EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TJ0307

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-27 ta’ Frar 2018.
CEE Bankwatch Network vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti dwar deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward l-għoti ta’ self tal-Euratom għall-programm ta’ titjib tas-sigurtà tar-reatturi nukleari fl-Ukraina – Rifjut parzjali ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-relazzjonijiet internazzjonali – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali – Interess pubbliku superjuri – Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Applikazzjoni għad-dokumenti dwar id-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tat-Trattat KEEA.
Kawża T-307/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:97

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

27 ta’ Frar 2018 ( *1 )

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti dwar deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward l-għoti ta’ self tal-Euratom għall-programm ta’ titjib tas-sigurtà tar-reatturi nukleari fl-Ukraina – Rifjut parzjali ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-relazzjonijiet internazzjonali – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali – Interess pubbliku superjuri – Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Applikazzjoni għad-dokumenti dwar id-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tat-Trattat KEEA”

Fil-Kawża T-307/16,

CEE Bankwatch Network, stabbilita fi Praga (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn C. Kiss, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Zadra, F. Clotuche-Duvieusart u C. Cunniffe, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn M. Holt u D. Robertson, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 2319 final tal-15 ta’ April 2016, li tirrifjuta, fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), l-aċċess għal diversi dokumenti dwar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 3496 final tal-24 ta’ Ġunju 2013, dwar l-għoti ta’ self tal-Euratom għall-programm ta’ titjib tas-sigurtà tar-reatturi nukleari fl-Ukraina,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

komposta minn I. Pelikánová, President, P. Nihoul (Relatur) u J. Svenningsen, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-Deċiżjoni C(2013) 3496 final

1

Fl-24 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni C(2013) 3496 final (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-għoti”), tat self tal-Euratom lill-kumpannija nazzjonali tal-produzzjoni tal-enerġija Ukraina (Energoatom) għall-programm ta’ titjib tas-sigurtà tar-reatturi nukleari fl-Ukraina. Dan is-self kien iggarantit mill-Gvern Ukrain.

2

Id-deċiżjoni tal-għoti ġiet adottata b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni 77/270/Euratom tal-Kunsill tad-29 ta’ Marzu 1977 li tagħti l-jedd lill-Kummissjoni li toħroġ self ta’ l-Euratom sabiex tikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ power stations nuklejari (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 4), kif emendata bid-Deċiżjoni 94/179/Euratom tal-21 ta’ Marzu 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 36). Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tikkuntratta, f’isem il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, fil-limiti tal-ammonti stipulati mill-Kunsill, self, li d-dħul minnu għandu jiġi allokat f’forma ta’ self għall-finanzjament ta’ proġetti li jsaħħu s-sigurtà u l-effiċjenza tal-impjanti nukleari ta’ diversi pajjiżi terzi elenkati fl-Anness, fosthom l-Ukraina.

Applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti

3

Ir-rikorrenti, CEE Bankwatch Network, hija assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi, stabbilita skont id-dritt Ċek. Skont l-istatuti tagħha, din l-assoċjazzjoni għandha l-missjoni li tissorvelja l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali li joperaw f’dan ir-reġjun u li tippromwovi soluzzjonijiet alternattivi għall-politiki u għall-proġetti tagħhom, li jkunu sostenibbli mil-lat ambjentali, soċjali u ekonomiku, meta dan ikun possibbli. Il-kwartieri ġenerali tagħha huma stabbiliti fi Praga (ir-Repubblika Ċeka).

4

Fis-6 u s-7 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), aċċess għal diversi dokumenti relatati mad-deċiżjoni tal-għoti.

5

L-applikazzjoni għal aċċess kienet tirrigwarda ħames dokumenti jew kategoriji ta’ dokumenti:

il-ftehim ta’ self tas-7 ta’ Awwissu 2013 konkluż bejn l-Ukraina u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, b’mod partikolari l-klawżoli dwar ir-rekwiżiti ambjentali u soċjali (punt 1 tal-applikazzjoni għal aċċess);

il-provi u l-opinjonijiet speċifiċi li rriżultaw mill-konsultazzjonijiet bejn id-dipartimenti msemmija fil-premessa 12 tad-deċiżjoni tal-għoti, li l-Kummissjoni kkunsidrat matul l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet qabel ir-rilaxx tal-ewwel parti tas-self, dwar l-azzjonijiet ewlenin tal-Ukraina fil-qasam nukleari u ambjentali (punt 2 tal-applikazzjoni għal aċċess);

il-komunikazzjonijiet uffiċjali bejn il-Kummissjoni u l-Ukraina dwar l-impenji mogħtija minn din tal-aħħar li tirrispetta l-ftehimiet internazzjonali dwar l-ambjent, inklużi l-Konvenzjoni dwar l-Evalwazzjoni tal-Impatt fuq l-Ambjent f’Kuntest Transkonfinali, iffirmata f’Espoo (il-Finlandja) fil-25 ta’ Frar 1991, li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea fl-24 ta’ Ġunju 1997 u li daħlet fis-seħħ fl-10 ta’ Settembru tal-istess sena, kif ukoll il-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 (iktar ‘il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”) u approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17), bid-dawl b’mod partikolari tad-deċiżjoni adottata mil-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Espoo ta’ Ġunju 2014, li sabet li l-Ukraina kienet naqset milli twettaq l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 2(2) ta’ din il-konvenzjoni fir-rigward tal-qafas amministrattiv u legali ġenerali applikabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-estensjoni tat-tul tal-ħajja tar-reatturi nukleari (paragrafu 69 tad-Deċiżjoni VI/2) (punt 3 tal-applikazzjoni għal aċċess);

ir-rakkomandazzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) dwar l-aspetti ekonomiċi u finanzjarji tal-proġett ta’ self, magħmula fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami tas-self (punt 4 tal-applikazzjoni għal aċċess);

kwalunkwe komunikazzjoni rċevuta mill-Gvern tal-Ukraina jew minn partijiet oħrajn dwar l-estensjoni ppjanata tat-tul tal-ħajja tal-unità 2 tal-impjant nukleari tan-Nofsinhar tal-Ukraina u tal-unità 1 tal-impjant nukleari ta’ Zaporijia (l-Ukraina) (punt 5 tal-applikazzjoni għal aċċess).

6

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni wieġbet kif ġej għall-applikazzjoni li kienet saritilha:

fir-rigward tal-punt 1 tal-applikazzjoni għal aċċess, hija bagħtet żewġ siltiet mill-ftehim tas-self, dwar ir-rekwiżiti ambjentali u soċjali;

fir-rigward tal-punt 2 tal-applikazzjoni għal aċċess, hija rrifjutat l-aċċess għar-raġuni li d-dokumenti kkonċernati kienu koperti mill-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-każijiet fejn l-iżvelar ikun ser jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni;

fir-rigward tal-punt 3 tal-applikazzjoni għal aċċess, hija bagħtet lir-rikorrenti żewġ ittri mibgħuta mid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Ambjent” tal-Kummissjoni lil diversi awtoritajiet Ukraini;

fir-rigward tal-punt 4 tal-applikazzjoni għal aċċess, hija rrifjutat aċċess għar-raġuni li d-dokument kien kopert mill-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar is-sitwazzjonijiet fejn l-iżvelar ikun ser jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika;

fir-rigward tal-punt 5 tal-applikazzjoni għal aċċess, hija indikat li ma kellha l-ebda dokument u rreferiet lir-rikorrenti għal konnessjoni diġitali (hyperlink).

7

Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti ppreżentat, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, applikazzjoni konfermatorja lill-Kummissjoni, sabiex din tirrevedi l-pożizzjoni tagħha dwar id-dokumenti msemmija fil-punti 1, 2, 3 u 4 tal-applikazzjoni tagħha għal aċċess. Għall-kuntrarju, hija ma fformulatx applikazzjoni rigward il-punt 5. Fl-applikazzjoni konfermatorja tagħha, ir-rikorrenti invokat ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (ĠU 2006, L 264, p. 13).

8

Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni estendiet it-terminu għal tweġiba bi ħmistax-il jum ta’ xogħol, b’mod konformi mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Marzu 2016, hija estendiet mill-ġdid it-terminu previst sabiex twieġeb għall-applikazzjoni konfermatorja.

L-att ikkontestat

9

Bid-Deċiżjoni C(2016) 2319 final tagħha, tal-15 ta’ April 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni wieġbet għall-applikazzjoni konfermatorja. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, b’mod preliminari, li r-Regolament Nru 1367/2006 ma kienx applikabbli f’dan il-każ.

10

Fir-rigward tal-punt 1 tal-applikazzjoni għal aċċess (il-ftehim ta’ self), il-Kummissjoni kkonfermat id-deċiżjoni tagħha li tagħti aċċess parzjali biss għall-ftehim ta’ self, limitat għall-klawżoli ambjentali u soċjali li jinsabu f’dan id-dokument. Hija qieset li l-kumplament tal-ftehim ma kellux jiġi żvelat fuq il-bażi, minn naħa, tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali.

11

Fir-rigward tal-punt 2 tal-applikazzjoni għal aċċess (il-konsultazzjonijiet bejn id-dipartimenti u l-provi rigward l-evalwazzjoni ta’ qabel ir-rilaxx tal-ewwel parti tas-self), il-Kummissjoni tat aċċess għal tliet dokumenti: in-nota tad-DĠ “Ambjent” lid-DĠ “Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji” tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Ottubru 2014 u żewġ ittri ta’ Energoatom lid-DĠ “Ambjent” tal-31 ta’ Lulju 2014. Madankollu, hija rrifjutat li tgħaddi l-ismijiet, it-titoli u l-firem tal-persuni msemmija f’kull wieħed minn dawn id-dokumenti, abbażi tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu.

12

Fir-rigward tal-punt 3 tal-applikazzjoni għal aċċess (il-komunikazzjonijiet uffiċjali bejn il-Kummissjoni u l-Ukraina), il-Kummissjoni qalet li ma kien hemm ebda komunikazzjoni oħra li taqa’ taħt din il-kategorija barra ż-żewġ ittri tad-DĠ “Ambjent” li kienet diġà bagħtet permezz tal-ittra tal-21 ta’ Diċembru 2015.

13

Fir-rigward tal-punt 4 tal-applikazzjoni għal aċċess (ir-rakkomandazzjoni tal-BEI), il-Kummissjoni tat aċċess għar-rakkomandazzjoni tal-BEI, iżda qieset li dan l-aċċess kellu jkun limitat. F’dan ir-rigward hija reġgħet ibbażat ruħha fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija sostniet ukoll fid-deċiżjoni kkontestata li ċerti partijiet tad-dokument li għalihom hija rrifjutat l-aċċess jinkludu klawżoli tal-kuntratt ta’ self li fir-rigward tagħhom hija qieset li kienet diġà wriet li l-iżvelar tagħhom jippreġudika l-interessi kummerċjali tagħha u dawk ta’ Energoatom.

14

Fir-rigward tal-punt 5 tal-applikazzjoni għal aċċess (il-komunikazzjonijiet dwar l-estensjoni tat-tul tal-ħajja ta’ żewġ reatturi), il-Kummissjoni kkonfermat li hija ma kellha l-ebda dokument li, fil-fehma tagħha, seta’ jkun rilevanti sabiex twieġeb għall-applikazzjoni.

15

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li f’dan il-każ ma kien hemm ebda interess pubbliku superjuri fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jiġġustifika l-iżvelar sħiħ tal-ftehim ta’ self u tar-rakkomandazzjoni tal-BEI.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

17

Fis-16 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha.

18

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Ottubru 2016, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq talab sabiex jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Dan l-intervent intlaqa’ permezz ta’ digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Novembru 2016.

19

Fit-22 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika tagħha.

20

Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2016, ir-Renju Unit informa lill-Qorti Ġenerali li huwa kien qiegħed jirrinunzja milli jippreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu.

21

Fid-9 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika tagħha.

22

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) ikkonstatat li l-partijiet ma ppreżentaw ebda talba għall-iffissar ta’ seduta fit-terminu previst fl-Artikolu 207(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha u ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 207(2) tal-istess Regoli, li taqta’ l-kawża mingħajr fażi orali tal-proċedura.

23

Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24

Fir-risposta, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

25

Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ April 2017, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi l-kuntratt ta’ self u r-rakkomandazzjoni tal-BEI fl-intier tagħhom, skont l-Artikolu 91(c) u l-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Dawn id-dokumenti ntbagħtu lill-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Mejju 2017 u ma ġewx innotifikati la lir-rikorrenti u lanqas lir-Renju Unit, skont l-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura.

Id-dritt

26

Fir-rikors, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati, rispettivament:

fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni fl-identifikazzjoni tar-regoli applikabbli, inkwantu hija ma applikatx ir-Regolament Nru 1367/2006 għall-applikazzjoni għal aċċess li kienet saritilha;

fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali;

fuq ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali;

fuq ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn il-Kummissjoni ma eżaminatx jekk l-iżvelar ikunx iġġustifikat minħabba interess pubbliku superjuri.

27

Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, minħabba li, fit-tweġiba tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2015, id-deċiżjoni kkontestata u fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ma kkunsidratx biżżejjed l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva u kontenzjuża.

Ir-Regolament Nru 1049/2001

28

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li s-sistema ġenerali dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma minn istituzzjoni, jiġifieri stabbiliti jew irċevuti minnha u fil-pussess tagħha, ġiet stabbilita bir-Regolament Nru 1049/2001.

29

Skont il-premessa 1 tiegħu, dan ir-regolament huwa espressjoni tar-rieda, espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE, introdott bit-Trattat ta’ Amsterdam, li jsir pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod li jiġi osservat kemm jista’ jkun il-prinċipju ta’ trasparenza u b’mod li jkun kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin. Kif tfakkar il-premessa 2 tal-imsemmi regolament, id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 34, u tal-21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 72).

30

Għal dan il-għan, l-imsemmi regolament huwa intiż, kif juru l-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet kemm jista’ jkun wiesa’ (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 33, u tal-21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 73).

31

Madankollu, dan id-dritt huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod iktar speċifiku, u b’mod konformi mal-premessa 11 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi, fl-Artikolu 4 tiegħu, sistema ta’ eċċezzjonijiet li tawtorizza lill-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ li l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar jippreġudika wieħed mill-interessi protetti minn din id-dispożizzjoni (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 74).

32

B’hekk, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a), tar-Regolament Nru 1049/2001 jippermetti lil dawn l-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali.

33

Barra minn hekk, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament jippermetti lill-istituzzjonijiet jirrrifjutaw l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-“interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali”. Għal dan il-każ speċifiku, id-dispożizzjoni tipprovdi li l-eċċezzjoni għandha titneħħa jekk interess pubbliku superjuri jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument imsemmi.

34

Peress li tali eċċezzjonijiet jidderogaw mill-prinċipju tal-iktar aċċess wiesa’ possibbli tal-pubbliku għal dokumenti, dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 75; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 36).

35

Għalhekk, meta l-istituzzjoni kkonċernata tirrifjuta l-aċċess għal dokument li tkun intalbet il-komunikazzjoni tiegħu, din għandha, bħala prinċipju, tipprovdi spjegazzjonijiet dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u invokata minn din l-istituzzjoni (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑206/08 P, EU:C:2011:496, punt 76). Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux biss ipotetiku (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 43, u tal-21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 76).

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni fl-identifikazzjoni tar-regoli applikabbli, inkwantu hija ma applikatx ir-Regolament Nru 1367/2006 għall-applikazzjoni għal aċċess li kienet saritilha

36

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-regoli kollha applikabbli għal dan il-każ. F’dan il-każ, id-deċiżjoni ġiet adottata abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 mingħajr ma l-Kummissjoni qieset ir-Regolament Nru 1367/2006 li, madankollu, huwa essenzjali għaliex jillimita l-possibbiltà, għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, li jirrifjutaw l-aċċess għal dokumenti meta l-informazzjoni mitluba tkun marbuta ma’ emissjonijiet fl-ambjent.

37

Il-Kummissjoni tikkontesta dan il-motiv.

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1367/2006, li l-applikazzjoni tiegħu qiegħda tintalab mir-rikorrenti, idaħħal, fis-sistema ġenerali tal-aċċess għal dokumenti, arranġamenti speċifiċi fil-każ li jkunu kkonċernati l-aċċess għal informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali.

39

B’hekk, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u msemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq, ibbażata fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, li hija invokata mill-Kummissjoni sabiex tiċħad l-aċċess għal ċerti dokumenti mitluba mir-rikorrenti, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tipprovdi li l-iżvelar għandu jitqies li jippreżenta interess pubbliku superjuri u li, konsegwentement, id-dokumenti għandhom jiġu kkomunikati meta l-informazzjoni mitluba tkun marbuta ma’ emissjonijiet fl-ambjent.

40

Barra minn hekk, fir-rigward tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, imsemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq, it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tipprovdi li l-imsemmija eċċezzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett, fid-dawl tal-interess pubbliku li jirrappreżenta l-iżvelar u tal-kwistjoni jekk l-informazzjoni mitluba tkunx konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent.

41

Preliminarjament, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn ir-regoli speċifiċi li jinsabu fir-Regolament Nru 1367/2006 għandhomx japplikaw f’din il-kawża sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li fihom l-aċċess għad-dokumenti mitluba seta’ jiġi rrifjutat, skont il-każ, mill-Kummissjoni.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata wara l-għoti ta’ self mill-Kummissjoni lill-impriża Ukraina Energoatom, self dan li kien is-suġġett tad-deċiżjoni tal-għoti.

43

Kif ġie indikat fil-punt 2 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni ta’ għoti ttieħdet b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni 77/270, li ġiet emendata bid-Deċiżjoni 94/179, b’dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq l-Artikoli 1, 2, 172 u 203 EA.

44

B’hekk, id-dokumenti rrifjutati jikkonċernaw att adottat fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat KEEA.

45

Għar-rikorrenti, din iċ-ċirkustanza hija irrilevanti għall-applikazzjoni tar-regolamenti msemmija hawn fuq. Insostenn tal-pożizzjoni tagħha, hija ssostni li l-Euratom hija parti mill-Unjoni. Fir-replika, hija tallega li l-Kummissjoni hija “istituzzjoni Komunitarja” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1367/2006. Minn din l-affermazzjoni hija tiddeduċi li kull dokument fil-pussess ta’ din l-istituzzjoni huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, kemm jekk dan id-dokument ġie stabbilit jew akkwistat fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati UE u FUE, u kemm jekk fil-qafas ta’ dawk li jirriżultaw mit-Trattat KEEA.

46

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, skont it-titolu tiegħu, il-premessi tiegħu u d-dispożizzjonijiet tiegħu, ir-Regolament Nru 1367/2006 jimplimenta, fil-qasam ta’ informazzjoni, obbligi assunti fil-kuntest ta’ konvenzjoni internazzjonali li għaliha l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ma hijiex parti, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2005/370/KE tal-Kunsill tas-17 ta’ Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (ĠU 2006, L164M, p. 17), din il-konvenzjoni ġiet approvata biss f’isem il-Komunità Ewropea, illum l-Unjoni. Peress li ma hijiex parti għal din il-konvenzjoni, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ma tistax tkun suġġetta, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni f’sens kuntrarju, għall-obbligi li jinsabu fir-Regolament li jimplimentaha.

47

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-atti adottati b’applikazzjoni tat-Trattat KEEA ma humiex neċessarjament suġġetti, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, għall-obbligi li huma applikabbli fil-kuntest tal-Unjoni. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Komunità Ewropea, li saret l-Unjoni, huma fil-fatt organizzazzjonijiet differenti stabbiliti minn Trattati separati, b’personalitajiet ġuridiċi differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 1965, Müller vs Il-Kunsilli, 28/64, EU:C:1965:39, p. 321) u kull waħda hija suġġetta, f’dak li jirrigwardaha, għal regoli speċifiċi.

48

Għalhekk, ir-regoli applikabbli fi ħdan il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika huma previsti mit-Trattat KEEA. Fost dawn ir-regoli hemm l-Artikolu 106a(1) EA li, għall-funzjonament tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, jagħmel applikabbli xi dispożizzjonijiet tat-Trattati UE u FUE, b’mod partikolari l-Artikolu 15 TFUE, li qabel kien l-Artikolu 255 KE, li jikkostitwixxi l-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001. Ibbażat fuq dispożizzjoni applikabbli fil-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, dan ir-regolament, li jistabbilixxi s-sistema ġenerali għall-aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, huwa intiż li japplika, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet u l-korpi li jaġixxu f’dan il-kuntest.

49

Kif indikat il-Kummissjoni, is-sitwazzjoni hija differenti għar-Regolament Nru 1367/2006 li, kif jindika l-preambolu tiegħu, ġie adottat abbażi tal-Artikolu 175 KE, li sar l-Artikolu 192 TFUE. Peress li dan tal-aħħar ma huwiex imsemmi fl-Artikolu 106a(1) EA, l-atti adottati abbażi tiegħu, inkluż l-imsemmi regolament, ma jistgħux jiġu applikati fil-kuntest tal-Euratom.

50

Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, fit-test tiegħu, ir-Regolament Nru 1367/2006 jindirizza, b’mod partikolari, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità Ewropea, mingħajr ma jikkunsidra l-applikazzjoni tiegħu għal entitajiet oħra, pereżempju għall-istituzzjonijiet jew għall-korpi li jaqgħu taħt il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. Għalhekk, it-titolu tiegħu jippreċiża li r-Regolament japplika d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus “għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità Ewropea”. Barra minn hekk, il-bażi tar-Regolament indikata fil-bidu tal-preambolu tirreferi biss għat-Trattat KE. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 2(1)(ċ) jipprovdi li l-espressjoni “l-istituzzjonijiet jew korp tal-Komunità” tfisser “kwalunkwe istituzzjoni pubblika, korp, uffiċċju jew aġenzija stabbiliti mit-Trattat jew abbażi ta’ l-istess Trattat”, li, fid-dawl tal-bażi tar-Regolament Nru 1367/2006, jista’ jkun biss it-Trattat KE, li ppreċeda t-Trattat FUE.

51

Din l-analiżi ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti invokati mir-rikorrenti.

52

L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li r-Regolament Nru 1367/2006 jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

53

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif ġie indikat fil-punt 46 iktar ’il fuq, dan l-argument huwa kontradett mill-kliem stess tar-regolament invokat, li jagħmel referenza, fit-titolu, fil-premessi u fid-dispożizzjonijiet tiegħu, għall-imsemmija konvenzjoni, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti.

54

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 2(1)(d) tar-Regolament Nru 1367/2006 jinkludi fid-definizzjoni ta’ informazzjoni dwar l-ambjent “ir-radjazzjoni jew l-iskart, inklużi l-iskart radjuattiv”. Minn din ir-referenza għal realtajiet radjoattivi f’dan ir-regolament, hija tiddeduċi li dan japplika għall-aċċess għal informazzjoni dwar is-sigurtà nukleari, inklużi dokumenti miżmuma fil-kuntest tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

55

F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li ma hemm l-ebda bażi legali għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 għal dokumenti miżmuma fil-kuntest tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika peress li d-dispożizzjoni li fuqha huwa bbażat dan ir-regolament ma hijiex applikabbli għat-Trattat KEEA. Din l-assenza ta’ bażi legali ma tistax tiġi kkumpensata bil-preżenza fl-imsemmi regolament ta’ termini li fihom referenzi għall-enerġija nukleari, speċjalment meta tali referenzi jistgħu jinstabu f’kuntesti oħra għajr dak tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

56

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li r-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni ġew emendati sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1367/2006, b’mod partikolari meta din l-istituzzjoni taġixxi fil-kuntest tat-Trattat KEEA. Dwar dan il-punt, hija tirreferi għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/401/KE, Euratom tat-30 ta’ April 2008 li temenda r-regoli ta’ Proċedura tagħha fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 (ĠU 2008, L 140, p. 22).

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif tenfasizza r-rikorrenti, li l-Kummissjoni ħadet deċiżjoni sabiex tiżgura l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 għall-atti adottati minnha, li l-kelma “Euratom” tidher fin-numru ta’ din id-deċiżjoni u li l-preambolu ta’ din tal-aħħar jindika li hija ġiet adottata “wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika”.

58

Il-preżenza ta’ dawn it-termini tirriżulta mill-fatt li l-att innifsu li d-Deċiżjoni 2008/401 temenda huwa bbażat fuq it-Trattat KEEA, kif ukoll fuq it-Trattat KE, it-Trattat KEFA u t-Trattat UE. Peress li r-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni kienu bbażati b’mod partikolari fuq it-Trattat KEEA, id-deċiżjoni li temendahom kellha wkoll tkun ibbażata fuq dan it-Trattat kif ukoll fuq it-Trattati UE u KE. Min-naħa l-oħra, minħabba li kien skada fit-23 ta’ Lulju 2002, jiġifieri qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2008/401, it-Trattat KEFA ma ssemmiex iktar, bħala bażi, f’din id-deċiżjoni.

59

Madankollu, dawn it-termini ma jistgħux ikollhom l-effett li jestendu l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 għal dokumenti miżmuma fil-kuntest tat-Trattat KEEA. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti u kif jirriżulta mill-punt 47 iktar ’il fuq, l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għandhom, it-tnejn li huma, personalità ġuridika separata, u l-kelma “Euratom” fid-Deċiżjoni 2008/401 ma jistax ikollha l-konsegwenza li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1367/2006, applikabbli għall-Kummissjoni biss meta taġixxi fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE, japplikaw ukoll għal din l-istituzzjoni meta taġixxi fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEEA.

60

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li r-Regolament Nru 1367/2006 għandu jiġi applikat fil-kuntest tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika b’konsegwenza tad-Deċiżjoni Nru 2335/2008/(VIK)CK tal-Ombudsman Ewropew, li allegatament iddeċieda f’dan is-sens.

61

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni msemmija hawn fuq, l-Ombudsman jikkonstata li l-Istati Membri u l-Komunità Ewropea, issostitwita mill-Unjoni, huma partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus bil-konsegwenza li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom japplikaw ir-regoli li hija tistabbilixxi meta jirċievu talba għall-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-ambjent (punt 61 tad-deċiżjoni msemmija hawn fuq). Skont l-Ombudsman, l-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni dwar l-aċċess għad-dokumenti (punt 62 ta’ din id-deċiżjoni).

62

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, dawn l-osservazzjonijiet ma jindikawx li, skont l-Ombudsman, ir-Regolament Nru 1367/2006 għandu japplika għad-dokumenti miżmuma fil-kuntest tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. Huma jikkonfermaw biss li, f’dak li jikkonċerna l-aċċess għall-informazzjoni, il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, inkwantu din ġiet implimentata bir-Regolament Nru 1367/2006, għandha tapplika għall-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta dawn jaġixxu fil-kuntest ta’ din tal-aħħar.

63

Skont ir-rikorrenti, l-Ombudsman isostni madankollu, fid-deċiżjoni msemmija fil-punt 60 iktar ’il fuq, li, bis-saħħa tal-Artikoli 15 TFUE u 106(a)(1) EA, dawn l-obbligi huma applikabbli għad-dokumenti miżmuma fil-kuntest tat-Trattat KEEA.

64

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kuntrarjament għal dak li tgħid ir-rikorrenti, ir-Regolament Nru 1367/2006 ma ġiex adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 255 KE, li sar l-Artikolu 15 TFUE, iżda kien ibbażat fuq l-Artikolu 175 KE, li sar l-Artikolu 192 TFUE, li ma japplikax fil-kuntest tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. La ma hijiex applikabbli fil-kuntest tal-imsemmija Komunità, din l-aħħar dispożizzjoni ma tistax tipprovdi bażi għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għad-dokumenti miżmuma fil-kuntest ta’ din il-Komunità (ara l-punti 48 u 49 iktar ’il fuq).

65

Skont ir-rikorrenti, l-Ombudsman jindika wkoll fid-deċiżjoni tiegħu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jinterpretaw id-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-prinċipji ġenerali u tad-drittijiet fundamentali, fosthom l-aċċess għal dokumenti.

66

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif tindika r-rikorrenti, id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti ġie stabbilit bħala dritt fundamentali fl-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u li, skont l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali, kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom il-valur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

67

F’dak li jirrigwarda l-Unjoni, l-Artikolu 52(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi li d-drittijiet irrikonoxxuti minn din tal-aħħar li huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet fit-Trattati għandhom jiġu eżerċitati skont il-kundizzjonijiet u l-limiti ddefiniti minnhom.

68

F’dan il-każ, l-Artikolu 15 TFUE, li ssostitwixxa l-Artikolu 255 KE, jipprovdi li l-limiti għad-dritt ta’ aċċess huma stabbiliti b’regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

69

Bl-istess mod, mill-Artikoli 191 u 192 TFUE, fejn dan l-artikolu tal-aħħar issostitwixxa l-Artikolu 175 KE, jirriżulta li l-azzjonijiet li jimplimentaw il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent huma deċiżi, bħala prinċipju, mill-Parlament u mill-Kunsill.

70

Sabiex wieħed jifhem il-limiti tad-dritt ta’ aċċess, jeħtieġ li wieħed jirreferi għall-atti adottati skont dawn id-dispożizzjonijiet, jiġifieri r-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 1367/2006.

71

Madankollu, filwaqt li r-Regolament Nru 1049/2001 japplika għad-dokumenti miżmuma fil-kuntest tal-Komunità Ewropea, li saret l-Unjoni, u fil-kuntest tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika minħabba l-Artikolu 106a(1) EA, is-sitwazzjoni hija differenti, għar-raġunijiet indikati iktar ’il fuq, fir-rigward tar-Regolament Nru 1367/2006, li japplika biss fil-kuntest tal-Komunità Ewropea, li saret l-Unjoni, f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni dwar l-ambjent.

72

Barra minn hekk, skont dawn l-atti, għandu jingħata aċċess wiesa’ għall-informazzjoni fil-pussess tal-istituzzjonijiet filwaqt li jiġi żgurat li dan l-aċċess jiġi rrikonċiljat ma’ interessi oħra mħarsa minnhom, sa fejn u bil-mod deskritti fihom u mingħajr ma jinbidel il-kamp ta’ applikazzjoni mogħti lil kull wieħed minn dawn l-atti. Dan ikun il-każ jekk l-obbligi stabbiliti mir-Regolament Nru 1367/2006 jiġu applikati lil hinn mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni.

73

Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali

74

Ir-rikorrenti tqis li, kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali ma tistax tiġġustifika r-rifjut li jiġi kkomunikat il-kuntratt sħiħ ta’ self (il-punt 1 tal-applikazzjoni għal aċċess), peress li l-aċċess għal dan id-dokument mhux se jkun ta’ ħsara għas-sigurtà nukleari u peress li l-Kummissjoni ma spjegatx kif dan l-aċċess jista’ b’mod konkret u effettiv jippreġudika l-protezzjoni ta’ dan l-interess.

75

Il-Kummissjoni tikkontesta dan il-motiv.

76

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali.

77

Skont il-ġurisprudenza, in-natura partikolarment sensittiva u essenzjali tal-interessi protetti minn din id-dispożizzjoni, flimkien man-natura obbligatorja tar-rifjut ta’ aċċess li, skont l-imsemmija dispożizzjoni, għandha tagħti l-istituzzjoni meta l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dokument ikun ser jippreġudika dawn l-interessi, jagħtu lid-deċiżjoni li għandha hekk tittieħed mill-istituzzjoni natura kumplessa u delikata li teħtieġ grad ta’ prudenza partikolari ħafna. Għalhekk, din id-deċiżjoni tirrikjedi marġni ta’ diskrezzjoni (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 35, u tas-7 ta’ Ottubru 2015, Jurašinović vs Il-Kunsill, T-658/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:766, punt 26).

78

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali qiesu li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 huma ġenerali ħafna, u li rifjut ta’ aċċess għandu fil-fatt jiġi oppost, kif jirriżulta mit-termini ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat “idgħajjef” il-protezzjoni tal-“interess pubbliku” f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-“relazzjonijiet internazzjonali” (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 36, u tas-7 ta’ Ottubru 2015, Jurašinović vs Il-Kunsill, T-658/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:766, punt 27).

79

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fuq il-legalità ta’ deċiżjonijiet ibbażati fuq din id-dispożizzjoni għandu jkun limitat, skont l-imsemmija ġurisprudenza, għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u dwar il-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 34, u tas-7 ta’ Ottubru 2015, Jurašinović vs Il-Kunsill, T-658/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:766, punt 28).

80

Rigward, b’mod partikolari, il-motivazzjoni, din għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’tali mod li l-persuni interessati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’tali mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tar-raġunijiet mogħtija u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħrajn ikkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jiksbu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE, li sar l-Artikolu 296 TFUE, għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-materja kkonċernata (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 80, u tal-10 ta’ Settembru 2008, Williams vs Il-Kummissjoni, T-42/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:325, punt 94).

81

Fl-aħħar nett, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess imsemmija f’din id-dispożizzjoni, ir-rifjut tal-istituzzjoni huwa obbligatorju meta l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dokument ikun ta’ natura li tista’ tippreġudika l-interessi mħarsa bl-imsemmija dispożizzjoni, mingħajr ma hemm lok, f’każ bħal dan u b’differenza minn dak li jipprovdi b’mod partikolari l-paragrafu 2 tal-istess Artikolu, li jiġu bbilanċjati l-eżiġenzi marbuta mal-ħarsien ta’ dawn l-interessi ma’ dawk li jirriżultaw minn interessi oħra (sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 46).

82

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi evalwat jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni kisritx it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

83

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment ifformulat tliet kunsiderazzjonijiet sabiex tiġġustifika r-rifjut tagħha li tagħti aċċess għal ċerti dokumenti jew għal partijiet ta’ dokumenti fuq il-bażi tal-eċċezzjoni dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali:

l-ewwel nett, l-iżvelar sħiħ tal-kuntratt ta’ self jirriskja li jkisser l-isforzi sabiex tinbena relazzjoni ta’ kwalità mal-Ukraina bil-ħsieb li tittejjeb is-sigurtà tal-impjanti nukleari tagħha u huwa fl-interess tal-Unjoni li żżomm din il-kwalità ta’ relazzjonijiet internazzjonali mhux biss ma’ dan l-Istat, iżda wkoll ma’ pajjiżi oħra ġirien;

it-tieni nett, l-Ukraina hija sieħeb strateġiku tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku;

l-aħħar nett, l-iżvelar ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva relatata ma’ Energoatom ikollu impatt diplomatiku negattiv.

84

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-ewwel u t-tielet waħda huma kkritikati mir-rikorrenti filwaqt li t-tieni waħda ma tqajjem l-ebda osservazzjoni min-naħa ta’ din tal-aħħar.

85

Fir-rigward tal-ewwel u tat-tielet kunsiderazzjonijiet, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni ma ppreċiżatx jekk l-għan tas-sigurtà nukleari kienx marbut mas-sigurtà pubblika, mad-difiża jew mar-relazzjonijiet internazzjonali, li lkoll kemm huma huma koperti mill-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

86

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi, fil-punt 2.2 tagħha, b’mod ċar u espliċitu, għall-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali, previst fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, mill-ispjegazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għall-Kummissjoni, jekk ir-relazzjoni ta’ kwalità stabbilita mal-Ukraina tmur għall-agħar, l-isforzi mwettqa sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-impjanti madwar l-Unjoni jistgħu jisfaw fix-xejn. Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-eċċezzjoni applikata ġiet identifikata mill-Kummissjoni bħala dik li tinsab fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-regolament imsemmi hawn fuq.

87

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li, kuntrarjament għal dak li tindika l-Kummissjoni, l-aċċess għad-dokumenti mitluba ma jippreġudikax is-sigurtà nukleari nnifisha, peress li dawn id-dokumenti jinkludu biss data ta’ natura finanzjarja u ekonomika, u peress li tali data ma għandha ebda impatt fuq din il-kwistjoni ta’ sigurtà.

88

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa ineffettiv peress li l-Kummissjoni ma ġġustifikatx id-deċiżjoni tagħha billi indikat li l-applikazzjoni kienet tirrigwarda informazzjoni dwar is-sigurtà nukleari, iżda billi nnotat, kif jirriżulta mill-punt 83 iktar ’il fuq, li l-iżvelar tal-kuntratt seta’ jaffettwa r-relazzjoni ta’ kwalità li hija kienet stabbilixxiet mal-Ukraina u li kien importanti li tinżamm.

89

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-mod kif l-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jipperċepixxu d-deċiżjonijiet ta’ istituzzjoni ma jifformax parti mill-eċċezzjonijiet għall-obbligu li jingħata aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet.

90

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-mod kif l-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jipperċepixxu d-deċiżjonijiet tal-Unjoni huwa komponent tar-relazzjonijiet stabbiliti ma’ dak il-pajjiż terz. Fil-fatt, il-kontinwazzjoni u l-kwalità ta’ dawn ir-relazzjonijiet jiddependu minn din il-perċezzjoni. Għalhekk din il-perċezzjoni tista’ tiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista.

91

Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma spjegatx kif l-iżvelar tad-dokumenti mitluba seta’ jagħmel ħsara lir-relazzjonijiet stabbiliti mal-Ukraina fil-qasam tas-sigurtà nukleari. Barra minn hekk, il-Kummissjoni allegatament ma spjegatx kif l-iżvelar ta’ data kummerċjali sensittiva dwar Energoatom kien ser ikollu impatt diplomatiku.

92

Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 77 sa 79 iktar ‘il fuq, dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fil-fatt indikat, b’mod espliċitu, li l-Ukraina kienet aċċettat b’mod volontarju li toqgħod għall- “istress tests”, li dawn kienu ppermettew lill-Kummissjoni u lill-Ukraina jifhmu aħjar ir-riskji eżistenti u li kien b’mod ċar fl-interess tal-Unjoni li żżomm din ir-relazzjoni ta’ kwalità u li tippromwovi l-iktar regoli Ewropej stretti dwar is-sikurezza nukleari fil-pajjiżi ġirien. Il-Kummissjoni spjegat ukoll li l-iżvelar sussegwenti tal-kuntratt sħiħ lil partijiet terzi aktarx kien jiddeterjora r-relazzjoni ta’ kwalità li kienet ġiet stabbilita bil-konsegwenzi kollha li jirriżultaw għas-sigurtà nukleari.

93

Bl-istess mod, fil-kuntest tal-eċċezzjoni prevista, il-Kummissjoni indikat li l-iżvelar ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva relatata ma’ Energoatom kien ser ikollu impatt diplomatiku negattiv. Peress li din hija impriża tal-Istat, din il-motivazzjoni ma kienet teħtieġ ebda spjegazzjoni addizzjonali.

94

Fil-ħames lok, ir-rikorrenti ssostni li, fil-fehma tagħha, ir-riskju invokat mill-Kummissjoni sabiex tiċħad l-applikazzjoni tagħha ma huwiex raġonevolment prevedibbli, iżda purament ipotetiku. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq, in-natura ta’ dan ir-riskju ma kinitx tippermetti, fil-fehma tagħha, li tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata.

95

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-iżvelar ta’ kuntratt konkluż minn istituzzjoni Ewropea ma’ impriża pubblika ta’ pajjiż terz u bbażat fuq ir-relazzjoni ta’ kwalità stabbilita mal-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż jista’ jkollu effett ta’ deterjorament fuq din ir-relazzjoni u, għaldaqstant, jostakola t-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-kuntratt u, b’mod iktar ġenerali, il-politika li dan tal-aħħar ikun jagħmel parti minnha sa fejn kuntratti tal-istess tip huma konklużi ma’ pajjiżi terzi oħra. F’dan il-każ, din il-politika hija kruċjali għall-Unjoni, peress li hija intiża sabiex tiżgura s-sigurtà tal-impjanti nukleari fil-pajjiżi ta’ madwarha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riskju invokat jippreżenta livell raġonevoli ta’ prevedibbiltà u ma huwiex ipotetiku. Id-deċiżjoni kkontestata għalhekk ma hijiex vvizzjata, fuq dan il-punt, minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

96

L-istess jgħodd għall-impatt diplomatiku negattiv li jista’ jinħoloq bl-iżvelar tad-data kummerċjali dwar Energoatom.

97

Barra minn hekk, mill-qari tal-kuntratt li ġie kkomunikat lill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżura istruttorja msemmija fil-punt 25 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-partijiet minn dan il-kuntratt li ma kinux ikkomunikati jinkludu informazzjoni sensittiva dwar Energoatom, bħal klawżoli li jidentifikaw ir-riskji kummerċjali potenzjali u l-kundizzjonijiet finanzjarji, li l-iżvelar tagħhom ikun ta’ natura li konkretament u effettivament jippreġudika l-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni.

98

Ma’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li wieħed iżid ukoll li, kif jirriżulta mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-protezzjoni tal-interess pubbliku li għadu kif ġie deskritt ma kellhiex tiġi bbilanċjata ma’ interess pubbliku superjuri.

99

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 80 iktar ’il fuq, il-motivazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni hija suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrenti ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

100

Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali

101

Ir-rikorrenti tqis li, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż mill-Kummissjoni, l-eċċezzjoni dwar l-interessi kummerċjali, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma tistax tiġġustifika, f’dan il-każ, ir-rifjut ta’ żvelar tal-kuntratt kollu (punt 1 tal-applikazzjoni għal aċċess) u tar-rakkomandazzjoni tal-BEI (punt 4 tal-applikazzjoni għal aċċess), u dan minħabba li Energoatom ma għandha l-ebda interess kummerċjali, minħabba li l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex dan l-aċċess kien ser jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni ta’ dan l-interess u minħabba li dan huwa riskju ipotetiku.

102

Il-Kummissjoni tikkontesta dan il-motiv.

103

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jippermetti li l-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-“interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, inkluża l-proprjetà intellettwali”, sakemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax l-iżvelar tad-dokument imsemmi.

104

Kif tfakkar fil-punt 34 iktar ’il fuq, l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett, b’tali mod li l-pubbliku jingħata l-ikbar aċċess possibbli għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet.

105

Sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument li l-iżvelar tiegħu jkun intalab, bħala prinċipju ma huwiex suffiċjenti, skont il-ġurisprudenza, li dan id-dokument mitlub jaqa’ taħt attività msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Bħala prinċipju, l-istituzzjoni li tirċievi l-applikazzjoni hija meħtieġa wkoll li tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar kif l-aċċess għall-imsemmi dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni jew mill-eċċezzjonijiet li hija tinvoka. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T-210/15, EU:T:2017:224, punt 27).

106

Minn din il-ġurisprudenza jidher għalhekk li l-ġustifikazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni sabiex tirrifjuta li tipprovdi l-informazzjoni mitluba għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ tliet rekwiżiti.

107

Fir-rigward tal-ewwel rekwiżit, jiġifieri l-ħtieġa li d-dokument jaqa’ taħt attività msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni, peress li f’dan il-każ ma jistax ikunu involuti interessi kummerċjali ta’ Energoatom ladarba din hija impriża tal-Istat.

108

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li xejn ma jipprekludi li impriża tal-Istat bħalma hija Energoatom titqies li għandha interessi kummerċjali fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li l-kapital ta’ impriża jkun miżmum mill-awtoritajiet pubbliċi ma huwiex ta’ natura, bħala tali, li jċaħħadha minn interessi kummerċjali li jistgħu jiġu protetti bl-istess mod bħal dawk ta’ impriża privata. F’dan il-każ, Energoatom, kif tindika l-Kummissjoni, teżerċita attivitajiet kummerċjali, li fihom hija suġġetta għall-kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku, u dan il-kuntest iġegħelha tħares l-interessi tagħha fl-imsemmi suq. B’hekk, ma jistax jiġi nnegat li d-dokumenti li għalihom intalab aċċess jistgħu jirrigwardaw interessi kummerċjali u jaqgħu, bħala tali, taħt l-attività msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

109

Fir-rigward tat-tieni rekwiżit li jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 105 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma spjegatx b’liema mod l-interessi tal-partijiet ikunu konkretament u effettivament kompromessi jekk id-dokumenti mitluba jintbagħtu kollha kemm huma.

110

Fir-rigward tal-kuntratt ta’ self, il-Kummissjoni spjegat fid-deċiżjoni kkontestata li, jekk dan il-kuntratt ikun żvelat fl-intier tiegħu, jiġu ppreġudikati, minn naħa, l-interessi kummerċjali ta’ Energoatom u, min-naħa l-oħra, l-interessi kummerċjali tagħha fir-rigward tal-kuntratti ta’ self ta’ Euratom. Fir-rigward ta’ Energoatom, il-Kummissjoni enfasizzat li l-kuntratt kien jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi taż-żewġ partijiet u kien jittratta firxa wiesgħa ta’ riskji kummerċjali potenzjali u identifikati. Barra minn hekk, dan allegatament fih informazzjoni kummerċjali sensittiva bħall-prezzijiet tal-elettriku applikati minn Energoatom u l-limiti tal-impenji finanzjarji. Fl-ispjegazzjoni tagħha, il-Kummissjoni indikat ukoll li l-kuntratt kien għadu qiegħed jiġi applikat.

111

Rigward l-interessi tagħha stess, il-Kummissjoni indikat li l-kuntratt kien stabbilit fuq il-bażi ta’ mudell li kien jintuża għal kuntratti oħra tal-Euratom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżvelar tal-kuntratt sħiħ ifixkel mhux biss l-implimentazzjoni tal-ftehim tas-self konkluż ma’ Energoatom, iżda wkoll dik ta’ kuntratti oħra simili li għadhom għaddejjin. Dan l-iżvelar iqiegħed ukoll lill-Kummissjoni f’pożizzjoni iktar diffiċli fin-negozjati ta’ kuntratti futuri tal-istess tip.

112

F’dak li jirrigwarda r-rakkomandazzjoni tal-BEI, il-Kummissjoni kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata li l-partijiet irriżervati kienu jinkludu informazzjoni kummerċjali sensittiva pprovduta minn Energoatom kif ukoll pariri sabiex jitnaqqsu r-riskji tas-self. Huma jinkludu wkoll klawżoli tal-kuntratt ta’ self li hija qieset li diġà wriet li l-iżvelar tagħhom jippreġudika l-interessi kummerċjali tagħha kif ukoll dawk ta’ Energoatom.

113

Fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet u fid-dawl tal-fatt li hija għamlet distinzjoni bejn il-partijiet tad-dokumenti li kienu jirrigwardaw l-interessi kummerċjali u dawk li ma kinux jirrigwardawhom, li ġew ikkomunikati, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet eżami konformi mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 105 ta’ din is-sentenza u li tat spjegazzjonijiet suffiċjenti f’dan ir-rigward.

114

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni esponiet fid-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet għalfejn l-iżvelar ma kienx possibbli fil-futur qrib. Għalhekk, hija spjegat li l-kuntratt konkluż ma’ Energoatom kien għadu għaddej u li dan il-kuntratt kien ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ mudell użat għal kuntratti oħra. Għaldaqstant, l-iżvelar tad-dokumenti kollha mitluba seta’, fl-opinjoni tagħha, ikollu riperkussjonijiet mhux biss fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt konkluż ma’ Energoatom, iżda wkoll fuq l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti oħra konklużi jew li għad iridu jiġu konklużi.

115

Fir-rigward tat-tielet rekwiżit li jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 105 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni li r-riskju għall-interessi kummerċjali li tinvoka l-Kummissjoni huwa purament ipotetiku.

116

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-riskju ta’ preġudizzju għall-interessi kummerċjali ta’ Energoatom bl-iżvelar ta’ data sensittiva dwarha bħal dak tat-tfixkil tal-eżekuzzjoni xierqa ta’ kuntratti oħra li diġà ġew konklużi jew li għad iridu jiġu konklużi jippreżenta livell raġonevoli ta’ prevedibbiltà u ma jistax jiġi kkwalifikat bħala ipotetiku, peress li, minn naħa, id-dokumenti kkonċernati jikkonsistu f’kuntratt ta’ self stabbilit abbażi ta’ mudell użat f’kuntratti oħra u f’rakkomandazzjoni ta’ bank fir-rigward ta’ dan is-self u, min-naħa l-oħra, l-impriża kkonċernata hija attiva fis-suq tal-elettriku.

117

Fir-rikors, ir-rikorrenti reġgħet ikkritikat lill-Kummissjoni għall-fatt li ġġustifikat l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar l-interessi kummerċjali bil-fatt li l-kuntratt kellu valur ta’ aktar minn EUR 300 miljun. Issa, skont ir-rikorrenti, il-kobor tal-kuntratt ma huwiex rilevanti għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija.

118

Dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud peress li huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jidher li, għalkemm il-valur tal-kuntratt ġie speċifikat fid-deskrizzjoni tal-proġett li għalih jirreferu d-dokumenti, il-ġustifikazzjoni tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni f’dan il-każ ma hijiex ibbażata fuq dan l-element. Barra minn hekk, ma jistax jiġi miċħud li l-preġudizzju għall-interessi kummerċjali ta’ parti f’kuntratt jiżdied skont il-valur ta’ dan il-kuntratt.

119

Barra minn hekk, mill-qari tad-dokumenti mitluba li ġew ikkomunikati lill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżura istruttorja msemmija fil-punt 25 iktar ’il fuq, jirriżulta li, kif issemma fid-deċiżjoni kkontestata, il-partijiet mhux ikkomunikati tal-kuntratt ta’ self u tar-rakkomandazzjoni tal-BEI jispeċifikaw id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt u jinkludu informazzjoni kummerċjali sensittiva, bħat-tariffi tal-elettriku ta’ Energoatom jew il-livell tal-impenji finanzjarji kif ukoll l-analiżijiet tar-riskji relatati mas-self, li l-iżvelar tagħhom ikun ta’ natura li konkretament u effettivament jippreġudika kemm l-interessi kummerċjali ta’ Energoatom kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

120

Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn il-Kummissjoni ma eżaminatx jekk l-iżvelar ikunx iġġustifikat minħabba interess pubbliku superjuri

121

Fir-rikors, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli naqset milli teżamina jekk kienx jeżisti interess pubbliku superjuri li jirrikjedi l-iżvelar minkejja l-protezzjoni tal-interessi eżaminati qabel.

122

Il-Kummissjoni tikkontesta dan il-motiv.

123

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari, sakemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax l-iżvelar tad-dokument imsemmi.

124

Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li l-eventwali eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri ma għandhiex tiġi eżaminata meta tiġi invokata l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali.

125

Kif ġie deċiż fil-punt 98 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax għalhekk tiġi kkritikata talli, f’din il-kawża, ma bbilanċjatx l-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali ma’ interess pubbliku superjuri.

126

Min-naħa l-oħra, sabiex tapplika l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni kellha tibbilanċja, minn naħa, l-interessi kummerċjali li, fil-fehma tagħha, kienu mhedda mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, l-interess pubbliku superjuri invokat mir-rikorrenti, li jibbenefika mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati. Skont ġurisprudenza stabbilita, id-deċiżjoni meħuda dwar applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti tiddependi, fil-fatt, mill-kwistjoni dwar liema interess għandu jipprevali fil-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 42, u tat-13 ta’ Jannar 2017, Deza vs ECHA, T-189/14, EU:T:2017:4, punt 53).

127

Għandu jiġi rrilevat li hija madankollu r-responsabbiltà tal-applikant li jinvoka b’mod konkret iċ-ċirkustanzi li fuqhom ikun ibbażat tali interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 94).

128

Fl-ewwel applikazzjoni tagħha, ir-rikorrenti ma invokat ebda interess pubbliku superjuri li jippermetti li tikseb l-iżvelar tar-rakkomandazzjoni minkejja l-protezzjoni li jgawdu minnha l-interessi kummerċjali.

129

Fl-applikazzjoni konfermatorja tagħha, ir-rikorrenti sostniet li kien jeżisti interess pubbliku superjuri inkwantu l-informazzjoni mitluba kienet tikkonċerna emissjonijiet fl-ambjent kif ukoll l-enerġija nukleari, li hija teknoloġija ta’ riskju. L-aspetti ekonomiċi u finanzjarji kienu jaqgħu wkoll fl-interess ġenerali inkwantu l-programm ta’ titjib fis-sigurtà nukleari kien jirrappreżenta spiża għas-soċjetà kollha kemm hi.

130

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wieġbet li l-interessi invokati mir-rikorrenti fl-applikazzjoni konfermatorja tagħha, għalkemm effettivament kienu ta’ natura pubblika, kienu inqas importanti mill-għan imfittex fil-kuntest tas-self, li jikkonsisti fit-titjib tas-sigurtà nukleari fl-impjanti nukleari tal-pajjiżi ġirien tal-Ewropa. B’mod iktar importanti, dan l-għan ikun protett aħjar biż-żamma ta’ relazzjoni ta’ kwalità mal-Ukraina u tal-progress li sar fil-kuntest tal-ftehim ta’ self.

131

Ħlief għal dak li jirrigwarda l-interess tal-pubbliku li jsir jaf l-ispiża finanzjarja tas-self, li ser ikun ittrattata fil-punt 137 iktar ’il quddiem, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-kunsiderazzjonijiet tar-rikorrenti fuq l-interess pubbliku superjuri li jinsabu fl-applikazzjoni konfermatorja tagħha huma fil-qosor u mhux preċiżi.

132

Huwa minnu li, fir-rikors, ir-rikorrenti ppreċiżat li d-dokumenti mitluba kienu jinkludu l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-għoti ta’ linja ta’ kreditu fil-qasam tas-sigurtà nukleari u li l-iżvelar ta’ din id-data jippermetti lill-pubbliku jivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex effettivament issodisfatti. Dan il-kontroll huwa essenzjali peress li ħafna sinjali allegatament juru li r-regoli dwar is-sigurtà nukleari ma humiex osservati fl-Ukraina. Ir-rikorrenti tesponi, f’dan ir-rigward, li l-programm iffinanzjat jista’ jtawwal il-ħajja ta’ żewġ reatturi għal iktar mill-iskadenza prevista inizjalment mingħajr ma ġew implimentati miżuri ta’ sigurtà, li d-diffikultajiet finanzjarji tal-operatur iqanqlu tħassib dwar l-abbiltà tiegħu li jiffinanzja l-miżuri ta’ sigurtà, li l-awtorità responsabbli għas-sigurtà tal-impjanti nukleari ġiet imċaħħda mill-indipendenza tagħha waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar wieħed miż-żewġ reatturi kkonċernati, li l-pubbliku għandu aċċess limitat għall-proċess deċiżjonali, li l-Ukraina ma tikkunsidrax talbiet għal informazzjoni magħmula mill-pajjiżi ġirien u li l-Unjoni ma tidhirx li qiegħda tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura l-osservanza tas-sigurtà. Fid-dawl tal-perikolu ppreżentat, huwa essenzjali li l-pubbliku jkun jista’ jeżerċita skrutinju msaħħaħ fuq il-miżuri meħuda, li għandu jkun possibbli permezz tal-komunikazzjoni tad-dokumenti mitluba.

133

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, peress li kienu fformulati biss fl-istadju tar-rikors, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Skont il-ġurisprudenza, il-legalità ta’ att ta’ istituzzjoni għandha fil-fatt tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli għall-istituzzjoni fiż-żmien tal-adozzjoni tiegħu. Għalhekk, quddiem il-qorti tal-Unjoni, wieħed ma jistax jinvoka fatti li ma tressqux matul il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T-321/05, EU:T:2010:266, punt 687 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134

Għalhekk, ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 127 iktar ’il fuq ma humiex issodisfatti.

135

Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi osservat li l-partijiet tal-kuntratt u tar-rakkomandazzjoni tal-BEI li jikkonċernaw l-aspetti ambjentali u soċjali tal-kuntratt diġà ġew ikkomunikati lir-rikorrenti u li l-iżvelar tal-partijiet miżmuma, dwar l-aspetti ekonomiċi u finanzjarji, ma jippermettix lill-pubbliku jivverifika jekk il-kundizzjonijiet ta’ sigurtà imposti fuq Energoatom humiex effettivament imħarsa.

136

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball ta’ evalwazzjoni, li s-sigurtà nukleari tkun żgurata b’mod aħjar biż-żamma ta’ relazzjoni ta’ kwalità mal-Ukraina f’dan il-qasam milli bl-aċċess pubbliku għad-dokumenti kkonċernati.

137

F’dak li jirrigwarda l-interess tal-pubbliku li jsir jaf l-ispiża finanzjarja tas-self, il-Kummissjoni setgħet tqis, ukoll mingħajr ma twettaq tali żball, li dan l-interess kien inqas importanti mill-interess li tiġi żgurata s-sigurtà nukleari fil-pajjiżi ġirien tal-Ewropa.

138

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-raba’ motiv huwa infondat.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

139

Fir-replika, ir-rikorrenti tqajjem motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jgħid li, fit-tweġiba tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2015, imsemmija fil-punt 6 ta’ din is-sentenza, u fid-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, kif ukoll fir-risposta, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra b’mod suffiċjenti l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva.

140

Kif ġie indikat mill-Kummissjoni, inkwantu jirreferi għat-tweġiba tal-21 ta’ Diċembru 2015 u għad-deċiżjoni kkontestata, il-motiv, li jirrigwarda r-regolarità tal-proċedura amministrattiva, ma tqajjimx fir-rikors. Peress li dan il-motiv ma jikkostitwixxix l-estensjoni ta’ motiv imsemmi qabel fir-rikors u peress li ma huwiex ibbażat fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura, dan huwa motiv ġdid li għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli skont l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2017, Voigt vs Il‑Parlament, T-618/15, EU:T:2017:821, punt 87).

141

Fir-rigward tar-risposta, la mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas mir-Regoli tal-Proċedura ma jirriżulta li l-konvenut għandu l-obbligu li jwieġeb għall-argumenti kollha mqajma mir-rikorrent fir-rikors. Barra minn hekk, il-kontenut ta’ risposta ma jista’ jkollu ebda konsegwenza fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, din għandha tiġi evalwata fil-mument li fih tittieħed id-deċiżjoni.

142

Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 52(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jirriżulta li d-drittijiet li hija tirrikonoxxi u li huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet fit-Trattati għandhom jiġu eżerċitati fil-kundizzjonijiet u fil-limiti ddefiniti minnhom. Għalhekk, l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jistax ikollu kontenut usa’ mill-Artikolu 15 TFUE u mir-Regolament Nru 1049/2001 li jimplimentawh. Peress li l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl ta’ dan ir-regolament diġà ġiet eżaminata fil-kuntest tal-motivi preċedenti, ma hemmx lok li din tiġi eżaminata mill-ġdid fid-dawl tal-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

143

Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

144

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

145

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

146

Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub mill-Kummissjoni.

147

Barra minn hekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

CEE Bankwatch Network għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk imġarrba mill-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Pelikánová

Nihoul

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Frar 2018.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top