Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0247

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati l-25 ta’ Lulju 2018.
    Denis Raugevicius.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein oikeus.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 18 u 21 TFUE – Talba indirizzata lil Stat Membru minn pajjiż terz, intiża għall-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-ewwel Stat Membru – Talba ppreżentata għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija u mhux għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali – Projbizzjoni ta’ estradizzjoni applikata għaċ-ċittadini nazzjonali biss – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità.
    Kawża C-247/17.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:616

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    YVES BOT

    ippreżentati fil-25 ta’ Lulju 2018 ( 1 )

    Kawża C-247/17

    Denis Raugevicius

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 18 u 21 TFUE – Talba indirizzata lil Stat Membru minn Stat terz għall-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ movement liberu fl-ewwel Stat Membru – Talba għal estradizzjoni ppreżentata għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija u mhux għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali – Protezzjoni taċ-ċittadini nazzjonali mill-estradizzjoni – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuni li jkunu wettqu reat – Għan li jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata”

    1.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkompleta l-ġurisprudenza tagħha fil-qasam tal-estradizzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li użaw id-dritt ta’ movement liberu tagħhom fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak li tiegħu għandhom in-nazzjonalità.

    2.

    Filwaqt li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin ( 2 ), tirrigwarda talbiet għal estradizzjoni magħmula minn Stati terzi għal finijiet ta’ proċeduri kriminali, din il-kawża tirrigwarda talba għal estradizzjoni indirizzata mill-awtoritajiet Russi lill-awtoritajiet Finlandiżi, fir-rigward ta’ Denis Raugevicius, ċittadin Litwan u Russu, għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena.

    3.

    F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta Stat Membru li fih jinsab ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, jiġi indirizzat talba għal estradizzjoni minn Stat terz għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija li ngħatat f’dan l-Istat, l-Istat Membru mitlub għandu jeżamina jekk, fid-dawl tar-rabtiet tal-persuna kkundannata ma’ dak l-Istat, l-eżekuzzjoni tal-piena f’dak l-Istat Membru tkunx ta’ natura li tiffavorixxi l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid ta’ dik il-persuna. Jekk dan ikun il-każ, l-imsemmi Stat Membru għandu jimplimenta l-istrumenti ta’ kooperazzjoni internazzjonali kollha li huwa għandu fil-qasam kriminali fir-rigward tal-Istat terz rikjedent sabiex jikseb il-kunsens ta’ dan tal-aħħar sabiex il-piena inkwistjoni tiġi eżegwita fit-territorju tiegħu, jekk ikun il-każ wara li tiġi addattata skont il-piena prevista mil-leġiżlazzjoni kriminali tiegħu għal reat tal-istess natura.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni

    4.

    L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-13 ta’ Diċembru 1957 ( 3 ), huwa fformulat hekk:

    “Il-Partijiet kontraenti għandhom jikkonsenjaw lil xulxin, skont ir-regoli u taħt il-kundizzjonijiet iddeterminati mill-artikoli segwenti, l-individwi suġġetti ta’ proċeduri minħabba reat jew rikjesta għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew miżura ta’ sigurtà mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Parti rikjedenti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    5.

    L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, intitolat “Estradizzjoni ta’ ċittadini”, jipprovdi:

    a)

    Kull Parti kontraenti għandha l-fakultà li tirrifjuta l-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħha.

    b)

    Kull Parti kontraenti tista’, permezz ta’ dikjarazzjoni magħmula fil-mument tal-iffirmar jew tal-preżentazzjoni tal-istrument ta’ rettifika jew adeżjoni tagħha, tiddefinixxi, għal dak li jirrigwardaha, it-terminu ‘ċittadini’ fis-sens ta’ din il-[k]onvenzjoni.

    c)

    Il-kwalità ta’ ċittadin tkun evalwata fil-mument tad-deċiżjoni dwar l-estradizzjoni. […]

    2.   Jekk il-Parti mitluba ma testradixxix liċ-ċittadin tagħha, hija għandha, fuq talba tal-Parti rikjedenti, tissottometti l-kawża lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jekk ikun hemm lok ikunu jistgħu jiġu eżerċitati proċeduri ġudizzjarji. Fil-fatt, il-proċessi, informazzjoni u oġġetti relatati mar-reat jintbagħtu gratwitament skont kif previst fl-Artikolu 12(1). Il-Parti rikjedenti għandha tiġi informata bl-eżitu li jkun ingħata lit-talba tagħha”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    6.

    Fir-rigward tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, ir-Repubblika tal-Finlandja għamlet id-dikjarazzjoni segwenti:

    “Fis-sens ta’ din il-[k]onvenzjoni, it-terminu ‘ċittadini’ jfisser iċ-ċittadini tal-Finlandja, tad-Danimarka, tal-Islanda, tan-Norveġja u tal-Isvezja kif ukoll il-barranin iddomiċiljati f’dawn l-Istati”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    B.   Id-dritt Finlandiż

    7.

    Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tas-Suomen perustuslaki (il-Kostituzzjoni Finlandiża) (1999/731), “[e]bda ċittadin Finlandiż ma jista’ jiġi estradit jew ittrasferit kontra l-volontà tiegħu lejn pajjiż ieħor. Il-liġi tista’ madankollu tipprovdi li ċittadin Finlandiż jista’, minħabba reat jew għall-finijiet ta’ proċedura […], jiġi estradit jew ittrasferit lejn pajjiż li fih id-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni ġudizzjarja tiegħu huma ggarantiti”.

    8.

    Fl-Artikolu 2 tagħha, il-laki rikoksen johdosta tapahtuvasta luovuttamisesta (il-Liġi dwar l-Estradizzjoni minħabba Reat) (456/1970) ( 4 ) tas‑7 ta’ Lulju 1970, tipprovdi li ċittadin Finlandiż ma jistax jiġi estradit.

    9.

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tal-Liġi dwar l-Estradizzjoni jipprovdi:

    “L-Oikeusministeriö [(il-Ministeru tal-Ġustizzja, il-Finlandja)] jiddeċiedi jekk hemmx lok li tintlaqa’ t-talba għal estradizzjoni”.

    10.

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Liġi dwar l-Estradizzjoni jipprovdi:

    “Jekk, waqt l-investigazzjoni jew f’att mibgħut lill-Ministeru tal-Ġustizzja qabel ma tiġi deċiża l-kawża, il-persuna oġġett ta’ talba għal estradizzjoni tiddikjara li hija tqis li r-rekwiżiti legali tal-estradizzjoni ma humiex issodisfatti, il-Ministeru, jekk it-talba għal estradizzjoni ma tiġix miċħuda immedjatament, għandu jitlob l-opinjoni tal-Korkein oikeus [(il-Qorti Suprema, il-Finlandja)] qabel ma jiddeċiedi l-kawża. Il-Ministeru jista’ jitlob ukoll l-opinjoni f’każijiet oħra fejn huwa jqis li dan huwa neċessarju”.

    11.

    Skont l-Artikolu 17 tal-Liġi dwar l-Estradizzjoni, “[i]l-Korkein oikeus [(il-Qorti Suprema)] teżamina jekk it-talba għal estradizzjoni tistax tintlaqa’ billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1 sa 10 ta’ din il-liġi u d-dispożizzjonijiet ekwivalenti ta’ ftehim internazzjonali li tiegħu l-Finlandja hija parti. Jekk il-Korkein oikeus [(il-Qorti Suprema)] tqis li jeżisti ostakolu għall-estradizzjoni, it-talba għal estradizzjoni ma tistax tintlaqa’”.

    12.

    Barra minn hekk, piena ta’ priġunerija mogħtija minn qorti ta’ Stat li ma jagħmilx parti mill-Unjoni tista’ tiġi eżegwita fil-Finlandja b’applikazzjoni tal-laki kansainvälisestä yhteistoiminnasta eräiden rikosoikeudellisten seuraamusten täytäntöönpanossa (il-Liġi dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali fuq l-Eżekuzzjoni ta’ ċerti Sanzjonijiet Kriminali) (21/1987) tas‑16 ta’ Jannar 1987. L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

    “Piena mogħtija minn qorti ta’ Stat barrani tista’ tiġi eżegwita fil-Finlandja jekk:

    1)

    Il-kundunna hija res judicata u hija eżekuttiva fl-Istat li fih ingħatat;

    […]

    3)

    L-Istat li fih il-piena ngħatat talab dan jew ta l-kunsens tiegħu għal dan.

    Piena ta’ priġunerija tista’ tiġi eżegwita fil-Finlandja skont l-ewwel paragrafu jekk il-persuna kkundannata hija ċittadin Finlandiż jew ċittadin barrani li jirrisjedi b’mod permanenti fil-Finlandja u jekk il-persuna kkundannata tat il-kunsens tagħha għal dan. […]”

    II. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    13.

    Fl‑1 ta’ Frar 2011, D. Raugevicius, li għandu ċittadinanza Litwana u Russa, instab ħati fir-Russja ta’ reat fil-qasam tad-droga minħabba l-pussess, mingħajr intenzjoni li jbigħ, ta’ taħlita li tinkludi 3.04 grammi eroina. Huwa ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija sospiża.

    14.

    Fis‑16 ta’ Novembru 2011, qorti tar-reġjun ta’ Leningrad (ir-Russja) neħħiet is-sospensjoni minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi ta’ sorveljanza u kkundannat lil D. Raugevicius għal piena ta’ priġunerija ta’ erba’ snin.

    15.

    Fit‑12 ta’ Lulju 2016, inħareġ mandat ta’ arrest internazzjonali kontra D. Raugevicius.

    16.

    Fit‑12 ta’ Diċembru 2016, il-käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, il-Finlandja) ipprojbixxiet lil D. Raugevicius milli jivvjaġġa barra mill-pajjiż.

    17.

    Fis‑27 ta’ Diċembru 2016, il-Federazzjoni Russa indirizzat lir-Repubblika tal-Finlandja talba għal estradizzjoni, li permezz tagħha hija talbet li D. Raugevicius jiġi arrestat u estradit lejn ir-Russja għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija.

    18.

    D. Raugevicius ikkontesta l-estradizzjoni tiegħu billi invoka b’mod partikolari l-fatt li huwa kien diġà ilu żmien twil jgħix fil-Finlandja u li f’dan l-Istat Membru huwa kellu żewġt itfal ċittadini Finlandiżi.

    19.

    Fis-7 ta’ Frar 2017, il-Ministeru tal-Ġustizzja talab opinjoni mingħand il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) dwar jekk jeżistix ostakolu legali għall-estradizzjoni ta’ D. Raugevicious lejn ir-Russja.

    20.

    Il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) tesponi li, meta hija tintervjeni billi tagħti l-opinjoni tagħha fil-kuntest ta’ talba għal estradizzjoni, l-istatus tagħha huwa differenti minn dak li hija normalment ikollha fil-qasam ġudizzjarju. Madankollu, hija tqis li anki f’dan il-kuntest, hija għandha tiġi kklassifikata bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 5 ), billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-oriġini legali tagħha, il-permanenza tagħha, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tagħha, in-natura kontradittorja tal-proċeduri, l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt, kif ukoll l-indipendenza tagħha. Il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) iżżid li quddiemha effettivament għandha tilwima, peress li D. Raugevicius ikkontesta l-kundizzjonijiet legali tal-estradizzjoni tiegħu u l-Ministeru tal-Ġustizzja kkunsidra li ma kienx hemm lok li jiċħad immedjatament it-talba għal estradizzjoni. Fl-aħħar nett, l-opinjoni li hija għandha tagħti hija vinkolanti, fis-sens li t-talba għal estradizzjoni ma tistax tintlaqa’ jekk hija tqis li jeżisti ostakolu għall-estradizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) tqis li hija ntalbet tiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja.

    21.

    Il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) tirrileva li t-talba għal estradizzjoni hija bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni u li din tal-aħħar, bħal konvenzjonijiet internazzjonali oħra, ma tobbligax lil Stat li jirrifjuta l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess li jadotta miżuri intiżi għall-eżekuzzjoni ta’ piena mogħtija fi Stat ieħor. Ma jeżistix ftehim fil-qasam tal-estradizzjoni bejn l-Unjoni u l-Federazzjoni Russa, u r-Repubblika tal-Finlandja lanqas ma ffirmat ftehim ta’ estradizzjoni bilaterali mal-Federazzjoni Russa.

    22.

    Skont il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema), il-konvenzjonijiet internazzjonali li jirrigwardaw ir-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet kriminali u t-trasferiment ta’ persuni kkundannati jistgħu jkunu rilevanti, peress li l-għan ta’ dawn il-konvenzjonijiet huwa li jiżguraw li l-persuna kkundannata tkun tista’ tiskonta l-piena tagħha fl-Istat li tiegħu hija ċittadina jew fl-Istat li fih tirresjedi, sabiex tiġi ffavorita r-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tagħha.

    23.

    Il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) tirrileva li, fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin ( 6 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għall-ewwel darba dwar l-effetti tad-dritt tal-Unjoni fuq l-estradizzjoni barra mill-Unjoni ta’ ċittadin tagħha mwettqa abbażi ta’ ftehim ta’ estradizzjoni internazzjonali konkluż mill-Istat Membru kkonċernat. Hija tfakkar li din is-sentenza kienet tirrigwarda talba għal estradizzjoni indirizzata minn Stat terz għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni minħabba reat.

    24.

    F’dan il-każ il-Kokein oikeus (il-Qorti Suprema) għandha tiddeċiedi dwar sitwazzjoni differenti. Għalhekk, il-problema li hija għandha quddiemha hija dwar jekk il-linji gwida mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin ( 7 ), jistgħux japplikaw direttament ukoll fil-każijiet li fihom ċittadin tal-Unjoni huwa suġġett għal talba għal estradizzjoni lejn Stat terz għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija. Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni fil-qasam kriminali tad-dritt tal-Unjoni jistgħux japplikaw u, jekk ikun il-każ, b’liema mod, f’każ fejn ir-reat diġà kien l-oġġett ta’ deċiżjoni eżekuttiva fi Stat terz.

    25.

    Il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) tfakkar li, skont l-Artikolu 21 TFUE, kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri. Ir-riskju li tali ċittadin jista’ jiġi estradit lejn Stat terz jekk huwa jitlaq mill-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor jista’ jaffettwa l-moviment liberu tiegħu. Il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) tikkunsidra li, fir-rigward ta’ dan l-ostakolu għall-moviment liberu, ftit huwa importanti jekk it-talba għal estradizzjoni tirrigwardax prosekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni ta’ piena fi Stat terz. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata għandha wkoll in-nazzjonalità tal-Istat terz li jitlob l-estradizzjoni tagħha ma hijiex rilevanti għall-eżami tas-sitwazzjoni tagħha fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) tixtieq tikseb konferma dwar dawn il-punti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    26.

    Din il-qorti tenfasizza li teżisti differenza fit-trattament bejn ċittadin Finlandiż u ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, peress li huwa biss dan tal-aħħar li jista’ jiġi estradit skont id-dritt Finlandiż. Madankollu, l-imsemmija qorti tosserva li f’sitwazzjoni li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, iċ-ċittadini nazzjonali u dawk ta’ Stati Membri oħra jistgħu jitqiegħdu f’sitwazzjoni differenti biss jekk jeżistu raġunijiet ġustifikattivi aċċettati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) issemmi l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuni li jkunu wettqu reat, li ġie kkunsidrat bħala għan leġittimu fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin ( 8 ). L-estradizzjoni għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni bħal dik għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ kundanna tissodisfa dan l-għan. Għalhekk, skont din il-qorti, għandu jiġi eżaminat jekk fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ piena, iċ-ċittadini Finlandiżi humiex f’sitwazzjoni differenti minn dik taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

    27.

    F’dan ir-rigward, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) tirrileva li filwaqt li, bħala prinċipju, fil-ftehimiet internazzjonali ta’ estradizzjoni jeżisti obbligu ta’ prosekuzzjoni taċ-ċittadin nazzjonali jekk ma jiġix estradit, ma jeżistix obbligu li l-piena tiġi eżegwita fit-territorju nazzjonali f’każ ta’ rifjut tal-estradizzjoni. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Finlandja, bħal ħafna Stati Membri oħra, ma hijiex parti f’konvenzjoni bħal dik dwar il-valur internazzjonali tas-sentenzi tal-infurzar tal-liġi ( 9 ), li minnha jirriżulta obbligu ġenerali ta’ eżekuzzjoni tal-kundanni mogħtija fi Stati oħra.

    28.

    Il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) iżżid li, fid-dritt Finlandiż, l-eżekuzzjoni ta’ kundanna barranija mogħtija fi Stat terz teħtieġ il-kunsens mhux biss tal-Istat li ta l-kundanna, iżda wkoll tal-Istat ta’ eżekuzzjoni kif ukoll dak tal-persuna kkundannata, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali li ma humiex inkwistjoni f’dan il-każ. Għalhekk jidher li l-protezzjoni mill-estradizzjoni li minnha jibbenefikaw biss iċ-ċittadini nazzjonali ma hijiex iġġustifikata la minn obbligu tal-Istat u lanqas minn possibbiltà ġenwina li jiġu eżegwiti fit-territorju Finlandiż pieni mogħtija barra mill-pajjiż fir-rigward taċ-ċittadini tagħha stess.

    29.

    Il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) tinnota wkoll li, meta talba għal estradizzjoni tiġi ppreżentata għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bbażat fuq l-obbligu ta’ proċeduri timplika l-introduzzjoni ta’ proċedura ġdida għall-istess reat, li jista’ jmur kontra l-prinċipju ta’ ne bis in idem. Fil-fatt, minkejja li dan il-prinċipju, li jinsab fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, japplika bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u ma huwiex stabbilit bl-istess mod lil hinn minnha, madankollu ċerti Stati Membri josservawh ukoll f’każ ta’ kundanna mogħtija fi Stat terz.

    30.

    Barra minn hekk, it-tressiq ta’ proċeduri fl-Istat Membru mitlub, jista’ jkun impossibbli għal raġunijiet legali oħra. Pereżempju, f’din il-kawża, kieku D. Raugevicius kien ċittadin Finlandiż, huwa ma jkunx jista’ jkun suġġett għal proċeduri fir-Repubblika tal-Finlandja, minkejja li fir-rigward tar-reati mwettqa barra mill-pajjiż, il-Finlandja għandha dritt tressaq proċeduri bbażati fuq in-nazzjonalità. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li dan ir-reat jirrigwarda kwantità żgħira ta’ prodotti narkotiċi intiżi għal użu personali, id-dritt li tressaq proċeduri fil-Finlandja huwa preskritt skont id-dritt nazzjonali.

    31.

    Il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) tistaqsi jekk huwiex xieraq li jiġi implimentat il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni, kif indikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin ( 10 ), għall-finijiet ta’ proċeduri fil-każ fejn ir-reat kien diġà suġġett għal kundanna mogħtija fi Stat terz.

    32.

    Din il-qorti tindika li donnu huwa possibbli, fil-loġika tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin ( 11 ), li l-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu ċ-ċittadinanza jiġi informat u jistenna sabiex jara joħroġx mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri, jew anki għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni kriminali, skont id-dritt nazzjonali tiegħu. Madankollu, f’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar it-terminu li fih dan l-Istat Membru għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu, fl-interess tal-persuna nnifisha suġġetta għat-talba għal estradizzjoni. Barra minn hekk, f’każ bħal dak inkwistjoni, ma huwiex ċert li l-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha n-nazzjonalità jikkunsidra li hemm lok li jressaq proċeduri, b’mod partikolari minħabba l-preskrizzjoni tad-dritt ta’ proċeduri jew l-applikazzjoni nazzjonali tal-prinċipju ne bis in idem. F’dak il-każ, jeħtieġ li jkun magħruf jekk l-Istat mitlub huwiex marbut li jestradixxi ċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jew għall-kuntrarju għandux jirrifjuta l-estradizzjoni, u liema fatturi konkreti għandu jieħu inkunsiderazzjoni.

    33.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Id-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-estradizzjoni għal ksur għandhom jiġu eżaminati fir-rigward tal-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, bl-istess mod, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk talba għal estradizzjoni indirizzata minn Stat terz abbażi ta’ ftehim ta’ estradizzjoni tirrigwardax l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija jew, kif kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630), prosekuzzjoni? Huwa rilevanti li l-persuna li ntalbet l-estradizzjoni tagħha tkun ċittadina mhux biss tal-Unjoni iżda wkoll tal-Istat rikjedenti?

    2)

    Leġiżlazzjoni nazzjonali skont liema huma biss iċ-ċittadini nazzjonali li ma jiġux estraditi barra l-Unjoni għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena, tiddiskrimina b’mod mhux iġġustifikat liċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor? Il-mekkaniżmi tad-dritt talUnjoni li jippermettu li jinkiseb b’mod inqas restrittiv għan leġittimu bħala tali għandhom jiġu applikati ukoll f’każ ta’ eżekuzzjoni? Kif għandha tiġi mwieġba talba għal estradizzjoni f’każ fejn l-Istat Membru l-ieħor ikun ġie infurmat, b’applikazjzoni ta’ tali mekkaniżmi, bit-talba għal estradizzjoni, iżda li dan l-aħħar Stat, pereżempju minħabba ostakli legali, ma jiħux miżuri fir-rigward taċ-ċittadin tiegħu?”

    III. L-analiżi tiegħi

    34.

    Infakkar li d-domandi preliminari magħmula mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) huma dwar jekk jeżistix ostakolu legali għall-estradizzjoni ta’ D. Raugevicius lejn ir-Russja, f’liema każ l-awtoritajiet Finlandiżi ma jkunux f’pożizzjoni li jilqgħu t-talba għal estradizzjoni magħmula minn dan l-Istat terz.

    35.

    Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li sabiex tingħata risposta għal talba għal estradizzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni u li saret minn Stat terz għall-eżekuzzjoni ta’ piena mogħtija minn dan l-Istat, iċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat Membru mitlub għandhom jibbenefikaw mir-regola li tipprojbixxi l-estradizzjoni minn dan l-aħħar Stat Membru taċ-ċittadini tiegħu stess.

    36.

    Preliminarjament, nosserva li l-piena li għandha tiġi eżegwita hija mogħtija permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tar-Reġjun ta’ Leningrad (ir-Russja), li neħħiet is-sospensjoni tal-priġunerija li għaliha D. Raugevicius kien ġie kkundannat fl‑1 ta’ Frar 2011, billi kkundannat lil dan tal-aħħar għal piena ta’ priġunerija ta’ erba’ snin. Peress li l-għoti ta’ din il-piena l-ġdida donnu kien immotivat min-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi ta’ sorveljanza minn D. Raugevicius, huwa probabbli li t-tieni piena ngħatat fl-assenza ta’ dan tal-aħħar. Jekk din il-konstatazzjoni tiġi kkonfermata mill-qorti tar-rinviju, ikun hemm lok li din teżamina jekk id-deċiżjoni kriminali eżekuttiva ngħatatx b’konformità mad-dritt għal smigħ xieraq.

    37.

    B’dan ippreċiżat, mis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin ( 12 ), jirriżulta li fl-assenza ta’ ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u l-Istat terz ikkonċernat, ir-regoli fil-qasam tal-estradizzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri ( 13 ).

    38.

    Madankollu, f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, ir-regoli nazzjonali kkonċernati għandhom ikunu konformi ma’ dan tal-aħħar ( 14 ).

    39.

    Għalhekk, is-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jinkludu dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru, kif mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE ( 15 ).

    40.

    Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, bħal D. Raugevicius, ċittadin Litwan, li għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ movement liberu fl-Unjoni billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru ieħor li tiegħu ma għandux iċ-ċittadinanza, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE.

    41.

    Din il-konstatazzjoni b’ebda mod ma hija affettwata mill-fatt, enfasizzat mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema), li l-persuna kkonċernata għandha wkoll in-nazzjonalità tal-Istat terz li jitlob l-estradizzjoni tagħha. Fil-fatt, in-nazzjonalità doppja ta’ Stat Membru u ta’ Stat terz ma tistax iċċaħħad lill-persuna kkonċernata mil-libertajiet li hija għandha taħt id-dritt tal-Unjoni bħala ċittadina ta’ Stat Membru ( 16 ). Lanqas ma jaffettwa d-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni l-fatt li, b’differenza ta’ dak li kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin ( 17 ), it-talba għal estradizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali saret għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija u mhux għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali.

    42.

    Fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattati, l-Artikolu 18 TFUE jipprojbixxi kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità.

    43.

    Skont l-Artikolu 6(1)(a) tagħha, il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tippermetti lill-Istati parti jirrifjutaw l-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħhom stess. Madankollu, din is-setgħa għandha tiġi eżerċitata konformement mad-dritt primarju, u b’mod partikolari, mar-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-ugwaljanza fit-trattament u tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni ( 18 ).

    44.

    Għalhekk, l-applikazzjoni minn Stat Membru ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu li tipprovdi li ebda ċittadin nazzjonali ma għandu jiġi estradit għandha tkun konformi mat-Trattat FUE, b’mod partikolari mal-Artikoli 18 u 21 tiegħu ( 19 ).

    45.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli nazzjonali ta’ estradizzjoni ta’ Stat Membru li jintroduċu differenza fit-trattament skont jekk il-persuna kkonċernata hijiex ċittadin ta’ dan l-Istat Membru jew ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, sa fejn dawn iwasslu sabiex ma jagħtux liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li daħlu fit-territorju tal-Istat mitlub il-protezzjoni mill-estradizzjoni li minnha jgawdu ċ-ċittadini ta’ dan l-aħħar Stat Membru, jistgħu jaffettwaw il-libertà ta’ moviment fl-Unjoni ta’ dawk tal-ewwel ( 20 ).

    46.

    Minn dan isegwi li f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-inugwaljanza fit-trattament li tikkonsisti fil-fatt li tiġi permessa l-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru mitlub, bħal D. Raugevicius, tikkostitwixxi restrizzjoni tal-moviment liberu, fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE ( 21 ).

    47.

    Tali restrizzjoni tista’ tkun iġġustifikata biss jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u tkun proporzjonata mal-għan leġittimament imfittex mir-regoli nazzjonali ta’ estradizzjoni inkwistjoni ( 22 ).

    48.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuni li jkunu wettqu reat jidħol fil-kuntest tal-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontra dan il-fenomenu. Dan l-għan għandu jitqies, fil-kuntest taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, imsemmija fl-Artikolu 3(2) TUE, bħala wieħed ta’ natura leġittima fid-dritt tal-Unjoni ( 23 ).

    49.

    Madankollu, miżuri li jirrestrinġu libertà fundamentali, bħal dik prevista fl-Artikolu 21 TFUE, jistgħu jkunu ġġustifikati minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi biss jekk dawn ikunu neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi li huma intiżi li jiżguraw, u dan biss sakemm dawn l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu permezz ta’ miżuri inqas restrittivi ( 24 ).

    50.

    Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħal dik li għadni kemm iddeskrivejt, tqum il-kwistjoni dwar jekk, fir-rigward ta’ D. Raugevicius, ir-Repubblika tal-Finlandja tistax taġixxi b’mod li jippreġudika inqas l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu tiegħu minn dak tad-deċiżjoni li testradixxih lejn ir-Russja.

    51.

    Fid-determinazzjoni dwar jekk teżistix miżura alternattiva li tippreġudika inqas l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE u li tippermetti wkoll li jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi bħad-deċiżjoni ta’ estradizzjoni l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità ta’ persuna kkundannata għal piena ta’ priġunerija fi Stat terz, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin ( 25 ), fir-rigward ta’ talba għal estradizzjoni għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, iddeċidiet li huwa importanti li tingħata prijorità lill-iskambji ta’ informazzjoni mal-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha n-nazzjonalità, sabiex jekk ikun il-każ, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru jingħataw l-opportunità li joħorġu mandat ta’ arrest għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni. Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiġi indirizzata talba lil Stat Membru li fih jinsab ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, għal estradizzjoni minn Stat terz li miegħu l-ewwel Stat Membru kkonkluda ftehim ta’ estradizzjoni, huwa għandu jinforma lill-Istat Membru li tiegħu l-imsemmi ċittadin għandu n-nazzjonalità, u jekk ikun il-każ, fuq talba ta’ dan l-aħħar Stat Membru, jikkonsenjalu lil dan iċ-ċittadin, skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri ( 26 ), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 ( 27 ), kemm‑il darba dan l-Istat Membru jkollu ġurisdizzjoni, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, li jressaq proċeduri kriminali kontra dik il-persuna għal fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali ( 28 ).

    52.

    Fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ April 2018, Pisciotti ( 29 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din is-soluzzjoni, meħuda f’kuntest ikkaratterizzat mill-assenza ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam tal-estradizzjoni bejn l-Unjoni u l-Istat terz ikkonċernat, għandha l-għan li tapplika f’sitwazzjoni fejn tali ftehim jagħti lill-Istat Membru mitlub is-setgħa li ma jestradixxix liċ-ċittadini tiegħu stess.

    53.

    Madankollu, fil-fehma tiegħi, iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ jipprekludu li jitqies li l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-Istat Membru mitlub u l-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha n-nazzjonalità, kif enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin ( 30 ), tista’ titqies bħala alternattiva xierqa għall-estradizzjoni.

    54.

    Fil-fatt, kif rajna, dan il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq informazzjoni mill-Istat Membru mitlub lill-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha n-nazzjonalità, bil-għan li jagħti lil dan l-aħħar Stat l-opportunità li joħroġ, jekk ikun il-każ, mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali.

    55.

    Issa, infakkar li t-talba għal estradizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-eżekuzzjoni tal-piena li għaliha D. Raugevicius ġie kkundannat fir-Russja. Għalhekk hemm lok li jiġi eżaminat mhux jekk jistgħux jittieħdu proċeduri kriminali ġodda kontra D. Raugevicius mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, jiġifieri r-Repubblika tal-Litwanja, iżda pjuttost jekk l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena ġewwa l-Unjoni tikkostitwixxix jew le miżura alternattiva għall-estradizzjoni. Nenfasizza wkoll li soluzzjoni intiża sabiex tagħti l-possibbiltà lill-awtoritajiet ġudizzjarji Litwani joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali ġodda kontra D. Raugevicius tmur kontra l-prinċipju ta’ ne bis in idem.

    56.

    Jidhirli li lanqas huwa possibbli li jinbena mekkaniżmu li permezz tiegħu l-awtoritajiet ġudizzjarji Litwani jkollhom il-possibbiltà li joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni tal-piena fit-territorju Litwan. Minbarra l-ostakolu legali li jikkostitwixxi l-fatt li l-piena li għandha tiġi eżegwita ngħatat minn qorti ta’ Stat terz, nirrileva li, f’tali każ, l-awtoritajiet Finlandiżi jistgħu jinvokaw il-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li tinsab fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jipprovdi li l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tista’ tirrifjuta li teżegwixxi tali mandat maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija meta l-persuna rikjesta “qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi” u dak l-Istat jintrabat li jeżegwixxi din il-piena skont id-dritt intern tiegħu.

    57.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva għandha b’mod partikolari l-għan li tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tagħti importanza partikolari lill-possibbiltà ta’ żieda fl-opportunitajiet ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna rikjesta meta tiġi skontata l-piena li għaliha din tal-aħħar tkun ġiet ikkundannata ( 31 ).

    58.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li kif indikat il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha, D. Raugevicius ikkontesta l-estradizzjoni tiegħu billi invoka b’mod partikolari l-fatt li huwa diġà kien ilu żmien twil jgħix fil-Finlandja u li f’dan l-Istat Membru huwa għandu żewġt itfal li huma ċittadini Finlandiżi.

    59.

    Dawn l-elementi fattwali ma tqiegħdux inkwistjoni matul din il-proċedura. Barra minn hekk, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħet tistaqsi, matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li saret fl‑14 ta’ Mejju 2018, la lir-Repubblika tal-Finlandja u lanqas lir-rappreżentant ta’ D. Raugevicius bil-għan li jikkonfermaw dawn l-elementi u jippreċiżaw ir-rabtiet eżistenti bejn D. Raugevicius u dan l-Istat Membru, peress li ebda waħda minn dawn iż-żewġ partijiet ma qieset utli li tipparteċipa f’din is-seduta. Għalhekk ser nibbaża ruħi biss fuq l-uniċi żewġ elementi fattwali li għandi, jiġifieri dawk li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju.

    60.

    Il-fatt li D. Raugevicius ilu diġà żmien twil jgħix fil-Finlandja u li f’dan l-Istat Membru għandu żewġt itfal ċittadini Finlandiżi jwassalni sabiex nikkunsidra li sabiex niffaċilita l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tiegħu ladarba jiskonta l-piena tiegħu, huwa fit-territorju Finlandiż li għandha tiġi eżegwita l-kundanna mogħtija fir-Russja, jekk ikun il-każ wara li tiġi addattata skont il-piena prevista mil-leġiżlazzjoni kriminali Finlandiża għal reat tal-istess natura.

    61.

    Ir-risposta li għandha tagħti r-Repubblika tal-Finlandja għat-talba għal estradizzjoni magħmula mill-awtoritajiet Russi, għandha għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni l-iskop ta’ integrazzjoni mill-ġdid tal-piena, li huwa marbut strettament mal-kunċett ta’ “dinjità umana”, stabbilit mill-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

    62.

    L-eżekuzzjoni ta’ piena sseħħ wara li tingħata kundanna definittiva. Għalhekk tirrigwarda l-aħħar fażi tal-proċess kriminali, dik li fiha jingħata effett lis-sentenza.

    63.

    L-eżekuzzjoni tkopri l-miżuri kollha ta’ natura, minn naħa, li jiżguraw l-eżekuzzjoni materjali tal-piena u, min-naħa l-oħra, li jiżguraw l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom jistabbilixxu l-modalitajiet relatati mal-iżvolġiment tal-piena u mal-amministrazzjoni tagħha, billi jiddeċiedu, pereżempju, dwar il-kollokament fl-estern, il-permessi tal-ħruġ, is-semilibertà, it-tqassim u s-sospensjoni tal-piena, il-miżuri ta’ liberazzjoni bikrija jew kundizzjonata tal-priġunier jew it-tqegħid taħt sorveljanza elettronika. Id-dritt tal-eżekuzzjoni tal-pieni jkopri wkoll il-miżuri li jistgħu jiġu adottati wara l-liberazzjoni tal-persuna kkundannata, bħat-tqegħid taħt sorveljanza ġudizzjarja jew anki l-parteċipazzjoni tagħha fi programmi ta’ riabilitazzjoni, jew miżuri ta’ kumpens favur il-vittmi.

    64.

    Dan jimplika li l-miżuri kollha relatati mal-eżekuzzjoni u l-amministrazzjoni tal-pieni huma individwalizzati mill-awtoritajiet ġudizzjarji b’mod li jiffavorixxi, fl-osservanza tal-interessi tas-soċjetà u tad-drittijiet tal-vittmi, minbarra l-prevenzjoni ta’ reċidiviżmu, l-integrazzjoni jew l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata.

    65.

    L-eżekuzzjoni tal-piena fl-Istat Membru fejn il-persuna kkonċernata tirresjedi mal-familja tagħha tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-distakk bejnha u l-komunità li fiha hija trid tintegra mill-ġdid labarba l-piena tiġi eżegwita. L-istabbiliment ta’ dan il-post għall-eżekuzzjoni tal-piena huwa neċessarju sabiex tinżamm ir-rabta soċjali li l-persuna kkonċernata bniet, li ppermettiet l-inklużjoni tiegħu fis-soċjetà kkonċernata u li għalhekk tiffavorixxi l-integrazzjoni soċjali tagħha mill-ġdid wara li l-piena ta’ priġunerija tiġi skontata.

    66.

    It-trasferiment jikkostitwixxi miżura ta’ eżekuzzjoni tal-piena ( 32 ). Hija tippermetti l-individwalizzazzjoni tal-piena, bil-għan li tiffavorixxi l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata.

    67.

    Kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru fejn huwa ġenwinament integrat hija fl-interess mhux biss ta’ dan tal-aħħar, iżda wkoll tal-Unjoni inġenerali ( 33 ).

    68.

    L-importanza mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni lill-integrazzjoni soċjali mill-ġdid hija kkonfermata b’mod espliċitu, b’mod partikolari, mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea ( 34 ), li l-Artikolu 3(1) tagħha jippreċiża li għandha l-għan li “[t]iffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata”.

    69.

    Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat l-obbligu tal-Istati Membri li jieħdu inkunsiderazzjoni l-għan ta’ integrazzjoni mill-ġdid tal-priġunieri fl-iżvilupp tal-politika kriminali tagħhom ( 35 ).

    70.

    Fir-rigward tal-għan li jikkonsisti fiż-żieda tal-opportunitajiet ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid ta’ persuna kkundannata għal piena ta’ priġunerija fi Stat terz, iċ-ċittadini tal-Istat Membru mitlub u ċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra li jirrisjedu f’dan l-Istat ma għandhomx, bħala prinċipju, jiġu ttrattati b’mod differenti ( 36 ).

    71.

    Fil-fatt, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li għandhom rabta ġenwina, stabbli u fit-tul mas-soċjetà tal-Istat Membru mitlub jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik taċ-ċittadini ta’ dan l-aħħar Stat Membru. Trattament differenti billi ma jingħatawx l-istess opportuntajiet ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid ikun jikkostitwixxi, għalhekk, diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li tmur kontra l-Artikolu 18 TFUE. Jidher ukoll kontradittorju għall-kunċett ta’ “ċittadinanza tal-Unjoni” stess, l-argument li għandhom ikunu biss il-persuni li għandhom iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru mitlub li jippreżentaw din ir-rabta ( 37 ).

    72.

    Għalhekk l-iskop tal-integrazzjoni mill-ġdid tal-piena jidher li huwa regola favur l-ugwaljanza li bħala tali, hija inerenti fl-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

    73.

    F’dan ir-rigward, nenfasizza li f’dan il-każ differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini Finlandiżi u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirresjedu fil-Finlandja ma tistax tiġi ġġustifikata bl-għan li tiġi evitata l-impunità ta’ persuni li jkunu wettqu reat, kif enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin ( 38 ).

    74.

    Fil-fatt, l-eżekuzzjoni fit-territorju Finlandiż tal-piena mogħtija fir-Russja fir-rigward ta’ D. Raugevicius tidher possibbli għal żewġ raġunijiet.

    75.

    Fl-ewwel lok, tali possibbiltà donnha tirriżulta mir-regoli li jinsabu fil-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kkundannati tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-21 ta’ Marzu 1983 ( 39 ).

    76.

    Konformement ma’ dak indikat fil-preambolu tagħha, din il-konvenzjoni tistabbilixxi kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam kriminali li “għandha sservi l-interessi tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tiffavorixxi l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuni kkundannati” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    77.

    Fost il-kundizzjonijiet tat-trasferiment, l-Artikolu 3(1)(a) tal-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kkundannati jipprovdi dik li “l-persuna kkundannata għandha tkun ċittadina tal-Istat ta’ eżekuzzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont l-Artikolu 3(4) ta’ din il-konvenzjoni, “[k]walunkwe Stat jista’, fi kwalunkwe mument, permezz ta’ dikjarazzjoni indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, jiddefinixxi, sa fejn jikkonċerna lilu, it-terminu ‘ċittadin’ għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 40 ). Issa permezz ta’ dikjarazzjoni ppreżentata fid‑29 ta’ Jannar 1987, ir-Repubblika tal-Finlandja indikat li “[s]kont l-Artikolu 3(4), [hija] testendi t-terminu ‘ċittadin’ għal ċittadin tal-Istat ta’ eżekuzzjoni u għal barranin li għandhom id-domiċilju fl-Istat ta’ eżekuzzjoni” ( 41 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    78.

    Għalhekk, ir-Repubblika tal-Finlandja għażlet li testendi l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kkundannati għall-“barranin li għandhom id-domiċilju tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fit-territorju tagħha.

    79.

    Fil-kuntest tal-eżami tal-possibbiltà li tiġi eżegwita l-piena fil-Finlandja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ukoll, jekk ikun il-każ, il-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kkundannati, tat‑18 ta’ Diċembru 1997 ( 42 ), li l-Artikolu 2 tiegħu jirrigwarda l-persuni li ħarbu mill-Istat ta’ kundanna.

    80.

    Fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, il-possibbiltà li tiġi eżegwita fit-territorju Finlandiż il-piena mogħtija fir-Russja fir-rigward ta’ D. Raugevicius tirriżulta mil-Liġi dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Eżekuzzjoni ta’ ċerti Sanzjonijiet Kriminali, li l-Artikolu 3 tagħha jipprovdi li piena mogħtija minn qorti ta’ Stat barrani tista’ tiġi eżegwita fil-Finlandja jekk il-kundanna tkun saretres judicata u eżekuttiva fl-Istat li fih ingħatat u jekk l-Istat li fih ingħatat talabx dan jew tax il-kunsens tiegħu għal dan. Skont dan l-istess artikolu, piena ta’ priġunerija tista’ tiġi eżegwita fil-Finlandja jekk il-persuna kkundannata hija ċittadina Finlandiża jew ċittadina barranija residenti b’mod permanenti fil-Finlandja u l-persuna kkundannata tagħti l-kunsens tagħha għal dan.

    81.

    Mill-elementi preċedenti jirriżulta li sabiex jiġi żgurat l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità ta’ persuni li jkunu wettqu reat u dak li jikkonsisti fiż-żieda tal-opportunitajiet ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna rikjesta wara li tiġi skontata l-piena li għaliha din tal-aħħar tkun ġiet ikkundannata, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hemmx lok li jitqajjem mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni, ispirat minn dak mibdi mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin ( 43 ), bejn l-Istat Membru mitlub u l-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha n-nazzjonalità, li l-implimentazzjoni tiegħu fil-prattika hija kumplessa u li għandu konsegwenzi inċerti. Fil-fatt, fid-dawl tar-rabtiet li D. Raugevicius donnu għandu mal-Finlandja, ma jeżisti ebda interess, la mill-perspettiva tal-ġlieda kontra l-impunità u lanqas minn dik tal-integrazzjoni soċjali mill-ġdid, li tiġi inkorraġġuta l-eżekuzzjoni fil-Litwanja tal-piena imposta lilu. Huwa għalhekk li nikkunsidra li, f’dan il-kuntest, ma jidhirx li huwa neċessarju li l-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha n-nazzjonalità jiġi informat sabiex jingħata l-opportunità li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew sabiex jiġu eżerċitati l-proċeduri kriminali jew sabiex tiġi eżegwita l-piena.

    82.

    Min-naħa l-oħra, l-Istat Membru li għandu jirrispondi għal talba għal estradizzjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu skont l-Artikoli 18 u 21 TFUE, juża l-istrumenti ta’ kooperazzjoni internazzjonali kollha li huwa għandu fil-qasam kriminali fir-rigward tal-Istat terz rikjedent sabiex jikseb il-kunsens ta’ dan tal-aħħar sabiex il-piena ta’ priġunerija imposta fuq il-persuna kkonċernata tiġi eżegwita fit-territorju tiegħu, jekk ikun il-każ wara li tiġi addattata skont il-piena prevista mil-leġiżlazzjoni kriminali għal reat tal-istess natura. B’din it-tip ta’ kooperazzjoni mal-Istat terz li jitlob l-estradizzjoni sabiex jeżegwixxi l-piena fit-territorju tiegħu, l-Istat Membru mitlub jaġixxi b’mod li jippreġudika inqas l-eżerċizzju tad-dritt ta’ movement liberu billi jevita, sa fejn huwa possibbli, ir-riskju li fin-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-piena, ir-reat li ta lok għall-kundanna jibqa’ mingħajr sanzjoni. Billi jaġixxi b’dan il-mod, l-Istat Membru mitlub jiffavorixxi l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata, ladarba l-piena tiġi skontata. Għalhekk, jidhirli li huwa fundamentali li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan intiż sabiex jiffavorixxi l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid b’mod konkomitanti għal dak intiż sabiex jiġġieled kontra l-impunità, billi tingħata prijorità lis-soluzzjoni xierqa sabiex jintlaħqu dawn iż-żewġ għanijiet.

    83.

    Fil-qosor, fil-verifika tal-punt dwar jekk miżuri alternattivi li jippreġudikaw inqas il-moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni minn estradizzjoni ta’ dan tal-aħħar, jippermettux li jintlaħaq b’mod effikaċi l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità ta’ persuni li jkunu wettqu reat, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni għan ieħor, fundamentali wkoll fid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri dak intiż sabiex jiffaċilita l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid ta’ persuni kkundannati. F’din il-perspettiva, kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, hija ma għandhiex teżamina biss il-forom ta’ kooperazzjoni interna fil-qasam kriminali fis-seħħ fi ħdan l-Unjoni iżda wkoll il-forom ta’ kooperazzjoni fil-qasam kriminali bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi li jirriżultaw minn ftehimiet internazzjonali, b’mod partikolari dawk li ġew konklużi fil-kuntest ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li magħhom l-Unjoni kkoperat.

    84.

    Finalment inżid li deċiżjoni tal-awtoritajiet Finlandiżi li tirrifjuta li tilqa’ talba għal estradizzjoni magħmula mill-Federazzjoni Russa ma tistax titqies li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni.

    85.

    Fil-fatt, kif indikajt preċedentement, l-Artikolu 6(1)(a) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni jippermetti lir-Repubblika tal-Finlandja tirrifjuta l-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħha stess. Hemm lok li jiġi enfasizzat li skont il-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 6(1)(b) ta’ din l-istess konvenzjoni, ir-Repubblika tal-Finlandja għażlet li tiddefinixxi f’dikjarazzjoni t-terminu “ċittadini” fis-sens tal-imsemmija konvenzjoni, bħala li jfisser “iċ-ċittadini tal-Finlandja, tad-Danimarka, tal-Islanda, tan-Norveġja u tal-Isvezja kif ukoll il-barranin iddomiċiljati f’dawn l-Istati” ( 44 ).

    86.

    F’dan il-każ, din ix-xewqa ta’ ugwaljanza fir-rigward tal-protezzjoni mill-estradizzjoni espressa mir-Repubblika tal-Finlandja f’din id-dikjarazzjoni ma tistax, fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni bħal D. Raugevicius, tibqa’ mingħajr effett. L-Artikoli 18 u 21 TFUE jobbligaw lir-Repubblika tal-Finlandja tagħtiha l-effett sħiħ tagħha.

    87.

    Konsegwentement, inqis li l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta Stat Membru li fih jinsab ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, jiġi indirizzat talba għal estradizzjoni minn Stat terz għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija li ngħatat f’dak l-Istat, l-Istat Membru mitlub għandu l-obbligu li jeżamina jekk, fid-dawl tar-rabtiet tal-persuna kkundannata ma’ dan l-Istat, l-eżekuzzjoni tal-piena f’dan l-Istat Membru tkun ta’ natura li tiffavorixxi l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid ta’ din il-persuna ( 45 ). Jekk dan huwa l-każ, l-imsemmi Stat Membru għandu jimplimenta l-istrumenti ta’ kooperazzjoni internazzjonali kollha li huwa għandu fil-qasam kriminali fir-rigward tal-Istat terz rikjedent sabiex jikseb il-kunsens ta’ dan tal-aħħar sabiex il-piena inkwistjoni tiġi eżegwita fit-territorju tiegħu, jekk ikun il-każ wara li tiġi addattata skont il-piena prevista mil-leġiżlazzjoni kriminali għal reat tal-istess natura.

    IV. Konklużjoni

    88.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja):

    L-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta Stat Membru li fih jinsab ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, jiġi indirizzat talba għal estradizzjoni minn Stat terz għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija li ngħatat f’dak l-Istat, l-Istat Membru mitlub għandu l-obbligu li jeżamina jekk, fid-dawl tar-rabtiet tal-persuna kkundannata ma’ dan l-Istat, l-eżekuzzjoni tal-piena f’dan l-Istat Membru tkun ta’ natura li tiffavorixxi l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid ta’ din il-persuna. Jekk dan huwa l-każ, l-imsemmi Stat Membru għandu jimplimenta l-istrumenti ta’ kooperazzjoni internazzjonali kollha li huwa għandu fil-qasam kriminali fir-rigward tal-Istat terz rikjedent sabiex jikseb il-kunsens ta’ dan tal-aħħar sabiex il-piena inkwistjoni tiġi eżegwita fit-territorju tiegħu, jekk ikun il-każ wara li tiġi addattata skont il-piena prevista mil-leġiżlazzjoni kriminali għal reat tal-istess natura.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) C-182/15, EU:C:2016:630.

    ( 3 ) Iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni”.

    ( 4 ) Iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Estradizzjoni”.

    ( 5 ) Il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) tiċċita b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Epitropos tou Elegktikou Synedriou (C‑363/11, EU:C:2012:825, punt 18).

    ( 6 ) C‑182/15, EU:C:2016:630.

    ( 7 ) C‑182/15, EU:C:2016:630.

    ( 8 ) C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 37.

    ( 9 ) Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Valur Internazzjonali tas-Sentenzi tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Infurzar tal-Liġi, iffirmata f’Den Haag fit‑28 ta’ Mejju 1970.

    ( 10 ) C‑182/15, EU:C:2016:630.

    ( 11 ) C‑182/15, EU:C:2016:630.

    ( 12 ) C‑182/15, EU:C:2016:630.

    ( 13 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 26).

    ( 14 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 27).

    ( 15 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 33).

    ( 16 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C‑369/90, EU:C:1992:295, punt 15).

    ( 17 ) C‑182/15, EU:C:2016:630.

    ( 18 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 42).

    ( 19 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 43).

    ( 20 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 21 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 22 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 23 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 24 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 25 ) C‑182/15, EU:C:2016:630.

    ( 26 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34.

    ( 27 ) ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

    ( 28 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 4850).

    ( 29 ) C‑191/16, EU:C:2018:222.

    ( 30 ) C‑182/15, EU:C:2016:630.

    ( 31 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 32 ) Ara f’dan ir-rigward, il-Qorti EDB, tas‑27 ta’ Ġunju 2006, Szabó vs L‑Isvezja, CE:ECHR:2006:0627DEC002857803, p. 12.

    ( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, B u Vomero (C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 34 ) ĠU 2008, L 327, p. 27.

    ( 35 ) Ara b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 30 ta’ Ġunju 2015, Khoroshenko vs Ir‑Russja, CE:ECHR:2015:0630JUD004141804 (§ 121).

    ( 36 ) Ara b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge (C‑42/11, EU:C:2012:517, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 37 ) Ara, fl-istess sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Lopes Da Silva Jorge (C‑42/11, EU:C:2012:151, punti 5051), li jirrileva, barra minn hekk, li “[l]-libertà ta’ moviment u ta’ residenza, konċessa mid-dritt tal-Unjoni, għandha wkoll bħala konsegwenza diretta l-fatt li llum il-ġurnata mhux possibbli li wieħed jippreżumi, b’mod indiskutibbli, li l-possibbiltajiet ta’ rijabilitazzjoni ta’ persuna kkundannata huma l-iktar għolja fl-uniku pajjiż li tiegħu l-persuna għandha ċ-ċittadinanza” (punt 51).

    ( 38 ) C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 37.

    ( 39 ) Ara b’analoġija, għal teħid inkunsiderazzjoni ta’ din il-konvenzjoni sabiex tiġi stabbilita l-possibbiltà li Stat Membru jeżegwixxi piena mogħtija fi Stat Membru ieħor, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge (C‑42/11, EU:C:2012:517, punti 44 sa 49).

    ( 40 ) F’dan ir-rigward, ir-Rapport ta’ Spjega tal-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kkundannati jindika li “[d]in il-possibbiltà, korrispondenti għal dik prevista mill-Artikolu 6[(1)(b)] tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, għandha tiġi interpretata f’sens wiesa’: hija tippermetti lill-Istati kontraenti jestendu l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni għal persuni oħra minbarra ċ-‘ċittadini’, fis-sens strett tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tan-nazzjonalità tal-Istat ikkonċernat, pereżempju għal persuni mingħajr stat jew ċittadini ta’ Stati oħra iżda li għandhom għeruq fil-pajjiż għaliex huma residenti permanenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (p. 4, § 20).

    ( 41 ) Korsiv miżjud minni. L-eżistenza ta’ tali dikjarazzjoni tqajmet mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tas-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge (C‑42/11, EU:C:2012:517, punt 48).

    ( 42 ) Fir-rigward tal-Protokoll dwar l-emenda tal-Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kkundannati, tat-22 ta’ Novembru 2017, sa llum dan għadu ma daħalx fis-seħħ.

    ( 43 ) C‑182/15, EU:C:2016:630.

    ( 44 ) Korsiv miżjud minni.

    ( 45 ) F’dan ir-rigward, l-Istat Membru mitlub jista’ jibbaża lilu nnifsu, b’analoġija, fuq il-kriterji elenkati fil-premessa 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Ara f’dan ir-rigward, Martufi, A., “Assessing the resilience of ‘social rehabilitation’ as a rationale for transfer: A commentary on the aims of Framework Decision 2008/909/JHA”, New Journal of European Criminal Law, Sage Publishing, New York, 2018, vol. 9, issue 1, p. 43 sa 61.

    Top