EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0160

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fil-25 ta’ Jannar 2018.
Raoul Thybaut et vs Région wallonne.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Direttiva 2001/42/KE — Artikolu 2(a) — Kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” — Artikolu 3 — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Żona ta’ rikompożizzjoni urbana — Possibbiltà li ssir deroga mir-rekwiżiti tal-ippjanar — Bidla fil-‘pjanijiet u programmi’.
Kawża C-160/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:40

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-25 ta’ Jannar 2018 ( 1 )

Kawża C-160/17

Raoul Thybaut,

Johnny De Coster,

Frédéric Romain

vs

Région wallonne,

fil-preżenza ta’:

Commune d’Orp-Jauche,

Bodymat SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Pjanijiet u programmi – Definizzjoni – Żona urbana ta’ rikompożizzjoni – Deroga eħfef minn regoli tal-ippjanar urban”

I. Introduzzjoni

1.

Il-kunċett “pjanijiet u programmi” huwa ta’ importanza ċentrali għad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ESA”, fejn ESA tfisser evalwazzjoni strateġika ambjentali). Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ippreċiżat l-interpretazzjoni tal-imsemmi kunċett ( 3 ), iżda kif turi wkoll il-kawża Inter-Environnement Bruxelles et (C-671/16), li fiha jiena wkoll nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi llum, għad hemm domandi li jeħtieġu risposta.

2.

F’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi ċċarat jekk id-determinazzjoni ta’ “żona urbana ta’ rikompożizzjoni” mill-Gvern tal-Wallonie għandhiex diġà titqies bħala pjan jew programm, bil-konsegwenza li possibbilment tkun teżiġi evalwazzjoni ambjentali. Tali determinazzjoni hija limitata għad-delimitazzjoni taż-żona, iżda tissemplifika partikolarment id-deroga, fi ħdan diż-żona, mir-regoli ta’ ċerti miżuri tal-ippjanar eżistenti.

3.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess waqt qed tintalab tittratta l-ġurisprudenza tagħha li minnha jirriżulta li t-tħassir ta’ pjanijiet u ta’ programmi jista’ jitlob evalwazzjoni ambjentali għax jitqies bħala pjan jew programm fih innifsu ( 4 ).

4.

Finalment, filwaqt li tingħata risposta għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li n-neċessità ta’ evalwazzjoni strateġika ambjentali tiddependi wkoll mit-tipi ta’ proġetti koperti minn dan l-att. Dan għaliex id-Direttiva ESA tipprovdi li evalwazzjoni ambjentali ma għandhiex issir biss jekk il-pjan jew il-programm jistabbilixxi qafas għal proġetti suġġetti għad-Direttiva EEA ( 5 ) (Artikolu 3(2)(a)), iżda anki meta jiġi stabbilit qafas għal proġetti oħra li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (Artikolu 3(4)) kif ukoll għal pjanijiet u programmi suġġetti għall-evalwazzjoni speċjali skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats ( 6 ) (Artikolu 3(2)(b)).

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

5.

L-għanijiet tad-Direttiva ESA huma b’mod partikolari stabbiliti fl-Artikolu 1:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.”

6.

Il-pjanijiet u l-programmi huma ddefiniti fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘pjanijiet u programmi’ tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u

li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi.”

7.

Għal din il-kawża huwa partikolarment interessanti l-obbligu li ssir evalwazzjoni strateġika ambjentali skont l-Artikolu 3(2), (4) u (5) tad-Direttiva ESA:

“2.   Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,

(a)

li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva [EEA], jew

(b)

li, in vista ta’ l-effett fuq iż-żoni li x’aktarx, ġew stabbiliti biex jiksbu stima bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 jew 7 tad-Direttiva [‘habitats’].

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta’ l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet jew il-programmi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti jew billi kull każ jiġi eżaminat jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta’ pjanijiet u programmi jew billi jkunu kombinati iż-żewġ metodi. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II, sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet u l-programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent ikunu koperti b’din id-Direttiva.”

B.   Id-dritt nazzjonali

8.

L-Artikolu 127 tal-Code Wallon de l’Aménagement du Territoire, de l’Urbanisme, du Patrimoine (il-Kodiċi tal-Wallonie tal-ippjanar tat-territorju, tal-ippjanar urban u tal-patrimonju) jinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-relazzjoni bejn żona urbana ta’ rikompożizzjoni u l-permess tal-bini:

“§ 1. B’deroga mill-Artikoli 88, 89, 107 u 109, [il-permess tal-bini] jingħata mill-gvern […],

[…]

jekk dan ikun jikkonċerna miżuri jew xogħlijiet f’żona urbana ta’ rikompożizzjoni;

iż-żona hija ddeterminata mill-gvern; […] iż-żona tapplika għal kull proġett ta’ żvilupp urban għall-klassifikazzjoni mill-ġdid u għall-iżvilupp ta’ funzjonijiet urbani li jeħtieġ il-ħolqien, il-modifika, it-tkabbir, l-eliminazzjoni jew l-elevazzjoni tat-toroq u tal-ispazji pubbliċi;

[…]

§ 3. […] il-permess jista’ jingħata b’deroga minn pjan settorjali, minn pjan tal-iżvilupp muniċipali, minn ordinanza tal-bini muniċipali jew minn pjan li juri l-allinjament tat-toroq u l-linji tal-bini.”

9.

L-Artikolu 181 tal-Kodiċi tal-Wallonie tal-ippjanar tat-territorju, tal-ippjanar urban u tal-patrimonju jippermetti l-esproprjazzjoni ta’ proprjetà immobbli f’żona urbana ta’ rikompożizzjoni:

“Il-gvern jista’ jistabbilixxi li l-esproprjazzjoni ta’ proprjetà immobbli hija ta’ utilità pubblika jekk

[…]

din tkun f’żona urbana ta’ rikompożizzjoni”.

III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

10.

R. Thybaut et ippreżentaw rikors għal annullament quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) kontra d-digriet tat-3 ta’ Mejju 2012 tal-Gvern tal-Wallonie li jistabbilixxi “żona urbana ta’ rikompożizzjoni” b’art li fiha iktar minn 4 ettari fil-villaġġ Orp-Jauche (Brabant Wallon, il-Belġju), li tkopri partikolarment is-swali ta’ dik li kienet fabbrika tal-makkinarju għall-agrikoltura (E. de Saint-Hubert).

11.

Għal proġetti f’żona bħal din essenzjalment japplikaw proċedura ssemplifikata għall-permess tal-bini li tista’ tidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-iżvilupp urban applikabbli, kif ukoll proċedura ssemplifikata għall-esproprjazzjoni fejn hija preżunta utilità pubblika. Barra minn hekk, f’dan il-każ ma huwiex il-komun li huwa responsabbli għall-permess tal-bini iżda l-Gvern tal-Wallonie.

12.

L-applikazzjoni għal żona urbana ta’ rikompożizzjoni trid tkopri “proġett tal-iżvilupp urban” konkret (twaqqigħ u bini ta’ strutturi, espansjoni tat-toroq, spazji miftuħa eċċ.), li iktar tard eventwalment jinħareġ permess tal-bini separat għalih. Iżda peress li ż-żona urbana ta’ rikompożizzjoni tgawdi mill-istatus ta’ regolament mingħajr limitazzjoni temporali, mhux dan il-proġett biss iżda kull proġett futur jibbenefika mill-proċeduri ssemplifikati, anki jekk dan ma jkunx f’relazzjoni mal-proġett tal-iżvilupp urban konkret inizjali.

13.

F’dan il-każ, l-applikazzjoni għaż-“żona urbana ta’ rikompożizzjoni” saret mill-kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata Bodymat li għandha l-intenzjoni li “tirridisinja l-binjiet industrijali bi stabbiliment DIY, supermarkit u ħwienet anċillari li fihom isir bejgħ bl-imnut [kif ukoll] b’appartamenti [u] b’netwerk tat-toroq konness man-netwerk diġà eżistenti”.

14.

Aġenzija tal-ippjanar u tal-konsulenza ambjentali wettqet evalwazzjoni dwar l-effetti tal-proġett tal-iżvilupp urban ta’ Bodymat fuq l-ambjent.

15.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma persuni privati li jgħixu fl-inħawi taż-żona urbana ta’ rikompożizzjoni. Dawn qegħdin jinvokaw id-Direttiva ESA u jsostnu li l-evalwazzjoni mwettqa fil-każ ineżami ma tissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva peress li hija inkompleta, żbaljata u ma saritx kif suppost.

16.

Il-Gvern tal-Wallonie huwa tal-fehma li mhux iż-żona urbana ta’ rikompożizzjoni teħtieġ evalwazzjoni tal-effetti iżda l-proġett tal-iżvilupp urban. Fil-każ ineżami kienet saret tali evalwazzjoni għall-proġett urban. L-awtorità amministrattiva korrettament iddeċidiet li l-evalwazzjoni hija kompleta u tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.

17.

Wara li saret talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) fir-rigward tal-kompatibbiltà tar-regoli dwar iż-żona urbana ta’ rikompożizzjoni mal-Constitution belge (il-Kostituzzjoni Belġjana), il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) issa qiegħed jagħmel id-domanda segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

L-Artikolu 2(a) tad-[Direttiva ESA] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ pjan jew ta’ programm jinkludi perimetru previst minn dispożizzjoni ta’ natura leġiżlattiva u adottat minn awtorità reġjonali:

li l-uniku għan tiegħu huwa li tiġi ddeterminata d-delimitazzjoni ta’ żona ġeografika li tista’ tintuża għat-twettiq ta’ proġett ta’ żvilupp urban, filwaqt li dan il-proġett, li għandu jfittex li jilħaq għan determinat – f’dan il-każ, il-klassifikazzjoni mill-ġdid u l-iżvilupp ta’ funzjonijiet urbani u li jeħtieġ il-ħolqien, il-modifika, it-tkabbir, l-eliminazzjoni jew l-elevazzjoni tat-toroq u tal-ispazji pubbliċi –, jiġġustifika l-adozzjoni tal-perimetru, li timplika għalhekk l-aċċettazzjoni tal-prinċipju tiegħu, iżda li fir-rigward tiegħu għad irid jinħareġ permess li jietieġ evalwazzjoni tal-effetti; u

li għandu bħala effett, mill-perspettiva proċedurali, li l-applikazzjonijiet għal permess għal atti jew għal xogħlijiet f’dan il-perimetru jgawdu minn proċedura derogatorja, filwaqt li r-regoli tal-ippjanar applikabbli għall-artijiet ikkonċernati qabel l-adozzjoni tal-perimetru jibqgħu applikabbli, iżda din il-proċedura jista’ jkollha l-benefiċċju li tippermetti l-kisba b’mod iktar faċli ta’ deroga minn dawn ir-regoli;

u li jibbenefika minn preżunzjoni ta’ utilità pubblika għat-twettiq ta’ esproprjazzjonijiet fil-kuntest tal-plan ta’ esproprjazzjoni anness miegħu?

18.

R. Thybaut et, Bodymat S. A., ir-Renju tal-Belġju kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ressqu osservazzjonijiet bil-miktub u attendew għas-seduta tat-30 ta’ Novembru 2017, li kienet tirrigwarda kemm din il-proċedura kif ukoll il-Kawża C-671/16, Inter-Environnement Bruxelles et. Barra minn hekk, ir-Renju tad-Danimarka wkoll deher fis-seduta.

IV. L-analiżi ġuridika

19.

Sabiex tingħata risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari, fl-ewwel lok għandha tiġi indirizzata fil-qosor id-“definizzjoni” tal-pjanijiet u tal-programmi kif stabbilita fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA u mbagħad, fit-tieni lok, l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kunċett imsemmi.

A.   Fuq id-definizzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA

20.

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA jistabbilixxi li t-termini “pjanijiet u programmi” għandhom jinftiehmu bħala l-pjanijiet u l-programmi kif ukoll l-emendi tagħhom li, l-ewwel nett, ikunu mfassla u/jew adottati minn awtorità fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali jew imfassla minn awtorità għall-adozzjoni tagħhom mill-parlament jew mill-gvern, permezz ta’ proċedura leġiżlattiva u li, it-tieni nett, ikunu meħtieġa minn liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi.

21.

Mill-formulazzjoni tad-domanda tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) diġà jirriżulta li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ma humiex ikkontestati. Dan għaliex, skont il-kliem tagħha, id-determinazzjoni taż-żona inkwistjoni ġiet deċiża minn entità reġjonali, proprju mir-Reġjun tal-Wallonie (il-Belġju), u għalhekk l-ewwel kundizzjoni hija ssodisfatta. Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, għalkemm ma huwa identifikabbli l-ebda obbligu li tiġi ddeterminata ż-żona inkwistjoni, huwa suffiċjenti li miżura tkun irregolata fil-leġiżlazzjoni u fid-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, li jistabbilixxu l-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottawha u l-proċeduri għall-preparazzjoni tagħha ( 7 ). Skont id-domanda preliminari, id-determinazzjoni taż-żona hija prevista mil-liġi. U din id-dispożizzjoni, il-punt 8 tal-paragrafu § 1 tal-Artikolu 127 tal-Kodiċi tal-Wallonie tal-ippjanar tat-territorju, tal-ippjanar urban u tal-patrimonju, tistabbilixxi wkoll l-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottawha u l-proċeduri għall-preparazzjoni tagħha.

B.   Fuq ir-rekwiżiti sostantivi tal-pjanijiet u tal-programmi

22.

Fil-verità il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jixtieq ikun jaf jekk il-konsegwenzi legali tad-determinazzjoni ta’ żona urbana ta’ rikompożizzjoni humiex suffiċjenti sabiex din titqies bħala pjan jew programm fis-sens tad-Direttiva ESA. Din il-kwistjoni tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tapplika għal sitwazzjoni ġdida l-interpretazzjoni tal-kunċett “pjanijiet u programmi” stabbilita reċentement.

23.

Din l-interpretazzjoni tipprovdi li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”“huwa relatat ma’ kull att li jistabbilixxi, billi jiddefinixxi regoli u proċeduri ta’ kontroll applikabbli għas-settur ikkonċernat, ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implementazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent” ( 8 ).

24.

Dwar din l-interpretazzjoni rrilevajt, fil-konklużjonijiet tiegħi tal-lum fil-Kawża C-671/16, Inter-Environnement Bruxelles, li, meta jiġi eżaminat jekk hemmx pjan jew programm fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA, għandu jiġi mistħarreġ jekk l-ispeċifikazzjonijiet tal-miżura kkonċernata humiex mistennijin jikkawżaw effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ( 9 ).

25.

Fil-kawża preżenti, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ser ikun responsabbli sabiex jeżamina jekk iż-żona urbana ta’ rikompożizzjoni kontenzjuża tissodisfax dawn il-kriterji.

26.

Sabiex isir dan l-eżami, prima facie jidher li huwa sinjifikattiv li d-determinazzjoni ta’ żona urbana ta’ rikompożizzjoni ma tinkludix espliċitament kriterji u modalitajiet pożittivi għall-awtorizzazzjoni u għat-twettiq ta’ proġetti, iżda hija limitata għad-definizzjoni ta’ żona. Dan il-fatt kapaċi jeskludi li din id-determinazzjoni tista’ tikkawża effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

27.

Anki tnejn mit-tliet dispożizzjonijiet speċjali applikabbli fi ħdan tali żona, jiġifieri l-bidla fil-ġurisdizzjoni għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet u l-possibbiltà tal-esproprjazzjoni ta’ artijiet, ma humiex, fihom innifishom, tali li jikkawżaw effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

28.

Madankollu, it-tielet dispożizzjoni speċjali għal żoni urbani ta’ rikompożizzjoni hija ta’ kwalità differenti. Skont il-paragrafu § 3 tal-Artikolu 127 tal-Kodiċi tal-Wallonie tal-ippjanar tat-territorju, tal-ippjanar urban u tal-patrimonju, l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti f’tali żona tista’ tingħata b’deroga minn regoli tal-ippjanar eżistenti. Din id-dispożizzjoni ssemmi pjanijiet settorjali, pjanijiet tal-iżvilupp muniċipali, ordinanzi tal-bini muniċipali kif ukoll pjanijiet li juru l-allinjament tat-toroq u l-linji tal-bini.

29.

Il-possibbiltà ta’ deroga minn regoli eżistenti hija simili għar-revoka ta’ dawn ir-regoli. Dan għaliex, abbażi tad-determinazzjoni ta’ żona urbana ta’ rikompożizzjoni, f’din iż-żona, bħala prinċipju, jistgħu jitwettqu proġetti b’effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent li qabel kienu preklużi skont ir-regoli tal-pjanijiet eżistenti. Hawnhekk iridu jissemmew, pereżempju, restrizzjonijiet fid-daqs tal-binjiet jew fl-użu tal-artijiet, li mbagħad ma jkollhomx għalfejn jiġu osservati iżjed.

30.

Indirettament dan ikun jikkostitwixxi speċifikazzjoni potenzjalment essenzjali ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għat-twettiq ta’ proġetti: l-artijiet inkwistjoni jsiru attraenti għal kull tip ta’ proġetti li jiddependu minn derogi minn regoli tal-ippjanar eżistenti.

31.

Fir-rigward tat-tħassir ta’ pjanijiet u programmi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-effetti tipiċi ta’ atti ta’ tħassir ta’ pjan jew ta’ programm, ikun imur kontra l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, u jkun ta’ preġudizzju, parzjali, għall-effett utli tad-Direttiva ESA, li dawn l-atti jiġu kkunsidrati bħala li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ( 10 ). Dan għaliex l-eliminazzjoni tar-regoli ta’ pjan jew programm ukoll ikollha influwenza sostanzjali fuq il-qafas għall-awtorizzazzjoni futura ta’ proġetti ( 11 ). Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw bl-istess mod għall-possibbiltà li ssir deroga minn regoli tal-ippjanar eżistenti.

32.

Huwa minnu li d-determinazzjoni ta’ żona urbana ta’ rikompożizzjoni ma tfissirx li tassew ser isiru proġetti li jeżawrixxu l-possibbiltajiet attwalment eżistenti għall-influwenza fuq l-ambjent. Pjuttost hija biss l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti sussegwenti li tippermetti evalwazzjoni konkreta tal-effetti fuq l-ambjent. Iżda din il-kunsiderazzjoni fl-aħħar mill-aħħar tapplika għar-regoli kollha ta’ pjanijiet u programmi: dawn jagħmluha biss possibbli li jkun hemm effetti fuq l-ambjent, li mbagħad jistgħu jiġu rrealizzati minn proġetti konkreti. Iżda l-leġiżlatur manifestament assuma li din in-natura potenzjali ta’ regoli tal-ippjanar u tal-programmi ma tipprekludix evalwazzjoni ambjentali.

33.

Għaldaqstant, lanqas l-argument tar-Renju tal-Belġju u ta’ Bodymat ma jikkonvinċini, jiġifieri li għadu lanqas biss huwa ċar x’effetti fuq l-ambjent għandhom jiġu eżaminati.

34.

Huwa minnu li evalwazzjoni ambjentali tad-determinazzjoni ta’ żona urbana ta’ rikompożizzjoni ma tistax tiggarantixxi li tkopri preċiżament l-effetti fuq l-ambjent li fir-realtà ser jirriżultaw sussegwentement. Dan għaliex il-possibbiltajiet ta’ deroga minn regoli tal-ippjanar fil-fatt ma humiex limitati għal proġett speċifiku li l-effetti tiegħu diġà jistgħu jiġu analizzati, iżda ser igawdu minnhom il-proġetti kollha rrealizzati fil-futur f’din iż-żona, anki proġetti li għadhom lanqas biss huma previsti.

35.

Iżda evalwazzjoni ambjentali għall-inqas tista’ tipprova, abbażi taċ-ċirkustanzi fiż-żona kif ukoll abbażi tal-kundizzjonijiet qafas tekniċi, tiddeskrivi l-effetti fuq l-ambjent realistikament possibbli jekk jiġu rrealizzati proġetti li ma jkunux għadhom ristretti mir-regoli tal-ippjanar eżistenti. Dan l-approċċ ikun jikkontribwixxi sostanzjalment għat-trasparenza, peress li l-awtoritajiet ikollhom bilfors jiċċaraw xi żviluppi futuri ser ikunu qegħdin jippermettu permezz tad-determinazzjoni taż-żona urbana ta’ rikompożizzjoni.

36.

Finalment, il-kwalifika ta’ żona urbana ta’ rikompożizzjoni bħala pjan jew programm lanqas ma hija prekluża mill-fatt li, bħala prinċipju, ikun possibbli li kwalunkwe deroga minn regoli tal-ippjanar eżistenti tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod komprensiv skont id-Direttiva EEA fil-kuntest ta’ evalwazzjoni ta’ proġetti sussegwenti.

37.

Huwa minnu li l-inizjattiva għall-adozzjoni tad-Direttiva ESA hija bbażata fuq ir-rikonoxximent li ċerti effetti fuq l-ambjent diġà jkunu stabbiliti fid-data tal-evalwazzjoni skont id-Direttiva EEA minħabba deċiżjonijiet tal-ippjanar meħuda qabel, u ma jistgħux jiġu kkontestati iktar fid-deċiżjoni dwar il-proġett, irrispettivament mir-riżultat tal-evalwazzjoni ( 12 ). Iżda minn dan ma għandux jiġi konkluż li evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva ESA tkun superfluwi jekk l-istipulazzjonijiet kollha jistgħu jiġu eżaminati u analizzati bl-applikazzjoni tad-Direttiva EEA.

38.

Dan għaliex, l-ewwel nett, għall-inqas id-dritt tal-Unjoni ma jiggarantixxix li kull proġett konċepibbli jiġi evalwat skont id-Direttiva EEA. Huma biss it-tipi ta’ proġetti elenkati fl-Anness I u fl-Anness II ta’ din id-direttiva li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 3(2)(b) u (4) tagħha, id-Direttiva ESA tipprovdi wkoll li jiġu evalwati pjanijiet u programmi li mhux neċessarjament għandhom rabta ma’ proġetti suġġetti għad-Direttiva EEA.

39.

It-tieni nett, l-evalwazzjoni ambjentali għandha ssir fl-iktar stadju bikri possibbli sabiex ir-riżultati tagħha jkunu għadhom jistgħu jinfluwenzaw deċiżjonijiet eventwali. Dan l-għan ma huwiex stipulat biss fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva ESA, iżda wkoll fl-Artikolu 8(1) u fl-Artikolu 9(2) tal-Protokoll ta’ Kiev ( 13 ), fil-punt 7 tal-preambolu u fl-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni ta’ Espoo ( 14 ), fl-Artikolu 6(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 15 ) kif ukoll fil-premessa 2 tad-Direttiva EEA ( 16 ).

40.

U, it-tielet nett, l-eżistenza eventwalment parallela ta’ evalwazzjonijiet skont iż-żewġ direttivi ma tfissirx li huma neċessarji evalwazzjonijiet doppji żejda. Pjuttost, kif speċifikat fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva ESA, ir-riżultati tal-ewwel evalwazzjoni jistgħu (u għandhom) jintużaw mill-ġdid fil-kuntest tat-tieni evalwazzjoni, fi kwalunkwe każ fejn dawn ikunu (għadhom) informattivi għal din it-tieni evalwazzjoni ( 17 ).

41.

Iżda jekk id-determinazzjoni ta’ żona urbana ta’ rikompożizzjoni għandhiex attwalment titqies bħala sinjifikattiva fi ħdan it-tifsira tas-sentenza D’Oultremont jiddependi mir-regoli stipulati fil-pjanijiet eżistenti u li minnhom jista’ jiġi dderogat. Iktar ma jkunu importanti dawn ir-regoli, iktar tkun sinjifikattiva l-possibbiltà ta’ deroga.

42.

Għalhekk, il-qorti nazzjonali trid teżamina jekk ir-regoli tal-ippjanar eżistenti, li minnhom jista’ jiġi dderogat, jipprekludux proġetti li x’aktarx ser ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent fid-dawl taċ-ċirkustanzi lokali konkreti.

V. Konklużjoni

43.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

Att li jippermetti d-deroga mir-regoli tal-iżvilupp urban ta’ ċerti pjanijiet waqt l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti fi ħdan żona partikolari għandu jitqies li huwa pjan jew programm fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, sa fejn ir-regoli tal-ippjanar eżistenti, li minnhom jista’ jiġi dderogat, jipprekludu proġetti li x’aktarx ser ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent fid-dawl taċ-ċirkustanzi lokali konkreti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).

( 3 ) Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C-290/15, EU:C:2016:816, punt 49).

( 4 ) Sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et (C-567/10, EU:C:2012:159, punti 39 et seq).

( 5 ) Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2011, L 26, p. 1), emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 124, p. 1).

( 6 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat-13 ta’ Mejju 2013 li tadatta ċerti direttivi fil-qasam tal-ambjent, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (ĠU 2013, L 158, p. 193).

( 7 ) Sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et (C-567/10, EU:C:2012:159, punt 31).

( 8 ) Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C-290/15, EU:C:2016:816, punt 49).

( 9 ) Ara l-punti 18 sa 27 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C-671/16, Inter-Environnement Bruxelles.

( 10 ) Sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et (C-567/10, EU:C:2012:159, punt 41).

( 11 ) Sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et (C-567/10, EU:C:2012:159, punt 39).

( 12 ) Proposta għal direttiva tal-Kunsill rigward l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (COM(96) 511 final, p. 6). Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C-105/09 u C-110/09, EU:C:2010:120, punti 3132) kif ukoll fil-kawża tal-lum Inter-Environnement Bruxelles et (C‑671/16, punti 43 u 44).

( 13 ) Protkoll tal-2003 dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali għall-Konvenzjoni ta’ Espoo tal-UN/ECE tal-1991 dwar il-Valutazzjoni ta’ l-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali (ĠU 2008, L 308, p. 35), adottat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/871/KE tal-20 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2008, L 308, p. 33).

( 14 ) Konvenzjoni tal-1991 dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali (ĠU 1992, C 104, p. 7); skont il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza, f’isem il-Komunità Ewropea, l-ewwel u t-tieni emenda tal-Konvenzjoni tal-UN/ECE ta’ Espoo dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali (COM(2007) 470 final), il-Komunità rratifikat din il-konvenzjoni fis-27 ta’ Ġunju 1997 permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill li ma kinitx ippubblikata, li mid-dehra hija tal-15 ta’ Ottubru 1996 (ara l-proposta għall-ewwel Deċiżjoni tal-Kunsill fil-ĠU 1992, C 104, p. 5).

( 15 ) Konvenzjoni tal-1998 dwar l-aċċess għat-tagħrif, il-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess deċiżjonali u l-aċċess għall-ġustizzja f’materji ambjentali (ĠU 2005, L 124, p. 4), adottata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, p. 17).

( 16 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Comune di Corridonia et (C-196/16 u C-197/16, EU:C:2017:249, punti 2526).

( 17 ) Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 2011, Valčiukienė et (C-295/10, EU:C:2011:608, punti 6162) u tal-10 ta’ Settembru 2015, Dimos Kropias Attikis (C-473/14, EU:C:2015:582, punt 58).

Top