This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016TJ0796
Judgment of the General Court (Ninth Chamber) of 23 September 2020 (Extracts).#CEDC International sp. z o.o. v European Union Intellectual Property Office.#EU trade mark – Opposition proceedings – Application for an EU three-dimensional mark – Shape of a blade of grass in a bottle – Earlier three-dimensional national mark – Genuine use of the earlier mark – Article 15(1) and Article 43(2) and (3) of Regulation (EC) No 40/94 (now Article 18(1) and Article 47(2) and (3) of Regulation (EU) 2017/1001) – Nature of use – Alteration of distinctive character – Use in conjunction with other marks – Scope of the protection – Requirement for clarity and precision – Requirement for the description and the representation to align with one another – Decision taken following annulment of an earlier decision by the General Court – Reference to the ground of an earlier annulled decision – Obligation to state reasons.#Case T-796/16.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tat-23 ta’ Settembru 2020 (Estratti).
CEDC International sp. z o.o. vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark tridimensjonali tal-Unjoni Ewropea – Forma ta’ werqa ta’ ħaxixa fi flixkun – Trade mark tridimensjonali nazzjonali preċedenti – Użu ġenwin tat-trade mark preċedenti – Artikolu 15(1) u Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (li saru l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 47(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Natura tal-użu – Alterazzjoni tal-karattru distintiv – Użu flimkien ma’ trade marks oħra – Suġġett tal-protezzjoni – Rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni – Rekwiżit ta’ konkordanza tad-deskrizzjoni mar-rappreżentazzjoni – Deċiżjoni meħuda wara l-annullament ta’ deċiżjoni preċedenti mill-Qorti Ġenerali – Riferiment għall-motivi ta’ deċiżjoni preċedenti annullata – Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża T-796/16.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tat-23 ta’ Settembru 2020 (Estratti).
CEDC International sp. z o.o. vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark tridimensjonali tal-Unjoni Ewropea – Forma ta’ werqa ta’ ħaxixa fi flixkun – Trade mark tridimensjonali nazzjonali preċedenti – Użu ġenwin tat-trade mark preċedenti – Artikolu 15(1) u Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (li saru l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 47(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Natura tal-użu – Alterazzjoni tal-karattru distintiv – Użu flimkien ma’ trade marks oħra – Suġġett tal-protezzjoni – Rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni – Rekwiżit ta’ konkordanza tad-deskrizzjoni mar-rappreżentazzjoni – Deċiżjoni meħuda wara l-annullament ta’ deċiżjoni preċedenti mill-Qorti Ġenerali – Riferiment għall-motivi ta’ deċiżjoni preċedenti annullata – Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża T-796/16.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2020:439
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
23 ta’ Settembru 2020 ( *1 )
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark tridimensjonali tal-Unjoni Ewropea – Forma ta’ werqa ta’ ħaxixa fi flixkun – Trade mark tridimensjonali nazzjonali preċedenti – Użu ġenwin tat-trade mark preċedenti – Artikolu 15(1) u Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (li saru l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 47(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Natura tal-użu – Alterazzjoni tal-karattru distintiv – Użu flimkien ma’ trade marks oħra – Suġġett tal-protezzjoni – Rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni – Rekwiżit ta’ konkordanza tad-deskrizzjoni mar-rappreżentazzjoni – Deċiżjoni meħuda wara l-annullament ta’ deċiżjoni preċedenti mill-Qorti Ġenerali – Riferiment għall-motivi ta’ deċiżjoni preċedenti annullata – Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża T‑796/16,
CEDC International sp. z o.o., stabbilita f’Oborniki Wielkopolskie (il-Polonja), irrappreżentata minn M. Siciarek, avukat,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Walicka u V. Ruzek, bħala aġenti,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija
Underberg AG, stabbilita fi Dietlikon (l-Isvizzera), irrappreżentata minn A. Renck, avukat,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, tad-29 ta’ Awwissu 2016 (Każ R 1248/2015-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn CEDC International u Underberg,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),
komposta minn M. J. Costeira, President, D. Gratsias u M. Kancheva (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: A. Juhász-Tóth, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Novembru 2016,
wara li r-rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Frar 2017,
wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Marzu 2017,
wara li rat id-deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-proċedura tad-29 ta’ Mejju 2017,
wara li rat id-deċiżjoni li titkompla l-proċedura tat-12 ta’ Awwissu 2019,
wara li rat il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-10 ta’ Diċembru 2019 u r-risposti tal-partijiet ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Diċembru 2019 u fid-9 ta’ Jannar 2020,
wara s-seduta tas-6 ta’ Frar 2020,
tagħti l-preżenti
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Fl-1 ta’ April 1996, l-intervenjenti, Underberg AG, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat (issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat, issostitwit huwa stess bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)). |
2 |
It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa s-sinjal tridimensjonali riprodott hawn taħt: |
3 |
Din ir-rappreżentazzjoni tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni hija akkumpanjata mid-deskrizzjoni segwenti: “Is-suġġett tat-trade mark hija werqa ħaxixa kannella-ħadranija ġewwa flixkun; it-tul tal-werqa ħaxixa huwa madwar tliet kwarti tat-tul tal-flixkun”. |
4 |
Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu b’mod partikolari fil-klassi 33 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti. “Spirti u likuri”. |
5 |
L-applikazzjoni għat-trade mark Nru 33266 ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 51/2003, tat-23 ta’ Ġunju 2003. |
6 |
Fil-15 ta’ Settembru 2003, Przedsiębiorstwo Polmos Białystok (Spółka Akcyjna), li r-rikorrenti, CEDC International sp. z o.o, ġiet issostitwita għaliha wara amalgamazzjoni b’akkwist li saret fis-27 ta’ Lulju 2011, ressqet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), u wara l-Artikolu 46 tar-Regolament 2017/1001), għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq. |
7 |
L-oppożizzjoni kienet b’mod partikolari bbażata fuq it-trade mark tridimensjonali Franċiża preċedenti, ippreżentata fit-18 ta’ Settembru 1995, irreġistrata fit-18 ta’ April 1997 taħt in-numru 95588457, imġedda fid-9 ta’ Ġunju 2005 u fit-13 ta’ Lulju 2015 (wara t-trasferiment lir-rikorrenti fit-28 ta’ Ottubru 2011) għal “xorb alkoħoliku” li jaqa’ taħt il-klassi 33 tal-Ftehim ta’ Nice, irrappreżentata kif ġej: |
8 |
Din ir-rappreżentazzjoni tat-trade mark tridimensjonali Franċiża hija akkumpanjata bid-deskrizzjoni segwenti: “It-trade mark hija komposta minn flixkun kif irrappreżentat iktar ’il fuq, li fih hija mqiegħda werqa ħaxixa f’pożizzjoni kważi djagonali”. [omissis] |
10 |
Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija, l-ewwel nett, fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009, u wara tar-Regolament 2017/1001) għat-trade mark tridimensjonali Franċiża preċedenti Nru 95588457 riprodotta fil-punt 7 iktar ’il fuq, it-tieni nett, fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 u wara tar-Regolament 2017/1001) għall-istess trade mark kif ukoll trade marks irreġistrati indikati fil-punt 9 iktar ’il fuq, u, it-tielet nett, fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, u wara tar-Regolament 2017/1001) għal sinjali li ma humiex irreġistrati msemmija fil-punt 9 iktar ’il fuq. [omissis] |
21 |
Bis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, CEDC International vs UASI – Underberg (Forma ta’ werqa ta’ ħaxixa ġewwa flixkun) (T‑235/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-annullament”, EU:T:2014:1058), il-Qorti Ġenerali annullat l-ewwel deċiżjoni. |
22 |
Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali rrilevat li r-rikorrenti kienet tikkontesta l-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet tal-EUIPO dwar il-motivi kollha tal-oppożizzjoni, jiġifieri dawk stabbiliti fl-Artikolu 8(1)(a), (3) u (4) tar-Regolament Nru 207/2009, iżda li, madankollu, hija indikat li hija kienet qiegħda tillimita l-argument tagħha biss għall-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar l-evalwazzjoni tal-provi tal-użu ppreżentati, peress li dawn il-konklużjonijiet kienu jikkonċernaw bl-istess mod il-motivi kollha tal-oppożizzjoni (sentenza tal-annullament, punt 29). [omissis] |
32 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Awwissu 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) fil-Każ R 1248/2015–4, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. |
33 |
B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, anki kieku kellu jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu sabiex jieħu inkunsiderazzjoni provi mressqa tardivament favur ir-rikorrenti, dawn il-provi bl-ebda mod ma kienu jbiddlu d-deċiżjoni preċedenti tiegħu, li tgħid li r-rikorrenti ma kinitx ipprovat in-natura tal-użu u, għaldaqstant, l-użu ġenwin tat-trade mark tridimensjonali Franċiża preċedenti, skont l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 47(2) u (3) tar-Regolament 2017/1001) (punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata). |
34 |
Qabel kollox, il-Bord tal-Appell osserva li kienet ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark kif kienet ġiet ippreżentata li kienet tiddefinixxi l-portata tal-protezzjoni tagħha, u mhux id-deskrizzjoni tat-trade mark li kienet ġiet ipprovduta mir-rikorrenti. Dan żied li deskrizzjoni ta’ trade mark kellha tiddefinixxi dak li seta’ jidher fuq ir-rappreżentazzjoni ta’ trade mark u li l-portata tal-protezzjoni ma kinitx estiża minn interpretazzjoni possibbli ta’ dak li ried jgħid l-applikant permezz ta’ din ir-rappreżentazzjoni jew ta’ dak li kellu f’moħħu. F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell irrileva li r-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark tridimensjonali Franċiża preċedenti kienet turi flixkun ta’ forma komuni li fuqu kienet tidher linja li kienet tidher b’mod dijagonali fuq in-naħa tax-xellug tal-flixkun, li kienet tibda eżatt taħt l-għonq, lejn it-tarf inferjuri tal-flixkun; li l-linja, ippreżentata bħala parti fissa tal-ġisem tal-flixkun, kienet linja dijagonali dritta u xejn iktar u li d-deskrizzjoni pprovduta mir-rikorrenti bl-ebda mod ma kienet tbiddel din il-konstatazzjoni, peress li l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark ma kinitx iddefinita mill-intenzjoni tar-rikorrenti waqt il-preżentata tat-trade mark (punti 38 u 39 tad-deċiżjoni kkontestata). |
35 |
Il-Bord tal-Appell ikkonstata li ebda waħda mill-provi ppreżentati fl-ewwel istanza ma kienet turi t-trade mark fil-forma rreġistrata tagħha, jiġifieri kif kienet irrappreżentata grafikament fir-reġistru. Fil-fatt, l-ebda wieħed mill-fliexken ma kellu linja djagonali mhux interrotta, inqas u inqas l-istess linja bħal dik li tifforma parti mit-trade mark preċedenti; din il-linja ma kinitx imwaħħla fuq il-wiċċ estern ta’ wieħed mill-fliexken ippreżentati u ma kinitx tidher fuq it-tikketta nnifisha jew minnha u kien impossibbli li wieħed jara dak li seta’ jinsab fil-flixkun wara t-tikketta, peress li t-tikketta mhux trasparenti kienet tkopri kważi l-wiċċ kollu tal-flixkun. Il-Bord tal-Appell żied li l-appellanti kienet ippreżentat quddiemu provi addizzjonali li fihom kienu jidhru fliexken, li wħud minnhom kellhom tikketti li ma jistgħux jinqraw u oħrajn kellhom tikketti bil-kliem “żubrówka bison vodka”, iżda li l-fliexken kollha, bħal dawk ippreżentati fl-ewwel istanza, kellhom tikketta mhux trasparenti, li kienet tipprekludi li wieħed jara dak li kien hemm warajha, u ma kellhomx il-linja dijagonali li kienet tifforma parti mit-trade mark preċedenti fuq il-wiċċ estern tal-flixkun jew li kienet taqsam it-tikketta stess. Fir-rigward tal-provi ppreżentati tardivament u b’mod iktar partikolari tar-ritratti, annessi mad-dikjarazzjoni ta’ K., tal-flixkun li għandu t-tikketta bil-kliem “żubrówka bison vodka” u rrappreżentat din id-darba mhux biss bi stampa minn quddiem, iżda wkoll bi stampi minn wara u tnejn mill-ġenb, il-Bord tal-Appell ikkonstata li, fuq l-istampi tal-ġenb li jidhru fuq kull ritratt, setgħet tiġi osservata linja mtawla mhux interrotta u li, minkejja li dawn kienu ftit differenti fuq dawn iż-żewġ ritratti, dawn il-linji ma kienu b’ebda mod identiċi għal-linja dijagonali dritta li kienet tifforma parti mit-trade mark preċedenti: pereżempju, dawn ma kellhomx l-istess pożizzjoni, kienu ħafna itwal, ma kinux jibdew mill-istess post fil-parti ta’ isfel tal-flixkun u ma kinux totalment dritti (punti 40 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata). |
36 |
Il-Bord tal-Appell qies li dan l-użu, kif muri mir-rikorrenti, ma kienx l-użu tat-trade mark kif irreġistrata, iżda lanqas ma kien użu taħt forma li kienet differenti minħabba elementi li ma kinux ibiddlu l-karattru distintiv tat-trade mark fil-forma li din kienet ġiet irreġistrata fiha fis-sens tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2017/1001). F’dan ir-rigward, dan ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-karattru distintiv tat-trade mark Franċiża preċedenti bħala tali kien pjuttost dgħajjef, peress li din kienet komposta minn flixkun fil-forma komuni b’linja dritta sempliċi mqiegħda f’pożizzjoni speċifika u b’tul speċifiku, u, fir-realtà, fl-impressjoni globali, kienet din il-linja u l-pożizzjoni u t-tul speċifiku tagħha li kienu jrendu t-trade mark kemxejn distintiva. B’hekk, il-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti kif kienet iddefinita mir-rappreżentazzjoni grafika tagħha kienet baxxa ħafna u, konsegwentement, forma differenti mill-mod ippreżentat fil-provi prodotti bl-ebda mod ma kienet tikkostitwixxi użu tat-trade mark preċedenti. Il-Bord tal-Appell enfasizza wkoll li l-ispjegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li dak li kien jinsab fil-fliexken ippreżentati fil-provi mressqa kienet werqa ħaxixa, li kienet karatteristika importanti tal-vodka tagħha tat-trade mark ŻUBRÓWKA, ma kinitx favur tagħha u ma kinitx rilevanti, peress li t-trade mark Franċiża preċedenti ma kinitx tipproteġi l-kunċett ta’ werqa ħaxixa fi flixkun (punti 43 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata). |
37 |
Il-Bord tal-Appell ikkonkluda li, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu, ir-rikorrenti ma kinitx ipprovat in-natura tal-użu mit-trade mark tridimensjonali preċedenti Franċiża, li kienet rekwiżit neċessarju sabiex jiġi pprovat l-użu ġenwin minn din it-trade mark preċedenti skont l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009. Minn dan huwa ddeduċa li, għal din ir-raġuni biss, ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati ulterjorment il-provi ppreżentati tardivament u jekk kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-provi fl-intier tagħhom. Fil-fehma tiegħu, xorta kien jibqa’ l-fatt li l-oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark tridimensjonali preċedenti Franċiża u fuq ir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009 kienet miċħuda. F’dak li jirrigwarda l-motivi l-oħra tal-oppożizzjoni u d-drittijiet preċedenti l-oħra invokati, il-Bord tal-Appell “irrefera espliċitament għar-raġunament li jinsab fid-deċiżjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2012 fil-Każ R 2506/2010–4”. Dan ikkonkluda li l-oppożizzjoni kienet miċħuda għar-raġunijiet u għad-drittijiet preċedenti kollha li fuqhom kienet ibbażata l-oppożizzjoni (punti 46 sa 49 tad-deċiżjoni kkontestata). |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
[omissis]
48 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
49 |
L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
50 |
L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
51 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001). It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u tar-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95 (li sar l-Artikolu 10(3) tar-Regolament ta’ Delega 2018/625) kif ukoll tal-Artikolu 8(1)(a) u (b) u tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 75 tal-Artikolu 76(1) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009. |
Osservazzjonijiet preliminari
Fuq id-dritt applikabbli ratione temporis
52 |
Mill-proċess jirriżulta li l-Bord tal-Appell applika r-Regolament Nru 207/2009 (ara l-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata), li r-rikorrenti bbażat il-motivi tagħha fuq dan ir-regolament (ara l-punt 4 tar-rikors), li l-intervenjenti bbażat ir-risposta tagħha fuq l-imsemmi regolament u li l-EUIPO, fir-risposta tiegħu, invoka verżjoni tar-“RTMUE” li n-numri tad-dispożizzjonijiet tagħha jikkorrispondu għal dawk tal-istess regolament. |
53 |
Madankollu, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, l-EUIPO rrileva li, peress li d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark kienet determinanti, id-dritt applikabbli f’dan il-każ, tal-inqas għall-aspetti sostantivi, kien ir-Regolament Nru 40/94. |
54 |
Għandu jitqies li, fid-dawl tad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, f’dan il-każ l-1 ta’ April 1996, li hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-26 ta’ Ottubru 2015, Popp u Zech vs UASI, C‑17/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:728, punt 2; sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, EUIPO vs Wajos, C‑783/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1073, punt 2), u fid-dawl tad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, f’dan il-każ id-29 ta’ Awwissu 2016, li hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt proċedurali applikabbli, din it-tilwima hija rregolata, minn naħa, mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 40/94 u, min-naħa l-oħra, mid-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament Nru 207/2009. Id-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dawn iż-żewġ regolamenti rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża huma, essenzjalment, identiċi. |
55 |
Fir-rigward tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt sostantiv, fid-dawl tal-identiċità, essenzjalment, tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti Nru 40/94 u Nru 207/2009, il-Qorti Ġenerali ser tapplika d-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 40/94. Madankollu, għandu jitqies li l-applikazzjoni, mill-Bord tal-Appell, tad-dispożizzjonijiet identiċi tar-Regolament Nru 207/2009, li barra minn hekk ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, ma tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-applikazzjoni ratione temporis ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn ir-regolamenti ma twassalx għal riżultat differenti u kull tqegħid indiskussjoni tal-imsemmija deċiżjoni fuq din il-bażi hija ineffettiva. |
56 |
F’dak li jirrigwarda l-ewwel u t-tielet motiv, ibbażati fuq il-ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet proċedurali, peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fid-29 ta’ Awwissu 2016, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009, jekk ikun il-każ kif emendati bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21, rettifika fil-ĠU L 71, 16.3.2016, p. 322, fil-ĠU L 110, 26.4.2016, p. 4, u fil-ĠU L 267, 30.9.2016, p. 1), huma applikabbli għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Ottubru 2019, Repower vs EUIPO, C‑281/18 P, EU:C:2019:916, punti 2 u 3). B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/2424 jipprevedi li dan ir-regolament jidħol fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2016, iżda li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009, li fosthom jinsab l-Artikolu 75, għandhom japplikaw biss mill-1 ta’ Ottubru 2017. F’dan il-każ, fid-dawl tad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 fil-verżjoni inizjali tiegħu jibqa’ applikabbli għal din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ dispożizzjoni tranżitorja, l-Artikolu 65(6) u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 japplikaw għall-imsemmija deċiżjoni kif emendati bir-Regolament 2015/2424. Finalment, l-applikazzjoni ratione temporis tal-verżjonijiet inizjali jew emendati tad-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament Nru 207/2009 ma twassalx għal riżultat differenti għat-trattament tal-ewwel u t-tielet motiv. [omissis] |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, u tar-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95, kif ukoll tal-Artikolu 8(1)(a) u (b) u tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009
83 |
Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Bord tal-Appell talli qies li l-provi ppreżentati (quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u quddiem il-Bord tal-Appell) ma kinux jistabbilixxu użu ġenwin mit-trade mark tridimensjonali preċedenti Franċiża matul il-perijodu rilevanti. F’dan ir-rigward hija tinvoka erba’ lmenti. [omissis] |
93 |
Għandu jiġi rrilevat li dan il-motiv jirrigwarda, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk it-trade mark preċedenti ntużatx fil-forma li hija ġiet irreġistrata fiha (jew f’forma li ma tbiddilhiex, b’varjazzjonijiet negliġibbli) u, għaldaqstant, jirrigwarda s-suġġett eżatt tal-protezzjoni mogħtija minn din it-trade mark. [omissis] |
97 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-erba’ lmenti tat-tieni motiv tar-rikorrenti u jekk kienx b’mod ġust li l-Bord tal-Appell, fil-punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata, qies li, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemu, ir-rikorrenti ma kinitx ipprovat in-natura tal-użu tat-trade mark tridimensjonali preċedenti Franċiża, li kien rekwiżit neċessarju sabiex jiġi pprovat l-użu ġenwin ta’ din it-trade mark skont l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009. |
98 |
Preliminarjament, fir-rigward tad-dritt sostantiv applikabbli, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, meta l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jitlob li tiġi ppreżentata l-prova tal-użu ġenwin, dan l-użu jikkostitwixxi kundizzjoni li għandhom jissodisfaw, skont ir-Regolament Nru 40/94, mhux biss it-trade marks tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll it-trade marks nazzjonali preċedenti invokati insostenn ta’ oppożizzjoni għall-imsemmija trade mark tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, l-applikazzjoni tal-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 għat-trade marks nazzjonali preċedenti skont il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu timplika li l-kunċett ta’ użu ġenwin għandu jiġi ddefinit skont l-Artikolu 15 tal-istess regolament, u mhux skont id-dritt nazzjonali (ara, b’analoġija, fil-qasam tal-proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2019, mobile.de vs EUIPO – Droujestvo S Ogranichena Otgovornost “Rezon” (mobile.ro), T‑412/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:516, punt 23). Huwa għalhekk mingħajr ma wettaq żball ta’ liġi li, f’din il-kawża, il-Bord tal-Appell evalwa jekk it-trade mark nazzjonali preċedenti kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u mhux skont id-dritt Franċiż. [omissis] |
101 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-provi jistabbilixxux in-natura tal-użu mit-trade mark preċedenti, għandu l-ewwel nett jiġi identifikat b’mod korrett is-suġġett tal-protezzjoni mogħtija minnha. [omissis] |
Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq identifikazzjoni żbaljata tat-trade mark preċedenti
103 |
Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell ma identifikax b’mod korrett it-trade mark preċedenti, filwaqt li dan kien flixkun b’werqa ħaxixa ġewwa fih. |
– Tfakkira tal-leġiżlazzjoni u tal-ġurisprudenza
104 |
Għandu jitfakkar il-kuntest leġiżlattiv u ġurisprudenzjali dwar is-suġġett tal-protezzjoni mogħtija minn trade mark tridimensjonali, bħat-trade mark preċedenti, dwar ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rappreżentazzjoni tagħha kif ukoll ir-rekwiżit ta’ konkordanza bejn din ir-rappreżentazzjoni u eventwali deskrizzjoni ta’ tali trade mark. |
105 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, sinjal jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark biss jekk ikun is-suġġett ta’ rappreżentazzjoni grafika minn min jippreżentah, konformement mar-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, u sussegwentement tar-Regolament 2017/1001), fis-sens li s-suġġett u l-portata tal-protezzjoni mitluba jkunu ddeterminati b’mod ċar u preċiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Red Bull vs EUIPO, C‑124/18 P, EU:C:2019:641, punt 36; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Hartwall, C‑578/17, EU:C:2019:261, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
106 |
Meta l-applikazzjoni tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni verbali tas-sinjal, din id-deskrizzjoni għandha tikkontribwixxi sabiex jiġu speċifikati s-suġġett u l-portata tal-protezzjoni mitluba skont id-dritt tat-trade marks u tali deskrizzjoni ma tistax tkun f’kontradizzjoni mar-rappreżentazzjoni grafika ta’ trade mark, u lanqas ma tista’ tkun ta’ natura li tqajjem dubju dwar is-suġġett u l-portata ta’ din ir-rappreżentazzjoni grafika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Red Bull vs EUIPO, C‑124/18 P, EU:C:2019:641, punt 37; ara wkoll, f’dan isenu b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Hartwall, C‑578/17, EU:C:2019:261, punti 39 u 40). |
107 |
Ir-rappreżentazzjoni grafika għandha tippermetti lis-sinjal li jkun irrappreżentat viżwalment, b’mod partikolari permezz ta’ figuri, linji jew karattri, b’tali mod li jkun jista’ jiġi identifikat b’eżattezza. Qabel kollox, ir-rekwiżit tar-rappreżentazzjoni grafika għandu, b’mod partikolari, il-funzjoni li jiddefinixxi t-trade mark innifisha sabiex tiddetermina s-suġġett eżatt tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark irreġistrata lill-proprjetarju tagħha. Sussegwentement, sabiex tissodisfa din il-funzjoni fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti u tal-pubbliku, b’mod partikolari tal-operaturi ekonomiċi, ir-rappreżentazzjoni grafika għandha tkun ċara, preċiża, kompleta fiha nnifisha, faċilment aċċessibbli, intelliġibbli, dejjiema u oġġettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2017, M/S. Indeutsch International vs EUIPO – Crafts Americana Group (Rappreżentazzjoni ta’ żigużajg bejn żewġ linji paralleli), T‑20/16, EU:T:2017:410, punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann, C‑273/00, EU:C:2002:748, punti 46 u 48 sa 55, u tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, EU:C:2004:384, punti 25 u 27 sa 32). B’mod partikolari, ir-rappreżentazzjoni għandha preċiżament l-għan li tneħħi kull element ta’ suġġettività fil-proċess ta’ identifikazzjoni u ta’ perċezzjoni tas-sinjal. Konsegwentement, il-mezz tar-rappreżentazzjoni grafika għandu jkun inekwivoku u oġġettiv (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann, C‑273/00, EU:C:2002:748, punt 54). |
108 |
Rappreżentazzjoni grafika li hija nieqsa minn preċiżjoni u ċarezza ma tippermettix li tiġi ddeterminata l-portata tal-protezzjoni mitluba (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2003, Shield Mark, C‑283/01, EU:C:2003:641, punt 59). Il-fattur determinanti fir-rigward tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark huwa l-mod kif ser tiġi pperċepita, fuq il-bażi biss tas-sinjal kif irreġistrat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2018, Deichmann vs EUIPO – Munich (Rappreżentazzjoni ta’ salib fuq il-ġenb ta’ żarbun tal-isport), T‑68/16, EU:T:2018:7, punt 44). Ir-rekwiżit tar-rappreżentazzjoni grafika għandu, b’mod partikolari, il-funzjoni li jiddefinixxi t-trade mark innifisha sabiex jiddetermina s-suġġett eżatt tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark irreġistrata lill-proprjetarju tagħha. Konsegwentement, huwa l-kompitu tal-applikant li jissottometti rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark li tikkorrispondi preċiżament mas-suġġett tal-protezzjoni li huwa jixtieq jikseb. Ladarba t-trade mark tkun irreġistrata, il-proprjetarju tagħha ma jistax jitlob protezzjoni iktar wiesgħa minn dik mogħtija minn din ir-rappreżentazzjoni grafika jew li ma tikkorrispondix magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 2017, Red Bull vs EUIPO – Optimum Mark (Taħlita tal-kuluri blu u fidda), T‑101/15 u T‑102/15, EU:T:2017:852, punt 71, u tad-19 ta’ Ġunju 2019, adidas vs EUIPO – Shoe Branding Europe (Rappreżentazzjoni ta’ tliet strixxi paralleli), T‑307/17, EU:T:2019:427, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
109 |
Barra minn hekk, ir-Regola 3(3) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprevedi li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni “jista’ jkun fiha deskrizzjoni tal-marka”. Għaldaqstant, fl-ipoteżi li jkun hemm deskrizzjoni fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, din id-deskrizzjoni għandha tiġi eżaminata flimkien mar-rappreżentazzjoni grafika. Fil-fatt, mis-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244), jirriżulta li deskrizzjoni ta’ sinjal tista’ tkun neċessarja sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 2017, Taħlita tal-kuluri blu u fidda, T‑101/15 u T‑102/15, EU:T:2017:852, punti 79 u 80, u tad-19 ta’ Ġunju 2019, Rappreżentazzjoni ta’ tliet strixxi paralleli, T‑307/17, EU:T:2019:427, punt 31). Madankollu, l-eżami konġunt tad-deskrizzjoni ma jistax jestendi s-suġġett eżatt tal-protezzjoni kif iddefinit mir-rappreżentazzjoni (ara l-punt 108 iktar ’il fuq), iżda tista’ biss tikkontribwixxi għall-kjarifika tiegħu u biex tispeċifikah. |
110 |
Fir-rigward tat-trade marks tridimensjonali, ir-Regola 3(4) tar-Regolament Nru 2868/95 (li saret l-Artikolu 3(3)(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/626 tal-5 ta’ Marzu 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1431 (ĠU 2018, L 104, p. 37)), li ma tirrikjedix deskrizzjoni għal tali trade marks, tipprevedi dan li ġej: “Fejn issir applikazzjoni għal marka tridimensjonali, l-applikazzjoni għandhu jkun fiha indikazzjoni f’dak is-sens. Ir-rappreżentazzjoni għandha tikkonsisti f’riproduzzjoni fotografika jew rappreżentazzjoni grafika tal-marka. Ir-rappreżentazzjoni jista’ jkun fiha sa sitt perspettivi differenti tal-marka.” |
111 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, ir-rappreżentazzjoni tat-trade mark, li għandha tkun ċara u preċiża, tiddefinixxi s-suġġett tal-protezzjoni mogħtija mir-reġistrazzjoni. Barra minn hekk, id-deskrizzjoni, li tista’ eventwalment takkumpanja r-rappreżentazzjoni, għandha taqbel magħha, kif irreġistrata, u ma tistax testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tat-trade mark hekk iddefinita. Dan ir-rekwiżit ta’ konkordanza ta’ eventwali deskrizzjoni mar-rappreżentazzjoni huwa għalhekk korollarju tar-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rappreżentazzjoni li tiddefinixxi s-suġġett tal-protezzjoni. |
112 |
Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, il-Bord tal-Appell ġustament osserva, fil-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija r-rappreżentazzjoni (grafika dak iż-żmien) tat-trade mark hekk kif ġiet ippreżentata li tiddefinixxi l-portata tal-protezzjoni tagħha, u mhux id-deskrizzjoni tat-trade mark li ġiet ipprovduta mir-rikorrenti, qabel ma żied li deskrizzjoni ta’ trade mark għandha tiddefinixxi dak li jista’ jidher fuq ir-rappreżentazzjoni ta’ trade mark u li l-portata tal-protezzjoni ma hijiex estiża minn interpretazzjoni possibbli ta’ dak li trid tgħid ir-rikorrenti permezz ta’ din ir-rappreżentazzjoni jew ta’ dak li kellha f’moħħha. |
– Applikazzjoni f’dan il-każ għad-definizzjoni tas-suġġett eżatt tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark preċedenti u għall-konkordanza tad-deskrizzjoni tagħha mar-rappreżentazzjoni tagħha
113 |
F’dan il-każ, miċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark tridimensjonali Franċiża preċedenti, maħruġ mill-Institut national de la propriété industrielle (INPI, Franza), jirriżulta li din it-trade mark tinkludi rappreżentazzjoni (riprodotta fil-punt 7 iktar ’il fuq) akkumpanjata minn deskrizzjoni li tgħid li “[t]-trade mark hija komposta minn flixkun kif irrappreżentat iktar ’il fuq, li fih werqa ħaxixa hija mqiegħda f’pożizzjoni kważi dijagonali fil-ġisem tal-flixkun”. |
114 |
Fid-dawl ta’ dan iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, għandu jiġi enfasizzat, qabel kollox, li d-deskrizzjoni tat-trade mark preċedenti ma taqbilx mar-rappreżentazzjoni tagħha. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li r-rappreżentazzjoni tinkludi linja, u mhux werqa ħaxixa kif deskritt. Barra minn hekk, fuq ir-rappreżentazzjoni, il-linja tidher pjuttost fuq il-korp tal-flixkun u ma jidhirx b’mod ċar li din tinsab ġewwa l-flixkun. Barra minn hekk, id-deskrizzjoni tal-imsemmija trade mark, peress li ma taqbilx mar-rappreżentazzjoni tagħha, ma tistax tintuża sabiex din tiġi ċċarata jew ippreċiżata. |
115 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ġustament irrileva, fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark preċedenti kienet turi “flixkun ta’ forma komuni li fuqu [kienet] tidher linja [dritta] li [kienet] tidher b’mod dijagonali fuq in-naħa tax-xellug tal-flixkun, li kienet tibda eżatt minn taħt l-għonq tal-flixkun, lejn it-tarf inferjuri tal-flixkun”, li l-linja, ippreżentata bħala parti fissa mill-korp tal-flixkun, kienet linja dijagonali dritta u xejn iktar u li d-deskrizzjoni pprovduta mir-rikorrenti ma kienet b’ebda mod tibdel din il-konstatazzjoni, għaliex il-portata tal-protezzjoni tat-trade mark ma kinitx iddefinita mill-intenzjoni tar-rikorrenti matul il-preżentata tat-trade mark. |
116 |
Kif tirrileva l-intervenjenti, din l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell hija konformi mal-prinċipji rilevanti għall-identifikazzjoni korretta ta’ trade mark tridimensjonali, li jgħidu li r-rappreżentazzjoni li hija deċiżiva sabiex tiġi ddefinita l-portata tal-protezzjoni ta’ tali trade mark u d-deskrizzjoni ma tistax tbiddel jew tinterpreta r-rappreżentazzjoni ta’ din it-trade mark. |
117 |
Din il-konstatazzjoni ma titpoġġix indiskussjoni mill-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-perċezzjoni tat-trade mark tridimensjonali Franċiża preċedenti bħala li tinkludi werqa ħaxixa ġewwa l-flixkun tikkorrispondi, l-ewwel nett, għall-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza ta’ annullament, it-tieni nett, għar-rappreżentazzjoni, għat-tip u għad-deskrizzjoni ta’ din it-trade mark, indikati fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tagħha, u, it-tielet nett, għall-provi ppreżentati. |
118 |
L-ewwel nett, fis-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ddeċidiet, fil-mertu, dwar is-suġġett eżatt tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark tridimensjonali Franċiża preċedenti. Hija llimitat ruħha li tilqa’ t-tielet motiv tal-ewwel rikors, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq nuqqas ta’ eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-provi tal-użu ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell, jiġifieri motiv ta’ natura proċedurali dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-provi tal-użu, u mhux dwar id-definizzjoni tas-suġġett tal-protezzjoni (ara wkoll ir-risposta għall-ewwel motiv fil-punti 70 sa 82 iktar ’il fuq). |
119 |
It-tieni nett, huwa preċiżament fuq ir-rappreżentazzjoni tat-trade mark tridimensjonali Franċiża preċedenti fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tagħha li hija bbażata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li din it-trade mark tipproteġi “flixkun ta’ forma komuni li fuqu kienet tidher linja li kienet tidher b’mod dijagonali fuq in-naħa tax-xellug tal-flixkun, li kienet tibda eżatt taħt l-għonq, lejn it-tarf inferjuri tal-flixkun”. Min-naħa l-oħra, l-allegata preżenza ta’ werqa ħaxixa ma tirriżultax mir-rappreżentazzjoni, iżda biss mid-deskrizzjoni. |
120 |
Issa, kif tirrileva l-intervenjenti, din id-deskrizzjoni tinkludi interpretazzjoni indebita tar-rappreżentazzjoni, għaliex hija tinterpreta l-element grafiku tal-linja lil hinn minn dak li huwa viżibbli billi ssostni li dan l-element jikkostitwixxi werqa ħaxixa. Fil-fatt, fuq ir-rappreżentazzjoni bl-iswed u bl-abjad (u għalhekk mhux limitata għal kulur partikolari bħall-aħdar kannella, iżda tkopri l-kuluri kollha), l-element grafiku huwa linja sewda dritta ħafna, mingħajr ebda kurva jew irregolarità, filwaqt li werqa ħaxixa normalment ma hijiex dritta, iżda tippreżenta kurvi u irregolaritajiet. Barra minn hekk, fuq din l-istess rappreżentazzjoni, ma jidhirx b’mod ċar li l-linja tinsab ġewwa l-flixkun, iżda pjuttost tidher fuq il-korp tiegħu. Għaldaqstant, kull interpretazzjoni jew tibdil tar-rappreżentazzjoni permezz tad-deskrizzjoni tikser il-prinċipji mfakkra fil-punti 104 sa 112 iktar ’il fuq. |
121 |
L-intervenjenti żżid li, kieku r-rikorrenti riedet tipproteġi werqa ħaxixa fi flixkun, hija kellha tippreżenta immaġni ta’ werqa ħaxixa kompletament fidila għar-realtà, kif sar għal trade marks oħra rreġistrati mir-rikorrenti. |
122 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet dwar is-suġġett eżatt tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark tridimensjonali Pollakka Nru 189866 tar-rikorrenti, riprodotta hawn taħt: |
123 |
B’hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 94, 95, 97 u 98 tas-sentenza tal-12 ta’ Novembru 2015, CEDC International vs UASI – Fabryka Wódek Polmos Łańcut (WISENT) (T‑449/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:839) u fil-punti 96, 97, 99 u 100 tas-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, CEDC International vs UASI – Fabryka Wódek Polmos Łańcut (WISENT VODKA) (T‑450/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:841), li t-trade mark preċedenti kunfliġġenti kienet tinkludi element figurattiv li jikkonsisti f’linja fina li kienet taqsam il-flixkun u li l-imsemmija linja kienet dritta, kemxejn inklinata lejn ix-xellug, ta’ kulur aħdar, u interrotta bit-tikketta. Skont il-Qorti Ġenerali, dawn ir-rappreżentazzjonijiet skematiċi ta’ dak li jista’ jikkostitwixxi werqa ħaxixa ma jistgħux, madankollu, jiġu pperċepiti bħala werqa ħaxixa reali. Il-linja preżenti fit-trade marks kunfliġġenti, bħal dawk irrappreżentati u rreġistrati, ser jiġi pperċepit bħala dak li hija, jiġifieri sempliċi linja u mhux bħala werqa ħaxixa. Hija biss rappreżentazzjoni iktar realistika tal-werqa ħaxixa, jew l-immaġni vera ta’ werqa ħaxixa mqiegħda ġewwa flixkun, li tista’ tirreferi għad-dehra ta’ werqa ħaxixa, li, barra minn hekk, tista’ tiġi kkonfermata mid-deskrizzjoni tagħha. Issa, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan ma kienx il-każ f’din il-kawża. Għalhekk, fil-fehma tiegħu, huwa minħabba l-perċezzjoni tal-imsemmi element figurattiv bħala sempliċi linja dritta kemxejn inklinata jew dijagonali, li taqsam flixkun, li l-Bord tal-Appell qies, ġustament, li, fil-preżenza ta’ elementi figurattivi oħra, l-imsemmi element kien inqas distintiv u kellu rwol sekondarju fl-evalwazzjoni tax-xebh tat-trade marks kunfliġġenti. Din il-konklużjoni, skont il-Qorti Ġenerali, ma tistax tiġi invalidata mill-argument tal-appellanti li jgħid li l-werqa ħaxixa hija element partikolarment qawwi jew oriġinali. F’dan ir-rigward, skont il-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li l-element figurattiv preżenti fit-trade marks kunfliġġenti, kif irrappreżentati u rreġistrati, huwa linja dritta kemxejn inklinata jew dijagonali, li tiġi pperċepita bħala linja li taqsam il-flixkun u mhux bħala werqa ħaxixa. Bħala forma sempliċi, l-imsemmija linja ma tidhirx li hija partikolarment oriġinali jew li tiġbed l-attenzjoni. Barra minn hekk, fil-każ kemm tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kif ukoll fil-każ tat-trade mark preċedenti, din tieħu t-tieni post minħabba l-preżenza ta’ elementi verbali u figurattivi oħra fl-imsemmija trade marks. B’hekk, hija ssir inqas viżibbli u, minħabba f’hekk, il-kapaċità tagħha li tolqot lill-konsumatur hija iktar limitata. |
124 |
F’dak li jikkonċerna t-trade mark tridimensjonali Franċiża preċedenti inkwistjoni f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, a fortiori, li hija biss rappreżentazzjoni iktar realistika tal-werqa ħaxixa, jew l-immaġni vera ta’ werqa ħaxixa mqiegħda ġewwa flixkun, li setgħet tiddetermina b’mod ċar u preċiż il-preżenza ta’ werqa ħaxixa f’din it-trade mark, li, barra minn hekk, setgħet tiġi kkonfermata bid-deskrizzjoni tagħha, li għalhekk kienet taqbel mar-rappreżentazzjoni. Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. |
125 |
It-tielet nett, bħala prinċipju, provi tal-użu ppreżentati ma jistgħux jinfluwenzaw id-definizzjoni tas-suġġett eżatt tal-protezzjoni mogħtija minn trade mark. Fil-fatt, dan l-għan huwa ddefinit mir-rappreżentazzjoni tat-trade mark li tinsab fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, eventwalment iċċarata u ppreċiżata mid-deskrizzjoni fil-każijiet fejn din taqbel mar-rappreżentazzjoni, iżda bl-ebda mod ma tista’ tiġi emendata permezz tal-użu effettiv tat-trade mark fis-suq. Qabel kollox, l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 207/2009, u sussegwentement l-Artikolu 49(2) tar-Regolament 2017/1001) ma jippermettix li emenda sussegwenti għall-applikazzjoni taffettwa sostanzjalment lit-trade mark. |
126 |
Qabel kollox, f’dan il-każ, in-natura mhux suffiċjentement ċara u preċiża tar-rappreżentazzjoni, akkumpanjata mid-deskrizzjoni tagħha, pjuttost għandha t-tendenza li tiġi kkonfermata mill-fatt li r-rikorrenti ppreżentat provi ta’ użu li jirriproduċu t-trade mark preċedenti b’mod differenti meta mqabbla man-natura, mat-tul u mal-pożizzjoni tal-linja fir-rappreżentazzjoni li tidher fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Lulju 2019, Red Bull vs EUIPO, C‑124/18 P, EU:C:2019:641, punt 45, u tat-30 ta’ Novembru 2017, Taħlita tal-kuluri blu u fidda, T‑101/15 u T‑102/15, EU:T:2017:852, punt 65). |
127 |
Finalment, fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ippreċiża, ġustament, li t-trade mark preċedenti ma tistax tipproteġi l-kunċett ta’ werqa ħaxixa fi flixkun. |
128 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li rappreżentazzjoni astratta ta’ kunċett taħt il-forom kollha immaġinabbli ma tirrappreżentax in-natura ta’ preċiżjoni u ta’ kostanza meħtieġa fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, tali preżentazzjoni tawtorizza numru ta’ taħlit differenti li ma jippermettix lill-konsumatur jipperċepixxi u jimmemorizza taħlita partikolari li jkun jista’ jużaha sabiex jirrepeti, b’ċertezza, esperjenza ta’ xiri, u lanqas ma jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi jsiru jafu l-portata tad-drittijiet protetti tal-proprjetarju tat-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Red Bull vs EUIPO, C‑124/18 P, EU:C:2019:641, punt 38; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, EU:C:2004:384, punti 33 sa 35). |
129 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-suġġett ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark li tirrigwarda l-forom kollha immaġinabbli ta’ prodott jew ta’ parti minn prodott ma jikkostitwixxix “sinjal” fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94 u, għaldaqstant, ma jistax jikkostitwixxi trade mark fis-sens ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dyson, C‑321/03, EU:C:2007:51, punt 40). |
130 |
Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni dwar it-trade marks ma tippermettix il-protezzjoni ta’ kunċett jew ta’ idea, iżda biss ta’ espressjoni konkreta ta’ kunċett jew ta’ idea, kif inkorporata fis-sinjal u ddefinita mir-rappreżentazzjoni tal-imsemmi sinjal. |
131 |
Ir-rikorrenti stess tirrikonoxxi li hija ma għandhiex l-intenzjoni tapproprja ruħha, fl-astratt, minn kull rappreżentazzjoni ta’ werqa ħaxixa ġewwa flixkun, iżda li hija tippretendi l-esklużività fir-rigward ta’ rappreżentazzjoni konkreta, li tifforma parti mit-trade mark tagħha, tal-għaqda ta’ dawn iż-żewġ elementi. |
132 |
Hija għalhekk ir-rappreżentazzjoni konkreta tat-trade mark preċedenti li tiddetermina s-suġġett eżatt tal-protezzjoni mogħtija minn din it-trade mark fid-dawl tal-eżami tan-natura tal-użu tal-imsemmija trade mark. |
133 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li mir-rappreżentazzjoni tat-trade mark preċedenti, kif identifikata b’mod korrett mill-Bord tal-Appell, jirriżulta li s-suġġett eżatt tal-protezzjoni mogħtija minn din it-trade mark jirreferi biss għal “flixkun ta’ forma komuni li fuqu kienet tidher linja li kienet tidher b’mod dijagonali fuq in-naħa tax-xellug tal-flixkun, li kienet tibda eżatt taħt l-għonq, lejn it-tarf inferjuri tal-flixkun”, iżda mhux, kif tallega r-rikorrenti, werqa ħaxixa. |
134 |
Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tieni, it-tielet u r-raba’ lment, ibbażati, rispettivament, fuq l-applikazzjoni ta’ kriterju żbaljat u inadegwat tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-possibbiltà tal-użu simultanju ta’ diversi trade marks u fuq in-nuqqas ta’ bidla tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti waqt l-użu tagħha
135 |
Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell, “għal darb’ oħra”, applika kriterju żbaljat u inadegwat tal-użu ġenwin tat-trade mark tridimensjonali Franċiża preċedenti, minħabba l-approċċ “semplċist u bidimensjonali” tiegħu, mingħajr approċċ dinamiku tal-perspettivi ta’ diversi naħat, u billi llimita ruħu li jevalwa l-provi indipendentement minn xulxin, mingħajr ma analizzahom flimkien. Permezz tat-tielet ilment, hija ssostni li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-possibbiltà tal-użu simultanju ta’ diversi trade marks ta’ tipi differenti billi sostna b’mod żbaljat li l-użu tat-tikketta kien ibiddel il-karattru distintiv tat-trade mark inkwistjoni. Permezz tar-raba’ lment, hija ssostni li l-Bord tal-Appell evalwa b’mod żbaljat l-użu ġenwin ta’ din it-trade mark fis-sens tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, billi rrestrinġa b’mod żbaljat l-użu ġenwin għall-każijiet biss fejn il-forma hija “l-istess” jew “identika” għal dik irreġistrata u billi ma rrikonoxxiex li differenzi żgħar ta’ tul u ta’ pożizzjoni tal-werqa ħaxixa fil-flixkun użat fis-suq Franċiż ma kinux biddlu l-karattru distintiv tal-imsemmija trade mark kif irreġistrata. |
– Tfakkira tal-leġiżlazzjoni u tal-ġurisprudenza
136 |
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2017/1001), il-prova tal-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti, nazzjonali jew tal-Unjoni Ewropea, tinkludi wkoll il-prova tal-użu tat-trade mark preċedenti f’forma li hija differenti minħabba elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv ta’ din it-trade mark fil-forma li din ġiet irreġistrata fiha. |
137 |
Mill-kliem tal-Artikolu 15(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta direttament li l-użu mit-trade mark f’forma li hija differenti minn dik li fiha ġiet irreġistrata din it-trade mark jitqies li huwa użu fis-sens tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, sakemm ma jinbidilx il-karattru distintiv tat-trade mark fil-forma li din tkun ġiet irreġistrata fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Specsavers International Healthcare et, C‑252/12, EU:C:2013:497, punt 21; tat-28 ta’ Frar 2017, Labeyrie vs EUIPO – Delpeyrat (Rappreżentazzjoni ta’ xitla ta’ ħut ċar fuq sfond skur), T‑767/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:122, punt 18, u tat-28 ta’ Ġunju 2017, Tayto Group vs EUIPO – MIP Metro (real), T‑287/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:443, punt 22). Ir-regola li tgħid li l-użu ta’ trade mark f’forma li hija differenti permezz ta’ elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv ta’ din it-trade mark fil-forma li din ġiet irreġistrata fiha jitqies ukoll bħala użu tal-imsemmija trade mark, tista’ tissejjaħ, brevitatis causa, “liġi tal-varjanti awtorizzati” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2019, Rappreżentazzjoni ta’ tliet strixxi paralleli, T‑307/17, EU:T:2019:427, punt 48). [omissis] |
140 |
Għall-finijiet ta’ tali konstatazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kwalitajiet intrinsiċi u, b’mod partikolari, il-livell ftit jew wisq għoli ta’ karattru distintiv tat-trade mark irreġistrata jekk din tintuża biss bħala parti minn trade mark kumplessa jew flimkien ma’ trade mark oħra. Fil-fatt, iktar ma l-karattru distintiv tagħha jkun dgħajjef, iktar ikun jista’ jitbiddel faċilment permezz taż-żieda ta’ element li huwa distintiv minnu nnifsu, u t-trade mark inkwistjoni iktar titlef l-abbiltà tagħha li tiġi pperċepita bħala indikazzjoni tal-oriġini tal-prodott. Il-kunsiderazzjoni kuntrarja tapplika wkoll (sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2015, Forma ta’ forn, T‑317/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:689, punt 33; tat-13 ta’ Settembru 2016, Rappreżentazzjoni ta’ poligonu, T‑146/15, EU:T:2016:469, punt 29, u tat-28 ta’ Frar 2017, Rappreżentazzjoni ta’ xitla ta’ ħut ċari fuq sfond skur, T‑767/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:122, punt 22). [omissis] |
142 |
B’hekk, il-kundizzjoni ta’ użu serju minn trade mark tista’ tiġi ssodisfatta meta trade mark tintuża flimkien ma’ trade mark oħra, sakemm it-trade mark tibqa’ tiġi pperċepita bħala indikazzjoni tal-oriġini tal-prodott inkwistjoni (sentenzi tat-28 ta’ Frar 2017, Rappreżentazzjoni ta’ xitla ta’ ħut ċari fuq sfond skur, T‑767/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:122, punt 48; tal-10 ta’ Ottubru 2017, Klement vs EUIPO – Bullerjan (Forma ta’ forn), T‑211/14 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2017:715, punt 47, u tat-28 ta’ Frar 2019, PEPERO original, T‑459/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:119, punt 97). [omissis] |
147 |
Fir-rigward ta’ trade mark tridimensjonali li tikkonsisti mid-dehra tal-prodott stess, sabiex tintlaħaq il-konklużjoni li t-trade mark preċedenti effettivament intużat skont il-funzjoni essenzjali tagħha, il-prova tal-użu tagħha għandha tingħata permezz ta’ elementi li jippermettu li jiġi konkluż b’mod inekwivoku li l-konsumatur huwa f’pożizzjoni li jassoċja l-forma protetta mit-trade mark preċedenti ma’ impriża partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2018, M J Quinlan & Associates vs EUIPO – Intersnack Group (Forma ta’ kangaroo), T‑219/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:610, punt 33, u tat-28 ta’ Frar 2019, PEPERO original, T‑459/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:119, punt 72). |
148 |
Finalment, għandu jitqies li, fil-każ ta’ trade mark sempliċi ħafna, anki bidliet żgħar magħmula lil din it-trade mark jistgħu jikkostitwixxu varjazzjonijiet mhux negliġibbli, b’mod li l-forma emendata ma tkunx tista’ titqies iktar bħala globalment ekwivalenti għall-forma rreġistrata tal-imsemmija trade mark. Fil-fatt, iktar ma trade mark tkun sempliċi, inqas huwa probabbli li jkollha karattru distintiv u iktar bidla magħmula lil din it-trade mark tkun tista’ taffettwa lil waħda mill-karatteristiċi essenzjali tagħha u b’dan il-mod li tbiddel il-perċezzjoni tal-imsemmija trade mark mill-pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2016, Rappreżentazzjoni ta’ poligonu, T‑146/15, EU:T:2016:469, punti 33 u 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Ġunju 2019, Rappreżentazzjoni ta’ tliet strixxi paralleli, T‑307/17, EU:T:2019:427, punt 72). |
– Applikazzjoni għal dan il-każ
149 |
F’dan il-każ, għal dak li jirrigwarda r-raba’ lment, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li t-trade mark preċedenti, kif irrappreżentata, li l-għan tal-protezzjoni tagħha huwa “flixkun ta’ forma komuni li fuqu kienet tidher linja li kienet tidher b’mod dijagonali fuq in-naħa tax-xellug tal-flixkun, li kienet tibda eżatt taħt l-għonq, lejn it-tarf inferjuri tal-flixkun”, u mhux werqa ħaxixa (ara l-punti 115 u 133 iktar ’il fuq), ma ntużatx b’dan il-mod, taħt forma identika, mir-rikorrenti fil-provi ta’ użu ppreżentati. |
150 |
Fir-rigward tal-provi ppreżentati quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni (ara l-punt 15 iktar ’il fuq) li fihom jidhru xi fliexken, ebda wieħed minn dawn il-fliexken ma juri linja dijagonali mhux interrotta, u wisq inqas linja dritta identika għal dik li tidher fit-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, din il-linja ma hijiex imwaħħla fuq il-wiċċ estern ta’ wieħed mill-fliexken u ma tidhirx fuq it-tikketta nnifisha jew minnha. Barra minn hekk, il-fliexken kollha għandhom tikketta mhux trasparenti (illeġibbli jew li għandha l-indikazzjoni “żubrówka bison vodka”), li tista’ taffettwa l-viżibbiltà u l-perċezzjoni ta’ dak li jinsab warajha. |
151 |
Fir-rigward tal-provi ppreżentati tardivament quddiem il-Bord tal-Appell (ara l-punt 25 iktar ’il fuq) u b’mod iktar partikolari tar-ritratti, annessi mad-dikjarazzjoni ta’ K., tal-flixkun li għandu t-tikketta li fiha l-kliem “żubrówka bison vodka” u rrappreżentat din id-darba mhux biss b’dehra minn quddiem, iżda wkoll b’dehra minn wara u minn kull ġenb, għandu jiġi kkonstatat li, ċertament, mid-dehra minn kull ġenb, tista’ tiġi osservata linja twila mhux interrotta. |
152 |
Madankollu, dawn il-linji li jidhru fiż-żewġ dehriet minn kull ġenb ta’ din il-prova ta’ użu, għalkemm ftit differenti bejniethom, huma differenti ħafna mil-linja dijagonali dritta li tidher fit-trade mark preċedenti. Dawn huma differenti minnha min-natura tagħhom, peress li ma humiex totalment dritti, iżda kemxejn inkurvati, mit-tul fin-naħa ta’ fuq u mill-pożizzjoni tagħhom, peress li jibdew u jispiċċaw f’punti differenti fuq it-tarf u fil-parti ta’ isfel tal-flixkun, liema ħaġa twassal ukoll għal inklinazzjoni differenti. |
153 |
Huwa għalhekk ġustament li l-Bord tal-Appell, fil-punti 40 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstata li ebda waħda mill-provi ppreżentati quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni (ara l-punt 15 iktar ’il fuq) jew quddiemu (ara l-punt 25 iktar ’il fuq) ma turi t-trade mark fil-forma rreġistrata tagħha, jiġifieri kif hija rrappreżentata grafikament fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni. |
154 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li t-trade mark preċedenti, kif irrappreżentata, li l-għan tal-protezzjoni tagħha huwa “flixkun ta’ forma komuni li fuqu kienet tidher linja li kienet tidher b’mod dijagonali fuq in-naħa tax-xellug tal-flixkun, li kienet tibda eżatt taħt l-għonq, lejn it-tarf inferjuri tal-flixkun”, u mhux werqa ħaxixa (ara l-punti 115 u 133 iktar ’il fuq), lanqas ma ntużat mir-rikorrenti f’forma li kienet differenti permezz ta’ elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tat-trade mark fil-forma li fiha din kienet ġiet irreġistrata jew b’varjazzjonijiet negliġibbli. |
155 |
F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, kif għamel il-Bord tal-Appell fil-punt 44 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti bħala tali huwa dgħajjef. Fil-fatt, din it-trade mark hija komposta minn flixkun ta’ forma komuni li għandu sempliċi linja dritta ta’ tul preċiż, imqiegħda f’pożizzjoni speċifika li twassal għal inklinazzjoni partikolari. Fl-impressjoni globali, hija din is-sempliċi linja dritta, bit-tul preċiż tagħha u bil-pożizzjoni speċifika tagħha, li tagħmel lill-imsemmija trade mark kemxejn distintiva. |
156 |
B’hekk, il-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti kif iddefinita mir-rappreżentazzjoni grafika tagħha hija stretta u l-karattru distintiv tagħha huwa faċilment mibdul (ara l-punt 140 iktar ’il fuq), iktar u iktar peress li din hija trade mark tridimensjonali (ara l-punti 143 u 147 iktar ’il fuq). |
157 |
Issa, il-forom imressqa fil-provi ppreżentati huma differenti mill-forma protetta tat-trade mark preċedenti permezz ta’ varjazzjonijiet mhux negliġibbli ta’ natura, ta’ tul u ta’ pożizzjoni (ara l-punt 152 iktar ’il fuq) u ma jistgħux jitqiesu bħala “mhux negliġibbli” jew “globalment ekwivalenti” għall-forma rreġistrata tal-imsemmija trade mark fis-sens tal-ġurisprudenza (ara l-punt 148 iktar ’il fuq). |
158 |
Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament qies, fil-punti 43 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan l-użu, kif muri mill-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemu, mhux biss ma kienx l-użu tat-trade mark preċedenti kif kienet irreġistrata, iżda lanqas ma kien użu f’forma li kienet differenti permezz ta’ elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tat-trade mark fil-forma li fiha din kienet ġiet irreġistrata fis-sens tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009. |
159 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li t-trade mark preċedenti kif użata, skont kif jirriżulta mill-provi ppreżentati, ma taqbilx mal-imsemmija trade mark kif irrappreżentata u rreġistrata, u li d-differenzi bejniethom jikkostitwixxu bidla tal-karattru distintiv ta’ din tal-aħħar li tmur lil hinn minn varjazzjonijiet negliġibbli skont il-“liġi tal-varjanti awtorizzati”. |
160 |
Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. [omissis] |
166 |
Fir-rigward tat-tielet ilment, ibbażat fuq il-possibbiltà tal-użu simultanju ta’ diversi trade marks ta’ tipi differenti, għandu, ċertament, jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-użu ta’ trade mark jista’ jinkludi kemm l-użu indipendenti ta’ din it-trade mark kif ukoll l-użu tagħha bħala komponent ta’ trade mark oħra jew flimkien magħha (sentenza tat-18 ta’ April 2013, Colloseum Holding, C‑12/12, EU:C:2013:253, punt 32; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Specsavers International Healthcare et, C‑252/12, EU:C:2013:497, punti 23, 24 u 26, u tat-24 ta’ Settembru 2015, Forma ta’ forn, T‑317/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:689, punt 29). |
167 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li trade mark irreġistrata li tintuża biss bħala parti minn trade mark kumplessa jew flimkien ma’ trade mark oħra għandha tkompli tiġi pperċepita bħala indikazzjoni tal-oriġini tal-prodott inkwistjoni sabiex dan l-użu jissodisfa l-kunċett ta’ “użu ġenwin” fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenzi tat-18 ta’ April 2013, Colloseum Holding, C‑12/12, EU:C:2013:253, punt 35, u tal-24 ta’ Settembru 2015, Forma ta’ forn, T‑317/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:689, punt 30). |
168 |
F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Bord tal-Appell semma l-preżenza tat-tikketta (illeġibbli jew li għandha l-kliem “żubrówka bison vodka”), dan huwa qabel kollox għaliex huwa qies li l-preżenza ta’ tali tikketta kienet taffettwa l-viżibbiltà u l-perċezzjoni tat-trade mark tridimensjonali Franċiża preċedenti fuq il-provi ta’ użu, u mhux biss għaliex il-preżenza ta’ trade mark ta’ tip ieħor, verbali jew figurattiva, kienet tbiddel il-karattru distintiv ta’ din it-trade mark. Fil-fatt, fir-ritratti riprodotti fil-punt 15 iktar ’il fuq, skont il-każ, ebda linja ma hija viżibbli, jew xejn ma huwa viżibbli fil-parti ta’ isfel tal-flixkun, taħt it-tikketta, jew inkella diversi (tnejn jew tlieta) linji jidhru fuq it-tikketta. |
169 |
Kif jirrileva l-EUIPO, ma huwiex għalhekk is-sempliċi fatt li diversi trade marks jintużaw fuq l-istess prodott li wassal lill-Bord tal-Appell sabiex jikkonkludi li l-użu tat-trade mark preċedenti ma kienx stabbilit, iżda prinċipalment il-fatt li kien diffiċli li jiġi nnotat dak li kien jinsab wara t-tikketta, b’mod partikolari sa fejn ir-ritratti kienu kontradittorji fir-rigward tal-assenza jew tal-preżenza ta’ linja jew ta’ werqa ħaxixa. |
170 |
Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma kkontesta l-ġurisprudenza dwar il-possibbiltà ta’ użu konġunt ta’ diversi trade marks ta’ tipi differenti ċċitati fil-punti 166 u 167 iktar ’il fuq, li tgħid li l-kundizzjoni ta’ użu ġenwin ta’ trade mark tista’ tiġi ssodisfatta meta trade mark tintuża flimkien ma’ trade mark oħra, sakemm it-trade mark tibqa’ tiġi pperċepita bħala indikazzjoni tal-oriġini tal-prodott inkwistjoni. |
171 |
Fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, għandu jitqies, bħall-intervenjenti, li l-kundizzjonijiet ta’ tali użu konġunt ta’ trade mark tridimensjonali flimkien ma’ trade marks oħra ma humiex issodisfatti f’dan il-każ. Fil-fatt, għalkemm l-użu kkombinat ta’ żewġ trade marks jista’, ċertament, bħala prinċipju, jikkostitwixxi l-użu ta’ waħda minn dawn it-trade marks, dan huwa madankollu l-każ biss bil-kundizzjoni li l-karattru distintiv ta’ din it-trade mark ma jinbidilx, peress li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta biss jekk il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi lill-imsemmija trade mark b’mod individwali u indipendenti mit-trade mark l-oħra, bħala indikazzjoni ta’ oriġini. |
172 |
Issa, f’dan il-każ, mhux biss it-trade mark preċedenti tintuża flimkien ma’ trade mark oħra, imwaħħla fuq tikketta mhux trasparenti, li tostakola l-viżibbiltà u taffettwa l-perċezzjoni tal-parti distintiva tal-imsemmija trade mark preċedenti, iżda, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma werietx, fil-provi ta’ użu ppreżentati, il-perċezzjoni individwali u indipendenti ta’ din it-trade mark bħala indikazzjoni ta’ oriġini mill-pubbliku rilevanti, pereżempju billi tippreżenta studju tas-suq. |
173 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet, fir-rigward ta’ disinn paragunabbli għal dawn ir-ritratti, li l-linja kienet tgħaddi fit-tieni livell minħabba l-preżenza ta’ elementi verbali u figurattivi oħra fit-trade marks użati flimkien, li, għalhekk, hija saret inqas viżibbli u li, minħabba f’hekk, il-kapaċità tagħha li tolqot lill-konsumatur kienet iżgħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2015, WISENT, T‑449/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:839, punt 98, u tat-12 ta’ Novembru 2015, WISENT VODKA, T‑450/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:841, punt 100). |
174 |
Dan huwa l-każ ukoll f’din il-kawża. Ma huwiex ipprovat li t-trade mark preċedenti, meta tintuża flimkien mat-trade mark verbali ŻUBRÓWKA VODKA BISON jew mal-elementi grafiċi marbuta mal-bison li jidher fuq it-tikketta, tibqa’ tiġi pperċepita bħala indikazzjoni ta’ oriġini mill-pubbliku rilevanti. Dan huwa inqas il-każ peress li l-karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark preċedenti huwa dgħajjef (ara l-punt 155 iktar ’il fuq), evidentement iktar dgħajjef minn dak tal-imsemmija trade mark verbali, u, għaldaqstant, mibdul ħafna minnha (ara l-punt 156 iktar ’il fuq). |
175 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti huwa qabel kollox mibdul sa fejn il-linji preżenti fil-provi tal-użu, anki jekk tardivi, huma differenti ħafna minn dawk li jinsabu fuq ir-rappreżentazzjoni tat-trade mark preċedenti min-natura tagħhom, peress li ma humiex totalment dritti, iżda ftit inkurvati, mit-tul superjuri tagħhom u mil-pożizzjoni differenti tagħhom, li ma tibdiex fl-istess post fil-parti ta’ isfel tal-flixkun, li twassal għal inklinazzjoni differenti (ara l-punt 151 iktar ’il fuq). Issa, fl-impressjoni globali, hija din il-linja dritta, bil-pożizzjoni u bit-tul speċifiku tagħha, li tirrendi t-trade mark preċedenti distintiva b’mod dgħajjef, peress li din hija komposta minn flixkun b’forma komuni flimkien ma’ tali linja. [omissis] |
177 |
Peress li l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, intrinsikament dgħajjef, inbidel ħafna fil-provi ta’ użu mit-trade marks jew elementi oħra li jidhru fuq it-tikketta, il-kundizzjonijiet ta’ użu konġunt ma humiex issodisfatti. |
178 |
It-tielet ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat fil-fatt u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat. |
179 |
Għaldaqstant, għandha tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li l-użu tat-trade mark tridimensjonali Franċiża preċedenti, kif irrappreżentata u rreġistrata, ma ġiex ipprovat. |
180 |
Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it‑tieni motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 75 u tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009
181 |
Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 (nuqqas ta’ motivazzjoni) u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (nuqqas li jeżamina l-fatti b’mod korrett). F’dan ir-rigward, hija tinvoka erba’ lmenti, li l-ewwel tlieta minnhom għandhom jiġu eżaminati flimkien, fir-rigward tal-motiv ta’ oppożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 207/2009, u separatament għall-aħħar wieħed, dwar il-motivi ta’ oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 8(3) u (4) tal-istess regolament. [omissis] |
Fuq ir-raba’ lment, dwar ir-riferiment mill-Bord tal-Appell għall-motivi ta’ deċiżjoni preċedenti annullata mill-Qorti Ġenerali
194 |
Permezz tar-raba’ lment, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ma eżaminax il-kumplament tal-motivi tar-rikors u tal-oppożizzjoni, ibbażati fuq l-Artikolu 8(3) u (4) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata, dan sempliċement irrefera għall-motivi tal-ewwel deċiżjoni tiegħu fil-Każ R 2506/2010–4. Jidher li “ħarablu l-fatt” li din id-deċiżjoni preċedenti kienet ġiet annullata kollha kemm hi permezz tas-sentenza ta’ annullament. Konsegwentement, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell kellu jiddeċiedi fuq il-motivi kollha invokati mir-rikorrenti fl-appell tagħha u ma setax jirreferi għal deċiżjoni li ma kinitx għadha teżisti. |
195 |
L-EUIPO jikkontesta dawn l-argumenti. Huwa jenfasizza li, kif indikat fil-punt 29 tas-sentenza ta’ annullament, hija r-rikorrenti stess li llimitat l-argument tagħha biss għall-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar l-evalwazzjoni tal-provi tal-użu ppreżentati fl-ewwel deċiżjoni u li sostniet li dawn il-konklużjonijiet kienu jikkonċernaw bl-istess mod il-motivi kollha invokati insostenn tal-oppożizzjoni. |
196 |
L-intervenjenti tikkontesta dawn l-argumenti. Din tqis li r-riferiment magħmul mill-Bord tal-Appell għall-ewwel deċiżjoni, tas-26 ta’ Marzu 2012, fil-Każ R 2506/2010–4 sabiex jintwera li r-rekwiżiti tal-Artikolu 8(3) u (4) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kinux ġew issodisfatti, lanqas ma jikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 75 u 76 tal-istess regolament. Hija tqis li, wara l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-Artikolu 8(3) u (4) tal-imsemmi regolament, ma kienx għadu jifforma parti mis-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell, peress li s-sentenza ta’ annullament kellha bħala suġġett il-ksur tal-Artikoli 75 u 76 tal-istess regolament flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) ta’ dan ir-regolament, u kienet tikkonċerna l-provi tal-użu biss. Hija tirrileva li s-suġġett tal-kawża kien limitat — mir-rikorrenti stess — għall-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, peress li r-rikorrenti kienet iddikjarat fil-punt 5.2 tar-rikors ippreżentat fil-kawża preċedenti li hija “[kienet] tillimita l-argumenti tagħha biss fuq il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell fuq l-evalwazzjoni tal-provi tal-użu ppreżentati, peress li dawn il-konklużjonijiet kienu jikkonċernaw bl-istess mod il-motivi kollha tal-oppożizzjoni”. Issa, l-intervenjenti tqis li l-provi dwar l-użu ma jikkonċernawx il-motivi ta’ oppożizzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 8(3) u (4) tar-Regolament Nru 207/2009, għaliex, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar (C‑96/09 P, EU:C:2011:189, punt 143), hija stess ma għandha l-ebda dritt li titlob il-prova tal-użu ta’ dawn id-drittijiet. Għall-kuntrarju, rekwiżit ta’ użu jista’ jiġi impost biss għal drittijiet preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(1) tal-istess regolament. Huwa għalhekk li hija tqis li ma kienx iktar indiskussjoni l-Artikolu 8(3) u (4) tal-imsemmi regolament fil-proċedura preċedenti quddiem il-Qorti Ġenerali u li dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma huma s-suġġett ta’ din il-proċedura li tirrigwarda d-deċiżjoni kkontestata. |
197 |
Barra minn hekk, l-intervenjenti tirrileva li, fl-ewwel deċiżjoni, fil-punti 20 sa 34, il-Bord tal-Appell ipprovda raġunijiet iddettaljati li jispjegaw għalfejn dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux applikabbli. Issa, ir-rikorrenti ma pprovdiet ebda argument, u lanqas raġunament li jispjega għalfejn din il-parti tad-deċiżjoni kienet ivvizzjata, iżda rreferiet biss, b’mod żbaljat, għall-kwistjoni tal-użu ġenwin bħala kundizzjoni preliminari għall-evalwazzjoni ta’ dawn il-motivi. Skont l-intervenjenti, dan ma huwiex konformi mal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, li jeżiġi li r-rikorrenti tesponi fid-dettall l-argumenti li jgħidu li l-EUIPO kiser id-dritt. Konsegwentement, anki jekk ir-rikorrenti riedet tikkontesta l-ewwel deċiżjoni mill-perspettiva tal-Artikolu 8(3) u (4) tar-Regolament Nru 207/2009, dan il-motiv kien inammissibbli u d-deċiżjoni ma setgħetx tiġi annullata abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. L-intervenjenti tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali, meta annullat id-deċiżjoni fl-intier tagħha, setgħet tannullaha biss sa fejn din kienet ikkontestata. Issa, ir-rikorrenti ma kkontestatx iċ-ċaħda tal-motivi ta’ oppożizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 8(3) u (4) tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, il-limitazzjoni għall-motiv ta’ oppożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 8(1) tal-istess regolament tirriżulta wkoll mill-argument tar-rikorrenti, li invoka biss ksur wieħed ta’ dan il-motiv. |
198 |
Għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell, fil-punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata, “[f]ir-rigward tal-motivi l-oħra tal-oppożizzjoni u tad-drittijiet preċedenti l-oħra invokati, [irrefera] espliċitament għar-raġunament li jinsab fid-deċiżjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2012 fil-Każ R 2506/2010–4”. |
199 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li din l-ewwel deċiżjoni kienet ġiet annullata fl-intier tagħha mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza ta’ annullament, li ma kinitx is-suġġett ta’ appell u saret res judicata. |
200 |
Peress li sentenza ta’ annullament topera ex tunc u għandha l-effett li telimina retroattivament l-att annullat mill-ordinament ġuridiku (ara l-punt 72 iktar ’il fuq), l-imsemmija l-ewwel deċiżjoni ma teżistix fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u ma jista’ jkollha ebda effett fih. |
201 |
Għaldaqstant, din l-ewwel deċiżjoni ma tifformax parti mill-kuntest ġuridiku li fir-rigward tiegħu għandha tiġi evalwata l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. |
202 |
Barra minn hekk, oppożizzjoni bbażata fuq diversi motivi tista’ tiġi miċħuda biss jekk il-motivi kollha invokati insostenn tagħha jiġu eżaminati u miċħuda. |
203 |
Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma setax, sabiex jibbaża d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata li tiċħad il-motivi ta’ oppożizzjoni invokati kollha, jirreferi, għal xi wħud minn dawn il-motivi, għall-motivazzjoni tal-ewwel deċiżjoni annullata fl-intier tagħha mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma jeżamina u jiċħad kull wieħed mill-motivi ta’ oppożizzjoni. |
204 |
Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, billi llimita ruħu li “jirreferi espliċitament”, f’dak li jikkonċerna l-motivi ta’ oppożizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 8(3) u (4) tar-Regolament Nru 207/2009, għar-raġunament li jinsab fl-ewwel deċiżjoni, li ġiet annullata fl-intier tagħha mill-Qorti Ġenerali, u billi sussegwentement ibbaża parzjalment id-dispożittiv ta’ ċaħda tal-appell quddiemu fuq tali riferiment, il-Bord tal-Appell ma mmotivax id-deċiżjoni kkontestata b’mod suffiċjenti fid-dritt, bi ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009. |
205 |
Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li, fil-punt 29 tas-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali, preliminarjament, irrilevat dan li ġej: “[I]r-rikorrenti tikkontesta l-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet tal-[EUIPO] dwar ir-raġunijiet kollha tal-oppożizzjoni, jiġifieri dawk stabbiliti fl-Artikolu 8(1)(a), (3) u (4) tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, ir-rikorrenti tindika li hija tillimita l-argument tagħha biss għall-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell fuq l-evalwazzjoni tal-provi tal-użu ppreżentati, peress li dawn il-konklużjonijiet jikkonċernaw bl-istess mod ir-raġunijiet kollha ta’ oppożizzjoni.” |
206 |
F’dan ir-rigward, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk l-evalwazzjoni tal-provi ta’ użu ppreżentati kinitx tikkonċerna jew le l-motivi ta’ oppożizzjoni kollha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-fatt li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza ta’ annullament, laqgħet it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 75 u tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mhux immotivat, ta’ ċerti provi ta’ użu mill-Bord tal-Appell, seta’ jpoġġi indiskussjoni, tal-inqas, l-eżami tal-motiv ta’ oppożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) tal-istess regolament u, b’hekk, id-dispożittiv sħiħ tal-ewwel deċiżjoni, li jiċħad ir-rikors kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tiċħad l-oppożizzjoni. |
207 |
Fil-fatt, meta, adita b’rikors kontra deċiżjoni tal-Bord tal-Appell bħall-ewwel deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell hija invalida anki jekk biss fir-rigward ta’ wieħed mill-motivi ta’ oppożizzjoni invokati, hija għandha tannulla din id-deċiżjoni fl-intier tagħha, kif għamlet fis-sentenza ta’ annullament. |
208 |
Għaldaqstant, ir-raba’ lment tat-tielet motiv imqajjem insostenn ta’ dan ir-rikors għandu jintlaqa’. |
209 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata biss fir-rigward tal-motivi ta’ oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 8(3) u (4) tar-Regolament Nru 207/2009, kif imsemmija fir-raba’ lment tat-tielet motiv, u l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud, jiġifieri għal dak kollu li jikkonċerna l-motiv ta’ oppożizzjoni msemmi fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) tal-istess regolament. |
Fuq l-ispejjeż
210 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
211 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti tilfet parzjalment, peress li l-konstatazzjoni tal-fondatezza tar-raba’ lment tat-tielet motiv twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss fir-rigward tal-motivi ta’ oppożizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 8(3) u (4) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Min-naħa tagħhom, l-EUIPO u l-intervenjenti tilfu biss dan l-ilment, filwaqt li r-rikors huwa miċħud għal dak li jikkonċerna l-motiv ta’ oppożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) tal-istess regolament. |
212 |
Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Costeira Gratsias Kancheva Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Settembru 2020. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
( 1 ) Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.
( 2 ) Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli. F’dak li jirrigwarda l-punti li tħallew barra, isir riferiment għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-...,.../... (T-..., EU:...).