Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0033

    Kawża T-33/16: Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Jannar 2016 – TestBioTech vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 136, 18.4.2016, p. 36–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.4.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 136/36


    Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Jannar 2016 – TestBioTech vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-33/16)

    (2016/C 136/51)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: TestBioTech (München, il-Ġermanja) (rappreżentanti: K. Smith, QC, J. Stevenson, barrister, R. Stein, solicitor)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Novembru 2015, li ċaħdet it-talba tar-rikorrenti għal reviżjoni interna tad-Deċiżjonijiet ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/686 (1), (UE) 2015/696 (2) u (UE) 2015/698 (3) tal-24 ta’ April 2015 li jagħtu tliet awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq taħt ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament IĠM”) lil Monsanto jew lil Pioneer għall-fażola tas-sojja ġenetikament immodifikati tagħhom MON 87769, MON 87705 u/jew 305423;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tar-rikorrenti; u

    tordna kull miżura oħra xierqa.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta’ Aarhus (5) moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) u (g) u l-premessi 11 u 18 sa 21 tal-istess regolament, inkwantu kkonkludiet li l-maġġoranza assoluta tar-reviżjonijiet interni kienu relatati ma’ affarijiet li kienu jaqgħu barra mill-portata tar-Regolament ta’ Aarhus.

    Organizzazzjoni nongovernattiva eliġibbli għandha d-dritt li tressaq talba għal reviżjoni interna ta’ att amministrattiv adottat taħt id-dritt ambjentali. Ir-Regolament IĠM jikkostitwixxi att li jaqa’ taħt dan id-dritt. Konsegwentement, l-organizzazzjoni tista’ titlob reviżjoni ta’ kull att amministrattiv magħmul taħt dan ir-regolament, inkluża awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq.

    Fid-dawl kemm tat-termini, tas-suġġett u tal-għan tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, tal-25 ta’ Ġunju 1988 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UNECE), u tar-Regolament ta’ Aarhus, kif ukoll tal-Linji Gwida għall-implementazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ma hemm l-ebda bażi għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li tista’ tifframmenta deċiżjonijiet adottati taħt ir-Regolament IĠM fis-sens li jaqgħu kemm taħt il-portata u kif ukoll barra mill-portata tar-Regolament ta’ Aarhus.

    L-organiżmi ġenetikament immodifikati huma elementi tal-ambjent. L-argument tal-Kummissjoni li l-impatt ta’ tali organiżmi fuq is-saħħa tal-bniedem ma huwiex kwistjoni ambjentali u għaldaqstant ma huwiex kopert mir-Regolament ta’ Aarhus huwa essenzjalment żbaljat.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament ta’ Aarhus minħabba n-nuqqas tagħha li twieġeb it-talba għal reviżjoni interna, imressqa fid-29 ta’ Mejju 2015, qabel is-16 ta’ Novembru 2015.

    Il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fis-16 ta’ Novembru 2015, erbgħa u għoxrin ġimgħa wara li tressqet it-talba għal reviżjoni interna. Il-Kummissjoni naqset milli tipprovdi spjegazzjoni adegwata għalfejn kisret ir-rekwiżit normali li tingħata tweġiba fi tnax-il ġimgħa u, fi kwalunkwe każ, naqset milli tissodisfa t-terminu assolut li twieġeb fi tmintax-il ġimgħa.


    (1)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/686, tal-24 ta’ April 2015, li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkun fihom, li jkunu jikkonsistu jew li jkunu prodotti mill-fażola tas-sojja MON 87769 (MON-87769-7) modifikata ġenetikament skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 112, p. 16).

    (2)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/696, tal-24 ta’ April 2015, li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew huma prodotti mill-fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON87705 (MON-877Ø5-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 112, p. 60).

    (3)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/698, tal-24 ta’ April 2015, li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew huma prodotti mill-fażola tas-sojja modifikata ġenetikament 305423 (DP-3Ø5423-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 112, p. 71).

    (4)  Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432)

    (5)  Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 264, p. 13).


    Top