This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0619
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 6 November 2018.#Sebastian W. Kreuziger v Land Berlin.#Request for a preliminary ruling from the Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg.#Reference for a preliminary ruling — Social policy — Organisation of working time — Directive 2003/88/EC — Article 7 — Right to paid annual leave — National legislation providing for the loss of annual leave not taken and of the payment in lieu thereof, where the worker did not submit a request for leave before the termination of the employment relationship.#Case C-619/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Novembru 2018.
Sebastian W. Kreuziger vs Land Berlin.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Dritt għal-leave annwali mħallas – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-telf ta’ leave annwali mhux meħud u tal-kumpens finanzjarju għal tali leave, meta ma tkunx saret talba għal leave mill-ħaddiem qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg.
Kawża C-619/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Novembru 2018.
Sebastian W. Kreuziger vs Land Berlin.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Dritt għal-leave annwali mħallas – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-telf ta’ leave annwali mhux meħud u tal-kumpens finanzjarju għal tali leave, meta ma tkunx saret talba għal leave mill-ħaddiem qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg.
Kawża C-619/16.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:872
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
6 ta’ Novembru 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Dritt għal-leave annwali mħallas – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-telf ta’ leave annwali mhux meħud u tal-kumpens finanzjarju għal tali leave, meta ma tkunx saret talba għal leave mill-ħaddiem qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg”
Fil-Kawża C‑619/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Berlin-Brandenburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Settembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Novembru 2016, fil-proċedura
Sebastian W. Kreuziger
vs
Land Berlin,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, J.–C. Bonichot, A. Prechal (Relatur), M. Vilaras, T. von Danwitz, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J. Malenovský, E. Levits, L. Bay Larsen u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Jannar 2018,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal S. W. Kreuziger, minnu stess, |
– |
għal-Land Berlin, minn B. Pickel u S. Schwerdtfeger, bħala aġenti, assistiti minn L. von Laffert, Rechtsanwältin, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Di Matteo, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn E. Sebestyén u M. Z. Fehér, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u T. S. Bohr, bħala aġenti, |
– wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Mejju 2018
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Sebastian W. Kreuziger u min kien jimpjegah, il-Land Berlin (il-Land ta’ Berlin, il-Ġermanja), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jħallas lil S. W. Kreuziger kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Skont il-premessi 4 u 5 tad-Direttiva 2003/88:
|
4 |
L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Leave annwali”, huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika. 2. Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.” |
5 |
L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tagħha. Madankollu, ma hija permessa ebda deroga fir-rigward tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva. |
Id-dritt Ġermaniż
6 |
Skont l-Artikolu 9 tal-Verordnung über den Erholungsurlaub der Beamten und Richter (ir-Regoli dwar il-Leave tal-Uffiċjali u l-Imħallfin) tas‑26 ta’ April 1988 (GVB1. 1988, p. 846, iktar ’il quddiem l-“EUrlVO”) : “1. L-uffiċjal għandu jieħu, sa fejn possibbli u għal darba waħda biss, il-leave li huwa intitolat għalih. Fuq it-talba tal-persuna interessata, il-leave għandu jingħata f’taqsimiet. Madankollu, bħala regola ġenerali, għandu jiġi evitat tqassim ta’ iktar minn żewġ perijodi. F’każ ta’ tqassim tal-leave, dan għandu jingħata lill-uffiċjal għal mhux inqas minn ġimagħtejn konsekuttivi. 2. Il-leave għandu normalment jittieħed matul is-sena ta’ referenza. Id-dritt għal-leave li ma jkunx ittieħed fi żmien tnax-il xahar minn tmiem il-perijodu ta’ referenza jintilef. […]” |
7 |
L-EUrlVO ma jinkludix dispożizzjoni li tipprevedi l-għoti ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg. |
8 |
L-Artikolu 7(4) tal-Bundesurlaubsgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Leave) tat‑8 ta’ Jannar 1963 (BGB1. 1963, p. 2), fil-verżjoni tagħha tas‑7 ta’ Mejju 2002 (BGBl. 2002 I, p. 1529) (iktar ’il quddiem il-“BUrlG”), jipprevedi: “Jekk, minħabba t-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, il-leave ma jistax jingħata totalment jew parzjalment, ikun hemm lok li jingħata kumpens.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 |
Bejn it‑13 ta’ Mejju 2008 u t‑28 ta’ Mejju 2010, bħala Rechtsreferendar (stagiaire legali), S. W. Kreuziger wettaq il-perijodu ta’ prova tiegħu bħala preparazzjoni għall-professjonijiet legali mal-Land ta’ Berlin, fil-kuntest ta’ taħriġ li jaqa’ taħt id-dritt pubbliku, imma mhux taħt l-istatus ta’ uffiċjal. Dan it-taħriġ u l-perijodu ta’ prova ma’ dan il-Land intemmu meta, fit‑28 ta’ Mejju 2010, huwa għadda mit-test orali tat-tieni eżami tal-Istat. |
10 |
S. W. Kreuziger ma ħax il-leave annwali mħallas bejn l‑1 ta’ Jannar 2010 u d-data tat-tmiem tat-taħriġ tiegħu. Fit‑18 ta’ Diċembru 2010, huwa talab li jingħata kumpens finanzjarju għal dan il-leave annwali mħallas mhux meħud. Din it-talba ġiet, l-ewwel nett, miċħuda b’deċiżjoni tal-President tal-Kammergericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri, il-Ġermanja) tas‑7 ta’ Jannar 2011, imbagħad, fuq ilment, b’deċiżjoni tal‑4 ta’ Mejju 2011 tal-Gemeinsames Juristisches Prüfungsamt der Länder Berlin und Brandenburg (l-Uffiċċju ta’ Eżami Legali Komuni tal-Länder ta’ Berlin u ta’ Brandenburg, il-Ġermanja), minħabba li l-EUrlVO ma jipprevedix dan id-dritt għal kumpens u li, min-naħa tagħha, id-Direttiva 2003/88 hija applikabbli biss għall-ħaddiema, filwaqt li l-kumpens finanzjarju previst mill-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva jippresupponi, fi kwalunkwe każ, li l-persuna kkonċernata ma setgħetx tieħu l-leave tagħha għal raġunijiet li ma kinux imputabbli lilha. |
11 |
S. W. Kreuziger ippreżenta rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), li ġie miċħud b’sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2013. F’din is-sentenza, l-imsemmija qorti osservat hija wkoll li l-EUrlVO ma jipprevedix dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg. Hija tqis, barra minn hekk, li, għalkemm l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għandu effett dirett, dan l-artikolu ma joħloqx dritt bħal dan favur S. W. Kreuziger, peress li dan id-dritt jippresupponi li l-persuna kkonċernata ma kinitx f’pożizzjoni, għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tagħha, li teżerċita d-dritt tagħha għal-leave annwali qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg. |
12 |
Barra minn hekk, wara li rrilevat li l-Artikolu 9 tal-EUrlVO jobbliga lill-ħaddiem li jieħu l-leave annwali mħallas u qieset li l-imsemmija dispożizzjoni timplika, għalhekk, fir-rigward tal-persuna kkonċernata, li hija obbligata titolbu, il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin) iddeċidiet li tali leġiżlazzjoni nazzjonali, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali, hija konformi mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88. Issa, billi S. W. Kreuziger kien volontarjament astjena milli jressaq din it-talba, meta kien jaf li r-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu kienet ser tintemm fit‑28 ta’ Mejju 2010, id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas kien intilef f’din id-data tal-aħħar. |
13 |
S. W. Kreuziger adixxa lill-qorti tar-rinviju, l-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Berlin-Brandenburg, il-Ġermanja), b’rikors dirett kontra din is-sentenza. Din il-qorti tirrileva, min-naħa tagħha, li l-EUrlVO ma jinkludi l-ebda regola li toħloq dritt għal kumpens finanzjarju għal leave annwali mħallas mhux meħud minn S. W. Kreuziger, b’tali mod li, fl-assenza ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 fid-dritt nazzjonali, dan id-dritt eventwali seta’ jitnissel biss bħala effett dirett tal-imsemmija dispożizzjoni. |
14 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis, l-ewwel nett, li, bħala stagiaire legali, S. W. Kreuziger kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2003/88. |
15 |
Sussegwentement, S. W. Kreuziger kien jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet espressi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva, jiġifieri li, meta talab kumpens finanzjarju, ir-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu kienet intemmet u ma kienx ħa, sad-data tat-tmiem ta’ din ir-relazzjoni, il-leave annwali kollu li għalih huwa kellu dritt. |
16 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tindika, madankollu, li għandha dubji fuq il-punti dwar jekk, b’żieda maż-żewġ kundizzjonijiet espressi, u kif ġie deċiż mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin), id-dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud jistax jiġi eskluż, meta l-ħaddiem ma jkunx talab, qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, li jibbenefika mil-leave tiegħu, għalkemm huwa kellu din il-possibbiltà, u jekk dan id-dritt jippresupponix, b’mod iktar ġenerali, li, għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu, il-ħaddiem ma jkunx f’qagħda li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg. |
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Berlin-Brandenburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Kunsiderazzjonijiet preliminari
18 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali ma fiha l-ebda dispożizzjoni li tipprevedi l-ħlas lil stagiaires legali ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fit-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg. Id-dispożizzjoni tal-BUrlG li tipprevedi tali kumpens ma hijiex applikabbli għalihom. |
19 |
Fid-dawl ta’ dan il-fatt, il-qorti tar-rinviju tippreċiża, barra minn hekk, li t-talba tar-rikorrent fil-kawża prinċipali intiża għall-għoti ta’ tali kumpens tista’ tintlaqa’ biss sakemm il-persuna kkonċernata tista’ titlob tali kumpens direttament abbażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88. |
20 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat meta dan ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta dan jittrasponiha b’mod inkorrett (sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, meta l-individwi huma f’pożizzjoni li jipprevalixxu ruħhom minn direttiva fil-konfront tal-Istat, huma jistgħu jagħmlu dan, tkun xi tkun il-kwalità li fiha dan tal-aħħar jaġixxi, jiġifieri bħala persuna li timpjega jew bħala awtorità pubblika. Fi kwalunkwe każ minnhom, fil-fatt għandu jiġi evitat li l-Istat ikun jista’ jieħu vantaġġ mill-ksur tiegħu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
21 |
Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li dispożizzjonijiet inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva jistgħu jiġu invokati mill-individwi, b’mod partikolari, fil-konfront ta’ Stat Membru u tal-korpi kollha ta’ amministrazzjoni tiegħu, inklużi awtoritajiet deċentralizzati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
22 |
F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxi l-ebda kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għal kumpens finanzjarju ħlief dik relatata mal-fatt, minn naħa, li r-relazzjoni ta’ impjieg tkun intemmet u, min-naħa l-oħra, li l-ħaddiem ma jkunx ħa l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat fid-data meta din ir-relazzjoni ntemmet. Dan id-dritt jingħata direttament mill-imsemmija direttiva u ma jistax jiddependi fuq kundizzjonijiet oħra minbarra dawk li huma espliċitament previsti fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke, C‑118/13, EU:C:2014:1755, punti 23 u 28, kif ukoll tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek, C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 27). L-imsemmija dispożizzjoni għalhekk tissodisfa l-kriterji ta’ inkundizzjonalità u ta’ preċiżjoni suffiċjenti u b’hekk tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex din ikollha effett dirett. |
23 |
Minn dan isegwi, f’dan il-każ, li l-fatt li d-dritt nazzjonali applikabbli ma jipprevedix il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg ta’ stagiaires legali ma jistax, waħdu, jipprekludi li S. W. Kreuziger jikseb, direttament abbażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, tali kumpens mingħand dak li kien jimpjegah, jiġifieri l-Land ta’ Berlin, li huwa awtorità pubblika. Sakemm ikun stabbilit li S. W. Kreuziger jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar, il-qrati nazzjonali ser ikunu obbligati li ma japplikawx kull leġiżlazzjoni jew prattiki nazzjonali li jipprekludu l-kisba ta’ tali kumpens. |
Fuq l-ewwel domanda
24 |
Fir-rigward tal-ewwel domanda, għandu jiġi osservat qabelxejn li, għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tidentifikax, fl-imsemmija domanda, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li qiegħda tiġi ttrattata f’dan il-każ, jista’ jiġi dedott mill-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju li huwa l-Artikolu 9 tal-EUrlVO. |
25 |
Fil-fatt, għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tiħux pożizzjoni dwar il-portata tal-Artikolu 9 tal-EUrlVO fil-kuntest tal-kawża prinċipali, hija tindika, kif jirriżulta mill-punt 12 ta’ din is-sentenza, li, fis-sentenza li hemm quddiemha, il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin), min-naħa tagħha, ikkunsidrat li din id-dispożizzjoni timponi obbligu fuq il-ħaddiem li jieħu l-leave annwali mħallas. Skont din l-aħħar qorti, jekk dan l-obbligu ma jiġix issodisfatt, li tikkunsidra li huwa konformi mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ S. W. Kreuziger jintilef fid-data tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg. |
26 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, kif jirriżulta mill-punt 16 ta’ din is-sentenza, hija qiegħda tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-interpretazzjoni adottata mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin) mad-Direttiva 2003/88. |
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-ewwel domanda tinftiehem bħala intiża sabiex tingħata risposta dwar jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 9 tal-EUrlVO, sa fejn din timplika li, jekk il-ħaddiem ma jkunx talab li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, il-persuna kkonċernata awtomatikament titlef il-ġranet ta’ leave annwali mħallas li għalihom kienet intitolata bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni fil-mument ta’ dan it-tmiem, kif ukoll, korrelattivament, id-dritt tagħha għal kumpens finanzjarju għal dan il-leave annwali mħallas mhux meħud. |
28 |
F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ kull ħaddiem għandu jitqies li huwa prinċipju ta’ dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari, li minnu ma tistax issir deroga u li l-implimentazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tista’ ssir biss fil-limiti espressament stipulati fid-Direttiva 2003/88 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke, C‑118/13, EU:C:2014:1755, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Barra minn hekk, id-dritt għal-leave annwali mħallas għandu, fil-kwalità tiegħu ta’ prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni, mhux biss importanza partikolari, iżda huwa wkoll espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għandha, skont l-Artikolu 6(1) TUE, l-istess saħħa legali bħat-Trattati (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn, C‑178/15, EU:C:2016:502, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
Peress li l-kawża prinċipali tittratta rifjut ta’ ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fid-data tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg li kienet teżisti bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, meta r-relazzjoni ta’ impjieg intemmet, it-teħid effettiv tal-leave annwali mħallas li għalih il-ħaddiem kellu dritt ma għadux possibbli. Sabiex jiġi evitat li, minħabba din l-impossibbiltà, kull tgawdija mill-ħaddiem ta’ dan id-dritt, anki fil-forma ta’ flus, tkun eskluża, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li l-ħaddiem għandu dritt għal kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave annwali mhux meħud (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke, C‑118/13, EU:C:2014:1755, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Kif tfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jistabbilixxi l-ebda kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għal kumpens finanzjarju ħlief dik relatata mal-fatt, minn naħa, li r-relazzjoni ta’ impjieg intemmet u, min-naħa l-oħra, li l-ħaddiem ma jkunx ħa l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat fid-data meta din ir-relazzjoni ntemmet. |
32 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li, meta tintemm ir-relazzjoni ta’ impjieg, l-ebda kumpens finanzjarju għal leave annwali mħallas mhux meħud ma jitħallas lill-ħaddiem li ma setax jieħu l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat qabel it-tmiem ta’ din ir-relazzjoni ta’ impjieg, b’mod partikolari minħabba li kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu jew parti minnu u/jew il-perijodu ta’ rrimandar kollu jew parti minnu (sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 62; tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek, C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 31, kif ukoll tad‑29 ta’ Novembru 2017, King, C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 65). |
33 |
Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal-leave annwali mħallas u, għaldaqstant, dak għal kumpens finanzjarju skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, jistgħu jintilfu minħabba l-mewt tal-ħaddiem. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari enfasizzat li, jekk l-obbligu ta’ ħlas ta’ tali kumpens kellu jispiċċa minħabba t-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg minħabba l-mewt tal-ħaddiem, din iċ-ċirkustanza jkollha l-konsegwenza li okkorrenza aċċidentali twassal retroattivament għat-telf totali tad-dritt għal-leave annwali mħallas stess, kif stabbilit fl-imsemmi Artikolu 7 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke, C‑118/13, EU:C:2014:1755, punti 25, 26 u 30). |
34 |
Fir-rigward tal-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju u kif ġie espost fil-punti 25 sa 27 ta’ din is-sentenza, ir-rifjut ta’ min kien jimpjega lil S. W. Kreuziger li jħallsu kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg huwa bbażat, b’mod partikolari, fuq leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ l-Artikolu 9 tal-EUrlVO, li skontha d-dritt għall-imsemmi leave ntilef mhux bħala konsegwenza tat-tmiem tal-imsemmija relazzjoni ta’ impjieg bħala tali, iżda minħabba l-fatt li S. W. Kreuziger ma talabx li jieħu dan il-leave matul l-imsemmija relazzjoni. |
35 |
Għalhekk, id-domanda magħmula hija essenzjalment dwar jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, S. W. Kreuziger kienx intitolat, fid-data li fiha r-relazzjoni ta’ impjieg inkwistjoni fil-kawża prinċipali ntemmet, li l-leave annwali mħallas isirlu kumpens finanzjarju minħabba t-tmiem ta’ din ir-relazzjoni. |
36 |
L-imsemmija domanda għalhekk tirrigwarda, l-ewwel nett, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix li d-dritt li din tiżgura jista’, f’każ ta’ leave annwali mhux meħud, jintilef awtomatikament minħabba li l-ħaddiem ma talabx li jeżerċita dan id-dritt matul ir-relazzjoni ta’ impjieg. |
37 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ma jistax jiġi dedott mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 30 sa 33 ta’ din is-sentenza li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li, irrispettivament miċ-ċirkustanzi li kkawżaw l-assenza tal-ħaddiem li jieħu l-leave annwali mħallas, id-dritt għal-leave annwali msemmi fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, u, f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, id-dritt għall-kumpens li jista’ jissostitwixxih, konformement mal-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, għandhom xorta jkomplu jibbenefikaw lill-imsemmi ħaddiem. |
38 |
It-tieni nett, għalkemm, ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt fundamentali tal-ħaddiem għal-leave annwali mħallas stabbilit mid-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma jistax jingħata interpretazzjoni restrittiva b’detriment għad-drittijiet li l-ħaddiem jikseb minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke, C‑118/13, EU:C:2014:1755, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata), madankollu, huwa importanti wkoll li jitfakkar li l-ħlas tal-leave previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huwa intiż sabiex jippermetti lill-ħaddiem jieħu effettivament il-leave li għalih huwa għandu dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et, C‑131/04 u C‑257/04, EU:C:2006:177, punt 49). |
39 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal-leave annwali, stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, għandu, minn naħa, l-għan li jippermetti lill-ħaddiem jistrieħ mit-twettiq tal-kompiti li huwa għandu obbligu jwettaq skont il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għan li dan igawdi perijodu ta’ rilassament u ta’ rikreazzjoni (sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek, C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Barra minn hekk, billi jipprevedi li l-perijodu minimu ta’ leave annwali mħallas ma jistax jiġi ssostitwit b’kumpens finanzjarju, ħlief f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiżgura li l-ħaddiem ikun jista’ jibbenefika minn mistrieħ effettiv, bl-intenzjoni ta’ protezzjoni effikaċi tas-sigurtà tiegħu u tas-saħħa tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et, C‑131/04 u C‑257/04, EU:C:2006:177, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
It-tielet nett, kif jirriżulta mill-istess kliem tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu, fil-leġiżlazzjoni interna tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u ta’ implimentazzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas, billi jippreċiżaw iċ-ċirkustanzi konkreti li fihom il-ħaddiema jistgħu jagħmlu użu mill-imsemmi dritt (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, b’mod partikolari, li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali mħallas espressament mogħti minn din id-direttiva, li tinkludi wkoll it-telf tal-imsemmi dritt fl-aħħar ta’ perijodu ta’ referenza jew ta’ perijodu ta’ rrimandar, sakemm, madankollu, il-ħaddiem li tilef id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas kellu effettivament il-possibbiltà li jeżerċita d-dritt mogħti lilu mill-imsemmija direttiva (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 43). |
43 |
Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 9 tal-EUrlVO taqa’ fil-qasam tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali mħallas fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt preċedenti. |
44 |
Leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip tagħmel parti mir-regoli u mill-proċeduri tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-iffissar tal-leave tal-ħaddiema, filwaqt li jitqiesu l-interessi differenti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Vicente Pereda, C‑277/08, EU:C:2009:542, punt 22). |
45 |
Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, huwa importanti li jiġi żgurat li l-applikazzjoni ta’ tali regoli nazzjonali ma tkunx tista’ ġġib magħha t-telf tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas miksuba mill-ħaddiem, minkejja li dan ma kellux effettivament il-possibbiltà li jeżerċita dawn id-drittijiet. |
46 |
F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 9 tal-EUrlVO jidher li ġie interpretat mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin) fis-sens li l-fatt li l-ħaddiem ma talabx sabiex jibbenifika mil-leave annwali mħallas tiegħu qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg għandu l-konsegwenza awtomatika li, ma’ dan it-tmiem, dan il-ħaddiem jitlef id-drittijiet tiegħu għall-imsemmi leave u, korrelattivament, id-dritt tiegħu għal kumpens finanzjarju abbażi ta’ dan il-leave mhux meħud. |
47 |
Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali telf awtomatiku tad-dritt għal-leave annwali mħallas, li ma huwiex suġġett għal verifika minn qabel li l-ħaddiem kien effettivament imqiegħed f’pożizzjoni li jeżerċita dan id-dritt, jinjora l-limiti, imfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, imposti b’mod imperattiv fuq l-Istati Membri meta huma jippreċiżaw il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-imsemmi dritt. |
48 |
Fil-fatt, il-ħaddiem għandu jiġi kkunsidrat bħala l-parti dgħajfa fir-relazzjoni ta’ impjieg, b’tali mod li huwa neċessarju li tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-persuna li timpjega tgawdi mill-fakultà li timponi fuqu restrizzjoni tad-drittijiet tiegħu. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni ta’ dgħufija, tali ħaddiem jista’ jiġi skoraġġut milli jinvoka espliċitament id-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-persuna li timpjegah, b’mod partikolari meta t-talba għal dawn tista’ tesponih għal miżuri meħuda minn dan tal-aħħar ta’ natura li jaffettwaw ir-relazzjoni ta’ impjieg għad-detriment ta’ dan il-ħaddiem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punti 80 u 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Barra minn hekk, l-inċentivi li dak li jkun jirrinunzja għal-leave ta’ mistrieħ jew li jagħmlu b’mod li l-ħaddiema jirrinunzjaw għalihom huma inkompatibbli mal-għanijiet tad-dritt għal-leave annwali mħallas, kif imfakkra fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza u huma relatati, b’mod partikolari, man-neċessità li jkun żgurat li l-ħaddiem jibbenefika minn mistrieħ effettiv, bl-intenzjoni ta’ protezzjoni effikaċi tas-sigurtà tiegħu u tas-saħħa tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ April 2006, Federatie Nederlandse Vakbeweging, C‑124/05, EU:C:2006:244, punt 32). Għalhekk, kull prattika jew ommissjoni, min-naħa tal-persuna li timpjega, li jkollha l-effett potenzjali li tiskoraġġixxi t-teħid tal-leave annwali minn ħaddiem, hija wkoll inkompatibbli mal-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, King, C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa importanti li tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-oneru li jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal-leave annwali mħallas jintefa’ kompletament fuq il-ħaddiem, filwaqt li l-persuna li timpjega tkun, għalhekk, offruta l-possibbiltà li teżonera ruħha mill-obbligi tagħha stess, bil-pretest li talba għal-leave annwali mħallas ma tkunx ġiet imressqa mill-ħaddiem. |
51 |
Għalkemm għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-osservanza tal-obbligu, fir-rigward tal-persuna li timpjega, li jirriżulta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma tistax tiġi interpretata bħala li ġġiegħel lil din tal-aħħar li timponi fuq il-ħaddiema tagħha li jeżerċitaw effettivament id-dritt tagħhom għal-leave annwali mħallas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑484/04, EU:C:2006:526, punt 43), xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija persuna li timpjega għandha, min-naħa l-oħra, tiżgura li l-ħaddiem ikun f’pożizzjoni li jeżerċita tali dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, King, C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 63). |
52 |
Għal dan l-għan, u kif l-Avukat Ġenerali rrileva wkoll fil-punti 43 sa 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-persuna li timpjega hija obbligata, partikolarment fid-dawl tan-natura imperattiva tad-dritt għal-leave annwali mħallas u sabiex jiġi żgurat l-effett utli tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li tiżgura b’mod konkret u trasparenti li l-ħaddiem ikun effettivament imqiegħed f’pożizzjoni li jieħu l-leave annwali mħallas tiegħu, billi tinċentivah, formalment, fejn meħtieġ, li jagħmel dan, filwaqt li tinformah, b’mod preċiż u fi żmien xieraq, sabiex tiżgura li l-imsemmi leave jkun għadu jista’ jiżgura l-mistrieħ u r-rilassament li dan huwa mistenni li jikkontribwixxi lill-persuna kkonċernata, li, jekk dan ma jiħdux, dan il-leave jintilef fi tmiem il-perijodu ta’ referenza jew il-perijodu ta’ rrimandar awtorizzat, jew inkella fi tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg meta dan iseħħ matul perijodu bħal dan. |
53 |
Barra minn hekk, l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward jaqa’ fuq il-persuna li timpjega (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et, C‑131/04 u C‑257/04, EU:C:2006:177, punt 68). Jekk din ma tkunx tista’ turi li tat prova ta’ kull diliġenza meħtieġa li l-ħaddiem ikun effettivament f’pożizzjoni li jieħu l-leave annwali mħallas li għalih huwa kellu dritt, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-telf tad-dritt għall-imsemmi leave, u, f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, l-assenza korrelattiva ta’ ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal leave annwali mhux meħud, jiksru, rispettivament, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88. |
54 |
Min-naħa l-oħra, jekk l-imsemmija persuna li timpjega tkun tista’ tipproduċi l-prova tagħha f’dan ir-rigward, b’tali mod li jidher li huwa deliberatament u b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti u tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom li l-ħaddiem naqas milli jieħu l-leave annwali mħallas tiegħu wara li kien f’pożizzjoni li jeżerċita effettivament id-dritt tiegħu għal dan, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jipprekludux it-telf ta’ dan id-dritt jew, f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, l-assenza korrelattiva ta’ kumpens finanzjarju għal leave annwali mħallas mhux meħud. |
55 |
Fil-fatt, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 u 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, kull interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 li hija ta’ natura li tinkoraġġixxi lill-ħaddiem li deliberatament ma jiħux il-leave annwali mħallas tiegħu matul il-perijodi ta’ referenza jew ta’ rrimandar awtorizzat applikabbli, sabiex jawmenta r-remunerazzjoni tiegħu fit-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, hija, kif jirriżulta mill-punt 49 ta’ din is-sentenza, inkompatibbli mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu bl-introduzzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas. |
56 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din timplika li, jekk il-ħaddiem ma jkunx talab li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, il-persuna kkonċernata, awtomatikament u mingħajr verifika minn qabel dwar jekk din kinitx effettivament imqiegħda f’din il-pożizzjoni minn min impjegaha, b’mod partikolari b’informazzjoni adegwata min-naħa ta’ dan tal-aħħar, titlef id-dritt tagħha għal-leave qabel l-imsemmi tmiem, il-ġranet ta’ leave annwali mħallas li għalihom kienet intitolata bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni fil-mument ta’ dan it-tmiem, kif ukoll, korrelattivament, id-dritt tagħha għal kumpens finanzjarju għal dan il-leave annwali mħallas mhux meħud. |
Fuq it-tieni domanda
57 |
Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
58 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din timplika li, jekk il-ħaddiem ma jkunx talab li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, il-persuna kkonċernata, awtomatikament u mingħajr verifika minn qabel dwar jekk din kinitx effettivament imqiegħda f’din il-pożizzjoni minn min impjegaha, b’mod partikolari b’informazzjoni adegwata min-naħa ta’ dan tal-aħħar, titlef id-dritt tagħha għal-leave qabel l-imsemmi tmiem, il-ġranet ta’ leave annwali mħallas li għalihom kienet intitolata bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni fil-mument ta’ dan it-tmiem, kif ukoll, korrelattivament, id-dritt tagħha għal kumpens finanzjarju għal dan il-leave annwali mħallas mhux meħud. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.