This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016TJ0316
Judgment of the General Court (Ninth Chamber) of 12 October 2017.#Moravia Consulting spol. s r. o. v European Union Intellectual Property Office.#EU trade mark — Opposition proceedings — Application for EU word mark SDC‑554S — Earlier non-registered national word mark SDC‑554S — Relative ground for refusal — Article 8(4) of Regulation (EC) No 207/2009 (now Article 8(4) of Regulation (EU) 2017/1001) — Evidence establishing the content of national law — Rule 19(2)(d) of Regulation (EC) No 2868/95 (now Article 7(2)(d) of Delegated Regulation (EU) 2017/1430) — Production of evidence for the first time before the Board of Appeal — Discretion of the Board of Appeal — Article 76(2) of Regulation No 207/2009 (now Article 95(2) of Regulation 2017/1001).#Case T-316/16.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tat-12 ta’ Ottubru 2017.
Moravia Consulting spol. s r. o. vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea SDC-554S – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti mhux irreġistrata SDC-554S – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2017/1001] – Provi li jistabbilixxu l-kontenut tad-dritt nazzjonali – Regola 19(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 [li saret l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1430] – Produzzjoni ta’ provi għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell – Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell – Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 95(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001].
Kawża T-316/16.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tat-12 ta’ Ottubru 2017.
Moravia Consulting spol. s r. o. vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea SDC-554S – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti mhux irreġistrata SDC-554S – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2017/1001] – Provi li jistabbilixxu l-kontenut tad-dritt nazzjonali – Regola 19(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 [li saret l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1430] – Produzzjoni ta’ provi għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell – Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell – Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 95(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001].
Kawża T-316/16.
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2017:717
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
12 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea SDC-554S - Trade mark nazzjonali verbali preċedenti mhux irreġistrata SDC-554S - Raġuni relattiva għal rifjut - Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2017/1001] - Provi li jistabbilixxu l-kontenut tad-dritt nazzjonali - Regola 19(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 [li saret l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1430] - Produzzjoni ta’ provi għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell - Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell - Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 95(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001]”
Fil-Kawża T‑316/16,
Moravia Consulting spol. s r. o., stabbilita fi Brno (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn M. Kyjovský, avocat,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Gája, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija
Citizen Systems Europe GmbH, stabbilita fi Stuttgart (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. von Donat, J. Lipinsky, J. Hagenberg, T. Hollerbach u C. Nitschke, avocats,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO, tal-1 ta’ April 2016 (Każ R 1575/2015-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Moravia Consulting u Citizen Systems Europe,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise u R. da Silva Passos (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Ġunju 2016,
wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Ottubru 2016,
wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Diċembru 2016,
wara li rat id-deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2017 li tgħaqqad il-Kawżi T‑316/16 sa T‑318/16 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura,
wara s-seduta tal-11 ta’ Mejju 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Fl-10 ta’ April 2014, l-intervenjenti, Citizen Systems Europe GmbH, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat [issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2017, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)]. |
2 |
It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija t-trade mark verbali SDC-554S. |
3 |
Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 9 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu mad-deskrizzjoni segwenti: “Kalkolatriċi tal-but; kalkulaturi”. |
4 |
L-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 2014/076, tal-24 ta’ April 2014. |
5 |
Fit-22 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrenti, Moravia Consulting spol. s r. o., ressqet oppożizzjoni, abbażi tal-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 46 tar-Regolament 2017/1001), għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fl-intier tagħha. |
6 |
Insostenn tal-oppożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti invokat, l-ewwel nett, l-eżistenza ta’ dritt preċedenti mogħti minn trade mark verbali mhux irreġistrata, bil-formulazzjoni identika għal dik tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fuq il-bażi li dan id-dritt kien jeżisti tal-inqas fit-territorju tar-Repubblika Ċeka. Din it-trade mark verbali mhux irreġistrata kienet tikkonċerna l-kalkulaturi. |
7 |
Ir-rikorrenti tindika li hija użat it-trade mark mhux irreġistrata qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b’mod partikolari waqt ordni magħmula f’Ottubru 2013 bl-għan li ssir kunsinna ta’ kalkulaturi li joriġinaw minn Hong-Kong (iċ-Ċina). Għal dan l-għan, ir-rikorrenti pproduċiet bħala prova dokument ta’ żewġ paġni intitolat “konferma tal-bejgħ” (“sales confirmation”) u datat it-8 ta’ Ottubru 2013. |
8 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti invokat il-mala fide tal-intervenjenti. Madankollu, wara komunikazzjoni mill-EUIPO tal-5 ta’ Awwissu 2014 li tippreċiża b’mod partikolari li dan il-motiv seta’ jiġi invokat biss fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kontra trade mark tal-Unjoni Ewropea rreġistrata, ir-rikorrenti sostniet, f’ittra mibgħuta lill-EUIPO fl-10 ta’ Diċembru 2014, li hija ma għadhiex qiegħda tinvoka l-mala fide tal-intervenjenti. |
9 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti invokat l-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. |
10 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2015, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-EUIPO ċaħdet l-oppożizzjoni mressqa mir-rikorrenti u kkundannatha għall-ispejjeż. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni rrilevat li r-rikorrenti ma kinitx ipprovdiet informazzjoni u lanqas ma kienet ġabet provi li jikkonċernaw id-dritt nazzjonali applikabbli, li fuqu hija kienet qiegħda tibbaża ruħha u li skontu l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni seta’ jiġi pprojbit fl-Istat Membru kkonċernat, u dan anki wara li ġiet mistiedna tikkompleta l-oppożizzjoni tagħha. Barra minn hekk, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni enfasizzat li l-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet taqa’ taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7 tar-Regolament 2017/1001) u, konsegwentement, ma kinitx motiv validu fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni. |
11 |
Fl-4 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, abbażi tal-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. |
12 |
Ir-rikorrenti annettiet mad-dikjarazzjoni bil-miktub li tistipula r-raġunijiet tal-appell informazzjoni li tikkonċerna l-leġiżlazzjoni Ċeka rilevanti dwar it-trade marks, filwaqt li ppreċiżat il-kontenut ta’ din il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ġuridika ta’ sinjal mhux irreġistrat. |
13 |
B’deċiżjoni tal-1 ta’ April 2016, (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. |
14 |
Qabelxejn, minn naħa, il-Bord tal-Appell essenzjalment qies li, matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ir-rikorrenti ma kinitx għamlet riferiment għad-dispożizzjonijiet legali applikabbli u ma kienet ipprovdiet ebda informazzjoni dwar il-kontenut tad-drittijiet invokati jew il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti f’din il-kawża, li jippermettu lill-EUIPO jevalwa jekk il-kundizzjonijiet speċifiċi previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet kinux issodisfatti u jekk, konsegwentement, kienx possibbli li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni setax jiġi pprojbit skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri r-Repubblika Ċeka. Il-Bord tal-Appell fakkar li r-rikorrenti kellha l-obbligu li tinvoka, u li tagħti l-informazzjoni neċessarja sabiex turi dan, li t-trade mark preċedenti kienet tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali u li dan tal-aħħar kien jagħti d-dritt li l-użu ta’ trade mark iktar reċenti jiġi pprojbit. |
15 |
Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-informazzjoni dwar il-liġi Ċeka ppreżentata mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell, dan tal-aħħar qies li din ma setgħetx titqies bħala “ġdida” jew “supplimentari” u, għal din ir-raġuni, kienet inammissibbli. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ma għandux setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-aċċettazzjoni tal-provi prodotti tardivament. |
16 |
Sussegwentement, il-Bord tal-Appell żied li, anki jekk il-provi ppreżentati quddiemu għall-ewwel darba kellhom jitqiesu bħala “ġodda” jew “supplimentari”, li b’hekk jippermettulu jeżerċita setgħa diskrezzjonali fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom, huwa jkun eżerċita din is-setgħa meta jiddeċiedi li ma joħodhomx inkunsiderazzjoni. Skont il-Bord tal-Appell, mill-kliem tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001] jirriżulta li l-invokazzjoni jew il-produzzjoni tardiva ta’ fatti u ta’ provi ma hijiex ta’ natura li tikkonferixxi, lill-parti li tagħmel dan, dritt inkundizzjonat sabiex fatti jew provi bħal dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni. Il-Bord tal-Appell ikkonkluda li ċ-ċirkustanzi ta’ madwar il-produzzjoni tardiva tal-provi mir-rikorrenti ma setgħux jiġġustifikaw tali dewmien. |
17 |
Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq allegata mala fide tal-intervenjenti, imqajjem mill-ġdid mir-rikorrenti minkejja li kienet irrinunzjat li tinvoka dan il-motiv matul il-proċedura quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell fakkar li, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, l-oppożizzjoni tista’ titressaq abbażi tal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament (li sar l-Artikolu 8 tar-Regolament 2017/1001) u indika li, peress li din id-dispożizzjoni ma ssemmix il-mala fide bħala motiv għal oppożizzjoni, hija ma kinitx ser teżamina dan il-motiv. |
18 |
Fl-aħħar nett, billi bbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza l-Bord tal-Appell enfasizza li l-kwistjoni diskussa matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni ma kinitx tikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ jekk is-sinjal ikkontestat kienx distintiv u kellux jiġi rreġistrat fir-rigward tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001], iżda pjuttost jekk is-sinjal ikkontestat kellux jiġi rrifjutat minħabba l-eżistenza ta’ dritt preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament [li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament 2017/1001]. |
It-talbiet tal-partijiet
19 |
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
20 |
L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
Fuq l-ammissibbiltà
21 |
L-EUIPO jsostni li r-rikors huwa manifestament inammissibbli. Min-naħa tagħha, l-intervenjenti tqis li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn huwa bbażat fuq l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament 2017/1001]. |
Dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EUIPO
22 |
Skont l-EUIPO, żewġ raġunijiet iġġustifikaw iċ-ċaħda, mill-Bord tal-Appell, tal-appell ippreżentat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ma kellu ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-aċċettazzjoni tad-dokumenti prodotti mal-espożizzjoni tal-motivi. It-tieni nett, anki li kieku l-Bord tal-Appell kellu setgħa diskrezzjonali u kien eżerċitaha, huwa kien jiċħad l-appell. L-EUIPO jsostni li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ma tikkontestax it-tieni motiv tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, minkejja li l-motivi tar-rikorrenti dwar l-ewwel motiv tad-deċiżjoni kkontestata jintlaqgħu, ma jkunux biżżejjed sabiex l-imsemmija deċiżjoni tiġi annullata, peress li d-dispożittiv ta’ din tal-aħħar fi kwalunkwe każ jibqa’ ġġustifikat mit-tieni motiv tagħha. B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-EUIPO jitlob li r-rikors jiġi ddikjarat manifestament inammissibbli. |
23 |
Ir-rikorrenti tiġġustifika, fil-punt 21 tar-rikors, il-produzzjoni tardiva tar-referenzi konkreti tad-dritt Ċek, li fuqu hija kienet qiegħda tibbaża ruħha u li skontu l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni seta’ jiġi pprojbit fl-Istat Membru kkonċernat. Għal dan l-għan, hija essenzjalment issostni li fit-terminu stabbilit mill-EUIPO hija ppreżentat il-provi kollha relattivi mad-dritt preċedenti tagħha ta’ utent ta’ sinjal mhux irreġistrat u li l-unika informazzjoni nieqsa kienet biss dik dwar id-dritt nazzjonali. Hija żżid li, skont il-prinċipju ta’ iura novit curia ma kienx hemm lok li tippreżenta b’mod iddettaljat id-dispożizzjonijiet konkreti tal-liġi Ċeka, liema liġi hija aċċessibbli għall-pubbliku. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-EUIPO kien obbligat jagħtiha kjarifikazzjonijiet billi jindika l-elementi konkreti neqsin fl-oppożizzjoni tagħha, sabiex hija tkun tista’ debitament tirrimedja għal dan. Issa, skont ir-rikorrenti, l-istedina tal-EUIPO sabiex tipprovdi preċiżazzjonijiet dwar l-oppożizzjoni ma kinitx ċara u ma kinitx tippermettilha tiddeduċi l-ilment konkret ifformulat kontra l-oppożizzjoni tagħha. |
24 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti allegat ir-raġunijiet li, fil-fehma tagħha, kienu jiġġustifikaw il-preżentazzjoni tardiva tal-provi inkwistjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tikkontesta, fl-intier tagħha, il-pożizzjoni tal-EUIPO li skontha l-preżentazzjoni tardiva ta’ dawn il-provi ma setgħetx tiġi aċċettata. Anki jekk wieħed jippreżupponi li fil-proċess hemm elementi li jikkontradixxu t-teżi sostnuta mir-rikorrenti, tali konstatazzjoni tkun tikkonċerna mhux l-ammissibbiltà tar-rikors, iżda pjuttost il-fondatezza tiegħu. Indipendentement mill-ġustifikazzjoni invokata mir-rikorrenti għall-preżentata tardiva tal-provi matul il-proċedura amministrattiva, għaldaqstant ma jistax jiġi sostnut, bħalma essenzjalment jagħmel l-EUIPO, li f’din il-kawża kulma tagħmel ir-rikorrenti huwa li tikkritika l-parti tad-deċiżjoni kkontestata li fiha l-Bord tal-Appell ikkonkluda li huwa ma kellu ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija elementi. |
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors imqajma mill-EUIPO għandha tiġi miċħuda. |
Dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-intervenjenti
26 |
L-intervenjenti tqis li, minkejja li matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni r-rikorrenti indikat li ma kinitx se żżomm dan il-motiv, hija tidher li qiegħda tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 sabiex tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata. |
27 |
Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 ressqet oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 8(4) tal-imsemmi regolament. L-intervenjenti tfakkar li l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar il-mala fide tal-applikant waqt il-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea, huwa raġuni assoluta ta’ invalidità u ma jinsabx fost il-motivi ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea u, konsegwentement, ma jistax jiġi invokat fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Għaldaqstant, skont l-intervenjenti, dan il-motiv huwa inammissibbli. |
28 |
Waqt il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ir-rikorrenti indikat b’mod espress lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li hija ma għadhiex qiegħda ssostni l-mala fide tal-intervenjenti li hija kienet invokat inizjalment. Madankollu, waqt il-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti indikat mill-ġdid li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-sinjal ikkontestat irriżultat minn mala fide tal-intervenjenti, u dan wassal lill-Bord tal-Appell sabiex fil-punt 85 tad-deċiżjoni kkontestata jqis li, peress li l-oppożizzjoni tista’ titressaq abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 207/2009 u peress li din id-dispożizzjoni ma ssemmix il-mala fide bħala motiv ta’ oppożizzjoni, din il-kwistjoni ma hijiex ser tiġi eżaminata. |
29 |
Barra minn hekk, fil-punt 26 tar-rikors tagħha, fost il-motivi invokati sabiex issostni t-talba tagħha r-rikorrenti ssemmi l-ksur tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 mingħajr madankollu ma tressaq argument sabiex tappoġġja tali allegazzjoni. Waqt is-seduta, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti sostniet li qiegħda żżomm dan il-motiv. |
30 |
Issa, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jkun fih espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati, u din l-espożizzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni oħra insostenn [ara s-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2012, Scandic Distilleries vs UASI – Bürgerbräu, Röhm & Söhne (BÜRGER), T‑460/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:432, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Peress li huwa evidenti li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti, dan għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli. Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li l-invokazzjoni ta’ dan il-motiv fl-istadju ta’ din l-azzjoni ma tonqosx milli tissorprendi, u dan peress li r-rikorrenti kienet indikat b’mod espress lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li hija kienet qiegħda tirrinunzja li tinvoka l-mala fide tal-intervenjenti. |
31 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
32 |
Għal finijiet ta’ kompletezza għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi r-raġunijiet assoluti ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari meta l-applikant ikollu mala fide waqt il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiegħu (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, C‑529/07, EU:C:2009:361, punti 34 u 35), b’mod li l-mala fide tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kontra trade mark irreġistrata. Madankollu, hekk kif issostni l-intervenjenti, il-mala fide tal-applikant ma tidhirx fl-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 fost il-motivi ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-motiv għandu, fi kwalunkwe każ, jitwarrab. |
Fuq il-mertu
33 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 [l-Artikolu 76(1) sar l-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001] kif ukoll fuq tar-Regola 50(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189). It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. |
34 |
Peress li t-tieni motiv ġie miċħud bħala inammissibbli, hemm lok li jiġi eżaminat biss l-ewwel motiv. |
35 |
Insostenn ta’ dan il-motiv ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball fl-applikazzjoni tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, moqrija flimkien mal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, meta, fid-deċiżjoni kkontestata, huwa injora fatti li kienet invokat u provi li kienet ipproduċiet. Hija ssostni li l-Bord tal-Appell interpreta b’mod żbaljat il-kompetenza diskrezzjonali tiegħu f’dak li jikkonċerna l-provi ppreżentati għall-ewwel darba fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li, fit-terminu stabbilit hija ppreżentat il-provi kollha relattivi mad-dritt preċedenti tagħha ta’ użu ta’ sinjal mhux irreġistrat u li ma kien hemm ebda informazzjoni nieqsa dwar id-dritt nazzjonali. Konsegwentement, skont ir-rikorrenti ma jistax jiġi sostnut li hija ma kienet ipproduċiet ebda prova matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Ir-rikorrenti tallega wkoll li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta, fid-deċiżjoni kkontestata, applika prinċipji stabbiliti fis-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2015, Rot Front vs UASI – Rakhat (Маска) (T‑96/13, EU:T:2015:813), filwaqt li din is-sentenza, f’din il-kawża, ingħatat wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Konsegwentement, skont ir-rikorrenti, din is-sentenza ma tistax tkun rilevanti għall-proċedura preżenti. |
36 |
L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. |
37 |
Sa fejn l-argumenti mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv jikkoinċidu, hemm lok li dawn jiġu eżaminati flimkien. |
38 |
Skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, il-proprjetarju ta’ sinjal minbarra trade mark irreġistrata jista’ jressaq oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jekk dan ikun jissodisfa kumulattivament erba’ kundizzjonijiet: dan is-sinjal għandu jintuża fil-kummerċ; għandu jkollu portata li ma hijiex biss lokali; id-dritt għal dan is-sinjal għandu jkun inkiseb skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew id-dritt tal-Istat Membru fejn is-sinjal kien jintuża qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea; fl-aħħar nett, dan is-sinjal għandu jattribwixxi lill-proprjetarju tiegħu l-fakultà li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti [ara s-sentenza tad-29 Ġunju 2016, Universal Protein Supplements vs EUIPO – H Young Holdings (animal), T‑727/14 u T‑728/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:372, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li meta sinjal ma jkunx jissodisfa waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, l-oppożizzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjali oħra użati fil-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, ma tistax tintlaqa’ [ara s-sentenza tal-21 Jannar 2016, BR IP Holder vs UASI – Greyleg Investments (HOKEY POKEY), T‑62/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:23, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
39 |
L-ewwel żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri dawk relatati mal-użu u mal-portata tas-sinjal invokat, fejn din tal-aħħar ma għandhiex tkun lokali biss, jirriżultaw mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u għalhekk għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, ir-Regolament Nru 207/2009 jistabbilixxi standards uniformi, relatati mal-użu tas-sinjali u mal-portata tagħhom, li huma koerenti mal-prinċipji li jispiraw is-sistema stabbilita minn dan ir-regolament [ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2016, animal, T‑727/14 u T‑728/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:372, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Min-naħa l-oħra, mill-frażi “meta u sal-limitu li, bis-saħħa [...] tal-liġi tal-Istat Membru li jirregola dak is-sinjal” jirriżulta li ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra, ipprovduti sussegwentement fl-Artikolu 8(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009, jikkostitwixxu kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmi regolament li, b’differenza minn dawk preċedenti, jiġu evalwati fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-dritt li jirregola s-sinjal invokat. Dan ir-riferiment għad-dritt li jirregola s-sinjal invokat huwa kompletament iġġustifikat, peress li r-Regolament Nru 207/2009 jirrikonoxxi lil sinjali li ma humiex parti mis-sistema tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea l-possibbiltà li jiġu invokati kontra trade mark tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, huwa biss id-dritt li jirregola s-sinjal invokat li jippermetti li jiġi stabbilit jekk dan kienx jeżisti qabel it-trade mark tal-Unjoni Ewropea u jekk jistax jiġġustifika l-projbizzjoni tal-użu ta’ trade mark iktar reċenti. Konformement mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, l-oneru tal-prova li din l-aħħar kundizzjoni hija ssodisfatta huwa fuq l-opponent quddiem l-EUIPO (ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2016, animal, T‑727/14 u T‑728/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:372, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali invokata u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Istat Membru kkonċernat. Fuq din il-bażi, l-opponent għandu juri li s-sinjal inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru invokat u li dan jippermetti l-projbizzjoni tal-użu ta’ trade mark iktar reċenti (ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2016, animal, T‑727/14 u T‑728/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:372, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Ir-Regola 19(2)(d) tar-Regolament Nru 2868/95 [li saret l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1430, tat-18 ta’ Mejju 2017, li jissupplimenta r-Regolament Nru 207/2009 u li jirrevoka r-Regolamenti Nru 2868/95 u (KE) Nru 216/96 (ĠU 2017, L 205, p. 1)] tqiegħed fuq l-opponent l-oneru li jippreżenta lill-EUIPO mhux biss l-elementi li juru li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħha huwa jitlob l-applikazzjoni, sabiex ikun jista’ jopponi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea abbażi ta’ dritt preċedenti, iżda wkoll l-elementi li jistabbilixxu l-kontenut ta’ din il-leġiżlazzjoni [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 50). Huwa minnu li l-Bord tal-Appell u l-qorti tal-Unjoni għandhom jinformaw ruħhom ex officio dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, jekk tali informazzjoni tkun neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ raġuni għal rifjut tar-reġistrazzjoni inkwistjoni, li jfisser li huma jieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-fatti ppreżentati espliċitament mill-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, fatti magħrufa, jiġifieri fatti li probabbilment huma magħrufa minn kulħadd jew li jistgħu jkunu magħrufa minn sorsi li huma ġeneralment aċċcessibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punti 39, 44 u 45, u tat-28 ta’ Ottubru 2015, Маска, T‑96/13, EU:T:2015:813, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, dan l-obbligu japplika biss fl-ipoteżi fejn l-EUIPO jew il-qorti tal-Unjoni diġà jkollhom indikazzjonijiet relatati mad-dritt nazzjonali, jew fil-forma ta’ allegazzjonijiet fir-rigward tal-kontenut tiegħu, jew inkella fil-forma ta’ provi prodotti matul il-proċedimenti u li s-saħħa probatorja tagħhom ġiet allegata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2015, Маска, T‑96/13, EU:T:2015:813, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
F’dan il-każ, għaldaqstant, hija preċiżament ir-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ opponent, li għandha tipproduċi lill-EUIPO l-elementi li jistabbilixxu l-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
44 |
Barra minn hekk għandu jitfakkar li, insostenn tal-oppożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti invokat trade mark preċedenti mhux irreġistrata li l-formulazzjoni tagħha hija identika għal dik tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, bl-għarfien li dan id-dritt kien jeżisti, skontha, tal-inqas fit-territorju tar-Repubblika Ċeka. Hekk kif ġie espost fil-punt 7 hawn fuq u kif dan jirriżulta wkoll mis-seba’ inċiż tal-punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata, l-unika prova dwar l-użu tat-trade mark preċedenti li r-rikorrenti ppreżentat quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni hija dokument ta’ żewġ paġni intitolat “konferma tal-bejgħ” u datat it-8 ta’ Ottubru 2013. Ir-rikorrenti ma ppreżentat ebda prova dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, u din hija raġuni li għaliha l-oppożizzjoni ġiet miċħuda mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Hekk kif tfakkar fil-punt 12 hawn fuq, huwa fl-espożizzjoni tal-motivi tal-appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell li r-rikorrenti, għall-ewwel darba, għamlet riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali Ċek li jirregolaw il-protezzjoni ġuridika ta’ sinjal mhux irreġistrat. |
45 |
Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell kienx intitolat li, fil-punt 70 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonkluda li, f’dan il-każ, huwa ma kellu ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-aċċettazzjoni tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu dwar il-protezzjoni mogħtija lit-trade mark preċedenti mid-dritt Ċek rilevanti, sa fejn ir-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet l-inqas prova f’dan ir-rigward quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. |
46 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, mill-kliem tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar l-eżami ex officio tal-fatti mill-EUIPO, jirriżulta li, bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja, il-produzzjoni ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom hija suġġetta tali produzzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 u l-UASI bl-ebda mod ma huwa pprojbit milli jqis fatti u provi invokati jew prodotti tardivament [ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, CEDC International vs UASI – Underberg (Forma ta’ werqa ħaxixa ġewwa flixkun), T‑235/12, EU:T:2014:1058, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Fi kliem ieħor, l-EUIPO jista’ jeħodhom inkunsiderazzjoni barra mit-terminu stabbilit mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u, jekk ikun il-każ, għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell, billi jagħmel użu mis-setgħa diskrezzjonali kkonferit fuqu mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Forma ta’ werqa ħaxixa ġewwa flixkun, T‑235/12, EU:T:2014:1058, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
Huwa wkoll deċiż b’mod konsistenti li, billi tippreċiża li l-EUIPO “jista’”, f’każ bħal dan, jiddeċiedi li ma jiħux inkunsiderazzjoni tali provi, din id-dispożizzjoni tagħti lill-EUIPO setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedi, filwaqt li jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu fuq dan il-punt, jekk hemmx lok li jeħodhom inkunsiderazzjoni jew le (ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Forma ta’ werqa ħaxixa ġewwa flixkun, T‑235/12, EU:T:2014:1058, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
Huwa mifhum li din is-setgħa diskrezzjonali tillimita ruħha għall-kwistjoni ta’ jekk hemmx lok li provi ppreżentati tardivament għandhomx jiġu aċċettati jew le. Din is-setgħa ma tirreferix għall-evalwazzjoni tan-natura ta’ dawn il-provi. |
49 |
Skont it-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, meta l-appell isir minn deċiżjoni ta’ Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell għandu jillimita l-eżami tal-appell għall-fatti u għall-provi prodotti fit-termini stipulati jew speċifikati mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, sakemm huwa ma jikkunsidrax li fatti u provi “addizzjonali” jew “komplementari” għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Rintisch vs UASI, C‑120/12 P, EU:C:2013:638, punt 31, u tal-21 ta’ Lulju 2016, EUIPO vs Grau Ferrer, C‑597/14 P, EU:C:2016:579, punt 23). |
50 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja inizjalment interpretat l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, fil-qasam tal-prova tal-użu, b’dan il-mod: meta ebda prova tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkonċernata ma tiġi prodotta fit-terminu stabbilit mill-EUIPO, iċ-ċaħda tal-oppożizzjoni għandha tiġi deċiża ex officio minn dan tal-aħħar; għall-kuntrarju, meta xi provi jkunu prodotti fit-terminu stabbilit mill-EUIPO, il-produzzjoni ta’ provi supplimentari tibqa’ possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, New Yorker SHK Jeans vs UASI, C‑621/11 P, EU:C:2013:484, punti 28 u 30). |
51 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement qieset li l-istess interpretazzjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 kellha tiġi adottata fir-rigward tal-prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark, peress li din id-dispożizzjoni fiha regola li għandha rwol orizzontali fis-sistema tal-imsemmi regolament, sa fejn din tapplika indipendentement min-natura tal-proċedura kkonċernata. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li r-Regola 50 tar-Regolament Nru 2868/95 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija testendi s-setgħat diskrezzjonali tal-bordijiet tal-appell għal provi ġodda (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, EUIPO vs Grau Ferrer, C‑597/14 P, EU:C:2016:579, punt 27, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża UASI vs Grau Ferrer, C‑597/14 P, EU:C:2016:2, punti 55 u 57). |
52 |
B’teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji li għadhom kif tfakkru, għaldaqstant hemm lok li jiġi evalwat jekk, fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ir-rikorrenti kinitx ipproduċiet tal-inqas ċerti provi li jikkonċernaw l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti mhux irreġistrata li hija tinvoka. |
53 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ġustament qies li r-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet l-inqas prova dwar il-kontenut tad-dritt nazzjonali inkwistjoni fit-terminu stabbilit u li hija lanqas ma kienet tat raġuni leġittima li tiġġustifika l-aġir tagħha. |
54 |
Fil-fatt, l-uniku element ippreżentat mir-rikorrenti sabiex turi l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti mhux irreġistrata kien, bħalma ssemma fil-punti 7 u 44 hawn fuq, dokument ta’ żewġ paġni intitolat “konferma tal-bejgħ”, datat it-8 ta’ Ottubru 2013 u li jikkonċerna l-kunsinna ta’ kalkulaturi li joriġinaw minn Hong-Kong. |
55 |
Hekk kif jenfasizza l-EUIPO fir-risposta tiegħu, dan id-dokument ma jipprovdi ebda informazzjoni dwar l-użu tat-trade mark preċedenti invokata, f’dak li jikkonċerna b’mod partikolari l-post u t-tul ta’ dan l-użu, jew anki dwar il-possibbiltà li jitqies li l-portata ta’ dik it-trade mark tmur lil hinn mill-kuntest lokali. L-imsemmi dokument lanqas ma fih informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tar-Repubblika Ċeka. |
56 |
Għandu wkoll jiġi kkonstatat li l-“konferma tal-bejgħ” tinkludi lista ta’ referenzi ta’ diversi prodotti, li fosthom ma tidhirx it-trade mark preċedenti mhux irreġistrata, u r-referenza l-iktar viċin tagħha hija “SDC-554+”. |
57 |
Barra minn hekk, hekk kif issostni l-intervenjenti, l-imsemmija “konferma tal-bejgħ” ma fihiex speċifikazzjonijiet li jikkonċernaw il-prodotti konkreti li hija telenka, u lanqas ma tagħti prova li l-ordni li hija tidher li qiegħda tirreferi għaliha wasslet għal kunsinna tal-prodotti inkwistjoni bit-trade mark mhux irreġistrata. |
58 |
Waqt is-seduta, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali li stednitha tispjega fiex eżattament l-imsemmija “konferma tal-bejgħ” kienet tinkludi informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet meħtieġa u dwar il-protezzjoni mogħtija mil-leġiżlazzjoni tar-Repubblika Ċeka fir-rigward tat-trade mark preċedenti mhux irreġistrata, ir-rikorrenti ma ressqet ebda spjegazzjoni. |
59 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti pproduċiet, quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, dokument li miegħu kienet annessa ittra mibgħuta mill-intervenjenti lil entità Ġermaniża, li madankollu ma fih ebda indikazzjoni dwar l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti mhux irreġistrata. |
60 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li r-rikorrenti kienet diġà pprovdiet, matul il-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, ċerti elementi intiżi li juru l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti. Għaldaqstant, ir-riferimenti għad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Ċeka pprovduti mir-rikorrenti għall-ewwel darba fl-espożizzjoni tal-motivi tal-appell tagħha qudiem il-Bord tal-Appell ma jikkostitwixxux elementi “addizzjonali” jew “komplementari” meta mqabbla ma’ dawk li kienu ġew ippreżentati quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. |
61 |
Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta qies li huwa ma kellux setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-aċċettazzjoni tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu, peress li dawn il-provi kienu tardivi. |
62 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi enfasizzat li, bid-differenza taċ-ċirkustanzi tal-kawża li wasslet għas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2016, Group vs EUIPO – Iliev (GROUP Company TOURISM & TRAVEL) (T‑567/14, taħt appell, EU:T:2016:371), il-provi ppreżentati mir-rikorrenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fil-kawża preżenti ma kinux jippermettu lill-Bord tal-Appell jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu. |
63 |
Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali xi mudelli ta’ kalkulaturi li hija ssostni li tikkummerċjalizza u li fuqhom kienet imniżżla t-trade mark preċedenti mhux irreġistrata. Madankollu, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar is-saħħa probatorja ta’ dawn il-provi f’dak li jikkonċerna l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti mhux irreġistrata, sabiex jiġu miċħuda huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn il-provi ġew ippreżentati tardivament. Minn naħa, kif huwa spjegat fil-punti 38 sa 51 ta’ din is-sentenza, dawn l-elementi messhom ġew ippreżentati matul il-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-EUIPO. Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-provi u l-provi proposti għandhom jiġu ppreżentati fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti. Skont l-Artikolu 85(3) tal-istess regoli, b’mod eċċezzjonali, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard. Issa, f’dan ir-rigward, il-produzzjoni tal-imsemmija provi waqt is-seduta seħħet tardivament fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Peress li r-rikorrenti naqset milli tressaq ġustifikazzjoni għall-preżentazzjoni tardiva ta’ dawn il-provi, dawn għandhom jitwarrbu bħala inammisssibbli, skont l-Artikolu 85(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura. |
64 |
Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell wettaq żball sa fejn huwa applika l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2015, Маска (T‑96/13, EU:T:2015:813), filwaqt li dik is-sentenza ngħatat wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjon mogħtija fit-tilwima preżenti, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, kulma l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tagħmel huwa li tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata tagħha, kif kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjoni hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata anki għal relazzjonijiet legali mnissla u stabbiliti qabel is-sentenza inkwistjoni u li huwa biss b’mod eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali li huwa inerenti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, titwassal sabiex tillimita l-possibbiltà għal kull parti interessata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex tikkontesta relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fide. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta dawn, min-naħa tagħhom, jissejħu sabiex jimplementaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma suġġetti għal interpretazzjoni sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑402/06, EU:T:2013:445, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
65 |
Għal finijiet ta’ kompletezza, fil-punt 71 tad-deċiżjoni kkontestata l-Bord tal-Appell ġustament qies li anki jekk il-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemu kellhom jitqiesu bħala “addizzjonali ” jew “komplementari”, u anki jekk kien neċessarju jitqies li l-Bord tal-Appell kellu setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-aċettazzjoni ta’ dawn il-provi, huwa ma kienx jeħodhom inkunsiderazzjoni. |
66 |
Fil-fatt, hekk kif enfasizza l-Bord tal-Appell, mill-kliem tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li invokazzjoni jew produzzjoni tardiva ta’ provi ma hijiex ta’ natura li tikkonferixxi, lill-parti li tagħmel dan, dritt inkundizzjonat sabiex provi bħal dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-EUIPO. |
67 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-teħid inkunsiderazzjoni mill-EUIPO ta’ provi prodotti tardivament, meta jkun mitlub jagħti deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jista’ partikolarment jiġi ġġustifikat meta dan jikkunsidra li, minn naħa, l-elementi prodotti tardivament jistgħu prima facie jkollhom rilevanza reali għal dak li jikkonċerna l-eżitu tal-oppożizzjoni mressqa quddiemu u li, min-naħa l-oħra, l-istadju tal-proċedimenti li fihom isseħħ din il-produzzjoni tardiva u ċ-ċirkustanzi relatati ma’ dan ma jipprekludux dan it-teħid inkunsiderazzjoni (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 44). |
68 |
Issa, minn naħa, għandu jiġi rrilevat, hekk kif sostna ġustament l-EUIPO, li f’dan il-każ ir-rikorrenti kellha tkun taf li hija kienet obbligata tipproduċi ċerti provi relatati mal-elementi li jistabbilixxu l-kontenut tal-leġiżlazzjoni Ċeka. |
69 |
Tali obbligu diġà jirriżulta mir-Regola 19(2)(d) tar-Regolament Nru 2868/95, imfakkra fil-punt 42 hawn fuq. Barra minn hekk, mill-kontenut tal-ittra tal-EUIPO tal-5 ta’ Awwissu 2014 jirriżulta b’mod ċar li dan tal-aħħar informa lir-rikorrenti bil-provi li kellhom jiġu ppreżentati insostenn ta’ oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, u dan bl-indikazzjoni b’mod partikolari tal-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni tad-dritt invokat u tal-portata tad-drittijiet irrikonoxxuti lill-proprjetarju u, fir-rigward ta’ trade mark mhux irreġistrata, billi tinġieb il-prova li din it-trade mark kienet tintuża fil-kummerċ. |
70 |
Issa, minkejja din it-talba espliċita għal informazzjoni, quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni r-rikorrenti ma pprovdiet ebda prova dwar il-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u lanqas ma ppreżentat l-inqas informazzjoni dwar dan il-kontenut. |
71 |
Min-naħa l-oħra, l-elementi mressqa mir-rikorrenti sabiex tiġġustifika dan id-dewmien ma jistgħux jintlaqgħu. |
72 |
Fil-fatt, fir-rigward qabelxejn tal-prinċipju ta’ iura novit curia invokat mir-rikorrenti, dan jikkonċerna biss l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita sew, id-determinazzjoni u l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali jaqgħu taħt l-istabbiliment tal-fatti u mhux taħt l-applikazzjoni tad-dritt. Għaldaqstant, huwa biss id-dritt tal-Unjoni li jaqa’ taħt il-kuntest ġuridiku, li fih il-prinċipju iura novit curia huwa applikabbli, filwaqt li d-dritt nazzjonali, li s-sustanza tiegħu għandha, jekk ikun il-każ, tintwera permezz tal-produzzjoni tal-provi, jinsab f’livell fejn għandhom jiġu ppreżentati fatti u fejn dawn tal-aħħar huma suġġetti għar-rekwiżiti tal-oneru tal-prova [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2013, El Corte Inglés vs UASI – Chez Gerard (CLUB GOURMET), T‑571/11, EU:T:2013:145, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 42 tas-sentenza preżenti, minn naħa huwa biss fl-ipoteżi fejn l-EUIPO diġà jkollu indikazzjonijiet dwar id-dritt nazzjonali li huwa għandu jinforma ruħu ex officio dwar dan tal-aħħar, jekk dan ikun neċessarju għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali għandha l-possibbiltà li, dwar dan is-suġġett, teżerċita stħarriġ effettiv u tivverifika, lil hinn mid-dokumenti prodotti, il-kontenut, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni u l-portata tar-regoli tad-dritt invokati mill-applikant biss fil-preżenza ta’ dokumenti prodotti bħala prova tad-dritt nazzjonali applikabbli u, jekk ikun il-każ, biss billi timla l-lakuni eventwali fl-imsemmija dokumenti. |
73 |
Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura wisq ġenerali tal-istedina tal-EUIPO sabiex tippreċiża l-oppożizzjoni tagħha għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 69 hawn fuq, l-ittra tal-5 ta’ Awwissu 2014 li tistieden lir-rikorrenti tikkompleta l-oppożizzjoni tagħha kien fiha elementi suffiċjenti li jindikawlha l-provi meħtieġa li għandhom jiġu prodotti insostenn tal-oppożizzjoni tagħha. Din l-ittra kienet tindika b’mod ċar il-mezzi ta’ prova aċċettati fil-kuntest ta’ oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u dwar dan is-suġġett kienet tagħti informazzjoni iktar preċiża u ddettaljata minn dik li tinsab fir-Regola 19(2)(d) tar-Regolament Nru 2868/95. Ir-rikorrenti wieġbet għal din l-ittra fl-10 ta’ Diċembru 2014 billi tat diversi preċiżazzjonijiet u informazzjoni dwar l-oppożizzjoni, mingħajr madankollu ma tat segwitu għat-talba tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-EUIPO dwar l-elementi dwar id-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, waqt is-seduta, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali li stednitha tippreċiża r-raġuni li għaliha hija ma kinitx tat segwitu għal din it-talba tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, kulma għamlet ir-rikorrenti kien li insistiet fuq in-natura wisq ġenerali tal-istedina tal-EUIPO, mingħajr ma ppreżentat ebda argument sabiex issostni din l-affermazzjoni. |
74 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, hemm lok li l-ewwel motiv invokat mir-rikorrenti jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
75 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
76 |
Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-EUIPO u tal-intervenjenti. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Gervasoni Madise da Silva Passos Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Ottubru 2017. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.