EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0033

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2018.
Čepelnik d.o.o. vs Michael Vavti.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bezirksgericht Bleiburg/Okrajno Sodišče Pliberk.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123/KE – Dritt industrijali – Kollokament ta’ ħaddiema sabiex jitwettqu xogħlijiet ta’ kostruzzjoni – Dikjarazzjoni tal-ħaddiema – Konservazzjoni u traduzzjoni ta’ skedi ta’ ħlas – Sospensjoni tal-pagamenti – Ħlas ta’ garanzija mid-destinatarju ta’ servizzi – Garanzija għal multa eventwali imposta fuq il-fornitur ta’ servizzi.
Kawża C-33/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:311

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2018 ( 1 )

Kawża C‑33/17

Čepelnik d.o.o.

vs

Michael Vavti

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bezirksgericht Bleiburg/Okrajno sodišče Pliberk (il-Qorti Distrettwali ta’ Bleiburg, l-Awstrija))

(Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ lil destinatarju ta’ servizzi jipprovdi garanzija sabiex tkun żgurata multa li tista’ tiġi imposta fuq fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor — Artikoli 16 u 19 tad-Direttiva 2006/123/KE — Eċċezzjoni relatata mad-dritt industrijali — Ġustifikazzjoni — Artikolu 56 TFUE — Proporzjonalità — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv — Direttiva 2014/67/UE)

1.

F’din il-kawża — talba għal deċiżjoni preliminari mill-Bezirksgericht Bleiburg/Okrajno sodišče Pliberk (il-Qorti Distrettwali ta’ Bleiburg, l-Awstrija) — il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tiddeċiedi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix lil Stat Membru milli jeħtieġ lil destinatarju ta’ servizzi pprovduti minn ħaddiema kkollokati minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor jipprovdi garanzija u jissospendi l-pagamenti lil dik l-impriża. Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, it-tariffa li tkun għadha ma tħallsitx għal servizzi bħal dawn għandha titħallas lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti sabiex ikun żgurat il-ħlas ta’ multa li possibbilment, fil-ġejjieni, il-fornitur jista’ jeħel talli jkun kiser ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni industrijali nazzjonali .

2.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha teżamina, minn naħa, l-interazzjoni bejn ir-regoli tal-Unjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbiliti fl-Artikolu 56 TFUE, fid-Direttiva 2006/123/KE ( 2 ) u fid-Direttiva 2014/67/UE ( 3 ) u, min-naħa l-oħra, ir-regoli nazzjonali li l-Istat Membru rilevanti jisħaq li huma parti mil-leġiżlazzjoni industrijali tiegħu.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

3.

L-Artikolu 1(6) (“Suġġett”) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma taffettwax il-liġi ta’ l-impjieg, jiġifieri kwalunkwe dispożizzjoni legali jew kuntrattwali dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u r-relazzjoni bejn min jimpjega u l-ħaddiema, li l-Istati Membri japplikaw skond il-liġi nazzjonali li tirrispetta l-liġi [tal-Unjoni]. Ugwalment din id-Direttiva ma taffettwax il-leġislazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ l-Istati Membri.”

4.

L-Artikolu 3(3) (“Relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-liġi [tal-Unjoni])” tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva skond ir-regoli tat-Trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi.”

5.

L-Artikolu 16 (“Libertà tal-provvista ta’ servizzi”) jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

L-Istat Membru fejn ġie provdut is-servizz għandu jiżgura aċċess liberu u eżerċizzju liberu ta’ attività ta’ servizz fi ħdan it-territorju tiegħu.

L-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom soġġett għal konformità ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il-prinċipji li ġejjin:

(a)

non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżit m’għandux ikun diskriminatorju la direttament lanqas indirettament fir-rigward tan-nazzjonalità jew, f’każ ta’ persuni ġuridiċi, fir-rigward ta’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti,

(b)

bżonn: il-bżonn għandu jkun ġusitifikat għal raġunijiet tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent,

(ċ)

proporzjonalità: ir-rekwiżit għandu jkun adatt biex jikseb l-objettivi mfittxa, u m’għandux imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-objettiv.

2.   L-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw il-libertà għall-provvista ta’ servizzi f’każ ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor billi jimponu xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

obbligu fuq il-fornitur li jkollu stabbiliment fit-territorju tagħhom;

(b)

obbligu fuq il-fornitur li jikseb awtorizzazzjoni mill-awtoritjiet kompetenti tagħhom li jinkludi d-dħul fir-reġistru jew reġistrazzjoni ma’ korp jew assoċjazzjoni professjonali fit-territorju tagħhom, ħlief fejn previst f’din id-Direttiva jew strumenti oħrajn tal-liġi [tal-Unjoni];

(ċ)

projbizzjoni fuq il-fornitur li jistabbilixxi ċertu forma jew tip ta’ infrastruttura fit-territorju tagħhom, inkluż uffiċċju jew kamra, meħtieġa mill-fornitur sabiex iforni s-servizzi kkonċernati;

(d)

l-applikazzjoni ta’ arranġamenti kuntrattwali speċifiċi bejn il-fornitur u r-riċevitur li jxekklu jew jillimitaw il-provvista ta’ servizz minn dawk li jaħdmu għal rashom;

(e)

obbligu fuq il-fornitur li jkollu dokument ta’ l-identità maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu speċifiku għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz;

(f)

rekwiżiti, minbarra dawk meħtieġa għas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol, li jaffettwaw l-użu ta’ tagħmir u materjal li jagħmlu parti integrali mis-servizz provdut;

(g)

restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti s-servizzi msemmija fl-Artikolu 19.

3.   L-Istat Membru fejn il-fornitur imur m’għandux ikun imxekkel milli jimponi rekwiżiti fir-rigward tal-provvista ta’ attività ta’ servizz, fejn ikunu ġustifikati minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika, saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent u skond il-paragrafu 1. Dak l-Istat Membru lanqas m’għandu jkun imxekkel milli japplika, bi qbil mal-liġi [tal-Unjoni], ir-regoli tiegħu dwar il-kondizzjonijiet ta’ impjieg, inklużi dawk stabbiliti fi ftehim kollettiv.

[...]”

6.

L-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar is-Servizzi jipprovdi lista ta’ “Derogi addizzjonali mill-libertà li jiġu provduti servizzi”. Skont il-punt 2 ta’ din il-lista, “[l]-Artikolu 16 m’għandux japplika għal […] kwistjonijiet koperti mid-Direttiva 96/71/KE”.

7.

It-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tad-Direttiva dwar is-Servizzi tirrigwarda d-“Drittijiet ta’ riċevituri ta’ servizzi”. Skont l-Artikolu 19:

“L-Istati Membri m’għandhomx jimponu rekwiżiti fuq riċevitur li jillimitaw l-użu ta’ servizz provdut minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

obbligu li tinkiseb l-awtorizzazzjoni minn jew li ssir dikkjarazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom;

(b)

limiti diskriminatorji fuq l-għotja ta’ assistenza finanzjarja minħabba l-fatt li l-fornitur huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor jew li s-servizz jiġi provdut fi Stat Membru ieħor.

[...]”

B.   Il-dritt Awstrijak

8.

Il-Paragrafu 7m tal-Arbeitsvertragsrechts-Anpassungsgesetz (il-Liġi li Tadatta l-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Impjieg) tal-1993 (BGBl., 459/1993, iktar ’il quddiem l-“AVRAG”) jipprovdi kif ġej:

“1.   Fil-każ ta’ suspett raġonevoli ta’ ksur amministrattiv skont il-Paragrafi 7b(8), 7i jew 7k(4), u fil-każ li, minħabba ċerti ċirkustanzi, ikollu jiġi preżunt li l-prosegwiment jew l-infurzar tas-sanzjonijiet ikun impossibbli jew sostanzjalment iktar diffiċli għal motivi relatati mal-persuna tal-persuna li timpjega (il-kuntrattur) jew mal-kumpannija li tipprovdi x-xogħol, il-korpi tal-awtoritajiet tat-taxxa, flimkien ma’ investigazzjonijiet skont il-Paragrafu 7f u mal-Fond għal Btajjel bi Ħlas u Tkeċċija ta’ Ħaddiema tal-Bini, jistgħu jeħtieġu bil-miktub lill-persuna li timpjega, fil-każ tal-provvista tax-xogħol, ma tħallasx il-prezz tax-xogħol li jkun għadu dovut jew ir-remunerazzjoni għall-provvista tax-xogħol li tkun għadha dovuta jew parti minnha (sospensjoni ta’ pagamenti) […] Il-korpi tal-awtoritajiet tat-taxxa u l-Fond għal Btajjel bi Ħlas u Tkeċċija ta’ Ħaddiema tal-Bini jistgħu jimponu sospensjoni ta’ pagamenti biss meta ma setgħetx tiġi ffissata jew miġbura garanzija provviżorja skont l-Paragrafu 71.

[...]

3.   Fil-każ ta’ suspett raġonevoli ta’ ksur amministrattiv skont il-Paragrafi 7b(8), 7i jew 7k(4), u fil-każ li, minħabba ċerti ċirkustanzi, ikollu jiġi preżunt li l-prosegwiment jew l-infurzar tas-sanzjonijiet ikun impossibbli jew sostanzjalment iktar diffiċli għal motivi relatati mal-persuna tal-persuna li timpjega (il-kuntrattur) jew mal-kumpannija li tipprovdi x-xogħol, l-awtorità amministrattiva reġjonali tista’ permezz ta’ deċiżjoni teħtieġ lill-klijent jew lill-persuna li timpjega, fil-każ tal-provvista ta’ xogħol lill-persuna li timpjega, iħallas il-prezz tax-xogħol li jkun għadu dovut jew ir-remunerazzjoni għall-provvista li tkun għadha dovuta jew parti minnha bħala garanzija f’perijodu raġonevoli ta’ żmien [...]

[...]

5.   Il-ħlas skont is-subparagrafu 3 għandu jkollu l-effett li jeħles lill-klijent jew lill-persuna li timpjega mid-dejn tagħha lill-kuntrattur jew lill-kumpannija li tipprovdi x-xogħol.

[...]”

9.

Is-subparagrafi 3 u 8 tal-Paragrafu 7b tal-AVRAG jipprovdu:

“3.   Il-persuni li jimpjegaw skont it-tifsira tas-subparagrafu 1 għandhom jiddikjaraw l-impjieg tal-ħaddiema li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom fl-Awstrija bil-għan li jwettqu xogħol hemmhekk mhux iktar tard minn ġimgħa qabel ma jinbeda x-xogħol mal-Uffiċċju Ċentrali għall-Kontroll ta’ Impjieg Illegali skont l-Att dwar l-Impjieg ta’ Ċittadini Barranin (Ausländerbeschäftigungsgesetz) u skont l-[AVRAG] tal-Ministru tal-Finanzi Federali […]

[...]

8.   Kull min, bħala persuna li timpjega skont it-tifsira tas-subparagrafu 1

1.

jonqos milli jagħmel, jew jonqos milli jagħmel f’waqtu u b’mod sħiħ, bi ksur tas-subparagrafu 3, id-dikjarazzjoni inizjali jew id-dikjarazzjoni b’rabta ma’ bidliet ex-post (dikjarazzjoni ta’ emenda)[...].

[...]

iwettaq ksur amministrattiv u għandu jeħel multa mill-awtorità amministrattiva reġjonali għal kull ħaddiem ikkonċernat minn EUR 500 sa EUR 5000 u fil-każ ta’ tieni ksur jew ta’ ksur sussegwenti minn EUR 1000 sa EUR 10000. [...]”

10.

Il-Paragrafu 7i(4) tal-AVRAG huwa fformulat kif ġej:

“Kull min

1.   bħala persuna li timpjega skont it-tifsira tal-Paragrafi 7, 7a(1), jew 7b(1) u (9), ma jagħmilx disponibbli d-dokumentazzjoni dwar il-pagi bi ksur tal-Paragrafu 7d.

[...]

iwettaq ksur amministrattiv u għandu jeħel multa mill-awtorità amministrattiva reġjonali għal kull impjegat ikkonċernat minn EUR 1000 sa EUR 10000, fil-każ ta’ ksur ripetut ta’ EUR 2000 sa EUR 20000 u jekk ikunu involuti iktar minn tliet ħaddiema, għal kull ħaddiem minn EUR 2000 sa EUR 20000, fil-każ ta’ ksur ripetut ta’ EUR 4000 sa EUR 50000”.

11.

Id-dispożizzjonijiet tal-Paragrafi 7b(3), 7b(8), 7i(4) u 7m tal-AVRAG jippreżentaw is-sitwazzjoni legali prevalenti sal-31 ta’ Diċembru 2016. Fl-1 ta’ Jannar 2017 dawn kienu ssostitwiti bil-Paragrafi 19, 26, 27, 28 u 34 tal-Lohn- und Sozialdumpingbekämpfungsgesetz (il-Liġi għall-Ġlieda Kontra d-Dumping tal-Pagi u Soċjali), li l-kontenut tagħhom huwa identiku.

II. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

12.

Din il-kawża qamet f’tilwima bejn Čepelnik d.o.o. (iktar ’il quddiem “Čepelnik”) u Michael Vavti b’rabta mal-ħlas tal-bilanċ pendenti għal servizzi ta’ bini.

13.

Čepelnik hija kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita fis-Slovenja. Hija pprovdiet lil M. Vavti b’servizzi fis-settur tal-bini għal valur ta’ EUR 12200. Is-servizzi twettqu f’dar proprjetà ta’ M. Vavti, li tinsab fl-Awstrija qrib il-fruntiera mas-Slovenja, permezz tal-kollokament ta’ ħaddiema. M. Vavti għamel ħlas bil-quddiem lil Čepelnik ta’ EUR 7000.

14.

Fis-16 ta’ Marzu 2016 il-Pulizija Finanzjarja Awstrijaka wettqet spezzjoni fuq is-sit tal-bini, u sabet lil Čepelnik responsabbli għal żewġ ksur amministrattivi. L-ewwel nett, fir-rigward ta’ żewġ ħaddiema kkollokati hemmhekk, Čepelnik kienet naqset milli tavża korrettament il-bidu tax-xogħol skont il-Paragrafu 7b(8)(1) flimkien mal-Paragrafu 7b(3) tal-AVRAG. It-tieni nett, Čepelnik ma kinitx għamlet disponibbli bil-Ġermaniż id-dokumenti dwar il-pagi għal erba’ ħaddiema kkollokati hemmhekk, bi ksur tal-Paragrafu 7i(4)(1), flimkien mal-ewwel żewġ sentenzi tal-Paragrafu 7d(1) tal-AVRAG.

15.

Minnufih wara l-ispezzjoni, il-Pulizija Finanzjarja obbligat lil M. Vavti jissospendi l-pagamenti u applikat mal-awtorità amministrattiva kompetenti, il-Bezirksmannschaft Völkermarkt (l-Awtorità Amministrattiva Distrettwali ta’ Völkermarkt, iktar 'il quddiem il-“BHM Völkermarkt”, l-Awstrija) għal ordni li huwa jipprovdi garanzija. Dik il-garanzija kienet intiża sabiex tiżgura l-ħlas ta’ kull multa li jista’ jiġi ordnat fi proċeduri li kellhom jiġu istitwiti kontra Čepelnik skont l-AVRAG abbażi tal-eżitu tal-ispezzjoni. B’mod konformi mal-Paragrafu 7m(4) tal-AVRAG, il-Pulizija Finanzjarja applikat sabiex il-garanzija tkun iffissata għal ammont ugwali għall-bilanċ pendenti, jiġifieri EUR 5200. Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2016 il-BHM Völkermarkt ordnat li tiġi pprovduta l-garanzija mitluba, għall-motiv li “abbażi tal-post ta’ [stabbiliment] […] tal-fornitur ta’ servizz, li huwa fis-Slovenja, […] jista’ jiġi preżunt li l-prosegwiment u l-infurzar ikunu diffiċli ħafna jekk mhux impossibbli”. M. Vavti ma appellax minn dik id-deċiżjoni u pprovda l-garanzija fl-20 ta’ April 2016.

16.

Infetħu proċeduri kontra Čepelnik fir-rigward tal-ksur amministrattiv allegat. Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Ottubru 2016 Čepelnik kienet immultata EUR 1000 minħabba li allegatament kisret il-Paragrafu 7b(8)(1) tal-AVRAG billi ma rreġistratx tnejn mill-ħaddiema mal-korp kompetenti fl-Awstrija qabel ma bdew ix-xogħol fuq is-sit tal-bini. Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2016 Čepelnik kienet ukoll immultata EUR 8000 minħabba li allegatament kisret il-Paragrafu 7i(4)(1) tal-AVRAG billi naqset milli tagħmel disponibbli bil-Ġermaniż id-dokumenti neċessarji dwar il-pagi għal erba’ impjegati. Čepelnik appellat minn dawk id-deċiżjonijiet fit-2 ta’ Novembru 2016. Il-qorti tar-rinviju żżid li l-appelli kienu għadhom pendenti fiż-żmien tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

17.

Malli lestiet ix-xogħol Čepelnik bagħtet kont ta’ EUR 5000 lil M. Vavti sabiex jitħallas il-bilanċ pendenti. Dan tal-aħħar irrifjuta li jħallas billi saħaq li huwa kien ħallas il-bilanċ pendenti lill-BHM Völkermarkt, skont id-deċiżjoni amministrattiva ta’ dik l-awtorità. Huwa sostna li, f’konformità mal-Paragrafu 7m(5) tal-AVRAG, il-ħlas tal-garanzija lill-awtorità amministrattiva temm id-dejn tiegħu lil Čepelnik. Din tal-aħħar sussegwentement ressqet proċeduri kontra M. Vavti quddiem il-Bezirksgericht Bleiburg/Okrajno sodišče Pliberk (il-Qorti Distrettwali ta’ Bleiburg) sabiex tirkupra l-bilanċ pendenti.

18.

Minħabba li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta ta’ xi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u dwar il-kompatibbiltà tar-regoli nazzjonali inkwistjoni ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikolu 56 TFUE u [d-Direttiva 2014/67] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru milli jimponi fuq xerrej [persuna li talbet il-provvista ta’ xogħol] ta’ dak l-istess Stat sospensjoni tal-pagamenti u l-[provvista] ta’ depożitu garanzija] għal somma ugwali għall-ammont li għadu dovut, jekk [is-sospensjoni] tal-eżekuzzjoni tal-pagamenti u l-[provvista] tad-depożitu jservu biss bħala garanzija għal eventwali multa, li [għandha] tiġi imposta biss mat-tmiem ta’ proċedura separata fuq fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor?

F’każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 56 TFUE u [d-Direttiva 2014/67] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru milli jimponi fuq xerrej ta’ dak l-istess Stat sospensjoni tal-pagamenti u l-[provvista] ta’ depożitu għal somma ugwali għall-ammont li għadu dovut, meta l-fornitur tas-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, li fil-konfront tiegħu għandha tiġi imposta multa, ma jkollu ebda rimedju kontra d-deċiżjoni li timponi l-[provvista] tad-depożitu fil-kuntest tal-proċedura relattiva għad-depożitu stess, u ma jiġi rrikonoxxut [...] ebda effett sospensiv għar-rikors ippreżentat mix-xerrej kontra tali deċiżjoni?

b.

L-Artikolu 56 TFUE u [d-Direttiva 2014] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru milli jimponi fuq xerrej ta’ dak l-istess Stat sospensjoni tal-pagamenti u l-[provvista] ta’ depożitu għal somma ugwali għall-ammont li għadu dovut għas-sempliċi raġuni li l-fornitur tas-servizz huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor?

c.

L-Artikolu 56 TFUE u [d-Direttiva 2014] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru milli jimponi fuq xerrej ta’ dak l-istess Stat sospensjoni tal-pagamenti u l-[provvista] ta’ depożitu għal somma ugwali għall-ammont li għadu dovut, għalkemm l-ammont dovut lill-fornitur għadu ma huwiex eżiġibbli u għalkemm l-ammont definittiv tal-ammont dovut għadu ma huwiex iddefinit peress li jeżistu krediti oħra [kontrokrediti] u privileġġi [drittijiet ta’ retenzjoni]?”

19.

Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati minn Čepelnik, mill-Gvern Ċek, Ungeriż, Slovakk, Sloven, Awstrijak u Pollakk u mill-Kummissjoni. Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Diċembru 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet u lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex iwieġbu bil-miktub il-mistoqsijiet li ġejjin qabel is-seduta:

“1)   [Id-Direttiva dwar is-Servizzi] tapplika għal deċiżjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali? F’dan ir-rigward, qiegħda tinġibed l-attenzjoni tal-partijiet interessati għall-Artikolu 1(6) ta’ din id-direttiva.

2)   Jekk dan huwa il-każ, [id-Direttiva dwar is-Servizzi] għandha tkun interpretata bħala li tipprekludi deċiżjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali?”

20.

Čepelnik, il-Gvern Ċek, Franċiż, Slovakk, Sloven u Awstrijak u l-Kummissjoni wieġbu l-mistoqsijiet bil-miktub. Čepelnik, il-Gvern Ċek, Ungeriż, Sloven u Awstrijak u l-Kummissjoni ppreżentaw wkoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tas-26 ta’ Jannar 2018.

III. Analiżi

21.

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix lil Stat Membru milli jordna lil destinatarju ta’ servizzi jissospendi l-pagamenti u jipprovdi garanzija ugwali għas-somma pendenti (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”) għal servizz ipprovdut, permezz ta’ ħaddiema kkollokati, minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, meta l-miżura inkwistjoni sservi sabiex tiżgura l-ħlas ta’ multa eventwali, li sussegwentement tista’ tiġi imposta fuq il-fornitur mill-Istat Membru ospitanti, għal ksur tal-leġiżlazzjoni industrijali ta’ dan tal-aħħar.

22.

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix il-miżura inkwistjoni meta l-fornitur ta’ servizzi ma jkollux rimedju legali kontra tali miżura, u/jew il-miżura tkun imposta biss minħabba li dak il-fornitur ikun stabbilit fi Stat Membru ieħor, u/jew il-miżura tkun imposta anki minkejja li s-somma li għandha titħallas abbażi tal-kuntratt tkun għadha ma hijiex eżiġibbli fit-totalità tagħha, u l-ammont pendenti ta’ dik is-somma ma jkunux għadu ġie ddefinit minħabba kontrokrediti u drittijiet ta’ retenzjoni.

23.

Qabel ma nittratta l-mertu tal-kawża, jeħtieġ, madankollu, l-ewwel nett, li tiġi indirizzata l-eċċezzjoni proċedurali mqajma mill-Gvern Awstrijak u, imbagħad, li jiġu deskritti fil-qosor il-karatteristiċi ewlenin tal-miżura inkwistjoni sabiex jiġu ddeterminati d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli f’dan il-kuntest.

A.   Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

24.

Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Awstrijak joġġezzjona għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba li għar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali ma hijiex meħtieġa risposta għad-domandi rrinvijati. Dan il-Gvern jissottometti li, peress li d-deċiżjoni li tadotta l-miżura inkwistjoni hija ta’ natura amministrattiva, il-validità tagħha tista’ tiġi mistħarrġa minn qorti amministrattiva biss. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma hijiex qorti amministrattiva, u hija adita biss b’tilwima tad-dritt ċivili bejn Čepelnik u M. Vavti. Għalhekk dik il-qorti ma għandhiex ġurisdizzjoni tannulla jew temenda dik id-deċiżjoni.

25.

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni rrinvjati minn qorti nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda rrinvijata minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex rabta mal-fatti stess tal-kawża prinċipali jew mas-suġġett tagħha; meta l-problema tkun ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-materjal fattwali jew legali meħtieġ sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 4 ).

26.

F’dan ir-rigward, isegwi mill-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju li, minn naħa, hemm rabta ċara bejn id-deċiżjoni amministrattiva li timponi l-miżura inkwistjoni fuq M. Vavti u, min-naħa l-oħra, il-proċeduri ċivili mibdija minn Čepelnik kontra M. Vavti għall-irkupru tal-ammont pendenti. Il-qorti tar-rinviju tinnota li, skont il-Paragrafu 7m(5) tal-AVRAG, il-ħlas tal-garanzija lill-awtorità amministrattiva temm id-dejn ta’ M. Vavti lil Čepelnik. Għalhekk, domandi dwar il-legalità tal-garanzija ma jidhrux li huma irrilevanti għall-kapaċità tal-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi fil-kawża prinċipali.

27.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domandi magħmula.

B.   Il-miżura inkwistjoni

28.

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni. Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti nazzjonali tirreferi, b’mod partikolari, għall-Artikolu 56 TFUE u għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/67. Flimkien ma’ dan, ċerti partijiet li għamlu osservazzjonijiet f’dawn il-proċeduri sostnew ukoll li d-Direttiva dwar is-Servizzi tapplika għal dan il-każ — fatt li qanqal lill-Qorti tal-Ġustizzja titlob lill-partijiet speċifikament jieħdu pożizzjoni f’dan is-sens bil-miktub.

29.

Għaldaqstant, l-ewwel nett għandu jiġi ddeterminat liema dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni huma applikabbli għall-kawża prinċipali, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-miżura inkwistjoni.

30.

Din il-miżura tikkonsisti f’deċiżjoni adottata mill-awtoritajiet li tordna lil destinatarju ta’ servizzi jissospendi l-pagamenti u jipprovdi garanzija, minħabba nuqqas possibbli, mill-fornitur ta’ servizz, li jissodisfa l-obbligi li joħorġu mil-leġiżlazzjoni industrijali nazzjonali. Il-parti tat-tariffa kuntrattwali li tkun għadha dovuta mid-destinatarju lill-fornitur meta tkun adottata l-miżura inkwistjoni għandha titħallas lill-amministrazzjoni, li żżommha sabiex tiżgura l-ħlas ta’ sanzjonijiet li sussegwentement jistgħu jiġu imposti fuq dak il-fornitur. Tabilħaqq, meta tkun adottata l-miżura, ma tkun għadha ġiet imposta ebda sanzjoni fuq il-fornitur.

31.

F’dan l-istadju, għandi ninnota li ma jistax jiġi definittivament iddeterminat jekk il-miżura inkwistjoni hijiex (direttament jew indirettament) diskriminatorja. Dwar dan, il-Gvern Awstrijak isostni li l-Paragrafu 7m tal-AVRAG huwa, mad-daqqa t’għajn, dispożizzjoni mhux diskriminatorja minħabba li huwa applikabbli kemm għal fornituri ta’ servizzi stabbiliti fl-Awstrija, kif ukoll għal fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra.

32.

Madankollu, ma nsib xejn li jsostni dan l-argument fil-proċess. Tabilħaqq, il-ksur amministrattiv li, skont il-Paragrafu 7m tal-AVRAG, jista’ jagħti lok għall-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni (il-ksur imsemmi fil-Paragrafi 7b(8), 7i u 7k(4) tal-istess liġi) kollu jirrigwarda sitwazzjonijiet relatati mal-kollokament ta’ ħaddiema. Il-miżura inkwistjoni, għalhekk, tidher li hija mfassla sabiex tolqot biss lil fornituri ta’ servizzi barranin.

33.

Mistoqsi fis-seduta jekk, fid-dritt Awstrijak, kinitx tapplika miżura simili wkoll fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet purament interni jew għal ksur imwettaq b’mod iktar ġenerali minn fornituri ta’ servizzi nazzjonali, il-Gvern Awstrijak l-ewwel wieġeb fl-affermattiv. Iżda, meta ntalab ikun iktar speċifiku u jagħti eżempji konkreti, dak il-gvern sabha bi tqila jindika d-dispożizzjonijiet legali rilevanti jew isemmi każijiet li fihom kienet applikata miżura simili f’sitwazzjoni fejn ma kienx hemm element transkonfinali. Personalment, jiena ma sibt ebda dispożizzjoni tal-AVRAG, kif fis-seħħ fiż-żmien rilevanti, li kienet tipprevedi miżura ekwivalenti f’każijiet ta’ ksur ta’ regoli ħlief dak imsemmi fil-Paragrafu 7m tiegħu. F’dan il-kuntest, jista’ jiġi mistoqsi jekk verament kienx hemm xi ħtieġa għal tali dispożizzjoni tant estensiva meta s-sitwazzjoni tkun waħda purament interna.

34.

F’kull każ, jekk mhux direttament diskriminatorja, il-miżura inkwistjoni tidher li hija għall-inqas indirettament diskriminatorja. Tabilħaqq, il-qorti tar-rinviju tinnota li, f’din il-kawża, il-kundizzjoni għall-applikazzjoni tagħha tqieset li kienet ġiet issodisfatta għas-sempliċi raġuni li l-fornitur ta’ servizzi kien impriża Slovena. Jekk dan huwa minnu, din id-dispożizzjoni hija applikata de facto b’mod diskriminatorju: fornituri ta’ servizzi barranin u fornituri ta’ servizzi lokali huma ttrattati b’mod differenti biss minħabba l-post ta’ stabbiliment tagħhom. Madankollu, fis-seduta l-Gvern Awstrijak issottometta li, f’dan il-każ, jista’ jkun li l-Paragrafu 7m tal-AVRAG ġie sempliċement applikat ħażin.. Fil-fehma tiegħu, il-fatt li fornitur ta’ servizzi jkun stabbilit barra mill-pajjiż ma għandux ikun determinanti għall-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni.

35.

F’dan il-kuntest, u minkejja r-riżervi li għad għandi dwar dan il-punt, ser nipproċedi bl-analiżi legali abbażi tal-preżunzjoni li l-miżura inkwistjoni ma hijiex diskriminatorja.

36.

F’kull każ, hekk kif b’mod korrett tinnota l-qorti tar-rinviju, irrispettivament min-natura diskriminatorja jew mhux diskriminatorja tagħha, tali miżura tista’, min-natura tagħha stess, minn naħa, tiskoraġġixxi klijenti Awstrijaċi milli jiksbu servizzi minn fornituri stabbiliti barra mill-pajjiż u, min-naħa l-oħra, tiskoraġġixxi fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħra milli joffru, fuq bażi temporanja, is-servizzi tagħhom fl-Awstrija.

37.

Dwar l-ewwel punt, miżura bħal dik inkwistjoni tista’ ovvjament tipproduċi għadd ta’ effetti negattivi fuq klijenti li jiddeċiedu li jiksbu servizzi mingħand fornituri barranin. B’mod partikolari, ladarba l-miżura inkwistjoni tkun ġiet adottata, il-klijent ikollu jħallas il-bilanċ pendenti minn qabel lill-amministrazzjoni, minflok ma jkun jista’ jistenna sakemm jitlesta s-servizz mill-fornitur. Barra dan, il-klijent jitlef il-possibbiltà li jżomm parti mill-bilanċ dovut, bħala kumpens fil-każ ta’ xogħlijiet difettużi jew li jkunu tlestew tard, jew minħabba li tkun saret ħsara matul ix-xogħlijiet. Il-klijent jesponi wkoll lilu nnifsu għar-riskju li, meta l-fornitur isir jaf bl-applikazzjoni tal-miżura, ix-xogħlijiet jistgħu jitwaqqfu jew jiddewmu.

38.

Dwar it-tieni punt, il-miżura inkwistjoni tagħmilha inqas attraenti għal impriżi stabbiliti barra mill-pajjiż sabiex jipprovdu, fuq bażi temporanja, is-servizzi tagħhom fl-Awstrija. Tabilħaqq, huwa biżżejjed li l-awtoritajiet Awstrijaċi jkennu “suspett raġonevoli” li fornitur ikun wettaq ksur abbażi ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-AVRAG sabiex huwa jitlef id-dritt li jitlob mingħand il-klijent tiegħu l-bilanċ pendenti għas-servizz ipprovdut. Il-miżura inkwistjoni tista’, għalhekk, mill-inqas, tesponi lil fornituri ta’ servizzi għal riskji ikbar ta’ dewmien fil-ħlas tal-ammonti li, iktar iva milli le, jikkostitwixxu parti sinjifikattiva tat-tariffa globali mifthema. Il-miżura inkwistjoni tista’ wkoll tipproduċi ċerti konsegwenzi finanzjarji sfavorevoli, anki meta ma jkun twettaq ebda ksur, minħabba li l-garanzija tibqa’, għat-tul kollu tal-proċedura għall-impożizzjoni tas-sanzjoni (li tista’ ddum diversi snin), fil-kont tal-amministrazzjoni Awstrijaka fejn — jekk qiegħed nifhem sewwa — ma tipproduċi ebda interessi.

39.

F’dan il-kuntest jidher ċar li, bħala prinċipju, miżura bħal dik inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Flimkien ma’ dan, id-Direttiva dwar is-Servizzi mad-daqqa t’għajn tidher li hija wkoll rilevanti: dan l-istrument introduċa qafas legali ġenerali intiż li jitneħħew, inter alia, ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi bejn l-Istati Membri ( 5 ).

40.

Għall-kuntrarju, strumenti legali oħra msemmija wkoll mill-qorti tar-rinviju jew minn xi wħud mill-partijiet li għamlu osservazzjonijiet ma jidhirlix li huma rilevanti jew applikabbli. Nibda sabiex ngħid li, għalkemm it-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali qamet f’sitwazzjoni ta’ kollokament ta’ ħaddiema, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 96/71/KE dwar il-kollokament ta’ ħaddiema ( 6 ) ma hija direttament rilevanti. Din id-direttiva trid tikkoordina r-regoli nazzjonali sostantivi dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema kkollokati, indipendentement mir-regoli amministrattivi anċillari intiżi sabiex tkun tista’ ssir il-verifika tal-osservanza ta’ dawk it-termini u l-kundizzjonijiet. Dawn il-miżuri jistgħu, konsegwentement, jiġu ddeterminati b’mod ħieles mill-Istati Membri, b’konformità mat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 7 ).

41.

Wara dan, id-Direttiva 2014/67 dwar l-infurzar tad-Direttiva dwar il-Kollokament ta’ Ħaddiema — li, bħala prinċipju, kienet tkun rilevanti minħabba s-suġġett tagħha ( 8 ), ma hijiex applikabbli ratione temporis għat-tilwima inkwistjoni ( 9 ). Tabilħaqq, filwaqt li l-perijodu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva kien skada biss fit-18 ta’ Ġunju 2016, il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħew f’Marzu 2016. Sa fejn nista’ nifhem jiena, l-Awstrija tqis li d-Direttiva 2014/67 ġiet trasposta permezz tal-Liġi għall-Ġlieda Kontra d-Dumping tal-Pagi u Soċjali tat-13 ta’ Ġunju 2016, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2017, minħabba li kienet dik il-liġi li kienet innotifikata lill-Kummissjoni bħala miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva.

42.

Għalhekk, il-kwistjoni prinċipali f’dan il-kuntest hija li jiġi ddeterminat jekk il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ miżura bħal dik inkwistjoni għandhiex tkun eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar is-suq intern jew fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

C.   L-Artikolu 56 TFUE jew id-Direttiva dwar is-Servizzi?

43.

Mill-kawża Rina Services ( 10 ) il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement applikat ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva dwar is-Servizzi bħala l-qafas legali sabiex tiġi ddeterminata l-kompatibbilità ta’ miżuri nazzjonali mal-moviment liberu tas-servizzi meta dawk il-miżuri kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dak l-istrument legali, mingħajr ma eżaminat il-miżuri fid-dawl tal-Artikoli 49 u/jew 56 TFUE.

44.

F’dan l-istadju, il-kwistjoni prinċipali hija, għalhekk, jekk miżura bħal dik inkwistjoni taqax jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

45.

Id-Direttiva dwar is-Servizzi tapplika, bħala prinċipju, għal kull tip ta’ attività ta’ servizzi ( 11 ) u fir-rigward ta’ kull tip ta’ miżura nazzjonali li tista’ tillimita l-moviment liberu tas-servizzi ( 12 ), ħlief għall-attivitajiet u t-tipi ta’ miżuri nazzjonali li huma espliċitament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ( 13 ). B’mod partikolari, servizzi ta’ bini — li hija l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali — li huma espressament imsemmija fil-premessa 33 tad-Direttiva dwar is-Servizzi fil-lista ta’ eżempji ta’ attivitajiet koperti minn din id-direttiva.

46.

Id-Direttiva dwar is-Servizzi telenka wkoll, fl-Artikolu 1, ċerti oqsma, li hija “ma tkoprix” jew li hija “ma taffettwax”.

47.

B’riferiment għal din l-aħħar dispożizzjoni, il-Gvern Awstrijak argumenta li d-Direttiva dwar is-Servizzi ma tapplikax għall-kawża prinċipali: il-miżura inkwistjoni tagħmel parti mil-leġiżlazzjoni industrijali nazzjonali tiegħu li, skont l-Artikolu 1(6) tad-Direttiva, taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

48.

Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk dan l-argument jistax jiġi milqugħ. Għal dan il-għan, jidher utli li tkun spjegata x’inhi, fil-fehma tiegħi, it-tifsira tal-Artikolu 1(6) tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

1. L-eċċezzjoni relatata mad-dritt industrijali

49.

Skont l-Artikolu 1(6), id-Direttiva dwar is-Servizzi “ma taffettwax il-liġi ta’ l-impjieg, jiġifieri kwalunkwe dispożizzjoni legali jew kuntrattwali dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u r-relazzjoni bejn min jimpjega u l-ħaddiema, li l-Istati Membri japplikaw skond il-liġi nazzjonali li tirrispetta l-liġi [tal-Unjoni]” ( 14 ). Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-premessa 14 tad-Direttiva, li tipprovdi: “Din id-Direttiva ma taffettwax it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, inklużi perjodi ta’ xogħol massimi u perjodi ta’ serħan minimi, il-minimu tal-vaganzi annwali mħallsin, ir-rata minima ta’ ħlas kif ukoll saħħa, sigurtà u iġjene fil-post tax-xogħol, li l-Istati Membri japplikaw f’konformità mad-dritt [tal-Unjoni], lanqas ma taffettwa relazzjonijiet bejn l-imsieħba soċjali, inklużi d-drittijiet biex tinnegozja jew tikkonkludi ftehim kollettivi, id-dritt li tistrajkja u li tieħu azzjonijiet industrijali skond il-liġi u l-prattika nazzjonali li jirrispettaw il-liġi [tal-Unjoni]”.

50.

L-importanti huwa li dawk id-dispożizzjonijiet ma jipprovdux li l-qasam tad-dritt industrijali huwa, kollu kemm hu, eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Tabilħaqq, kif imsemmi, oqsma tal-liġi (pereżempju, tassazzjoni) jew attivitajiet ekonomiċi (bħal servizzi fil-kura tas-saħħa) li jaqgħu, kollha kemm huma, barra mill-ambitu kopert mid-Direttiva, huma elenkati fl-Artikolu 2, li fil-fatt għandu bħala titolu “Kamp ta’ Applikazzjoni”, u li espressament jipprovdi li d-Direttiva dwar is-Servizzi “m’għandhiex tapplika” għall-oqsma u għall-attivitajiet elenkati fih ( 15 ).

51.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, min-naħa l-oħra, huwa dwar is-“Suġġett” tad-Direttiva u, inter alia, jindividwalizza oqsma tal-liġi li d-Direttiva “ma taffettwax”. Dan ir-rekwiżit għandu, fil-fehma tiegħi, jinftiehem bħala li jfisser li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod li ma jillimitax id-drittijiet, il-libertajiet u s-setgħat li jgawdu minnhom jew l-individwi (pereżempju l-eżerċizzju ta’ drittijiet fundamentali) jew l-Istati Membri (pereżempju, sabiex jiddefinixxu dak li huma jqisu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, sabiex jirregolaw l-oqsma tad-dritt kriminali jew tad-dritt industrijali) imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha ( 16 ).

52.

Fil-fatt, mill-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva dwar is-Servizzi jirriżulta li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jiġi evitat li dak l-istrument iwassal għal kompetizzjoni regolatorja, li tinċita ġirja ’l isfel fir-rigward tal-istandards soċjali u tax-xogħol ( 17 ). Għalhekk, fi kliem sempliċi, id-Direttiva dwar is-Servizzi ma tipprekludix lill-Istati Membri milli japplikaw ir-regoli tagħhom tax-xogħol għal sitwazzjonijiet li, kieku dawk ir-regoli ma kinux jeżistu, kienu jinqabdu minn dak l-istrument.

53.

Id-Direttiva, madankollu, tissuġġetta dik is-setgħa għall-osservanza ta’ kundizzjoni waħda. Kif espressament indikat kemm fl-Artikolu 1(6) kif ukoll fil-premessa 14 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, il-fatt li d-Direttiva ma taffettwax id-dritt industrijali tal-Istati Membri huwa rrikonoxxut biss sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti “tirrispetta l-liġi [tal-Unjoni]”. Għalhekk, id-Direttiva dwar is-Servizzi mhux biss ma tagħtix lill-Istati Membri carte blanche sabiex japplikaw id-dritt industrijali tagħhom irrispettivament mill-impatt li jista’ jkun hemm fuq is-suq intern, talli tipprovdi għal eċċezzjoni limitata biss. Prinċipji u regoli oħra li jirrigwardaw is-suq intern — kemm jekk inklużi f’atti tad-dritt primarju, kif ukoll f’atti oħra tad-dritt sekondarju — jibqgħu applikabbli għad-dritt industrijali ta’ Stat Membru.

54.

Dan espost, il-kwistjoni li jmiss li rridu nesploraw hija jekk miżura bħal dik inkwistjoni taqax f’dik li hija l-eċċezzjoni relatata mal-“liġi ta’ l-impjiegi” fid-Direttiva dwar is-Servizzi.

2. In-natura tal-miżura inkwistjoni

55.

F’dan l-istadju għandi ninnota li, fil-fehma tiegħi, il-kunċett ta’ “dritt industrijali” ma jistax ikun ħlief kunċett tal-Unjoni. Xorta oħra, l-effett tad-Direttiva jkun ivarja minn Stat Membru għal ieħor, skont id-definizzjoni formali ta’ dritt industrijali adottata minn kull wieħed minnhom.

56.

Din il-pożizzjoni hija kkonfermata minn element testwali. L-Artikolu 1(6) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jinkludi spjegazzjoni ta’ x’jinkludi dan il-kunċett: “kwalunkwe dispożizzjoni legali jew kuntrattwali dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u r-relazzjoni bejn min jimpjega u l-ħaddiema”. Kif il-premessa 14 tagħmilha ċara, il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol jinkludu affarijiet bħal “perjodi ta’ xogħol massimi u perjodi ta’ serħan minimi, il-minimu tal-vaganzi annwali mħallsin, ir-rata minima ta’ ħlas”. L-istess premessa tispjega wkoll li l-kliem “[i]r-relazzjoni bejn min jimpjega u l-ħaddiema” huwa intiż ikopri r-“relazzjonijiet bejn l-imsieħba soċjali”, li jinkludu affarijiet bħal “[i]d-drittijiet biex tinnegozja jew tikkonkludi ftehim kollettivi, id-dritt li tistrajkja u li tieħu azzjonijiet industrijali”.

57.

Il-kliem tal-Artikolu 1(6) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, l-iktar meta jinqara fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-Direttiva ( 18 ), ukoll jissuġġerixxi li l-lista ta’ aspetti inklużi fih hija eżawrjenti. Dan huwa ferm iktar xieraq, fil-fehma tiegħi, minħabba li d-definizzjoni inkluża fl-Artikolu 1(6) u fil-premessa 14 tidher wiesgħa biżżejjed sabiex tkopri l-aspetti kważi kollha, jekk mhux kollha, li tipikament jitqiesu bħala li jikkostitwixxu d-dritt industrijali fil-livell tal-Unjoni jew internazzjonali ( 19 ).

58.

Minn dan, madankollu, ma jirriżultax— kif argumentaw ċerti partijiet li għamlu osservazzjonijiet f’dawn il-proċeduri — li r-regoli sostantivi biss tad-dritt industrijali (mifhuma bħala r-regoli li jistabbilixxu drittijiet u obbligi) huma koperti minn dak il-kunċett. Jiena tal-fehma li l-kunċett ta’ “dritt industrijali” għandu jinkludi wkoll ir-regoli relatati ma’ sanzjonijiet u proċeduri li jkunu speċifiċi għal dak il-qasam. Is-setgħa ta’ Stat Membru li japplika d-dritt industrijali tiegħu għal sitwazzjonijiet li bħala prinċipju, huma rregolati mid-Direttiva dwar is-Servizzi, għandha neċessarjament tinkludi s-setgħa li jkunu applikati regoli li l-għan speċifiku tagħhom ikun li jirrendu l-konformità mar-regoli sostantivi tax-xogħol effettiva, verifikabbli u infurzabbli.

59.

Madankollu, dan ma jidhirlix li huwa l-każ tal-Paragrafu 7m tal-AVRAG, anki jekk l-AVRAG, hija, b’mod ġenerali, strument li jagħmel parti mil-leġislazzjoni industrijali tal-Awstrija.

60.

Fil-fehma tiegħi l-miżura inkwistjoni ma tistax titqies li taqa’ fl-eċċezzjoni relatata mad-“dritt industrijali” li tinsab fid-Direttiva dwar is-Servizzi. Il-miżura prevista hemmhekk tiġi imposta anki jekk ma jkunx għadu ġie aċċertat ksur tad-dritt industrijali u, iktar importanti, ma tiġix imposta fuq min ikun wettaq l-allegat ksur, iżda fuq il-kontroparti kuntrattwali tiegħu. Il-pożizzjoni legali ta’ din tal-aħħar, li l-miżura inkwistjoni taffettwa direttament u minnufih, normalment ma tkunx irregolata mir-regoli tad-dritt industrijali minħabba li, għall-inqas fir-rigward ta’ dik is-sitwazzjoni, hija la tkun persuna li timpjega u lanqas impjegat. Barra minn hekk, is-somom miġbura permezz tal-miżura inkwistjoni ma humiex użati għall-protezzjoni tal-ħaddiema jew għal xi għan soċjali ieħor.

61.

Kif diversi partijiet li għamlu osservazzjonijiet f’din il-kawża nnotaw, l-għan statutorju tal-miżura inkwistjoni pjuttost huwa li tkun żgurata, għall-benefiċċju tat-teżor, l-eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu fil-futur jimponu fuq fornitur ta’ servizzi. Meta jimponu dik il-miżura, l-awtoritajiet Awstrijaċi jagħmlu użu mis-setgħat ta’ pulizija u amministrattivi tagħhom. Kif issemma iktar ’il fuq, l-effetti tal-miżura, mhux talli sempliċement iħeġġu lil fornituri ta’ servizzi josservaw il-leġiżlazzjoni industrijali nazzjonali, iżda jmorru sew lil hinn minn hekk, billi attwalment jiskoraġġixxu l-provvista transkonfinali ta’ servizzi.

62.

Tali miżura ma tistax, għalhekk, titqies bħala parti mid-“dritt industrijali” ta’ Stat Membru għall-finijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Din il-konklużjoni jidhirli li hija kkonfermata, b’mod indirett, mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża De Clercq li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “termini u kundizzjonijiet tal-impjieg” ta’ ħaddiema kkollokati għall-finijiet tad-Direttiva 96/71 ma setax jiġi estiż sabiex ikopri wkoll regoli amministrattivi intiżi sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema kkollokati ( 20 ).

63.

Fid-dawl ta’ dan li ntqal iktar ’il fuq, ser neżamina l-kompatibbiltà ta’ miżura bħal dik inkwistjoni prinċipalment abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx miegħi dwar l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva għall-kawża prinċipali, ser inkun wara qiegħed neżamina wkoll il-miżura inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 56 TFUE.

D.   Il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni

1. L-Artikoli 16 u 19 tad-Direttiva dwar is-Servizzi

64.

L-Artikoli 16 u 19 tad-Direttiva dwar is-Servizzi huma inklużi fil-Kapitolu IV tad-Direttiva, li għandu bħala titolu “Moviment liberu ta’ servizzi”. L-Artikolu 16 jistabbilixxi l-prinċipji ewlenin dwar din il-materja u jikkonċentra, b’mod iktar partikolari, fuq ir-restrizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw lill-fornituri ta’ servizzi, filwaqt li l-Artikolu 19 jirrigwarda r-restrizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw lid-destinatarji ta’ servizzi.

65.

Inqis li ż-żewġ dispożizzjonijiet japplikaw fir-rigward tal-miżura inkwistjoni. Kif spjegat fil-punti 36 sa 38 iktar ’il fuq, miżura bħal din tidher, min-natura tagħha stess, li tista’, minn naħa, tiskoraġġixxi lil klijenti Awstrijaċi milli jiksbu servizzi mingħand fornituri stabbiliti barra l-pajjiż u, min-naħa l-oħra, tiskoraġġixxi lil fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħra milli joffru fuq bażi temporanja, is-servizzi tagħhom fl-Awstrija.

66.

Għaldaqstant, il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni li bħala regola hija pprojbita mill-Artikoli 16 u 19 tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Id-domanda li jmiss wieħed x’jistaqsi hija jekk tali miżura tistax, madankollu, tkun iġġustifikata. Sabiex nindirizza din il-kwistjoni, jidhirli li jeħtieġli niċċara t-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 16 u 19 tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Ser nibda billi neżamina dik tal-ewwel li, wara, twassalni sabiex neżamina dak tal-aħħar.

a) L-interpretazzjoni korretta tal-Artikoli 16 u 19

67.

L-Artikolu 16 aktarx huwa d-dispożizzjoni l-iktar kontroversjali li hemm fid-Direttiva dwar is-Servizzi, u ċertament wieħed li t-tifsira tiegħu hija partikolarment oskura ( 21 ). Dan huwa prinċipalment minħabba l-fatt li, fil-forma finali tiegħu, l-Artikolu 16 emenda b’mod sinjifikattiv id-dispożizzjoni li kienet oriġinarjament inkluża fl-ewwel proposta tal-Kummissjoni. Il-proposta tal-2004 ( 22 ), fil-fatt kienet inkludiet fl-abbozz tal-Artikolu 16 “il-prinċipju ta’ pajjiż ta’ oriġini” u lista ta’ derogi. Madankollu, l-inklużjoni ta’ dak il-prinċipju fl-abbozz tad-Direttiva qajmet dibattitu mal-Ewropa kollha, u kienet ikkritikata, minn xi gruppi ta’ interess, talli allegatament “fetħet il-bieb” għad-dumping soċjali ( 23 ). Għal din ir-raġuni, il-proposta emendata tal-Kummissjoni, imressqa fl-2006 ( 24 ), neħħiet il-prinċipju ta’ pajjiż ta’ oriġini u abbozzat l-Artikolu 16 kważi għalkollox mill-ġdid.

68.

L-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, fil-forma finali tiegħu, iqajjem għadd ta’ kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni. Għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri, madankollu, hemm kwistjoni waħda biss li għandha tkun indirizzata: jekk miżura li tinqabad mill-Artikolu 16 tistax tkun iġġustifikata u, jekk iva, għal-liema motivi u taħt liema kundizzjonijiet.

69.

F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, billi jlaħħam u jibni fuq ir-regola fundamentali stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE. B’mod partikolari, dan jeħtieġ li l-Istati Membri jirrispettaw id-dritt li fornituri jipprovdu servizzi fi Stat Membru minbarra f’dak fejn ikunu stabbiliti.L-Istat Membru ospitanti għandu, għalhekk, jiżgura aċċess liberu għal u eżerċizzju liberu ta’ attività ta’ servizz fi ħdan it-territorju tiegħu. Rekwiżiti nazzjonali biss li josservaw il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, neċessità u proporzjonalità jistgħu jkunu ġġustifikati.

70.

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jillimita l-motivi ta’ ġustifikazzjoni għal erbgħa biss: dawk imsemmija fl-Artikolu 52 TFUE u l-protezzjoni tal-ambjent. Dak il-paragrafu jinkludi wkoll eċċezzjoni għar-“regoli tiegħu dwar il-kondizzjonijiet ta’ impjieg”, fl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni iktar ġenerali prevista fl-Artikolu 1(6) tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

71.

Kwistjoni problematika hija jekk l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jinkludix “lista sewda” ta’ rekwiżiti nazzjonali — li jfisser li dawk ir-rekwiżiti qatt ma jkunu jistgħu jiġu ġġustifikati — jew sempliċement jelenkax eżempji ta’ rekwiżiti partikolarment suspettużi li, madankollu, f’każijiet eċċezzjonali jkunu għadhom jistgħu jiġu ġġustifikati, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(1) u (3) jkunu ssodisfatti ( 25 ). Żewġ Avukati Ġenerali kellhom, f’kawżi fil-passat, fehmiet differenti dwar dan il-punt ( 26 ), u anki d-duttrina legali tidher li hija maqsuma dwar dan ( 27 ).

72.

Dan wieħed jista’ jifhmu. Tabilħaqq hemm argumenti li jsostnu ż-żewġ interpretazzjonijiet tad-dispożizzjoni.

73.

Minn naħa, l-istruttura tal-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-Servizzi pjuttost tissuġġerixxi li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 tiegħu ma jistgħux ikunu pprojbiti per se. Tabilħaqq, tista’ tkun tidher għażla stramba mil-leġiżlatura li tiġi inkluża lista sewda f’paragrafu speċifiku (il-paragrafu 2), jiġifieri bejn żewġ paragrafi (il-paragrafi 1 u 3) li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom rekwiżiti nazzjonali jkunu jistgħu jiġu ġġustifikati. Wieħed aktarx kien jistenna jsib lista bħal din jew fil-bidu jew fl-aħħar tal-Artikolu 16 jew, anki aħjar, f’dispożizzjoni distinta u speċifika. Dan huwa tabilħaqq il-każ għal rekwiżiti nazzjonali li jaffettwaw il-libertà ta’ stabbiliment; dawn jissemmew f’żewġ dispożizzjonijiet distinti: dawk “fuq il-lista sewda” fl-Artikolu 14, u dawk li huma suġġetti għal mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u għal regola ta’ ġustifikazzjoni fl-Artikolu 15. Lanqas l-Artikolu 16(2) ma jipprovdi espliċitament li dan japplika “bħala deroga” għal dak previst fil-paragrafu ta’ qabel.

74.

Min-naħa l-oħra, madankollu, l-istruttura stramba tal-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tista’ tiġi spjegata mill-istorja tagħha (kif diġà ssemma) ta’ abbozzar kollha problemi ( 28 ). Iktar importanti minn hekk, nara li hemm iktar argumenti konvinċenti sabiex isostnu l-fehma li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 tiegħu huma per se pprojbiti. Qabelxejn, il-kliem tal-Artikolu 16(2) huwa ċar ħafna meta jipprovdi li “L-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw il-libertà għall-provvista ta’ servizzi f’każ ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor billi jimponu xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti li ġejjin […]” ( 29 ). L-Artikolu 16(2), għalhekk, itenni l-kliem tal-Artikolu 14 tal-istess direttiva, li dwaru l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-rekwiżiti “ma jistgħux jiġu ġġustifikati” ( 30 ).

75.

Barra minn hekk, kieku l-leġiżlatur ried biss jelenka eżempji ta’ rekwiżiti nazzjonali li, bħal dawk maqbuda mir-regoli ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 16(1) u (3), huma bħala prinċipju pprojbiti iżda jistgħu jkunu ġġustifikati, huwa probabbilment kien jintroduċi fil-parti introduttiva tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi termini bħal “b’mod partikolari” jew “inter alia”, bħalma għamel f’dispożizzjonijiet oħra tal-istess direttiva ( 31 ). Għaldaqstant, in-natura “magħluqa” tal-lista stabbilita fl-Artikolu 16(2) tissuġġerixxi enumerazzjoni ta’ rekwiżiti mhux ġustifikabbli, li huma, għalhekk, differenti minn dawk li huma suġġetti għar-regoli (ġenerali) tal-paragrafi 1 u 3.

76.

Barra minn hekk, ir-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jidhru li huma mnebbħa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn instab li dawn kienu partikolarment ta’ ħsara għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 32 ). Fil-fatt, ma huwa xejn faċli li wieħed jipprevedi sitwazzjonijiet fejn Stat Membru jkun jista’ validament jisħaq li huwa kellu japplika dawk it-tipi ta’ rekwiżiti.

77.

Fl-aħħar nett, u b’mod importanti, ir-rekwiżiti li, skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, ma jistgħux jiġu imposti jinkludu, fl-ittra (g), “restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti s-servizzi msemmija fl-Artikolu 19” tal-istess direttiva. Id-dispożizzjoni tal-aħħar, kif imsemmi fil-punt 64 iktar ’il fuq, tirrigwarda rekwiżiti nazzjonali li jillimitaw id-dritt tad-destinatarji li jirċievu servizzi mingħand fornituri stabbiliti barra minn pajjiżhom. Jidhirli li r-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Rina Services meta ddeċidiet li r-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar is-Servizzi ma jistgħu bl-ebda mod ikunu ġġustifikati għandu japplika wkoll fir-rigward tal-Artikolu 19 tal-istess direttiva. Tabilħaqq, bħal dik tal-ewwel, anki din l-aħħar dispożizzjoni għandha bħala titolu “Restrizzjonijiet projbiti” u ma tinkludi ebda kliem li jindika li l-Istati Membri jistgħu jiġġustifikaw dawk ir-restrizzjonijiet ( 33 ).

78.

Ċertament l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar is-Servizzi jelenka biss żewġ kategoriji ta’ rekwiżiti u b’mod ċar jikkwalifika din il-lista bħala mhux eżawrjenti. In-natura miftuħa ta’ din id-dispożizzjoni tista’, għalhekk, titqies bħala indikazzjoni tal-fatt li r-restrizzjonijiet imsemmija ma humiex per se pprojbiti. Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ma hijiex, fil-fehma tiegħi, biżżejjed sabiex tixħet dubju fuq il-fatt li l-Artikolu 19 huwa intiż li jipprojbixxi għalkollox kull restrizzjoni imposta minn Stat Membru fuq id-destinatarji ta’ servizzi. Wieħed għandu jiftakar li huwa biss rarament li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tillimita l-kapaċita’ tal-klijenti nazzjonali milli jirċievu servizzi mingħand fornituri stabbiliti barra minn pajjiżhom. Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19 huwa pjuttost limitat.

79.

Għaldaqstant, jekk l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar is-Servizzi jikkostitwixxi lista sewda, l-Artikolu 16(2) tal-istess direttiva, li espressament jagħmel riferiment għalih, għandu jkun dispożizzjoni tal-istess natura.

80.

Fid-dawl ta’ dak espost iktar ’il fuq jiena tal-fehma li l-miżuri nazzjonali li jillimitaw id-drittijiet tal-fornituri ta’ servizzi jistgħu, bħala prinċipju, ikunu ġġustifikati biss għall-motivi u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(1) u (3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, jew “salvi” bid-derogi previsti fl-Artikoli 17 u 18 tal-istess direttiva ( 34 ). Madankollu, miżuri nazzjonali li jikkorrispondu għal dawk elenkati fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jistgħu jiġu introdotti jew jinżammu biss jekk ikunu koperti bl-Artikoli 17 u 18 ta’ din id-direttiva. Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, miżuri nazzjonali li jillimitaw id-drittijiet tad-destinatarji ta’ servizzi ma għandhomx, bħala prinċipju, ikunu ġġustifikati.

b) Konklużjonijiet

81.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li miżura bħal dik inkwistjoni hija inkompatibbli mal-Artikoli 16 u 19 tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

82.

Tabilħaqq, għar-raġunijiet spjegati fil-punti 36 u 37 iktar ’il fuq, il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi wkoll restrizzjoni fuq id-destinatarju ta’ servizzi u, għalhekk, tinqabad mill-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(2)(g) u fl-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Madankollu, spjegajt ukoll li, fir-rigward tar-rekwiżiti msemmija f’dawk id-dispożizzjonijiet, ebda ġustifikazzjoni ma hija, bħala prinċipju, permissibbli.

83.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq nikkonkludi li r-risposta għad-domandi rrinvijati għandha tkun li l-Artikoli 16 u 19 tad-Direttiva dwar is-Servizzi jipprekludu lil Stat Membru milli jordna, lil destinatarju ta’ servizzi jissospendi l-pagamenti u jipprovdi garanzija ugwali għall-ammont pendenti għal servizz ipprovdut, permezz ta’ ħaddiema kkollokati minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, meta l-miżura inkwistjoni sservi sabiex tiżgura l-ħlas ta’ multa eventwali, li sussegwentement tista’ tiġi imposta fuq il-fornitur mill-Istat Membru ospitanti, għal ksur tal-leġiżlazzjoni industrijali ta’ dan tal-aħħar.

2. L-Artikolu 56 TFUE

84.

Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għad-domandi rrinvijati ma tkunx differenti anki kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi huma inapplikabbli għall-kawża prinċipali u, bħala konsegwenza, kellha teżamina l-kompatibbiltà mal-Artikolu 56 TFUE ta’ miżura bħal dik inkwistjoni.

a) L-eżistenza ta’ restrizzjoni

85.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 56 TFUE jeħtieġ mhux biss it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza kontra l-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, imma wkoll l-abolizzjoni ta’ kull restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki jekk tkun tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali ta’ servizzi u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, li tkun tista’ tipprojbixxi, timpedixxi jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn huwa jipprovdi b’mod legali servizzi simili ( 35 ).

86.

Kif spjegat fil-punti 36 sa 38 iktar ’il fuq, il-miżura inkwistjoni tista’ tillimita d-drittijiet li l-fornituri ta’ servizzi u d-destinatarji ta’ servizzi jisiltu mill-Artikolu 56 TFUE.

87.

Jibqa’, għalhekk, li jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata.

b) Ġustifikazzjoni possibbli

88.

F’dan ir-rigward, wieħed għandu jiftakar li, peress li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija waħda mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, restrizzjoni ta’ dik il-libertà tkun permessa biss jekk din tkun trid tilħaq għan leġittimu kompatibbli mat-Trattati u hija ġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku; jekk dan ikun il-każ, ir-restrizzjoni għandha tkun adatta sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan li hija ssegwi u ma tmurx lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex dan jintlaħaq ( 36 ).

89.

F’dan ir-rigward, irrid l-ewwel nett nirrileva li l-għan li l-awtoritajiet nazzjonali jkun jistgħu jivverifikaw u jinfurzaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni industrijali nazzjonali ppromulgata għall-protezzjoni tal-ħaddiema u sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta u d-dumping soċjali — li hija l-ġustifikazzjoni li l-Gvern Awstrijak jinvoka — jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 37 ).

90.

Fir-rigward ta’ kemm tkun adatta miżura bħal dik inkwistjoni sabiex tiżgura li jinkiseb dak l-għan, irrid nosserva dan li ġej. Huwa minnu li, meta tagħmilha iktar diffiċli għall-intraprendituri li jevitaw iħallsu s-sanzjonijiet li jistgħu jkunu imposti fuqhom għal ksur ta’ ċerti regoli dwar ix-xogħol, il-miżura inkwistjoni tista’ tippromwovi l-konformità ma’ dawk ir-regoli.

91.

Madankollu, jista’ jkun hemm dubju dwar jekk il-miżura inkwistjoni tridx tilħaq b’mod ġenwin u koerenti l-għan invokat mill-Gvern Awstrijak. Tabilħaqq, il-miżura inkwistjoni tiġi imposta sabiex tiżgura l-ħlas ta’ sanzjonijiet għal ksur li jista’ tassew ikun purament formali u li l-konsegwenzi dannużi tiegħu jistgħu jkunu tassew limitati, filwaqt li ma tkunx tapplika (jekk qiegħed nifhem sewwa) fir-rigward ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni industrijali li jkollu konsegwenzi iktar serji għall-ħaddiema: pereżempju, nuqqas ta’ rispett għad-drittijiet għal leave tal-mard u tal-maternità, vaganzi annwali mħallsin, perijodi minimi ta’ serħan jew rati minimi ta’ ħlas, jew li jitħarsu l-istandards meħtieġa ta’ saħħa, sigurtà u iġjene fil-post tax-xogħol.

92.

Madankollu, irrispettivament minn dan l-aspett, jiena tal-fehma li l-miżura inkwistjoni hija f’kull każ mhux proporzjonata, minħabba li tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb l-għan iddikjarat. Hemm diversi raġunijiet għaliex naħseb hekk.

c) Proporzjonalità

93.

L-ewwel nett, wieħed għandu jiftakar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta Stat Membru jistrieħ fuq rekwiżiti imperattivi fl-interess pubbliku sabiex jiġġustifika regoli li jistgħu jostakolaw l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tali ġustifikazzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tad-drittijiet fundamentali issa ggarantiti mill-Karta. Għalhekk, ir-regoli nazzjonali inkwistjoni jistgħu jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet previsti biss jekk ikunu kompatibbli mad-drittijiet fundamentali li l-osservanza tagħhom hija żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 38 ).

94.

F’din il-kawża, nemmen li ż-żewġ dispożizzjonijiet tal-Karta huma partikolarment rilevanti: l-Artikolu 47 (“Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”) u l-Artikolu 48 (“Il-preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għad-difiża”). Il-miżura inkwistjoni tidher li hija problematika fid-dawl tat-tnejn li huma.

95.

Minn naħa, skont l-Artikolu 48 tal-Karta, meta l-awtoritajiet nazzjonali jaġixxu fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni, id-destinatarju ta’ deċiżjoni kuntrarja għandu jingħata l-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, sabiex l-awtorità amministrattiva kompetenti tkun tista’ tqis b’mod effettiv l-informazzjoni rilevanti kollha. Id-destinatarju għandu jkun jista’, b’mod partikolari, jikkoreġi kull żball magħmul mill-awtorità, jew jissottometti informazzjoni li tista’ tkun ta’ sostenn favur l-adozzjoni jew le tad-deċiżjoni, jew favur li hija jkollha kontenut speċifiku. Dan id-dritt għandu jiġi ggarantit anki fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma tkunx tipprovdi b’mod espress għal xi rekwiżit proċedurali speċifiku f’dak ir-rigward ( 39 ).

96.

F’dan il-każ id-destinatarju formali tal-miżura inkwistjoni kien M. Vavti. Madankollu ma jistax jiġi miċħud li l-miżura affettwat ukoll il-pożizzjoni legali ta’ Čepelnik kemm direttament kif ukoll immedjatament, billi llimitat b’mod serju d-drittijiet li hija dderivat mill-kuntratt ma’ M. Vavti. Minkejja dan, Čepelnik qatt ma nstemgħet qabel l-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni.

97.

Min-naħa l-oħra, il-miżura inkwistjoni tidher ukoll li tmur kontra r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta, li skonthom kull deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi għandha tkun tista’ tiġi kkontestata quddiem qorti li tkun tista’ tistħarreġ il-kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt invokati mir-rikorrent. B’mod partikolari, kull persuna għandha jkollha d-dritt tibda proċeduri quddiem qrati nazzjonali sabiex tikkontesta l-legalità ta’ kull deċiżjoni jew ta’ kull miżura nazzjonali oħra b’rabta mal-applikazzjoni fir-rigward tagħha tar-regoli tal-Unjoni ( 40 ).

98.

F’dan ir-rigward, nosserva li ma huwiex ċar jekk impriża li ssib lilha nnifisha fil-pożizzjoni ta’ Čepelnik ikollhiex id-dritt tippreżenta, quddiem qorti Awstrijaka, rikors għall-annullament tal-miżura inkwistjoni. Id-digriet tar-rinviju jissuġġerixxi li dan ma huwiex possibbli, fehma sostnuta wkoll minn Čepelnik, filwaqt li l-Gvern Awstrijak jargumenta li dan huwa possibbli ( 41 ). Is-sitwazzjoni, għalhekk, hija l-iktar l-iktar ambigwa. Hu x’inhu, ma nistax nara kif id-dritt għal rimedju effettiv jista’ jiġi eżerċitat b’mod li jkollu tifsira meta — kif ġara fil-każ ta’ Čepelnik — il-fornitur ta’ servizzi lanqas ma jkun mgħarraf minnufih mill-amministrazzjoni Awstrijaka bl-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni.

99.

Lanqas, ovvjament, ma huwa sodisfaċenti li l-miżura inkwistjoni setgħet tiġi kkontestata mid-destinatarju ta’ servizzi. Tabilħaqq, peress li l-provvista ta’ garanzija ttemm id-dejn tiegħu fir-rigward tal-fornitur ta’ servizzi, klijent sikwit jista’ ma jkollux interess jibda proċeduri, li wkoll jiswewlu l-flus, ħin u enerġija.

100.

It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-qorti tar-rinviju, il-miżura inkwistjoni kienet imposta biss fuq il-bażi tal-fatt li Čepelnik ma kinitx stabbilita fl-Awstrija u, konsegwentement, l-amministrazzjoni assumiet li s-sanzjoni li hija setgħet timponi fil-futur fuq dik l-impriża kienet tkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli tiġi infurzata.

101.

Għalhekk — għall-inqas f’dan il-każ — il-pożizzjoni awtomatika meħuda mill-awtoritajiet Awstrijaċi kienet li s-sempliċi fatt li impriża tkun stabbilita barra mill-pajjiż kien jiġġustifika l-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni. Madankollu, ma narax kif tista’ tkun iġġustifikata l-adozzjoni ta’ miżura restrittiva fuq bażi ġenerali u prekawzjonarja kontra (potenzjalment) kull fornitur ta’ servizzi mhux stabbilit fl-Awstrija ( 42 ). L-applikazzjoni tagħha b’mod awtomatiku u mingħajr kundizzjonijiet ma tħallix li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod adegwat iċ-ċirkustanzi individwali ta’ kull fornitur, minkejja l-fatt ovvju li mhux il-fornituri kollha rreġistrati barra minn pajjiżhom ikunu f’sitwazzjoni simili. B’mod partikolari, wieħed ma jistax jippreżumi li kollha kemm huma jistgħu jippruvaw japprofittaw irwieħhom mill-ostakoli amministrattivi li joħorġu mill-infurzar transkonfinali tas-sanzjoni sabiex jevitawha ( 43 ). Ċertament ikun hemm impriżi barranin li, minħabba d-daqs, ir-reputazzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom u, mhux l-inqas, il-bażi tal-klijentela tagħhom fl-Awstrija, ikunu jippreferu jħallsu kull sanzjoni imposta fuqhom milli jippruvaw jevadu l-liġi Awstrijaka. Ma huwiex possibbli għall-fornitur ta’ servizzi li jipproduċi provi kontra l-preżunzjoni magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali, l-iktar minħabba li huwa lanqas biss ikun mgħarraf bl-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni u, f’kull każ, ma huwa xejn ċar jekk u meta huwa jkun jista’ jidher quddiem l-awtoritajiet amministrattivi u/jew il-qorti nazzjonali li jkollha ġurisdizzjoni f’dik il-materja.

102.

Lanqas ma wieħed jista’ jippreżumi li, fil-każ li tinqala’ l-ħtieġa li s-sanzjoni tiġi infurzata b’mod transkonfinali, l-awtoritajiet Sloveni ma jkunux lesti jipprovdu l-assistenza neċessarja lill-kollegi tagħhom Awstrijaċi.

103.

Dan huwa iktar u iktar il-każ jekk wieħed iqis li bilkemm tliet xhur wara l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/67 kien stabbilit li jiskadi u l-ksur amministrattiv li għalih Čepelnik kienet ġiet immultata jidher li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ din id-direttiva. Tabilħaqq, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/67, ir-rekwiżiti amministrattivi u l-miżuri ta’ kontroll meħtieġa sabiex ikun żgurat monitoraġġ effettiv tal-konformità mal-obbligi stabbiliti f’din id-direttiva u fid-Direttiva 96/71 li l-Istati Membri jistgħu jimponu — bil-kundizzjoni li jkunu ġġustifikati u proporzjonati skont id-dritt tal-Unjoni — jinkludu r-rekwiżiti li l-fornitur ta’ servizzi jiddikjara meta jkun beda jipprovdi s-servizz, u li jżomm id-dokumentazzjoni dwar il-pagi f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti; jew f’lingwi oħra aċċettati mill-Istat Membru ospitanti.

104.

Għaldaqstant, l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu dalwaqt ikunu jistgħu jużaw il-proċeduri u l-mekkaniżmi previsti fid-Direttiva 2014/67 sabiex jinfurzaw sanzjoni li — ta’ min wieħed jenfasizza għal darba oħra — fil-mument li fih il-garanzija kienet ipprovduta ma kinitx għadha ġiet imposta. B’mod partikolari, l-Artikoli 13 sa 19 tad-Direttiva 2014/67 (Kapitolu VI dwar l-“infurzar transkonfinali ta’ penali u/jew multi amministrattivi finanzjarji”) jeħtieġu li l-Istati Membri jgħinu lil xulxin sabiex jinfurzaw ir-regoli nazzjonali adottati fl-applikazzjoni tad-Direttiva, fatt li jimplika obbligu li multi jiġu rrikonoxxuti b’mod reċiproku u li jkun hemm għajnuna b’mod reċiproku għall-irkupru ta’ sanzjonijiet u/jew multi amministrattivi. Dawk l-artikoli jistabbilixxu wkoll xi dispożizzjonijiet speċifiċi għal dak l-għan.

105.

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-miżura inkwistjoni nżammet anki wara li l-perijodu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/67 kien skada u l-Awstrija kienet innotifikat lill-Kummissjoni bit-traspożizzjoni ta’ dik id-direttiva.

106.

Minħabba dan ma huwiex meħtieġ, fil-fehma tiegħi, li jiġi ddeterminat jekk il-proċeduri stabbiliti fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji ( 44 ) jistgħux ikunu applikati għal din il-kawża, kif kien argumentat minn ċerti partijiet li għamlu osservazzjonijiet f’dawn il-proċeduri. Jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni adegwata dwar din il-materja. B’mod partikolari, ma huwiex ċar jekk id-deċiżjoni li biha l-amministrazzjoni Awstrijaka timponi sanzjonijiet finanzjarji għal ksur tal-AVRAG bħal dak li Čepelnik hija akkużata bih hijiex adottata minn waħda mill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/214.

107.

It-tielet u fl-aħħar nett, nosserva li s-sanzjonijiet li l-ġbir tagħhom il-miżura inkwistjoni hija intiża li tiżgura huma partikolarment ħorox, speċjalment għal ksur li jidher pjuttost formali (bħalma huwa s-sempliċi nuqqas ta’ provvista tad-dokumenti dwar il-pagi fil-lingwa tal-Istat Membru ospitanti ( 45 )). Dan jixhdu wkoll il-fatt li — kif tindika l-qorti tar-rinviju — is-sanzjoni li Čepelnik tista’ tiffaċċja tista’ togħla sa EUR 90000. Dan huwa ammont sinjifikattiv ħafna, meqjusa d-daqs u l-fatturat ta’ Čepelnik, u l-valur totali tax-xogħlijiet magħmula minn dik id-ditta fl-Awstrija.

108.

F’dan ir-rigward, wieħed għandu jiftakar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ regoli komuni li jirregolaw kwistjoni speċifika, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jimponu sanzjonijiet għal ksur ta’ obbligi li jirriżultaw minn leġiżlazzjoni nazzjonali. Madankollu, l-Istati Membri ma għandhomx jimponu sanzjoni tant sproporzjonata għall-gravità tal-ksur li din tkun ta’ ostakolu għal-libertajiet stabbiliti fit-Trattati ( 46 ).

109.

F’dan il-każ, it-taħlita ta’ sanzjonijiet sostanzjali ma’ garanzija bħal dik inkwistjoni tidher li tippreġudika sostanzjalment it-tgawdija tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti mit-Trattati. B’mod partikolari, meħuda flimkien, dawk il-miżuri jibdlu, bi grad sinjifikattiv, il-bilanċ delikat bejn interessi differenti (u xi drabi f’kompetizzjoni bejniethom) li d-Direttiva 96/71 trid tilħaq: il-promozzjoni tal-provvista transnazzjonali ta’ servizzi filwaqt li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema kemm fl-Istat Membru ospitanti kif ukoll f’dak ta’ oriġini ( 47 ).

110.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li miżura bħal dik inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni skont l-Artikolu 56 TFUE li ma tistax tkun iġġustifikata, minħabba li tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb l-għan segwit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

IV. Konklużjoni

111.

Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bezirksgericht Bleiburg/Okrajno sodišče Pliberk (il-Qorti Distrettwali ta’ Bleiburg, l-Awstrija) kif ġej:

L-Artikoli 16 u 19 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, jipprekludu Stat Membru milli jordna, lil destinatarju ta’ servizzi jissospendi l-pagamenti u jipprovdi garanzija ugwali għas-somma pendenti għal servizz ipprovdut, permezz ta’ ħaddiema kkollokati, minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, meta l-miżura inkwistjoni sservi sabiex tiżgura l-ħlas ta’ multa eventwali, li sussegwentement tista’ tiġi imposta fuq il-fornitur mill-Istat Membru ospitanti, għal ksur tal-leġiżlazzjoni industrijali ta’ dan tal-aħħar.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-Servizzi”) (ĠU 2006 L 376, p. 36).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (ĠU 2014 L 159, p. 11).

( 4 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 5 ) Ara speċjalment il-premessi 5 sa 7tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg [kollokament] ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431, rettifika fil-ĠU L 16, p. 66).

( 7 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014, De Clercq et, C‑315/13, EU:C:2014:2408, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 8 ) Din id-direttiva tistabbilixxi, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, “qafas komuni ta’ sett ta’ dispożizzjonijiet xierqa, miżuri u mekkaniżmi ta’ kontroll meħtieġa għal implimentazzjoni, applikazzjoni u infurzar aħjar u aktar uniformi tad-[Direttiva dwar il-Kollokament ta’ Ħaddiema] fil-prattika, inklużi miżuri ta' prevenzjoni u sanzjoni ta’ abbuż u evażjoni tar-regoli applikabbli.” L-għan segwit huwa li jkun iggarantit il-ħarsien ta’ livell xieraq ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ ħaddiema kkollokati għall-provvista transkonfinali ta’ servizzi, filwaqt li jitħaffef l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għal fornituri ta’ servizzi u tkun promossa l-kompetizzjoni ġusta bejn il-fornituri ta’ servizzi.

( 9 ) Ara wkoll, dwar dan, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014, De Clercq et, C‑315/13, EU:C:2014:2408, punti 49 sa 51. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/67 ikunu applikabbli fir-rigward tal-infurzar tal-ammont tas-sanzjoni li jkun jeċċedi l-ammont kopert mill-miżura inkwistjoni.

( 10 ) Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:399, punt 23 et seq. Ara wkoll, dwar dan, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2018, X, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 137, u tat-23 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 118.

( 11 ) Ara speċjalment l-Artikolu 2(1) u l-punt 1 tal-Artikolu 4tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 7 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

( 13 ) Ara, rispettivament, l-Artikolu 2(2) u (3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

( 14 ) Enfasi miżjuda.

( 15 ) Enfasi miżjuda.

( 16 ) Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li l-Artikolu 1(7) jipprovdi li d-Direttiva “ma taffettwax l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali”. Madankollu, ikun qiegħed jingħad l-ovvju li jingħad li d-drittijiet mogħtija mid-Direttiva dwar is-Servizzi jista’ jkollhom effett fuq l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet fundamentali (l-iktar dawk ta’ natura ekonomika) irrikonoxxuti mid-dritt nazzjonali u tal-Unjoni.

( 17 ) Il-premessa 58 tal-Proposta Inizjali tal-Kummissjoni għal Direttiva (COM(2004)2 finali/3, fil-letteratura legali sikwit imsejħa l-abbozz “Bolkestein”) kienet tipprovdi biss li “d-Direttiva ma għandhiex l-għan tindirizza kwistjonijiet ta’ dritt industrijali bħala tali”. Xi partijiet interessati, madankollu, argumentaw li tali dispożizzjoni setgħet timmina l-istandards ta’ protezzjoni soċjali u d-drittijiet fundamentali għal azzjoni kollettiva u negozjar. Bħala tweġiba għal dan it-tħassib il-Proposta Emendata tal-Kummissjoni għal Direttiva (COM(2006)160 finali, fil-letteratura legali sikwit imsejħa l-abboz “McCreevy”), fost affarijiet oħra introduċiet, fl-Artikolu 1(6), l-eċċezzjoni attwali. Dak l-abbozz ta’ dispożizzjoni wara kien ġie adottat bħala tali fid-Direttiva dwar is-Servizzi. Għal diskussjoni, ara Flower, J., “Negotiating European Legislation: The Services Directive”, Cambridge Yearbook of European Legal Studies, Vol. 9, Hart Publishing, 2007, p. 217 sa 238.

( 18 ) Pereżempju: “labour law, that is” (verżjoni Ingliża), “das Arbeitsrecht, d.h.” (verżjoni Ġermaniża); “droit du travail, à savoir” (verżjoni Franċiża); “legislazione del lavoro, segnatamente” (verżjoni Taljana); “Derecho laboral, es decir” (verżjoni Spanjola); “het arbeidsrecht …, dat wil zeggen” (verżjoni Olandiża); “legislação laboral, ou seja” (verżjoni Portugiża); “työoikeuteen, toisin sanoen” (verżjoni Finlandiża) u “arbetsrätten, dvs.” (verżjoni Svediża). Enfasi miżjuda.

( 19 ) Ara, pereżempju, l-Artikoli 27 sa 33 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikoli 151 sa 160 TFUE. Ara wkoll il-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema (adottata fil-laqgħa tal-Kunsill li nżammet fi Strasbourg fid-9 ta’ Diċembru 1989) u l-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa (iffirmata f’Torino fit-18 ta’ Ottubru 1961). Iktar reċenti, ara l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (Proklamazzjoni interistituzzjonali mill-Kummissjoni, mill-Kunsill u mill-Parlament fis-Summit Soċjali għal Impjiegi Ġusti u Tkabbir tas-17 ta’ Novembru 2017 f’Göteborg).

( 20 ) Sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014, De Clercq et, C‑315/13, EU:C:2014:2408, punti 42 sa 48.

( 21 ) Ara Barnard, C., “Unravelling the services Directive”, Common Market Law Review, Vol. 45, 2008, p. 323‑394, fi 360.

( 22 ) Iċċitata supra, nota ta’ qiegħ il-paġna 17.

( 23 ) Ara, pereżempju, Craufurd Smith, R., “Old wine in new bottles? From the “country of origin principle” to “freedom to provide services” in the European Community Directive on services in the internal market”, Mitchell Working Paper Series, 2007, p. 2.

( 24 ) Iċċitata supra, nota ta’ qiegħ il-paġna 17.

( 25 ) Il-kwistjoni qamet ukoll f’każ preċedenti iżda l-Qorti tal-Ġustizzja ma kienx jeħtiġilha tieħu pożizzjoni dwarha: ara s-sentenza tat-23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 116.

( 26 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Rina Services u Rina, C‑593/13, EU:C:2015:159, punt 34 et seq., flimkien mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑179/14, EU:C:2015:619, punti 153 et seq.

( 27 ) Ara Barnard, C., op. cit, nota ta’ qiegħ il-paġna 21, p. 364 u 365, flimkien max-xogħlijiet iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 57 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑179/14, EU:C:2015:619.

( 28 ) Ara iktar ’il fuq, il-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 29 ) Enfasi miżjuda.Għalkemm id-dispożizjoni mhux dejjem għandha kliem identiku fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva, ma sibt ebda verżjoni li tissuġġerixxi approċċ inqas rigoruż dwar din il-materja.

( 30 ) Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et, C-593/13, EU:C:2015:399, punt 28.

( 31 ) Ara, pereżempju, l-Artikoli 17 u 19. Għall-kompletezza, għandi nirrileva li l-verżjoni Taljana tal-Artikolu 16(2) tinkludi, qabel il-lista ta’ rekwiżiti pprojbiti, il-kliem “in particolare”; kliem li, madankollu, jiena ma sibt f’ebda waħda mill-verżjonijiet l-oħra tad-Direttiva li jiena vverifikajt.

( 32 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑179/14, EU:C:2015:619, punti 153 u 154 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 33 ) Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:399, punt 30.

( 34 ) Dawk id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw, rispettivament, “Derogi addizzjonali mill-libertà li jiġu provduti servizzi” (bħal, pereżempju, servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li huma pprovduti fi Stat Membru ieħor, inter alia, fis-setturi postali, tal-elettriku, tad-distribuzzjoni tal-ilma u tat-trattament tal-iskart) u “Derogi każ b’każ” (fir-rigward ta’ miżuri b’rabta mas-sigurtà tas-servizzi).

( 35 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Citroën Belux, C‑265/12, EU:C:2013:498, punt 35 u tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 35.

( 36 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri, C‑341/05, EU:C:2007:809, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 37 ) Ara, dwar dan, is-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wolff & Müller, C‑60/03, EU:C:2004:610, punti 35 u 41 u tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑577/10, EU:C:2012:814, punt 45.

( 38 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 35 u s-sentenza ċċitata.

( 39 ) Ara speċjalment is-sentenza tad-19 ta’ Frar 2009, Kamino International Logistics, C-376/07, EU:C:2009:105, punti 37 sa 39.

( 40 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C64/16, EU:C:2018:117, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 41 ) Ninnota li l-Gvern Awstrijak seta’, sabiex isostni l-argument tiegħu, isemmi kawża waħda biss fejn qorti tal-appell kienet irrikonoxxiet il-kwalità ta’ parti fil-proċedura lill-fornitur ta’ servizzi, billi qalbet id-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza li kienet ċaħditha. Čepelnik, madankollu, semmiet kawża oħra fejn pożizzjoni simili kienet ġiet miċħuda minn qorti tal-appell oħra, u kawża (li għadha pendenti) fejn l-amministrazzjoni Awstrijaka argumentat li l-fornitur ta’ servizzi ma kellux dritt jikkontesta miżura bħal dik inkwistjoni. Ta’ iktar sinjifikat, Čepelnik għarrfet lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-kawża tagħha stess, il-qorti nazzjonali li kellha ġurisdizzjoni, kienet għadha, minkejja li kien għadda ż-żmien, ma ħaditx deċiżjoni dwar jekk dik l-impriża kellhiex locus standi sabiex tibda proċeduri kontra l-miżura inkwistjoni.

( 42 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑433/04, EU:C:2006:702, punti 35 sa 38.

( 43 ) Ara, dwar dan, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant, C‑9/02, EU:C:2004:138, punti 51 u 52; tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 31 u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Deister Holding u Juhler Holding, C‑504/16 u C-613/16, EU:C:2017:1009, punt 61.

( 44 ) ĠU 2006 L 159M, p. 256.

( 45 ) Skont il-qorti tar-rinviju, id-dokumenti dwar il-pagi li kienu nieqsa kienu ġew ippreżentati malajr wara l-ispezzjoni mill-korp ta’ superviżjoni.

( 46 ) Dwar dan, ara, inter alia, is-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos, C‑193/94, EU:C:1996:70, punt 36 u tas-7 ta’ Lulju 1976, Watson u Belmann, 118/75, EU:C:1976:106, punt 21.

( 47 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 5 tad-Direttiva 96/71.

Top