Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TJ0133

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tal-24 ta’ April 2018.
    Caisse régionale de crédit agricole mutuel Alpes Provence et vs Il-Bank Ċentrali Ewropew.
    Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Artikolu 4(1)(e) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Persuni li effettivament jidderiġu n-negozju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36/UE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu L. 511-13 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju Franċiż – Prinċipju tal-għoti mhux kumulattiv tal-presidenza tal-korp ta’ ġestjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fil-funzjoni superviżorja tiegħu ma’ funzjoni ta’ Direttur Ġenerali fl-istess stabbiliment – Artikolu 88(1)(e) tad-Direttiva 2013/36 u Artikolu L. 511-58 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju Franċiż.
    Kawżi magħquda T-133/16 sa T-136/16.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:219

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

    24 ta’ April 2018 ( *1 )

    “Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Artikolu 4(1)(e) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Persuni li effettivament jidderiġu n-negozju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36/UE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu L. 511-13 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju Franċiż – Prinċipju tal-għoti mhux kumulattiv tal-presidenza tal-korp ta’ ġestjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fil-funzjoni superviżorja tiegħu ma’ funzjoni ta’ Direttur Ġenerali fl-istess stabbiliment – Artikolu 88(1)(e) tad-Direttiva 2013/36 u Artikolu L. 511-58 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju Franċiż”

    Fil-kawżi magħquda T‑133/16 sa T‑136/16

    Caisse régionale de crédit agricole mutuel Alpes Provence, stabbilita f’Aix-en-Provence (Franza), irrappreżentata minn P. Mele u H. Savoie, avukati,

    rikorrenti fil-Kawża T‑133/16,

    Caisse régionale de crédit agricole mutuel Nord Midi-Pyrénées, stabbilita f’Albi (Franza), irrappreżentata minn P. Mele u H. Savoie,

    rikorrenti fil-Kawża T‑134/16,

    Caisse régionale de crédit agricole mutuel Charente-Maritime Deux-Sèvres, stabbilita f’Saintes (Franza), irrappreżentata minn P. Mele u H. Savoie,

    rikorrenti fil-Kawża T‑135/16,

    Caisse régionale de crédit agricole mutuel Brie Picardie, stabbilita f’Amiens (Franza), irrappreżentata minn P. Mele u H. Savoie,

    rikorrenti fil-Kawża T‑136/16,

    vs

    Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), rappreżentat minn A. Karpf u C. Hernández Saseta, bħala aġenti, assistiti minn A. Heinzmann, avukat,

    konvenut,

    sostnut minn

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, K.-P. Wojcik u A. Steiblytė, bħala aġenti,

    intervenjenti fil-Kawżi T‑133/16 sa T‑136/16,

    li għandha bħala suġġett talbiet abbażi tal-Artikolu 263 TFUE u intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-BĊE, rispettivament, ECB/SSM/2016‑969500TJ5KRTCJQWXH05/98, ECB/SSM/2016‑969500TJ5KRTCJQWXH05/100, ECB/SSM/2016‑969500TJ5KRTCJQWXH05/101 u ECB/SSM/2016‑969500TJ5KRTCJQWXH05/99, tad-29 ta’ Jannar 2016, meħuda skont l-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, tal-15 ta’ Ottubru 2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), l-Artikolu 93 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (ĠU 2014, L 141, p. 1), u l-Artikoli L. 511–13, L. 511–52, L. 511–58, L. 612–23–1 u R. 612–29–3 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju Franċiż,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

    komposta minn M. Prek (Relatur), President, E. Buttigieg, F. Schalin, B. Berke u M. J. Costeira, Imħallfin,

    reġistratur: G. Predonzani, amministratur,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-23 ta’ Ottubru 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Crédit agricole huwa grupp bankarju mhux ċentralizzat irregolat mill-Artikoli L. 512–20 sa L. 512–54 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju Franċiż (iktar ’il quddiem is-“CMF”). Dan huwa organizzat fi tliet livelli: fondi ta’ kreditu agrikolu reċiproku fuq livell lokali, fondi ta’ kreditu agrikolu reċiproku fuq livell reġjonali u, fuq livell nazzjonali, korp ċentrali, Crédit Agricole SA.

    2

    Crédit agricole ġiet ikkwalifikata bħala grupp sinifikanti taħt superviżjoni prudenzjali fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, tal-15 ta’ Ottubru 2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63) u għaldaqstant huwa suġġett, għall-kompiti elenkati fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, għas-superviżjoni prudenzjali biss tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

    3

    Fit-8, fl-10, fl-14 u fl-24 ta’ April 2015, il-korp ċentrali ta’ Crédit agricole, fuq talba tar-rikorrenti, il-Caisse régionale de crédit agricole mutuel Alpes Provence (rikorrenti fil-Kawża T‑133/16), il-Caisse régionale de crédit agricole mutuel Nord Midi-Pyrénées (rikorrenti fil-Kawża T‑134/16), il-Caisse régionale de crédit agricole mutuel Charente-Maritime Deux-Sèvres (rikorrenti fil-Kawża T‑135/16) u l-Caisse régionale de crédit agricole mutuel Brie Picardie (rikorrenti fil-Kawża T‑136/16), talab mingħand l-Awtorità ta’ kontroll prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem l-“AKPR”) l-approvazzjoni tal-ħatra tas-Sur B, tas-Sur C, tas-Sur T u tas-Sur W bħala Presidenti tal-Bordijiet tat-Tmexxija u “diretturi effettivi” tar-rikorrenti.

    4

    Skont l-Artikolu 93 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew, tas-16 ta’ April 2014, li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (ĠU 2014, L 141, p. 1), dawn it-talbiet ġew innotifikati permezz mill-AKPR lill-BĊE. Id-dokumenti kollha meħtieġa kienu rċevuti mill-BĊE fit-8 ta’ Ġunju 2015.

    5

    Fil-31 ta’ Awwissu 2015, il-BĊE informa lil kull waħda mir-rikorrenti u lill-korp ċentrali ta’ Crédit agricole bl-intenzjoni tiegħu li ma japprovax il-ħatra tas-Sur B, tas-Sur C, tas-Sur T u tas-Sur W bħala “diretturi effettivi” tar-rikorrenti u tahom l-opportunità li jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Qafas tal-MSU.

    6

    Fit-30 ta’ Settembru 2015, il-korp ċentrali ta’ Crédit agricole talab lill-BĊE s-sospensjoni tal-proċedura għar-raġuni li l-intenzjoni tal-BĊE li ma japprovax il-ħatra tas-Sur B, tas-Sur C, tas-Sur T u tas-Sur W hija bbażata fuq il-pożizzjoni 2014-P-07 tal-AKPR “dwar il-ħatra ta’ “diretturi” fis-sens tal-Artikolu L. 511–13 u tal-Artikolu L. 532–2 [CMF]” (iktar ’il quddiem il-“pożizzjoni 2014-P-07 tal-AKPR”) li l-legalità tagħhom kienet ikkontestata quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza).

    7

    Permezz ta’ erba’ deċiżjonijiet tas-7 ta’ Ottubru 2015, fl-ewwel lok, il-BĊE, għal kull waħda mir-rikorrenti, irrifjuta li jilqa’ t-talba għal sospensjoni, minħabba li d-deċiżjonijiet li adottati minnu ma kellhomx bħala bażi legali l-pożizzjoni 2014-P-07 tal-AKPR. Fit-tieni lok, dan approva l-ħatra tas-Sur B, tas-Sur C, tas-Sur T u tas-Sur W bħala presidenti tal-bord tad-diretturi ta’ kull waħda mir-rikorrenti. Fit-tielet lok, hija opponiet li s-Sur B, s-Sur C, s-Sur T u s-Sur W jwettqu fl-istess ħin il-funzjoni ta’ “direttur effettiv” ta’ kull waħda mir-rikorrenti.

    8

    Sabiex jiġġustifika dan ir-rifjut, il-BĊE irrileva li d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338) kien fiha dispożizzjonijiet dwar il-governanza tajba tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, fosthom l-Artikolu 88(1)(e) tagħha, li jipprojbixxi, fil-prinċipju, lill-president tal-korp ta’ ġestjoni, fil-funzjoni superviżorja tiegħu ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, milli jeżerċita simultanjament il-funzjoni ta’ direttur ġenerali fi ħdan l-istess istituzzjoni. Dan enfasizza li l-għan ta’ din il-projbizzjoni, deskritta fil-premessa 57 tad-Direttiva 2013/36, kien li tiżgura kritika kostruttiva tal-istrateġija tal-istituzzjoni minn membri mhux eżekuttivi tal-korp ta’ ġestjoni. Barra minn hekk, dan enfasizza li, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, huwa kien marbut li jagħmel użu mill-Artikolu L. 511–58 tas-CMF, li jittrasponi l-Artikolu 88(1)(e) tad-Direttiva 2013/36. Dan fakkar li dan l-Artikolu kien jipprekludi, bħala prinċipju, li l-presidenza tal-Bord ta’ Tmexxija jew kwalunkwe korp ieħor li jwettaq funzjonijiet ta’ sorveljanza ekwivalenti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ kumpannija ta’ finanzjament tkun eżerċitata mid-Direttur Ġenerali jew minn persuna li teżerċita funzjonijiet ta’ tmexxija ekwivalenti. Dan irrileva wkoll li l-premessa 54 ta’ din id-direttiva kienet tippermetti lill-Istati Membri li jintroduċu prinċipji u standards ta’ governanza ulterjuri flimkien ma’ dawk meħtieġa mill-imsemmija direttiva.

    9

    Il-BĊE innota li mill-Artikolu L. 511–52-IV tas-CMF jirriżulta li l-funzjonijiet li jippermettu lil persuna li tikseb l-approvazzjoni bħala “direttur effettiv” fis-sens tal-Artikolu L. 511–13 tas-CMF kienu dawk ta’ direttur ġenerali, ta’ direttur ġenerali delegat, ta’ membru tal-bord eżekuttiv jew ta’ direttur ġenerali uniku. Dan irrefera wkoll għall-pożizzjoni 2014-P-07 tal-AKPR, li minnha jirriżulta li huma fdati f’idejn il-President tal-korp ta’ ġestjoni fil-funzjoni superviżorja tiegħu, inkarigat li jidderiġi l-ħidma ta’ dan il-korp, funzjonijiet u kompiti ta’ sorveljanza mhux eżekuttivi li huma differenti minn dawk tal-funzjonijiet eżekuttivi tad-Direttur Ġenerali, skont il-liġi tal-kumpanniji Franċiża.

    10

    Minn dan, il-BĊE iddeduċa li fil-prinċipju, kellu jkun hemm separazzjoni bejn l-eżerċizzju tal-funzjonijiet eżekuttivi u mhux eżekuttivi fi ħdan korp ta’ ġestjoni. Minn dan ikkonkluda li, minħabba l-ħatra tagħhom bħala Presidenti tal-Bordijiet tad-Diretturi u fin-nuqqas ta’ talbiet għal deroga, is-Sur B, is-Sur C, is-Sur T u s-Sur W ma setgħux jiġu approvati bħala “diretturi effettivi” tar-rikorrenti.

    11

    Fis-6 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti talbu r-reviżjoni ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1024/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2014/360/UE tal-BĊE, tal-14 ta’ April 2014, dwar l-istabbiliment ta’ Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU 2014, L 175, p. 47). Fl-10 ta’ Diċembru 2015, saret seduta quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva ta’ Reviżjoni (iktar ’il quddiem il-“kummissjoni ta’ reviżjoni”).

    12

    Fis-17 ta’ Diċembru 2015, il-kummissjoni ta’ reviżjoni tat opinjoni komuni għall-Kawżi T-133/16 sa T-136/16 fejn iddikjarat il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-BĊE. Din enfasizzat li r-rikorrenti, permezz ta’ erba’ lmenti, kienu jikkontestaw l-assimilazzjoni mill-BĊE tal-kunċett ta’ “direttur effettiv” b’dak ta’ direttur eżekuttiv. Il-BĊE osserva wkoll li r-rikorrenti sostnew li n-nomina tal-president tal-bord tad-diretturi bħala “direttur effettiv”, mhux talli ma hijiex f’kontradizzjoni mal-projbizzjoni kontra l-kumulu tal-funzjonijiet superviżorji u eżekuttivi, iżda tippermetti bilanċ fil-governanza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu permezz tal-ħatra ta’ “direttur effettiv” mhux subordinat għad-direttur ġenerali.

    13

    Fl-ewwel lok, il-kummissjoni ta’ reviżjoni qies li minn qari kkombinat tal-Artikoli L. 511–13 u L. 511–52 tas-CMF kien jirriżulta li, anki jekk il-missjonijiet ta’ “direttur effettiv” ma kinux iddefiniti, din il-funzjoni kienet ikkunsidrata bħala mandat eżekuttiv, simili għal dak ta’ direttur ġenerali jew ta’ direttur ġenerali delegat, filwaqt li l-president tal-bord tad-diretturi kien ikklassifikat fost id-diretturi mhux eżekuttivi.

    14

    Fit-tieni lok, il-kummissjoni ta’ reviżjoni rreferiet għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ kumulu tal-funzjonijiet bejn il-president tal-korp ta’ ġestjoni u d-direttur ġenerali, li jinsab fl-Artikolu 88(1)(e) tad-Direttiva 2013/36 u traspost fl-Artikolu L. 511–58 tas-CMF. Minn dan hija ddeduċiet li din ir-regola kienet tipprekludi lill-president tal-bord tad-diretturi milli jeżerċita funzjonijiet eżekuttivi ekwivalenti għal dawk ta’ direttur ġenerali.

    15

    Fit-tielet lok, il-kummissjoni ta’ reviżjoni eżaminat il-prerogattivi tal-president tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti. B’risposta għall-argumentazzjoni tagħhom ibbażata fuq il-fatt li l-Liġi Nru 47–1175 tal-10 ta’ Settembru 1947 dwar l-istatut ta’ kooperazzjoni (JORF tal-11 ta’ Settembru 1947, p. 9088, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-10 ta’ Settembru 1947 dwar l-istatut ta’ kooperazzjoni”) ma kinitx tipprevedi allokazzjoni bejn id-diversi funzjonijiet fi ħdan il-bord tad-diretturi, din qieset li kellha teżisti distinzjoni bejn il-funzjonijiet ta’ superviżorji u eżekuttivi fi ħdan il-bord tad-diretturi, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regola stabbilita fl-Artikolu L. 511–58 tas-CMF.

    16

    Fir-raba’ lok, il-kummissjoni ta’ reviżjoni eżaminat l-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq il-fatt li l-ħatra tal-president tal-bord tad-diretturi bħala “direttur effettiv” allegatament tippermetti applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “erba’ għajnejn”, previst fl-Artikolu L. 511–13 tas-CMF, li huwa iktar konformi mat-tfittxija ta’ bilanċ tal-poter milli n-nomina ta’ “direttur effettiv” marbut ġerarkikament mad-direttur ġenerali. Din irrilevat li kien meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet superviżorji u eżekuttivi introdott mid-Direttiva 2013/36 u traspost fl-Artikolu L. 511–58 tas-CMF u enfasizzat ir-rwol essenzjali tal-funzjoni ta’ sorveljanza fil-governanza tajba ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

    17

    Minn dan, din ddeduċiet li minn qari kkombinat tal-Artikoli L. 511–13, L. 511–52 u L. 511–58 tas-CMF kien jirriżulta li “direttur effettiv” jeżerċita l-funzjonijiet eżekuttivi devoluti lid-direttur ġenerali jew lil persuna li twettaq funzjonijiet ekwivalenti u li, sa fejn il-president tal-bord tad-diretturi ma jistax jeżerċita tali funzjonijiet, dan ma jistax jinħatar bħala “direttur effettiv”. B’hekk, il-kummissjoni ta’ reviżjoni ssostitwixxiet id-deċiżjonijiet tas-7 ta’ Ottubru 2015 permezz ta’ deċiżjonijiet b’kontenut identiku.

    18

    Kien għalhekk li, fid-29 ta’ Jannar 2016, il-BĊE adotta d-deċiżjonijiet ECB/SSM/2016-969500TJ5KRTCJQWXH05/98, ECB/SSM/2016‑969500TJ5KRTCJQWXH05/100, ECB/SSM/2016‑969500TJ5KRTCJQWXH05/101 u ECB/SSM/2016‑969500TJ5KRTCJQWXH05/99, b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 1024/2013, tal-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 468/2014 u tal-Artikoli L. 511-13, L. 511-52, L. 511-58, L. 612-23-1 u R. 612-29-3 tas-CMF (iktar ’il quddiem imsejħa flimkien is-“id-deċiżjonijiet ikkontestati”), li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 24(7) tar-Regolament Nru 1024/2013, ħassru u ssostitwixxew id-deċiżjonijiet tas-7 ta’ Ottubru 2015, filwaqt li żammew kontenut identiku.

    19

    Fit-30 ta’ Ġunju 2016, il-Kunsill tal-Istat adotta sentenza li fiha kkonkluda dwar il-legalità tal-pożizzjoni 2014-P-07 tal-AKPR u pprovda, f’din l-okkażjoni, interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu L. 511–13 u tal-Artikolu L. 511–58 tas-CMF.

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    20

    Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti ppreżentaw dawn ir-rikorsi.

    21

    Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE.

    22

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2016, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jgħaqqad il-Kawżi T-133/16 sa T-136/16 għall-finijiet tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, tal-eventwali fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza. Permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta li l-Kummissjoni tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE.

    23

    Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, u għalhekk din il-kawża ġiet assenjata lil din l-Awla.

    24

    Fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tirreferi l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

    25

    Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

    26

    It-trattazzjoni u r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tat-23 ta’ Ottubru 2017.

    27

    Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati.

    28

    Il-BĊE u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti Ġenerali sabiex jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    29

    Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jressqu argumentazzjoni li tista’ titqies li hija artikolata f’erba’ aggravji bbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/36 u tal-Artikolu L. 511–13 tas-CMF, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu L. 511–52-IV tas-CMF, it-tielet, fuq ksur tal-Artikolu L. 511–13 u tal-Artikoli 13 u 88 tad-Direttiva 2013/36, ir-raba’, u sussidjarjament, fuq ksur tal-Artikolu L. 511–58 tas-CMF.

    30

    Il-BĊE jsostni li l-erba’ motivi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel tliet motivi għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi u li r-raba’ għandu jiġi miċħud bħala infondat. Sussidjarjament, din issostni li l-ewwel tliet motivi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    31

    Għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, billi l-kunċett ta’ amministrazzjoni effettiva ġie inkluż f’dak ta’ amministrazzjoni ġenerali, il-BĊE biddel it-tifsira tal-Artikolu L. 511–13 tas-CMF u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/36. Permezz tat-tieni motiv, dawn jikkritikaw lill-BĊE talli wettaq żball ta’ dritt meta mill-Artikolu L. 511–52-IV tas-CMF iddeduċa li huma biss il-funzjonijiet ta’ direttur ġenerali, ta’ direttur ġenerali delegat, ta’ membru tal-bord eżekuttiv jew ta’ direttur ġenerali uniku li jippermettu li tinkiseb l-approvazzjoni bħala “direttur effettiv”. Permezz tat-tielet motiv, huma jsostnu li r-regola ta’ nuqqas ta’ kumulu bejn il-funzjonijiet tal-president tal-bord tad-diretturi u tad-direttur ġenerali ma jinvolvix li l-kunċett ta’ “tmexxija effettiva” jiġi ridott għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet eżekuttivi biss. Fir-rigward tar-raba’ motiv, dan tqajjem b’mod sussidjarju, fil-każ li l-Qorti Ġenerali kellha tqis li huma biss il-membri tal-korp ta’ ġestjoni b’funzjonijiet eżekuttivi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “diretturi effettivi”. F’dan il-motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE wettaq żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu L. 511–58 tas-CMF, peress li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix lill-president tal-bord tad-diretturi milli jeżerċita kull funzjoni eżekuttiva, iżda biss il-funzjoni ta’ direttur ġenerali.

    32

    Għandu jiġi rrilevat li l-ewwel tliet motivi għandhom bħala fattur komuni l-fatt li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ppreferita mill-BĊE fid-deċiżjonijiet ikkontestati tal-kunċett ta’ “direttur effettiv”. Jeħtieġ għalhekk li dawn jiġu eżaminati flimkien.

    Fuq l-ewwel tliet motivi, ibbażati fuq interpretazzjoni żbaljata mill-BĊE tal-kunċett ta’ “direttur effettiv”

    33

    Kif jirriżulta mill-punti 9 u 18 iktar ’il fuq, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-BĊE ikkonkluda li l-kunċett ta’ “direttur effettiv” ta’ istituzzjoni ta’ kreditu kellu jinftiehem bħala li jkopri lid-diretturi b’funzjonijiet eżekuttivi, bħad-direttur ġenerali, id-direttur ġenerali delegat, il-membri tal-bord eżekuttiv jew id-direttur ġenerali uniku. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-BĊE, b’riferiment għall-kunċett ta’ “direttur effettiv” ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, ried jirreferi “għall-persuni [li jidderiġu] effettivament l-attivitajiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36 u għall-persuni li jiżguraw it-“[tmexxija effettiva ta]n-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu L. 511–13 tas-CMF.

    34

    Fil-fatt, b’applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36, “[l]-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu awtorizzazzjoni biex tinbeda l-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu biss meta jkun hemm mill-inqas żewġ persuni li effettivament imexxu n-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu”. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu L. 511–13 tas-CMF, “[it-]tmexxija effettiva tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, inklużi l-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fil-paragrafu I tal-Artikolu L. 511–10, jew tal-kumpaniji ta’ finanzjament għandha titwettaq minn żewġ persuni jew iktar”.

    35

    Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq in-natura allegatament ineffettiva ta’ dawn it-tliet motivi. Huwa sostnut li r-regoli li r-rikorrenti jinvokaw il-ksur tagħhom ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika tar-rifjut tal-BĊE li japprova l-ħatra bħala “diretturi effettivi” tal-presidenti tal-bordijiet tad-diretturi tar-rikorrenti, liema bażi ġuridika tinsab biss fl-Artikolu 88(1)(e) tad-Direttiva 2013/36 u fl-Artikolu L. 511–58 tas-CMF, li dan tal-aħħar jikkostitwixxi t-traspożizzjoni tal-ewwel fid-dritt Franċiż.

    36

    Fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-BĊE rrifjuta li l-presidenti tal-bordijiet tad-diretturi tar-rikorrenti jwettqu fl-istess ħin il-funzjoni ta’ “direttur effettiv”. Dan qies li l-ħatra tal-presidenti tal-bord tad-diretturi ta’ kull waħda mir-rikorrenti bħala “diretturi effettivi” tikser il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ kumulu tal-presidenza tal-korp ta’ ġestjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fil-funzjoni superviżorja tagħha u tal-funzjoni ta’ direttur ġenerali fi ħdan l-istess istituzzjoni, li jinsab fl-Artikolu 88(1)(e) tad-Direttiva 2013/36 u traspost fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 511–58 tas-CMF, li jippreċiża li “il-presidenza tal-kunsill amministrattiv jew ta’ kull korp ieħor li jwettaq funzjonijiet ta’ sorveljanza ekwivalenti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ kumpannija ta’ finanzjament tista’ tiġi eżerċitata mid-direttur ġenerali jew minn persuna li teżerċita funzjonijiet ta’ tmexxija ekwivalenti”.

    37

    Għandu jiġi kkonstatat li tali raġunament huwa bbażat neċessarjament fuq il-premessa tal-BĊE li tikkonsisti fit-tqabbil tat-tmexxija effettiva tal-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, prevista fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36 u fl-Artikolu L. 511–13 tas-CMF, mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet eżekuttivi fi ħdan l-istituzzjoni.

    38

    Dan it-tqabbil jidher, barra minn hekk, espliċitament fid-deċiżjonijiet ikkontestati peress li l-BĊE jenfasizza li “t-Taqsima IV tal-Artikolu L. 511–52 [tas-CMF] tiddeskrivi l-funzjonijiet li jippermettu lill-persuna maħtura tikseb l-approvazzjoni bħala direttur effettiv kif ġej: […] il-funzjonijiet ta’ direttur ġenerali, ta’ direttur ġenerali delegat, ta’ membru tal-bord eżekuttiv, ta’ direttur ġenerali uniku”. Dan irrefera wkoll għall-pożizzjoni 2014-P-07 tal-AKPR, li minnha jirriżulta li huma fdati f’idejn il-President tal-korp ta’ ġestjoni fil-funzjoni superviżorja tiegħu, inkarigat li jidderieġi l-ħidma ta’ dan il-korp, funzjonijiet u kompiti ta’ sorveljanza mhux eżekuttivi li huma differenti minn dawk tal-funzjonijiet eżekuttivi tad-Direttur Ġenerali, skont il-liġi tal-kumpanniji Franċiża.

    39

    Għaldaqstant, sa fejn id-deċiżjonijiet ikkontestati huma bbażati fuq il-premessa tal-BĊE li tikkonsisti f’li jqabbel it-tmexxija effettiva tan-negozju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet eżekuttivi fi ħdan l-istituzzjoni msemmija u sa fejn, permezz tal-ewwel tliet motivi, ir-rikorrenti jikkontestaw il-fondatezza ta’ din il-premessa, dawn it-tliet motivi ma jistgħux ikunu ineffettivi kif sostnut mill-Kummissjoni. Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn dawn il-motivi jirriżultaw fondati, ma jistax jiġi eskluż li dawn ikollhom impatt fuq il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

    40

    Għaldaqstant, l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq in-natura ineffettiva tal-ewwel tliet motivi għandha tiġi miċħuda.

    41

    Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/36 u tal-Artikolu L. 511–13 tas-CMF, ir-rikorrenti jsostnu li, billi qabbel il-kunċett ta’ “tmexxija effettiva” ma’ dak ta’ “amministrazzjoni għolja”, il-BĊE biddel it-tifsira ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward, dawn josservaw li l-użu tal-espressjoni “persuni li effettivament imexxu n-negozju” fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36 ma jagħmel l-ebda riferiment għad-definizzjoni ta’ “amministrazzjoni għolja” skont l-Artikolu 3(1)(9) ta’ din l-istess direttiva u minn dan jikkonkludu li “direttur effettiv” ma huwiex neċessarjament membru tad-amministrazzjoni għolja. It-terminu “effettiv” għandu jinftiehem fis-sens litterali tiegħu, jiġifieri bħala li jirreferi għal dak li huwa “reali” jew dak li “jeżisti effettivament, realment”. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1)(9) tad-Direttiva 2013/36 ma jipprekludix li l-liġi nazzjonali tipprovdi li persuni li jeżerċitaw funzjoni ta’ sorveljanza jkollhom ukoll funzjonijiet eżekuttivi u ma jimplikax li huma biss il-membri tal-amministrazzjoni għolja li jistgħu jkunu kkwalifikati bħala “diretturi effettivi” jew li dawn għandhom ikunu responsabbli mill-ġestjoni ta’ kuljum tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “direttur effettiv” jirreferi għall-ġestjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, li għandha dimensjoni doppja, jiġifieri funzjoni ta’ sorveljanza u funzjoni eżekuttiva. Dawn jqisu wkoll li l-BĊE kien żbaljat meta ddeduċa minn dispożizzjonijiet oħra tas-CMF li huma biss id-diretturi li għandhom setgħat eżekuttivi li jistgħu jkunu kkwalifikati bħala effettivi. Finalment, ir-rikorrenti jsostnu li s-sentenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) tat-30 ta’ Ġunju 2016 ma tistax tiġi invokat utilment sabiex tiġġustifika r-rifjut l-presidenti tal-bord tad-diretturi tagħhom jinħatru bħala “diretturi effettivi”, peress li dik is-sentenza hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-istatus tagħhom bħala bank kooperattiv.

    42

    Fil-kuntest tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu L. 511–52-IV tas-CFM, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-BĊE talli wettaq żball ta’ dritt meta ddeduċa minn dan l-Artikolu li huma biss il-funzjonijiet ta’ direttur ġenerali, ta’ direttur ġenerali delegat, ta’ membru tal-bord eżekuttiv jew ta’ direttur ġenerali uniku li jippermettu li tinkiseb l-approvazzjoni bħala “direttur effettiv”. Dawn ifakkru li l-iskop tal-Artikolu L. 511–52-IV tas-CMF ma huwiex li jiddeskrivi l-funzjonijiet li jippermettu l-ħatra bħala “direttur effettiv”, iżda biss li jintroduċi regoli li jillimitaw il-kumulu tal-mandati għall-finijiet li jiġi żgurat li d-diretturi jiddedikaw biżżejjed ħin għad-dmirijiet tagħhom. L-issuġġettar tad-“diretturi effettivi” għall-istess sistema bħad-diretturi eżekuttivi ma jimplikax l-assimilazzjoni tagħhom, meta kunċett ma jkunx iddefinit mis-sistema legali tiegħu. Dawn iżidu li l-kompiti speċifiċi mogħtija mis-CMF lid-“diretturi effettivi” jiġġustifikaw li jkunu suġġetti għal regoli ta’ nuqqas ta’ kumulu iktar restrittivi minn dawk applikabbli għal membri oħra tal-korp ta’ ġestjoni li jeżerċitaw funzjonijiet mhux eżekuttivi. Finalment, ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE kien żbaljat meta rrefera għall-Artikolu L. 511–52-IV tas-CMF għall-finijiet li jiddetermina l-funzjonijiet koperti mill-projbizzjoni ta’ kumulu stabbiliti mill-Artikolu L. 511–58 tas-CMF, peress li l-iskemi ta’ inkompatibbiltà msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet isegwu għanijiet differenti.

    43

    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu L. 511–13 tas-CMF u tal-Artikoli 13 u 88 tad-Direttiva 2013/36, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li r-regola ta’ nuqqas ta’ kumulu bejn il-funzjonijiet tal-president tal-bord tad-diretturi u tad-direttur ġenerali ma timplikax li l-kunċett ta’ tmexxija effettiva jitnaqqas għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet eżekuttivi biss. Għalhekk, peress li l-korp ta’ ġestjoni jkun responsabbli kemm mill-funzjonijiet ta’ sorveljanza u eżekuttivi, huwa loġiku li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ funzjoni jiġu rrappreżentati minn żewġ “diretturi effettivi”. Dawn isostnu li l-approċċ tal-BĊE, inkwantu jwassal għall-għażla bħala “diretturi effettivi”, minbarra lid-direttur ġenerali, anki lil assistent direttur ġenerali jew delegat, iwassal biex jitpoġġa indiskussjoni l-“prinċipju ta’ kontroll doppju” jew ir-“regola tal-erba’ għajnejn” li jimplementa l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36, peress li d-“direttur effettiv” jinsab f’sitwazzjoni ta’ subordinazzjoni meta mqabbel mad-direttur ġenerali. Dawn jerġgħu jsostnu li l-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà bejn il-funzjonijiet ta’ president tal-bord tad-diretturi u ta’ “direttur effettiv” hija bbażata fuq il-premessa żbaljata ta’ assimilazzjoni tad-“direttur effettiv” mad-direttur ġenerali. Finalment, ir-referenza magħmula mill-BĊE għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu L. 511–58 tas-CMF hija irrilevanti, peress li din id-dispożizzjoni tikkonċerna esklużivament lill-fergħat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom barra mill-Unjoni Ewropea u tikkostitwixxi, għaldaqstant, “sistema ta’ inkompatibbiltà speċifika”.

    44

    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

    45

    Essenzjalment, permezz tal-ewwel tliet motivi, ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE wettaq żbalji ta’ liġi matul l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “direttur effettiv” billi llimitah biss għall-membri tal-korp ta’ ġestjoni li għandu funzjonijiet eżekuttivi. Huma jikkontestaw, għaldaqstant, l-interpretazzjoni ppreferita mill-BĊE tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu L. 511–13 tas-CMF. F’dan ir-rigward, għalkemm ir-rikorrenti, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet motivi, jirreferu għal dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2013/36, tas-CMF u għall-liġi tal-10 ta’ Settembru 1947 dwar l-istatut ta’ kooperazzjoni, dan sar bil-għan li jikkontestaw l-interpretazzjoni mogħtija mill-BĊE tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36 jew tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu L. 511–13 tas-CMF.

    46

    Għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 1024/2013, li jgħid li “il-BĊE għandu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, ikun esklussivament kompetenti biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti li ġejjin b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti: […] jiżgura l-konformità mal-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3), li jimponi rekwiżiti fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jimplimentaw arranġamenti, inkluż ir-rekwiżiti kompetenti u xierqa għall-persuni responsabbli mill-ġestjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, proċessi għall-ġestjoni tar-riskji, mekkaniżmi interni ta’ kontroll, politiki u prattiki dwar remunerazzjoni sodi ta’ governanza u proċessi effikaċi ta’ valutazzjoni tal-adegwatezza tal-kapital intern, inklużi mudelli Bbażati fuq Klassifikazzjonijiet Interni”.

    47

    B’applikazzjoni tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, “[g]ħall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, u bl-objettiv li jiġu żgurati standards għoljin ta’ superviżjoni, il-BĊE għandu japplika l-liġi rilevanti kollha tal-Unjoni, u fejn din il-liġi tal-Unjoni hija magħmula minn Direttivi, il-leġislazjzoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-Direttivi”.

    48

    Għaldaqstant, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE kien obbligat japplika mhux biss l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36, iżda wkoll id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tikkostitwixxi t-traspożizzjoni tiegħu, jiġifieri t-tieni subparagrafu tal-Artikolu L. 511–13 tas-CMF.

    49

    Għalhekk, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013 neċessarjament jimplika li l-Qorti Ġenerali għandha tevalwa l-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati fid-dawl kemm tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36 kif ukoll tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu L. 511–13 tas-CMF.

    50

    Għaldaqstant, għall-finijiet li jiġi vverifikat jekk il-BĊE wettaqx l-iżbalji ta’ liġi allegati mir-rikorrenti, għandu jiġi ddeterminat is-sens mhux biss tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36, iżda wkoll dak tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu L. 511–13 tas-CMF.

    Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36

    51

    Għandu jiġi rrilevat li l-espressjoni “persuni li effettivament imexxu n-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu” tintuża fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36 u fil-punt 7 tal-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva, li jiddefinixxi korp ta’ ġestjoni bħala “korp jew korpi ta’ istituzzjoni, li jkunu maħturin skont il-liġi nazzjonali, li jingħataw is-setgħa li jistabbilixxu l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni ġenerali tal-istituzzjoni, u li jissorveljaw u jimmonitorjaw t-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ ġestjoni, u jinkludu l-persuni li effettivament imexxu n-negozju tal-istituzzjoni”.

    52

    Dawn huma l-uniċi darbtejn fejn tissemma din l-espressjoni fid-Direttiva 2013/36. B’hekk, ma jissemmewx “persuni li effettivament imexxu n-negozju tal-istituzzjoni” lanqas fid-definizzjoni tal-“korp ta’ ġestjoni fil-funzjoni superviżorja tiegħu” li tinsab fil-punt 8 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/36, u lanqas fid-definizzjoni tal-“amministrazzjoni għolja” li tinsab fil-punt 9 tal-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva.

    53

    Peress li l-espressjoni “persuni li effettivament imexxu n-negozju tal-istituzzjoni” użata fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36 ma hijiex iddefinita f’din id-direttiva, jeħtieġ li ssir l-interpretazzjoni tagħha.

    54

    Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C-17/03, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    B’mod partikolari, peress li l-interpretazzjonijiet litterali u storiċi ta’ regolament, u b’mod partikolari ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu, ma jippermettux li tiġi evalwata l-portata preċiża tiegħu, l-interpretazzjoni tar-regolament inkwistjoni għandha ssir kemm abbażi tal-għan tiegħu kif ukoll fuq l-istruttura ġenerali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, EU:C:1998:148, punt 168, u tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T‑102/96, EU:T:1999:65, punt 148).

    – Fuq l-interpretazzjonijiet litterali u storiċi tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36

    56

    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni litterali tal-espressjoni “żewġ persuni li effettivament imexxu n-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu” li tinsab fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36, għandu jiġi osservat li din tikkonsisti minn tliet elementi: qabel kollox, referenza għall-kunċett ta’ direzzjoni “mill-inqas żewġ persuni […] imexxu”, sussegwentement, avverbju li jikkwalifika din id-direzzjoni “effettivament” u, fl-aħħar nett, ir-referenza għas-suġġett ta’ din id-direzzjoni “[i]n-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu”.

    57

    L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna r-referenza għall-kunċett ta’ tmexxija, minn dan jirriżulta biss li l-persuni kkonċernati għandhom ikunu “diretturi” u għalhekk membri tal-korp ta’ ġestjoni kif iddefinit fil-punt 7 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2013/36, fatt li huwa kkonfermat mill-kliem ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, li ssemmi b’mod espliċitu l-preżenza fi ħdan il-korp ta’ ġestjoni tal-persuni li effettivament jmexxu n-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

    58

    Sa fejn kemm mill-premessa 56 tad-Direttiva 2013/36, li tgħid li “korp ta’ ġestjoni għandu jkollu funzjonijiet eżekuttivi u superviżorji”, kif ukoll mill-formulazzjoni tal-punt 7 tal-Artikolu 3(1) tagħha li l-korp ta’ ġestjoni għandu jinkludi lid-diretturi kollha, jirriżulta li dawn għandhom kompiti superviżorji jew eżekuttivi, peress li l-parteċipazzjoni tal-persuni li effettivament jidderiġu n-negozju tal-istituzzjoni fil-korp ta’ ġestjoni ma tippermettix, fiha nnifisha, li tiġi ddefinita l-portata preċiża ta’ din l-espressjoni.

    59

    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-avverbju “effettivament”, hekk kif jirriżulta mill-argumentazzjoni tal-partijiet, dan jista’ jinftiehem b’żewġ modi. Minn naħa, dan jista’ jinftiehem bħala li jimplika permanenza u realtà fl-attività tad-diretturi tal-istituzzjoni ta’ kreditu, kif isostnu r-rikorrenti, f’liema każ dan jista’ jkopri l-attività tad-diretturi mhux eżekuttivi, inkarigati b’funzjoni ta’ sorveljanza. Min-naħa l-oħra, dan jista’ jinftiehem bħala dirett lejn l-amministrazzjoni eżekuttiva tal-istituzzjoni ta’ kreditu, kif isostni l-BĊE, liema ħaġa tasal biex timplika li dan jista’ jikkonċerna biss lill-membri tal-korp ta’ ġestjoni involuti fl-amministrazzjoni għolja, kif iddefinit fil-punt 9 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/36.

    60

    It-tielet nett, fir-rigward tar-referenza għas-suġġett ta’ din it-tmexxija effettiva, jiġifieri l-“attivitajiet ta’ negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu”, għandu jiġi kkonstatat li din pjuttost tidher li timplika li huma biss il-membri tal-korp ta’ ġestjoni li huma wkoll membri tal-amministrazzjoni għolja li jistgħu jitqiesu li effettivament jidderiġu istituzzjoni ta’ kreditu.

    61

    Fil-fatt, ir-referenza għat-“[tmexxija effettiva tal-]attivitajiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu” tidher li hija kunċettwalment iktar qrib “[tal-]funzjonijiet eżekuttivi” u tar-responsabbiltà għall-“ġestjoni ta’ kuljum” tal-istituzzjoni ta’ kreditu msemmija fil-punt 9 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/36, b’rabta mal-amministrazzjoni għolja, milli għas-“[sorveljanza u l-monitoraġġ tat-]teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ ġestjoni”, li l-punt 8 tal-Artikolu 3(1) jinkariga bihom lill-korp ta’ ġestjoni fil-funzjoni superviżorja tiegħu.

    62

    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni storika tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ġiet stabbilita kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu li tixbah lil dik li tinsab fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36 sa mill-Artikolu 3(2) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 77/780/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1977, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 1977, L 322, p. 30), il-formulazzjoni ta’ din il-kundizzjoni ġiet emendata fid-Direttiva 2013/36.

    63

    Fil-fatt, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 77/780 jimponi “il-preżenza ta’ minn tal-inqas żewġ persuni biex effettivament imexxu n-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu.” B’mod analogu, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 272), u l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (tfassil mill-ġdid) (ĠU 2006, L 177, p. 1) kienu jimponu “mill-anqas żewġ persuni li effettivament jmexxu n-negozju ta’ l-istituzzjoni ta’ kreditu”.

    64

    Għandu jiġi kkonstatat li r-referenza għad-“[determinazzjoni] effettiva tal-orjentazzjoni tal-attività tal-istituzzjoni” setgħet eventwalment tinftiehem bħala diretta lejn funzjoni speċifika tal-korp ta’ ġestjoni kollu, li huwa kompetenti biex “jistabbilixx[i] l-istrateġija, l-objettivi u d-amministrazzjoni għolja tal-istituzzjoni”, skont il-punt 7 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/36.

    65

    Fir-rigward tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36, għar-raġunijiet esposti fil-punti 60 u 61 iktar ’il fuq, ir-referenza għal “[tmexxija effettiva ta]n-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu” tidher li hija kunċettwalment iktar qrib tal-“funzjonijiet eżekuttivi” u tar-responsabbiltà tal-“ġestjoni ta’ kuljum” tal-istituzzjoni ta’ kreditu msemmija fil-punt 9 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/36 b’rabta mal-amministrazzjoni għolja.

    66

    Għalhekk, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36 huwa kkaratterizzat mill-evoluzzjoni ta’ formulazzjoni li tgħaddi minn referenza li tista’ tapplika għall-membri kollha tal-korp ta’ ġestjoni għal referenza intiża biex tidentifika biss lill-membri tagħhom li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni għolja tal-istituzzjoni.

    67

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-interpretazzjonijiet litterali u storiċi tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36 għandhom pjuttost tendenza li jimplikaw li l-espressjoni “żewġ persuni li effettivament imexxu n-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu” għandha tinftiehem bħala referenza għall-membri tal-korp ta’ ġestjoni li jaqgħu wkoll taħt l-amministrazzjoni għolja tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

    68

    Madankollu, dawn l-interpretazzjonijiet ma jippermettux, waħedhom, li jiġi ddeterminat b’ċertezza s-sens tal-espressjoni użata fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36, peress li d-direttiva msemmija ma tistabbilixxi ebda rabta espliċita bejn l-appartenenza lill-amministrazzjoni għolja tal-istituzzjoni ta’ kreditu u “[t-tmexxija effettiva ta]n-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu”. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 55 iktar ’il fuq, għandu jiġi vverifikat jekk din il-konklużjoni hijiex sostnuta mill-interpretazzjonijiet teleoloġiċi u kuntestwali tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36.

    – Fuq l-interpretazzjonijiet teleoloġiċi u kuntestwali tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36

    69

    Għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2013/36 hija siekta dwar l-iskop tal-Artikolu 13(1) tagħha, peress li ebda premessa ma hija ddedikata għal dan tal-aħħar. Barra minn hekk, dan l-għan ma jistax jiġi dedott mil-leġiżlazzjoni preċedenti.

    70

    Fil-fatt, la d-Direttiva 77/780, la d-Direttiva 2000/12 u lanqas id-Direttiva 2006/48 ma kienu jinkludu premessa li tikkjarifika l-għan tal-kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni lil istituzzjoni ta’ kreditu msemmija fil-punt 62 iktar ’il fuq.

    71

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36, bl-istess mod bħad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi 77/780, 2000/12 u 2006/48, għandu għan marbut mal-governanza tajba tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ prinċipju ta’ “kontroll doppju” jew ir-“regola ta’ erba’ għajnejn”, billi jevita l-konċentrazzjoni tal-poter f’idejn persuna waħda, u l-preżervazzjoni tal-effettività ta’ dan il-prinċipju jew ta’ din ir-regola timplika li, minbarra d-direttur ġenerali, hemm “direttur effettiv” ieħor li ma huwiex subordinat għalih, li huwa l-każ tal-president tal-bord tat-tmexxija.

    72

    Ċertament, in-natura obbligatorja tal-preżenza ta’ mill-inqas żewġ persuni li effettivament imexxu n-negozju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu tista’ tinftiehem bħala intiża mhux biss biex tippermetti kontinwità fit-tmexxija effettiva ta’ istituzzjoni ta’ kreditu billi tevita li din tal-aħħar tista’ tiġi kompromessa f’każ ta’ impediment li jaffettwa lil direttur wieħed, iżda wkoll biex tistabbilixxi kontroll reċiproku bejn il-persuni li effettivament imexxu lill-istituzzjoni ta’ kreditu.

    73

    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-governanza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-għanijiet tad-Direttiva 2013/36 jirriżultaw b’mod ċar mid-dikjarazzjoni tal-motivi tagħha u, b’mod partikolari, mill-premessi 53, 54 u 57.

    74

    B’hekk, fil-premessa 53 tad-Direttiva 2013/36, huwa indikat li “[p]unti debboli fil-governanza korporattiva f’għadd ta’ istituzzjonijiet kienu fattur li kkontribwixxa għat-teħid eċċessiv u imprudenti ta’ riskji fis-settur bankarju li wassal għall-falliment ta’ istituzzjonijiet individwali u problemi sistemiċi fl-Istati Membri u globalment[; i]d-dispożizzjonijiet ferm ġenerali dwar il-governanza tal-istituzzjonijiet u n-natura mhux vinkolanti ta’ parti sostanzjali tal-qafas ta’ governanza korporattiva, ibbażati essenzjalment fuq kodiċijiet ta’ kondotta volontarji, ma ffaċilitawx biżżejjed l-implimentazzjoni effikaċi ta’ prattiki validi ta’ governanza korporattiva mill-istituzzjonijiet”. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur enfasizza, fl-istess premessa, li “[f]’xi każijiet in-nuqqas ta’ kontrolli u ekwilibriji effettivi fi ħdan l-istituzzjonijiet irriżulta f’nuqqas ta’ sorveljanza effettiva tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tad-diriġenza, li aggrava l-istrateġiji ta’ ġestjoni li jħarsu lejn l-immedjat u eċċessivament riskjużi”.

    75

    Bl-istess mod, fil-premessa 54 tad-Direttiva 2013/36, huwa indikat li, “[s]abiex jindirizzaw l-effett potenzjalment detrimentali ta’ miżuri ta’ governanza korporattiva mfassla ħażin fuq il-ġestjoni valida tar-riskji, l-Istati Membri għandhom jintroduċu prinċipji u standards sabiex jiżguraw is-sorveljanza effikaċi mill-korp ta’ ġestjoni.”

    76

    Finalment, fil-premessa 57 tad-Direttiva 2013/36, huwa ppreċiżat li, “[i]r-rwol tal-membri mhux eżekuttivi tal-korp ta’ ġestjoni fi ħdan istituzzjoni għandu jinkludi li jqajmu dubji kostruttivi għall-istrateġija tal-istituzzjoni biex b’hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp tagħha, l-iskrutinju tal-prestazzjoni tal-membri tal-korp ta’ ġestjoni fil-kisba ta’ objettivi maqbula; għandhom jiżguraw huma stess li l-informazzjoni finanzjarja hija preċiża u li l-kontrolli finanzjarji u s-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju huma robusti u jistgħu jiġu difiżi, l-iskrutinju tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ remunerazzjoni tal-istituzzjoni; u l-forniment ta’ opinjonijiet oġġettivi dwar ir-riżorsi, il-ħatriet u l-istandards ta’ imġiba.”

    77

    Għaldaqstant, mill-eżami tal-motivi tad-Direttiva 2013/36 jirriżulta li, minkejja li din tibqa’ siekta fir-rigward tal-iskop tar-regola li tidher fl-Artikolu 13(1) tagħha, hija tinkludi spjegazzjoni ċara tal-għan imfittex mil-leġiżlatur fir-rigward tar-regoli dwar il-governanza tajba tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Dan l-għan jikkonsisti f’sorveljanza effettiva tal-amministrazzjoni għolja minn membri mhux eżekuttivi tal-korp ta’ ġestjoni, li timplika bilanċ tal-poter fil-korp ta’ ġestjoni.

    78

    Dan jimmaterjalizza fl-Artikolu 88 tad-Direttiva 2013/36, intitolat “Arranġamenti ta’ governanza”, li jispeċifika, b’mod partikolari, fil-paragrafu 1(d) u (e) rispettivament, li “il-korp ta’ ġestjoni jrid ikun responsabbli li jipprovdi sorveljanza effikaċi tal-amministrazzjoni għolja;” u li “il-president tal-korp ta’ ġestjoni responsabbli fil-funzjoni superviżorja tiegħu għal istituzzjoni ma jridx fl-istess ħin jeżerċita l-funzjonijiet ta’ uffiċjal għoli superjuri fi ħdan l-istess istituzzjoni, dment li dan ma jkunx iġġustifikat mill-istituzzjoni u awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti”.

    79

    Minn dan neċessarjament jirriżulta li, fl-istruttura tad-Direttiva 2013/36, l-iskop li jirrigwarda l-amministrazzjoni tajba tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu — li magħha r-rikorrenti jipprovaw jorbtu l-interpretazzjoni tagħhom tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva — tiddependi fuq il-kisba ta’ sorveljanza effettiva tal-amministrazzjoni għolja mill-membri mhux eżekuttivi tal-korp ta’ ġestjoni, li timplika bilanċ tal-poter fi ħdan il-korp ta’ ġestjoni. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-effettività ta’ tali sorveljanza tista’ tiġi kompromessa jekk il-president tal-korp ta’ ġestjoni fil-funzjoni superviżorja tiegħu, filwaqt li ma jokkupawx formalment il-funzjoni ta’ direttur ġenerali, huwa responsabbli b’mod konġunt mit-tmexxija effettiva tan-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

    80

    Għaldaqstant, anki jekk kemm l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 77/780 kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/12 u l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2006/48 setgħu eventwalment jiġu mifhuma bħala li jawtorizzaw in-nomina konġunta bħala “diretturi effettivi” tad-direttur ġenerali u tal-president tal-korp ta’ ġestjoni fil-funzjoni superviżorja tiegħu, għall-finijiet li jiġi permess “kontroll doppju” fid-direzzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu, tali interpretazzjoni ma tistax tiġi segwita fir-rigward tad-Direttiva 2013/36, inkwantu din għandha regoli preċiżi dwar il-governanza tajba tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li jeskludu, fil-prinċipju, li l-president tal-korp ta’ ġestjoni fil-funzjoni superviżorja tiegħu tista’ tkun konġuntament responsabbli għat-tmexxija effettiva tal-attività tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

    81

    Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mit-tfakkira li tinsab fil-premessa 55 tad-Direttiva 2013/36, li tgħid li:

    “L-Istati Membri jużaw strutturi ta’ governanza differenti. Fil-parti l-kbira tal-każijiet tiġi użata struttura ta’ bord unitarju jew doppju, jew it-tnejn li huma. Id-definizzjonijiet użati f’din id-Direttiva huma maħsuba biex jinkludu l-istrutturi kollha eżistenti mingħajr ma jippromwovu l-ebda struttura partikolari. Huma purament funzjonali għall-fini tal-istabbiliment ta’ regoli mmirati għal eżitu partikolari irrispettivament mil-liġi nazzjonali dwar il-kumpanniji applikabbli għal istituzzjoni f’kull Stat Membru. Għalhekk id-definizzjonijiet m’għandhomx ifixklu l-allokazzjoni ġenerali tal-kompetenzi skont il-liġi nazzjonali dwar il-kumpanniji.”

    82

    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, tali interpretazzjoni ma tipprekludix l-eżistenza ta’ struttura unitarja ta’ bord tal-governanza ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, fejn il-korp ta’ ġestjoni għandu kemm funzjonijiet eżekuttivi u superviżorji, iżda jirrigwarda biss l-organizzazzjoni tas-setgħat fi ħdan dan il-korp ta’ ġestjoni.

    83

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, mill-interpretazzjonijiet litterali, storiċi, teleoloġiċi u kuntestwali tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36 jirriżulta li l-espressjoni “żewġ persuni li effettivament imexxu n-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu” għandha tinftiehem bħala referenza għall-membri tal-korp ta’ ġestjoni li jaqgħu wkoll taħt l-amministrazzjoni għolja tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

    Fuq l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu L. 511–13 tas-CMF

    84

    Sa fejn tinsab indiskussjoni l-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi nazzjonali għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-interpretazzjoni li tingħata lilhom mill-qrati nazzjonali (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 1996, Schmit, C‑240/95, EU:C:1996:259, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C‑433/13, EU:C:2015:602, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    85

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-BĊE u l-Kummissjoni jirreferu, b’mod partikolari, għall-interpretazzjoni tal-Artikolu L. 511–13 tas-CMF li tinsab fis-sentenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) tat-30 ta’ Ġunju 2016, imsemmija fil-punt 19 iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti kellhom l-opportunità jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din is-sentenza fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni u waqt is-seduta.

    86

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li din is-sentenza ngħatat b’riżultat ta’ rikors minħabba eċċess ta’ poter kontra l-pożizzjoni 2014-P-07 tal-AKPR, li biha din tispjega l-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “direttur effettiv” f’sens identiku għal dak adottat mill-BĊE, li rrefera għall-pożizzjoni 2014-P-07 tal-AKPR fid-deċiżjonijiet ikkontestati. Is-sentenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) tat-30 ta’ Ġunju 2016 hija għalhekk partikolarment rilevanti f’dan il-każ.

    87

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li s-sentenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) tat-30 ta’ Ġunju 2016 ġiet wara d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni tagħha għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu L. 511–13 tas-CMF, peress li r-rikorrenti kellhom il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ April 2017, EUIPO vs Szajner, C‑598/14 P, EU:C:2017:265, punti 44 sa 46).

    88

    Fil-premessa 7 tas-sentenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) tat-30 ta’ Ġunju 2016, ġie ppreċiżat dan li ġej:

    “[S]kont l-Artikolu L. 225–51 tal-Kodiċi tal-Kummerċ [Franċiż] ‘[i]l-president tal-bord tad-diretturi għandu jorganizza u jmexxi x-xogħol tal-bord, u għandu jagħti rendikont waqt il-laqgħa ġenerali. Dan għandu jiżgura l-funzjonament tajjeb tal-organi tal-kumpanija u għandu jiżgura, b’mod partikolari, li l-amministraturi jkunu f’pożizzjoni li jwettqu l-inkarigi tagħhom’. [… M]inn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-president tal-bord tad-diretturi ta’ stabbiliment ta’ kreditu fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, ħlief fil-każ fejn dan jieħu, kif jippermetti l-Artikolu L. 225–51–1 tal-istess kodiċi u sakemm dan ikun ġie awtorizzat skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 511–58 tas-[CMF], l-amministrazzoni għolja tal-istituzzjoni ta’ kreditu, ma jistax jitqies li jiżgura tmexxija effettiva tal-istituzzjoni ta’ kreditu fis-sens tal-Artikolu L. 511–13 ta’ dan il-Kodiċi[. S]ussegwentement, l-AKPR ma injorax dawn id-dispożizzjonijiet meta stabbilixxa li lil hinn minn din l-ipoteżi, il-president tal-bord tad-diretturi ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, ikkostitwit fil-forma ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata b’bord ta’ diretturi, ma jistax jiġi maħtur bħala ‘direttur effettiv’ ta’ dan l-istabbiliment[. F]’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw b’mod effettiv l-ispeċifiċitajiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt il-liġi tal-10 ta’ Settembru 1947 dwar l-istatut tal-kooperazzjoni, peress li d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-Kodiċi Kummerċjali huma applikabbli għalihom indipendentement mill-libertà ta’ organizzazzjoni li jagħtuhom id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew tal-Artikolu L. 512–31 tas-[CMF].”

    89

    B’hekk, permezz tas-sentenza tagħha tat-30 ta’ Ġunju 2016, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) qies li kien biss fl-eventwalità li l-president tal-bord tad-diretturi ta’ istituzzjoni ta’ kreditu kien espliċitament awtorizzat biex jieħu l-amministrazzjoni għolja li dan seta’ jiġi nnominat bħala “direttur effettiv” tal-imsemmi stabbiliment, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu L. 511–13 tas-CMF.

    90

    Minn dan jirriżulta li l-BĊE ma wettaqx l-iżbalji ta’ liġi allegati mir-rikorrenti meta kkonkluda li l-kunċett ta’ “direttur effettiv” ta’ istituzzjoni ta’ kreditu kellu jinftiehem bħala li jkopri lid-diretturi b’funzjonijiet eżekuttivi, bħad-direttur ġenerali, id-direttur ġenerali delegat, il-membri tal-bord eżekuttiv jew id-direttur ġenerali uniku.

    91

    Fil-fatt, kemm l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36 kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu L. 511–13 tas-CMF jimplikaw li huma biss il-membri tal-korp ta’ ġestjoni li jaqgħu wkoll taħt l-amministrazzjoni għolja tal-istituzzjoni ta’ kreditu li jistgħu jinħatru bħala “persuni li effettivament imexxu n-negozju tal-istituzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36 jew bħala persuni li jiżguraw it-“tmexxija effettiva tal-istituzzjoni ta’ kreditu” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu L. 511–13 tas-CMF.

    92

    Peress li s-sentenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) tat-30 ta’ Ġunju 2016 hija suffiċjenti biex tiġi stabbilita l-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li l-BĊE kellu japplika minħabba r-riferiment magħmul fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, jiġifieri t-tieni subparagrafu tal-Artikoli L. 511–13 tas-CMF, l-argumentazzjoni mressqa mir-rikorrenti intiża sabiex tpoġġi indiskussjoni l-fondatezza ta’ din l-interpretazzjoni, inkluż b’referenza għal regoli oħra tad-dritt nazzjonali, għandha mill-ewwel tiġi miċħuda. Dan japplika wkoll, b’mod partikolari, għall-libertà ta’ organizzazzjoni li minnha jibbenefikaw ir-rikorrenti b’applikazzjoni tal-Liġi tal-10 ta’ Settembru 1947 dwar l-istatut ta’ kooperazzjoni, peress li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), barra minn hekk, espliċitament adotta pożizzjoni dwar din il-kwistjoni fil-premessa 7 tas-sentenza tiegħu tat-30 ta’ Ġunju 2016.

    93

    Għaldaqstant, l-ewwel tliet aggravji tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

    Fuq ir-raba’ motiv, imqajjem sussidjarjament u bbażat fuq ksur tal-Artikolu L. 511–58 tas-CMF

    94

    Kif ġie spjegat fil-punti 8 u 18 iktar ’il fuq, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-BĊE bbaża b’mod partikolari r-rifjut tiegħu għall-approvazzjoni tal-presidenti tal-bordijiet tad-diretturi tar-rikorrenti bħala d-“diretturi effettivi” tagħhom fuq il-kliem tal-Artikolu L. 511–58 tas-CMF li jittrasponi l-Artikolu 88(1)(e) tad-Direttiva 2013/36. Dan irrefera wkoll għall-fatt li l-premessa 54 ta’ din id-direttiva kienet tippermetti lill-Istati Membri li jintroduċu prinċipji u standards ta’ governanza flimkien ma’ dawk meħtieġa mid-direttiva.

    95

    Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE wettaq żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu L. 511–58 tas-CMF, peress li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix lill-president tal-bord tad-diretturi milli jeżerċita kull funzjoni eżekuttiva, iżda biss il-funzjoni ta’ direttur ġenerali. Dawn jenfasizzaw li, fid-dritt Franċiż, il-president tal-bord tad-diretturi għandu funzjonijiet eżekuttivi reali u differenti minn dawk ta’ direttur ġenerali. Huma jfakkru li l-organizzazzjoni tagħhom hija rregolata bil-Liġi tal-10 ta’ Settembru 1947 dwar l-istatut ta’ kooperazzjoni, li hija kkaratterizzata minn livell għoli ta’ flessibbiltà fir-rigward tal-organizzazzjoni, liema ħaġa ppermettietilhom li jiddefinixxi b’mod wiesa’ ħafna, fl-istatuti tagħhom, is-setgħat mogħtija lill-bord tad-diretturi u lill-president tiegħu. Barra minn hekk, l-ambitu tas-setgħat tal-president tal-bord tad-diretturi awtonomi jew iddelegati mill-bord tad-diretturi huwa biżżejjed biex jiġġustifika l-klassifikazzjoni tiegħu bħala “direttur effettiv” mingħajr madankollu ma jitqies bħala direttur ġenerali. Barra minn hekk, billi llimita r-rwol tal-bord tad-diretturi u tal-president tiegħu għall-funzjonijiet ta’ superviżjoni biss, il-BĊE ħassar in-natura speċifika tal-mudelli ta’ governanza “f’saffi” fejn il-bord tad-diretturi jieħu sehem kemm fil-funzjonijiet superviżorji kif ukoll fil-funzjonijiet eżekuttivi, kuntrarjament għall-intenzjoni tal-leġiżlatur kif tirriżulta fil-premessa 55 tad-Direttiva 2013/36. Finalment, dawn ifakkru li ma talbux il-ħatra tal-president tal-bord tad-diretturi tagħhom bħala direttur ġenerali, iżda bħala “direttur effettiv”.

    96

    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

    97

    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-Artikolu 88(1)(e) tad-Direttiva 2013/36, għandu jiġi rrilevat li dan tal-aħħar għandu formulazzjoni ċara sa fejn jipprekludi li “il-president tal-korp ta’ ġestjoni responsabbli fil-funzjoni superviżorja tiegħu għal istituzzjoni [fl-istess ħin jeżerċita] l-funzjonijiet ta’ uffiċjal għoli superjuri fi ħdan l-istess istituzzjoni, dment li dan ma jkunx iġġustifikat mill-istituzzjoni u awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti.”

    98

    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-Artikolu L. 511–58 tas-CMF, li jiżgura t-traspożizzjoni tal-Artikolu 88(1)(e) tad-Direttiva 2013/36, huwa ppreċiżat li “[i]l-presidenza tal-bord tad-diretturi jew ta’ kull korp ieħor li jwettaq funzjonijiet ta’ superviżjoni ekwivalenti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ kumpannija ta’ finanzjament ma tistax tiġi eżerċitata mid-direttur ġenerali jew minn persuna li teżerċita funzjonijiet ta’ tmexxija ekwivalenti”.

    99

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-Artikolu L. 511–58 tas-CMF għandha portata iktar wiesgħa minn dik tal-Artikolu 88(1)(e) tad-Direttiva 2013/36, sa fejn jipprekludi mhux biss lid-“direttur ġenerali”, iżda wkoll lil “persuna li teżerċita funzjonijiet ta’ tmexxija ekwivalenti”, milli jeżerċitaw il-presidenza tal-bord tad-diretturi, filwaqt li l-Artikolu 88(1)(e) tad-Direttiva 2013/36 tirreferi biss għad-direttur ġenerali, dan il-kamp ta’ applikazzjoni iktar wiesgħa ma jpoġġix indiskussjoni l-kompatibbiltà tiegħu mal-Artikolu msemmi. Fil-fatt, hekk kif ġustament enfasizza l-BĊE fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-premessa 54 tad-Direttiva 2013/36, li l-kontenut tagħha huwa mfakkar fil-punt 75 iktar ’il fuq, tippermetti li l-Istati Membri jintroduċu prinċipji u regoli intiżi biex jiżguraw superviżjoni effettiva mill-korp ta’ ġestjoni. Barra minn hekk, l-estensjoni tal-projbizzjoni tal-prinċipju ta’ kumulu tal-funzjonijiet ta’ president tal-bord tad-diretturi lil “persuna li teżerċita funzjonijiet ta’ tmexxija ekwivalenti” għal dik ta’ direttur ġenerali hija konformi mal-għanijiet tad-Direttiva 2013/36, kif spjegati fil-punti 73 sa 79 iktar ’il fuq, jiġifieri t-tfittxija ta’ sorveljanza effettiva tal-amministrazzjoni għolja mill-membri mhux eżekuttivi tal-korp ta’ ġestjoni, li timplika bilanċ tal-poter fi ħdan il-korp ta’ ġestjoni.

    100

    Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu L. 511–58 tas-CMF, mill-premessa 7 tas-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, imfakkar fil-punt 88 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ikkunsidra li din id-dispożizzjoni tipprekludi li l-president tal-bord tad-diretturi ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jinħatar bħala “direttur effettiv” ta’ dan l-istabbiliment, ħlief fil-każ fejn ikun ġie awtorizzat li jassumi t-tmexxija ġenerali tagħha.

    101

    Issa, mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 88(1)(e) tad-Direttiva 2013/36 magħmula fil-punt 97 iktar ’il fuq jirriżulta li, bl-applikazzjoni tal-Artikolu L. 511–58 tas-CMF, il-BĊE adotta deċiżjoni konformi mal-imsemmi Artikolu 88(1)(e). Għaldaqstant ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-argumentazzjoni mressqa mir-rikorrenti intiża sabiex jikkontestaw il-fondatezza tal-interpretazzjoni tal-Artikolu L. 511–58 tas-CMF.

    102

    Minn dan jirriżulta li l-BĊE ma wettaqx żball ta’ liġi meta kkonkluda li l-Artikolu L. 511–58 tas-CMF kien jipprekludi l-ħatra tal-presidenti tal-bordijiet tad-diretturi tar-rikorrenti bħala “diretturi effettivi” tagħhom.

    103

    Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    104

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-BĊE, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

    105

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikorsi huma miċħuda.

     

    2)

    Caisse régionale de crédit agricole mutuel Alpes Provence, Caisse régionale de crédit agricole mutuel Nord Midi-Pyrénées, Caisse régionale de crédit agricole mutuel Charente-Maritime Deux-Sèvres u Caisse régionale de crédit agricole mutuel Brie Picardie għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk esposti mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

     

    3)

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

     

    Prek

    Buttigieg

    Schalin

    Berke

    Costeira

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ April 2018.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top