EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0201

Kawża T-201/16: Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Mejju 2016 – Soudal vs Il-Kummissjoni

ĠU C 232, 27.6.2016, p. 27–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/27


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Mejju 2016 – Soudal vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-201/16)

(2016/C 232/36)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Soudal NV (Turnhout, il-Belġju) (rappreżentanti: H. Viaene, B. Hoorelbeke, D. Gillet u F. Verhaegen, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara r-rikors għal annullament bħala ammissibbli;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għanuna mill-Istat li tikkonċerna l-eżenzjoni mill-profitti eċċessivi SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN), implementata mir-Renju tal-Bejġju, kif innotifikata lir-rikorrenti mill-Istat Belġjan fit-23 ta’ Frar 2016;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 (1), tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Artikolu 296 TFUE sa fejn il-Kummissjoni kklassifikat b’mod żbaljat il-miżura inkwistjoni bħala miżura ta’ għajnuna.

Il-Kummissjoni tikser l-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 u l-Artikolu 107(1) TFUE, meta tikklassifika b’mod żbaljat il-miżura kkontestata bħala miżura ta’ għajnuna. L-għajnuna inkwistjoni ma tistax tiġi allokata esklużivament abbażi tal-Artikolu 185(2)(b) tal-Wetboek van inkomstenbelastingen van 1992 (kodiċi fiskali dwar it-taxxa fuq id-dħul 1992), iżda dik id-dispożizzjoni tirrikjedi miżuri ta’ implementazzjoni addizzjonali sabiex tiġi applikata.

Il-Kummissjoni tikser l-Artikolu 296 TFUE peress li r-raġunament tal-Kummissjoni jinkludi kontradizzjoni. Il-kontradizzjoni hija bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma tispjegax għaliex, meta teżamina l-kriterju ta’ selettività, hija tal-opinjoni li d-deċiżjonijiet preċedenti ma jirriżultawx direttament mill-Artikolu 185(2)(b) tal-Wetboek van inkomstenbelastingen van 1992, filwaqt li tieħu l-pożizzjoni, fl-eżami tal-eżistenza ta’ miżura ta’ għajnuna, li l-imsemmija dispożizzjoni ma tippermettix miżuri ta’ implementazzjoni addizzjonali.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 296 TFEU, sa fejn il-Kummissjoni ma evalwatx korrettament l-eżistenza ta’ vantaġġ u ma applikatx il-prinċipju tal-investitur privat.

Il-Kummissjoni ma investigatx jekk il-miżura ta’ għajnuna kkontestata effettivament wasslitx għall-għoti ta’ vantaġġ, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, lill-impriżi li jirċievu l-għajnuna. Dan minkejja l-fatt li dan ir-rekwiżit huwa rekwiżit fundamentali għall-għajnuna mill-Istat, tant li l-Kummissjoni hija għalhekk meħtieġa teżaminah, qabel ma tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, li fin-nuqqas ta’ dan tkun qed tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha taħt l-Artikolu 296 TFUE.

L-Istat Belġjan, meta ta d-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrenti, ġab ruħu purament bħala operatur ekonomiku fl-ekonomija tas-suq. Għalhek l-Istat Belġjan investa somma flus fir-rikorrenti, fil-forma ta’ għoti ta’ eżenzjoni mit-taxxa, li minnha, abbażi tal-kundizzjonijiet imposti fuq ir-rikorrenti, seta’ jistenna li jieħu lura dħul sinjifikattiv, mill-perspettiva ekonomika. Peress li t-test tal-investitur privat ma huwiex eċċezzjoni li għandha tiġi applikata mill-Kummissjoni unikament fuq talba tal-Istat Membru inkwistjoni, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha taħt l-Artikolu 296 TFUE, billi ma investigatx jekk it-test tal-investitur privat kienx issodisfatt jew le.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 296 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni ma evalwatx korrettament in-natura selettiva tal-miżura kkontestata.

L-Artikolu 185(2)(b) tal-Wetboek van inkomstenbelastingen van 1992 u s-sistema ta’ eżenzjoni mill-profitti eċċessivi li tirriżulta minnu huwa miftuħ għall-impriżi kollha f’sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli li jwettqu t-tranżazzjonijiet ekonomiċi li huma suġġetti għall-miżura kkontestata. Għalhekk il-miżura kkontestata ma hijiex ristretta għal impriżi speċifiċi li jistgħu jiġu ddefiniti skont karatteristiċi partikolari, u għalhekk ma hijiex selettiva fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li l-eżenzjoni ta’ profitti eċċessivi ma kinitx tagħmel parti mis-sistema ta’ referenza. L-eżenzjoni ta’ profitti eċċessivi bbażati fuq sinerġiji u ekonomiji ta’ skala skont il-prinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa hija parti integrali mid-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu d-dħul taxxabbli totali, u għalhekk ma tistax titiqies bħala nuqqas ta’ osservanza tas-sistema ta’ referenza li twassal għal selettività.

Il-Kummissjoni ma rnexxiliex tipproduċi prova li l-prinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa kien ġie applikat b’mod żbaljat mill-Belgische Rulingcommissie (kumitat Belġjan responsabbli minn deċiżjonijiet fiskali antiċipati) meta applikat l-Artikolu 185(2)(b) tal-Wetboek van de inkomstenbelastingen 1992. Ir-raġunament tal-Kummissjoni ma huwiex koerenti u jieħu inkunsiderazzjoni fatturi importanti li madankollu huma kontradittorji u huma neqsin mill-koerenza neċessarja.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-obbligu ta’ rkupru jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.


(1)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015, li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU 2015, L 248, p. 9).


Top