Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0594

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-13 ta’ Settembru 2018.
    Enzo Buccioni vs Banca d'Italia.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2013/36/UE – Artikolu 53(1) – Obbligu ta’ sigriet professjonali tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Istituzzjoni ta’ kreditu li l-istralċ obbligatorju tagħha ġie ordnat – Żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili jew kummerċjali.
    Kawża C-594/16.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:717

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    13 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2013/36/UE – Artikolu 53(1) – Obbligu ta’ sigriet professjonali tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Istituzzjoni ta’ kreditu li l-istralċ obbligatorju tagħha ġie ordnat – Żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili jew kummerċjali”

    Fil-Kawża C‑594/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Settembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Novembru 2016, fil-proċedura

    Enzo Buccioni

    vs

    Banca d’Italia

    fil-preżenza ta’:

    Banca Network Investimenti SpA, fi stralċ,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Marzu 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal E. Buccioni, minn N. Paoletti, A. Mari u G. Paoletti, avvocati,

    għall-Banca d’Italia, minn S. Ceci, M. Marcucci, u N. de Giorgi, avvocati,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u L. Barroso, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Di Bucci, J. Baquero Cruz, K.-Ph Wojcik u A. Steiblytė, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2018,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Enzo Buccioni u l-Banca d’Italia (iktar ’il quddiem il-“BdI”), dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tirrifjutalu l-aċċess għal ċerti dokumenti dwar Banca Network Investimenti SpA (iktar ’il quddiem il-“BNI”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 2, 5, 6 u 15 tad-Direttiva 2013/36 jistabbilixxu:

    “(2)

    […] L-għan prinċipali u s-suġġett ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu kkoordinati d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment, il-modalitajiet għall-governanza tagħhom, u l-qafas superviżorju tagħhom. […]

    […]

    (5)

    Din id-Direttiva għandha tikkostitwixxi l-istrument essenzjali għall-kisba tas-suq intern mill-aspett kemm tal-libertà tal-istabiliment kif ukoll tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi finanzjarji fil-qasam tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

    (6)

    L-operazzjoni bla intoppi tas-suq intern teħtieġ mhux biss regoli legali iżda wkoll kooperazzjoni mill-qrib u regolari u konverġenza konsiderevolment imsaħħa ta’ prattiki regolatorji u superviżorji bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

    […]

    (15)

    Huwa xieraq li ssir l-armonizzazzjoni li tkun neċessarja u suffiċjenti biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku ta’ awtorizzazzjoni u ta’ sistemi ta’ superviżjoni prudenzjali, biex b’hekk ikun possibbli l-għoti ta’ liċenzja unika rikonoxxuta fl-Unjoni kollha u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ superviżjoni prudenzjali mill-Istat Membru domiċiljari.”

    4

    Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “In-nomina u s-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti”:

    “[…]

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw l-attivitajiet ta’ istituzzjonijiet […] sabiex jivvalutaw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u tar-Regolament (UE) [Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1)]

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti miżuri adatti biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni meħtieġa sabiex jivvalutaw il-konformità tal-istituzzjonijiet […] mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 u biex jinvestigaw ksur possibbli ta’ dawk ir-rekwiżiti.

    […]

    5.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-istituzzjonijiet jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri domiċiljari tagħhom bl-informazzjoni kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tal-konformità tagħhom mar-regoli adottati skont din id-Direttiva u r-Regolament (UE) Nru 575/2013. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-mekkaniżmi ta’ kontroll intern u l-proċeduri amministrattivi u kontabbilistiċi tal-istituzzjonijiet jippermettu l-verifika tal-konformità tagħhom ma’ tali regoli f’kull waqt.

    […]”

    5

    L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kooperazzjoni mas-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji”, jipprevedi:

    “Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw il-konverġenza fir-rigward tal-għodod superviżorji u l-prattiki superviżorji fl-applikazzjoni tal-liġi, ir-regolamenti u r-rekwiżiti amministrattivi adottati skont din id-Direttiva u r-Regolament [Nru 575/2013]. B’mod partikulari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

    a)

    l-awtoritajiet kompetenti, bħala partijiet għas-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF), jikkooperaw b’fiduċja u rispett reċiproku sħiħ, b’mod partikolari huma u jiżguraw iċ-ċirkolazzjoni ta’ informazzjoni adatta u affidabbli bejniethom u partijiet oħrajn għas-SESF, f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni stipulata fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

    […]”

    6

    L-Artikolu 50 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kollaborazzjoni rigward is-superviżjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkolloboraw mill-qrib sabiex issir is-superviżjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw, partikolarment permezz ta’ fergħa, fi Stat Membru wieħed jew aktar apparti minn dak li fih is-sede prinċipali tagħhom tkun tinstab. Huma għandhom jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni kollha li tikkonċerna l-ġestjoni u s-sjieda ta’ tali istituzzjonijiet ta’ kreditu li x’aktarx tiffaċilita s-superviżjoni tagħhom u l-eżaminar tal-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tagħhom, u l-informazzjoni kollha li x’aktarx tiffaċilita l-monitoraġġ ta’ istituzzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-likwidità, is-solvenza, il-garanziji ta’ depożitu, il-limitazzjoni ta’ skoperturi kbar, fatturi oħra li jistgħu jinfluwenzaw ir-riskju sistemiku kkawżat mill-istituzzjoni, il-proċeduri amministrattivi u kontabbilistiċi u l-mekkaniżmi ta’ kontroll intern.”

    7

    L-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/36, intitolat “Il-ħtiġiet tax-xogħol”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-persuni kollha li jaħdmu jew li jkunu ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti, u l-awdituri jew l-esperti li jaġixxu f’isem l-awtoritajiet kompetenti, għandhom jintrabtu bl-obbligu tas-segretezza professjonali.

    Informazzjoni kunfidenzjali li tali persuni, awdituri jew esperti jirċievu matul it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom tista’ tiġi żvelata biss f’forma sommarja jew aggregata, hekk li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali ma jistgħux ikunu identifikati, bla preġudizzju għall-każijiet koperti bid-dritt kriminali.

    Madankollu, meta istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet iddikjarata falluta jew tkun qiegħda tiġi stralċata b’mod obbligatorju, informazzjoni kunfidenzjali li ma tikkonċernax terzi involuti f’tentattivi biex isalvaw lil dik l-istituzzjoni ta’ kreditu tista’ tiġi żvelata fi proċeduri ċivili jew kummerċjali.”

    8

    L-Artikolu 54 ta’ din id-direttiva jirrigwarda l-“Użu ta’ informazzjoni kunfidenzjali”.

    9

    L-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), jikkonċerna proċedura regolari għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fil-qasam tas-sorveljanza, filwaqt li l-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament jirrigwarda l-obbligu ta’ sigriet professjonali li għandhom il-membri tal-Bord Superviżorju, persunal tal-BĊE u persunal issekondat mill-Istati Membri parteċipanti li jwettqu dmirijiet superviżorji, u dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet u l-korpi nazzjonali jew tal-Unjoni.

    Id-dritt Taljan

    10

    L-Artikolu 22 tal-legge n. 241 — recante nuove norme in materia di procedimento amministrativo e di diritto di accesso ai documenti amministrativi (il-Liġi Nru 241, li tirrigwarda dispożizzjonijiet ġodda dwar il-proċedura amministrattiva u d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti amministrattivi), tas‑7 ta’ Awwissu 1990, kif emendata, intitolat “Definizzjonijiet u prinċipji dwar aċċess”, jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

    “2.   Fid-dawl tal-għanijiet importanti tiegħu ta’ interess pubbliku, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali, li fuqu huma bbażati l-attivitajiet tal-awtoritajiet amministrattivi, sabiex tiġi promossa l-parteċipazzjoni u jiżgura li tali attivitajiet huma imparzjali u trasparenti.

    3.   Għandu jingħata aċċess għad-dokumenti amministrattivi kollha, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fl-Artikolu 24(1), (2), (3), (5) u (6).”

    11

    L-Artikolu 24 ta’ din il-liġi, kif emendata, intitolat “Esklużjoni tad-dritt ta’ aċċess”, jipprevedi:

    “1.   Id-dritt ta’ aċċess ma għandux jingħata:

    a)

    fir-rigward ta’ dokumenti koperti mis-sigrieti tal-Istat fis-sens tal-Liġi Nru 801 tal-24 ta’ Ottubru 1977, kif sussegwentement emendata, u fir-rigward ta’ sigrieti, jew projbizzjonijiet dwar żvelar espressament previsti mil-liġi, mir-regolament tal-gvern imsemmi fil-paragrafu 6, u mill-awtoritajiet pubbliċi, kif previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu;

    […]

    3.   Ma għandhomx ikunu ammissibbli t-talbiet għal aċċess li jirrigwardaw kontroll ġenerali tal-attività tal-amministrazzjoni pubblika.

    […]

    7.   Madankollu, l-applikant għandu jingħata aċċess għad-dokumenti amministrattivi fejn it-tagħrif ta’ dawn id-dokumenti huwa meħtieġ sabiex jissalvagwardjaw jew jiddefendu l-interess ġuridiku tiegħu. […]”

    12

    L-Artikolu 7 tad-decreto legislativo n. 385 — recante il testo unico delle leggi in materia bancaria e creditizia (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 385, li jirrigwarda t-test waħdieni tal-liġijiet fil-qasam bankarju u ta’ kreditu), tal-1 ta’ Settembru 1993, kif emendat, intitolat “Sigriet professjonali u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-informazzjoni u d-data kollha fil-pussess tal-[BdI], minħabba l-attivitajiet ta’ sorveljanza, għandhom ikunu koperti mis-sigriet uffiċjali, inkluż fil-konfront tal-awtoritajiet pubbliċi, bl-eċċezzjoni tal-Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi, li jippresjedi ċ-CICR [Comitato interministeriale per il credito e il risparmio (il-Kumitat Interministerjali għall-Kreditu u t-Tfaddil)]. L-iżvelar ma jistax ikun miċħud lill-awtoritajiet ġudizzjarji fuq bażi ta’ sigriet fejn l-informazzjoni mitluba hija meħtieġa għall-investigazzjonijiet preliminari jew għall-proċeduri relatati ma’ ksur li għalih jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet kriminali.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    13

    Kif jirriżulta mill-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, E. Buccioni mill-2004 huwa d-detentur ta’ kont kurrenti miftuħ ma’ istituzzjoni ta’ kreditu, il-BNI. Il-bilanċ ta’ dan il-kont kien jammonta għal EUR 181325,31 sal-5 ta’ Awwissu 2012. Il-qorti tar-rinviju tesponi li peress li dan l-istabbiliment huwa suġġett għal proċedura ta’ stralċ obbligatorju, EUR 100000 biss ġew irrimborsati lil dan id-depożitant mill-Fondo interbancario di tutela dei depositi (il-Fond Interbankarju ta’ Protezzjoni tad-Depożiti).

    14

    E. Buccioni jqis li hemm fatti li jistgħu jinvolvu r-responsabbiltà kemm tal-BdI kif ukoll ta’ BNI għat-telf finanzjarju sostnut. Sabiex jikseb informazzjoni addizzjonali sabiex tiġi evalwata l-ħtieġa ta’ azzjoni legali, E. Buccioni talab lill-BdI, fit-3 ta’ April 2015, l-iżvelar ta’ diversi dokumenti relatati mas-sorveljanza ta’ BNI.

    15

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-20 ta’ Mejju 2015, il-BdI ċaħdet parzjalment din it-talba, għar-raġunijiet, b’mod partikolari, li ċerti dokumenti li l-iżvelar tagħhom intalab kienu jinkludu informazzjoni kunfidenzjali koperti mill-obbligu tas-sigriet professjonali li kellha, li l-imsemmija talba ma kinitx preċiża biżżejjed jew li hija kienet tikkonċerna dokumenti li ma għandhom l-ebda interess għall-applikant.

    16

    E. Buccioni ippreżenta quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2015, il-qorti adita ċaħdet ir-rikors.

    17

    E. Buccioni ippreżenta appella minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja). F’dan ir-rigward, huwa jsostni, b’mod partikolari, li l-qorti tal-ewwel istanza kisret l-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36, sa fejn BNI li tqiegħdet fi stralċ obbligatorju, l-obbligu ta’ sigriet professjonali li kellha BdI ma kienx iktar applikabbli. Min-naħa l-oħra, il-BdI ssostni li, konformement mal-imsemmija dispożizzjoni, l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għal proċedura ta’ stralċ obbligatorju jippreżupponi li l-applikant ikun ressaq minn qabel proċedura ċivili jew kummerċjali.

    18

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-prinċipju ta’ trasparenza, stabbilit b’mod ċar fl-Artikolu 15 tal-verżjoni kkonsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fl-għan ġenerali vinkolanti tiegħu, interpretat fis-sens li dan il-prinċipju jista’ jiġi rregolat mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew ekwivalenti msemmija fil-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni, li l-kontenut tiegħu jista’ jkun il-manifestazzjoni ta’ setgħa diskrezzjonali eċċessivament wiesgħa u nieqsa minn bażi legali kkostitwita minn sors superjuri tad-dritt Ewropew fir-rigward tal-istabbiliment minn qabel ta’ prinċipji minimi li ma huma suġġetti għal ebda deroga, jipprekludi tali interpretazzjoni limitattiva simili fil-qasam tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam ta’ funzjonijiet ta’ sorveljanza tal-istabbilimenti ta’ kreditu, li tasal biex iċċaħħad lill-imsemmi prinċipju ta’ trasparenza mill-essenza tiegħu anki f’każijiet fejn l-interess għall-aċċess huwa marbut ma’ interessi essenzjali tal-applikant li jiffurmaw parti b’mod ċar mill-eċċezzjonijiet għal-limitazzjonijiet ammessi f’dan is-settur?

    2)

    B’konsegwenza ta’ dan, l-Artikolu 22(2) kif ukoll l-Artikolu 27(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, tal-15 ta’ Ottubru 2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, għandhom jiġu interpretati mhux bħala każijiet mhux eċċezzjonali ta’ deroga min-natura mhux aċċessibbli tad-dokumenti, iżda pjuttost bħala dispożizzjonijiet li għandhom jiġu interpretati għall-finijiet iktar wiesgħa tal-Artikolu 15 tal-verżjoni kkonsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, bħala tali, jidħlu taħt prinċipju normattiv ġenerali tal-liġi tal-Unjoni li jgħid li l-aċċess ma jistax ikun ristrett, fit-tmiem ta’ bbilanċjar raġonevoli u proporzjonat tar-rekwiżiti tas-settur tal-kreditu mal-interessi fundamentali tal-persuna li tfaddal li tintlaqat minn sitwazzjoni ta’ tqassim tal-oneru [(burden sharing)], fir-rigward taċ-ċirkustanzi rilevanti kkonstatati minn awtorità ta’ sorveljanza li għandha karatteristiċi organizzazzjonali u kompetenzi settorjali analogi għal dawk tal-[BĊE]?

    3)

    Konsegwentement, fir-rigward tal-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (Test b’relevanza għaż-ŻEE) u tad-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali konformi ma’ din id-dispożizzjoni, l-imsemmi Artikolu 53 għandu jiġi kkonċiljat mal-korp kollu fformat mid-dispożizzjonijiet u prinċipji l-oħra [tad-dritt Ewropew] stabbiliti [fl-ewwel domanda], fis-sens li l-aċċess jista’ jingħata, fil-każ ta’ talba mressqa wara s-sottomissjoni tal-istabbiliment bankarju għall-proċedura ta’ likwidazzjoni [stralċ] amministrattiva forzata, mhux biss meta l-applikant ma jressaqx it-talba tiegħu esklużivament fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili jew kummerċjali effettivament imressqa bil-għan tal-protezzjoni ta’ interessi patrimonjali leżi wara s-sottomissjoni tal-istabbiliment bankarju għall-proċedura ta’ likwidazzjoni amministrattiva forzata, iżda wkoll meta l-applikant imsemmi, preċiżament sabiex tiġi vverifikata l-possibbiltà li jitressqu tali proċeduri ċivili jew kummerċjali, jadixxi preliminarjament lil awtorità ġudizzjarja li tingħata l-kompetenza mill-Istat nazzjonali biex tipproteġi d-dritt ta’ aċċess u ta’ trasparenza preċiżament minħabba l-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet tad-difiża u ta’ azzjoni legali, partikolarment fir-rigward tat-talba ta’ persuna li tfaddal li diġà batiet l-effetti tat-tqassim tal-oneru [(burden sharing)] fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza tal-istabbiliment ta’ kreditu li miegħu din kienet iddepożitat it-tfaddil tagħha?”

    Fuq id-domandi preliminari

    19

    Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36, moqri flimkien kemm mal-Artikolu 15 TFUE kif ukoll mal-Artikolu 22(2) u l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali lil persuna li tagħmel it-talba sabiex tkun tista’ tressaq proċedura ċivili jew kummerċjali intiża għall-protezzjoni ta’ interessi patrimonjali li kienu leżi wara li tqiegħdet fi stralċ obbligatorju istituzzjoni ta’ kreditu.

    20

    Għandu jiġi osservat, sa fejn il-qorti nazzjonali qed tirreferi kemm għall-Artikolu 15 TFUE kif ukoll għall-Artikolu 22(2) u l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, li l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jirriżulta ċar mill-formulazzjoni tagħhom li ma humiex indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Il-Kummissjoni vs Breyer, C‑213/15 P, EU:C:2017:563, punti 5152), hija irrilevanti fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna talba ta’ aċċess għal dokumenti fil-pussess tal-BdI.

    21

    Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li mill-premessa 2 tad-Direttiva 2013/36 jirriżulta li din tal-aħħar għandha l-għan prinċipali li jiġu kkoordinati d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tal-impriżi ta’ investiment, il-modalitajiet ta’ governanza tagħhom u l-qafas ta’ sorveljanza tagħhom.

    22

    Barra minn hekk, kif il-premessi 5 u 6 tagħha jispeċifikaw, id-Direttiva 2013/36 għandha tikkostitwixxi l-istrument essenzjali għat-twettiq tas-suq intern fis-settur tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li l-funzjonament bla xkiel tagħhom jirrikjedi, minbarra regoli legali, kooperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll konverġenza kunsiderevolment imsaħħa tal-prattiki leġiżlattivi u ta’ sorveljanza tagħhom.

    23

    Mill-premessa 15 tal-imsemmija direttiva jirriżulta wkoll li din tal-aħħar għandha l-għan li ssir l-armonizzazzjoni li tkun neċessarja u suffiċjenti sabiex jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku ta’ awtorizzazzjonijiet u ta’ sistemi ta’ sorveljanza prudenzjali, sabiex b’hekk ikun possibbli l-għoti ta’ awtorizzazzjoni unika rrikonoxxuta fl-Unjoni kollha u l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sorveljanza prudenzjali mill-Istat Membru ta’ oriġini.

    24

    Għal dan il-għan, l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2013/36 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw kemm li l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw l-attivitajiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu b’mod li jiġi żgurat li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva kif ukoll li jkun hemm miżuri xierqa sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni meħtieġa sabiex jevalwaw jekk l-imsemmija stabbilimenti jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti. Skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu 4, l-Istati Membri b’mod partikolari jirrikjedu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta’ oriġini tagħhom bl-informazzjoni kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-osservanza tagħhom tar-regoli adottati konformement mad-Direttiva Nru 2013/36.

    25

    Barra minn hekk, l-Artikolu 6(a) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jikkooperaw bi spirtu ta’ fiduċja u ta’ rispett reċiproku sħiħ, b’mod partikolari sabiex jiżguraw il-fluss ta’ informazzjoni adegwata u affidabbli bejn dawn l-awtoritajiet u l-partijiet l-oħrajn għas-SESF.

    26

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 50(1) tal-imsemmija direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkollaboraw mill-qrib sabiex issir is-sorveljanza tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw, partikolarment permezz ta’ fergħa, fi Stat Membru wieħed jew iktar apparti minn dak li fih is-sede prinċipali tagħhom tkun tinstab. Huma għandhom jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni kollha li tikkonċerna l-ġestjoni u l-proprjetà ta’ tali istituzzjonijiet ta’ kreditu li tista’ tiffaċilita s-sorveljanza tagħhom u l-eżamina tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tagħhom, kif ukoll l-informazzjoni kollha li tista’ tiffaċilita l-monitoraġġ tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-likwidità, tas-solvenza, tal-garanziji ta’ depożiti, tal-limitazzjoni ta’ riskji kbar, fatturi oħra li jistgħu jinfluwenzaw ir-riskju sistemiku rrappreżentat mill-istabbiliment, l-organizzazzjoni amministrattiva u tal-kontijiet u l-mekkaniżmi ta’ kontroll intern.

    27

    Il-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ sorveljanza prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li l-leġiżlatur tal-Unjoni issostitwixxa meta adotta d-Direttiva 2013/36, ibbażata fuq sorveljanza eżerċitata fi ħdan Stat Membru u fuq l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ diversi Stati Membri, hekk kif deskritt fil-qosor fil-punti preċedenti, jeħtieġ li kemm l-istituzzjonijiet ta’ krediti ssorveljati kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkunu ċerti li l-informazzjoni kunfidenzjali pprovduta żżomm bħala regola n-natura kunfidenzjali tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 31).

    28

    Fil-fatt, l-assenza ta’ tali fiduċja hija ta’ natura li tikkomprometti t-trasferiment mingħajr problemi tal-informazzjoni kunfidenzjali neċessarja għall-eżerċizzju tal-attività ta’ sorveljanza prudenzjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 32).

    29

    Huwa għalhekk sabiex jiġu protetti mhux biss l-interessi speċifiċi tal-impriżi direttament ikkonċernati, iżda wkoll l-interess ġenerali marbut, b’mod partikolari, mal-istabbiliment tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni, li l-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 jimponi, bħala regola ġenerali, obbligu tas-sigriet professjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 33).

    30

    Fl-aħħar nett, il-każijiet speċifiċi li fihom il-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti, stabbilit fl-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 ma huwiex, eċċezzjonalment, ta’ ostakolu għat-trasferiment jew użu tagħha huma stipulati b’mod eżawrjenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 38).

    31

    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 jipprevedi, fit-tielet subparagrafu tiegħu, li, “meta istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet iddikjarata falluta jew tkun qiegħda tiġi stralċata b’mod obbligatorju, informazzjoni kunfidenzjali li ma tikkonċernax terzi involuti f’tentattivi biex isalvaw lil dik l-istituzzjoni ta’ kreditu tista’ tiġi żvelata fi proċeduri ċivili jew kummerċjali”.

    32

    Hekk kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment irrileva fil-punti 79 sa 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, permezz ta’ din id-dispożizzjoni l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippermetti lill-awtorità kompetenti li tiżvela biss lill-persuni direttament ikkonċernati mill-falliment jew mil-istralċ obbligatorju tal-istituzzjoni ta’ kreditu, informazzjoni kunfidenzjali li ma tikkonċernax lit-terzi involuti f’tentattivi ta’ salvataġġ ta’ din l-istituzzjoni, għall-finijiet tal-użu tagħha fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili jew kummerċjali, taħt il-kontroll tal-qrati kompetenti.

    33

    Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, la mill-formulazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36, la mill-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni, u lanqas mill-għanijiet segwiti mir-regoli li jinsabu fl-imsemmija direttiva dwar is-sigriet professjonali ma jista’ jiġi dedott li l-informazzjoni kunfidenzjali relatata ma’ istituzzjoni ta’ kreditu li tkun ġiet iddikjarata falluta jew tkun fi stralċ obbligatorju tista’ tiġi żvelata biss fi proċeduri ċivili jew kummerċjali li diġà ġew introdotti.

    34

    F’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura li għandha natura amministrattiva skont id-dritt nazzjonali, tista’ tasal li tiggarantixxi, anki qabel proċedura ċivili jew kummerċjali ma tinbeda, ir-rekwiżiti rrilevati fil-punt 32 ta’ din is-sentenza u għaldaqstant l-effett utli tal-obbligu ta’ sigriet professjonali stabbilit fl-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36.

    35

    F’dan il-kuntest, ikun hemm ksur tar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jekk ir-rikorrent ikun obbligat iressaq proċedura ċivili jew kummerċjali bil-għan li jikseb l-aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti.

    36

    Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 39 tas-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Altmann et (C‑140/13, EU:C:2014:2362), li jgħidu li t-tilwima inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza ma taqax fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili jew kummerċjali mressqa mill-persuni li kienu talbu l-aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali dwar impriża tal-investiment li kienet tinsab fi stralċ ġudizzjarju. Fil-fatt, fis-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Altmann et (C‑140/13, EU:C:2014:2362), il-Qorti tal-Ġustizzja ma ntalbitx tirrispondi għad-domanda li hija s-suġġett ta’ din il-proċedura, peress li dik is-sentenza kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263), f’kuntest ikkaratterizzat minn sitwazzjoni fattwali u proċedurali fil-livell nazzjonali differenti minn dik ta’ dik fil-kawża prinċipali. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 ma tistax, għaldaqstant, issir fid-dawl tal-motiv li jinsab fil-punt 39 tal-imsemmija sentenza, kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment irrileva fil-punti 50 u 52 tal-konklużjonijiet tiegħu.

    37

    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita ferm, id-derogi, previsti mid-Direttiva 2013/36, għall-projbizzjoni ġenerali ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑346/08, EU:C:2010:213, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-possibbiltà li jiġi skartat l-obbligu tas-sigriet professjonali, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tal-imsemmija direttiva tirrikjedi li t-talba għall-iżvelar ta’ informazzjoni li fir-rigward tagħha l-applikant iressaq indizji preċiżi u konkordanti li jindikaw b’mod plawżibbli li din tkun irrilevanti għall-ħtiġijiet ta’ proċedura ċivili jew kummerċjali pendenti jew li għandha tinbeda, li l-għan tagħha għandha tkun konkretament identifikata mill-applikant u barra minnha li l-informazzjoni inkwistjoni ma tistax tintuża.

    39

    Huma, fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet u l-qrati kompetenti li għandhom jibbilanċjaw l-interess tal-applikant li jkollu l-informazzjoni inkwistjoni u l-interessi marbuta maż-żamma tal-kunfidenzjalità ta’ din l-istess informazzjoni koperta mill-obbligu tas-sigriet professjonali. qabel ma jiżvelaw kull informazzjoni kunfidenzjali mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec, C‑450/06, EU:C:2008:91, punti 5152 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali lil persuna li tagħmel it-talba sabiex tkun tista’ tressaq proċedura ċivili jew kummerċjali intiżi għall-protezzjoni ta’ interessi patrimonjali li kienu leżi wara li tqiegħdet fi stralċ obbligatorju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Madankollu, it-talba ta’ żvelar għandha tirrigwarda l-informazzjoni li dwarha l-applikant iressaq indizji preċiżi u konkordanti li jindikaw b’mod plawżibbli li dawn huma rilevanti għall-ħtiġijiet ta’ proċedura ċivili jew kummerċjali, li s-suġġett tagħha għandha tiġi konkretament identifikata mill-applikant u barra minnha l-informazzjoni inkwistjoni ma tistax tintuża. Huwa f’idejn l-awtoritajiet u l-qrati kompetenti li jibbilanċjaw l-interess tar-rikorrent li jkollu aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni u l-interessi marbuta mal-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali, qabel ma jagħmel l-iżvelar ta’ kull waħda mill-informazzjoni kunfidenzjali mitluba.

    Fuq l-ispejjeż

    41

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali lil persuna li tagħmel it-talba sabiex tkun tista’ tressaq proċedura ċivili jew kummerċjali intiżi għall-protezzjoni ta’ interessi patrimonjali li kienu leżi wara li tqiegħdet fi stralċ obbligatorju istituzzjoni ta’ kreditu. Madankollu, it-talba ta’ żvelar għandha tirrigwarda l-informazzjoni li dwarha l-applikant iressaq indizji preċiżi u konkordanti li jindikaw b’mod plawżibbli li dawn huma rilevanti għall-ħtiġijiet ta’ proċedura ċivili jew kummerċjali, li s-suġġett tagħha għandha tiġi konkretament identifikata mill-applikant u barra minnha l-informazzjoni inkwistjoni ma tistax tintuża. Huwa f’idejn l-awtoritajiet u l-qrati kompetenti li jibbilanċjaw l-interess tal-applikant li jkollu aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni u l-interessi marbuta mal-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni koperta mill-obbligu tas-sigriet professjonali, qabel ma jagħmel l-iżvelar ta’ kull waħda mill-informazzjoni kunfidenzjali mitluba.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top