Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0066

    Kawża C-66/16 P: Appell ippreżentat fil-5 ta’ Frar 2016 mill-Comunidad Autónoma del País Vasco u minn Itelazpi, S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-26 ta’ Novembru 2015 fil-Kawża T-462/13, Comunidad Autónoma del País Vasco u Itelazpi vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 118, 4.4.2016, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.4.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 118/14


    Appell ippreżentat fil-5 ta’ Frar 2016 mill-Comunidad Autónoma del País Vasco u minn Itelazpi, S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-26 ta’ Novembru 2015 fil-Kawża T-462/13, Comunidad Autónoma del País Vasco u Itelazpi vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-66/16 P)

    (2016/C 118/17)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Appellanti: Comunidad Autónoma del País Vasco u Itelazpi, S.A. (rappreżentanti: J. L. Buendía Sierra u A. Lamadrid de Pablo, avukati)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea u SES Astra

    Talbiet

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Novembru 2015,

    tiddeċiedi definittivament dwar ir-rikors għall-annullament u tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ġunju 2013 (1),

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Is-sentenza appellata kkonfermat deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ diversi miżuri adottati mill-awtoritajiet pubbliċi Spanjoli sabiex jiżguraw li s-sinjal tat-televiżjoni diġitali terrestri (TDT) jasal fiż-żoni remoti tat-territorji, fejn tgħix biss 2,5 % tal-popolazzjoni. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, mill-perspettiva materjali, is-suq ma joffrix dan is-servizz fl-assenza ta’ intervent mill-awtoritajiet pubbliċi. Minkejja dan, hija ċaħdet li dan huwa servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) u qalet li, minn perspettiva formali, dan is-servizz ma kienx “kjarament” iddefinit u mogħti mill-awtoritajiet pubbliċi. Hija qalet ukoll li, fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet pubbliċi ma kinux kompetenti sabiex jagħżlu teknoloġija speċifika fl-organizzazzjoni tas-SIEĠ.

    L-ewwel u l-uniku aggravju: żbalji ta' liġi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 14, 106(2) u 107(1) TFUE u tal-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali u tal-Protokoll Nru 29 dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri.

    L-appell jenfasizza b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali wettqet l-iżbalji li ġejjin fis-sentenza appellata:

    hija kjarament kisret il-limitu ta’ “żball manifest” fil-kuntest tal-eżami tad-diversi atti tal-awtoritajiet pubbliċi li jiddefinixxu u jagħtu s-SIEĠ,

    hija indebitament illimitat is-“setgħa diskrezzjonali wiesgħa” tal-Istati Membri applikabbli kemm għad-definizzjoni kif ukoll għall-“organizzazzjoni” tas-SIEĠ u li għalhekk tinkludi l-għażla tal-modi ta’ provvista tas-SIEĠ u l-għażla ta’ teknoloġija speċifika, irrispettivament minn jekk dawn l-għażliet jinsabux fl-att ta’ definizzjoni jew f’att separat,

    hija interpretat b’mod żbaljat id-dritt Spanjol applikabbli,

    ma rrikonoxxietx li d-“definizzjoni” tas-SIEĠ u l-“għoti” tas-SIEĠ lil impriża waħda jew iktar jistgħu jsiru f’atti separati,

    ma rrikonoxxietx li “d-“definizzjoni” tas-SIEĠ u l-“għoti” tas-SIEĠ ma jirrikjedux l-użu ta’ formula jew ta’ espressjoni konkreta iżda analiżi materjali u funzjonali,

    hija ċaħdet l-applikabbiltà tal-Protokoll Nru 29 tat-TFUE u tat-TUE dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri.


    (1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/489/UE, tad-19 ta’ Ġunju 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.28599 (C 23/10 (ex NN 36/10, ex CP 163/09)) implimentata mir-Renju ta’ Spanja għat-tnedija tat-televiżjoni diġitali terrestri f’żoni remoti u inqas urbanizzati ('il barra minn Castilla-La Mancha) (ĠU L 217, p. 52).


    Top