Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0849

    Kawża T-849/16: Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2016 – PGNiG Supply & Trading vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 38, 6.2.2017, p. 42–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.2.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 38/42


    Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2016 – PGNiG Supply & Trading vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-849/16)

    (2017/C 038/56)

    Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

    Partijiet

    Rikorrenti: PGNiG Supply & Trading GmbH (München, il-Ġermanja) (rappreżentant: M. Jeżewski, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-28 ta’ Ottubru 2016 dwar emendi għall-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni mill-obbligu li jiġu applikati ċerti rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni għall-pipeline tal-gass OPAL;

    tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tal-kawża.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erbatax-il motiv.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali u evalwazzjoni żbaljata tal-att promotur tal-proċedura dwar l-emenda għall-eżenzjoni preċedenti tal-pipeline tal-gass OPAL mill-obbligu li jiġu applikati ċerti rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, mogħtija fl-2009 permezz ta’ deċiżjoni tar-regolatur tal-enerġija Ġermaniż, il-Bundesnetzagentur.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza fl-għoti ta’ deċiżjoni li temenda l-eżenzjoni tal-pipeline tal-gass OPAL mill-obbligu li jiġu applikati ċerti rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni ta’ eleġibbiltà għall-eżenzjoni tal-infrastruttura tal-gass fl-Artikolu 36(1) moqri flimkien mal-Artikolu 2(17) tad-Direttiva 2009/73/KE.

    Skont l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73/KE, eżenzjoni tista’ tingħata biss fil-każ ta’ interkonnetturi, faċilitajiet ta’ LNG u faċilitajiet ta’ ħżin. Madankollu, “interkonnettur” huwa linja ta’ trażmissjoni li taqsam jew hija mxerrda fuq fruntiera bejn Stati Membri għall-uniku skop li tgħaqqad is-sistemi ta’ trażmissjoni nazzjonali ta’ dawn l-Istati Membri.

    Il-pipeline tal-gass OPAL ma huwiex “interkonnettur” peress li dan jingħaqad mal-pipeline Gazelle li jgħaddi mit-territorju Ċek u huwa għalhekk pipeline tal-gass ta’ tranżitu, li jittrasporta l-gass miġbur minn OPAL lura lejn il-Ġermanja.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-eżenzjoni tal-infrastruttura tal-gass fl-Artikolu 36(1)(b) moqri flimkien mal-Artikolu 2(33) tad-Direttiva 2009/73/KE.

    Il-kundizzjoni għall-għoti ta’ eżenzjoni regolatorja għal infrastrutturi maġġuri ġodda tal-gass hija li l-livell tar-riskju marbut mal-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx kemm-il darba ma tingħatax l-eżenzjoni regolatorja.

    L-investiment għall-kostruzzjoni tal-pipeline tal-gass OPAL sar u tlesta finalment fit-13 ta’ Lulju 2011 u, għalhekk, ma jistax jingħad li hemm xi riskju ulterjuri bħal dan.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-eżenzjoni tal-infrastruttura tal-gass fl-Artikolu 36(1)(a) u (e) tad-Direttiva 2009/73/KE u, konsegwentement, il-konstatazzjoni li l-emenda tal-eżenzjoni regolatorja tal-pipeline tal-gass OPAL ma taffettwax ħażin il-kompetizzjoni fis-suq tal-gass.

    6.

    Is-sitt motiv ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-eżenzjoni tal-infrastruttura tal-gass fl-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE u, konsegwentement, il-konstatazzjoni li l-emenda tal-eżenzjoni regolatorja tal-pipeline tal-gass OPAL ittejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-gass fis-suq intern.

    7.

    Is-seba’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas tal-Bundesnetzagentur li jieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102 TFEU fl-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni fis-sens tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73/KE.

    8.

    It-tmien motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    9.

    Id-disa’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    10.

    L-għaxar motiv ibbażat fuq trattament favorevoli tal-infrastruttura li hija s-suġġett tal-eżenzjoni, li l-istatus tagħha huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    11.

    Il-ħdax u t-tnax-il motiv ibbażati fuq ksur, rispettivament, tal-Artikolu 274 u tal-Artikolu 254 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra.

    12.

    It-tlettax-il motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7 TFUE bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tmur kontra l-politiki tal-Unjoni Ewropea.

    13.

    L-erbatax-il motiv, fis-sens tal-Artikolu 277 TFEU, ibbażat fuq l-invalidità tal-Artikolu 2(33) moqri flimkien mal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73/KE, sa fejn dan jintroduċi arbitrarjament distinzjoni diskriminatorja bejn infrastruttura koperta mill-eżenzjoni regolatorja u infrastrutturi oħra li ma humiex eliġibbli għal tali eżenzjoni.


    Top