Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0118

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fil-15 ta’ Novembru 2018.
Zsuzsanna Dunai vs ERSTE Bank Hungary Zrt.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Budai Központi Kerületi Bíróság.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 1(2) – Artikolu 6(1) – Kuntratt ta’ self ddenominat f’munita barranija – Differenza fir-rati tal-kambju – Sostituzzjoni b’dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ klawżola inġusta ddikjarata nulla – Riskju tal-kambju – Kuntratt li jibqa’ fis-seħħ wara t-tneħħija tal-klawżola inġusta – Sistema nazzjonali ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt.
Kawża C-118/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:921

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fil-15 ta’ Novembru 2018 ( 1 )

Kawża C-118/17

Zsuzsanna Dunai

vs

ERSTE Bank Hungary Zrt

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Budai Központi Kerületi Bíróság (il-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Buda, l-Ungerija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratti ta’ kreditu ddenominati f’muniti barranin – Klawżoli inġusti ddikjarati nulli – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrimedja n-nullità permezz ta’ emenda tal-kontenut tal-kuntratti inkwistjoni – Żamma tal-validità ta’ dawn il-kuntratti għall-bqija – Possibbiltà li l-qorti suprema tal-Istat Membru kkonċernat tadotta deċiżjonijiet intiżi għall-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza”

Introduzzjoni

1.

Din il-kawża taqa’ f’serje ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari li saru prinċipalment mill-qrati Ungeriżi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13/KEE ( 2 ) fil-kuntest ta’ tilwim dwar il-validità ta’ klawżoli li jinsabu fil-kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija.

2.

B’mod partikolari, hija sussegwenti għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, b’mod partikolari, wasslet sabiex jiġu ddikjarati nulli, f’dawn il-kuntratti, il-klawżoli li jippermettu lill-istabbilimenti ta’ kreditu jiddeterminaw ir-rata tagħhom stess tax-xiri u tal-bejgħ tal-munita kkonċernata (imsejħa bħala d-“differenza fir-rati tal-kambju” jew “spread”). Din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi wkoll li minkejja li parti tista’ titlob lill-qorti adita tiċħad l-applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli, min-naħa l-oħra, hija ma tistax titlobha tikkonstata l-invalidità tal-kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija kollu kemm hu.

3.

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-validità ta’ din l-aħħar projbizzjoni. Hija tistaqsi dwar jekk hija tistax, b’mod partikolari abbażi tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 93/13, tiddikjara invalidu l-kuntratt ta’ self kollu kemm hu, li hija għandha quddiemha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, peress li, fil-fehma tagħha, tali possibbiltà sservi l-interessi ekonomiċi tal-konsumatur.

4.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tistieden għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’estensjoni tal-kawżi li bihom il-Qorti tal-Ġustizzja kienet preċedentement adita ( 3 ), tipprovdi mill-ġdid xi kjarifiki dwar il-portata tal-intervent tal-qorti fir-rigward tal-effettività tad-Direttiva 93/13 fil-kuntest partikolari ħafna ta’ self iddenominat f’muniti barranin.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

5.

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li l-“klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji […] m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva”.

6.

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”.

7.

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri”.

Id-dritt Ungeriż

Il-Liġi Fundamentali Ungeriża

8.

L-Artikolu 25(3) tal-Alaptörvény (il-Liġi Fundamentali Ungeriża) jipprovdi li l-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) “għandha tiżgura […] l-uniformità tal-applikazzjoni tad-dritt mill-qrati u tagħti deċiżjonijiet fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt li torbot lill-qrati”.

Il-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu

9.

L-Artikolu 213(1) tal-hitelintézetekről és a pénzügyi vállalkozásokról szóló 1996. évi CXII. törvény (il-Liġi Nru CXII tal-1996 dwar l-Istituzzjonijiet Finanzjarji ta’ Kreditu, iktar ’il quddiem, il-“Liġi Hpt”) jipprovdi:

“Kull kuntratt ta’ self għall-konsum jew ta’ self għall-akkomodazzjoni huwa null jekk ma jsemmix

[…]

ċ)

l-ammont globali tal-ispejjeż marbuta mal-kuntratt, inkluż l-interessi, spejjeż anċillari, kif ukoll il-valur annwali, espress f’perċentwali,

[…]”

Il-Liġi DH 1

10.

Skont l-Artikolu 1(1) tal-Kúriának a pénzügyi intézmények fogyasztói kölcsönszerződéseire vonatkozó jogegységi határozatával kapcsolatos egyes kérdések rendezéséről szóló 2014. évi XXXVIII. törvény (il-Liġi Nru XXXVIII tal-2014 li Tirregola Materji Speċifiċi Relatati mad-Deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) għall-Armonizzazzjoni tal-Ġurisprudenza dwar Kuntratti ta’ Self Konklużi mill-Istabbilimenti Finanzjarji mal-Konsumaturi, iktar ’il quddiem il-“Liġi DH 1”):

“Din il-liġi għandha tapplika għall-kuntratti ta’ self konklużi mal-konsumaturi bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi. Għall-finijiet ta’ din il-liġi, il-kunċett ta’ ‘kuntratti ta’ self konklużi mal-konsumaturi’ għandu jkopri l-kuntratti ta’ kreditu, ta’ self jew ta’ leasing finanzjarju bbażati fuq muniti barranin (irreġistrati jew mogħtija f’munita barranija u rrimborsati f’forint Ungeriżi [HUF]) jew fuq forint Ungeriżi u konklużi bejn istituzzjoni finanzjarja u konsumatur, jekk il-kuntratt ikun jinkorpora klawżoli kuntrattwali standard jew kwalunkwe klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment, fis-sens tal-Artikolu 3(1) jew tal-Artikolu 4(1).”

11.

L-Artikolu 3(1) u (2) tal-Liġi DH 1 jipprovdi:

“1.   F’kuntratti ta’ self konklużi ma’ konsumaturi, klawżoli – bl-eċċezzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali li jkunu ġew innegozjati individwalment – li bis-saħħa tagħhom istituzzjoni finanzjarja tistipula li, għall-finijiet tar-rilaxx tal-flus intiżi għax-xiri tas-suġġett tas-self jew tal-leasing finanzjarju, għandha tapplika r-rata tax-xiri, u li, għall-finijiet tar-rimbors tad-dejn, għandha tapplika r-rata tal-bejgħ, jew rata tal-kambju differenti minn dik stabbilita meta jiġu rrilaxxati l-flus, ikunu invalidi.

2.   Minflok il-klawżola nulla msemmija fil-paragrafu 1 – bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 – għandha tapplika r-rata tal-kambju uffiċjali stabbilita mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija għall-munita barranija kkonċernata b’rabta mar-rilaxx tal-flus u r-rimbors tas-self (inkluż ir-radd lura ta’ ħlasijiet bin-nifs u l-ispejjeż, it-tariffi u l-kummissjonijiet kollha espressi fil-munita barranija)”.

Il-Liġi DH 2

12.

L-Artikolu 37(1) tal-Kúriának a pénzügyi intézmények fogyasztói kölcsönszerződéseire vonatkozó jogegységi határozatával kapcsolatos egyes kérdések rendezéséről szóló 2014. évi XXXVIII. törvényben rögzített elszámolás szabályairól és egyes egyéb rendelkezésekről szóló 2014. évi XL. törvény (il-Liġi Nru XL tal-2014 dwar id-Dispożizzjonijiet li Jirregolaw il-Bilanċ tal-Kontijiet imsemmi fil-Liġi [DH 1], u dwar Għadd ta’ Dispożizzjonijiet Oħra, iktar ’il quddiem il-“Liġi DH 2”), jipprovdi:

“B’rabta ma’ kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, il-partijiet jistgħu jagħmlu rikors lill-qorti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-kuntratt jew ta’ ċerti klawżoli tiegħu (iktar ’il quddiem ‘invalidità parzjali’) – irrispettivament mir-raġunijiet għal tali invalidità – biss jekk huma jitolbu li jiġu applikati l-konsegwenzi legali tal-invalidità, jiġifieri, dikjarazzjoni ta’ validità jew ta’ effettività tal-kuntratt saż-żmien tal-adozzjoni tas-sentenza. Jekk ma jkunx hemm talba bħal din – u wara li tkun ingħatat u ma tteħditx l-opportunità ta’ regolarizzazzjoni – ir-rikors ma jkunx ammissibbli u l-mertu tal-kawża ma jkunx jista’ jiġi eżaminat. […]”

Il-Liġi DH 3

13.

Skont l-Artikolu 10 tal-az egyes fogyasztói kölcsönszerződések devizanemének módosulásával és a kamatszabályokkal kapcsolatos kérdések rendezéséről szóló 2014. évi LXXVII. törvény (il-Liġi Nru LXXVII tal-2014 li Tirregola Diversi Materji Relatati mat-Tibdil tal-Munita Barranija li fiha Kuntratti ta’ Self ma’ Konsumaturi jkunu Ddenominati u mad-Dispożizzjonijiet b’Rabta ma’ Interessi, iktar ’il quddiem il-“Liġi DH 3”):

“Fir-rigward ta’ kuntratt ta’ self b’ipoteka f’munita barranija jew ibbażat fuq munita barranija, l-istituzzjoni finanzjarja li lilha d-dejn ikun dovut hija meħtieġa, fit-terminu stabbilit għat-twettiq tal-obbligu tagħha li twettaq il-bilanċ tal-kontijiet skont [il-Liġi DH 2], tikkonverti f’self iddenominat f’HUF id-dejn kollu li jkun ibbażat fuq kuntratt ta’ self b’ipoteka f’munita barranija jew ibbażat fuq munita barranija, jew id-dejn kollu li jirriżulta minn tali kuntratt, kif ikkalkolat fuq il-bażi tal-bilanċ tal-kontijiet imwettaq skont [il-Liġi DH 2], inklużi l-interessi, it-tariffi, il-kummissjonijiet u l-ispejjeż mitluba f’munita barranija, u dan billi tapplika ir-rata miż-żewġ rati ta’ interessi li ġejjin li l-iktar tkun favorevoli għall-konsumatur (iktar ’il quddiem il-‘konverżjoni f’HUF’) fid-data ta’ referenza:

a)

ir-rata tal-kambju medja għall-munita barranija kkonċernata stabbilita uffiċjalment mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija fil-perijodu mis-16 ta’ Ġunju 2014 sas-7 ta’ Novembru 2014, jew

b)

ir-rata tal-kambju għall-munita barranija kkonċernata stabbilita uffiċjalment mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija fis-7 ta’ Novembru 2014”.

14.

L-Artikolu 15/A tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1.   Fi proċeduri pendenti li kienu tressqu għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (jew ta’ invalidità parzjali) ta’ kuntratti ta’ self konklużi ma’ konsumatur jew sabiex ikunu ddeterminati l-konsegwenzi legali tal-invalidità, id-dispożizzjonijiet relatati mal-konverżjoni f’HUF, stabbiliti minn din il-liġi, għandhom japplikaw ukoll għall-ammont tad-dejn tal-konsumatur li jirriżulta mill-kuntratt ta’ self f’munita barranija jew ibbażat fuq munita barranija, ikkalkolat skont il-bilanċ tal-kontijiet imwettaq skont [il-Liġi DH 2].

2.   L-ammont imħallas lura mill-konsumatur sad-data tas-sentenza għandu jnaqqas l-ammont tad-dejn tal-konsumatur espress f’HUF fid-data ta’ referenza għall-bilanċ tal-kontijiet.

3.   Meta kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur jiġi ddikjarat validu, id-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali speċifiċi tal-partijiet li jirriżultaw mill-bilanċ tal-kontijiet skont [il-Liġi DH 2] għandhom ikunu stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi”.

Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.

Fl-24 ta’ Mejju 2007, Z. Dunai kkonkludiet mal-bank kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, f’dan il-każ il-frank Svizzeru (CHF), għal ammont ta’ CHF 115573.

16.

Skont it-termini tal-istess kuntratt, is-self kellu jiġi rrilaxxat f’munita nazzjonali, f’dan il-każ l-HUF, b’applikazzjoni tar-rata tal-kambju CHF-HUF tal-ġurnata abbażi tar-rata tax-xiri, li kellha twassal għal ħlas ta’ HUF 14734000. Ir-rimborsi kellhom isiru wkoll f’HUF, bir-rata tal-kambju tkun madankollu bbażata, għal dawn il-finijiet, fuq ir-rata tal-bejgħ. Barra minn hekk, ir-riskju tal-kambju, jiġifieri r-riskju marbut mal-varjazzjoni tar-rata tal-kambju tal-muniti kkonċernati, li f’dan il-każ iwassal sabiex l-HUF tiddgħajjef b’mod qawwi fil-konfront taċ-CHF, huwa sostnut minn Z. Dunai.

17.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali kienu kkonkludew l-imsemmi kuntratt permezz ta’ att notarili, b’tali mod li f’każ ta’ nuqqasijiet min-naħa tad-debitur, dan jakkwista saħħa eżekuttiva fl-assenza ta’ kwalunkwe proċedura kontenzjuża quddiem qorti Ungeriża.

18.

Fit-12 ta’ April 2016, in-Nutar ordna, fuq talba tal-bank, l-eżekuzzjoni forzata tal-kuntratt.

19.

Fil-5 ta’ Ottubru 2016, Z. Dunai ppreżentat, quddiem il-qorti tar-rinviju, oppożizzjoni kontra din l-eżekuzzjoni forzata billi invokat in-nullità tal-kuntratt peress li fil-fehma tagħha, bi ksur tal-Artikolu 213(1)(c) tal-Liġi Hpt, ma jippreċiżax id-differenza bejn ir-rata tal-kambju applikabbli waqt ir-rilaxx tal-flus u dik applikabbli waqt il-ħlas lura tas-self.

20.

Il-bank talab iċ-ċaħda tal-oppożizzjoni.

21.

Il-qorti tar-rinviju tindika li, fl-2014, il-leġiżlatur Ungeriż adotta diversi liġijiet, applikabbli għall-kawża prinċipali, intiżi sabiex jimplimentaw deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) mogħtija fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt ċivili u mogħtija fir-rigward ta’ kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija wara s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282). B’mod partikolari, permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kúria (il-Qorti Suprema) ikkunsidrat bħala inġusti klawżoli, bħal dik inkluża fil-kuntratt ta’ self fil-kawża prinċipali, li jipprovdu li hija r-rata tax-xiri li tapplika waqt ir-rilaxx tal-flus, filwaqt li kienet ir-rata tal-bejgħ li tapplika għar-rimbors.

22.

L-imsemmija liġijiet ipprevedew b’mod partikolari t-tneħħija minn tali kuntratti, ta’ klawżoli li jippermettu lill-bank jiddetermina r-rati tiegħu stess tax-xiri u tal-bejgħ ta’ munita barranija, kif ukoll is-sostituzzjoni tagħhom bir-rata tal-kambju uffiċjali stabbilita mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija għall-munita barranija korrispondenti. Dan l-intervent tal-leġiżlatur kellu jkollu l-konsegwenza li jelimina d-differenza bejn ir-rati tal-kambju differenti bbażati fuq dawn ir-rati.

23.

Il-qorti tar-rinviju tindika li minħabba dan l-intervent leġiżlattiv, il-qorti adita ma tistax tikkonstata iktar l-invalidità tal-kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija peress li dan ġab fit-tmiem is-sitwazzjoni li twassal għal raġuni għal invalidità, u jwassal ukoll għal validità tal-kuntratt, u konsegwentement, tal-obbligu tal-konsumatur li jsostni l-piż finanzjarju li jirriżulta mir-riskju tal-kambju. Peress li huwa preċiżament dan l-obbligu li minnu l-konsumatur irid jeħles billi jintroduċi talba kontra l-bank, ikun kontra l-interessi tiegħu li din il-qorti tikkunsidra validu l-imsemmi kuntratt.

24.

Fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, huwa ċar li permezz tal-adozzjoni ta’ serje ta’ liġijiet fl-2014, il-leġiżlatur Ungeriż biddel espressament il-kontenut tal-kuntratti ta’ self b’mod li jaffettwa d-deċiżjonijiet tal-qrati aditi f’sens favorevoli għall-banek. Hija tistaqsi jekk dan l-istat ta’ fatt huwiex konformi mal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.

25.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li d-deċiżjonijiet tal-Kúria (il-Qorti Suprema), mogħtija fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt ċivili, b’mod partikolari d-Deċiżjoni Nru 6/2013 PJE tas-16 ta’ Diċembru 2013, jipprekludu lill-qorti milli tikkonstata l-invalidità ta’ kuntratti ta’ self bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Din il-qorti tindika li, waqt l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, la r-rimedju ġudizzjarju stabbilit mil-liġi u lanqas l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ proċedura ġusta, ma huma żgurati. Filwaqt li l-proċedura li għandha tiġi segwita għal dawn il-finijiet ma hijiex kontradittorja, hija tagħti lok għal deċiżjoni vinkolanti fir-rigward tal-qrati aditi fi proċeduri kontradittorji ta’ natura ġudizzjarja u kontenzjuża.

26.

Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment, f’dan il-kuntest, għall-punti 69 sa 75 tal-Opinjoni dwar il-Liġi Nru CLXII tal-2011 dwar l-Istatus Ġuridiku u r-Remunerazzjoni tal-Qrati u l-Liġi Nru CLXI tal-2011 dwar l-Organizzazzjoni u l-Amministrazzjoni tal-Qrati tal-Ungerija, adottata mill-Kummissjoni ta’ Venezia waqt id-90 sessjoni plenarja tagħha (Venezia, 16-17 ta’ Marzu 2012), li minnha jirriżulta li d-deċiżjonijiet mogħtija fl-Ungerija skont il-proċedura msejħa għall-uniformità jistgħu jiġu kkontestati mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali.

27.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Budai Központi Kerületi Bíróság (il-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Buda, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Il-punt 3 [tad-dispożittiv] tas-sentenza [tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C-26/13, EU:C:2014:282] għandu jinftiehem fis-sens li l-qorti nazzjonali tista’ tirrimedja l-assenza ta’ validità ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn professjonist [bejjiegħ jew fornitur] u konsumatur meta ż-żamma tal-kuntratt imur kontra l-interessi ekonomiċi tal-konsumatur?

(2)

Huwa konformi mal-kompetenza mogħtija lill-Unjoni Ewropea sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv u ta’ smigħ xieraq li l-parlament ta’ Stat Membru jemenda permezz ta’ liġi kuntratti rregolati mid-dritt privat li jaqgħu taħt kategoriji analogi u konklużi bejn professjonist [bejjiegħ jew fornitur] u konsumatur?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, huwa konformi mal-kompetenza mogħtija lill-[Unjoni] sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv u ta’ smigħ xieraq li l-parlament ta’ Stat Membru jemenda permezz ta’ liġi partijiet ta’ kuntratti ta’ self b’munita barranija għall-finijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, iżda b’hekk jikkawża effett li jmur kontra l-interessi leġittimi tal-protezzjoni tal-konsumaturi sa fejn il-kuntratt ta’ self jibqa’ validu wara l-emendi u l-konsumatur għandu jkompli jsostni l-ispejjeż li jirriżultaw mir-riskju tal-kambju?

(3)

Fil-każ ta’ kontenut li jirrigwarda l-kuntratti konklużi bejn professjonist [bejjiegħ jew fornitur] u konsumatur, huwa konformi mal-kompetenza mogħtija lill-[Unjoni] sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv u ta’ smigħ xieraq għal kull kwistjoni ta’ dritt ċivili li l-kunsill responsabbli għall-uniformità tal-istanza ġudizzjarja l-iktar għolja ta’ Stat Membru tiggwida l-ġurisprudenza tal-qorti adita permezz ta’ ‘deċiżjonijiet mogħtija fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt’?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, huwa konformi mal-kompetenza mogħtija lill-[Unjoni] sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv u ta’ smigħ xieraq għal kull kwistjoni ta’ dritt ċivili li l-kunsill responsabbli għall-uniformità tal-istanza ġudizzjarja l-iktar għolja ta’ Stat Membru tiggwida l-ġurisprudenza tal-qorti adita permezz ta’ ‘deċiżjonijiet mogħtija fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt’, meta l-ħatra tal-mħallfin li huma membri tal-kunsill responsabbli għall-uniformità ma tkunx twettqet b’mod trasparenti, skont regoli predeterminati, meta l-proċedura quddiem l-imsemmi kunsill ma tkunx pubblika, u meta ma jkunx possibbli li wieħed ikun jaf a posteriori l-proċedura segwita, jiġifieri l-perizja u x-xogħlijiet akkademiċi użati jew il-vot tad-diversi membri (opinjoni favorevoli jew kuntrarja)?”

Analiżi

Kunsiderazzjonijiet preliminari

28.

Peress li din il-kawża hija estensjoni ta’ kawżi ( 4 ) li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita bihom fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 fil-kuntest speċifiku ta’ kuntratti ta’ self għall-konsum iddenominati f’munita barranija konklużi fuq skala kbira fl-Ungerija, jidhirli li huwa opportun, li preliminarjament, jiġi espost il-kuntest leġiżlattiv u ġurisprudenzjali li minnu tifforma parti din il-kawża.

29.

Hemm lok ukoll li jiġi deċiż, dejjem b’mod introduttiv, jekk fir-realtà permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tridx tikkontesta l-validità ta’ klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari obbligatorji, klawżoli li skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, ma humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet tagħha jew għal dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-suġġett prinċipali tal-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-istess direttiva.

Espożizzjoni tal-kuntest leġiżlattiv u ġurisprudenzjali rilevanti

30.

Għandu jitfakkar li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari kienet adottata b’reazzjoni għas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282).

31.

Fl-opinjoni tiegħi, jistgħu jinsiltu żewġ tagħlimiet importanti minn din is-sentenza.

32.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-termini “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [is-suġġett prinċipali tal-kuntratt” ma jkoprux neċessarjament klawżola, inkluża f’kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur u li ma kinitx innegozjata b’mod individwali, bħal dik li kienet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiena nikklassifika bħala klawżola tad-“differenza fir-rati tal-kambju”. Konsegwentement, tali klawżola tista’ tiġi ddikjarata inġusta, u għalhekk l-applikazzjoni tagħha tista’ tiġi miċħuda.

33.

Fit-tieni lok, u għall-kuntrarju tar-regola tal-prinċipju li tipprovdi li l-qorti adita ma tistax tintervjeni sabiex tibdel jew tissostitwixxi l-klawżoli kontenzjużi ( 5 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma jistax jibqa’ applikabbli wara t-tneħħija tal-klawżola inġusta – li tesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment ta’ preġudizzju –, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix dispożizzjoni legali nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali tirrimedja għan-nullità ta’ din il-klawżola billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari.

34.

Għall-finijiet ta’ kjarifika u sabiex ikun hemm soluzzjoni li tippersisti fil-kuntest tal-proċeduri numerużi mibdija mill-konsumaturi, il-leġiżlatur Ungeriż, permezz tal-adozzjoni tal-Liġijiet DH 1, DH 2 u DH 3, ipproċeda fuq il-bażi tal-prinċipji li kienu stabbiliti mill-Kúria (il-Qorti Suprema) fid-Deċiżjoni Nru 2/2014 PJE, mogħtija fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili ( 6 ), għal xi emendi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali preċedentement applikabbli fil-qasam tal-kuntratt ta’ kreditu. Din il-leġiżlazzjoni hija intiża sabiex tieħu inkunsiderazzjoni diversi mistoqsijiet li l-qrati Ungeriżi kellhom fil-kuntest tal-eżami ta’ klawżoli li jinsabu fil-kuntratt ta’ self iddenominat f’muniti barranin.

35.

Għalhekk minkejja li l-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ġdida ma kinitx fiha nnifisha meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija spjegata mix-xewqa li t-trattament ta’ tali kawżi jiġi ssemplifikat u mgħaġġel ( 7 ).

36.

Din il-leġiżlazzjoni tipprovdi t-tneħħija, mill-kuntratti ddenominati f’muniti barranin, ta’ klawżoli li sa dak iż-żmien kienu jippermettu lill-istabbiliment ta’ kreditu jiddetermina r-rati tiegħu stess tax-xiri u tal-bejgħ tal-munita barranija. Barra minn hekk, hija timponi, li tali klawżola tiġi ssostitwita, b’effett retroattiv, b’dispożizzjoni li tipprovdi l-applikazzjoni tar-rata tal-kambju uffiċjali tal-munita barranija kkonċernata, ikkalkolata mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija.

37.

Għalhekk, b’mod konkret, il-leġiżlatur Ungeriż irrimedja l-problemi naxxenti mill-prattika tad-differenza fir-rati tal-kambju billi ddikjara invalidi l-klawżoli kuntrattwali kkonċernati u billi emendahom b’mezz leġiżlattiv.

38.

Għandha ssir distinzjoni ċara bejn dawn il-klawżoli u dawk li, f’tali kuntratti, jistipulaw li s-self għandu jiġi rrimborsat f’ċerta valuta. Dawn tal-aħħar, li inevitabbilment jimplikaw riskju tal-kambju, jikkostitwixxu, bħala prinċipju, element importanti ta’ dawn il-kuntratti u jistgħu għalhekk jirrigwardaw is-suġġett prinċipali tagħhom ( 8 ).

39.

Dan huwa dak li ġie kkonfermat fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C-186/16, EU:C:2017:703).

40.

F’din l-aħħar sentenza, li ngħatat wara talba għal deċiżjoni preliminari tal-Curtea de Apel Oradea (il-Qorti tal-Appell ta’ Oradea, ir-Rumanija), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod ċar li l-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, ikopri klawżola kuntrattwali, bħal dik li kienet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkluża f’kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija li ma ġietx innegozjata b’mod individwali u li tistabbilixxi li s-self għandu jiġi rrimborsat fl-istess munita barranija li fiha ngħata s-self, peress li din il-klawżola tistabbilixxi prestazzjoni essenzjali li tikkaratterizza dan il-kuntratt. Konsegwentement, din il-klawżola ma tistax titqies bħala inġusta, sakemm tkun redatta b’mod ċar u li jinftiehem ( 9 ).

41.

Sabiex ngħaddi għall-kawża prinċipali, jidher li l-kompatibbiltà tal-kuntest leġiżlattiv il-ġdid Ungeriż mad-Direttiva 93/13, kienet sussegwentement ikkontestata f’rinviji għal deċiżjoni preliminari ġodda.

42.

B’mod partikolari, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Sziber (C-483/16, EU:C:2018:367), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistoqsija b’mod partikolari, dwar jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 jipprekludix din il-leġiżlazzjoni Ungeriża, adottata b’reazzjoni għas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282), li tipprovdi rekwiżiti proċedurali speċifiċi għal kawżi ppreżentati minn konsumaturi li kkonkludew kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija li jinkludu klawżola li tistabbilixxi differenza bejn ir-rata tal-kambju applikabbli għar-rilaxx tas-self u dik applikabbli għar-rimbors tiegħu u/jew klawżola li tistabbilixxi possibbiltà ta’ emenda unilaterali li tippermetti lil min isellef iżid l-interessi, it-tariffi u l-ispejjeż.

43.

Il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet fin-negattiv, billi ppreċiżat li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża ma tmurx kontra l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 “bil-kundizzjoni li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli inklużi f’tali kuntratt tippermetti l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni legali u fattwali li kien ikun fiha l-konsumatur fl-assenza ta’ dawn il-klawżoli abbużivi ( 10 )”. Għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet sensibbli għaċ-ċirkustanza li l-leġiżlatur Ungeriż, b’mod partikolari bl-adozzjoni tal-Liġijiet DH 1 u DH2, kellu l-intenzjoni mhux biss li jiffaċilita l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli f’kuntratti ddenominati f’munita barranija li jipprovdu differenza fir-rati tal-kambju, iżda wkoll li jqassar u li jissemplifika l-proċedura li kellha tiġi segwita quddiem il-qrati Ungeriżi ( 11 ).

44.

Minkejja li kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi DH 1, il-leġiżlatur Ungeriż kellu l-intenzjoni jikklassifika bħala inġusti biss żewġ tipi ta’ klawżoli li jinsabu fil-parti l-kbira tal-kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija u konklużi bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, jiġifieri waħda li tirrigwarda d-differenza fir-rata tal-kambju u l-oħra li tinkludi possibbiltà ta’ emenda unilaterali ( 12 ), xorta jibqa’ l-fatt li l-qrati nazzjonali għandhom dejjem is-setgħa li jeżaminaw in-natura possibbilment inġusta ta’ klawżoli oħra inklużi fil-kuntratti inkwistjoni, inkluż dawk li jiddefinixxu s-suġġett prinċipali, fil-każ fejn jiġi kkunsidrat li dawn ma humiex ifformulati b’mod ċar u li jinftiehem.

45.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-evalwazzjoni tagħha tal-validità tal-leġiżlazzjoni Ungeriża fis-sentenza reċenti tagħha tal-20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring (C-51/17, EU:C:2018:750), billi ppreċiżat, barra minn hekk, li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 jimponi li n-natura ċara u li tinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali tiġi evalwata b’riferiment, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-konklużjoni, kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt, minkejja l-fatt li wħud minn dawn il-klawżoli jkunu ġew iddikjarati jew preżunti inġusti, u għalhekk, annullati, f’mument ulterjuri, mil-leġiżlatur nazzjonali ( 13 ).

46.

Din is-serje ta’ sentenzi tikkonferma li, minkejja li l-konstatazzjoni u l-invalidità ta’ klawżoli inġusti hija obbligatorja, il-qorti adita ma hijiex min-naħa l-oħra, awtorizzata tannulla fl-intier tagħhom il-kuntratti ddenominati f’muniti barranin. Fi kliem ieħor, il-qorti adita, li tasal sabiex tikkonkludi li klawżola dwar id-differenza fir-rata tal-kambju hija inġusta u għalhekk eventwalment twarrabha favur dispożizzjoni ta’ natura supplimentari, ma tistax, fl-istess linja, tqiegħed inkwistjoni d-dispożizzjonijiet kuntrattwali essenzjali relattivi għar-riskju tal-kambju.

47.

Fl-opinjoni tiegħi, hija essenzjalment din il-konklużjoni li l-qorti tar-rinviju għandha l-intenzjoni li tikkontesta f’din il-kawża. Ser nerġa’ nirreferi għal dan il-punt iktar ’il quddiem.

L-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet obbligatorji fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13

48.

Minkejja li din il-kwistjoni ma hijiex speċifikament indirizzata mid-deċiżjoni tar-rinviju, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni kontenzjuża, li essenzjalment tikkonsisti fil-Liġijiet DH 1, DH 2 u DH 3, taqax taħt l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 jew jekk dawn il-liġijiet għandhomx pjuttost jiġu analizzati bħala miżuri li l-Istati Membri jistgħu jadottaw sabiex jiżguraw l-osservanza ta’ din id-direttiva.

49.

Hemm lok li jiġi rrilevat li din il-kawża u l-kawża li tat lok għas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring (C‑51/17, EU:C:2018:750), għandhom bħala element komuni li t-tnejn jirrigwardaw l-effett tal-leġiżlazzjoni fuq imsemmija, li tinkludi l-Liġijiet DH 1 sa DH 3.

50.

Issa, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring (C‑51/17, EU:C:2018:750), qamet b’mod partikolari l-kwistjoni dwar sa fejn il-klawżoli dwar ir-riskju tal-kambju, li kienu saru parti integrali mill-kuntratt b’effett tal-interventi tal-leġiżlatur Ungeriż, jistgħu jaqgħu taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13. F’din il-kawża, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk huwiex kompatibbli mad-Direttiva 93/13 li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tannulla u temenda l-klawżoli inġusti sabiex ittemm prattiki bankarji żleali mifruxa ħafna, mingħajr madankollu ma tannulla l-kuntratti ta’ kreditu kkonċernati, bil-konsegwenza li l-piż tar-riskju tal-kambju jibqa’ sostnut mill-konsumatur. Għalhekk, teżisti rabta ċara bejn il-kwistjonijiet imqajma minn kull waħda minn dawn il-kawżi.

51.

Bl-istess mod tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 huwiex applikabbli f’dan il-każ.

52.

B’estensjoni tal-konstatazzjonijiet tas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring (C‑51/17, EU:C:2018:750) (dawk li jirriżultaw mir-risposta għat-tieni domanda preliminari), jiena tal-opinjoni li l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandha tiġi eskluża f’dan il-każ.

53.

Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 50 ta’ dik is-sentenza, f’dak il-każ, l-eżistenza ta’ riskju tal-kambju tirriżulta min-natura stess tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni. Madankollu, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, iż-żamma ta’ dan ir-riskju tal-kambju tirriżulta wkoll, tal-inqas parzjalment, mill-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-Liġi DH 1, moqri flimkien mal-Artikolu 10 tal-Liġi DH 3, peress li dawn id-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali jemendaw ipso jure kuntratti pendenti, billi jissostitwixxu r-rata tal-kambju tal-munita barranija li fiha l-kuntratt ta’ self kien iddenominat b’rata tal-kambju uffiċjali, stabbilita mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija.

54.

Issa għal dak li jirrigwarda preċiżament is-sostituzzjoni, skont l-Artikolu 3(2) tal-Liġi DH 1 u l-Artikolu 10 tal-Liġi DH 3, tal-klawżola dwar id-differenza fir-rata tal-kambju bi klawżola li tistabbilixxi li r-rata tal-kambju stabbilita mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, fis-seħħ fid-data meta jkun dovut il-ħlas, tapplika bejn il-partijiet tal-kuntratt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-leġiżlatur nazzjonali kellu l-intenzjoni li jiddetermina ċerti kundizzjonijiet dwar l-obbligi inklużi f’kuntratti ta’ self iddenominat f’muniti barranin (ara l-punt 62 tas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring (C‑51/17, EU:C:2018:750). Dawn il-klawżoli, li jirriflettu dispożizzjonijiet leġiżlattivi obbligatorji, ma jistgħux għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (ara l-punt 64 ta dik is-sentenza).

55.

Madankollu, din il-konklużjoni ma tapplikax għall-klawżoli kuntrattwali l-oħra, u b’mod partikolari dawk li jiddeterminaw ir-riskju tal-kambju (punt 65 ta’ dik l-istess s-sentenza). Skont l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-emendi tal-Artikolu 3(2) tal-Liġi DH 1 u tal-Artikolu 10 tal-Liġi DH 3 ma kinux intiżi sabiex jiddeterminaw kompletament il-kwistjoni tar-riskju tal-kambju.

56.

Konsegwentement, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 japplika biss għad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-differenza fir-rati tal-kambju.

57.

Jirriżulta wkoll, għall-kawża prinċipali, li ladarba ma jistax jiġi eskluż mill-ewwel li l-kwistjoni dwar l-applikazzjoni ta’ klawżoli li jiddeterminaw ir-riskju tal-kambju għadha attwali u taqa’ tabilħaqq taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ewwel domanda

58.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huwiex possibbli li qorti, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 93/13, tannulla kuntratt ta’ self kollu kemm hu, meta ż-żamma tiegħu tkun, fil-fehma tagħha, kuntrarja għall-interessi ekonomiċi tal-konsumatur.

59.

Hija tistaqsi dwar il-portata tal-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282), li jipprovdi li “[l]-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma jistax jibqa’ applikabbli wara t-tneħħija ta’ klawżola inġusta, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix regola ta’ dritt nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali li tirrimedja għall-invalidità ta’ din il-klawżola billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari”.

60.

Għandu jiġi enfasizzat li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-ġurisprudenza ( 14 ) tagħha li tipprovdi li bħala prinċipju, ma huwiex permess li qorti, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, tikkompleta klawżola kuntrattwali inġusta billi tirrevedi l-kontenut tagħha. Il-qrati aditi għandhom iwarrbu biss l-applikazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali inġusta sabiex din ma toħloqx effetti vinkolanti fir-rigward tal-konsumatur.

61.

Għalhekk, il-kuntratt għandu jibqa’ applikabbli, bħala prinċipju, mingħajr ebda emenda ħlief dik li tirriżulta mit-tneħħija ta’ klawżoli inġusti, sa fejn, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, tali tkomplija tal-kuntratt tkun legalment possibbli.

62.

Issa, minbarra l-fatt li jeżistu sitwazzjonijiet fejn iż-żamma tal-kuntratt ma hijiex ġuridikament possibbli, jeżistu każijiet fejn l-annullament tal-kuntratt jirriżulta kontro-produttiv mill-perspettiva tal-għan ta’ dissważjoni li trid tilħaq id-Direttiva 93/13.

63.

Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja wessgħet ir-regola fis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282). Dak il-każ kien jirrigwarda kuntratt li l-eżekuzzjoni tiegħu saret impossibbli mingħajr il-klawżoli kuntrattwali annullati – jew is-sostituzzjoni tagħhom b’dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari.

64.

Kif jirriżulta mill-punt 85 tas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282), is-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja kienet ibbażata għalhekk fuq ix-xewqa ta’ din tal-aħħar li tipproteġi l-konsumatur minn konsegwenzi negattivi ta’ annullament tal-kuntratt billi tippermetti l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali li permezz tagħha kien possibbli li l-klawżoli invalidi ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum jiġu ssostitwiti b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari.

65.

Fl-approċċ tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja xtaqet tfakkar l-għan li tistabbilixxi mill-ġdid bilanċ reali bejn il-partijiet, li b’mod partikolari jimplika ċertament li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-konsumatur, iżda li ma jistax iwassal għal distabilizzazzjoni tal-bilanċ kuntrattwali jew anki għat-tħassir tal-kuntratt ( 15 ).

66.

Qari b’attenzjoni tas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282), juri b’mod ċar li l-prinċipju li jipprovdi li normalment il-kuntratt għandu jibqa’ applikabbli – mingħajr ebda emenda oħra ħlief dawk li jirriżultaw mit-tneħħija ta’ klawżoli ddikjarati inġusti – għadu applikabbli sal-lum.

67.

L-eċċezzjoni għal dan il-prinċipju stabbilit minn dik is-sentenza, li tagħti lill-qorti l-possibbiltà li tirrimedja, permezz ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali, in-nullità tal-klawżola billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari, hija skont dik l-istess sentenza, suġġetta għas-sodisfazzjon ta’ ċerti kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, din is-sostituzzjoni għandha twassal “għar-riżultat li l-kuntratt jista’ jibqa’ applikabbli minkejja t-tneħħija tal-klawżola [inġusta]” u li “jkompli jkun vinkolanti għall-partijiet” ( 16 ). Fit-tieni lok, fil-każ fejn il-qorti hija obbligata tannulla l-kuntratt kollu kemm hu, l-imsemmija sostituzzjoni għandu jkollha l-effett li tevita li l-konsumatur jiġi espost għal “konsegwenzi li partikolarment jikkawżaw preġudizzju, b’mod li n-natura dissważiva li tirriżulta mill-annullament tal-kuntratt tirriskja li tiġi kompromessa” ( 17 ).

68.

Issa, f’dan il-każ, il-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju hija bbażata fuq il-premessa li donnu huwa ekonomikament iktar vantaġġuż għall-konsumatur li l-qorti tannulla l-kuntratt kollu kemm hu minflok iżżommu wara li tneħħi il-klawżoli kollha. Din għalhekk tirriżulta minn interpretazzjoni ppreġudikat u żbaljat tal-punt 3 tas-sentenza tat-30 ta’ April 2014Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282).

69.

Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza, bħala prinċipju l-annullament ta’ kuntratt ta’ self kollu kemm hu, għandu l-konsegwenza li l-ammont tas-self li jkun għad fadal jitħallas isir dovut immedjatament fi proporzjonijiet li jirriskjaw li jaqbżu l-kapaċitajiet finanzjarji tal-konsumatur, u għalhekk għandu t-tendenza li jippenalizza lilu iktar milli lil min isellef li, konsegwentement, ma jiġix skoraġġut milli jdaħħal tali klawżoli fil-kuntratti li huwa joffri ( 18 ).

70.

Għalhekk bilfors għandu jiġi konkluż li, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tfittex li tuża s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282) sabiex tiġġustifika soluzzjoni kuntrarja għal dik adottata f’dik is-sentenza, jiġifieri l-annullament tal-kuntratt kollu kemm hu.

71.

B’ħarsa iktar mill-qrib, jidher li dak li l-qorti tar-rinviju tqis li jikkawża preġudizzju lill-konsumatur huwa l-fatt li jekk il-validità tal-kuntratti tinżamm permezz tal-applikazzjoni mill-qorti nazzjonali adita ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi ta’ natura supplimentari, it-telf ikkawżat mir-riskju tal-kambju jibqa’ sostnut mill-konsumatur.

72.

Madankollu din il-perspettiva hija limitata u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-interessi ekonomiċi kollha tal-konsumaturi. Fil-fatt, il-piżijiet li jirriżultaw mir-riskju tal-kambju ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat, għaliex il-vantaġġi u l-inkonvenjenzi ekonomiċi li jirriżultaw mill-kuntratt kollu kemm hu, jistgħu jiġu analizzati biss fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt.

73.

Dwar dan l-aspett, jidhirli li huwa importanti li jitfakkar li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali – u għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk tali klawżola toħloqx bi ħsara għall-konsumatur “żbilanċ sinifikanti” bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 – għandha ssir b’riferiment għall-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li l-bejjiegħ jew il-fornitur seta’ jkun jaf bihom fl-imsemmi mument u li kienu ta’ natura li jinfluwenzaw l-eżekuzzjoni ulterjuri tal-imsemmi kuntratt ( 19 ). Din l-evalwazzjoni fl-ebda każ ma tista’ tiddependi fuq fatti li seħħew wara l-konklużjoni tal-kuntratt li huma indipendenti mill-volontà tal-partijiet, kif jista’ jkun il-każ ta’ varjazzjoni fir-rata tal-kambju ( 20 ).

74.

Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li jista’ jiġi sostnut b’mod validu, quod non, li l-annullament tal-kuntratt ta’ self kontenzjuż kollu kemm hu, jista’ fid-dawl tat-tneħħija tar-riskju tal-kambju li tirriżulta minn dan l-annullament, ikun favorevoli għall-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, għandu jitfakkar li din iċ-ċirkustanza waħedha, ma hijiex determinanti u ma tistax tiġġustifika, allegatament sabiex tiżgura l-effettività tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 93/13, l-annullament tal-kuntratt ta’ self kollu kemm hu.

75.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tenfasizza, l-għan li l-leġiżlatur tal-Unjoni jrid jilħaq fil-kuntest tad-Direttiva 93/13 huwa li jistabbilixxi mill-ġdid il-bilanċ bejn il-partijiet, filwaqt li bħala prinċipju, iżomm il-validità ta’ kuntratt kollu kemm hu, u mhux li jannulla l-kuntratti kollha li jinkludu klawżoli inġusti.

76.

Fir-rigward tal-kriterji li jippermettu li jiġi evalwat jekk kuntratt jistax effettivament jibqa’ applikabbli mingħajr il-klawżoli inġusti, hemm lok li jiġi rrilevat li kemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll ir-rekwiżiti dwar iċ-ċertezza legali tal-attivitajiet ekonomiċi jimmilitaw favur approċċ oġġettiv waqt l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li s-sitwazzjoni ta’ waħda mill-partijiet tal-kuntratt, f’dan il-każ il-konsumatur, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala l-kriterju determinanti li jirregola l-andament futur tal-kuntratt.

77.

Konsegwentement, id-Direttiva 93/13 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li waqt l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk kuntratt li jinkludi klawżola inġusta waħda jew iktar jistax jibqa’ applikabbli mingħajr l-imsemmija klawżoli, il-qorti adita tista’ tibbaża ruħha biss fuq in-natura possibbilment vantaġġjuża, għall-konsumatur, tal-annullament tal-imsemmi kuntratt kollu kemm hu ( 21 ).

78.

Minkejja li d-Direttiva 93/13, li twettaq biss armonizzazzjoni minima, ma tipprekludix li Stat Membru jipprovdi, f’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, li kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur u li jinkludi klawżola inġusta waħda jew iktar huwa null kollu kemm hu meta jirriżulta li dan jiżgura protezzjoni aħjar tal-konsumatur, bilfors għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni Ungeriża tal-2014 dwar is-self f’muniti barranin ma tipprevedix l-annullament tal-kuntratti kkonċernati, iżda ż-żamma tagħhom f’orjentazzjoni konformi mal-interpretazzjoni ritenuta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

79.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-fakultà tal-qorti nazzjonali li tissostitwixxi klawżoli għandha tkun limitata, bir-riskju li jiġi kompromess it-twettiq tal-għan għal żmien twil, imfakkar fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, li huwa dak li l-bejjiegħa jew il-fornituri jiġu skoraġġuti milli jużaw klawżoli inġusti fil-kuntratti ( 22 ).

80.

Issa, li kieku l-qorti nazzjonali setgħet tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti mingħajr limitu, tali fakultà tkun tista’ twassal sabiex tippreġudika t-twettiq ta’ dan l-għan. Fil-fatt, din il-fakultà tkun tikkontribwixxi sabiex jiġi eliminat l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew il-fornituri bin-nuqqas ta’ applikazzjoni pur u sempliċi fir-rigward tal-konsumatur ta’ tali klawżoli inġusti, sa fejn dawn jibqgħu bit-tentazzjoni li jużaw l-imsemmija klawżoli, minħabba li jkunu jafu li, anki li kieku dawn kellhom jiġu ddikjarati invalidi, il-kuntratt ikun jista’ madankollu jiġi kkompletat, kif meħtieġ, mill-qorti nazzjonali b’mod li jiġu għaldaqstant iggarantiti l-interessi tal-imsemmija bejjiegħa jew fornituri ( 23 ).

81.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li, f’każ ta’ nuqqas parzjali ta’ validità ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li tirriżulta min-natura inġusta ta’ waħda mill-klawżoli tiegħu, hija intiża sabiex iżżomm, bħala prinċipju, il-validità tal-kuntratt mingħajr il-klawżola inġusta. Il-qorti adita ma tistax għalhekk tirrimedja n-nuqqas ta’ validità ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur għar-raġuni biss li allegatament iż-żamma tal-kuntratt tmur kontra l-interessi ekonomiċi tal-konsumatur.

Fuq it-tieni domanda

82.

It-tieni domanda donnha għandha tinftiehem bħala li essenzjalment hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni Ungeriża tal-2014, li temenda b’mezz leġiżlattiv ċerti klawżoli kuntrattwali, hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13.

83.

F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li, b’estensjoni tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jitfakkar li, ladarba l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 huwa intiż, b’mod partikolari fl-interess taċ-ċertezza legali, li jħalli applikabbli l-kuntratti ta’ self għall-konsum meta t-tneħħija ta’ klawżoli ddikjarati inġusti tippermetti dan legalment, għall-kuntrarju, xejn ma għandu jipprekludi li l-qorti tiddikjara invalidi ċerti klawżoli inġusti, iżda ma tannullax il-kuntratti kkonċernati.

84.

Fl-istess sens, xejn ma għandu jipprekludi li l-leġiżlatur jiddikjara invalidi ċerti klawżoli inġusti permezz ta’ liġijiet intiżi sabiex jintemmu prattiki bankarji żleali mifruxa ħafna, iżda ma jannullawx il-kuntratti kkonċernati.

85.

F’dan il-każ, jidher li l-leġiżlatur Ungeriż iddeċieda, permezz tal-adozzjoni tal-Liġijiet DH 1 sa DH 3, li jiddefinixxi kuntest għall-finijiet tat-tneħħija ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti fil-kuntratti ta’ kreditu ddenominati f’muniti barranin, kuntratti li l-użu tagħhom kien mifrux ħafna fl-Ungerija u li kienu s-suġġett ta’ diversi tilwim quddiem il-qrati Ungeriżi.

86.

Dan l-approċċ huwa wieħed minn dawk li l-Istati Membri jistgħu jieħdu sabiex, kif stabbilit fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, jintemm l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi minn bejjiegħ jew fornitur mal-konsumaturi ( 24 ).

87.

Jibqa’ li jiġi ddeterminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali jmorrux kontra l-prinċipju ta’ effettività, jiġifieri jekk jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni.

88.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Liġi DH 1 kienet adottata sabiex in-natura vinkolanti tal-prinċipji stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 2/2014 PJE ma tapplikax biss fir-rigward tal-qrati, iżda sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu applikati wkoll direttament ( 25 ). F’dan il-kuntest, u kif jirriżulta mill-punt 4 tal-espożizzjoni tal-motivi ( 26 ) tal-Liġi DH 1, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari l-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282).

89.

Mill-formulazzjoni tal-liġi DH 1 jirriżulta li din tirrigwarda biss il-konsegwenzi tal-applikazzjoni ta’ rati tal-kambju distinti fir-rigward tal-obbligi ta’ ħlas kollha li l-konsumatur għandu skont il-kuntratt ta’ self kif ukoll tar-rilaxx tal-flus. Id-dispożizzjoni legali tipproduċi effetti legali biss fir-rigward ta’ din il-klawżola inġusta, b’tali mod li hija bl-ebda mod ma ċċaħħad lill-konsumatur mill-possibbiltà li jinvoka n-nullità marbuta man-natura allegatament inġusta ta’ klawżola għal raġunijiet oħra. L-istess japplika meta l-klawżola tirrigwarda l-istess elementi sostnuti mill-konsumatur, mingħajr ma tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ rati tal-kambju distinti, iżda għal raġunijiet oħra, sakemm huma jistgħu jiġu invokati b’konformità mad-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13.

90.

Barra minn hekk, il-fatt li d-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu r-riskju tal-kambju ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ eżami tan-natura inġusta tagħhom huwa indipendenti mill-adozzjoni ta’ din il-liġi u tad-deċiżjonijiet tal-Kúria (il-Qorti Suprema), mogħtija fl-interess ta’ interpretazzjoni konformi, li kienu preċedenti għaliha. Dak li jostakola tali eżami hija ċ-ċirkustanzi li tali klawżoli jaqgħu fid-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt li bħala prinċipju ma huwiex suġġett għall-evalwazzjoni tan-natura inġusta tiegħu, sa fejn dawn ma jkunux ifformulati b’mod ċar u li jinftiehem ( 27 ).

91.

Fir-rigward tal-Liġijiet DH 2 u DH3, dawn lanqas ma jirrigwardaw il-klawżoli li jiddefinixxu r-riskju tal-kambju.

92.

Fir-rigward tal-Liġi DH 2, din tinkludi regoli tekniċi ddettaljati marbuta mal-Liġi DH 1, sabiex tirrendi trasparenti l-bilanċ tal-kontijiet kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-banek. Din il-liġi tistabbilixxi r-regoli ġenerali tad-dritt ċivili li jirregolaw il-bilanċ tal-kontijiet; ir-regoli dwar id-dettalji jinsab f’att ta’ livell inferjuri, jiġifieri regolament MNB (regolament tal-Bank Nazzjonali Ungeriż).

93.

Fir-rigward tal-Liġi DH 3, li tagħlaq il-lista ta’ miżuri leġiżlattivi dwar il-krediti f’muniti barranin, din timponi l-konverżjoni f’HUF tal-bilanċi tal-krediti ddenominati f’muniti barranin u tneħħi għal dan il-għan ir-riskju tal-kambju impost unilateralment fuq min jissellef fil-kuntratti ta’ kreditu ipotekarji konklużi mal-individwi. Il-liġi dwar il-konverżjoni tistabbilixxi l-modalitajiet tekniċi legali tal-konverżjoni f’HUF, il-modalitajiet proċedurali tagħha, il-kundizzjonijiet tagħha u t-trasformazzjoni tal-kuntratti ta’ kreditu konklużi mal-konsumaturi konċernati mill-konverżjoni f’HUF.

94.

Huwa minnu li l-liġi dwar il-konverżjoni titlaq mill-konstatazzjoni magħmula mid-Deċiżjoni Nru 2/2014 li fil-każ ta’ kuntratti validi, ir-riskju tal-kambju huwa fuq min jissellef u n-natura inġusta ta’ dawn il-kundizzjonijiet ma tistax tiġi kkontestata ġudizzjarjament, ħlief fil-każ u fir-rigward ta’ kriterji msemmija fid-deċiżjoni ta’ uniformità.

95.

Għalhekk, huwa indipendentement minn dan l-element u b’mod kumplimentari li l-liġi tistinka sabiex tillimita għall-futur il-varjazzjoni tar-rata tal-kambju u tnaqqas l-effetti tagħha.

96.

Fi kliem ieħor, il-loġika wara l-liġi hija ġustament li tagħti għajnuna lill-konsumaturi permezz ta’ intervent leġiżlattiv sabiex tippermettilhom jirrimborsaw il-krediti tagħhom, minkejja l-fatt li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 ma jippermettix l-eżami tan-natura inġusta ta’ dispożizzjoni dwar r-riskju tal-kambju bħala elementi essenzjali tad-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt.

97.

Bħala konklużjoni, jiena tal-opinjoni li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludux l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi, għall-finijiet ta’ ċertezza legali u ta’ kjarifika, sabiex jisiltu l-konsegwenzi ta’ xejriet interpretattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

98.

Għalhekk jiena nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-Direttiva 93/13 ma tipprekludix li Stat Membru jemenda, għall-finijiet ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, b’mezz leġiżlattiv ċerti klawżoli kuntrattwali inġusti fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħa jew fornituri u l-konsumaturi, sa fejn dawn l-emendi ma jippreġudikawx l-effettività tal-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva.

Fuq it-tielet domanda

99.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, li tinqasam f’żewġ partijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni li l-Kúria (il-Qorti Suprema) tagħti deċiżjonijiet fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt li jorbtu lill-qrati fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

100.

Fil-każ ta’ risposta affermattiva, hija tistaqsi jekk l-istess konklużjoni hijiex valida meta l-ħatra tal-imħallfin li huma membri tal-kunsill responsabbli mill-uniformità ma tkunx twettqet b’mod trasparenti, skont regoli predeterminati, meta l-proċedura quddiem l-imsemmi kunsill ma tkunx pubblika, u meta ma jkunx possibbli li wieħed ikun jaf a posteriori l-proċedura segwita, u b’mod partikolari l-perizji u x-xogħlijiet akkademiċi użati u l-vot tad-diversi membri (opinjoni favorevoli jew kuntrarja).

101.

Fl-opinjoni tiegħi, u kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea, wieħed jista’ b’mod leġittimu jistaqsi dwar l-użu ta’ din id-domanda għas-soluzzjoni tal-kawża.

102.

Fil-fatt, jidhirli li l-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju, kif espressi fit-tielet domanda, jittraduċu preokkupazzjonijiet ta’ natura ġenerali fir-rigward tal-organizzazzjoni ġudizzjarja fl-Ungerija u b’mod iktar partikolari, tal-proċedura msejħa tal-uniformità Ungeriża u l-konsegwenzi li jista’ jkollhom id-deċiżjonijiet vinkolanti adottati mill-Kúria (il-Qorti Suprema) f’dan il-kuntest ( 28 ).

103.

Jidhirli li huwa biss mill-bogħod ħafna li dan l-aspett jirrigwarda l-kawża prinċipali, kif inhi pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, u l-problema speċifika tal-konsegwenzi li jistgħu u li għandhom jinsiltu mill-qorti adita mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola inkluża f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

104.

Għandu jiġi enfasizzat li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 ma jkoprix il-proċeduri u l-istrumenti ġuridiċi tal-Istati Membri maħluqa sabiex jorganizzaw is-sistema ġudizzjarja tagħhom u jiżguraw l-uniformità tal-ġurisprudenza nazzjonali tagħhom.

105.

Barra minn hekk, jidhirli li dawn il-preokkupazzjonijiet ma jirrigwardawx ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja li jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 19(1) TUE li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni ( 29 ).

106.

Barra minn hekk, wieħed jista’ jistaqsi dwar l-utilità f’dan il-każ li ssir kritika tas-sistema Ungeriża ta’ deċiżjonijiet vinkolanti, peress li fl-aħħar mill-aħħar donnhom huma l-Liġijiet DH 1 sa DH 3 li possibbilment joħolqu problemi fid-dawl tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 93/13 fir-rigward tal-klawżoli inġusti.

107.

Mis-sempliċi qari tad-deċiżjoni tar-rinviju, huwa diffiċli li tinftiehem ir-rabta bejn, minn naħa, l-organizzazzjoni ta’ din is-sistema ta’ deċiżjonijiet ta’ interpretazzjoni vinkolanti, u min-naħa l-oħra, il-kompetenza u l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni hemm imsemmija.

108.

Barra minn hekk, wieħed jista’ jifhem id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju bħala li hija intiża sabiex tkun taf jekk id-deċiżjonijiet vinkolanti adottati mill-Kúria (il-Qorti Suprema) fis-sistema ta’ uniformità tad-dritt jirriskjawx, f’dan il-każ, li jobbligawha taġixxi bi ksur, b’mod partikolari, tad-Direttiva 93/13 u bi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

109.

F’dan il-każ, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiġi adita b’domandi li jirrigwardaw tali proċeduri, għandu jiġi stabbilit li dawn huma ta’ natura li jipprekludu l-qrati nazzjonali milli jwettqu r-rwol tagħhom fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

110.

Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, jekk jiġi stabbilit li r-regoli ta’ organizzazzjoni jew ta’ proċedura kontenzjużi jipprekluduhom milli jisiltu l-konsegwenzi kollha mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli jew anki jippreġudikaw il-possibbiltà tal-qrati li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-fakultà mogħtija lilhom mill-Artikolu 267 TFUE ( 30 ).

111.

Issa, nirrileva li minkejja li d-deċiżjonijiet ta’ uniformità adottati mill-Kúria (il-Qorti Suprema) għandhom natura vinkolanti fir-rigward tal-qrati Ungeriżi, dawn bl-ebda mod ma jipprekluduhom milli janalizzaw il-konformità tal-kuntratti li jkollhom quddiemhom fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, u lanqas milli jagħtu, jekk ikun il-każ, deċiżjoni konformi ma’ dan id-dritt, billi jwarrbu l-applikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ uniformità tad-dritt skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

112.

Bl-istess mod, kif turi din il-proċedura, xejn ma jipprekludi lill-qrati milli jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE sabiex jitolbu l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal konklużjoni kuntrarja għal dik tad-deċiżjoni ta’ uniformità tad-dritt, wieħed jista’ jippreżenta appell sabiex fil-futur tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-dritt konformi mad-dritt tal-Unjoni.

113.

Jidhirli li din il-konklużjoni tidħol fl-istess linja tal-preċiżjonijiet magħmula reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés (C-96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643) ( 31 ) fir-rigward tal-ġurisprudenza tat-Tribunal Suprema (il-Qorti Suprema, Spanja). Permezz ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li ma jistax jiġi eskluż li, fir-rwol tagħhom ta’ armonizzazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dritt u fl-interess taċ-ċertezza legali, il-qrati supremi ta’ Stat Membru, bħat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), jistgħu, fl-osservanza tad-Direttiva 93/13, jistabbilixxu xi kriterji li fid-dawl tagħhom il-qrati inferjuri għandhom jeżaminaw in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali.

114.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-kompetenza mogħtija lill-Unjoni sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll id-drittijiet għal rimedju ġudizzjarju effettiv u għal smigħ xieraq ma jipprekludux deċiżjonijiet ta’ uniformità applikabbli għall-kawża prinċipali, mogħtija fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt.

Konklużjoni

115.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Budai Központi Kerületi Bíróság Budai (il-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Buda, l-Ungerija) kif ġej:

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li, f’każ ta’ nuqqas parzjali ta’ validità ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li tirriżulta min-natura inġusta ta’ waħda mill-klawżoli tiegħu, hija intiża sabiex iżżomm, bħala prinċipju, il-validità tal-kuntratt mingħajr il-klawżola inġusta. Il-qorti adita ma tistax għalhekk tirrimedja n-nuqqas ta’ validità ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur għar-raġuni biss li allegatament iż-żamma tal-kuntratt tmur kontra l-interessi ekonomiċi tal-konsumatur.

2)

Id-Direttiva 93/13 ma tipprekludix li Stat Membru jemenda, għall-finijiet ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, b’mezz leġiżlattiv ċerti klawżoli kuntrattwali inġusti fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħa jew fornituri u l-konsumaturi, sa fejn dawn l-emendi ma jippreġudikawx l-effettività tal-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva.

3)

Il-kompetenza mogħtija lill-Unjoni Ewropea sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll id-drittijiet għal rimedju ġudizzjarju effettiv u għal smigħ xieraq ma jipprekludux deċiżjonijiet ta’ uniformità applikabbli għall-kawża prinċipali, mogħtija fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), kif emendata bid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 (ĠU 2011, L 304, p. 64) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/13”).

( 3 ) Dawn huma b’mod partikolari l-kawżi li taw lok għas-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282); tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C-186/16, EU:C:2017:703); tal-31 ta’ Mejju 2018, Sziber (C-483/16, EU:C:2018:367) u fl-aħħar lok, tal-20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring (C-51/17, EU:C:2018:750).

( 4 ) Nirreferi, b’mod partikolari, għall-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-31 ta’ Mejju 2018, Sziber (C-483/16, EU:C:2018:367) u fl-aħħar lok, tal-20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring (C-51/17, EU:C:2018:750), li jirrigwardaw preċiżament il-leġiżlazzjoni Ungeriża adottata fl-2014.

( 5 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank (C-482/13, C-484/13, C-485/13 u C-487/13, EU:C:2015:21, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C-421/14, EU:C:2017:60, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 6 ) Magyar Közlöny 2014/91., p. 10975.

( 7 ) Ara b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Sziber (C-483/16, EU:C:2018:9, punti 5253).

( 8 ) Ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:85, punti 60 sa 65). Hemm lok li jiġi rrilevat li fid-Deċiżjoni tagħha Nru 2/2014 PJE, il-Kúria (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li “l-klawżola f’kuntratt tal-konsumatur għal self f’munita barranija li taħtha r-riskju tar-rata tal-kambju jinġarr mingħajr ebda limitu mill-konsumatur — sabiex tingħata rata ta’ interessi iktar favorevoli — hija klawżola kuntrattwali li tirreferi għas-suġġett prinċipali li n-natura inġusta tagħha, bħala regola ġenerali, ma tistax tiġi eżaminata. Din il-klawżola tista’ tiġi eżaminata u ddikjarata inġusta biss jekk, meta jiġi konkluż il-kuntratt, u wara li jiġi kkunsidrat it-test tal-kuntratt u l-informazzjoni rċevuta mingħand l-istituzzjoni finanzjarja, il-kontenut tagħha la kien ċar għal u lanqas ma kien jinftiehem minn konsumatur medju, li jkun raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u prudenti. Il-klawżoli kuntrattwali relatati mar-riskju tar-rata tal-kambju għandhom ikunu inġusti, u konsegwentement il-kuntratt ikun invalidu għalkollox jew parzjalment, fejn il-konsumatur, minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni adegwata miksuba mill-istituzzjoni finanzjarja jew minħabba d-dewmien sabiex tiġi rċevuta din l-informazzjoni, għandu għaliex jaħseb li r-riskju tar-rata tal-kambju ma huwiex ġenwin jew li huwa jkollu jġorr ir-riskju fi grad limitat”.

( 9 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C-186/16, EU:C:2017:703, punt 41).

( 10 ) Ara s-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Sziber (C‑483/16, EU:C:2018:367, punt 55).

( 11 ) Ara s-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Sziber (C-483/16, EU:C:2018:367, punt 45).

( 12 ) Ara s-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Sziber (C-483/16, EU:C:2018:367, punt 44).

( 13 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring (C-51/17, EU:C:2018:750, punt 83).

( 14 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Jőrös (C-397/11, EU:C:2013:340, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282, punt 81).

( 17 ) Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282, punt 83).

( 18 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282, punt 84).

( 19 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C-186/16, EU:C:2017:703, punt 58).

( 20 ) Ara l-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Andriciuc et (C-186/16, EU:C:2017:313, punti 8586).

( 21 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič (C-453/10, EU:C:2012:144, punti 31 sa 33).

( 22 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282, punti 7984). Ara b’mod iktar partikolari fir-rigward tal-possibbiltà li l-effetti restitutorji li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż mal-konsumatur jiġu limitati ratione temporis biss għall-ammonti mħallsa indebitament b’applikazzjoni ta’ din il-klawżola wara l-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja, sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C-154/15, C-307/15 u C-308/15, EU:C:2016:980, punti 63 sa 73).

( 23 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank (C-482/13, C-484/13, C-485/13 u C-487/13, EU:C:2015:21, punt 31).

( 24 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Ara l-punt 1 tal-espożizzjoni tal-motivi li jipprovdi b’mod partikolari li “[i]l-liġi tagħti natura ġenerali u vinkolanti fir-rigward ta’ kulħadd lill-interpretazzjoni tad-dritt mogħtija mill-Kúria (il-Qorti Suprema). Il-liġi ma tistabbilixxix regoli ġodda tad-dritt sostantiv, ma tiddefinixxix prinċipji ġodda applikabbli għall-kuntratti ta’ kreditu, ta’ self jew ta’ leasing, iżda tikkodifika biss l-interpretazzjoni tad-dritt mogħtija mill-Kúria. Dan jipprevjeni li numru kbir ta’ konsumaturi jibdew proċessi twal u għoljin, li jgħabbu wkoll is-sistema ġudizzjarja”.

( 26 ) Dan il-punt jindika b’mod partikolari li “[w]aqt id-determinazzjoni tal-konsegwenzi legali li għandhom jinsiltu mid-Deċiżjoni Nru 2/2014 PJE tal-Kúria (il-Qorti Suprema), il-liġi ħadet inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, partikolarment dawk tad-Direttiva 93/13 dwar il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi. Il-liġi ħadet inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kompetenti li tinterpreta d-Direttiva 93/13, u b’mod partikolari l-prinċipji stabbiliti fis-sentenzi [tal-14 ta’ Ġunju 2012,] Banco Español de Crédito (C-618/10, EU:C:2012:349), u [tat-30 ta’ April 2014,] Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-liġi trid iżżomm il-validità ta’ kuntratti konklużi filwaqt li tneħħi l-klawżoli inġusti. Dan l-approċċ huwa konformi wkoll ma’ wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt ċivili, il-prinċipju tal-pacta sunt servanda (saħħa vinkolanti tal-kuntratti). Il-liġi temenda biss il-kontenut ta’ kuntratti eżistenti fil-limitu ta’ dak li huwa neċessarju sabiex tevita li dawn ma jkunux jistgħu jibqgħu japplikaw mingħajr il-klawżoli inġusti. Fil-fatt, dan iwassal għan-nullità tal-kuntratt kollu kemm hu, li jmur ukoll kontra l-interessi ta’ min jissellef. Għal din ir-raġuni, huwa fil-kuntest ta’ nuqqas parzjali ta’ validità li l-liġi tiddetermina d-dispożizzjonijiet ta’ natura supplimentari li jsiru parti integrali mill-kuntratti filwaqt li jissostitwixxu l-klawżoli inġusti”.

( 27 ) Ara l-pożizzjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) dwar dan il-punt iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.

( 28 ) Għandu jiġi nnotat li l-“indħil” li timplika possibbilment is-sistema ta’ interpretazzjoni uniformi fix-xogħol ġudizzjarju tal-qrati aditi, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, kien invokat l-opinjoni adottata mill-Kummissjoni ta’ Venezia. Ara l-Kapitolu VI.5 tar-rapport fl-indirizz tal-internet li ġej: http://www.venice.coe.int/webforms/documents/default.aspx?pdffile=CDL-AD%282012%29001-e.

( 29 ) Ara pereżempju, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C-64/16, EU:C:2018:117, punt 34).

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C-173/09, EU:C:2010:581, punti 24 sa 32), u tal-5 ta’ April 2016, PFE (C-689/13, EU:C:2016:199, punti 34, 38 sa 41).

( 31 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Banco Santander u Escobedo Cortés (C-96/16 u C-94/17, EU:C:2018:216).

Top