Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0049

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-22 ta’ Frar 2018.
    Koppers Denmark ApS vs Skatteministeriet.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Østre Landsret.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u fuq l-elettriku – Artikolu 21(3) – Fatt taxxabbli – Konsum ta’ prodotti ta’ enerġija fiż-żona tal-istabbiliment li jipproduċi prodotti ta’ enerġija – Prodotti ta’ enerġija użati f’modi differenti milli bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli – Konsum ta’ solvent bħala karburant f’installazzjoni tad-distillazzjoni tal-qatran.
    Kawża C-49/17.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:93

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fit-22 ta’ Frar 2018 ( 1 )

    Kawża C‑49/17

    Koppers Denmark ApS

    vs

    Skatteministeriet

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka))

    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u fuq l-elettriku – Direttiva 2003/96/KE – Artikolu 21(3) – Konsum ta’ prodotti ta’ enerġija fiż-żona tal-istabbiliment li jipproduċi prodotti ta’ enerġija – Prodotti ta’ enerġija użati f’modi differenti milli bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli – Konsum ta’ solvent bħala karburant f’installazzjoni tad-distillazzjoni tal-qatran

    Introduzzjoni

    1.

    Il-problema legali li tinsab f’din il-kawża essenzjalment tirrigwarda r-relazzjoni bejn sensiela ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku ( 2 ). Għandu jingħad li din id-direttiva ma hijiex mudell ta’ formulazzjoni ċara u loġika ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi, u għaldaqstant huwa diffiċli tingħata interpretazzjoni tagħha b’mod totalment koerenti u sodisfaċenti minn kull aspett. L-analiżi tad-dispożizzjonijiet li ser ikunu s-suġġett li jinteressa lill-qorti tar-rinviju fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva madankollu tippermetti, fil-fehma tiegħi, li tingħata risposta inekwivokabbli għad-domanda preliminari, anki jekk mill-perspettiva tal-koerenza tal-leġiżlazzjoni li tinsab fid-Direttiva din ir-risposta tħalli ċerti nuqqasijiet.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    2.

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi li “Stati Membri għandhom jimponu tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku skond din id-Direttiva”.

    3.

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kif ġej:

    “1.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminiloġija “prodotti ta’ enerġija” għandha tapplika għall-prodotti:

    […]

    b)

    li huma deskritti taħt Kodiċi NM 2701, 2702 u 2704 sa 2715;

    […]

    4.   Din id-Direttiva ma tapplikax għal:

    […]

    b)

    l-użu kif imniżżel hawn taħt ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku:

    prodotti ta’ enerġija użati mhux bħala karburant tal-karozzi jew karburant biex isaħħan [kombustibbli]

    […]”.

    4.

    Skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2003/96:

    “1.   Flimkien mad-disposizzjonijiet ġenerali li jiddefinixxu l-att li jwassal għal ħlas u d-disposizzjonijiet imniżżla f’Direttiva 92/12/KEE ( 3 ), l-ammont ta’ tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija għandha tiġi dovuta fl-okkorrenza ta’ wieħed mill-atti li jwassal għal ħlas msemmija fl-Artikolu 2(3).

    […]

    3.   Il-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija f’żona tmiss ma stabilliment [prodotti ta’ enerġija fiż-żona tal-istabbiliment] li jipproduċi prodotti ta’ enerġija ma għandux jiġi kknsidrat bħala l-att li jwassal għal ħlas li jagħti lok għall-tassazzjoni, jekk il-konsum jikkonsisti fi prodotti ta’enerġija magħmula fiż-żona ta’ l-isatbbiliment […]. Fejn il-konsum isir għall-skopijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-produzzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija u b’mod partikolari għall-propulsjoni ta’ vetturi, dan għandu jiġi kkonsidrat bħala l-att li jwassal għal ħlas, li jagħti lok għall-tassazzjoni.

    […]”.

    Id-dritt nazzjonali

    5.

    Skont l-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari, fiż-żmien rilevanti għaċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża, is-solvent użat bħala kombustibbli għat-tisħin kien suġġett għat-taxxa fid-Danimarka skont l-Artikolu 1(3) tal-Mineralolieafgiftsloven (il-Liġi Daniża dwar it-Taxxa fuq iż-Żjut Minerali), l-Artikolu 1(1) tal-Kuldioxidafgiftsloven (il-Liġi Daniża dwar it-Taxxa fuq id-Dijossidu tal-Karbonju) u l-Artikolu 1(1) tas-Svovlafgiftsloven (il-Liġi Daniża dwar it-Taxxa fuq is-Sulfur).

    6.

    L-Artikolu 7(3) tal-Liġi Daniża dwar it-Taxxa fuq id-Dijossidu tal-Karbonju u l-Artikolu 8(4) tal-Liġi Daniża dwar it-Taxxa fuq is-Sulfur jimplimentaw l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96. Fil-formulazzjoni applikabbli fiż-żmien rilevanti għaċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża l-Artikolu 7(3) tal-Liġi Daniża dwar it-Taxxa fuq id-Dijossidu tal-Karbonju kien jaqra kif ġej:

    “Il-prodotti ta’ enerġija koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) li jintużaw direttament għall-produzzjoni ta’ prodott ta’ enerġija ekwivalenti huma eżenti mit-taxxa fuq id-dijossidu tal-karbonju. Madankollu, dan ma japplikax għall-prodotti ta’ enerġija li jintużaw bħala karburant għall-magni”.

    Madankollu, l-Artikolu 8(4) tal-Liġi Daniża dwar it-Taxxa fuq is-Sulfur fil-formulazzjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien rilevanti għaċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża kien jipprevedi:

    “Il-prodotti ta’ enerġija koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 li jintużaw direttament għall-produzzjoni ta’ prodott ta’ enerġija ekwivalenti huma eżenti mit-taxxa fuq is-sulfur. Madankollu dan ma japplikax għall-prodotti ta’ enerġija li jintużaw bħala karburant għall-magni”.

    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

    7.

    Koppers Denmark ApS (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Koppers Denmark”) hija kumpannija rregolata mid-dritt Daniż. Din il-kumpannija tipproduċi, fl-istabbiliment tagħha f’Nyborg (id-Danimarka) numru ta’ prodotti dderivati mir-raffinament u mid-distillazzjoni ta’ qatran tal-faħam, inkluż solvent, li jikkostitwixxi madwar 3-4% tal-produzzjoni. Dawn il-prodotti kollha huma kklassifikati taħt il-Kodiċi NM taħt l-intestaturi 2707 u 2708.

    8.

    Minn fost il-prodotti mmanifatturati fl-istabbilimenti tal-kumpannija Koppers Denmark f’Nyborg, is-solvent huwa l-uniku wieħed li din il-kumpannija tuża bħala kombustibbli għat-tisħin u li għaldaqstant huwa suġġett, bħala prinċipju, għat-taxxi fuq il-prodotti ta’ enerġija. Il-prodotti l-oħra, minkejja li jistgħu jintużaw bħala kombustibbli għat-tisħin, ma jintużawx b’dan il-mod u għaldaqstant ma humiex suġġetti għat-taxxi fuq il-prodotti ta’ enerġija.

    9.

    Il-produzzjoni sseħħ f’installazzjoni għad-distillazzjoni tal-qatran tal-faħam kif ukoll f’installazzjoni għall-produzzjoni tan-naftalina. Iż-żewġ installazzjonijiet huma interkonnessi u jiddependu fuq sistema komuni għall-provvista tas-sħana u fuq kontrolli komuni tal-proċessi. Ir-residwi mill-installazzjoni għad-distillazzjoni tal-qatran tal-faħam imbagħad jiġu pproċessati fl-installazzjoni għall-produzzjoni tan-naftalina, u s-solvent prodott fl-installazzjoni għall-produzzjoni tan-naftalina mbagħad jintuża bħala kombustibbli fl-installazzjoni għad-distillazzjoni tal-qatran tal-faħam. Sussegwentement, is-solvent jintuża bħala kombustibbli awżiljarju għall-kombustjoni tal-gass iddistillat li ġej kemm mill-installazzjoni għad-distillazzjoni tal-qatran tal-faħam, kif ukoll mill-installazzjoni għall-produzzjoni tan-naftalina. Is-sħana prodotta fil-proċess tal-kombustjoni ssib ruħha użata mill-ġdid f’dawn l-installazzjonijiet.

    10.

    Il-kumpannija Koppers Denmark l-ewwel nett qieset li l-konsum tas-solvent huwa suġġett għat-taxxi fuq il-prodotti ta’ enerġija, iżda b’ittri tat‑13 ta’ Novembru 2008 u tat‑22 ta’ Diċembru 2008 hija talbet rimbors tat-taxxa għall-perijodu mill‑1 ta’ Ottubru 2005 sal‑31 ta’ Diċembru 2007. Fl‑24 ta’ Settembru 2010 l-awtorità Daniża għat-taxxi (SKAT) iddeċidiet li l-konsum, mill-kumpannija Koppers, tas-solvent bħala kombustibbli għat-tisħin fl-installazzjoni għad-distillazzjoni tal-qatran tal-faħam ma huwiex eżenti mit-taxxa, u dan peress li s-solvent ma jintużax għall-produzzjoni ta’ prodotti ekwivalenti ta’ enerġija, għaliex il-prodotti mmanifatturati ma humiex taxxabbli.

    11.

    Il-kumpannija Koppers Denmark appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Landsskatteretten (il-Kummissjoni Fiskali Nazzjonali, id-Danimarka), li fit-8 ta’ Ġunju 2015, żammet fis-seħħ id-deċiżjoni SKAT fost oħrajn fuq il-bażi tal-fatt li l-użu tas-solvent bħala kombustibbli għat-tisħin ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96, peress li dan is-solvent ma huwiex użat għall-manifattura ta’ prodotti ta’ enerġija li jaqgħu taħt id-Direttiva. Fis-7 ta’ Settembru 2015, il-kumpannija Koppers Denmark appellat mid-deċiżjoni tal-Landsskatteretten quddiem ir-Retten i Svendborg (il-Qorti Reġjonali ta’ Svendborg, id-Danimarka), liema qorti ddeċidiet li l-kawża tirrigwarda kwistjonijiet ta’ importanza fundamentali u għaldaqstant bagħtitha quddiem l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka) fil-kapaċità tagħha bħala qorti tal-ewwel istanza, u dan skont l-Artikolu 226(1) tar-Retsplejeloven (il-Liġi Daniża dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja).

    12.

    Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96, din l-aħħar qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 21(3) tad-Direttiva [2003/96] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija awtoprodotti għall-produzzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija oħra huwa eżenti mit-taxxa f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-prodotti ta’ enerġija li jkunu ġew prodotti ma jintużawx bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli għat-tisħin?

    2)

    L-Artikolu 21(3) tad-Direttiva [2003/96] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni biss għall-konsum ta’ prodott ta’ enerġija li jintuża għall-produzzjoni ta’ prodott ta’ enerġija ekwivalenti (jiġifieri prodott ta’ enerġija li, bħall-prodott ta’ enerġija kkonsmat, huwa wkoll taxxabbli)?”.

    13.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Frar 2017. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-kumpannija Koppers Denmark, mill-Gvern Daniż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn l-istess partijiet ġew irrappreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Jannar 2018.

    Evalwazzjoni

    Fuq l-ewwel domanda preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    14.

    Bħala tfakkira, l-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 il-konsum ta’ prodott ta’ enerġija, mill-produttur tiegħu, bħala kombustibbli sabiex jiġu mmanifatturati prodotti oħra ta’ enerġija huwiex fatt li jwassal għal obbligu ta’ taxxa fuq il-prodotti ta’ enerġija f’sitwazzjoni fejn prodotti ta’ enerġija li jiġu mmanifatturati b’dan il-mod ma jkunux intiżi għall-użu u lanqas ma jintużaw bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli.

    15.

    Il-problema legali prinċipali hawnhekk hija l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija” f’kuntest ta’ prodotti li għalkemm jaqgħu fid-definizzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija li tinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/96, ma humiex intiżi għall-użu u lanqas ma jintużaw bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli, u għaldaqstant, bis-saħħa tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tal-imsemmija direttiva, din id-direttiva ma hijiex applikabbli għalihom.

    16.

    Il-kumpannija Koppers Denmark issostni li l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat b’mod litterali, u għaldaqstant l-użu tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija” użat hemmhekk għandu jinftiehem fis-sens li jkopri l-prodotti kollha li jaqgħu fid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva. Il-Gvern Daniż u l-Kummissjoni madankollu huma tal-fehma li l-imsemmija definizzjoni tal-prodotti ta’ enerġija għandha tiġi interpretata b’rabta mal-esklużjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva. Għaldaqstant, fil-fehma tagħhom, l-użu, fl-Artikolu 21(3) tad-Direttiva, tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija” jkopri biss il-prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, u għalhekk dawk li huma intiżi għall-użu jew huma użati bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli.

    17.

    Mal-ewwel daqqa t’għajn, jista’ jidher li jekk l-istabbiliment, li dwaru titkellem l-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96, jagħmel użu minn prodotti ta’ enerġija mmanifatturati f’dan l-istabbiliment bħala kombustibbli, mid-definizzjoni tiegħu stess dan l-istabbiliment huwa stabbiliment li jipproduċi prodotti ta’ enerġija, u għaldaqstant l-imsemmija dispożizzjoni għandha tapplika b’mod awtomatiku. Madankollu, din ma kinitx l-intenzjoni tal-leġiżlatur, inkwantu f’tali sitwazzjoni t-tieni sentenza tal-Artikolu 21(3) tal-imsemmija direttiva titlef is-sens tagħha sa fejn din titkellem dwar il-prodotti ta’ enerġija u l-elettriku li ma jiġux prodotti fiż-żona tal-istabbiliment, li jikkonsmahom għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra ta’ enerġija. Fil-fehma tiegħi, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 tirrigwarda l-produzzjoni finali tal-istabbiliment, u mhux is-sottoprodotti, li sussegwentement jiġu kkonsmati fil-proċess tal-produzzjoni ta’ prodotti oħra. Għal din l-aħħar sitwazzjoni tista’ eventwalment issir applikazzjoni tal-Artikolu 21(6)(a) tal-imsemmija direttiva, madankollu l-Artikolu 21(3) tagħha jeħtieġ li sabiex din tkun tapplika, il-prodotti ta’ enerġija għandhom ikunu jikkostitwixxu l-produzzjoni finali tal-istabbiliment.

    18.

    Għaldaqstant għandha ssir analiżi tar-relazzjonijiet bejn id-definizzjoni tal-prodotti ta’ enerġija li tinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/96 u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) ta’ din id-direttiva. Il-qari litterali ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jippermetti interpretazzjonijiet differenti. L-ewwel waħda fosthom hija interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija”, li tillimita dan il-kunċett għal prodotti li jintużaw biss bħala karburant għall-magni jew kombustibbli. Skont interpretazzjoni oħra possibbli l-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96 jeskludi l-prodotti msemmija hemmhekkk mit-tassazzjoni armonizzata bis-saħħa ta’ dik id-direttiva, iżda madankollu ma jaffettwax il-firxa ta’ kunċetti użati fih.

    Interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija”

    19.

    L-ewwel waħda minn dawn l-interpretazzjonijiet possibbli tkun issegwi r-raġunament ippreżentat mill-Gvern Daniż u mill-Kummissjoni. L-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96 għaldaqstant ikollu jinqara bħala dispożizzjoni li tirrestrinġi b’mod ġenerali l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. L-ewwel inċiż tiegħu għaldaqstant ikun preċiżazzjoni tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija” li tinsab fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, u l-effett ta’ din ikun li kull użu ta’ dan il-kunċett f’dispożizzjonijiet sussegwenti jkollu jinftiehem fis-sens li jkopri biss il-prodotti li jaqgħu taħt il-kategorija msemmija fl-Artikolu 2(1), li ma jintużawx b’modi oħra minbarra bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli.

    20.

    Fuq il-bażi tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 wieħed jasal għall-konklużjoni li l-użu ta’ prodotti ta’ enerġija bħala kombustibbli għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra ta’ enerġija jikkostitwixxi fatt taxxabbli biss f’sitwazzjoni fejn dawn il-prodotti oħra ta’ enerġija ma jintużawx b’modi oħra minbarra bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli. Tali konklużjoni tidher li hija loġikament iġġustifikata. B’hekk, huma biss prodotti suġġetti għat-taxxa bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva li jistgħu jaffettwaw il-livell ta’ tassazzjoni ta’ prodotti oħra koperti minnha.

    21.

    Madankollu, din l-interpretazzjoni għandha diversi nuqqasijiet li, fil-fehma tiegħi, jipprekludu milli din tiġi adottata.

    Kritika tal-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija” – argumenti lingwistiċi

    22.

    Mill-perspettiva litterali tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/96 l-interpretazzjoni ta’ hawn fuq tħalli barra l-fatt li l-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96 ma jeskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-“prodotti msemmija fil-paragrafu 1” jew anki prodotti koperti minn ċerti kodiċijiet ta’ nomenklatura magħquda li ma jintużawx bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli. Din id-dispożizzjoni tiddikjara b’mod ċar fl-ewwel inċiż li d-Direttiva 2003/96 ma tapplikax għall-“prodotti ta’ enerġija użati mhux bħala karburant tal-karozzi jew karburant biex isaħħan [kombustibbli]” ( 4 ).

    23.

    Dan ifisser li l-prodotti koperti mid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/96, iżda li ma jintużawx bħala karburant għall-magni u lanqas bħala kombustibbli, tabilħaqq ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, iżda jibqgħu prodotti ta’ enerġija fis-sens tad-dispożizzjonijiet tagħha. Tali konklużjoni hija kkonfermata mill-fatt li l-istess definizzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija li tinsab fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva tinkludi kwalifika, fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti, fejn dawn jikkostitwixxu prodotti ta’ enerġija jekk jintużaw bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli. Dan huwa minnu fil-każ tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2(1)(a), (d) u (h). Madankollu, fil-każijiet l-oħra, speċjalment fir-rigward tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2(1)(b), li huma s-suġġetti tal-kawża prinċipali, ma ssirx tali kwalifika.

    24.

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha l-Kummissjoni tispjega dan il-fatt fis-sens li ċerti kategoriji msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/96 ikunu jinkludu prodotti li bħala regola ma jintużawx bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli, u huwa għalhekk li l-leġiżlatur osserva li dawn il-prodotti jikkostitwixxu prodotti ta’ enerġija biss meta dawn jintużaw bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli. Madankollu, skont il-Kummissjoni, il-prodotti li jagħmlu parti minn kategoriji oħra normalment jintużaw bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli, u għaldaqstant kwalifika simili ma hijiex neċessarja.

    25.

    Il-fatt jibqa’ li l-parti l-kbira tal-kategoriji ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/96 jinkludu, għalkemm fi proporzjonijiet differenti, kemm il-prodotti li jintużaw jew jistgħu jintużaw bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli, kif ukoll il-prodotti li ma jistgħux jintużaw b’dan il-mod jew li ma jintużawx b’dan il-mod. Għaldaqstant, fil-każ li l-leġiżlatur xtaq juża l-kriterju tal-mod ta’ użu sabiex titwettaq separazzjoni preċiża tal-prodotti ta’ enerġija minn prodotti oħra, kien ikun biżejjed li tingħata definizzjoni tal-prodotti ta’ enerġija bi kwalifika ġenerali xierqa. Madankollu, l-intenzjoni tal-leġiżlatur evidentement kienet li jagħmel distinzjoni bejn il-prodotti li bl-ebda mod ma jikkostitwixxu prodotti ta’ enerġija, jekk dawn ma jintużawx bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli, u l-prodotti li jibqgħu prodotti ta’ enerġija fis-sens tad-Direttiva, li madankollu ma jkunux suġġetti għad-dispożizzjonijiet tagħha, biss jekk (u sakemm) dawn ma jintużawx b’dan il-mod. Fil-fehma tiegħi dan ma jippermettix li wieħed jittratta l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2003/96 bħala element inerenti għad-definizzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija u li wieħed jasal għall-konklużjoni li kull meta din id-direttiva titkellem dwar prodotti ta’ enerġija, dan il-kunċett ma jinkludix il-prodotti li ma jintużawx bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli, anki jekk dawn ikunu jaqgħu fid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1) tagħha.

    26.

    Bl-istess mod, l-argument imressaq mill-Kummissjoni, ibbażat fuq l-obbligu ta’ interpretazzjoni uniformi tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija” użat fl-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96, ma jikkonvinċinix. Skont it-teżi tal-Kummissjoni, dan il-kunċett jirreferi, fi ħdan il-qafas tad-dispożizzjoni indikata, kemm għall-prodotti użati minn stabbiliment speċifiku għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra ta’ enerġija (imsejħa “prodotti intermedjarji”) kif ukoll għall-produzzjoni ta’ prodotti finali. Peress li l-prodotti intermedjarji huma intiżi li jintużaw bħala kombustibbli, u b’hekk għandhom ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, il-prodotti finali wkoll għandhom ikunu suġġetti għal dawn id-dispożizzjonijiet, u għaldaqstant ma jistgħux jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom bis-saħħa tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2003/96.

    27.

    Ovvjament din l-istess frażi għandha tiġi interpretata bl-istess mod fi ħdan l-istess att ġuridiku, u iktar u iktar fl-istess dispożizzjoni. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi r-raġunament tal-Kummissjoni ċċitat iktar ’il fuq huwa vvizzjat minn żball ta’ loġika magħruf bħala petitio principii. Huwa minnu li l-prodott intermedju għandu jintuża bħala kombustibbli fil-proċess ta’ produzzjoni ta’ prodotti finali. Mod differenti ta’ użu ta’ dan il-prodott għaldaqstant ma jistax jikostitwixxi fatt taxxabbli skont id-Direttiva 2003/96, u għaldaqstant lanqas ma jkun hemm okkażjoni għal applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 21(3) ta’ din id-direttiva. Il-kundizzjoni ta’ użu ta’ prodott ta’ enerġija bħala kombustibbli għaldaqstant hija inevitabbilment issodisfatta hawnhekk. Madankollu dan ma jirriżultax mill-applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tal-imsemmija direttiva għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija” b’rabta mal-prodotti intermedji, iżda b’rabta mal-użu effettiv tagħhom bħala kombustibbli.

    28.

    Permezz tal-estrapolazzjoni ta’ dan l-użu effettiv tal-prodotti intermedji għat-tifsira tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija” b’rabta mal-prodotti finali, il-Kummissjoni għaldaqstant wettqet l-iżball ta’ loġika msemmi hawn fuq. Fl-istess waqt, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 għandha tinftiehem fis-sens li “l-użu ta’ prodotti koperti mid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva bħala kombustibbli għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra koperti minn din id-definizzjoni ma twassalx għal obbligu ta’ taxxa”. Tali interpretazzjoni tkun totalment sensata, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi applikat l-Artikolu 2(4) tal-imsemmija direttiva. Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni uniformi tal-istess kunċett fi ħdan l-istess dispożizzjoni għaldaqstant ma jeskludix l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija” bħala li jfisser il-prodotti kollha koperti mid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/96.

    29.

    Madankollu, ir-raġunijiet prinċipali li, fil-fehma tiegħi, ma jippermettux li tintlaqa’ l-ipoteżi dwar il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni konġunta tal-Artikoli 2(1) u (4) tad-Direttiva 2003/96, huma ta’ natura sistemika.

    Analiżi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96 fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva

    30.

    Skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/96, din ma tapplikax biss għall-prodotti ta’ enerġija msemmija fil-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu iżda wkoll għall-elettriku. L-elettriku, bħall-prodotti ta’ enerġija, huwa suġġett għat-taxxa skont din id-direttiva, għalkemm fuq bażi kemxejn differenti milli dik għal dawn il-prodotti. Fl-istess waqt, skont it-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 2(4)(b) tal-imsemmija direttiva, din id-direttiva ma tapplikax għall-elettriku “meta huwa użat prinċipalment għat-tnaqqis ta’ kimiki u fi trattamenti elettrolitiki u metallurġiki”, kif ukoll “meta l-prezz [tiegħu] ikun iktar minn 50 % ta’ l-ispiża tal-prodott”. Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, l-eżenzjoni obbligatorja mit-tassazzjoni tapplika għal “prodotti ta’ enerġija u elettriku użati biex jipproduċu elettriku […]”.

    31.

    Skont il-prinċipji ta’ interpretazzjoni kollha tad-dispożizzjonijiet tal-liġi, l-inċiżi kollha tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96 għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandhom l-istess effett, jiġifieri li dawn għandhom ikollhom l-istess relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva. Jekk, imbagħad, wieħed iqis li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) ta’ din id-direttiva jirrestrinġi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija” li jinsab fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, b’mod li t-tifsira ta’ dan il-kunċett fid-dispożizzjonijiet sussegwenti tagħha ma tkoprix prodotti li jintużaw b’mod differenti milli bħala karburant għall-magni jew kombustibbli, l-istess għandu jkun il-każ għall-elettriku li jintuża bil-modi indikati fit-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva. L-elettriku użat għal għanijiet ta’ tnaqqis ta’ kimiċi u fi trattamenti elettrolitiċi u metallurġiċi, kif ukoll elettriku bl-għan li jikkostitwixxi iktar minn 50 % tal-ispejjeż tal-prodotti, ma jkunux koperti mill-portata tal-kunċett ta’ elettriku skont it-tifsira tad-Direttiva 2003/96. Għaldaqstant, ma jkunx jista’ jkollhom effetti fuq it-tassazzjoni ta’ prodotti oħra suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

    32.

    Dan ikun iwassal għal konklużjonijiet assurdi abbażi tal-Artikolu 14(a) tad-Direttiva 2003/96, peress li dan ikun ifisser li l-prodotti ta’ enerġija u l-elettriku użati għall-produzzjoni ta’ elettriku għat-tnaqqis ta’ kimiċi jew fi trattamenti elettrolitiċi u metallurġiċi, u wkoll elettriku li jikkostitwixxi iktar minn 50 % tal-ispejjeż tal-prodotti, ma jkunux eżentati, u għaldaqstant ikollhom jiġu intaxxati skont ir-regoli ġenerali previsti fid-Direttiva. Dan l-effett huwa inaċċettabbli għal tliet raġunijiet.

    33.

    L-ewwel nett, l-elettriku, wara l-produzzjoni, jintbagħat fin-netwerk, li minnu l-utenti, permezz tad-distributuri, jieħdu ċerti kwantitajiet ta’ enerġija. Għaldaqstant ma hemm ebda relazzjoni diretta bejn produttur speċifiku u l-produzzjoni ta’ elettriku min-naħa tiegħu u utent speċifiku. Iktar u iktar, ma hemm ebda rabta bejn il-produttur jew id-distributur tal-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ elettriku u l-utent ta’ din l-enerġija. L-identifikazzjoni, u t-tassazzjoni sussegwenti ta’ prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ elettriku użat għat-tnaqqis ta’ kimiċi u fi trattamenti elettrolitiċi u metallurġiċi għaldaqstant tkun diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli. Dan ikun iktar u iktar diffiċli fil-każ ta’ prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ elettriku li jikkostitwixxi iktar minn 50 % tal-ispejjeż ta’ prodotti oħra.

    34.

    It-tieni nett, anki li kieku kellha tkun possibbli tali tassazzjoni selettiva ta’ prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ elettriku skont it-tip ta’ użu ta’ dak l-elettriku jew skont is-sehem tiegħu mill-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ prodotti oħra, din it-tassazzjoni tkun iċċaħħad mis-sens tagħha l-esklużjoni prevista fit-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96. L-elettriku użat bil-mod indikat hemmhekk ma jkunx intaxxat direttament, iżda l-prezz tiegħu jkun jinkludi taxxa fuq il-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni tiegħu, li l-piż tagħha mingħajr ebda dubju jgħaddi għal fuq l-utenti ta’ dan l-elettriku, skont in-natura tat-taxxi indiretti.

    35.

    Finalment, it-tielet nett, tali interpretazzjoni tkun ukoll inkonsistenti mal-prinċipju espress fl-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2003/96, li jgħid li l-elettriku jkun suġġett għat-taxxa fil-mument tal-kunsinna tiegħu mid-distributur. Tali mod ta’ determinazzjoni tal-mument ta’ meta t-taxxa fuq l-elettriku ssir eżiġibbli huwa possibbli bis-saħħa tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(a) tal-imsemmija direttiva: peress li l-elettriku jiġi intaxxat bħala prodotti finali, u mhux fil-parti mill-proċess tal-karburant li jintuża għall-produzzjoni tiegħu, il-mument taxxabbli għandu jiġi pospost għall-aħħar stadju ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku, jiġifieri l-mument tal-kunsinna tiegħu lid-destinatarju. Madankollu, li kieku kellu jitqies li l-esklużjoni ta’ xi modi ta’ użu ta’ elettriku skont it-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, tirriżulta f’nuqqas ta’ eżenzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija użati fil-produzzjoni tiegħu, dan l-elettriku mhux biss ikun de facto taxxabbli minkejja tali esklużjoni (ara l-punt preċedenti), iżda minbarra dan, din it-tassazzjoni sseħħ fl-istadju tal-produzzjoni u mhux tad-distribuzzjoni.

    36.

    Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, naħseb li ma jistax jintlaqa’ r-raġunament li l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96 tirriżulta f’restrizzjoni tad-definizzjoni tal-prodotti msemmija hemmhekk għall-għanijiet tad-dispożizzjonijiet sussegwenti ta’ din id-direttiva. Dan japplika kemm għall-elettriku, li dwaru jitkellmu t-tielet u r-raba’ inċiżi ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll għall-prodotti ta’ enerġija, li dwarhom jitkellem l-ewwel inċiż.

    37.

    Fil-fehma tiegħi dan ma jibdilx il-fatt li l-Artikolu 14(a) tad-Direttiva 2003/96 iwassal għal eżenzjoni mit-tassazzjoni, filwaqt li fl-Artikolu 21(3) ta’ din id-direttiva jissemma fatt li ma jitqiesx li jwassal għal obbligu ta’ tassazzjoni.

    38.

    Minn naħa, dan huwa għaliex l-effett prattiku fiż-żewġ każijiet huwa l-istess. F’sitwazzjoni fejn stabbiliment juża prodotti ta’ enerġija mmanifatturati minnu stess għall-produzzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija, huwa diffiċli li jiġi identifikat mument differenti għall-ħolqien ta’ obbligu ta’ tassazzjoni, u b’hekk l-effett ikun l-istess bħallikieku dawk il-prodotti ġew eżentati mit-taxxa. Mill-bqija, din id-dispożizzjoni ġiet trasposta fid-dritt Daniż (ara l-punt 6 iktar ’il fuq).

    39.

    Min-naħa l-oħra, ta’ importanza hawnhekk ma huwiex l-effett tal-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 14(1)(a) u fl-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 rispettivament, iżda r-relazzjoni deskritta hemmhekk bejn il-prodotti differenti. Kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni każ għandna prodotti li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li jintużaw għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra, inklużi l-prodotti msemmija fl-Artikolu 2(4)(b) ta’ din id-direttiva (fl-ewwel inċiż fil-każ tal-Artikolu 21(3) u fit-tielet u r-raba’ inċiżi fil-każ tal-Artikolu 14(1)(a), rispettivament). L-effett ta’ interpretazzjoni waħda jew oħra tal-Artikolu 2(4)(b) tal-imsemmija direttiva għar-risposta għad-domanda dwar l-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għaldaqstant għandu jkun identiku.

    40.

    Fil-qosor, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, li skontha l-esklużjoni, inkluża f’din id-dispożizzjoni, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, twassal sabiex il-prodotti indikati hemmhekk ma jkunux jistgħu jaffettwaw il-livell ta’ tassazzjoni tal-prodotti l-oħra koperti mid-direttiva u twassal sabiex ikun impossibbli li jinsiltu konklużjonijiet aċċettabbli abbażi tal-Artikolu 14(1)(a) tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, din l-interpretazzjoni għandha tiġi miċħuda, kemm fir-rigward tat-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 2(4)(b) kif ukoll fir-rigward tal-ewwel inċiż.

    Interpretazzjoni tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96 bħala eżenzjoni sui generis mit-tassazzjoni

    41.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq jiena tal-fehma li għandha tiġi adottata interpretazzjoni differenti fir-rigward tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96 minn dik proposta mill-Gvern Daniż u mill-Kummissjoni. Inqis li din id-dispożizzjoni fil-fatt hija eżenzjoni, għall-prodotti elenkati fiha, mit-tassazzjoni prevista minn din id-direttiva. Għaldaqstant dawn il-prodotti ma humiex suġġetti għal tassazzjoni armonizzata, iżda madankollu jibqgħu, rispettivament, prodotti ta’ enerġija u elettriku fis-sens tal-imsemmija direttiva. Il-formulazzjoni ta’ din l-eżenzjoni bħala esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tfisser li l-Istati Membri jibqgħu liberi jfasslu t-tassazzjoni eventwali ta’ dawn il-prodotti permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali separati. Din il-libertà hija ħafna iktar limitata fil-każ ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96, iżda li jkunu eżenti permezz tad-dispożizzjonijiet tagħha ( 5 ).

    42.

    Din l-interpretazzjoni tippermetti tinżamm konsistenza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fir-rigward tat-tassazzjoni tal-elettriku. L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għaldaqstant tapplika wkoll fir-rigward ta’ prodotti li jintużaw għall-produzzjoni ta’ elettriku, li min-naħa tiegħu jintuża f’wieħed mill-modi msemmija fit-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 2(4)(b) ta’ din id-direttiva, liema fatt jevita d-diffikultajiet prattiċi u loġiċi msemmija fil-punti 33 sa 35 iktar ’il fuq.

    43.

    Din l-interpretazzjoni hija wkoll konsistenti mal-ewwel abbozz tad-Direttiva 2003/96 ippreżentat mill-Kummissjoni ( 6 ). Dan l-abbozz ma kienx fih ekwivalenti ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 2(4) ta’ din id-direttiva. Minflok, f’dan l-abbozz hemm prevista eżenzjoni mit-tassazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti ta’ enerġija, b’mod partikolari dawk li ma jintużawx bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli (dak li llum huwa l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96), u wkoll l-elettriku li jintuża bl-għan tat-tnaqqis ta’ kimiċi jew fi trattamenti elettrolitiki u metallurġiki (dak li llum huwa t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96) ( 7 ). Min-naħa tiegħu, l-ekwivalenti ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 21(3) tal-imsemmija direttiva kien jirreferi direttament għad-definizzjoni tal-prodotti ta’ enerġija, billi kien isemmi l-kodiċijiet tan-nomenklatura magħquda ta’ prodotti li fil-produzzjoni tagħhom ma kien hemm ebda tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija użati għall-għanijiet tagħha, li joriġinaw mill-istess stabbiliment ( 8 ). B’formulazzjoni simili għal dik adottata fl-abbozz tad-Direttiva 2003/96, il-pożizzjoni attwali tal-Gvern Daniż u tal-Kummissjoni tkun għalhekk impossibbli li tiġi difiża, anki mingħajr ma wieħed jirrikorri għal analiżi tas-sistema.

    44.

    Loġika simili ġiet applikata wkoll abbażi tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali ( 9 ), li ġiet issostitwita bid-Direttiva 2003/96. Skont l-Artikolu 8(1)(a) tad-Direttiva 92/81, mit-tassazzjoni tad-dazju tas-sisa armonizzata prevista f’dik id-direttiva kienu eżenti “żjut minerali użati f’modi li ma humiex bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva madankollu introduċa prinċipju analogu għal dak previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96. Għaldaqstant anki abbażi tad-Direttiva 92/81, ikun diffiċli li l-pożizzjoni tal-Gvern Daniż u l-Kummissjoni ppreżentata f’din il-kawża tintlaqa’.

    45.

    Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 proposta minni, din l-interpretazzjoni tfisser li din id-dispożizzjoni (l-ewwel sentenza) tapplika dejjem meta prodotti mmanifatturati minn stabbiliment li huwa msemmi hemmhekk ikunu jagħmlu parti minn waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, irrispettivament minn jekk dawn jintużawx bħala karburant għall-magni jew kombustibbli.

    46.

    Ma naqbilx mal-fehma tal-Gvern Daniż espressa fl-osservazzjonijiet tiegħu f’din il-kawża, li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 iċċaħħad lill-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) minn kull sens. Kif indikajt hawn fuq, l-għan ta’ din l-aħħar dispożizzjoni hija, fil-fatt, l-eżenzjoni tal-prodotti mniżżla hemmhekk mit-tassazzjoni armonizzata permezz tal-imsemmija direttiva, filwaqt li tħalli lil kull Stat Membru l-libertà li eventwalment jintaxxahom permezz ta’ dispożizzjonijiet separati.

    47.

    Għall-istess raġuni, fil-fehma tiegħi ma hemmx kontradizzjonijiet bejn l-interpretazzjoni proposta minni u l-konklużjonijiet li jirriżultaw mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Lulju 2007, Fendt Italiana ( 10 ). Fil-fatt, huwa biss bis-saħħa ta’ din is-sentenza li l-Istati Membri ma għandhomx id-dritt li japplikaw it-taxxa armonizzata prevista fid-Direttiva 2003/96 għall-prodotti li jintużaw b’modi oħra li ma humiex bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli. Madankollu, dan ma jfissirx li dawn il-prodotti jieqfu jkunu prodotti ta’ enerġija fis-sens ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stess tuża l-frażi “prodotti ta’ enerġija” fir-rigward ta’ din il-kategorija ta’ prodotti ( 11 ).

    48.

    Tifdal il-kwistjoni dwar ir-ratio legis tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96, interpretat skont il-proposta mressqa minni. Fil-fatt, minkejja li l-ġustifikazzjoni tal-eżenzjoni tal-prodotti użati għall-produzzjoni ta’ elettriku, indipendentement mill-użu sussegwenti ta’ din l-enerġija, tista’ tinftiehem anki għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 33 sa 35 hawn fuq, in-nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra ta’ enerġija, li min-naħa tagħhom ma jintużawx sussegwentement bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli, jista’ ma jidhirx iġġustifikat totalment.

    49.

    Fil-fehma tal-Gvern Daniż u tal-Kummissjoni l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 għandu bħala għan li tiġi evitata tassazzjoni doppja fuq il-prodotti ta’ enerġija: darba direttament u darba indirettament, permezz ta’ tassazzjoni tal-prodotti ta’ enerġija użati għall-manifattura tagħhom. Tali għan tal-imsemmija dispożizzjoni jissuġġerixxi li għandha tintlaqa’ l-interpretazzjoni proposta mill-Gvern Daniż u mill-Kummissjoni, li skontha huwa biss l-użu ta’ prodotti ta’ enerġija għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra ta’ enerġija ntaxxati, jiġifieri ta’ prodotti li jintużaw bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli, li ma għandux jitqies bħala fatt taxxabbli.

    50.

    Madankollu għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2003/96 ma fihiex projbizzjoni ġenerali ta’ tassazzjoni doppja fuq il-prodotti ta’ enerġija. Il-prinċipju ta’ tassazzjoni ta’ darba japplika biss fir-rigward tal-elettriku: dan jiġi ntaxxat fl-istadju tad-distribuzzjoni, u l-prodotti ta’ enerġija użati għall-ħolqien tiegħu huma suġġetti għal eżenzjoni (ara l-punti 34 u 35 iktar ’il fuq). Madankollu, fir-rigward ta’ prodotti ta’ enerġija, it-tieni sentenza tal-Artikolu 21(3) tal-imsemmija direttiva fiha biss drittijiet fakultattivi għall-Istati Membri, li skonthom “[dawn] jistgħu jikkonsidraw ukoll il-konsum ta’ l-elettriku u prodotti oħra ta’ enerġija li ma jiġux magħmula fiż-żona ta’ stabbiliment bħal dan [jiġifieri l-istabbiliment li jipproduċi prodotti ta’ enerġija] [...] li ma [jikkostitwixxux] l-att li jwassal għal ħlas”. Dan japplika wkoll għal prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra ta’ enerġija li ma jiġux prodotti fi ħdan dan l-istess stabbiliment, li jistgħu jkunu suġġetti għat-taxxa, irrispettivament mill-fatt li l-prodotti finali wkoll ser jiġu intaxxati. Huwa minnu li d-Danimarka tabilħaqq għamlet użu minn din il-possibbiltà, billi eżentat mit-taxxa l-prodotti ta’ enerġija kollha użati għall-produzzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija, irrispettivament mill-post ta’ produzzjoni tagħhom ( 12 ). Madankollu xorta jibqa’ l-fatt li d-Direttiva 2003/96 ma tinkludix regoli ġenerali ta’ tassazzjoni ta’ darba tal-prodotti ta’ enerġija.

    51.

    Il-ġustifikazzjoni għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 tidher li tinsab pjuttost fid-diffikultajiet li jinħolqu mit-tassazzjoni tal-prodotti maħluqa u kkonsmati fl-istess waqt fl-istess stabbiliment ta’ produzzjoni. Dan ikun jikkostitwixxi mhux biss oneru addizzjonali fuq tali stabbiliment, iżda jkun jeħtieġ kontrolli iktar stretti min-naħa tal-awtoritajiet tat-taxxa. Tali diffikultajiet ma jqumux fil-każ ta’ prodotti ta’ enerġija maħluqa minn produttur li ma huwiex l-istabbiliment li fih jintużaw sussegwentement, għaliex l-obbligu tat-taxxa jkun fuq il-produttur jew fuq id-distributur li mbagħad jittrasferixxi l-oneru tiegħu fil-prezz tal-prodotti ta’ enerġija mibjugħa. B’hekk, it-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu tħalli l-kwistjoni tat-tassazzjoni ta’ tali sitwazzjonijiet għall-evalwazzjoni mill-Istati Membri.

    52.

    Nirrikonoxxi li, anki b’tali ġustifikazzjoni, l-interpretazzjoni proposta minni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 – li skontha l-użu, fiha, tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija” jkopri l-prodotti kollha msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, anki dawk użati b’modi differenti milli bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli – toħloq xi lakuni fis-sistema tat-taxxa prevista fl-imsemmija direttiva. Il-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ prodotti li ma humiex suġġetti għat-taxxa, għandhom, bħala prinċipju, jiġu intaxxati.

    53.

    L-ewwel nett, madankollu, kif il-Kummissjoni stess tikkonstata fl-osservazzjonijiet tagħha (ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet), fil-każ ta’ kategoriji ta’ prodotti li jintużaw biss sporadikament bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli, l-Artikolu 2(1)(a), (d) u (h) tad-Direttiva 2003/96 diġà fih riżerva korrispondenti. Il-prodotti li jaqgħu taħt dawn il-kategoriji għaldaqstant ma humiex prodotti ta’ enerġija fis-sens tad-Direttiva, sakemm ma jintużawx bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli. Kategoriji oħra jinkludu madankollu prodotti li ta’ spiss jintużaw jew li huma intiżi sabiex jintużaw bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli. Għaldaqstant, il-lakuna eventwali ta’ taxxa tkun tapplika għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali.

    54.

    It-tieni nett, interpretazzjoni tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2003/96 bħala dispożizzjoni li tirrestrinġi l-portata tal-kunċetti użati fl-Artikolu 2(1) u (2) tagħha, tikkawża d-diffikultajiet imsemmija fil-punti 33 sa 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet u tiddisturba l-koeżjoni tas-sistema tat-taxxa prevista f’din id-direttiva b’mod ħafna ikbar milli l-lakuna fit-taxxa msemmija li tirriżulta mill-interpretazzjoni li qiegħed nipproponi.

    55.

    Għal din ir-raġuni wkoll, m’iniex konvint mill-argument ippreżentat mill-Kummissjoni li l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96, bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija, għandu jiġi interpretat b’mod strett. Tabilħaqq, l-eċċezzjonijiet għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta, u fi kwalunkwe każ, mhux b’mod estensiv; madankollu dan ma jistax iwassal għal inkonsistenzi fundamentali fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva, bħal dawk indikati fil-punti 33 sa 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    56.

    Finalment, it-tielet nett, id-Direttiva 2003/96 fiha ħafna esklużjonijiet, eżenzjonijiet u derogi ( 13 ). Konsegwentement, is-sistema prevista f’din id-direttiva ma hijiex ibbażata fuq il-prinċipju ta’ tassazzjoni ġenerali u mingħajr eċċezzjonijiet, u għaldaqstant l-assenza ta’ tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija użati fiż-żona ta’ dak l-istess stabbiliment li pproduċihom fl-opinjoni tiegħi ma tistax tippreġudika b’mod sinjifikattiv il-loġika ta’ din is-sistema.

    57.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-użu fiha tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija” jkopri l-prodotti kollha, li dwarhom jitkellem l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, irrispettivament minn jekk dawn jintużawx bħala karburant għall-magni jew kombustibbli.

    Fuq it-tieni domanda preliminari

    58.

    It-tieni domanda preliminari tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jillimitaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 għas-sitwazzjonijiet fejn prodott ta’ enerġija jintuża għall-produzzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija suġġetti għat-tassazzjoni abbażi tad-Direttiva. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax jekk dan japplikax biss għal limitazzjoni tal-prodotti ta’ enerġija użati bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli, u li b’hekk ma humiex koperti mill-eżenzjoni abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) ta’ din id-direttiva, jew inkella jmurx lil hinn billi jillimita, pereżempju, il-prodotti li ma humiex suġġetti għal xi waħda mid-diversi eżenzjonijiet previsti f’din id-direttiva.

    59.

    Madankollu, irrispettivament minn dan, għandha ssir distinzjoni bejn in-natura legali tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 21(3) ta’ din id-direttiva ( 14 ).

    60.

    F’dak li jirrigwarda l-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tal-imsemmija direttiva, din id-dispożizzjoni hija ta’ natura vinkolanti fir-rigward tal-Istati Membri. Dawn l-Istati għaldaqstant għandhom l-obbligu li jittrasponuha fid-dritt nazzjonali u jiżguraw l-effettività sħiħa tagħha. Għaldaqstant, ma jistgħux jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha b’xi mod li jiddevja mill-interpretazzjoni korretta tagħha, fosthom permezz tas-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti f’din il-kawża. Għaldaqstant, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, konformement mal-proposta tiegħi għar-risposta għall-ewwel domanda preliminari, li din id-dispożizzjoni tirreferi għall-produzzjoni tal-prodotti kollha ta’ enerġija fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/96 irrispettivament mill-mod ta’ użu tagħhom, l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni tagħha. Ir-risposta għat-tieni domanda preliminari, fir-rigward tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) ta’ din id-direttiva, għaldaqstant għandha tkun fin-negattiv.

    61.

    F’dak li jirrigwarda t-tieni sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96, din hija ta’ natura fakultattiva, u barra minn hekk tidher li tipprevedi xi varjazzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha. Għaldaqstant jiena inklinat li nirrikonoxxi li l-Istati Membri hawnhekk għandhom marġni ta’ diskrezzjoni ħafna ikbar.

    62.

    Madankollu, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-użu ta’ prodotti ta’ enerġija fiż-żona tal-istabbiliment li jipproduċihom, u għaldaqstant hawnhekk għandha tapplika l-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96. Id-domanda dwar l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni għaldaqstant hija ipotetika. Għalhekk, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari tkun limitata għall-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) ta’ din id-direttiva.

    Konklużjoni

    63.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), tkun is-segwenti:

    1)

    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-użu fiha tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija” jkopri l-prodotti kollha, li dwarhom jitkellem l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk dawn jintużawx bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli.

    2)

    L-Istati Membri ma humiex awtorizzati jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni abbażi tat-tip jew tal-mod ta’ użu tal-prodotti ta’ enerġija mmanifatturati minn stabbiliment li għalih tapplika din id-dispożizzjoni.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Pollakk.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405.

    ( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179). Din id-direttiva kienet fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew iċ-ċirkustanzi fattwali fil-kawża prinċipali. Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, l-avveniment li jwassal għal obbligu għat-taxxa tas-sisa fuq prodotti ta’ enerġija huwa l-produzzjoni tagħhom jew l-introduzzjoni tagħhom fit-territorju tal-Unjoni.

    ( 4 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 5 ) Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12. Ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2007, Fendt Italiana (C‑145/06 u C‑146/06, EU:C:2007:411, punt 44).

    ( 6 ) COM(97) 30 finali.

    ( 7 ) Ara l-Artikolu 13(1)(a) tal-abbozz.

    ( 8 ) Ara l-Artikolu 18(3) tal-abbozz.

    ( 9 ) ĠU 1992 L 316, p. 12.

    ( 10 ) Sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2007, Fendt Italiana (C‑145/06 u C‑146/06, EU:C:2007:411).

    ( 11 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2007, Fendt Italiana (C‑145/06 u C‑146/06, EU:C:2007:411, punt 41).

    ( 12 ) Fi kwalunkwe każ, fil-fehma tiegħi dan jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Daniż iċċitati fil-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 13 ) Minbarra l-eżenzjonijiet imsemmija f’dawn il-konklużjonijiet ara pereżempju t-tieni u l-ħames inċiżi tal-Artikolu 2(4)(b), l-Artikoli 15 u 17, u kif ukoll id-derogi għal kull Stat Membru previsti fl-Artikoli 18, 18a u 18b tad-Direttiva 2003/96.

    ( 14 ) Bħala tfakkira, it-tieni sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 tipprovdi li “[s]tati membri jistgħu jikkonsidraw ukoll il-konsum ta’ l-elettriku u prodotti oħra ta’ enerġija li ma jiġux magħmula fiż-żona ta’ stabbiliment bħal dan u l-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku fiż-żona tmiss ma stabbbiliment […] li ma [jikostitwixxux] att li jwassal għal ħlas” (enfasi miżjuda minni).

    Top