EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0083

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-30 ta’ Jannar 2018.
KP, représentée légalement par sa mère vs LO.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Protokoll ta’ Den Haag tal-2007 – Liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment – Artikolu 4(2) – Bidla fir-residenza abitwali tal-kreditur – Possibbiltà ta’ applikazzjoni retroattiva tal-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida tal-kreditur li tikkoinċidi mal-liġi tal-forum – Portata tal-kliem ‘Jekk il-kreditur ma jkunx jista’ jikseb [...] manteniment mingħand id-debitur’ – Każ li fih il-kreditur ma jissodisfax rekwiżit legali.
Kawża C-83/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:46

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑30 ta’ Jannar 2018 ( 1 )

Kawża C‑83/17

KP, irrappreżentat minn ommu

vs

LO

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Obbligi ta’ manteniment – Nuqqas ta’ possibbiltà ta’ kisba ta’ benefiċċji ta’ manteniment mid-debitur – Bidla fl-Istat ta’ residenza abitwali tal-kreditur – Applikazzjoni tal-legis fori

I. Introduzzjoni

1.

Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta’ Den Haag tal-2007 ( 2 ) fid-dawl tal-kawża li fiha din il-qorti esprimiet dubji fir-rigward tal-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment.

2.

Dan l-aħħar il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet għal iktar minn darba domandi preliminari fformulati minn qrati nazzjonali fil-kuntest ta’ kwistjonijiet dwar obbligi ta’ manteniment fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 4/2009 ( 3 ). Dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari kienu jirrigwardaw jew ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni ( 4 ) jew inkella r-regoli dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ( 5 ).

3.

Madankollu, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari fformulati sa issa la kienu jirrigwardaw direttament id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta’ Den Haag tal-2007 u lanqas ma kienu jirrigwardaw l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 4/2009, li, fil-kwistjonijiet relatati mal-liġi applikabbli, jirreferi għal dan il-protokoll. Għalhekk dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa l-ewwel wieħed li fih qorti nazzjonali titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta r-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi li jinsabu fil-Protokoll ta’ Den Haag tal-2007.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

1.   Ir-Regolament Nru 4/2009

4.

Id-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment jinsabu fil-Kapitolu II (“Ġurisdizzjoni”) tar-Regolament Nru 4/2009. Fosthom jaqdi rwol prinċipali l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, li jipprovdi:

“Fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:

a)

il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

b)

il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

[c])

il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess, għandha l-ġurisdizzjoni biex twettaq proċedimenti li jikkonċernaw l-istatus ta’ persuna jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċedimenti, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq iċ-ċittadinanza ta’ waħda mill-partijiet, jew

d)

il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess għandha l-ġurisdizzjoni biex iżżomm proċeduri li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ta’ ġenitur jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċeduri, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet”.

5.

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 4/2009, intitolat “Determinazzjoni tal-liġi applikabbli” u li jinsab fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, intitolat “Liġi Applikabbli”, jipprevedi:

“Il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment għandha tiġi determinata skont [il-Protokoll ta’ Den Haag tal-2007] […] fl-Istati Membri marbutin b’dak l-istrument”.

2.   Il-Protokoll ta’ Den Haag tal-2007

6.

L-Artikoli 3 u 4(1)(a) u (2) kif ukoll l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal-2007 jipprovdu:

“Artikolu 3

Regola ġenerali dwar il-liġi applikabbli

1.   L-obbligi ta’ manteniment għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur, sakemm il-Protokoll ma jipprevedix mod ieħor.

2.   F’każ ta’ bidla fir-residenza abitwali tal-kreditur, il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida għandha tapplika mill-mument ta’ meta sseħħ il-bidla.

Artikolu 4

Regoli speċjali li jiffavorixxu lil ċerti kredituri

1.   Id-dispożizzjonjiet li ġejjin għandhom japplikaw f’każ ta’ obbligi ta’ manteniment ta’:

a)

ġentituri lejn uliedhom;

[…].

2.   Jekk il-kreditur ma jkunx jista’, minħabba fil-liġi msemmija fl-Artikolu 3, jikseb manteniment mingħand id-debitur, għandha tapplika l-liġi tal-forum.

[…]”.

B. Id-dritt Ġermaniż

7.

Fid-dritt Ġermaniż, il-kwistjoni tat-talbiet għal manteniment b’mod retroattiv hija rregolata mill-Artikolu 1613 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż, iktar ’il quddiem il-“BGB”). L‑Artikolu 1613(1) jipprovdi:

“Il-kreditur jista’ b’mod retroattiv jitlob l-eżekuzzjoni jew il-kumpens minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni biss mill-mument fejn id-debitur ikun ġie ordnat, għall-finijiet tal-irkupru ġudizzjarju tad-dejn tal-manteniment, jipprovdi informazzjoni dwar id-dħul tiegħu u dwar il-proprjetà tiegħu, jew mill-mument meta titressaq l-azzjoni għall-kisba ta’ manteniment […]”.

C. Id-dritt Awstrijak

8.

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari l-qorti tar-rinviju tispjega li skont id-dritt Awstrijak, pretensjonijiet għal manteniment jistgħu jsiru sa tliet snin b’lura. Skont ġurisprudenza stabbilita fl-Awstrija l-intimazzjoni tad-debitur għall-ħlas ma huwiex prerekwiżit fil-pretensjonijiet għal manteniment retroattivi favur it-tifel jew tifla.

III. Il-fatti fil-kawża prinċipali

9.

KP, il-minuri li ta lok għall-proċeduri prinċipali, kien jirrisjedi, sas‑27 ta’ Mejju 2015, flimkien mal-ġenituri tiegħu fil-Ġermanja. Fit‑28 ta’ Mejju 2015 il-minuri flimkien ma’ ommu marru jgħixu l-Awstrija. Minn dak il-mument ir-residenza abitwali tagħhom hija f’dan l-aħħar Stat Membru.

10.

Permezz ta’ talba tat‑18 ta’ Mejju 2015, il-minuri ressaq talba għal manteniment kontra missieru, LO, quddiem qorti Awstrijaka. Fit-talba sussegwenti tat‑18 ta’ Mejju 2016, il-minuri estenda din it-talba b’tali mod li jintalab ukoll mingħand missieru manteniment b’mod retroattiv għall-perijodu li jippreċedi d-data ta’ tressiq ta’ din it-talba, jiġifieri mill‑1 ta’ Ġunju 2013 sal‑31 ta’ Mejju 2015.

11.

Fil-kawża prinċipali, il-minuri jsostni li skont l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal-2007, fir-rigward tal-obbligi ta’ manteniment dovuti lilu għall-perijodu li matulu huwa kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-Ġermanja, għandu japplika d-dritt Ġermaniż. Madankollu l-minuri ma jistax jikseb manteniment mingħand missieru, inkwantu skont kif speċifikat fl-Artikolu 1613 BGB il-kundizzjonijiet għal pretensjonijiet retroattivi ta’ manteniment ma ġewx issodisfatti. B’hekk, konformement mal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal-2007, id-dritt Awstrijak, li ma jipprevedix tali kundizzjonijiet fir-rigward ta’ minuri, għandu japplika għall-evalwazzjoni tal-obbligi ta’ manteniment għal dan il-perijodu.

12.

Min-naħa tiegħu missier il-minuri jindika b’mod partikolari li l-applikazzjoni sussidjarja tal-legis fori konformement mal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal-2007 tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni li kieku d-debitur ressaq proċeduri jew li kieku l-awtorità ġudizzjarja kienet awtorità tal-Istat li fih la l-kreditur u lanqas id-debitur ma għandhom residenza abitwali. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal-2007 ma japplikax, fejn il-kreditur, li jkun biddel ir-residenza abitwali tiegħu, jitlob manteniment b’mod retroattiv.

13.

Il-qorti li kienet qed tiddeċiedi fl-ewwel istanza ċaħdet it-talba għal benefiċċji ta’ manteniment b’mod retroattiv. Din il-qorti qieset li, konformement mal-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007, id-dritt Ġermaniż kien id-dritt applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment tal-missier lejn il-minuri fir-rigward tal-perijodu li jippreċedi l-bidla tal-post ta’ residenza tal-minuri. Madankollu l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 ma setax jiġi applikat fir-rigward ta’ benefiċċji ta’ manteniment retroattivi. Il-benefiċċji ta’ manteniment relatati mal-perijodu li jippreċedi l-bidla fil-post ta’ residenza abitwali tal-kreditur għandu jkompli jiġi evalwat taħt l-Artkikolu 3(1) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007, sa fejn b’mod ġenerali din il-qorti għandha ġurisdizzjoni għal dan il-perijodu fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009.

14.

Il-qorti tal-appell ikkonfermat dan l-appell u kkondividiet l-argumenti tal-qorti tal-ewwel istanza.

15.

L-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) għandha tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors għal reviżjoni ppreżentat mill-minuri fir-rigward tad-deċiżjoni li tirrigwarda l-benefiċċji ta’ manteniment retroattivi.

IV. Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Ir-regola ta’ sussidjarjetà fl-Artikolu 4(2) tal-[Protokoll ta’ Den Haag tal-2007] għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika biss meta r-rikors promotur li jagħti bidu għall-proċedura għall-ħlas ta’ manteniment jiġi ppreżentat fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment?

Jekk tingħata risposta negattiva għal din id-domanda:

2)

L-Artikolu 4(2) tal-[Protokoll ta’ Den Haag tal-2007] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni ‘ma jkunx jista’ […] jikseb manteniment’ tirreferi wkoll għall-każijiet li fihom il-liġi tal-post ta’ residenza preċedenti ma tipprovdix kreditu ta’ manteniment għall-passat [b’mod retroattiv] sempliċiment għaliex ċerti kundizzjonijiet legali ma jkunux issodisfatti?”

17.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Frar 2017.

18.

Il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ressqu osservazzjonijiet bil-miktub.

V. Analiżi

A. Osservazzjonijiet preliminari dwar il-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007

19.

Fil-perijodu li jippreċedi d-data ta’ dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 4/2009 il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati f’kawżi dwar obbligi ta’ manteniment kienet irregolata mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 6 ) u mir-Regolament Brussell I ( 7 ).

20.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 4/2009 kien ikopri r-regoli ta’ ġurisdizzjoni f’kawżi dwar obbligi ta’ manteniment, bl-esklużjoni ta’ kawżi relatati ma’ din il-kategorija ta’ obbligi li jaqgħu taħt is-sistema ta’ Brussell ( 8 ).

21.

Madankollu fir-Regolament Nru 4/2009 hemm nuqqas ta’ dispożizzjonijiet li jiddeterminaw direttament il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment. Sa dak il-mument, din il-problematika lanqas ma kienet irregolata minn strumenti oħra li jaqgħu taħt id-dritt internazzjonali privat tal-Unjoni, li jeskludu b’mod ċar mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom din il-kategorija ta’ obbligi ( 9 ).

22.

Skont il-kunsiderazzjonijiet inizjali r-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi li jidentifikaw il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment kellhom ikunu jinsabu fir-Regolament Nru 4/2009 nnifsu ( 10 ). Madankollu dan seta’ jikkomplika l-adozzjoni tar-Regolament peress li ċerti Stati Membri ma kinux favorevoli għall-adozzjoni ta’ regolament li jinkludi regoli ta’ kunflitt ta’ liġi. Huwa fost oħrajn għal din ir-raġuni li ġie rrikonoxxut, waqt ix-xogħlijiet marbuta ma’ dan ir-regolament, li l-approssimazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi tista’ sseħħ permezz ta’ strument li jirriżulta minn ftehim fil-forma tal-Protokoll ta’ Den Haag tal-2007 ( 11 ). Dawn l-azzjonijiet koerenti taw lok, minn naħa, għall-adeżjoni tal-Komunità għall-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 ( 12 ), u min-naħa l-oħra, għall-inklużjoni ta’ dispożizzjoni fir-Regolament Nru 4/2009 li skontha l-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment hija ddeterminata skont dan il-protokoll ( 13 ).

B. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007

23.

Il-parti prinċipali tal-ġustifikazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari hija ppreċeduta mill-kummenti tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007. Il-qorti tar-rinviju tindika li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 4/2009 jirreferi espressament għall-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007, liema fatt jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll. Il-qorti tar-rinviju ssostni ulterjorment, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li l-Komunità rratifikat il-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007, liema fatt jiġġustifika wkoll il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-għoti ta’ risposti għad-domandi preliminari relatati ma’ dan l-istrument legali.

24.

F’dan il-kuntest fl-ewwel lok għandu jitfakkar li skont il-punt b tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni tagħti deċiżjoni preliminari, fost oħrajn, fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni.

25.

Permezz tad-deċiżjoni tat‑30 ta’ Novembru 2009 ( 14 ), adottata fost oħrajn fuq il-bażi tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 300(2) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(3) KE, il-Kunsill approva l-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 f’isem il-Komunità.

26.

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, kuntratt konkluż mill-Kunsill taħt l-Artikolu 300 KE jikkostitwixxi, fir-rigward tal-Komunità, att adottat minn waħda mill-istituzzjonijiet tagħha fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jiddefinixxu l-portata tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari ( 15 ).

27.

Bħalissa, il-problematika tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali f’isem l-Unjoni hija rregolata mill-Artikolu 218 TFUE. Il-proċedura li twassal għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni u l-effetti tagħha ma kinux suġġetti għal bidliet li jqiegħdu inkwistjoni r-rilevanza tal-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan is-sens. L-Artikolu 216(2) TFUE, li huwa ekwivalenti għall-Artikolu 300(7) KE jipprevedi barra minn hekk li l-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni jivvinkolaw lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri. Dan ifisser li d-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim jagħmlu parti integrali, mad-dħul fis-seħħ ta’ dawn tal-aħħar, mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, fil-kuntest ta’ dan l-ordinament ġuridiku, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari fuq l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

C. Fuq l-ewwel domanda preliminari

1.   Osservazzjonijiet preliminari

28.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju għandha l-għan li tikkjarifika jekk l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 jistax japplika għal proċeduri quddiem qrati ta’ Stati Membri li fihom il-kreditur tal-manteniment għandu r-residenza abitwali tiegħu.

29.

Il-qorti tar-rinviju tindika li, konformement mal-punt 63 tar-rapport ta’ A. Bonomi ( 16 ), l-applikazzjoni sussidjarja tal-legis fori fuq il-bażi tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 hija utli meta proċeduri dwar benefiċċji ta’ manteniment jitressqu quddiem qorti nazzjonali li ma tkunx dik tal-Istat li fih il-kreditur tal-manteniment għandu r-residenza abitwali tiegħu. Fis-sens oppost, il-legis fori hija l-liġi tal-Istat ta’ residenza abitwali tal-kreditur u għalhekk, skont l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007, il-liġi essenzjalment applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment. Huwa għalhekk li l-Artikolu 4(2) ta’ dan il-protokoll jista’ jkun applikabbli meta proċeduri dwar obbligi ta’ manteniment jitressqu mid-debitur jew jitressqu quddiem korpi ta’ Stat li ma jkunx dak li fih il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu.

30.

B’riferiment għall-imsemmija partijiet tar-rapport ta’ spjega, il-qorti tar-rinviju madankollu tindika li, fl-opinjoni tagħha, dawn ġew ifformulati fis-sens li kienu jassumu li l-kreditur ma biddilx ir-residenza abitwali tiegħu. Għaldaqstant ma hemmx ċertezza jekk l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 japplikax meta l-kreditur jittrasferixxi r-residenza abitwali tiegħu lejn Stat ieħor u jressaq quddiem qorti ta’ dan l-Istat talba għal benefiċċji ta’ manteniment retroattivi, li tippreċedi l-bidla ta’ residenza abitwali tiegħu.

31.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tistabbilixxi liema huma l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant nipproponi li sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda l-Qorti tal-Ġustizzja tispjega liema huma l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-każ fejn il-kreditur ibiddel il-post ta’ residenza abitwali tiegħu u sussegwentement jitlob mingħand id-debitur benefiċċji ta’ manteniment retroattivi.

2.   Pożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż

32.

Il-Gvern Ġermaniż iqis li fil-għoti ta’ risposta għall-ewwel domanda preliminari ma huwiex meħtieġ li wieħed jillimita lilu nnifsu sempliċement għall-interpretazzjoni tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007. L-istruttura u l-għan ta’ dan l-istrument legali f’dan is-sens iwasslu għall-konklużjoni li l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 jista’ jiġi applikat biss f’sitwazzjoni fejn il-qorti li quddiemha l-kreditur iressaq talba għal benefiċċji ta’ manteniment retroattivi jkollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kwistjoni dwar benefiċċji ta’ manteniment fir-rigward ta’ dan il-perijodu.

33.

Dan il-gvern jindika li r-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi li jinsabu fil-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 huma dipendenti fuq is-suppożizzjoni li għandu jkun hemm rabta bejn is-sitwazzjoni fattwali li minnha l-kreditur jislet id-dritt tiegħu li jitlob benefiċċji ta’ manteniment u l-liġi applikabbli għall-evalwazzjoni tal-istess benefiċċji. Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni huma bbażati fuq premessa simili. Għaldaqstant ir-rabta speċifika għandha teżisti wkoll bejn Stati li l-qrati tagħhom jistgħu jieħdu konjizzjoni ta’ kwistjoni dwar benefiċċji ta’ manteniment u s-sitwazzjoni fattwali li minnha l-kreditur jislet id-dritt tiegħu għal dawn il-benefiċċji.

3.   Pożizzjoni tal-Kummissjoni

34.

Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 jista’ jiġi applikat għal kull kwistjoni, anki fil-każ ta’ kwistjoni mressqa quddiem qorti fl-Istat fejn il-kreditur għandu l-post ta’ residenza abitwali tiegħu. Dan jirrigwarda wkoll sitwazzjonijiet fejn il-kreditur jitlob manteniment retroattiv.

35.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-punt 63 tar-rapport ta’ A. Bonomi, li għalih għamlet riferiment il-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, ma jidentifikax il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 iżda jelenka l-każijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tirriżulta utli għall-kreditur tal-manteniment.

36.

Il-Kummissjoni tindika b’mod partikolari li l-kundizzjoni li tippermetti l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat tal-qorti tar-rinviju fuq il-bażi tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 hija n-nuqqas ta’ possibbiltà li jinkisbu benefiċċji ta’ manteniment “minħabba fil-liġi msemmija fl-Artikolu 3 [ta’ dan il-Protokoll]”. Dan ifisser, skont il-Kummissjoni, li l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 ma jirrigwardax biss il-liġi indikata bħala dik li hija applikabbli abbażi tal-Artikolu 3(1) ta’ dan il-protokoll, iżda wkoll abbażi tal-Artikolu 3(2) tiegħu. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni twassal għal konklużjonijiet identiċi. L-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 għandu l-għan li jiffavorixxi ċerti kategoriji ta’ kredituri fir-rigward tas-soluzzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 ta’ dan il-protokoll, li jirrigwardaw lill-kredituri ta’ manteniment kollha kemm huma.

4.   Analiżi relatata mal-ewwel domanda preliminari

a)   Interpretazzjoni litterali

37.

Fl-ewwel lok xtaqt nosserva li fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007, ikun relattivament faċli li r-risposta għall-ewwel domanda tkun konformi mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni u li wieħed isostni li l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 jista’ jkun applikabbli f’kull tip ta’ proċeduri, anki fi proċeduri quddiem qrati tal-Istat li fih il-kreditur ikollu r-residenza abitwali tiegħu. Jekk wieħed jassumi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-interessi tal-kreditur tal-manteniment, tali risposta tkun iktar evidenti. Madankollu, fil-fehma tiegħi tali pożizzjoni tidher li hija bbażata fuq interpretazzjoni wisq superfiċjali tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 u fuq raġunament li ma jiħux inkunsiderazzjoni konklużjonijiet li jirriżultaw minn interpretazzjoni sistematika u teleoloġika.

38.

Fuq il-bażi tal-formulazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-legis fori tista’ tkun applikabbli minflok il-liġi tal-Istat li fih il-kreditur ikollu r-residenza abitwali tiegħu attwali u l-liġi tal-Istat li fih il-kreditur kellu r-residenza abitwali tiegħu preċedentement, ġaladarba l-formulazzjoni “liġi msemmija fl-Artikolu 3 [ta’ dan il-Protokoll]” għandha tinftiehem f’dan is-sens.

39.

Ma ninsabx għal kollox konvint dwar jekk dan l-argument effettivament jikkonfermax li l-kliem tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 jiddetermina kif wieħed għandu jipproċedi f’każ fejn il-kreditur ibiddel il-post ta’ residenza abitwali tiegħu u sussegwentement jitlob benefiċċji ta’ manteniment retroattivi għal perijodu li jippreċedi l-bidla fir-residenza abitwali tiegħu. Sa fejn l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 nnifsu huwa nieqes minn preċiżazzjonijiet oħra li jippermettu li tinsilet pożizzjoni ċara dwar din il-kwistjoni, l-analiżi tal-kumplament tal-partijiet ta’ redazzjoni tal-Artikolu 4 ta’ dan il-protokoll tqajjem numru ta’ dubji f’dan ir-rigward.

40.

Pereżempju, fejn il-kreditur iressaq proċeduri kontra debitur quddiem awtorità tal-Istat fejn dan tal-aħħar ikollu r-residenza abitwali tiegħu, l-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 jimponi li fl-ewwel lok tiġi applikata l-legis fori. Jekk bis-saħħa ta’ din il-liġi l-kreditur ma jkunx jista’ jikseb benefiċċji ta’ manteniment mid-debitur, għandu japplika “il-liġi tal-Istat fejn il-kreditur ikollu r-residenza abitwali”, u mhux il-liġi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ dan il-protokoll, kif ipprovdut mill-Artikolu 4(2) tal-Protokoll. Għandi dubji jekk, fid-dawl tal-interpretazzjoni litterali, li fuqha huwa bbażat ir-raġunament tal-Kummissjoni, għandux f’dan il-każ jiġi eskluż l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 u tiġi applikata, anki fejn il-kreditur ikun bidel il-post ta’ residenza abitwali tiegħu, esklużivament il-liġi tal-Istat li fih il-kreditur ikollu r-residenza abitwali attwali tiegħu.

41.

Sussidjarjament nosserva li fejn il-kreditur ma jkunx jista’ jikseb benefiċċji ta’ manteniment bis-saħħa tal-liġi msemmija fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4(2) u (3) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007, l-Artikolu 4(4) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 jippermetti l-użu tal-liġi tal-Istat komuni għaċ-ċittadinanza tal-partijiet fil-pretensjonijiet ta’ manteniment. Min-naħa tagħha din id-dispożizzjoni ma tispjegax kif wieħed għandu jipproċedi fejn il-kreditur jitlob manteniment għal perijodu li matulu d-debitur sempliċement kiseb ċittadinanza li l-kreditur kellu preċedentement. Inqas u inqas hemm risposta għad-domanda dwar jekk it-telf ta’ ċittadinanza mid-debitur għandux ukoll effetti retroattivi, jiġifieri, li l-kreditur ma jkunx jista’ jinvoka l-Artikolu 4(4) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007, anki fir-rigward tal-perijodu li fih il-kreditur u d-debitur kellhom ċittadinanza komuni ( 17 ).

42.

Ma ninsabx konvint li dan it-tip ta’ problemi jistgħu jiġu solvuti billi jsir riferiment biss għal interpretazzjoni litterali.

43.

Id-dubji fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni li jirreferu għal interpretazzjoni litterali jsiru wisq iżjed iġġustifikati meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-aċċettazzjoni tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni tista’ tagħti lok għas-sitwazzjoni fejn il-benefiċċji ta’ manteniment għal perijodu retroattiv tiġi evalwata fir-rigward ta’ liġi li, f’dan il-perijodu, bħala prinċipju ma tkunx applikabbli bħala liġi għal dawn il-benefiċċji fuq il-bażi tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007. Din tista’ tkun liġi li bl-ebda mod ma tkun relatata mas-sitwazzjoni ta’ natura familjari tal-partijiet involuti fl-obbligu ta’ manteniment għal dan il-perijodu. Dan ikun l-istess dritt għad-dispożizzjoni taż-żewġ partijiet involuti f’dan l-obbligu li dawn tal-aħħar ma kinux jistgħu jipprevedu f’dak iż-żmien.

44.

Nixtieq nirrimarka li ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jidhru li jillustraw tali sitwazzjoni. Għalhekk ma hemm ebda indikazzjoni li tippermetti l-konstatazzjoni li, kieku l-minuri ma biddilx ir-residenza abitwali tiegħu u b’riżultat ta’ dan l-avveniment il-qrati Awstrijaċi ma siltux ġurisdizzjoni f’dan ir-rigward ( 18 ), il-liġi Awstrijaka setgħet kienet applikabbli għall-perijodu mill‑1 ta’ Ġunju 2013 sas-27 ta’ Mejju 2015 għall-evalwazzjoni tal-obbligi ta’ manteniment dovuti mill-missier lill-minuri ( 19 ). Lanqas ma jidher li l-liġi Awstrijaka setgħet kienet ġiet magħżula mill-partijiet bħala l-liġi applikabbli għat-tilwim dwar benefiċċji ta’ manteniment ( 20 ).

45.

Għalhekk inqis li huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-ewwel domanda preliminari għandha tiġi analizzata billi f’dan is-sens jittieħdu inkunsiderazzjoni metodi ta’ interpretazzjoni minbarra l-metodu ta’ interpretazzjoni litterali.

46.

Għaldaqstant ma naħsibx li wieħed għandu jieqaf mal-analiżi tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 4/2009. B’hekk huma effettivament jiddeterminaw il-qorti jew qrati ta’ liema Stat li jisiltu ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ każ speċifiku. Għalhekk ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni indirettament jindikaw il-legis fori fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007.

b)   Interpretazzjoni sistematika

1) Kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 fil-kuntest ta’ regoli oħra previsti minn dan il-protokoll

47.

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet magħmula fil-punti 39 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jeħtieġ li jiġi indikat li fit-test tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 ma hemm ebda indikazzjoni li tippermetti konstatazzjoni inekwivoka dwar f’liema sitwazzjonijiet tista’ tapplika tali dispożizzjoni. Indikazzjonijiet ta’ dan it-tip jingħataw biss fl-analiżi tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dan il-protokoll u tar-Regolament Nru 4/2009.

48.

Minn naħa, l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 ma japplikax jekk il-kreditur iressaq talba għal benefiċċji ta’ manteniment quddiem qorti ta’ Stat li fih id-debitur għandu r-residenza abitwali tiegħu. Sitwazzjonijiet bħal dawn jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007. Min-naħa l-oħra meta tilwima dwar manteniment isseħħ quddiem qrati tal-Istat fejn għandu r-residenza abitwali tiegħu l-kreditur, il-legis fori hija l-liġi tal-Istat fejn għandu r-residenza abitwali tiegħu l-kreditur u għalhekk, skont l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007, il-liġi essenzjalment applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment. Għalhekk, f’dawn il-każijiet ma tirriżultax l-applikazzjoni sussidjarja tal-legis fori fuq il-bażi tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007.

49.

Dan ifisser li l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 għandu kamp ta’ applikazzjoni relattivament ristrett. Din id-dispożizzjoni tista’ tirriżulta meta tilwima dwar obbligi ta’ manteniment tinstema’ quddiem qorti ta’ Stat minbarra l-Istat li fih għandu r-residenza abitwali tiegħu sew id-debitur (fejn hawnhekk ikun applikabbli l-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007) jew il-kreditur (fejn hawnhekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 ma tkunx xierqa jekk il-legis fori tkun il-liġi tal-Istat li fih għandu r-residenza abitwali tiegħu l-kreditur).

2) Kwistjonijiet marbuta mar-regoli ta’ ġurisdizzjoni fir-Regolament Nru 4/2009

50.

F’tilwim dwar obbligi ta’ manteniment il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati hija ddeterminata mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fir-Regolament Nru 4/2009.

51.

L-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 4/2009 jipprevedi l-ġurisdizzjoni tal-qorti jew qrati tar-residenza abitwali tal-konvenut, indipendentement minn jekk il-konvenut huwiex il-kreditur jew id-debitur, kif ukoll il-qorti tar-residenza abitwali tal-kreditur. Fil-fatt, il-qrati ta’ dawn l-Istati huma fl-aqwa pożizzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet tal-kreditur u r-riżorsi tad-debitur, konformement mal-Artikolu 14 tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007.

52.

Minbarra l-qrati tal-Istat li fih għandha r-residenza abitwali tagħha waħda mill-partijiiet għall-obbligi ta’ manteniment, l-Artikolu 3(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 4/2009 jipprevedi l-possibbiltà ta’ smigħ ta’ tilwim dwar obbligi ta’ manteniment quddiem qrati li skont il-liġi applikabbli fl-Istati fejn jinsabu għandhom ġurisdizzjoni biex jieħdu konjizzjoni fi proċeduri, rispettivament, dwar l-istatus tal-persuni jew dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri “jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċedimenti, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq iċ-ċittadinanza ta’ waħda mill-partijiet” ( 21 ).

53.

Min-naħa tiegħu l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009 jipprevedi ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li miegħu t-tilwima għandha “rabta suffiċjenti” fejn ebda qorti oħra tal-Istati Membri ma jkollha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikoli 3, 4, 5 u 6 ta’ dan ir-regolament. Fil-premessa 16 tar-Regolament Nru 4/2009 huwa spjegat li r-rabta meħtieġa taħt l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament tista’ tirriżulta meta waħda mill-partijiet ikollha ċ-ċittadinanza tal-Istat ta’ din il-qorti. Soluzzjoni simili hija prevista mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 4/2009. Meta l-ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 3, 4 u 5 ta’ dan ir-regolament u ebda qorti ta’ Stat li jkun parti kontraenti mill-Konvenzjoni ta’ Lugano u li ma jkunx Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni fuq il-bażi ta’ din il-konvenzjoni, għandu jkollhom ġurisdizzjoni l-qrati tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza komuni taż-żewġ partijiet.

54.

Taħt ir-Regolament Nru 4/2009 il-partijiet għandhom ċertament il-possibbiltà li jagħżlu l-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi tilwim dwar obbligi ta’ manteniment. Madankollu skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 4/2009 din l-għażla hija ta’ natura limitata u bħala prinċipju tirrigwarda l-qorti jew qrati tal-Istati Membri li b’xi mod għandhom rabta mal-kreditur jew mad-debitur.

55.

Fil-każ tal-partijiet li jagħżlu l-qorti ma hemmx il-biża’ li, fuq il-bażi ta’ regoli ta’ kunflitt ta’ liġi applikabbli fl-Istat li fih tkun sedenti din il-qorti, tista’ tirriżulta liġi li l-applikazzjoni tagħha ma tkunx mistennija minn waħda mill-partijiet. Fil-fatt, meta l-kreditur u d-debitur jaqblu li l-konjizzjoni ta’ tilwim dwar obbligi ta’ manteniment għandha tiġi fdata lil qorti determinata, huma jaċċettaw fl-istess waqt il-possibbiltà li tiġi applikata l-liġi indikata bħala dik li hija xierqa mir-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi fis-seħħ fl-Istat fejn hija sedenti din il-qorti. Dan l-istess argument jista’ jkun applikabbli fir-rigward tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 4/2009, dwar il-ġurisdizzjoni li tirriżulta mill-preżenza tal-konvenut quddiem il-qorti.

56.

Konsegwentement inqis li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jirriżultaw mir-Regolament Nru 4/2009 huma bbażati fuq is-suppożizzjoni li hemm rabta bejn il-benefiċċji ta’ manteniment inkunsiderazzjoni f’tilwima speċifika, u l-Istat li l-qorti tiegħu hija kompetenti għat-teħid ta’ konjizzjoni tagħha. Din ir-rabta għandha tkun minn tal-inqas qrib biżżejjed li tippermetti liż-żewġ partijiet fl-obbligi ta’ manteniment jipprevedu l-Istati li l-qrati tagħhom jistgħu jieħdu konjizzjoni ta’ tilwim dwar il-benefiċċji kkonċernati ( 22 ).

57.

Dan ifisser li permezz tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 4/2009, il-liġi tal-Istat li fih tinsab il-qorti, li tista’ tiġi applikata fuq il-bażi tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007, hija l-liġi ta’ dak l-Istat li għandha rabta speċifika mal-benefiċċji ta’ manteniment mitluba fi proċedura partikolari.

3) Kwistjonijiet marbuta mar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007

58.

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007, il-liġi essenzjalment applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment hija l-liġi tal-Istat li fih il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu. Din hija l-liġi tal-Istat marbut mill-qrib mal-obbligu ta’ manteniment inkwantu tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kundizzjonijiet ta’ għixien tal-kreditur fil-post fejn il-benefiċċji ta’ manteniment iservu biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tiegħu. Nikkondividi l-pożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż li jargumenta li l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 juri wkoll li teżisti rabta bejn il-liġi applikabbli u s-sitwazzjoni li minnha jirriżulta d-dritt tal-kreditur għall-benefiċċji ta’ manteniment. Ġaladarba l-kreditur ibiddel il-post ta’ residenza abitwali tiegħu, fatturi li jkollhom effett fuq il-bżonnijiet tiegħu, li l-benefiċċji ta’ manteniment ikunu jissodisfaw, ukoll ikunu suġġetti għal bidla. Permezz tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 bidla f’dawn il-fatturi hija riflessa fuq l-indikazzjoni tal-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment.

59.

L-analiżi tal-Artikolu 4(3) u (4) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 tasal għal konklużjonijiet simili inkwantu jipprevedu rispettivament l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat tal-post ta’ residenza abitwali tad-debitur u l-applikazzjoni tal-liġi personali komuni għall-kreditur u d-debitur (rabta ta’ ċittadinanza). L-Istat li fih id-debitur għandu r-residenza abitwali tiegħu għandu rabta mas-sitwazzjoni tal-għixien tal-partijiet fl-obbligu ta’ manteniment mill-inqas sa fejn dan jirrigwarda l-possibbiltà li d-debitur jissodisfa l-ħtiġijiet tal-kreditur. Min-naħa tal-liġi tal-Istat taċ-ċittadinanza komuni tal-partijiet, li dwarha jagħmel riferiment l-Artikolu 4(4) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007, din ma għandhiex ikollha rabta mas-sitwazzjoni tal-għixien attwali tal-partijiet. Madankollu din għadha tiġi indikata bħala applikabbli fuq il-bażi ta’ ċerti ċirkustanzi stabbiliti li hija ġeneralment magħrufa miż-żewġ partijiet fl-obbligu ta’ manteniment u li hija marbuta mas-sitwazzjoni familjari tagħhom.

60.

Barra minn hekk din l-għażla tal-liġi applikabbli fuq il-bażi tal-Artikolu 8 tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 hija limitata għal-liġi tal-Istati li b’ċertu mod huma marbuta mas-sitwazzjoni familjari tal-partijiet fl-obbligu ta’ manteniment ( 23 ). Madankollu fl-eventwalità tal-għażla tal-liġi applikabbli ma jkunx hemm il-biża’ li l-liġi applikabbli tkun liġi li l-applikazzjoni tagħha l-partijiet ma setgħux jipprevedu. Għalhekk fil-każ ta’ għażla tal-liġi applikabbli din ir-rabta ma għandhiex tkun daqstant b’saħħitha bħal dik li fuqha huma bbażati r-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi msemmija fl-Artikoli 3 u 4 tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007.

61.

Għalhekk l-interpretazzjoni sistematika tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi li jinsabu fil-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 twassal għall-konklużjoni li, similarment għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 4/2009, dawn huma bbażati fuq il-premessa li l-liġi applikabbli għall-għoti ta’ manteniment għandha tkun indikata bħala applikabbli bl-għajnuna ta’ elementi li b’ċertu mod huma marbuta mas-sitwazzjoni fattwali li magħha huma relatati l-benefiċċji ta’ manteniment, b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ din il-liġi tkun prevedibbli għall-partijiet fl-obbligu ta’ manteniment inkwistjoni.

c)   Interpretazzjoni teleoloġika

62.

Sussegwentement jeħtieġ għaldaqstant li tingħata risposta għall-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat li ma huwiex marbut b’mod importanti mas-sitwazzjoni fattwali li għaliha jirreferu l-benefiċċji ta’ manteniment ikkonċernati tikkontradixxix l-għan imfittex mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni u ta’ kunflitt ta’ liġi li japplikaw għall-obbligi ta’ manteniment.

1) Il-faċilitazzjoni ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja bħala għan tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 4/2009

63.

Fid-dawl tal-premessa 15 tar-Regolament Nru 4/2009, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni ta’ dan ir-regolament kellhom bħala għan li jadattaw ir-regoli tas-sistema ta’ Brussell sabiex jipproteġu l-interessi tal-kredituri tal-manteniment u jiffaċilitaw l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea.

64.

Fis-sentenza Sanders u Huber ( 24 ), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tispeċifika li l-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ma għandux jinftiehem biss mill-perspettiva ta’ ottimizzazzjoni tal-organizzazzjoni ġudizzjarja, iżda wkoll fid-dawl tal-interess tal-partijiet, kemm fir-rigward tal-applikant kif ukoll fir-rigward tal-konvenut, li għandhom ikollhom il-possibbiltà li jibbenefikaw, b’mod partikolari, minn aċċess iffaċilitat għall-ġustizzja u minn prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni.

65.

F’dan ir-rigward, il-pożizzjoni espressa mill-Avukat Ġenerali Jääskinen f’silta mill-konklużjonijiet tiegħu li għaliha rreferiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-silta mis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, hija iktar u iktar ċara. Fil-fatt dan l-Avukat Ġenerali osserva li l-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-partijiet fil-proċedura tirrikjedi li tiġi żgurata prevedibbiltà tal-ġurisdizzjoni permezz tal-istabbiliment ta’ rabta stretta bejn il-qorti u t-tilwima ( 25 ).

66.

Fis-sentenza A ( 26 ), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll indirettament il-ħtieġa ta’ rabta bejn is-sitwazzjoni fattwali wara t-tilwima dwar obbligi ta’ manteniment u d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni. Fid-deċiżjoni dwar jekk il-kwistjoni dwar obbligi ta’ manteniment lejn minuri għandhiex tiġi eżaminata minn qorti ta’ Stat Membru li tieħu konjizzjoni ta’ proċeduri dwar separazzjoni jew ix-xoljiment taż-żwieġ tal-ġenituri ta’ dan il-minuri jew quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor li tieħu konjizzjoni ta’ proċeduri dwar responsabbiltà parentali lejn dan il-minuri, il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet din it-tieni possibbiltà. Fost ir-raġunijiet li jiġġustifikaw din il-pożizzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-qorti li tkun qed tiddeċiedi dwar responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-minuri jkollha għarfien aħjar ta’ liema huma ċ-ċirkustanzi rilevanti għall-evalwazzjoni tat-talba tiegħu għall-benefiċċji ta’ manteniment ( 27 ).

67.

Ir-regoli dwar ġurisdizzjoni li jinsabu fir-Regolament Nru 4/2009, anki fid-dawl tal-konklużjonijiet li jirriżultaw minn interpretazzjoni teleoloġika, jidhru li huma bbażati fuq il-premessa li kwistjoni dwar benefiċċji ta’ manteniment għandha tkun eżaminata mill-qorti jew qrati ta’ dak l-Istat li fih il-kwistjoni kkonċernata turi rabta tali li tkun tippermetti lill-ġurisdizzjoni internazzjonali tkun prevedibbli għall-partijiet fl-obbligi ta’ manteniment.

2) L-għan tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007

68.

Wieħed mill-għanijiet fundamentali tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi huwa l-garanzija tal-prevedibbiltà tal-liġi applikabbli għall-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni fattwali speċifika. Għaldaqstant, dawn ir-regoli jistgħu jissodisfaw din il-funzjoni b’mod partikolari fejn il-liġi ta’ Stat speċifiku tiġi indikata bħala applikabbli bl-għajnuna ta’ ċirkustanzi li b’xi mod ikunu konnessi mas-sitwazzjoni fattwali.

69.

Madankollu t-titolu tal-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 ma jħallix dubji fir-rigward tar-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fis-sistema ta’ regoli ta’ kunflitt ta’ liġi li jinsabu fil-Protokoll. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ġiet intitolata “[r]egoli speċjali li jiffavorixxu lil ċerti kredituri”. Din issib applikazzjoni biss fir-rigward ta’ xi wħud mill-obbligi ta’ manteniment ( 28 ), inklużi l-pretensjonijiet ta’ obbligi tal-ġenituri fil-konfront tat-tfal. Għalhekk l-għan tal-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 indubbjament kien li jiggarantixxi lil ċerti kredituri l-possibbiltà li jiksbu benefiċċji ta’ manteniment, minkejja li l-liġi applikabbli bħala prinċipju għall-evalwazzjoni ta’ dawn il-benefiċċji ma tipprevedix dan.

70.

Madankollu ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 kjarament juru intenzjoni li jinżamm l-ekwilibriju bejn l-interessi tal-partijiet ikkonċernati mill-obbligi ta’ manteniment. Għalkemm dawn ir-regoli essenzjalment ma jirrigwardawx benefiċċji ta’ manteniment dovuti lit-tfal mill-ġenituri, madankollu dawn japplikaw fir-rigward ta’ kredituri privileġġati oħra, imsemmija mill-Artikolu 4(1) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal‑2007 meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tapplika wkoll għal dawn il-każijiet. Għaldaqstant ma nemminx li fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) ta’ dan il-protokoll għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-kuntest tal-kawża prinċipali.

71.

Pereżempju l-Artikolu 6 tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 jippermetti lid-debitur jikkontesta t-talba tal-kreditur fejn l-obbligi ta’ manteniment ma jeżistux la fil-liġi tal-Istat ta’ residenza abitwali tad-debitur, u lanqas fil-liġi tal-Istat taċ-ċittadinanza komuni tal-partijiet, jekk ikun hemm. Min-naħa tiegħu l-Artikolu 8(5) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 jipprevedi li l-liġi magħżula ma tapplikax jekk l-applikazzjoni tagħha tkun tista’ twassal effettivament għal konsegwenzi inġusti jew irraġonevoli għal waħda mill-partijiet, dejjem sa fejn fil-mument tal-għażla tal-liġi l-partijiet ġew informati bis-sħiħ u huma konxji tal-konsegwenzi tal-għażla tagħhom.

72.

Għaldaqstant ma naħsibx li l-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 jistrieħ fuq is-suppożizzjoni li fi kwalunkwe każ allegatament għandu jiġi pprivileġġat il-kreditur tal-manteniment fil-konfront tad-debitur, irrispettivament mill-effetti ta’ tali azzjoni. Għal din ir-raġuni, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma tidhirx li hija ġġustifikata fid-dawl ta’ interpretazzjoni teleoloġika.

d)   Interpretazzjoni storika

73.

L-argumenti favur il-ħtieġa li jkun hemm relazzjoni bejn is-sitwazzjoni tal-għixien u l-liġi applikabbli fir-rigward tagħha huma ssostanzjati wkoll mill-materjal leġiżlattiv li jirrigwarda r-Regolament Nru 4/2009.

74.

Wieħed mill-għanijiet li jridu jintlaħqu mix-xogħlijiet imwettqa b’rabta mar-Regolament Nru 4/2009 kien, minbarra s-semplifikazzjoni tal-ħajja taċ-ċittadini u li tiġi żgurata l-effettività tal-eżekuzzjoni tal-benefiċċji ta’ manteniment, li tiġi msaħħa ċ-ċertezza legali ( 29 ). Huwa mistenni li r-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi għandhom ikunu mfassla b’mod li l-qrati jiddeċiedu fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt sostantiv, li jkollhom “rabtiet mill-aktar stretti ma’ l-affari”, u mhux “bl-applikazzjoni ta’ liġi nieqsa minn rabta suffiċjenti mas-sitwazzjoni tal-familja inkwistjoni” ( 30 ).

75.

Din il-premessa kienet riflessa fil-Proposta għal Regolament Nru 4/2009 li, kważi sa tmiem il-ħidma leġiżlattiva, kienet tinkludi regoli ta’ kunflitt ta’ liġi li jirreferu għall-idea ta’ rabta mill-qrib bejn sitwazzjoni fattwali speċifika u l-Istat li l-liġi tiegħu hija applikabbli għall-evalwazzjoni tagħha ( 31 ).

76.

Għandu jingħad li finalment ma ġewx inklużi r-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi fir-Regolament Nru 4/2009 nnifsu u ġie deċiż li dawn jiġu armonizzati bl-użu ta’ strument ta’ ftehim. Madankollu ma nqisx li l-leġiżlatur tal-Unjoni mar lura fuq il-premessi inizjali tiegħu u li ddeċieda li jintegra l-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 fis-sistema ta’ regoli ta’ kunflitt ta’ liġi tal-Unjoni, minkejja l-fatt li l-Protokoll ma huwiex ibbażat fuq il-premessa ta’ ħtieġa ta’ rabta bejn is-sitwazzjoni fattwali li minnha l-kreditur jislet id-dritt tiegħu għal benefiċċji ta’ manteniment u l-Istat li l-liġi tiegħu hija applikabbli għall-evalwazzjoni tagħha. Il-leġiżlatur tal-Unjoni iddeċieda pjuttost li l-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 jissodisfa dawn l-aspettattivi. Fil-fatt fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet spjegajt li r-raġuni prinċipali li wasslet lil-leġiżlatur tal-Unjoni jirrikorri għal strument ta’ ftehim kienet marbuta mad-diffikultajiet fin-negozjati u mal-adozzjoni ta’ regolament li jkopri regoli ta’ kunflitt ta’ liġi relatati mal-obbligi ta’ manteniment.

e)   Konklużjonijiet dwar l-ewwel domanda preliminari

77.

Fid-dawl tal-argumenti magħmula iktar ’il fuq, b’riferiment għar-riżultati insodisfaċenti tal-użu ta’ interpretazzjoni litterali u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet univoċi li jirriżultaw minn interpretazzjoni sistematika (sostnuta minn interpretazzjoni storika) liema konklużjonijiet ma humiex ikkontestati mill-interpretazzjoni teleoloġika, inqis li r-regoli ta’ kunflitt tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 huma bbażati fuq il-premessa li l-liġi applikabbli għall-evalwazzjoni tal-benefiċċji ta’ manteniment għandha tkun il-liġi tal-Istat li għandu rabta mas-sitwazzjoni fattwali li magħha huwa relatat il-benefiċċju minn tal-inqas fuq livell fejn il-kreditur u d-debitur ikollhom aspettattivi li din il-liġi tkun applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment.

78.

Peress li l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 jipprevedi applikazzjoni sussidjarja tal-legis fori, din għandha tkun il-liġi tal-Istat li għandha jew li, fir-rigward ta’ benefiċċji ta’ manteniment retroattivi mitluba wara l-bidla fir-residenza abitwali tal-kreditur, kellha, rabta mas-sitwazzjoni fattwali li minnha l-kreditur jislet id-dritt tiegħu għall-benefiċċji ta’ manteniment. Tista’ taspira għal dan ir-rwol il-liġi tal-Istat li l-qrati tiegħu kienu kompetenti biex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwim dwar benefiċċji ta’ manteniment għall-perijodu marbut ma’ dawn il-benefiċċji.

79.

Jekk jitqies li permezz tas-sempliċi determinazzjoni tal-ligi applikabbli billi tiġi speċifikata bħala “legis fori” ma tiġix iddeterminata direttament l-eżistenza ta’ rabta bejn din il-liġi u sitwazzjoni fattwali speċifika, din il-ħtieġa tal-eżistenza ta’ din ir-rabta tista’ tirriżulta minn applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 4/2009. Kif ġie sostnut, min-naħa tagħhom dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni huma bbażati fuq il-premessa li t-tilwim dwar benefiċċji ta’ manteniment jinstema’ quddiem il-qrati tal-pajjiż li għandu rabta ma’ dawn il-benefiċċji ta’ manteniment.

80.

F’dan is-sens, l-ewwel nett, għandha tkun applikabbli l-liġi li hija l-eqreb għas-sitwazzjoni tal-għixien li fiha l-benefiċċji ta’ manteniment kellhom iservu sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-kreditur. Għaldaqstant din tirrifletti l-iktar fedelment iċ-ċirkustanzi sinjifikanti fil-kuntest tal-obbligu ta’ manteniment b’mod partikolari l-kundizzjonijiet ta’ ħajja tal-kreditur u l-bżonnijiet li jirriżultaw f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riżorsi tad-debitur innifsu jew, b’mod iktar ġenerali, is-sitwazzjoni familjari tal-partijiet f’tali obbligu ta’ manteniment. L-evalwazzjoni tal-fondatezza tat-talba għal benefiċċji ta’ manteniment retroattivi għandha, bħala regola ġenerali, issir b’mod hekk imsejjaħ retrospettiv fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-mument li fih il-benefiċċji ta’ manteniment kellhom iservu sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-kreditur. Madankollu, f’dan ir-rigward, jekk dan huwiex il-każ jiġi deċiż b’mod definittiv mil-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment u mid-dispożizzjonijiet proċedurali tal-qorti adita.

81.

It-tieni nett, permezz ta’ dan, ir-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi jilħqu l-għan essenzjali tagħhom li hu li tiġi żgurata l-prevedibbiltà tal-liġi applikabbli għall-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni fattwali speċifika.

82.

B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan, nipproponi li, billi jittieħed kont tas-suġġeriment tiegħi intiż sabiex tiġi rriformulata l-ewwel domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja: l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-legis fori għandha tapplika meta l-kreditur jitlob manteniment mingħand id-debitur għal perijodu preċedenti, sa fejn 1) dan il-kreditur ippreżenta l-azzjoni tiegħu għal manteniment fi Stat minbarra dak tar-residenza abitwali tad-debitur; 2) il-kreditur ma jistax jikseb benefiċċji ta’ manteniment mingħand id-debitur skont il-liġi tal-Istat ta’ residenza abitwali tiegħu, indikata bħala applikabbli taħt l-Artikolu 3(1) u (2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007; 3) il-legis fori tikkorrispondi għal-liġi tal-Istat li l-qrati tiegħu kellhom ġurisdizzjoni għall-finijiet ta’ teħid ta’ konjizzjoni tat-tilwima dwar benefiċċji ta’ manteniment matul il-perijodu relatat magħhom. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi dawn iċ-ċirkustanzi.

D. Fuq it-tieni domanda preliminari

83.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, ifformulata fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tkun tixtieq tiddetermina l-mod li bih għandu jiġi interpretat l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-legis fori għandha tapplika jekk il-kreditur “ma jkunx jista’, minħabba fil-liġi msemmija fl-Artikolu 3 [ta’ dan il-protokoll], jikseb manteniment mingħand id-debitur”.

84.

Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin jistgħu jirriżultaw rilevanti għall-qorti tar-rinviju, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti risposta għat-tieni domanda preliminari.

85.

Fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari l-qorti tar-rinviju tindika li mill-perspettiva tad-dritt Ġermaniż ma huwiex aċċettabbli li l-qorti tippermetti benefiċċji ta’ manteniment għal perijodu li jippreċedi t-talba għalihom. L-Artikolu 1613 BGB jiddetermina l-eċċezzjonijiet għal dan. Fil-paragrafu 1 ta’ dawn l-eċċezzjonijiet hemm sitwazzjonijiet fejn id-debitur ikun ġie intimat jipprovdi informazzjoni dwar id-dħul u l-assi tiegħu għal skopijiet ta’ pretensjonijiet ta’ manteniment, jew dwar jekk humiex pendenti ħlasijiet jew tilwim minħabba pretensjonijiet ta’ manteniment. F’dan il-kuntest il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-pretensjonijiet ta’ manteniment inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżultaw iżda l-kreditur ma intimax lid-debitur b’mod li d-debitur ikollu jħallas.

86.

B’riferiment għar-rapport ta’ A. Bonomi, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jadottaw pożizzjoni komuni f’dan ir-rigward u jesprimu ruħhom favur interpretazzjoni wiesgħa tal-premessi ta’ nuqqas ta’ possibbiltà għall-kisba ta’ manteniment imsemmija fl-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007.

87.

Fil-punt 61 tar-rapport ta’ A. Bonomi huwa spjegat li l-formulazzjoni “ma jkunx jista’ […] jikseb manteniment mingħand id-debitur” tinkludi mhux biss sitwazzjonijiet fejn il-liġi normalment applikabbli ma tipprovdi ebda benefiċċju ta’ manteniment, iżda wkoll sitwazzjonijiet fejn in-nuqqas ta’ possibbiltà li jinkisbu dawn il-benefiċċji jirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza ta’ rekwiżiti legali. F’dan ir-rapport dan huwa spjegat b’eżempju li jirreferi għad-dispożizzjoni li tipprevedi l-iskadenza ta’ obbligu ta’ manteniment wara li l-minuri jagħlaq 18‑il sena.

88.

Jeħtieġ li jiġi osservat li l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 jikkorrispondi mar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1973 ( 32 ). L‑Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni kien jippermetti wkoll l-applikazzjoni tal-legis fori fejn il-kreditur ma kienx jista’ jikseb benefiċċji ta’ manteniment mid-debitur fuq il-bażi tal-liġi tal-Istat ta’ residenza abitwali tal-kreditur jew tal-liġi tal-Istat ta’ ċittadinanza komuni għall-partijiet.

89.

Fil-preambolu tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 jsir barra minn hekk riferiment għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1973. Mill-inqas sa ċertu punt id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni kellhom għaldaqstant iservu bħala ispirazzjoni għar-regoli tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007.

90.

Fil-punt 145 tar-rapport ta’ spjega dwar il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1973 imfassal minn M. Verwilghen ( 33 ), huwa indikat li skont l-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni n-nuqqas ta’ konformità ma’ wieħed mir-rekwiżiti legali previsti mil-liġi applikabbli kien jippermetti l-applikazzjoni tal-legis fori. Din ir-rimarka ġenerali kienet tinkludi eżempju li jirreferi għal dispożizzjoni tal-liġi applikabbli li ma tipprevedix obbligi ta’ manteniment bejn partijiet f’relazzjoni ta’ adozzjoni, sa fejn il-persuna adottata ma tkunx kisret ir-rabtiet tagħha mal-familja bijoloġika tagħha.

91.

Kemm ir-rapport ta’ A. Bonomi kif ukoll dak ta’ M. Verwilghen jaċċettaw li n-nuqqas ta’ konformità ma’ rekwiżit legali li għalih hija suġġetta l-possibbiltà effettiva li jintalbu benefiċċji ta’ manteniment mingħand id-debitur tippermetti l-applikazzjoni tal-legis fori għall-finijiet tal-obbligi ta’ manteniment.

92.

Fl-istess waqt, interpretazzjoni wiesgħa tar-rekwiżit li kreditur “ma jkunx jista’ […] jikseb manteniment mingħand id-debitur” tirrifletti r-ratio legis tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007, li huwa li jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn il-kreditur li jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni ma jkunx f’pożizzjoni li jikseb mezzi ta’ sussistenza.

93.

Fil-kawża prinċipali n-nuqqas ta’ possibbiltà li jinkisbu benefiċċji ta’ manteniment taħt id-dritt Ġermaniż jirriżulta min-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni speċifika mill-kreditur li tikkostitwixxi rekwiżit legali għat-talba ta’ dawn il-benefiċċji b’mod retroattiv. Madankollu, xejn ma jindika li l-każ ta’ aġir passiv tal-kreditur ma huwiex kopert mill-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 hekk biex sa ċertu punt jiġi ssanzjonat in-nuqqas ta’ azzjonijiet speċifiċi mill-kreditur konformement mal-liġi ġeneralment applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment.

94.

Barra minn hekk l-adozzjoni ta’ interpretazzjoni wiesgħa tar-rekwiżit ta’ nuqqas ta’ possibbiltà ta’ kisba ta’ benefiċċji ta’ manteniment imsemmi fl-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 diffiċilment tista’ titqies bħala turija ta’ privileġġ eċċessiv tal-kreditur. Jeżistu żewġ argumenti favur din il-pożizzjoni.

95.

L-ewwel nett, f’dan ir-rigward iż-żamma ta’ bilanċ bejn l-interessi taż-żewġ partijiet huwa possibbli permezz tal-Artikolu 6 tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007. Din id-dispożizzjoni tippermetti li tiġi kkontestata pretensjoni tal-kreditur fil-każ fejn l-obbligu ta’ manteniment, minbarra l-obbligu lejn it-tfal li jirriżulta mir-relazzjoni bejn ġenituri u tfal ( 34 ), “ma jeżistix” la skont il-liġi tal-Istat ta’ residenza abitwali tad-debitur u lanqas skont il-liġi tal-Istat komuni għaċ-ċittadinanza tal-partijiet, jekk ikun hemm waħda. Minkejja l-istruttura kategorika ta’ din id-dispożizzjoni li tidher li tirreferi għall-każijiet ta’ “ineżistenza” ta’ obbligi ta’ manteniment, il-punt 108 tar-rapport ta’ A. Bonomi jippreċiża li dan ir-rekwiżit għandu jinftiehem fl-istess sens bħal dak li jirriżulta mill-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007. Peress li r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 għandu jiġi interpretat b’mod estensiv, f’dan l-istess sens għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 6 ta’ dan il-protokoll.

96.

It-tieni nett, ir-risposta li pproponejt fl-ewwel domanda preliminari tillimita wkoll il-possibbiltà ta’ abbuż ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-premessi dwar nuqqas ta’ possibbiltà ta’ kisba ta’ benefiċċji ta’ manteniment mid-debitur. L-azzjonijiet adottati mill-kreditur hekk sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni tal-qorti jew tal-qrati ta’ Stat speċifiku għal dan il-għan sabiex sussegwentement tiġi applikata l-liġi ta’ dak l-Istat fuq il-bażi tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 madankollu ma jipproduċux l-effett mixtieq jekk il-qrati kkonċernati ma kellhomx ġurisdizzjoni sa dak il-mument biex jieħdu konjizzjoni tat-tilwima kkonċernata.

97.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq nipproponi li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għat-tieni domanda preliminari, hija tagħti r-risposta li ġejja għal din id-domanda: l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal-2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “ma jkunx jista’ […] jikseb manteniment” li tinsab f’din id-dispożizzjoni tirreferi wkoll għall-każijiet fejn id-dritt tal-post ta’ residenza preċedenti tal-kreditur ma jipprevedix il-possibbiltà effettiva li jinkiseb kreditu ta’ manteniment b’mod retroattiv sempliċement għaliex ċerti kundizzjonijiet legali, bħal dawk previsti fl-Artikolu 1613(1) BGB, ma jkunux issodisfatti.

VI. Konklużjonijiet

98.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti li ġejjin għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija):

1)

L-Artikolu 4(2) tal-Protokoll dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/941/KE tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-legis fori għandha tapplika meta l-kreditur jitlob manteniment mingħand id-debitur għal perijodu preċedenti, sa fejn 1) dan il-kreditur ippreżenta l-azzjoni tiegħu għal manteniment fi Stat minbarra dak tar-residenza abitwali tad-debitur; 2) il-kreditur ma jistax jikseb benefiċċji ta’ manteniment mingħand id-debitur skont il-liġi tal-Istat ta’ residenza abitwali tiegħu, indikata bħala applikabbli taħt l-Artikolu 3(1) u (2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007; 3) il-legis fori tikkorrispondi għal-liġi tal-Istat li l-qrati tiegħu kellhom ġurisdizzjoni għall-finijiet ta’ teħid ta’ konjizzjoni tat-tilwima dwar benefiċċji ta’ manteniment matul il-perijodu relatat magħhom. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi dawn iċ-ċirkustanzi.

2)

L-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “ma jkunx jista’ […] jikseb manteniment” li tinsab f’din id-dispożizzjoni tirreferi wkoll għall-każijiet fejn id-dritt tal-post ta’ residenza preċedenti ma jipprevedix kreditu ta’ manteniment b’mod retroattiv sempliċement għaliex ċerti kundizzjonijiet legali ma jkunux issodisfatti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Pollakk

( 2 ) It-test tal-Protokoll huwa anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/941/KE tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment (ĠU 2009, L 331, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Den Haag tal-2007”).

( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1; rettifika ĠU 2011, L 131, p. 26).

( 4 ) Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Sanders u Huber (C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2461); tas‑16 ta’ Lulju 2015, A (C‑184/14, EU:C:2015:479). Ara wkoll is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2017, W u V (C‑499/15, EU:C:2017:118).

( 5 ) Sentenza tad‑9 ta’ Frar 2017, S. (C‑283/16, EU:C:2017:104).

( 6 ) Konvenzjoni ta’ Brussell tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32).

( 7 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

( 8 ) Ara l-Artikolu 68(1) tar-Regolament Nru 4/2009 kif ukoll il-premessa 44 tal-istess regolament.

( 9 ) Ara l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6) u l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007, L 199, p. 40), li jeskludu mill-kampijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti l-obbligi kuntrattwali u l-obbligi mhux kuntrattwali “li jirriżultaw minn relazzjonijiet familjari u relazzjonijiet meqjusa mil-liġi applikabbli għal tali relazzjonijiet bħala li għandhom effetti komparabbli, inklużi obbligazzjonijiet ta’ manteniment”. Il-Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (ĠU 2005, C 169, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”), li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha essenzjalment kienet tikkorrispondi ma’ dak tar-Regolament Ruma I, kienet teskludi wkoll espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-obbligi kuntrattwali dwar “drittijiet u dmirijiet li jkunu ġejjin minn relazzjoni familjari, parentela, żwieġ jew affinità, inklużi obbligi ta’ manteniment fir-rigward ta’ tfal illeġittimi” (it-tielet inċiż tal-Artikolu 1(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma).

( 10 ) Il-Proposta tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2005 għal regolament tal-Kunsill dwar il-kompetenza, il-liġi applikabbli, l-għarfien u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment (COM (2005) 649 finali, proċedura Nru 2005/0259 (CNS), iktar ’il quddiem il-“Proposta għal Regolament Nru 4/2009”) kienet tinkludi Kapitolu III, intitolat “Liġi applikabbli” li fiha kien hemm sensiela ta’ dispożizzjonijiet relatati mal-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment (Artikoli 12 sa 21 tal-Proposta għal Regolament).

( 11 ) Župan, M., “Innovations of the 2007 Hague Maintenance Protocol”, Beaumont, P., Hess, B., Walker, L., Spancken, S. (ed.), The Recovery of Maintenance in the EU and Worldwide, Oxford – Portland, Hart Publishing 2014, p. 313. L-inklużjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u ta’ kunflitt ta’ liġi f’żewġ atti ġuridiċi separati tippermetti lil ċerti Stati Membri jaderixxu mar-Regolament Nru 4/2009 mingħajr ma jkollhom jimpenjaw lilhom infushom japplikaw ir-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi tal-Protokoll ta’ Den Haag tal-2007 (ara Beaumont, P., “International Family Law in Europe – the Maintenance Project, the Hague Conference and the EC: A Triumph of Reverse Subsidiarity”, Rabels Zeitschrift für ausländisches und internationales Privatrecht, 2009, Band 73, Heft 3, p. 514). Dan huwa wkoll il-każ tar-Renju Unit, li finalment aderixxa mar-Regolament Nru 4/2009, iżda li xorta ma hijiex parti fil-Protokoll ta’ Den Haag tal-2007.

( 12 ) Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 13 ) Ara l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 4/2009. Għal iktar tagħrif dwar il-kwistjoni tal-inklużjoni tar-regoli li jirriżultaw minn ftehim fis-sistema ta’ regoli ta’ kunflitt tad-dritt tal-Unjoni, ara de Miguel Asensio, P.A., Bergé, J.S., “The Place of International Agreements and European Law in a European Code of Private International Law”, Fallon, M., Lagarde, P., Poillot Peruzzetto, S. (dir.), Quelle architecture pour un code européen de droit international privé?, Frankfurt am Main, Peter Lang 2011, p. 187 et seq.

( 14 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

( 15 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Bogiatzi (C‑301/08, EU:C:2009:649, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Rapport ta’ spjega ta’ A. Bonomi dwar il-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007, Actes et documents de la Vingt et unième session de la Conférence de La Haye (2007), disponibbli wkoll fil-verżjoni elettronika: https://www.hcch.net/fr/publications-and-studies/details4/?pid=4898&dtid=3.

( 17 ) Jeħtieġ li fl-istess waqt jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konstatazzjoni li l-kisba jew it-telf ta’ ċittadinanza mid-debitur jew mill-kreditur tat lok għal effetti retroattivi jista’ jwassal għal soluzzjonijiet mhux favorevoli għall-kreditur. Għalhekk, l-Artikolu 6 tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 jippermetti li d-debitur jikkontesta t-talba tal-kreditur fejn “ma hemmx” obbligi ta’ manteniment la skont il-liġi tal-Istat ta’ residenza abitwali tad-debitur u lanqas, jekk id-debitur u l-kreditur ikollhom ċittadinanza komuni, skont il-liġi tal-Istat taċ-ċittadinanza komuni tagħhom. Jekk bidla fiċ-ċirkustanzi li bl-għajnuna tagħhom tiġi ddeterminata waħda mil-liġijiet applikabbli msemmija f’din id-dispożizzjoni tkun tagħti wkoll lok għal effetti retroattivi, id-debitur, billi jbiddel ir-residenza abitwali jew iċ-ċittadinanza, ikun jista’ jasal iwaqqaf il-pretensjonijiet tal-kreditur anki fir-rigward tal-perijodu li jippreċedi dawn il-bidliet.

( 18 ) Sussidjarjament, nenfasizza wkoll li l-qorti tar-rinviju tindika, permezz tat-talba tagħha tat‑18 ta’ Mejju 2015, li l-kreditur ressaq proċeduri dwar benefiċċji ta’ manteniment quddiem qorti Awstrijaka, filwaqt li huwa kellu r-residenza abitwali tiegħu f’dan l-Istat mit‑28 ta’ Mejju 2015. Għalhekk ma huwiex paċifiku liema hija l-bażi li fuqha l-qorti Awstrijaka siltet il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tal-każ. Madankollu, din iċ-ċirkustanza għandha importanza limitata fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri, inkwantu huwa biss permezz ta’ talba tat‑18 ta’ Mejju 2016, jiġifieri wara l-bidla fir-residenza abitwali, li l-kreditur estenda l-portata tat-talba tiegħu għal benefiċċji ta’ manteniment retroattivi, li huma s-suġġett taż-żewġ domandi preliminari. Għalhekk, fil-każ li l-kreditur ressaq proċeduri separati fir-rigward tal-benefiċċji ta’ manteniment retroattivi, il-qrati Awstrijaki, fil-kapaċità tagħhom bħala qrati tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur, ikollhom mingħajr dubju ġurisdizzjoni biex jieħdu konjizzjoni ta’ dan il-każ fuq il-bażi tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 4/2009.

( 19 ) Ara l-punti 58 u 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet fejn ġew deskritti fil-qosor il-fatturi ta’ rabta tar-regoli ta’ kunflitt li jinsabu fil-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 li permezz tagħhom hija indikata l-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment.

( 20 ) Ara l-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet fejn ġew diskussi r-regoli ta’ kunflitt tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007, li jippermettu li tiġi magħżula l-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment.

( 21 ) F’dan it-tilwim il-ġurisdizzjoni hija ddeterminata fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243). Fir-rigward tal-istatus tal-persuni (id-divorzju, is-separazzjoni legali u l-annullament taż-żwieġ) il-ġurisdizzjoni tal-qorti hija ddeterminata, skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, fuq il-bażi ta’ kriterji li jieħdu inkunsiderazzjoni prinċipalment ir-residenza abitwali attwali jew preċedenti tal-konjuġi jew ta’ wieħed mill-konjuġi, filwaqt li skont il-premessa 12 tal-imsemmi regolament, fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri r-regoli ta’ ġurisdizzjoni huma maħsuba skont l-aħjar interessi tal-wild, b’mod partikolari, il-kriterju ta’ qrubija. Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015A (C‑184/14, EU:C:2015:479, punt 37). Il-kundizzjonijiet marbuta ma’ ġurisdizzjoni li fuqhom hija bbażata l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati f’tilwim dwar divorzju, separazzjoni u annullament taż-żwieġ kif ukoll f’tilwim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri għalhekk jirriflettu wkoll il-preżunzjoni li l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni huma l-qrati ta’ dak l-Istat li fir-rigward tiegħu hemm ċertezza li huwa b’xi mod relatat mas-sitwazzjoni tal-għixien tal-partijiet.

( 22 ) Fil-punt 60 tar-rapport ta’ A. Bonomi jiġi spjegat li l-applikazzjoni tal-legis fori tippermetti lill-qorti kkonċernata tapplika l-liġi l-iktar magħrufa minnha, li mill-perspettiva tal-kreditur tfisser il-possibbiltà ta’ kisba ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji iktar malajr u li jinvolvu inqas spejjeż. Madankollu, kif tosserva wkoll il-Kummissjoni, dawn l-osservazzjonijiet ma jużawx l-istess ġustifikazzjoni tal-applikazzjoni tal-legis fori fiha nnifisha iżda l-prevalenza tar-rabta tal-post ta’ residenza abitwali komuni fuq ir-rabta ta’ ċittadinanza komuni tal-partijiet. Il-legis fori għandha l-vantaġġ fuq il-liġi tal-Istat komuni għaċ-ċittadinanza tal-partijiet peress li, hekk kif tosserva d-duttrina, hija tirrifletti iktar mill-qrib il-kundizzjonijiet ta’ għixien tal-partijiet fl-obbligi ta’ manteniment. Ara Walker, L. Maintenance and Child Support in Private International Law, Oxford – Portland, Hart Publishing 2015, p. 81.

( 23 ) F’ċirkustanzi bħal dawk tal-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju, l-għażla tal-liġi applikabbli ċertament tkun tqiegħdet inkwistjoni mill-Artikolu 8(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 li jeskludi l-possibbiltà ta’ għażla ta’ liġi għall-“obbligi ta’ manteniment fir-rigward ta’ persuna taħt l-età ta’ 18-il sena”. Il-possibbiltà ta’ għażla tal-legis fori bħala liġi applikabbli għall-ħtiġijiet ta’ proċeduri speċifiċi, prevista fl-Artikolu 7 tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 hija limitata, min-naħa tagħha, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4/2009 li fuq il-bażi tagħhom huma identifikati l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni għal proċedimenti speċifiċi. Sussidjarjament, nenfasizza li fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 4/2009, qorti ta’ kull Stat Membru jista’ jkollha ġurisdizzjoni jekk il-konvenut jidher quddiem tali qorti. Għandi dubji dwar liema effetti l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri jkollha fuq il-livell ta’ kunflitt ta’ liġi, li kieku l-liġi ta’ dan l-Istat Membru kellha sussegwentement tiġi applikata fuq il-bażi tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007. Nosserva wkoll li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-preżenza tal-konvenut u l-applikazzjoni sussegwenti tal-legis fori skont l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 b’ċertu mod tkun kuntrarja għall-projbizzjoni tal-għażla tal-liġi applikabbli msemmija fl-Artikolu 8(3) ta’ dan il-protokoll.

( 24 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2461, punt 29).

( 25 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawżi magħquda Sanders u Huber (C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2171, punt 69).

( 26 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015 (C‑184/14, EU:C:2015:479).

( 27 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, A (C‑184/14, EU:C:2015:479, punt 44).

( 28 ) Ara l-Artikolu 4(1)(a) sa (c) tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007.

( 29 ) Espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Regolament Nru 4/2009 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10), punt 1.2.2, p. 5.

( 30 ) Espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Regolament Nru 4/2009, punt 1.2.2, p. 6.

( 31 ) Mingħajr ma nsemmi hawnhekk id-destin ulterjuri tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi li kellhom jirriżultaw fir-Regolament ser nillimita ruħi nfakkar l-Artikolu 13(3) tal-Proposta għal Regolament Nru 4/2009. Din id-dispożizzjoni kienet tipprevedi applikazzjoni sussidjarja tal-liġi tal-Istat marbut mill-qrib mal-obbligi ta’ manteniment jekk bis-saħħa tal-liġijiet indikati konformement ma’ regoli ta’ kunflitt ta’ liġi oħrajn kreditur ma jkunx jista’ jikseb benefiċċji ta’ manteniment mingħand id-debitur.

( 32 ) Konvenzjoni ta’ Den Haag tat‑2 ta’ Ottubru 1973 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1973”), disponibbli fil-verżjoni elettronika: https://www.hcch.net/en/instruments/conventions/full-text/?cid=86.

( 33 ) Verwilghen, M., Rapport explicatif sur les Conventions-Obligations alimentaires de 1973, Actes et documents de la Douzième session de la Conférence de La Haye (1972), t. IV, Obligations alimentaires, p. 384-465, disponibbli ukoll fil-verżjoni elettronika bil-Franċiż u bl-Ingliż https://www.hcch.net/en/publications-and-studies/details4/?pid=2946

( 34 ) L-Artikolu 6 tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 lanqas ma għandu japplika għall-obbligi ta’ manteniment bejn konjuġi, ex konjuġi jew persuni li ż-żwieġ tagħhom ġie annullat. Madankollu, id-dritt speċifiku ta’ kontestazzjoni disponibbli għall-partijiet f’dawn il-kategoriji ta’ obbligi kien previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007.

Top