Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CA0580

    Kawża C-580/17: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-8 ta’ Mejju 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Riigikohus — l-Estonja) — Mittetulundusühing Järvelaev vs Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet (PRIA) (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika Agrikola Komuni — Għajnuna għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) — Regolament (KE) Nru 1698/2005 — Applikazzjoni ratione temporis — Artikolu 72 — Durabbiltà tal-operazzjonijiet relatati mal-investimenti — Modifika sostanzjali tal-operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata — Oġġett miksub bis-saħħa ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata mill-FAEŻR u mikri mill-benefiċjarju tas-sussidju lil terz — Finanzjament, ġestjoni u monitoraġġ tal-politika agrikola komuni — Regolament (KE) Nru 1306/2013 — Artikoli 54 u 56 — Obbligu tal-Istati Membri li jirkupraw ħlasijiet mhux dovuti riżultanti minn irregolaritajiet jew minn negliġenzi — Kunċett ta’ “irregolarità” — Bidu tal-proċedura ta’ rkupru)

    ĠU C 230, 8.7.2019, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.7.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 230/8


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-8 ta’ Mejju 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Riigikohus — l-Estonja) — Mittetulundusühing Järvelaev vs Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet (PRIA)

    (Kawża C-580/17) (1)

    (Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika Agrikola Komuni - Għajnuna għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) - Regolament (KE) Nru 1698/2005 - Applikazzjoni ratione temporis - Artikolu 72 - Durabbiltà tal-operazzjonijiet relatati mal-investimenti - Modifika sostanzjali tal-operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata - Oġġett miksub bis-saħħa ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata mill-FAEŻR u mikri mill-benefiċjarju tas-sussidju lil terz - Finanzjament, ġestjoni u monitoraġġ tal-politika agrikola komuni - Regolament (KE) Nru 1306/2013 - Artikoli 54 u 56 - Obbligu tal-Istati Membri li jirkupraw ħlasijiet mhux dovuti riżultanti minn irregolaritajiet jew minn negliġenzi - Kunċett ta’ “irregolarità” - Bidu tal-proċedura ta’ rkupru)

    (2019/C 230/09)

    Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

    Qorti tar-rinviju

    Riigikohus

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Mittetulundusühing Järvelaev

    Konvenut: Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet (PRIA)

    Dispożittiv

    1)

    Id-durabbiltà ta’ operazzjoni ta’ investiment li, bħal fil-kawża prinċipali, ġiet approvata u kkofinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 72 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. Meta l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni jseħħ wara tmiem l-imsemmi perijodu ta’ programmazzjoni, jiġifieri wara l-1 ta’ Jannar 2014, dan għandu jiġi bbażat fuq l-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008.

    2)

    Il-fatt li l-benefiċjarju ta’ sussidju li, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ingħata fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) taħt l-assi Leader imsemmi mir-Regolament Nru 1698/2005, jagħti b’kiri l-oġġett miksub permezz ta’ dan is-sussidju lil terz li jużah għall-istess attività bħal dik li kellu jeżerċita l-benefiċjarju tal-imsemmi sussidju jista’ jikkostitwixxi modifika sostanzjali tal-operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata, fis-sens tal-Artikolu 72(1) ta’ dan ir-regolament, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan b’teħid inkunsiderazzjoni tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha inkwistjoni fid-dawl tal-kundizzjonijiet alternattivi msemmija fl-Artikolu 72(1)(a) u (b). Għall-finijiet tal-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu mogħti lil impriża jew lil korp pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 72(1)(a) ta’ dan ir-regolament, hija l-awtorità nazzjonali kompetenti, taħt il-kontroll tal-qrati nazzjonali kompetenti, li għandha tiddetermina fiex dan il-vantaġġ indebitu jikkonsisti b’mod konkret. Il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi, l-utent reali tas-sussidju kienx jibbenefika jew le mis-sussidju li kieku huwa stess ressaq talba għal sussidju, għalkemm hija rilevanti, ma hijiex determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 72(1)(a).

    3)

    L-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-benefiċjarju ta’ sussidju mħallas fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) li jżomm u li juża personalment u għal mill-inqas ħames snin, mill-ħlas tal-aħħar parti tas-sussidju, l-oġġett miksub fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni ta’ investiment.

    4)

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi irregolarità, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-assenza ta’ implimentazzjoni, mill-benefiċjarju ta’ sussidju mogħti fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li taqa’ taħt l-assi Leader imsemmi fir-Regolament Nru 1698/2005, ta’ wieħed mill-elementi tal-operazzjoni indikati mill-benefiċjarju fit-talba tiegħu għal sussidju li kien jikkostitwixxi wieħed mill-kriterji li abbażi tagħhom it-talbiet għal sussidju ġew evalwati bl-għan li jiġu kklassifikati f’ordni ta’ prijorità, minkejja li dan il-kriterju ma kienx meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, dment li l-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ tali element tkun il-kawża ta’ modifika sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005, tal-operazzjoni ta’ investiment, ħaġa din li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju.

    5)

    L-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li proċedura ta’ rkupru ta’ sussidju mħallas indebitament tingħata bidu qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin mid-deċiżjoni ta’ finanzjament tal-Awtorità ta’ Ġestjoni. Din id-dispożizzjoni lanqas ma tipprekludi li tali proċedura ta’ rkupru titkompla fil-każ li, matul il-proċedura, il-benefiċjarju tas-sussidju jtemm in-nuqqas li jkun iġġustifika l-bidu tal-imsemmija proċedura.


    (1)  ĠU C 412, 4.12.2017.


    Top