EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0261

Kawża C-261/16 P: Appell ippreżentat fl-10 ta’ Mejju 2016 minn Kühne + Nagel International AG et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fid-29 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-261/16, Kühne + Nagel International AG et vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 251, 11.7.2016, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 251/18


Appell ippreżentat fl-10 ta’ Mejju 2016 minn Kühne + Nagel International AG et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fid-29 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-261/16, Kühne + Nagel International AG et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-261/16 P)

(2016/C 251/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Kühne + Nagel International AG, Kühne + Nagel Management AG, Kühne + Nagel Ltd, Kühne + Nagel Ltd, Kühne + Nagel Ltd (rappreżentanti: U. Denzel, C. von Köckritz u C. Klöppner, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tad-29 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-254/12,

tannulla l-Artikolu 1(1) u (2), l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ Mejju 2012, C (2012) 1959 finali fil-Każ COMP/39462 – Servizzi ta’ spedizzjoni fis-sens tal-Artikolu 263(4) TFUE, sa fejn l-appellanti huma kkonċernati;

tannulla jew tnaqqas sostanzjalment il-multi imposti fuq l-appellanti fl-imsemmija deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw ħames aggravji:

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, inkwantu l-prattiki relatati ma’ NES u AMS jiksru l-Artikolu 101 TFUE. L-Artikolu 101 TFUE ma huwiex applikabbli għal tali prattiki, peress li dawn ma humiex atti li jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati.

Fit-tieni lok, il-kalkolu tal-multi imposti fuq l-appellanti huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi. Ġew irrilevati prattiki li jmorru kontra id-dritt tal-akkordji fir-rigward ta’ ċerti imposti (“fees” jew “surcharges”). F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kellha tikkalkola s-sanzjoni applikabbli biss fuq il-bażi tad-dħul li sar minn dawn l-imposti. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tqis li l-Kummissjoni kisret il-punt 13 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi għaliex ħadet inkunsiderazzjoni dħul mill-bejgħ addizzjonali (partikolarment ir-rata tal-ġarr tal-merkanzija) fid-determinazzjoni tal-multa. Billi impliċitament ibbażat ruħha fuq l-istess metodu anki fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha estiża għall-mertu, il-Qorti Ġenerali stess eżerċitat b’mod żbaljat tali ġurisdizzjoni.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. K+N ma tiffunzjonax – b’mod differenti mill-oħrajn – skont mudell ta’ konsolidament, iżda taġixxi, minn perspettiva ekonomika, bħala intermedjarju klassiku f’90 % tat-tranżazzjonijiet. Minħabba d-differenzi sinjifikattivi fil-mudell kummerċjali, il-Qorti Ġenerali kellha tadotta approċċ differenzjat u ma kellhiex tittratta sitwazzjonijiet ugwali b’mod differenti. Il-Qorti Ġenerali kellha b’mod partikolari tannulla d-determinazzjoni tal-multi tal-Kummissjoni u tistabbilixxi multa fil-konfront tal-appellanti fuq il-bażi tad-dħul iġġenerat mill-“fees” jew “surcharges” relattivi.

Fir-raba’ lok, il-multi imposti mill-Qorti Ġenerali huma wisq sproporzjonati. Il-multi kkonfermati mill-Qorti Ġenerali huma manifestament eċċessivi u ma humiex iġġustifikati minn raġunijiet ta’ deterrenza.

Fil-ħames lok, il-Qorti Ġenerali ma osservatx l-Air Transport Exemption u, għalhekk, telqet b’mod żbaljat mill-premessa tal-applikabbiltà tal-Artikolu 101 TFUE fir-rigward ta’ NES u AMS.


Top