma l-interessi, l-interessi moratorji, il-penalitajiet ta’ dewmien u l-ispejjeż ta’ rkupru.”

8.

L-Artikolu 142(1) taż-zákon č. 99/1963, občanský soudní řád (il-Liġi Nru 99/1963 li jistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jipprovdi:

“L-imħallef jirrikonoxxi lill-parti li t-talbiet tagħha jkun laqa’ bis-sħiħ, l-ispejjeż għall-parti li titlef, ir-rimbors tal-ispejjeż neċessarji għall-eżerċizzju jew għad-difiża effettiva ta’ dritt.”

9.

Skont l-Artikolu 142a(1) tal-imsemmi kodiċi:

“Ir-rikorrent li jkun rebaħ il-kawża fi proċedura relatata mal-eżekuzzjoni ta’ obbligu għandu dritt għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ proċedura għall-ispejjeż tal-konvenut biss jekk, f’terminu ta’ mill-inqas [sebat] ijiem qabel id-depożitu tal-att promotur, huwa jkun bagħat intimazzjoni lill-konvenut, fl-indirizz fejn dan tal-aħħar ikun għażel id-domiċilju, jekk ikun il-każ fl-aħħar indirizz magħruf”.

II. Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10.

Fis‑7 ta’ Novembru 2012, Česká pojišťovna u WCZ ikkonkludew kuntratt ta’ assigurazzjoni li jieħu effett mill-istess data.

11.

Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Marzu 2015, Česká pojišťovna avżat lil WCZ bix-xoljiment tal-kuntratt fil‑25 ta’ Frar 2015, minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal-primjums minn WCZ u talbet lil din tal-aħħar il-ħlas tal-primjums dovuti, għall- mis‑7 ta’ Novembru 2014 sas‑26 ta’ Frar 2015, għal somma ta’ CZK 1160 (madwar EUR 45). B’kollox, Česká pojišťovna bagħtet erba’ tfakkiriet lil WCZ qabel ma adixxiet lill-qorti tar-rinviju.

12.

Česká pojišťovna talbet lill-imsemmija qorti l-kundanna ta’ WCZ, minn naħa, għall-ħlas tal-imsemmija somma ta’ CZK 1160 (madwar EUR 45), miżjuda bl-interessi moratorji legali, għall-perijodu mill‑25 ta’ Frar 2015 sal-ħlas tal-primjums dovuti, u, min-naħa l-oħra, għar-rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-irkupru tad-dejn tagħha, sa massimu ta’ CZK 1200 (madwar EUR 47). Barra minn hekk, Česká pojišťovna talbet lil WCZ ir-rimbors tal-ispejjeż tal-proċedura.

13.

Wara li kkonstatat li d-dritt nazzjonali jimponi lill-qrati jirrikonoxxu, bħala spejjeż legali, l-ispejjeż marbuta ma’ tfakkira waħda mibgħuta lill-konvenut qabel il-preżentata ta’ rikors ġudizzjarju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk għandux jiġi rrikonoxxut, minbarra l-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa tal-ispejjeż ta’ rkupru li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7, kumpens tal-ispejjeż ta’ tfakkira bl-applikazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali. L-imsemmija qorti tinnota fil-fatt li, skont il-premessa 19 tal-imsemmija direttiva, il-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa skont l-Artikolu 6 ta’ din l-istess direttiva għandu jkopri preċiżament l-ispejjeż ta’ tfakkira tar-rikorrent. Minn dan isegwi, fil-fehma tagħha, li r-rikonoxximent taż-żewġ kumpensi (abbażi tal-imsemmi Artikolu 6 u tar-regoli proċedurali nazzjonali) jippermetti lir-rikorrent jikseb l-istess kumpens darbtejn.

14.

Tali kwistjoni tkun fundamentali fil-kuntest tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju peress li Česká pojišťovna titlob il-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa sa massimu ta’ CZK 1200 (madwar EUR 47), bl-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Digriet Governattiv u tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7, kif ukoll, bl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, il-kumpens tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza legali, inklużi l-ispejjeż ta’ tfakkira qabel il-preżentazzjoni tar-rikors, li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali.

15.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 6(1) u (3) tad-Direttiva [2011/7] għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti tagħti, lir-rikorrent li jirbaħ kawża dwar ir-rimbors ta’ dejn li jirriżulta minn tranżazzjoni kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 3 jew tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, somma ta’ EUR 40 (jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali) kif ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż tal-proċedura ġudizzjarja, inkluż ir-rimbors tal-ispejjeż tat-tfakkira fl-indirizz tal-konvenut qabel il-preżentata tar-rikors, għal ammont stabbilit mid-dispożizzjonijiet proċedurali tal-Istat Membru?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.

L-ebda waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali ma qieset li kien neċessarju li tressaq osservazzjonijiet bil-miktub f’din il-proċedura. Fil-fatt, il-Kummissjoni Ewropea biss bagħtet osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, l-ebda seduta ma ntalbet jew ġiet organizzata ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, sabiex inkun nista’ nagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, qist neċessarju li nistieden lill-partijiet kif ukoll lill-Gvern Ċek sabiex iwieġbu bil-miktub għal xi mistoqsijiet, li ġew imwieġba mill-Gvern Ċek u mill-Kummissjoni.

IV. Analiżi

A.   Osservazzjoni preliminari

17.

Għar-raġunijiet indikati fil-punti 21 u 22 tas-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, IOS Finance EFC (C‑555/14, EU:C:2017:121), l-applikabbiltà ratione temporis tad-Direttiva 2011/7 ma tistax titqiegħed f’dubju fil-każ inkwistjoni. Għall-kuntrarju ta’ dak li hija kienet sostniet fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, il-Kummissjoni żżomm fl-osservazzjonijiet tagħha din l-applikabbiltà tad-Direttiva 2011/7, minkejja l-fatt li r-Repubblika Ċeka użat il-possibbiltà li l-Artikolu 12(4) tal-imsemmija direttiva jagħti lill-Istati Membri li jeskludu mill-applikazzjoni tad-direttiva l-kuntratti konklużi qabel id-data stabbilita mill-Artikolu 12(1) tagħha, għat-traspożizzjoni tagħha. Fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ċek lanqas ma kkontesta l-applikabbiltà tad-Direttiva 2011/7.

B.   Ġurisprudenza

18.

Sakemm m’iniex żbaljat, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 għadu ma ġiex interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 3 ).

19.

Madankollu, fir-rigward tad-direttiva li tippreċedi din id-direttiva, jiġifieri d-Direttiva 2000/35/KE ( 4 ), is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2005, QDQ Media (C‑235/03, EU:C:2005:147), interpretat l-Artikolu 3(1)(e) ta’ din l-aħħar direttiva li jikkorrispondi, sa ċertu punt, għall-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7.

20.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita f’din il-kawża bid-domanda dwar jekk fil-kuntest tal-protezzjoni tal-kreditur prevista mid-Direttiva 2000/35, kienx possibbli li l-ispejjeż ta’ rkupru tad-dejn jiġu inklużi fost l-ispejjeż li jirriżultaw mill-intervent ta’ rappreżentanza jew assistenza legali fi proċedura ta’ inġunzjoni għall-ħlas magħmula għall-irkupru ta’ dan id-dejn. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fl-assenza tal-possibbiltà, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali, li jiġu inklużi fil-kalkolu tal-ispejjeż li għalihom jista’ jiġi kkundannat debitur privat għal dejn ta’ natura professjonali l-ispejjeż għar-rappreżentanza legali ta’ kreditur fi proċedura ġudizzjarja għall-irkupru ta’ tali dejn, id-Direttiva 2000/35 ma setgħetx, minnha nnifisha, isservi ta’ bażi għal tali possibbiltà.

21.

Dan t-tip ta’ spejjeż diġà ssemma espressament fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7 fost l-“[i]spejjeż ta’ rkupru li jaqbżu dik is-somma stabbilita [is-somma f’daqqa] u mġarrba minħabba l-ħlas tard tad-debitur”.

C.   Il-proposti tiegħi

22.

Wara analiżi tal-għan u tal-formulazzjoni kif ukoll tal-kuntest u tal-oriġini tad-Direttiva 2011/7, jien tal-fehma li, għall-kuntrarju ta’ dak li tista’ tissuġġerixxi l-premessa 20 tal-imsemmija direttiva, is-somma f’daqqa ta’ EUR 40, prevista fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva – bħala minimu impost fuq l-Istati Membri – ma tistax tiġi interpretata bħala li hija intiża sabiex tkopri b’mod eżawrjenti l-kumpens ta’ ċerti tipi ta’ spejjeż ta’ rkupru (f’dan il-każ l-ispejjeż ta’ rkupru “interni” jew “amministrattivi”, li jinkludu l-ispejjeż ta’ tfakkira). Minn dan jirriżulta li l-kumpens raġonevoli, li jirreferi għalih l-Artikolu 6(3) tal-imsemmija direttiva, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda biss “kwalunkwe” spejjeż ta’ rkupru mġarrba mill-kreditur.

1. L-għan u l-formulazzjoni tad-Direttiva 2011/7

23.

L-għan tad-Direttiva 2011/7, skont l-Artikolu 1 tagħha, huwa l-ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, sabiex b’hekk titjieb il-kompetittività tal-impriżi u, b’mod partikolari, tal-SMEs (l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju).

24.

Bħalma huwa indikat fil-premessa 12 tal-imsemmija direttiva, ħlas tardiv jikkostitwixxi ksur tal-kuntratt li sar finanzjarjament attraenti għad-debituri fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, minħabba li fuq ħlasijiet tardivi jintalbu rati baxxi ta’ interessi jew l-ebda interessi ( 5 ) u/jew li l-proċeduri ta’ rimedju jieħdu wisq żmien. Il-leġiżlatur qies meħtieġ li jibdel din it-tendenza u li jiskoraġġixxi d-dewmien fil-ħlas.

25.

Għalhekk din id-direttiva hija intiża għal protezzjoni effettiva tal-kreditur mid-dewmien fil-ħlas ( 6 ), fejn din il-protezzjoni timplika neċessarjament li toffri lil dan tal-aħħar l-iktar kumpens komplet possibbli tal-ispejjeż ta’ rkupru li jkun ġarrab.

26.

Diġà, fuq din il-bażi, il-limitazzjoni tal-kumpens skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7 għal ċerti kategoriji biss ta’ spejjeż tal-kreditur tkun f’kontradizzjoni mar-regola fundamentali li skontha l-kreditur għandu dritt għal kumpens raġonevoli ( 7 ) tal-ispejjeż kollha ta’ rkupru tad-dewmien fil-ħlas.

27.

Fil-prattika, tali limitazzjoni tkun tfisser li ċerti spejjeż tal-kreditur ma jiġu kkumpensati bl-ebda mod, u dan imur manifestament kontra l-għan tad-direttiva li tagħmel id-dewmien fil-ħlas finanzjarjament inqas interessanti u tiskoraġġixxi tali dewmien fil-ħlas ( 8 ).

28.

Il-formulazzjoni tad-Direttiva 2011/7 tittraduċi tajjeb l-għan tagħha.

29.

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7, il-kreditur huwa intitolat li jikseb mingħand id-debitur il-ħlas ta’ somma minima f’daqqa ta’ EUR 40 (stabbilita għal CZK 1200 (madwar EUR 47) fid-dritt Ċek mill-Artikolu 3 tad-Digriet Governattiv).

30.

Skont l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-somma f’daqqa msemmija fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva tkun dovuta mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira u tkun intiża li tikkumpensa lill-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru li huwa jkun inkorra, mingħajr ma tiġi stabbilita distinzjoni bejn dawk l-ispejjeż ( 9 ).

31.

Id-dritt tal-kreditur li jikseb ir-rimbors tal-ispejjeż tiegħu, lil hinn mis-somma f’daqqa ta’ EUR 40 jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7 li jipprevedi kumpens għal “kwalunkwe spejjeż ta’ rkupru li jaqbżu dik is-somma stabbilita [is-somma f’daqqa] u mġarrba minħabba l-ħlas tard tad-debitur”. Dan il-kumpens huwa intiż għalhekk għal “kwalunkwe” spejjeż minbarra dawk koperti mis-somma f’daqqa.

32.

Barra minn hekk, l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2011/7 li skontu l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet li jkunu iktar favorevoli għall-kreditur mid-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-konformità mal-imsemmija direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, b’mod partikolari, din id-direttiva ma tipprekludix lill-leġiżlazzjonijiet nazzjonali milli jirrikonoxxu lill-kreditur kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa ogħla mill-ammont minimu stabbilit ta’ EUR 40.

33.

Għalhekk, jekk il-leġiżlatur nazzjonali jirrikorri għal dan ir-rimedju, għandha tkun ir-responsabbiltà tiegħu li jagħżel il-modalitajiet xierqa, bħal pereżempju l-iffissar ta’ ammont varjabbli skont il-livell tad-dejn ( 10 ).

2. Il-premessi 19 u 20 tad-Direttiva 2011/7

34.

Billi naf li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]l-preambolu ta’ att [tad-dritt tal-Unjoni] ma għandux saħħa legali vinkolanti u ma jista’ jiġi invokat la biex jidderoga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas biex id-dispożizzjonijiet tiegħu jiġu interpretati b’mod manifestament kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom” ( 11 ), inqis xieraq li nikkummenta dwar il-premessi 19 u 20 tad-Direttiva, li jagħmlu differenza bejn it-tipi ta’ spejjeż tal-kreditur, li jidhru li jirriżervaw l-ispejjeż “interni” jew “amministrattivi” għall-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa li għandu jkoprihom b’mod eżawrjenti u “kwalunkwe” spejjeż ta’ rkupru għall-kumpens li jaqbeż l-EUR 40.

35.

Dawn il-kunċetti ta’ “spejjeż interni” jew ta’ “spejjeż amministrattivi” dehru fl-oriġini tad-direttiva.

36.

Fil-proposta tagħha, il-Kummissjoni kienet għażlet, minn naħa, kumpens awtomatiku tal-ispejjeż ta’ rkupru li ma humiex iddefiniti b’mod ieħor, ikkalkolati skont l-ammont tad-dejn mhux imħallas (li seta’ jammonta għal 1 % tad-dejn ta’ EUR 10000 jew iktar) u, min-naħa l-oħra, kumpens raġonevoli tal-ispejjeż kollha ta’ rkupru “pendenti”. Skont il-memorandum ta’ spjegazzjoni, din l-emenda tippermetti s-sostituzzjoni tal-“kunċett fl-arja ta’ ‘spejjeż ta’ rkupru’ […] b’sistema ġdida li tikkonsisti f’somma definita għal spejjeż interni ta’ rkupru” ( 12 ).

37.

Il-kumitat tal-Parlament Ewropew inkarigat mill-eżami tal-imsemmija proposta stabbilixxa l-limitu ta’ EUR 40, irrispettivament mill-ammont tad-dejn pendenti, minħabba li “rata ta’ kumpens ta’ 1 %, li ma tiġix prorogata, pagabbli fuq pagament tardivi ta’ EUR 10000 jew aktar tista’ tinvolvi kostijiet sinifikattivi u sproporzjonati għal transazzjonijiet ta’ valur ogħla u tista’ ma tirriflettix il-kostijiet li tabilħaqq ikun hemm” ( 13 ).

38.

Fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, il-Parlament żamm il-limitu ta’ EUR 40. Barra minn hekk, huwa ppreċiża li l-kumpens raġonevoli, previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7, kien jinkiseb għal kwalunkwe spejjeż ta’ rkupru li jaqbżu dik is-somma ta’ EUR 40. Din il-preċiżazzjoni tikkonferma l-fatt li s-somma f’daqqa ta’ EUR 40 ma hijiex intiża sabiex tikkumpensa b’mod eżawrjenti l-ispejjeż “interni” jew “amministrattivi” ta’ rkupru. Madankollu, huwa wkoll il-Parlament, fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, li daħħal l-idea, li tinsab fil-premessa 19 tal-imsemmija direttiva, li l-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa huwa intiż sabiex jillimita l-ispejjeż ta’ rkupru interni jew amministrattivi, bħalma ppropona wkoll (ara l-premessa 20 tal-imsemmija direttiva), li d-dritt għall-ħlas ta’ somma f’daqqa kien jirrigwarda l-ispejjeż interni ta’ rkupru ( 14 ).

39.

Dawn il-kunċetti jerġgħu jirriżultaw għalhekk fil-premessi 19 u 20 tad-Direttiva 2011/7, li jistgħu jagħtu lil wieħed x’jifhem li l-“kwalunkwe” spejjeż imsemmija fl-Artikolu 6(3) tal-imsemmija direttiva, ikunu spejjeż “esterni”, u dan partikolarment għall-fatt li kemm il-premessa 20 kif ukoll l-Artikolu 6(3) tal-imsemmija direttiva jiċċitaw l-ispejjeż imġarrba mill-kreditur sabiex jirrikorri għal avukat jew għal kumpannija ta’ rkupru ta’ djun, jiġifieri għal servizzi “esterni” għall-impriża.

40.

Diversi argumenti jħeġġuni niċħad l-argument li skontu l-imsemmija direttiva tintroduċi kategorizzazzjoni tal-ispejjeż tal-kreditur, minn naħa “interni” jew “amministrattivi” li għandhom jiġu koperti mill-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa u min-naħa l-oħra l-ispejjeż “kwalunkwe” ( 15 ) (jew “esterni”) li għandhom jiġu koperti minn kumpens (raġonevoli, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7) komplementari ( 16 ).

41.

Qabel kollox, dawn il-kunċetti kienu nieqsa mid-Direttiva 2000/35 li kienet tipprevedi, fl-Artikolu 3(1)(e) tagħha, li l-kreditur kellu dritt għal “kumpens raġonevoli […] għall-ispejjeż kollha relevanti ta’ rkupru magħmula minħabba l-ħlas tard” tad-debitur (enfasi miżjuda minni). Madankollu, id-Direttiva 2011/7 li ssostitwixxiet id-Direttiva 2000/35 kellha l-għan li ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali u ċertament mhux dak li tikkomplika l-kumpens tal-kreditur.

42.

Sussegwentement, il-kategorizzazzjoni tal-ispejjeż tal-kreditur ma ssib l-ebda sostenn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7. Skont il-paragrafu 1 ta’ din id-direttiva, is-somma f’daqqa hija ammont minimu. Skont l-Artikolu 6(2), din is-somma tkun dovuta mingħajr tfakkira u intiża bħala kumpens għall-ispejjeż tal-kreditur. Skont l-Artikolu 6(3) tal-istess direttiva, “kwalunkwe” spejjeż (jiġifieri, minbarra dawk koperti mis-somma f’daqqa) jistgħu jintalbu mill-kreditur b’mod li jinkiseb il-“kumpens raġonevoli” tagħhom.

43.

Barra minn hekk, bħalma nnota l-Gvern Ċek, kategorizzazzjoni tal-ispejjeż lanqas ma tista’ tiġi dedotta mill-enumerazzjoni, mogħtija b’mod indikattiv, tal-ispejjeż li l-kreditur jista’ juri konformement mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7. Fil-fatt, din l-enumerazzjoni, introdotta fit-test tad-Direttiva abbażi tal-emendi tal-Parlament, kienet intiża biss sabiex tispjega liema spejjeż seta’ jkun hemm ( 17 ) u mhux sabiex jemenda r-regola fundamentali applikabbli sa dak iż-żmien skont id-Direttiva 2000/35, jiġifieri li l-kreditur għandu dritt għal kumpens raġonevoli tal-ispejjeż kollha. Jista’ jkun li dan l-eżempju kien jirrifletti s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2005, QDQ Media (C‑235/03, EU:C:2005:147) (ara l-punti 19 u 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

44.

Fl-aħħar nett, il-kategorizzazzjoni tal-ispejjeż barra minn hekk twassal għal paradoss. Jien naħseb (bħall-Gvern Ċek) li fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas, il-kreditur ikun jista’ għalhekk jikseb biss, bħala l-irkupru tad-dejn tiegħu bl-għajnuna ta’ ġurista tal-impriża tiegħu, kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 40, minkejja li huwa jkun jista’ juri li l-ispejjeż tiegħu kienu effettivament ogħla. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ użu tas-servizzi ta’ avukat estern, ikun possibbli li kumpens raġonevoli tal-ispejjeż kollha jaqbeż l-EUR 40 f’daqqa bħala spejjeż interni tal-kreditur. Tali interpretazzjoni twassal għalhekk għal differenza fit-trattament mhux iġġustifikata ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tħeġġeġ fil-prattika lill-kreditur jirrikorri għas-servizzi esterni ta’ avukat minflok is-servizzi tal-ġuristi proprji tiegħu li normalment ikunu inqas ta’ spiża. Fi kliem ieħor, kategorizzazzjoni tal-ispejjeż tista’ twassal għal żieda artifiċjali u mhux iġġustifikata tad-djun li jkunu s-suġġett ta’ dewmien fil-ħlas, u saħansitra għal kumpens żejjed.

45.

Bħala konklużjoni, naħseb li l-ispejjeż intiżi fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7 huma “kwalunkwe” spejjeż minbarra dawk koperti mis-somma f’daqqa u li, għaldaqstant, kreditur jista’ tassew jiġi kkumpensat tal-ispejjeż “interni” jew “amministrattivi” jekk dawn jaqbżu din is-somma.

46.

Barra minn hekk, is-somma f’daqqa ta’ EUR 40 tkun dovuta mingħajr il-ħtieġa li jiġu ġġustifikati l-ispejjeż imġarrba (“mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira”, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2011/7), irrispettivament minn jekk ikunux “interni” jew le, u dan, għall-kuntrarju tal-ammonti l-oħra li għandhom jiġu ġġustifikati.

47.

F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2011/7 ma tippreċiżax kif, wara dewmien fil-ħlas mid-debitur, il-kreditur għandu jafferma u jiġġustifika l-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba li jaqbżu s-somma f’daqqa ta’ EUR 40, li fir-rigward tagħhom l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva jiżguralu dritt għal kumpens. L-adozzjoni ta’ dawn il-modalitajiet titħalla għall-evalwazzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali, li jista’, konformement mal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2011/7, “[jżomm jew iġib] fis-seħħ dispożizzjonijiet li jkunu aktar favorevoli għall-kreditur mid-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva”.

V. Konklużjoni

48.

Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Okresní soud v Českých Budějovicích, (il-Qorti Distrettwali ta’ Českých Budějovicích, ir-Repubblika Ċeka):

L-Artikolu 6(1) u (3) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kreditur għandu d-dritt jikseb mingħand id-debitur il-ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 40 kif ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż kollha ta’ rkupru mġarrba wara dewmien fil-ħlas mid-debitur, iżda biss għall-parti minn dawn l-ispejjeż li taqbeż l-imsemmija somma f’daqqa ta’ EUR 40.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1).

( 3 ) Diversi sentenzi jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva: b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Federconsorzi u Liquidazione giudiziale dei beni ceduti ai creditori della Federconsorzi (C‑104/14, EU:C:2015:125) (dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 7 u 12 tal-imsemmija direttiva); is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, IOS Finance EFC (C‑555/14, EU:C:2017:121) (dwar il-kompatibbiltà ma’ din id-direttiva, u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) u (3) ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li tippermetti lill-kreditur jirrinunzja li jitlob l-interessi moratorji u l-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru inkambju għall-ħlas immedjat tal-ammont prinċipali ta’ djun eżiġibbli), u s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Zarski (C‑330/16, EU:C:2017:418) (essenzjalment, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-direttiva relatat mat-traspożizzjoni tagħha). Barra minn hekk, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hemm pendenti l-kawża Gambietz (C‑131/18), li tirrigwarda l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7 u li tikkonċerna xenarju li jixbah dak tal-kawża ineżami.

( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 226).

( 5 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, IOS Finance EFC (C‑555/14, EU:C:2017:121, punt 24).

( 6 ) Ara, fir-rigward tad-Direttiva 2000/35, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Nemec (C‑256/15, EU:C:2016:954, punt 50).

( 7 ) Il-premessa 19 tad-Direttiva 2011/7 titkellem dwar kumpens ġust.

( 8 ) Ara l-premessa 12 tad-Direttiva 2011/7 in fine li skontha d-direttiva għandha tipprevedi “fost l-oħrajn, li l-esklużjoni tad-dritt għall-kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar [bħala abbuż manifest]”.

( 9 ) Għall-kuntrarju ta’ dak li tista’ tagħti lil wieħed x’jifhem il-permessa 20 tal-imsemmija direttiva meta titkellem dwar, mingħajr ma tiddefinixxi dawn it-termini bħala, “spejjeż interni” u “spejjeż l-oħra”. Se nerġa’ nittratta dan iktar ’il quddiem.

( 10 ) Dan huwa l-każ tal-Irlanda, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali (Statutory Instrument No. 580/2012 – European Communities (Late Payment in Commercial Transactions) Regulations 2012 (Strument Leġiżlattiv Nru 580/2012 – Unjoni Ewropea (Dewmien fil-Ħlas fi Tranżazzjonijiet Kummerċjali) Regolament 2012) tipprevedi somma f’daqqa ta’ EUR 40 jekk l-ammont mhux imħallas ikun ta’ inqas minn EUR 1000, somma f’daqqa ta’ EUR 70 jekk l-ammont mhux imħallas ikun bejn EUR 1000 u EUR 10000 inkluż u somma f’daqqa ta’ EUR 100 jekk l-ammont mhux imħallas ikun ogħla minn EUR 10000.

( 11 ) Sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions (C‑345/13, EU:C:2014:2013, punt 31).

( 12 ) Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, 2009/0054(COD), p. 7. Barra minn hekk, “it-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva [2000/35] għandu l-għan li jtejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tar-rimedji għall-ħlas tard permezz tal-introduzzjoni ta’ dritt ta’ rkupru tal-ispejjeż amministrattivi u kumpens għall-ispejjeż interni mġarrba minħabba ħlas tard” (ara l-proposta għal direttiva, p. 5).

( 13 ) Rapport dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, A7‑0136/2010, p. 21.

( 14 ) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl‑20 ta’ Ottubru 2010 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali (Tfassil mill-ġdid), (EP-PE_TC1-COD(2009)0054).

( 15 ) Verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-premessa 20 ma jużawx il-kelma “autres” tal-verżjoni bil-lingwa Franċiża iżda bħall-verżjoni bil-lingwa Olandiża l-kelma “overige”, il-verżjoni bil-lingwa Taljana l-kelma “restanti”, u l-verżjoni bil-lingwa Spanjola l-kelma “demás”, liema fatt ma jissuġġerixxi l-ebda differenza fit-tip ta’ spejjeż. Verżjonijiet lingwistiċi oħra tat-test tad-direttiva ma jagħmlux distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ spejjeż. Il-verżjoni bil-lingwa Ingliża tuża l-kelma “any”, il-verżjoni bil-lingwa Taljana l-kelma “ogni”, il-verżjoni bil-lingwa Olandiża l-kelma “alle”, il-verżjoni bil-lingwa Spanjola l-kelma “todos”, u l-verżjoni bil-lingwa Griega l-kelma “οποιαδήποτε”. Iktar mill-kelma “autres” tal-verżjoni bil-lingwa Franċiża, dawn il-verżjonijiet lingwistiċi huma intiżi għall-ispejjeż kollha jew għal xi wħud minnhom.

( 16 ) Il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni jipprekludu wkoll din il-kategorizzazzjoni tal-ispejjeż, fejn kull waħda minnhom hija suġġetta għal sistema differenti, u dan iwassal għal diskriminazzjonijiet mhux iġġustifikati.

( 17 ) Ara l-emendi tal‑15 ta’ Ottubru 2010 ppreżentati mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (dokument tal-Parlament Ewropew Nru A7-0136/2010; ara l-emenda Nru 30).

Top