EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0099

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fit-12 ta’ April 2018.
Infineon Technologies AG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Akkordji – Suq Ewropew tal-ismart card chips – Netwerk ta’ kuntatti bilaterali – Skambji ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Kontestazzjoni dwar l-awtentiċità tal-provi – Drittijiet tad-difiża – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni ‘minħabba l-għan’ – Ksur uniku u kontinwu – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa – Portata – Kalkolu tal-ammont tal-multa.
Kawża C-99/17 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:238

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fit‑12 ta’ April 2018 ( 1 )

Kawża C‑99/17 P

Infineon Technologies AG

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell – Akkordji – Suq Ewropew tal-ismart card chips – Netwerk ta’ kuntatti bilaterali bil-għan li jiġu kkoordinati r-risposti li għandhom jingħataw lill-klijenti li jkunu jixtiequ tnaqqis fil-prezz – Kontestazzjoni dwar l-awtentiċità tal-provi – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa”

1. 

Permezz ta’ dan l-appell, Infineon Technologies AG (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni (T‑758/14, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:737), li biha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 6250 finali tat‑3 ta’ Settembru 2014 li tirrigwarda proċediment skont l‑Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim [dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] (Każ AT.39574 — Smart Card Chips) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”), u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta lill-appellanti.

2. 

Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq żewġ kwistjonijiet ta’ liġi mressqa mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha. Dawn iż-żewġ kwistjonijiet jirrigwardaw, minn naħa, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa u, min-naħa l-oħra, il-kontestazzjoni dwar l-awtentiċità tal-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni Ewropea.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Ir-Regolament Nru 1/2003

3.

Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] ( 2 ), “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti”.

B.   Il-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi

4.

Il-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi”) jipprovdu, taħt it-titolu “Ammont bażiku tal-multa”:

“[…]

B. Ċirkustanzi attenwanti

29.   L-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti bħalma huma:

[…]

[…]

meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment ridotta u b’hekk turi li, matul il-perijodu li matulu hija aderixxiet mal-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur, hija effettivament eskludiet lilha nnifisha mill-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim billi adottat aġir kompetittiv fis-suq; is-sempliċi fatt li impriża pparteċipat fi ksur għal tul iqsar mill-oħrajn ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti, ġaladarba din iċ-ċirkustanza diġà hija riflessa fl-ammont bażiku;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża

5.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-punti essenzjali tad-deċiżjoni huma esposti fil-punti 1 sa 40 tas-sentenza appellata. Dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

6.

Fit‑22 ta’ April 2008, il-Kummissjoni ġiet informata bl-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-ismart card chips minn Renesas Technology Corp. u s-sussidjarji tagħha (iktar ’il quddiem “Renesas”), li talbet li tibbenefika mill-immunità mill-multi skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell ( 4 ) (iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni”). Wara spezzjonijiet għall-għarrieda li għamlet fil-bini ta’ diversi kumpanniji f’dan is-settur u wara li bagħtitilhom talbiet għall-informazzjoni, il-Kummissjoni, fit‑28 ta’ Marzu 2011, bdiet il-proċeduri, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, kontra Koninklijke Philips NV u Philips France (iktar ’il quddiem “Philips”), Renesas kif ukoll Samsung Electronics CO., Ltd, u Samsung Semiconductor Europe GmbH (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, “Samsung”).

7.

F’April 2011, il-Kummissjoni bdiet diskussjonijiet bil-ħsieb ta’ riżolviment tat-tilwim fis-sens tal-Artikolu 10a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 TFUE] sa [102 TFUE] ( 5 ), ma’ Renesas, Samsung u Philips. Dawn id-diskussjonijiet ġew sospiżi fix-xahar ta’ Ottubru 2012.

8.

Fit‑18 ta’ April 2013, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Renesas, Hitachi, Mitsubishi Electric Corp., Samsung, l-appellanti u lil Philips. Saret seduta fl‑20 ta’ Novembru 2013.

9.

Fit‑3 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kontenzjuża. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li erba’ impriżi, jiġifieri l-appellanti, Philips, Renesas u Samsung, kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fis-settur tal-ismart card chips li jkopri ż-ŻEE (iktar ’il quddiem il-“ksur inkwistjoni”). Dan il-ksur, li seħħ bejn l‑24 ta’ Settembru 2003 u t‑8 ta’ Settembru 2005, kien jirrigwarda l-ismart card chips, li jintużaw fis-SIM cards tat-telefons ċellulari, fil-karti tal-bank, fil-karti tal-identità u fil-passaporti, fil-karti tat-televiżjoni bi ħlas u f’diversi applikazzjonijiet oħra.

10.

Fil-mument tal-ksur inkwistjoni, is-suq tal-ismart card chips, li kien jinkludi żewġ setturi – jiġifieri l-ismart card chips tas-SIM cards (użati essenzjalment għat-telefons ċellulari) u l-ismart card chips li ma humiex għas-SIM cards (użati għall-bank, għas-sigurtà u għall-identifikazzjoni) –, kien ikkaratterizzat bi tnaqqis kostanti fil-prezzijiet, bil-pressjoni eżerċitata fuq il-prezzijiet mill-klijenti prinċipali tal-produtturi tal-ismart card chips, bl-iżbilanċi tal-provvista meta mqabbla mad-domanda li jirriżultaw miż-żieda fid-domanda u mill-evoluzzjoni teknoloġika kostanti u rapida kif ukoll bl-istruttura tan-negozjati kuntrattwali mal-klijenti.

11.

Il-ksur inkwistjoni kien ibbażat fuq netwerk ta’ kuntatti bilaterali bejn id-destinatarji tad-Deċiżjoni kontenzjuża kemm waqt laqgħat, u kif ukoll waqt konversazzjonijiet telefoniċi, li kienu jsiru kull ġimgħa għas-snin 2003 u 2004. Skont il-Kummissjoni, il-parteċipanti fil-ksur ikkoordinaw il-politika tal-prezz tagħhom fil-qasam tal-ismart card chips permezz ta’ kuntatti li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezz, b’mod partikolari l-prezzijiet speċifiċi mogħtija lill-klijenti prinċipali, il-prezzijiet minimi u l-prezzijiet indikattivi, l-iskambji tal-ideat fuq l-evoluzzjoni tal-prezzijiet għas-semestru segwenti u l-intenzjonijiet fir-rigward tal-iffissar tal-prezz, imma wkoll fuq il-kapaċità produttiva u l-użu tal-istess, l-aġir futur fis-suq kif ukoll in-negozjati tal-kuntratti tal-klijenti komuni. Il-kalendarju tal-kuntatti kollużivi, li l-lista tagħhom tinsab fit-tabella Nru 4 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, isegwi l-kalendarju taċ-ċiklu ekonomiku. Filwaqt li kkunsidrat l-għan tagħhom u l-mument li fih seħħew, il-Kummissjoni kkonstatat ċerti rabtiet bejn dawn il-kuntatti bilaterali. Barra minn hekk, f’dawn il-kuntatti, l-impriżi spiss semmew kuntatti bilaterali oħra bejn il-parteċipanti fil-ksur inkwistjoni u l-informazzjoni miġbura ntbagħtet lill-kompetituri.

12.

Il-Kummissjoni kklassifikat il-ksur inkwistjoni bħala ksur uniku u kontinwu. Fil-fatt, il-kuntatti kollużivi huma marbutin ma’ xulxin u huma ta’ natura komplementari. Permezz tal-interazzjoni tagħhom, huma kkontribwixxew għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi tagħhom fil-kuntest ta’ pjan globali li għandu għan wieħed.

13.

Skont il-Kummissjoni, Samsung, Renesas u Philips kienu jafu bil-ksur kollu kemm hu. Min-naħa l-oħra, l-appellanti nżammet responsabbli biss inkwantu pparteċipat fi prattiki kollużivi ma’ Samsung u ma’ Renesas, fl-assenza ta’ provi li hija kellha wkoll kuntatti ma’ Philips jew li hija kellha l-impressjoni suġġettiva li qiegħda tipparteċipa fil-ksur inkwistjoni kollu.

14.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni sostniet li l-aġir tal-impriżi inkwistjoni kellu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni u kellu effett sostanzjali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u bejn il-partijiet kontraenti fil-Ftehim ŻEE.

15.

Għall-iskopijiet tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u skont il-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-ksur inkwistjoni kien twettaq intenzjonalment. Għall-kalkolu tal-ammont bażiku, hija ħadet indikatur għall-valur annwali tal-bejgħ li huwa bbażat fuq il-valur reali tal-bejgħ tal-prodotti suġġetti għall-kartell, magħmul mill-impriżi matul ix-xhur tal-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-ksur inkwistjoni. Hija applikat koeffiċjent għall-gravità tal-ksur inkwistjoni ta’ 16 %. Hija ħadet inkunsiderazzjoni dewmien ta’ 11‑il xahar u 17‑il jum għal Philips, ta’ 18‑il xahar u 7 ijiem għall-appellanti, ta’ 23 xahar u jumejn għal Renesas u ta’ 23 xahar u ta’ 15‑il jum għal Samsung. Hija applikat koeffiċjent ta’ 16 % tal-valur tal-bejgħ bħala ammont addizzjonali.

16.

Minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni tat tnaqqis ta’ 20 % mill-ammont tal-multa lill-appellanti minħabba l-fatt li din tal-aħħar kienet responsabbli għall-ksur inkwistjoni biss inkwantu kienet ipparteċipat f’arranġamenti kollużivi ma’ Samsung u Renesas, u mhux ma’ Philips. Skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni, hija tat l-immunità mill-multi lil Renesas u tnaqqis ta’ 30 % mill-ammont tal-multa lil Samsung.

17.

Fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li l-impriżi segwenti pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fis-settur tal-ismart card chips li jkopri ż-ŻEE:

l-appellanti, mill‑24 ta’ Settembru 2003 sal‑31 ta’ Marzu 2005, “minħabba l-koordinazzjoni ma’ Samsung u Renesas” (Artikolu 1(a));

Philips, mis‑26 ta’ Settembru 2003 sad‑9 ta’ Settembru 2004 (Artikolu 1(b));

Renesas, mis‑7 ta’ Ottubru 2003 sat‑8 ta’ Settembru 2005 (Artikolu 1(c)), u

Samsung, mill‑24 ta’ Settembru 2003 sat‑8 ta’ Settembru 2005 (Artikolu 1(d)).

18.

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni imponiet multi fl-ammont ta’ EUR 82784000 lill-appellanti (Artikolu 2(a)), ta’ EUR 20148000 lil Philips (Artikolu 2(b)), ta’ EUR 0 lil Renesas (Artikolu 2(c)), u ta’ EUR 35116000 lil Samsung (Artikolu 2(d)).

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

19.

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Novembru 2014 (iktar ’il quddiem ir-“rikors għal annullament”), l-appellanti ppreżentat rikors intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet imposta fuqha.

20.

Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti invokat sitt motivi. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-motivi u, għaldaqstant, ir-rikors tal-appellanti kollu kemm hu.

21.

Permezz taż-żewġ motivi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, li kienu jirrigwardaw ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, l-appellanti kkritikat b’mod partikolari t-trattament proċedurali ta’ prova prodotta minn Samsung fl‑2012, jiġifieri posta elettronika interna ta’ din il-kumpannija datata 3 ta’ Novembru 2003, li tagħha hija kkontestat ukoll l-awtentiċità.

22.

F’dan il-kuntest, fl-evalwazzjoni tat-tieni ilment imressaq insostenn tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali kkonstatat essenzjalment, fil-punti 76 sa 80 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha tibgħat lill-appellanti, matul il-proċedura amministrattiva, l-“evalwazzjonijiet xjentifiċi” tagħha stess fuq l-awtentiċità ta’ din il-posta elettronika. Fil-fatt, dawn l-evalwazzjonijiet kienu jikkostitwixxu provi kontra peress li huma wasslu lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-imsemmija posta elettronika kienet tikkostitwixxi prova kredibbli tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur inkwistjoni. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 85 ta’ dik is-sentenza, li l-ommissjoni li tibgħat l-imsemmija evalwazzjonijiet lill-appellanti baqgħet ma affettwatx ir-riżultat li għaliha waslet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża, b’mod li hija ċaħdet l-ilment tal-appellanti fil-punt 86 tal-imsemmija sentenza.

23.

Inkwantu l-appellanti kkontestat il-valur probatorju ta’ dikjarazzjoni ta’ impjegat ta’ Samsung peress li dikjarazzjoni falza ma kinitx tikkostitwixxi reat kriminali fir-Repubblika tal-Korea u li, wara li fallew il-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, Samsung kellha interess speċifiku biex “iżżejjen il-fatti”, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 93 tas-sentenza appellata kkunsidrat, essenzjalment, li Samsung, bħala applikanta skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni, kienet qed tirriskja li titlef il-benefiċċju ta’ din il-kooperazzjoni f’każ ta’ dikjarazzjoni falza.

24.

Il-Qorti Ġenerali skartat argument imressaq mill-appellanti fil-kuntest tat-tieni motiv u bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kellha titlob perizja indipendenti fuq il-verżjoni elettronika tal-posta elettronika tat‑3 ta’ Novembru 2003 fl-assenza ta’ prova valida tal-awtentiċità tagħha. Fil-punt 118 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ir-risposta tagħha għal dan l-argument fuq il-motiv li l-Kummissjoni tgawdi ċerta marġni ta’ diskrezzjoni biex tiddeċiedi l-miżuri supplimentari li għandhom jittieħdu u li, f’dan il-każ, l-appellanti ma wrietx, meħud kont tal-perizji li ġew ipprovduti lilha u tal-evalwazzjonijiet xjentifiċi tagħha stess, li kellha ssir tali domanda.

25.

Fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u maqsum f’erba’ partijiet, il-Qorti Ġenerali eżaminat, b’mod partikolari, l-allegazzjonijiet tal-appellanti dwar l-assenza ta’ kredibbiltà tal-provi prodotti minn Samsung u l-prova tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq mill-appellanti.

26.

F’dan ir-rigward, fil-punti 143 sa 158 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti tal-appellanti intiżi li jikkontestaw, fil-kuntest tat-tieni parti mressqa insostenn tat-tielet motiv, il-kredibbiltà tal-provi prodotti minn Samsung.

27.

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn l-argumenti, fil-punti 143 u 144 ta’ din is-sentenza, bħala li huma infondati minħabba li, anki jekk wieħed jippreżumi li kellu jiġi kkunsidrat li Samsung ma tikkostitwixxix xhud kredibbli u li għandhom jiġu skartati d-dikjarazzjonijiet u l-provi dokumentarji li hija pprovdiet, dan ma jippreġudikax l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, li huma bbażati fuq id-dikjarazzjonijiet u l-provi dokumentarji prodotti minn Renesas, li jistabbilixxu li l-appellanti kellha kuntatti antikompetittivi ma’ din tal-aħħar, bħalma huma dawk li seħħew fil‑31 ta’ Marzu 2005. Il-Qorti Ġenerali rreferiet, f’dan ir-rigward, għall-punti 193 sa 201 tas-sentenza tagħha, fejn jiġi ppreċiżat li, fil-punti 197 sa 206 tas-sentenza msemmija, il-Qorti Ġenerali eżaminat u skartat l-argumenti tal-appellanti intiżi li jikkontestaw dan il-kuntatt.

28.

Fit-tieni lok, “u b’mod superfluwu”, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet, fil-punti 145 sa 157 tas-sentenza appellata, l-ilmenti tal-appellanti intiżi li jikkontestaw il-kredibbiltà ta’ Samsung bħala xhud u l-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet u provi ta’ din tal-aħħar.

29.

F’dan il-kuntest, minn naħa, il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod partikolari li, peress li l-appellanti ma kkontestatx l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fejn din ikkonkludiet li d-dikjarazzjonijiet u l-provi ta’ Samsung kienu kkorroborati minn membri oħra tal-kartell, b’mod partikolari, minn Renesas u NXP ( 6 ), l-argumenti kollha intiżi li jiskreditaw lil Samsung bħala xhud affidabbli kellhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi (punti 146 sa 149 tas-sentenza appellata). Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali rrispondiet għall-ilmenti tal-appellanti dwar l-affidabbiltà tal-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni biex ikkonstatat il-kuntatti tat‑3 u tas‑7 ta’ Novembru 2003 (punti 152 sa 157 tas-sentenza appellata).

30.

Fil-punti 159 sa 208 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tielet parti mressqa insostenn ta’ dan il-motiv, dwar il-prova tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE. L-appellanti allegat li ebda wieħed mill-ħdax-il kuntatt li hija kellha mal-kompetituri tagħha ma kien jikser din id-dispożizzjoni. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 160 tas-sentenza appellata, li “r-rikorrenti ma [kkontestatx] l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-prezzijiet kienu stabbiliti, bħala prinċipju, fuq bażi annwali, ħaġa li toħroġ ukoll mid-diskussjonijiet li fihom ħadet sehem ir-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li jiġi eżaminat, għas-snin 2003 sal-2005, jekk ir-rikorrenti pparteċipatx f’diskussjoni antikompetittiva waħda, jew jekk ikun il-każ, tnejn, matul kull waħda minn dawn it-tliet snin, ma’ Samsung jew Renesas, biex tiġi kkonstatata l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE”.

31.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali dehrilha opportun li teżamina, b’mod preliminari, ħames kuntatti bejn l-appellanti u Samsung jew Renesas, jiġifieri l-kuntatti tal‑24 ta’ Settembru 2003 (l-ewwel kuntatt), tat‑3 ta’ Novembru 2003 (it-tieni kuntatt), tat‑18 ta’ Marzu 2004 (is-sitt kuntatt), tal‑1 sat‑8 ta’ Ġunju 2004 (is-seba’ kuntatt) u tal‑31 ta’ Marzu 2005 (il-ħdax-il kuntatt), fejn dawn l-ewwel u l-aħħar kuntatt jimmarkaw, skont il-Kummissjoni, il-bidu u t-tmiem rispettiv tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur inkwistjoni.

32.

Skont il-Qorti Ġenerali, kien biss fil-każ fejn dawn il-ħames kuntatti ma kinux jippermettu li tiġi kkonstatata l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni li kellu jiġi eżaminat jekk il-kuntatti l-oħra, bħalma huwa dak tas‑17 ta’ Novembru 2003, li l-appellanti sostniet li ma kinux illegali, kinux jikkontribwixxu jew le għall-eżistenza ta’ dan il-ksur.

33.

Il-Qorti Ġenerali eżaminat mbagħad u ċaħdet l-argumenti kollha mressqa mill-appellanti fuq dawn il-ħames kuntatti.

34.

B’mod partikolari, fir-rigward tal-kuntatt tal‑24 ta’ Settembru 2003 bejn l-appellanti u Samsung, eżaminat fil-punti 161 sa 176 tas-sentenza appellata, minn naħa l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 164 sa 166 tas-sentenza tagħha, li l-iskambju tal-informazzjoni inkwistjoni fuq il-prezzijiet, il-kapaċitajiet attwali u futuri u l-evoluzzjoni teknoloġika kkontemplata kien tali, b’mod partikolari f’suq fejn il-provvista u d-domanda huma kkonċentrati, li jinfluwenzaw direttament l-istrateġija kummerċjali tal-kompetituri. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 168 ta’ din is-sentenza, li ebda wieħed mill-argumenti tal-appellanti ma kien jippermetti li tiġi kkontradetta l-konstatazzjoni li, tal-inqas, din u Samsung kienu skambjaw informazzjoni fuq il-previżjonijiet tal-prezz tas-sena sussegwenti.

35.

Min-naħa l-oħra, fil-punti 173 sa 175 tas-sentenza msemmija, il-Qorti Ġenerali kklassifikat dan l-iskambju ta’ informazzjoni, fil-fehma tagħha sensittiva, bħala ksur minħabba l-għan tiegħu, meħud kont tal-kuntest ekonomiku u legali tas-suq inkwistjoni, kif espost, mingħajr kontestazzjoni quddiemha mill-appellanti, fil-premessa 59 tad-Deċiżjoni kontenzjuża.

36.

Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tad-diskussjonijiet li jirrigwardaw il-kapaċità tal-produzzjoni, il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 176 tal-istess sentenza, li, minn naħa, peress li l-Kummissjoni kienet identifikat ir-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li l-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-kapaċitajiet kien, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq, ta’ natura li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, hija ma kinitx obbligata turi l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi fuq is-suq biex tikkwalifika l-prattika inkwistjoni bħala ksur. Min-naħa l-oħra, anki jekk wieħed jippreżumi li l-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-kapaċitajiet ma kienx, waħdu, suffiċjenti biex jiġi kkonstatat il-ksur minħabba l-għan, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, skont il-Qorti Ġenerali, l-appellanti ma kkontestatx il-fatt li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat ġustament li l-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-prezzijiet futuri kien ksur minħabba l-għan tiegħu.

37.

Fir-rigward tal-kuntatt tat‑3 ta’ Novembru 2003 bejn l-appellanti u Samsung, eżaminat fil-punti 177 sa 185 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, minn naħa, li l-appellanti ma kinitx ipprovat li r-raġunijiet oġġettivi mressqa mill-Kummissjoni biex tiġġustifika l-eżistenza ta’ diversi verżjonijiet tal-posta elettronika tal-istess data, li l-appellanti tikkontesta n-natura awtentika tagħha, kienu żbaljati. Fi kwalunkwe każ, jeżisti sensiela ta’ indizji li jirriżultaw minn provi oħrajn li skonthom kienu saru d-diskussjonijiet illegali msemmija fl-imsemmija posta elettronika. Il-Qorti Ġenerali eżaminat il-posta elettronika ta’ impjegat ta’ Renesas tas‑7 ta’ Ottubru 2003 u l-posta elettronika ta’ impjegat ta’ Samsung tas‑7 ta’ Novembru 2003 (punti 181 sa 183 tas-sentenza appellata).

38.

Min-naħa l-oħra, b’risposta għall-argument li l-kuntatt tat‑3 ta’ Novembru 2003 ma kienx jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-Qorti Ġenerali sostniet li kien suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tistabbilixxi għal kull diskussjoni illegali li din tal-aħħar tikkostitwixxi tali restrizzjoni, peress li hija stabbilixxiet li l-prattiki inkwistjoni, meħudin kollha flimkien, jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (punt 185 tas-sentenza appellata).

39.

Fir-rigward tal-kuntatt mill‑1 sat‑8 ta’ Ġunju 2004 bejn l-appellanti u Samsung, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 192 sa 196 tas-sentenza appellata, l-argumenti tal-appellanti. B’riferiment għall-premessa 216 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, din kienet ibbażata fuq dokument li ħareġ mingħand Samsung biex tikkonstata l-eżistenza ta’ skambju ta’ informazzjoni sensittiva.

40.

Fi tmiem l-eżami tal-ħames kuntatti msemmija iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 207 tas-sentenza appellata, “li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkunsidrat li r-rikorrenti kienet ipparteċipat f’diskussjonijiet antikompetittivi ma’ Samsung u Renesas bejn l‑24 ta’ Settembru 2003 u l‑31 ta’ Marzu 2005”.

41.

B’risposta għar-raba’ parti mressqa mill-appellanti insostenn tat-tielet motiv u bbażata fuq li, meħud kont tan-natura indiviżibbli tal-ksur inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali setgħat biss tannulla d-Deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi, jekk hija kkonkludiet b’mod partikolari li l-kuntatti tat‑3 u tas‑17 ta’ Novembru 2003 ma kinux antikompetittivi, il-Qorti Ġenerali sostniet, fil-punt 211 tas-sentenza appellata: “kif ġie kkonstatat fil-punt 160 [tas-sentenza appellata], ir-rikorrenti ma kkontestatx li l-iffissar tal-prezz fis-suq inkwistjoni kien bħala prinċipju annwali. Peress li ġie kkonstatat […] li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta kkonstatat il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’ħames kuntatti illegali bejn l‑2003 u l‑2005, il-fatt li hija kkonkludiet ħażin li l-kuntatti l-oħra li hija kkunsidrat, bħalma huma dawk tas‑17 ta’ Novembru 2003, ma kinux fir-realtà [kompetittivi] ma jbiddilx il-konstatazzjoni li r-rikorrenti pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu matul dawn it-tliet snin. Għaldaqstant, b’kuntrast għal dak li sostniet ir-rikorrenti waqt is-seduta, għalkemm il-kuntatti barra minn dawk il-ħamsa msemmija iktar ’il fuq ma jiksrux l-Artikolu 101 TFUE, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoi pprovat b’mod suffiċjenti fid-dritt li hija kienet ipparteċipat fil-ksur inkwistjoni”.

42.

Fir-rigward tar-raba’ motiv imressaq mill-appellanti b’mod sussidjarju u bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-kunċett “ta’ ksur uniku u kontinwu”, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 215 tas-sentenza appellata, ġabret fil-qosor il-premessi 285 sa 315 tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Hija fakkret ukoll, fil-punti 216 sa 223 ta’ dik is-sentenza, il-ġurisprudenza dwar il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali ksur u dwar il-parteċipazzjoni ta’ impriża f’tali ksur.

43.

Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li l-Qorti Ġenerali eżaminat, imbagħad, il-ħames ilmenti tal-appellanti. B’mod partikolari, minn naħa, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 226 sa 232 tas-sentenza appellata, ilment ibbażat fuq kontradizzjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża. Wara analiżi tal-motivi u tad-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, ġie kkonstatat li, “għalkemm, fid-dispożittiv tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet, mingħajr ma għamlet distinzjoni bejn l-erba’ destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni, li kulħadd kien ipparteċipa fil-ksur inkwistjoni, il-motivi tal-imsemmija deċiżjoni jindikaw mingħajr ambigwità li l-Kummissjoni kkunsidrat li dawn l-impriżi kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu, mingħajr preġudizzju għall-fatt li r-rikorrenti ma setgħatx, għad-differenza tat-tliet impriżi ssanzjonati l-oħra, tinżamm responsabbli għall-ksur inkwistjoni kollu kemm hu” (punt 229 ta’ din is-sentenza). Madankollu, filwaqt li interpretat id-dispożittiv tad-Deċiżjoni kontenzjuża fid-dawl ukoll tal-motivi tagħha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 231 ta’ din is-sentenza, “li d-dispożittiv għandu jinftiehem fis-sens li [l-Kummissjoni] ma timputax lir-rikorrenti r-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni kollu kemm hu, għad-differenza tad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni [kontenzjuża], imma timputalha r-responsabbiltà ta’ dan il-ksur inkwantu hija għamlet kuntatti illegali ma’ Samsung u Renesas. Għalkemm teżisti ċerta traskuraġni fil-formulazzjoni tad-dispożittiv tad-deċiżjoni [kontenzjuża], […] xorta waħda jibqa’ l-fatt li d-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni ma hijiex f’kuntradizzjoni mal-motivi tagħha”.

44.

Min-naħa l-oħra, fil-punti 236 sa 240 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità fil-kalkolu tal-multa. Fil-punt 239 ta’ din is-sentenza, ġiet miċħuda b’mod partikolari l-kontestazzjoni tat-tnaqqis ta’ 20 % mill-multa li l-Kummissjoni kienet tat lill-appellanti minħabba ċirkustanzi attenwanti minħabba l-parteċipazzjoni limitata tagħha fil-ksur inkwistjoni, minħabba li “r-rikorrenti ma tressaq ebda argument speċifiku li jippermetti li jiġi kkunsidrat li tnaqqis ta’ 20 % mill-ammont tal-multa ma huwiex proporzjonat, f’dan il-każ, mal-fatt li hija kienet ipparteċipat biss parzjalment fil-ksur inkwistjoni”.

45.

Il-kalkolu tal-multa ġie eżaminat mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-ħames u s-sitt motivi mressqa mill-appellanti.

46.

Fil-kuntest tal-eżami, fil-punti 255 sa 259 tas-sentenza appellata, tal-ħames motiv ibbażat fuq żball fil-kalkolu tal-multa inkwantu l-appellanti ma kinitx ipparteċipat f’kuntatti li jaffettwaw l-ismart card chips li ma humiex għas-SIM cards, il-Qorti Ġenerali rrilevat, minn naħa, li l-prezz ta’ dawn l-ismart card chips kien issemma waqt kuntatt ma’ Samsung tal‑24 ta’ Settembru 2003 u li l-argumenti tal-appellanti ma kinux jippermettu li dawn jiġu kkontestati (punti 255 u 256 ta’ dik is-sentenza). Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali żiedet li, “fi kwalunkwe każ […] ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha intiż li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 221 tad-deċiżjoni [kontenzjuża] u fl-osservazzjonijiet tagħha, li teżisti korrelazzjoni bejn l-ismart card chips għas-SIM cards u l-ismart card chips li ma humiex għas-SIM cards” (punt 257 tas-sentenza msemmija) u ċaħdet bħala ineffettiv l-argument tal-appellanti fejn tgħid li dawn iż-żewġ tipi ta’ smart card chips ma kinux jappartjenu lill-istess suq ta’ prodotti (punt 258 tal-istess sentenza).

47.

Fil-kuntest tas-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, b’mod partikolari, fil-punt 270 tas-sentenza appellata, li l-multa imposta lill-appellanti ma kinitx tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali bbażat din il-konklużjoni fuq il-motiv, imsemmi fil-punt 269 ta’ dik is-sentenza, li l-ammont tal-multa imposta lill-appellanti jsib spjegazzjoni fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ ħafna ikbar minn dak tal-impriżi ssanzjonati l-oħrajn u huwa biss rifless tal-importanza ekonomika tal-parteċipazzjoni tagħha stess fil-ksur inkwistjoni, u dan wara li jiġi ppreċiżat li l-parti mid-dħul mill-bejgħ globali provenjenti mill-bejgħ tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur inkwistjoni hija l-aħjar waħda biex tirrifletti l-importanza ekonomika ta’ dan il-ksur.

IV. It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

48.

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-Deċiżjoni kontenzjuża sa fejn tikkonċerna lill-appellanti;

b’mod sussidjarju, tnaqqas il-multa fl-ammont ta’ EUR 82874000 imposta fuq l-appellanti permezz tal-premessa 457(a) tad-Deċiżjoni kontenzjuża għal ammont proporzjonat;

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali biex terġa’ tiġi eżaminata, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

49.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

b’mod sussidjarju, tiċħad it-talba għat-tnaqqis tal-multa imposta fuq l-appellanti, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

V. Fuq l-appell

50.

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tressaq tliet aggravji li jikkorrispondu, essenzjalment, għat-“tliet kwistjonijiet ta’ liġi” fformulati fil-punt 2 tal-appell tagħha. Għaldaqstant l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 263 TFUE minħabba stħarriġ ġudizzjarju mhux komplut u selettiv. Huwa fil-kuntest ta’ dan l-aggravju li tqum il-kwistjoni partikolari tal-awtentiċità ta’ ċerti provi u tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom fuq l-oneru tal-prova. Dan l-ewwel aggravju huwa intrinsikament marbut mat-tielet wieħed, li huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-kalkolu tal-multa imposta fuq l-appellanti u fuq ksur tal-ġurisdizzjoni sħiħa. Fl-aħħar nett, it-tieni aggravju jirrigwarda l-Artikolu 101 TFUE u, b’mod iktar preċiż, il-kunċetti ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u tal-ksur uniku u kontinwu.

51.

Il-kwistjonijiet ta’ liġi li l-Qorti tal-Ġustizzja tixtieq jiġu ttrattati f’dawn il-konklużjonijiet jinsabu ttrattati fl-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju flimkien mat-tielet aggravju. Fil-fatt, kif jinsab indikat fil-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn jirrigwardaw, minn naħa, ir-rekwiżit tal-istħarriġ ġudizzjarju effettiv, peress li din il-kwistjoni hija marbuta, f’dan il-każ, mal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa u, min-naħa l-oħra, mal-kontestazzjoni tal-awtentiċità tal-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni.

A.   Fuq l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv u l-ġurisdizzjoni sħiħa (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju flimkien mat-tielet aggravju)

1. L-argumenti tal-partijiet

52.

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell tagħha, l-appellanti tikkontesta b’mod partikolari l-konklużjonijiet fil-punt 160 tas-sentenza appellata, li tikkostitwixxi l-punt tat-tluq ta’ stħarriġ li l-appellanti tqis bħala insuffiċjenti.

53.

Essenzjalment, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali li eżaminat biss ħamsa minn ħdax-il kuntatt allegatament illegali ikkonstatati mill-Kummissjoni filwaqt li hija kienet ikkontestathom kollha. Issa, l-illegalità tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar kuntatt wieħed jew ieħor li ġew ikkontestati kellha twassal għall-annullament tal-konklużjonijiet korrispondenti tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża.

54.

L-appellanti ssostni għaldaqstant li l-istħarriġ ġudizzjarju magħmul mill-Qorti Ġenerali huwa, fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 160 tas-sentenza appellata, mhux komplut u huwa selettiv, u li, konsegwentement, imur kontra l-Artikolu 263 TFUE. Dan l-istħarriġ parzjali jivvizzja wkoll is-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

55.

Barra minn hekk, il-kuntatti eżaminati huma insuffiċjenti biex jikkorroboraw il-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu, fil-fehma tal-appellanti.

56.

Fl-aħħar nett, tali stħarriġ selettiv lanqas ma ppermetta lill-Qorti Ġenerali tevalwa b’mod sħiħ il-gravità tal-ksur allegat u lanqas li tistħarreġ suffiċjentement il-multa imposta. Dan l-aħħar argument huwa riprodott u żviluppat fil-kuntest tat-tielet aggravju dwar l-iżbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali jingħad li għamlet fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

57.

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti kollha invokati mill-appellanti.

58.

Għal dak li jikkonċerna b’mod iktar preċiż il-kritika tal-punt 160 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-appellanti ma kkontestatx il-konklużjoni li l-prezzijiet tal-ismart card chips kienu stabbiliti, bħala prinċipju, fuq bażi annwali, il-Qorti Ġenerali setgħat tillimita ruħha biex tivverifika li l-appellanti kienet ipparteċipat tal-inqas f’kuntatt antikompetittiv kull sena matul il-perijodu bejn is-snin 2003 u 2005. Fil-fatt, ikun biżżejjed li r-riżultati ekonomiċi li l-kuntatti antikompetittivi jkollhom ikomplu l-effetti tagħhom wara d-data li fiha jkunu seħħew. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata tiġġustifika l-għażla tagħha tal-ħames kuntatti li hija eżaminat u lanqas l-assenza ta’ eżami tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fis-sitt kuntatti l-oħra. L-appellanti ma kien ikollha ebda interess tirċievi spjegazzjonijiet f’dan ir-rigward.

59.

Barra minn hekk, b’kuntrast ma’ dak li ssostni l-appellanti, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali ma pprekludihiex milli tirrispondi b’mod korrett għall-argumenti dwar il-gravità tal-ksur u l-ammont tal-multa.

2. Analiżi

a) Fuq in-natura ambivalenti tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE

60.

Skont il-punt 160 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-appellanti ma kkontestatx l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-prezzijiet kienu ddeterminati, bħala prinċipju, fuq bażi annwali. Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, hija ddeċidiet li “[kien] biżżejjed li jiġi eżaminat, għas-snin 2003 sal‑2005, jekk ir-rikorrenti [kinitx ipparteċipat] f’diskussjoni antikompetittiva waħda, jew jekk ikun l-każ, tnejn, matul kull waħda minn dawn it-tliet snin, ma’ Samsung jew Renesas, biex tiġi kkonstata l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali [qieset] opportun teżamina, preliminarjament, ħames kuntatti bejn ir-rikorrenti u Samsung jew Renesas […], fejn l-ewwel u l-aħħar kuntatti jimmarkaw, skont il-Kummissjoni, rispettivament il-bidu u tmiem tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni. Għaldaqstant, huwa biss f’każ li dawn il-ħames kuntatti ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni li l-Qorti Ġenerali ser teżamina jekk il-kuntatti l-oħra, bħalma huwa dak tas‑17 ta’ Novembru 2003, li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti ssostni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta li ma kinux illegali, jikkontribbwixxux jew le biex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ dan il-ksur”.

61.

Peress li l-Qorti Ġenerali kkonfermat il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fir-rigward tal-ħames kuntatti li hija għażlet li tistħarreġ, hija kkonfermat il-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur inkwistjoni mingħajr ma eżaminat l-argumenti invokati fir-rigward tal-kuntatti l-oħra.

62.

Fil-fatt, fil-punt 211 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “peress li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta kkonstatat il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’ħames kuntatti illegali bejn l‑2003 u l‑2005, il-fatt li hija kkonkludiet b’mod żbaljat li l-kuntatti l-oħra li hija kkunsidrat, bħalma huma dak tas‑17 ta’ Novembru 2003, ma kinux fir-realtà [kompetittivi] ma jbiddilx il-konstatazzjoni li r-rikorrenti pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu matul dawn it-tliet snin. Għaldaqstant, b’kuntrast ma’ dak li ssostni r-rikorrenti waqt is-seduta, anki jekk il-kuntatti barra minn dawk il-ħamsa msemmija iktar ’il fuq ma jiksrux l-Artikolu 101 TFUE, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni pprovat b’mod suffiċjenti fid-dritt li hija kienet ipparteċipat fil-ksur inkwistjoni”.

63.

Il-punt 160 tas-sentenza appellata jikkostitwixxi għaldaqstant il-qalba tal-kritika magħmula mill-appellanti. B’kuntrast mal-“għażla” li hija għamlet f’dan il-punt tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kellha tipproċedi bi stħarriġ eżawrjenti tal-kuntatti kollha kkontestati mill-appellanti.

64.

Is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE tinvolvi żewġ partijiet. Minn naħa, hija bbażata fuq l-istħarriġ “klassiku” tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE u jista’, min-naħa l-oħra, jkun ikkompletat bl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa, abbażi tal-Artikolu 261 TFUE u fuq talba tal-appellanti, għal dak li jikkonċerna s-sanzjonijiet imposti f’dan il-qasam mill-Kummissjoni ( 7 ).

b) Fuq il-portata tal-istħarriġ tal-legalità

65.

F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonstatat fid-Deċiżjoni kontenzjuża l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu. Tali ksur jista’ jkun iddefinit bħala r-riżultat ta’ aġir kontinwu magħmul minn diversi azzjonijiet li jaqgħu fi “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, minkejja li wieħed jew diversi mill-elementi jistgħu jikkostitwixxu, wkoll, waħedhom jew meħudin iżolament, ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Fil-kuntest ta’ tali ksur, il-Kummissjoni għandha dritt timputa r-responsabbiltà għal dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat kollu kemm hu ( 8 ).

66.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “[i]mpriża li tkun ipparteċipat fi ksur uniku u kumpless minħabba f’aġir tagħha stess, li kien jaqa’ taħt kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu [101(1) TFUE] u li kienu intiżi sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-ksur kollu kemm hu tista’ wkoll tkun responsabbli għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha għall-imsemmi ksur” ( 9 ).

67.

Huwa f’dan il-kuntest ta’ tali ksur uniku u kontinwu li l-Qorti Ġenerali dehrilha li tista’ tistħarreġ il-legalità tad-Deċiżjoni kontenzjuża billi tillimita l-eżami tagħha għall-verifika tal-parteċipazzjoni tal-appellanti “f’diskussjoni antikompetittiva waħda, jew jekk huwa l-każ, fi tnejn, matul kull waħda minn dawn it-tliet snin [(jiġifieri mis-sena 2003 sas-sena 2005)]” ( 10 ), li l-kuntatti fihom jimmarkaw, skont il-Kummissjoni, il-bidu u tmiem il-ksur imwettaq mill-appellanti.

68.

Peress li l-Qorti Ġenerali kienet irrilevat, bħala premessa għal dik l-għażla, li l-appellanti ma kkontestatx l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-prezzijiet kienu ddeterminati, bħala prinċipju, fuq bażi annwali, ma nara ebda żnaturament tal-karatteristiċi tal-ksur inkwistjoni.

69.

Fil-fatt, il-fatt li impriża ma tipparteċipax fl-elementi kollha ta’ akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom hija kienet ipparteċipat ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur fil-kap tagħha; dawn l-elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, fejn xieraq, għad-determinazzjoni tal-multa ( 11 ). Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi setgħat, fl-istadju tal-istħarriġ tal-legalità, tillimita l-eżami tagħha għal ħames diskussjonijiet antikompetittivi mqassma fuq it-tliet snin tal-perijodu li fih sar il-ksur.

70.

Ċertament, fil-kuntest tal-ħames parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkontesta l-konstatazzjoni preliminari tal-Qorti Ġenerali dwar l-annwalità tad-determinazzjoni tal-prezzijiet ( 12 ). Madankollu, l-argument jidher li huwa inammissibbli peress li n-natura żbaljata tal-allegazzjoni ma tressqitx quddiem il-Qorti Ġenerali mentri l-Kummissjoni bbażat espressament id-Deċiżjoni kontenzjuża fuq il-fatt li l-prezzijiet tal-ismart card chips kienu stabbiliti, bħala prinċipju, fuq bażi annwali ( 13 ). Fi kwalunkwe każ, huwa infondat peress li l-appellanti ma turix żnaturament f’dan ir-rigward. Billi tippreċiża, fil-punt 160 tas-sentenza appellata, li “l-prezzijiet kienu stabbiliti, bħala prinċipju, fuq bażi annwali” ( 14 ), il-Qorti Ġenerali ċertament ma llimitatx l-iffissar tal-prezzijiet għal perjodiċità esklużivament annwali.

c) Fuq il-portata tal-istħarriġ sħiħ

71.

Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tal-portata tal-istħarriġ li kellha tagħmel il-Qorti Ġenerali jidhirli li hija differenti fil-kuntest tat-tieni aspett tas-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE.

72.

Fil-fatt, kif fakkart fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-istħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE jista’ jkun ikkompletat bl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa, abbażi tal-Artikolu 261 TFUE u fuq talba tal-appellanti, għal dak li jikkonċerna s-sanzjonijiet imposti taħt id-dritt tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni ( 15 ).

73.

Issa, għalkemm il-ġurisdizzjoni sħiħa ma hijiex rimedju awtonomu, hija għandha madankollu tiġi eżerċitata b’mod separat mill-istħarriġ tal-legalità ( 16 ). Fi kliem ieħor, ma huwiex minħabba li l-istħarriġ tal-legalità ma żvelax illegalità li stħarriġ speċifiku ma għandux ikun eżerċitat fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa ( 17 ). Kif fakkart fil-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa, b’mod partikolari, waqt dan it-tieni stħarriġ li l-fatt li impriża ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxi l-akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom hija pparteċipat għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

74.

Fil-fatt, illum huwa ferm stabbilit li, “sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta fir-rigward tal-multa, il-Qorti tal-Unjoni hija obbligata, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 u 263 TFUE, li teżamina kull ilment, ta’ liġi jew ta’ fatt, maħsub sabiex juri li l-ammont tal-multa ma jirriflettix il-gravità u t-tul tal-ksur” ( 18 ).

75.

Dan ir-rekwiżit ta’ stħarriġ eżawrjenti jsib spjegazzjoni wkoll fil-prinċipji ta’ individwalizzazzjoni u ta’ gradazzjoni tal-“piena” li huma, biex nuża kliem l-Avukat Ġenerali Tizzano, żewġ prinċipji kardinali ta’ kull sistema ta’ sanzjonijiet f’materji amministrattivi u kriminali ( 19 ) u qegħdin fl-isfond tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi fid-dritt tal-kompetizzjoni.

76.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod kostanti li, għall-iffissar tal-ammont tal-multi, “għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u tal-elementi kollha ta’ natura tali li jistgħu jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità [tal-ksur], bħall-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol li kellha kull waħda minnhom fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-vantaġġ li setgħu ħadu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-[Unjoni]” ( 20 ).

77.

Wara kollox ma jistax ikun differenti peress li, dejjem skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-gravità tal-ksur għandu jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni individwali” ( 21 ).

78.

Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma tistax għaldaqstant tkun eżentata milli teżerċita t-tieni parti tal-istħarriġ ġudizzjarju ħlief meta ċ-ċirkustanzi invokati għall-iskopijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa jkunu identiċi għal dawk li fuqhom ikunu bbażati l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità u bil-kundizzjoni li l-Qorti Ġenerali tkun ċaħdithom kollha f’dik l-okkażjoni ( 22 ).

79.

Issa, f’dan il-każ, it-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma jidhirx li ġiet osservata peress li l-Qorti Ġenerali għażlet li tivverifika biss, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità, ħames minn ħdax-il kuntatt li kienu kkontestati b’mod iddettaljat mill-appellanti.

80.

Ċertament, fil-parti tar-rikors tagħha li tirrigwarda t-talba għat-tnaqqis tal-multa, l-appellanti kienet ibbażat fuq il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li rat li hija kienet ipparteċipat f’seba’ kuntatti minn wieħed u erbgħin elenkati ( 23 ). Madankollu, jidhirli li din l-atitudni ssib spjegazzjoni fin-natura sussidjarja tat-talba tagħha. Peress li l-appellanti talbet, prinċipalment, l-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża billi invokat l-assenza ta’ prova ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur min-naħa tagħha, it-talba sussidjarja tagħha titlaq, impliċitament imma loġikament, mill-prinċipju li jgħid li l-argumenti prinċipali tagħha ma jkunux ġew milqugħa.

81.

Din il-metodoloġija proċedurali ma tneħħi xejn mill-fatt li l-argumenti li jirrigwardaw in-natura illegali tal-ħdax-il kuntatt identifikat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża setgħu, eventwalment, ikollhom effett fuq l-evalwazzjoni tal-multa imposta jekk jirriżultaw minnhom peress li l-fatt li impriża kellha rwol minuri fl-aspetti tal-ksur li fihom ipparteċipat huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, tad-determinazzjoni tal-multa ( 24 ).

82.

Issa, jidher li l-Qorti Ġenerali ma rrispondietx għall-argumenti kollha mressqa mill-appellanti, kemm jekk waqt l-istadju tal-istħarriġ tal-legalità – billi vverifikat biss il-parteċipazzjoni tal-appellanti f’ħames diskussjonijiet antikompetittivi mentri hija kkontestat b’mod motivat in-natura illegali tal-ħdax-il kuntatt identifikat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża – kif ukoll waqt li eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha meta affermat allura li l-appellanti “tillimita ruħha […] billi ssostni li hija kellha rwol minuri fil-ksur inkwistjoni” ( 25 ) u li “r-raġuni li għaliha tiġi imposta [lilha] l-multa li l-ammont tagħha huwa l-ogħla hija li kellha dħul mill-bejgħ ħafna ikbar minn ta’ dawk tal-impriżi ssanzjonati l-oħrajn” ( 26 ), fejn l-ammont tal-multa jirrifletti l-importanza ekonomika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni.

83.

Mingħajr ma tiġi hawnhekk ikkontestata r-rilevanza ta’ din l-aħħar affermazzjoni u mingħajr ma wieħed jipprova jafferma li l-Qorti Ġenerali kienet tasal għal konklużjoni differenti kieku eżaminat l-ilmenti kollha mressqa mill-appellanti, jidher li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, b’mod ġuridikament korrett, il-fatturi kollha essenzjali għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-aġir li bih ġiet akkużata l-appellanti u li ma rrispondietx b’mod suffiċjenti fid-dritt l-argumenti kollha invokati mill-appellanti għat-tneħħija jew it-tnaqqis tal-multa. Issa, dan hu preċiżament is-suġġett tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell ( 27 ).

3. Konklużjoni fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju flimkien mat-tielet aggravju

84.

Fi tmiem l-analiżi tiegħi tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju flimkien mat-tielet aggravju, jidhirli li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma eżaminatx kull wieħed mill-argumenti li kienu ġew esposti mill-appellanti biex turi l-legalità tal-kuntatti użati kontriha mill-Kummissjoni.

B.   Fuq il-kwistjoni tal-awtentiċità tal-provi

1. L-argumenti tal-partijiet

85.

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li tefgħet fuqha, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, l-oneru tal-prova dwar in-natura mhux awtentika ta’ posta elettronika interna ta’ Samsung tat‑3 ta’ Novembru 2003. Fin-nuqqas li l-Kummissjoni, li għandha l-oneru li tipprova l-ksur, ipprovat l-awtentiċità ta’ din il-posta elettronika skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u fid-dawl tad-dubji serji mressqa mill-appellanti, din il-prova kellha tiġi ddikjarata inammissibbli.

86.

L-appellanti ssostni tal-inqas li, fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati minnha stess u minn Samsung, il-Kummissjoni kienet obbligata taħtar espert professjonali indipendenti għall-iskopijiet li jevalwa l-awtentiċità tal-posta elettronika. Dan kien japplika iktar fil-proċeduri fil-qasam tal-akkordji minħabba n-natura kriminali tagħhom.

87.

Il-Kummissjoni tikkontesta l-pożizzjoni tal-appellanti. F’każ ta’ kontestazzjoni dwar l-awtentiċità ta’ prova, il-kredibbiltà tkun l-unika kriterju rilevanti u l-valur probatorju tagħha tiġi evalwata fid-dawl tal-ċirkustanzi kollha tal-każ.

88.

L-obbligu ta’ amministrazzjoni tajba ma jimponilhiex li tipprova l-awtentiċità ta’ prova, b’mod li hija ma tkunx obbligata taħtar espert professjonali tat-teknoloġija tal-informatika indipendenti.

89.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonformat ruħha ma’ dawn ir-rekwiżiti għall-iskopijiet li tevalwa l-kredibbiltà tal-posta elettronika interna fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u billi kkunsidrat li l-posta elettronika interna ta’ Samsung tat‑3 ta’ Novembru 2003 setgħat tiġi invokata bħala parti mill-provi. Il-Kummissjoni żżid tgħid li, ħlief jekk ikun hemm żnaturament tal-provi, il-konstatazzjonijiet ta’ fatt hekk magħmula mill-Qorti Ġenerali ma humiex suġġetti għal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2. Analiżi

a) Fuq id-distinzjoni bejn l-awtentiċità ta’ prova u l-kredibbiltà tagħha

90.

Meta l-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi li impriża pparteċipat f’laqgħat bejn impriżi li kienu ta’ natura manifestament antikompetittiva, hija l-impriża li għandha tipprovdi spjegazzjoni oħra tal-kontenut ta’ dawn il-laqgħat ( 28 ).

91.

F’dan ir-rigward, “ma huwiex biżżejjed li l-impriża kkonċernata ssemmi l-possibbiltà li seħħ fatt li jista’ jaffettwa l-valur probatorju ta’ dawn il-provi [li fuqhom tibbaża l-Kummissjoni] sabiex [din ikollha] l-oneru li tipprova li dan il-fatt ma setax jaffettwa l-valur probatorju [tagħhom]. Bil-kontra, ħlief fil-każ li tali prova ma tkunx tista’ tiġi pprovduta mill-impriża kkonċernata minħabba l-aġir tal-Kummissjoni nnifisha, hija l-impriża kkonċernata li għandha tistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi, minn naħa, l-eżistenza tal-fatt li hija tinvoka u, min-naħa l-oħra, li dan il-fatt jikkontesta l-valur probatorju tal-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni” ( 29 ).

92.

B’mod iktar ġenerali, il-prinċipju prevalenti fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-amministrazzjoni libera tal-provi. Minn dan il-prinċipju jirriżulta li l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom ( 30 ).

93.

Biex tagħmel dan, fil-każijiet ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-qorti tal-Unjoni kellha b’mod partikolari tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom ( 31 ).

94.

Mingħajr ma nikkontesta dawn il-parametri, jidhirli li l-kwistjoni tal-awtentiċità ta’ prova tqum neċessarjament qabel l-evalwazzjoni tal-kredibbiltà tagħha: prova li ma hijiex awtentika ma tistax titqies bħala kredibbli anki jekk hija jkollha l-apparenza ta’ prova kredibbli.

95.

Għaldaqstant, għandu jerġa’ jsir riferiment għall-prinċipju bażiku li jrid li, anki fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, fil-każ ta’ kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur, hija l-Kummissjoni li għandha ġġib il-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li tistabbilixxi l-provi xierqa sabiex juru, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur ( 32 ). Jekk ikun hemm dubju f’moħħ il-qorti, dan għandu jmur favur l-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur ( 33 ).

96.

Dan ifisser b’mod konkret li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata dubju fuq jekk huwiex komplut dokument li jkun ikkontestat u/jew fuq il-kwistjoni dwar jekk dan inkisibx b’mezzi leġittimi, id-dokument għandu jiġi skartat ( 34 ). Din ma hija xejn iktar u xejn inqas minn kwistjoni dwar l-ammissibbiltà tal-prova. Issa, huwa biss wara li l-provi prodotti mill-Kummissjoni jkunu ammissibbli li tista’ ssir l-evalwazzjoni fir-rigward tal-kredibbiltà tagħhom ( 35 ).

b) Applikazzjoni għal dan il-każ

97.

F’dan il-każ, l-appellanti tikkontesta l-awtentiċità ta’ posta elettronika interna ta’ Samsung mibgħuta minn wieħed mill-impjegati tagħha fit‑3 ta’ Novembru 2003. Minn naħa, jeżistu diversi verżjonijiet stampati ta’ din il-posta elettronika u, min-naħa l-oħra, iż-żewġ rapporti ta’ perizji ppreżentati mill-appellanti kkonkludew, essenzjalment, li ma kienx possibbli li tiġi affermata l-awtentiċità tagħha.

98.

Dawn l-argumenti saru b’mod dettaljat mill-appellanti fil-punti 68 sa 86 tar-rikors għal annullament tagħha. Fl-ewwel lok, hija rreferiet għall-ewwel verżjoni stampata mingħajr destinatarju u lanqas destinatarju “kkopjat” u li ntbagħtet allegatament fit‑3.27 ta’ filgħodu (ħin Ewropew) filwaqt li t-telefonata tal-impjegat ta’ Infineon imsemmija fil-posta elettronika inkwistjoni seħħet fl-istess ġurnata. Fit-tieni lok, hija enfasizzat id-differenzi bejn l-ewwel verżjoni tal-posta elettronika mibgħuta u ż-żewġ verżjonijiet l-oħra, li kienu juru, b’kuntrast mal-ewwel verżjoni, destinatarju u sitt destinatarji oħra kkopjati kif ukoll ħin differenti ta’ meta ntbagħtu. Fit-tielet lok, l-appellanti semmiet relazzjoni ta’ perit tekniku li fi tmiemha l-espert indipendenti kkonsultat deherlu li l-posta elettronika tat‑3 ta’ Novembru 2003 ma setgħatx titqies bħala awtentika lil hinn minn kull dubju raġonevoli, ħaġa li ġiet ikkonfermata mill-istess espert fit-tieni relazzjoni.

99.

Minkejja dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 181 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet “setgħat tikkonkludi li r-rikorrenti kienet ipparteċipat f’diskussjonijiet illegali” billi tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq il-fatt “li ebda perizja ma [kienet ikkonkludiet] li l-posta elettronika tat‑3 ta’ Novembru 2003 ma kinitx tikkostitwixxi prova kontemporanja awtentika, ħaġa li lanqas ir-rikorrenti ma pprovat quddiemha”. Hija żiedet, fil-punt 182 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kinitx ġabet “il-prova li r-raġunijiet oġġettivi mressqa mill-Kummissjoni biex tiġġustifika li kien hem diversi verżjonijiet ta’ din il-posta elettronika kienu żbaljati”.

100.

B’dan il-mod, jidhirli li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma osservatx l-istandard probatorju mitlub fil-qasam tal-multi minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, mingħajr lanqas jittieħed kont tad-differenzi li jirrigwardaw l-elementi essenzjali ta’ posta elettronika bħalma huma d-destinatarji jew il-ħin li tintbagħat, jirriżulta mir-relazzjonijiet tal-esperti, ippreżentati mill-appellanti, li ma kinitx possibbli li tiġi affermata b’mod ċert l-awtentiċità tal-posta elettronika tat‑3 ta’ Novembru 2003. B’dawn l-elementi quddiemha, il-Qorti Ġenerali kellha tiskarta din il-prova: kienet il-Kummissjoni li kellha tipprova b’mod pożittiv l-awtentiċità tal-posta elettronika tat‑3 ta’ Novembru 2003 billi tirrikorri, jekk ikun il-każ, għall-miżura tal-perizja esperta mitluba mill-appellanti.

101.

Madankollu, il-Qorti Ġenerali dehrilha wkoll li l-fatt li kienu nżammu d-diskussjonijiet illegali msemmija fil-posta elettronika tat‑3 ta’ Novembru 2003 jirriżulta wkoll minn provi oħrajn, li f’daqqa jikkostitwixxu “sensiela ta’ indizji” ( 36 ).

102.

Issa, b’kuntrast mal-kwistjoni dwar jekk ir-regoli fil-qasam tal-oneru u l-amministrazzjoni tal-prova ġewx osservati, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti li tikkonstata l-fatti lanqas, bħala regola ġenerali, li teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali qieset insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, sakemm dawn il-provi jinkisbu legalment, u sakemm il-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fil-qasam tal-oneru u l-produzzjoni tal-provi jiġu mħarsa, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti li tevalwa l-valur li għandu jiġi attribwit lill-elementi li ġew imressqa quddiemha. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal- provi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 37 ).

103.

Konsegwentement, anki jekk l-elementi meqjusa mill-Qorti Ġenerali jistgħu jkunu suġġett ta’ diskussjoni, dawn huma evalwazzjonijiet fattwali li ma jaqgħux taħt is-setgħa ta’ stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li hemm dokumenti oħrajn li jikkonfermaw li nżammu diskussjonijiet illegali bejn il-kompetituri implikati fil-ksur inkwistjoni, l-argument li jirrigwarda l-awtentiċità tal-posta elettronika tat‑3 ta’ Novembru 2003 jirriżulta, fi kwalunkwe każ, ineffettiv.

VI. Fuq li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali

104.

Fi tmiem l-analiżi tiegħi dwar l-ewwel parti tal-ewwel aggravju flimkien mat-tielet aggravju, jien wasalt għall-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta ma eżaminatx kull wieħed mill-argumenti li kienet esponiet l-appellanti biex turi l-legalità tal-kuntatti użati kontriha mill-Kummissjoni.

105.

Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ladarba l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

106.

Fil-kawża preżenti, nikkunsidra li l-kawża ma hijiex fi stat li tista’ tiġi deċiża. Fil-fatt, l-eżami tal-fondatezza tal-argumenti tal-appellanti iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ fatt abbażi ta’ elementi li ma ġewx evalwati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Barra minn hekk, l-allegazzjonijiet fattwali dwar il-mertu tat-tilwima ma kinux diskussi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

107.

Għaldaqstant, jeħtieġ li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-ispejjeż jibqgħu rriżervati.

VII. Konklużjoni

108.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u mingħajr preġudizzju għall-eżami tal-aggravji l-oħra, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni (T‑758/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:737) inkwantu l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx kull wieħed mill-argumenti li kienu esposti mill-appellanti biex turi l-legalità tal-kuntatti użati kontriha mill-Kummissjoni, u

tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.

( 3 ) ĠU 2006, C 210, p. 2.

( 4 ) ĠU 2016, C 144, p. 23.

( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81.

( 6 ) Jirriżulta mid-Deċiżjoni kontenzjuża li NXP ħadet in-negozju ta’ Philips b’effett mill-ħolqien tagħha fid‑29 ta’ Settembru 2006. Il-Kummissjoni kkunsidrat li NXP ma kinitx ipparteċipat fil-ksur inkwistjoni.

( 7 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 42); tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 71), kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Aloys F. Dornbracht vs Il‑Kummissjoni (C‑604/13 P, EU:C:2017:45, punt 52).

( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 258); tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 41), kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni (C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 49).

( 9 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 42), u tal‑11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni (C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 50).

( 10 ) Punt 160 tas-sentenza appellata.

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 86), u tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 45).

( 12 ) Ara l-punti 57 u 58 tal-appell.

( 13 ) Ara, fid-deskrizzjoni tal-fatti, il-punti 38 sa 41 tad-Deċiżjoni kontenzjuża; fid-deskrizzjoni tal-avvenimenti (prinċipji bażiċi tal-organizzazzjoni tal-kartell), punti 68, 76 u 77 tad-Deċiżjoni kontenzjuża; fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għal dan il-każ, punti 246 u 297 tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Fuq l-inammissibbiltà ta’ aggravju ġdid, ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2016, Bank of Industry and Mine vs Il‑Kunsill (C‑358/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:338, punt 91).

( 14 ) Enfasi miżjud minni.

( 15 ) Tali talba ma jidhirlix li hija diskutibbli f’dan il-każ. Fil-fatt, bil-fatt li talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla jew tnaqqas il-multa imposta lilha, l-appellanti inkontestabbilment talbet lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (ara, b’mod partikolari, il-punti 189 u 192 tar-rikors għal annullament tagħha). Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, FSL et vs Il‑Kummissjoni (C‑469/15 P, EU:C:2017:308, punt 72), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża KME Germany et vs Il‑Kummissjoni (C‑272/09 P, EU:C:2011:63, punt 78).

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, Muguet-Poullennec, G., “Sanctions prévues par le règlement no 1/2003 et droit à une protection juridictionnelle effective: les leçons des arrêts KME et Chalkor de la CJUE”, Revue Lamy de la Concurrence: droit, économie, régulation, 2012, Nru 32, p. 57 sa 78.

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, Van Cleynenbreugel, P., “Constitutionalizing Comprehensively Tailored Judicial Review in EU Competition Law”, The Columbia Journal of European Law, 2012, p. 519 sa 545, speċifikament p. 535 u 536; Forrester, I. S., “A challenge for Europe’s judges: the review of fines in competition cases”, European Law Review, 2011, Vol. 36, Nru 2, p. 185 sa 207, speċifikament p. 195.

( 18 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 200; enfasi miżjud minni). Ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, FSL et vs Il‑Kummissjoni (C‑469/15 P, EU:C:2017:308, punt 75). Id-dottrina ma naqsitx milli tenfasizza li n-neċessità li tagħmel eżami approfondit u eżawrjenti tal-fatti kkontestati kollha kienet rekwiżit li joħroġ mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kien jinkludi d-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, Wesseling, R., u van der Woude, M., “The Lawfulness and Acceptability of Enforcement of European Cartel Law”, World Competition, 35, 2012/4, p. 573 sa 598, speċifikament p. 582). Fuq ir-rekwiżiti tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fid-dritt tal-kompetizzjoni, ara, ukoll, Van Cleynenbreugel, P., “Constitutionalizing Comprehensively Tailored Judicial Review in EU Competition Law”, The Columbia Journal of European Law, 2012, p. 519 sa 545, speċifikament p. 5; Bellis, J.‑Fr., “La charge de la preuve en matière de concurrence devant les juridictions de l’Union européenne”, f’Mahieu, St. (dir.), Contentieux de l’Union européenne. Questions choisies, Brussell, Larcier, coll. Europe(s), 2014, p. 217 sa 233, speċifikament p. 217 u 218).

( 19 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, EU:C:2004:415, punt 130).

( 20 ) Sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni (100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punt 129; enfasi miżjud minni). Ara, iktar reċentement, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 56).

( 21 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni (C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 102).

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Aloys F. Dornbracht vs Il‑Kummissjoni (C‑604/13 P, EU:C:2017:45, punti 5556).

( 23 ) Ara l-punti 167 u 191 tar-rikors għal annullament.

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 86), u tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 45). Il-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur tista’, b’mod partikolari, tittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punti 104106).

( 25 ) Punt 263 tas-sentenza appellata.

( 26 ) Punt 269 tas-sentenza appellata.

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 244).

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 75).

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 76).

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 128), u tas‑27 ta’ April 2017, FSL et vs Il‑Kummissjoni (C‑469/15 P, EU:C:2017:308, punt 38).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 54).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 71).

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punti 7273).

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1981, Ludwigshafener Walzmühle Erling et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (197/80 sa 200/80, 243/80, 245/80 u 247/80, EU:C:1981:311, punt 16).

( 35 ) Ara, f’dan is-sens, Bellis, J.‑Fr., “La charge de la preuve en matière de concurrence devant les juridictions de l’Union européenne”, f’Mahieu, St. (dir.), Contentieux de l’Union européenne. Questions choisies, Brussell, Larcier, coll. Europe(s), 2014, p. 217 sa 233, speċifikament p. 221. Inżid li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma rrikonoxxiet espressament in-natura kriminali tal-multi li jissanzjonaw il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) iddeċidiet li multa imposta biex tissanzjona ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni “[kellha] natura kriminali, b’mod li l-Artikolu 6 § 1 [tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali kellu] japplika, f’dan il-każ, mill-aspett kriminali tiegħu” (Qorti EDB, sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2011, A. Menarini Diagnostics vs L‑Italja, rikors Nru 43509/08, CE:ECHR:2011:0927JUD004350908, punt 44). Minkejja l-fatt li l-Qorti EDB tillimita l-eżami tagħha għall-każ partikolari li jkun quddiemha, il-bażi tal-motivazzjoni tagħha tippermetti li tiġi ġġeneralizzata l-konklużjoni li waslet għaliha.

( 36 ) Punt 181 tas-sentenza appellata. Ara, ukoll, punt 183 tas-sentenza appellata.

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni (C‑403/04 P u C‑405/04 P, EU:C:2007:52, punti 3856), kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punti 39, 76, 77129).

Top