EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CO0032

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-5 ta’ Ottubru 2016.
Ute Wunderlich vs Bulgarian Air Charter Limited.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Dresden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Assenza ta’ dubju raġonevoli – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 2(l) – Kunċett ta’ ‘kanċellazzjoni’ – Titjira li kienet is-suġġett ta’ waqfa mhux prevista.
Kawża C-32/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:753

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

5 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Assenza ta’ dubju raġonevoli — Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Artikolu 2(l) — Kunċett ta’ ‘kanċellazzjoni’ — Titjira li kienet is-suġġett ta’ waqfa mhux prevista”

Fil-Kawża C‑32/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Dresden (qorti distrettwali ta’ Dresden, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Jannar 2016, fil-proċedura

Ute Wunderlich

vs

Bulgarian Air Charter Limited,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Šváby (Relatur), President tal-Awla, M. Safjan u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Bulgarian Air Charter Limited, minn P. Kauffmann, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u M.-L. Kitamura, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ute Wunderlich u Bulgarian Air Charter Limited, trasportatur tal-ajru, dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tikkumpensaha meta t-titjira tagħha kienet is-suġġett ta’ waqfa mhux prevista qabel ma waslet fid-destinazzjoni finali tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 1, 2 u 4 tar-Regolament Nru 261/2004 jiddikjaraw:

“(1)

Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ‘Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)

Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

[...]

(4)

Il-Komunitá għandha għalhekk togħla l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti [...] kemm biex issaħħaħ id-drittijiet ta’ passiġġieri u biex tassigura li trasportaturi ta’ l-ajru jaħdmu taħt kondizzjonijiet armonizzati f’suq illiberalizzat.”

4

L-Artikolu 2(l) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kelma “kanċellazzjoni” bħala “in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat”.

5

L-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[...]

(ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, [sakemm]:

i)

[ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

ii)

[ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

iii)

[ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.”

6

L-Artikolu 7(1) ta’ dan l-istess regolament jipprovdi li, b’mod partikolari fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li l-ammont tiegħu huwa ffissat għal EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7

U. Wunderlich irriżervat titjira ma’ Bulgarian Air Charter li kellha titlaq minn Burgas (il-Bulgarija) fit-13 ta’ Settembru 2014 fil-11:40 u li kellha tasal fi Dresden (il-Ġermanja) fl-istess jum fis-13:00.

8

L-inġenju li wettaq it-titjira inkwistjoni telaq fil-jum u fil-ħin previsti. Madankollu, huwa wettaq waqfa mhux prevista fi Praga (ir-Repubblika Ċeka), sabiex b’hekk wasal Dresden fis-15:20, jiġifieri b’dewmien ta’ sagħtejn u għoxrin minuta.

9

U. Wunderlich fetħet proċedura quddiem l-Amtsgericht Dresden (qorti distrettwali ta’ Dresden, l-Ġermanja) sabiex tikseb il-ħlas tal-kumpens ta’ EUR 250 previst fl-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira.

10

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex jiġi interpretat il-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004, għandu jintuża, konformement mas-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et (C‑83/10, EU:C:2011:652), il-kunċett ta’ “itinerarju” ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala l-vjaġġ li għandu jitwettaq mill-ajruplan mill-ajruport tat-tluq sal-ajruport tal-wasla skont ċerta kronoloġija, jiġifieri li l-ajruplan għandu jitlaq konformement mal-itinerarju previst u għandu jasal fid-destinazzjoni tiegħu skont kif indikata fl-imsemmi itinerarju. F’dan id-dawl, hija tqis li mis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716), jirriżulta li l-itinerarju jikkostitwixxi element essenzjali tat-titjira, li għandu jitwettaq konformement ma’ programm iffissat minn qabel mit-trasportatur. Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li, fid-dawl tad-distinzjoni li għandha ssir bejn dewmien u kanċellazzjoni, titjira tista’ titqies li ġiet ikkanċellata biss jekk it-trasportatur tal-ajru jkun ittrasporta l-passiġġieri fuq titjira oħra, li l-programm inizjali tagħha jkun differenti minn dak tat-titjira inizjalment prevista. Minn dan hija tiddeduċi li l-itinerarju jikkostitwixxi element essenzjali tat-titjira.

11

Barra minn hekk, filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et (C‑83/10, EU:C:2011:652), hija tikkonstata li diversi qrati Ġermaniżi qiesu li d-devjazzjoni ta’ ajruplan mill-itinerarju previst u l-introduzzjoni ta’ waqfa mhux prevista jikkostitwixxu bidla tal-itinerarju inizjali ta’ importanza tali li għandu jitqies li t-titjira prevista ma twettqitx.

12

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Dresden (qorti distrettwali ta’ Dresden) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Ikun hemm kanċellazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004 meta l-ajruplan li jwettaq it-titjira prevista jkun telaq konformement mal-programm u jkun niżel fid-destinazzjoni b’dewmien inferjuri għal tliet sigħat, iżda jkun madankollu wettaq waqfa mhux prevista?”

Fuq id-domanda preliminari

13

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta domanda preliminari magħmula tkun identika għal domanda li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà ddeċidiet, meta r-risposta għal tali domanda tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

14

Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’din il-kawża.

15

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li titjira li l-postijiet tat-tluq u tal-wasla tagħha kienu konformi mal-programm previst, iżda li tat lok għal waqfa mhux prevista, għandha titqies li ġiet ikkanċellata.

16

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004 jiddefinixxi l-“kanċellazzjoni” bħala “in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat”.

17

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, bħala prinċipju, huwa possibbli li jiġi konkluż li titjira tkun ġiet ikkanċellata meta l-programm tat-titjira inizjali jiġi abbandunat u meta l-passiġġieri ta’ din it-titjira jingħaqdu ma’ dawk ta’ titjira li tkun ukoll prevista, u dan irrispettivament mit-titjira li għaliha l-passiġġieri ttrasferiti b’dan il-mod kienu wettqu r-riżervazzjoni tagħhom (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et, C‑83/10, EU:C:2011:652, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

18

Madankollu, titjira, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-postijiet tat-tluq u tal-wasla tagħha kienu konformi mal-programm previst u li għalhekk bl-ebda mod ma tat lok għat-trasferiment tal-passiġġieri fuq titjira oħra minħabba li t-titjira li kienu rriżervaw ma kinix għadha prevista, ma tistax titqies li ma twettqitx fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et, C‑83/10, EU:C:2011:652, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19

Il-fatt li din it-titjira tat lok għal waqfa mhux prevista ma jistax idaħħal inkwistjoni din il-konstatazzjoni u, b’hekk, ma jistax jippermetti li jitqies li l-imsemmija titjira ġiet ikkanċellata.

20

F’dan ir-rigward, huwa minnu li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-itinerarju ta’ titjira jikkostitwixxi element essenzjali tagħha, peress li din tal-aħħar titwettaq konformement ma’ programm iffissat minn qabel mit-trasportatur (sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et, C‑83/10, EU:C:2011:652, punt 27).

21

Madankollu, jekk titjira li tkun waslet fid-destinazzjoni finali prevista tagħha wara waqfa mhux prevista titqies li hija ekwivalenti għal titjira kkanċellata u, għaldaqstant, it-trasportatur tal-ajru jkun obbligat iħallas lill-passiġġieri ta’ din it-titjira l-kumpens previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) u fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, dan la jkun konformi mal-għan ta’ dan ir-regolament u lanqas mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

22

Minn naħa, huwa paċifiku li r-Regolament Nru 261/2004 huwa intiż, kif jirriżulta mill-premessi 1, 2 u 4 tiegħu, li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri u tal-konsumaturi, billi jsaħħaħ id-drittijiet tagħhom f’ċertu numru ta’ sitwazzjonijiet li joħolqu diffikultajiet u inkonvenjenzi serji kif ukoll billi jirrimedja dawn tal-aħħar b’mod standardizzat u immedjat (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Mennens, C‑255/15, EU:C:2016:472, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Issa, il-fatt li titjira tkun tat lok għal waqfa mhux prevista bl-ebda mod ma jikkostitwixxi sitwazzjoni li timplika, bħala tali, għall-passiġġieri, diffikultajiet jew inkonvenjenzi serji bħal dawk li jirriżultaw minn rifjut li jitħallew jitilgħu, minn kanċellazzjoni jew minn dewmien sinjifikattiv, li fir-rigward tagħhom ir-Regolament Nru 261/2004, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jipprevedi kumpens.

24

Tali diffikultajiet u inkonvenjenzi serji jimmaterjalizzaw biss jekk din il-waqfa twassal lill-ajruplan li permezz tiegħu titwettaq it-titjira inkwistjoni jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu b’dewmien ekwivalenti għal jew iktar minn tliet sigħat fil-konfront tal-ħin tal-wasla previst, sitwazzjoni din li, bħala prinċipju, tintola lill-passiġġier għad-dritt għall-kumpens previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) u fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Folkerts, C‑11/11, EU:C:2013:106, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Minn naħa, jekk titjira li tasal fid-destinazzjoni finali prevista tagħha wara waqfa mhux prevista titqies li hija ekwivalenti għal titjira kkanċellata, dan iwassal sabiex jiġi rrikonoxxut dritt għal kumpens lil passiġġier li, minħabba din il-waqfa mhux prevista, ikun ġarrab dewmien fil-wasla ta’ inqas minn tliet sigħat meta passiġġier li jkun ġarrab dewmien identiku minħabba raġuni differenti ma jkunx intitolat li jibbenefika mill-kumpens previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) u fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u, għaldaqstant, ikun imur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

26

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, kull att legali tal-Unjoni għandu jiġi interpretat konformement mad-dritt primarju kollu, inkluż konformement ma’ dan il-prinċipju, li jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat (ara s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija li l-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li titjira li l-postijiet tat-tluq u tal-wasla tagħha kienu konformi mal-programm previst, iżda li tat lok għal waqfa mhux prevista, ma għandhiex titqies li ġiet ikkanċellata.

Fuq l-ispejjeż

28

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(l) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li titjira li l-postijiet tat-tluq u tal-wasla tagħha kienu konformi mal-programm previst, iżda li tat lok għal waqfa mhux prevista, ma għandhiex titqies li ġiet ikkanċellata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top