Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TJ0745

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tat-13 ta’ Lulju 2018.
    BPCE vs Il-Bank Ċentrali Ewropew.
    Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Artikolu 4(1)(d), u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva – Rifjut tal-BĊE li jawtorizza lill-parti rikorrenti teskludi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva l-iskoperturi li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet – Artikolu 429(14) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 – Setgħa diskrezzjonali tal-BĊE – Żbalji ta’ liġi – Żball manifest ta’ evalwazzjoni.
    Kawża T-745/16.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:476

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

    13 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

    “Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Artikolu 4(1)(d), u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva – Rifjut tal-BĊE li jawtorizza lill-parti rikorrenti teskludi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva l-iskoperturi li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet – Artikolu 429(14) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 – Setgħa diskrezzjonali tal-BĊE – Żbalji ta’ liġi – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

    Fil-Kawża T‑745/16,

    BPCE, stabbilita f’Pariġi (Franza), inizjalment irrappreżentata minn A. Gosset‑Grainville, C. Renner u P. Kupka, sussegwentement minn Gosset‑Grainville, Kupka u M. Trabucchi, u finalment minn Gosset‑Grainville u Trabucchi, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn K. Lackhoff, R. Bax u G. Bassani, bħala aġenti, assistiti minn H.‑G. Kamann u F. Louis, avukati,

    konvenut,

    sostnut minn

    Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn S. Hartikainen, bħala aġent,

    intervenjenti,

    li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-BĊE ECB/SSM/2016‑9695005MSX1OYEMGDF46/195 tal-24 ta’ Awwissu 2016 meħuda skont l-Artikolu 4(1)(d) u l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, tal-15 ta’ Ottubru 2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), u l-Artikolu 429(14) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki ĠU 2013, L 208, p. 68, u ĠU 2013, L 321, p. 6),

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

    komposta minn M. Prek (Relatur), President, E. Buttigieg, F. Schalin, B. Berke u M. J. Costeira, Imħallfin,

    Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ April 2018,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Ir-rikorrenti, BPCE, hija kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Franċiż approvata bħala istituzzjoni ta’ kreditu. Bħala entità sinjifikanti fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), hija taqa’ taħt is-superviżjoni prudenzjali diretta tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

    2

    Fl-4 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti talbet lill-BĊE l-awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 429(14) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki ĠU 2013, L 208, p. 68, u ĠU 2013, L 321, p. 6), biex teskludi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva [proporzjon bejn id-dejn u l-ekwità] l-iskoperturi kkostitwiti mill-ammonti li jikkorrispondu għal prodotti rregolati sottoskritti magħha, iżda li hija kienet obbligata tittrasferixxi lill-Caisse des dépôts et consignations (iktar ’il quddiem iċ-“CDC”), istituzzjoni pubblika Franċiża.

    3

    Il-prodotti kkonċernati huma l-livret A [ktejjeb A], irregolat mill-Artikoli L.221‑1 sa L.221‑9 tal-code monétaire et financier français (il-Kodiċi monetarju u finanzjarju Franċiż, iktar ’il quddiem iċ-“CMF”), il-livret d’épargne populaire (il-ktejjeb ta’ tfaddil popolari, iktar ’il quddiem l-“LEP”) irregolat mill-Artikoli L.221‑13 sa L.221‑17‑2 taċ-CMF, u l-livret de développement durable et solidaire (il-ktejjeb ta’ żvilupp sostenibbli u ta’ solidarjetà, iktar ’il quddiem il-“LDD”) irregolat mill-Artikolu L.221‑27 taċ-CMF. Skont l-Artikolu L.221‑5 taċ-CMF, parti mit-total tad-depożiti miġbura taħt il-ktejjeb A u l-LDD hija ċċentralizzata f’fond ta’ tfaddil amministrat miċ-CDC. L-istess japplika għal dak li jikkonċerna l-LEP skont l-Artikoli R.221‑58 taċ-CMF.

    4

    Fit-8 ta’ Ġunju 2016, il-BĊE bagħat lir-rikorrenti abbozz ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti tal-benefiċċju tad-deroga mitluba.

    5

    Fit-8 ta’ Lulju 2016, fuq talba tar-rikorrenti, saret telekonferenza ma’ rappreżentanti tal-BĊE.

    6

    Fl-24 ta’ Awwissu 2016, il-BĊE adotta d-Deċiżjoni ECB/SSM/2016‑9695005MSX1OYEMGDF46/195, meħuda skont l-Artikolu 4(1)(d) u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1024/2013 kif ukoll l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    7

    Fiha l-BĊE rrifjuta li jeskludi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva tar-rikorrenti l-iskoperturi għaċ-CDC ikkostitwiti mill-parti mill-ammonti ddepożitati taħt il-livret A, il-LDD u l-LEP li hija kienet obbligata tittrasferixxi lilu.

    8

    Fl-ewwel lok, il-BĊE rrikonoxxa li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 429(14)(a) sa (c) tar-Regolament Nru 575/2013 kienu ssodisfatti minħabba li, qabelxejn, iċ-CDC kellu jitqies bħala entità tas-settur pubbliku, imbagħad, li l-iskoperturi għaċ-CDC kienu ttrattati għal skopijiet prudenzjali skont l-Artikolu 116(4) ta’ dan l-istess regolament u, fl-aħħar nett, li r-rikorrenti kienet obbligata tittrasferixxi parti mit-tfaddil iddepożitat taħt il-livret A, il-LDD u l-LEP liċ-CDC għall-iskop ta’ finanzjament ta’ investimenti ta’ interess ġenerali. Essenzjalment, il-BĊE enfasizza wkoll li dawn il-kundizzjonijiet ma kinux issodisfatti fir-rigward tal-parti tat-tfaddil irregolat li għaliha ma hemmx l-obbligu ta’ trasferiment liċ-CDC, indipendentement mill-iskopijiet tal-użu tagħha.

    9

    Fit-tieni lok, il-BĊE kkunsidra li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 jirriżulta li huwa kellu setgħa diskrezzjonali li tippermettilu jeskludi jew ma jeskludix, mill-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva, l-iskoperturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet speċifikati f’dik id-dispożizzjoni. Essenzjalment, huwa qies li, anki meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, jistgħu jkunu jeżistu raġunijiet prudenzjali li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ talba għal deroga taħt dik id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, huwa rrefera għall-għan tal-introduzzjoni tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva, li jikkonsisti fil-provvista ta’ viżjoni sempliċi u trasparenti tal-livell ta’ skopertura ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li ma jiġix korrett skont ir-riskju li jippreżentaw id-diversi komponenti tal-iskoperturi tagħha, sabiex jiġi evitat żvilupp eċċessiv tal-imsemmija skoperturi meta mqabbla mal-fondi proprji tagħha.

    10

    Fit-tielet lok, il-BĊE sostna li l-ammonti ttrasferiti mir-rikorrenti liċ-CDC baqgħu skoperturi rilevanti għall-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva tagħha. Huwa bbaża ruħu fuq tliet motivi. L-ewwel motiv, li huwa kkwalifika bħala l-“ewwel indikazzjoni”, huwa bbażat fuq it-trattament kontabbli tat-tfaddil miġbur. Mill-fatt li t-tfaddil irregolat kien jinsab fil-passiv tal-karta tal-bilanċ tar-rikorrenti u l-ammonti ttrasferiti liċ-CDC fl-attiv tal-karta tal-bilanċ tagħha, il-BĊE iddeduċa li hija kienet baqgħet responsabbli għall-iskopertura kkostitwita mit-tfaddil miġbur, inklużi l-ammonti ttrasferiti liċ-CDC. Huwa żied li r-rikorrenti kienet obbligata tiżgura l-ġestjoni tar-riskji operattivi marbuta mat-tfaddil irregolat. It-tieni motiv jikkonsisti [kunfidenzjali] ( 1 ). It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ perijodu ta’ żmien bejn l-aġġustamenti tal-pożizzjonijiet tar-rikorrenti u dawk taċ-CDC għall-finijiet ta’ bbilanċjar mill-ġdid. Il-BĊE kkunsidra li, matul dan il-perijodu ta’ żmien, ir-rikorrenti tista’ tkun obbligata tirrikorri għal bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli [fire-sale] tal-attiv filwaqt li tistenna t-trasferiment tal-fondi provenjenti miċ-CDC. Bħala konklużjoni, minn dawn il-motivi l-BĊE ddeduċa li l-mekkaniżmu ta’ trasferiment miċ-CDC lir-rikorrenti ma kienx perfett, u jqajjem ċertu tħassib prudenzjali li jiġġustifika r-rifjut tat-talba tagħha.

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    11

    B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

    12

    B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Marzu 2017, ir-Repubblika tal-Finlandja talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE. B’digriet tat-2 ta’ Mejju 2017, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali ammetta lir-Repubblika tal-Finlandja biex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE u laqa’ t-talba għal trattament kunfidenzjali ppreżentata mir-rikorrenti fir-rigward tal-parti intervenjenti..

    13

    Fit-13 ta’ Ġunju 2017, ir-Repubblika tal-Finlandja ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din in-nota fit-terminu stabbilit. Il-BĊE ma ppreżentax osservazzjonijiet.

    14

    Fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tirreferi l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

    15

    Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

    16

    It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-23 ta’ April 2018.

    17

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

    18

    Il-BĊE u r-Repubblika tal-Finlandja jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Fid-dritt

    19

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi. Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, li tressaq b’mod prinċipali, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ kompetenza. Fit-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames motivi, imressqa b’mod sussidjarju, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata, rispettivament, bi żbalji ta’ liġi, żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, ksur ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

    20

    Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika lill-BĊE li ta lilu nnifsu setgħa diskrezzjonali fl-applikazzjoni tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, meta huwa ma għandux tali setgħa.

    21

    Fir-rigward tat-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi, għandu jiġi rrilevat li dawn għandhom komuni bejniethom li jikkontestaw il-legalità tal-użu, min-naħa tal-BĊE, ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, jekk jingħad li huwa għandu din is-setgħa. Jeħtieġ, għalhekk, li dawn jiġu eżaminati flimkien.

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-BĊE biex jeżerċita setgħa diskrezzjonali fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013

    22

    Ir-rikorrenti ssostni li l-BĊE, bi ksur tar-regoli tat-tqassim tas-setgħat fi ħdan l-ordni kostituzzjonali tal-Unjoni, mar lil hinn mill-prerogattivi li jagħtih l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 meta ta lilu nnifsu setgħa diskrezzjonali fl-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Hija ssostni li l-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet b’mod iddettaljat u mhux ambigwu l-kriterji li għandhom jiġu osservati biex tingħata d-deroga prevista fl-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 u għaldaqstant għamlet użu sħiħ mis-setgħa diskrezzjonali tagħha. Hija tenfasizza li hija l-Kummissjoni li lilha l-leġiżlatur iddelega s-setgħa li tbiddel il-livell ta’ skopertura totali għall-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva u li din ma setgħetx tissubdelega s-setgħa diskrezzjonali tagħha stess mingħajr ma tikser l-Artikolu 290 TFUE jew il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7). Minn dan ir-rikorrenti tiddeduċi li l-formulazzjoni tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 ma tistax tiġi interpretata bħala li tagħti lill-BĊE setgħa diskrezzjonali sabiex jagħti jew ma jagħtix id-deroga mitluba, ladarba jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa minn din id-dispożizzjoni.

    23

    Il-BĊE, sostnut mir-Repubblika tal-Finlandja, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. B’mod preliminari, huwa għandu dubji dwar l-interess tar-rikorrenti li tqajjem dan il-motiv. Fi kwalunkwe każ, huwa jikkunsidra li dan il-motiv għandu jiġi miċħud fuq il-mertu.

    24

    Għal dak li jikkonċerna l-kontestazzjoni mill-BĊE tal-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li dan huwa bbażat fuq il-premessa li r-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, introdott permezz tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/62 tal-10 ta’ Ottubru 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-proporzjon ta’ ingranaġġ (ĠU 2015, L 11, p. 37, rettifika ĠU L 60, p. 64). Minn dan, il-BĊE jiddeduċi, essenzjalment, li, kieku tali eċċezzjoni kellha tiġi aċċettata, ir-rikorrenti ma tkun tista’ tibbenefika minn ebda deroga fil-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva tagħha.

    25

    Issa, dan ma huwiex is-sens tal-argument tar-rikorrenti. Kif hija kkonfermat waqt is-seduta, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, hija sempliċement issostni li l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 għandu jiġi interpretat bħala li jagħti lill-BĊE kompetenza limitata u mhux setgħa diskrezzjonali, iżda hija ma tqajjem ebda eċċezzjoni ta’ illegalità taħt l-Artikolu 277 TFUE kontra din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, hija ma tikkontestax il-validità ta’ din id-dispożizzjoni, iżda tibni l-argument tagħha biss fuq il-kamp tal-interpretazzjoni tagħha.

    26

    Għal dak li jikkonċerna l-eżami tal-mertu ta’ dan il-motiv, għandu jiġi rrilevat li l-kompetenza tal-BĊE biex jadotta d-deċiżjoni kkontestata toħroġ mir-Regolament Nru 1024/2013 u li l-portata tas-setgħat tiegħu hija ddeterminata mill-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013.

    27

    Fir-rigward tal-kompetenza tal-BĊE biex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE ngħata l-funzjoni li “jiżgura l-konformità mal-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3), li jimponu rekwiżiti prudenzjali fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-oqsma ta’ rekwiżiti ta’ fondi proprji, titolizzazzjoni, limiti ta’ skoperturi kbar, likwidità, ingranaġġ [l-effett ta’ lieva], u rapportar u divulgazzjoni pubblika ta’ informazzjoni dwar dawk il-kwistjonijiet”. Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti hija entità sinjifikanti fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013, l-implimentazzjoni ta’ din il-funzjoni hija direttament tal-BĊE u mhux tal-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU) (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, appell pendenti, EU:T:2017:337, punt 63).

    28

    Skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, “[g]ħall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, u bl-objettiv li jiġu żgurati standards għoljin ta’ superviżjoni, il-BĊE għandu japplika l-liġi rilevanti kollha tal-Unjoni”. Fost dawn id-dispożizzjonijiet rilevanti hemm ir-Regolament Nru 575/2013.

    29

    Fir-rigward tal-portata tas-setgħat tal-BĊE fl-applikazzjoni tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, li ddaħħal fl-imsemmi regolament permezz tar-Regolament ta’ Delega 2015/62, huwa ppreċiżat, f’din id-dispożizzjoni, li “[l]-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippermettu li istituzzjoni teskludi skoperturi mill-miżura ta’ skoperturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin: (a) ikunu skoperturi għal entità tas-settur pubbliku; (b) ikunu trattati skont l-Artikolu 116(4); (c) joħorġu minn depożiti li l-istituzzjoni tkun legalment obbligata tittrasferixxi [lill-entità t]as-settur pubbliku msemmi[ja] fil-punt (a) għall-finijiet tal-finanzjament ta’ investimenti ta’ interess ġenerali”.

    30

    Dan il-motiv jimplika, għaldaqstant, li jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 għandux jiġi interpretat bħala li jagħti lill-awtoritajiet kompetenti – u konsegwentement lill-BĊE – is-setgħa diskrezzjonali li jirrifjutaw l-għoti ta’ deroga, minkejja li l-kundizzjonijiet speċifikati minn din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti jew, bil-kontra, bħala li jagħtihom kompetenza limitata, li timponi l-għoti tad-deroga jekk l-imsemmija kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti.

    31

    Ir-rikorrenti tibbaża l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 fuq il-premessa li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt li tagħti lill-awtoritajiet kompetenti setgħa diskrezzjonali fl-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u ssostni li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod li jirrendiha konformi mat-Trattat.

    32

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li test ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, f’sens li huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2007, Schutzverband der Spirituosen-Industrie, C‑457/05, EU:C:2007:576, punt 22; tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 174, u tal-25 ta’ Novembru 2009, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑376/07, EU:T:2009:467, punt 22).

    33

    Madankollu, kif juri l-użu, fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq, tal-espressjoni “sa fejn huwa possibbli”, tali ġurisprudenza ma tistax tapplika fir-rigward ta’ dispożizzjoni li s-sens tagħha huwa ċar u nieqes minn ambigwità u li ma teħtieġ ebda interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2009, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑376/07, EU:T:2009:467, punt 22). Kieku dan kien il-każ, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tat-testi tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem ta’ din id-dispożizzjoni, u dan ma jistax ikun aċċettat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-17 ta’ Lulju 2015, EEB vs Il-Kummissjoni, T‑685/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:560, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward ta’ dispożizzjoni li s-sens tagħha huwa ċar u nieqes minn ambigwità, hija biss il-Qorti Ġenerali, f’każ li titressaq eċċezzjoni ta’ illegalità fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE, li tista’ tistħarreġ il-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

    34

    Issa, kif diġà ssemma b’mod espliċitu fil-punt 25 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tressaq ebda eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013.

    35

    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk is-sens tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 huwiex ċar u nieqes minn ambigwità jew jekk, min-naħa l-oħra, jistax jiġi interpretat b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, huwa biss f’din it-tieni eventwalità li jkun irid jiġi vverifikat jekk, kif issostni ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellhiex dritt tagħti lill-awtoritajiet kompetenti setgħa diskrezzjonali fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, li jkun ifisser li l-imsemmi artikolu jiġi interpretat bħala li jagħtihom kompetenza limitata.

    36

    Biex tiġi ddeterminata l-portata eżatta tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tiegħu iżda wkoll il-kuntest tiegħu u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha huwa jagħmel parti trid tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    Fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem l-“awtoritajiet kompetenti jistgħu jippermettu li istituzzjoni teskludi skoperturi mill-miżura ta’ skoperturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin” jimplika neċessarjament li din id-dispożizzjoni, għal parti minnha, tagħti kompetenza limitata lill-awtoritajiet kompetenti u, għal parti oħra, tiddelegalhom setgħa diskrezzjonali.

    38

    Minn naħa, l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 isemmi tliet kundizzjonijiet li jorbtu lill-awtoritajiet kompetenti. Għalhekk, dawn ma għandhomx dritt jippermettu deroga jekk l-imsemmija kundizzjonijiet ma jkunux issodisfatti. F’każ bħal dan, huma jkunu f’sitwazzjoni ta’ kompetenza limitata u għandhom jirrifjutaw il-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni.

    39

    Min-naħa l-oħra, fl-eventwalità fejn dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, l-awtoritajiet kompetenti “jistgħu”, jiġifieri għandhom il-possibbiltà li jagħtu deroga. Ir-riferiment għal din il-possibbiltà jimplika neċessarjament id-dritt għall-awtoritajiet kompetenti li jagħtuha jew ma jagħtuhiex. Huma għandhom, għaldaqstant, f’dan ir-rigward, setgħa diskrezzjonali.

    40

    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 huwa fformulat b’mod ċar u nieqes minn ambigwità, li minnu jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti għandhom setgħa diskrezzjonali fl-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ladarba l-kundizzjonijiet li jissemmew fih ikunu ssodisfatti.

    41

    Din il-konklużjoni hija wkoll konformi mal-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013.

    42

    Għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, għandu jiġi rrilevat li l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali jikkorrispondi għal waħda mit-tliet modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-derogi li jinsabu f’dan ir-regolament.

    43

    Fil-fatt, mill-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 575/2013 jirriżulta li dan jikkontempla kemm derogi applikabbli ipso jure, jiġifieri mingħajr ma jkun meħtieġ l-intervent tal-awtoritajiet kompetenti, bħal dik prevista fl-Artikolu 429(13) tal-imsemmi regolament, kemm derogi li jimplikaw l-intervent tal-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata, kif prevista fl-Artikolu 78(1) tal-istess regolament jew ukoll derogi li jimplikaw l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali min-naħa tal-imsemmija awtoritajiet. Barra mill-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, fost id-derogi li jaqgħu taħt din it-tielet kategorija hemm l-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2017, Crédit mutuel Arkéa vs BĊE, T‑712/15, EU:T:2017:900, appell pendenti, punti 67 u 68).

    44

    Għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, inkwantu dan jikkonċerna l-eventwalità ta’ esklużjoni ta’ ċerti skoperturi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, huma rilevanti kemm l-għanijiet imfittxija bl-introduzzjoni ta’ proporzjon tal-effett ta’ lieva kif ukoll l-għanijiet speċifiċi tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013.

    45

    Għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-għanijiet imfittxija bl-introduzzjoni ta’ proporzjon tal-effett ta’ lieva, bl-obbligu għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jippubblikaw il-proporzjon tal-effett ta’ lieva tagħhom u, eventwalment, finalment, li josservaw ċerti livelli tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva, mill-premessa 90 tar-Regolament Nru 575/2013 jirriżulta li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jiskoraġġixxi l-ħolqien mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ proporzjonijiet tal-effett ta’ lieva eċċessivi. Minn din il-premessa kif ukoll mid-definizzjonijiet li jinsabu fil-punti 93 u 94 tal-Artikolu 4(1) tal-istess regolament jirriżulta li l-proporzjon tal-effett ta’ lieva eċċessiv jirreferi għas-sitwazzjoni li fiha istituzzjoni ta’ kreditu tiffinanzja parti kbira wisq mill-investimenti tagħha bid-dejn iktar milli bil-fondi tagħha stess. Ir-riskju huwa għaldaqstant li l-istituzzjoni ta’ kreditu ma jkollhiex fondi proprji tagħha li jkunu suffiċjenti biex tonora t-talbiet għall-ħlas lura tad-djun tagħha u jkollha tbigħ b’urġenza uħud mill-assi tagħha. Il-konsegwenzi negattivi ta’ dan it-tnaqqis b’urġenza tal-livell ta’ lieva matul il-kriżi finanzjarja ġew speċifikati bil-mod li ġej fil-premessa 90 tar-Regolament Nru 575/2013: “[d]an amplifika l-pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet tal-assi, ikkawża aktar telf kemm għall-istituzzjonijiet li, konsegwentement, ġab miegħu aktar tnaqqis fil-fondi proprji tagħhom. Ir-riżultati finali ta’ dan il-moviment negattiv kienu tnaqqis fid-disponibbiltà tal-kreditu għall-ekonomija reali u kriżi aktar profonda u itwal”.

    46

    F’dan il-kuntest, il-proporzjon tal-effett ta’ lieva huwa intiż li jipprovdi evalwazzjoni tal-livell tal-fondi proprji ta’ istituzzjoni ta’ kreditu meta mqabbel mal-iskoperturi tagħha, indipendentement mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-livell ta’ riskju li timplika kull waħda minn dawn l-iskoperturi. Dan joħroġ mill-premessa 91 tar-Regolamenrt Nru 575/2013, li jenfasizza li r-“rekwiżiti ta’ fondi proprji bbażati fuq ir-riskju […] mhumiex biżżejjed biex jevitaw li l-istituzzjonijiet jidħlu għal riskji eċċessivi u mhux sostenibbli ta’ lieva finanzjarja”, kif ukoll mix-xogħlijiet tal-kumitat ta’ Basel li għalihom jirreferu l-premessi 92 u 93 tar-Regolament Nru 575/2013. Fil-fatt, fil-pubblikazzjoni tal-kumitat ta’ Basel fuq il-Ftehim ta’ Basel III, li hija prodotta fl-anness mar-risposta, il-proporzjon tal-effett ta’ lieva huwa msemmi hemmhekk bħala “proporzjon sempliċi, trasparenti, li ma huwiex ibbażat fuq ir-riskju, u li jiġi kkalibrat biex jikkompleta b’mod kredibbli r-rekwiżiti dwar il-fondi proprji bbażati fuq ir-riskju”. Din l-assenza ta’ korrezzjoni skont ir-riskju tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva hija riflessa fid-deskrizzjoni tal-metodoloġija ta’ kalkolu tiegħu, kif tinsab fil-Artikolu 429(2) tar-Regolament Nru 575/2013. Hemmhekk jinsab ippreċiżat li l-proporzjon tal-effett ta’ lieva jiġi kkalkolat “bħala l-kalkolu tal-kapital ta’ istituzzjoni diviż bil-kalkolu tal-iskopertura totali ta’ dik l-istituzzjoni u għandu jiġi espress bħala perċentwal”. Ma tissemmiex korrezzjoni skont il-livell tar-riskju tal-iskoperturi.

    47

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-għan ma huwiex ta’ natura assoluta, peress li r-Regolament Nru 575/2013 jikkontempla l-possibbiltà li l-profil tar-riskju partikolarment baxx ta’ ċerti skoperturi jkun rifless fil-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati.

    48

    Dan jimmanifesta ruħu, minn naħa, fil-premessa 95 tar-Regolament Nru 575/2013, li tippreċiża li, “[m]eta jiġi analizzat l-impatt tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja fuq mudelli kummerċjali differenti, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-mudelli kummerċjali li jitqiesu li jinvolvu riskju baxx, bħas-self bl-ipoteki u s-self speċjalizzat ma’ gvernijiet reġjonali, awtoritajiet lokali jew entitajiet tas-settur pubbliku”. Din l-intenzjoni tinsab espressa fl-Artikolu 511 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Lieva finanzjarja”, li minnu jirriżulta, essenzjalment, li r-rapport li l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) għandha tibgħat lill-Kummissjoni sabiex din tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, li tipproponi lil-leġiżlatur li jirrendi obbligatorji ċerti livelli xierqa ta’ proporzjonijiet ta’ effett ta’ lieva għandu jinkludi “l-identifikazzjoni tal-mudelli kummerċjali li jirriflettu l-profili globali tar-riskju tal-istituzzjonijiet u l-introduzzjoni ta’ livell differenzjati tal-proporzjoni ta’ lieva finanzjarja għal dawk il-mudelli kummerċjali”.

    49

    Dan jidher, min-naħa l-oħra, mill-inserzjoni permezz tar-Regolament ta’ Delega 2015/62, adottat skont l-Artikolu 456(1)(j) tar-Regolament Nru 575/2013, f’dan l-istess regolament, tal-Artikolu 429(14), li jipprevedi l-possibbiltà li ċerti skoperturi jkunu esklużi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva.

    50

    Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-għanijiet imfittxija bl-inserzjoni tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 fl-imsemmi regolament, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 12 tar-Regolament ta’ Delega 2015/62, il-bidliet li dan ir-regolament jintroduċi “għandhom iwasslu għal komparabilità aħjar tal-proporzjon ta’ imgranaġġ [tal-effett ta’ lieva] divulgat minn istituzzjonijiet u għandhom jgħinu sabiex jiġi evitat li l-parteċipanti fis-suq jitqarrqu dwar l-ingranaġġ reali tal-istituzzjonijiet”.

    51

    Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, imfakkar fil-punt 29 iktar ’il fuq, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tapplika biss jekk jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, l-iskoperturi li jistgħu jkunu esklużi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva għandhom jirrigwardaw entità tas-settur pubbliku. Imbagħad, huma għandhom jiġu ttrattati skont l-Artikolu 116(4) tar-Regolament Nru 575/2013. Fl-aħħar nett, l-imsemmija skoperturi għandhom jirriżultaw minn depożiti li l-istituzzjoni hija legalment obbligata tittrasferixxi lill-entità tas-settur pubbliku inkwistjoni sabiex jiġu ffinanzjati investimenti ta’ interess ġenerali.

    52

    Għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ din id-deroga, il-Kummissjoni, bl-approvazzjoni tal-leġiżlatur, ikkontemplat il-possibbiltà li ċerti skoperturi ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fir-rigward ta’ entitajiet tas-settur pubbliku li, minħabba garanzija mill-Istat, jippreżentaw l-istess livell ta’ riskju baxx bħall-iskoperturi għal dan l-Istat u li ma jikkorrispondux għal għażla ta’ investiment min-naħa tagħha – inkwantu l-istituzzjoni ta’ kreditu hija suġġetta għal obbligu ta’ trasferiment tal-ammonti kkonċernati – ma jkunux rilevanti għall-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva u jistgħu, għaldaqstant, jiġu esklużi minnu.

    53

    Fil-fatt, l-Artikolu 116(4) tar-Regolament Nru 575/2013 jipprevedi li, “[f]’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-iskoperturi għal entitajiet tas-settur pubbliku jistgħu jiġu ttrattati bħala skoperturi għall-gvern ċentrali, għall-gvern reġjonali jew għall-awtorità lokali li fil-ġurisdizzjoni tagħhom ikunu stabbiliti meta fl-opinjoni tal-awtoritajiet kompetenti ta’ din il-ġurisdizzjoni ma jkun hemm l-ebda differenza fir-riskju bejn dawn l-iskoperturi minħabba l-eżistenza ta’ garanzija adegwata mill-gvern ċentrali, il-gvern reġjonali jew l-awtorità lokali”. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 114(4) ta’ dan l-istess regolament, li jippreċiża li “[l]-iskoperturi għall-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri, u għall-banek ċentrali ddenominati u ffinanzjati fil-munita domestika ta’ dak il-gvern ċentrali u tal-bank ċentrali għandhom jiġu assenjati piż tar-riskju ta’ 0 % ”. Għaldaqstant, huma affettwati mill-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 biss l-iskoperturi li, fl-implimentazzjoni tal-approċċ standard ta’ kalkolu tar-rekwiżiti minimi ta’ fondi proprji, jibbenefikaw minn koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ riskju ta’ 0 %.

    54

    Konsegwentement, l-implimentazzjoni tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 jimplika l-konċiljazzjoni ta’ żewġ għanijiet: minn naħa, ir-rispett tal-loġika tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva li timplika li l-kalkolu ta’ dan il-proporzjon jinkludi l-miżura tal-iskopertura totali ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, mingħajr korrezzjoni skont ir-riskju u, min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan tal-Kummissjoni, approvat mil-leġiżlatur, fis-sens li, jekk ikun il-każ, ċerti skoperturi li jippreżentaw profil ta’ riskju partikolarment baxx u li ma jirriżultawx minn għażla ta’ investiment tal-istituzzjoni ta’ kreditu ma jkunux rilevanti għall-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva u jistgħu jkunu esklużi minnu.

    55

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-għoti ta’ setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet kompetenti fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 jippermettilhom isibu kompromess bejn dawn iż-żewġ għanijiet fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull każ.

    56

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-awtoritajiet kompetenti setgħa diskrezzjonali sabiex jirrifjutaw l-għoti tad-deroga li huwa jistabbilixxi, anki meta l-kundizzjonijiet li jinsabu fih ikunu ssodisfatti.

    57

    Fid-dawl tas-sens ċar u mingħajr ambigwità tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, għandu jiġi konkluż li din id-dispożizzjoni ma tistax toqgħod għall-interpretazzjoni konformi mitluba mir-rikorrenti. Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt tagħti lill-awtoritajiet kompetenti – u konsegwentement lill-BĊE – setgħa diskrezzjonali ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u kienu jkunu rilevanti biss insostenn ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE, imqajma kontra l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013.

    58

    Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi, li jikkontestaw il-legalità tal-użu mill-BĊE tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu

    59

    Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi. B’mod partikolari, fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan il-motiv, hija ssostni li l-BĊE neħħa l-effettività tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, peress li r-raġunament segwit fid-deċiżjoni kkontestata jwassal, fil-prinċipju, biex l-iskoperturi għaċ-CDC fil-kuntest tat-tfaddil irregolat jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013. Permezz tat-tielet motiv tagħha, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. B’mod iktar partikolari, fil-kuntest tat-tielet parti tal-motiv, hija ssostni li l-motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ perijodu ta’ aġġustament bejn il-pożizzjonijiet tar-rikorrenti u dawk taċ-CDC huwa ta’ natura manifestament żbaljata. Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika lill-BĊE li kiser ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni meta adotta d-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, fil-kuntest tat-tielet parti tal-motiv, hija tallega li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

    60

    Il-BĊE, sostnut mir-Repubblika tal-Finlandja, iqis li dawn it-tliet motivi għandhom jiġu miċħuda. Huwa jfakkar il-limiti tal-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali tista’ teżerċita fuq l-implimentazzjoni ta’ setgħa diskrezzjonali u jżid li l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, inkwantu eċċezzjoni, għandu jiġi interpretat b’mod strett. Minn dan huwa jiddeduċi, essenzjalment, li huma l-għanijiet ġenerali ta’ dan ir-regolament li jirrigwardaw il-proporzjon tal-effett ta’ lieva u mhux l-għanijiet li huma speċifiċi għall-Artikolu 429(14) tal-imsemmi regolament li huma rilevanti fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Huwa jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-għan tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva jimplika li huwa jiġi stabbilit indipendentement minn kwalunkwe korrezzjoni skont ir-riskju.

    61

    B’risposta għat-tielet parti tat-tieni motiv, il-BĊE jsostni li huwa ma neħħiex l-effettività tad-deroga kkontemplata fl-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 peress li huwa baqa’ fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Huwa jżid li l-imsemmija dispożizzjoni ma tirrigwardax biss it-tfaddil irregolat Franċiż u li ma huwiex eskluż li din tkun tapplika f’ċirkustanzi oħra. Fl-aħħar nett, huwa jsostni li mill-premessa 95 tar-Regolament Nru 575/2013 jirriżulta li l-leġiżlatur ried jagħti attenzjoni partikolari lill-banek li għandhom mudell kummerċjali partikolari u mhux li jeskludi ċerti prodotti.

    62

    B’risposta għat-tielet parti tat-tielet motiv, il-BĊE jsostni, b’mod partikolari, li l-perijodu ta’ aġġustament tal-pożizzjonijiet rispettivi tar-rikorrenti u taċ-CDC joħloq riskju ta’ lieva addizzjonali. Peress li ma tistax iddur fuq iċ-CDC matul dan il-perijodu, ir-rikorrenti, meta tiġi kkonfrontata bi ġbid tat-tfaddil miġbur, tista’ tasal biex tnaqqas l-effett ta’ lieva tagħha permezz ta’ bejgħ forzat potenzjali, li jkun sors ta’ telf kbir għaliha. Huwa jżid li, għalkemm dan ir-riskju ta’ lieva eċċessiva jibda b’insuffiċjenza ta’ likwidità, dan huwa differenti minnu inkwantu huwa bbażat fuq l-importanza relattiva tal-iskoperturi ffinanzjati bid-dejn meta mqabbla mal-fondi proprji ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Għaldaqstant, huwa ma pproċediex b’konfużjoni bejn ir-riskju ta’ likwidità u r-riskju ta’ lieva eċċessiva fid-deċiżjoni kkontestata u din tal-aħħar ma tikkontradixxix l-evalwazzjoni ta’ dan il-perijodu ta’ aġġustament skont ir-riskju ta’ likwidità. Huwa jikkontesta, f’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ inkoerenza bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni tiegħu tal-15 ta’ Awwissu 2016 dwar il-kalkolu tal-proporzjon ta’ likwidità li tat lir-rikorrenti l-awtorizzazzjoni li hija talbet, peress li dawn id-deċiżjonijiet jikkonċernaw miżuri prudenzjali, ċertament konnessi, iżda differenti. Huwa jżid li l-proporzjon tal-effett ta’ lieva huwa intiż sabiex jiġi evitat li s-sorsi ta’ finanzjament ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jkunu eċċessivament orjentati lejn id-dejn u jikkostitwixxi “l-aħjar xibka ta’ sigurtà prudenzjali”.

    63

    B’risposta għat-tielet parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, huwa josserva li r-rikorrenti ma ssostnix li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq fatti mhux eżatti jew mhux kompleti. Huwa jżid li l-argument tar-rikorrenti jidher li huwa bbażat fuq konfużjoni bejn ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u żbalji ta’ evalwazzjoni u jirreferi għall-argument tiegħu bbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata b’ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni. F’dan il-kuntest, huwa jsostni, b’mod partikolari, li l-fatt li l-iskoperturi għaċ-CDC huma assimilati għal skoperturi għall-Istat Franċiż u meqjusa bħala li għandhom riskju ta’ 0 % għall-finjiet tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva u jispjega li huwa sempliċement enfasizza li l-iskoperturi għaċ-CDC ma humiex differenti minn skoperturi oħra għall-entitajiet tas-settur pubbliku u l-amministrazzjonijiet ċentrali u li xejn ma jiġġustifika, minn din il-perspettiva, l-esklużjoni tagħhom mill-kalkolu tal-imsemmi proporzjon. Huwa jenfasizza wkoll li l-allegazzjoni bbażata fuq il-fatt li t-tfaddil irregolat jikkostitwixxi “investiment sod” fil-każ ta’ tensjoni jew ta’ kriżi hija irrilevanti, peress li l-Istati huma esposti għar-riskju ta’ solvenza u li s-swieq jistgħu jitilfu l-fiduċja f’investimenti normalment meqjusa siguri ħafna.

    64

    Kif tfakkar fil-punti 8 sa 10 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE rrifjuta li jippermetti d-deroga mitluba, skont l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013. Huwa enfasizza li l-ammonti ttrasferiti mir-rikorrenti liċ-CDC baqgħu skoperturi rilevanti għall-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva tagħha inkwantu t-tfaddil irregolat kien ibbażat fuq mekkaniżmu ta’ trasferiment mhux perfett li jħalli lir-rikorrenti tbati r-riskju marbut mal-proporzjon tal-effett ta’ lieva. Sabiex jasal għal din il-konklużjoni, il-BĊE bbaża ruħu fuq tliet raġunijiet, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq it-trattament kontabbli tat-tfaddil irregolat, li juri li r-rikorrenti tibqa’ responsabbli mill-iskopertura kollha kkostitwita mit-tfaddil irregolat, inklużi l-ammonti ttrasferiti liċ-CDC, fit-tieni lok, fuq l-obbligu kuntrattwali tar-rikorrenti li tħallas lura d-depożiti tal-klijenti, indipendentement mill-ħlas lura lir-rikorrenti tal-fondi ttrasferiti liċ-CDC, u, fit-tielet lok, fuq l-eżistenza ta’ perijodu ta’ żmien bejn l-aġġustamenti tal-pożizzjonijiet tar-rikorrenti u dawk taċ-CDC.

    65

    Fil-kuntest tat-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi, ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità ta’ dawn ir-raġunijiet.

    66

    Sa fejn, għar-raġunijiet speċifikati fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, il-BĊE għandu setgħa diskrezzjonali u, konsegwentement, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fl-għażla li jagħti jew ma jagħtix il-benefiċċju tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, l-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti Ġenerali għandha teżerċita fuq il-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma għandux iwassalha biex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha flok dik tal-BĊE, iżda huwa intiż biex jiġi vverifikat li d-deċiżjoni inkwistjoni ma tkunx ibbażata fuq fatti sostantivament ineżatti u li ma tkun ivvizzjata b’ebda żball ta’ liġi jew b’xi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew b’użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, CEEES u Asociación de Gestores de Estaciones de Servicio vs Il-Kummissjoni, T‑342/11, EU:T:2014:60, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    67

    Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom tali setgħa diskrezzjonali, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hija ta’ importanza iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, wieħed isib b’mod partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ikkonċernat (sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14, u tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja, C‑505/09 P, EU:C:2012:179, punt 95).

    Fuq il-legalità tal-motivi li jinsabu fil-punt 2.3.3(i) u (ii) tad-deċiżjoni kkontestata

    68

    Fil-punt 2.3.3(i) tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE ġġustifika l-għażla tiegħu li jirrifjuta d-deroga mitluba minħabba li t-trattament kontabbli tat-tfaddil irregolat jikkostitwixxi l-ewwel indikazzjoni li l-iskoperturi għaċ-CDC jibqgħu responsabbiltà tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, huwa enfasizza li t-tfaddil irregolat jinsab fil-passiv tal-karta tal-bilanċ tar-rikorrenti u li l-iskoperturi għaċ-CDC jinsabu fl-attiv ta’ dan il-bilanċ. Huwa osserva, ukoll, li r-rikorrenti kienet responsabbli mill-amministrazzjoni tar-riskji operattivi marbutin mal-ġbir tat-tfaddil irregolat.

    69

    Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, il-BĊE jfakkar li t-trattament kontabbli tat-tfaddil irregolat tqajjem fid-deċiżjoni kkontestata biss bħala l-“ewwel indikazzjoni” tal-fatt li l-iskoperturi għaċ-CDC jibqgħu responsabbiltà tar-rikorrenti u jsostni li ma bbażax ruħu fuq dan il-fatt biex jirrifjuta d-deroga mitluba. Madankollu, mill-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-argumenti li jinsabu fil-punt 2.3.3(i) tal-imsemmija deċiżjoni jikkostitwixxu wieħed mill-motivi li l-BĊE bbaża ruħu fuqhom biex jikkonkludi li l-ammonti ttrasferiti mir-rikorrenti liċ-CDC baqgħu skoperturi rilevanti għall-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva tagħha. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-legalità tal-imsemmi motiv.

    70

    Fil-punt 2.3.3(ii) tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE enfasizza li r-rikorrenti kienet [kunfidenzjali]. Huwa żied li kemm il-volum tal-iskoperturi għaċ-CDC kif ukoll il-fatt li dawn l-iskoperturi jistgħu ma jitteħdux inkunsiderazzjoni bħala rekwiżiti prudenzjali oħra kienu jiġġustifikaw li huma jiġu inklużi fil-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva.

    71

    Għaldaqstant, permezz ta’ dan il-motiv, il-BĊE sostna li l-iskoperturi għaċ-CDC kienu rilevanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva tar-rikorrenti, peress li [kunfidenzjali].

    72

    Għandu jiġi kkonstatat li l-uniku eżempju, ippreżentat fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ sitwazzjoni fejn iċ-CDC ma jkunx f’pożizzjoni li jħallas lura l-imsemmija ammonti huwa dak tan-nuqqas ta’ ħlas mill-Istat Franċiż. Fuq mistoqsija waqt is-seduta, il-BĊE kkonferma li din kienet l-unika ipoteżi li huwa kien ikkontempla.

    73

    Fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika lill-BĊE li wettaq żball ta’ liġi meta neħħa l-effettività tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013.

    74

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-BĊE huwa liberu fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li jagħtih l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 li jagħti jew ma jagħtix id-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni, din il-libertà tiġi eżerċitata bil-kundizzjoni li ma jiġux injorati l-għanijiet imfittxija permezz ta’ din id-deroga u bil-kundizzjoni li din ma titneħħilhiex l-effettività tagħha (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, Nemec, C‑256/15, EU:C:2016:954, punti 4849 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    75

    Għar-raġunijiet esposti fil-punti 44 sa 55 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-għan tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 huwa li l-awtoritajiet kompetenti jiġu permessi li jsibu kompromess bejn, min-naħa, il-loġika tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva li timplika li l-miżura tal-livell ta’ skopertura ta’ istituzzjoni ta’ kreditu tkun eżentata mit-teħid inkunsiderazzjoni tar-riskju ppreżentat mill-iskoperturi ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu u, min-naħa l-oħra, l-eventwalità li ċerti skoperturi li jippreżentaw profil ta’ riskju partikolarment baxx u li ma jirriżultawx minn għażla ta’ investiment tal-istituzzjoni ta’ kreditu ma jkunux rilevanti għall-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva u jkunu jistgħu jiġu esklużi minnu.

    76

    Minn dan jiġi dedott neċessarjament li l-BĊE ma jistax jibbaża ruħu fuq motivi li jirrendu kważi inapplikabbli fil-prattika l-possibbiltà offruta mill-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, mingħajr ma jneħħi l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni u jmur kontra l-għanijiet li għalihom kienet introdotta (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Stichting Centraal Begeleidingsorgaan voor de Intercollegiale Toetsing, C‑407/07, EU:C:2008:713, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    77

    Għal dak li jikkonċerna l-motiv li jinsab fil-punt 2.3.3(i) tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan, il-BĊE jeskludi mill-benefiċċju tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 l-iskoperturi tar-rikorrenti fir-rigward taċ-CDC abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet li huma inerenti fl-iskoperturi kkonċernati b’din id-dispożizzjoni.

    78

    Dan jgħodd, fl-ewwel lok, għall-kunsiderazzjoni bbażata fuq il-fatt li l-iskoperturi tar-rikorrenti fir-rigward taċ-CDC jinsabu fl-attiv tal-bilanċ tal-kontijiet tagħha.

    79

    Skopertura hija ddefinita fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 575/2013 bħala “ass jew element li ma jidhirx fil-karta tal-bilanċ”. Għaldaqstant, din id-definizzjoni tinkludi neċessarjament l-elementi li jinsabu fl-attiv tal-bilanċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 429(14)(c) tar-Regolament Nru 575/2013 jikkonċerna skoperturi li jirriżultaw minn depożiti li l-istituzzjoni hija legalment obbligata tittrasferixxi lil entità tas-settur pubbliku sabiex jiġu ffinanzjati investimenti ta’ interess ġenerali, dan jikkonċerna skoperturi li, min-natura tagħhom, huma intiżi li jitniżżlu fil-bilanċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu iktar milli biex jikkostitwixxu elementi li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ.

    80

    F’dan ir-rigward, ir-riferiment mill-BĊE fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu għall-fatt li l-iskoperturi għaċ-CDC fil-kuntest tat-tfaddil irregolat huma differenti mill-attiv fiduċjarju, li jista’, eventwalment, ikun is-suġġett ta’ tneħħija mill-kontijiet u jkun eskluż mill-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva skont l-Artikolu 429(13) tar-Regolament Nru 575/2013, huwa irrilevanti, peress li l-kwistjoni tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013.

    81

    Għaldaqstant, inkwantu l-iskoperturi li fir-rigward tagħhom l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 jikkontempla l-possibbiltà li ma jitteħdux inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva ta’ istituzzjoni ta’ kreditu huma, min-natura tagħhom, intiżi li jitniżżlu fl-attiv tal-karta tal-bilanċ tal-imsemmija istituzzjoni, il-kunsiderazzjoni bbażata fuq il-fatt li l-iskoperturi għaċ-CDC jinsabu fl-attiv tal-bilanċ tar-rikorrenti ma tistax validament tiġġustifika r-rifjut li tingħata d-deroga mitluba.

    82

    L-istess japplika, fit-tieni lok, u għal raġunijiet simili, għall-kunsiderazzjoni bbażata fuq il-fatt li l-imsemmija skoperturi jikkostitwixxu parti mill-ammonti ddepożitati għand ir-rikorrenti bħala tfaddil irregolat, li tibqa’ fil-passiv tal-karta tal-bilanċ tagħha. Huwa biżżejjed f’dan ir-rigward li jiġi enfasizzat li, fid-dawl tal-kliem użat mill-Artikolu 429(14)(c) tar-Regolament Nru 575/2013, dan il-fatt, mhux talli ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, iżda jikkostitwixxi kundizzjoni għall-implimentazzjoni tagħha.

    83

    L-istess konklużjoni tapplika, fit-tielet lok, għall-argument tal-BĊE li r-rikorrenti tbati r-riskju operattiv marbut mat-tfaddil irregolat. Dan jinsab iddefinit fil-punt 52 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 bħala li jfisser “ir-riskju ta’ telf li jirriżulta minn proċessi interni inadegwati jew li fallew, minn persuni u sistemi jew minn avvenimenti esterni, u jinkludi riskju legali”. Inkwantu l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 jikkonċerna skoperturi li jikkostitwixxu parti minn depożiti magħmula mal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, huwa inerenti fil-loġika ta’ din id-dispożizzjoni li r-rikorrenti tbati r-riskju operattiv marbut mat-tfaddil inkwistjoni.

    84

    Għal dak li jikkonċerna l-motiv li jinsab fil-punt 2.3.3(ii) tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 429(14)(a) u (b) tar-Regolament Nru 575/2013, “[l]-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippermettu li istituzzjoni teskludi skoperturi mill-miżura ta’ skoperturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin: a) ikunu skoperturi għal entità tas-settur pubbliku; b) ikunu trattati skont l-Artikolu 116(4)”.

    85

    Kif jirriżulta mill-punti 51 sa 53 iktar ’il fuq, ir-riferiment mill-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 għall-Artikolu 116(4) ta’ dan l-istess regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 114(4) tal-imsemmi regolament, jesprimi r-rieda tal-leġiżlatur li l-iskoperturi għal entitajiet tas-settur pubbliku li, minħabba garanzija min-naħa tal-Istat, jippreżentaw l-istess livell ta’ riskju bħall-iskoperturi għal dan l-Istat, ikunu jistgħu, eventwalment, ma jitteħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva.

    86

    Peress li l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 jikkonċerna biss skoperturi li jirrigwardaw entitajiet tas-settur pubbliku li għandhom il-garanzija ta’ Stat, ir-rifjut immotivat mill-kunsiderazzjoni fundamentali li l-Istat jista’ jkun f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ħlas, mingħajr eżami tal-probabbiltà ta’ tali eventwalità fir-rigward tal-Istat ikkonċernat, ikun ifisser li tiġi reża kważi inapplikabbli fil-prattika l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013.

    87

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex jiġi konkluż li r-rikorrenti [kunfidenzjali], mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-BĊE sempliċement enfasizza l-eventwalità biss ta’ nuqqas ta’ ħlas mill-Istat Franċiż mingħajr ma eżamina l-probbabiltà li dan iseħħ.

    88

    Barra minn hekk u bħala konsegwenza, peress li l-BĊE ma eżaminax il-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ ħlas mill-Istat Franċiż, ir-riferiment fil-punt 2.3.3(ii) tad-deċiżjoni kkontestata għall-volum tal-iskoperturi tar-rikorrenti għaċ-CDC lanqas ma jista’, minnu nnifsu, jiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija skoperturi fil-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva. Fil-fatt, l-imsemmi volum jista’ jkun rilevanti biss fl-eventwalità fejn, minħabba n-nuqqas ta’ ħlas mill-Istat Franċiż, ir-rikorrenti ma tkunx tista’ tikseb mingħand iċ-CDC l-ammonti ttrasferiti bħala tfaddil irregolat u jkollha tirrikorri għal bejgħ forzat tal-attiv.

    89

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-motivi li jinsabu fil-punt 2.3.3(i) u (ii) tad-deċiżjoni kkontestata jwasslu biex id-deroga li tinsab fl-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 titneħħilha l-effettività tagħha peress li huma jeskludu l-applikazzjoni tad-deroga abbażi ta’ elementi li huma inerenti fl-iskoperturi previsti mill-imsemmi artikolu.

    90

    Din il-konklużjoni ma tiġix imxejna mill-argument tal-BĊE u b’mod partikolari mill-argument li l-iskoperturi għaċ-CDC ma humiex fundamentalment differenti mill-iskoperturi li jiġġeneraw lieva, peress li dan l-attiv huwa ffinanzjat minn dejn fir-rigward ta’ min ifaddal li r-rikorrenti hija obbligata tħallashom lura fuq talba tagħhom. F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi enfasizzat li, b’kuntrast ma’ skoperturi oħra, il-leġiżlatur ikkontempla favur l-iskoperturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 il-possibbiltà li dawn ma jiġux inklużi fil-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva, possibbiltà li l-BĊE ma jistax jeskludi a priori.

    91

    L-istess japplika għar-riferiment li l-garanzija tal-Istat assoċjata mal-iskoperturi għaċ-CDC ma tirrendihomx irrilevanti fir-rigward tal-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva tar-rikorrenti, peress li dan huwa intiż li jipprovdi evalwazzjoni li ma hijiex ibbażata fuq il-livell tar-riskju involut minn kull waħda mill-iskoperturi tar-rikorrenti u li, barra minn hekk, l-Istati jistgħu jkunu esposti għal riskji ta’ solvenza. Fil-fatt, peress li l-leġiżlatur ried li skoperturi għal entitajiet tas-settur pubbliku li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013 ikunu jistgħu, eventwalment, ma jitteħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva, kien il-BĊE li kellu l-obbligu li jirrikonċilja, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, l-għanijiet li wasslu għall-introduzzjoni tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva u dawk tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013. Issa, għar-raġunijiet esposti fil-punti 85 sa 87 iktar ’il fuq, dan ma kienx il-każ, peress li l-BĊE ma bbażax ruħu fuq evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas mill-Istat Franċiż, iżda adotta raġunament li jeskludi, fil-fatt, kull possibbiltà li tkun tista’ tintlaqa’ talba bbażata fuq l-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013.

    92

    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-motivi li jinsabu fil-punt 2.3.3(i) u (ii) tad-deċiżjoni kkontestata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi.

    Fuq il-legalità tal-motiv li jinsab fil-punt 2.3.3(iii) tad-deċiżjoni kkontestata

    93

    Fil-punt 2.3.3(iii) tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE rrefera għall-perijodu li jissepara l-aġġustamenti tal-pożizzjonijiet rispettivi tar-rikorrenti u taċ-CDC. Minn dan il-BĊE ddeduċa, essenzjalment, li r-rikorrenti tista’ tkun obbligata tirrikorri għal bejgħ f’sitwazzjoni diffiċli [fire-sale] tal-attiv filwaqt li tistenna t-trasferiment tal-fondi provenjenti mingħand iċ-CDC.

    94

    Permezz tat-tielet parti tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li dan il-motiv huwa ta’ natura manifestament żbaljata. Barra minn hekk, fil-kuntest tat-tielet parti tar-raba’ motiv tagħha, hija ssostni li l-BĊE naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari, billi ma wettaqx analiżi ddettaljata biżżejjed tal-karatteristiċi tat-tfaddil irregolat.

    95

    Għandu jiġi enfasizzat li, skont id-definizzjoni li tinsab fil-punt 94 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, ir-riskju tal-effett ta’ lieva eċċessiv jirreferi għar-“riskju li jirriżulta mill-vulnerabbiltà ta’ istitizzjoni minħabba lieva finanzjarja jew lieva finanzjarja kontinġenti li tista’ teħtieġ miżuri korrettivi mhux intenzjonati għall-pjan imprenditorjali tagħha, inkluż il-bejgħ b’urġenza ta’ assi li jista’ jirriżulta f’telf jew f’aġġustamenti tal-valutazzjoni tal-assi li jkun fadlilha”.

    96

    Minn dan jirriżulta li r-riskji kkontemplati bħala lieva eċċessiva jokkorru f’sitwazzjoni ta’ insuffiċjenza ta’ likwidità. Fil-fatt, huwa sabiex tinkiseb likwidità li istituzzjoni ta’ kreditu tista’ tkun obbligata tieħu miżuri mhux previsti fil-pjan kummerċjali, inkluż bejgħ b’urġenza ta’ assi li jkollu l-konsegwenzi speċifikati fil-punt 94 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, kif tfakkar il-premessa 90 ta’ dan l-istess regolament.

    97

    Peress li l-konsegwenzi negattivi ta’ effett ta’ lieva eċċessiv jimmanifestaw ruħhom fil-każ ta’ nuqqas ta’ likwidità, il-fatt imsemmi mir-rikorrenti li l-perijodu ta’ aġġustament tal-pożizzjonijiet tagħha ma’ dawk taċ-CDC jikkonċerna r-riskju ta’ likwidità ma jirrendix l-imsemmi perijodu irrilevanti fl-evalwazzjoni tar-riskju marbut mal-proporzjon tal-effett ta’ lieva tagħha.

    98

    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-BĊE stess jirrikonoxxi li dan il-perijodu ta’ aġġustament ma jwassalx għal riskju ta’ likwidità fl-evalwazzjoni tar-rekwiżiti ta’ kopertura tal-bżonnijiet ta’ likwidità li jinsabu fl-Artikolu 412 tar-Regolament Nru 575/2013 u fir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/61, tal-10 ta’ Ottubru 2014, li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżit ta’ kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu (ĠU 2015, L 11, p. 1).

    99

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi [kunfidenzjali].

    100

    Għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament ta’ Delega 2015/61 ġie adottat biex jissupplimenta r-Regolament Nru 575/2013, li jippreċiża fl-Artikolu 412(1) tiegħu li “[l]-istituzzjonijiet għandu jkollhom assi likwidi, li s-somma tal-valuri tagħhom tkopri l-ħruġ ta’ likwidità imnaqqas mid-dħul tal-likwidità f’kondizzjonijiet ta’ stress sabiex ikun żgurat li l-istituzzjonijiet iżommu livelli ta’ riżervi ta’ likwidità li jkunu adegwati biex jiffaċċjaw kwalunkwe żbilanċ possibbli bejn id-dħul u l-ħruġ ta’ likwidità f’kondizzjonijiet ta’ stress kbir fuq perijodu ta’ tletin ġurnata. Waqt żmien ta’ stress, l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw l-assi likwidi tagħhom biex ikopru l-flussi ’l barra netti ta’ likwidità tagħhom”.

    101

    Skont l-Artikolu 26 tar-Regolament ta’ Delega 2015/61, intitolat “Flussi ta’ ħruġ bi flussi ta’ dħul interdipendenti”, “[s]oġġett għal approvazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jikkalkolaw il-fluss ta’ ħruġ nett tal-likwidità ta’ fluss ta’ dħul interdipendenti li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin: (a) il-fluss ta’ dħul interdipendenti huwa marbut direttament mal-fluss ta’ ħruġ u ma jkunx ikkunsidrat fil-kalkolu tal-flussi ta’ dħul tal-likwidità fil-Kapitolu 3; (b) il-fluss ta’ dħul interdipendenti huwa meħtieġ skont impenn legali, regolatorju jew kuntrattwali; (c) il-fluss ta’ dħul interdipendenti huwa meħtieġ skont impenn legali, regolatorju jew kuntrattwali; (i) jinħoloq bilfors qabel il-fluss ta’ ħruġ; (ii) ikun riċevut fi żmien 10 ijiem u jkun iggarantit mill-gvern ċentrali ta’ Stat Membru”.

    102

    Għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti – u konsegwentement lill-BĊE fil-kuntest tal-funzjoni ta’ superviżjoni prudenzjali li ngħatatlu permezz tal-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament Nru 1024/2013 – li jpaċu d-dħul u l-ħruġ ta’ likwidità interdipendenti, jekk, minħabba l-eżistenza ta’ garanzija mill-amministrazzjoni ċentrali ta’ Stat Membru u minħabba l-qosor tal-perijodu li jisseparahom, huma jidhrilhom li l-imsemmi perijodu ma jwassalx għal riskju ta’ likwidità.

    103

    Minn dan jiġi dedott loġikament li l-għoti tal-benefiċċju tal-Artikolu 26 tar-Regolament ta’ Delega 2015/61 mill-BĊE għad-dħul u ħruġ ta’ likwidità marbutin mal-iskoperturi għaċ-CDC huwa ekwivalenti għal rikonoxximent, mill-BĊE tal-fatt li l-perijodu li jista’ jisseparahom ma jirrappreżentax riskju ta’ likwidità.

    104

    Peress li, għar-raġunijiet esposti fil-punt 96 iktar ’il fuq, ir-riskji assoċjati ma’ sitwazzjoni ta’ effett ta’ lieva eċċessiv jokkorru fil-każ ta’ insuffiċjenza ta’ likwidità, il-pożizzjoni bażika tal-BĊE fis-sens li l-perijodu ta’ aġġustament inkwistjoni jista’ jiffavorixxi s-seħħ tar-riskji assoċjati ma’ effett ta’ lieva eċċessiv filwaqt li ma jikkostitwixxix riskju ta’ likwidità, għandha titqies, fil-ġeneralità tagħha, li hija manifestament żbaljata.

    105

    Fil-fatt, il-perijodu ta’ aġġustament inkwistjoni jista’ jkun rilevanti għar-riskju tal-effett ta’ lieva, filwaqt li ma jkunx rilevanti għar-riskju ta’ likwidità, fil-każ biss fejn il-ġbid tad-depożiti marbutin mat-tfaddil irregolat ikun ta’ daqs tali li jmur lil hinn mit-“tensjonijiet severi” kkontemplati fil-kuntest tal-kalkolu tal-proporzjon ta’ likwidità skont l-Artikolu 412(1) tar-Regolament Nru 575/2013.

    106

    Issa, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali eventwalità sabiex tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti ma jistax isir mingħajr eżami fid-dettall mill-BĊE tal-karatteristiċi tat-tfaddil irregolat. Dan l-eżami kellu, b’mod partikolari, iwassal lill-BĊE jeżamina jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi tiegħu – u b’mod partikolari tal-garanzija mill-Istat assoċjata mat-tfaddil irregolat –, kienx prevedibbli li l-ġbid tat-tfaddil irregolat ikun f’volum tali, u għall-għarrieda b’mod, li r-rikorrenti jkollha tirrikorri għall-miżuri kkontemplati fil-punt 94 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 mingħajr ma tkun tista’ tistenna t-trasferimenti ta’ fondi provenjenti miċ-CDC fil-kuntest tal-aġġustament tal-pożizzjonijiet.

    107

    Fil-fatt, għar-raġunijiet esposti fil-punti 54 u 55 iktar ’il fuq, huwa fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull każ li l-BĊE kellu, fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 429(14) tar-Regolament Nru 575/2013, isib kompromess bejn l-għanijiet tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva u l-eventwalità li ċerti skoperturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jinsabu f’din id-dispożizzjoni jistgħu jkunu esklużi mill-kalkolu tal-imsemmi proporzjon. Dan l-obbligu li jiġu eżaminati l-karatteristiċi partikolari tat-tfaddil irregolat kien jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 67 iktar ’il fuq.

    108

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE ma għamilx eżami ddettaljat tal-karatteristiċi tat-tfaddil irregolat, u llimita ruħu li jsemmi b’mod astratt ir-riskji involuti minħabba l-perijodu ta’ aġġustament tal-pożizzjonijiet tar-rikorrenti u dawk taċ-CDC.

    109

    Għaldaqstant, billi mexa b’dan il-mod, il-BĊE naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 67 iktar ’il fuq li jeżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.

    110

    Din il-konklużjoni ma hijiex imxejna mill-argument tal-BĊE bbażat fuq il-fatt li l-proporzjon tal-effett ta’ lieva huwa rekwiżit prudenzjali li ma huwiex ibbażat fuq ir-riskju u li s-swieq jistgħu jitilfu f’daqqa l-fiduċja f’investimenti normalment meqjusa siguri ħafna. Fil-fatt, tali affermazzjoni, li hija bbażata biss fuq l-għanijiet imfittxija permezz tal-introduzzjoni tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva mir-Regolament Nru 575/2013, tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet imfittxija permezz tal-inserzjoni tal-Artikolu 429(14) f’dan l-istess regolament.

    111

    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-raġunijiet kollha invokati mill-BĊE sabiex jiġi konkluż li jeżisti mekkaniżmu ta’ trasferiment li ma huwiex perfett li jħalli lir-rikorrenti tbati r-riskju marbut mal-proporzjon tal-effett ta’ lieva u, għaldaqstant, sabiex jiċħad it-talba tagħha intiża biex jiġu esklużi mill-kalkolu tal-proporzjon tal-effett ta’ lieva tagħha l-iskoperturi għaċ-CDC ikkostitwiti mill-ammonti li hija obbligata tittrasferixxilu huma vvizzjati b’illegalità.

    112

    Għaldaqstant, it-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi tar-rikorrenti għandhom jintlaqgħu u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi eżaminat il-ħames motiv.

    Fuq l-ispejjeż

    113

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-BĊE tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

    114

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew għat-tilwima għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Isegwi li r-Repubblika tal-Finlandja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ECB/SSM/2016-9695005MSX1OYEMGDF46/195 tal-24 ta’ Awwissu 2016 hija annullata.

     

    2)

    Il-BĊE huwa kkundannat għall-ispejjeż.

     

    3)

    Ir-Repubblika tal-Finlandja għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

     

    Prek

    Buttigieg

    Schalin

    Berke

    Costeira

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Lulju 2018.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    ( 1 ) Data kunfidenzjali ommessa.

    Top