Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0009

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-13 ta’ Diċembru 2017.
    Kawża mressqa minn Maria Tirkkonen.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE - Proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi ta’ konsulenza agrikola - Eżistenza jew le ta’ kuntratt pubbliku - Sistema ta’ xiri ta’ servizzi li tikkonsisti fl-ammissjoni ta’ kull operatur ekonomiku li jissodisfa kundizzjonijiet prestabbiliti bħala fornitur - Sistema mhux miftuħa sussegwentement għal operaturi ekonomiċi oħra.
    Kawża C-9/17.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:962

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

    ippreżentati fit-13 ta’ Diċembru 2017 ( 1 )

    Kawża C‑9/17

    Maria Tirkkonen

    bl-intervent ta ’:

    Maaseutuvirasto

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja))

    “Domanda preliminari — Direttiva 2004/18/KE — Proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi konsultattivi agrikoli — Eżistenza ta’ kuntratt pubbliku — Sistema ta’ akkwist ta’ servizzi permezz ta’ kuntratti rregolati minn ftehim qafas u miftuħa għal kull operatur ekonomiku li jissodisfa kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel — Sistema mhux miftuħa sussegwentement lil operaturi ekonomiċi oħrajn”

    1.

    Fost l-għajnuniet għall-iżvilupp rurali ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) hemm dawk intiżi għall-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza lill-bdiewa. L-awtoritajiet nazzjonali jagħżlu l-konsulenti li għandhom jagħtu pariri professjonali lil dawn il-bdiewa permezz ta’ proċeduri miftuħa, bħala prinċipju, għal dawk li jissodisfaw ir-rekwiżiti xierqa għal dan il-kompitu.

    2.

    Fil-qafas ta’ waħda minn dawn il-proċeduri tal-għażla, Maria Tirkkonen ressqet l-applikazzjoni tagħha sabiex tinħatar konsulent rurali, billi mliet il-formola meħtieġa. Madankollu, hija naqset milli timla l-punt fejn kellha tindika jekk taċċettax il-“kundizzjonijiet li jinsabu fl-abbozz tal-kuntratt qafas”, li wassal sabiex il-kandidatura tagħha tiġi miċħuda mill-awtorità kontraenti.

    3.

    Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, dan in-nuqqas jiġi rrimedjat jekk tiġi applikata l-liġi nazzjonali li tirregola r-relazzjonijiet bejn l-amministrazzjoni pubblika u l-applikanti. Madankollu, peress li huwa rregolat mil-liġi nazzjonali dwar il-kuntratti pubbliċi, jidher li l-iżball ma jistax jitranġa. Dak hu li għall-inqas ġie ddikjarat kemm mill-amministrazzjoni Finlandiża kif ukoll mill-qorti tal-ewwel istanza li kkonfermat id-deċiżjoni tagħha.

    4.

    F’dan il-kuntest, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) tixtieq tkun taf, finalment, jekk il-mekkaniżmu ta’ għażla tal-konsulenti rurali li huwa s-suġġett tat-tilwima jikkostitwixxix “kuntratt pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE ( 2 ).

    5.

    Fir-risposta għad-domandi tagħha, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, relatata ma’ dan is-suġġett, li tirriżulta mill-kawża Falk Pharma ( 3 ) li, fil-fehma tiegħi, tagħti biżżejjed indikazzjonijiet sabiex tinstab soluzzjoni għal din it-tilwima.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    1. Id-Direttiva 2004/18

    6.

    Skont l-Artikolu 1 (“Definizzjonijiet”):

    “[…]

    2.

    a)

    ‘Kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.

    […]

    5.

    ‘Qafas ta’ ftehim’ huwa ftehim bejn wieħed jew aktar mill-awtoritajiet kuntrattwali u wieħed jew aktar mill-operaturi ekonomiċi, fejn l-għan huwa li jiġu stabbiliti t-termini li jirregolaw l-kuntratti li jiġu mgħotija f’ċertu perjodu stabbilit, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezz u, fejn huma xierqa, il-kwantità prevvista.

    […]”

    7.

    L-Artikolu 32 (“Kwadri ta’ ftehim [Ftehim qafas]”) jipprovdi:

    “[…]

    2.   Għall-[għan] li jiġi konkluż kwadri ta’ ftehim [ftehim qafas], awtoritajiet kontrattwanti għandhom isegwu r-regoli ta’ proċedura li sar riferiment għalihom f’din id-Direttiva għall-fażijiet kollha sal-għoti tal-kuntratti bbażati fuq dak il-kwadru ta’ ftehim. Il-partijiet f’dan il-kwadru ta’ ftehim għandhom ikunu magħżula billi jiġu applikati l-kriterji mniżżlin skond l-Artikolu 53.

    Kuntratti ibbażati fuq kwadru ta’ ftehim għandhom ikunu mogħtija skond il-proċeduri imniżżlin fil-paragrafi 3 u 4. Dawn il-proċeduri jistgħu jkunu applikati biss bejn l-awtoritajiet kontrattwanti u l-operaturi ekonomiċi oriġinarjament imsieħba fil-kwadru ta’ ftehim.

    Meta se jingħataw kuntratti ibbażati fuq kwadru ta’ ftehim, il-partijiet taħt l-ebda ċirkonstanza ma jistgħu jagħmlu tibdiliet sostanzjali fit-termini imniżżlin f’dak il-kwadru ta’ ftehim, partikolarment fil-każ li sar riferiment għalih fil-paragrafu 3.

    […]

    4.   Fejn kwadru ta’ ftehim hu konkluż ma’ diversi operaturi ekonomiċi, dawn ta’ l-aħħar iridu jkunu mill-inqas tlieta fin-numru, safejn ikun hemm numru biżżejjed ta’ operaturi eknonomiċi biex jissodisfaw l-kriterji ta’ għażla u/jew ta’ offerti ammissibli li huma xierqa għall-kriterji ta’ għotja.

    Kuntratti ibbażati fuq kwadri ta’ ftehim konklużi ma’ diversi operaturi ekonomiċi jistgħu jkunu mogħtija jew:

    b’applikazzjoni tat-termini mniżżlin fil-kwadru ta’ ftehim mingħajr ma’ terġa’ tinfetaħ kompetizzjoni, jew;

    fejn mhux it-termini kollha jkunu imniżżlin fil-kwadru ta’ ftehim, meta l-partijiet huma mill-ġdid f’kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ l-istess u, jekk meħtieġ, termini formulati b’aktar preċiżjoni, u, fejn xieraq, termini oħra li sar riferiment għalihom fl-ispeċifikazzjonijiet fil-kwadru ta’ ftehim, skond il-proċedura li ġejja:

    a)

    għal kull kuntratt li se jingħata, awtoritajiet kontrattwanti għandhom jikkonsultaw bil-miktub mal-operaturi ekonomiċi kapaċi li jwettqu l-kuntratt;

    b)

    awtoritajiet kontrattwanti għandhom jiffisaw limitu ta’ żmien li jkun twil biżżejjed li jippermetti offerti għal kull kuntratt speċifiku li għandu jkun sottomess, jieħdu akkont fatturi bħall-kumplessità tal-kontenut suġġettiv u ż-żmien meħtieġ sabiex jintbagħtu l-offerti;

    c)

    l-offerti għandhom jintbagħtu bil-miktub, u l-kontenut tagħhom għandu jibqa’ kunfidenzali sakemm il-limitu ta’ żmien stipulat għal tweġiba ikun skada;

    d)

    awtoritajiet kontrattwanti għandhom jagħtu kull kuntratt lil dak li jkun issottometta l-aħjar offerta fuq il-bażi tal-kriterji ta’ għotja imniżżlin fl-ispeċfikazzjonijiet tal-kwadru ta’ ftehim.”

    8.

    L-Artikolu 53 (“Kriterji ta’ għotja ta’ kuntratt”) jindika:

    “1.

    Mingħajr preġudizzju għal liġijiet nazzjonali, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi li jikkonċernaw il-ħlas għal ċerti servizzi, il-kriterji li fuqhom l-awtoritajiet kontrattwanti għandhom jibbażaw l-għotja ta’ kuntratti pubbliċi għandhom ikunu jew:

    a)

    meta l-għotja tingħata lil offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament skond l-opinjoni ta’ l-awtoritajiet kontrattwanti, kriterji varji marbutin mal-kontenut suġġettiv tal-kuntratt pubbliku in kwistjoni, per eżempju, kwalità, prezz, mertu tekniku, karatteristiċi estetiċi u funzjonali, karattersitiċi ambjentali, spejjeż rikorrenti, effett ta’ spiża, servizz ta’ wara l-bejgħ u għajnuna teknika, data tal-konsenja u perjodu ta’ konsenja jew perjodu ta’ tlestija, jew;

    b)

    l-aktar prezz baxx biss.

    2.

    Mingħajr preġudizzju għall-disposizzjonijiet tat-tielet sub-paragrafu, fil-każ li sar riferiment għalih f’paragrafu 1(a) l-awtorità kontrattwanti għandha tispeċifika fl-avviż ta’ kuntratt jew fid-dokumenti tal-kuntratt jew, fil-każ ta’ djalogu kompetittiv fid-dokument deskrittiv, il-piż relattiv li hi tagħti lil kull wieħed mill-kriterji magħżula biex tiġi determinata l-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament.

    Dawk il-piżijiet jistgħu jkunu espressi billi jiġi provdut rank b’firxa massima xierqa.

    Fejn, fl-opinjoni ta’ l-awtorità kontrattwanti ma jkunx possibbli li jingħata piż għal raġunijiet dimostrabbli, l-awtorità kontrattwanti għandha tindika fl-avviż tal-kuntratt jew dokumenti tal-kuntratt jew, fil-każ ta’ djalogu kompetittiv, fid-dokument deskrittiv, il-kriterji f’ordni għan-niżla ta’ importanza.”

    2. Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 ( 4 )

    9.

    L-Artikolu 15(3) jipprevedi:

    “L-awtoritajiet jew il-korpi magħżula biex jipprovdu pariri għandu jkollhom ir-riżorsi adatti fil-forma ta’ persunal imħarreġ regolarment u kkwalifikat, u esperjenza u affidabbiltà fir-rigward tal-oqsma li dwarhom huma jagħtu pariri. Il-benefiċjarji taħt din il-miżura għandhom jintgħażlu permezz ta’ sejħiet għall-offerti. Il-proċedura tal-għażla għandha tkun irregolata mil-liġi dwar l-akkwist pubbliku [il-kuntratti pubbliċi] u għandha tkun miftuħa għal korpi kemm pubbliċi kif ukoll dawk privati. Din għandha tkun oġġettiva u għandha teskludi kandidati b’kunflitti ta’ interess.

    […]”

    3. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 ( 5 )

    10.

    L-Artikolu 7 jipprovdi:

    “Is-sejħiet għall-offerti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandhom isegwu r-regoli tal-akkwist pubbliku [kuntratti pubbliċi] nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli. Dawn għandhom jikkunsidraw kif xieraq il-livell ta’ kisba mill-applikanti tal-kwalifiki msemmijin f’dak l-Artikolu.”

    B.   Id-dritt nazzjonali

    11.

    Id-Direttiva 2004/18 ġiet trasposta fil-Finlandja permezz tal-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi (il-Liġi 348/2007).

    12.

    Skont l-Artikolu 45(1) tal-Liġi dwar l-implementazzjoni ta’ għajnuniet agrikoli (il-Liġi 192/2003, kif emendata bil-Liġi 501/2014), il-konsulenti jintgħażlu konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi u għal perijodu ta’ żmien li jintemm mal-iskadenza tal-Programm ta’ Żvilupp Rurali tal-Finlandja Kontinentali 2014-2020.

    13.

    Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, għall-għażla u l-approvazzjoni tal-konsulent, huwa essenzjali li l-konsulent ikollu biżżejjed għarfien tekniku dwar il-kontenut u l-portata tal-konsulenza li għandha tingħata. Bl-istess mod, huwa għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà rikjesti.

    II. Il-fatti

    14.

    Fis-16 ta’ Settembru 2014, il-Maaseutuvirasto (l-Aġenzija Finlandiża għaż-Żoni Rurali, iktar ’il quddiem, l-“Aġenzija”) nediet sejħa għal offerti, fi proċedura miftuħa taħt il-forma ta’ ftehim qafas, għal servizz ta’ konsulenza lill-ażjendi agrikoli għall-perijodu 2015-2020.

    15.

    L-avviż kien jiddikjara li l-proċedura kienet miftuħa għal konsulenti pubbliċi u privati u li l-għan tagħha kien li jinstabu fornituri tas-servizzi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1305/2013 u tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ( 6 ), minbarra li jkollhom esperjenza konsultattiva.

    16.

    Is-sistema tal-għażla kienet ibbażata fuq ftehim qafas, konformement mal-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, b’tali mod li l-fornituri tas-servizz kienu inklużi fih permezz tal-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 65 ta’ din il-liġi.

    17.

    Il-ftehim qafas kien jinkludi l-kundizzjonijiet essenzjali għall-provvista tas-servizz. Il-kuntratti sussegwenti jiġu allokati mingħajr proċedura speċifika ta’ għoti, b’tali mod li l-bidwi/operatur agrikolu li jitlob dan, jirċievi l-konsulenza li, fl-opinjoni tiegħu, tissodisfa l-bżonnijiet tiegħu bl-aħjar mod. Bħala prinċipju, huwa jirrikorri għas-servizzi offruti fl-ambjent immedjat, u jista’ juża konsulenti oħra f’każijiet iġġustifikati.

    18.

    Ir-remunerazzjoni tal-konsulenti tiddependi fuq il-ħinijiet ta’ servizz u tkun ipprovduta mill-Aġenzija (eskluża l-VAT, li jħallasha l-bidwi li jkun ingħata l-parir).

    19.

    Fid-dawl tad-domanda eżistenti għal konsulenza, il-konsulenti kollha li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà u l-kundizzjonijiet minimi stabbiliti fl-annessi tal-ftehim qafas jiġu aċċettati. Barra minn hekk, il-kandidati għandhom jgħaddu minn eżami speċifiku, bħala parti mill-proċedura tal-għażla.

    20.

    Permezz tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2014, l-Aġenzija rrifjutat l-applikazzjoni ta’ M. Tirkkonen, minħabba li ma kinitx imliet il-paragrafu 7 tal-formola “Konformità mar-rekwiżiti formali tal-offerta u r-rekwiżiti ta’ sejħa għal offerti” (Anness 2 tas-sejħa għal offerti). F’dak il-paragrafu hija kellha tindika, billi timmarka l-kaxxa “iva” jew “le”, jekk kienet “taċċetta l-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti inklużi fl-abbozz tal-kuntratt qafas”.

    21.

    M. Tirkkonen ikkontestat id-deċiżjoni tal-Aġenzija quddiem il-Markkinaoikeus (il-Qorti għal kwistjonijiet ekonomiċi), bl-argument li din ma kinitx proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Għalhekk, ma kinitx applikabbli l-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, iżda l-Liġi dwar l-amministrazzjoni pubblika, li tobbliga lill-Aġenzija teħtieġ li din timla d-dokumenti għall-offerta tagħha.

    22.

    Wara li t-talba tagħha ġiet miċħuda, fis-7 ta’ Settembru 2015, mill-Markkinaoikeus (il-Qorti għal kwistjonijiet ekonomiċi), M. Tirkkonen appellat quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), li tagħmel id-domanda preliminari.

    23.

    Skont id-digriet tar-rinviju, għandu jiġi ċċarat jekk “is-sistema ta’ servizzi ta’ konsulenza [tal-Aġenzija] tikkostitwixxix kuntratt pubbliku li jaqa’ fil-kampa ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18 u, għaldaqstant, tal-liġi nazzjonali dwar il-kuntratti pubbliċi ( 7 )”.

    III. Id-domanda preliminari

    24.

    Id-domanda preliminari fformulata kif ġej:

    “L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE għandu jiġi interpretat li jfisser li d-definizzjoni ta’ ‘kuntratt pubbliku’ fis-sens ta’ din id-direttiva tinkludi sistema

    li permezz tagħha organu pubbliku jkollu l-intenzjoni li jikseb servizzi fis-suq matul perijodu limitat bil-quddiem, billi jikkonkludi kuntratti, suġġetti għall-kundizzjonijiet ta’ ftehim qafas anness mas-sejħa għal offerti, mal-operaturi ekonomiċi kollha li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi fil-fajl ta’ sejħa għal offerti fir-rigward tal-kapaċità tal-fornituri u tas-servizz ipprovdut, u li jgħaddu minn eżami deskritt iktar preċiżament fis-sejħa għal offerti, u

    li tul il-perijodu ta’ validità tal-kuntratt ma jkunx iktar possibbli li ssir aderazzjoni magħha?”

    IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-pożizzjoni tal-partijiet

    25.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Jannar 2017. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn M. Tirkkonen, il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni. Ma tqiesx li kien neċessarju li ssir seduta.

    26.

    M. Tirkkonen issostni li, mit-tliet stadji f’kull sejħa għal offerti (verifika tal-adegwatezza tal-offerenti, evalwazzjoni tal-konformità tal-offerti mas-sejħa; għażla ta’ offerta fuq il-kriterju tal-iktar prezz baxx jew tar-relazzjoni tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji), f’din il-proċedura ma sarx it-tielet stadju minħabba li l-offerti ma ġewx ipparagunati bejniethom u l-għażla tal-fornitur tas-servizz kienet tal-bidwi. B’mod partikolari, hija tinnota li l-140 konsulent magħżula inizjalment ġew eżaminati u għaddew 138 minnhom, mingħajr ma ġew ikklassifikati skont il-mertu f’dan l-eżami. In-nuqqas ta’ għażla bejn l-offerti rċevuti jeskludi l-eżistenza ta’ kuntratt pubbliku.

    27.

    Il-Gvern Finlandiż jenfasizza r-rilevanza tal-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza Falk Pharma, u jinnota, madankollu, li f’dan il-każ is-sistema ma hijiex miftuħa b’mod permanenti għal offerenti ġodda. Fil-fehma tiegħu, il-fatt li l-awtorità kontraenti “timponi fuq diversi rekwiżiti speċifiċi li ma humiex ibbażati fil-leġiżlazzjoni ( 8 )” iwassal sabiex dik is-sistema titqarreb lejn il-kunċett ta’ kuntratt pubbliku. L-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi tkun iġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kriterji tal-għażla ma jiġux stabbiliti b’mod diskriminatorju.

    28.

    Il-Gvern Finlandiż jallega, ukoll, li mill-163 offerta rċevuta, 140 biss ġew aċċettati kundizzjonalment, u 138 minnhom ġew finalment aċċettati. Din l-informazzjoni turi n-natura selettiva tal-proċedura u l-intenzjoni tal-awtorità kontraenti li taċċetta biss l-aħjar offerti, kif ukoll in-natura dissważiva tal-kundizzjonijiet mitluba lill-offerenti.

    29.

    Finalment, għall-Gvern Finlandiż, it-terminu ta’ sitt snin tal-perijodu ta’ validità tas-sistema jimplika li, matul dan iż-żmien, ma jistgħux jiġu aċċettati konsulenti ġodda, u dan jagħmel il-proċedura kkontestata differenti minn sempliċi sistema ta’ awtorizzazzjoni.

    30.

    Il-Kummissjoni temmen li r-rekwiżiti speċifiċi tas-sejħa għal offerti dwar l-eliġibbiltà tal-offerent u dwar is-servizz, kif stabbilit mill-qorti tar-rinviju, ma jikkostitwixxux kriterju ta’ għoti, iżda sempliċiment kriterju ta’ għażla.

    31.

    Għall-Kummissjoni, il-proċedura ma kinitx tinkludi kriterji ta’ għoti u l-Aġenzija ma tistax teskludi jew tirrifjuta lil konsulent kompetenti magħżul minn bidwi. Fil-qosor, fil-proċedura ntużaw biss kriterji ta’ għażla.

    32.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tiżgura li l-kawża hija simili għal dik deċiża fis-sentenza Falk Pharma, li l-ġurisprudenza tagħha ġiet ikkorroborata bid-Direttiva 2014/14/UE ( 9 ). Fl-opinjoni tagħha, ma huwiex importanti li s-sistema ma hijiex miftuħa b’mod permanenti għall-partijiet interessati, minħabba li n-nuqqas ta’ għażla hija raġuni biżżejjed sabiex ma tiġix ikklassifikata bħala kuntratt pubbliku.

    V. Evalwazzjoni

    33.

    Skont il-qorti tar-rinviju, l-amministrazzjoni Finlandiża nediet programm ibbażat fuq ir-Regolament Nru 1305/2013, li l-Artikolu 15(3) tiegħu jiddikjara li l-proċedura ta’ għażla tal-fornituri ta’ servizzi ta’ konsulenza għandha tkun irregolata mil-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi. Għaldaqstant, id-domanda preliminari għandha tingħata risposta fuq il-bażi tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi.

    34.

    Nemmen li dan ir-riferiment għal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proċedura ta’ għażla tal-konsulenti rurali għandha tkun konformi mal-prinċipji (ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza) li jirregolaw dan is-settur tal-ordinament ġuridiku. Fl-opinjoni tiegħi, dan ma huwiex rekwiżit li jimplika li tiġi adottata kull waħda mid-dispożizzjonijiet tad-direttivi tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi.

    35.

    B’mod partikolari, il-qorti a quo tixtieq tkun taf jekk sistema bħal dik preżenti “taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18”. Nixtieq infakkar li, skont din, huwa maħsub li jkun hemm numru indeterminat ta’ persuni li għandhom jipprovdu pariri agrikoli lill-bdiewa, li jiġu magħżula permezz ta’ proċedura, suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehim qafas, li jistgħu jipparteċipaw fiha dawk li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u li jgħaddu minn eżami. Is-sistema hija valida għal terminu ta’ żmien limitat, li matulu hija eskluża l-ħatra ta’ konsulenti ġodda.

    36.

    Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, kif tosserva l-Kummissjoni ( 10 ), mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jidhru li jiġu sodisfatti l-karatteristiċi tipiċi tal-kuntratti ddefiniti mill-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18. Dan huwa, fil-fatt, kuntratt, irregolat minn ftehim qafas, li huwa konkluż bil-miktub bejn operatur ekonomiku (il-konsulent) u awtorità kontraenti (l-Aġenzija), li l-għan tiegħu huwa l-provvista ta’ servizzi bi ħlas. Dan l-aħħar punt, b’mod partikolari, minħabba li, skont il-qorti tar-rinviju ( 11 ), is-servizzi ta’ konsulenza huma ta’ benefiċċju, ovvjament, għall-bidwi li jirċevihom, iżda wkoll għall-Aġenzija li tħallashom u li jipprovduhom f’isimha, fil-firxa tal-kompetenzi amministrattivi tagħha.

    37.

    Madankollu, wieħed ma għandux jinsa li, għall-Qorti tal-Ġustizzja, “[l]-għażla ta’ offerta, u għaldaqstant ta’ offerent magħżul, għalhekk tidher bħala li hija element intrinsikament marbut mar-regolamentar tal-kuntratti pubbliċi permezz ta’ […] id-direttiva [2004/18] u, konsegwentement, mal-kunċett ta’ ‘kunratt pubbliku’ fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tagħha” ( 12 ).

    38.

    Ma naħsibx li dan l-approċċ tas-sentenza Falk Pharma huwa riduttiv wisq. Permezz tiegħu, qed jiġi indikat li, fl-aħħar mill-aħħar, fil-kuntratti pubbliċi suġġetti għad-Direttiva 2004/18 għandu jkun hemm offerent magħżul, li jkun ippreferut mill-bqija tal-kompetituri tiegħu skont il-kwalitajiet tal-offerta tiegħu. U dan l-element ewlieni huwa prevedibbli “[g]ħal kull kuntratt, kwadru ta’ ftehim [kull ftehim qafas], u kull stabbiliment ta’ sistema ta’ xiri dinamiku”, li fir-rigward tiegħu “l-awtoritajiet kontraenti għandhom jistabbilixxu rapport bil-miktub li jinkludi isem l-offerent magħżul u l-ġustifikazzjoni għall-għażla tal-offerta tiegħu” [ittra e tal-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2004/18, enfasi miżjuda] ( 13 ).

    39.

    Fil-fehma tiegħi, fis-sistema li qed tiġi diskussa ma huwiex possibbli li tiġi identifikata l-eżistenza ta’ kriterji għall-allokazzjoni jew għoti ta’ kuntratti għal servizzi ta’ konsulenza, iżda biss kriterji ta’ għażla ta’ operaturi ekonomiċi mħarrġa sabiex joffru dawk is-servizzi.

    40.

    Kif fakkar l-Avukat Ġenerali Wathelet fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Ambisig ( 14 ), hemm żewġ tipi ta’ kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejniethom. Hemm differenza bejn “il-verifika tal-kapaċità tal-offerenti li jeżegwixxu l-kuntratti li ser jingħataw”, minn naħa, u “l-għoti tal-kuntratt” bħala tali, min-naħa l-oħra. “Filwaqt li s-selezzjoni ta’ offerent tirrigwarda s-sitwazzjoni personali tiegħu u l-kapaċità tiegħu li jwettaq l-attività professjonali inkwistjoni, il-kuntratt jingħata lill-offerent li jippreżenta l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti [Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18] jew li tipproponi l-iktar prezz baxx [paragrafu 1 (b) tal-istess artikolu]”.

    41.

    Fi kliem ieħor, jekk permezz tal-kriterji tal-għażla l-offerenti jiġu evalwati skont il-ħiliet tagħhom, permezz tal-kriterji ta’ għoti għandha tiġi identifikata u magħżula l-iktar offerta xierqa fost dawk magħmulin mid-diversi offerenti. Peress li huwa mixtieq li jsir “[i]l-bidu tal-kisba għall-kompetizzjoni” ( 15 ), l-operaturi ekonomiċi għandhom jikkompetu ma’ xulxin, bħala rivali, sabiex jingħataw il-kuntratt għall-provvista tas-servizz.

    42.

    Jiena naħseb li, minn din il-perspettiva, id-dikjarazzjoni tal-qorti tar-rinviju hija kruċjali, fis-sens li “fil-proċedura tas-sejħa għal offerta ma humiex stabbiliti kriterji ta’ għoti li jippermettu li l-offerti jiġu mqabbla ma’ xulxin, u l-[Aġenzija] ma evalwatx jew qabblet l-offerti skont punteġġ”, iżda “l-offerenti kollha li ssodisfaw ir-rekwiżiti tas-sejħa għal offerta, b’mod partikolari fir-rigward ta’ taħriġ u esperjenza professjonali, ġew ammessi fil-ftehim qafas, sakemm ikunu għaddew mill-eżami deskritt f’iktar dettall fis-sejħa għal offerta ( 16 )”.

    43.

    Il-Gvern Finlandiż isostni li l-kriterji ta’ ammissjoni taw lill-proċedura natura verament selettiva. Minn naħa, il-fatt li saret pubblika minn qabel seta’ jinfluwenza lill-partijiet interessati sabiex jaħsbu li ma kinux jissodisfawhom kieku ma pproponewx offerta. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet tant kienu stretti li mhux kulħadd seta’ jissodisfahom, u għalhekk il-proċedura kienet tkun limitata, fir-realtà, għal “grupp magħżul ( 17 )”. Għalhekk, in-natura selettiva tal-proċedura tagħmilha indispensabbli, għall-Gvern Finlandiż, li l-istabbiliment tal-kriterji li jagħtu din il-kwalità ma jsirx b’mod diskriminatorju, li jwassal sabiex tiġi implementata l-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi.

    44.

    Ma hemmx dubju li l-ħtieġa ta’ ċerti kundizzjonijiet ta’ kwalifika u mertu għall-aċċess għas-sistema inkwistjoni tinvolvi ċertu mekkaniżmu ta’ għażla. Madankollu, l-element deċiżiv, f’termini tal-kuntratti suġġetti għad-Direttiva 2004/18, ma huwiex il-verifika tal-kapaċità tal-offerenti sabiex jipprovdu s-servizz ta’ konsulenza (kriterju ta’ għażla), iżda l-kuntrast bejn l-offerti ta’ dawk l-offerenti, ladarba jitqiesu kapaċi, bil-ħsieb li finalment jiġi magħżul min jibbenefika minn dak is-servizz (kriterju ta’ għoti).

    45.

    Ir-rekwiżiti għall-aċċess għas-sistema ta’ konsulenza agrikola bbażati fuq il-kapaċità teknika (li fosthom hemm li wieħed irid ikun għadda minn eżami) jippermettu, ovvjament, li jiġu magħżula l-applikanti, b’riferiment għal limitu stabbilit minn qabel. Madankollu l-għażla rilevanti, għall-finijiet tal-kunċett ta’ kuntratt pubbliku tad-Direttiva 2004/18, hija dik li tirriżulta mill-kuntrast bejn il-kapaċitajiet u l-merti tal-offerti tal-kandidati differenti. Jiġifieri, dak li huwa deċiżiv huwa l-għoti finali, komparattiv jew kuntrastanti, lill-aħjar offerta, u mhux l-għażla inizjali magħmula fir-rigward ta’ limitu li jekk jiġi ssuperat ma jimplikax kompetizzjoni fost il-kandidati.

    46.

    Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-kawża Ambisig ( 18 ), li fiha ġie ddikjarat li l-kompetenzi u l-esperjenza tal-membri ta’ tim li għandu l-intenzjoni li jeżegwixxi kuntratt li l-għan tiegħu kien li jipprovdi servizzi ta’ taħriġ u konsulenza huma “determinanti biex tiġi evalwata l-kwalità professjonali ta’ dan it-tim” u li “[d]in il-kwalità tista’ tkun karatteristika intrinsika tal-provvista u tkun relatata mas-suġġett tal-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 53(1)(a) tad-Direttiva 2004/18 ( 19 )”, b’tali mod li “din il-kwalità tista’ tiġi inkluża bħala kriterju ta’ għoti tal-kuntratt fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet ikkonċernati” ( 20 ).

    47.

    Madankollu, din id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja saret f’kuntest fejn l-awtorità kontraenti għażlet wieħed mill-offerenti li kienu qed jikkompetu u eskludiet ieħor, billi użat, korrettament, il-kwalità tat-timijiet rispettivi tagħhom bħala kriterju.

    48.

    F’din il-kawża, għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju tiżgura li, l-Aġenzija ma llimitatx ab initio n-numru ta’ fornituri tas-servizzi possibbli ( 21 ), u lanqas ma qabblet l-offerti bejniethom jew għamlet għażla finali ta’ wieħed jew diversi minnhom, abbażi ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-kontenut rispettiv tagħhom, bl-esklużjoni tal-oħrajn ( 22 ).

    49.

    Għaldaqstant, quddiemna jinsab każ li għalih tapplika l-ġurisprudenza stabbilita fil-kawża Falk Pharma, skont liema “meta entità pubblika tipprova tikkonkludi kuntratti ta’ provvista mal-operaturi ekonomiċi kollha li jkunu jixtiequ jipprovdu l-prodotti kkonċernati bil-kundizzjonijiet indikati minn din l-entità, l-assenza ta’ ħatra ta’ operatur ekonomiku li tingħatalu l-esklużività ta’ kuntratt għandha l-konsegwenza li ma tkunx teżisti l-ħtieġa li l-azzjoni ta’ din l-awtorità kontraenti tiġi rregolata permezz ta’ regoli preċiżi tad-Direttiva 2004/18 b’mod li jxekkilha milli tagħti kuntratt billi tiffavorixxi lill-operaturi nazzjonali” ( 23 ).

    50.

    Kemm il-Gvern Finlandiż ( 24 ) kif ukoll il-qorti tar-rinviju jaqblu dwar ir-rilevanza tal-ġurisprudenza li għadni kif semmejt għal din il-kawża. L-uniku dubju tagħhom, li fil-każ tal-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) jidher li kien dak li wassal sabiex issir id-domanda preliminari ( 25 ), huwa bbażat fuq il-fatt li, b’differenza minn dak li ġara fis-sentenza Falk Pharma, is-sistema maħsuba mill-Aġenzija ma hijiex miftuħa b’mod permanenti għall-operaturi ekonomiċi interessati kollha matul il-validità tagħha.

    51.

    Huwa veru li, b’mod strett, meta s-sistema tal-kuntratti pubbliċi matul il-perijodu ta’ validità tagħha, tkun limitata għall-operaturi ekonomiċi ammessi inizjalment mill-Aġenzija (li jipprekludi l-aċċess ulterjuri għal konsulenti ġodda) tkun qed tiġi imposta ċerta restrizzjoni kwantitattiva. Madankollu dan jirriżulta mil-limitazzjoni pura u rigoruża fiż-żmien tas-sistema ta’ għajnuna għall-konsulenza, b’mod parallel għal dik tal-programm ta’ żvilupp rurali tal-Finlandja Kontinentali 2014/2020.

    52.

    Barra minn hekk, ir-riferiment tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Falk Pharma għall-ftuħ permanenti tas-sistema ta’ kuntratti pubbliċi għal offerenti ġodda, fil-fehma tiegħi, ma kinitx ir-ratio decidendi ta’ dik is-sentenza, iżda pjuttost dikjarazzjoni magħmula ad abundantiam. Dak li kien deċiżiv kien, għalhekk, il-fatt li l-awtorità kontraenti ma tatx il-kuntratt, esklussivament, lil wieħed mill-offerenti ( 26 ).

    53.

    F’dan il-każ, bħal fil-każ ta’ Falk Pharma, ukoll ma kien hemm ebda element ta’ kompetizzjoni reali bejn il-kandidati, sabiex jiġi evalwat liema waħda mill-offerti tagħhom hija l-aħjar waħda u, fl-istess ħin, tissostitwixxi l-bqija.

    54.

    Barra minn hekk, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik l-istess sentenza ( 27 ), dan il-fattur ewlieni issa huwa espress b’mod espliċitu fil-kunċett ta’ “akkwist” tad-Direttiva 2014/24, li n-nuqqas ta’ applikabbiltà tiegħu għall-każ ratione temporis xorta jippermetti li jsir ir-riferiment għalih, anki jekk b’mod li jesprimi biss ir-rieda tal-leġiżlatur li jagħti, b’mod espliċitu, karatteristika tal-kuntratti pubbliċi li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, hija inerenti fin-natura tagħhom ( 28 ).

    55.

    Ir-rilevanza, pożittiva u negattiva, ta’ dan il-fattur hija ċara meta, fil-premessa 4 tad-Direttiva 2014/24, huwa spjegat li s-sitwazzjonijiet li fihom l-operaturi kollha li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet huma awtorizzati sabiex iwettqu kompitu, mingħajr selettività, “ma għandhomx jitqiesu bħala akkwist [kuntratti pubbliċi]”.

    VI. Konklużjoni

    56.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta lill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) kif ġej:

    “L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandu jiġi interpretat fis-sens li sistema ta’ għażla ta’ fornituri tas-servizzi ta’ konsulenza rurali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha entità pubblika taċċetta lill-operaturi ekonomiċi kollha li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kapaċità u li jgħaddu minn eżami, mingħajr ma tagħti l-provvista tas-servizz, esklussivament, lil wieħed minn dawn il-konsulenti jew uħud minnhom skont is-sistema tal-kompetizzjoni ma tikkostitwixxix kuntratt pubbliku skont din id-direttiva. Għal dawn ir-raġunijiet, huwa irrilevanti l-fatt li s-sistema għandha validità limitata, li matulha ma jsirux ħatriet ġodda.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

    ( 3 ) Sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016 (C‑410/14, EU:C:2016:399) (iktar ’il quddiem, is-“sentenza Falk Pharma”).

    ( 4 ) Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487).

    ( 5 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014, tas-17 ta’ Lulju 2014, li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2014, L 227, p. 18).

    ( 6 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549).

    ( 7 ) Il-qorti a quo tirrimarka li r-rinviju ma għandux l-iskop li jivverifika jekk l-Aġenzija “aġixxietx skont id-dispożizzjonijiet dwar il-kuntratti pubbliċi” (punt 8 tad-digriet tar-rinviju). Fi kwalunkwe każ, wieħed għandu jsemmi li, jekk id-Direttiva 2004/18 kienet applikabbli, ikun jirriżulta li l-awtorità kontraenti tista’, fil-kuntest tal-kuntratti pubbliċi, taċċetta l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet formali li ma jinvolvux il-preżentazzjoni ta’ offerta ġdida jew ma jbiddlux it-termini inizjali b’mod sinjifikattiv. Għal dan il-għan, nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża M.A.T.I. SUD u DUEMMESGR (C‑523/16 u C‑536/16, EU:C:2017:868).

    ( 8 ) Punt 22 tal-osservazzjonijiet bil-miktub.

    ( 9 ) Direttiva 2014/14/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65).

    ( 10 ) Punti 27 u 28 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.

    ( 11 ) Punt 56 tad-digriet tar-rinviju: “jista’ jitqies li l-azzjoni msemmija mis-servizzi inkwistjoni tipprovdi benefiċċju ekonomiku dirett lill-aġenzija”.

    ( 12 ) Sentenza Falk Pharma, punt 38.

    ( 13 ) Ibidem, punt 39.

    ( 14 ) Kawża C‑601/13, EU:C:2014:2474, punti 17 u 19.

    ( 15 ) Premessa 2 tad-Direttiva 2004/18.

    ( 16 ) Id-digriet tar-rinviju, punt 59.

    ( 17 ) Punt 38 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Finlandiż. Fih huwa jenfasizza li, minn total ta’ 163 offerta, ġew aċċettati provviżorjament 140 minnhom u, finalment ġew aċċettati 138, li jirrappreżenta 85 % tal-applikazzjonijiet.

    ( 18 ) Sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015 (C‑601/13, EU:C:2015:204).

    ( 19 ) Ibidem, punt 33.

    ( 20 ) Ibidem, punt 34.

    ( 21 ) Skont il-qorti a quo, l-aġenzija ddikjarat li “huwa neċessarju li jkun hemm l-ikbar grupp ta’ fornituri possibbli sabiex jiġi ggarantit li dawk li jirċievu s-servizzi jirċievu s-servizz li jeħtieġu” (punt 50 tad-digriet tar-rinviju).

    ( 22 ) Barra minn hekk, l-għażla finali tal-fornitur tas-servizz, fi kwalunkwe każ, lanqas ma hija tal-aġenzija, iżda hija tal-bdiewa li jużaw is-sistema ta’ konsulenza. Dawn tal-aħħar jistgħu jagħżlu l-konsulent li l-aħjar jaqdi l-bżonnijiet tagħhom, anki jekk l-għażla tagħti prijorità lil dawk li jagħtu l-pariri tagħhom fl-ambjent l-iktar qrib, peress li dejjem jistgħu jintużaw konsulenti oħra f’każijiet iġġustifikati. Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 14 tad-digriet tar-rinviju.

    ( 23 ) Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 35 ta’ dik is-sentenza, “l-għan tad-Direttiva 2004/18 huwa li teskludi r-riskju li tingħata preferenza lill-offerenti jew lill-kandidati nazzjonali waqt kwalunkwe għoti ta’ kuntratt imwettaq mill-aworitajiet kontraenti”. Ir-riskju li ġie indikat hawn taħt (punt 36) “huwa marbut mill-qrib ħafna mal-għażla li l-awtorità kontraenti jkollha l-intenzjoni twettaq fost l-offerti ammissibbli u mal-esklużività li tirriżulta mill-għoti tal-kuntratt meqjus lill-operatur li l-offerta tiegħu tkun intgħażlet, jew lill-operaturi ekonomiċi li l-offerti tagħhom ikunu ntgħażlu fil-każ ta’ ftehim qafas, u dan jikkostitwixxi l-għan ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku”.

    ( 24 ) Skont il-Gvern Finlandiż, dak il-fattur jiddistingwi din il-proċedura minn sistema ta’ sempliċi awtorizzazzjoni u jagħmilha eqreb lejn “kuntratt pubbliku”, fis-sens tad-Direttiva 2004/2018.

    ( 25 ) Għall-qorti a quo, id-domanda tixtieq issolvi “jekk il-karatteristika […] li ma tkunx miftuħa għal operaturi ekonomiċi ġodda tippermettix li jiġi konkluż li hija kuntratt pubbliku għall-finijiet tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18” (digriet tar-rinviju, punt 63).

    ( 26 ) Sentenza Falk Pharma, punt 38.

    ( 27 ) Ibidem, punt 40.

    ( 28 ) Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2014/14, “l-akkwist huwa akkwist permezz ta’ kuntratt pubbliku ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi minn awtorità kontraenti waħda jew aktar mingħand operaturi ekonomiċi magħżula minn dawk l-awtoritajiet kontraenti, sew jekk ix-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi huma maħsuba għal skop pubbliku u sew jekk le.” Enfasi miżjuda.

    Top