This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CC0004
Opinion of Advocate General Kokott delivered on 12 April 2018.#Czech Republic v European Commission.#Appeal — European Agricultural Guarantee Fund (EAGF) — Expenditure eligible for European Union financing — Expenditure by the Czech Republic — Regulation (EC) No 479/2008 — Article 11(3) — Concept of ‘restructuring of vineyards’.#Case C-4/17 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-12 ta’ April 2018.
Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) – Infiq eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni Ewropea – Infiq magħmul mir-Repubblika Ċeka – Regolament (KE) Nru 479/2008 – Artikolu 11(3) – Kunċett ta’ ‘ristrutturazzjoni tal-vinji’.
Kawża C-4/17 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-12 ta’ April 2018.
Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) – Infiq eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni Ewropea – Infiq magħmul mir-Repubblika Ċeka – Regolament (KE) Nru 479/2008 – Artikolu 11(3) – Kunċett ta’ ‘ristrutturazzjoni tal-vinji’.
Kawża C-4/17 P.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:237
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit‑12 ta’ April 2018 ( 1 )
Kawża C‑4/17 P
Ir-Repubblika Ċeka
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell – FAEG – Esklużjoni ta’ ċertu nfiq mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea – Infiq magħmul mir-Repubblika Ċeka – Protezzjoni tal-vinji kontra l-annimali li huma kkaċċjati u l-għasafar – Ċertezza legali – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Drittijiet tad-difiża”
I. Introduzzjoni
1. |
Il-partijiet ta’ dan l-appell ma humiex jagħmluha faċli għall-Qorti tal-Ġustizzja. L-aġir tal-Kummissjoni Ewropea qabel il-kawża bl-ebda immaġinazzjoni ma jista’ jitqies bħala amministrazzjoni tajba. Iżda r-Repubblika Ċeka lanqas ma pprovat telimina fi żmien xieraq in-nuqqas ta’ qbil u d-dubji, u għadha sal-ġurnata tal-lum tagħmel minn kollox biex tikseb vantaġġ mill-iżbalji tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru naqas kważi għalkollox milli jressaq l-argumenti li finalment effettivament iwasslu għal suċċess. |
2. |
Il-kwistjoni sottostanti għal din il-kawża hija jekk il-protezzjoni tal-vinji kontra l-annimali li huma kkaċċjati u l-għasafar hijiex forma ta’ ristrutturazzjoni u konverżjoni ta’ vinji, partikolarment titjib tat-tekniki tal-immaniġġjar tal-vinji. F’dan ir-rigward tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni għandhiex toġġezzjona għal tali miżura meta jiġi ppreżentat għall-ewwel darba l-programm ta’ appoġġ, jekk din tkun tal-fehma li l-miżura ma tistax tiġi rrikonoxxuta. |
3. |
Il-kuntest huwa l-promozzjoni tal-vitikultura mill-Unjoni skont ir-Regolament Nru 479/2008 ( 2 ). Din il-leġiżlazzjoni kienet tipprevedi li l-Istati Membri setgħu jappoġġjaw biss ċerti miżuri, iddefiniti b’mod konklużiv, u li kellhom jistipulaw il-miżuri ta’ promozzjoni intenzjonati fi programm ta’ appoġġ. Dan il-programm kienu jissottomettuh għand il-Kummissjoni, li kellha tliet xhur sabiex tkun tista’ tifformula oġġezzjonijiet. |
II. Il-kuntest ġuridiku
4. |
Il-kuntest ġuridiku huwa kkaratterizzat minn ċerta kumplessità kif ukoll minn emendi kontinwi fid-dispożizzjonijiet rilevanti. |
A. L-iskemi ta’ appoġġ
5. |
L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 479/2008 kien jirregola l-preżentazzjoni lill-Kummissjoni tal-programmi ta’ appoġġ għall-vitikultura: “1. Kull Stat Membru produttur imsemmi fl-Anness II, għandu, għall-ewwel darba sat‑30 ta’ Ġunju 2008, jippreżenta lill-Kummissjoni abbozz ta’ programm ta’ appoġġ għal ħames snin li jkun fih il-miżuri konformement ma’ dan il-Kapitolu. […] 2. Il-programmi ta’ appoġġ għandhom jibdew japplikaw tliet xhur wara li jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni. Madankollu, jekk il-programm ta’ appoġġ preżentat ma jkunx konformi mal-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-Kapitolu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru b’dan. F’dan il-każ, l-Istat Membru għandu jippreżenta programm ta’ appoġġ rivedut lill-Kummissjoni. Il-programm rivedut isir applikabbli xahrejn wara n-notifika sakemm ma jkunx għad hemm xi inkompatibbiltà. Jekk iva dan is-subparagrafu għandu japplika. 3. […]” |
6. |
Taħt il-punt (ċ), l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 479/2008 kien jelenka “ir-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni tal-vinji konformement ma’ l-Artikolu 11” bħala miżuri eliġibbli. L-Artikolu 11 jiddefinixxi dawn il-miżuri kif ġej: “1. L-għan tal-miżuri relatati mar-ristrutturazzjoni u t-trasformazzjoni tal-vinji għandu jkun li tiżdied il-kompetittività tal-produtturi ta’ l-inbid. 2. […] 3. L-appoġġ għar-ristrutturazzjoni u t-trasformazzjoni tal-vinji jista’ jkopri biss waħda jew aktar minn dawn l-attivitajiet li ġejjin:
L-iskema m’għandhiex tkopri t-tiġdid normali ta’ vinji li jkunu waslu fi tmiem il-ħajja naturali tagħhom. 4. […]” |
7. |
L-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 ( 3 ) applikabbli preċedentement kien għadu jinkludi d-dispożizzjoni li ġejja dwar l-iskop ta’ miżuri għar-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni, li madankollu ma għadhiex tidher fir-Regolament Nru 479/2008: “L-għan tas-sistema għandu jkun l-addattazzjoni tal-produzzjoni għad-domanda tas-suq.” |
8. |
Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 202/2013 ( 4 ), il-Kummissjoni introduċiet id-dispożizzjoni li ġejja fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 555/2008 ( 5 ): “L-operazzjonijiet li ġejjin mhumiex eliġibbli: […]
[…]” |
9. |
Skont l-Artikolu 114 tar-Regolament Nru 479/2008, il-miżura ta’ appoġġ kontenzjuża kienet tikkostitwixxi intervent intiż sabiex jiġu rregolati s-swieq agrikoli fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 1290/2005 ( 6 ). Id-dispożizzjoni tal-aħħar kienet tirregola ċertu nfiq tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (iktar ’il quddiem il-“FAEG”) u issa tinstab fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ( 7 ). |
B. Id-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll
10. |
Skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 (li kien l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005), il-Kummissjoni tista’ teskludi ċertu nfiq mill-finanzjament a posteriori: “Meta ssib li l-infiq kif indikat fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5 ma jkunx sar f’konformità mal-liġi tal-Unjoni […] il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw l-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament mill-Unjoni. […]” |
11. |
L-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 885/2006 ( 8 ) jirregola l-proċedura li l-Kummissjoni għandha timplimenta qabel ma tiddeċiedi li teskludi ċerti ammonti: “1. Fejn, minħabba kwalunkwe stħarriġ, il-Kummissjoni tqis li l-infiq ma sarx skond ir-regoli Komunitarji, hija għandha tikkomunika s-sejbiet tagħha lill-Istat Membru kkonċernat u għandha tindika l-miżuri korrettivi meħtieġa biex tkun żgurata l-konformità futura ma’ dawk ir-regoli. Il-komunikazzjoni għandha tagħmel riferenza għal dan l-Artikolu. L-Istat Membru għandu jirrispondi fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-komunikazzjoni u l-Kummissjoni tista’ timmodifika l-pożizzjoni tagħha b’konsegwenza ta’ dan. F’każijiet iġġustifikati, il-Kummissjoni tista’ taqbel li testendi l-perjodu għar-risposta. Wara li jiskadi l-perjodu għar-risposta, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħa bilaterali u ż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu ftehim dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu kif ukoll dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-baġit Komunitarju. 2. Fi żmien xahrejn mid-data meta jiġu riċevuti l-minuti tal-laqgħa bilaterali msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istat Membru għandu jikkomunika kwalunkwe informazzjoni mitluba matul dik il-laqgħa jew kwalunkwe informazzjoni oħra li jqis li tkun utli għall-eżami li jkun għaddej. F’każijiet iġġustifikati, il-Kummissjoni, fuq talba raġunata ta’ l-Istat Membru, tista’ tawtorizza estensjoni għall-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu. It-talba għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni qabel ma jiskadi dak il-perjodu. Wara li jiskadi l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tikkomunika formalment il-konklużjonijiet tagħha lill-Istat Membru fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni riċevuta fil-qafas tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità. Il-komunikazzjoni għandha tevalwa l-infiq li l-Kummissjoni qed tipprevedi li se teskludi mill-finanzjament Komunitarju skond l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 u għandha tagħmel riferenza għall-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-Regolament. 3. L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-miżuri korrettivi li jkun ħa biex jiżgura l-konformità mar-regoli Komunitarji u bid-data effettiva ta’ l-implimentazzjoni tagħhom. Wara li tkun eżaminat kwalunkwe rapport imħejji mill-Korp ta’ Konċiljazzjoni skond il-Kapitolu 3 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta, jekk ikun meħtieġ, deċiżjoni waħda jew aktar skond l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 sabiex teskludi mill-finanzjament Komunitarju l-infiq li sar minħabba n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli Komunitarji sakemm l-Istat Membru jkun effettivament implimenta l-miżuri korrettivi. […]” |
12. |
L-Artikoli 12 sa 16 tar-Regolament Nru 885/2006 jinkludu dispożizzjonijiet dwar proċedura ta’ konċiljazzjoni li fiha l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni għandhom ifittxu soluzzjoni miftiehma. |
13. |
B’effett mill‑1 ta’ Jannar 2015, ir-Regolament Nru 885/2006 ġie ssostitwit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 ( 9 ) li jinkludi regoli simili. |
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża
14. |
Skont is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal‑20 ta’ Ottubru 2016, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni (T‑141/15, EU:T:2016:621, punti 1 sa 17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), il-fatti li wasslu għall-kawża essenzjalment huma dawn. |
15. |
Fid‑9 ta’ Lulju 2008, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat lill-Kummissjoni abbozz ta’ programm ta’ appoġġ għas-snin finanzjarji 2009 sa 2014, b’mod konformi mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 479/2008. Fost il-miżuri tal-abbozz tal-programm kien hemm miżura għall-protezzjoni tal-vinji mill-annimali li huma kkaċċjati u l-għasafar, li kellha tiġi implimentata b’mezzi mekkaniċi, jiġifieri bi ċnut madwar il-perimetru tal-vinji jew b’diversi sistemi ta’ tnaffir, jew, b’mod alternattiv, b’mezzi attivi fejn persuni jnaffru l-annimali li huma kkaċċjati jew l-għasafar. |
16. |
B’ittra tat-8 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni ppreżentat oġġezzjonijiet kontra l-abbozz imsemmi hawn fuq, f’konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 479/2008. Madankollu, l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni ma kinux jirrigwardaw il-miżura ta’ protezzjoni inkwistjoni. Abbażi tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka rrevediet l-abbozz u fit‑12 ta’ Frar 2009 għaddiet abbozz ġdid lill-Kummissjoni. It-tieni abbozz kien jinkludi mill-ġdid, mingħajr ebda tibdil, il-miżura ta’ protezzjoni inkwistjoni. Fit-terminu ta’ xahrejn, jiġifieri sat‑12 ta’ April 2009, il-Kummissjoni ma reġgħetx ressqet oġġezzjonijiet. |
17. |
Madankollu, fl‑20 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni bagħtet komunikazzjoni lir-Repubblika Ċeka skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 b’rabta ma’ investigazzjoni bir-referenza VT/VI/2009/101/CZ sabiex tiġi vverifikata l-kompatibbiltà tal-miżuri tar-Repubblika Ċeka għar-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni ta’ vinji mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna f’dan il-qasam għal sena finanzjarja preċedenti, jiġifieri l-2007/2008. Din il-komunikazzjoni inter alia taqra kif ġej: “Madankollu, dan ir-riżultat juri biċ-ċar li x-xogħlijiet ta’ ristrutturazzjoni essenzjalment kienu limitati għall-protezzjoni tal-vinja eżistenti kontra l-annimali mingħajr interventi addizzjonali. Dan l-approċċ jippreżenta problema fir-rigward tal-konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, li jipprovdi li l-għan tal-leġiżlazzjoni huwa li l-produzzjoni tiġi adattata għad-domanda tas-suq. Jekk ir-ristrutturazzjoni fir-Repubblika Ċeka kienet limitata biss għall-protezzjoni tal-vinja eżistenti kontra l-annimali, prima facie l-infiq ma huwiex eliġibbli peress li dan ma għandu l-ebda relazzjoni mar-rekwiżiti previsti fir-regolament.” |
18. |
Fl-istess ittra, il-Kummissjoni indikat ukoll li l-awtoritajiet Ċeki “għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġu rrimedjati l-irregolaritajiet u n-nuqqas ta’ konformità”. |
19. |
B’ittra tat-22 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni kkomunikat l-intenzjoni tagħha li twettaq investigazzjoni oħra bin-numru tar-referenza VT/VI/2009/004/CZ. L-investigazzjoni kienet ser tirrigwarda r-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni tal-vinji fir-Repubblika Ċeka fis-sena finanzjarja 2008/2009. |
20. |
B’riferiment għal VT/VI/2009/004/CZ, f’komunikazzjoni tat‑22 ta’ Marzu 2010 magħmula skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006, il-Kummissjoni rrilevat, b’mod partikolari, dan li ġej fil-kuntest tal-investigazzjoni: “Waqt il-kontroll fuq is-sit, it-tim tal-verifika kellu dubji dwar kemm il-protezzjoni attiva u passiva kontra għasafar u annimali li huma kkaċċjati hija eliġibbli fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni.” |
21. |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni fl-istess dokument għarrfet lir-Repubblika Ċeka li “il-protezzjoni attiva u passiva kontra l-għasafar u annimali li huma kkaċċjati ma tistax titqies bħala miżura ġdida li permezz tagħha l-immaniġġjar tal-vinji jittejjeb b’tali mod li l-produzzjoni tiġi adattata għad-domanda tas-suq”. Finalment, fil-komunikazzjoni jitfakkar “li fir-Regolament Nru 1493/99 huwa stabbilit b’mod ċar li l-għan tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni għandu jkun li l-produzzjoni tiġi adattata għad-domanda tas-suq”. |
22. |
Fil‑31 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ċeka l-minuti ta’ laqgħa bilaterali li kienet inżammet fit‑13 ta’ Diċembru 2010 dwar iż-żewġ investigazzjonijiet imsemmija bejn rappreżentanti tar-Repubblika Ċeka u d-dipartimenti tagħha stess skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006. |
23. |
Fil-minuti l-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni li l-infiq li kienet għamlet ir-Repubblika Ċeka fil-kuntest tal-miżura ta’ protezzjoni inkwistjoni ma kienx jikkostitwixxi nfiq eliġibbli u talbet lir-Repubblika Ċeka għall-ħlas lura tal-ammont eżatt ta’ nfiq li kien ġie ddikjarat għas-snin finanzjarji 2008 sa 2010. F’dawn il-minuti, il-Kummissjoni rreferiet ukoll għall-iskop ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni u konverżjoni ta’ vinji skont ir-Regolament Nru 1493/1999, jiġifieri li l-produzzjoni tiġi adattata għad-domanda tas-suq. |
24. |
Barra minn hekk, mill‑31 ta’ Jannar 2011 beda jsir riferiment għaż-żewġ investigazzjonijiet imsemmijin preċedentement fil-bidu tal-korrispondenza kollha tal-Kummissjoni f’dan il-każ. |
25. |
Fit‑3 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni bagħtet komunikazzjoni lir-Repubblika Ċeka skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2) u skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 885/2006. F’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni reġgħet enfasizzat u ppreċiżat il-fehma tagħha li l-forom tal-protezzjoni attiva u passiva ta’ vinji previsti mir-Repubblika Ċeka ma kinux koperti mill-kunċett ta’ ristrutturazzjoni u konverżjoni previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1493/1999 u fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni pproponiet korrezzjoni finanzjarja li tammonta għal 52347 157.43 koruna Ċeka (CZK) u EUR 11984 289.94 għas-snin finanzjarji 2007 sa 2010, filwaqt li s-snin finanzjarji 2007 u 2008 ġew suġġetti għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1493/1999 u s-snin finanzjarji l-oħra ġew suġġetti għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 479/2008. |
26. |
Fuq talba tas‑17 ta’ Jannar 2013 ippreżentata mir-Repubblika Ċeka, il-korp ta’ konċiljazzjoni organizza laqgħa fid‑19 ta’ Ġunju 2013 u fit‑2 ta’ Lulju 2013 ippubblika rapport finali dwar il-proċedura ta’ konċiljazzjoni taħt ir-referenza 13/CZ/552. F’dan ir-rapport, il-korp ta’ konċiljazzjoni stieden lill-Kummissjoni biex ma tipproponix korrezzjonijiet finanzjarji għall-infiq effettwat fir-rigward tal-programm sħiħ ta’ għajnuna għall-perijodu 2009 sa 2014 u sabiex tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni li timponi l-korrezzjoni finanzjarja proposta. |
27. |
B’ittra tat-22 ta’ April 2014, il-Kummissjoni ttrażmettiet lir-Repubblika Ċeka opinjoni finali wara l-preżentazzjoni tar-rapport tal-korp ta’ konċiljazzjoni. Fl-imsemmija opinjoni, il-Kummissjoni rrepetiet li, fil-fehma tagħha, il-miżura ta’ protezzjoni inkwistjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli fil-kuntest tal-programm ta’ ristrutturazzjoni u konverżjoni tal-vinji. |
28. |
Fir-rigward tas-snin finanzjarji 2007 sa 2009, il-Kummissjoni rrilevat li minħabba l-assenza ta’ oġġezzjonijiet min-naħa tagħha kontra l-abbozz tal-programm ta’ għajnuna għall-miżura ta’ protezzjoni inkwistjoni r-Repubblika Ċeka bir-raġun setgħet tassumi li kienet miżura eliġibbli. Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka madankollu ma setax ikollha aspettattivi leġittimi f’dan ir-rigward wara r-riċeviment tal-ittra tagħha tat‑22 ta’ Marzu 2010. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li korrezzjoni finanzjarja hija ġġustifikata għall-infiq kollu li sar wara t-22 ta’ Marzu 2010. Sussegwentement, din ipproponiet korrezzjoni finanzjarja għas-snin finanzjarji 2010 sa 2012 b’ammont totali ta’ EUR 2123 199.04. |
29. |
Finalment, abbażi tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/103 tas‑16 ta’ Jannar 2015 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) ( 10 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kkontestata”). |
30. |
Fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kkontestata, il-Kummissjoni eskludiet l-infiq magħmul mir-Repubblika Ċeka mill-FAEG għall-miżura ta’ protezzjoni inkwistjoni fil-qafas tal-programm ta’ ristrutturazzjoni u konverżjoni tal-vinji għall‑2010 sa 2012, b’ammont totali ta’ EUR 2123 199.04. |
31. |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-Repubblika Ċeka kontra d-deċiżjoni ta’ implementazzjoni kkontestata. |
IV. Talbiet
32. |
Permezz ta’ applikazzjoni tal‑4 ta’ Jannar 2017, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat dan appell kontra dik is-sentenza u talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
33. |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
34. |
Il-partijiet ressqu osservazzjonijiet bil-miktub u għamlu wkoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tal‑1 ta’ Marzu 2018. |
V. Evalwazzjoni ġuridika
35. |
Ir-Repubblika Ċeka tinvoka tliet aggravji. Bl-ewwel wieħed, hija tilmenta dwar ksur, permezz tas-sentenza appellata, tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008, bit-tieni wieħed dwar ksur tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u bit-tielet wieħed dwar l-evalwazzjoni ta’ irregolaritajiet proċedurali fil-proċedura amministrattiva. |
A. Fuq l-ammissibbiltà u l-interpretazzjoni tal-ewwel aggravju
36. |
Bl-ewwel aggravju, ir-Repubblika Ċeka tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 83 sa 90, fejn tirrileva li l-miżuri kontenzjużi huma inkompatibbli mal-Artikolu 11 tar-Regolament 479/2008. Meta kkunsidrat b’mod iżolat, dan l-aggravju jista’ jidher bħala inammissibbli, billi ma huwiex jirreferi għall-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, ta’ motiv korrispondenti. |
37. |
Dan għaliex fil-kuntest ta’ appell il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali fl-ewwel istanza. Issa, il-fatt li parti tiġi awtorizzata tqajjem aggravju, dwar miżura kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, ikun ifisser, li tkun qed tiġi awtorizzata tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha kompetenza limitata fil-qasam tal-appell, kawża iżjed estensiva minn dik li tkun tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali ( 11 ). |
38. |
Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, l-ammissibbiltà ta’ dan l-argument lanqas ma tirriżulta mis-sentenza mogħtija fil-Kawżi C‑231/11 P sa C‑233/11 P ( 12 ). Dan għaliex, f’dak il-każ, l-aggravju ġdid meta mqabbel mal-motivi invokati fl-ewwel istanza kien jirrigwarda kunsiderazzjonijiet żviluppati mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha li teżamina sanzjoni taħt id-dritt tal-kompetizzjoni. B’hekk il-Qorti Ġenerali diġà kienet estendiet is-suġġett tat-tilwima u allura kienu ammissibbli l-oġġezzjonijiet inkwistjoni fl-appell. |
39. |
Madankollu, fil-kuntest ta’ lment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-Repubblika Ċeka effettivament argumentat, quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-miżuri kontenzjużi kienu konformi mal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà previsti fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008 ( 13 ). |
40. |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għamlet il-kunsiderazzjonijiet ikkontestati dwar l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008 u bbażat ruħha fuqhom fid-deċiżjoni tagħha. |
41. |
Huwa minnu li r-Repubblika Ċeka sostniet ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali li ma hijiex ser tidħol fil-mertu tal-kompatibbiltà tal-miżura kontenzjuża mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008, iżda dan l-argument huwa spjegat mill-kuntest, jiġifieri proprju mill-fatt li hija essenzjalment invokat ksur tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament. Fil-fatt, fl-istess paragrafu r-Repubblika Ċeka enfasizzat ukoll li l-miżura hija kompatibbli mal-Artikolu 11 ( 14 ). |
42. |
Għaldaqstant, ir-Repubblika Ċeka hija awtorizzata biex fl-appell toġġezzjona għal dawn il-punti tas-sentenza appellata. |
43. |
Madankollu, dan ma jfissirx li fl-appell ir-Repubblika Ċeka tista’, b’dan l-argument, tikkontesta direttament il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri li l-miżuri ta’ għajnuna kontenzjużi ma humiex kompatibbli mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008 u li hija l-element sottostanti għad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kkontestata. Dan għaliex dan ikun jikkostitwixxi motiv ġdid kontra din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni meta mqabbel mar-rikors fl-ewwel istanza. Iżda fl-appell ma jistgħux jiġu ppreżentati motivi kontra d-deċiżjoni kkontestata iżda biss motivi kontra s-sentenza appellata. |
44. |
Għall-kuntrarju, din il-kritika fir-rigward ta-sentenza tal-Qorti Ġenerali jista’ jkollha effett biss fir-rigward tal-evalwazzjoni ġuridika magħmula mill-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali għamlet il-kunsiderazzjonijiet ikkontestati dwar l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008 fil-kuntest tal-ewwel motiv, li, bħat-tieni aggravju, jittratta ksur tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
45. |
Għaldaqstant jagħmel sens li l-ewwel żewġ aggravji tar-Repubblika Ċeka jiġu kkunsidrati flimkien filwaqt li l-ewwel aggravju jiġi eżaminat b’rabta mat-tieni parti tat-tieni aggravju. |
B. Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju
46. |
Bit-tieni aggravju, ir-Repubblika Ċeka tilmenta dwar ksur tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 479/2008 (ara l-punt 1), kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali (ara l-punt 2) u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara l-punt 3). L-argument dwar l-Artikolu 11, min-naħa tiegħu, għandu jiġi attribwit lit-tieni parti tal-imsemmi aggravju, li għandu bħala suġġett il-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
1. Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju – l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 479/2008
47. |
Ir-Repubblika Ċeka ssostni li wara l-preżentazzjoni tal-programm ta’ appoġġ skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 479/2008, il-Kummissjoni ma qajmet l-ebda oġġezzjoni kontra l-miżuri ta’ appoġġ kontenzjużi. B’hekk, hija ssostni li l-Kummissjoni kienet approvat dawn il-miżuri u ma tistax tirrifjutahom a posteriori. |
48. |
Il-Qorti Ġenerali tittratta dawn l-argumenti fil-punti 29 sa 67 tas-sentenza appellata. Hija tirrileva li l-esklużjoni mill-finanzjament hija bbażata fuq l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 u li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 479/2008 ma jipprekludix din id-deċiżjoni. Iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni inizjalment ma qajmitx oġġezzjonijiet ma tistax tiġi interpretata bħala approvazzjoni tal-miżura jew tintuża bħala bażi għal preżunzjoni inkonfutabbli li l-miżura hija konformi mal-kundizzjonijiet tal-appoġġ. |
49. |
B’hekk, ma jiġix ikkonstatat żball ta’ liġi fuq dan il-livell. |
50. |
Ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-kompetenza tal-Kummissjoni li teskludi a posteriori miżuri mill-finanzjament tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 ma hijiex applikabbli għal miżuri li huma suġġetti għal kontroll preliminari kif previst fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 479/2008. |
51. |
Kif tosserva l-Qorti Ġenerali fil-punti 31 sa 46 tas-sentenza appellata, din il-fehma ma għandha l-ebda bażi fil-kliem tad-dispożizzjonijiet applikabbli. La l-Artikolu 5(2) u lanqas dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 479/2008 ma jeskludu l-kontroll a posteriori, u s-setgħa stabbilita fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 bl-ebda mod ma hija limitata f’dak li għandu x’jaqsam ma’ miżuri suġġetti għal kontroll minn qabel. |
52. |
Huwa minnu li, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 479/2008, il-programmi ta’ appoġġ isiru applikabbli jekk il-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjonijiet fiż-żmien stipulat. Iżda, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Ċeka, dan ma jfissirx li huwa eskluż li ssir verifika a posteriori dwar jekk il-miżuri jaqgħux taħt l-għanijiet tal-iskema ta’ appoġġ. |
53. |
Skont l-Artikolu 114 tar-Regolament Nru 479/2008, il-miżura ta’ appoġġ kontenzjuża pjuttost titqies bħala intervent sabiex jiġu rregolati s-swieq agrikoli fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 1290/2005. Id-dispożizzjoni tal-aħħar kienet tirregola ċertu nfiq tal-FAEG u fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kkontestata tal-Kummissjoni kienet tinstab fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1306/2013. Meta dan l-infiq ma jkunx sar f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw l-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni. |
54. |
Il-kuntest globali ta’ dawn ir-regoli wkoll jissuġġerixxi l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-fondi agrikoli Ewropej jiffinanzjaw biss l-interventi mwettqa skont id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli ( 15 ). Barra minn hekk, il-Kummissjoni bir-raġun tenfasizza li skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 479/2008 l-programmi ta’ appoġġ għandhom ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
55. |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax “tillegalizza” unilateralment infiq li huwa inkompatibbli mar-regoli dwar l-appoġġ tal-Unjoni li preċedentement ġew adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u li llum saħansitra ġew adottati mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew b’mod konġunt. Għalhekk, kif il-Kummissjoni ssostni korrettament, il-Qorti Ġenerali saħansitra diġà aċċettat l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni ta’ miżuri li preċedentement kienu ġew approvati espliċitament mill-Kummissjoni ( 16 ). Dan għandu japplika iktar u iktar għal miżuri ta’ appoġġ li, għalkemm ġew suġġetti għal verifika preliminari mill-Kummissjoni, saru diġà applikabbli wara li l-Kummissjoni ma qajmitx oġġezzjonijiet. |
56. |
F’dan ir-rigward għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-problemi prattiċi li jġib miegħu l-fatt li programmi ta’ appoġġ li tal-inqas potenzjalment huma ta’ natura estensiva u kumplessa ħafna huma suġġetti għal kontroll preliminari limitat għal tliet xhur, u fit-tieni fażi saħansitra għal xahrejn. Huwa minnu li r-Repubblika Ċeka ssostni li l-programm Ċek kellu portata żgħira ħafna biss u li kien jirrappreżenta b’mod ċar l-għajnuna kontenzjuża, iżda għandu jiġi preżunt li programmi ta’ appoġġ oħra huma ta’ natura ħafna iktar estensiva u kumplessa. Jekk f’tali programmi jkunu “moħbija” miżuri ta’ appoġġ irregolari, in-nuqqas ta’ identifikazzjoni immedjata tagħhom min-naħa tal-Kummissjoni ma jistax iwassal biex ir-riżorsi tal-fond agrikolu jkollhom jintużaw bi ksur tar-regoli tal-appoġġ. |
57. |
Huwa minnu li r-Repubblika Ċeka tqajjem id-domanda ġġustifikata ta’ x’inhi l-funzjoni tal-kontroll preliminari jekk il-Kummissjoni xorta waħda tista’ sussegwentement teskludi miżuri mill-finanzjament għalkemm ma tkunx opponiethom inizjalment. Madankollu, ir-risposta hija ovvja: tali kontroll preliminari minn tal-inqas inaqqas ir-riskju li jiġu ffinanzjati miżuri li ma humiex konformi mal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà. Barra minn hekk, dan jista’, kif ser nelabora iktar ’il quddiem ( 17 ), jistabbilixxi aspettattiva leġittima f’ċerti ċirkustanzi. |
58. |
Fil-kontroll preliminari, il-Kummissjoni għandha wkoll ir-responsabbiltà li tivverifika l-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ appoġġ mal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà. Għall-inqas teoretikament jidher li huwa konċepibbli li fil-każ ta’ nuqqasijiet gravi fil-kontroll preliminari l-Kummissjoni tiġi kkundannata għad-danni. |
59. |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda peress li n-nuqqas ta’ oġġezzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 479/2008 kontra miżuri ta’ appoġġ ma jipprekludix l-esklużjoni a posteriori ta’ dawn il-miżuri skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013. |
2. Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju flimkien mal-ewwel aggravju – ċertezza legali
60. |
Bit-tieni parti tat-tieni aggravju, ir-Repubblika Ċeka tilmenta dwar ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
61. |
Sa fejn b’dan qiegħda tisħaq mill-ġdid li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tqajjem oġġezzjonijiet waqt il-kontroll preliminari jġib miegħu approvazzjoni vinkolanti tal-miżuri kontenzjużi li ma tistax tiġi kkontestata sussegwentement, għandu jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet li għadni kemm għamilt fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju: il-kontroll preliminari ma għandux dan l-effett. |
62. |
L-assenza ta’ natura vinkolanti tal-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni wkoll ma jibdel xejn dwar dan. Dan għaliex ma hijiex l-ewwel ittra tal-Kummissjoni li teskludi l-miżura mill-finanzjament iżda d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kkontestata. Id-dubji u l-oġġezzjonijiet espressi preċedentement mill-Kummissjoni huma sempliċement twissijiet li hemm ir-riskju ta’ tali deċiżjoni. Dan ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-prinċipju pjuttost hija kkonċernata applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali mal-Istat Membru (Artikolu 4(3) TUE). |
63. |
Iżda l-istess bħal fil-każ tal-ewwel aggravju, anki bit-tieni parti tat-tieni aggravju r-Repubblika Ċeka ssostni li l-miżuri kontenzjużi kienu konformi mal-iskemi ta’ appoġġ. |
64. |
B’rabta mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, dan l-argument huwa daqsxejn sorprendenti peress li dan il-prinċipju normalment jitressaq bħala argument għaż-żamma ta’ pożizzjoni legali, iżda mhux bħala argument awtonomu kontra deċiżjoni bħalma hija d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kkontestata. Madankollu, essenzjalment, anki hawnhekk hija kkonċernata ż-żamma ta’ pożizzjoni, jiġifieri dik tal-eliġibbiltà tal-miżuri kontenzjużi. |
65. |
Skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, regola għandha tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi imposti fuqhom permezz ta’ din ir-regola, partikolarment jekk jeżisti r-riskju ta’ konsegwenzi finanzjarji ( 18 ). Il-Kummissjoni għalhekk ma tistax tagħżel, fil-każ ta’ korrezzjoni fil-mument tal-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG, interpretazzjoni li tiddistakka ruħha u li ma hijiex iddettata mit-tifsira komuni tal-kliem użat ( 19 ). Iżda wisq inqas ma tistax tiddikjara miżura bħala inkompatibbli mal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà jekk fil-verità tkun konformi ma’ dawn il-kundizzjonijiet. Dan għaliex iċ-ċertezza legali naturalment tfisser ukoll li wieħed jista’ joqgħod fuq il-konformità mad-dritt. |
66. |
Konsegwentement, id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kkontestata hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali jekk il-miżuri esklużi ma kinux konformi mal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà. Min-naħa l-oħra, din la tkun kompatibbli mal-bażi legali tagħha u lanqas mal-prinċipju ta’ ċertezza legali jekk il-miżuri kienu effettivament kompatibbli mar-regoli ta’ appoġġ. |
67. |
Dan huwa, f’ċertu sens, il-wiċċ l-ieħor tal-prinċipji li jipprekludu l-pożizzjoni tar-Repubblika Ċeka dwar l-effetti tas-skiet tal-Kummissjoni fil-proċedura tal-kontroll preliminari skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 479/2008. Fil-fatt, l-għan tal-possibbiltà ta’ korrezzjoni mill-Kummissjoni minkejja s-skiet tagħha proprju huwa li tiġi infurzata l-osservanza tar-regoli ta’ appoġġ. |
68. |
Fil-punt 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-kliem tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 1493/1999 u tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 479/2008 evidentement ma jkoprix miżuri għall-protezzjoni tal-vinji kontra ħsarat ikkawżati mill-annimali jew l-għasafar, bħall-miżura ta’ protezzjoni inkwistjoni. |
69. |
Kuntrarjament għall-fehma tal-Kummissjoni, din il-konstatazzjoni ma hijiex obiter dictum, iżda argument fundamentali tal-Qorti Ġenerali. Li kieku din kienet nieqsa, ir-Repubblika Ċeka tkun tista’ tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni għax il-Qorti Ġenerali ma tkunx ipprovdiet risposta għal argumenti rilevanti. |
70. |
Madankollu, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. |
71. |
Dan għaliex ir-Repubblika Ċeka bir-raġun tirribatti li, għall-inqas skont il-formulazzjoni tagħhom, dawn il-miżuri ta’ protezzjoni jistgħu jikkorrispondu għal titjib tat-tekniki tal-immaniġġjar tal-vinji fis-sens tal-Artikolu 11(3)(ċ) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, jekk qabel ma kinux jeżistu tali miżuri ta’ protezzjoni, l-introduzzjoni tagħhom bla dubju ttejjeb it-tekniki tal-immaniġġjar tal-vinji. |
72. |
L-applikazzjoni tat-termini ġeneriċi “ristrutturazzjoni u konverżjoni ta’ vinji” għall-miżuri inkwistjoni ma jibdlu xejn dwar dan. Huwa minnu li wieħed jista’ jifhimhom b’tali mod li jfissru li strutturalment il-vinji għandhom ikunu s-suġġett ta’ konverżjoni, iżda, minn naħa, anki miżuri għall-protezzjoni kontra ħsarat ikkawżati minn annimali li huma kkaċċjati u għasafar jistgħu jkunu ta’ natura strutturali u, min-naħa l-oħra, partikolarment il-kategorija tat-titjib tat-tekniki tal-immaniġġjar tal-vinji fis-sens tal-Artikolu 11(3)(ċ) tissuġġerixxi fehim usa’ li jinkludi wkoll modifiki fuq il-livell tal-metodu, sakemm l-għan aħħari tagħhom ikun l-immaniġġjar ta’ vinji. |
73. |
Esklużjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ protezzjoni mill-appoġġ tal-Unjoni l-iktar l-iktar tista’ tiġi ġġustifikata bl-iskop tat-tip ta’ appoġġ inkwistjoni. |
74. |
F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali tirrileva, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li ma joħroġx b’mod ċar kif il-miżura kontenzjuża tista’ sservi effettivament għall-adattament tal-produzzjoni għad-domanda tas-suq u lanqas li hija ttejjeb il-kompetittività tal-produtturi tal-inbid. |
75. |
Filwaqt li din il-konstatazzjoni dwar l-adattament għad-domanda tas-suq tidher li tista’ tinftiehem (għalkemm dwar din ma għandux jiġi deċiż f’din il-kawża), din il-konstatazzjoni ma hijiex konvinċenti fir-rigward tal-kompetittività. |
76. |
Fil-fatt, kif issostni korrettament ir-Repubblika Ċeka, tnaqqis fil-ħsarat ikkawżati minn annimali li huma kkaċċjati u għasafar itejjeb il-kompetittività ta’ produtturi tal-inbid. |
77. |
L-adattament għad-domanda tas-suq kien l-għan tal-appoġġ skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1493/1999, applikabbli qabel l-appoġġ kontenzjuż. Madankollu, fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 479/2008, rilevanti hawnhekk, l-għan ġie ddefinit b’mod iktar ġenerali. Fil-fatt, l-għan tiegħu kien li jiġi promoss it-titjib fil-kompetittività. |
78. |
Kuntrarjament għall-fehma tal-Kummissjoni, lanqas mill-premessi tar-Regolament Nru 479/2008 ma jirriżulta li, fuq il-livell tal-kontenut, ir-regola l-ġdida għandha tikkorrispondi mar-regola li kienet teżisti preċedentement. Għall-kuntrarju, il-premessa 5 ssemmi tibdil fundamentali li partikolarment għandu jwassal għal titjib fil-kompetittività tal-produtturi tal-inbid. Min-naħa l-oħra, ma għadux jissemma l-adattament għad-domanda tas-suq b’rabta ma’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni u konverżjoni. |
79. |
Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li miżuri ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ konverżjoni ta’ vinji ma jistgħux iservu għall-preżervazzjoni ta’ strutturi ta’ produzzjoni eżistenti, iżda għandhom jimmiraw għall-ksib ta’ qabża kwalitattiva. |
80. |
Filwaqt li dan l-argument huwa konvinċenti, dan ma jurix għalfejn miżuri intiżi għat-tnaqqis ta’ ħsarat ikkawżati minn annimali li huma kkaċċjati u għasafar ma jistgħux jipprovdu kontribut f’dan ir-rigward. Għalkemm f’dan il-kuntest il-Kummissjoni tenfasizza li n-naffara u miżuri simili ilhom jintużaw għal żmien twil, dan ma jeskludix li l-appoġġ Ċek kien qiegħed jimmira li jtejjibhom meta mqabblin mal-prattiki eżistenti. Barra minn hekk, dan huwa kkonfermat ukoll mill-argument Ċek mhux ikkontestat li l-kwantità ta’ produzzjoni kważi ttriplikat ruħha minn meta ġie introdott l-appoġġ, u dan huwa indikazzjoni ta’ metodi ta’ produzzjoni mtejba. |
81. |
Min-naħa l-oħra, partikolarment waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kkontestata, iżda wkoll fil-proċedura ġudizzjarja, il-Kummissjoni naqset milli turi li l-miżuri speċifiċi ssussidjati kienu jippromwovu biss it-tkomplija ta’ prattiki eżistenti. |
82. |
Lanqas l-osservazzjoni tal-Kummissjoni li l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 479/2008 jippermetti li l-assigurazzjonijiet jiġu appoġġjati kontra ħsarat ikkawżati minn annimali li huma kkaċċjati u għasafar ma twassal għal eżitu differenti, għall-kuntrarju. Dan juri fil-fatt li l-leġiżlatur prinċipalment kien lest li jirrimedja dawn il-ħsarat. Għaldaqstant, ma jidhirx li hemm raġuni sabiex il-miżuri ta’ appoġġ kontenzjużi jiġu esklużi mill-Artikolu 11. |
83. |
B’hekk it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tintlaqa’ u s-sentenza appellata għandha tiġi annullata. |
3. Fuq it-tielet parti tat-tieni aggravju – protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
84. |
Fid-dawl tal-konstatazzjoni li għadni kemm għamilt, it-tielet parti tat-tieni aggravju ma għadhiex rilevanti. Madankollu, xorta waħda ser neżaminaha sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqsamx l-istess fehma tiegħi, jiġifieri fil-każ li jiġi preżunt li l-miżuri ma kinux eliġibbli. |
85. |
B’din is-sottomissjoni, ir-Repubblika Ċeka tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet żviluppati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 96 sa 100 tas-sentenza appellata dwar il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
86. |
Fil-punt 96, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li l-Kummissjoni ma tat l-ebda assigurazzjoni preċiża lir-Repubblika Ċeka. Skont il-punt 97, tali assigurazzjonijiet huma saħansitra esklużi peress li s-silenzju waqt il-kontroll preliminari ma jfissirx li ttieħdet deċiżjoni mill-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà mal-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għal appoġġ. |
87. |
Dawn l-ispjegazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma bbażati fuq il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li jista’ jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li fiha jirriżulta li l-amministrazzjoni, meta pprovdietlu assigurazzjonijiet preċiżi, ħolqot fih tamiet fondati ( 20 ). |
88. |
Madankollu, meta kkunsidrat iktar mill-qrib fid-dawl tal-Artikolu 11, l-assenza ta’ oġġezzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni fil-proċedura prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 479/2008 tqarreb ħafna għal tali assigurazzjoni. |
89. |
Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix l-interpretazzjoni tiegħi tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008, skont din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma jkun kompletament eżaġerat li jiġi preżunt li l-miżuri ta’ appoġġ kontenzjużi huma konformi mal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà. Dan huwa kkonfermat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 202/2013 tat‑8 ta’ Marzu 2013, peress li l-Kummissjoni manifestament qieset li huwa neċessarju li tindika espliċitament għall-ewwel darba li miżuri għall-protezzjoni kontra ħsarat ikkawżati minn annimali li huma kkaċċjati, għasafar jew silġ ma humiex eliġibbli. |
90. |
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, l-assenza ta’ oġġezzjonijiet fil-kuntest ta’ kontroll preliminari, eċċezzjonalment, ma għandhiex titqies biss bħala silenzju dwar il-kwistjoni tal-kompatibbiltà, iżda bħala approvazzjoni tal-miżuri ta’ appoġġ. |
91. |
Din l-interpretazzjoni hija sostnuta wkoll mid-dikjarazzjoni mhux ikkontestata tar-Repubblika Ċeka, li l-programm ta’ appoġġ kien fih biss tmien paġni u li l-miżura kontenzjuża kienet spjegata b’mod ċar fih. B’hekk, il-Kummissjoni bla dubju kellha l-opportunità li tqajjem oġġezzjonijiet fiż-żmien stipulat u li tiffranka lill-partijiet kollha kkonċernati din il-kawża. |
92. |
L-istqarrijiet l-oħra li l-Kummissjoni għamlet sat‑3 ta’ Diċembru 2012 huma estremament ambigwi u għall-inqas kienu jippermettu l-preżunzjoni li l-miżuri kontenzjużi fil-fatt kienu konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ appoġġ applikabbli. |
93. |
L-ewwel nett, il-komunikazzjoni tal‑20 ta’ Frar 2009 turi li meta l-Kummissjoni kienet qiegħda tivverifika l-programm ta’ appoġġ għat-tieni darba diġà kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ appoġġ kontenzjużi mar-regoli ta’ appoġġ. Minkejja dan, hija ma qajmitx oġġezzjonijiet. Għalhekk, ma kienx eżaġerat li jiġi preżunt li d-dubji kienu ġew eliminati mal-iskadenza tal-perijodu jew li kienu jirreferu biss għall-perijodi ta’ appoġġ passati. |
94. |
Dan għaliex, it-tieni nett, l-imsemmija komunikazzjoni, il-komunikazzjoni tat‑22 ta’ Marzu 2010 u l-minuti tal‑31 ta’ Jannar 2011 kienu bbażati esklużivament fuq ir-Regolament Nru 1493/1999 applikabbli preċedentement. Madankollu, kif irrilevajt iktar ’il fuq ( 21 ), din il-leġiżlazzjoni tiddistingwi ruħha b’mod fundamentali mir-Regolament Nru 479/2008 fir-rigward tal-għan tal-appoġġ. |
95. |
Fil-komunikazzjoni tat‑3 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni tirreferi għall-ewwel darba wkoll għar-Regolament Nru 479/2008. Madankollu, f’din id-data l-appoġġ kontenzjuż kien diġà ngħata għaliex il-Kummissjoni kienet eskludiet biss l-appoġġ tas-snin 2010 sa 2012 mill-finanzjament. |
96. |
Madankollu, minkejja dawn in-nuqqasijiet gravi ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni, inqis li, mhux iktar tard mill-komunikazzjoni tal‑20 ta’ Frar 2009, l-aspettattiva eventwali tar-Repubblika Ċeka fl-eliġibbiltà tal-miżuri kontenzjużi ma kienx għad jistħoqqilha protezzjoni. |
97. |
Jaf jeżistu sitwazzjonijiet fejn stqarrijiet kontradittorji tal-Kummissjoni joħolqu aspettattiva leġittima fil-każ ta’ sitwazzjoni legali li ma tkunx ċara. Madankollu, jekk Stat Membru juża fondi tal-Unjoni, dan ikun suġġett għal obbligi ta’ diliġenza addizzjonali. Għaldaqstant, anki l-iċken dubji dwar l-eliġibbiltà ta’ ċerti miżuri jirrikjedu mistoqsijiet indirizzati lill-Kummissjoni. Dawn id-dubji kienu jeżistu mhux iktar tard mill-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal‑20 ta’ Frar 2009. |
98. |
L-argument tar-Repubblika Ċeka fir-rigward tal-assenza ta’ natura vinkolanti tal-komunikazzjoni msemmija ma jibdel xejn dwar dan. Fil-fatt, ma jiddependix min-natura vinkolanti kemm l-aspettattivi eventwali jistħoqqilhom protezzjoni. Il-protezzjoni inkwistjoni pjuttost tiġi eskluża diġà malli tasal kwalunkwe informazzjoni li tagħti lok għal dubji. |
99. |
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tindirizza t-tielet parti tat-tieni aggravju, din ikollha tiġi miċħuda. |
C. Fuq it-tielet aggravju – proċedura li ppreċediet id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kkontestata
100. |
Bit-tielet aggravju, li wkoll ser neżaminah sussidjarjament biss, ir-Repubblika Ċeka tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tat-tieni motiv fl-ewwel istanza. Dan essenzjalment jirrigwarda l-fatt li għalkemm il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet dwar is-snin finanzjarji 2007/2008 u 2008/2009 u saħansitra anki semgħet lir-Repubblika Ċeka dwar ir-riżultati tagħhom, id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kkontestata tnaqqas l-infiq irrikonoxxut għas-snin 2010 sa 2012. Ir-Repubblika Ċeka tgħid li hija ma setgħetx tiddikjara ruħha suffiċjentement dwar dan. |
101. |
Fil-punti 110 sa 114 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali invokat il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li meta irregolaritajiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja jippersistu wara d-data tal-komunikazzjoni bil-miktub tar-riżultati tal-verifiki, il-Kummissjoni jkollha dritt u anki l-obbligu li tikkunsidra dik is-sitwazzjoni meta tiġi biex tiddetermina l-perijodu li matulu għandha ssir il-korrezzjoni finanzjarja inkwistjoni ( 22 ). |
102. |
Fil-motivazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha ċerta verbożità, madankollu tonqos milli tenfasizza l-punt deċiżiv: jekk il-Kummissjoni testendi korrezzjoni lil hinn mill-perijodu ta’ żmien ta’ investigazzjoni minħabba l-persistenza ta’ miżuri mhux eliġibbli, fil-prinċipju l-Istat Membru diġà kellu biżżejjed opportunità matul il-fażi tal-investigazzjoni biex iressaq il-kummenti tiegħu dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-miżura hijiex konformi mal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà. |
103. |
Tabilħaqq, ir-Repubblika Ċeka b’mod leġittimu tikkontesta li, f’dak li għandu x’jaqsam mat-tnaqqis tal-finanzjament, id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kkontestata mhux biss tmur lil hinn mill-perijodu kopert mill-investigazzjoni, iżda minflok is-snin investigati tkopri perijodu sussegwenti differenti għalkollox. Madankollu, minn dan il-fatt din tiddeduċi b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet il-legalità tal-miżuri ta’ appoġġ fis-snin preċedenti, b’tali mod li s-smigħ li sar ma kienx għadu suffiċjenti. |
104. |
Mill-ittra tat‑22 ta’ April 2014 pjuttost jirriżulta li l-Kummissjoni kienet effettivament assumiet li r-Repubblika Ċeka kellha aspettattiva leġittima fir-rigward tal-perijodu preċedenti. Madankollu, il-Kummissjoni baqgħet tal-fehma li l-miżuri ta’ appoġġ ma kinux konformi mal-iskemi ta’ appoġġ. |
105. |
Għaldaqstant, l-oġġezzjoni tar-Repubblika Ċeka għandha tiġi miċħuda. |
106. |
Ir-Repubblika Ċeka tkompli billi tilmenta li l-Qorti Ġenerali qiegħda tinjora l-fatt li, sadanittant, inbidlet il-bażi legali tal-appoġġ. Iżda din il-bażi legali ssemmiet fil-komunikazzjoni tat‑3 ta’ Diċembru 2012. Konsegwentement, il-proċedura ta’ konċiljazzjoni offriet biżżejjed opportunità lir-Repubblika Ċeka sabiex tressaq l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-fehma tal-Kummissjoni. |
107. |
Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka targumenta li hija saret taf għall-ewwel darba fil-komunikazzjoni tat‑22 ta’ April 2014, wara l-finalizzazzjoni tar-rapport taċ-ċentru dwar l-arbitraġġ, li għalkemm il-Kummissjoni fil-prinċipju tirrikonoxxi l-aspettattiva leġittima tagħha tal-legalità tal-miżuri ta’ appoġġ, minħabba l-komunikazzjoni tat‑22 ta’ Marzu 2010 din ma kienx għad jistħoqqilha protezzjoni. Ir-Repubblika Ċeka ssostni li hija ma setgħatx tressaq l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan l-argument. |
108. |
Lanqas dan l-argument ma huwa konvinċenti. Kif jirriżulta partikolarment mir-rapport taċ-ċentru dwar l-arbitraġġ ( 23 ), kien diġà qabel l-ittra tat‑22 ta’ April 2014 li r-Repubblika Ċeka invokat il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u għalhekk kellha tittratta l-kwistjoni ta’ x’komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni setgħu jimminawhom. B’hekk din diġà kellha l-opportunità minn qabel li tesprimi ruħha dwar dawn il-kwistjonijiet fil-konfront tal-Kummissjoni. Iżda anki wara din il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni, minn tal-inqas kien għad jifdal diversi xhur li fihom ir-Repubblika Ċeka setgħet tirreaġixxi għall-ittra, qabel ma l-Kummissjoni finalment adottat id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kkontestata. |
109. |
Barra minn hekk, l-ewwel rikonoxximent ta’ aspettattiva leġittima jiffavorixxi lir-Repubblika Ċeka. Qabel dan, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li teskludi mill-finanzjament somom sostanzjalment ogħla. Madankollu, benefiċċju li huwa bbażat fuq l-argument tal-benefiċjarju normalment ma jirrikjedix smigħ addizzjonali. |
110. |
Barra minn hekk, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li din l-estensjoni tal-korrezzjoni ma kinitx tirrikjedi osservanza tad-dispożizzjonijiet proċedurali previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 885/2006. |
111. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li r-regoli ta’ proċedura tar-Regolament Nru 885/2006, invokati mir-Repubblika Ċeka, ma kinux għadhom applikabbli fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kkontestata, jiġifieri fis‑16 ta’ Jannar 2015. Il-Kummissjoni kienet diġà ħassrithom b’effett mill‑31 ta’ Diċembru 2014 ( 24 ). Fid-data rilevanti, ir-regoli korrispondenti kienu jinstabu fl-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014. |
112. |
Iżda l-istess bħall-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006, dawn id-dispożizzjonijiet ma jeżiġux li l-Kummissjoni għandha tibbaża tnaqqis fil-finanzjament fuq investigazzjoni. Iżda huma biss tali investigazzjonijiet li jirrikjedu l-proċeduri ta’ konsultazzjoni speċifiċi, li r-Repubblika Ċeka tilmenta l-assenza tagħhom. |
113. |
Għaldaqstant, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tittratta t-tielet aggravju, dan għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu. |
VI. Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
114. |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi hija stess definittivament fuq il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista’ tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni. |
115. |
F’dan il-każ, il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża. Dan għaliex, abbażi tar-raġunijiet stabbiliti iktar ’il fuq fil-punti 63 sa 83, ir-rikors għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kkontestata għandha tiġi annullata. |
VII. Spejjeż
116. |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi hija stess definittivament fuq il-kawża, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. |
117. |
Peress li r-Repubblika Ċeka hija l-parti rebbieħa u talbet li l-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż, din tal-aħħar għandha tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż. |
VIII. Konklużjoni
118. |
Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 tad‑29 ta’ April 2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999 (ĠU 2008, L 148, p. 1).
( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas‑17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 26, p. 25).
( 4 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 202/2013 tat‑8 ta’ Marzu 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 555/2008 fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid u l-kummerċ ma’ pajjiżi terzi (ĠU 2013, L 67, p. 10).
( 5 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 tas‑27 ta’ Ġunju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid fir-rigward ta’ programmi ta’ appoġġ, kummerċ ma’ pajjiżi terzi, potenzjal tal-produzzjoni u kontrolli fis-settur ta’ l-inbid (ĠU 2008, L 170, p. 1).
( 6 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal‑21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1).
( 7 ) Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549).
( 8 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 tal‑21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni ta’ l-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU 2008, L 322M, p. 162) fil-verżjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 375/2012 tat‑2 ta’ Mejju 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 885/2006 (ĠU 2012, L 118, p. 4).
( 9 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas‑6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU 2014, L 255, p. 59).
( 10 ) ĠU 2015, L 16, p. 33.
( 11 ) Sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli et (C‑136/92 P, EU:C:1994:211, punt 59), tal‑1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill (C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 95) u tas‑16 ta’ Novembru 2017, Ludwig-Bölkow-Systemtechnik vs Il-Kummissjoni (C‑250/16 P, EU:C:2017:871, punt 29). Ara wkoll it-tieni sentenza tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura.
( 12 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et (C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 102).
( 13 ) Punt 63 tar-rikors.
( 14 ) Punt 10 tar-replika quddiem il-Qorti Ġenerali.
( 15 ) Sentenzi tas-7 ta’ Frar 1979, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (11/76, EU:C:1979:28, punt 8), tal-10 ta’ Novembru 1993, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (C‑48/91, EU:C:1993:871, punt 14), tas-6 ta’ Marzu 2001, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (C‑278/98, EU:C:2001:124, punt 38), tal-24 ta’ Frar 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C‑300/02, EU:C:2005:103, punt 32), u tas-6 ta’ Novembru 2014, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (C‑610/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2349, punt 59).
( 16 ) Sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2009, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (T‑55/07, EU:T:2009:371, punt 97) u tal‑25 ta’ Frar 2015, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (T‑257/13, EU:T:2015:111, punt 53), tal-aħħar impliċitament ikkonfermata bis-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (C‑210/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:529, punt 43). Ara wkoll il-Kawża pendenti C‑120/17, Ministru kabinets (ĠU 2017, C 168, p. 23).
( 17 ) Ara iktar ’il quddiem, il-punti 84 et seq.
( 18 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1987, Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni (348/85, EU:C:1987:552, punt 19) u tal‑21 ta’ Ġunju 2007, ROM-projecten (C‑158/06, EU:C:2007:370, punti 25 u 26).
( 19 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Jannar 1988, Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni (349/85, EU:C:1988:34, punt 16) kif ukoll tal‑1 ta’ Ottubru 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (C‑209/96, EU:C:1998:448, punt 35), Franza vs Il-Kummissjoni (C‑232/96, EU:C:1998:449, punt 37), Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni (C‑233/96, EU:C:1998:450, punt 38), L-Irlanda vs Il-Kummissjoni (C‑238/96, EU:C:1998:451, punt 81), u L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑242/96, EU:C:1998:452, punt 29).
( 20 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1987, Delauche vs Il-Kummissjoni (111/86, EU:C:1987:562, punt 24), tat‑18 ta’ Lulju 2007, EAR vs Karatzoglou (C‑213/06 P, EU:C:2007:453, punt 33) u tad‑9 ta’ Novembru 2017, LS Customs Services (C‑46/16, EU:C:2017:839, punt 35).
( 21 ) Punti 74 sa 77.
( 22 ) Sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C‑157/00, EU:C:2003:5, punt 45).
( 23 ) L-Anness A.11 tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.
( 24 ) L-Artikolu 44(c) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU 2014, L 255, p. 18).