EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TJ0068

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-17 ta’ Jannar 2018.
Deichmann SE vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ revoka – Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta salib fuq il-ġenb ta’ żarbun tal-isport – Trade mark ta’ pożizzjoni – Użu ġenwin tat-trade mark – Artikolu 15(1) u Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li saru l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001).
Kawża T-68/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:7

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Jannar 2018 ( *1 )

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea - Proċedimenti ta’ revoka - Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta salib fuq il-ġenb ta’ żarbun tal-isport - Trade mark ta’ pożizzjoni - Użu ġenwin tat-trade mark - Artikolu 15(1) u Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li saru l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001)”

Fil-kawża T‑68/16,

Deichmann SE, stabbilita f’Essen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Onken, avocat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Gája, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Munich, SL, stabbilita f’Capellades (Spanja), irrappreżentata minn J. Güell Serra u M. del Mar Guix Vilanova, avocats,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, tal-4 ta’ Diċembru 2015 (Każ R 2345/2014‑4), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn Deichmann u Munich,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

komposta minn H. Kanninen, President, J. Schwarcz (Relatur) u C. Iliopoulos, Imħallfin,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Frar 2016,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ April 2016,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Lulju 2016,

wara s-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fis-6 ta’ Novembru 2002, l-intervenjenti, Munich, SL, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat (issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat, huwa stess issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2

It-trade mark figurattiva li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni kienet irrappreżentata kif ġej:

Image

3

Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Żraben tal-isport”.

4

It-trade mark ġiet irreġistrata fl-24 ta’ Marzu 2004 bin-numru 2923852.

5

Fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ ksur tal-proprjetà intellettwali mressqa mill-intervenjenti quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), kontra r-rikorrenti, Deichmann SE, din tal-aħħar ippreżentat, fid-29 ta’ Ġunju 2010, kontrotalba skont l-Artikolu 100(1), l-Artikolu 51(1)(a) u l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikolu 128(1), l-Artikolu 58(1)(a) u l-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament 2017/1001). Il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) innotifikat debitament il-kontrotalba lill-EUIPO u dan il-fatt tniżżel fir-Reġistru tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 100(4) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 128(4) tar-Regolament 2017/1001). Fis-26 ta’ Ottubru 2010, il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti ta’ ksur tal-proprjetà intellettwali skont l-Artikolu 100(7) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 128(7) tar-Regolament 2017/1001) u stiednet lir-rikorrenti sabiex tippreżenta talba għal revoka u għal dikjarazzjoni ta’ invalidità lill-EUIPO f’terminu ta’ tliet xhur.

6

Fis-26 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat, quddiem l-EUIPO, talba għar-revoka tat-trade mark inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, għar-raġuni li ma sarx użu ġenwin tagħha fi ħdan l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari matul il-ħames snin qabel id-data tal-kontrotalba, għall-prodotti li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata (Każ 5141 C, li huwa s-suġġett ta’ dan ir-rikors). Barra minn hekk, fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ressqet, quddiem l-EUIPO, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark inkwistjoni għal raġunijiet assoluti, abbażi tal-Artikolu 52(1)(a) ta’ dan l-istess regolament (Każ 5143 C).

7

Fil-31 ta’ Jannar 2011, l-EUIPO stieden l-intervenjenti tipproduċi provi dwar l-użu tat-trade mark inkwistjoni. Fit-28 ta’ April 2011, l-intervenjenti pproduċiet sensiela ta’ provi ta’ użu. Dawn kienu kkostitwiti, fl-ewwel anness, minn fatturi datati bejn is-26 ta’ Jannar 2006 u s-26 ta’ Jannar 2011, maħruġa minn Berneda S.A., jiġifieri impriża marbuta mal-intervenjenti u awtorizzata minn din tal-aħħar sabiex tuża t-trade mark inkwistjoni. Dawn il-fatturi kienu ntbagħtu lil klijenti f’diversi Stati Membri u kienu jagħmlu riferiment għal numri ta’ mudelli ta’ żraben speċifiċi. L-intervenjenti inkludiet tabelli għal kull Stat Membru, li juru l-konnessjoni bejn in-numri ta’ mudelli ta’ żraben mibjugħa u l-entrati tal-katalogu korrispondenti, li jinsabu fit-tieni anness. Dan l-anness kien jikkonċerna katalogi ġenerali u staġjonali mill-2006 sal-2011, b’ritratti ta’ żraben li n-numri tal-mudelli tagħhom kienu jikkorrispondu għal dawk tal-fatturi ppreżentati fl-ewwel anness. L-intervenjenti indikat li hija fehmet li l-perijodu rilevanti kien jikkorrispondi għall-ħames snin qabel id-data tat-talba għal revoka quddiem l-EUIPO. Madankollu, fil-każ fejn l-EUIPO jqis li l-perijodu rilevanti kien jikkorrispondi għall-ħames snin qabel id-data ta’ preżentata tal-kontrotalba quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf), l-intervenjenti sostniet li hija setgħet tippreżenta dokumenti addizzjonali li juru użu tat-trade mark inkwistjoni għall-perijodu mid-29 ta’ Ġunju 2005 sas-26 ta’ Jannar 2006. Fid-29 ta’ April 2011, hija reġgħet ippreżentat tabella ta’ sitt paġni li tistabbilixxi kontroreferenzi bejn kull fattura u mudell ta’ żarbun mibjugħ u n-numru tal-mudell li jinsab fil-katalogi inklużi fit-tieni anness msemmi iktar ’il fuq, għal ċerti fatturi addizzjonali maħruġa mill-impriża Berneda u li jirrigwardaw il-perijodu bejn il-25 ta’ Awwissu 2009 u s-26 ta’ Jannar 2011.

8

Fil-25 ta’ Ġunju 2014, l-intervenjenti indikat, “bħala prekawzjoni”, li hija bbażat ruħha wkoll fuq dokumenti li hija kienet ippreżentat quddiem l-EUIPO fil-kuntest ta’ proċedura oħra, li rreferiet għaliha.

9

Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Awwissu 2014, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba għal revoka, irrevokat it-trade mark inkwistjoni mis-26 ta’ Jannar 2011 u kkundannat lill-intervenjenti għall-ispejjeż. Essenzjalment, hija qieset li l-provi prodotti ma kinux jippermettu li jiġi pprovat użu ġenwin tal-imsemmija trade mark matul il-perijodu rilevanti, li hija qieset, mingħajr spjegazzjoni, bħala l-perjodu ta’ ħames snin immedjatament qabel id-data tal-preżentata tat-talba għal revoka quddiem l-EUIPO. B’mod partikolari, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni qieset li l-provi prodotti kienu jikkonċernaw sitwazzjonijiet ta’ użu ta’ forom li kienu differenti mit-trade mark inkwistjoni minħabba elementi li bidlu l-karattru distintiv tagħha, fis-sens tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2017/1001).

10

Fl-10 ta’ Settembru 2014, l-intervenjenti ppreżentat appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

11

Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad it-talba għal revoka. Huwa rrileva, essenzjalment, li l-provi ta’ użu juru l-użu tat-trade mark inkwistjoni għaż-“żraben tal-isport”, li jaqgħu taħt il-klassi 25, matul il-perijodu rilevanti li huwa ddefinixxa bħala li jikkorrispondi għall-ħames snin qabel id-data ta’ preżentata tal-kontrotalba, jiġifieri l-perijodu mid-29 ta’ Ġunju 2005 sat-28 ta’ Ġunju 2010 (iktar ’il quddiem il-“perijodu rilevanti”).

12

B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-karattru tat-trade mark inkwistjoni, il-Bord tal-Appell, wara li osserva li din kienet tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni grafika li tidher fil-punt 2 iktar ’il fuq u wara li ddeskriviha b’mod iddettaljat, qies li, “sa fejn [kienet] ir-rappreżentazzjoni grafika li [kienet tiddefinixxi] t-trade mark, il-kwistjoni dwar jekk [kinitx] trade mark ta’ pożizzjoni jew trade mark figurattiva [ma kinitx] rilevanti”. Fir-realtà, skont il-Bord tal-Appell, it-trade marks ta’ pożizzjoni huma simili għall-kategoriji ta’ trade marks figurattivi u tridimensjonali peress li dawn ikopru l-applikazzjoni ta’ elementi figurattivi u tridimensjonali fuq il-wiċċ ta’ prodott. Il-fattur determinanti fir-rigward tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark ma huwiex il-klassifikazzjoni tas-sinjal ikkonċernat bħala sinjal figurattiv, tridimensjonali jew ta’ pożizzjoni, iżda l-mod kif it-trade mark hija pperċepita mill-pubbliku rilevanti fir-rigward tal-prodotti kkonċernati. Dan il-mod ta’ kif t-trade mark tiġi pperċepita jista’ jiġi influwenzat unikament min-natura tas-sinjal skont kif ġie rreġistrat. Skont il-Bord tal-Appell, it-trade mark inkwistjoni “hija intiża għall-protezzjoni ta’ disinn f’forma ta’ salib speċifiku mqiegħed fuq parti ddeterminata tal-wiċċ tal-prodott indikat, jiġifieri żarbun tal-isport”. Il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark inkwistjoni ma tistax tiġi sseparata mill-forma ta’ parti ta’ dan il-prodott, jiġifieri mill-parti ta’ fuq ta’ żarbun tal-isport.

13

Sussegwentement, il-Bord tal-Appell wettaq analiżi tal-provi prodotti mill-intervenjenti, li jikkonsistu b’mod partikolari f’numru kbir ta’ fatturi u katalogi ta’ prodotti, u kkonkluda, essenzjalment, li dawn kienu juru, b’mod ġenerali, użu ġenwin tat-trade mark inkwistjoni, jiġifieri l-użu kummerċjali reali tagħha, għal dak li kien jirrigwarda l-importanza tal-użu, it-tul tiegħu, il-portata ġeografika tiegħu u n-natura tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-konklużjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li tgħid li l-istampi li jinsabu fil-bosta katalogi ppreżentati mill-intervenjenti jirrappreżentaw tipi differenti ta’ żraben tal-isport li fuqhom tqiegħdu diversi linji trażversali li jbiddlu l-karattru distintiv tat-trade mark inkwistjoni, ma setgħetx tiġi aċċettata. Għall-kuntrarju, skont il-Bord tal-Appell, id-differenzi bejn it-trade mark kif użata u t-trade mark inkwistjoni huma “negliġibbli, bil-kemm viżibbli jew ineżistenti”. Il-Bord tal-Appell qies li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, huwa seta’ wkoll jieħu inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi stabbilit l-użu ġenwin tat-trade mark inkwistjoni, elementi bil-kulur, minkejja l-fatt li t-trade mark ġiet irreġistrata bl-iswed u bl-abjad.

14

Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell irrefera għal ċerti elementi addizzjonali li jikkonfermaw il-konklużjonijiet tiegħu, bħal sentenza tal-Juzgado de marca comunitaria ta’ Alicante (il-Qorti tat-Trade Marks Komunitarji ta’ Alicante, Spanja), tal-31 ta’ Lulju 2007, “li tistabbilixxi li t-trade mark [inkwistjoni] kienet meqjusa bħala b’saħħitha u li għandha reputazzjoni fil-qasam ta’ żraben tal-isport fi Spanja”, jew provi oħra li jirrigwardaw perijodu wara t-28 ta’ Ġunju 2010, li juru l-eżistenza ta’ “tendenza ġenerali ta’ użu kostanti u kontinwu”, kif stabbilit għall-perijodu rilevanti.

It-talbiet tal-partijiet

15

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

16

L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

17

L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

18

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn il-Bord tal-Appell evalwa b’mod żbaljat l-għan tat-trade mark inkwistjoni, billi qies li l-kwistjoni dwar jekk din kinitx trade mark figurattiva jew trade mark ta’ pożizzjoni kienet irrilevanti. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 51(1) u tal-Artikolu 15(1) ta’ dan l-istess regolament, sa fejn, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trade mark inkwistjoni ntużatx fil-forma rreġistrata tagħha jew f’forma li ma tbiddilx il-karattru distintiv tagħha, il-Bord tal-Appell qabbel biss parti minnha, jiġifieri żewġ strixxi li jinkroċjaw, fejn l-istrixxi jitqiegħdu fuq iż-żraben tal-isport allegatament ikkummerċjalizzati mill-intervenjenti. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq mudelli ta’ żraben li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom mill-intervenjenti ma ġietx murija.

19

Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-motivi tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell żbalja dwar l-għan stess tat-trade mark inkwistjoni u ssostni li din ma ġietx użata fil-forma kif hija ġiet irreġistrata, jiġifieri, skontha, bħala rappreżentazzjoni tal-kontorni ta’ żarbun tal-isport mingħajr pettijiet, b’żewġ strixxi li jinkroċjaw fuq il-ġenb.

20

Minħabba l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ippreżentati fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet motiv, għandha titwettaq analiżi konġunta tagħhom, wara eżami tal-ewwel motiv.

21

Barra minn hekk, sa fejn l-intervenjenti titlob, b’mod partikolari, il-konferma tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li, peress li “konferma tad-deċiżjoni kkontestata” hija ekwivalenti għal ċaħda tar-rikors, it-tieni kap tat-talbiet tal-intervenjenti huwa intiż, essenzjalment, għaċ-ċaħda tar-rikors u għalhekk huwa indissoċjabbli mill-ewwel kap tat-talbiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-5 ta’ Frar 2016, Kicktipp vs UASI – Italiana Calzature (kicktipp), T‑135/14, EU:T:2016:69, punt 19 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l-ewwel motiv

22

Skont ir-rikorrenti, it-trade mark inkwistjoni ma ġietx irreġistrata taħt il-kategorija trade marks “oħra” u ma tistax titqies bħala trade mark “ta’ pożizzjoni”, iżda biss bħala trade mark figurattiva. Hija ddefinita mir-rappreżentazzjoni grafika tagħha, kif jirriżulta miċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, mingħajr ma l-“perċezzjoni tal-pubbliku” ikollha rwol determinanti f’dan ir-rigward. Skontha, ma jistax jiġi aċċettat li dan kien “kwalunkwe żarbun tal-isport ordinarju”, jew żarbun “b’pettijiet”. Ma tirriżulta ebda konsegwenza speċifika mill-fatt li l-kontorni tal-immaġni ta’ żarbun, li jikkostitwixxu t-trade mark inkwistjoni, huma rrappreżentati minn linji bit-tikek. Bl-istess mod, skont ir-rikorrenti, ir-referenza magħmula mill-intervenjenti għall-fatt li l-anzjanità tat-trade mark Spanjola “ta’ pożizzjoni” irreġistrata bin-numru 1658216 ġiet aċċettata mill-EUIPO, għat-trade mark inkwistjoni, ma għandha l-ebda effett fuq l-eżitu tal-kawża preżenti. Fil-kuntest tat-talba tagħha għal seduta, tas-5 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti rreferiet għal deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, tas-6 ta’ Lulju 2016 (Każ R 408/2015–4). Hija sostniet li dan il-każ kien simili għall-kawża preżenti u li t-trade mark li tirrappreżenta żewġ linji paralleli li jibdlu direzzjoni diversi drabi, imqiegħda fuq il-ġenb ta’ żarbun tal-isport, kienet ġiet meqjusa bħala trade mark figurattiva u mhux bħala trade mark “ta’ pożizzjoni”. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li r-referenza tagħha għad-deċiżjoni msemmija hawn fuq kienet ammissibbli, peress li din kienet ġiet ippubblikata fil-lingwa tal-kawża, jiġifieri l-Ingliż, fuq is-sit tal-internet tal-EUIPO.

23

L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti. Fis-seduta, l-intervenjenti allegat, barra minn hekk, li r-referenza magħmula mir-rikorrenti għad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-6 ta’ Lulju 2016 kienet inammissibbli, minn naħa, minħabba l-fatt li hija ma kinitx ġiet ippreżentata fl-intier tagħha bil-lingwa tal-kawża u, min-naħa l-oħra, peress li r-rikorrenti ma ppreċiżatx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet favur it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din id-deċiżjoni f’din il-kawża.

24

Skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq talba ppreżentata quddiem l-EUIPO jew fuq kontrotalba fi proċedimenti ta’ ksur tal-proprjetà intellettwali, id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati jekk, għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin tat-trade mark fl-Unjoni għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom hija tkun irreġistrata u jekk ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu.

25

Skont ir-Regola 22(3) u (4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) (li saret l-Artikolu 10(3) u (4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1430 tat-18 ta’ Mejju 2017 li jissupplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trademark Komunitarja u li jirrevoka r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 u (KE) Nru 216/96 (ĠU 2017, L 205, p. 1)), applikabbli għall-proċedimenti ta’ revoka skont ir-Regola 40(5) tal-istess regolament (li saret l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 2017/1430), il-prova ta’ użu għandha tkopri l-post, it-tul ta’ żmien, l-importanza u n-natura tal-użu li jkun sar mit-trade mark u hija limitata, bħala prinċipju, għall-preżentazzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn, bħal pakketti, tikketti, listi ta’ prezzijiet, katalogi, fatturi, ritratti, riklami fil-gazzetti kif ukoll id-dikjarazzjonijiet bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 97(1)(f) tar-Regolament 2017/1001).

26

Fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ użu ġenwin, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-ratio legis tar-rekwiżit li għandu jsir użu ġenwin ta’ trade mark la hija intiża sabiex tevalwa s-suċċess kummerċjali, la sabiex tikkontrolla l-istrateġija ekonomika ta’ impriża, u lanqas sabiex tirriżerva l-protezzjoni tat-trade marks unikament għall-użu kummerċjali kwantitattivament sinjifikattiv tagħhom (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, La Mer Technology vs UASI – Laboratoires Goëmar (LA MER), T‑418/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:299, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, ikun sar użu ġenwin ta’ trade mark meta hija tintuża, skont il-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiġi ggarantita l-identità tal-oriġini tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq tal-bejgħ għal dawn il-prodotti u servizzi, bl-esklużjoni ta’ użu ta’ natura simbolika li l-uniku skop tiegħu huwa ż-żamma tad-drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark. Barra minn hekk, il-kundizzjoni relatata mal-użu ġenwin tat-trade mark teħtieġ li din, hekk kif hija protetta fit-territorju rilevanti, tintuża pubblikament u lejn l-estern (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2004, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASI – Krafft (VITAKRAFT), T‑356/02, EU:T:2004:292, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jistabbilixxu li din it-trade mark kienet verament użata kummerċjalment, b’mod partikolari, l-użu meqjus bħala ġġustifikat fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex iżomm fis-seħħ jew joħloq parti fis-suq favur il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-portata u l-frekwenza tal-użu tat-trade mark (ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2008, Boston Scientific vs UASI – Terumo (CAPIO), T‑325/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:338, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Barra minn hekk, l-użu ġenwin ta’ trade mark ma jistax jiġi pprovat permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi ta’ użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat (ara s-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2009, Cohausz vs UASI – Izquierdo Faces (acopat), T‑409/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:354, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami u li timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2011, Advance Magazine Publishers vs UASI – Capela & Irmãos (VOGUE), T‑382/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:9, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Għandu jitfakkar li ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat a priori, b’mod astratt, liema livell kwantitattiv għandu jintgħażel sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu kellux jew le natura ġenwina u li regola de minimis, li ma tippermettix lill-EUIPO jew, fuq rikors, lill-Qorti Ġenerali sabiex jevalwaw iċ-ċirkustanzi kollha tat-tilwima quddiemhom, ma tistax tiġi ffissata. Barra minn hekk, meta jservi skop kummerċjali reali, użu anki minimu jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ natura ġenwina (sentenza tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI, C‑416/04 P, EU:C:2006:310, punt 72).

31

Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li, skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2017/1001), il-prova tal-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti, nazzjonali jew tal-Unjoni Ewropea, tinkludi wkoll il-prova tal-użu tat-trade mark preċedenti f’forma li hija differenti minħabba elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv ta’ din it-trade mark fil-forma kif hija ġiet irreġistrata.

32

Fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ trade mark bħala trade mark “ta’ pożizzjoni”, għandu jiġi osservat li la r-Regolament Nru 207/2009 u lanqas ir-Regolament Nru 2868/95 ma jsemmu tali trade marks bħala kategorija speċifika ta’ trade marks. Madankollu, sa fejn l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2017/1001) ma fihx lista eżawrjenti tas-sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade marks tal-Unjoni Ewropea, din iċ-ċirkustanza hija irrilevanti għal dak li jirrigwarda l-karattru reġistrabbli ta’ “trade marks ta’ pożizzjoni” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, X Technology Swiss vs UASI (Għoti tal-kulur oranġjo lill-ponta ta’ kalzetta), T‑547/08, EU:T:2010:235, punt 19).

33

Barra minn hekk, jidher li t-“trade marks ta’ pożizzjoni” huma simili għall-kategoriji ta’ trade marks figurattivi u tridimensjonali, peress li dawn ikopru l-applikazzjoni ta’ elementi figurattivi jew tridimensjonali fuq il-wiċċ ta’ prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, Għoti tal-kulur oranġjo lill-ponta ta’ kalzetta, T‑547/08, EU:T:2010:235, punt 20). Minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark, il-klassifikazzjoni ta’ “trade mark ta’ pożizzjoni” bħala trade mark figurattiva jew tridimensjonali jew bħala kategorija speċifika ta’ trade marks hija irrilevanti (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, Għoti tal-kulur oranġjo lill-ponta ta’ kalzetta, T‑547/08, EU:T:2010:235, punt 21).

34

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza tirrikonoxxi l-possibbiltà li trade marks figurattivi huma fir-realtà trade marks “ta’ pożizzjoni” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ April 2013, Colloseum Holding,C‑12/12, EU:C:2013:253, punt 13, u tat-28 ta’ Settembru 2010, Rosenruist vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ but b’żewġ kurvi fuqu), T‑388/09, mhux ippubblikata, EU:T:2010:410, punti 217).

35

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, fil-formola ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ppreżentata mill-intervenjenti, din tal-aħħar indikat espressament li hija kienet qiegħda titlob ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark figurattiva billi mmarkat il-kaxxa għal dan il-għan, u mhux dawk previsti għat-trade marks “verbali”, “tridimensjonali” jew “oħrajn”. Hemm lok ukoll li jiġi rrilevat li ma ġiex sostnut u lanqas ma jirriżulta mill-proċess li l-formoli ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea jipprevedu, fid-data tal-applikazzjoni għat-trade mark inkwistjoni, kaxxa separata għal trade marks “ta’ pożizzjoni”. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-applikazzjoni għat-trade mark inkwistjoni saret unikament għall-prodotti “żraben tal-isport”. Huwa possibbli li tiġi stabbilita ċerta rabta bejn it-trade mark inkwistjoni u l-apparenza tal-prodotti koperti minnha, sa fejn l-imsemmija trade mark hija rrappreżentata minn grafika partikolari, f’forma ta’ salib fuq il-ġenb ta’ żarbun tal-isport, billi ġie ppreċiżat li l-kontorni eżatti tagħha ma humiex koperti mit-trade mark peress li dawn jidhru bit-tikek. Għandu jiġi rrilevat ukoll li s-salib inkwistjoni jippreżenta kuntrast ta’ kulur maż-żarbun tal-isport nnifsu u tqiegħed taħt il-lazzijiet.

36

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma jistax jiġi dedott mis-sempliċi fatt li ġiet immarkata l-kaxxa “trade mark figurattiva” waqt ir-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni li din ma tistax titqies, fl-istess ħin, bħala trade mark “ta’ pożizzjoni”. F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-rappreżentazzjoni grafika tagħha tindika b’mod ċar, permezz ta’ linji kontinwi, l-element li għalih tintalab il-protezzjoni u, permezz ta’ linji bit-tikek, il-kontorni tal-prodotti inkwistjoni, li fuqhom din titqiegħed. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li ma kienx hemm, fid-data rilevanti f’dan il-każ, ir-rekwiżit formali li tiġi mehmuża mal-formola ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark deskrizzjoni verbali sabiex din tkun tista’ titqies bħala trade mark “ta’ pożizzjoni”. Madankollu, għandu jitfakkar li t-trade mark inkwistjoni, filwaqt li titqies li taqa’ taħt dan it-tip ta’ trade mark, tibqa’ wkoll trade mark figurattiva.

37

Fis-seduta, ir-rikorrenti rreferiet għal darb’oħra għad-direttivi tal-EUIPO dwar il-prattiki ta’ eżami ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea, sabiex isostni, essenzjalment, li kien meħtieġ, fir-rigward ta’ trade marks “ta’ pożizzjoni”, minn naħa, li tiġi inkluża deskrizzjoni tat-trade mark li tispeċifika l-pożizzjoni tagħha fuq il-prodott inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li jiġi indikat espliċitament li din kienet trade mark “ta’ pożizzjoni”. Issa, f’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk ir-referenza msemmija hawn fuq kinitx saret għall-verżjoni tad-direttivi tal-EUIPO applikabbli fid-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, li skont il-ġurisprudenza, tali direttivi ma jikkostitwixxux atti ġuridiċi vinkolanti għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken,C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 48).

38

Sussidjarjament, bħala indizju addizzjonali li jwassal sabiex it-trade mark inkwistjoni titqies bħala trade mark “ta’ pożizzjoni”, għandu jingħad ukoll li, kif isostnu ġustament l-EUIPO u l-intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar kienet invokat preċedenza, abbażi tat-trade mark Spanjola Nru 1658216, li għaliha saret applikazzjoni fis-27 ta’ Settembru 1991 u li ġiet irreġistrata fil-5 ta’ Ġunju 1992, fejn ir-rappreżentazzjoni grafika tagħha kienet identika għat-trade mark inkwistjoni u li kienet tinkludi, barra minn hekk, deskrizzjoni li tispeċifika li t-trade mark kienet tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni ta’ salib fuq il-ġenb ta’ żarbun tal-isport.

39

Għandha tiġi analizzata wkoll l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li tgħid li l-Bord tal-Appell interpreta t-trade mark inkwistjoni bħala li tinkludi elementi li ma jagħmlux parti minnha u li huma miżjuda “għad-diskrezzjoni ta’ xi ħadd”, bħal pettijiet, liema fatt jikser ir-rekwiżiti li jirriżultaw b’mod partikolari mill-punti 48 sa 55 tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann (C‑273/00, EU:C:2002:748), u li jirrigwardaw ir-rappreżentazzjoni grafika ta’ trade mark.

40

F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, jista’ jiġi dedott direttament mir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark inkwistjoni, u dan bi preċiżjoni suffiċjenti, li l-protezzjoni mitluba kienet tkopri unikament salib, ikkostitwit minn żewġ linji suwed li jinkroċjaw, irrappreżentati b’linji kontinwi. Għall-kuntrarju, il-linji bit-“tikek”, li jifformaw l-kontorni taż-żarbun tal-isport u tal-lazzijiet tiegħu, għandhom jinftiehmu bħala li jippermettu li tiġi ppreċiżata l-pożizzjoni tal-imsemmi salib. Dan irrispettivament mit-tip ta’ pettijiet li jitwaħħlu mal-imsemmija żraben, kemm jekk ikunu normali jew inkella bi strixxi, kif ikkonstata ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata.

41

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li huwa f’dan is-sens li l-linji bit-tikek jintużaw b’mod abitwali f’sitwazzjonijiet paragunabbli, jiġifieri, fir-rigward ta’ varji prodotti li fuqhom titqiegħed trade mark, mingħajr neċessarjament ma jindikaw fid-dettall il-kontorni kollha jew karatteristiċi oħra tal-imsemmija prodotti (sentenzi tas-7 ta’ Frar 2007, Kustom Musical Amplification vs UASI (Forma ta’ kitarra), T‑317/05, EU:T:2007:39; b’analoġija, tal-14 ta’ Ġunju 2011, Sphere Time vs UASI – Punch (Arloġġ imwaħħal ma’ ċinga), T‑68/10, EU:T:2011:269, punti 62 sa 64; tas-26 ta’ Frar 2014, Sartorius Lab Instruments vs UASI (Kurva safra fil-parti t’isfel ta’ screen), T‑331/12, EU:T:2014:87, u tal-14 ta’ Marzu 2014, Lardini vs UASI (Tqegħid ta’ fjura fuq pavru), T‑131/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:129; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2015, K-Swiss vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ strixxi paralleli fuq żarbuna), T‑3/15, mhux ippubblikata, EU:T:2015:937, u, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, adidas vs UASI – Shoe Branding Europe (Żewġ strixxi paralleli fuq żarbuna), T‑145/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:303).

42

F’dan il-każ, l-użu ta’ linji bit-tikek kien intiż b’mod ċar sabiex jiffaċilita l-fehim tal-fatt li kienet biss il-protezzjoni tas-salib, irrappreżentat b’linji kontinwi, li kienet koperta mit-trade mark inkwistjoni, u dan f’pożizzjoni preċiża fuq iż-żraben tal-isport. Barra minn hekk, mis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2013, Gamesa Eólica vs UASI – Enercon (Sfumaturi ta’ aħdar) (T‑245/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:588, punt 38), jirriżulta li l-ebda regola ma tobbliga persuna tirrappreżenta l-kontorni tas-sinjal b’linji bit-tikek, sabiex tindika, jekk ikun il-każ, li l-imsemmija kontorni ma humiex is-suġġett tal-protezzjoni. Il-fatt li f’dan il-każ intużaw tali linji bit-tikek jista’ jiġi interpretat bħala li jippermetti delimitazzjoni aħjar ta’ dak li jikkostitwixxi t-trade mark inkwistjoni.

43

Jista’ jiġi konkluż li, jekk it-trade mark inkwistjoni hija intiża għall-protezzjoni għal rappreżentazzjoni ta’ salib, li jikkonsisti f’żewġ linji suwed, b’linji kontinwi, din il-protezzjoni ma hijiex qiegħda tintalab fl-astratt, iżda għall-applikazzjoni tal-grafika inkwistjoni fuq il-ġenb ta’ żarbun tal-isport, hekk kif din tirriżulta mill-formola li biha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, b’kuntrast ta’ kulur meta mqabbla maż-żarbun nnifsu. Il-forma tal-imsemmi żarbun, bħala tali, ma hijiex koperta mit-trade mark, kif bl-istess mod ma huwiex kopert it-tip ta’ pett użat.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, għandu jiġi enfasizzat li l-Bord tal-Appell seta’, ġustament, iqis li, “sa fejn [kienet] ir-rappreżentazzjoni grafika li [kienet tiddefinixxi] t-trade mark, il-kwistjoni dwar jekk [kinitx] trade mark ta’ pożizzjoni jew trade mark figurattiva [ma kinitx] rilevanti” (ara l-punt 12 iktar ’il fuq). Il-Bord tal-Appell kien korrett ukoll meta telaq mill-premessa li t-trade mark inkwistjoni ma setgħetx tiġi sseparata mill-forma ta’ parti tal-prodott li għalih kienet protetta, jiġifieri l-parti ta’ fuq ta’ żarbun tal-isport, u li l-fattur determinanti fir-rigward tal-portata tal-protezzjoni tagħha kien il-mod kif hija tiġi pperċepita, abbażi biss tas-sinjal kif irreġistrat.

45

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li din il-konklużjoni ma hijiex invalidata bir-referenza magħmula mir-rikorrenti għad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, tal-6 ta’ Lulju 2016 (Każ R 408/2015–4), li ċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt tagħha huma differenti minn dawk ta’ din il-kawża.

46

F’dan ir-rigward, għandha tiġi miċħuda bħala infondata l-kritika tal-intervenjenti dwar l-assenza ta’ traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża tad-deċiżjoni msemmija hawn fuq, kif ukoll l-allegazzjoni tagħha dwar l-inammissibbiltà tar-referenza magħmula mir-rikorrenti għall-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti ttraduċiet direttament bl-Ingliż il-parti rilevanti fit-talba tagħha għal seduta tal-5 ta’ Settembru 2016. Min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni hija ppubblikata fl-intier tagħha bl-Ingliż fuq is-sit tal-internet tal-EUIPO. Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali magħmula waqt is-seduta, l-intervenjenti kkonfermat li hija saret taf dwar it-test tal-imsemmija deċiżjoni.

47

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, għad-differenza minn dan il-każ, fil-kawża li wasslet għad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, tas-6 ta’ Lulju 2016, il-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark ma kinux limitati għal “żraben tal-isport”, iżda kienu jinkludu wkoll prodotti oħra li jaqgħu taħt il-klassi 25, bħal “ħwejjeġ, […] xedd ir-ras, ċinturini jew ingwanti”. Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk it-trade mark li tinkludi tip ta’ grafika li tikkonsisti f’żewġ linji paralleli li jibdlu direzzjoni diversi drabi, u mqiegħda fuq il-ġenb ta’ żarbun tal-isport, kellhiex rabta mal-forma tal-prodotti koperti, qamet b’mod differenti milli fil-każ preżenti, fejn ġie kkonstatat li t-trade mark inkwistjoni ma setgħetx tiġi sseparata mill-forma ta’ parti tal-prodott, jiġifieri l-parti ta’ fuq ta’ żarbun tal-isport (ara l-punti 12 u 44 iktar ’il fuq).

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-referenza magħmula mir-rikorrenti għall-punt 17 tad-deċiżjoni meħuda fil-Każ R 408/2015–4, fejn kien ġie konkluż li t-trade mark kienet trade mark figurattiva u mhux trade mark “ta’ pożizzjoni”, ma tippermettix li wieħed jasal għal konklużjoni analoga f’dan il-każ. Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, f’kull każ, fil-punt 18 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Bord tal-Appell tal-EUIPO indika li l-kwistjoni dwar jekk it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kellhiex titqies bħala trade mark “ta’ pożizzjoni” ma kinitx rilevanti għall-analiżi tiegħu.

49

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ma wettaqx, f’dan il-każ, żball meta analizza l-kwistjoni dwar jekk iż-żraben tal-isport, li l-bejgħ tagħhom kien ġie pprovat permezz ta’ diversi provi dwar l-użu ġenwin tat-trade mark inkwistjoni, kienx fihom element grafiku li jikkonsisti f’disinn f’forma ta’ salib speċifiku mqiegħed fuq parti ddeterminata tal-wiċċ tal-prodott indikat, li seta’ jitqies jew bħala identiku jew inkella bħala li jikkorrispondi għall-element grafiku li jirriżulta mir-rappreżentazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, skont l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

50

L-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni u t-tielet motiv

51

Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kellu jeżamina jekk it-trade mark inkwistjoni, li tikkonsisti f’immaġni ġenerali ta’ żarbun tal-isport bi strixxi li jinkroċjaw, intużatx fuq żraben jew b’konnessjoni ma’ żraben. Skontha, din it-trade mark ma tidhirx fuq iż-żraben inklużi fil-provi prodotti. Ir-rikorrenti tallega li, peress li t-trade mark inkwistjoni hija trade mark figurattiva, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ żraben li jixbhu tali trade mark ma tistax tikkostitwixxi prova tal-użu ta’ din it-trade mark, peress li l-konsumaturi medji ma għandhomx l-abitudni li jippreżumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, iż-żraben effettivament mibjugħa mill-intervenjenti huma differenti b’mod kunsiderevoli miż-żarbun irrappreżentat mit-trade mark inkwistjoni. Ir-rikorrenti tinvoka wkoll l-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark inkwistjoni jew, għall-inqas, il-karattru distintiv estremament baxx, b’tali mod li kwalunkwe differenza fl-użu tat-trade mark tbiddel tali karattru.

52

Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li ma huwiex stabbilit li l-mudelli ta’ żraben REAGEE, TECNO u AVANT, li għalihom jirreferi l-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, kienu ġew ikkummerċjalizzati, u dan anki jekk il-mudelli kkonċernati kienu jinsabu f’katalogu wieħed jew iktar ippreżentati mill-intervenjenti. L-ebda bejgħ ma ġie stabbilit. Is-sempliċi rappreżentazzjoni f’katalogu, li d-distribuzzjoni tiegħu ma ġietx ipprovata, ma hijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi użu ġenwin ta’ trade mark. B’mod partikolari, il-mudell MARCELO jidher biss f’katalogu wieħed, tal-2006, liema fatt juri l-iktar l-iktar li l-aħħar darba li dan il-mudell inbiegħ kien f’Jannar 2007. Skont ir-rikorrenti, dan għandu jwassal sabiex jitqies li l-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell, li jgħidu li l-provi msemmija jikkostitwixxu indikazzjonijiet suffiċjenti li jippermettu li jiġi stabbilit l-użu ġenwin tat-trade mark, huma vvizzjati bi żbalji.

53

L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

54

F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi evalwat jekk il-provi prodotti mill-intervenjenti quddiem l-EUIPO kinux jippermettu, fit-totalità tagħhom, li jiġi kkonfermat użu ġenwin tat-trade mark inkwistjoni, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 24 sa 30 iktar ’il fuq.

55

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell iffissa ġustament, fil-punti 17 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-perijodu rilevanti bħala li jikkorrispondi għall-ħames snin qabel id-data tal-preżentata tal-kontrotalba, jiġifieri l-perijodu mid-29 ta’ Ġunju 2005 sat-28 ta’ Ġunju 2010, billi ħa inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tat-talbiet tar-rikorrenti mressqa, qabelxejn, fil-kuntest tal-proċedura li fiha saret il-kontrotalba, u sussegwentement quddiem l-EUIPO.

56

F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ikkonstata ġustament, mingħajr barra minn hekk ma ġie kkontestat f’din il-kawża, li l-applikazzjoni għal revoka quddiem l-EUIPO kienet konsegwenza diretta tal-kontrotalba mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ ksur tal-proprjetà intellettwali mibdija kontriha mill-intervenjenti quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) u li kull użu tat-trade mark inkwistjoni wara li l-intervenjenti kienet ġiet innotifikata b’din il-kontrotalba kellha tiġi ttrattata “bl-ikbar reqqa”. Il-Bord tal-Appell ikkonstata ġustament ukoll, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-elementi ppreżentati bħala prova tal-użu ġenwin tat-trade mark inkwistjoni wara l-perijodu rilevanti setgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, ikollhom valur probatorju, b’mod partikolari sa fejn dawn kienu jippermettu li l-provi preċedenti jiġu ssostanzjati u jintwerew tendenza u metodu ta’ użu kostanti tul iż-żmien.

57

Fit-tieni lok, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Bord tal-Appell qies ġustament, fil-punti 19 sa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-provi prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienu suffiċjenti sabiex jipprovaw l-użu ġenwin tat-trade mark inkwistjoni.

58

Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-provi msemmija fl-ewwel tliet inċiżi tal-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwardaw il-bejgħ, mill-intervenjenti jew minn impriżi relatati li kienu awtorizzati minnha sabiex jużaw it-trade mark inkwistjoni, ta’ żraben tal-isport tal-mudelli MARCELO, MUNDIAL REVOLUTION u GALES, li l-immaġnijiet tagħhom huma ppreżentati fil-punt 24 tal-imsemmija deċiżjoni u li l-Bord tal-Appell ippreċiża r-referenzi konkreti tagħhom fil-fajl amministrattiv tal-EUIPO, kif ikkomunikat lill-Qorti Ġenerali, diġà jippermettu li tiġi sostnuta l-konklużjoni li l-użu tat-trade mark inkwistjoni kien ikopri territorju suffiċjentement wiesgħa u diversifikat, li jkopri dawk ta’ bosta Stati Membri tal-Unjoni, b’mod partikolari t-territorju ta’ Spanja (li jinkludi diversi bliet bħal Madrid, Barcelona, Córdoba, Granada, Tarragona, Cádiz, Valencia, La Coruña u Gerona), tal-Italja, tal-Portugall, tad-Danimarka, tas-Slovakkja, ta’ Franza u tal-Ungerija (mill-fatturi jirriżulta li, għal dawn il-pajjiżi wkoll, il-bejgħ seħħ f’bosta bliet differenti).

59

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-fatturi ppreżentati dwar tali mudelli ta’ żraben tal-isport jikkonċernaw diversi snin tal-perijodu rilevanti, u anki lil hinn minnu, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, filwaqt li, għaż-żraben tal-mudell MARCELO, il-provi jikkonċernaw is-snin 2006/2007, għall-mudell MUNDIAL REVOLUTION, il-provi prodotti jikkonċernaw użu tat-trade mark inkwistjoni matul is-snin 2007 sa 2011. Bl-istess mod, il-katalogi għall-mudelli GALES jikkonċernaw is-snin 2006 sa 2011.

60

Minn dan jirriżulta użu suffiċjentement konsistenti matul iż-żmien. Fil-fatt, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, l-imsemmija fatturi juru użu reali, kostanti u kontinwu. Barra minn hekk, kif jenfasizza ġustament il-Bord tal-Appell, għalkemm ir-rikorrenti ħadet id-data tas-26 ta’ Jannar 2006 minflok dik tad-29 ta’ Ġunju 2005 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) bħala l-bidu tal-perjodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’tali mod li ebda prova ma tkopri l-bidu tal-perijodu rilevanti, jiġifieri mid-29 ta’ Ġunju 2005 sas-26 ta’ Jannar 2006, din iċ-ċirkustanza hija irrilevanti. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li huwa biżżejjed li jkun sar użu ġenwin tat-trade mark matul għall-inqas parti mill-perijodu rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Deichmann-Schuhe vs UASI – Design for Woman (DEITECH), T‑86/07, mhux ippubblikata, EU:T:2008:577, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-importanza tal-użu, il-Bord tal-Appell ikkonstata ġustament, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-provi kkunsidrati fit-totalità tagħhom juru użu kummerċjali reali tat-trade mark inkwistjoni, li ma huwiex biss simboliku, iżda fuq skala u b’konsistenza suffiċjenti, sabiex jippermetti li jinżammu jew jinħolqu partijiet fis-suq għall-prodotti protetti mit-trade mark.

62

F’dan ir-rigward, iċ-ċifri indikati fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata u li l-veraċità tagħhom ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, huma bbażati fuq fatturi moqrija flimkien mal-katalogi. Issa, minn dan jirriżulta li, bejn l-2006 u l-2011, l-intervenjenti kkummerċjalizzat b’mod kostanti numru sostanzjali ta’ żraben tal-isport bi slaleb laterali li ma jvarjax, jew li jvarjaw biss b’mod negliġibbli, mit-trade mark inkwistjoni, jiġifieri l-mudelli MARCELO, MUNDIAL REVOLUTION u GALES. B’mod iktar konkret, fir-rigward tal-ewwel mudell, li jidher f’katalogu, il-bejgħ jirrigwardaw diversi għexieren ta’ żraben, għal ammont totali li jammonta għal eluf ta’ euro. It-tieni mudell jidher f’diversi katalogi u nbiegħu mijiet ta’ pari, għal ammont totali ta’ diversi eluf ta’ euro. Fl-aħħar nett, it-tielet mudell jidher ukoll f’diversi katalogi. Dawn iż-żraben tal-isport, li l-immaġni tagħhom hija riprodotta fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, għandhom salib fuq il-ġenb taż-żarbun, b’kuntrast ċar mal-kulur tal-bqija ta’ dan iż-żarbun. Minħabba l-pożizzjoni tas-salib kif ukoll dawn il-karatteristiċi l-oħra, għandu jiġi konkluż li dawn it-tliet mudelli juru użu tat-trade mark inkwistjoni.

63

Ċertament, iċ-ċifri li jirrigwardaw il-bejgħ imsemmi hawn fuq jistgħu ma jidhrux bħala partikolarment għolja. Madankollu, ikkunsidrati flimkien mal-katalogi, dawn juru użu reali, kif ġie indikat fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, u konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 26 sa 30 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, għandu jitfakkar li ma huwiex l-obbligu tal-EUIPO u, fuq rikors, tal-Qorti Ġenerali sabiex jevalwaw s-suċċess kummerċjali, sabiex jikkontrollaw l-istrateġija ekonomika ta’ impriża jew sabiex jirriżervaw l-protezzjoni tat-trade marks unikament għall-użu kummerċjali kwantitattivament sinjifikattiv tagħhom.

64

Fit-tielet lok, għandu jiġi evalwat jekk il-Bord tal-Appell qiesx ġustament li l-provi prodotti mill-intervenjenti kienu jippermettu, fl-intier tagħhom, li jintwera l-użu ta’ trade mark identika jew suffiċjentement simili għal dik irreġistrata, mingħajr ma jinbidel il-karattru distintiv tagħha. Għandu jiġi ppreċiżat li ma hijiex kwistjoni dwar jekk tikketta li fuqha tinsab it-trade mark inkwistjoni tpoġġietx fuq il-prodotti inkwistjoni, u lanqas li ż-żraben mibjugħa jiġu mqabbla ma’ din l-istess trade mark li tinkludi l-elementi indikati b’linji bit-tikek.

65

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-differenzi bejn it-trade mark inkwistjoni u l-varjanti użati fuq iż-żraben tal-isport mill-intervenjenti huma negliġibbli. Fil-fatt, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, is-salib irrappreżentat minn żewġ strixxi sovrapposti huwa fl-istess post u fl-istess pożizzjoni bħal dik prevista mir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark inkwistjoni, jiġifieri fuq in-naħa ta’ barra taż-żarbun, mill-pett jew mill-parti ta’ isfel sal-lazzijiet. Diversi ritratti prodotti bħala provi juru l-użu li jikkorrispondi għat-trade mark inkwistjoni, fejn strixxa waħda tas-salib hija itwal mill-oħra. Barra minn hekk, il-ħxuna tal-linji kif ukoll l-inklinazzjoni jikkorrispondu, essenzjalment, għal numru sinjifikattiv ta’ żraben prodotti bħala provi quddiem l-EUIPO, kif jirriżulta mir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark inkwistjoni.

66

Fuq ċerti żraben oħra prodotti bħala provi, il-grafiki użati huma kważi identiċi, minkejja li l-proporzjonijiet u l-kulur tas-salib użat jistgħu jvarjaw. Madankollu, kif iddikjara ġustament il-Bord ta’ l-Appell, dawn l-elementi ma jbiddlux il-karatteristiċi distintivi tat-trade mark inkwistjoni, irreġistrata bl-iswed u bl-abjad, sa fejn il-kulur ma jistax jitqies bħala wieħed mill-fatturi ewlenin li jagħtu lil din it-trade mark il-karattru distintiv tagħha. B’mod partikolari, l-użu ta’ kuluri differenti jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ peress li il-kuntrast bejn il-kuluri tal-isfond u l-linji li jikkostitwixxu s-salib huwa rrispettat. F’dan is-sens, il-fatt li ċerti żraben inkwistjoni huma fil-forma ta’ “immaġni negattiva”, bis-salib abjad, isfar jew b’kulur ieħor pallidu, ma jinvalidax il-konstatazzjoni li tali użu, sa fejn is-salib jikkorrispondi fir-rigward tal-pożizzjoni u tad-dimensjonijiet tiegħu għat-trade mark inkwistjoni, jibqa’ rilevanti għall-finijiet tal-analiżi preżenti.

67

Il-fatt li ċerti żraben jinkludu wkoll elementi grafiċi oħra li jistgħu jiġu mmemorizzati mill-konsumaturi u li għandhom karattru distintiv awtonomu, bħal pereżempju pett jew parti ta’ wara ta’ żarbun kkulurita u distinta mill-bqija tiegħu, tappini, takkuna li hija differenti minħabba l-kulur tagħha mill-bqija taż-żarbun, “disinn tal-ġilda tal-kukkudrill”, “għata ħamra fuq il-lazzijiet” jew anki, għal ċerti żraben, elementi verbali addizzjonali, ma jippermettix li titqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjoni dwar l-użu ġenwin tat-trade mark inkwistjoni.

68

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kundizzjoni ta’ “użu ġenwin”, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, tista’ tkun issodisfatta anki meta trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea tintuża biss flimkien ma’ elementi oħra li jitqiegħdu maġenbha, jew saħansitra sovrapposti, sakemm l-imsemmija trade mark tibqa’ tiġi pperċepita bħala indikazzjoni tal-oriġini tal-prodott inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Specsavers International Healthcare et, C‑252/12, EU:C:2013:497, punti 19 sa 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, f’dan il-każ, mill-provi jirriżulta li s-salib, użat fuq id-diversi żraben u li jikkonsisti f’żewġ strixxi sovrapposti, jintlemaħ b’mod ċar, indipendentement mill-preżenza eventwali ta’ elementi oħra msemmija mir-rikorrenti. Il-Bord tal-Appell kien korrett meta kkonkluda, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li, bl-eċċezzjoni ta’ differenzi negliġibbli, bil-kemm viżibbli jew anki inviżibbli, bħalma huma t-tul preċiż tal-istrixxi tas-salib, il-ħxuna tal-linji jew l-angolu preċiż tal-inklinazzjoni tagħhom, ir-rappreżentazzjoni ta’ dan id-disinn kienet prattikament identika għal dik tat-trade mark inkwistjoni. Bl-istess mod, l-EUIPO ġustament sostna, quddiem il-Qorti Ġenerali, li, minbarra l-enumerazzjoni ta’ ċerti elementi addizzjonali li jinsabu fuq iż-żraben murija f’ritratti, ir-rikorrenti ma ressqet ebda argument li jispjega b’liema mod dawn ibiddlu l-karattru distintiv tat-trade mark inkwistjoni. Kif isostni l-EUIPO, l-imsemmija elementi addizzjonali ma jinteraġixxux mas-salib li jikkostitwixxi l-element distintiv protett mit-trade mark inkwistjoni.

70

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-kritika tar-rikorrenti mressqa fil-kuntest tat-tielet motiv u li tirrigwarda l-allegata insuffiċjenza ta’ provi dwar ċerti mudelli ta’ żraben, jiġifieri l-mudelli REAGEE, TECNO u AVANT, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li dawn il-mudelli ta’ żraben, li l-Bord tal-Appell jirreferi għalihom ukoll fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, kienu jinsabu f’katalogu wieħed jew iktar ippreżentati mill-intervenjenti. L-allegazzjoni tar-rikorrenti tikkonċerna biss il-fatt li xejn ma kien jindika li l-bejgħ tagħhom effettivament seħħ.

71

Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-preżentazzjoni ta’ prodotti f’katalogi tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni bħala indizju addizzjonali dwar l-użu ġenwin ta’ trade mark, sa fejn din tinkludi użu pubbliku u lejn l-estern tat-trade mark inkwistjoni jew, għall-inqas, preparazzjoni ta’ tali użu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2004, VITAKRAFT, T‑356/02, EU:T:2004:292, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-4 ta’ Lulju 2014, Construcción, Promociones e Instalaciones vs UASI – Copisa Proyectos y Mantenimientos Industriales (QKI COPISA INDUSTRIAL), T‑345/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:614, punt 21). Għaldaqstant, il-provi dwar il-mudelli REAGEE, TECNO u AVANT, mingħajr ma jistgħu jitqiesu deċiżivi fihom innifishom, jistgħu, madankollu, jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala konferma tal-fatti diġà analizzati fil-punti 57 sa 63 iktar ’il fuq.

72

Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-mudell ta’ żraben tal-isport MARCELO, diġà ġie kkonstatat li l-fatt li l-provi kienu jkopru l-perijodu 2006/2007, jiġifieri perijodu relattivament qasir, ma kienx jimplika li dawn il-provi kienu irrilevanti. Għall-kuntrarju, huma jaqgħu, kif ikkonstata ġustament il-Bord tal-Appell, fl-evalwazzjoni ġenerali li tippermetti li jiġi kkonstatat użu ġenwin tat-trade mark inkwistjoni, konformement mal-punt 30 tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2008, Boston Scientific vs UASI – Terumo (CAPIO) (T‑325/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:338), iċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq.

73

Fil-ħames lok, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar l-allegat karattru distintiv dgħajjef tat-trade mark inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għas-sitwazzjoni fil-kawża li tat lok għad-digriet tas-26 ta’ April 2012, Deichmann vs UASI (C‑307/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:254, punt 52), iċċitat mir-rikorrenti fis-seduta u li jirrigwarda element ieħor grafiku, jiġifieri dak li jirrappreżenta “forma ta’ V b’bordura bit-tikek”, ma hemmx, f’dan il-każ, provi li juru li t-trade mark inkwistjoni għandha karattru distintiv dgħajjef. B’mod partikolari, għad-differenza tal-kawża msemmija hawn fuq, ma ntweriex li t-trade mark inkwistjoni tikkostitwixxi forma sempliċi u banali li ma hijiex differenti b’mod sinjifikattiv mill-forom normalment użati fis-settur taż-żraben jew li hija tiġi pperċepita esklużivament bħala element dekorattiv jew ta’ tisħiħ għall-prodotti koperti.

74

Barra minn hekk, għandu jissemma wkoll li diġà ġie kkonstatat li t-trade mark inkwistjoni ntużat diversi drabi f’forma identika jew simili ħafna għal dik irreġistrata, liema fatt juri użu reali ta’ din it-trade mark, anki jekk jitqies li l-karattru distintiv tagħha huwa pjuttost dgħajjef. Barra minn hekk, jekk l-allegazzjoni tar-rikorrenti kellha tinftiehem fis-sens li din hija intiża sabiex jiġi kkontestat kull karattru distintiv fir-rigward tat-trade mark inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din hija allegazzjoni li ma hijiex effettiva fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ revoka, li fihom il-validità nnifisha ta’ trade mark ma tistax tiġi kkontestata.

75

Barra minn hekk, għandu jingħad li l-karattru distintiv tat-trade mark inkwistjoni ġiet ikkonstatata wkoll mill-Juzgado de marca comunitaria ta’ Alicante (il-Qorti tat-Trade Marks Komunitarji ta’ Alicante), f’sentenza tal-31 ta’ Lulju 2007, Munich SL, Berneda SL u Bernher SL vs Umbro SL u Umbro Int. Ltd., li għaliha jirreferu kemm il-Bord tal-Appell fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll l-intervenjenti fil-punt 13 tan-nota ta’ intervent tagħha, u li fiha ġie deċiż ukoll li t-trade mark inkwistjoni setgħet titqies, fi Spanja, li hija b’saħħitha jew li għandha karattru distintiv għoli fil-qasam taż-żraben tal-isport.

76

Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda wkoll it-tieni u t-tielet motiv u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

77

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

78

Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-EUIPO u tal-intervenjenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Deichmann SE hija kkundannata għall-ispejjeż tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u ta’ Munich, SL.

 

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Jannar 2018.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top