EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0053

Kawża C-53/16 P: Appell ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2016 minn Carsten René Beul mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fit-23 ta’ Novembru 2015 fil-Kawża T-640/14, Beul vs Il-Parlament u Il-Kunsill

ĠU C 191, 30.5.2016, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/4


Appell ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2016 minn Carsten René Beul mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fit-23 ta’ Novembru 2015 fil-Kawża T-640/14, Beul vs Il-Parlament u Il-Kunsill

(Kawża C-53/16 P)

(2016/C 191/07)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Carsten René Beul (rappreżentanti: H.-M. Pott u T. Eckhold, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Novembru 2015,

tannulla r-Regolament (UE) Nru 537/2014 ikkontestat jew, sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali,

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent talab l-annullament tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ April 2014, dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE.

Ir-rikorrent huwa kontabilista awtorizzat jeżerċita fil-Ġermanja (u, barra minn hekk, ukoll awditur statutorju, skont il-leġiżlazzjoni tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u tar-Repubblika Taljana). Huwa awtorizzat li jwettaq awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku. Bħala kontabilista, huwa suġġett, fir-rigward tal-attività kollha tiegħu, għall-kontroll tal-Wirtschaftsprüferkammer (ordni tal-kontabilisti, il-Ġermanja), organu rregolat mid-dritt pubbliku li l-kontabilisti tiegħu huma l-membri tiegħu u li jaħtru l-korpi tiegħu.

Ir-Regolament ikkontestat (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”) jipprevedi li s-sorveljanza tal-awdituri statutorji fir-rigward tal-verifika ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku ser tiġi żgurata minn awtorità indipendenti, jiġifieri minn awtorità li b’mod partikolari ma tirċievi ebda istruzzjoni mill-Istat. Kontabilista f’attività bl-ebda mod ma jista’ jeżerċita fi ħdan din l-awtorità u kontabilista li ma għadux jaħdem jista’ jeżerċita fiha biss wara terminu relattivament twil li jibda mit-tmiem tal-attività tiegħu.

Ir-rikorrent jikkunsidra li l-leġiżlazzjoni l-ġdida tippreġudikah. Huwa jsostni li r-Regolament imur kontra d-dritt tal-Unjoni.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tiegħu bħala inammissibbli. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-rikorrent ma għandux dritt ta’ rikors kontra r-Regolament. Hija mmotivat id-deċiżjoni tagħha bil-fatt li r-rikorrent ma huwiex individwalment ikkonċernat mir-Regolament sa fejn jagħmel parti miċ-ċirku ta’ persuni suġġetti b’mod astratt għar-regola u li huwa ma jistax jinvoka drittijiet individwali.

Ir-rikorrent isostni, min-naħa l-oħra, li huwa direttament u individwalment ikkonċernat mir-regola. Huwa jqis b’mod partikolari li ċ-ċirku ta’ destinatarji huwa ċirku miftuħ, b’mod partikolari peress li, bejn l-adozzjoni tar-Regolament u d-dħul fis-seħħ tiegħu, jgħaddi terminu li matulu numru indeterminat ta’ persuni jista’ jiżdied maċ-ċirku ta’ professjonisti.

Il-Qorti ma ħaditx inkunsiderazzjoni dan l-interess dirett u individwali. Huwa jqis li ċ-ċirku ta’ professjonisti huwa b’mod partikolari ddeterminat f’kull mument skont stħarriġ li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni. Huwa jikkunsidra li l-fatt li jeżisti intervall bejn l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ ma jistax ikun determinanti dwar jekk teżistix protezzjoni ġudizzjarja.

Minbarra dan, ir-rikorrent iqis li, jekk jingħad li huwa ma kienx individwalment ikkonċernat, dan joħloq lakuna fil-qasam ta’ protezzjoni ġudizzjarja. Fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Eworpea, li tipproteġi wkoll il-libertà professjonali, u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-fehma tiegħu din il-lakuna għandha timtela. Huwa jqis li dan jirriżulta mir-responsabbiltà u mill-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni Ewropea, sa fejn hija l-Unjoni Ewropea li ħolqot il-kundizzjonijiet li setgħu jwasslu għal din il-lakuna fil-qasam ta’ protezzjoni ġudizzjarja.


(1)  ĠU 2014, L 158, p. 77.


Top