Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0238

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-12 ta’ Lulju 2018.
    UAB ,,Renerga“ vs AB „Energijos skirstymo operatorius“ u AB „Lietuvos energijos gamyba“.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2009/72/KE – Artikolu 3(2), (6) u (15) u Artikolu 36(f) – Suq intern tal-elettriku – Natura ipotetika tad-domandi preliminari – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
    Kawża C-238/17.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:571

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fit-12 ta’ Lulju 2018 ( 1 )

    Kawża C-238/17

    UAB “Renerga”

    v

    AB „Energijos skirstymo operatorius“

    AB „Lietuvos energijos gamyba“

    fil-preżenza ta’:

    UAB “BALTPOOL”,

    Lietuvos Respublikos Vyriausybė,

    Achema AB,

    Achema Grupė UAB

    (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali tal-belt ta’ Vilnius, il-Litwanja))

    (Talba għal deċiżjoni preliminari — Suq intern fil-qasam tal-elettriku — Direttiva 2009/72/KE — Artikolu 3(2) —Obbligi tas-servizz pubbliku — Artikolu 3(6) — Kumpens finanzjarju — Artikolu 3(15) — Obbligu tal-Istat Membru li jinfurma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha adottati biex ikunu sodisfatti l-obbligi tas-servizz universali u tas-servizz pubbliku — Artikolu 36(f) –Awtorità regolatorja)

    1.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali tal-belt ta’ Vilnius, il-Litwanja) saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn produttur tal-enerġija u żewġ xerrejja dwar l-allegat ħlas tardiv tal-kumpens għal servizz pubbliku minn dan il-produttur lil dawn tal-aħħar.

    2.

    Il-proposta tiegħi hija li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun li d-domandi tal-qorti tar-rinviju huma inammissibbli minħabba l-assenza tal-obbligu ta’ servizz pubbliku skont id-Direttiva 2009/72/KE. ( 2 ) Il-kawża preżenti sempliċiment ma taqax fl-ambitu tad-Direttiva 2009/72/KE.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3.

    Il-premessi 46 u 50 tad-Direttiva 2009/72/KE jaqraw kif ġej:

    “(46)

    Ir-rispett tar-rekwiżiti tas-servizz pubbliku huwa ħtieġa fundamentali ta’ din id-Direttiva, u huwa importanti li standards minimi komuni, li jkunu rispettati mill-Istati Membri kollha, jiġu speċifikati f’din id-Direttiva, liema standards għandhom jikkunsidraw l-għanijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur, is-sigurtà tal-provvista, il-protezzjoni tal-ambjent u livelli ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha. Huwa importanti li r-rekwiżiti tas-servizz pubbliku jkunu jistgħu jiġu interpretati fuq bażi nazzjonali, waqt li jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi nazzjonali u suġġett għar-rispett lejn il-liġi tal-Komunità.

    […]

    (50)

    Ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku, inkluż fir-rigward tas-servizz universali, u l-istandards komuni minimi li jitnisslu minnhom, jeħtieġ li jissaħħu aktar biex jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kompetizzjoni u minn prezzijiet ġusti. Ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku għandhom jiġu definiti fuq bażi nazzjonali, filwaqt li jkunu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi nazzjonali; Il-liġi tal-Komunità għandha, madanakollu, tkun rispettata mill-Istati Membri.

    […]”

    4.

    Skont l-Artikolu 3(2), (6) u (15) tad-Direttiva 2009/72/KE:

    “2.   B’konsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 86 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur tal-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ambjentali, inklużi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, ill-enerġija minn sorsi rinovabbli li jiġġeddu u l-protezzjoni tal-klima. Tali obbligi għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku Komunitarji għall-konsumaturi nazzjonali. Fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija/il-ġestjoni tad-domanda kif ukoll il-kisba tal-għanijiet ambjentali u tal-għanijiet fir-rigward tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu, kif imsemmi f’dan il-punt, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-implimentazzjoni ta’ ppjanar għal perjodu fit-tul, meta titqies il-possibilità li terzi persuni jitolbu aċċess għas-sistema.

    […]

    6.   Meta jkun hemm kumpens finanzjarju, forom oħra ta’ kumpens u drittijiet esklussivi li Stat Membru jagħti għat-twettiq tal-obbligi previsti fil-paragrafi 2 u 3, dan għandu jsir b’mod non-diskriminatorju u trasparenti.

    […]

    15.   L-Istati Membri għandhom, meta tiġi implimentata din id-Direttiva, jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha adottati biex ikunu sodisfatti l-obbligi tas-servizz universali u tas-servizz pubbliku, inkluż il-protezzjoni tal-konsumatur u dik ambjentali, u l-effett possibbli tagħhom fuq il-kompetizzjoni nazzjonali u internazzjonali, kemm jekk miżuri bħal dawn ikunu jeħtieġu deroga minn din id-Direttiva kif ukoll jekk le. Sussegwentement huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni kull sentejn dwar kwalunkwe bdil għat-tali miżuri, kemm jekk dawn ikunu jeħtieġu xi deroga minn din id-Direttiva kif ukoll jekk le.”

    5.

    Skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/72/KE,

    “Fit-twettiq tal-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jinkisbu l-objettivi li ġejjin fil-qafas tal-kompiti u s-setgħat tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 37, f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali konċernati oħra inklużi awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fejn ikun il-każ, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tagħhom:

    […]

    (f)

    jiġi żgurat li l-operaturi tas-sistema u l-utenti tas-sistema jingħataw inċentivi xierqa, kemm għall-perijodu qasir kif ukoll għal dak fit-tul, sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-prestazzjoni tan-network u titrawwem l-integrazzjoni tas-suq;”

    Id-dritt Litwan

    6.

    Id-Direttiva 2009/72/KE kienet ġiet trasposta fid-dritt Litwan permezz tal-Energetikos įstatymas (il-Liġi dwar l-Enerġija), l-Elektros energetikos įstatymas (il-Liġi dwar l-Elettriku) u l-Atsinaujinančių išteklių energetikos įstatymas (il-Liġi dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli).

    7.

    Fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Elettriku, il-Gvern Litwan adotta fit-18 ta’ Lulju 2012 il-Vyriausybės nutarimas Nru 916 Dėl Viešuosius interesus atitinkančių paslaugų elektros energetikos sektoriuje teikimo tvarkos aprašo patvirtinimo (id-Digriet tal-Gvern Nru 916 dwar l-approvazzjoni tal-proċedura għall-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali fis-settur tal-elettriku). Skont il-punt 3 ta’ dan id-digriet il-kumpens għal servizz pubbliku huwa amministrat skont il-Vyriausybės nutarimas Nru 1157 Dėl Viešuosius interesus atitinkančių paslaugų elektros energetikos sektoriuje lėšų administravimo tvarkos aprašo patvirtinimo (id-Digriet tal-Gvern Nru 1157 tad-19 ta’ Settembru 2012 dwar l-approvazzjoni tal-proċeduri għall-amministrazzjoni ta’ flus għal servizzi ta’ interess ġenerali fis-settur tal-elettriku).

    8.

    Bis-saħħa tal-punt 18.1 tad-Digriet Nru 916 ( 3 ) il-kumpens imħallas lill-operaturi għas-servizzi pubbliċi elenkati f’dan id-Digriet jista’ jiġi temporanjament sospiż skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Digriet Nru 1157, jekk il-fornitur tas-servizz pubbliku, jew il-persuni konnessi miegħu, jonqsu milli jħallsu l-kumpens għal servizz pubbliku kollu jew parti minnu dovut għall-elettriku realment ikkonsmat, ( 4 ) skont il-punt 16 tad-Digriet Nru 1157.

    9.

    Id-Digriet Nru 1157 min-naħa tagħha tiddefinixxi “persuni konnessi” (punt 3.5). ( 5 ) Fil-punt 26.1 hija tistabbilixxi li l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni, l-impriża li tixtri u l-amministratur għandhom jissospendu l-ħlas ta’ flus lill-fornituri tas-servizzi ta’ interess ġenerali jekk dawn il-fornituri u/jew persuni konnessi jonqsu milli jħallsu l-flus tas-servizz ta’ interess ġenerali għall-elettriku realment ikkonsmat. L-istess dispożizzjoni tiddefinixxi meta l-ħlas ta’ kumpens għal servizz pubbliku jista’ jissokta. Il-punt 26.2 tal-istess Digriet jipprovdi li, jekk il-fornitur tas-servizz ta’ interess ġenerali jirtira mill-grupp tal-persuni konnessi meta mill-inqas persuna waħda tonqos milli tħallas, kollox jew parti, il-flus għas-servizz ta’ interess ġenerali għall-elettriku kkonsmat, hu għandu jitħallas il-flus għas-servizz ta’ interess ġenerali pendenti għall-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali biss meta l-persuni li kienu konnessi jkunu ħallsu l-flus għas-servizz ta’ interess ġenerali kollha dovuti għall-konsum tal-elettriku sal-irtirar ta’ din il-persuna mill-grupp ta’ persuni konnessi.

    Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

    10.

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, UAB “Renerga” (iktar ’il quddiem “Renerga”), jopera ħames impjanti tal-enerġija li jiġġeneraw l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli. Renerga ddaħħal l-elettriku ġġenerat fin-netwerk tal-elettriku.

    11.

    Flimkien ma’ Achema, kif ukoll ma’ kumpanniji oħra, Renerga jifforma parti mill-UAB Achema Grupė (iktar ’il quddiem il-Grupp Achema).

    12.

    Skont il-kuntratti tas-7 ta’ Jannar u tad-19 ta’ Ġunju 2013 konklużi bejn Renerga u l-konvenuti (l-kumpanniji AB Energijos skirstymo operatorius u AB Lietuvos energijos gamyba), Renerga aċċettat li tbigħ lill-konvenuti, li aċċettaw li jixtru u jħallsu għall-elettriku kollu li tipproduċi u tissupplixxi lin-netwerk. Skont dawn il-kuntratti, il-prezz li l-konvenuti għandhom iħallsu lil Renerga għal dan l-elettriku hu kompost mill-prezz tas-suq tal-elettriku u l-kumpens għas-servizz pubbliku, li jikkorrispondi għad-differenza bejn (i) ir-rata fissa applikabbli għall-elettriku ġġenerat minn Renerga taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regolamenti u (ii) l-prezz tas-suq.

    13.

    Permezz tal-komunikazzjoni Nru 16-SD-108 tal-25 ta’ Frar 2016, l-amministratur tal-kumpens għal servizz pubbliku, BALTPOOL, informa lill-konvenuti li, skont id-Digrieti Nri 916 u 1157, il-ħlas tal-kumpens għal servizz pubbliku lil Renerga kellu jiġi sospiż b’mod sħiħ sakemm isir il-ħlas kollu minn Achema jew mill-persuni marbuta magħha tal-kumpens għal servizz pubbliku għall-elettriku realment ikkonsmat. Peress li l-kapital ta’ Achema u s-sehem ta’ kontroll f’Renerga kienu miżmuma mill-grupp ta’ Achema, Achema u Renerga dawn kellhom ikunu kkunsidrati bħala persuni relatati.

    14.

    Fis-26 ta’ Frar 2016, wieħed miż-żewġ konvenuti, AB Energijos skirstymo operatorius, informa lil Renerga li l-ħlas tal-kumpens għal servizz pubbliku li kien dovut lilha kien ġie sospiż. Fit-8 ta’ Marzu 2016, il-konvenut l-ieħor, bagħat komunikazzjoni simili lil Renerga, li fiha indika li l-ħlas tal-kumpens għal servizz pubbliku dovut lilha kien ġie sospiż għal perijodu indefinit u li l-ħlas għall-elettriku mibjugħ minnha kien ser isir biss skont il-prezz tas-suq.

    15.

    Permezz tal-komunikazzjoni tagħha Nru 16-SD-135 tal-10 ta’ Marzu 2016, BALTPOOL ikkonfermat lil Renerga li l-ħlas tal-kumpens għal servizz pubbliku kien ġie sospiż u speċifikat li fil-31 ta’ Jannar 2016 kienet intbagħtet fattura lil Achema għall-ammont totali ta’ EUR 629 794.15, li jinkludi l-VAT, li kienu jsiru dovuti fl-24 ta’ Frar 2016. Peress li fil-25 ta’ Frar 2016 Achema ma ħallsitx din il-fattura, il-ħlas tal-kumpens għal servizz pubbliku lil Achema u lil kull persuna kkunsidrata marbuta ma’ din l-impriża kellu jiġi sospiż.

    16.

    Bħala riżultat tan-nuqqas tal-konvenuti li jwettqu l-obbligi tagħhom li jħallsu lil Renerga l-prezz sħiħ tal-elettriku li huma xtraw, b’mod partikolari l-komponent tal-kumpens għal servizz pubbliku, li l-ħlas tiegħu, bħala parti mill-prezz tal-elettriku, kien previst mill-kuntratti, id-dejn akkumulat mill-konvenuti lil Renerga bħala kumpens għal servizz pubbliku kien ta’ EUR 1248 199.81.

    17.

    Dan id-dejn kien imħallas lura lil Renerga fil-21 ta’ April 2016, id-data li fiha BALTPOOL adottat il-komunikazzjonijiet Nri 16-SD‑188 u 16-SD-189, indirizzati lill-konvenuti, rigward il-ħlas tal-kumpens għal servizz pubbliku li kien sospiż.

    18.

    Fit-12 ta’ Diċmebru 2016, Renerga ressqet kawża quddiem il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali tal-belt ta’ Vilnius) biex il-konvenuti jiġu ordnati jħallsu, rispettivament EUR 9 172.84 u EUR 572.82 f’danni, jiġifieri l-interessi moratorji għall-ħlas tardiv tal-kumpens għal servizz pubbliku, skont il-kuntratti għax-xiri u l-bejgħ tal-elettriku li ġew konklużi rispettivament fis-7 ta’ Jannar u d-19 ta’ Jannar 2013. Minbarra hekk, Renerga talbet li ż-żewġ konvenuti jiġu ordnati li jħallsuha l-interessi bir-rata annwali ta’ 8.05%.

    19.

    Peress li t-tilwima teħtieġ kjarifika dwar diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72, il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali tal-belt ta’ Vilnius), permezz tas-sentenza tagħha tal-11 ta’ April 2017, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Mejju 2017, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)

    L-għan li l-Artikolu 36(f) tad-Direttiva 2009/72 jassenja lill-awtorità regolatorja għall-finijiet tal-kompiti regolatorji speċifikati fl-imsemmija direttiva, jiġifieri li “jiġi żgurat li l-operaturi tas-sistema u l-utenti tas-sistema jingħataw inċentivi xierqa, kemm għall-perijodu qasir kif ukoll għal dak fit-tul, sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-prestazzjoni tan-network u titrawwem l-integrazzjoni tas-suq”, għandu jinftiehem u jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li ma jingħata ebda inċentiv (kumpens għal servizz pubbliku) jew li jiġu limitati?

    (2)

    Fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 l-obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli, u li l-Artikolu 3(6) tal-istess direttiva jipprovdi li l-kumpens finanzjarju għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku għandu jsir b’mod nondiskriminatorju u trasparenti:

    (2.1)

    L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2009/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu limitazzjoni ta’ miżura ta’ appoġġ mogħtija lill-fornituri li fuqhom huma imposti obbligi ta’ servizz pubbliku (iktar ’il quddiem il-“fornituri ta’ servizz pubbliku”) jekk dawn tal-aħħar jwettqu perfettament l-obbligi ta’ servizz pubbliku li huma imposti fuqhom?

    (2.2)

    Skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2009/72, l-obbligu previst fid-dritt nazzjonali li jiġi sospiż il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal servizz pubbliku lill-fornituri ta’ servizz pubbliku indipendentement mit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom jew tal-obbligi tagħhom, filwaqt li din ir-regola tagħmel ir-raġuni għal-limitazzjoni (sospensjoni) tal-ħlas ta’ kumpens għal servizz pubbliku dipendenti mit-twettiq tal-attivitajiet u tal-obbligi imposti fuq persuna marbuta mal-imsemmi fornitur (meta l-istess impriża għandha holding ta’ kontroll f’din il-persuna u fil-fornitur) li tħallas il-kumpens ta’ servizz pubbliku kkalkolat fuq il-konsum tagħha stess, għandu jitqies li huwa obbligu diskriminatorju, mhux ċar u restrittiv għall-kompetizzjoni leali?

    (2.3)

    Skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2009/72, l-obbligu previst fid-dritt nazzjonali li jiġi sospiż il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju lill-fornituri ta’ servizz pubbliku filwaqt li dawn tal-aħħar jibqgħu marbuta li jwettqu b’mod sħiħ l-obbligi tagħhom ta’ servizz pubbliku u l-obbligi kuntrattwali tagħhom relatati fil-konfront tal-impriżi li qed jixtru l-elettriku, għandu jitqies li huwa diskriminatorju, mhux ċar u restrittiv għall-kompetizzjoni leali?

    (3)

    Skont l-Artikolu 3(15) tad-Direttiva 2009/72, li jobbliga lill-Istati Membri jinformaw lill-Kummissjoni kull sentejn dwar kwalunkwe tibdil magħmul lill-miżuri adottati sabiex ikunu sodisfatti l-obbligi ta’ servizz universali u ta’ servizz pubbliku, Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar leġiżlazzjoni ġdida li tistabbilixxi raġunijiet, regoli u mekkaniżmu sabiex jiġi limitat il-ħlas ta’ kumpens għal servizz pubbliku lill-fornituri ta’ servizz pubbliku?

    (4)

    Bl-introduzzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu ta’ raġunijiet, regoli u mekkaniżmu sabiex jiġi limitat il-kumpens li għandu jitħallas lill-fornituri ta’ servizz pubbliku, Stat Membru ikun qiegħed jikser l-għanijiet tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2009/72 u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ proporzjonalità, ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni)?’

    20.

    Fit-28 ta’ Frar 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lill-qorti tar-rinviju talba għall-kjarifika skont l-Artikolu 101 tar-Regoli ta’ Proċedura, li ġiet imwieġba mill-qorti tar-rinviju fis-26 ta’ Marzu 2018.

    21.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, l-grupp Achema, BALTPOOL, il-Gvern Litwaniż u l-Kummissjoni Ewropea. Dawn kollha, bl-eċċezzjoni tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, ipparteċipaw fis-seduta li saret fit-3 ta’ Mejju 2018.

    Evalwazzjoni

    Fuq l-ammissibbiltà

    Il-kontenzjoni

    22.

    Bid-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi jekk id-diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72 u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jipprekludux l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali li jipprovdu għal possibbiltà li jiġi sospiż, fil-konfront tal-produtturi tal-elettriku, il-ħlas ta’ kumpens għal servizz pubbliku, intiż li jippromwovi l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinovabbli, sakemm il-persuni marbuta mal-produtturi msemmija jħallsu l-kumpens għal servizz pubbliku li għandhom iħallsu għall-elettriku li huma jkunu realment ikkonsmaw.

    23.

    Il-kawża inkwistjoni tirriżulta minn tilwima li fiha l-kuntratti bejn il-produttur tal-elettriku, Renerga, u ż-żewġ kumpanniji Energijos skirstymo operatorius u Lietuvos energijos gamyba, jistabbilixxu li l-ewwel waħda għandha tbigħ l-elettriku kollu li hija tipproduċi (li huwa prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli) lil tal-aħħar. Iż-żewġ kumpanniji xerrejja huma minn naħa tagħhom obbligati li jħallsu għall-elettriku mixtri. Dak li l-kuntratti ma jobbligawx lil Renerga tagħmel huwa li effettivament tipproduċi l-elettriku. Jiena għandi nifhem li l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jimplikaw li l-kuntratti huma relazzjonijiet ġuridiċi rregolati mid-dritt ċivili.

    24.

    Il-karatteristika essenzjali tal-kawża inkwistjoni hija l-mod kif il-prezz għall-elettriku mixtri miż-żewġ kumpanniji huwa kkalkolat: l-hekk imsejjaħ kumpens għal servizz pubbliku huwa miżjud mal-prezz tas-suq tal-elettriku. Dan il-kumpens għal servizz pubbliku, inkluż il-modalitajiet tal-amministrazzjoni tiegħu huwa previst, b’mod partikolari, mid-Digrieti Nri 916 u 1157.

    25.

    Il-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-preżentata ta’ rikors għad-danni għall-ħlas tardiv tal-kumpens għal servizz pubbliku. Jiġifieri, dawn id-domandi jindirizzaw biss ir-regoli dwar l-arranġamenti għall-ħlas ta’ kumpens bħal dan u mhux id-dritt (inizjali) tal-produttur tas-servizz għall-kumpens għal servizz pubbliku, jew saħansitra l-klassifikazzjoni eventwali ta’ dan il-kumpens bħala għajnuna illegali mill-Istat.

    26.

    Dak li d-domandi jippresupponu, iżda, huwa li Renerga kienet effettivament suġġetta għall-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti minn Stat Membru (ir-Repubblika tal-Litwanja).

    27.

    Jiena ma nemminx li dan huwa l-każ, u huwa għalhekk li fil-fehma tiegħi d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma inammissibbli. Ma hemmx att ta’ Stat Membru li jimponi obbligu ta’ servizz pubbliku.

    L-Artikolu 3(2)tad-Direttiva 2009/72

    28.

    Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72, wara li jkun ikkunsidrat b’mod sħiħ it-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 106 TFUE, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-impriżi li joperaw fis-settur tal-elettriku, fl-interess ekonomiku ġenerali, obbligi ta’ servizz pubbliku li jistgħu jkunu relatati mas-sigurtà, inkluż is-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni tal-ambjent, inkluż l-effiċjenza tal-enerġija, l-enerġija minn sorsi rinovabbli u l-protezzjoni tal-klima. L-Artikolu 106(2) TFUE minn naħa tiegħu jistabbilixxi li l-impriżi “responsabbli” sabiex joperaw servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali huma suġġetti għar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall-kompetizzjoni, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dawn l-impriżi.

    29.

    Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom inkomuni li huma l-Istati Membri li jistgħu jibdew l-impożizzjoni, fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi ta’ servizz pubbliku (Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72) jew li jafdaw lill-impriżi sabiex joperaw is-servizzi fl-interess ekonomiku ġenerali (Artikolu 106(2) TFUE).

    30.

    L-ebda wieħed mill-atti regolatorji Litwani, iċċitati fil-qafas legali ta’ dawn il-Konklużjonijiet, ma jimponi obbligu ta’ servizz pubbliku fuq Renerga.

    31.

    B’mod partikolari, id-Digrieti Nri 916 u 1157 huma limitati għar-regolament tal-proċedura għall-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali fis-settur tal-elettriku u l-approvazzjoni tal-proċedura għall-amministrazzjoni tal-flus għas-servizzi ta’ interess ġenerali fis-settur tal-elettriku. Id-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-Digrieti ma jimponux obbligi fuq il-produtturi tal-elettriku li jużaw sorsi tal-enerġija rinovabbli. Ma hemm imkien stabbilit li kumpannija bħal Renerga hija taħt obbligu li tiġġenera jew tittrasmetti dan l-elettriku.

    32.

    Għalhekk, hemm nuqqas ta’ att ta’ Stat Membru.

    33.

    Lanqas il-kuntratti konklużi bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jimponu dan l-obbligu.

    34.

    Irrispettivament mid-domanda dwar jekk, bħala prinċipju, kuntratt regolat mid-dritt privat jistax ikun fih obbligu ta’ servizz pubbliku li jkun impost minn Stat Membru, jiena ma nistax insib obbligu ta’ servizz pubbliku fil-kuntratt. Fil-fatt, il-kuntratti, li kienu liberament konklużi, mingħajr, milli jidher, intervent mill-awtoritajiet pubbliċi, jipprovdu biss li Renerga taċċetta li tbigħ lill-konvenuti, li jaċċettaw li jixtru mingħandha l-elettriku li hija tipproduċi u tissupplixxi lin-netwerk, li huwa enerġija minn sorsi rinovabbli. Jidher li Renerga eżerċitat biss il-libertà kuntrattwali tagħha u għalhekk qed tidħol f’obbligu ( 6 ) fuq bażi volontarja. Dawn il-kawżi ma jistgħux fil-fehma tiegħi jitqiesu bħala obbligu fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72.

    35.

    Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Litwanja ma setgħatx timponi obbligu ta’ servizz pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72.

    36.

    Huwa interessanti li din ukoll tidher li hi l-fehma tal-qorti tar-rinviju, għaliex filwaqt li l-qorti tgħid li taħt il-punti 7.1 u 8.1 tad-Digriet Nru 916 Renerga hija meqjusa bħala fornitur ta’ servizz ta’ interess pubbliku, ( 7 ) hija stess tikkunsidra, kif irriżulta mir-risposta tagħha għat-talba għal kjarifika tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ma kienx ġie impost obbligu ta’ servizz pubbliku fuq Renerga skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/72.

    37.

    Sabiex tingħata l-istampa sħiħa, għandu jiġi enfasizzat li ma huwiex rilevanti għall-finijiet tat-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti li, kif spjegat mill-qorti tar-rinviju, Renerga kienet qed twettaq sewwa l-obbligu tagħha fir-rigward tal-kuntratti, jiġifieri li hija kienet qed iddaħħal l-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli fin-netwerk tal-konvenuti, filwaqt li dawn tal-aħħar naqsu milli jwettqu l-obbligu korrispettiv li jħallsu lil Renerga l-prezz tax-xiri sħiħ għall-elettriku, inkluż il-kumpens għal servizz pubbliku.

    38.

    Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi d-domanda dwar sa fejn il-partijiet għall-kuntratti ma wettqux l-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti u l-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-kuntest, setgħux jiġu invokati d-Digrieti Nri 916 u 1157. Kif spjegat, id-Direttiva 2009/72 hawnhekk ma tidħolx fis-seħħ.

    39.

    Jiena konxju sew li fejn id-domandi ppreżentati mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata li tagħti deċiżjoni. ( 8 ) Il-kawża inkwistjoni, iżda, ma tippermettix fil-fehma tiegħi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli d-domandi magħmula, peress li jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72 ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. ( 9 )

    Il-konklużjoni

    40.

    Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jwassluni li nemmen li t-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti hija inammissibbli.

    Fuq il-mertu (fuq bażi ipotetika)

    41.

    Il-kumplament tal-analiżi tiegħi qed issir f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi li għamilt s’issa u, minflok, tiddeċiedi li tagħti risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju.

    Fuq l-ewwel domanda

    42.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 36(f) tad-Direttiva 2009/72 għandux jiġi interpretat li jipprojbixxi l-awtorità regolatorja milli tagħti kwalunkwe inċentiv, inkluż kumpens għall-obbligi ta’ servizz pubbliku, jew milli tillimita dawn l-inċentivi.

    43.

    L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi l-objettivi ġenerali tal-awtorità regolatorja. Huwa jistabbilixxi li fit-twettiq tal-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-direttiva, l-awtorità regolatorja għandha tieħu l-miżuri raġonevoli kollha biex jinkisbu diversi objettivi. ( 10 ) Wieħed minn dawn l-objettivi huwa li jiġi żgurat li l-operaturi tas-sistema u l-utenti tas-sistema jingħataw inċentivi xierqa, kemm għall-perijodu qasir kif ukoll għal dak fit-tul, sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-prestazzjoni tan-network u titrawwem l-integrazzjoni tas-suq (punt (f) tal-Artikolu 36).

    44.

    Jiena ma narax sa liema punt l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija rilevanti għall-kawża prinċipali.

    45.

    Dawn il-proċeduri ma għandhomx bħala objettiv tagħhom l-azzjonijiet tal-awtorità regolatorja. ( 11 ) Minbarra hekk, ma hemm imkien spjegat mill-qorti tar-rinviju kif is-sospensjoni temporanja tal-kumpens lill-fornituri tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli hija marbuta ma’ inċentiv li għandu l-objettiv li jżid l-effiċjenza fil-prestazzjoni tan-network.

    46.

    Ir-risposta li nipproponi għall-ewwel domanda hija, għalhekk, li l-Artikolu 36(f) tad-Direttiva 2009/72 ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali li jipprovdu għall-possibbiltà li jiġi sospiż il-ħlas ta’ kumpens intiż li jippromwovi l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli lill-fornituri tal-enerġija sakemm il-persuni konnessi mal-produttur ikunu ħallsu l-kumpens għal servizz pubbliku għall-konsum reali tal-elettriku.

    Fuq it-tieni domanda

    47.

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tistabbilixxi jekk l-Artikolu 3(2) u (6) tad-Direttiva 2009/72 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, għal raġunijiet mhux marbuta direttament mal-attivitajiet tal-produtturi tal-elettriku minn sorsi rinovabbli iżda attribwibbli għall-attivitajiet tal-persuni marbuta mal-produttur, li jiġi sospiż il-ħlas tal-kumpens għal servizz pubbliku lill-produtturi, anke jekk huma jkunu wettqu l-obbligi kuntrattwali kollha lejn il-kumpanniji li jixtru l-elettriku mingħandhom. Minbarra hekk, il-qorti tar-rinvijju titlob kjarifika dwar jekk l-arranġamenti għall-ħlas tal-kumpens, li jagħmluha possibbli għall-ħlas tal-kumpens li jiġi sospiż, humiex diskriminatorji, mhux ċari jew restrittivi tal-kompetizzjoni.

    48.

    Skont l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2009/72, meta jingħataw kumpens finanzjarju, forom oħra ta’ kumpens u drittijiet esklussivi, li jingħataw mill-Istat Membru jagħti għat-twettiq tal-obbligi previsti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu, dawn għandhom isiru b’mod nondiskriminatorju u trasparenti.

    49.

    Il-kunċett ta’ “meta” f’din id-dispożizzjoni jindika li l-Istati Membri ma huma taħt l-ebda obbligu li jikkompensaw finanzjarjament lill-impriżi suġġetti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72.

    50.

    Minbarra hekk, għandu jitfakkar li mill-premessa 46 tad-Direttiva 2009/72 – li tgħid li “standards minimi komuni” huma speċifikati fid-direttiva, li jieħdu inkunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, il-protezzjoni tal-ambjent – isegwi li d-direttiva ma tarmonizzax b’mod eżawrjenti u sħiħ l-aspetti kollha li jaqgħu taħtha.

    51.

    Id-direttiva fl-ebda punt ma fiha regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ lill-fornituri ta’ servizz pubbliku fl-Istati Membri. Minn dan jiena niddeduċi li, sakemm huma jirrispettaw il-prinċipji ġenerali, bħall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u trasparenza, l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni.

    52.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet ukoll, fir-rigward tal-prekursur tad-Direttiva 2009/72 ( 12 ) li l-Istati Membri huma intitolati li jiddefinixxu l-portata u l-organizazzjoni tas-servizzi tagħhom ta’ interess ekonomiku ġenerali. B’mod partikolari, huma jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-objettivi li jappartjenu għall-politika nazzjonali tagħhom. ( 13 )

    53.

    Jiena għalhekk nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(2) u (6) tad-Direttiva 2009/72 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, għal raġunijiet mhux marbuta direttament mal-attivitajiet tal-produtturi tal-elettriku minn sorsi rinovabbli iżda attribwibbli għall-attivitajiet tal-persuni marbuta mal-produttur, is-sospensjoni tal-ħlas tal-kumpens għal servizz pubbliku lill-produtturi, anke jekk huma jwettqu l-obbligi kuntrattwali kollha lejn il-kumpanniji li jixtru l-elettriku mingħandhom.

    Fuq it-tielet domanda

    54.

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skont l-Artikolu 3(15) tad-Direttiva 2009/72, ir-Repubblika tal-Litwanja kienetx meħtieġa li tinforma lill-Kummissjoni bl-introduzzjoni fid-dritt nazzjonali tal-possibbiltà li jiġi sospiż il-ħlas ta’ miżura ta’ appoġġ favur il-fornituri ta’ servizz pubbliku.

    55.

    L-Artikolu 3(15) tad-Direttiva 2009/72 jeħtieġ lill-Istati Membri li jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha adottati biex jissodisfaw l-obbligi tas-servizz universali u tas-servizz pubbliku, inkluż il-protezzjoni tal-ambjent, irrispettivament minn jekk il-miżuri jeħtiġux deroga mid-direttiva. Huma għandhom ukoll jinformaw lill-Kummissjoni kull sentejn dwar kawlunkwe tibdil ta’ dawn il-miżuri, għal darb’oħra irrispettivament minn jekk huma jeħtiġux deroga mid-direttiva.

    56.

    Ma nistax nimmaġina kif modifika u sospensjoni tal-arranġamenti jistgħu jikkostitwixxu miżura li twettaq obbligu ta’ servizz pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(15) tad-Direttiva 2009/72.

    57.

    Ir-risposta li nipproponi għat-tielet domanda hija, għalhekk, li l-Artikolu 3(15) tad-Direttiva 2009/72 ma jeħtieġx li Stat Membru jinforma lill-Kummissjoni bl-introduzzjoni fid-dritt nazzjonali tal-possibbiltà li jiġi sospiż il-ħlas ta’ miżura ta’ appoġġ favur il-fornituri ta’ servizz pubbliku.

    Fuq ir-raba’ domanda

    58.

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob li jiġi aċċertat jekk l-Istat Membru li jistabbilixxi fid-dritt nazzjonali regoli bażi u mekkaniżmu li jillimitaw il-kumpens imħallas lill-fornituri tas-servizz ta’ interess ġenerali jmurx kontra l-objettivi tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2009/72 u kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ proporzjonalità, ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni).

    59.

    L-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju ma tpoġġinix f’pożizzjoni li nevalwa sa liema punt il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE hawn fuq imsemmija jinkisru.

    60.

    Minbarra hekk, l-elementi rilevanti diġà ġew riżolti fil-partijiet dwar l-ammissibbiltà u fit-tieni domanda. Fil-fatt, li kieku kellu jitqies li s-suġġett tal-kawża jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/72, il-qorti tar-rinviju ma jkollha l-ebda ħtieġa li tirrikorri għall-prinċipji tad-dritt primarju mressqin minnha.

    Il-Konklużjoni

    61.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li r-risposta li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mill-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali tal-belt ta’ Vilnius, il-Litwanja) għandha tkun kif ġej:

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tal-11 ta’ April 2017 tal-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali tal-belt ta’ Vilnius, il-Litwanja) hija inammissibbli.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009 L 211, p. 55).

    ( 3 ) Il-punt 18.1 ġie inkluż fid-Digriet Nru 916 b’emenda permezz tad-Digriet tal-Gvern Nru 76 tal-25 ta’ Jannar 2016.

    ( 4 ) Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma fihx iktar dettalji dwar in-natura u l-modalitajiet ta’ dan il-kumpens għal servizz pubbliku fir-rigward ta’ konsum reali.

    ( 5 ) Kienet ġiet emendata permezz tad-Digriet tal-Gvern Nru 77 tas-27 ta’ Jannar 2016.

    ( 6 ) Li tbigħ, iżda mhux li tipproduċi.

    ( 7 ) Mingħajr, kif intqal fuq f’dawn il-Konklużjonijiet, ma jiġi speċifikat fiex ikun jikkonsisti s-servizz ta’ interess ġenerali.

    ( 8 ) Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem (C-28/95, EU:C:1997:369, punt 25), u tat-2 ta’ Marzu 2017, Pérez Retamero (C-97/16, EU:C:2017:158, punt 21).

    ( 9 ) Ara għal sitwazzjonijiet komparabbli, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et (C-310/10, EU:C:2011:467, punt 27), u tat-2 ta’ Marzu 2017, Pérez Retamero (C-97/16, EU:C:2017:158, punt 22).

    ( 10 ) Dan kollu fil-qafas tal-kompiti u s-setgħat tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 37, f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali kkonċernati oħrajn inkluż l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fejn ikun il-każ, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tagħhom.

    ( 11 ) Bis-saħħa tal-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2009/72, Stat Membru għandu jaħtar awtorità regolatorja waħda. It-talba għal deċiżjoni preliminari ma tispeċifikax liema entità r-Repubblika tal-Litwanja ħatret bħala din l-awtorità (hija l-Kummissjoni tal-Kontroll Nazzjonali għall-Prezzijiet u għall-Enerġija – https://ec.europa.eu/energy/en/national-regulatory-authorities). Minflok, hija rreferiet f’żewġ istanzi għall-Gvern Litwan.

    ( 12 ) Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (ĠU 2003 L 176, p. 37).

    ( 13 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, ENEL (C-242/10, EU:C:2011:861, punt 50).

    Top