Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0217

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-22 ta’ Frar 2018.
    Mast-Jägermeister SE vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).
    Appell – Disinni Komunitarji – Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinni li jirrappreżentaw tazzi – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Artikolu 36(1)(ċ) – Rappreżentazzjoni grafika – Artikoli 45 u 46 – Għoti ta’ data tal-preżentazzjoni – Kundizzjonijiet – Regolament (KE) Nru 2245/2002 – Artikolu 4(1)(e) u Artikolu 10(1) u (2).
    Kawża C-217/17 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:97

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fit‑22 ta’ Frar 2018 ( 1 )

    Kawża C‑217/17 P

    Mast-Jägermeister SE

    vs

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

    “Appell – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Disinni Komunitarji – Applikazzjoni għal reġistrazzjoni – Rifjut li tingħata data tal-preżentata – Rappreżentazzjoni tad-disinn – Ċarezza tar-rappreżentazzjoni”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Wieħed jaf jistenna li l-qrati tal-Unjoni Ewropea stħarrġu b’mod eżawrjenti l-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet fil-qasam tal-applikazzjonijiet biex jiġu rreġistrati drittijiet tal-proprjetà intellettwali, fosthom minħabba n-numru kbir ta’ kawżi dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, dan l-appell fil-qasam tad-dritt tad-disinni, bl-għoti ta’ data tal-preżentata u l-prijorità assoċjata, jirrigwarda kwistjoni li bilkemm għad hemm ġurisprudenza dwarha.

    2.

    Il-kawża tirrigwarda r-rekwiżiti li jeħtieġu jiġu ssodisfatti fir-rigward tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn sabiex l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jagħti data tal-preżentata. Filwaqt li l-appellanti, Mast-Jägermeister, tqis li huma ġġustifikati biss rekwiżiti tekniċi partikolari fir-rigward tar-rappreżentazzjoni tad-disinn, l-EUIPO u l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea jitolbu li din tkun inekwivoka anki mil-lat sostantiv.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt internazzjonali

    3.

    L-Artikolu 4(A) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi ( 2 ) jirregola d-dritt għall-prijorità li jirriżulta mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali.

    “A. [Preżentata nazzjonali]

    (1)   Kull persuna li tkun ippreżentat b’mod regolari applikazzjoni għal privattiva, mudell ta’ utilità, jew disinn industrijali, jew trademark, f’wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni, jew l-aventi kawża tagħha, tgawdi, għall-finijiet tal-preżentata fil-pajjiżi l-oħra, minn dritt ta’ prijorità matul il-perijodi stabbiliti iktar ’il quddiem.

    (2)   Kull preżentata li hija ekwivalenti għal preżentata nazzjonali regolari taħt il-liġi nazzjonali ta’ kull pajjiż tal-Unjoni fejn tkun saret jew taħt xi ftehim bilaterali jew multilaterali konklużi bejn pajjiżi tal-Unjoni, għandha tiġi rrikonoxxuta bħala li tagħti lok għal dritt ta’ prijorità.

    (3)   Preżentata nazzjonali regolari tfisser kull preżentata li hija biżżejjed sabiex tiġi stabbilita d-data meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni fil-pajjiż inkwistjoni, irrispettivament mill-eżitu ta’ din l-applikazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    B.   Dritt tal-Unjoni fil-qasam tad-disinni

    4.

    L-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002 ( 3 ) jiddefinixxi “disinn” bħala “id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu”.

    5.

    L-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 6/2002 jirregola l-kundizzjonijiet li magħhom trid tikkonforma applikazzjoni għal reġistrazzjoni tad-disinn:

    “1.   Applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat għandu jkun fiha:

    […]

    (ċ)

    rappreżentazzjoni [xierqa] tad-disinn xieraq għar-riproduzzjoni. […]

    2.   L-applikazzjoni għandu barra minn hekk ikun fiha indikazzjoni dwar il-prodotti li fihom id-disinn ikun maħsub li jiġi inkorporat jew li miegħu jkun maħsub li jiġi applikat.

    3.   […]

    4.   […]

    5.   L-applikazzjoni għandha tħares il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta’ implimentazzjoni.

    6. […]”

    6.

    L-Artikolu 38(1) jiddefinixxi d-data tal-preżentata ta’ applikazzjoni għal disinn:

    “Id-data ta’ l-infilzar ta’ applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat għandha tkun id-data li fiha d-dokumenti li jkun fihom it-tagħrif speċifikat fl-Artikolu 36(3) [fl-Artikolu 36(1)] jiġu infilzati fl-[EUIPO] […]”

    7.

    L-Artikolu 41(1) sa (3) tar-Regolament Nru 6/2002 essenzjalment jikkorrispondi mal-Artikolu 4(A) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

    8.

    L-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 6/2002 jittratta l-eżami tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fir-rigward ta’ rekwiżiti formali:

    “1.   L-[EUIPO] għandu jeżamina jekk l-applikazzjoni tħarisx il-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 36(1) għall-qbil ma’ data ta’ l-infilzar.

    2.   L-[EUIPO] għandu jeżamina jekk:

    a)

    l-applikazzjoni tikkonformax mal-ħtiġiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 36(2), (3), (4) u (5) […];

    b)

    l-applikazzjoni tissodisfax il-ħtiġiet formali stabbiliti fir-Regolament li jimplimenta l-Artikoli 36 u 37;

    ċ)

    jiġux issodisfati l-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 77(2);

    d)

    jiġux sodisfatti l-ħtiġiet li jirrigwardaw il-talba għall-prijorità, jekk issir it-talba għall-prijorità.

    3.   Il-kondizzjoni għall-eżami dwar il-ħtiġiet formali ta’ l-infilzar għandhom jiġu stabbiliti fir-Regolament ta’ implimentazzjoni.”

    9.

    L-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 6/2002 jistabbilixxi liema irregolaritajiet jistgħu jiġu rrimedjati:

    “1.   Meta, fit-twettiq ta’ l-eżami fl-Artikolu 45, l-[EUIPO] jinnota illi jeżistu defiċjenzi li jistgħu jiġu kkorreġuti, l-Uffiċċju għandu jitlob lill-applikant li jirrimedjahom fil-perjodu taż-żmien stabbilit.

    2.   Jekk id-defiċjenzi jirrigwardaw il-ħtiġiet riferiti fl-Artikolu 36(1) u l-applikant jikkonforma mat-talba ta’ l-[EUIPO] fil-perjodu taż-żmien stabbilit, l-[EUIPO] għandu jagħti bħala d-data ta’ l-infilzar id-data li fiha jiġu rrimedjati d-defiċjenzi. Jekk id-defiċjenzi ma jiġux irrimedjati fil-perjodu taż-żmien stabbilit, l-applikazzjoni ma għandhiex tiġi ttrattata bħala applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat.

    3.   Jekk id-defiċjenzi jirrigwardaw il-ħtiġiet, inkluż il-ħlas tad-drittijiet, kif riferit fl-Artikolu 45(2)(a), (b) u (ċ) u l-applikant jikkonforma mat-talba ta’ l-[EUIPO] fil-perjodu taż-żmien stabbilit, l-[EUIPO] għandu jagħti bħala d-data ta’ l-infilzar id-data li fiha kienet oriġinarjament infilzata. Jekk id-defiċjenzi jew in-nuqqas fil-ħlas ma jiġux irrimedjati fil-perjodu taż-żmien stabbilit, l-[EUIPO] għandu jirrifjuta l-applikazzjoni.

    4.   Jekk id-defiċjenzi jirrigwardaw il-ħtiġiet riferiti fl-Artikolu 45(2)(d), in-nuqqas li jiġu rrimedjati fil-perjodu taż-żmien stabbilit għandu jirriżulta fit-telfa tad-dritt għall-prijorità ta’ l-applikazzjoni.”

    10.

    L-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 6/2002 jirregola r-raġunijiet ta’ ċaħda ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni:

    “1.   Jekk l-[EUIPO], fit-twettiq ta’ l-eżami skond l-Artikolu 45, jinnota illi d-disinn li għalih tkun qiegħda titfittex il-protezzjoni:

    (a)

    ma jikkorrispondix mad-definizzjoni fl-Artikolu 3(a); jew

    (b)

    imur kontra l-politika pubblika jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità, =

    għandu jirrifjuta l-applikazzjoni.

    2.   L-applikazzjoni ma għandhiex tiġi rrifjutata qabel ma l-applikant ikun ingħata l-opportunità li jirtira jew jemenda l-applikazzjoni jew li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu.”

    11.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2245/2002 ( 4 ) jispeċifika r-rekwiżiti fir-rigward tar-rappreżentazzjoni tad-disinn:

    “1.   Ir-rappreżentazzjoni tad-disinn irid jikkonsisti f’ riproduzzjoni grafika jew riproduzzjoni fotografika tad-disinn, jew black and white jew bil-kulur. Hija trid tissudisfa s-segwenti ħtiġijiet:

    […]

    (e)

    id-disinn irid ikun riprodott fuq sfond newtrali li ma tergax tintmiss bl-inka jew likwidu li jikkoregi[; t]kun ta’ kwalità li tipermetti li d-detallji kollha tal-materja li għaliha tiġi mfixxija l-protezzjoni sabiex tkun distinta b’ mod ċar u li tipermeti li tiċċekken jew titkabbar għal daqs mhux akbar minn 8 cm b’16 cm għal kull vista għal dħul fir-Reġistru tad-Disinnji Komunitarji […].”

    12.

    L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2245/2002 jinkludi iktar regoli dwar l-eżami tar-rekwiżiti għall-assenjazzjoni tad-data tal-preżentata u tar-rekwiżiti formali:

    “1.   L-[EUIPO] jrid jinnotifika lill-applikant li d-data ta’ l-iffajljar ma tistax tiġi konċessa jekk l-applikazzjoni ma jkolliex:

    (a)

    […]

    (b)

    […]

    (ċ)

    rappreżentazzjoni tad-disinn in segwitu ta’ l-Artikolu 4(1)(d) u (e), jew fejn applikabbli, kampjun.

    2.   Jekk in-nuqqasijiet indikati fil-paragrafu 1 huma rimedjati fi żmien xahrejn mill-irċevuta tan-notifikazzjoni, d-data li fiha n-nuqqasijiet kollha huma rimedjati tistabilixxi d-data tas-sottomissjoni.

    Jekk in-nuqqasijiet ma humiex rimedjati qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ skadenza, l-applikazzjoni ma tkunx trattata bħala applikazzjoni ta’ disinn Komunitarju. Kwalunkwe miżati mħallsa jkunu mħallsa lura.”

    III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

    13.

    Fis‑17 ta’ April 2015 Mast-Jägermeister SE ppreżentat l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tad-disinni tal-Unjoni kontenzjużi quddiem l-EUIPO, skont ir-Regolament Nru 6/2002. Għal dan il-għan, hija ssottomettiet rappreżentazzjonijiet li fuqhom jidhru tazzi u l-fliexken famużi tax-xorb alkoħoliku li tipproduċi. Dawn ir-rappreżentazzjonijiet ma ġewx riprodotti fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali peress li ġew ikklassifikati bħala “kunfidenzjali”.

    14.

    Il-prodotti li għalihom ġew ippreżentati applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni huma “tazzi”, li jinsabu fil-klassi 07.01 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno tat‑8 ta’ Ottubru 1968, li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali, kif emendat.

    15.

    Bejn is-17 ta’ April u l-31 ta’ Awwissu 2015, l-eżaminatur tal-EUIPO kien f’kuntatt intensiv ma’ Mast-Jägermeister u b’kollox fassal erba’ rapporti ta’ eżami li kollha kemm huma kienu jaslu għall-konklużjoni li r-rappreżentazzjoni tad-disinn ma kinitx suffiċjentement ċara minħabba r-riproduzzjoni tal-fliexken.

    16.

    Peress li Mast-Jägermeister ma rrimedjatx din l-oġġezzjoni, b’deċiżjoni tal‑31 ta’ Awwissu 2015, l-eżaminatur innota li Mast-Jägermeister ma kinitx irrimedjat id-difetti fl-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni, peress li ma kinitx taqbel mar-rapport ta’ eżami. L-eżaminatur qies, skont l-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 6/2002 u l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 2245/2002, li l-applikazzjonijiet ta’ disinn kontenzjużi ma kellhomx jitqiesu bħala applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ disinni Komunitarji, b’riżultat li ma setgħet tiġi attribwita l-ebda data tal-preżentata.

    17.

    Wara li ġie ppreżentat appell minn Mast-Jägermeister, it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO kkonferma, b’deċiżjoni tas‑17 ta’ Novembru 2015, li ż-żewġ disinni kontenzjużi ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit jekk il-protezzjoni kinitx ġiet mitluba għat-tazza, għall-flixkun jew għal kombinazzjoni tat-tnejn.

    18.

    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Mast-Jägermeister bis-sentenza appellata tad‑9 ta’ Frar 2017 ( 5 ).

    IV. Talbiet

    19.

    Permezz ta’ att tal‑21 ta’ April 2017, li wasal fis‑26 ta’ April 2016, Mast-Jägermeister ippreżentat appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    1)

    tannulla integralment is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Frar 2017 fil-Kawża T‑16/16 u

    2)

    fil-każ fejn l-appell jiġi deċiż fondat, tilqa’ l-ewwel u t-tielet talba mressqa fl-ewwel istanza.

    20.

    L-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    1)

    tiċħad l-appell u

    2)

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    21.

    Mast-Jägermeister SE u l-EUIPO ressqu osservazzjonijiet bil-miktub u s-sottomissjonijiet orali tagħhom instemgħu fis-seduta tas‑7 ta’ Frar 2018.

    V. Evalwazzjoni ġuridika

    22.

    Il-kwistjoni li fuqha hija bbażata din il-kawża hija li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kontenzjuża allegatament tirrappreżenta d-disinn invokat, jiġifieri tazza, flimkien ma’ oġġetti oħra, jiġifieri ma’ fliexken, li ma għandhomx ikunu s-suġġett tad-disinn.

    23.

    Kemm id-dipartimenti tal-EUIPO kif ukoll il-Qorti Ġenerali jikkunsidraw din il-forma ta’ rappreżentazzjoni bħala inkompatibbli mar-Regolament Nru 6/2002. Madankollu din il-kwistjoni ma għandhiex tiġi deċiża fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Minflok għandu jiġi ċċarat jekk din it-tip ta’ rappreżentazzjoni hijiex konformi mar-rekwiżiti li għandhom jiġu stabbiliti fir-rigward ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni, bil-konsegwenza li l-EUIPO kellu jirrikonoxxi d-data li fiha saret l-applikazzjoni bħala d-data tal-preżentata.

    24.

    Abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 6/2002, sabiex tingħata risposta għal din il-kwistjoni, l-ewwel nett ser neżamina l-argument ta’ Mast-Jägermeister dwar il-kliem u l-oriġini ta’ dan ir-regolament, imbagħad il-funzjoni tad-data tal-preżentata fir-rigward tal-kisba tal-prijorità kif ukoll l-iskop li jiġi rrappreżentat id-disinn fil-kuntest tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Finalment ser nittratta wkoll l-oġġezzjonijiet ta’ Mast-Jägermeister kontra l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżamijiet li għandhom jitwettqu mill-EUIPO u ċ-ċarezza tar-rappreżentazzjoni tad-disinn issottomessa mal-applikazzjoni.

    –  Fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti

    25.

    Skont l-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 6/2002, id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju rreġistrat għandha tkun id-data li fiha d-dokumenti li jkun fihom l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 36(1) ta’ dan l-istess regolament jiġu ssottomessi quddiem l-EUIPO. Din l-informazzjoni tinkludi partikolarment rappreżentazzjoni tad-disinn li hija xierqa għar-riproduzzjoni (punt ċ).

    26.

    L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2245/2002 jippreċiża li ma tistax tingħata data tal-preżentata jekk l-applikazzjoni ma tinkludix rappreżentazzjoni tad-disinn skont l-Artikolu 4(1)(d) u (e). B’mod partikolari, skont il-punt (e), id-disinn irid ikun riprodott fuq sfond newtrali u ma jistax jintmiss bl-inka jew likwidu li jikkoreġi. Ir-rappreżentazzjoni trid ukoll tkun ta’ kwalità tajba biżżejjed biex jintgħarfu b’mod ċar id-dettalji kollha li għalihom hija mfittxija l-protezzjoni filwaqt li trid tkun tista’ titkabbar jew tiċċekken skont il-format meħtieġ tar-reġistru.

    27.

    L-EUIPO u anki l-Qorti Ġenerali huma tal-fehma li r-rappreżentazzjoni tad-disinn fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ Mast-Jägermeister ma tissodisfax ir-rekwiżiti speċifikati fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Speċjalment fil-punti 44 sa 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rappreżentazzjoni tat-tazza li għandha tiġi protetta flimkien ma’ flixkun ma tippermettix distinzjoni suffiċjentement ċara tas-suġġett tal-protezzjoni skont l-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 2245/2002. Peress li Mast-Jägermeister ma kkoreġietx ir-rappreżentazzjoni fiż-żmien stipulat, ma għandhiex tingħata data tal-preżentata.

    28.

    Mast-Jägermeister temmen li din il-konstatazzjoni tikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 45 u 46 moqrija flimkien mal-Artikoli 36 u 38 tar-Regolament Nru 6/2002. F’dan ir-rigward ma hijiex tilmenta (primarjament) l-evalwazzjoni fattwali mill-Qorti Ġenerali, iżda pjuttost qiegħda tikkontesta li hemm bżonn ta’ rappreżentazzjoni inekwivoka tad-disinn sabiex tingħata data tal-preżentata. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 36(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002 u l-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 2245/2002 jinkludux biss rekwiżiti tekniċi għar-rappreżentazzjoni jew jekk jinkludux ukoll kriterji għat-tfassil tal-kontenut.

    –  Fuq il-kliem u fuq l-oriġini

    29.

    Mast-Jägermeister hija partikolarment tal-fehma li sabiex tingħata data tal-preżentata huwa biżżejjed li r-rappreżentazzjoni tad-disinn tkun tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi. Dan huwa ċar mill-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għar-Regolament Nru 6/2002 ( 6 ) u mill-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 2245/2002.

    30.

    Għandu jiġi rrikonoxxut li kemm fil-proposta tagħha kif ukoll fl-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 2245/2002, il-Kummissjoni ffokat primarjament fuq il-kwalità teknika tar-rappreżentazzjoni. Speċjalment huwa pprojbit l-irtokk u r-rappreżentazzjoni trid tippermetti t-tiċkin jew it-tkabbir għal daqs speċifiku.

    31.

    Barra minn hekk, a priori anki l-Artikolu 36(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002 jenfasizza l-aspetti tekniċi tar-rappreżentazzjoni tad-disinn. Dan jitlob “rappreżentazzjoni tad-disinn xieraq [xierqa] għar-riproduzzjoni”.

    32.

    Fl-istess waqt, meta kkunsidrat iktar mill-qrib, l-argument ta’ Mast-Jägermeister ma huwiex konvinċenti. Dan għaliex minbarra r-rekwiżiti tekniċi li “rappreżentazzjoni […] xieraq [xierqa] għar-riproduzzjoni” trid tissodisfa, il-kunċett ta’ rappreżentazzjoni jinkludi wkoll l-idea li sostantivament id-disinn jista’ jiġi rrikonoxxut.

    33.

    Min-naħa l-oħra, it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 2245/2002 ma tistipulax rekwiżiti addizzjonali u sempliċement tikkjarifika dan l-element, billi titlob kwalità ta’ rappreżentazzjoni “li tipermetti li d-detallji kollha tal-materja li għaliha tiġi mfixxija l-protezzjoni sabiex tkun distinta b’mod ċar”.

    34.

    Konsegwentement, huwa possibbli li abbażi tal-kliem tiegħu u fid-dawl tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 2245/2002, l-Artikolu 36(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002 jiġi interpretat b’tali mod li r-rappreżentazzjoni tad-disinn fl-applikazzjoni mhux biss trid tissodisfa rekwiżiti tekniċi speċifiċi iżda trid tkun ukoll inekwivoka fir-rigward tal-kontenut.

    –  Fuq l-Artikolu 36(5), l-Artikolu 45(2)(a) u l-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 6/2002

    35.

    Mast-Jägermeister madankollu ssostni li, skont l-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 6/2002, ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 6/2002 jista’ jiġi rrimedjat mingħajr bidla fid-data tal-preżentata. Dan l-argument huwa bbażat fuq il-fatt li r-Regolament Nru 2245/2002 japplika għall-applikazzjoni għal reġistrazzzjoni skont l-Artikolu 36(5) u li ksur tar-rekwiżiti previsti minn dan ir-regolament, li għandu jiġi rrimedjat skont l-Artikolu 46(3), għalhekk jaqa’ taħt l-eżemi previst fl-Artikolu 45(2)(a).

    36.

    Hekk kif dan ġie espost preċedentement, l-Artikolu 36(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002 jista’ madankollu, l-ewwel nett, indipendentement minn ksur ċar tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 2245/2002, jiġi interpretat fis-sens li r-rappreżentazzjoni ta’ disinn għandha tkun inekwivoka fir-rigward tal-kontenut tagħha. Ksur tal-Artikolu 36(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002 madankollu jaqa’ taħt l-Artikolu 46(2) b’mod li data tal-preżentata tista’ tingħata biss ladarba l-irregolaritajiet ikunu ġew irrimedjati.

    37.

    Bħala konsegwenza, dan l-argument ta’ Mast-Jägermeister ma jqajjimx dubju dwar ir–riżultat tal-interpretazzjoni testwali tal-Artikolu 36(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002.

    –  Fuq il-funzjoni tad-data tal-preżentata

    38.

    Quddiem l-interpretazzjoni żviluppata sal-lum tal-Artikolu 36(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002, madankollu Mast-Jägermeister tirreferi b’mod partikolari għall-funzjoni speċifika tad-data tal-preżentata, fejn eżami fir-rigward tal-kontenut ma huwiex neċessarju għat-twettiq tagħha. B’mod definittiv, dan l-argument ukoll ma huwiex konvinċenti.

    39.

    Huwa minnu li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn per se jkollha konsegwenzi legali. Mast-Jägermeister tenfasizza b’mod partikolari l-prijorità li hija marbuta mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li tista’ tintalab mill-applikant f’ordinamenti ġuridiċi oħra skont l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi ( 7 ). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 6/2002 jirrikonoxxi tali effett fi ħdan l-Unjoni għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ppreżentata fl-Istati kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

    40.

    Din il-prijorità hija stabbilita diġà fl-applikazzjoni, mingħajr ma tkun neċessarja reġistrazzjoni sussegwenti tad-disinn. Fl-Artikolu 4(A)(3) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, dan joħroġ biċ-ċar mill-formulazzjoni “ikun xi jkun ir-riżultat tal-applikazzjoni” ( 8 ), formulazzjoni li tinsab ukoll fl-Artikolu 41(3) tar-Regolament Nru 6/2002.

    41.

    Mast-Jägermeister tiddeduċi minn dan li data tal-preżentata diġà għandha tingħata wara eżami superfiċjali ħafna, filwaqt li eżami sostantiv iktar rigoruż huwa meħtieġ biss fil-kuntest tar-reġistrazzjoni.

    42.

    Huwa veru li dan l-argument huwa ġdid meta mqabbel mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda fl-istess waqt huwa ammissibbli, peress li ma jibdilx is-suġġett tat-tilwima, iżda sempliċement iwessa’ r-raġunament għall-interpretazzjoni mfittxija tal-Artikolu 38 u tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ( 9 ).

    43.

    Tassew li l-għoti ta’ data tal-preżentata skont l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 6/2002 ma jesiġix li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn tissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ reġistrazzjoni. L-Artikolu 38 preċiżament jirreferi biss għall-Artikolu 36(1) u mhux għat-totalità tal-kundizzjonijiet għal reġistrazzjoni. Konsegwentement, l-Artikolu 46(3) jippermetti li ċerti difetti fl-applikazzjoni jiġu rrimedjati sussegwentement mingħajr ma titqiegħed fid-dubju d-data tal-preżentata.

    44.

    Madankollu, Mast-Jägermeister ma hijiex tieħu inkunsiderazzjoni li anki s-sistema tal-prijorità tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li għandha ċerta similarità mal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku stabbilit fid-dritt tal-Unjoni, tippermetti lill-Istat fejn tiġi ppreżentata l-applikazzjoni li jitlob rappreżentazzjoni inekwivoka tad-disinn.

    45.

    Infatti, kif jargumenta l-EUIPO, mill-Artikolu 4(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u mill-Artikolu 41(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li preżentata għandha tiġi rrikonoxxuta bħala li tagħti lok għal dritt ta’ prijorità jekk din tkun ekwivalenti għal preżentata nazzjonali regolari taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat fejn issir. Dan ifisser li kull ordinament ġuridiku, speċjalment id-dritt tal-Unjoni, għandu l-libertà li jiddefinixxi ċerti rekwiżiti għal preżentata regolari.

    46.

    Huwa minnu li l-Artikolu 4(A)(3) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u l-Artikolu 41(3) tar-Regolament Nru 6/2002 jidhru li jirrestrinġu l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istat fejn issir il-preżentata. Fil-fatt, dawn jipprovdu li preżentata nazzjonali regolari tfisser kull preżentata li hija adegwata sabiex tiġi stabbilita d-data li fiha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni fil-pajjiż inkwistjoni. Iżda anki jekk dan iwassal biex il-poteri regolatorji tal-Istat li fih tiġi ppreżentata l-applikazzjoni jiġu limitati, l-Istat tal-aħħar xorta waħda għandu jitħalla jitlob rappreżentazzjoni inekwivoka tad-disinn sabiex jaċċetta preżentata regolari. Infatti, f’każ ta’ rappreżentazzjoni ekwivoka ma jkunx ċar liema huwa d-disinn ippreżentat mill-applikazzjoni.

    47.

    Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjoni dwar l-irrilevanza tal-eżitu tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni primarjament tindirizza ordinamenti ġuridiċi oħra fejn il-prijorità tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha tiġi invokata sussegwentement. Dawn l-ordinamenti ġuridiċi ma għandhomx jistabbilixxu rekwiżiti addizzjonali lil hinn minn applikazzjoni għal reġistrazzjoni aċċettata fl-Istat fejn issir il-preżentata, pereżempju billi jitolbu reġistrazzjoni b’suċċess.

    48.

    Għaldaqstant, anki l-funzjoni tal-preżentata ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li jiġi stabbilit dritt għall-prijorità, mhux bilfors twassal għall-esklużjoni taċ-ċarezza tar-rappreżentazzjoni tad-disinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 36(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002.

    –  Fuq l-iskop tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni

    49.

    Madankollu, mill-iskop tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni toħroġ in-neċessità ta’ rappreżentazzjoni inekwivoka tad-disinn li għalih saret applikazzjoni.

    50.

    F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali tibbaża fuq żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-trade marks. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li r-reġistrazzjoni u l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark iridu jippermettu lill-awtoritajiet tat-trade marks u lil partijiet terzi kkonċernati sabiex jagħrfu b’mod ċar liema trade mark hija koperta mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ( 10 ).

    51.

    F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark, il-leġiżlatur sadanittant inkludiha fl-Artikolu 31(1)(d) u fl-Artikolu 4(b) tar-Regolament dwar it-tade mark tal-Unjoni Ewropea. Dawn jipprovdu li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni trid tinkludi rappreżentazzjoni tat-trade mark li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-pubbliku li jiddeterminaw b’mod ċar u preċiż is-suġġett tal-protezzjoni mogħtija lill-proprjetarju ta’ tali trade mark. Dan il-kunċett ma kienx espress b’mod daqshekk ċar fil-verżjonijiet preċedenti tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Eworpea ( 11 ) u ġie abbozzat b’mod iktar ċar meta ġew estiżi l-possibbiltajiet ta’ sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark ( 12 ).

    52.

    Fis-sentenzi msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja ma indirizzatx il-funzjoni partikolari tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u tad-data tal-preżentata, minkejja li fl-Artikolu 34 tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea ( 13 ) teżisti regola analoga dwar il-prijorità.

    53.

    Madankollu, l-argument tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa konvinċenti u jista’ jiġi applikat mingħajr diffikultà għad-disinn.

    54.

    Ċertament, huwa preċiż li l-proċedura fil-qasam ta’ disinni jew dik fil-qasam ta’ trade marks jippreżentaw differenzi sensittivi fir-rigward tal-portata tal-eżami dwar il-kontenut. Qabel ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark, il-EUIPO għandu, effettivament, jivverifika l-eżistenza ta’ raġunijiet assoluti u, skont il-każ, ukoll raġunijiet relatati ma’ rifjut. Min-naħa l-oħra, l-eżami fir-rigward tal-kontenut ta’ disinn huwa limitat, fil-kuntest tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni, konformement mal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 6/2002, sabiex jiddetermina jekk id-disinn jissodisfax id-definizzjoni prevista fl-Artikolu 3(a), jiġifieri d-dehra ta’ prodott, u jekk dan id-disinn huwiex konformi mal-ordni pubbliku u l-moralità. Madankollu dan lanqas ma jeskludi, fil-kuntest tal-proċedura fil-qasam ta’ disinni, kontroll a minima tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fir-rigward taċ-ċarezza tal-kontenut tiegħu mill-EUIPO.

    55.

    Dan għaliex, l-ewwel nett, iċ-ċarezza tar-rappreżentazzjoni hija neċessarja speċjalment fid-dawl tad-dritt għal prijorità li jirriżulta bl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fil-fatt, il-prijorità għandha tapplika biss għad-disinn li verament ġiet mitluba applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiegħu ( 14 ). Kuntrarjament għall-fehma ta’ Mast-Jägermeister, applikazzjoni li ma hijiex ċara mhux bilfors twassal għal żvantaġġ tal-applikant, iżda fl-istess ħin toħloq riskju ta’ protezzjoni eċċessiva mogħtija mill-prijorità.

    56.

    Għaldaqstant, it-tieni nett, huwa neċessarju wkoll li jiġi miċħud l-argument ta’ Mast-Jägermeister li l-irregolarità lmentata ma tikkonċernax ir-rikonoxximent tas-suġġett ta’ protezzjoni iżda l-portata tal-protezzjoni, li, madankollu ma hijiex is-suġġett tal-proċedura tal-applikazzjoni, iżda li tista’ tiġi stabbilita biss fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur.

    57.

    Huwa minnu li fi proċeduri ta’ ksur ikun neċessarju li mir-rappreżentazzjoni tad-disinn tiġi dedotta l-portata tal-protezzjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikoli 10 u 19 tar-Regolament Nru 6/2002. Madankollu dan ma jfissirx li l-inekwivokezza tar-rappreżentazzjoni hija irrilevanti fl-istadju tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

    58.

    Il-proċedura tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni – anki indipendentement mill-prijorità – pjuttost għandha tipprovdi wkoll protezzjoni minima lill-operaturi l-oħra fis-suq kontra applikazzjonijiet mhux ċari, sabiex dawn ma jkunux esposti bla bżonn għar-riskju li jkollhom jikkontestaw quddiem qorti mal-applikant rispettiv il-portata ta’ protezzjoni tal-applikazzjoni mhux ċara tiegħu ( 15 ).

    59.

    Fl-aħħar nett, it-tielet nett, l-EUIPO ġustament jenfasizza li anki l-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni jeħtieġu rappreżentazzjoni ċara u inekwivoka tad-disinn għall-eżamijiet li huma għandhom iwettqu ( 16 ).

    60.

    Huwa possibbli li ordinamenti ġuridiċi oħra huma iktar ġenerużi fir-rikonoxximent ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni – dawn għandhom il-libertà li jkunu hekk skont l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi. Madankollu, id-dritt tal-Unjoni ma huwiex obbligat li jkun ġeneruż bl-istess mod.

    –  Fuq l-ordni tat-trattament tad-domandi

    61.

    L-oġġezzjonijiet ta’ Mast-Jägermeister kontra l-ordni tat-trattament td-domandi, li hija spjegata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 35 u 36 tas-sentenza appellata, huma iktar konvinċenti f’din il-kawża. Il-Qorti Ġenerali fl-ewwel lok titlob li jiġi eżaminat jekk huwiex qabelxejn mogħti disinn u jekk dan imurx kontra l-ordni pubbliku u l-moralità, qabel ma jiġu eżaminati r-rekwiżiti iktar formali previsti fl-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 6/2002.

    62.

    B’mod partikolari, eżami tal-kompatibbiltà tad-disinn mal-prinċipji aċċettati tal-ordni pubbliku u tal-moralità jmur lil hinn mid-determinazzjoni tad-data tal-preżentata skont l-Artikolu 38(1) u tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Anki minn perspettiva prattika jista’ jkun diffiċli li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ disinn u l-kompatibbiltà tiegħu mal-prinċipji aċċettati tal-ordni pubbliku u tal-moralità jekk ir-rappreżentazzjoni ta’ dan id-disinn ma tissodisfax ir-rekwiżiti kwalitattivi skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

    63.

    Iżda, fl-aħħar mill-aħħar, dan ma jaffettwax is-soluzzjoni tat-tilwima inkwistjoni. Dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari tal-Qorti Ġenerali ma jsostnux id-deċiżjoni tagħha, u allura tali argument huwa ineffettiv ( 17 ).

    –  Fuq iċ-ċarezza tar-rappreżentazzjoni

    64.

    Finalment, sa fejn Mast-Jägermeister tibqa’ tisħaq li r-rappreżentazzjoni tad-disinn issottomess f’dan il-każ hija suffiċjentement ċara, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 256(1) TFUE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tivverifika u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi prodotti. L-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, għalhekk, kwistjoni ta’ liġi li bħala tali hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, ħlief fil-każ li dawn jiġu żnaturati ( 18 ).

    65.

    Il-kwistjoni dwar jekk ir-rappreżentazzjoni ssottomessa hijiex suffiċjentement ċara minkejja l-fliexken li jidhru maġenb id-disinn għat-tazzi, hija kwistjoni ta’ fatt. La huwa allegat u lanqas ma huwa evidenti li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi fl-eżami ta’ din il-kwistjoni. L-argument huwa għalhekk inammissibbli.

    –  Konklużjoni

    66.

    Bħala konklużjoni, il-Qorti Ġenerali kienet ġustament talbet li r-rappreżentazzjoni tad-disinn tkun inekwivoka bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ data tal-preżentata skont l-Artikolu 38(1) u l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Konsegwentement l-appell għandu jiġi miċħud bħala prinċipalment infondat u bħala inammissibbli għall-kumplament.

    VI. Fuq l-ispejjeż

    67.

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ikun infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    68.

    Peress li Mast-Jägermeister tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO.

    VII. Konklużjoni

    69.

    Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

    1)

    L-appell huwa miċħud.

    2)

    Il-kumpannija Mast-Jägermeister SE hija kkundannata għall-ispejjeż.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) Il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, irreveduta l-aħħar fi Stokkolma fl‑14 ta’ Lulju 1967 u li ġiet emendata fit‑28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”) ġiet iffirmata f’Pariġi fl‑20 ta’ Marzu 1883.

    ( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142) fil-verżjoni emendata.

    ( 4 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 tal‑21 ta’ Ottubru 2002 li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 14).

    ( 5 ) Sentenza tad-9 ta’ Frar 2017, Mast-Jägermeister vs EUIPO (Tazzi) (T‑16/16, EU:T:2017:68).

    ( 6 ) Mast-Jägermeister tirreferi għal COM(93) 342 finali, p. 30.

    ( 7 ) Ara, fuq l-applikabbiltà tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi fid-dritt tal-Unjoni, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Bericap Záródástechnikai (C‑180/11, EU:C:2012:717, punti 67 sa 70).

    ( 8 ) Ara, dwar id-dritt tat-trade marks, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2014, Think Schuhwerk vs UASI – Müller (VOODOO) (T‑50/13, EU:T:2014:967, punt 59).

    ( 9 ) Sentenzi tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni (C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 114) kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2017, Ludwig-Bölkow-Systemtechnik vs Il‑Kummissjoni (C‑250/16 P, EU:C:2017:871, punt 29). Ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 1982, Amylum vs Il‑Kunsill (108/81, EU:C:1982:322, punt 25), tat‑22 ta’ Novembru 2001, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kunsill (C‑301/97, EU:C:2001:621, punt 169), tas‑26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI (C‑412/05 P, EU:C:2007:252, punt 40) kif ukoll tas‑6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni (C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punti 34 sa 36).

    ( 10 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann (C‑273/00, EU:C:2002:748, punti 48 sa 52), u tad‑19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361, punti 46 sa 48).

    ( 11 ) Ara, rispettivament, l-Artikolu 26(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146) u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (Verżjoni kodifikata) (ĠU 2009, L 78, p. 1).

    ( 12 ) Ara l-premessa 9 tar-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21).

    ( 13 ) Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), fis-seħħ.

    ( 14 ) Fuq id-dritt tat-trade marks, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2001, Signal Communications vs UASI (TELEYE) (T‑128/99, EU:T:2001:266, punt 45).

    ( 15 ) Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann (C‑273/00, EU:C:2002:748, punt 51), u tad‑19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361, punt 48).

    ( 16 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann (C‑273/00, EU:C:2002:748, punt 50), u tad‑19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361, punt 47).

    ( 17 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 1994, de Compte vs Il‑Parlament (C‑326/91 P, EU:C:1994:218, punt 94), u d-digriet tal‑31 ta’ Jannar 2017, Universal Protein Supplements vs EUIPO (C‑485/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:72).

    ( 18 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI (C‑136/02 P, EU:C:2004:592, punt 39), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Staatliche Porzellan-Manufaktur Meissen vs EUIPO (C‑471/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:602, punt 34) kif ukoll id-digriet tas‑17 ta’ Lulju 2014, Kastenholz vs UASI (C‑435/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2124, punt 33).

    Top