EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0125

Kawża T-125/16: Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Marzu 2016 – León Van Parys vs Il-Kummissjoni

ĠU C 175, 17.5.2016, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/28


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Marzu 2016 – León Van Parys vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-125/16)

(2016/C 175/32)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Firma León Van Parys NV (Antwerpen, il-Belġju) (rappreżentanti: P. Vlaemminck, B. Van Vooren u R. Verbeke, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 95 finali, tal-20 ta’ Jannar 2016 fil-fajl REC 07/07(REV) li tikkonstata li huwa ġġusitifikat li tipproċedi għat-teħid inkunsiderazzjoni a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni u li l-maħfra tad-dazji hija ġġustifikata fir-rigward ta’ debitur u parzjalment iġġustifikata fil-każ partikolari ta’ debitur ieħor, iżda li ma hijiex iġġustifikata fir-rigward ta’ dan id-debitur partikolari għal parti oħra, u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 2858, tas-6 ta’ Mejju 2010;

tiddikjara li l-Artikolu 909 tar-Regolament Nru 2454/93 (1) ta l-effett sħiħ tiegħu fir-rigward tar-rikorrenti preżenti insegwitu għas-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, T-324/10, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat favur ir-rikorrenti (preżenti u ta’ dak iż-żmien) l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni C(2010) 2858 oriġinali b’tali mod li konformement mal-Artikolu 909 tar-Regolament Nru 2454/93, ir-rikorrenti preżenti tibbenefika mill-maħfra sħiħa tad-dejn doganali kif ukoll tal-interessi jew tal-ispejjeż li huma direttament jew indirettament relatati miegħu;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 907 u 909 tar-Regolament Nru 2454/93 u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

Ir-rikorrenti ssostni li l-effetti legali tas-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136) favur ir-rikorrenti huma suffiċjenti fihom infushom. L-ebda deċiżjoni ġdida tal-Kummissjoni ma hija għalhekk neċessarja sabiex titneħħa l-illegalità kkonstatata mill-Qorti Ġenerali u r-rikorrenti għandha tibbenefika mill-applikazzjoni tal-Artikolu 909 tar-Regolament Nru 2454/93.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93 u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni abbużat mis-setgħa tagħha li titlob informazzjoni addizzjonali mogħtija lilha bl-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93 bil-għan li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-Artikolu 909 ta’ dan l-istess regolament. Ir-rikorrenti tinvoka b’mod partikolari l-fatt li l-Kummissjoni diġà kellha l-informazzjoni mitluba.

3.

It-tielet motiv, invokat b’mod sussidjarju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba peress li s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136) għandha tkun eżegwita f’terminu raġonevoli li ma għandux jaqbeż it-terminu inizjali ta’ disa’ xhur previst mill-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93.

4.

Ir-raba’ motiv, invokat b’mod iktar sussidjarju, ibbażat fuq abbuż ta’ poter peress li l-Kummissjoni twettaq stħarriġ ġdid komplet u għalhekk tasal għal konklużjoni li tmur kontra l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136).

5.

Il-ħames motiv, invokat b’mod iktar sussidjarju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-qafas regolatorju dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-banana u ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza.

Fil-fehma tar-rikorrenti, il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ trasferiment tal-użu mir-rikorrenti, bil-ħsieb li tikseb id-dritt li tuża ċ-ċertifikati ta’ importazzjoni, tikkostitwixxi possibbiltà legali fi ħdan il-qafas tar-Regolament Nru 2362/98 (2) u l-prattiki kummerċjali normalment irrikonoxxuti mid-WTO.

Dan ma jistax jiġi kkunsidrat bħala negliġenza min-naħa ta’ importatur meta dan ma jkunx il-każ fil-konfront tal-aġent tad-dwana jew ta’ importatur ieħor li uża ċertifikati mhux trasferibbli.


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2362/98, tat-28 ta’ Ottubru 1993, li jistabbilixxi metodi għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93 f’dak li jikkonċerna s-sistema ta’ importazzjoni ta’ banana fil-Komunità (ĠU L 293, p. 32).


Top