EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0160

Kawża T-160/16: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ April 2016 – Groningen Seaports et vs Il-Kummissjoni

ĠU C 200, 6.6.2016, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 200/29


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ April 2016 – Groningen Seaports et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-160/16)

(2016/C 200/42)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Groningen Seaports NV (Delfzijl, il-Pajjiżi l-Baxxi), Havenbedrijf Amsterdam NV (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), Havenbedrijf Rotterdam NV (Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), Havenschap Moerdijk (Moerdijk, il-Pajjiżi l-Baxxi), NV Port of Den Helder (Den Helder, il-Pajjiżi l-Baxxi), Zeeland Seaports NV (Terneuzen, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: E. Pijnacker Hordijk u I. Kieft, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Jannar 2016, dwar il-miżura ta’ għajnuna Nru SA.25338 (2014/C) (ex E 3/2008 u ex CP 115/2004) implimentata min-Netherlands – Eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-intrapriżi pubbliċi.

Ir-rikorrenti jibbażaw ir-rikors tagħhom fuq motiv uniku.

Motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, fuq ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, tar-rekwiżit ta’ preparazzjoni bir-reqqa ta’ deċiżjonijiet u tal-projbizzjoni ta’ adozzjoni ta’ miżuri arbitrarji, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ motivazzjoni.

Il-portijiet marittimi pubbliċi Olandiżi ma humiex f’kompetizzjoni mal-impriżi privati Olandiżi, iżda mal-portijiet marittimi Franċiżi, Belġjani u Ġermaniżi li jinsabu bejn Hamburg u Le Havre (iktar ’il quddiem, iż-“żona Hamburg – Le Havre”).

Dawn il-kompetituri Ewropej jirċievu diversi forom ta’ għajnuna mill-Istat għad-detriment tal-portijiet marittimi pubbliċi Olandiżi. Il-Kummissjoni kienet taf b’dan meta adottat id-deċiżjoni kkontestata. Bħall-portijiet marittimi pubbliċi Olandiżi, il-portijiet marittimi kompetituri kollha li jinsabu fiż-żona Hamburg – Le Havre jibbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji. Il-portijiet marittimi Ġermaniżi kienu jirċievu wkoll għajnuna għall-esportazzjoni partikolarment sinjifikattiva, fil-forma ta’ kumpens għat-telf. Il-Kummissjoni kienet taf ukoll b’dan meta adottat id-deċiżjoni kkontestata.

Id-deċiżjoni kkontestata tħassar unilateralment l-eżenzjoni mit-taxxi mogħtija lill-portijiet marittimi pubbliċi Olandiżi, meta l-eżenzjonijiet korrispondenti mogħtija lill-portijiet Belġjani u Franċiżi għadhom għalissa miżmuma fis-seħħ u ebda proċedura uffiċjali għat-tħassir tal-għajnuna mogħtija lill-portijiet marittimi Ġermaniżi għadha ma nbdiet.

Billi indirizzat biss, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżenzjoni mit-taxxi mogħtija lill-portijiet marittimi pubbliċi Olandiżi, il-Kummissjoni ddegradat b’mod sinjifikattiv il-kundizzjonijiet diġà inugwali tal-kompetizzjoni tas-settur tal-portijiet Ewropew, filwaqt li ddeterjorat kunsiderevolment il-pożizzjoni tagħhom fil-konfront tal-kompetituri diretti tagħhom, li huma wkoll eżentati mit-taxxa fuq il-kumpanniji u jirċievu wkoll forom oħra ta’ għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni ma tispjegax għaliex hija intervjeniet biss kontra l-eżenzjoni mit-taxxa mogħtija lill-portijiet marittimi pubbliċi Olandiżi.


Top