EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TJ0016

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tad-9 ta’ Frar 2017.
Mast-Jägermeister SE vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Disinn Komunitarju – Applikazzjoni għal disinni Komunitarji li jirrappreżentaw tazzi – Kunċett ta’ ‘rappreżentazzjoni xierqa għar-riproduzzjoni’ – Nuqqas ta’ preċiżjoni tar-rappreżentazzjoni rigward il-portata tal-protezzjoni mitluba – Rifjut li jiġu rrimedjati l-irregolaritajiet – Rifjut li tingħata data ta’ ffajljar – Artikoli 36 u 46 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Artikolu 4(1)(e) u Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 2245/2002.
Kawża T-16/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2017:68

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

9 ta’ Frar 2017 ( *1 )

“Disinn Komunitarju — Applikazzjoni għal disinni Komunitarji li jirrappreżentaw tazzi — Kunċett ta’ ‘rappreżentazzjoni xierqa għar-riproduzzjoni’ — Nuqqas ta’ preċiżjoni tar-rappreżentazzjoni rigward il-portata tal-protezzjoni mitluba — Rifjut li jiġu rrimedjati l-irregolaritajiet — Rifjut li tingħata data ta’ ffajljar — Artikoli 36 u 46 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 — Artikolu 4(1)(e) u Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 2245/2002”

Fil-Kawża T‑16/16,

Mast-Jägermeister SE, stabbilita f’Wolfenbüttel (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H.-P. Schrammek, C. Drzymalla, S. Risthaus u J. Engberding, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Hanne, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tas-17 ta’ Novembru 2015 (Każ R 1842/2015‑3), rigward applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ tazzi bħala disinni Komunitarji,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, R. Barents (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Jannar 2016,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ April 2016,

wara li rat li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma ressqu l-ebda talba għal seduta fi żmien tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1

L-Artikolu 36 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), kif emendat, intitolat “Kundizzjonijiet li għandhom iħarsu l-applikanti”, jipprevedi:

“1.   Applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat għandu jkun fiha:

a)

talba għar-reġistrazzjoni;

b)

tagħrif li jidentifika l-applikant;

ċ)

rappreżentazzjoni tad-disinn xieraq [xierqa] għar-riproduzzjoni [; m]adankollu, jekk l-oġġett ta’ l-applikazzjoni jkun disinn ta’ żewġ dimensjonijiet u l-applikazzjoni tkun fiha talba għad-differiment tal-pubblikazzjoni skond l-Artikolu 50, ir-rappreżentazzjoni tad-disinn tista’ tinbidel b’mudell.

2.   L-applikazzjoni għandu barra minn hekk ikun fiha indikazzjoni dwar il-prodotti li fihom id-disinn ikun maħsub li jiġi inkorporat jew li miegħu jkun maħsub li jiġi applikat.

3.   B’żieda ma’ dan, l-applikazzjoni jista’ jkun fiha:

a)

deskrizzjoni li tispjega r-rappreżentazzjoni jew il-mudell;

b)

talba għad-differiment tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 50;

ċ)

tagħrif li jidentifika r-rappreżentant jekk l-applikant ikun ħatar wieħed;

d)

il-klassifika tal-prodotti li fihom id-disinn ikun maħsub li jiġi inkorporat jew li magħhom jkun maħsub li jiġi applikat skont il-klassi;

e)

iċ-ċitazzjoni tad-disinjatur jew tat-tim tad-disinjaturi jew dikjarazzjoni dwar ir-responsabbiltà ta’ l-applikant illi d-disinjatur jew it-tim tad-disinjaturi jkunu rrinunzjaw għad-dritt li jiġu ċitati.

4.   L-applikazzjoni għandha tkun bla ħsara għall-ħlas ta’ dritt tar-reġistrazzjoni u ta’ dritt tal-pubblikazzjoni. Meta talba għad-differiment skont paragrafu 3(b) tiġi infilzata, id-dritt tal-pubblikazzjoni jinbidel fi dritt għad-differiment tal-pubblikazzjoni.

5.   L-applikazzjoni għandha tħares il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta’ implimentazzjoni.

6.   It-tagħrif li jkun jinsab fl-elementi msemmija fil-paragrafu 2 u fil-paragrafu 3(a) sa (d) ma għandux jaffettwa l-iskop [l-portata] tal-protezzjoni tad-disinn bħala ta’ hekk.”

2

It-Titolu V tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Proċedura tar-reġistrazzjoni”, jinkludi l-Artikoli 45 sa 50.

3

L-Artikolu 45 tal-imsemmi regolament, intitolat “Eżami rigward il-ħtiġiet formali għall-infilzar”, jipprevedi:

“1.   L-[EUIPO] għandu jeżamina jekk l-applikazzjoni tħarisx il-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 36(1) għall-qbil ma’ data ta’ l-infilzar.

2.   L-[EUIPO] għandu jeżamina jekk:

a)

l-applikazzjoni tikkonformax mal-ħtiġiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 36(2), (3), (4) u (5) u, fil-każ ta’ applikazzjoni multipla, l-Artikolu 37(1) u (2);

b)

l-applikazzjoni tissodisfax il-ħtiġiet formali stabbiliti fir-Regolament li jimplimenta l-Artikoli 36 u 37;

ċ)

jiġux issodisfati l-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 77(2);

d)

jiġux sodisfatti l-ħtiġiet li jirrigwardaw il-talba għall-prijorità, jekk issir it-talba għall-prijorità.

3.   Il-kondizzjoni għall-eżami dwar il-ħtiġiet formali ta’ l-infilzar għandhom jiġu stabbiliti fir-Regolament ta’ implimentazzjoni.”

4

L-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Defiċjenzi [Irregolaritajiet] li jistgħu jiġu rrimedjati”, jipprevedi:

“1.   Meta, fit-twettiq ta’ l-eżami fl-Artikolu 45, l-[EUIPO] jinnota illi jeżistu defiċjenzi li jistgħu jiġu kkorreġuti, [huwa] għandu jitlob lill-applikant li jirrimedjahom fil-perjodu taż-żmien stabbilit.

2.   Jekk id-defiċjenzi jirrigwardaw il-ħtiġiet riferiti fl-Artikolu 36(1) u l-applikant jikkonforma mat-talba ta[l-EUIPO] fil-perjodu taż-żmien stabbilit, l-[EUIPO] għandu jagħti bħala d-data ta’ l-infilzar id-data li fiha jiġu rrimedjati d-defiċjenzi. Jekk id-defiċjenzi ma jiġux irrimedjati fil-perjodu taż-żmien stabbilit, l-applikazzjoni ma għandhiex tiġi ttrattata bħala applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat.

3.   Jekk id-defiċjenzi jirrigwardaw il-ħtiġiet, inkluż il-ħlas tad-drittijiet, kif riferit fl-Artikolu 45(2)(a), (b) u (ċ) u l-applikant jikkonforma mat-talba ta[l-EUIPO] fil-perjodu taż-żmien stabbilit, l-[EUIPO] għandu jagħti bħala d-data ta’ l-infilzar id-data li fiha kienet oriġinarjament infilzata. Jekk id-defiċjenzi jew in-nuqqas fil-ħlas ma jiġux irrimedjati fil-perjodu taż-żmien stabbilit, l-[EUIPO] għandu jirrifjuta l-applikazzjoni.

4.   Jekk id-defiċjenzi jirrigwardaw il-ħtiġiet riferiti fl-Artikolu 45(2)(d), in-nuqqas li jiġu rrimedjati fil-perjodu taż-żmien stabbilit għandu jirriżulta fit-telfa tad-dritt għall-prijorità ta’ l-applikazzjoni.”

5

L-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Raġunijiet għan-nuqqas tal-kapaċità tar-reġistrazzjoni”, jispeċifika:

“1.   Jekk l-[EUIPO], fit-twettiq tal-eżami skont l-Artikolu 45, jinnota illi d-disinn li għalih tkun qiegħda titfittex il-protezzjoni:

a)

ma jikkorrispondix mad-definizzjoni fl-Artikolu 3(a); jew

b)

imur kontra l-politika pubblika jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità;

[l-EUIPO għandu jiċħad l-applikazzjoni].

2.   L-applikazzjoni m’għandhiex tiġi miċħuda qabel ma l-applikant ikun ingħata l-opportunità li jirtira jew jemenda l-applikazzjoni jew biex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu.”

6

L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002, tal-21 ta’ Ottubru 2002, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 14), intitolat “Rappreżentazzjoni tad-disinn”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(e) tiegħu:

“1.   Ir-rappreżentazzjoni tad-disinn irid jikkonsisti f’riproduzzjoni grafika jew riproduzzjoni fotografika tad-disinn, jew black and white jew bil-kulur. Hija trid tissudisfa s-segwenti ħtiġijiet:

[…]

e)

id-disinn irid ikun riprodott fuq sfond newtrali li ma tergax tintmiss bl-inka jew likwidu li jikkoregi[; t]kun ta’ kwalità li tipermetti li d-detallji kollha tal-materja li għaliha tiġi mfixxija l-protezzjoni sabiex tkun distinta b’mod ċar u li tipermeti li tiċċekken jew titkabbar għal daqs mhux akbar minn 8 cm b’16 cm għal kull vista għal dħul fir-Reġistru tad-Disinnji Komunitarji […]”

7

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2245/2002, intitolat “Eżami tal-ħtiġiet għal data ta’ iffajljar u ta’ ħtiġiet formali”, jispeċifika, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-[EUIPO] jrid jinnotifika lill-applikant li d-data ta’ l-iffajljar ma tistax tiġi konċessa jekk l-applikazzjoni ma jkolliex:

a)

rikjesta għal reġistrazzjoni tad-disinn bħala disinn Komunitarju reġistrat;

b)

informazzjoni li tidentifika lill-applikant;

ċ)

rappreżentazzjoni tad-disinn in segwitu ta’ l-Artikolu 4(1)(d) u (e), jew fejn applikabbli, kampjun.

2.   Jekk in-nuqqasijiet [irregolaritajiet] imsemmija fil-paragrafu 1 jiġu rimedjati fi żmien xahrejn minn meta jasal l-avviż, id-data li fiha n-nuqqasijiet kollha jiġu rimedjati għandha tkun id-data tal-preżentazzjoni.

Jekk in-nuqqasijiet ma humiex rimedjati qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ skadenza, l-applikazzjoni ma tkunx trattata bħala applikazzjoni ta’ disinn Komunitarju. Kwalunkwe miżati mħallsa jkunu mħallsa lura.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

8

Fis-17 ta’ April 2015, ir-rikorrenti, Mast-Jägermeister SE, ippreżentat applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ disinni Komunitarji fl-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament Nru 6/2002.

9

Id-disinni li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huma dawn li ġejjin:

disinn Komunitarju Nru 2683615-0001: [kunfidenzjali] ( 1 );

disinn Komunitarju Nru 2683615‑0002: [kunfidenzjali].

10

Il-prodotti li għalihom ġew ippreżentati applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni huma t-“tazzi”, li jaqgħu taħt il-klassi 07.01 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno tat-8 ta’ Ottubru 1968, li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali, kif emendat.

11

Permezz tal-ewwel rapport ta’ eżami stabbilit fis-17 ta’ April 2015, l-eżaminatur informa lir-rikorrenti li, għad-disinni li jinsabu fil-punt 9 hawn fuq, l-indikazzjoni tal-prodott, jiġifieri t-“tazzi”, li għalihom ġiet mitluba l-protezzjoni, ma kinitx tikkorrispondi għar-rappreżentazzjonijiet iffajljati, peress li dawn tal-aħħar kienu juru wkoll fliexken. Għaldaqstant huwa ssuġġerixxa lir-rikorrenti sabiex iżżid maż-żewġ disinni l-indikazzjoni “Fliexken” li jaqgħu taħt il-klassi 09.01 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno. L-eżaminatur żied li, sa fejn il-prodotti “Tazzi” u “Fliexken” kienu jagħmlu parti minn klassijiet differenti, l-applikazzjoni multipla kellha tiġi diviża. Huwa speċifika li, jekk in-nuqqas ma jiġix irrimedjat fit-terminu stabbilit, l-applikazzjoni tiġi rrifjutata.

12

B’ittra tal-21 ta’ April 2015, ir-rikorrenti rrispondiet li ma ġiet mitluba l-ebda protezzjoni għall-fliexken riprodotti fir-rappreżentazzjonijiet, b’tali mod li hija kienet qed tissuġġerixxi li tiġi speċifikata l-indikazzjoni tal-prodotti b’dan il-mod: “Tazzi għax-xorb inkwantu reċipenti għal flixkun li jagħmel parti minnhom”. Hija żiedet li l-klassi 07.01 tal-Ftehim ta’ Locarno kien jidher ukoll xieraq għal din l-indikazzjoni.

13

Permezz tat-tieni rapport ta’ eżami tal-25 ta’ Ġunju 2015, l-eżaminatur irrisponda li, wara l-ittra tal-21 ta’ April 2015 u l-konversazzjoni telefonika li huwa kellu mar-rikorrenti, kien ċar li din tal-aħħar ma kienet qed titlob l-ebda protezzjoni għall-fliexken. Madankollu, skont l-eżaminatur, dawn il-fliexken kienu jidhru biċ-ċar fuq ir-rappreżentazzjonijiet u eżami ġdid kien juri li l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ma kinux jinkludu rappreżentazzjonijiet konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 2245/2002. Għaldaqstant huwa qies li, minħabba l-preżenza tal-fliexken, il-karatteristiċi li għalihom ġiet mitluba l-protezzjoni ma kinux viżibbli b’mod ċar. Huwa żied li dan seta’ jiġi rrimedjat billi jiġu ppreżentati perspettivi ġodda li fihom il-karatteristiċi mitluba jkunu ddelimitati b’linji tikek jew b’linji kkuluriti. Huwa speċifika li l-ebda data ta’ ffajljar ma setgħet tingħata għall-applikazzjonijiet sakemm id-difetti ma jiġux irrimedjati. Huwa kkonkluda billi indika li, jekk id-difetti jiġu rrimedjati fit-termini stabbiliti, id-data tal-preżentata tal-perspettivi ġodda tiġi rrikonoxxuta bħala data tal-iffajljar, iżda li, fin-nuqqas ta’ dan, l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni jitqiesu bħala mhux iffajljati.

14

B’ittra tal-14 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti rrispondiet li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ data tal-iffajljar kienu ssodisfatti, għaliex ir-rappreżentazzjonijiet iffajljati kienu juru d-disinni fuq sfond newtrali. Hija speċifikat li l-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 2245/2002 kien jirrigwarda l-kwalità tar-rappreżentazzjonijiet u mhux il-kontenut tagħhom. Għaldaqstant hija ma ffajljatx perspettivi ġodda.

15

Bit-tielet rapport ta’ eżami tas-16 ta’ Lulju 2015, l-eżaminatur indika li kien qed iżomm mar-rapport ta’ eżami tiegħu tal-25 ta’ Ġunju 2015, ladarba r-rappreżentazzjonijiet kienu juru tazza u flixkun.

16

B’ittra tal-21 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrenti, filwaqt li rreferiet għal konversazzjoni telefonika li hija kellha mal-eżaminatur, irrispondiet li hija ma kinitx tifhem għalfejn id-data ta’ ffajljar setgħet tinżamm fil-każ ta’ żieda ta’ indikazzjoni ta’ prodott jew fil-każ ta’ diviżjoni tal-applikazzjoni multipla, iżda mhux għall-perspettivi ffajljati inizjalment. Ir-rikorrenti talbet l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors fil-każ li d-deċiżjoni ta’ eżami ma tiġix annullata.

17

Permezz tar-raba’ rapport ta’ eżami tal-24 ta’ Awwissu 2015, l-eżaminatur informa lir-rikorrenti li d-difetti fl-applikazzjonijiet setgħu jiġu rrimedjati bl-iffajljar ta’ perspettivi ġodda, jew biż-żieda tal-indikazzjoni “Fliexken” u d-diviżjoni tal-applikazzjoni multipla.

18

B’ittra tat-28 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrenti talbet l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors.

19

B’deċiżjoni tal-31 ta’ Awwissu 2015, l-eżaminatur innota li r-rikorrenti ma kinitx irrimedjat id-difetti fl-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni, peress li ma kinitx approvat ir-rapport ta’ eżami. L-eżaminatur qies, skont l-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 6/2002 u l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 2245/2002, li l-applikazzjonijiet ta’ disinni msemmija fil-punt 9 hawn fuq ma kinux meqjusa bħala applikazzjonijiet għal disinni Komunitarji, b’tali mod li l-ebda data ta’ ffajljar ma setgħet tingħata. Minbarra dan, huwa ordna r-rimbors tal-ammont tad-dritt imħallas.

20

Fil-15 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur.

21

B’deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 2015 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO kkonferma, fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li ż-żewġ disinni msemmija fil-punt 9 hawn fuq ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit jekk il-protezzjoni kinitx mitluba għat-tazza, għall-flixkun jew għal kombinazzjoni tat-tnejn. Hija speċifikat, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rappreżentazzjoni li kellha tiġi ffajljata mal-applikazzjoni skont l-Artikolu 36(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002 kienet isservi sabiex jiġi identifikat id-disinn li għalih hija mitluba l-protezzjoni u kienet il-kundizzjoni għall-għoti ta’ data ta’ ffajljar, skont l-Artikolu 38(1) tal-imsemmi regolament. Id-data ta’ ffajljar tiddetermina kemm għandu żmien id-disinn irreġistrat: in-natura ġdida u l-karatteristika huma ddeterminati billi jintużaw mudelli preċedenti żvelati qabel id-data ta’ ffajljar. Il-Bord tal-Appell żied li, skont l-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 2245/2002, ir-rappreżentazzjoni kelli tippermetti li jiġu distinti b’mod ċar id-dettalji kollha li għalihom intalbet il-protezzjoni.

22

Il-Bord tal-Appell żied, fil-punti 17 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-allegazzjoni skont liema s-suġġett tal-protezzjoni tal-applikazzjonijiet iffajljati jirriżulta b’mod ċar mir-rappreżentazzjonijiet kienet f’kontradizzjoni mal-espożizzjoni tar-rikorrenti nnifisha u li l-proposta ta’ din tal-aħħar li jiġu indikati l-prodotti kkonċernati ma kinitx xierqa sabiex tirrimedja d-difetti fir-rappreżentazzjoni tad-disinni, għaliex ma setgħetx tintuża sabiex tiddetermina l-portata tal-protezzjoni.

23

Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-eżaminatur kien kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni, li huwa stabbilit fl-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002. Fil-fehma tiegħu, fil-fatt, il-motivi tal-konstatazzjoni skont liema l-applikazzjonijiet ma kinux ikkunsidrati bħala applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju kienu d-difetti fir-rappreżentazzjonijiet iffajljati, skont l-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 36(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament u mal-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 2245/2002, u mhux in-nuqqas ta’ ftehim tar-rikorrenti mar-rapporti ta’ eżami tal-eżaminatur.

It-talbiet tal-partijiet

24

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tiffissa d-data ta’ ffajljar għad-disinni Nri 2683615‑0001 u 2683615-0002 għas-17 ta’ April 2015;

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti matul il-proċedimenti tal-appell.

25

L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti

26

L-EUIPO jsostni l-inammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti, jiġifieri dak intiż għall-iffissar tad-data ta’ ffajljar tad-disinni kkontestati fis-17 ta’ April 2015, għaliex huwa ordni u l-Qorti Ġenerali ma tistax toħroġ ordnijiet.

27

F’dan ir-rigward huwa suffiċjenti li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea kontra d-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, dan tal-aħħar huwa obbligat, skont l-Artikolu 61(6) tar-Regolament Nru 6/2002, li jieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-imsemmija qorti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tindirizza ordni lill-EUIPO [ara, b’mod analogu, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2010, Nokia vs UASI – Medion (LIFE BLOG), T‑460/07, EU:T:2010:18, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata].

28

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li t-tieni kap tat-talbiet huwa inammissibbli.

Fuq il-mertu

29

Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 45 u 46 tar-Regolament Nru°6/2002, moqrija flimkien mal-Artikolu 36 tal-imsemmi regolament, u t-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 45 u 46 tar-Regolament Nru 6/2002, moqrija flimkien mal-Artikolu 36 tal-imsemmi regolament

30

Ir-rikorrenti ssostni li r-rappreżentazzjonijiet tad-disinni kienu ta’ kwalità li tippermetti li ssir riproduzzjoni. Fil-fatt, huma kienu, b’mod konformi mal-Artikolu 4(1)(d) u (e) tar-Regolament Nru 2245/2002, fuq sfond newtrali, ma reġgħux intmessu bl-inka jew b’likwidu li jikkoreġi u kienu ta’ kwalità suffiċjenti sabiex tippermetti li d-dettalji kollha tal-oġġett li għalih hija mitluba l-protezzjoni jkunu distinti b’mod ċar u sabiex tippermetti li huwa jiċċekken jew jitkabbar. Huma biss dawn ir-rekwiżiti li huma previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Ir-rifjut tal-Bord tal-Appell li jiffissa data ta’ ffajljar minħabba li r-rappreżentazzjonijiet ma jippermettux li jiġi stabbilit jekk il-protezzjoni kinitx mitluba għat-tazza, għall-flixkun jew għal kombinazzjoni tat-tnejn huwa żbaljat, sa fejn din il-kwistjoni tqum eventwalment biss fil-kuntest ta’ proċess għal vjolazzjoni, iżda ma tipprekludix l-iffissar ta’ data ta’ ffajljar. Barra minn hekk, ir-raġunament tal-Bord tal-Appell jista’ eventwalment jittieħed inkunsiderazzjoni rigward in-natura reġistrabbli ta’ disinn. Skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 36(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002 u l-Artikolu 10(1)(ċ) tar-Regolament Nru 2245/2002, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(1)(e) ta’ dan ir-regolament, jiffissaw rekwiżiti biss f’dak li jirrigwarda l-kwalità tar-rappreżentazzjoni tad-disinn, u mhux fir-rigward tal-kontenut tiegħu. L-istruttura ġenerali tal-Artikoli 45 u 46 tar-Regolament Nru 6/2002 tissuġġerixxi li data ta’ ffajljar kellha tingħata għall-applikazzjonijiet tagħha għal reġistrazzjoni.

31

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll l-għanijiet segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (sentenzi tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian, C‑19/08, EU:C:2009:41, punt 34, u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Lundberg, C‑317/12, EU:C:2013:631, punt 19).

32

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li għalih jirreferu l-Artikolu 45(1), u l-Artikolu 46(2), ta’ dan ir-regolament, jipprevedi li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha tinkludi “rappreżentazzjoni tad-disinn xieraq [xierqa] għar-riproduzzjoni”. Din id-dispożizzjoni ma tispeċifikax, madankollu, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tali rappreżentazzjoni titqies bħala“[xierqa] għar-riproduzzjoni”. L-Artikolu 36(5) tar-Regolament Nru 6/2002 iżid, madankollu, li l-applikazzjoni għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mir-regolament ta’ implementazzjoni, f’dan il-każ ir-Regolament Nru 2245/2002.

33

F’din il-perspettiva, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2245/2002 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-iffissar ta’ data ta’ ffajljar billi jipprevedi li l-EUIPO għandu jinforma lill-applikant li data ta’ ffajljar ma tistax tingħata jekk l-applikazzjoni ma tkunx tinkludi, b’mod partikolari, rappreżentazzjoni tad-disinn b’mod konformi mal-Artikolu 4(1)(e) tal-imsemmi regolament.

34

Din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar tispeċifika li r-rappreżentazzjoni tad-disinn tikkonsisti f’riproduzzjoni grafika jew fotografika ta’ dan tal-aħħar bl-iswed u l-abjad jew bil-kulur. L-imsemmi disinn għandu jiġi riprodott fuq sfond newtrali u mhux mimsus mill-ġdid bl-inka jew bil-likwidu li jikkoreġi. Dan l-istess disinn għandu jkun ta’ kwalità suffiċjenti sabiex tippermetti li d-dettalji kollha tal-oġġett li għalih hija mitluba l-protezzjoni jkunu distinti b’mod ċar. L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2245/2002 jistabbilixxi t-termini li fihom l-irregolaritajiet għandhom jiġu rrimedjati.

35

Mill-istruttura tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-proċedura ta’ eżami tad-disinni għandha żewġ komponenti: l-ewwel nett, l-EUIPO għandu jistabbilixxi, minn naħa, jekk is-suġġett tal-applikazzjoni jikkorrispondix jew le mad-definizzjoni ta’ disinn [Artikolu 3(a), u Artikolu 47(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002] u, min-naħa l-oħra, jekk id-disinn imurx kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità [Artikolu 47(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002]. Tali applikazzjoni, jekk ma tiġix irtirata jew emendata, tista’ biss tiġi rrifjutata wara li jkunu nstemgħu l-osservazzjonijiet tal-applikant [Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 6/2002].

36

It-tieni nett, wara li l-EUIPO jkun ikkonstata li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet disinn u li ma jmurx kontra l-ordni pubbliku u lanqas kontra l-moralità, huwa għandu jivverifika, b’mod konformi mal-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 6/2002, b’mod partikolari, li l-imsemmija applikazzjoni għal reġistrazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet obbligatorji stabbiliti permezz tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 6/2002 (talba għal reġistrazzjoni, indikazzjonijiet li jippermettu li jiġi identifikat l-applikant, rappreżentazzjoni tad-disinn xierqa għar-riproduzzjoni) u permezz tal-Artikolu 36(2) tal-imsemmi regolament (indikazzjoni tal-prodotti), kif ukoll, fejn xieraq, il-kundizzjonijiet fakultattivi stabbiliti permezz tal-Artikolu 36(3) [deskrizzjoni li tispjega r-rappreżentazzjoni jew il-mudell; talba għad-differiment tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni; indikazzjonijiet li jippermettu l-identifikazzjoni tar-rappreżentant jekk l-applikant ikun ħatar wieħed; klassifikazzjoni tal-prodotti skont il-klassi; ċitazzjoni tad-diżinjatur jew tat-tim tad-diżinjaturi].

37

Fir-rigward tal-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 36 hawn fuq, skont l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 6/2002, l-irregolaritajiet jistgħu jiġu rrimedjati, filwaqt li jiġi nnotat li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 6/2002, id-data ta’ ffajljar tal-applikazzjoni hija ffissata fid-data li fiha l-applikant irrimedja l-irregolaritajiet, filwaqt li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet l-oħra, id-data inizjali ta’ ffajljar tal-applikazzjoni tinżamm wara li l-irregolaritajiet jiġu rrimedjati. Jekk l-irregolaritajiet ma jiġux irrimedjati, fl-ewwel każ, l-applikazzjoni ma tiġix ittrattata bħala applikazzjoni għal reġistrazzjoni, filwaqt li, fit-tieni każ, l-applikazzjoni tiġi miċħuda.

38

Għaldaqstant, rappreżentazzjoni tad-disinn li ma hijiex xierqa għar-riproduzzjoni taqa’ biss taħt l-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 6/2002, fis-sens li l-applikant jista’ jirrimedja l-irregolaritajiet, iżda d-data ta’ ffajljar għandha tiġi posposta sad-data li fiha l-irregolaritajiet jiġu rrimedjati. Jekk l-imsemmija irregolaritajiet ma jiġux irrimedjati fit-terminu stabbilit, l-applikazzjoni ma tiġix ittrattata bħala applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn.

39

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li għandu, għaldaqstant, jiġi stabbilit jekk, fid-dawl tal-kliem tiegħu u tal-kuntest tiegħu, l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 6/2002 japplikax, kif tallega r-rikorrenti, biss għas-sitwazzjonijiet li fihom ir-rappreżentazzjoni tad-disinn ikkontestat tkun “fiżikament” konfuża jew vaga, minħabba b’mod partikolari kwalità ħażina ta’ stampa, jew jekk l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hijiex estiża, kif isostni l-EUIPO, għan-nuqqasijiet ta’ preċiżjoni jew għall-assenza ta’ ċertezza jew ta’ ċarezza rigward is-suġġett li għandu jiġi protett mid-disinn li għalih hija mitluba r-reġistrazzjoni.

40

Għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni magħmula mir-rikorrenti tal-Artikolu 36(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002 kif ukoll tal-Artikolu 10(1)(ċ) tar-Regolament Nru 2245/2002, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(1)(e) ta’ dan ir-regolament imsemmi l-aħħar, skont liema din id-dispożizzjoni tapplika biss fir-rigward tad-disinni li l-kwalità ta’ rappreżentazzjoni tagħhom hija medjokri, tmur manifestament kontra s-sistema li fiha r-reġistrazzjoni tad-disinni ġiet maħsuba u li tfakkret hawn fuq.

41

Fil-fatt, l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 6/2002, li jipprevedi, fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu, li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju għandha tinkludi rappreżentazzjoni ta’ dan tal-aħħar li tkun xierqa għar-riproduzzjoni, jispeċifika, fil-paragrafu 5 tiegħu, li din l-applikazzjoni għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 2245/2002.

42

Dan ir-regolament imsemmi l-aħħar jipprevedi fl-Artikolu 4(1)(e) tiegħu, li għalih jirreferi l-Artikolu 10(1)(ċ) tal-imsemmi regolament, li d-disinn għandu, b’mod partikolari, “[i]kun ta’ kwalità li tipermetti li d-detallji kollha tal-materja li għaliha tiġi mfixxija l-protezzjoni sabiex [ikunu distinti] b’ mod ċar”.

43

Billi tallega li hija biss il-kwalità tar-rappreżentazzjoni “fiżika” jew “materjali” li hija prevista minn din id-dispożizzjoni, ir-rikorrenti twettaq qari parzjali, u għaldaqstant żbaljat, ta’ din id-dispożizzjoni billi żżomm biss mal-espressjoni “kwalità [suffiċjenti]”.

44

Madankollu, din id-dispożizzjoni tispeċifika li r-rappreżentazzjoni għandha tippermetti li jiġu distinti b’mod ċar id-dettalji kollha “tal-materja li għaliha tiġi mfixxija l-protezzjoni”.

45

Din il-frażi tirreferi għar-rekwiżit inerenti għal kwalunkwe reġistrazzjoni, jiġifieri li t-terzi jkollhom il-possibbiltà li jiddeterminaw b’ċarezza u bi preċiżjoni d-dettalji kollha tad-disinn li għalihom tintalab il-protezzjoni (ara, f’dan is-sens u b’mod analogu, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann, C‑273/00, EU:C:2002:748, punti 48 sa 52, u tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys, C‑307/10, EU:C:2012:361, punti 46 sa 48).

46

Għaldaqstant, rappreżentazzjonijiet li ma jkunux preċiżi ma jippermettux lit-terzi jiddeterminaw b’mod inekwivoku s-suġġett tal-protezzjoni tad-disinn inkunsiderazzjoni.

47

F’din il-perspettiva, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk ir-rappreżentazzjonijiet jirrigwardaw iktar minn disinn wieħed, kjarifika hija neċessarja mhux biss għall-finijiet li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali lit-terzi, li għandhom ikunu jafu b’mod preċiż is-suġġett tal-protezzjoni mogħtija lid-disinn, iżda wkoll għal raġunijiet ta’ kontabbiltà, sa fejn l-ammont tad-drittijiet miġbura mill-EUIPO jvarja skont in-numru tal-klassijiet ta’ prodotti li d-disinn ikkonċernat jirrigwarda.

48

Ir-rikorrenti tallega wkoll li l-eventwali irregolarità li tikkonsisti fil-fatt li r-rappreżentazzjonijiet ma jurux id-dehra ta’ disinn wieħed, iżda ta’ tnejn, kellha tiġi ttrattata fil-kuntest tal-Artikolu 47(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) tal-imsemmi regolament, u ma setgħetx tikkostitwixxi raġuni għal rifjut li tiġi ffissata data ta’ ffajljar.

49

Għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument jista’ biss jiġi miċħud sa fejn l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, li għalih jirreferi l-Artikolu 47(1)(a) ta’ dan ir-regolament, jirrigwarda s-sitwazzjoni fejn ir-rappreżentazzjoni li tagħha hija mitluba r-reġistrazzjoni ma tistax titqies bħala disinn fis-sens tal-imsemmi regolament, meta hija ma għandhiex id-dehra ta’ prodott jew ta’ parti ta’ prodott, li manifestament ma huwiex il-każ hawnhekk.

50

Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li r-rappreżentazzjoni inkwistjoni tikkorrispondi mad-definizzjoni ta’ disinn, b’tali mod li din is-sitwazzjoni ma taqax taħt l-Artikolu 47(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, iżda ma hijiex xierqa għar-riproduzzjoni fis-sens tal-Artikolu 36(1) tal-imsemmi regolament, fid-dawl tal-irregolaritajiet li hija tinkludi, li jaqgħu taħt l-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 6/2002. Din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar tipprevedi b’mod ċar li, jekk l-irregolaritajiet ma jiġux irrimedjati fit-terminu stabbilit, l-applikazzjoni ma tiġix ittrattata bħala applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn.

51

Kif josserva ġustament l-EUIPO, l-Artikolu 45(2)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 36(5) ta’ dan ir-regolament, għandu neċessarjament jiġi interpretat b’mod strett sabiex jiġu evitati interpretazzjonijiet inkoerenti u kontradittorji tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, b’tali mod li dawn id-dispożizzjonijiet ma jirreferux għar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 2245/2002, kif tallega r-rikorrenti. Ir-referenza għall-Artikolu 45(2)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, prevista fl-Artikolu 46(3) ta’ dan ir-regolament, ma tfissirx li l-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 2245/2002 huwa applikabbli esklużivament fil-kuntest tal-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 6/2002. Bil-kontra, huwa fil-kuntest tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 36(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament u l-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 2245/2002, li din is-sitwazzjoni kellha tiġi eżaminata, kif għamel ġustament il-Bord tal-Appell.

52

L-Artikolu 36(5) tar-Regolament Nru 6/2002 jikkostitwixxi għaldaqstant dispożizzjoni li awtorizzat, fil-kuntest ta’ regolament ta’ implementazzjoni, lill-awtoritajiet kompetenti jispeċifikaw, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 36(1)(ċ) tal-imsemmi regolament fir-rigward tar-rappreżentazzjoni ta’ disinn, li jinsabu preċiżament fl-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 2245/2002.

53

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-approċċ differenti li huwa adottat mill-ġurisprudenza Ġermaniża, dan lanqas ma jista’ jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li s-sistema tal-Unjoni tad-disinni hija sistema awtonoma, ikkostitwita minn sett ta’ regoli u li ssegwi għanijiet li huma speċifiċi għaliha, u l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kwalunkwe sistema nazzjonali [ara, b’mod analogu, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, Message Management vs UASI – Absacker (ABSACKER of Germany), T‑304/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:5, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata].

54

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

55

Ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell kiser id-drittijiet tad-difiża tagħha, għaliex issostitwixxa l-motivazzjoni proprja tiegħu flok dik tal-eżaminatur mingħajr ma taha l-possibbiltà li tippreżenta l-pożizzjoni tagħha.

56

Għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell qies, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-eżaminatur kien kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni, għaliex kien irrefera, sabiex iqis li l-applikazzjonijiet ma kinux applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ disinni, mhux għall-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 36(1)(ċ) tal-imsemmi regolament, u l-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 2245/2002, iżda għall-assenza ta’ qbil tar-rikorrenti mar-rapport ta’ eżami li huwa kien stabbilixxa. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell qies li d-deċiżjoni tal-eżaminatur ma kinitx tinkludi analiżi tal-argumenti tar-rikorrenti.

57

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002, id-deċiżjonijiet tal-EUIPO għandhom ikunu bbażati biss fuq motivi jew provi li fuqhom il-partijiet kellhom il-possibbiltà li jieħdu pożizzjoni. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, fil-kuntest tad-dritt tad-disinni tal-Unjoni, il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża. Skont dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li jaffettwaw b’mod kunsiderevoli l-interessi tagħhom għandhom ikollhom l-opportunità li jressqu l-opinjoni tagħhom b’mod effettiv. Id-dritt għal smigħ huwa estiż għall-punti kollha ta’ fatt jew ta’ liġi li jikkostitwixxu l-bażi tal-att deċiżjonali, iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni beħsiebha tadotta [ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Beifa Group vs UASI – Schwan‑Stabilo Schwanhäußer (Strumenti għall-kitba), T‑608/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:334, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata)].

58

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002, id-deċiżjonijiet tal-EUIPO għandhom ikunu mmotivati. Dan l-obbligu għandu l-istess portata bħal dak stabbilit mill-Artikolu 296 TFUE. F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu li jiġu mmotivati d-deċiżjonijiet individwali għandu bħala għan doppju li jippermetti, minn naħa, li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni. Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tas-sett ta’ regoli legali li jirregolaw il-materja kkonċernata [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Bell & Ross vs UASI – KIN (Kaxxa ta’ arloġġ tal-idejn), T‑80/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:214, punt 37].

59

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li huwa stabbilit li l-eżaminatur fassal erba’ rapporti ta’ eżami fis-17 ta’ April, fil-25 ta’ Ġunju, fis-16 ta’ Lulju u fl-24 ta’ Awwissu 2015.

60

Minn dawn id-diversi rapporti, b’mod partikolari mit-tieni u mir-raba’ rapport, jirriżulta b’mod suffiċjenti u b’mod ċar li l-eżaminatur qies li l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ma kinux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u mal-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 2245/2002, minħabba l-preżenza ta’ fliexken fir-rappreżentazzjonijiet, li kellha bħala konsegwenza li l-karatteristiċi li għalihom intalbet il-protezzjoni ma kinux viżibbli b’mod ċar.

61

Barra minn hekk, fid-diversi rapporti tiegħu, l-eżaminatur stabbilixxa b’mod preċiż u ddettaljat ir-raġunijiet għalfejn huwa ma setax jaċċetta l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tar-rikorrenti, jiġifieri l-preżenza simultanja ta’ flixkun u ta’ tazza, u b’hekk irrisponda konkretament għall-argumenti tar-rikorrenti.

62

Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li qies il-Bord tal-Appell, id-deċiżjoni kkontestata tal-eżaminatur, meta tinqara fid-dawl tad-diversi rapporti tal-eżaminatur, li r-rikorrenti kienet konxja tagħhom, kienet immotivata suffiċjentement (ara, b’mod analogu, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑506/03, mhux ippubblikata, EU:C:2005:715, punt 38).

63

Il-Bord tal-Appell għaldaqstant żbalja meta kkonkluda li kien hemm nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ motivazzjoni u meta indika li qed jissostitwixxi l-motivazzjoni proprja tiegħu flok dik tal-eżaminatur, minkejja li ma kinitx sostituzzjoni ta’ motivi, iżda riproduzzjoni b’mod sħiħ tal-istess motivazzjoni li kienet ingħatat mill-eżaminatur fir-raba’ rapporti tiegħu.

64

Għaldaqstant, f’kull każ, ir-rikorrenti ma tistax tallega li d-drittijiet tad-difiża tagħha ġew miksura mill-Bord tal-Appell sa fejn, bil-kontra ta’ dak li hija tallega, il-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata tirriproduċi b’mod sħiħ dik li kienet ġiet ikkomunikata mill-eżaminatur fil-kuntest tal-proċedura quddiemu.

65

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li kemm it-tieni motiv, kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-ispejjeż

66

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Mast-Jägermeister SE hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Collins

Barents

Passer

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Frar 2017.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( 1 ) Data kunfidenzjali eskluża.

Top