Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0176

    Kawża C-176/16 P: Appell ippreżentat fit-23 ta’ Marzu 2016 minn Proforec Srl mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fil-21 ta’ Jannar 2016 fil-Kawża T-120/15, Proforec Srl vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 191, 30.5.2016, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.5.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 191/20


    Appell ippreżentat fit-23 ta’ Marzu 2016 minn Proforec Srl mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fil-21 ta’ Jannar 2016 fil-Kawża T-120/15, Proforec Srl vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-176/16 P)

    (2016/C 191/25)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Appellanti: Proforec Srl (rappreżentanti: G. Durazzo, M. Mencoboni, G. Pescatore, avukati)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-digriet għal inammissibbiltà Nru 704600 tal-21 ta’ Jannar 2016 fil-Kawża T-120/15 għall-aggravji invokati, li ser isir riferiment sħiħ għalihom;

    tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat, u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, sabiex tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors, bla ħsara li tadotta, jekk ikun il-każ, miżuri xierqa;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. Fl-ipoteżi fejn dan ir-rikors jiġi miċħud (quad non), qed jintalab il-kumpens għall-ispejjeż legali.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell, l-appellanti tinvoka tliet aggravji relatati mal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà:

    L-EWWEL AGGRAVJU bbażat fuq il-motivazzjoni żbaljata fid-dritt u fil-fatt tal-assenza ta’ interess ġuridiku. Fil-punti 28 sa 31 tad-digriet, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea b’mod inkorrett ikkonkludiet li ma kienx hemm interess tar-rikorrenti li titlob l-annullament tar-Regolament, wara raġunament illoġiku li identifika bħala l-uniċi benefiċjarji tal-annullament tar-Regolament ikkontestat id-distributuri tat-trade marks terzi u mhux direttament Proforec.

    IT-TIENI AGGRAVJU bbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE mill-Qorti Ġenerali sa fejn ċaħdet li r-rikorrenti kellha kwalunkwe interess sabiex tippreżenta r-rikors.

    IT-TIELET AGGRAVJU bbażat fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti, fil-punti 32 sa 35 tad-digriet għal inammissibiltà, tal-assenza ta’ interess tar-rikorrenti sa fejn il-Qorti Ġenerali tat rappreżentazzjoni żbaljata tal-fatti li jikkonċernaw l-assenza ta’ riskju ta’ azzjoni ġudizzjarja fir-rigward tar-rikorrenti billi ma kkunsidratx dan ir-riskju bħala reali u attwali fid-data ta’ preżentata tar-rikors u billi ma tatx deċiżjoni dwar l-illegalità manifesta tar-Regolament li ma jipprevedi ebda perijodu tranżitorju sabiex tkun tista’ sseħħ l-eliminazzjoni tal-istokk u tal-imballaġġi.


    Top