This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016TJ0728
Judgment of the General Court (First Chamber) of 5 December 2017.#Sabine Tuerck v European Commission.#Civil service — Officials — Pensions — Transfer of national pension rights — Capital appreciation between the date of the application for a transfer and the actual date of the transfer.#Case T-728/16.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-5 ta’ Diċembru 2017.
Sabine Tuerck vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali – Apprezzament tal-kapital bejn id-data tal-applikazzjoni għal trasferiment u dik tat-trasferiment effettiv.
Kawża T-728/16.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-5 ta’ Diċembru 2017.
Sabine Tuerck vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali – Apprezzament tal-kapital bejn id-data tal-applikazzjoni għal trasferiment u dik tat-trasferiment effettiv.
Kawża T-728/16.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2017:865
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)
5 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )
“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali – Apprezzament tal-kapital bejn id-data tal-applikazzjoni għal trasferiment u dik tat-trasferiment effettiv”
Fil-Kawża T‑728/16,
Sabine Tuerck, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Woluwe-Saint-Pierre (il-Belġju), irrappreżentata minn S. Orlandi u T. Martin, avocats,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara u L. Radu Bouyon, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 2015 li tikkonferma t-trasferiment lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni Ewropea tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mir-rikorrenti qabel id-dħul tagħha fis-servizz tal-Unjoni,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)
komposta minn I. Pelikánová, President, V. Valančius (Relatur) u U. Öberg, Imħallfin,
Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Ir-rikorrenti, Sabine Tuerck, daħlet fis-servizz tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Marzu 2004. Skont l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), ir-rikorrenti talbet, permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Mejju 2010, it-trasferiment lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni tad-drittijiet tagħha għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul tagħha fis-servizz tal-Unjoni. Fid-data ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħha, ir-rikorrenti kienet ikklassifikata fil-grad AD 11, skala 5. |
2 |
Fit-30 ta’ Ġunju 2010, l-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) ikkonferma li rċieva l-applikazzjoni tar-rikorrenti. |
3 |
Fis-26 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti ġiet promossa għall-grad AD 12, skala 1, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010. |
4 |
Fid-29 ta’ April 2013, il-PMO kkonferma l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni tar-rikorrenti u bagħatha lill-Deutsche Rentenversicherung Bund (il-Korp Federali ta’ Assigurazzjoni għall-Irtirar Ġermaniż, iktar ’il quddiem id-“DRV”). |
5 |
Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Mejju 2015, id-DRV wieġeb li l-kapital trasferibbli li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba preċedentement mir-rikorrenti kien jammonta, fid-data ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trasferiment, jiġifieri fis-27 ta’ Mejju 2010, għal EUR 141 652.07. |
6 |
Fit-22 ta’ Ġunju 2015, il-PMO ppreżenta lir-rikorrenti proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz li tikkorrispondi għat-trasferiment tad-drittijiet tagħha għall-pensjoni miksuba mid-DRV qabel id-dħul tagħha fis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ akkreditazzjoni”). F’dan ir-rigward, abbażi taċ-ċifri provviżorji relatati mal-ammont globali ta’ kapital stabbilit mid-DRV, jiġifieri EUR 141 652.07, jekk ir-rikorrenti aċċettat il-proposta ta’ akkreditazzjoni, it-trasferiment tad-drittijiet tagħha għall-pensjoni skont l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kien jagħti lok, skont il-parametri applikabbli fid-data tal-applikazzjoni tagħha għal trasferiment, jiġifieri fis-27 ta’ Mejju 2010, u fid-dawl tal-età tagħha, tal-grupp ta’ funzjonijiet tagħha u tal-grad u tal-iskala tagħha f’din l-istess data, għar-rikonoxximent ta’ perijodu ta’ kontribuzzjoni ta’ 3 snin, 8 xhur u 29 jum. |
7 |
Fit-30 ta’ Ġunju 2015, ir-rikorrenti aċċettat il-proposta ta’ akkreditazzjoni. |
8 |
Fl-10 ta’ Diċembru 2015, il-PMO nnotifika lir-rikorrenti bid-deċiżjoni li tirrikonoxxi akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz pensjonabbli (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) wara t-trasferiment effettiv, skont l-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni li hija kienet kisbet mid-DRV qabel id-dħul tagħha fis-servizz tal-Unjoni u fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, adottati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 1278 tat-3 ta’ Marzu 2011, ippubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 17–2011 tat-28 ta’ Marzu 2011 (iktar ’il quddiem id-“DĠI”). Skont din id-deċiżjoni, it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tar-rikorrenti wassal għar-rikonoxximent ta’ perijodu ta’ kontribuzzjoni ta’ 3 snin u 4 xhur. Sabiex jasal għal dan ir-riżultat, il-PMO applika fir-rigward tal-kapital ta’ EUR 146 714.33 effettivament ittrasferit mid-DRV tnaqqis ta’ interessi sempliċi ta’ 3.1 % għal kull sena li għaddiet bejn id-data ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trasferiment u dik tat-trasferiment effettiv, jiġifieri tnaqqis ta’ ammont li jirrappreżenta apprezzament tal-kapital bejn id-data tal-applikazzjoni u dik tat-trasferiment effettiv ta’ EUR 20 666.28. Għaldaqstant, il-PMO qies li l-ammont li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba preċedentement mir-rikorrenti kien jammonta, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz pensjonabbli, għal EUR 126 048.05. |
9 |
Fid-9 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti ppreżentat ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata. Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2016. |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
10 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. |
11 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
12 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
13 |
Fit-30 ta’ Ġunju 2017, abbażi tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jesprimu ruħhom bil-miktub dwar ċerti aspetti tat-tilwima. Dawn wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-termini mogħtija. |
14 |
Fis-27 ta’ Lulju 2017, abbażi tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti sabiex tikkuntattja lid-DRV u titlob lil dan il-korp jipprovdi dokument li, minn naħa, jikkonferma l-ammont tad-drittijiet tagħha għall-pensjoni miksuba taħt l-iskema Ġermaniża sas-27 ta’ Mejju 2010 u, min-naħa l-oħra, jispjega r-raġunijiet għaliex teżisti differenza bejn l-ammont imsemmi iktar ’il fuq u l-ammont li effettivament ġie ttrasferit lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Settembru 2015. |
15 |
Ir-rikorrenti rrispondiet għat-talba tal-Qorti Ġenerali permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Settembru 2017. Hija annettiet mal-ittra tagħha ittra tad-DRV tat-13 ta’ Settembru 2017. |
Id-dritt
16 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1) tad-DĠI u, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. |
17 |
Insostenn tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-PMO ma kienx fondat meta naqqas, kif għamel, mill-kapital ittrasferit mid-DRV, interessi sempliċi ta’ 3.1 % għal kull sena li għaddiet bejn id-data ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni ta’ trasferiment u dik tat-trasferiment effettiv. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, skont l-Artikolu 7(1) tad-DĠI, it-tnaqqis tal-ammont li jirrappreżenta l-apprezzament tal-kapital bejn id-data tal-applikazzjoni għal trasferiment u dik tat-trasferiment effettiv jista’ jsir b’mod “fiss” biss fil-każ fejn il-korp li miegħu jkunu nkisbu d-drittijiet għall-pensjoni preċedenti ma jkunx jista’ jikkomunika l-valur tal-imsemmija drittijiet fid-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal trasferiment. Issa, skont ir-rikorrenti, id-DRV ikkomunika lill-PMO, permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Mejju 2015, il-valur tad-drittijiet tagħha għall-pensjoni fid-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tagħha għal trasferiment, jiġifieri s-27 ta’ Mejju 2010. |
18 |
Il-Kummissjoni tirribatti li d-DRV ma pprovda l-ebda indikazzjoni dwar l-istruttura tal-ammont aġġornat effettivament ittrasferit, b’tali mod li kien impossibbli għaliha li tiddistingwi bejn, minn naħa, il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba mir-rikorrenti sad-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal trasferiment u, min-naħa l-oħra, l-apprezzament ta’ dan il-kapital. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, sabiex tiġi żgurata implementazzjoni oġġettiva tal-proċedura ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni, huwa neċessarju li wieħed ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu parametri uniformi, li jistgħu jiġu applikati għal kull proċedura ta’ trasferiment. |
19 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, uffiċjal li jidħol fis-servizz tal-Unjoni, wara li jkun telaq mis-servizz ta’ amministrazzjoni tal-gvern jew ta’ organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali, jew wara li jkun eżerċita attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, għandu jkun intitolat, wara l-ħatra bħala uffiċjal permanenti iżda qabel ma jsir eliġibbli għal pensjoni tal-irtirar fis-sens tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-kapital, aġġornat sad-data tat-trasferiment effettiv u li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni li jkun kiseb għall-attivitajiet imsemmija iktar ’il fuq, jitħallas lill-Unjoni. |
20 |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li, f’tali każ, l-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) tal-istituzzjoni li fiha jservi l-uffiċjal għandha tistabbilixxi, permezz ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, fid-dawl tas-salarju bażiku, tal-età u tar-rata tal-kambju fid-data tal-applikazzjoni għal trasferiment, in-numru ta’ snin ta’ servizz li bih huwa għandu jiġi akkreditat taħt l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni għall-perijodu ta’ servizz preċedenti fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit, wara li jitnaqqas l-ammont li jirrappreżenta l-apprezzament tal-kapital bejn id-data tal-applikazzjoni għal trasferiment u dik tat-trasferiment effettiv. |
21 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-DĠI jispeċifika li n-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni huwa kkalkolat abbażi tal-ammont trasferibbli li jirrappreżenta d-drittijiet miksuba matul il-perijodi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-punt 1 u fl-ewwel paragrafu tal-punt 2 tal-Artikolu 5 tad-DĠI, wara li jitnaqqas l-ammont li jirrappreżenta l-apprezzament tal-kapital bejn id-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal trasferiment u d-data tat-trasferiment effettiv. |
22 |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-DĠI jipprevedi, essenzjalment, li, meta l-korp nazzjonali jew internazzjonali ma jkunx jista’ jikkomunika l-valur tad-drittijiet għall-pensjoni fid-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni, għandhom jitnaqqsu interessi sempliċi bir-rata ta’ 3.1 % mill-ammont ittrasferit għall-perijodu mid-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni sad-data tat-trasferiment effettiv. |
23 |
Għaldaqstant, mill-formulazzjoni ċara u preċiża tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 19 sa 22 iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent tal-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz huma bbażati fuq l-ammont tal-kapital trasferibbli fid-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni, kif ikkomunikat mill-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kompetenti lill-Awtorità tal-Ħatra, wara li jitnaqqas, jekk ikun il-każ, l-ammont li jirrappreżenta l-apprezzament tal-kapital bejn id-data tar-reġistrazzjoni tat-talba u dik tat-trasferiment effettiv. Minn dan jirriżulta barra minn hekk li huwa biss fil-każ li l-korp nazzjonali jew internazzjonali kompetenti ma jkunx jista’ jikkomunika l-valur tad-drittijiet għall-pensjoni fid-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni li interessi sempliċi bir-rata ta’ 3.1 % għandhom jitnaqqsu mill-kapital aġġornat effettivament ittrasferit. Għaldaqstant, fl-ipoteżi fejn l-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kompetenti jkunu kkomunikaw lill-Awtorità tal-Ħatra l-valur tad-drittijiet għall-pensjoni fid-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni, hija ma tkun tista’ twettaq ebda tnaqqis minn dan l-ammont u l-kalkolu tas-snin ta’ servizz għal pensjoni skont ir-Regolamenti tal-Persunal ikollu għalhekk isir fuq il-bażi tat-totalità tal-imsemmi ammont. |
24 |
Għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kompetenti tal-valur tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba sad-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li din l-operazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza unika tal-awtorità li tamministra l-iskema tal-pensjoni li magħha l-persuna kkonċernata kienet affiljata qabel id-dħul tagħha fis-servizz tal-Unjoni, fejn tali operazzjoni tiddetermina l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba fl-iskema nazzjonali abbażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Časta, C‑166/12, EU:C:2013:792, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jadottaw il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom li jimplementaw l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Časta, C‑166/12, EU:C:2013:792, punt 31). |
25 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-11 ta’ Settembru 2015, id-DRV ittrasferixxa lill-Kummissjoni kapital aġġornat ta’ EUR 146 714.33. Il-PMO applika fir-rigward ta’ dan il-kapital tnaqqis ta’ interessi sempliċi ta’ 3.1 % għal kull sena li għaddiet bejn id-data ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trasferiment u dik tat-trasferiment effettiv, jiġifieri tnaqqis ta’ ammont li jirrappreżenta apprezzament tal-kapital bejn id-data tal-applikazzjoni t-talba u dik tat-trasferiment effettiv ta’ EUR 20 666.28. Għalhekk, il-PMO qies li l-ammont li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba preċedentement mir-rikorrenti kien jammonta għal EUR 126 048.05. |
26 |
Issa, permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Mejju 2015, id-DRV ikkomunika lill-PMO dak li fl-opinjoni tiegħu huwa l-kalkolu provviżorju tal-ammont trasferibbli fid-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tar-rikorrenti. Skont din l-ittra, l-ammont trasferibbli fis-27 ta’ Mejju 2010 kien ta’ EUR 141 652.07, li minnhom EUR 340.22 kienu interessi. |
27 |
Dan l-ammont trasferibbli fid-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tar-rikorrenti kkostitwixxa l-bażi tal-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz li saritilha fit-22 ta’ Ġunju 2015. |
28 |
Mill-atti tal-proċess jirriżulta wkoll li, fuq talba tar-rikorrenti, id-DRV ikkonfermalha, permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Frar 2016, li l-ammont trasferibbli fid-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal trasferiment, jiġifieri fis-27 ta’ Mejju 2010, kien ta’ EUR 141 652.07, jiġifieri EUR 141 311.85 għad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mir-rikorrenti sa dik id-data, li magħhom żdiedu EUR 340.22 bħala interessi. |
29 |
Din l-informazzjoni ġiet, għal darba oħra, ikkonfermata mid-DRV fl-ittra tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2017, indirizzata lir-rikorrenti wara l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq. |
30 |
Għaldaqstant, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li d-DRV ikkomunika lill-Kummissjoni l-valur tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba sad-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tar-rikorrenti, jiġifieri fis-27 ta’ Mejju 2010. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax validament issostni, kif tagħmel, li kien impossibbli għaliha, abbażi tal-ammont tal-kapital aġġornat effettivament ittrasferit, li tiddistingwi bejn, minn naħa, l-ammont li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba mir-rikorrenti sad-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal trasferiment u, min-naħa l-oħra, l-ammont li jikkorrispondi għal-apprezzament tal-kapital bejn id-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal trasferiment u d-data tat-trasferiment effettiv. |
31 |
It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-kalkolu mis-servizzi tal-Kummissjoni tan-numru tas-snin ta’ servizz ta’ akkreditazzjoni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni, li huwa kalkolu distint minn dak tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba, kif jirriżulta mill-punt 24 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li la l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas xi dispożizzjoni oħra tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedu espressament l-obbligu li jiġi applikat, fir-rigward tal-kapital aġġornat effettivament ittrasferit, it-tnaqqis tar-rata ta’ interessi ta’ 3.1 % msemmija fl-Artikolu 8 ta’ dan l-istess anness. Minn dan isegwi li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, essenzjalment, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi f’kull każ l-obbligu fuq il-PMO li “jaġġorna” il-kapital li jirrappreżenta l-valur tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba sad-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni ma hija bbażata fuq ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal. L-uniku tnaqqis impost mir-Regolamenti tal-Persunal huwa dak tal-ammont li jirrappreżenta l-apprezzament tal-kapital bejn id-data tal-applikazzjoni għal trasferiment u dik tat-trasferiment effettiv tal-kapital aġġornat sa dik id-data. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex il-kompitu tal-Kummissjoni li tiddetermina jew, kif hija tallega, “taġġorna” l-ammont tal-kapital li jirrappreżenta materjalment id-drittijiet għall-pensjoni miksuba, sad-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal trasferiment, abbażi tal-attivitajiet preċedenti tal-uffiċjal ikkonċernat. |
32 |
It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 7(1) tad-DĠI ma jippermettix lill-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut minnha, li tnaqqas l-interessi meta, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, il-korp nazzjonali jew internazzjonali kompetenti ma jkunx jinsab f’sitwazzjoni fejn ma jkunx jista’ jikkomunika l-valur tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba sad-data tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni tkun tista’ twettaq tnaqqis favur il-baġit tal-Unjoni mill-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba mir-rikorrenti sad-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal trasferiment iwassal għal approprjazzjoni mhux iġġustifikata, minn din l-istituzzjoni, ta’ parti mid-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali mħallsa permezz tat-trasferiment, li jappartjenu fil-fatt lill-uffiċjal skont il-ġurisprudenza, u, għalhekk, għal arrikkiment indebitu favur l-Unjoni. |
33 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li mill-elementi tal-proċess kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti waqt is-seduta jirriżulta li d-differenza ta’ EUR 5 062.26 bejn, minn naħa, l-ammont trasferibbli tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba taħt l-iskema Ġermaniża sas-27 ta’ Mejju 2010, ikkomunikat mid-DRV lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Mejju 2015, u, min-naħa l-oħra, l-ammont li effettivament ġie ttrasferit lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Settembru 2015, li jirrappreżenta l-apprezzament tal-kapital bejn id-data tal-applikazzjoni u dik tat-trasferiment effettiv, tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, iffirmata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mill-Kummissjoni fl-1994. Skont dan il-ftehim, il-korp tal-pensjonijiet Ġermaniż kompetenti huwa obbligat japplika żieda ta’ 3.5 %, għal kull sena sħiħa li tkun għaddiet, għall-ammont imqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu retroattivament mill-awtoritajiet nazzjonali, għall-perijodu mid-data tat-trasferiment tal-fondi inkwistjoni lil dan il-korp sad-data ta’ trasferiment tal-imsemmija fondi minn dan il-korp lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni. Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-ammont ta’ EUR 5 062.26 joriġina mill-applikazzjoni tar-rata ta’ 3.5 %, għal kull sena sħiħa li għaddiet, għall-ammont imqiegħed għad-dispożizzjoni tad-DRV f’żewġ stadji, jiġifieri fit-13 ta’ Mejju 2014 u fit-30 ta’ Lulju 2014, u ttrasferit sussegwentement minn dan il-korp lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Settembru 2015. |
34 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, billi applikat għall-kapital aġġornat effettivament ittrasferit tnaqqis ta’ interessi sempliċi ta’ 3.1 % għal kull sena li għaddiet bejn id-data ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trasferiment u dik tat-trasferiment effettiv, minkejja li, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, id-DRV ma kienx jinsab f’sitwazzjoni fejn ma setax jikkomunika l-valur tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mir-rikorrenti sad-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi. |
35 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal u mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti, għandu jintlaqa’ r-rikors preżenti u tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata. |
Fuq l-ispejjeż
36 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla), taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Pelikánová Valančius Öberg Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Diċembru 2017. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.