Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0629

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Lulju 2018.
    Kawża mressqa minn CX.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport internazzjonali bit-triq – Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija – Artikolu 9 – Protokoll Addizzjonali – Artikoli 41 u 42 – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Klawżola ta’ standstill – Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija – Artikoli 5 u 7 – Moviment liberu tal-merkanzija – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi d-dritt tal-impriżi ta’ trasport ta’ merkanzija li għandhom is-sede tagħhom fit-Turkija li jiċċirkulaw il-vetturi tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat – Obbligu li tinkiseb jew awtorizzazzjoni mogħtija fil-limiti ta’ kwota ffissata skont ftehim bilaterali konkluż bejn dan l-Istat Membru u t-Turkija, jew permess maħruġ għal trasport wieħed li jkun ta’ interess pubbliku maġġuri.
    Kawża C-629/16.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:556

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    11 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport internazzjonali bit-triq – Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija – Artikolu 9 – Protokoll Addizzjonali – Artikoli 41 u 42 – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Klawżola ta’ standstill – Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija – Artikoli 5 u 7 – Moviment liberu tal-merkanzija – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi d-dritt tal-impriżi ta’ trasport ta’ merkanzija li għandhom is-sede tagħhom fit-Turkija li jiċċirkolaw il-vetturi tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat – Obbligu li tinkiseb jew awtorizzazzjoni mogħtija fil-limiti ta’ kwota ffissata skont ftehim bilaterali konkluż bejn dan l-Istat Membru u t-Turkija, jew permess maħruġ għal trasport wieħed li jkun ta’ interess pubbliku maġġuri”

    Fil-Kawża C‑629/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura mressqa minn

    CX,

    fil-preżenza ta’:

    Bezirkshauptmannschaft Schärding,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

    Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑31 ta’ Jannar 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal CX, minn V. Weiss, H. Wollmann u V. Wolfbauer, Rechtsanwälte,

    għall-Gvern Awstrijak, minn S. Rubenz, M. Klamert, J. Bauer u G. Eberhard, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós u E. E. Sebestyén, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls, L. Havas u M. Afonso, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ April 2018,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat, fit‑12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat‑23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim KEE-Turkija”), tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit‑23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell, anness mal-Ftehim KEE-Turkija, konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad‑19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol 11, p. 41) (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”), u tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija, tat‑22 ta’ Diċembru 1995 dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali tal-Unjoni Doganali (ĠU 1996, L 35, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn CX dwar multa li ġiet imposta fuqu mill-Bezirkshauptmannschaft Schärding (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Schärding, l-Awstrija) talli wettaq trasport kummerċjali ta’ merkanzija, li telaq mit-Turkija, fit-territorju Awstrijak mingħajr ma kellu l-permess meħtieġ.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 1 tal-Ftehim KEE-Turkija jipprovdi:

    “Permezz ta’ dan il-ftehim qiegħda tiġi stabbilita assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    4

    Skont l-Artikolu 2 ta’ dan il-ftehim:

    “1.   Il-Ftehim [KEE-Turkija] għandu bħala għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-Partijiet, filwaqt li tittieħed kompletament inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiġu żgurati l-iżvilupp aċċellerat tal-ekonomija tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet ta’ għajxien tal-poplu Tork.

    2.   Sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti, għandu jiġi previst l-istabbiliment progressiv ta’ Unjoni Doganali skont il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet indikati fl-Artikoli 3, 4 u 5.

    3.   L-assoċjazzjoni għandha tinkludi:

    a)

    fażi preparatorja;

    b)

    fażi tranżitorja;

    c)

    fażi definittiva.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    5

    L-Artikolu 5 tal-imsemmi ftehim jipprevedi:

    “Il-fażi definittiva għandha tiġi bbażata fuq l-Unjoni Doganali u għandha timplika t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Partijiet Kontraenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    6

    L-Artikolu 7 ta’ dan l-istess ftehim jipprovdi:

    “Il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri ġenerali jew speċifiċi kollha sabiex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim [KEE-Turkija].

    Huma għandhom jastjenu minn kull miżura li tista’ tipperikola l-ilħieq tal-għanijiet tal-Ftehim [KEE-Turkija].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    7

    L-Artikolu 9 tal-Ftehim KEE-Turkija huwa fformulat kif ġej:

    “Il-Partijiet Kontraenti jirrikonoxxu li fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Ftehim [KEE-Turkija], u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari li jistgħu jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 8, kull diskriminazzjoni mwettqa minħabba n-nazzjonalità hija pprojbita skont il-prinċipju stipulat fl-Artikolu 7 tat-Trattat [KEE].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    8

    Skont l-Artikolu 10 ta’ dan il-ftehim:

    “1.   L-Unjoni Doganali prevista fl-Artikolu 2(2) tal-Ftehim [KEE-Turkija] għandha testendi għall-kummerċ kollu ta’ merkanzija.

    2.   L-Unjoni Doganali għandha tinvolvi:

    il-projbizzjoni bejn l-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija, fuq l-importazzjoni kif ukoll fuq l-esportazzjoni, tad-dazji doganali u taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi, kif ukoll ta’ kull miżura oħra li għandha effett ekwivalenti intiża li tiżgura għall-produzzjoni nazzjonali protezzjoni li tmur kontra l-għanijiet tal-Ftehim [KEE-Turkija];

    […] [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    9

    L-Artikolu 14 tal-imsemmi ftehim jipprevedi:

    “Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li jispiraw ruħhom mill-Artikoli 55, 56 u 58 sa 65 tat-Trattat [KEE] sabiex jeliminaw bejniethom ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    10

    L-Artikolu 15 tal-istess ftehim jipprovdi li:

    “Il-kundizzjonijiet u modalitajiet ta’ estensjoni għat-Turkija tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat [KEE] u tal-atti adottati abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għal dak li jirrigwarda t-trasport għandhom jiġu stabbiliti filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ġeografika tat-Turkija.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    11

    Skont l-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali, li jagħmel parti mill-Kapitolu II, intitolat “Id-dritt ta’ l-istabbeliment, tas-servizzi u tat-trasport”, tat-Titolu II, dan stess intitolat “Moviment ta’ persuni u servizzi”, ta’ dan il-protokoll:

    “1.   “Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà ta’ l-istabbeliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi.

    2.   Il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni għandu, b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 13 u 14 tal-Ftehim [KEE-Turkija], jiddetermina t-tabella taż-żmien u r-regoli għall-abbolizzjoni progressiva mill-Partijiet Kontraenti, bejniethom, tar-restrizzjonijiet rigward il-libertà ta’ l-istabbeliment u l-libertà li jkunu pprovvduti servizzi.

    Il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni għandu, meta jiddetermina tabella taż-żmien bħal din u regoli għad-diversi klassijiet ta’ attività, jieħu akkont tal-miżuri korresspondenti diġa adotti mill-Komunità f’dawn l-oqsma u wkoll iċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali speċjali tat-Turkija. Prijorità għandha tingħata għall-attivitajiet li jagħmlu kontribuzzjoni partikolari għall-iżvilupp tal-produzzjoni u l-kummerċ.”

    12

    L-Artikolu 42(1) tal-Protokoll Addizzjonali jipprevedi:

    “Il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni għandu jestendi lejn it-Turkija, b’konformità mar-regoli li hu għandu jiddetermina, id-disposizzjonijiet tat-trasport tat-Trattat [KEE] b’attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni ġeografika tat-Turkija. Bl-istess mod hu jista jestendi lejn it-Turkija miżuri meħuda mill-Komunità fl-applikazzjoni ta’ dawn id-disposizzjonijiet fir-rigward tat-trasport bil-ferrovija, bit-triq jew b’kanali ta’ ilma nterni.”

    13

    L-Artikolu 62 ta’ dan il-protokoll jipprevedi li dan tal-aħħar jifforma parti integrali mill-Ftehim KEE-Turkija.

    14

    Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni:

    “Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim [KEE-Trukija], tal-Protokolls Addizzjonali u Supplimentari tiegħu, il-[Kunsill ta’ Assoċjazzjoni] jistabbilixxi iktar ’il quddiem il-modalitajiet għall-implimentazzjoni tal-fażi finali tal-Unjoni Doganali prevista fl-Artikoli 2 u 5 tal-imsemmi ftehim.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    15

    L-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni, li jinsab fil-Kapitolu I, dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u l-politika kummerċjali, taħt is-Sezzjoni II, intitolata “Eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kwantitattivi jew tal-miżuri li għandhom effett ekwivalenti”, tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi:

    “Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi għall-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti għandhom ikunu pprojbiti bejn il-Partijiet Kontraenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    16

    Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija deċiżjoni:

    “Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi għall-esportazzjoni kif ukoll il-miżuri kollha li għandhom effett ekwivalenti huma pprojbiti bejn il-Partijiet Kontraenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    17

    L-Artikolu 7 tal-istess deċiżjoni huwa fformulat kif ġej:

    “L-Artikoli 5 u 6 ma jipprekludux il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet ta’ importazzjoni, ta’ esportazzjoni jew ta’ tranżitu ġġustifikati għal raġunijiet ta’ moralità pubblika, ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika, ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni u tal-annimali jew ta’ preservazzjoni tal-pjanti, ta’ protezzjoni tat-teżori nazzjonali li għandhom valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku, jew ta’ protezzjoni tal-propjetà industrijali u kummerċjali. Madankollu, projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet bħal dawn la għandhom jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija fil-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Id-dritt Awstrijak

    18

    Skont l-Artikolu 1(1) tal-Güterbeförderungsgesetz (il-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq ta’ Merkanzija tal-1995, BGBl. 593/1995), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. I, 96/2013 (iktar ’il quddiem il-“GütbefG”):

    “Din il-liġi federali tapplika

    1.   għat-trasport kummerċjali ta’ merkanzija mwettaq minn impriżi ta’ trasport permezz ta’ vetturi bil-mutur tat-triq bi trejler jew mingħajru li l-piż total ammissibbli tagħhom jaqbeż 3500 kilo,

    […]”

    19

    L-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, intitolat “Liċenżji obbligatorji u tipi ta’ liċenzja”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “It-trasport kummerċjali ta’ merkanzija permezz ta’ vetturi bil-mutur jista’ jsir biss abbażi ta’ liċenzja ħlief dispożizzjoni kuntrarja ta’ din il-liġi (Artikolu 4). […]”

    20

    L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

    “Minbarra d-detenturi tal-liċenzji msemmija fl-Artikolu 2, huma awtorizzati jwettqu trasport kummerċjali ta’ merkanzija permezz ta’ vetturi bil-mutur, minn postijiet li jinsabu barra mit-territorju federali lejn it-territorju federali jew b’passaġġ minn ġot-territorju federali jew minn postijiet li jinsabu fit-territorju federali lejn pajjiż ieħor, l-impriżi li, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Istat li fit-territorju tiegħu huma stabbiliti, jistgħu jittrasportaw merkanzija permezz ta’ vetturi bil-mutur u huma detenturi ta’ waħda mill-awtorizzazzjonijiet li ġejjin:

    1.   liċenzja Komunitarja skont ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 […] dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU 2009, L 300, p. 72)],

    2.   awtorizzazzjoni maħruġa skont ir-[Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri għat-trasport (KEMT), tal‑14 ta’ Ġunju 1973, dwar l-implimentazzjoni ta’ kwota multilaterali għat-trasport internazzjonali bit-triq],

    3.   permess tal-Ministru għat-Trasport, għall-Innovazzjoni u għat-Teknoloġija li jkopri t-trapost b’destinazzjoni lejn, b’passaġġ minn ġo jew li jitlaq mill-Awstrija,

    4.   awtorizzazzjoni maħruġa mill-Ministru għat-Trasport, għall-Innovazzjoni u għat-Teknoloġija skont ftehim internazzjonali. […]”

    21

    L-Artikolu 8 tal-GütbefG, intitolat “Ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet”, jipprovdi:

    “(1)   Il-permess imsemmi fl-Artikolu 7(1)(3) jinħareġ għal trasport ta’ merkanzija wieħed. Dan jinħareġ biss għal interess pubbliku maġġuri. Huwa l-applikant li għandu juri b’mod suffiċjenti li t-trasport ma jistax ikun evitat b’miżuri loġistiċi u lanqas bl-għażla ta’ mezz ieħor ta’ trasport. Il-permess jiġi rrifjutat meta (fid-dawl b’mod partikolari tal-istrutturi ta’ trasport eżistenti fit-territorju federali) it-trasport tal-merkanzija mitlub ma jkunx jirrifletti xi bżonn. Għal dan il-għan għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-ekonomija u tal-moviment tal-Awstrija, il-protezzjoni tal-popolazzjoni u tal-ambjent kif ukoll il-possibbiltà li t-trasport ta’ merkanzija jsir permezz tal-użu ta’ strutturi oħra ta’ trasport. […]

    (3)   Jistgħu jiġu konklużi ftehimiet abbażi ta’ din il-liġi federali li jirrigwardaw it-trasport internazzjonali ta’ merkanzija msemmi fl-Artikolu 7 meta l-volum tat-traffiku internazzjonali ta’ merkanzija jkun jeżiġi dan. Il-ftehimiet jistgħu jippermettu, abbażi tar-reċiproċità, lill-vetturi bil-mutur irreġistrati barra mill-pajjiż iwettqu trasport b’destinazzjoni lejn, b’passaġġ minn ġo jew li jitlaq mill-Awstrija. Jistgħu jiġu ffissati kwoti bejn l-Istati, f’limiti li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-ekonomija u tal-moviment tal-Awstrija, il-protezzjoni tal-popolazzjoni u tal-ambjent. […]

    (4)   Il-kwota miftehma għandha tinqasam permezz ta’ proċedura ssimplifikata. L-awtorità kompetenti tista’ toħroġ attestazzjonijiet li jiċċertifikaw li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim huma ssodisfatti u b’mod partikolari li l-kwota miftehma hija osservata (awtorizzazzjoni ta’ kwota). […]

    (5)   Regolament tal-Ministru Federali għat-Trasport, għall-Innovazzjoni u għat-Teknoloġija għandu jistabbilixxi l-portata tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni ta’ kwota msemmija fil-paragrafu 4, fir-rigward tat-tul tagħha, tal-estent ġeografiku tagħha, u tas-suġġett tagħha, jiddefinixxi l-forma u l-proċedura tagħha u jippreċiża l-kompetenza professjonali u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività kummerċjali tat-trasportatur tal-merkanzija meħtieġa sabiex ikun jista’ jwettaq it-trasport internazzjonali ta’ merkanzija. Kunsiderazzjoni debita għandha tingħata lil dawk li qegħdin japplikaw għal awtorizzazzjoni ta’ kwota għall-ewwel darba b’riferiment għall-partijiet tas-suq tal-imprendituri diġà attivi fit-trasport internazzjonali ta’ merkanzija. […]”

    22

    Skont l-Artikolu 9 ta’ din il-liġi:

    “(1)   It-trasportatur għandu l-obbligu jiżgura li, waqt kull trasport internazzjonali ta’ merkanzija, id-dokumenti li jattestaw li l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 7(1), debitament mimlija u, jekk ikun il-każ, approvati mill-awtorità kompetenti, ikunu jinsabu abbord il-vettura.

    (2)   Is-sewwieq għandu l-obbligu, waqt kull trasport internazzjonali ta’ merkanzija u matul il-perijodu kollu tal-vjaġġ, ikollu abbord id-dokumenti li jattestaw l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 7(1), debitament mimlija u, jekk ikun il-każ, approvati mill-awtorità kompetenti, u jippreżentahom lill-awtoritajiet ta’ kontroll meta dawn jitolbu dan.

    […]”

    23

    L-Artikolu 23 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

    “(1)   […] iwettaq ksur amministrattiv, issanzjonat b’multa li tista’ tasal sa EUR 7267, dak li, bħala imprenditur,

    […]

    3.   iwettaq it-trasport imsemmi fl-Artikoli 7 sa 9 mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa jew ma josservax l-obbligi jew il-projbizzjonijiet ta’ ftehimiet internazzjonali;

    […]”

    24

    L-Artikolu 4 tal-Abkommen zwischen dem Bundesminister für Handel, Gewerbe und Industrie der Republik Österreich und dem Außenminister der türkischen Republik über den internationalen Straßentransport (il-Ftehim Bejn il-Ministru Federali għall-Kummerċ, għall-Artiġġjanat u għall-Industrija tar-Repubblika tal-Awstrija u l-Ministru għall-Affraijiet Barranin tar-Repubblika tat-Turkija dwar it-Trasport Internazzjonali bit-Triq, BGBl. 274/1970), fil-verżjoni tiegħu ppubblikata fil-BGBl. 327/1976 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Awstrija-Turkija dwar it-Trasport bit-Triq”), huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Huwa meħtieġ dokument għall-vetturi bil-mutur, inkluż it-trejlers, irreġistrati f’wieħed miż-żewġ Stati u li jintużaw sabiex jittrasportaw merkanzija bejn dawn l-Istati jew b’passaġġ minn ġo fihom.

    2.   Ebda dokument ma huwa meħtieġ għall-vjaġġi mingħajr merkanzija u għall-vetturi bil-mutur b’tagħbija ta’ inqas minn 2 tunnellati.

    […]”

    25

    L-Artikolu 6 ta’ dan il-ftehim jipprovdi:

    “1.   Id-dokumenti jinħarġu għat-trasportaturi. Dawn jawtorizzaw it-trasport permezz ta’ vetturi bil-mutur inkluż it-trejlers.

    2.   Id-dokument ta’ Stat jawtorizza t-twettiq ta’ trasport b’destinazzjoni lejn jew mill-Istat l-ieħor kif ukoll b’passaġġ minn ġo dan l-Istat.

    3.   Id-dokumenti għandhom ikunu abbord matul il-vjaġġ fit-territorju tal-Istat kopert mid-dokumenti u għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet ta’ kontroll kompetenti ta’ dan l-Istat fuq talba tagħhom.”

    26

    Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi ftehim:

    “1.   Id-dokumenti għandhom jinħarġu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ reġistrazzjoni tal-vettura f’isem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat l-ieħor fil-limiti tal-kwota stabbilita kull sena bil-qbil mill-awtoritajiet kompetenti taż-żewġ Stati sat‑30 ta’ Novembru tas-sena sussegwenti.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti taż-żewġ Stati għandhom jiskambjaw in-numru ta’ formoli neċessarji għat-trasport li jaqa’ taħt dan il-ftehim.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    27

    CX huwa d-diriġent tal-kumpannija FU. li s-sede tagħha tinsab fit-Turkija u li teżerċita attività ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija.

    28

    Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2015, l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Schärding (l-Awstrija) imponiet fuq CX multa, ta’ ammont ta’ EUR 1453, minħabba li FU wettqet trasport kummerċjali ta’ merkanzija mingħajr ma kellha l-permess meħtieġ għal dan il-għan. Dan il-każ kien jirrigwarda trasport ta’ oġġetti ta’ tessuti, imwettaq fit‑2 ta’ April 2015, li telaq mit-Turkija b’destinazzjoni lejn il-Ġermanja b’passaġġ minn ġol-Awstrija

    29

    CX ikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Awstrija ta’ Fuq, l-Awstrija). Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Diċembru 2015, din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors minħabba li CX kien effettivament kiser id-dispożizzjonijiet maqgħuda tal-Artikolu 23(1)(3) u tal-Artikolu 7(1)(4) tal-GütbefG, kif ukoll tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikoli 6 u 7 tal-Ftehim Awstrija-Turkija dwar it-Trasport bit-Triq, peress li s-sewwieq tal-vettura ma setax jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti l-permess meħtieġ sabiex iwettaq tali trasport b’passaġġ minn ġot-territorju Awstrijak.

    30

    CX ippreżenta rikors għal Reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija). CX sostna quddiem din il-qorti li l-kwota tal-awtorizzazzjonijiet maħruġa għat-trasport internazzjonali bit-triq ta’ merkanzija b’destinazzjoni lejn jew b’passaġġ minn ġot-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija għat-trasportaturi Torok ma hijiex biżżejjed, fatt li jobbliga lil dawn it-trasportaturi jużaw ir-“Rollende Landstraße” (“irmunkar fuq ferrovija”), li jippermetti lis-semi-trejlers jinġarru bil-ferrovija, iżda li jinvolvi spejjeż addizzjonali u jtawwal iż-żmien ta’ trasport meta mqabbel mat-trasport bit-triq. Skont CX, din il-kwota annwali tikser is-sistema ta’ assoċjazzjoni eżistenti bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija, b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, sa fejn tirrestrinġi l-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan din l-assoċjazzjoni u tiddiskrimina kontra t-trasportaturi Torok, minħabba n-nazzjonalità tagħhom, kuntrarjament għall-Artikolu 9 tal-Ftehim KEE-Turkija.

    31

    Il-qorti tar-rinviju tindika li, sabiex iwettaq it-trasport ta’ merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, CX kien imissu kiseb permess mill-Ministru għat-Trasport, għall-Innovazzjoni u għat-Teknoloġija skont l-Artikolu 8(1) tal-GütbefG jew awtorizzazzjoni maħruġa skont il-Ftehim Awstrija-Turkija dwar it-Trasport bit-Triq li tistabbilixxi kwota. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li permess għal trasport wieħed ta’ merkanzija jista’ jinħareġ biss, taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 7(1)(3) u tal-Artikolu 8(1) tal-GütbefG, jekk dan it-trasport ikun ta’ interess pubbliku maġġuri. Huwa l-applikant li għandu jistabbilixxi li t-trasport ma jistax jitwettaq permezz ta’ miżuri loġistiċi oħra jew permezz ta’ mezz ieħor ta’ trasport.

    32

    Hija tirrileva li l-kwistjoni mqajma mill-kawża li biha hija adita hija dik dwar jekk tali sistema għandhiex effett diskriminatorju fir-rigward tat-trasportaturi Torok. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’dan il-kuntest, jekk CX jistax jibbaża ruħu fuq il-libertà ta’ moviment tal-merkanzija bejn l-Unjoni u t-Turkija minkejja li FU hija impriża ta’ trasport ta’ merkanzija li ma timmanifatturax hija stess l-imsemmija merkanzija.

    33

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma għandhiex tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-moviment liberu tal-merkanzija, iżda fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport.

    34

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

    “Il-liġi tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-[Ftehim KEE-Turkija], il-[Protokoll Addizzjonali] kif ukoll id-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni […], tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-impriżi ta’ trasport ta’ merkanzija stabbiliti fir-Repubblika tat-Turkija ma jistgħux iwettqu trasport internazzjonali kummerċjali ta’ merkanzija permezz ta’ vetturi bil-mutur b’destinazzjoni lejn jew b’passaġġ minn fuq it-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija ħlief jekk dawn ikollhom dokumenti għall-vetturi bil-mutur li jinħarġu fil-limiti ta’ kwota fissa skont ftehim bilaterali bejn [ir-Repubblika tal-Awstrija] u [r-Repubblika tat-Turkija] jew jekk tinħarġilhom liċenzja għal trasport ta’ merkanzija wieħed bil-kundizzjoni li dan għandu jkollu interess pubbliku maġġuri u li jkun l-applikant li għandu l-oneru li jistabbilixxi b’mod suffiċjenti li t-trasport ma jistax jiġi evitat permezz ta’ miżuri loġistiċi u lanqas bl-għażla ta’ mezz ta’ trasport ieħor?”

    Fuq id-domanda preliminari

    35

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim KEE-Turkija, tal-Protokoll Addizzjonali u tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-impriżi ta’ trasport bit-triq ta’ merkanzija li jkollhom is-sede tagħhom fit-Turkija jistgħu jwettqu dan it-trasport b’destinazzjoni lejn dan l-Istat Membru jew b’passaġġ minn ġot-territorju tiegħu biss jekk huma jkollhom dokumenti maħruġa fil-limiti ta’ kwota fissata għal dan it-tip ta’ trasport skont il-ftehim bilaterali konkluż bejn dan l-Istat Membru u r-Repubblika tat-Turkija jew jekk ikun inħarġilhom permess abbażi ta’ interess pubbliku maġġuri.

    36

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li, fil-kuntest tal-Assoċjazzjoni KEE-Turkija, il-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u t-trasport jikkostitwixxu materji distinti li huma suġġetti għal regoli differenti, li jirriflettu, hekk kif irrilevaw l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu u l-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, liberalizzazzjoni varjabbli tas-swieq ikkonċernati. Fil-fatt, filwaqt li l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Unjoni u t-Turkija hija b’mod partikolari rregolata mid-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, l-oqsma tas-servizzi u tat-trasport jibqgħu, fil-biċċa l-kbira, mhux liberalizzati fl-istat attwali tal-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni KEE-Turkija.

    37

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqax taħt waħda jew oħra minn dawn il-libertajiet, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-suġġett tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2014, DMC, C‑164/12, EU:C:2014:20, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 40).

    38

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-GütbefG tipprevedi sistema ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ trasport ta’ merkanzija fit-territorju nazzjonali. Din is-sistema tista’, għat-trasportaturi Torok, tieħu l-forma ta’ awtorizzazzjoni maħruġa fil-limiti tal-kwota ffissata skont il-Ftehim Awstrija-Turkija dwar it-Trasport bit-Triq jew ta’ permess maħruġ għal trasport wieħed li jkun ta’ interess pubbliku maġġuri. Għaldaqstant, l-imsemmija leġiżlazzjoni timponi restrizzjonijiet għall-aċċess tat-trasportaturi Torok għas-suq tat-trasport internazzjonali bit-triq ta’ merkanzija fit-territorju Awstrijak.

    39

    Għalhekk, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda, skont it-titolu tagħha, it-trasport ta’ merkanzija, din hija effettivament intiża sabiex tiddetermina l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti bil-għan tat-twettiq tal-attività ta’ servizzi ta’ trasport fit-territorju Awstrijak, u dan irrispettivament mill-merkanzija ttrasportata.

    40

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn dik li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Istanbul Lojistik (C‑65/16, EU:C:2017:770). F’din l-aħħar kawża, li kienet tirrigwarda taxxa fuq il-vetturi tqal li kellha titħallas fil-mument tad-dħul tagħhom fit-territorju Ungeriż, kemm għall-vjaġġ lejn id-destinazzjoni kif ukoll għall-vjaġġ ta’ ritorn u li l-ammont tagħha kien jiddependi fuq kriterji marbuta, b’mod partikolari, mal-kwantità ta’ merkanzija li setgħet tiġi ttrasportata kif ukoll mad-destinazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 45 u 46 ta’ dik is-sentenza, qieset li, anki jekk l-imsemmija taxxa fuq il-vetturi tqal ma kinitx tinġabar fuq il-prodotti trasportati bħala tali, din madankollu kienet tolqot il-merkanzija ttrasportata minn vetturi rreġistrati f’pajjiżi terzi, waqt il-qsim tal-fruntiera u kellha, konsegwentement, tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-libertà ta’ moviment tal-merkanzija.

    41

    F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma timponix li titħallas taxxa b’rabta mat-trasport ta’ merkanzija, iżda li tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel għall-aċċess għas-suq tat-trasport fit-territorju Awstrijak, mogħtija fil-limitu ta’ kwota jew abbażi ta’ interess pubbliku maġġuri, u dan irrispettivament mill-kwantità ta’ merkanzija ttrasportata.

    42

    Għal kumpanniji tat-trasport stabbiliti fit-Turkija, bħal dik li CX huwa d-diriġent tagħha, il-provvista tas-servizzi tagħhom ta’ trasport bit-triq fit-territorju Awstrijak tiddependi fuq din l-awtorizzazzjoni. Hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 69 sa 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkundizzjona speċifikament l-aċċess għal suq ta’ servizzi u ma tistax tiġi kklassifikata bl-istess mod bħal-leġiżlazzjoni, ta’ natura fiskali, li kienet inkwistjoni fil-kawża msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza.

    43

    Konsegwentement, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, titqies li taqa’ taħt il-qasam tas-servizzi ta’ trasport u mhux taħt il-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija bejn ir-Repubblika tat-Turkija u l-Unjoni, bħal dawk tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, ma humiex applikabbli għall-kawża prinċipali. Il-fatt, invokat minn CX, li l-ispiża supplimentari marbuta mal-użu eventwali ta’ rotot jew ta’ mezzi ta’ trasport alternattivi jista’ jkollha effett indirett fuq il-moviment tal-merkanzija huwa f’dan ir-rigward irrilevanti. Fil-fatt, il-possibbiltà ta’ dan l-effett indirett tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni ma tinvalidax il-konstatazzjoni li din hija intiża li tissuġġetta l-provvista ta’ servizzi ta’ trasport għal ċertu kundizzjonijiet.

    44

    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fl-assoċjazzjoni bejn ir-Repubblika tat-Turkija u l-Unjoni, teżistix dispożizzjoni fil-qasam tas-servizzi ta’ trasport li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    45

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 15 tal-Ftehim KEE-Turkija u mill-Artikolu 42(1) tal-Protokoll Addizzjonali jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għat-trasport u l-atti adottati b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu estiżi, mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, għar-Repubblika tat-Turkija b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tas-sitwazzjoni ġeografika tagħha. Dan jimplika li r-regoli li għandhom jiġu adottati f’dan il-qasam ma humiex neċessarjament identiċi għal dawk applikabbli taħt it-Trattat FUE u li l-estensjoni għar-Repubblika tat-Turkija tad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat fil-qasam tat-trasport hija biss fakultattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et, C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punti 9697).

    46

    Issa, sa llum, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ma adotta ebda miżura intiża li testendi għar-Repubblika tat-Turkija d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għas-servizzi ta’ trasport, b’mod li, fl-istat attwali tal-iżvilupp tal-assoċjazzjoni bejn dan l-Istat terz u l-Unjoni, ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni speċifika f’dan il-qasam.

    47

    Għalhekk, sakemm il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ma jkunx adotta regoli dwar is-servizzi ta’ trasport, skont l-Artikolu 15 tal-Ftehim KEE-Turkija u l-Artikolu 42(1) tal-Protokoll Addizzjonali, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess tat-trasportaturi Torok għas-suq tat-trasport tal-Unjoni jibqgħu rregolati mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri u mill-ftehimiet bilaterali konklużi bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tat-Turkija. Minn dan jirriżulta li s-servizzi ta’ trasport jistgħu jiġu pprovduti, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, biss fil-limiti tal-kwoti ffissati f’tali ftehimiet bilaterali jew tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1989, Lambregts Transportbedrijf, 4/88, EU:C:1989:320, punt 14).

    48

    Madankollu, l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għandu effett dirett u jista’ għaldaqstant jiġi invokat quddiem il-qrati nazzjonali sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali li jmorru kontrih (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et, C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punti 5859 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Din id-dispożizzjoni tipprevedi klawżola ta’ standstill, li timplika, fir-rigward tal-Istati Membri tal-Unjoni, l-obbligu li jastjenu milli jadottaw kull miżura ġdida li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-istabbiliment ta’ ċittadin Tork jew il-provvista ta’ servizz minnu għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli fil-mument tad-dħul fis-seħħ l-imsemmi protokoll addizzjonali fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et, C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punti 58, 59, 66 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad‑19 ta’ Frar 2009, Soysal u Savatli, C‑228/06, EU:C:2009:101, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑24 ta’ Settembru 2013, Demirkan, C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑10 ta’ Lulju 2014, Dogan, C‑138/13, EU:C:2014:2066, punt 26), jiġifieri, għall-Awstrija, l‑1 ta’ Jannar 1995.

    50

    Hekk kif diġà ppreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-obbligu japplika wkoll fil-qasam tas-servizzi ta’ trasport (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et, C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punti 9293).

    51

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-obbligu ta’ standstill hekk indikat jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi eżaminat jekk din tal-aħħar timplikax restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, fl-affermattiv, jekk din ir-restrizzjoni għandhiex titqies bħala ġdida (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et, C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 110).

    52

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali timplikax restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ provvista ta’ servizzi fit-territorju nazzjonali, minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għall-prinċipju fundamentali stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et, C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    53

    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha preċiżament l-għan li tissuġġetta l-eżerċizzju, minn imprendituri stabbiliti fit-Turkija, ta’ attività ta’ provvista ta’ servizzi fil-qasam tat-trasport fit-territorju Awstrijak għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, fil-forma ta’ awtorizzazzjoni maħruġa fil-limiti tal-kwota ffissata skont il-Ftehim Awstrija-Turkija dwar it-Trasport bit-Triq jew ta’ permess maħruġ għal trasport wieħed li jkun ta’ interess pubbliku maġġuri. Dan jirriżulta f’restrizzjoni tad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti fit-Turkija li jipprovdu liberament servizzi tat-trasport fit-territorju Awstrijak.

    54

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix restrizzjoni ġdida, fatt li l-Gvern Awstrijak jikkontesta, huma l-qrati nazzjonali, li huma l-uniċi li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jinterpretaw id-dritt nazzjonali, li għandhom jiddeterminaw jekk din il-leġiżlazzjoni tippreżentax karattru ġdid, fis-sens li hija għandha bħala konsegwenza li taggrava s-sitwazzjoni tal-intraprendituri Torok meta mqabbla ma’ dik li kienet tirriżulta mir-regoli li kienu applikabbli għalihom fl-Awstrija fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 1995 (ara, b’analoġija,, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et, C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 116). Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 79 u 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li, b’rigward b’mod partikolari tal-fatt li s-sistema ta’ kwoti prevista mill-Ftehim Awstrija-Turkija kienet diġà teżisti fil-mument tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija mal-Unjoni, ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ restrizzjoni ġdida, fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali.

    55

    Fl-aħħar nett, CX isostni, quddiem il-qorti tar-rinviju, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassal għal diskriminazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 9 tal-Ftehim KEE-Turkija li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim, sa fejn ir-restrizzjonijiet relatati mas-sistema ta’ kwota inkwistjoni fil-kawża prinċipali japplikaw biss għat-trasportaturi Torok u mhux għal dawk stabbiliti fl-Unjoni.

    56

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li t-trasportaturi Torok ma humiex speċifikament kkonċernati mis-sistema ta’ kwota hekk stabbilita, peress li l-awtoritajiet Awstrijaċi kkonkludew l-istess tip ta’ ftehimiet li jipprevedu kwoti ma’ Stati terzi oħra. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1072/2009 jipprevedi l-obbligu, fuq it-trasportaturi stabbiliti fl-Unjoni, li jkollhom fil-pussess tagħhom liċenzji Komunitarji sabiex ikunu awtorizzati jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju Awstrijak.

    57

    Għaldaqstant, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-differenza fit-trattament invokata minn CX hija biss il-konsegwenza ta’ differenza fl-oqfsa normattivi applikabbli għat-trasportaturi stabbiliti fl-Unjoni, minn naħa, u għat-trasportaturi stabbiliti fit-Turkija jew fi Stati terzi, min-naħa l-oħra. Filwaqt li dawk tal-ewwel huma suġġetti għar-regoli komuni dwar it-trasport internazzjonali, l-oħrajn huma suġġetti għar-regoli stabbiliti mill-ftehimiet bilaterali nnegozjati b’mod partikolari mill-Istat ta’ stabbiliment tagħhom.

    58

    Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim KEE-Turkija, tal-Protokoll Addizzjonali u tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-impriżi ta’ trasport bit-triq ta’ merkanzija li jkollhom is-sede tagħhom fit-Turkija jistgħu jwettqu dan it-trasport b’destinazzjoni lejn dan l-Istat Membru jew b’passaġġ minn ġot-territorju tiegħu biss jekk huma jkollhom dokumenti maħruġa fil-limiti ta’ kwota ffissata għal dan it-tip ta’ trasport skont il-ftehim bilaterali konkluż bejn dan l-Istat Membru u r-Repubblika tat-Turkija jew jekk ikun inħarġilhom permess abbażi ta’ interess pubbliku maġġuri, sakemm tali leġiżlazzjoni ma tinvolvix restrizzjoni ġdida għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 41(1) ta’ dan il-protokoll addizzjonali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq l-ispejjeż

    59

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat fit‑12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat‑23 ta’ Diċembru 1963, tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit‑23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell, konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad‑19 ta’ Diċembru 1972, u tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija, tat‑22 ta’ Diċembru 1995 dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali tal-Unjoni Doganali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-impriżi ta’ trasport bit-triq ta’ merkanzija li jkollhom is-sede tagħhom fit-Turkija jistgħu jwettqu dan it-trasport b’destinazzjoni lejn dan l-Istat Membru jew b’passaġġ minn ġot-territorju tiegħu biss jekk huma jkollhom dokumenti maħruġa fil-limiti ta’ kwota ffissata għal dan it-tip ta’ trasport skont il-ftehim bilaterali konkluż bejn dan l-Istat Membru u r-Repubblika tat-Turkija jew jekk ikun inħarġilhom permess abbażi ta’ interess pubbliku maġġuri, sakemm tali leġiżlazzjoni ma tinvolvix restrizzjoni ġdida għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 41(1) ta’ dan il-protokoll addizzjonali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top