EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0071

Kawża C-71/16 P: Appell ippreżentat fid-9 ta’ Frar 2016 minn Comercializadora Eloro, S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fid-9 ta’ Diċembru 2015 fil-Kawża T-354/14, Comercializadora Eloro vs UASI – Zumex Group (Zumex)

ĠU C 191, 30.5.2016, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/6


Appell ippreżentat fid-9 ta’ Frar 2016 minn Comercializadora Eloro, S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fid-9 ta’ Diċembru 2015 fil-Kawża T-354/14, Comercializadora Eloro vs UASI – Zumex Group (Zumex)

(Kawża C-71/16 P)

(2016/C 191/09)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Comercializadora Eloro, S.A. (rappreżentant: J. L. de Castro Hermida, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u Zumex Group, S.A.

Talbiet

tikkunsidra li ġiet prodotta l-prova u tilqa’ d-dokumentazzjoni trażmessa fi tmiem il-proċedimenti ta’ appell, u li ġiet trażmessa mill-ġdid flimkien mat-talba tar-rikors kontenzjuż, innumerata fid-dokumenti Nri 1 sa 7, hekk kif huwa speċifikat fil-lista ta’ dokumenti annessi trażmessi mal-imsemmi rikors;

tikkunsidra li, fid-dawl tal-provi dokumentali prodotti fil-proċediment amministrattiv, l-appellanti (Comercializadora Eloro, S.A), stabbiliet suffiċjentement l-użu reali u effettiv, matul il-perijodu u fit-territorju rilevanti, tat-trade mark tagħha JUMEX, għal meraq tal-frott fil-klassi 32;

tiċħad, ladarba jkun ġie pprovat l-użu tat-trade mark prijoritarja mill-appellanti (il-parti li ressqet l-oppożizzjoni), r-reġistrazzjoni tat-trade mark ZUMEX li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, fir-rigward tal-prodotti kollha fil-klassi 32 minħabba probabbiltà ta’ konfużjoni għall-konsumatur dovuta għall-koeżistenza fis-suq taż-żewġ trade marks, meta jitqiesu x-xebh fl-isem u l-applikazzjoni kompetittiva identika bejniethom.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju: Ksur tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja  (1) u tar-Regola 22(2) u (3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni  (2)

Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-EUIPO qieset li l-prova ta’ użu prodotta mill-parti li ressqet l-oppożizzjoni kienet tissodisfa l-minimu neċessarju sabiex jiġi ddikjarat li sar użu effettiv tat-trade mark matul il-perijodu ta’ referenza u fit-territorju ta’ referenza.

Id-dubji espressi mis-sentenza appellata fir-rigward ta’ jekk il-prodotti mibjugħa lill-kumpannija Olandiża “Nidera General Merchandise, B.V.” daħlux realment fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, huma bbażati esklużivament fuq indizju dokumentali l-paġna internet ta’ din il-kumpannija, aċċessibli fuq l-indirizz internet www.ngm-int.com, li fiha l-istess kumpannija tinforma li l-operazzjonijiet kummerċjali tagħha huma diretti lejn il-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent.

F’dan is-sens, għandu jiġi miċħud il-valur probatorju tal-estratti ta’ din il-paġna internet peress li nkisbu fiż-żmien meta ġew prodotti l-provi, jiġifieri, f’data fil-madwar tal-5 ta’ Awwissu 2011, speċifikament: tmien snin wara l-bidu tal-perijodu rilevanti għall-prova ta’ użu u tliet snin wara li ntemm dan il-perijodu. Fl-imsemmi perijodu ta’ żmien l-attività kummerċjali tal-kumpannija inkwistjoni u l-portata ġeografika tal-aġir setgħu varjaw kunsiderevolment. Il-loġika ġuridika timponi li l-prova prodotta biex jiġi kkonfutat l-istabbiliment tal-użu tat-trade mark, tkun tirreferi wkoll għal-perijodu rilevanti u mhux għal varji snin wara li jkun intemm dan il-perijodu.

L-irċevuti prodotti bħala prova jindikaw li l-kumpannija Olandiża “Nidera General Merchandise, B.V.”, li għandha s-sede tagħha f’Rotterdam, ma hijiex biss ix-xerrejja tal-prodotti iżda wkoll il-fornitriċi tal-merkanzija mibjugħa, fatt li jindika li din il-merkanzija daħlet fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

Il-parti li ressqet l-oppożizzjoni pproduċiet provi tal-appartenenza ta’ din il-kumpannija fil-grupp ta’ impriżi “Nidera”, b’diversi sede f’varji pajjiżi Ewropej, inkluża Spanja permezz tas-sussidjarja “Nidera Agro Comercial, S.A.”, fatt li jagħti indikazzjoni ċara li d-destinazzjoni tal-merkanzija mixtrija kien is-suq Ewropew.

Peress li l-parti li ressqet l-oppożizzjoni sostniet l-oneru tal-prova tal-użu tat-trade mark tagħha u peress li l-istabbiliment tal-użu ġie vverifikat permezz tal-produzzjoni ta’ rċevuti li juru l-bejgħ ta’ prodotti li fuqhom hemm it-trade mark, fil-mument li tiġi kkontestata n-natura virtwali ta’ din il-prova, jeħtieġ li jinqabel l-oneru tal-prova, fejn il-persuna li tressaq l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikollha l-obbligu li tipprova n-natura insuffiċjenti tal-prova prodotta lilhinn minn kull konġettura jew suspett.

It-tieni aggravju: Ksur tal-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja

Il-fatt li l-kumpannija Olandiża “Nidera General Merchandise, B.V.” tidher fl-irċevuti prodotti bħala l-fornitriċi tal-merkanzija jeskludi li l-prodotti għaddew mid-dwana tal-Unjoni Ewropea taħt is-sistema ta’ tranżitu doganali estern u jagħti x’jifhem li l-merkanzija effettivament ġiet introdotta fit-territorju rilevanti minkejja li sussegwentement ġiet esportata mill-ġdid lejn l-Afrika.

Is-senenza appellata tikkontesta l-fatt li l-importazzjoni bil-għan esklużiv ta’ esportazzjoni mill-ġdid kien jikkostitwixxi użu ġenwin tat-trade mark, fuq il-bażi li din l-attività ma tippermettix il-ħolqien jew iż-żamma ta’ kwoti tas-suq. Madankollu, dan huwa identiku għar-raġunament previst fl-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja: iffissar tat-trade mark b’finijiet esklużivi ta’ esportazzjoni, attività li lanqas ma tippermetti li jinħolqu jew li jinżammu kwoti tas-suq fit-territorju tal-Unjoni.

It-tielet aggravju: Ksur tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja

Minn dan l-artikolu u mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-regola ġenerali hija li jiġu aċċettati allegazzjonijiet u provi, anki jekk jiġu prodotti barra mit-terminu, fejn għalhekk, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-EUIPO għandu jiġi interpretat fis-sens restrittiv u li jirrikjedi motivazzjoni li tiġġustifika ċ-ċaħda. Diskrezzjonalità ma tfissirx arbitrarjetà jew suġġettività.

L-irċevuti u l-etiketti tal-imballaġġi ġodda prodotti fi tmiem il-proċedimenti ta’ appell, fid-dokument Nri. 1 sa 7, kienu fundamentali peress li, inkwantu nħarġu minn kumpanniji Ewropej oħra, ippermettew li jitneħħew id-dubji li rriżultaw fir-rigward tal-irċevuti maħruġa mill-kumpannija Olandiża “Nidera General Merchandise, B.V.”.

Meta ġiet biex tipproduċi l-prova tal-użu tat-trade mark tagħha, il-parti li ressqet l-oppożizzjoni sabet diffikultajiet ta’ natura kronoloġika: l-attività probatorja żvolġiet tliet snin wara dan l-użu, u ta’ natura ġeografika: il-parti li ressqet l-oppożizzjoni hija kumpannija Messikana, b’interessi prinċipali fil-kontinent Amerikan.

It-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kronoloġiċi u ġeografiċi inkwistjoni u l-importanza fundamentali, għas-soluzzjoni tat-tilwima, tad-dokumenti prodotti tardivament imisshom ippermettew li dawn tal-aħħar jiġu ammessi, billi kienu jikkonkludu l-prova tal-użu effettiv u reali tat-trade mark prijoritarja li fir-rigward tagħha tressqet l-oppożizzjoni u kienu jippermettu l-paragun neċessarju bejn it-trade marks kunfliġġenti sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għall-konsumatur.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 78, p. 1).

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189)


Top