This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016TJ0263(01)
Judgment of the General Court (Second Chamber, Extended Composition) of 20 September 2023.#Magnetrol International and Others v European Commission.#State aid – Aid scheme put into effect by Belgium – Decision declaring the aid scheme incompatible with the internal market and unlawful and ordering recovery of the aid granted – Tax ruling – Taxable profit – Excess profit exemption – Advantage – Selectivity – Recovery.#Cases T-263/16 RENV, T-265/16, T-311/16, T-319/16, T-321/16, T-343/16, T-350/16, T-444/16, T-800/16 and T-832/16.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tal-20 ta’ Settembru 2023.
Magnetrol International et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata mill-Belġju – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u illegali u li tordna l-irkupru tal-għajnuna mħallsa – Deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem (tax ruling) – Profitti taxxabbli – Eżenzjoni tal-profitti eċċessivi – Vantaġġ – Natura selettiva – Irkupru.
Kawżi T-263/16 RENV, T-265/16, T-311/16, T-319/16, T-321/16, T-343/16, T-350/16, T-444/16, T-800/16 u T-832/16.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tal-20 ta’ Settembru 2023.
Magnetrol International et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata mill-Belġju – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u illegali u li tordna l-irkupru tal-għajnuna mħallsa – Deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem (tax ruling) – Profitti taxxabbli – Eżenzjoni tal-profitti eċċessivi – Vantaġġ – Natura selettiva – Irkupru.
Kawżi T-263/16 RENV, T-265/16, T-311/16, T-319/16, T-321/16, T-343/16, T-350/16, T-444/16, T-800/16 u T-832/16.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:565
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)
20 ta’ Settembru 2023 ( *1 )
“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata mill-Belġju – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u illegali u li tordna l-irkupru tal-għajnuna mħallsa – Deċiżjoni fiskali bil-quddiem (tax ruling) – Profitti taxxabbli – Eżenzjoni tal-profitti eċċessivi – Vantaġġ – Natura selettiva – Irkupru”
Fil-Kawżi T‑263/16 RENV, T‑265/16, T‑311/16, T‑319/16, T‑321/16, T‑343/16, T‑350/16, T‑444/16, T‑800/16 u T‑832/16,
Magnetrol International, stabbilita f’Zele (il-Belġju), irrappreżentata minn H. Gilliams u L. Goossens, avukati,
rikorrenti fil-Kawża T‑263/16 RENV,
sostnuta minn
Soudal NV, stabbilita f’Turnhout (il-Belġju),
Esko-Graphics BVBA, stabbilita f’Gand (il-Belġju),
irrappreżentati minn H. Viaene, avukat,
minn
Flir Systems Trading Belgium, stabbilita f’Meer (il-Belġju), irrappreżentata minn C. Docclo u N. Reypens, avukati,
minn
Celio International SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn H. Gilliams u L. Goossens,
minn
Anheuser-Busch Inbev, stabbilita fi Brussell,
Ampar, stabbilita f’Leuven (il-Belġju),
Atlas Copco Airpower, stabbilita f’Antwerpen (il-Belġju),
u
Atlas Copco AB, stabbilita f’Nacka (l-Isvezja),
irrappreżentati minn A. von Bonin, O. W. Brouwer, A. Pliego Selie, T. van Helfteren u A. Haelterman, avukati,
u minn
ZF CV Systems Europe, li kienet Wabco Europe, stabbilita f’Watermael-Boitsfort (il-Belġju), irrappreżentata minn E. Righini, L. Villani, S. Völcker, K. Beikos-Paschalis u A. Papadimitriou, avukati,
intervenjenti fil-Kawża T‑263/16 RENV,
Puratos, stabbilita f’Dilbeek (il-Belġju),
Delta Light, stabbilita f’Wevelgem (il-Belġju),
Ontex, stabbilita f’Buggenhout (il-Belġju),
rikorrenti fil-Kawża T‑265/16,
Siemens Industry Software, stabbilita f’Leuven,
rikorrenti fil-Kawża T‑311/16,
BASF Antwerpen NV, stabbilita f’Antwerpen,
rikorrenti fil-Kawża T‑319/16,
Ansell Healthcare Europe NV, stabbilita f’Anderlecht (il-Belġju),
rikorrenti fil-Kawża T‑321/16,
Trane, stabbilita f’Zaventem (il-Belġju),
rikorrenti fil-Kawża T‑343/16,
Kinepolis Group, stabbilita fi Brussell,
rikorrenti fil-Kawża T‑350/16,
Vasco Group, stabbilita f’Dilsen-Stokkem (il-Belġju),
Astra Sweets, stabbilita f’Turnhout,
rikorrenti fil-Kawża T‑444/16,
Mayekawa Europe NV/SA, stabbilita f’Zaventem,
rikorrenti fil-Kawża T‑800/16,
Celio International SA, stabbilita fi Brussell,
rikorrenti fil-Kawża T‑832/16,
irrappreżentati minn H. Gilliams, J. Bocken u L. Goossens, avukati,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P.‑J. Loewenthal, B. Stromsky u F. Tomat, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),
komposta minn A. Marcoulli, Presidenta, S. Frimodt Nielsen, V. Tomljenović (Relatriċi), R. Norkus u W. Valasidis, Imħallfin,
Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara li rat is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, EU:C:2021:741),
wara s-seduta tad‑9 ta’ Frar 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikorsi tagħhom ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, fil-Kawża T‑263/16 RENV, Magnetrol International, fil-Kawża T‑265/16, Puratos, Delta Light u Ontex, fil-Kawża T‑311/16, Siemens Industry Software, fil-Kawża T‑319/16, BASF Antwerpen NV, fil-Kawża T‑321/16, Ansell Healthcare Europe NV, fil-Kawża T‑343/16, Trane, fil-Kawża T‑350/16, Kinepolis Group, fil-Kawża T‑444/16, Vasco Group u Astra Sweets, fil-Kawża T‑800/16, Mayekawa Europe NV/SA, u, fil-Kawża T‑832/16, Celio International SA, jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699 tal‑11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju (ĠU 2016, L 260, p. 61, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
2 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża kif ukoll il-kuntest ġuridiku relatat magħha ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 28 tas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Il‑Belġju u Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni (T‑131/16 u T‑263/16, EU:T:2019:91), kif ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 1 sa 24 tas-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, EU:C:2021:741). Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. |
3 |
Permezz ta’ deċiżjoni bil-quddiem adottata mid-“Dipartiment tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem” tas-service public fédéral des finances belge (is-Servizz Pubbliku Federali tal-Finanzi Belġjan), abbażi tal-Artikolu 185(2)(b) tal-code des impôts sur les revenus 1992 (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal‑1992, iktar ’il quddiem iċ-“CIR 92”), moqri flimkien mal-Artikolu 20 tal-loi du 24 décembre 2002 modifiant le régime des sociétés en matière d’impôts sur les revenus et instituant un système de décision anticipée en matière fiscale (il-Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002, li Temenda s-Sistema tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Kumpanniji u li Tistabbilixxi Sistema ta’ Deċiżjonijiet bil-Quddiem fil-Qasam Fiskali) (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 2002, p. 58817, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002”), il-kumpanniji residenti Belġjani li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali u l-istabbilimenti permanenti Belġjani ta’ kumpanniji residenti barranin li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali setgħu jnaqqsu l-bażi taxxabbli tagħhom fil-Belġju billi jnaqqsu l-profitti, meqjusa bħala “eċċessivi”, mill-profitti li huma kienu rreġistraw. Permezz ta’ din is-sistema, parti mill-profitti li saru mill-entitajiet Belġjani li jibbenefikaw minn deċiżjoni bil-quddiem ma kinitx intaxxata fil-Belġju. Skont l-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, dawn il-profitti eċċessivi kienu jirriżultaw minn sinerġiji, minn ekonomiji ta’ skala jew minn benefiċċji oħra li jirriżultaw mill-fatt li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali u għalhekk ma kinux imputabbli lill-entitajiet Belġjani inkwistjoni. |
4 |
Wara proċedura amministrattiva li bdiet fid‑19 ta’ Diċembru 2013, permezz ta’ ittra li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea talbet lir-Renju tal-Belġju jipprovdilha informazzjoni dwar is-sistema ta’ deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem, dwar il-profitti eċċessivi, li kienu bbażati fuq l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fil‑11 ta’ Jannar 2016. |
5 |
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, li kienet ibbażata fuq l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, li abbażi tiegħu r-Renju tal-Belġju kien ħareġ deċiżjonijiet bil-quddiem favur entitajiet Belġjani ta’ gruppi multinazzjonali ta’ impriżi, li jagħtu lill-imsemmija entitajiet eżenzjoni għal parti mill-profitti li huma kienu jagħmlu, kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna mill-Istat, li tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tagħha, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li kienet inkompatibbli mas-suq intern. |
6 |
Għalhekk, il-Kummissjoni sostniet, prinċipalment, li l-iskema inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tad-deċiżjonijiet bil-quddiem, sa fejn l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi tagħhom applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani kienet tidderoga mis-sistema komuni tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju. Sussidjarjament, il-Kummissjoni qieset li l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi setgħet tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tad-deċiżjonijiet bil-quddiem, sa fejn tali eżenzjoni kienet titbiegħed mill-prinċipju ta’ distakkament. |
7 |
Peress li kkonstatat li l-iskema inkwistjoni kienet ġiet implimentata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna hekk mogħtija mingħand il-benefiċjarji tagħha, li l-lista definittiva tagħhom kellha sussegwentement tiġi stabbilita mir-Renju tal-Belġju. |
A. Fuq is‑sentenza inizjali
8 |
Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Renju tal-Belġju u diversi impriżi ppreżentaw rikorsi intiżi għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni, fosthom ir-rikorrenti, li ppreżentaw ir-rikorsi tagħhom fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bejn il‑25 ta’ Mejju u l‑25 ta’ Novembru 2016. |
9 |
Fis‑16 ta’ Frar 2018, skont l-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Presidenta tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali, wara li semgħet lill-partijiet, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura, b’mod partikolari fil-Kawżi T‑265/16, T‑311/16, T‑319/16, T‑321/16, T‑343/16, T‑350/16, T‑444/16, T‑800/16, u T‑832/16, sal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-Kawżi T‑131/16 u T‑263/16. |
10 |
Permezz tas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Il‑Belġju u Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni (T‑131/16 u T‑263/16, iktar ’il quddiem is-sentenza inizjali, EU:T:2019:91), fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondati l-motivi bbażati, essenzjalment, fuq ksur mill-Kummissjoni tal-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u fuq indħil fil-kompetenzi esklużivi tar-Renju tal-Belġju fil-qasam tat-tassazzjoni diretta. |
11 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna, bi ksur tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9), u, konsegwentement, annullat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma qieset li kien neċessarju li teżamina l-motivi l-oħra li kienu tqajmu kontriha. |
B. Fuq is‑sentenza tal‑appell
12 |
Wara l-appell ippreżentat mis-sentenza inizjali, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-appell, EU:C:2021:741). |
13 |
Fis-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li s-sentenza inizjali kienet ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet b’mod żbaljat li f’dan il-każ kien hemm skema ta’ għajnuna. |
14 |
Abbażi ta’ dawn l-iżbalji li nstabu mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza inizjali ġiet annullata. |
15 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tiddeċiedi definittivament fuq il-motivi li hija kkunsidrat li kienu fi stat li jiġu deċiżi, jiġifieri dawk li jikkonċernaw l-indħil tal-Kummissjoni fil-kompetenzi esklużivi tar-Renju tal-Belġju fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, minn naħa, u dawk relatati mal-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna, min-naħa l-oħra. |
16 |
Għalhekk, qabel kollox u bħall-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-motivi dwar l-indħil tal-Kummissjoni fil-kompetenzi esklużivi tar-Renju tal-Belġju fil-qasam tat-tassazzjoni diretta. |
17 |
Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi setgħet titqies bħala skema ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, u li, konsegwentement, il-motivi dwar l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna kellhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
18 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-motivi l-oħra ta’ annullament invokati mir-Renju tal-Belġju u minn Magnetrol International, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-tilwima ma kinitx fi stat li tiġi deċiża u rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar l-imsemmija motivi. |
II. Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet
19 |
Wara s-sentenza tal-appell u skont l-Artikolu 216(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fl‑20 ta’ Ottubru 2021, il-Kawża T‑263/16 RENV ġiet assenjata lit-Tieni Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali. |
20 |
Skont l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura, Magnetrol International u l-Kummissjoni ppreżentaw in-noti ta’ osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub fit-termini stabbiliti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 217(3) tal-istess regoli, ġew ippreżentati noti addizzjonali ta’ osservazzjonijiet bil-miktub. |
21 |
Permezz ta’ att separat, ippreżentat fit‑2 ta’ Marzu 2022, Magnetrol International talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex l-Anness Nru 1 tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni fil-Kawża T‑263/16 RENV, skont l-Artikolu 217(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jiġi rtirat mill-proċess jew, alternattivament, li l-Qorti Ġenerali titlob l-osservazzjonijiet tal-partijiet imsemmija fl-imsemmi anness u, sussegwentement, li tinstema’ dwar dawn l-osservazzjonijiet. Permezz ta’ digriet tal‑14 ta’ Settembru 2022, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li teżamina din it-talba mad-deċiżjoni fil-mertu fil-Kawża T‑263/16 RENV, skont l-Artikolu 130(7) tar-Regoli tal-Proċedura. |
22 |
Wara li nstemgħu l-partijiet, fis‑26 ta’ April 2022, it-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet li titkompla l-proċedura fil-Kawżi T‑265/16, T‑311/16, T‑319/16, T‑321/16, T‑343/16, T‑350/16, T‑444/16, T‑800/16 u T‑832/16, skont l-Artikolu 71(3) tar-Regoli tal-Proċedura. |
23 |
Wara t-tkomplija tal-proċedura fil-kawżi rispettivi tagħhom, il-partijiet ikkonċernati ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-termini stabbiliti bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali. |
24 |
Barra minn hekk, il-partijiet prinċipali nstemgħu dwar l-eventwali tgħaqqid ta’ dawn il-kawżi għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza. |
25 |
Fid-dawl tad-digrieti tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Atlas Copco Airpower u Atlas Copco vs Il‑Kummissjoni (C‑31/22 P(I), EU:C:2022:620), tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Anheuser-Busch Inbev, Ampar vs Magnetrol International u Il‑Kummissjoni (C‑32/22 P(I), EU:C:2022:621), u tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Soudal u Esko-Graphics vs Magnetrol u Il‑Kummissjoni (C‑74/22 P(I), EU:C:2022:632), l-intervenjenti kollha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedura tal-appell tqiesu bħala intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑263/16 RENV u l-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati skont l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura ddaħħlu fil-proċess tal-imsemmija kawża. |
26 |
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
27 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
III. Id‑dritt
28 |
Dawn il-kawżi għandhom jingħaqdu għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, skont l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura, wara li jinstemgħu l-partijiet. |
A. Fuq is‑sitwazzjoni ta’ Celio International
29 |
Fir-rikors u taħt it-titolu dwar l-“ammissibbiltà”, Celio International, fil-Kawża T‑832/16, issostni li hija ma hijiex ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda esklużivament id-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem dwar il-profitti eċċessivi, filwaqt li hija ma rċevietx deċiżjoni bil-quddiem. Fil-fatt, hija ssostni li l-ftehim minn qabel dwar il-prezz li hija kkonkludiet mal-amministrazzjoni tat-taxxa Belġjana ma huwiex deċiżjoni fiskali bil-quddiem dwar il-profitti eċċessivi. |
30 |
L-ewwel, għandu jiġi kkonstatat li Celio International hija effettivament inkluża bħala benefiċjarja tal-iskema inkwistjoni fil-lista li tinsab fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li din il-lista ġiet ipprovduta mill-Kummissjoni biss “bħala indikazzjoni”. |
31 |
It-tieni, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni setgħet tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi ta’ din l-iskema sabiex tevalwa jekk din l-iskema kinitx tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tagħha meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u jekk kinitx ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. B’hekk, f’deċiżjoni dwar tali skema, il-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi ta’ tali skema (is-sentenza tal-appell, punt 77). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali ta’ Celio International f’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-ftehim dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment li hija kkonkludiet mal-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani. |
32 |
It-tielet u għal dawn l-istess raġunijiet, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies li hija vvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni minħabba l-fatt li hija ma pprovdietx tweġiba speċifika għall-osservazzjonijiet ta’ Celio International ibbażati fuq is-sitwazzjoni individwali tagħha. |
33 |
Ir-raba’ u fi kwalunkwe każ, fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-ftehim dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment imwettqa minn Celio International stess, b’mod partikolari fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, jista’ jitqies li dan il-ftehim bejn id-Dipartiment tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem u din tal-aħħar kien ibbażat fuq il-fatt li hija kienet tagħmel parti minn grupp multinazzjonali ta’ impriżi u li hija kienet teżerċita, b’mod iċċentralizzat, numru ta’ funzjonijiet għall-imsemmi grupp kollu. Dan il-ftehim kien jipprevedi, essenzjalment, li, matul kull sena fiskali wara l-adozzjoni tiegħu u skont ir-riżultati miksuba wara tranżazzjonijiet ma’ entitajiet oħra tal-istess grupp, Celio International tiġi intaxxata fuq il-profitti li jikkorrispondu għal marġni partikolari tal-operat. Għalhekk, ġie indikat li, meta l-profitti rreġistrati ta’ Celio International kienu inqas minn dan il-marġni tal-operat, sabiex jiġu kkalkolati l-profitti taxxabbli tagħha, kellu jsir aġġustament pożittiv tal-profitti, skont l-Artikolu 185(2)(a) taċ-CIR 92, filwaqt li, meta l-profitti rreġistrati qabżu dan il-limitu, kellu jsir aġġustament negattiv, skont l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92. Dan l-aħħar aġġustament negattiv ma kienx ikkundizzjonat għall-istabbiliment ta’ aġġustament pożittiv primarju fi Stat Membru ieħor. |
34 |
Għaldaqstant, sa fejn il-ftehim inkwistjoni kien jipprevedi aġġustament negattiv meta l-profitti fil-fatt irreġistrati minn Celio International kienu jeċċedu profitt ipotetiku li jikkorrispondi għal marġni partikolari tal-operat, ingħatat eżenzjoni tal-profitti li jeċċedu tali profitt ipotetiku, skont l-argument tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. |
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti ta’ Celio International ibbażati fuq il-fatt li s-sitwazzjoni tagħha ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jiġu invokati kontra l-imsemmija deċiżjoni, sa fejn din tikkonċerna skema ta’ għajnuna. Fi kwalunkwe każ, dawn huma infondati. |
B. Fuq il‑mertu
36 |
Insostenn tar-rikorsi tagħhom u abbażi ta’ rikorsi prattikament identiċi, ir-rikorrenti jqajmu erba’ motivi, fejn l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq abbuż ta’ poter u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn id-deċiżjoni kkontestata kkonstatat l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna, it-tieni wieħed fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn id-deċiżjoni kklassifikat l-iskema inkwistjoni bħala miżura selettiva, it-tielet wieħed fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema inkwistjoni kienet toħloq vantaġġ, u r-raba’ wieħed, invokat sussidjarjament, fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE, fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq abbuż ta’ poter u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ordnat lir-Renju tal-Belġju jirkupra l-ammont tal-għajnuna. |
37 |
Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal-appell, diġà ddeċidiet dwar l-ewwel motiv invokat minn Magnetrol International fil-Kawża T‑263/16, ma għadux meħtieġ li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-imsemmi motiv fil-Kawża T‑263/16 RENV. Fir-rigward tal-kawżi l-oħra, dan il-motiv li jikkontesta l-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna għadu jagħmel parti mill-kawżi li l-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwarhom, peress li dan ma ġiex irtirat formalment. |
1. Fuq l‑ewwel motiv, invokat fil‑Kawżi T‑265/16, T‑311/16, T‑319/16, T‑321/16, T‑343/16, T‑350/16, T‑444/16, T‑800/16 u T‑832/16, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq abbuż ta’ poter u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn id‑deċiżjoni kkontestata tikkonstata l‑eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna
38 |
Fil-Kawżi T‑265/16, T‑311/16, T‑319/16, T‑321/16, T‑343/16, T‑350/16, T‑444/16, T‑800/16 u T‑832/16, huwa sostnut, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata ma turix l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna, konformement mal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, u li, fi kwalunkwe każ, il-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna hija bbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja. |
39 |
Il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv għandu jiġi miċħud. |
40 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet bħala infondat l-aggravju invokat minn Magnetrol International, li kien ibbażat fuq il-konklużjoni żbaljata dwar l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna f’dan il-każ. |
41 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, bħalma għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-appell, hemm lok li l-ewwel motiv invokat fil-Kawżi T‑265/16, T‑311/16, T‑319/16, T‑321/16, T‑343/16, T‑350/16, T‑444/16, T‑800/16 u T‑832/16 jiġi miċħud, sa fejn huwa identiku għal dak invokat minn Magnetrol International fil-Kawża T‑263/16. |
2. Fuq it‑tieni motiv, sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal‑Artikolu 107 TFUE kif ukoll tal‑obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn id‑deċiżjoni kkontestata tikklassifika l‑iskema inkwistjoni bħala miżura selettiva, fil‑kuntest tar‑raġunament prinċipali tal‑Kummissjoni
42 |
It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, kontra r-raġunament tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, magħmul prinċipalment, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni ħawdet b’mod żbaljat il-kunċetti ta’ “vantaġġ” u ta’ “selettività” u li hija ma wrietx li l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kienet tikkostitwixxi miżura selettiva li kienet tikkonsisti fi trattament iddifferenzjat ta’ kumpanniji li jinsabu f’sitwazzjonijiet fattwali u legali komparabbli u li għalhekk l-iskema inkwistjoni kienet selettiva. |
43 |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-motiv invokat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud. |
a) Fuq l‑analiżi konġunta tal‑kunċetti ta’ “vantaġġ” u ta’ “selettività”
44 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni li att adottat mill-Kummissjoni għandha tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex, minn naħa, ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, li jippermettu lill-qorti tal-Unjoni Ewropea teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, billi l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll mill-kuntest tiegħu kif ukoll mir-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, T‑349/03,EU:T:2005:221, punti 62 sa 63; tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Eurallumina vs Il‑Kummissjoni, T‑308/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:894, punt 44, u tas‑6 ta’ Mejju 2019, Scor vs Il‑Kummissjoni, T‑135/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:287, punt 80). |
45 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fl-analiżi tal-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 107(1) TFUE sabiex miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fosthom dik relatata mal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, il-kunċett ta’ “vantaġġ” u dak tas-“selettività” tagħha jikkostitwixxu żewġ kriterji distinti. Fir-rigward tal-vantaġġ, il-Kummissjoni trid turi li l-miżura ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 33). Għall-kuntrarju, fir-rigward tas-selettività, il-Kummissjoni għandha turi li l-vantaġġ ma jibbenefikax lil impriżi oħra f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli ma’ dik tal-benefiċjarju fir-rigward tal-għan tas-sistema ta’ referenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punt 49). |
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ir-rekwiżit ta’ selettività li joħroġ mill-Artikolu 107(1) TFUE għandu jinżamm b’mod ċar distint mill-għarfien konkorrenti ta’ vantaġġ ekonomiku sa fejn, meta l-Kummissjoni tistabbilixxi l-preżenza ta’ vantaġġ, fis-sens wiesa’, li jirriżulta direttament jew indirettament minn miżura partikolari, hija għandha tistabbilixxi, barra minn hekk, li dan il-vantaġġ jibbenefika speċifikament impriża jew diversi impriżi (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs MOL, C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 59). |
47 |
Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn iż-żewġ kriterji jistgħu jiġu eżaminati flimkien, bħala “tielet kundizzjoni” prevista mill-Artikolu 107(1) TFUE, dwar l-eżistenza ta’ “vantaġġ selettiv” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑270/15 P, EU:C:2016:489, punt 32). |
48 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunament tal-Kummissjoni dwar il-vantaġġ jinsab fil-kuntest tal-analiżi dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, jiġifieri l-punt 6.3, intitolat “Eżistenza ta’ vantaġġ selettiv”. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni effettivament eżaminat il-kriterju tal-vantaġġ. |
49 |
Preliminarjament, fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani ma kinitx prevista mis-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju. Barra minn hekk, fil-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat il-fatt li din l-eżenzjoni kienet ikkalkolata billi ġew esklużi l-profitti totali fil-fatt irreġistrati mill-entità Belġjana u l-aġġustamenti legalment previsti. Fil-premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata, hija enfasizzat li, minkejja li s-sistema Belġjana pprevediet dispożizzjonijiet partikolari applikabbli għall-gruppi, dawn kienu pjuttost intiżi sabiex iqiegħdu fuq l-istess livell l-entitajiet li jagħmlu parti minn gruppi multinazzjonali u l-entitajiet awtonomi. |
50 |
F’dan il-kuntest, fil-premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, skont is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju, l-entitajiet tal-kumpanniji residenti jew attivi permezz ta’ stabbiliment permanenti fil-Belġju kienu ntaxxati abbażi tal-profitti fil-fatt irreġistrati tagħhom, u mhux abbażi ta’ livell ipotetiku ta’ profitti, u għalhekk l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kienet tagħti vantaġġ lill-entitajiet Belġjani ta’ grupp li jibbenefika mill-iskema inkwistjoni. |
51 |
Fil-premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret il-ġurisprudenza li tipprovdi li vantaġġ ekonomiku jista’ jingħata billi jitnaqqas il-piż fiskali ta’ impriża u, b’mod partikolari, billi titnaqqas il-bażi taxxabbli jew l-ammont tat-taxxa dovuta. Għalhekk, hija kkunsidrat li, f’dan il-każ, l-iskema inkwistjoni kienet tippermetti lill-kumpanniji benefiċjarji tad-deċiżjonijiet bil-quddiem li jnaqqsu t-taxxa dovuta billi jnaqqsu profitt imsejjaħ “eċċessiv” mill-profitt fil-fatt irreġistrat tagħhom. Dan il-profitt eċċessiv kien ikkalkolat permezz ta’ stima tal-profitt medju ipotetiku ta’ impriżi awtonomi komparabbli, b’tali mod li d-differenza bejn il-profitt fil-fatt irreġistrat u dan il-profitt medju ipotetiku kienet tirriżulta f’perċentwali ta’ eżenzjoni li kienet il-bażi tal-kalkolu tal-bażi taxxabbli mogħtija għall-ħames snin li matulhom id-deċiżjoni bil-quddiem kienet applikabbli. Sa fejn din il-bażi taxxabbli, ikkalkolata b’dan il-mod abbażi tad-deċiżjonijiet bil-quddiem mogħtija skont l-iskema inkwistjoni, kienet inqas mill-bażi taxxabbli fl-assenza tal-imsemmija deċiżjonijiet, kien jirriżulta vantaġġ minn dan. |
52 |
Għaldaqstant, mill-premessi tad-deċiżjoni kkontestata enfasizzati fil-punti 49 sa 51 iktar ’il fuq jirriżulta li l-vantaġġ adottat mill-Kummissjoni kien jikkonsisti fin-nuqqas ta’ tassazzjoni tal-profitti eċċessivi tal-kumpanniji benefiċjarji u fit-tassazzjoni tal-profitti ta’ dawn tal-aħħar ikkalkolati abbażi ta’ profitt medju ipotetiku li jinjora l-profitt totali li sar minn dawn il-kumpanniji u l-aġġustamenti legalment previsti, skont id-deċiżjonijiet bil-quddiem, taħt l-iskema inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, tali tassazzjoni kienet tirrappreżenta tnaqqis tal-piż fiskali sostnut mill-benefiċjarji tal-iskema, meta mqabbel ma’ dak li kien jirriżulta minn tassazzjoni normali, taħt is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju, li kienet tkopri l-profitti kollha fil-fatt irreġistrati, wara l-applikazzjoni tal-aġġustamenti legalment previsti. |
53 |
Sussegwentement, l-analiżi vera u proprja tas-selettività ta’ dan il-vantaġġ tinsab, minn naħa, fil-premessi 136 sa 141 tad-deċiżjoni kkontestata, fi ħdan il-punt 6.3.2.1 tal-imsemmija deċiżjoni, fir-rigward tar-raġunament prinċipali tal-Kummissjoni dwar is-selettività, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ deroga mis-sistema komuni tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju. Min-naħa l-oħra, is-selettività tal-vantaġġ, irrappreżentat mill-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, hija analizzata wkoll fil-premessi 152 sa 170 tad-deċiżjoni kkontestata, fi ħdan il-punt 6.3.2.2 tal-imsemmija deċiżjoni, fir-rigward tar-raġunament dwar is-selettività, imressaq sussidjarjament mill-Kummissjoni, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ deroga mill-prinċipju ta’ distakkament. |
54 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni sabiex issostni l-konstatazzjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ u dwar in-natura selettiva tiegħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif inhuma stabbiliti fil-punt 44 iktar ’il fuq. |
55 |
Barra minn hekk, il-fatt li, minn perspettiva formali, l-analiżi tal-vantaġġ iddaħħlet f’taqsima li tkopri wkoll l-eżami tas-selettività ma jurix l-assenza ta’ eżami fil-mertu taż-żewġ kunċetti, sa fejn l-eżistenza ta’ vantaġġ, minn naħa, u l-eżistenza tan-natura selettiva tiegħu, min-naħa l-oħra, huma effettivament analizzati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 129). Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda l-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba tali analiżi konġunta. |
b) Fuq l‑eżistenza ta’ vantaġġ selettiv mogħti mill‑iskema inkwistjoni
56 |
Essenzjalment, ir-rikorrenti, sostnuti f’dan ir-rigward mill-intervenjenti fil-Kawża T‑263/16 RENV, Soudal NV, Esko-Graphics BVBA, Flir Systems Trading Belgium, Celio International, Anheuser-Busch Inbev, Ampar, Atlas Copco Airpower, Atlas Copco AB u ZF CV Systems Europe, isostnu li l-Kummissjoni ma wrietx li l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kienet tikkostitwixxi applikazzjoni żbaljata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 u għaldaqstant deroga mis-sistema ta’ referenza u li tali applikazzjoni toħloq differenza fit-trattament bejn kumpanniji li jinsabu f’sitwazzjonijiet fattwali u legali komparabbli. Għaldaqstant hija ma rnexxilhiex turi li l-iskema inkwistjoni kienet selettiva. |
57 |
Għalhekk, ir-rikorrenti jsostnu li, fil-kuntest tar-raġunament prinċipali, l-ewwel, il-Kummissjoni ddefinixxiet b’mod żbaljat is-sistema ta’ referenza, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-għan tas-sistema fiskali bħala li tagħmel parti mit-tassazzjoni normali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żbaljat meta ħadet inkunsiderazzjoni, bħala tassazzjoni normali, skont l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, l-interpretazzjoni tagħha stess tal-imsemmija dispożizzjoni. It-tieni, huma jsostnu li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani kienu wettqu applikazzjoni contra legem ta’ din id-dispożizzjoni. It-tielet, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-iskema inkwistjoni kienet tinvolvi trattament iddifferenzjat bejn operaturi ekonomiċi li jinsabu, fir-rigward tal-għanijiet speċifiċi għar-regoli inkwistjoni, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. |
1) Fuq is‑sistema ta’ referenza
58 |
Ir-rikorrenti, fid-dawl tal-ġurisprudenza reċenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jilmentaw li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji li vvizzjaw l-evalwazzjoni tagħha tas-sistema ta’ referenza, li fuqha hija bbażat l-eżami tagħha tas-selettività tal-iskema inkwistjoni. Dawn l-iżbalji jirrigwardaw l-inklużjoni tal-għan tas-sistema fiskali fid-definizzjoni tas-sistema ta’ referenza u l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, li jagħmel parti mill-imsemmija sistema ta’ referenza. |
59 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza għandha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali peress li l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tista’ tiġi stabbilita biss meta mqabbla ma’ tassazzjoni msejħa “normali”. Għalhekk, id-determinazzjoni tal-impriżi kollha li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli tiddependi mid-definizzjoni minn qabel tas-sistema legali li fid-dawl tal-għan tagħha għandha, jekk ikun il-każ, tiġi eżaminata n-natura komparabbli tas-sitwazzjoni fattwali u legali rispettiva tal-impriżi ffavoriti mill-miżura inkwistjoni u ta’ dawk li ma humiex (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
60 |
F’dan il-kuntest, ġie deċiż li d-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza, li għandha ssir wara dibattitu kontradittorju mal-Istat Membru kkonċernat, għandha tirriżulta minn eżami oġġettiv tal-kontenut, mir-rabta u mill-effetti konkreti tar-regoli applikabbli skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri għandhom għalhekk jastjenu milli jadottaw kwalunkwe miżura fiskali li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern, xorta jibqa’ l-fatt li, f’oqsma li ma humiex oqsma li fihom id-dritt fiskali tal-Unjoni huwa s-suġġett ta’ armonizzazzjoni, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiddetermina, permezz tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u b’osservanza tal-awtonomija fiskali tiegħu, il-karatteristiċi li jikkostitwixxu t-taxxa, li jiddefinixxu, bħala prinċipju, is-sistema ta’ referenza jew is-sistema fiskali “normali”, li abbażi tagħha għandha tiġi analizzata l-kundizzjoni dwar is-selettività. Dan japplika b’mod partikolari għad-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli u tal-fatt taxxabbli (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punti 65 u 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
62 |
Minn dan isegwi li huwa biss id-dritt nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi identifikata s-sistema ta’ referenza fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, fejn din l-identifikazzjoni hija, min-naħa tagħha, prerekwiżit indispensabbli, mhux biss sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ vantaġġ, iżda wkoll sabiex tiġi evalwata l-kwistjoni dwar jekk dan il-vantaġġ għandux natura selettiva. |
63 |
Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura fiskali tatx vantaġġ selettiv lil impriża, il-Kummissjoni għandha twettaq paragun mas-sistema ta’ tassazzjoni normalment applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, wara eżami oġġettiv tal-kontenut, tal-interazzjoni u tal-effetti konkreti tar-regoli applikabbli skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat. Għaldaqstant, fl-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ fiskali selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u sabiex jiġi stabbilit il-piż fiskali li normalment għandha ġġorr impriża, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni parametri u regoli esterni għas-sistema fiskali nazzjonali inkwistjoni, sakemm din tal-aħħar ma tagħmilx riferiment espliċitu għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punti 92 u 96). |
64 |
F’dan il-każ, fil-premessi 121 sa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet il-pożizzjoni tagħha dwar is-sistema ta’ referenza. |
65 |
Għalhekk, fil-premessi 121 u 122 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li s-sistema ta’ referenza kienet is-sistema tad-dritt komuni ta’ tassazzjoni tal-profitti tal-kumpanniji, prevista mis-sistema tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju, li l-għan tagħha kien l-intaxxar tal-profitti tal-kumpanniji kollha suġġetti għat-taxxa fil-Belġju. Il-Kummissjoni rrilevat li s-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju kienet tapplika għall-kumpanniji residenti fil-Belġju kif ukoll għall-fergħat Belġjani ta’ kumpanniji mhux residenti. Skont l-Artikolu 185(1) taċ-CIR 92, il-kumpanniji residenti fil-Belġju kienu obbligati jħallsu t-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fuq l-ammont totali tal-profitti li huma kienu jagħmlu, ħlief meta kien japplika ftehim kontra t-taxxa doppja. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 227 u 229 taċ-CIR 92, il-kumpanniji mhux residenti kienu suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji biss għal ċertu tip ta’ dħul speċifiku li joriġina mill-Belġju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat li, fiż-żewġ każijiet, it-taxxa Belġjana fuq il-kumpanniji kienet dovuta fuq il-profitt totali, li kien stabbilit skont ir-regoli dwar il-kalkolu tal-profitti kif kienu ddefiniti fl-Artikolu 24 taċ-CIR 92. Skont l-Artikolu 185(1) taċ-CIR 92, moqri flimkien mal-Artikoli 1, 24, 183, 227 u 229 taċ-CIR 92, il-profitt totali kien jikkorrispondi għad-dħul tal-kumpanniji, li minnhom kienu jitnaqqsu l-ispejjeż deduċibbli li kienu ġeneralment irreġistrati fil-kontabbiltà, b’tali mod li l-profitt fil-fatt irreġistrat kien jikkostitwixxi l-punt ta’ tluq tal-kalkolu tal-profitt totali taxxabbli, bla ħsara għall-applikazzjoni, sussegwenti, tal-aġġustamenti pożittivi u negattivi previsti mis-sistema tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju. |
66 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-inklużjoni tal-għan tas-sistema fiskali fid-definizzjoni tas-sistema ta’ referenza, għandu jiġi rrilevat li l-għan tas-sistema ta’ referenza huwa effettivament invokat mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din id-definizzjoni. Madankollu, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, billi bbażaw ruħhom fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑885/19 P, EU:C:2021:1028), is-sempliċi fatt li ġie invokat l-għan tas-sistema ta’ referenza ma jimplikax li l-Kummissjoni eżaminat is-selettività tal-iskema inkwistjoni fir-rigward tal-għan inkwistjoni biss. |
67 |
F’dan ir-rigward, mill-premessi 121 u 122 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet taċ-CIR 92 li kienu applikabbli għall-finijiet tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju, filwaqt li rreferiet għad-deskrizzjoni ddettaljata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-punt 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk ma huwiex b’riferiment għall-għan tas-sistema fiskali Belġjana li l-Kummissjoni ddeterminat is-sistema ta’ referenza. |
68 |
Barra minn hekk, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita, imsemmija fil-punt 45 iktar ’il fuq, li tgħid li, fil-kuntest tal-analiżi tas-selettività, l-għan tas-sistema ta’ referenza huwa rilevanti għall-finijiet tal-paragun tas-sitwazzjoni tal-operaturi kkonċernati mill-miżura inkwistjoni ma’ dik ta’ operaturi oħra. Issa, huwa għall-finijiet ta’ dan il-paragun li l-għan tas-sistema ta’ referenza ssemma fil-premessi 122 u 129 tad-deċiżjoni kkontestata. |
69 |
Barra minn hekk, mill-punt 6.3.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat sa fejn l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92, imwettqa mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet bil-quddiem, kienet tidderoga mis-sistema tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju deskritta fil-punt 6.3.1 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirreferi għall-punt 2 tal-imsemmija deċiżjoni li jiddeskrivi d-dispożizzjonijiet taċ-CIR 92 dwar is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, huwa preċiżament fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt fiskali Belġjan applikabbli, fosthom l-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92, li l-Kummissjoni eżaminat jekk l-applikazzjoni li kienet saret mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani kinitx tidderoga minnha. |
70 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-allegata interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, ir-rikorrenti, sostnuti f’dan ir-rigward mill-intervenjenti, jilmentaw li l-Kummissjoni qieset li l-profitt taxxabbli kien ibbażat fuq il-profitt totali rreġistrat tal-kumpanniji suġġetti għat-taxxa, filwaqt li, skont id-dritt fiskali Belġjan, fil-każ ta’ impriżi assoċjati, il-profitt taxxabbli għandu jiġi ddeterminat bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aġġustamenti pożittivi u negattivi previsti f’dan ir-rigward. |
71 |
L-ewwel, għandu jiġi rrilevat, kif indikat b’mod korrett il-Kummissjoni fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, li, għal finijiet fiskali, fil-Belġju, id-dħul taxxabbli jinkludi b’mod partikolari l-profitti kif inhuma ddefiniti fl-Artikolu 24 taċ-CIR 92 fi ħdan it-taqsima dwar it-taxxa fuq il-persuni fiżiċi. |
72 |
L-Artikolu 24 taċ-CIR 92 jipprevedi li d-dħul taxxabbli tal-kumpanniji industrijali, kummerċjali u agrikoli jinkludi d-dħul kollu li jirriżulta mill-attivitajiet imprenditorjali, bħall-profitti li jiġu minn “kull operazzjoni mwettqa mill-istabbilimenti ta’ dawn il-kumpanniji jew permezz tagħhom”, u minn “kull żieda fil-valur tal-assi […] u minn kull tnaqqis fil-valur tal-obbligazzjonijiet […] meta dan il-qligħ jew telf ikun ġie rrealizzat jew espress fil-kontabbiltà jew fil-kontijiet annwali”. |
73 |
Barra minn hekk, il-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għall-Artikoli 183 u 185(1) taċ-CIR 92. Skont l-Artikolu 183 taċ-CIR 92, id-dħul suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji huwa l-istess bħal dak previst fil-qasam tat-taxxa tal-persuni fiżiċi, li l-kalkolu tiegħu huwa bbażat fuq il-prinċipju li d-dħul taxxabbli huwa kkostitwit mid-dħul nett kollu, fosthom il-profitti, imnaqqas bl-ispejjeż li jistgħu jitnaqqsu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 185(1) taċ-CIR 92, il-kumpanniji huma taxxabbli fuq l-ammont totali tal-profitti. |
74 |
Minn dan jirriżulta li, skont id-dispożizzjonijiet taċ-CIR 92, għall-finijiet tat-taxxa fuq il-kumpanniji, il-kalkolu tad-dħul taxxabbli jsir abbażi tal-profitti kollha magħmula jew imdaħħla fil-kontabbiltà mill-impriżi suġġetti għat-taxxa fil-Belġju, li fuqhom huwa applikabbli t-tnaqqis legalment previst. |
75 |
It-tieni, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti u l-intervenjenti, il-Kummissjoni ma injoratx il-fatt li, fir-rigward tal-profitti li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet bejn kumpanniji assoċjati, kellhom isiru aġġustamenti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitti taxxabbli tal-kumpannija suġġetta għat-taxxa fil-Belġju. |
76 |
Huwa minnu li huwa indikat fil-premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata li fil-kuntest tas-sistema komuni ta’ tassazzjoni tal-profitti tal-kumpanniji, prevista mis-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju, l-entitajiet suġġetti għat-taxxa fil-Belġju huma ntaxxati abbażi tal-profitt totali tagħhom, jiġifieri abbażi tal-profitt fil-fatt irreġistrat tagħhom, u mhux abbażi ta’ livell ipotetiku ta’ profitt. |
77 |
Madankollu, din il-konstatazzjoni ma timplikax li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-aġġustamenti previsti mis-sistema tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju. Fil-fatt, b’mod partikolari fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, preċiżament skont l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, sabiex jiġi ddeterminat il-profitt taxxabbli ta’ impriża Belġjana, kienet teżisti l-possibbiltà li jsiru aġġustamenti negattivi, meta parti mill-profitt ta’ din l-impriża kien inkluż ukoll fil-profitt taxxabbli ta’ impriża barranija assoċjata. |
78 |
Għalhekk, minn naħa, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma timplikax li kull profitt irreġistrat mill-kumpanniji suġġetti għat-taxxa fil-Belġju għandu jiġi ntaxxat mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani mingħajr ma jkunu jistgħu jiġu applikati aġġustamenti għall-profitti rreġistrati fil-kontabbiltà ta’ dawn il-kumpanniji. Fil-fatt, il-Kummissjoni stess tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-profitt totali rreġistrat jikkostitwixxi l-bażi tal-kalkolu li fuqu huma previsti aġġustamenti mis-sistema komuni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji fil-Belġju. |
79 |
Min-naħa l-oħra, mill-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma tikkritikax lir-Renju tal-Belġju talli applika aġġustamenti b’mod ġenerali, iżda li huwa biss l-aġġustament negattiv fil-kuntest tal-iskema ta’ profitti eċċessivi li hija qieset contra legem. |
80 |
It-tielet, fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala eżenzjoni użata mill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi s-sistema ta’ profitti eċċessivi taħt l-iskema inkwistjoni, huwa stabbilit li din is-sistema ġiet deskritta mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani stess bħala “eżenzjoni tal-profitti eċċessivi”, li tikkonsisti fit-tassazzjoni biss ta’ parti mill-profitti, kif iddefinita mill-kumpannija inkwistjoni mad-Dipartiment tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem. Għalhekk, parti mill-profitti li hija kkunsidrata bħala eċċessiva, abbażi tal-perċentwali prevista mid-deċiżjoni bil-quddiem, hija eskluża mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija inkwistjoni għal kull sena fiskali matul il-perijodu ta’ validità tad-deċiżjoni bil-quddiem, u dan indipendentement min-natura u mill-ammont tal-profitti li saru mill-imsemmija kumpannija. Huwa diffiċli li tali sistema tiġi kklassifikata bħala sempliċi “aġġustament”, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti u l-intervenjenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ddeskriviet l-iskema applikabbli għall-profitti eċċessivi bħala eżenzjoni. |
81 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-inklużjoni tal-għan tas-sistema fiskali fid-definizzjoni tas-sistema ta’ referenza u l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, li jagħmel parti mill-imsemmija sistema ta’ referenza, ma jistgħux jinvalidaw id-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza li għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. |
2) Fuq l‑eżistenza ta’ deroga mis‑sistema ta’ referenza minħabba l‑applikazzjoni tal‑Artikolu 185(2)(b) taċ‑CIR 92 mill‑awtoritajiet tat‑taxxa Belġjani
82 |
Essenzjalment, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli kkunsidrat b’mod żbaljat li l-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani kienu wettqu applikazzjoni contra legem tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 u li minn dan iddeduċiet deroga mis-sistema ta’ referenza. |
83 |
F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza li tgħid li, fil-kuntest tal-eżami tas-selettività ta’ miżura fiskali, wara li tkun identifikat u eżaminat, fl-ewwel lok, is-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri s-sistema ta’ referenza, għandha, fit-tieni lok, tiġi evalwata u stabbilita n-natura possibbilment selettiva tal-vantaġġ mogħti mill-miżura fiskali inkwistjoni billi jintwera li din il-miżura tidderoga mill-imsemmija sistema komuni, sa fejn tiddistingwi bejn l-operaturi li, fid-dawl tal-għan marbut mas-sistema fiskali ta’ dan l-Istat Membru, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
84 |
Għandu jitfakkar li, fil-premessi 123 sa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi ma kinitx tagħmel parti integrali mis-sistema ta’ referenza. |
85 |
Barra minn hekk, fil-punt 6.3.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, prinċipalment, li l-iskema Belġjana ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kienet tidderoga mis-sistema komuni tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju, peress li din kienet tipprevedi li l-kumpanniji jiġu ntaxxati abbażi tal-profitt totali tagħhom, jiġifieri l-profitt fil-fatt irreġistrat tagħhom, u mhux abbażi ta’ profitt medju ipotetiku li jeskludi l-profitt totali li sar minn dawn il-kumpanniji u l-aġġustamenti legalment previsti. |
86 |
Qabel kollox, kif sostniet b’mod korrett il-Kummissjoni, fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, kif inhi pprattikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, ma hija preskritta minn ebda dispożizzjoni taċ-CIR 92. |
87 |
Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha tal-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92 abbażi tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u tat-testi li jakkumpanjaw id-dħul fis-seħħ tagħha. Fil-fatt, fil-premessi 29 sa 38 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet b’mod iddettaljat, l-ewwel, it-test tal-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92, introdott bil-loi du 21 juin 2004, modifiant le CIR 92 et la loi du 24 décembre 2002 (Moniteur belge tad‑9 ta’ Lulju 2004, p. 54623) (il-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004, li temenda ċ-CIR 92 u l-Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004”), it-tieni, il-memorandum ta’ spjegazzjoni li tinsab fl-abbozz tal-imsemmija liġi, ippreżentata fit‑30 ta’ April 2004 mill-Gvern Belġjan lill-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Belġju (iktar ’il quddiem il-“Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004”) u, it-tielet, iċ-ċirkulari tal‑4 ta’ Lulju 2006 dwar l-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92 (iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkulari Amministrattiva tal‑4 ta’ Lulju 2006”). |
88 |
Fil-fatt, fil-verżjoni tiegħu applikabbli f’dan il-każ, l-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92, li għalih tirreferi l-premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa fformulat kif ġej: “Bla ħsara għas-subparagrafu 2, għal żewġ kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali ta’ kumpanniji assoċjati u fir-rigward tar-relazzjonijiet transkonfinali reċiproċi tagħhom: […]
L-ewwel subparagrafu għandu japplika b’deċiżjoni fiskali bil-quddiem bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tat-Taxxa Doppja f’Każ ta’ Aġġustament tal-Profitti tal-Impriżi Assoċjati (90/436) tat‑23 ta’ Lulju 1990 u l-konvenzjonijiet internazzjonali sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja.” |
89 |
Sussegwentement, il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004, li tirreferi għalih il-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, jindika li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 jipprevedi aġġustament korrelattiv xieraq sabiex tiġi evitata jew eliminata taxxa doppja (possibbli) u li għandu jsir aġġustament korrelattiv biss jekk l-amministrazzjoni tat-taxxa jew id-Dipartiment tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem iqisu li l-aġġustament primarju huwa ġġustifikat bħala prinċipju u fir-rigward tal-ammont tiegħu. |
90 |
Barra minn hekk, il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004 jippreċiża li l-imsemmija dispożizzjoni ma tapplikax jekk il-profitt li sar fl-Istat assoċjat jiżdied b’tali mod li jkun ogħla minn dak li jinkiseb fil-każ ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament, peress li l-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani ma humiex obbligati jaċċettaw il-konsegwenzi ta’ aġġustament arbitrarju jew unilaterali fl-Istat assoċjat. |
91 |
Fl-aħħar nett, iċ-Ċirkulari Amministrattiva tal‑4 ta’ Lulju 2006, li tirreferi għaliha l-premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata, ittenni l-konstatazzjoni li tali aġġustament negattiv ma japplikax meta l-aġġustament pożittiv primarju mwettaq minn qorti oħra jkun eċċessiv. Barra minn hekk, l-imsemmija ċirkulari tirriproduċi fil-parti l-kbira t-test tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004, sa fejn tfakkar li l-aġġustament negattiv korrelattiv jagħmel sens mill-prinċipju ta’ distakkament, li għandu l-għan li jevita jew li jneħħi taxxa doppja (possibbli) u li għandu jsir b’mod xieraq, jiġifieri li l-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani jistgħu jwettqu dan l-aġġustament biss jekk dan tal-aħħar ikun iġġustifikat bħala prinċipju u fir-rigward tal-ammont tiegħu. |
92 |
Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 jirriżulta li l-aġġustament negattiv huwa previst fil-kuntest tar-relazzjonijiet transkonfinali bejn żewġ kumpanniji assoċjati u li dan għandu jkun korrelattiv, fis-sens li huwa applikabbli biss bil-kundizzjoni li l-profitti li huma s-suġġett tal-aġġustament jiġu wkoll inklużi fil-profitti tal-kumpannija l-oħra u li dawn il-profitti hekk inklużi jkunu profitti li kienu jsiru minn din il-kumpannija l-oħra li kieku l-kundizzjonijiet miftiehma bejn iż-żewġ kumpanniji kienu dawk li kienu jiġu miftiehma bejn kumpanniji indipendenti. |
93 |
Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata kemm mill-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004 kif ukoll miċ-Ċirkulari Amministrattiva tal‑4 ta’ Lulju 2006, li jenfasizzaw li l-aġġustament korrelattiv għandu jkun xieraq, bħala prinċipju u fir-rigward tal-ammont tiegħu, u li ma jsirx dan l-aġġustament jekk il-profitti li saru fi Stat ieħor jiżdiedu b’mod li jsiru ogħla minn dawk li kienu jinkisbu b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament. Fil-fatt, dawn it-testi jindikaw li l-aġġustament negattiv previst mill-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 jirrikjedi korrelazzjoni bejn il-profitti aġġustati ’l isfel fil-Belġju u l-profitti inklużi f’kumpannija oħra tal-grupp stabbilita fi Stat ieħor. |
94 |
Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li dawn it-testi jirreferu għall-għan li tiġi evitata taxxa doppja possibbli, tali riferiment ma jistax jelimina l-kundizzjoni prevista b’mod espliċitu fl-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, relatata mal-fatt li l-profitti li għandhom jiġu aġġustati għandhom ikunu ġew inklużi wkoll fil-profitti ta’ kumpannija oħra u li dawn il-profitti hekk inklużi jkunu profitti li kienu jsiru minn din il-kumpannija l-oħra li kieku l-kundizzjonijiet miftiehma bejniethom kienu dawk li kienu jiġu miftiehma bejn kumpanniji indipendenti. Għalhekk, l-aġġustament previst fl-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-profitti li għandhom jiġu aġġustati jkunu ġew effettivament intaxxati fi Stat ieħor. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni teħtieġ biss li l-profitti li għandhom jiġu aġġustati jkunu ġew inklużi fil-profitti ta’ entità oħra u li dawn il-profitti jkunu profitti li kienu jsiru li kieku l-kundizzjonijiet miftiehma fir-rigward tar-relazzjonijiet tagħhom kienu dawk miftiehma bejn kumpanniji indipendenti. Fil-fatt, huwa preċiżament meta l-profitti ta’ entità Belġjana jiġu inklużi wkoll fil-profitti ta’ kumpannija oħra, stabbilita fi Stat ieħor, li tista’ teżisti l-possibbiltà ta’ taxxa doppja. |
95 |
Għall-kuntrarju, l-iskema ta’ profitti eċċessivi applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani tipprevedi aġġustament negattiv tal-profitti mingħajr ma jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92. |
96 |
Din l-iskema, kif inhi deskritta mill-Kummissjoni fil-premessi 13 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, kienet tikkonsisti, essenzjalment, f’eżenzjoni unilaterali astratta ta’ parti fissa jew f’perċentwali fissa tal-profitt fil-fatt irreġistrat minn entità Belġjana li tagħmel parti minn grupp multinazzjonali. |
97 |
Barra minn hekk, fil-premessi 39 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni t-tweġibiet tal-Ministru għall-Finanzi Belġjan għall-mistoqsijiet parlamentari dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 tat‑13 ta’ April 2005, tal‑11 ta’ April 2007 u tas‑6 ta’ Jannar 2015. Dawn it-tweġibiet jispjegaw il-prassi amministrattiva tal-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani dwar il-profitti eċċessivi. |
98 |
Minn dawn ir-risposti jirriżulta li, fil-kuntest tal-iskema ta’ profitti eċċessivi, applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, l-aġġustament negattiv tal-profitti li jippermetti li jitnaqqsu mill-bażi taxxabbli l-imsemmija profitti eċċessivi ma kienx ikkundizzjonat mill-fatt li l-profitti eżentati ġew inklużi fil-profitti ta’ kumpannija oħra u li dawn il-profitti kienu profitti li kienu jsiru minn din il-kumpannija l-oħra li kieku l-kundizzjonijiet miftiehma bejniethom kienu dawk li kienu jiġu miftiehma bejn kumpanniji indipendenti. |
99 |
Barra minn hekk, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Renju tal-Belġju, kif inhuma riprodotti b’mod partikolari fil-premessi 15 sa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-eżenzjoni applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani taħt l-iskema inkwistjoni kienet ibbażata fuq perċentwali ta’ eżenzjoni, ikkalkolata abbażi ta’ profitt medju ipotetiku għall-entità Belġjana, miksub minn indikatur tal-livell ta’ profitt li jirriżulta minn paragun mal-profitti tal-impriżi awtonomi komparabbli u ffissat bħala valur li jinsab fil-medda interkwartili tal-imsemmi indikatur tal-livell ta’ profitt magħżul għal grupp ta’ impriżi awtonomi komparabbli. Din il-perċentwali ta’ eżenzjoni kienet applikabbli għal diversi snin, jiġifieri matul il-perijodu ta’ validità tad-deċiżjoni bil-quddiem. Għalhekk, it-tassazzjoni tal-entitajiet Belġjani li kienet tirriżulta minn dan ma kinitx tieħu bħala punt ta’ tluq it-totalità tal-profitti fil-fatt irreġistrati, fis-sens tal-Artikoli 1, 24, 183 u 185(1) taċ-CIR 92, li għalihom kienu jiġu applikati l-aġġustamenti legalment previsti fil-każ ta’ gruppi ta’ impriżi, skont l-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92, iżda pjuttost profitt ipotetiku li jeskludi l-profitt totali li sar mill-entità Belġjana inkwistjoni u l-aġġustamenti legalment previsti. |
100 |
Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq sentenza tar-rechtbank van eerste aanleg van Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell, il-Belġju) tal‑21 ta’ Ġunju 2019, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni li qamet fil-kuntest tal-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza kienet dik dwar jekk l-amministrazzjoni tat-taxxa Belġjana setgħetx, skont l-Artikolu 23 tal-Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002, tinjora żewġ deċiżjonijiet bil-quddiem adottati mid-Dipartiment tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem, li għaliha l-imsemmija qorti wieġbet fin-negattiv. F’dan ir-rigward, din il-qorti kkonstatat b’mod espliċitu li, fiha nnifisha, l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 ma kinitx tagħmel parti mit-tilwima inkwistjoni. Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza, bi tweġiba għal argument tal-amministrazzjoni tat-taxxa Belġjana dwar il-portata tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, l-imsemmija qorti indikat li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kienet teħtieġ evalwazzjoni tal-profitti ta’ kull waħda mill-kumpanniji rispettivi kkonċernati mir-relazzjoni intragrupp transkonfinali. Barra minn hekk, filwaqt li ppreċiżat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 kienet intiża sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja, il-qorti ċaħdet bħala irrilevanti l-argument tal-amministrazzjoni Belġjana li kien jikkontesta l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni minħabba l-assenza, f’dan il-każ, ta’ taxxa doppja. Għaldaqstant, dik is-sentenza ma tistax tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. |
101 |
Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi, fil-premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, invokat mir-Renju tal-Belġju bħala bażi għall-iskema inkwistjoni la kellu s-sens u lanqas l-effett irrakkomandat mill-imsemmija skema u, għaldaqstant, li din l-iskema kienet pjuttost tikkostitwixxi deroga mid-dritt fiskali Belġjan, inkluż l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92. |
102 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kkonstatatx b’mod żbaljat, fil-kuntest tar-raġunament prinċipali tagħha, li l-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kienet tidderoga mis-sistema komuni tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju. |
3) Fuq l‑eżistenza ta’ differenzazzjoni bejn operaturi ekonomiċi li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli minħabba d‑deroga mis‑sistema ta’ referenza
103 |
Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli kkunsidrat b’mod żbaljat li l-iskema inkwistjoni kienet twassal għal differenzazzjoni fit-trattament tal-benefiċjarji meta mqabbla ma’ operaturi ekonomiċi oħra li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli. |
104 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ressqet, fil-premessi 138 sa 140 tad-deċiżjoni kkontestata, tliet motivi alternattivi sabiex issostni l-konklużjoni tagħha, li għandhom jiġu eżaminati suċċessivament għall-finijiet ta’ kompletezza. |
i) Fuq it‑trattament iddifferenzjat tal‑benefiċjarji li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali ta’ impriżi
105 |
Il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskema kienet selettiva peress li kienet miftuħa biss għal entitajiet li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali ta’ impriżi. |
106 |
Huwa minnu li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 huwa intiż li japplika għall-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali. Madankollu, kif jirriżulta mill-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004, l-iskop tal-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92 huwa li jqiegħed l-impriżi assoċjati u l-impriżi mhux assoċjati fuq l-istess livell. |
107 |
F’dan ir-rigward, kif ġie indikat fil-punt 65 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li l-għan tas-sistema tad-dritt komuni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju, kif jirriżulta mill-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa li jiġu ntaxxati l-profitti taxxabbli kollha tal-entitajiet suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju, kemm jekk dawn ikunu awtonomi kif ukoll jekk jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali ta’ impriżi. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 74 iktar ’il fuq, skont ir-regoli normali ta’ tassazzjoni fil-Belġju, il-profitti taxxabbli tal-impriżi huma, fundamentalment, il-profitti kollha magħmula jew espressi fil-kontabbiltà jew fil-kontijiet annwali tagħhom. |
108 |
Għall-kuntrarju, l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, sa fejn din tidderoga mill-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92, tat tnaqqis fiskali lill-benefiċjarji kkonċernati, għar-raġuni li dawn kienu jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali ta’ impriżi, billi ġew permessi jnaqqsu parti tal-profitti rreġistrati tagħhom mill-bażi taxxabbli tagħhom, mingħajr ma dawn il-profitti eżentati kienu ġew inklużi fil-profitti ta’ kumpannija oħra tal-grupp. |
109 |
Għaldaqstant, jeżisti trattament iddifferenzjat bejn l-entitajiet li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali, li bbenefikaw, bis-saħħa tal-iskema inkwistjoni, mill-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi sa perċentwali ta’ eżenzjoni kkalkolat abbażi ta’ profitt medju ipotetiku, li jeskludi l-profitt totali li sar minn dawn il-kumpanniji u l-aġġustamenti legalment previsti, u entitajiet oħra, kemm jekk ikunu awtonomi kif ukoll jekk jagħmlu parti minn grupp ta’ impriżi, li kienu jiġu ntaxxati konformement mar-regoli normali ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji fil-Belġju fuq it-totalità tal-profitti tagħhom fil-fatt irreġistrati, jekk ikun il-każ, fir-rigward tal-entitajiet li jagħmlu parti minn grupp, wara l-applikazzjoni tal-aġġustament skont l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, skont il-kundizzjonijiet previsti fih. |
110 |
Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li sostniet li l-entitajiet li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali li bbenefikaw mill-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi skont l-iskema inkwistjoni, li tikkostitwixxi aġġustament li ma hijiex bħala tali prevista mil-liġi, irċevew trattament iddifferenzjat meta mqabbla ma’ entitajiet oħra fil-Belġju li ma bbenefikawx minnu, meta dawn l-entitajiet kienu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, fid-dawl tal-għan tas-sistema tad-dritt komuni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju, jiġifieri l-intaxxar tal-profitti taxxabbli kollha tal-kumpanniji kollha residenti jew attivi permezz ta’ stabbiliment permanenti fil-Belġju. |
ii) Fuq it‑trattament iddifferenzjat meta mqabbla ma’ impriżi li ma għamlux investimenti, ma ħolqux impjiegi jew ma ċċentralizzawx attivitajiet fil‑Belġju
111 |
Fil-premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li l-iskema inkwistjoni kienet selettiva sa fejn ma kinitx miftuħa għall-kumpanniji li ddeċidew li ma jagħmlux investimenti, li ma joħolqux impjiegi jew li ma jiċċentralizzawx attivitajiet fil-Belġju. Il-Kummissjoni rrilevat li l-Artikolu 20 tal-Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002 kien jissuġġetta l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet bil-quddiem għall-eżistenza ta’ sitwazzjoni jew ta’ tranżazzjoni li ma pproduċietx effetti fuq il-livell fiskali u li deċiżjoni bil-quddiem kienet neċessarja sabiex tibbenefika mill-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi. |
112 |
Il-Kummissjoni rrilevat ukoll li, fil-kampjun tad-deċiżjonijiet bil-quddiem li jagħtu eżenzjoni tal-profitti eċċessivi li hija analizzat, kull deċiżjoni bil-quddiem kienet issemmi investimenti kbar, iċ-ċentralizzazzjoni ta’ attivitajiet jew il-ħolqien ta’ impjiegi fil-Belġju. Minħabba f’hekk, hija qieset li l-obbligu relatat mas-“sitwazzjoni l-ġdida”, li għalih kienu suġġetti t-talbiet għal deċiżjonijiet bil-quddiem għall-benefiċċju mill-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, kien jagħti lok għal trattament iddifferenzjat tal-gruppi multinazzjonali li biddlu l-mudell ta’ negozju tagħhom billi stabbilixxu attivitajiet ġodda, fil-Belġju meta mqabbla mal-operaturi ekonomiċi l-oħra kollha, inklużi l-gruppi multinazzjonali, li komplew isegwu l-mudell ta’ negozju tagħhom eżistenti fil-Belġju. |
113 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punti 142 sa 144 tas-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-għażla ta’ kampjun ta’ 22 deċiżjoni bil-quddiem adottati matul l‑2005, l‑2007, l‑2010 u l‑2013 kienet xierqa u suffiċjentement rappreżentattiva. |
114 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 20 tal-Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002 jiddefinixxi d-deċiżjoni bil-quddiem bħala l-att legali li permezz tiegħu d-Dipartiment Pubbliku Federali tal-Finanzi jiddetermina, konformement mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ, kif il-liġi ser tiġi applikata għal sitwazzjoni jew għal tranżazzjoni partikolari li jkunu għadhom ma kellhomx effetti fuq livell fiskali. Barra minn hekk, l-Artikolu 22 ta’ din l-istess liġi jippreċiża li deċiżjoni bil-quddiem ma tistax tiġi adottata, b’mod partikolari, meta t-talba tkun tirrigwarda sitwazzjonijiet jew tranżazzjonijiet identiċi għal dawk li diġà kellhom effetti fiskali fir-rigward ta’ min iressaq it-talba. |
115 |
Huwa minnu li, mill-qari tad-dispożizzjonijiet indikati fil-punt 114 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi dedott li t-twettiq ta’ investimenti, il-ħolqien ta’ impjiegi jew iċ-ċentralizzazzjoni ta’ attivitajiet fil-Belġju jikkostitwixxu kundizzjonijiet espliċitament meħtieġa għall-kisba ta’ deċiżjoni bil-quddiem. |
116 |
Madankollu, mill-kampjun tad-deċiżjonijiet bil-quddiem analizzat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dawn id-deċiżjonijiet effettivament ingħataw wara proposti ta’ dawk li ressqu talba li jagħmlu investimenti fil-Belġju, li jirrilokaw ċerti funzjonijiet fil-Belġju jew li joħolqu ċertu numru ta’ impjiegi hemmhekk. Fil-fatt, it-tliet eżempji deskritti fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 80 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom dawk li ressqu talba għad-deċiżjonijiet bil-quddiem inkwistjoni ddeskrivew il-pjanijiet tagħhom ta’ investiment u ta’ ċentralizzazzjoni mill-ġdid ta’ attivitajiet fil-Belġju, juru li, fil-prattika, il-kundizzjoni għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni bil-quddiem dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni li ma pproduċietx effetti fiskali kienet ġiet issodisfatta minn investimenti, miċ-ċentralizzazzjoni ta’ attivitajiet jew mill-ħolqien ta’ impjiegi fil-Belġju. |
117 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, hija preċiżament il-prassi amministrattiva tal-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, li tikkonsisti fl-eżenzjoni tal-profitti permezz ta’ deċiżjonijiet bil-quddiem, li tqieset bħala derogatorja għal dak li huwa previst fl-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92. Issa, bis-saħħa tal-imsemmija deċiżjonijiet bil-quddiem, il-benefiċjarji tagħhom kisbu vantaġġ li jikkonsisti fit-tnaqqis tal-bażi taxxabbli tagħhom, minħabba l-eżenzjoni tal-profitti msejħa “eċċessivi”. Għall-kuntrarju, l-entitajiet li ma kinux ipproċedew għal bidla fil-mudell ta’ negozju tagħhom, sabiex joħolqu sitwazzjonijiet fiskali ġodda li, fid-dawl ta’ tali prassi, kienu jikkonsistu sistematikament f’investimenti, fiċ-ċentralizzazzjoni ta’ attivitajiet jew fil-ħolqien ta’ impjiegi fil-Belġju, u, għaldaqstant, li ma kinux talbu deċiżjoni bil-quddiem kienu ġew intaxxati fuq il-profitti taxxabbli kollha tagħhom. Għaldaqstant, l-iskema inkwistjoni tat lok għal trattament iddifferenzjat tal-kumpanniji li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, fid-dawl tal-għan tas-sistema tad-dritt komuni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju. |
118 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li sostniet, fil-premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sistema inkwistjoni kienet selettiva peress li ma kinitx miftuħa għal kumpanniji li kienu ddeċidew li ma jagħmlux investimenti fil-Belġju, li ma jiċċentralizzawx l-attivitajiet fil-Belġju u li ma joħolqux impjiegi hemmhekk. |
iii) Fuq it‑trattament iddifferenzjat meta mqabbla ma’ impriżi li jagħmlu parti minn grupp ta’ daqs żgħir
119 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni sostniet, fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskema inkwistjoni kienet selettiva sa fejn huma biss l-entitajiet Belġjani li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali kbir jew ta’ daqs medju li setgħu effettivament jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi. |
120 |
Fil-fatt, fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li huma biss l-entitajiet li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali suffiċjentement kbir li kienu mħeġġa jiksbu deċiżjoni bil-quddiem, peress li kien biss fi ħdan il-gruppi kbar ta’ impriżi li setgħu jiġu ġġenerati profitti miksuba minn sinerġiji, minn ekonomiji ta’ skala u minn vantaġġi oħra, ta’ livell sinjifikattiv li jiġġustifika t-talba għal deċiżjoni bil-quddiem. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li l-proċess ta’ kisba ta’ tali deċiżjoni kien jeħtieġ talba ddettaljata li tippreżenta s-sitwazzjoni l-ġdida li kienet tiġġustifika l-eżenzjoni kif ukoll studji dwar il-profitti eċċessivi, li kien ikun iktar restrittiv għall-gruppi żgħar ta’ kumpanniji milli għall-kbar. |
121 |
F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li, fi ħdan il-kampjun ta’ 22 deċiżjoni bil-quddiem taħt l-iskema inkwistjoni eżaminata mill-Kummissjoni, kif inhu deskritt fil-premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata u li ġie kklassifikat bħala xieraq u bħala rappreżentattiv fil-punti 142 sa 144 tas-sentenza tal-appell, l-ebda waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ma kienet tikkonċerna entitajiet li jagħmlu parti minn gruppi ta’ impriżi ta’ daqs żgħir. |
122 |
Barra minn hekk, kif inhu indikat fil-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex ikkontestat li, matul il-proċedura amministrattiva, wara tali konstatazzjoni mill-Kummissjoni abbażi tal-kampjun ta’ 22 deċiżjoni bil-quddiem u bħala tweġiba għal talba mressqa minnha f’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Belġju ma rnexxilux isostni l-allegazzjoni tiegħu li l-eżenzjoni kienet ingħatat ukoll lil impriżi li jagħmlu parti minn gruppi ta’ impriżi ta’ daqs żgħir. |
123 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-prassi amministrattiva msemmija mill-Kummissjoni, huma impriżi li jagħmlu parti minn gruppi ta’ daqs kbir u medju li invokaw l-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, bl-esklużjoni tal-impriżi li jagħmlu parti minn grupp ta’ impriżi ta’ daqs żgħir. |
124 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li sostniet, fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sistema inkwistjoni kienet selettiva peress li ma kinitx miftuħa għal impriżi li jagħmlu parti minn grupp ta’ daqs żgħir. |
125 |
Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni adottat, b’mod żbaljat, tali raġuni dwar it-trattament iddifferenzjat meta mqabbla mal-impriżi li jagħmlu parti minn grupp ta’ daqs żgħir, dan ma jaffettwax il-validità taż-żewġ motivi l-oħra mressqa mill-Kummissjoni u eżaminati, rispettivament, fil-punti 105 sa 110 u 111 sa 118 iktar ’il fuq. |
c) Konklużjoni dwar il‑motiv ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 107 TFUE kif ukoll tal‑obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn id‑deċiżjoni kkontestata tikklassifika l‑iskema inkwistjoni bħala miżura selettiva, fil‑kuntest tar‑raġunament prinċipali tal‑Kummissjoni
126 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-kuntest tar-raġunament prinċipali tagħha, il-Kummissjoni, filwaqt li analizzat flimkien il-kunċetti ta’ “vantaġġ” u ta’ “selettività”, motivat b’mod suffiċjenti l-konstatazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ, peress li din l-analiżi hija korretta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni identifikat b’mod korrett is-sistema ta’ referenza bħala s-sistema tad-dritt komuni ta’ tassazzjoni tal-profitti tal-kumpaniji, prevista mis-sistema tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju, li l-għan tagħha huwa t-tassazzjoni tal-profitti tal-kumpanniji kollha suġġetti għat-taxxa fil-Belġju, u li fi ħdanha hemm l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92. Minbarra dan, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li l-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, mingħajr ma rrikjediet li dawn jiġu inklużi fil-profitti ta’ kumpannija oħra, kienet tidderoga mis-sistema ta’ referenza u tat trattament iddifferenzjat lill-benefiċjarji meta mqabbla ma’ entitajiet oħra li jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali simili, fid-dawl tal-għan tal-imsemmija sistema. |
127 |
Għaldaqstant, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud sa fejn jikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni, skont ir-raġunament prinċipali tagħha, li l-iskema inkwistjoni tat vantaġġ selettiv lil dawn il-benefiċjarji, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. |
128 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti, imqajma fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet motiv, kontra l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, abbażi tar-raġunament sussidjarju tagħha dwar is-selettività, żviluppat fil-punt 6.3.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata. |
3. Fuq ir‑raba’ motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 107 TFUE, fuq ksur tal‑prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq abbuż ta’ poter u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il‑Kummissjoni ordnat lir‑Renju tal‑Belġju jirkupra l‑għajnuna mogħtija mill‑iskema inkwistjoni
129 |
Ir-raba’ motiv, invokat sussidjarjament, jinqasam fi tliet partijiet relatati, rispettivament, mal-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità, mal-identifikazzjoni tal-benefiċjarji u mal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata. |
130 |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-motiv invokat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud. |
a) Fuq l‑ewwel parti, dwar il‑ksur tal‑prinċipji ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità
131 |
Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn ma kienx possibbli li tiġi antiċipata l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, b’mod partikolari peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija applikat, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitti taxxabbli, prinċipju ta’ distakkament sui generis, filwaqt li ma kinitx teżisti armonizzazzjoni fi ħdan l-Unjoni f’dan ir-rigward, u dan minkejja li sa dak iż-żmien hija ma kinitx ikkontestat skemi simili applikati minn Stati Membri oħra. |
132 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jinsab fost il-prinċipji fundamentali tal-Unjoni u l-possibbiltà li jiġi invokat hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li fil-konfront tiegħu istituzzjoni tkun ħolqot aspettattivi fondati billi tagħtu garanziji preċiżi (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Kone et vs Il‑Kummissjoni, C‑510/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:696, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
133 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti sempliċement jaffermaw li huma ma setgħux jantiċipaw li d-deċiżjonijiet bil-quddiem jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Huma ma jqajmu l-ebda argument, li huwa sostnut minn provi, sabiex jiġi stabbilit li huma rċevew garanziji preċiżi mill-Kummissjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 132 iktar ’il fuq, li jistgħu joħolqu aspettattivi bbażati fuq il-fatt li hija ma kinitx tqis l-eżenzjonijiet mogħtija permezz ta’ deċiżjonijiet bil-quddiem li ma jsegwux is-sistema ġenerali ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji fil-Belġju, u b’mod partikolari l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, bħala illegali u inkompatibbli. |
134 |
Fi kwalunkwe każ, peress li l-Kummissjoni kkonkludiet, ġustament, abbażi tar-raġunament prinċipali tagħha, li l-iskema inkwistjoni kienet tat lill-benefiċjarji tagħha vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, kif jirriżulta mill-punti 126 u 127 iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrenti li jsostnu l-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi minħabba l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni abbażi tar-raġunament sussidjarju tagħha huma ineffettivi. |
135 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
136 |
Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li l-imsemmi prinċipju, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2004, Spanja u Il‑Finlandja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑184/02 u C‑223/02, EU:C:2004:497, punt 57; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister,C‑210/00, EU:C:2002:440, punt 59, u tas‑7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et, C‑558/07, EU:C:2009:430, punt 41). |
137 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz ta’ rkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha, b’tali mod li l-irkupru ta’ din l-għajnuna, bl-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti, ma jistax jiġi kkunsidrat, bħala prinċipju, li huwa miżura sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il‑Kummissjoni, C‑471/09 P sa C‑473/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:521, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
138 |
Issa, f’dan il-każ, l-argumenti invokati mir-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li l-irkupru ġie ordnat mingħand il-benefiċjarji kollha ta’ deċiżjoni bil-quddiem, indipendentement mid-daqs tagħhom, mir-riżorsi tagħhom u mil-livell ta’ sofistikazzjoni tagħhom, ma jippermettux li dan il-prinċipju jiġi kkontestat. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 137 iktar ’il fuq, peress li l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat huwa l-unika konsegwenza tal-illegalità tagħha u tal-inkompatibbiltà tagħha mar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, dan ma jistax jiddependi mis-sitwazzjoni tal-benefiċjarji tagħha. |
139 |
Sa fejn il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonstata, f’dan il-każ, li l-iskema inkwistjoni kienet tat lill-benefiċjarji tagħha għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern u illegali, l-irkupru tal-għajnuna, ordnat mid-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
140 |
Għaldaqstant, hemm lok li din il-parti dwar il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità tiġi miċħuda. |
b) Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq abbuż ta’ poter, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba l‑identifikazzjoni tal‑benefiċjarji tal‑għajnuna
141 |
Ir-rikorrenti jikkontestaw, essenzjalment, l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tal-għajnuna fil-premessi 184 sa 186 tad-deċiżjoni kkontestata u l-fatt li l-Artikolu 2(2) tad-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni jordna l-irkupru tal-ammont ta’ din l-għajnuna mingħand il-benefiċjarji hekk identifikati. |
142 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 183 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-entitajiet Belġjani li kisbu deċiżjoni bil-quddiem li tippermettilhom inaqqsu l-profitti kkunsidrati bħala eċċessivi, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitt taxxabbli tagħhom, kienu l-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni. |
143 |
Barra minn hekk, fil-premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, entitajiet legali distinti setgħu jitqiesu bħala li jikkostitwixxu unità ekonomika waħda, li setgħet titqies bħala l-benefiċjarja tal-għajnuna. Għalhekk, hija kkunsidrat li, f’dan il-każ, l-entitajiet Belġjani li bbenefikaw mill-għajnuna inkwistjoni kienu operaw bħala imprendituri ċentrali għall-benefiċċju ta’ entitajiet oħra fi ħdan il-gruppi ta’ impriżi tagħhom li huma kienu jikkontrollaw ta’ spiss. Hija rrilevat ukoll li l-entitajiet Belġjani kienu, min-naħa tagħhom, ikkontrollati mill-entità li tmexxi lill-grupp kollu ta’ impriżi. Għalhekk, minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li l-grupp multinazzjonali kollu seta’ jitqies bħala l-benefiċjarju tal-miżura ta’ għajnuna. |
144 |
Barra minn hekk, fil-premessa 185 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li kien il-grupp kollu kemm hu, indipendentement mill-fatt li huwa organizzat f’entitajiet legali differenti, li ddeċieda li jiċċentralizza ċerti attivitajiet fil-Belġju u li jwettaq hemmhekk l-investimenti neċessarji sabiex jibbenefika mid-deċiżjonijiet bil-quddiem. |
145 |
Huwa għalhekk li, fil-premessa 186 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonkludiet li, minbarra l-entitajiet Belġjani li ġew ammessi sabiex jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni, il-gruppi multinazzjonali li kienu jagħmlu parti minnhom dawn l-entitajiet kellhom jitqiesu bħala benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
146 |
Skont l-Artikolu 2(1) tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Renju tal-Belġju huwa obbligat li jirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarji tagħha. Skont l-Artikolu 2(2) tal-imsemmi dispożittiv, kull somma li tkun għadha ma ġietx irkuprata mingħand il-benefiċjarji, wara l-irkupru deskritt fil-paragrafu 1, għandha tiġi rkuprata mingħand il-grupp ta’ impriżi li minnu l-benefiċjarju jagħmel parti. |
147 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 183 sa 186 tad-deċiżjoni kkontestata li jiġġustifikaw l-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija mill-iskema inkwistjoni mingħand gruppi ta’ impriżi li minnhom kienu jagħmlu parti l-benefiċjarji tad-deċiżjonijiet bil-quddiem jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif inhuma stabbiliti fil-punt 44 iktar ’il fuq. |
148 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li jikkontestaw il-fondatezza tal-ordni ta’ rkupru mingħand il-gruppi ta’ impriżi li kienu jagħmlu parti minnhom il-benefiċjarji tad-deċiżjonijiet bil-quddiem, hemm lok li jsiru l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin. |
149 |
Qabel kollox, għandu jitfakkar li, f’deċiżjoni dwar skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi ta’ tali skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li huwa neċessarju li tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2002, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, EU:C:2002:143, punti 89 u 91; tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivere et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 63, u tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Copebi,C‑505/18, EU:C:2019:500, punti 28 sa 33). |
150 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-Kummissjoni għandha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa meta hija tkun imsejħa tiddetermina, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat, jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħhom b’mod partikolari, entitajiet legali distinti jikkostitwixxux unità ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 63, u tal‑25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140, punt 314). |
151 |
Għalhekk, ġie deċiż li l-Kummissjoni setgħet tqis, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat u tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn deċiżjoni li tordna l-irkupru tagħha, li kienet teżisti unità ekonomika bejn diversi entitajiet legali distinti, b’mod partikolari meta dawn kienu marbuta b’relazzjonijiet ta’ kontroll (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni, 323/82, EU:C:1984:345, punt 11, u tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 64). |
152 |
Fil-premessi 184 sa 186 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat il-fatt li, fil-kuntest tal-iskema inkwistjoni, kienu jeżistu rabtiet ta’ kontroll bejn l-entità Belġjana u l-entitajiet l-oħra tal-grupp li jagħmlu parti minnu. Għalhekk, minn naħa, il-Kummissjoni rrilevat il-fatt li l-entità Belġjana kienet teżerċita funzjonijiet ċentrali għal entitajiet oħra tal-grupp, li ta’ spiss kienu kkontrollati mill-imsemmija entità. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni enfasizzat il-fatt li d-deċiżjonijiet fi ħdan il-gruppi multinazzjonali ta’ impriżi fir-rigward tal-istrutturi li taw lok għall-eżenzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri ċ-ċentralizzazzjoni ta’ attivitajiet fil-Belġju jew l-investimenti mwettqa fil-Belġju, ittieħdu fi ħdan il-grupp, neċessarjament minn entitajiet li kkontrollawh. Barra minn hekk, mid-deskrizzjoni tal-iskema ta’ profitti eċċessivi mogħtija mir-Renju tal-Belġju, kif inhi riprodotta b’mod partikolari fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-profitti eċċessivi eżentati kellhom ikunu ġġenerati minn sinerġiji u ekonomiji ta’ skala minħabba l-appartenenza tal-entitajiet Belġjani inkwistjoni għal grupp multinazzjonali ta’ impriżi. |
153 |
Minn dan isegwi li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat elementi li jippermettulha tikkonkludi li jeżistu, bħala prinċipju, rabtiet ta’ kontroll fi ħdan gruppi multinazzjonali ta’ impriżi li kienu jagħmlu parti minnhom l-entitajiet Belġjani li kisbu deċiżjonijiet bil-quddiem. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi tal-iskema inkwistjoni, ma jistax jiġi konkluż li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-marġni ta’ evalwazzjoni tagħha meta qieset li l-imsemmija gruppi kienu jikkostitwixxu unità ekonomika ma’ dawn l-entitajiet, li bbenefikaw minn għajnuna mill-Istat taħt din l-iskema, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
154 |
Fir-rigward tal-ordni ta’ rkupru, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament 2015/1589, meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern u illegali, hija għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju tagħha. |
155 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta ordnat, fl-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata, l-irkupru ta’ kull somma mhux irkuprata mingħand il-benefiċjarji mingħand il-gruppi ta’ impriżi li kienu ġew identifikati bħala li jikkostitwixxu unità ekonomika mal-entitajiet Belġjani li kisbu deċiżjoni bil-quddiem taħt l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. |
156 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda. |
c) Fuq it‑tielet parti, dwar il‑ksur tal‑Artikolu 107 TFUE u dwar abbuż ta’ poter sa fejn id‑deċiżjoni kkontestata timponi l‑irkupru ta’ ammont li jista’ jkun ogħla mill‑vantaġġ irċevut mill‑benefiċjarji
157 |
Ir-rikorrenti, essenzjalment, jilmentaw li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, billi ordnat l-irkupru ta’ ammont ugwali għat-taxxa li kienet tolqot id-dħul tal-benefiċjarji fl-assenza ta’ deċiżjoni bil-quddiem, l-aġġustamenti pożittivi possibbli li setgħu jsiru minn amministrazzjoni tat-taxxa oħra fir-rigward tal-profitti eċċessivi. |
158 |
Għandu jitfakkar li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonstata li l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi prevista mill-iskema inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE li hija inkompatibbli mas-suq intern u li ġiet implimentata illegalment. Barra minn hekk, l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni jordna l-irkupru ta’ din l-għajnuna mingħand il-benefiċjarji tagħha. |
159 |
Fil-premessi 207 sa 210 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pprovdiet indikazzjonijiet fir-rigward tal-metodu sabiex jiġi stabbilit l-ammont effettiv tal-vantaġġ fiskali mogħti lill-benefiċjarji, filwaqt li rrilevat li dan il-metodu kien għadu jista’ jiġi ppreċiżat b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari s-sitwazzjoni individwali tal-benefiċjarji. |
160 |
Barra minn hekk, fil-premessa 211 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet, essenzjalment, li l-irkupru ordnat kien intiż sabiex jiggarantixxi li t-taxxa finalment dovuta mill-benefiċjarju tal-iskema tkun it-taxxa li huwa kellu jħallas fl-assenza tal-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi. |
161 |
Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti, l-ewwel, għandha titfakkar il-ġurisprudenza li tgħid li, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jirrigwardaw skemi ta’ għajnuna, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi ta’ tali skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li huwa neċessarju li tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivere et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punti 63 sa 64 u 130). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-istadju tad-deċiżjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna fil-kuntest tal-iskema inkwistjoni, is-sitwazzjoni individwali ta’ kull benefiċjarju. |
162 |
It-tieni, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-irkupru ordnat mid-deċiżjoni kkontestata huwa preċiżament ibbażat fuq il-fatt li l-għajnuna ngħatat bis-saħħa tal-iskema inkwistjoni, li tikkonsisti f’eżenzjonijiet unilaterali tal-profitti eċċessivi, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk tali profitti kinux ġew inklużi jew le fil-profitti ta’ kumpanniji oħra ntaxxati f’ġurisdizzjonijiet oħra. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tikkonċerna d-deċiżjonijiet bil-quddiem dwar l-aġġustamenti korrelattivi magħmula wara aġġustamenti pożittivi primarji mwettqa mill-awtoritajiet tat-taxxa ta’ ġurisdizzjonijiet oħra. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-ipoteżi li aġġustament pożittiv kien isir f’ġurisdizzjoni oħra huma ineffettivi. |
163 |
It-tielet, u fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija fil-kuntest tal-iskema inkwistjoni ma għandha l-ebda effett fuq id-drittijiet li tista’ tinvoka kull persuna taxxabbli, bis-saħħa tal-ftehimiet ta’ taxxa doppja applikabbli, b’mod partikolari, sabiex tikseb aġġustament xieraq tal-profitti taxxabbli tagħha, wara aġġustament pożittiv imwettaq mill-awtoritajiet tat-taxxa ta’ ġurisdizzjonijiet oħra. |
164 |
Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li, meta l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna, li jikkorrispondi għall-ammont tat-taxxa li l-benefiċjarji kien ikollhom iħallsu fl-assenza tal-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, il-Kummissjoni kienet qiegħda tirreferi għal ammont differenti mill-vantaġġ irċevut mill-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna. |
165 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda t-tielet parti tar-raba’ motiv kif ukoll dan il-motiv kollu kemm hu. |
166 |
Peress li l-ebda wieħed mill-motivi mqajma mir-rikorrenti ma huwa fondat, hemm lok li r-rikorsi jiġu miċħuda kollha kemm huma, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-talba indikata fil-punt 21 iktar ’il fuq, peress li l-anness imsemmi f’dik it-talba huwa irrilevanti għall-finijiet ta’ din is-sentenza. |
IV. Fuq l‑ispejjeż
167 |
Skont l-Artikolu 219 tar-Regoli ta’ Proċedura, fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija wara annullament u rinviju, din għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż dwar, minn naħa, il-proċeduri mibdija quddiemha u, min-naħa l-oħra, il-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Billi, fis-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat l-ispejjeż, għandha tkun il-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi wkoll fuq l-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell. |
168 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li Puratos, Delta Light u Ontex, fil-Kawża T‑265/15, Siemens Industry Software, fil-Kawża T‑311/16, BASF Antwerpen, fil-Kawża T‑319/16, Ansell Healthcare Europe, fil-Kawża T‑321/16, Trane, fil-Kawża T‑343/16, Kinepolis Group, fil-Kawża T‑350/16, Vasco Group u Astra Sweets, fil-Kawża T‑444/16, Mayekawa Europe, fil-Kawża T‑800/16, u Celio International, fil-Kawża T‑832/16, tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħhom, għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni f’dawn il-kawżi, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar. |
169 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, ta’ Magnetrol International, fil-Kawża T‑263/16 RENV, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fil-proċedura inizjali quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑263/16 kif ukoll f’din il-proċedura ta’ rinviju fil-Kawża T‑263/16 RENV, konformement mat-talbiet tal-Kummissjoni. Fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell, fid-dawl tal-fatt li din kienet tirrigwarda s-sentenza inizjali fil-Kawżi magħquda T‑131/16 u T‑263/16, Magnetrol International għandha tiġi kkundannata tbati nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura tal-appell fil-Kawża C‑337/19 P. |
170 |
Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti intervenjenti differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li l-intervenjenti fil-Kawża T‑263/16 RENV għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom f’din il-kawża kif ukoll fil-Kawża C‑337/19 P. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Marcoulli Frimodt Nielsen Tomljenović Norkus Valasidis Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑20 ta’ Settembru 2023. Firem |
Werrej
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża |
|
A. Fuq is‑sentenza inizjali |
|
B. Fuq is‑sentenza tal‑appell |
|
II. Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet |
|
III. Id‑dritt |
|
A. Fuq is‑sitwazzjoni ta’ Celio International |
|
B. Fuq il‑mertu |
|
1. Fuq l‑ewwel motiv, invokat fil‑Kawżi T‑265/16, T‑311/16, T‑319/16, T‑321/16, T‑343/16, T‑350/16, T‑444/16, T‑800/16 u T‑832/16, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq abbuż ta’ poter u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn id‑deċiżjoni kkontestata tikkonstata l‑eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna |
|
2. Fuq it‑tieni motiv, sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal‑Artikolu 107 TFUE kif ukoll tal‑obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn id‑deċiżjoni kkontestata tikklassifika l‑iskema inkwistjoni bħala miżura selettiva, fil‑kuntest tar‑raġunament prinċipali tal‑Kummissjoni |
|
a) Fuq l‑analiżi konġunta tal‑kunċetti ta’ “vantaġġ” u ta’ “selettività” |
|
b) Fuq l‑eżistenza ta’ vantaġġ selettiv mogħti mill‑iskema inkwistjoni |
|
1) Fuq is‑sistema ta’ referenza |
|
2) Fuq l‑eżistenza ta’ deroga mis‑sistema ta’ referenza minħabba l‑applikazzjoni tal‑Artikolu 185(2)(b) taċ‑CIR 92 mill‑awtoritajiet tat‑taxxa Belġjani |
|
3) Fuq l‑eżistenza ta’ differenzazzjoni bejn operaturi ekonomiċi li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli minħabba d‑deroga mis‑sistema ta’ referenza |
|
i) Fuq it‑trattament tal‑benefiċjarji li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali ta’ impriżi |
|
ii) Fuq it‑trattament iddifferenzjat meta mqabbla ma’ impriżi li ma għamlux investimenti, ma ħolqux impjiegi jew ma ċċentralizzawx attivitajiet fil‑Belġju |
|
iii) Fuq it‑trattament iddifferenzjat meta mqabbla ma’ impriżi li jagħmlu parti minn grupp ta’ daqs żgħir |
|
c) Konklużjoni dwar il‑motiv ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 107 TFUE kif ukoll tal‑obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn id‑deċiżjoni kkontestata tikklassifika l‑iskema inkwistjoni bħala miżura selettiva, fil‑kuntest tar‑raġunament prinċipali tal‑Kummissjoni |
|
3. Fuq ir‑raba’ motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 107 TFUE, fuq ksur tal‑prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq abbuż ta’ poter u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il‑Kummissjoni ordnat lir‑Renju tal‑Belġju jirkupra l‑għajnuna mogħtija mill‑iskema inkwistjoni |
|
a) Fuq l‑ewwel parti, dwar il‑ksur tal‑prinċipji ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità |
|
b) Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq abbuż ta’ poter, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba l‑identifikazzjoni tal‑benefiċjarji tal‑għajnuna |
|
c) Fuq it‑tielet parti, dwar il‑ksur tal‑Artikolu 107 TFUE u dwar abbuż ta’ poter sa fejn id‑deċiżjoni kkontestata timponi l‑irkupru ta’ ammont li jista’ jkun ogħla mill‑vantaġġ irċevut mill‑benefiċjarji |
|
IV. Fuq l‑ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.