Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0008

    Kawża T-8/16: Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Jannar 2016 – Toshiba Samsung Storage Technology u Toshiba Samsung Storage Technology Korea vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 98, 14.3.2016, p. 52–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.3.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 98/52


    Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Jannar 2016 – Toshiba Samsung Storage Technology u Toshiba Samsung Storage Technology Korea vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-8/16)

    (2016/C 098/67)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Toshiba Samsung Storage Technology Corp. (Tokyo, il-Ġappun) u Toshiba Samsung Storage Technology Korea Corp. (Gyeonggi-do, ir-Repubblika tal-Korea) (rappreżentanti: M. Bay, J. Ruiz Calzado, A. Aresu u A. Scordamaglia Tousis, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla, kompletament jew parzjalment, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Ottubru 2015, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Enonomika Ewropea, mogħtija fil-Każ AT.39639 – apparat li jaqra d-diski ottiċi;

    barra minn hekk, jew sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż; u

    tordna kwalunkwe miżura li l-Qorti Ġenerali jidhrilha xierqa fiċ-ċirkustanzi tal-kawża.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw disa’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, li jirriżulta mill-klassifikazzjoni ġuridika inkonsistenti tal-aġir, mill-motivazzjoni kontradittorja jew, tal-inqas, insuffiċjenti dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur allegat, min-nuqqas li jingħata aċċess għal provi li jiskaġunaw u mill-invokazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ diversi elementi ġuridiċi u fattwali li ma ġewx indirizzati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE b’rabta mal-konstatazzjoni ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-portata ġeografika tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

    4.

    Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fl-appliazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE b’rabta mal-konstatazzjoni ta’ ksur uniku.

    5.

    Il-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fir-rigward tal-allegat fatt li r-rikorrenti kienu konxji mill-ksur uniku kollu kemm hu u, iktar speċifikament, mill-parteċipazzjoni tad-destinatarji l-oħra kollha.

    6.

    Is-sitt motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fir-rigward tal-data tal-bidu tal-allegata parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku kollu kemm hu.

    7.

    Is-seba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fir-rigward tal-portata tal-ksur imputat lir-rikorrenti, li jirriżultaw mill-konstatazzjoni li r-rikorrenti kienu involuti fi “ftehimiet” antikompetittivi.

    8.

    It-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni relatati, li jirriżulta mit-tul manifestament eċċessiv tal-investigazzjoni.

    9.

    Id-disa’ motiv, ibbażat, sussidjarjament, fuq żbalji fil-kalkolu tal-multa, li jirriżultaw:

    min-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni (a) l-fatt li r-rikorrenti huma impriżi monoproduttriċi, (b) ċirkustanzi addizzjonali li jillimitaw il-gravità tal-aġir individwali tar-rikorrenti u ċirkustanzi attenwanti; u

    min-nuqqas tal-Kummissjoni li tagħti l-valur xieraq liċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-ksur meta ddeterminat il-livell tal-koeffiċjent ta’ gravità u tat-tariffa għad-dħul.


    Top