EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0591

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-25 ta’ Marzu 2021.
H. Lundbeck A/S u Lundbeck Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Prodotti farmaċewtiċi – Suq tal-prodotti mediċinali kontra d-depressjoni (citalopram) – Ftehimiet ta’ riżoluzzjoni bonarja ta’ tilwim relatati ma’ privattivi ta’ proċess konklużi bejn manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali proprjetarju ta’ dawn il-privattivi u manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi – Artikolu 101 TFUE – Kompetizzjoni potenzjali – Restrizzjoni minħabba l-għan – Klassifikazzjoni – Kalkolu tal-ammont tal-multa – Bejgħ b’rabta diretta jew indiretta.
Kawża C-591/16 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:243

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

25 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

[Test irrettifikat permezz ta’ digriet tat‑3 ta’ Settembru 2021]

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Prodotti farmaċewtiċi – Suq tal-prodotti mediċinali kontra d-depressjoni (citalopram) – Ftehimiet ta’ riżoluzzjoni bonarja ta’ tilwim relatati ma’ privattivi ta’ proċess konklużi bejn manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali proprjetarju ta’ dawn il-privattivi u manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi – Artikolu 101 TFUE – Kompetizzjoni potenzjali – Restrizzjoni minħabba l-għan – Klassifikazzjoni – Kalkolu tal-ammont tal-multa – Bejgħ b’rabta diretta jew indiretta”

Fil-Kawża C‑591/16 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑18 ta’ Novembru 2016,

H. Lundbeck A/S, stabbilita f’Valby (id-Danimarka),

Lundbeck Ltd, stabbilita f’Milton Keynes (ir-Renju Unit),

irrappreżentata inizjalment minn R. Subiotto, QC, u T. Kuhn, Rechtsanwalt, sussegwentement minn R. Subiotto, QC,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

[kif irrettifikat permezz ta’ digriet tat‑3 ta’ Settembru 2021] Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castilla Contreras, T. Vecchi, B. Mongin u C. Vollrath, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u L-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentata inizjalment minn D. Guðmundsdóttir, Z. Lavery u D. Robertson, bħala aġenti, assistiti minn J. Turner, QC, J. Holmes, QC, M. Demetriou, QC, u T. Sebastian, barrister, sussegwentement minn D. Guðmundsdóttir, bħala aġent, assistit minn J. Turner, QC, J. Holmes, QC, M. Demetriou, QC, u T. Sebastian, barrister,

intervenjenti fl-appell,

European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations (EFPIA), stabbilita f’Genève (l-Isvizzera), irrappreżentata minn F. Carlin, barrister, u N. Niejahr, Rechtsanwältin,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur), S. Rodin, K. Jürimäe u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistraturi: M. Aleksejev, Kap tal-Unità, C. Strömholm, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Jannar 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Ġunju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, H. Lundbeck A/S u Lundbeck Ltd NV jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni (T‑472/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:449), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2013) 3803 final tal-Kummissjoni Ewropea tad‑19 ta’ Ġunju 2013 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101[TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39226 — Lundbecck) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi li ġew imposti permezz ta’ din id-deċiżjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Regolament (KE) Nru 1/2003

2

L-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) jipprevedi:

“Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

a)

jiksru l-Artikolu [101 jew 102 TFUE] […]”

Il-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006

3

Il-punti 4 sa 6, 13 u 22 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”) jistabbilixxu:

“6.   […] l-għaqda tal-valur tal-bejgħ f’rabta mal-ksur u t-tul [tiegħu] hija kkunsidrata valur ta’ sostituzzjoni adegwata sabiex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll il-piż relattiv ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur. Ir-riferiment għal dawn l-indikaturi jagħti indikazzjoni tajba ta’ kemm għandha tkun kbira l-multa u ma għandux jinftiehem bħala l-bażi ta’ metodu ta’ kalkolu awtomatiku u aritmetiku.

[…]

13.   Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, iġġenerat mill-impriża, b’konnessjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)]. Normalment, il-Kummissjoni ser tuża l-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (iktar ’il quddiem il-‘valur tal-bejgħ’).

[…]

22.   Sabiex tiddeċiedi jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun ’l isfel jew ’il fuq f’din l-iskala, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem mis-suq aggregat tal-partijiet kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur, u l-implimentazzjoni jew le tal-ksur. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-Linji gwida għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija tal-2014

4

Il-punt 29 tal-Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija (ĠU 2014, C 89, p. 3, iktar’ il quddiem il-“Linji gwida għall-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija tal-2014”) huwa fformulat kif ġej:

“Bħala prinċipju, il-partijiet ta’ ftehim mhumiex ikkunsidrati bħala kompetituri jekk ikunu f’pożizzjoni ta’ imblukkar unidirezzjonali jew bidirezzjonali. Ikun hemm pożizzjoni ta’ imblukkar unidirezzjonali fejn teknoloġija ma tkunx tista’ tiġi sfruttata jekk mhux bi ksur ta’ drittijiet [validi] ta’ teknoloġija oħra jew jekk parti waħda ma tistax tkun attiva fis-suq rilevanti mingħajr ksur ta’ drittijiet validi ta’ teknoloġija tal-parti l-oħra. Dan huwa, pereżempju, il-każ fejn id-dritt ta’ teknoloġija waħda jkopri t-titjib tad-dritt ta’ teknoloġija oħra u t-titjib ma jistax ikun legalment użat mingħajr liċenzja tad-dritt bażiku ta’ teknoloġija. Ikun hemm pożizzjoni ta’ imblukkar bidirezzjonali fejn l-ebda dritt ta’ teknoloġija ma jista’ jiġi sfruttat mingħajr ma jkun hemm ksur tad-drittijiet fuq id-dritt validu ta’ teknoloġija oħra jew fejn l-ebda parti ma tista’ tkun attiva b’mod kummerċjalment vijabbli fis-suq rilevanti mingħajr ma jinkiser id-dritt validu tat-teknoloġija tal-parti l-oħra u fejn il-partijiet għalhekk ikollhom jiksbu liċenzja jew eżenzjoni minn xulxin. Madankollu, fil-prattika se jkun hemm każijiet fejn m’hemm l-ebda ċertezza jekk id-dritt ta’ teknoloġija partikolari jkunx validu u miksur.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

5

Dan l-appell jaqa’ fil-kuntest ta’ sitt appelli konnessi indirizzati kontra sitt sentenzi tal-Qorti Ġenerali mogħtija wara rikors għal annullament ippreżentati kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri, minbarra dan l-appell, dak ippreżentat fil-Kawża C‑586/16 P (Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il‑Kummissjoni), kontra s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il‑Kummissjoni (T‑460/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:453), dak ippreżentat fil-Kawża C‑588/16 P (Generics (UK) vs Il‑Kummissjoni), kontra s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Generics (UK) vs Il‑Kummissjoni (T‑469/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:454), dak ippreżentat fil-Kawża C‑601/16 P (Arrow Group u Arrow Generics vs Il‑Kummissjoni) kontra s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Arrow Group u Arrow Generics vs Il‑Kummissjoni (T‑467/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:450), dak ippreżentat fil-Kawża C‑611/16 P (Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il‑Kummissjoni) kontra s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il‑Kummissjoni (T‑471/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:460) u dak ippreżentat fil-Kawża C‑614/16 P (Merck vs Il‑Kummissjoni) kontra s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Merck vs Il‑Kummissjoni (T‑470/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:452).

6

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 75 tas-sentenza appellata bit-termini segwenti:

“I – Kumpanniji inkwistjoni f’din il-kawża

1

H. Lundbeck A/S […] hija kumpannija rregolata mid-dritt Daniż li tikkontrolla grupp ta’ kumpanniji, fosthom Lundbeck Ltd, stabbilita fir-Renju Unit, speċjalizzat fir-riċerka, fl-iżvilupp, fil-produzzjoni, fil-kummerċjalizzazzjoni, fil-bejgħ u fid-distribuzzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi għat-trattament ta’ patoloġiji li jaffettwaw is-sistema nervuża ċentrali, fosthom id-depressjoni.

2

[H. Lundbeck] hija laboratorju ta’ oriġini, jiġifieri, impriża li tikkonċentra l-attività tagħha fuq ir-riċerka ta’ prodotti mediċinali ġodda u fuq il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom.

3

Merck KGaA hija kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż speċjalizzata fil-qasam farmaċewtiku li, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet ikkonċernati, kellha, indirettament permezz tal-grupp Merck Generics Holding GmbH, kontroll ta’ 100 % fuq is-sussidjarja tagħha Generics UK Limited (iktar ’il quddiem ‘GUK’), kumpannija responsabbli għall-iżvilupp u għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi ġeneriċi fir-Renju Unit.

4

Il-K‘ummissjoni […] qieset li Merck u GUK kienu jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni fiż-żmien tal-fatti rilevanti [iktar ’il quddiem ‘Merck (GUK)’].

5

Arrow Group A/S, li minn Awwissu 2003 bdiet tissejjaħ Arrow Group ApS (iktar ’il quddiem, mingħajr distinzjoni, ‘Arrow Group’), hija kumpannija rregolata mid-dritt Daniż li tikkontrolla grupp ta’ kumpanniji, bi preżenza f’diversi Stati Membri u li ilu attiv mill-2001 fl-iżvilupp u fil-bejgħ ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi.

6

Arrow Generics Ltd hija kumpannija rregolata mid-dritt tar-Renju Unit li, inizjalment, kienet sussidjarja 100 % u mbagħad, minn Frar 2002, 76 %, ta’ Arrow Group.

7

Resolution Chemicals Ltd hija kumpannija rregolata mid-dritt tar-Renju Unit speċjalizzata fil-produzzjoni ta’ ingredjenti farmaċewtiċi attivi (iktar ’il quddiem l-‘IFA’) għal prodotti mediċinali ġeneriċi. Sa Settembru 2009, hija kienet ikkontrollata minn Arrow Group.

8

Il-Kummissjoni qieset li Arrow Group, Arrow Generics Ltd u Resolution Chemicals Ltd kienu jikkostitwixxi impriża waħda (iktar ’il quddiem ‘Arrow’) fiż-żmien tal-fatti rilevanti.

9

Alpharma Inc. kienet kumpannija rregolata mid-dritt Amerikan attiva fuq livell mondjali fis-settur farmaċewtiku, b’mod partikolari fir-rigward tal-prodotti mediċinali ġeneriċi. Sa Diċembru 2008, hija kienet ikkontrollata mill-kumpannija rregolata mid-dritt Norveġiż A.L. Industrier AS. Sussegwentement, hija kienet inxtrat minn impriża farmaċewtika tar-Renju Unit li, min-naħa tagħha, inxtrat minn impriża farmaċewtika mill-Istati Uniti. Fil-kuntest ta’ dawn ir-ristrutturazzjonijiet, Alpharma Inc. saret, inizjalment, f’April 2010, Alpharma, LLC, u mbagħad, fil-15 ta’ April 2013, Zoetis Products LLC.

10

Alpharma ApS kienet kumpannija rregolata mid-dritt Daniż ikkontrollata indirettament 100 % minn Alpharma Inc. Hija kellha diversi sussidjarja fiż-[ŻEE]. Wara diversi ristrutturazzjonijiet ta’ kumpanniji, fil-31 ta’ Marzu 2008, Alpharma ApS saret Axellia Pharmaceuticals ApS, li mill-2010 bdiet tissejjaħ Xellia Pharmaceuticals ApS […]

11

Il-Kummissjoni qieset li Alpharma Inc., A.L. Industrier AS u Alpharma ApS kienu jikkostitwixxu impriża waħda (iktar ’il quddiem ‘Alpharma’) fiż-żmien tal-fatti rilevanti.

12

Ranbaxy Laboratories Ltd hija kumpannija rregolata mid-dritt Indjan speċjalizzata fl-iżvilupp u fil-produzzjoni ta’ IFA kif ukoll ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi.

13

Ranbaxy (UK) Ltd hija kumpannija rregolata mid-dritt Ingliż, sussidjarja ta’ Ranbaxy Laboratories, li hija responsabbli għall-bejgħ tal-prodotti ta’ din tal-aħħar fir-Renju Unit.

14

Il-Kummissjoni qieset li Ranbaxy Laboratories Ltd u Ranbaxy (UK) Ltd kienu jikkostitwixxu impriża waħda (iktar ’il quddiem ‘Ranbaxy’) fiż-żmien tal-fatti rilevanti.

II – Prodott ikkonċernat u l-privattivi li jikkonċernawh

15

Il-prodott ikkonċernat minn din il-kawża huwa l-prodott mediċinali kontra d-depressjoni li jinkludi l-IFA msejjaħ citalopram.

16

Fl-1977, [H. Lundbeck] ippreżentat, fid-Danimarka, applikazzjoni għal privattiva dwar l-IFA citalopram kif ukoll dwar iż-żewġ proċessi ta’ alkylation u ta’ cyanation użati sabiex jiġi prodott l-imsemmi IFA. Privattivi li jkopru dan l-IFA u dawn iż-żewġ proċessi (iktar ’il quddiem il-[‘privattivi oriġinali ta’ Lundbeck’]) inħarġu fid-Danimarka u f’diversi pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent bejn l-1977 u l-1985.

17

Fir-rigward taż-ŻEE, il-protezzjoni li tirriżulta mill-privattivi oriġinali [ta’ Lundbeck] kif ukoll, skont il-każ, miċ-ċertifikati komplementari ta’ protezzjoni […], previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1768/92, tat‑18 ta’ Ġunju 1992, dwar il-ħolqien ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplementari għal prodotti mediċinali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 200), intemmet bejn l-1994 (fir-rigward tal-Ġermanja) u l-2003 (fir-rigward tal-Awstrija). B’mod partikolari, fir-rigward tar-Renju Unit, il-privattivi oriġinali [ta’ Lunbeck] skadew f’Jannar 2002.

18

Matul is-snin, [H. Lundbeck] żviluppat proċessi oħra iktar effikaċi sabiex tipproduċi s-citalopram, li għalihom applikat għal, u ħafna drabi kisbet, privattivi f’diversi pajjiżi taż-ŻEE kif ukoll mingħand l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) u mingħand l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO) [(iktar ’il quddiem il-‘privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lunbeck’)].

19

B’mod partikolari, l-ewwel nett, fl‑1998 u fl-1999, [H. Lunbeck] ippreżentat quddiem l-EPO żewġ applikazzjonijiet għal privattivi fir-rigward tal-produzzjoni tas-citalopram minn proċessi li jużaw rispettivament il-jodju u l-amid. L-EPO ħareġ favur [H. Lunbeck] privattiva li tipproteġi l-proċess li juża l-amid […] fid‑19 ta’ Settembru 2001 u privattiva li tipproteġi l-proċess li juża l-jodju […] fis‑26 ta’ Marzu 2003.

20

It-tieni nett, fit‑13 ta’ Marzu 2000, [H. Lunbeck] ippreżentat applikazzjoni għal privattiva quddiem l-awtoritajiet Daniżi fir-rigward ta’ proċess ta’ produzzjoni tas-citalopram li kien jipprevedi metodu ta’ purifikazzjoni tal-imluħa użati permezz ta’ kristalizzazzjoni. Applikazzjonijiet analogi kienu ġew ippreżentati f’pajjiżi oħra taż-ŻEE kif ukoll quddiem il-WIPO u l-EPO. [H. Lundbeck] kisbet privattivi li jipproteġu l-proċess li juża l-kristallizzazzjoni f’diversi Stati Membri matul l-ewwel nofs tas-sena 2002, b’mod partikolari fit‑30 ta’ Jannar 2002 fir-rigward tar-Renju Unit (iktar ’il quddiem il-‘privattiva dwar il-kristallizzazzjoni’). L-EPO ħareġ privattiva dwar il-kristallizzazzjoni fl‑4 ta’ Settembru 2002. Barra minn hekk, fil-Pajjiżi l-Baxxi, [H. Lundbeck] kienet diġà kisbet, fis‑6 ta’ Novembru 2000, mudell ta’ utilità fir-rigward ta’ dan il-proċess […], jiġifieri privattiva valida għal sitt snin mogħtija mingħajr eżami minn qabel fil-veru sens tal-kelma.

21

It-tielet nett, fit‑12 ta’ Marzu 2001, [H. Lundbeck] ippreżentat applikazzjoni għal privattiva quddiem l-awtoritajiet tar-Renju Unit [tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq] fir-rigward ta’ proċess ta’ produzzjoni tas-citalopram li kien jipprevedi metodu ta’ purifikazzjoni tal-imluħa użati permezz ta’ distillazzjoni f’film. L-awtoritajiet tar-Renju Unit ħarġu favur [H. Lundbeck] privattiva li tkopri l-imsemmi metodu ta’ distillazzjoni f’film fit‑3 ta’ Ottubru 2001 (iktar ’il quddiem il-“privattiva dwar id-distillazzjoni f’film”). Madankollu, din il-privattiva ġiet irrevokata fit‑23 ta’ Ġunju 2004 minħabba nuqqas ta’ innovazzjoni fil-konfront ta’ privattiva oħra ta’ [H. Lundbeck]. [H. Lundbeck] kisbet privattiva analoga fid-Danimarka fid‑29 ta’ Ġunju 2002.

22

Fl-aħħar nett, [H. Lundbeck] kellha l-intenzjoni li tniedi prodott mediċinali kontra d-depressjoni ġdid, is-Cipralex, ibbażat fuq l-IFA msejjaħ escitalopram (jew S-citalopram), lejn l-aħħar tas-sena 2002 jew il-bidu tas-sena 2003. Dan il-prodott mediċinali ġdid kien indirizzat lejn l-istess pazjenti bħal dawk li setgħu jiġu ttrattati permezz tal-prodott mediċinali protett bi privattiva Cipramil ta’ [H. Lundbeck], ibbażat fuq l-IFA citalopram. L-IFA escitalopram kien protett permezz ta’ privattivi li kienu validi, minn tal-inqas, sal-2012.

III – Il-ftehimiet kontenzjużi

23

Matul is-sena 2002, [H. Lundbeck] ikkonkludiet sitt ftehimiet dwar is-citalopram (iktar ’il quddiem il-‘ftehimiet kontenzjużi’) ma’ erba’ impriżi attivi fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, jiġifieri Merck (GUK), Alpharma, Arrow u Ranbaxy (iktar ’il quddiem [il-‘manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi’).

A – Il-ftehimiet ma’ Merck (GUK)

24

[H. Lundbeck] ikkonkludiet żewġ ftehimiet ma’ Merck (GUK).

25

L-ewwel ftehim daħal fis-seħħ fl‑24 ta’ Jannar 2002, inizjalment għal perijodu ta’ sena, u kien ikopri biss it-territorju tar-Renju Unit (iktar ’il quddiem il-‘ftehim GUK għar-Renju Unit’). Dan ġie ffirmat mis-sussidjarja fir-Renju Unit ta’ [H. Lundbeck], jiġifieri l-kumpannija rregolata mid-dritt tar-Renju Unit, Lundbeck Ltd. Dan il-ftehim [sussegwentement] ġie estiż għal perijodu ta’ sitt xhur li jintemm fil‑31 ta’ Lulju 2003. Wara dan, sussegwentement għal dħul qasir minn Merck (GUK) fis-suq bejn l‑1 u l‑4 ta’ Awwissu, fis‑6 ta’ Awwissu 2003 ġiet iffirmata t-tieni estensjoni tal-ftehim bejn il-partijiet, għal perijodu massimu ta’ sitt xhur li iżda seta’ jitqassar fil-każ li [H. Lundbeck] ma tressaqx kawża kontra [manifatturi ta’ prodotti mediċinali] ġeneriċi oħra li setgħu jipprovaw jidħlu fis-suq jew mat-tmiem tat-tilwima bejn [H. Lundbeck] u Lagap Pharmaceuticals Ltd, [manifattur ieħor ta’ prodotti mediċinali] ġeneriċi (iktar ’il quddiem it-‘tilwima Lagap’).

26

Skont dan il-ftehim, il-partijiet jipprevedu b’mod partikolari li:

hemm riskju li ċerti azzjonijiet ippjanati minn GUK fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni, tad-distribuzzjoni u tal-bejgħ tal-‘Prodotti’ jistgħu jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ [H. Lundbeck] u jistgħu jagħtu lok għal pretensjonijiet min-naħa tagħha (punt 2.1 tal-ftehim GUK għar-Renju Unit), fejn dawn il-‘Prodotti’ huma ddefiniti fil-punt 1.1 tal-ftehim GUK għar-Renju Unit bħala l-‘prodotti ta’ citalopram żviluppati minn GUK fil-forma ta’ materja prima, mingħajr forma jew fil-forma ta’ pilloli kif speċifikati fl-Anness u mmanifatturati inkonformità mal-ispeċifikazzjoni ta’ prodotti kif ipprovduti minn GUK fid-data tal-firma, mehmuża fl-Anness 2’;

fid-dawl tal-ftehim milħuq bejn il-partijiet, [H. Lundbeck] ser tħallas lil GUK ammont ta’ 2 miljun lira sterlina (GBP), bħala korrispettiv għall-kunsinna tal-‘Prodotti’, fil-kwantitajiet previsti fil-ftehim, sal‑31 ta’ Jannar 2002 (punt 2.2 tal-ftehim GUK għar-Renju Unit);

barra minn hekk, GUK timpenja ruħha li, bħala korrispettiv għal ħlas supplimentari ta’ GBP 1 miljun, tikkunsinna l-‘Prodotti’ kif speċifikati fl-[Anness] sat‑2 ta’ April 2002 (punt 2.3 tal-ftehim GUK għar-Renju Unit);

il-ħlasijiet imwettqa u l-kunsinna tal-‘Prodotti’ minn GUK skont il-punti 2.2 u 2.3 tal-ftehim GUK għar-Renju Unit ser jikkostitwixxu riżoluzzjoni kompleta u finali ta’ kwalunkwe pretensjoni li [H. Lundbeck) seta’ jkollha kontra GUK minħabba vjolazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħha fir-rigward tal-‘Prodotti’ kkunsinnati minn GUK sa dik id-data (punt 2.4 tal-ftehim GUK għar-Renju Unit);

[H. Lundbeck] timpenja ruħha li tbigħ il-‘Prodotti Lesti’ tagħha lil GUK u GUK timpenja ruħha li tixtri esklużivament dawn il-‘Prodotti Lesti’ mingħand [H. Lundbeck] fid-dawl tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom minn GUK u mis-sussidjarji tagħha fir-Renju Unit għall-perijodu u skont it-termini tal-ftehim (punt 3.2 tal-ftehim GUK għar-Renju Unit), fejn dawn il-‘Prodotti Lesti’ huma ddefiniti fil-punt1.1 tal-ftehim bħala ‘l-prodotti li jinkludu s-citalopram fil-forma ta’ prodotti lest sabiex jiġu pprovduti minn [H. Lundbeck] lil GUK konformement ma’ dan il-ftehim’;

[H. Lundbeck] timpenja ruħha li tħallas ammont ta’ GBP 5 miljun bħala profitti netti ggarantiti lil GUK, bil-kundizzjoni li GUK tordnalha l-volum ta’ ‘Prodotti Lesti’ miftiehem matul il-perijodu tal-ftehim (jew ammont inqas li għandu jiġi kkalkolat proporzjonalment mal-ordnijiet imwettqa) (punt 6.2 tal-ftehim GUK għar-Renju Unit).

27

L-ewwel estensjoni tal-ftehim kienet tipprevedi b’mod partikolari l-ħlas ta’ ammont ta’ GBP 400000 fix-xahar għall-eżekuzzjoni minn GUK tal-punt 6.2 tal-ftehim GUK għar-Renju Unit, u kienet temenda d-definizzjoni ta’ ‘profitti netti’.

28

It-tieni estensjoni tal-ftehim GUK għar-Renju Unit kienet tipprevedi b’mod partikolari l-ħlas ta’ ammont ta’ GBP 750000 fix-xahar għall-eżekuzzjoni minn GUK tal-Artikolu 6.2 ta’ dan il-ftehim.

29

Il-ftehim GUK għar-Renju Unit skada fl‑1 ta’ Novembru 2003, b’konsegwenza tal-fatt li ntlaħaq ftehim bonarju fir-rigward tat-tilwima Lagap. Kollox ma’ kollox, matul il-perijodu kollu tal-ftehim, [H. Lundbeck] ittrasferixxiet lil GUK l-ekwivalenti ta’ EUR 19.4 il-miljun.

30

Fit‑22 ta’ Ottubru 2002 ġie konkluż it-tieni ftehim bejn [H. Lundbeck] u GUK li kien ikopri ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit (iktar ’il quddiem il-‘ftehim GUK għaż-ŻEE’). Dan il-ftehim kien jipprevedi l-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 12-il miljun, li bħala korrispettiv għalih GUK kienet qiegħda timpenja ruħha li la tbigħ u lanqas ma tipprovdi prodotti farmaċewtiċi li jinkludu s-citalopram fit-territorju kollu taż-ŻEE (bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit) u li twettaq l-isforzi raġonevoli kollha sabiex Natco Pharma Ltd […], il-produtturtal-IFA citalopram użat minn Merck (GUK) sabiex tikkummerċjalizza l-verżjoni tagħha tas-citalopram ġeneriku […], ma tibqax tipprovdi s-citalopram jew prodotti li jinkludu s-citalopram fiż-ŻEE matul il-perijodu tal-ftehim (punti 1.1 u 1.2 tal-ftehim GUK għaż-ŻEE). [H. Lundbeck] impenjat ruħha li ma tressaqx kawżi kontra GUK, bil-kundizzjoni li din tosserva l-obbligi tagħha taħt il-punt 1.1 tal-ftehim GUK għaż-ŻEE (punt 1.3 tal-ftehim GUK għaż-ŻEE).

31

Il-ftehim GUK għaż-ŻEE skada fit‑22 ta’ Ottubru 2003. Kollox ma’ kollox, [H. Lundbeck] ittrasferixxiet l-ekwivalenti ta’ EUR 12-il miljun lil GUK bis-saħħa ta’ dan il-ftehim.

B – Il-ftehimiet ma’ Arrow

32

[H. Lundbeck] iffirmat żewġ ftehimiet ma’ Arrow.

33

L-ewwel wieħed minnhom, dwar it-territorju tar-Renju Unit, ġie konkluż fl‑24 ta’ Jannar 2002 bejn [H. Lundbeck], minn naħa, u Arrow Generics u Resolution Chemicals (iktar ’il quddiem, flimkien, ‘Arrow UK’), min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem il-‘ftehim ArrowUK’).

34

Inizjalment, il-ftehim Arrow UK kellu japplika għall-perijodu sal-31 ta’ Diċembru 2002 jew, fil-każ li tiġi qabel, sad-data li fiha tingħata deċiżjoni ġudizzjarja li tkun saret res judicata fil-kawża li [H. Lundbeck] kellha l-intenzjoni li tressaq kontra Arrow UK quddiem il-qrati tar-Renju Unit fir-rigward tal-allegata vjolazzjoni mwettqa minn din tal-aħħar tal-privattivi tagħha (iktar ’il quddiem il-‘kawża dwar vjolazzjoni Arrow’) (punt 4.1 tal-ftehim Arrow UK). Sussegwentement, dan il-ftehim ġie estiż darbtejn bl-iffirmar ta’ addenda. L-ewwel estensjoni kienet tkopri l-perijodu inkluż bejn l‑1 ta’ Jannar u l‑1 ta’ Marzu 2003 (punt 3.1 tal-ewwel addendum mal-ftehim Arrow UK), filwaqt li t-tieni waħda kienet tipprevedi li dan il-ftehim kellu jintemm jew fil‑31 ta’ Jannar 2004, jew sebat ijiem wara l-iffirmar tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tagħlaq it-tilwima Lagap (punt 4.1 tat-tieni addendum mal-ftehim ArrowUK). Peress li din it-tilwima ntemmet permezz ta’ ftehim bonarju fit‑13 ta’ Ottubru 2003, il-ftehim Arrow UK intemm fl‑20 ta’ Ottubru ta’ wara. Minn dan isegwi li t-tul globali ta’ dan il-ftehim kien jestendi mill‑24 ta’ Jannar 2002 sal‑20 ta’ Ottubru 2003 (iktar ’il quddiem it-‘tul tal-ftehim Arrow UK’).

35

Fir-rigward tal-kontenut tal-ftehim Arrow UK, għandu jiġi osservat li:

l-ewwel premessa tal-preambolu ta’ dan il-ftehim (iktar ’il quddiem il-‘preambolu Arrow UK’) tirreferi b’mod partikolari għall-fatt li [H. Lundbeck] hija l-proprjetarju tal-[privattiva] dwar il-kristallizzazzjoni u [tal-privattiva] dwar id-distillazzjoni f’film;

ir-raba’ premessa tal-preambolu Arrow UK tispeċifika li ‘Arrow [UK] kisbet liċenzja mingħand terz sabiex timporta fir-Renju Unit is-citalopram mhux iffabbrikat minn [H. Lundbeck] jew bl-awtorizzazzjoni ta’ [H. Lundbeck] (‘l-imsemmi Citalopram’, fejn tali definizzjoni, sabiex jiġi evitat kwalunkwe dubju, tinkludi biss is-Citalopram intiż għall-kummerċjalizzazzjoni u għall-bejgħ fir-Renju Unitu teskludi dak intiż għall-kummerċjalizzazzjoni u għall-bejgħ f’pajjiżi oħra)’;

is-sitt premessa tal-preambolu Arrow UK tindika li [H. Lundbeck] issuġġettat ‘l-imsemmi Citalopram’ għal testijiet fil-laboratorju li minnhom irriżultaw raġunijiet sostanzjali sabiex temmen li dan kien jikkostitwixxi vjolazzjoni b’mod partikolari tal-privattivi msemmija fl-ewwel inċiż iktar ’il fuq;

is-seba’ premessa tal-preambolu Arrow UK tindika li Arrow UK ma hijiex tirrikonoxxi li wettqet vjolazzjoni ta’ dawn il-privattivi u lanqas li dawn huma validi, iżda taċċetta li [H. Lundbeck] għandha tali konvinzjonijiet, li Arrow UK ma tistax tikkonfuta permezz ta’ provi li ma jistgħux jiġu kkontestati;

it-tmien premessa tal-preambolu Arrow UK tfakkar li [H. Lundbeck] heddet li titlob l-adozzjoni ta’ ordni provviżorja u li għandha l-intenzjoni tressaq il-kawża dwar vjolazzjoni Arrow;

il-punt 1.1 ta’ dan il-ftehim jipprovdi li ‘Arrow [UK], f’isimha stess u f’isem l-entitajiet assoċjati u relatati kollha, timpenja ruħha li, matul [it-tul tal-ftehim Arrow UK] u fit-territorju tar-Renju Unit, ma tiffabbrikax, ma tittrasferixxix, ma tipproponix li tittrasferixxi, ma tużax jew, wara t-tieni data ta’ kunsinna, ma timportax u ma żżommx għal finijiet ta’ trasferiment jew għal finijiet oħra, (1) [‘]l-imsemmi Citalopram[’] jew (2) kwalunkwe citalopram ieħor li, skont [H. Lundbeck], jikkostitwixxi vjolazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà [intellettwali] tagħha, u, sabiex tippermetti lil [H. Lundbeck] tiddeterminajekk hemmx vjolazzjoni jew le, li tipprovdilha, matul [it-tul tal-ftehim Arrow UK] biżżejjed kampjuni għall-finijiet ta’ analiżi, minn tal-inqas xahar qabel kwalunkwe fabbrikazzjoni, importazzjoni, bejgħ jew offerta ta’ bejgħ li Arrow [UK] thedded li twettaq fl-istennija ta’ deċiżjoni finali li ma tkunx suġġetta għal rikors fil-[kuntest tal-kawża dwar vjolazzjoni Arrow] […]’;

il-punt 1.2 ta’ dan il-ftehim jinnota l-kunsens min-naħa ta’ Arrow UK għar-riproduzzjoni, f’digriet li [H. Lundbeck] kellha titlob l-adozzjoni tiegħu mill-qorti tar-Renju Unit kompetenti, tal-impenji meħuda minn Arrow UK u msemmija fil-punt 1.1 tal-ftehim Arrow UK;

il-punt 2.1 ta’ dan il-ftehim ifakkar li [H. Lundbeck] kellha tressaq il-kawża dwar vjolazzjoni Arrow kemm jista’ jkun malajr u fi kwalunkwe każ mhux iktar tard mill-31 ta’ Marzu 2002;

il-punt 2.2 ta’ dan il-ftehim jipprovdi li, fid-dawl tal-impenji previsti fil-punt 1.1 tal-ftehim Arrow UK u fid-dawl tal-fatt li Arrow UK ma kinitx ser titlob ‘cross-undertaking in damages’ (ammont li, konformement mad-dritt Ingliż, [H. Lundbeck] kellha tippreżenta quddiem il-qorti jekk hija kienet talbet l-adozzjoni ta’ ordni fil-kuntest tal-kawża dwar vjolazzjoni Arrow), [H. Lundbeck] ħallset lil Arrow UK GBP 5 miljun, maqsumin f’erba’ ħlasijiet, liema somma kienet sussegwentement miżjuda b’GBP 450000, skont il-punt 2.1 tal-ewwel addendum mal-ftehim Arrow UK, u b’GBP 1.350 miljun, skont il-punti 2.1 u 3 tat-tieni addendum ma’ dan il-ftehim;

il-punt 2.3 ta’ dan il-ftehim jistabbilixxi li, fil-każ li deċiżjoni finali fil-kuntest tal-kawża dwar vjolazzjoni Arrow tikkonstata li Arrow UK ma kinitx wettqet vjolazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ [H. Lundbeck], l-ammont previst fil-punt 2.2 ta’ dan il-ftehim jikkostitwixxi l-kumpens sħiħ li Arrow UK tista’ tikseb mingħand [H. Lundbeck] għat-telf li hija tkun ġarrbet minħabba l-obbligi li jirriżultaw mill-punt 1.1 tal-ftehim Arrow UK;

il-punt 3.4 tal-ftehim jipprevedi li Arrow UK għandha tikkunsinna lil [H. Lundbeck] l-istokk tagħha ‘tal-imsemmi citalopram’ fuq żewġ fażijiet, fejn l-ewwel fażi, li tkopri madwar 3975 miljun pillola f’kaxxi, kellha sseħħ sa mhux iktar tard mis‑6 ta’ Frar 2002 u t-tieni waħda, li tkopri madwar 1.1 miljun pillola mhux ippakkjata, sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Frar 2002.

36

Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat li, fis‑6 ta’ Frar 2002, [H. Lundbeck] kisbet id-digriet imsemmi fil-punt 1.2 tal-ftehim Arrow UK […]

37

It-tieni ftehim, li kien jikkonċerna t-territorju tad-Danimarka, kien ġie konkluż fit‑3 ta’ Ġunju 2002 bejn [H. Lundbeck] u Arrow Group (iktar ’il quddiem il-‘ftehim Arrow Daniż’).

38

Il-ftehim Arrow Daniż kien maħsub għal perijodu li kellu jestendi mid-data tal-iffirmar tiegħu, fit‑3 ta’ Ġunju 2002, sal‑1 ta’ April 2003 jew, fil-każ li tiġi qabel, sad-data li fiha tingħata deċiżjoni ġudizzjarja li tkun saret res judicata fil-kawża dwar vjolazzjoni Arrow. Peress li tali deċiżjoni ma ngħatatx, l-imsemmi ftehim kien fis-seħħ mit‑3 ta’ Ġunju 2002 sal‑1 ta’ April 2003 […]

39

Fir-rigward tal-kontenut tal-ftehim Arrow Daniż, għandu jiġi osservat li:

l-ewwel, it-tielet u l-ħames sad-disa’ premessi tal-preambolu tiegħu jikkorrispondu, essenzjalment, għall-ewwel, għar-raba’ u għas-sitt sat-tmien premessi tal-preambolu Arrow UK, fejn id-disa’ premessa tal-preambolu Arrow Daniż tirreferi għad-digriet ibbażat fuq kunsens Arrow [imsemmi fil-punt 1.2 tal-ftehim Arrow UK];

il-punt 1.1 ta’ dan il-ftehim jipprovdi li ‘Arrow [Group] jaċċetta li jannulla u li jwaqqaf kwalunkwe importazzjoni, fabbrikazzjoni, produzzjoni, bejgħ jew kummerċjalizzazzjoni oħra ta’ prodotti li jinkludu s-citalopram li, skont [H. Lundbeck], jikkostitwixxi vjolazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ Lundbeck fit-territorju [Daniż] matul it-tul [tal-ftehim Arrow Daniż]’;

il-punt 2.1 ta’ dan il-ftehim jipprovdi li, bħala kumpens għall-impenji meħuda minn Arrow Group, [H. Lundbeck] għandha tħallas lil dan tal-aħħar is-somma ta’ 500000 dollaru Amerikan (USD);

il-punt 2.2 ta’ dan il-ftehim jistabbilixxi li, fil-każ li deċiżjoni finali fil-kuntest tal-kawża dwar vjolazzjoni Arrow tikkonstata li Arrow Group ma kinitx wettqet vjolazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ [H. Lundbeck], l-ammont previst fil-punt 2.1 ta’ dan il-ftehim jikkostitwixxi l-kumpens sħiħ li Arrow Group jista’ jikseb mingħand [H. Lundbeck], għat-telf li huwa jkun ġarrab minħabba l-obbligi li jirriżultaw mill-punt 1.1 tal-ftehim Arrow Daniż;

il-punt 3.1 ta’ dan il-ftehim iżid li [H. Lundbeck], qiegħda tixtri bil-prezz ta’ USD 147000 l-istokk ta’ citalopram ta’ Arrow Group, li jikkonsisti f’madwar 1 miljun pillola.

C – Il-ftehim ma’ Alpharma

40

[H. Lundbeck] iffirmat ftehim ma’ Alpharma fit‑22 ta’ Frar 2002 (iktar ’il quddiem il-“ftehim Alpharma”), għall-perijodu bejn din id-data u t‑30 ta’ Ġunju 2003 […]

41

Qabel il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, f’Jannar 2002, Alpharma kienet xtrat mingħand Alfred E. Tiefenbacher GmbH & Co. […] stokk ta’ pilloli ta’ citalopram ġeneriku żviluppat mill-IFA citalopram, prodotti mill-kumpannija Indjana Cipla permezz tal-proċessi tagħha […], u kienet ordnat iktar.

42

Fir-rigward tal-preambolu tal-ftehim Alpharma, għandu jiġi osservat, b’mod partikolari, li:

l-ewwel premessa tfakkar li ‘[H. Lundbeck] hija l-proprjetarju ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jinkludu, b’mod partikolari, privattivi dwar il-produzzjoni […] tal-IFA tas-‘Citalopram’ [miktuba b’‘c’ kapitali fit-test kollu tal-ftehim], li jinkludul-privattivi riprodotti fl-Anness A […]’ ta’ dan il-ftehim […];

it-tieni premessa tindika li [H. Lundbeck] tipproduċi u tbigħ prodotti farmaċewtiċi li jinkludu s-‘Citalopram’ fl-Istati Membri kollha kif ukoll fin-Norveġja u fl-Isvizzera, u dawn il-pajjiżi huma ddefiniti, flimkien, bħala t-‘Territorju’;

it-tielet u r-raba’ premessi jsemmu l-fatt li Alpharma pproduċiet jew xtrat prodotti farmaċewtiċi li jinkludu s-‘Citalopram’ fit-‘Territorju’, u dan mingħajr il-kunsens ta’ [H. Lundbeck];

il-ħames u s-sitt premessi jsemmu l-fatt li l-prodotti ta’ Alpharma kienu suġġetti minn [H. Lundbeck] għal testijiet fil-laboratorju li r-riżultati tagħhom taw lil [H. Lundbeck] raġunijiet sostanzjali sabiex temmen li l-metodi ta’ produzzjoni użati sabiex jinħolqu dawn il-prodotti kienu jikkostitwixxu vjolazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħha;

is-seba’ premessa tfakkar li, fil-31 ta’ Jannar 2002, [H. Lundbeck] ressqet kawża quddiem qorti tar-Renju Unit (iktar ’il quddiem il-‘kawża dwar vjolazzjoni Alpharma’) sabiex tikseb ordni “kontra l-bejgħ minn Alpharma ta’ prodotti li jinkludu s-Citalopramminħabba vjolazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ [H. Lundbeck]’;

it-tmien premessa tindika li Alpharma tirrikonoxxi li l-konstatazzjonijiet ta’ [H. Lundbeck] huma korretti u timpenja ruħha li ma tqegħidx fis-suq ‘tali prodotti’;

id-disa’ u l-għaxar premessi jispeċifikaw li [H. Lundbeck]:

‘taqbel li tħallas lil Alpharma kumpens sabiex tkun tista’ tevita tilwima fil-qasam tal-privattivi’ li l-eżitu tagħha ma jistax jiġi previst b’ċertezza assoluta u li ser tkun tirrikjedi ħafna riżorsi f’termini ta’ flus u ħin;

‘taqbel, sabiex issolvi t-tilwima, li tixtri mingħand Alpharma l-istokk kollu tagħha ta’ prodotti li jinkludu s-Citalopram u li tħallasha kumpens għal dawn il-prodotti’.

43

Fir-rigward tat-test prinċipali tal-ftehim Alpharma, għandu jiġi osservat, b’mod partikolari, li:

il-punt 1.1 jipprovdi li Alpharma u s-sussidjarji tagħha qegħdin ‘jannullaw, iwaqqfu u jastjenu minn kwalunkwe importazzjoni, […] produzzjoni […] jew bejgħ ta’ prodotti farmaċewtiċi li jinkludu s-Citalopram fit-Territorju […] matul il-[perijodu rilevanti]’ u li [H. Lundbeck] qiegħda tirtira l-kawża dwar vjolazzjoni Alpharma;

dan l-istess punt jippreċiża li ma japplikax għall-escitalopram;

il-punt 1.2 jipprevedi li, ‘[f]il-każ ta’ kwalunkwe ksur tal-obbligu stabbilit [fil-punt 1.1] jew fuq talba minn [H. Lundbeck), Alpharma […] ser tissuġġetta ruħha b’mod volontarju għal ordni provviżorja min-naħa ta’ kwalunkwe qorti kompetenti fi kwalunkwe pajjiż tat-Territorju’ u li [H. Lundbeck] tista’ tikseb tali ordni mingħajr ma tiddepożita garanzija;

il-punt 1.3 jispeċifika li, bħala kumpens għall-obbligi previsti f’dan il-ftehim u sabiex jiġu evitati l-ispejjeż u ż-żmien ta’ kawża kontenzjuża, [H. Lundbeck] għandha tħallas lil Alpharma s-somma ta’ USD 12-il miljun, li 11-il miljun minnhom jirrigwardawil-prodotti ta’ Alpharma li jinkludu s-‘Citalopram’, u dan fi tliet ħlasijiet ta’ 4 miljun kull wieħed, li għandhom isiru rispettivament fil‑31 ta’ Marzu 2002, fil‑31 ta’ Diċembru 2002 u fit‑30 ta’ Ġunju 2003;

il-punt 2.2 jistabbilixxi li, sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Marzu 2002, Alpharma għandha tikkunsinna lil [H. Lundbeck] l-istokk kollu tagħha ta’ prodotti li jinkludu s-‘Citalopram’ li hija jkollha fil-pussess tagħha f’dik id-data, jiġifieri d-9.4 miljun pillola li diġà jinsabu fil-pussess tagħha mal-konklużjoni tal-ftehim Alpharma u s-16-il miljun pillola li hija kienet ordnat.

44

L-Anness A [tal-ftehim Alpharma] jinkludi lista ta’ 28 applikazzjoni għal drittijiet tal-proprjetà intellettwali ppreżentati minn [H. Lundbeck] qabel l-iffirmar ta’ [dan il-ftehim], li disgħa minnhom kienu diġà ntlaqgħu fl-imsemmija data. Dawn id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kienu jikkonċernaw il-proċessi sabiex jiġi prodott l-IFA tas-citalopram koperti mill-[privattiva] dwar il-kristallizzazzjoni u [l-privattiva] dwar id-distillazzjoni f’film.

45

Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat li, fit‑2 ta’ Mejju 2002, qorti tar-Renju Unit tat digriet ibbażat fuq kunsens li kien jipprevedi li l-proċedura fil-kawża dwar vjolazzjoni Alpharma kellha tiġi sospiża minħabba l-konklużjoni ta’ ftehim bejn [H. Lundbeck] u, b’mod partikolari, Alpharma, li kien jipprovdi li din tal-aħħar u s-sussidjarji tagħha ‘[kellhom] jannullaw, iwaqqfu u jastjenu minn kwalunkwe importazzjoni, […] produzzjoni […] jew bejgħ, [fl-Istati Membri], fin-Norveġja u fl-Isvizzera (‘it-Territorji Rilevanti’), ta’ prodotti farmaċewtiċi li jinkludu s-citalopram iffabbrikat bl-użu tal-proċessi koperti [mill-privattiva dwar il-kristallizzazzjoni u dwar id-distillazzjoni f’film mogħtija mill-awtoritajiet tar-Renju Unit] jew minn kwalunkwe privattiva ekwivalenti oħra miksuba jew mitluba fit-Territorji Rilevanti sat‑30 ta’ Ġunju 2002’ […].

D – Il-ftehim ma’ Ranbaxy

46

[H. Lundbeck] iffirmat ftehim ma’ Ranbaxy Laboratories fis‑16 ta’ Ġunju 2002 (iktar ’il quddiem il-‘ftehim Ranbaxy’), għal tul ta’ 360 jum. Skont addendum iffirmat fid‑19 ta’ Frar 2003 (iktar ’il quddiem l-‘addendum Ranbaxy’), dan il-ftehim ġie estiż sal‑31 ta’ Diċembru 2003. It-tul global ta’ dan il-ftehim huwa, għalhekk, mis‑16 ta’ Ġunju 2002 sal‑31 ta’ Diċembru 2003 […]

47

Skont il-preambolu tal-ftehim Ranbaxy (iktar ’il quddiem il-‘preambolu Ranbaxy’):

Ranbaxy Laboratories applikat, fl-Indja, għal żewġ privattivi ta’ proċess dwar is-citalopram u pproduċiet prodotti mediċinali li jinkludu s-citalopram bl-intenzjoni li tqegħidhom fis-suq b’mod partikolari fiż-ŻEE (it-tieni u t-tielet premessa tal-preamboluRanbaxy kif ukoll Anness A tal-ftehim Ranbaxy);

[H. Lundbeck] issuġġettat dan is-citalopram għal testijiet fil-laboratorju u minn dawn it-testijiet ikkonkludiet li l-proċessi użati jikkostitwixxu vjolazzjoni tal-privattiva dwar l-amid u tal-privattiva dwar il-jodju [imsemmija fil-punt 19 tas-sentenza appellata], meta din [il-privattiva) kienet għadha ma ngħatatx (ara l-punt 19 [tas-sentenza appellata]), filwaqt li Ranbaxy Laboratories tikkontesta l-eżistenza ta’ tali vjolazzjonijiet (il-ħames sat-tmien premessi tal-preambolu Ranbaxy);

[H. Lundbeck] u Ranbaxy Laboratories waslu għal ftehim sabiex jevitaw tilwima fil-qasam tal-privattiva li tkun tirrikjedi ħafna riżorsi f’termini ta’ flus u ħin u li l-eżitu tagħha ma setax jiġi previst b’ċertezza assoluta (id-disa’ premessa tal-preambolu).

48

Skont il-ftehim Ranbaxy, b’mod partikolari huwa indikat dan li ġej:

‘[b]la ħsara għall-kundizzjonijiet u għall-ħlasijiet min-naħa ta’ [H. Lundbeck], previsti [f’dan il-ftehim] Ranbaxy Laboratories ma ser tinvoka ebda dritt fuq l-[a]pplikazzjoni għal [p]rivattiva [imsemmija fil-preambolu ta’ dan il-ftehim] jew fuq kwalunkwemetodu ta’ produzzjoni użat minn Ranbaxy Laboratories u għanda tannulla, twaqqaf u tirrinunzja għall-fabbrikazzjoni jew għall-bejgħ ta’ prodotti farmaċewtiċi bbażati fuqhom [b’mod partikolari fiż-ŻEE] matul it-tul ta’ dan il-ftehim’ (punt 1.1 tal-ftehim Ranbaxy u punt 1.0 tal-addendum Ranbaxy);

‘fil-każ ta’ ksur tal-obbligi previsti fil-punt 1.1 jew fuq talba minn [H. Lundbeck]’, Ranbaxy Laboratories u Ranbaxy (UK) jaċċettaw li jissuġġettaw ruħhom għall-ordnijiet provviżorji adottati mill-qrati nazzjonali kompetenti mingħajr ma [H. Lundbeck], tkun meħtieġa tippreżenta xi garanzija jew xi impenn ieħor għajr dawk li jirriżultaw minn dan il-ftehim (punt 1.2 tal-ftehim Ranbaxy);

fid-dawl tal-ftehim milħuq bejn il-partijiet, [H. Lundbeck] għandha tħallas lil Ranbaxy Laboratories ammont ta’ USD 9.5 miljun, fi ħlasijiet mifruxa matul il-perijodu rilevanti (punt 1.3 tal-ftehim Ranbaxy u punt 2.0 tal-addendum Ranbaxy);

[H. Lundbeck] għandha tbigħ lil Ranbaxy Laboratories jew lil Ranbaxy (UK) pilloli ta’ citalopram, bi tnaqqis ta’ 40 % fuq il-prezz ex works sabiex dawn ibigħuhom fis-suq tar-Renju Unit (punt 1.3 u Anness B tal-ftehim Ranbaxy);

[H. Lundbeck] u Ranbaxy Laboratories jimpenjaw ruħhom li ma jressqux kawżi ġudizzjarja kontra xulxin fuq il-bażi ta’ xi waħda mill-privattivi msemmija iktar ’il fuq fil-ftehim stess (punt 1.4 tal-ftehim Ranbaxy).

IV –Passi meħuda mill-Kummissjoni fis-settur farmaċewtiku u l-proċedura amministrattiva

49

F’Ottubru 2003, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ġiet informata mill-Konkurrence- og Forbrugerstyrelsen (KFST, awtorità tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi Daniża) dwar l-eżistenza tal-ftehimiet [kontenzjużi].

50

Peress li l-parti l-kbira ta’ dawn il-ftehimiet kienu jikkonċernaw iż-ŻEE kollha jew, fi kwalunkwe każ, Stati Membri oħra minbarra r-Renju tad-Danimarka, ġie miftiehem li l-Kummissjoni kellha teżamina l-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-kompetizzjoni filwaqt li l-KFST ma kellhiex tkompli tistħarreġ din il-kwistjoni.

51

Bejn [is-sena] 2003 u [s-sena] 2006, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament [Nru 1/2003], għand [H. Lundbeck] u għand kumpanniji oħra attivi fis-settur farmaċewtiku. Hija bagħtet ukoll, lil [H. Lundbeck] u lil kumpannija oħra, talbiet għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament.

52

Fil‑15 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li tiftaħ investigazzjoni dwar is-settur farmaċewtiku konformement mal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1/2003 (Każ COMP/D2/39514). L-uniku artikolu ta’ din id-deċiżjoni kien jippreċiża li l-investigazzjoni li kellha titwettaq kellha tikkonċerna l-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti mediċinali innovattivi u ġeneriċi għall-użu mill-bniedem.

53

Fit‑8 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li kellha bħala suġġett sinteżi tar-rapport ta’ investigazzjoni tagħha dwar is-settur farmaċewtiku. Din il-komunikazzjoni kienet tinkludi, f’anness tekniku, il-verżjoni sħiħa tal-imsemmi rapport ta’ investigazzjoni, fil-forma ta’ dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni, disponibbli biss [bil-lingwa Ingliża].

54

Fis‑7 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura formali fil-konfront ta’ [H. Lundbeck].

55

Matul is-sena 2010 u matul l-ewwel semestru tas-sena 2011, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lil [H. Lundbeck] u, b’mod partikolari, lill-kumpanniji l-oħra li kienu partijiet fil-ftehimiet kontenzjużi.

56

Fl‑24 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni bdiet proċedura fil-konfront tal-kumpanniji li kienu partijiet fil-ftehimiet kontenzjużi u bagħtitilhom dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kif ukoll lil [H. Lundbeck].

[…]

60

Fid‑19 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni [kontenzjuża].

V – Deċiżjoni [kontenzjuża]

61

Permezz tad-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni qieset li l-ftehimiet kontenzjużi kienu jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim [dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3)] (Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).

62

Iż-żewġ ftehimiet konklużi bejn Merck (GUK) u [H. Lundbeck] tqiesu li kienu jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu li kien ikopri l-perijodu bejn l‑24 ta’ Jannar 2002 u l‑1 ta’ Novembru 2003.

63

Kif jirriżulta mis-sunt li jinsab fil-premessi 824 u 874 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], f’dan ir-rigward il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq l-elementi segwenti:

fil-mument tal-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet, [H. Lundbeck] u Merck (GUK) kienu minn tal-inqas kompetituri potenzjali fir-Renju Unit u fiż-ŻEE, u kompetituri effettivi fir-Renju Unit qabel it-tieni estensjoni tal-ftehim GUK għar-Renju Unit;

[H. Lundbeck] wettqet trasferiment ta’ valur sostanzjali favur Merck (GUK) bis-saħħa ta’ dawn il-ftehimiet;

dan it-trasferiment ta’ valur kien marbut mal-aċċettazzjoni minn Merck (GUK) ta’ limitazzjonijiet għad-dħul fis-suq previsti fl-imsemmija ftehimiet, b’mod partikolari mal-impenn tagħha li ma tbigħx [l-IPA citalopram prodott minn Natco Pharma] jew kwalunkwe citalopram ġeneriku ieħor fir-Renju Unit u fiż-ŻEE matul it-tul rilevanti ta’ dawn il-ftehimiet;

dan it-trasferiment ta’ valur kien jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għall-profitti li Merck (GUK) xtaqet tiġġenera li kieku daħlet b’suċċess fis-suq;

[H. Lundbeck] ma setgħetx tikseb tali limitazzjonijiet billi tinvoka l-privattivi ta’ proċess tagħha peress li l-obbligi imposti fuq Merck (GUK) skont dawn il-ftehimiet kienu jmorru lil hinn mid-drittijiet mogħtija lill-proprjetarji ta’ privattivi ta’proċess;

dawn il-ftehimiet ma kienu jipprevedu ebda impenn min-naħa ta’ [H. Lundbeck] li tastjeni milli tressaq kawżi dwar vjolazzjoni kontra Merck (GUK) fil-każ li din tal-aħħar tidħol fis-suq bis-citalopram ġeneriku wara l-iskadenza tagħhom.

64

Iż-żewġ ftehimiet konklużi bejn Arrow u [H. Lundbeck] tqiesu li kienu jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu li kien ikopri l-perijodu bejn l‑24 ta’ Jannar 2002 u l‑20 ta’ Ottubru 2003.

65

Kif jirriżulta mis-sunti li jinsabu fil-premessi 962 u 1013 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], li jikkonċernaw rispettivament il-ftehim Arrow UK u l-ftehim Arrow Daniż, il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq l-elementi segwenti:

fil-mument tal-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet, [H. Lundbeck] u Arrow kienu kompetituri minn tal-inqas potenzjali fir-Renju Unit u fid-Danimarka;

[H. Lundbeck] wettqet trasferiment ta’ valur sostanzjali favur Arrow bis-saħħa ta’ dawn il-ftehimiet;

dan it-trasferiment ta’ valur kien marbut mal-aċċettazzjoni minn Arrow ta’ limitazzjonijiet għad-dħul tagħha fis-suq tas-citalopram fir-Renju Unit u fid-Danimarka, previsti fl-imsemmija ftehimiet, b’mod partikolari mal-impenn ta’ Arrow li ma tbigħx citalopram ġeneriku li [H. Lundbeck] kienet tqis li kien jikkostitwixxi vjolazzjoni tal-privattivi tagħha, u dan matul it-tul rispettiv ta’dawn il-ftehimiet;

dan it-trasferiment ta’ valur kien jikkorrispondi essenzjalment għall-profitti li Arrow setgħet tikseb li kieku daħlet fis-suq b’suċċess;

[H. Lundbeck] ma setgħetx tikseb tali limitazzjonijiet bis-saħħa tal-applikazzjoni tal-privattivi l-ġodda tagħha, peress li l-obbligi imposti fuq Arrow skont dawn il-ftehimiet kienu jmorru lil hinn mid-drittijiet mogħtija lill-proprjetarji ta’ privattivi ta’proċess;

dawn il-ftehimiet ma kienu jipprevedu ebda impenn min-naħa ta’ [H. Lundbeck] li tastjeni milli tressaq kawżi dwar vjolazzjoni kontra Arrow fil-każ li din tal-aħħar, wara l-iskadenza ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn il-ftehimiet, tidħol fis-suq tar-Renju Unit jew f’dak tad-Danimarka bis-citalopram ġeneriku.

66

Fir-rigward tal-ftehim Alpharma, kif jirriżulta mis-sunt li jinsab fil-premessa 1087 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq l-elementi segwenti:

fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, [H. Lundbeck] u Alpharma kienu kompetituri minn tal-inqas potenzjali f’diversi pajjiżi taż-ŻEE;

[H. Lundbeck] wettqet trasferiment ta’ valur sostanzjali favur Alpharma bis-saħħa ta’ dan il-ftehim;

dan it-trasferiment ta’ valur kien marbut mal-aċċettazzjoni minn Alpharma ta’ limitazzjonijiet fir-rigward tad-dħul fis-suq tagħha previsti fl-imsemmi ftehim, b’mod partikolari mal-impenn ta’ Alpharma li ma tbigħ ebda citalopram ġeneriku fiż-ŻEE matul il-perijodu rilevanti;

dan it-trasferiment ta’ valur kien jikkorrispondi essenzjalment għall-profitti li Alpharma setgħet tikseb li kieku daħlet fis-suq b’suċċess;

[H. Lundbeck] ma setgħetx tikseb tali limitazzjonijiet bis-saħħa tal-applikazzjoni tal-privattivi dwar il-kristallizzazzjoni u [tal-privattiva] dwar id-distillazzjoni f’film, peress li l-obbligi imposti fuq Alpharma skont dan il-ftehim kienu jmorru lil hinn mid-drittijiet mogħtija lill-proprjetarju ta’ privattivi ta’ proċess;

il-ftehim ma kien jipprevedi ebda impenn min-naħa ta’ [H. Lundbeck] li tastjeni milli tressaq kawżi dwar vjolazzjoni Alpharma fil-każ li din tal-aħħar tidħol fis-suq bis-citalopram ġeneriku wara l-iskadenza ta’ dan il-ftehim.

67

Fir-rigward tal-ftehim Ranbaxy, kif jirriżulta mis-sunt li jinsab fil-premessa 1174 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq l-elementi segwenti:

fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, [H. Lundbeck] u Ranbaxy kienu kompetituri minn tal-inqas potenzjali fi ħdan iż-ŻEE;

[H. Lundbeck] wettqet trasferiment ta’ valur sostanzjali favur Ranbaxy bis-saħħa ta’ dan il-ftehim;

dan it-trasferiment ta’ valur kien marbut mal-aċċettazzjoni minn Ranbaxy ta’ limitazzjonijiet għad-dħul fis-suq tagħha previsti fl-imsemmi ftehim, b’mod partikolari mal-impenn ta’ Ranbaxy li la tipproduċi u lanqas ma tbigħ is-citalopram tagħha fiż-ŻEE matul il-perijodu rilevanti, la permezz tas-sussidjarji tagħha u lanqas permezz ta’ terzi;

dan it-trasferiment ta’ valur kien jeċċedi b’mod kunsiderevoli l-profitti li Ranbaxy setgħet tikseb permezz tal-bejgħ tas-citalopram ġeneriku li hija kienet ipproduċiet sa dak iż-żmien;

[H. Lundbeck] ma setgħetx tikseb tali limitazzjonijiet billi tinvoka l-privattivi ta’ proċess tagħha, peress li l-obbligi imposti fuq Ranbaxy skont dan il-ftehim kienu jmorru lil hinn mid-drittijiet mogħtija lill-proprjetarju ta’ privattivi ta’ proċess;

il-ftehim ma kien jipprevedi ebda impenn min-naħa ta’ [H. Lunbeck] li tastjeni milli tressaq kawżi dwar vjolazzjoni kontra Ranbaxy fil-każ li din tal-aħħar tidħol fis-suq bis-citalopram ġeneriku tagħha wara l-iskadenza tal-[imsemmi] ftehim […]

68

Il-Kummissjoni imponiet ukoll multi fuq il-partijiet kollha fil-ftehimiet kontenzjużi. Għal dan il-għan, hija użat il-[Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006]. Fir-rigward ta’ [H. Lundbeck], il-Kummissjoni segwiet il-metodoloġija ġenerali deskritta fil-[Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006], ibbażata fuq il-valur tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat iġġenerat minn kull parteċipant f’akkordju (premessi 1316 sa 1358 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]). Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-partijiet l-oħra fil-ftehimiet kontenzjużi, jiġifieri fir-rigward tal-[manifatturi tal-prodotti mediċinali] ġeneriċi, hija użat il-possibbiltà, prevista fil-punt 37 tal-imsemmija linji gwida, li ma timxix ma’ din il-metodoloġija fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-każ fir-rigward ta’ dawn il-partijiet (premessa 1359 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).

69

B’hekk, fir-rigward tal-partijiet fil-ftehimiet kontenzjużi minbarra [H. Lundbeck], il-Kummissjoni qieset li, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa u sabiex tiżgura li din il-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv, kien hemm lok li tieħu inkunsiderazzjoni l-valur tas-somom li [H. Lundbeck], kienet ittrasferitilhom bis-saħħa ta’ dawn il-ftehimiet, u dan mingħajr ma tintroduċi distinzjoni bejn il-ksur fuq il-bażi tan-natura jew tal-portata ġeografika ta’ kull ksur, jew skont l-ishma tas-suq tal-impriżi kkonċernati, fatturi li fid-deċiżjoni kkontestata ssemmew biss għal finijiet ta’ kompletezza (premessa 1361 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).

70

Għall-kuntrarju, fir-rigward ta’ [H. Lundbeck], il-Kummissjoni applikat il-metodu ġenerali deskritt fil-[Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006], billi bbażat ruħha fuq il-valur tal-bejgħ fis-suq ikkonċernat. Peress li l-bejgħ ta’ citalopram ta’ [H. Lundbeck] kien naqas kunsiderevolment matul it-tul tal-ftehimiet kontenzjużi u peress li dawn ma kinux ikopru sena ta’ kontabbiltà sħiħa, il-Kummissjoni kkalkolat valur medju annwali tal-bejgħ. Għal dan il-għan, hija bdiet billi kkalkolat il-valur medju fix-xahar tal-bejgħ ta’ citalopram minn [H. Lundbeck], matul it-tul ta’ kull wieħed mill-ftehimiet kontenzjużi, u mbagħad immultiplikat dan il-valur bi tnax (premessa 1326 u nota ta’ qiegħ il-paġna numru 2215 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).

71

Barra minn hekk, il-Kummissjoni imponiet erba’ multi separati fuq [H. Lundbeck], peress li s-sitt ftehimiet kontenzjużi tqiesu li kienu jagħtu lok għal erba’ istanzi ta’ ksur distinti, sa fejn iż-żewġ ftehimiet bejn [H. Lundbeck], u Merck (GUK) taw lok għal ksur uniku u kontinwu, bħal fil-każ ukoll taż-żewġ ftehimiet bejn [H. Lundbeck] u Arrow. Madankollu, sabiex ma tasalx għal multa sproporzjonata, il-Kummissjoni applikat fattur ta’ korrezzjoni li jwassal għal tnaqqis fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, ibbażat fuq metodu li jirrifletti l-koinċidenzi ġeografiċi u temporali bejn id-diversi istanzi ta’ ksur (premessa 1329 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]). Dan il-metodu wassal għal tnaqqis ta’ 15 % għal kull ksur li fir-rigward tiegħu kienu ġew ikkonstatati tali koinċidenzi (nota ta’ qiegħ il-paġna numru 2218 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).

72

Fid-dawl tal-gravità tal-istanzi ta’ ksur ikkonstatati, li l-Kummissjoni kklassifikat bħala “gravi” peress li [l-ftehimiet kontenzjużi) kienu jimplikaw esklużjoni tas-suq, fid-dawl tas-sehem għoli tas-suq ta’ [H. Lundbeck] fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dawn l-istanzi ta’ ksur, tal-portata ġeografika wiesgħa ħafna tal-ftehimiet kontenzjużi u tal-fatt li dawn il-ftehimiet kollha kienu ġew implementati, il-Kummissjoni qieset li l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li kellu jiġi applikat kellu jiġi ffissat għal 11 % għall-istanzi ta’ ksur li l-portata ġeografika tagħhom kienet iż-ŻEE kollha u għal 10 % għall-istanzi l-oħra (premessi 1331u 1332 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).

73

Il-Kummissjoni applikat koeffiċjent multiplikatur għal dan l-ammont sabiex tieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur (premessi 1334 sa 1337 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]) u ammont supplimentari ta’ 10 % għall-ewwel ksur imwettaq, jiġifieri l-ksur li jikkonċerna l-ftehimiet konklużi ma’ Arrow, skont il-[punt] 25 tal-[Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006], sabiex tiżgura li l-multi imposti [fuq H. Lundbeck u fuq Lundbeck Ltd ikollhom] effett suffiċjentement dissważiv (premessa 1340 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).

74

Fid-dawl tat-tul totali tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni tat, madankollu, tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont tal-multi imposti fuq id-destinatarji kollha tad-deċiżjoni [kontenzjuża] (premessi 1349 u 1380 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]).

75

Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u fid-dawl tal-fatt li l-ftehim GUK għar-Renju Unit kien ġie ffirmat minn Lundbeck Ltd, il-Kummissjoni imponiet multa totali ta’ ammont ta’ EUR 9 76600 fuq [H. Lundbeck], li EUR 5306000 minnhom huma dovuti in solidum ma’ Lundbeck Ltd, li hija komposta b’dan il-mod (premessi 1238, 1358 u Artikolu 2 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]):

EUR 19893000 għall-ftehimiet konklużi ma’ Merck (GUK), li EUR 5306000 minnhom huma dovuti in solidum ma’ Lundbeck Ltd;

EUR 12951000 għall-ftehimiet konklużi ma’ Arrow;

EUR 31968000 għall-ftehim konkluż ma’ Alpharma;

EUR 28954000 għall-ftehim konkluż ma’ Ranbaxy.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

7

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Awwissu 2013, H. Lundbeck u Lundbeck Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Lundbeck”) ippreżentaw rikors intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża u għat-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqhom mill-Kummissjoni.

8

Insostenn tar-rikors tagħha, Lundbeck invokat għaxar motivi, li ċ-ċaħda biss tal-ewwel sas-sitt, tad-disa’ u tal-għaxar motiv hija kkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell. Permezz tal-ewwel motiv, Lundbeck ikkontestat l-affermazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża li l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi u Lundbeck kienu minn tal-inqas kompetituri potenzjali fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet kontenzjużi. It-tieni sas-sitt motiv kienu bbażati, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE minħabba l-klassifikazzjoni mill-Kummissjoni tal-ftehimiet kontenzjużi bħala “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”. Permezz tad-disa’ u tal-għaxar motiv, Lundbeck ikkontestat, sussidjarjament, l-impożizzjoni ta’ multi fir-rigward tagħha u, b’mod iktar sussidjarju, il-kalkolu tal-ammont ta’ dawn il-multi.

9

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors kollu kemm hu.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10

Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Novembru 2016, Lundbeck ippreżentat dan l-appell.

11

Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Novembru 2016, Lundbeck talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti, fir-rigward tal-European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations (EFPIA), intervenjenti fl-ewwel istanza, trattament kunfidenzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża, identika għal dik rriżervata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din l-istess deċiżjoni fil-kuntest tal-Kawża T‑472/13 (Lunbeck vs Il‑Kummissjoni). B’digriet tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni (C‑591/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:967), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba. B’hekk hija biss verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża li ġiet innotifikata lill-EFPIA.

12

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit talab sabiex jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tal‑5 ta’ Lulju 2017, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni (C‑591/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:532), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba. Madankollu, fuq talba ta’ Lundbeck, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru, trattament kunfidenzjali għall-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża, peress li verżjoni waħda biss mhux kunfidenzjali tagħha ġiet innotifikata lilu.

13

Wara t-talba ta’ Lundbeck tas‑17 ta’ Marzu 2017, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizzaha tippreżenta replika.

14

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni talbet il-proroga tat-terminu għall-preżentata tal-kontroreplika tagħha. B’deċiżjoni tas‑17 ta’ Mejju 2017, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba.

15

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Lulju 2017, ir-Renju Unit talab il-proroga tat-terminu għall-preżentata tan-nota ta’ intervent tiegħu. B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Lulju 2017, huwa laqa’ din it-talba.

16

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Lulju 2017, ir-Renju Unit talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni wkoll fil-Kawżi C‑586/16 P (Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il‑Kummissjoni), C‑588/16 P (Generics (UK) vs Il‑Kummissjoni), C‑601/16 P (Arrow Group u Arrow Generics vs Il-Kummissjoni), C‑611/16 P (Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il‑Kummissjoni) u C‑614/16 P (Merck vs Il‑Kummissjoni), imsemmija fil-punt 5 ta’ din is-sentenza. Permezz ta’ digrieti tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il‑Kummissjoni (C-586/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:831, tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Generics (UK) vs Il‑Kummissjoni (C‑588/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:829), tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Arrow Group u Arrow Generics vs Il‑Kummissjoni (C‑601/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:826), tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il‑Kummissjoni (C‑611/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:825) u tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Merck vs Il‑Kummissjoni (C‑614/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:828), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ dawn it-talbiet. Madankollu, fid-dawl b’mod partikolari tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Lulju 2017, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni (C‑591/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:532), dan tal-aħħar irriżerva, fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru, f’dawn il-kawżi kollha, trattament kunfidenzjali, b’mod partikolari, għall-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża, peress li verżjoni mhux kunfidenzjali biss tagħha ġiet innotifikata lir-Renju Unit.

17

Wara l-preżentata tal-kontrorepliki tal-EFPIA u tal-Kummissjoni kif ukoll tal-preżentata minn Lundbeck, l-EFPIA u l-Kummissjoni tar-risposta tagħhom għan-nota ta’ intervent ippreżentata mir-Renju Unit, il-fażi bil-miktub tal-proċedura f’din il-kawża ngħalqet fit‑13 ta’ Novembru 2017.

18

Fis‑27 ta’ Novembru 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-kawża tiġi assenjata lir-Raba’ Awla li għandha tiddeċiedi wara seduta għas-sottomissjonijiet orali komuni għal din il-kawża u għall-Kawżi C‑586/16 P (Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il-Kummissjoni), C‑588/16 P (Generics (UK) vs Il‑Kummissjoni), C‑601/16 P (Arrow Group u Arrow Generics vs Il‑Kummissjoni), C‑611/16 P (Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il‑Kummissjoni) u C‑614/16 P (Merck vs Il‑Kummissjoni) kif ukoll bil-benefiċċju tat-talbiet.

19

Abbażi tal-Artikolu 61(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar, fid‑29 ta’ Novembru 2018, bagħtet lill-partijiet fil-proċedura f’din il-kawża, serje ta’ mistoqsijiet bil-miktub għal risposti orali matul is-seduta kif ukoll pjan provviżorju tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali li jispeċifikaw preċiżament l-iżvolġiment tagħha. Wara l-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-proċedura, fit‑22 ta’ Jannar 2019 intbagħatilhom pjan definittiv tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali.

20

Is-seduta għas-sottomissjonijiet orali komuni għal din il-kawża u għall-kawżi msemmija fil-punt 18 ta’ din is-sentenza nżammet fl‑24 ta’ Jannar 2019.

21

L-Avukata Ġenerali, fis‑6 ta’ Frar 2020, abbażi tal-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura, bagħtet lill-partijiet fil-proċedura f’din il-kawża mistoqsija għal tweġiba bil-miktub (iktar ’il quddiem il-“mistoqsija għal tweġiba bil-miktub tas‑6 ta’ Frar 2020”) li permezz tagħha hija stednithom jieħdu pożizzjoni dwar l-eventwali influwenza tas-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52) dwar il-motivi mqajma f’dan il-każ relatati mal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Lundbeck u l-manifatturi tal-prodotti mediċinali ġeneriċi kif ukoll mal-klassifikazzjoni tal-ftehimiet konklużi bejn Lundbeck u dan tal-aħħar għal ksur ta’ “restrizzjoni b’oġġett”. It-tweġibiet għal din il-mistoqsija waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Marzu 2020.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22

Permezz tal-appell tagħha, Lundbeck talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata kompletament jew parzjalment;

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tikkonċernaha jew, sussidjarjament, tannulla l-multi li ġew imposti fuqha jew, iktar sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment l-ammont ta’ dawn il-multi;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż legali u għal spejjeż oħra sostnuti minn Lundbeck matul dan l-appell u matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali;

sa fejn ikun meħtieġ, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi konformement mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u

tadotta kwalunkwe miżura oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis xierqa.

23

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell fl-intier tiegħu u

tikkundanna lil Lundbeck għall-ispejjeż.

24

L-EFPIA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell kompletament jew parzjalment;

jekk ikun meħtieġ, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi konformement mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kif ukoll dawk sostnuti minnha fil-kuntest ta’ dan l-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

25

Ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-appell fl-intier tiegħu.

Fuq l-appell

26

Insostenn tal-appell tagħha, Lundbeck invokat sitt aggravji.

27

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Lundbeck tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta approvat li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-klassifikazzjoni tal-ftehimiet kontenzjużi bħala “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”, anki jekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck.

28

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Lundbeck tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi sa fejn ma applikatx il-kriterju legali xieraq sabiex tiddetermina jekk ħamsa mis-sitt ftehimiet kontenzjużi — jiġifieri l-ftehim GUK għaż-ŻEE, il-ftehim Arrow UK, il-ftehim Arrow Daniż, il-ftehim Alpharma u l-ftehim Ranbaxy — kinux jinkludu restrizzjonijiet li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi l-ġodda tagħha ta’ proċess miżmuma minn Lundbeck, fid-dawl tal-assenza ta’ prova ta’ qbil ta’ rieda bejn il-partijiet kontraenti ta’ dan il-ftehim.

29

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Lundbeck issostni li, anki jekk il-Qorti Ġenerali kellha raġun tqis li tal-inqas ħamsa mis-sitt ftehimiet kontenzjużi kienu joħorġu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi l-ġodda tagħha tal-proċessi ta’ Lundbeck, hija madankollu kkonkludiet b’mod żbaljat li dawn il-ftehimiet kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan.

30

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, Lundbeck tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-provi, u kkontradixxiet lilha nnifisha meta kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li Lundbeck u l-produtturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kienu kompetituri reali jew potenzjali fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehimiet kontenzjużi, irrispettivament minn jekk il-prodotti tal-manifatturi tal-prodotti mediċinali ġeneriċi li jiksru l-privattivi l-ġodda ta’ proċedura ta’ Lundbeck.

31

Permezz tal-ħames aggravju tagħha, Lundbeck tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkonfermat b’mod żbaljat il-multi li l-Kummissjoni imponitilha.

32

Permezz tas-sitt aggravju tagħha, Lundbeck issostni, sussidjarjament, li l-konferma mill-Qorti Ġenerali tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi li ġew imposti fuqha mill-Kummissjoni hija żbaljata fid-dritt u ma hijiex motivata suffiċjentement.

33

Qabel kollox, għandu jiġi eżaminat ir-raba’ aggravju, imbagħad l-ewwel sat-tielet aggravju meħuda flimkien u, fl-aħħar nett, suċċessivament, il-ħames u s-sitt aggravju.

Fuq ir-raba’ aggravju

Fuq il-punti rilevanti tas-sentenza appellata.

34

Permezz tal-ewwel motiv tar-rikors għal annullament tagħha, Lundbeck sostniet li l-Kummissjoni kienet wettqet diversi żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li kkonkludew il-ftehimiet kontenzjużi kienu minn tal-inqas kompetituri potenzjali ta’ Lundbeck fil-mument tal-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet.

35

Dan il-motiv kien maqsum f’disa’ partijiet li l-Qorti Ġenerali ċaħdithom kollha bħala infondati.

36

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ewwel sal-ħames parti tal-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 117 sa 133 kif ukoll fil-punti 157 sa 167 tas-sentenza appellata, irrifjutat li tilqa’ l-argumenti ta’ Lundbeck fis-sens li, rispettivament, minn naħa, l-introduzzjoni ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ terzi ma tikkostitwixxix l-espressjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali skont l-Artikolu 101 TFUE u, min-naħa l-oħra, il-kontestazzjoni ta’ privattiva valida ma tikkostitwixxix possibbiltà reali u konkreta ta’ dħul fis-suq.

37

Il-Qorti Ġenerali osservat li l-konstatazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Lundbeck u l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kienet stabbilita peress li dawn tal-aħħar kellhom possibbiltajiet reali u konkreti kif ukoll il-kapaċità li jidħlu fis-suq, fid-dawl tad-diversi elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni u tad-deċiżjoni ta’ Lundbeck li tħallas somom kbar lil dawn il-manifatturi sabiex iżommuhom barra mis-suq matul it-tul tal-ftehimiet kontenzjużi.

38

F’dan ir-rigward, hija qieset b’mod partikolari, fil-punti 124 u 195 rispettivament tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball meta qieset li l-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck ma kinux neċessarjament jikkostitwixxu ostakoli insormontabbli għall-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi u li kull wieħed minn dawn il-manifatturi kellu, jew seta’ jkollu f’terminu suffiċjentement qasir, verżjoni ġenerika tas-citalopram ibbażata fuq proċessi li fir-rigward tagħhom ma kienx stabbilit li kienu jikkostitwixxu ksur ta’ xi privattiva ta’ Lundbeck fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet kontenzjużi. Hija qieset ukoll, fil-punt 171 ta’ din is-sentenza, li l-kompetizzjoni potenzjali tinkludi b’mod partikolari l-attivitajiet tal-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi intiżi li jiksbu l-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq (ATS) neċessarji sabiex jippreparaw għad-dħul tagħhom fis-suq.

39

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-provi, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, fil-punti 126 u 254 tas-sentenza appellata, il-fatt li Lundbeck kienet taf li l-privattiva dwar il-kristallizzazzjoni kienet, essenzjalment, dgħajfa u setgħet tiġi invalidata, filwaqt li eskludiet, fil-punti 142 u 147 ta’ din is-sentenza, li l-konstatazzjoni ta’ eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi u Lundbeck kienet ibbażata essenzjalment fuq evalwazzjonijiet suġġettivi.

40

Il-Qorti Ġenerali aċċettat ukoll, fil-punti 134 sa 148 tal-imsemmija sentenza, li tieħu inkunsiderazzjoni provi sussegwenti għall-ftehimiet kontenzjużi u ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punt 254 ta’ din l-istess sentenza, provi li jistabbilixxu li ċerti manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi u Lundbeck stess kellhom dubji dwar il-validità tal-privattiva dwar il-kristallizzazzjoni fil-mument tal-konklużjoni tal-imsemmija ftehimiet. Għall-kuntrarju, fil-punt 145 tas-sentenza appellata, hija rrifjutat li tqis bħala determinanti, sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Lundbeck u l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi fil-mument tal-konklużjoni tal-imsemmija ftehimiet, il-fatt, b’mod partikolari, li l-EPO kkonferma din il-privattiva fl-aspetti rilevanti kollha tagħha fl-2009.

41

Fit-tieni lok, fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għas-sitt sad-disa’ parti tal-ewwel motiv tar-rikors għal annullament, il-Qorti Ġenerali evalwat, għal kull wieħed mill-ftehimiet kontenzjużi, jekk il-provi prodotti mill-Kummissjoni kinux jippermettu effettivament li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn kull wieħed mill-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi u Lundbeck, billi kkonstatat, b’mod partikolari, fil-punt 181 tas-sentenza appellata, li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni kienet ibbażata fuq numru ta’ fatturi li jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika ta’ kull wieħed minn dawn il-manifatturi kontenzjużi kif ukoll ta’ kundizzjonijiet speċifiċi tal-qasam farmaċewtiku.

L-argumenti tal-partijiet

42

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, kompost minn seba’ partijiet, Lundbeck issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi kif ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-provi u kkontradixxiet ruħha meta kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li Lundbeck u l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kienu kompetituri minn tal-inqas potenzjali.

43

Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, Lundbeck issostni li l-Qorti Ġenerali, billi llimitat ruħha li tivverifika jekk il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi setgħux jidħlu fiżikament fis-suq, wettqet żball ta’ liġi meta injorat l-eżistenza ta’ ostakoli, jiġifieri l-privattivi l-ġodda ta’ proċess li hija proprjetarja tagħhom, billi ostakolat il-penetrazzjoni legali ta’ dawn il-manifatturi fis-suq, kif jikkonferma l-punt 29 tal-Linji gwida għall-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija tal-2014. Issa, skont Lundbeck, sostnuta mill-EFPIA, meta jeżistu drittijiet esklużivi bħal privattivi, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali f’suq timponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tivverifika, jekk, fl-assenza tal-ftehim li hija teżamina, impriża kienx ikollha possibbiltajiet reali u konkreti li tidħol legalment fl-imsemmi suq u li jikkompetu magħha l-impriżi stabbiliti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma twettaq tqassim żbaljat tal-oneru tal-prova u, għaldaqstant, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tqis, fil-punt 195 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata turi li l-proċessi tal-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi ma kinux jiksru l-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma tippreġudika l-preżunzjoni ta’ validità marbuta ma’ dawn il-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck u, għaldaqstant, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tqis, fil-punti 115 sa 132 u 149 sa 167 tas-sentenza appellata, li, anki jekk il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kellhom biss citalopram protett mill-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck, huma xorta waħda kienu l-kompetituri potenzjali tagħha minħabba l-possibbiltà tagħhom li jikkontestaw dawn il-privattivi.

44

Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, Lundbeck issostni li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 145 tas-sentenza appellata, li hija kienet qiegħda tiddubita hija stess il-validità tal-privattiva dwar il-kristallizzazzjoni, hija bbażata fuq “żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-provi”, peress li din hija bbażata biss fuq żewġ dokumenti tat‑22 ta’ Novembru 2002 u tad‑29 ta’ Settembru 2003, li huma wara l-ftehimiet kontenzjużi, fatt li jmur kontra l-affermazzjoni, li tinsab fil-punt 141 tas-sentenza appellata, li skontha provi sussegwenti għall-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet ma jistgħux ikunu deċiżivi għall-finijiet tal-eżami tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali. Barra minn hekk, fil-punt 254 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali invertiet l-oneru tal-prova għad-detriment ta’ Lundbeck, billi rrikjediet minn din tal-aħħar li tipproduċi provi li jippermettu li jiġi spjegat kif, qabel il-konklużjoni tal-imsemmija ftehimiet, l-evalwazzjoni tagħha tal-probabbiltà li l-privattiva dwar il-kristallizzazzjoni ġiet invalidata kienet tkun differenti.

45

Permezz tat-tielet parti tar-raba’ aggravju, Lundbeck issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 134 sa 148 tas-sentenza appellata, li l-provi sussegwenti għall-ftehimiet kontenzjużi, anki jekk oġġettivi, ma setgħux ikunu deċiżivi għall-finijiet tal-eżami tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Lundbeck u kull wieħed mill-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi.

46

Permezz tar-raba’ sas-seba’ parti tar-raba’ aggravju, Lundbeck issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punti 225, 230, 255, 270, 286 u 330 tas-sentenza appellata, li Merck (GUK) kienet minn tal-inqas kompetitur potenzjali ta’ Lundbeck fir-Renju Unit u fil-pajjiżi l-oħra taż-ŻEE, li Arrow kienet kompetitur potenzjali ta’ Lundbeck fir-Renju Unit u fid-Danimarka u, fl-aħħar nett, li Alpharma u Ranbaxy kienu kompetituri potenzjali ta’ Lundbeck fiż-ŻEE, minħabba li dawn il-prodotti mediċinali ġeneriċi ma kellhomx, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet kontenzjużi, ATS jew awtorizzazzjoni ekwivalenti għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti mediċinali ġeneriku tagħhom fit-territorju tal-Istati kkonċernati. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ Arrow u Alpharma, dan l-iżball ta’ liġi huwa akkumpanjat mill-fatt li ġew injorati b’mod manifest il-provi.

47

Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

48

Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali biss għandha kompetenza sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi ma tikkostitwixxix, sakemm ma jkunux ġew żnaturati, punt ta’ dritt suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

49

Issa, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti ta’ Lundbeck esposti fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju fis-sens li l-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat li kellha dubji dwar il-validità tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess tagħha kif ukoll dwar l-argumenti mressqa fil-kuntest tar-raba’ sas-seba’ parti ta’ dan l-istess aggravju, fis-sens li l-Qorti Ġenerali injorat provi sabiex tikkonkludi li Merck (GUK) kienet tal-inqas kompetitur potenzjali ta’ Lundbeck u li Arrow, Alpharma u Ranbaxy kienu kompetituri potenzjali ta’ Lundbeck fit-territorji rilevanti, għandu jiġi rrilevat li dawk l-argumenti jtendu li jikkontestaw il-konstatazzjoni jew l-evalwazzjoni ta’ fatti jew ta’ provi magħmula mill-Qorti Ġenerali mingħajr ma Lundbeck tallega jew a fortiori turi xi kwalunkwe żnaturament ta’ dawn il-provi minnha.

50

Għaldaqstant, l-imsemmija argumenti esposti fil-kuntest tat-tieni u tar-raba’ sas-seba’ parti tar-raba’ aggravju huma inammissibbli.

51

Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-partijiet l-oħra ta’ dan l-aggravju kif ukoll il-kumplament tat-tieni u tar-raba’ sas-seba’ parti tiegħu jikkostitwixxu kwistjonijiet ta’ liġi suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

52

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni ta’ dan il-prinċipju previst fl-Artikolu 101(1) TFUE, aġir ta’ impriżi għandu mhux biss juri l-eżistenza ta’ kollużjoni bejniethom – jiġifieri ftehim bejn impriżi, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi jew prattiki miftiehma –, iżda din il-kollużjoni għandha wkoll taffettwa b’mod negattiv u sinjifikattiv il-kompetizzjoni fis-suq intern (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 31).

53

Dan l-aħħar rekwiżit jippreżupponi, fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali konklużi bejn impriżi li joperaw fl-istess livell tal-katina ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, li l-imsemmija kollużjoni sseħħ bejn impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni jekk mhux reali tal-inqas potenzjali (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 32).

54

Sabiex jiġi evalwat jekk impriża li ma hijiex f’suq tinsabx f’kompetizzjoni potenzjali ma’ impriża waħda jew iktar li diġà huma preżenti f’dan is-suq, għandu jiġi ddeterminat jekk jeżistux possibbiltajiet reali u konkreti li din tal-ewwel tidħol fl-imsemmi suq u tikkompeti ma’ dik jew dawk tal-aħħar (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55

Meta jkunu inkwistjoni ftehimiet, bħall-ftehimiet kontenzjużi, li jkollhom bħala konsegwenza li jżommu temporanjament barra mis-suq diversi impriżi, għandu jiġi ddeterminat, fid-dawl tal-istruttura tas-suq u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jirregola l-funzjonament tiegħu, jekk kienx hemm, fl-assenza tal-imsemmija ftehimiet, possibbiltajiet reali u konkreti li dawn l-impriżi jaċċedu għall-imsemmi suq u jikkompetu mal-impriżi li huma stabbiliti fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 37 u 39).

56

Fir-rigward b’mod iktar partikolari tali ftehimiet magħmula fil-kuntest tal-ftuħ tas-suq ta’ prodott mediċinali li fih sustanza attiva li reċentement daħlet fid-dominju pubbliku għall-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, għandu jiġi stabbilit, billi jittieħed debitament inkunsiderazzjoni limitazzjonijiet regolatorji speċifiċi għas-settur tal-prodotti mediċinali kif ukoll drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u b’mod partikolari privattivi miżmuma minn manifatturi ta’ prodotti mediċinali prinċipali li ġejjin minn proċessi ta’ manifattura ta’ sustanza attiva li waqgħet fid-dominju pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 40 u 41), jekk il-manifattur ta’ prodotti mediċini ġeneriċi għandu fil-fatt id-determinazzjoni soda kif ukoll il-kapaċità tiegħu stess li jidħol fis-suq u li dan ma għandux ostakli għad-dħul ta’ natura insormontabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 58).

57

Sabiex isir dan, għandu jiġi evalwat, l-ewwel nett, jekk, fid-data tal-konklużjoni ta’ tali ftehimiet, l-imsemmi manifattur kienx wettaq passi preparatorji suffiċjenti li jippermettulu jaċċedi għas-suq ikkonċernat f’terminu li jista’ joħloq pressjoni kompetittiva fuq il-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali. It-tieni nett, għandu jiġi vverifikat li d-dħul fis-suq ta’ tali manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi ma jiksirx ostakoli għad-dħul li huma ta’ natura insormontabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 4345). Barra minn hekk, il-konstatazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi u manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali tista’ tiġi kkorroborata minn elementi supplimentari, bħall-konklużjoni ta’ ftehim bejniethom filwaqt li l-ewwel wieħed ma kienx preżenti fis-suq ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 54 sa 56).

58

Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-evalwazzjoni tal-eżistenza fis-suq ikkonċernat ta’ ostakoli għad-dħul li għandhom natura insormontabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-eżistenza ta’ privattiva li tipproteġi l-proċess ta’ fabbrikazzjoni ta’ sustanza attiva li daħlet fid-dominju pubbliku ma tistax, bħala tali, titqies bħala tali ostakolu insormontabbli, minkejja l-preżunzjoni ta’ validità marbuta ma’ din il-privattiva, peress li din bl-ebda mod ma tipprovdi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, dwar l-eżitu ta’ eventwali tilwima dwar il-validità tal-imsemmija privattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 46 sa 51).

59

Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ tali privattiva ma tistax, fiha nnifisha, tipprekludi li tikklassifika bħala “kompetitur potenzjali” tal-manifattur tal-prodott mediċinali oriġinali kkonċernat manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li għandu effettivament id-determinazzjoni soda kif ukoll il-kapaċità stess li jidħol fis-suq u li, permezz tax-xogħol ta’ tħejjija tiegħu, juri li huwa lest li jikkontesta l-validità ta’ din il-privattiva u li jieħu r-riskju, mad-dħul tiegħu fis-suq, li titressaq fil-konfront tiegħu azzjoni ta’ ksur mill-proprjetarju ta’ din il-privattiva (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 46).

60

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li ma hijiex l-awtorità tal-kompetizzjoni kkonċernata li għandha twettaq eżami tas-saħħa tal-privattiva inkwistjoni jew tal-probabbiltà li tilwima bejn il-proprjetarju tagħha u manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi tista’ twassal għall-konstatazzjoni li din il-privattiva hija valida u miksura (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 50).

61

Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, u kuntrarjament għal dak li ssostni Lundbeck, huma mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, u b’mod partikolari mingħajr ma tikser la l-preżunzjoni ta’ validità marbuta b’mod partikolari mal-privattivi l-ġodda ta’ proċess tagħha u lanqas ir-regoli applikabbli għall-prova tal-prattiki msemmija fl-Artikolu 101 TFUE, li l-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi, kif essenzjalment jirriżulta mill-punti 117 sa 132, 157 sa 167 u 195 tas-sentenza appellata, li ma kienx il-kompitu tal-Kummissjoni li tipprova b’mod pożittiv li l-manifatturi tas-citalopram li l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi intenzjonati li jikkummerċjalizzaw ma kisrux il-brevetti l-ġodda tal-proċess ta’ Lundbeck u li l-proprjetà ta’ tali brevetti minn Lundbeck ma jipprekludix li jkun hemm konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejnha u dawn il-manifatturi.

62

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, billi ħadet debitament inkunsiderazzjoni, fil-punti 117, 119 u 129 tas-sentenza appellata, il-karatteristiċi fundamentali kemm tal-privattivi kif ukoll tar-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni speċifiċi għas-suq inkwistjoni kif ukoll is-sitwazzjoni f’din il-kawża li fiha, minn naħa, il-privattivi oriġinali ta’ Lundbeck, li jirrigwardaw kemm l-IFA citalopram kif ukoll il-proċessi ta’ produzzjoni ta’ alkylation u ta’ cyanation, kienu skadew u, min-naħa l-oħra, kienu jeżistu proċessi oħra li jippermettu l-produzzjoni tas-citalopram ġeneriku li fir-rigward tagħhom ma kienx ġie stabbilit li kienu jiksru privattivi oħra ta’ Lundbeck, ikkunsidrat, fil-punt 124 tal-imsemmija sentenza li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball meta kkunsidrat li l-privattivi l-ġodda tal-proċess ta’ Lundbeck mhux neċessarjament jikkostitwixxu ostakoli insormontabbli għall-manifatturi ta’ mediċini ġeneriċi, li kienu kemm ħerqana li jidħlu fis-suq tas-citalopram u lesti li jagħmlu dan, u li kienu diġà għamlu investimenti sinjifikattivi għal dan il-għan meta ġew konklużi l-ftehimiet kontenzjużi.

63

Barra minn hekk, fil-punt 159 ta’ din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja irrilevat, ġustament, li ħlief sabiex tiċħad kwalunkwe distinzjoni bejn kompetizzjoni reali u kompetizzjoni potenzjali, l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali ma tirrikjedix li jintwera li l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kienu ser jidħlu b’ċertezza fis-suq u li tali dħul kien ser iwassal mingħajr ebda dubju għal suċċess, iżda tirrikjedi li jiġi stabbilit biss li dawn il-manifatturi kellhom possibbiltajiet reali u konkreti f’dan ir-rigward.

64

Barra minn hekk, il-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi mingħajr ma twettaq żball li l-manifatturi tal-prodotti mediċinali ġeneriċi kienu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali ma’ Lundbeck ma hijiex ikkontestata mil-Linji gwida dwar il-ftehimiet ta’ trasferiment ta’ teknoloġija tal-2014, u b’mod partikolari l-punt 29 tagħhom. Fil-fatt, minn naħa, dan il-punt japplika biss għall-ftehimiet ta’ trasferiment ta’ teknoloġija li magħhom il-ftehimiet kontenzjużi ma jistgħux jirrelataw. Min-naħa l-oħra, mill-imsemmi punt jirriżulta li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-assenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ mblukkar ikkawżat minn dritt esklużiv li jkopri teknoloġija tapplika biss “bħala prinċipju” u, għaldaqstant, tirriżulta suġġetta għal eċċezzjonijiet, kif barra minn hekk jirreferi għalih dan l-istess punt billi jiġu kkunsidrati s-sitwazzjonijiet li fihom “m’hemm l-ebda ċertezza jekk id-dritt ta’ teknoloġija partikolari jkunx validu u miksur”.

65

Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

66

Fir-rigward tal-provi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni tal-inqas potenzjali bejn Lundbeck u l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, fil-punt 57 ta’ din is-sentenza diġà tfakkar li, fir-rigward ta’ ftehimiet bħall-ftehimiet kontenzjużi, l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali u manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi għandha tiġi evalwata fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja tat-tilwima dwar il-privattivi ta’ proċess li hija topponihom (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 43), billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmi ftehim iseħħ fi żmien meta kull waħda mill-partijiet għall-ftehim tkun fl-inċertezza dwar il-validità tal-privattiva ta’ proċess tal-manifattur tal-prodotti mediċinali oriġinali kif ukoll in-natura ta’ ksur ta’ din il-mediċina ġenerika li l-manifattur ta’ din il-mediċina ġenerika beħsiebu jqiegħed fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 52).

67

Minn dan jirriżulta li, konformement mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni libera tal-prova prevalenti fid-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑27 ta’ April 2017, FSL et vs Il‑Kummissjoni, C‑469/15 P, EU:C:2017:308, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), kull prova preċedenti, kontemporanja jew saħansitra sussegwenti għall-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni meta jirriżulta li tkun tali li tiċċara l-eżistenza jew l-assenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-impriżi kkonċernati fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, kif tirrileva essenzjalment il-Qorti Ġenerali fil-punt 141 tas-sentenza appellata.

68

Min-naħa l-oħra, u kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 90 u 91 tal-konklużjonijiet tagħha, tali provi relatati ma’ avvenimenti li seħħew wara l-konklużjoni tal-imsemmi ftehim, u b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-eżitu ulterjuri tat-tilwima li kien iġġustifika l-konklużjoni ta’ dan l-istess ftehim, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata, u jekk ikun hemm bżonn li tiġi invalidata a posteriori, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet ta’ dan l-istess ftehim fil-mument tal-konklużjoni tiegħu.

69

Fil-fatt, tali provi mhux magħrufa mill-partijiet fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni ma jistgħux jinfluwenzaw l-aġir tagħhom fis-suq u, għaldaqstant, li jikkjarifikaw l-eżistenza jew l-assenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-impriżi kkonċernati fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim.

70

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi u lanqas ma invertiet l-oneru tal-prova meta qieset, fil-punti 141 u 254 tas-sentenza appellata, li setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni provi sussegwenti għall-ftehimiet kontenzjużi, f’dan il-każ dokumenti li jirriflettu l-perċezzjoni li kellhom il-partijiet f’dawn il-ftehimiet tas-saħħa tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck fil-mument li jikkonkluduhom peress li dawn jippermettu li jiġi stabbilit liema kienet il-pożizzjoni tal-partijiet fl-imsemmija ftehimiet fiż-żmien tal-konklużjoni tagħhom.

71

Huwa wkoll mingħajr ma tikkontradixxi lilha nnifisha li l-Qorti Ġenerali setgħet, fl-istess ħin tiddeċiedi, fil-punti 141 u 254 tas-sentenza appellata, dawn l-istess provi sussegwenti għall-ftehimiet kontenzjużi u tirrifjuta, fil-punti 136 u 143 sa 146 ta’ din is-sentenza, li tieħu inkunsiderazzjoni provi oħra ppreżentati minn Lundbeck ukoll wara dawn il-ftehimiet, jiġifieri prinċipalment il-konferma, kemm mill-Bord tal-Appell tal-EPO kif ukoll mill-Uffiċċju tal-Privattivi tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-validità tal-privattiva dwar il-kristallizzazzjoni fl-aspetti kollha tagħha rilevanti fl-2009, kif ukoll il-fatt li Lundbeck kienet “ingħatat ordnijiet preliminari jew forom oħra ta’ miżuri provviżorji” f’iktar minn 50 % tal-proċeduri li hija kienet ressqet matul l-2002 u l-2003.

72

Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel provi jistgħu jikkontribwixxu sabiex jiġi stabbilit liema kienet il-pożizzjoni tal-partijiet fil-ftehimiet kontenzjużi fiż-żmien tal-konklużjoni tagħhom, hekk kif tfakkar il-punt 70 ta’ din is-sentenza, it-tieni provi, relatati ma’ avvenimenti li seħħew wara l-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet u, konsegwentement, mhux magħrufa mill-partijiet fil-ftehimiet ikkonċernati, huma, kif essenzjalment irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 145 u 146 tas-sentenza appellata, li ma setgħux influwenzaw l-aġir tagħhom fuq is-suq u, għaldaqstant, li jikkjarifikaw jekk hemmx jew le relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-impriżi kkonċernati fil-mument tal-konklużjoni tal-imsemmija ftehimiet.

73

Barra minn hekk, Lundbeck tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien hemm kompetizzjoni potenzjali bejnha u bejn il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi abbażi ta’ provi suġġettivi meħuda inkunsiderazzjoni fil-punti 126 u 254 tas-sentenza appellata.

74

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn żewġ impriżi li joperaw fl-istess livell tal-katina ta’ produzzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi oġġettivi mfakkra fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, xorta jibqa’ l-fatt li din tista’ tiġi kkorroborata minn elementi komplementari (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 54), inklużi elementi ta’ natura suġġettiva (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 42), peress li dawn ma humiex determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni mwettqa.

75

Minn dan jirriżulta li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi suġġettivi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn żewġ impriżi jew iktar ma jistax jiġi eskluż sakemm l-imsemmija relazzjoni ma hijiex stabbilita esklużivament jew essenzjalment permezz ta’ tali elementi.

76

Dan jgħodd b’mod partikolari għall-perċezzjoni li l-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali għandu tar-riskju li għandu għall-interessi kummerċjali tiegħu l-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kkonċernat, liema perċezzjoni hija rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali, peress li din tikkundizzjona l-aġir fis-suq tal-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 4257).

77

Issa, kif jirriżulta mill-punti 142 u 147 tas-sentenza appellata, li fir-rigward tagħhom bl-ebda mod ma huwa allegat u lanqas a fortiori stabbilit li dawn jirriżultaw minn żnaturament ta’ punti ta’ fatt jew ta’ prova, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod definittiv li Lundbeck kienet żbaljata meta tallega li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni bbażat ruħha “kważi esklużivament” fuq tali evalwazzjonijiet suġġettivi sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejnha u l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi.

78

F’dan ir-rigward, huwa rrilevat fl-imsemmi punt 142 li l-Kummissjoni kienet wettqet eżami fid-dettall, għal kull waħda mill-impriżi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kkonċernati, tal-possibbiltajiet reali u konkreti tagħhom li jidħlu fis-suq, u dan billi bbażat ruħha fuq provi oġġettivi bħalma huma, b’mod partikolari, l-investimenti li kienu diġà saru, il-passi mwettqa sabiex tinkiseb ATS u l-kuntratti ta’ provvista konklużi mal-fornituri tagħhom ta’ IFA b’mod partikolari. Barra minn hekk, fil-punt 144 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-iktar element probatorju jinsab fil-fatt stess li Lundbeck ikkonkludiet ftehimiet mal-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi sabiex idewwem id-dħul tagħhom fis-suq, fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat fis-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

79

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega Lundbeck fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 254 tas-sentenza appellata, ma invertietx l-oneru tal-prova għad-detriment ta’ Lundbeck. Fl-imsemmi punt tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali essenzjalment sempliċement ikkonstatat li Lundbeck ma kinitx ipproduċiet provi li jippermettu li jiġu kkontestati l-konklużjonijiet li jirriżultaw mill-provi invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tar-responsabbiltà għal ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni, il-fatti li parti tinvoka jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l-oħra tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan ikun permess li jiġi konkluż li l-oneru tal-prova jkun ġie ssodisfatt (sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 80, u tat‑18 ta’ Jannar 2017, Toshiba vs Il‑Kummissjoni (C‑623/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:21, punt 52).

80

Għaldaqstant, it-tieni parti, għall-parti ammissibbli tagħha, u t-tielet parti tar-raba’ aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

81

Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-raba’ sas-seba’ parti tar-raba’ aggravju, li fil-kuntest tagħhom Lundbeck issostni li l-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, li hija kienet tinsab tal-inqas f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali ma’ Merck (GUK) fir-Renju Unit u fil-pajjiżi l-oħra taż-ŻEE, f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali ma’ Arrow fir-Renju Unit u fid-Danimarka kif ukoll f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali ma’ Alpharma u ma’ Ranbaxy fiż-ŻEE, għandu jiġi osservat li dawn l-allegazzjonijiet huma parzjalment inammissibbli, kif ġie kkonstatat fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza, sa fejn dawn huma intiżi li jiksbu mill-Qorti tal-Ġustizzja eżami mill-ġdid tal-provi kollha jew parti minnhom evalwati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

82

Sa fejn dawn ma humiex intiżi għal dan il-għan, dawn l-allegazzjonijiet ta’ Lundbeck, minn naħa, itennu l-kritika metodoloġika, li fir-rigward tagħha ġie kkonstatat b’risposta għall-ewwel sat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, li dawn kienu infondati u, min-naħa l-oħra, huma intiżi li jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli kkonstatat l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali jew tal-inqas potenzjali bejn Lundbeck u l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, u dan minkejja li dawn tal-aħħar ma kellhomx ATS għall-prodotti mediċinali ġeneriċi rispettivi tagħhom fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet kontenzjużi.

83

F’dan ir-rigward, għalkemm iż-żamma minn manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi ta’ ATS li hija valida hija ċertament neċessarja għad-dħul tiegħu fis-suq u, għaldaqstant, għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni attwali bejn dan tal-aħħar u manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali korrispondenti għall-imsemmija prodotti ġeneriċi, xorta jibqa’ l-fatt li l-assenza ta’ tali ATS min-naħa ta’ manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi fil-mument tal-konklużjoni ta’ ftehim ma’ manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali ma tistax, kif issostni Lundbeck, teskludi bħala tali kwalunkwe kompetizzjoni potenzjali bejn dawn iż-żewġ manifatturi ta’ prodotti mediċinali.

84

Fil-fatt, kif tfakkar essenzjalment fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, fl-assenza ta’ ostakolu insormontabbli għad-dħul fis-suq, l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi u manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali tippreżupponi biss li l-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jkun wettaq il-passi preparatorji suffiċjenti li jippermettulu jaċċedi għas-suq ikkonċernat f’terminu li jista’ jwassal għal pressjoni kompetittiva fuq il-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali, mingħajr ma jkun rilevanti li jsir magħruf jekk l-imsemmija passi ser ikunu effettivament tlestew fil-ħin jew ser ikollhom suċċess, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 313 u 314 tas-sentenza appellata.

85

Barra minn hekk, huwa f’dan is-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tindika li, fis-settur farmaċewtiku, kompetizzjoni potenzjali tista’ tiġi eżerċitata sew qabel l-iskadenza ta’ privattiva li tipproteġi s-sustanza attiva ta’ prodott mediċinali oriġinali, sa fejn il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jridu jkunu lesti sabiex jidħlu fis-suq fil-mument ta’ din l-iskadenza (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 51).

86

Issa, fid-dawl ta’ dawn il-passi preparatorji li jippermettu li tiġi stabbilita d-determinazzjoni soda kif ukoll il-kapaċità stess ta’ manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li jaċċedi għas-suq ta’ prodott mediċinali li fih sustanza attiva li daħlet fid-dominju pubbliku jinsabu, b’mod partikolari, il-passi intiżi sabiex jitqiegħed f’pożizzjoni li jkollu ATS jew awtorizzazzjonijiet ekwivalenti neċessarji għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott mediċinali ġeneriku tiegħu, li fir-rigward tagħhom il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet, f’din il-kawża, fil-punti 171 sa 179, 230, 231, 246, 249, 269, 290 u 312 sa 326 tas-sentenza appellata, ir-realtà għal kull manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kkonċernati u kkonstatat in-natura suffiċjenti sabiex teżerċita pressjoni kompetittiva fuq Lundbeck (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 134).

87

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 171 tas-sentenza appellata, li l-passi ta’ kull wieħed mill-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kkonċernati sabiex tinkiseb ATS għall-prodotti mediċinali kkonċernati kienu jikkostitwixxu indizji rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejnhom u Lundbeck.

88

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjonijiet tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Lundbeck u kull wieħed mill-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi inkwistjoni huma bbażati fuq serje ta’ indizji konsistenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 44) li jirriflettu t-teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali mhux biss tal-possibbiltajiet reali u konkreti għal kull wieħed minn dawk il-manifatturi sabiex jiksbu l-ATS jew l-awtorizzazzjonijiet ekwivalenti iżda ukoll, kif jirriżulta mill-punt 181 tas-sentenza appellata, serje ta’ fatturi li jqisu s-sitwazzjoni speċifika ta’ kull manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi meta jikkonkludu l-ftehimiet kontenzjużi kif ukoll mill-fatt li Lundbeck hija involuta fi ftehimiet ma’ manifatturi ta’ mediċini ġeneriċi prodotti li għadhom ma humiex preżenti fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 55 sa 57).

89

Meta għamlet dan, kien ukoll mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali rnexxielha tikkonkludi, fis-sentenza appellata, li Lundbeck kien għall-inqas f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali ma’ Merck (GUK) fir-Renju Unit u fil-pajjiżi l-oħra taż-ŻEE, kif jirriżulta wkoll mis-sentenzi mogħtija llum fil-Kawża C‑588/16 P, Generics (UK) vs Il‑Kummissjoni (punt 36), u fil-Kawża C‑614/16 P, Merck vs Il‑Kummissjoni (punt 45), f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali ma’ Arrow fir-Renju Unit u fid-Danimarka, kif jirriżulta wkoll mill-punt 48 tas-sentenza mogħtija llum fil-Kawża C‑601/16 P, Arrow Group u Arrow Generics vs Il‑Kummissjoni, kif ukoll f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali ma’ Alpharma u Ranbaxy fiż-ŻEE, kif jirriżulta wkoll mis-sentenzi mogħtija llum fil-Kawża C‑611/16 P, Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il‑Kummissjoni (punt 59), u fil-Kawża C‑586/16 P, Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il‑Kummissjoni (punt 43).

90

Konsegwentement, ir-raba’ sas-seba’ parti tar-raba’ aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati, għall-parti tagħhom ammissibbli.

91

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq l-ewwel sar-raba’ aggravju

92

Permezz tal-ewwel sat-tielet aggravju tagħha, Lundbeck tikkontesta l-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” tal-ftehimiet kontenzjużi. Għalhekk għandhom jiġu eżaminati flimkien.

Fuq il-punti rilevanti tas-sentenza appellata.

93

Permezz tat-tieni sas-sitt motiv invokati insostenn tar-rikors għal annullament tagħha, ibbażati, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, li ċ-ċaħda tiegħu biss tat-tieni, tat-tielet, tar-raba’ u tas-sitt motiv hija kkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell, Lundbeck sostniet li l-Kummissjoni kienet wettqet diversi żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-ftehimiet kontenzjużi kellhom jiġu kklassifikati, fid-deċiżjoni kontenzjuża, bħala “restrizzjonijiet minħabba l-għan”.

94

Wara li fakkret, fil-punti 338 sa 344 tas-sentenza appellata, il-prinċipji u l-ġurisprudenza applikabbli fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”, il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi.

95

Sabiex tiċħad it-tieni motiv ta’ annullament, ibbażat fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-rwol tat-trasferimenti ta’ valuri fil-ftehimiet kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod partikolari, fil-punti 361 sa 363 tas-sentenza appellata, li l-partijiet f’dawn il-ftehimiet ma kinux jaqblu dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck kinux suffiċjentement solidi sabiex jiġi eskluż dħul tas-citalopram ġeneriku fis-suq, b’tali mod li dawn il-privattivi ma setgħux ikunu deċiżivi sabiex il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jimpenjaw irwieħhom li ma jidħlux fis-suq.

96

Hija indikat ukoll, fil-punt 366 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni bbażat ruħha, fid-deċiżjoni kontenzjuża, fuq sensiela ta’ provi intiżi li juru li hija prinċipalment l-importanza tal-pagamenti bil-kontra mħallsa minn Lundbeck lill-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, li kienet ħeġġithom jaċċettaw il-limitazzjonijiet li jirregolaw l-aġir tagħhom u mhux l-eżistenza tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck jew inkella r-rieda li jevitaw l-ispejjeż marbuta ma’ eventwali tilwima.

97

Barra minn hekk, wara li semmiet l-argumenti ta’ Lundbeck dwar il-fatt, b’mod partikolari, li d-danni li għalihom il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jistgħu jiġu kkundannati huma spiss ħafna inqas mid-danni mġarrba mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ta’ verżjonijiet oriġinali fil-każ ta’ dħul illegali fis-suq, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 387 tal-imsemmija sentenza, li ma jistax jiġi aċċettat li impriżi jipprovaw jikkumpensaw għall-effetti ta’ regoli legali li huma jqisu bħala eċċessivament sfavorevoli permezz tal-konklużjoni ta’ akkordji li għandhom l-għan li jikkoreġu dawn l-iżvantaġġi taħt il-pretest li dawn ir-regoli joħolqu żbilanċ bi ħsara għalihom.

98

Fl-aħħar nett, fil-punti 398 u 399 ta’ din l-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ Lundbeck fis-sens li l-ftehimiet kontenzjużi ma kienu jinkludu ebda klawżola li tipprekludi lill-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi milli jikkontestaw il-validità tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess tagħha, b’tali mod li dawn il-ftehimiet ma neħħewx kull inċentiv għalihom li jidħlu fis-suq. F’dan ir-rigward, hija rrilevat, minn naħa, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tistabbilixxi biss li l-pagamenti bil-kontra previsti mill-ftehimiet kontenzjużi kienu jinkoraġixxu jew kienu jinċentivaw lill-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jaċċettaw limitazzjonijiet għall-awtonomija kummerċjali tagħhom li huma ma kinux jaċċettaw fl-assenza tagħhom u mhux li kienu ser ineħħu kwalunkwe inċentiv f’dan ir-rigward, u, min-naħa l-oħra, li, fi kwalunkwe każ, anki jekk il-ftehimiet kontenzjużi ma kienu jinkludu ebda klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi ma kellhom ebda interess sabiex jikkontestaw il-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck wara li ġew konklużi l-ftehimiet kontenzjużi, peress li l-pagamenti bil-kontra kienu jikkorrispondu approssivament għall-profitti li huma kellhom jagħmlu fil-każ ta’ dħul fis-suq jew għad-danni li setgħu jitħallsu lilhom jekk kienu rebħu l-kawża kontra Lundbeck fi tmiem proċedura kontenzjuża.

99

Sabiex tiċħad it-tielet aggravju ta’ annullament ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq fl-applikazzjoni tal-prinċipji relatati mal-għan restrittiv tal-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod partikolari, fil-punti 435 u 438 rispettivament tas-sentenza appellata, li l-ftehimiet kontenzjużi kienu paragunabbli ma’ ftehimiet ta’ esklużjoni mis-suq, li jinsabu fost l-iktar restrizzjonijiet gravi tal-kompetizzjoni, u li ma huwiex rikjest li l-istess tip ta’ ftehimiet ikun diġà ġie kkundannat mill-Kummissjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jitqiesu bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Fir-rigward tal-argument li d-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn ma tammettix li, f’dan il-każ, ix-“xenarju ta’ ksur” jeskludi l-possibbiltà li tiġi kkonstatata restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 472 u 473 tas-sentenza appellata, li, fir-rigward ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-Kummissjoni kienet obbligata biss li turi li l-ftehimiet kontenzjużi kellhom livell suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni, fid-dawl tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tagħhom, tal-għanjiet li kienu intiżi sabiex jilħqu kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fihom jaqgħu, mingħajr ma tkun marbuta, b’hekk, li teżamina l-effetti, peress li l-eżami ta’ xenarju “kontrafattwali” ipotetiku kien simili iktar għal eżami tal-effetti tal-ftehimiet kontenzjużi fis-suq milli għal eżami oġġettiv tan-natura suffiċjentement ta’ dannu ta’ dawn tal-aħħar fuq il-kompetizzjoni.

100

Sabiex tiċħad ir-raba’ motiv ta’ annullament, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward taċ-ċaħda tal-kriterju tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattiva bħala standard essenzjali ta’ evalwazzjoni tal-ftehimiet dwar ftehim bonarju fil-qasam tal-privattivi fil-kuntest tal-Artikolu 101(1) TFUE, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod partikolari, fil-punti 491 u495 tas-sentenza appellata, li l-argument ta’ Lundbeck li skontu r-restrizzjonijiet kuntrattwali li jaqgħu fil-kamp ratione temporis, territorjali u rationis materiae tad-drittijiet tal-proprjetarju tal-privattiva ma jiksrux id-dritt tal-kompetizzjoni, peress li dawn ir-restrizzjonijiet kuntrattwali huma simili għal dawk inerenti fil-privattiva sottostanti, kien problematiku, minn naħa, fis-sens li jwassal għall-preżunzjoni li prodott mediċinali ġeneriku jikser il-privattiva tal-manifattur tal-prodott mediċinali oriġinali u b’hekk tippermetti l-esklużjoni tal-prodott mediċinali ġeneriku fuq din il-bażi, filwaqt li n-natura ta’ jekk il-prodott mediċinali ġeneriku jiksirx jew le hija kwistjoni li ma hijiex solvuta, u, min-naħa l-oħra, sa fejn huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li skontha kwalunkwe privattiva invokata fil-kuntest ta’ ftehim bonarju tkun ikkunsidrata valida fil-każ ta’ kontestazzjoni dwar il-validità tagħha, għalkemm ma hemm l-ebda bażi għal dan fid-dritt jew fil-prassi, filwaqt li jiżdied li l-fatt li ċerti restrizzjonijiet li jinsabu fil-ftehimiet kontenzjużi kienu kkunsidrati mill-Kummissjoni bħala li jaqgħu potenzjalment fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck ifisser biss li din setgħet kisbet restrizzjonijiet komparabbli permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda għall-implimentazzjoni tal-privattivi tagħha, fil-każ li tkun rebħet il-kawża quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti. Fil-punt 515 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll li l-kwistjoni dwar jekk ir-restrizzjonijiet inklużi fil-ftehimiet kontenzjużi kinux joħorġu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck tqieset bħala fattur rilevanti, iżda mhux deċiżiv, għall-finijiet li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

101

Sabiex tiċħad is-sitt motiv ta’ annullament, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti sa fejn id-deċiżjoni kontenzjuża tikkonkludi li l-ftehimiet kontenzjużi kienu jinkludu restrizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dawk inerenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-privattivi ta’ proċess ta’ Lundbeck, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod partikolari fil-punti 539 u 572 tas-sentenza appellata li, anki jekk dawn il-ftehimiet ma kinux imorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck, l-imsemmija ftehimiet kienu xorta waħda jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, minħabba li kienu jikkonsistu f’akkordji mmirati li jdewmu d-dħul ta’ manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi fis-suq, bi skambju għal pagamenti b’lura sinjifikattivi, li biddlu l-inċertezza relatata ma’ tali dħul fiċ-ċertezza li ma kinitx isseħħ matul it-terminu tal-ftehimiet kontenzjużi.

L-argumenti tal-partijiet

102

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, kompost minn erba’ partijiet, indirizzat kontra l-punti 335, 491, 495, 515, 536, 539, 572 u 801 tas-sentenza appellata, Lundbeck, sostnuta mill-EFPIA, tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta approvat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn hija kkonkludiet li l-ftehimiet kontenzjużi kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan, anki jekk ir-restrizzjonijiet previsti minn dawn il-ftehimiet jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess li hija għandha.

103

Essenzjalment Lundbeck issostni, l-ewwel, li, minħabba r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan”, il-ftehimiet kontenzjużi ma jistgħux jitqiesu bħala ta’ ħsara, minħabba n-natura tagħhom stess, għall-kompetizzjoni, peress li jinkludu restrizzjonijiet paragunabbli ma’ dawk li l-proprjetarju tal-privattivi kkonċernati seta’ jikseb permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li timponi l-osservanza tal-privattivi tiegħu. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li l-eżistenza ta’ pagamenti bil-kontra u n-natura sproporzjonata tagħhom kienu deċiżivi fil-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” tal-ftehimiet kontenzjużi.

104

It-tieni, Lundbeck issostni li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx b’mod korrett il-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-ftehimiet kontenzjużi, li jippermetti li jiġu spjegati r-raġunijiet li għalihom hija ħallset il-pagamenti kkonċernati lill-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi. F’dan ir-rigward, Lundbeck tindika prinċipalment li l-ftehim bonarju fil-każ ta’ tilwima dwar privattivi jikkostitwixxi metodu ta’ prevenzjoni tat-tilwim leġittimu u frekwenti li fihom innifishom ma joħolqux problema ta’ kompetizzjoni u li n-nuqqas ta’ simetrija tar-riskji bejn il-proprjetarju ta’ privattivi u l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, li jwassal lill-ewwel wieħed sabiex ma jkunx f’pożizzjoni li jikseb il-kumpens sħiħ tad-danni marbuta mad-dħul illegali fis-suq tal-prodotti mediċinali ġeneriċi, jiġġustifika ftehimiet bonarji anki jekk il-privattivi kkonċernati huma oġġettivament solidi u miksura.

105

It-tielet nett, Lundbeck tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat, fil-punti 466 sa 477 tas-sentenza appellata, li tobbliga lill-Kummissjoni teżamina x-“xenarju kontrofattwali” inkwistjoni, għar-raġuni li tali eżami huwa element neċessarju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ kwalunkwe analiżi kompetittiva anki meta l-ftehim ikkonċernat jitqies li jinkludi restrizzjoni minħabba l-għan, sabiex tiġi stabbilita r-rabta kawżali bejn il-prattika kkonċernata u r-restrizzjoni invokata kif ukoll sabiex jiġi eskluż li din ir-restrizzjoni tista’ tiġi kkawżata minn fatturi oħra, bħal f’dan il-każ l-eżistenza ta’ privattivi. Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija għal tweġiba bil-miktub tas‑6 ta’ Frar 2020, Lundbeck indikat li dan l-iżball ta’ liġi huwa kkonfermat mill-importanza li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-eżami tal-imsemmi xenarju fil-punt 37 tas-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52).

106

Ir-raba’ nett, Lundbeck tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta assimilat, fil-punti 435 u 470 sa 476 tas-sentenza appellata, il-ftehimiet kontenzjużi ma’ ftehimiet ta’ esklużjoni mis-suq mhux moħbija minħabba li kienu joperaw bejn kompetituri reali jew potenzjali. Fil-fatt, dawn il-ftehimiet isegwu għanijiet leġittimi. Barra minn hekk, fiż-żmien tal-ftehimiet kontenzjużi, ma kienet teżisti ebda esperjenza jew ftehim unanimu dwar il-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan”, la fid-dawl tal-ġurisprudenza jew tal-prassi deċiżjonali tal-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, mill-komunikazzjonijiet tal-KFST jirriżulta li, f’dak iż-żmien, ftehimiet bħall-ftehimiet kontenzjużi kienu jinsabu f’żona griża, u għalhekk ma jurux livell suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni tali li jippermetti l-klassifikazzjoni tagħhom bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”.

107

Fl-aħħar nett, fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għall-mistoqsija għal tweġiba bil-miktub tas‑6 ta’ Frar 2020, Lundbeck sostniet li l-ftehimiet kontenzjużi ma setgħux jiġu kklassifikati bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”, peress li, kuntrarjament għal dawk inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52), ma kinux jinkludu klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-privattivi kkonċernati.

108

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Lundbeck tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-provi meta ma applikatx il-kriterju legali xieraq sabiex tikkonkludi li ħamsa mis-sitt ftehimiet kontenzjużi — jiġifieri l-ftehim GUK għaż-ŻEE, il-ftehim Arrow UK, il-ftehim Arrow Daniż, il-ftehim Alpharma u l-ftehim Ranbaxy – ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess ikkonċernati. Fil-fatt, dawn il-ftehimiet, b’mod partikolari moqrija fid-dawl tad-dritt nazzjonali applikabbli, ma juru ebda konkors ta’ rieda intiż sabiex l-imsemmija ftehimiet ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck u, għaldaqstant, sabiex japplikaw dawn l-istess ftehimiet għas-citalopram li ma fihx vjolazzjoni.

109

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, invokat sussidjarjament fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad, kompletament jew parzjalment, it-tieni aggravju tal-appell u għalhekk li tikkonferma li ħamsa jew inqas mis-sitt ftehimiet kontenzjużi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck, din tal-aħħar issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat dawn il-ftehimiet bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” għall-motivi invokati fil-kuntest tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

110

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-kritika magħmula minn Lundbeck hija ta’ żewġ tipi, l-ewwel, it-tieni u r-raba’ parti tal-ewwel aggravju jikkontestaw il-klassifikazzjoni bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” tal-ftehimiet kontenzjużi u t-tielet parti ta’ dan l-aggravju tikkontesta l-metodoloġija sabiex tasal għal dan u b’mod iktar speċjali l-assenza ta’ eżami mill-Qorti Ġenerali tax-“xenarju kontrofattwali”.

111

Għaldaqstant, fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati l-ewwel, it-tieni u r-raba’ parti tal-ewwel aggravju, meħuda flimkien, imbagħad, fit-tieni lok, it-tielet parti ta’ dan l-aggravju.

112

Fir-rigward, fl-ewwwel lok, tal-ewwel, it-tieni u r-raba’ parti tal-ewwel aggravju, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha diġà l-okkażjoni li tispeċifika, kif il-Qorti Ġenerali fakkret fil-punti 343 tas-sentenza appellata, li l-kunċett ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” għandu jiġi interpretat b’mod strett u jista’ jiġi applikat biss għal ċerti ftehimiet bejn impriżi li juru, fihom innifishom u fid-dawl tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tagħhom, għanijiet li huma jipprevedu kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tagħhom, grad suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju, peress li ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jiġu kkunsidrati, min-natura tagħhom stess, li huma jikkawżaw dannu għall-funzjonament tajjeb tal-proċess normali tal-kompetizzjoni (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

113

Fir-rigward tal-ftehimiet simili ta’ ftehim bonarju ta’ tilwima dwar privattiva ta’ proċess ta’ manifattura ta’ sustanza attiva li daħlet fid-dominju pubbliku konklużi bejn manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali u diversi manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi u li kellu bħala effett li jipposponi d-dħul fis-suq ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi inkambju għal trasferimenti ta’ valur ta’ natura monetarja jew mhux monetarja tal-ewwel għall-benefiċċju tat-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali ftehimiet ma jistgħux jitqiesu, fil-każijiet kollha, bħala “restrizzjonijiet minħabba l-għan”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 84 u 85).

114

Madankollu, il-klassifikazzjoni bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” għandha titqies meta mill-eżami tal-ftehim dwar ftehim bonarju kkonċernat jirriżulta li t-trasferimenti ta’ valuri previsti minnu huma spjegati biss mill-interess kummerċjali kemm tal-proprjetarju tal-privattiva inkwistjoni kif ukoll tal-awtur tal-ksur allegat li ma jikkompetux fuq il-merti, sa fejn ftehimiet li permezz tagħhom kompetituri jissostitwixxu intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni jaqgħu manifestament fil-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 8387).

115

Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, jeħtieġ, f’kull każ ineżami, li jiġi evalwat jekk il-bilanċ pożittiv nett tat-trasferimenti ta’ valuri tal-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali favur il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kienx suffiċjentement sinjifikattiv sabiex jinċentiva effettivament lill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jirrinunzja milli jidħol fis-suq ikkonċernat u, għaldaqstant, sabiex ma jikkompetix bil-merti tiegħu mal-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali, mingħajr ma jkun rikjest li dan il-bilanċ pożittiv ikun neċessarjament ogħla mill-profitti li dan il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kien jagħmel kieku kien rebaħ fil-proċedura inkwistjoni dwar il-privattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 93 u 94).

116

F’dan il-każ, mis-sentenza appellata jirriżulta li l-ftehimiet kontenzjużi kellhom l-effett li jżommu barra mis-swieq ikkonċernati lill-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi u għal wieħed minnhom — jiġifieri Merck (GUK) — li jwassal għall-waqfien tal-provvista lil bejjiegħ li jopera fis-suq Svediż tal-prodotti mediċinali ġeneriċi kkonċernati u l-ħruġ tiegħu mis-suq Brittaniku, kif jirriżulta mill-punt 131 tas-sentenza appellata.

117

Barra minn hekk, il-punti 361 sa 363 kif ukoll il-punt 366 tas-sentenza appellata, li ma humiex ikkontestati minn Lundbeck fil-kuntest tal-appell tagħha, juru, l-ewwel, il-fatt li l-partijiet fil-ftehimiet kontenzjużi kienu, qabel il-konklużjoni tagħhom, f’nuqqas ta’ qbil dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck kinux suffiċjentement solidi sabiex jiġi eskluż dħul tas-citalopram ġeneriku fis-suq, b’tali mod li dawn il-privattivi ma setgħux ikunu deċiżivi sabiex il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jintrabtu li ma jidħlux fis-suq. It-tieni, minn dawn il-punti jirriżulta wkoll il-fatt li Lundbeck ma tikkontestax li l-ammonti li hija ħallset lil dawn il-manifatturi setgħu jiġu kkalkolati billi jittieħdu bħala bażi l-profitti jew id-dħul mill-bejgħ li dawn tal-aħħar kienu jixtiequ jiksbu matul it-tul tal-ftehimiet kontenzjużi li kieku daħlu fis-suq. It-tielet nett, dawn il-punti jirrilevaw ukoll il-fatt li l-provi dwar il-perijodu preċedenti għall-konklużjoni tal-ftehimiet kontenzjużi juru li l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kienu wettqu sforzi kunsiderevoli sabiex jippreparaw għad-dħul tagħhom fis-suq u li huma ma kellhomx l-intenzjoni li jirrinunzjaw għal dawn l-isforzi minħabba l-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck u, għaldaqstant, li hija prinċipalment il-portata tal-pagamenti bil-kontra favur il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li kienet inċentivathom jaċċettaw il-limitazzjonijiet li jirregolaw l-aġir tagħhom.

118

Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet fattwali u mingħajr ma hemm bżonn li jsir magħruf jekk kienx ġust li l-Qorti Ġenerali setgħet tassimila, fil-punti 435 u 476 tas-sentenza appellata, il-ftehimiet kontenzjużi ma’ ftehimiet ta’ esklużjoni jew ftehimiet ta’ tqassim tas-suq, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li din tal-aħħar ikkonkludiet li l-ftehimiet kontenzjużi kienu jaqgħu taħt il-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, u dan iktar u iktar meta Lundbeck ma kienet bl-ebda mod sostniet, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għall-mistoqsija għal tweġiba bil-miktub tas‑6 ta’ Frar 2020, li t-trasferimenti ta’ valuri li akkumpanjaw il-ftehimiet kontenzjużi setgħu kienu ġġustifikati bl-eżistenza ta’ korrispettivi jew ta’ rinunzji li seħħew u leġittimi minn kwalunkwe wieħed mill-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi.

119

Tali konklużjoni ma tista’ tiġi kkontestata minn ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni.

120

L-ewwel, Lundbeck ma tistax validament tinvoka, sabiex tiċħad il-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” tal-ftehimiet kontenzjużi, il-fatt li dawn kienu limitati biss għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck li din tal-aħħar għandha d-dritt li tikseb l-osservanza tagħhom.

121

Fil-fatt, għalkemm il-konklużjoni mill-proprjetarju ta’ privattiva ta’ ftehim dwar ftehim bonarju ma’ awtur tal-ksur allegat ma tmurx lil hinn mill-portata u t-tul ta’ validità li fadal ta’ din il-privattiva tikkostitwixxi ċertament l-espressjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali tal-proprjetarju tagħha u tawtorizzah, b’mod partikolari, li jopponi kull ksur, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija privattiva ma tawtorizzax lill-proprjetarju tagħha jikkonkludi kuntratti li jiksru l-Artikolu 101 TFUE (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 97).

122

Issa, kif irrileva ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 495 tas-sentenza appellata, anki li kieku l-ftehimiet kontenzjużi kienu jinkludu wkoll restrizzjonijiet li potenzjalment jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi l-ġodda ta’ Lundbeck, “dawn il-ftehimiet kienu jmorru lil hinn mill-għan speċifiku tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom, li huwa minnu li jinkludu d-dritt li joġġezzjonaw għal vjolazzjonijiet, iżda mhux id-dritt li jikkonkludu ftehimiet li permezz tagħhom kompetituri reali jew potenzjali fis-suq jitħallsu sabiex ma jidħlux fis-suqs-suq”, li jikkonferma essenzjalment il-punti 117 u 118 ta’ din is-sentenza.

123

Għaldaqstant, Lundbeck ma għandhiex bażi sabiex tipprova tinvoka l-fatt li l-ftehimiet kontenzjużi jikkostitwixxu l-espressjoni leġittima tad-dritt tal-proprjetà intellettwali li hija l-proprjetarja tiegħu. Fi kwalunkwe każ, tali allegazzjoni hija bbażata fuq il-premessa doppja, mhux stabbilita fil-mument tal-konklużjoni tal-imsemmija ftehimiet, li l-validità tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck ma tistax tiġi kkontestata u li l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jiksruha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 88).

124

It-tieni nett, Lundbeck lanqas ma tista’ ssostni, sabiex teskludi l-klassifikazzjoni tal-ftehimiet kontenzjużi bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”, li dawn tal-aħħar kellhom għanijiet leġittimi, fis-sens li kienu intiżi li jiżguraw id-difiża tal-privattivi l-ġdida ta’ proċess tagħha permezz tal-użu ta’ metodu leġittimu u frekwenti ta’ ftehim tat-tilwim jew li kienu jissodisfaw nuqqas ta’ simetrija tar-riskji eżistenti bejn il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali oriġinali u l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi.

125

Fir-rigward, minn naħa, tal-argument li l-imsemmija ftehimiet kienu intiżi li jiżguraw id-difiża tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck permezz tal-użu ta’ metodu leġittimu u frekwenti ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim, huwa biżżejjed li jitfakkar, kif diġà ssemma fil-punt 121 ta’ din is-sentenza u indikat essenzjalment ġustament mill-Qorti Ġenerali fil-punt 495 tas-sentenza appellata, li privattiva ma tawtorizzax lill-proprjetarju tagħha jikkonkludi kuntratti li jiksru l-Artikolu 101 TFUE.

126

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-argument li l-ftehimiet kontenzjużi jikkostitwixxu risposta għall-fatt, barra minn hekk ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 378 tas-sentenza appellata, li d-danni li jistgħu jippretendu l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali oriġinali fil-każ ta’ dħul illegali ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi fis-suq huma spiss ħafna inqas mid-danni mġarrba minn dawn tal-ewwel, għandu jitfakkar li huma l-awtoritajiet pubbliċi u mhux l-impriżi privati li għandhom jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti legali (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 88).

127

B’hekk, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 387 tas-sentenza appellata, ma jistax jiġi aċċettat li impriżi jipprovaw jikkumpensaw għall-effetti ta’ regoli ġuridiċi li huma jqisu bħala eċċessivament sfavorevoli permezz tal-konklużjoni ta’ akkordji li għandhom l-għan li jikkoreġu dawn l-iżvantaġġi taħt il-pretest li dawn ir-regoli joħolqu żbilanċ għad-detriment tagħhom.

128

Konsegwentement, iċ-ċirkustanzi invokati minn Lundbeck ma jistgħux jilleġittimizzaw ksur tal-Artikolu 101 TFUE u wisq inqas prattika kollużorja li fir-rigward tagħha ġie kkonstatat li hija tippreżenta l-livell suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex tiġi kklassifikata bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”.

129

It-tielet nett, Lundbeck lanqas ma tista’ tinvoka, sabiex teskludi l-klassifikazzjoni tal-ftehimiet kontenzjużi bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”, mill-fatt li, fil-mument tal-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet, kienu jeżistu dubji dwar il-possibbiltà li tiġi adottata tali klassifikazzjoni fir-rigward ta’ ftehimiet bħall-ftehimiet kontenzjużi, fid-dawl b’mod partikolari tal-assenza ta’ prassi deċiżjonali dwar tali ftehimiet u dubji maħluqa, skont Lundbeck, minn ċerti dikjarazzjonijiet tal-KFST kif ukoll tal-Kummissjoni.

130

Fil-fatt, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 438 u 774 tas-sentenza appellata, bl-ebda mod ma huwa rikjest li l-istess tip ta’ ftehimiet ikun diġà ġie kkundannat mill-Kummissjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jitqiesu li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan, u dan anki jekk dawn iseħħu f’kuntest speċifiku bħal dak tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

131

Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ ftehim partikolari bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”, huma importanti biss il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 8485) li minnha għandha tiġi dedotta l-eventwali dannu partikolari għall-kompetizzjoni, jekk meħtieġ wara analiżi ddettaljata ta’ dan il-ftehim, mill-għanijiet tiegħu u mill-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu.

132

Bl-istess mod, teħid ta’ pożizzjonijiet kontradittorji, li wħud minnhom huma sempliċement irrapportati, tal-Kummissjoni u ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni b’rabta ma’ ftehim, bħal dawk imsemmija fil-punti 747 sa 751 tas-sentenza appellata, anki jekk jitqies li seħħew, ma jistgħux iwasslu sabiex tiġi eskluża kwalunkwe possibbiltà li dan il-ftehim jiġi kklassifikat bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” peress li bl-ebda mod ma huwa stabbilit li huma r-riżultat ta’ analiżi bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti.

133

Ir-raba ’nett, Lundbeck ma tistax fl-aħħar tibbaża ruħha, sabiex teskludi l-klassifikazzjoni bħala “restrizzjoni skont l-għan” tal-ftehimiet kontenzjużi, il-fatt li dawn il-ftehimiet ma kien fihom l-ebda klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, għall-kuntrarju tal-ftehimiet inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52) jew ukoll li din is-sentenza kellha tenfasizza l-importanza li jitqiesu l-effetti favur il-kompetizzjoni tal-ftehimiet inkwistjoni fil-kuntest tal-klassifikazzjoni possibbli tagħhom bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”.

134

F’dan ir-rigward, diġà tfakkar fil-punt 114 ta’ din is-sentenza, li, fir-rigward ta’ ftehimiet bħall-ftehimiet kontenzjużi, għandu jiġi ddeterminat jekk, permezz ta’ dawn il-ftehimiet, kompetituri jissostitwixxux konxjament kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni, billi jevalwaw essenzjalment jekk il-bilanċ nett tat-trasferimenti ta’ valuri li huma jipprevedu huwiex spjegat biss mill-interess kummerċjali kemm tal-proprjetarju tal-privattiva kif ukoll tal-awtur tal-ksur tal-privattiva allegat li ma jikkompetux fuq il-merti.

135

Issa, il-Qorti Ġenerali fil-punti 399 tas-sentenza appellata kkonstatat, b’mod definittiv, minn naħa, li, għalkemm il-ftehimiet kontenzjużi ma kienu jinkludu ebda klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi ma kellhom ebda interess li jikkontestaw il-privattivi l-ġodda ta’ Lundbeck wara li kkonkludew il-ftehimiet kontenzjużi, peress li l-pagamenti bil-kontra kienu jikkorrispondu, bejn wieħed u ieħor, għall-profitti li kienu qegħdin jistennew li jiġġeneraw fil-każ ta’ dħul fis-suq jew għad-danni li setgħu jitħallsu lilhom li kieku rebħu kontra Lundbeck fi tmiem proċedura kontenzjuża, u, min-naħa l-oħra, anki jekk jitqies li dawn il-pagamenti kienu ta’ ammont inqas mill-profitti mistennija, kienu jikkostitwixxu minkejja kollox profitt ċert u immedjat, mingħajr lanqas ma dawn il-manifatturi jkollhom jassumu r-riskji li kien jimplika dħul fis-suq.

136

Tali konstatazzjoni hija suffiċjenti, f’dan il-każ, sabiex jiġi stabbilit li l-ftehimiet kontenzjużi huma restrittivi tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u dan iktar u iktar peress li, fi kwalunkwe każ, fil-kuntest tal-appell, Lundbeck ma ssemmi, fil-kuntest ta’ dan l-appell, ebda effett favur il-kompetizzjoni marbut ma’ dawn il-ftehimiet, li ma jissodisfax, minħabba f’hekk, il-livell ta’ provi rikjest mis-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52), b’mod partikolari l-punt 107 tagħha, sabiex timponi t-twarrib tal-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” tal-imsemmija ftehimiet minħabba dubji raġonevoli dwar il-kapċita’ ta’ dannu tagħhom fir-rigward tal-kompetizzjoni.

137

Fil-fatt, is-sempliċi allegazzjoni mhux sostnuta ta’ effetti favur il-kompetizzjoni tal-ftehimiet kontenzjużi ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-klassifikazzjoni bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 110).

138

Għalkemm, fil-kuntest tar-rikors għal annullament tagħha u b’mod iktar partikolari tas-seba’ motiv invokat insostenn tiegħu, Lundbeck ċertament sostniet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta evalwat b’mod inkorrett il-gwadann fl-effikaċja tal-ftehimiet kontenzjużi fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE, xorta jibqa’ l-fatt li la l-punti 708 sa 720 tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmi motiv ma ġew ikkontestati fil-kuntest ta’ dan l-appell u lanqas il-motivazzjoni esposta għal dawn il-punti ma ġiet invokata sabiex tikkontesta l-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” ta ’dawn il-ftehimiet, b’mod partikolari speċjalment b’rabta mar-risposta ta’ Lundbeck għall-mistoqsija bil-miktub tas‑6 ta’ Frar 2020.

139

Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-tielet parti tal-ewwel aggravju intiż kontra l-punti 472 u 473 tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li ma kienx meħtieġ li jsir eżami tax-“xenarju kontrofattwali” sabiex aġir jiġi kklassifikat bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”, għandu jiġi rrilevat li dan l-eżami jippermetti li jiġu evalwati l-effetti ta’ prattika kollużorja fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE meta l-analiżi tal-imsemmija prattika ma turix grad suffiċjenti ta’ ħsara fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 115 u 118 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

140

Konsegwentement u mingħajr ma tiġi miċħuda d-distinzjoni netta li teżisti bejn il-kunċetti ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” u ta’ “restrizzjoni minħabba l-effett” li tirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 63), l-eżami tax-“xenarju kontrofattwali”, li għandu l-għan li juri l-effetti ta’ prattika kollużorja partikolari, ma jistax jiġi impost għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ prattika kollużorja bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”.

141

Għaldaqstant, u kif il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat fil-punt 472 tas-sentenza appellata, huwa importanti biss, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ tali prattika bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”, li jiġi stabbilit li din għandha grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni fid-dawl tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tagħha, tal-għanijiet li hija intiża li tilħaq kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li taqa’ fih, mingħajr ma l-Kummissjoni tkun obbligata, madankollu, li teżamina l-effetti tagħha.

142

Barra minn hekk u kuntrarjament għal dak li sostniet Lundbeck fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għall-mistoqsija għal tweġiba bil-miktub tas‑6 ta’ Frar 2020, l-eżami tax-“xenarju kontrofattwali” ma jistax jiġi impost b’applikazzjoni tal-punt 37 tas-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52).

143

Fil-fatt, għalkemm, fl-imsemmi punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament ippreċiżat li, meta jkun hemm ftehim li jkollu bħala konsegwenza li jżomm temporanjament lil impriża barra mis-suq, għandu jiġi ddeterminat jekk kienx hemm, fl-assenza tal-imsemmi ftehim, possibbiltajiet reali u konkreti li din l-impriża taċċedi għall-imsemmi suq, hemm lok li jiġi kkonstatat li din il-preċiżazzjoni kienet tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet fi ftehim bħal dawk inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza u mhux il-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” tal-imsemmija ftehimiet.

144

Għalhekk, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

145

Fir-rigward tat-tieni aggravju, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu kkontestata mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, fil-punt 539 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi kif jirriżulta mill-punt 121 ta’ din is-sentenza, li għalkemm il-ftehimiet kontenzjużi ma kinux imorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck, dawn il-ftehimiet kienu madankollu jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Kif jirriżulta mill-punt 541 tas-sentenza appellata, l-eżami tal-argumenti ta’ Lundbeck, li hija kkritikata fil-kuntest tat-tieni aggravju, sar biss għall-finijiet ta’ kompletezza mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, peress li huwa dirett kontra motivi superfluwi tas-sentenza appellata, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2016, SV Capital vs ABE, C‑577/15 P, EU:C:2016:947, punt 65).

146

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha, Lundbeck tirreferi għall-argumenti żviluppati insostenn tal-ewwel aggravju tagħha. Issa, is-soluzzjoni mogħtija fir-rigward ta’ dan l-ewwel aggravju dwar il-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” tal-ftehimiet kontenzjużi sa fejn dawn jaqgħu biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi l-ġodda ta’ proċess ta’ Lundbeck hija meħtieġa a fortiori fir-rigward tat-tielet aggravju dwar il-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” ta’ wħud mill-ftehimiet kontenzjużi sa fejn dawn imorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija privattivi.

147

Konsegwentement, mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu jirriżulta li l-ewwel u t-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda.

Fuq il-ħames aggravju

Fuq il-punti rilevanti tas-sentenza appellata.

148

Permezz tal-ewwel parti tad-disa’ motiv tar-rikors għal annullament tagħha, Lundbeck sostniet li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni kellha raġun tikkonkludi li l-ftehimiet kontenzjużi kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE, ebda motiv validu ma kien jawtorizzaha timponilha multi f’dan il-każ, fid-dawl tan-novità u tal-kumplessità tal-kwistjonijiet fattwali u legali mqajma, mingħajr ma tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege).

149

Sabiex tiċħad dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset, fil-punt 777 tas-sentenza appellata, li mhux talli ma kinux imprevedibbli f’dak iż-żmien, iżda r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni previsti minn ftehimiet, li permezz tagħhom manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali kien irnexxielu jeskludi kompetituri potenzjali mis-suq matul perijodu ddeterminat permezz ta’ pagamenti bil-kontra sinjifikattivi, setgħu raġonevolment jiġu pperċepiti mill-partijiet għal dawn il-ftehimiet bħala li jmorru kontra l-Artikolu 101(1) TFUE, u b’hekk il-Kummissjoni setgħet tippenalizzahom mingħajr ma tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege).

150

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod partikolari, fil-punt 776 tas-sentenza appellata li ċerti manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kienu pperċepixxew sew in-natura ta’ ksur ta’ ftehimiet analogi għall-ftehimiet kontenzjużi u kienu rrifjutaw li jiffirmaw tali ftehimiet preċiżament għal din ir-raġuni.

L-argumenti tal-partijiet

151

Permezz tal-ħames aggravju tagħha, kompost minn tliet partijiet, Lundbeck tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkonfermat b’mod żbaljat il-multi li l-Kummissjoni imponiet fuqha.

152

Insostenn ta’ dan l-aggravju, Lundbeck issostni, fl-ewwel lok, li, fil-punt 777 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi applikat b’mod żbaljat il-livell ta’ ħtija meħtieġ sabiex tiġi imposta multa fuq l-awtur ta’ prattika antikompetittiva, peress li tali multa tista’ tiġi imposta biss jekk ikun ċert — u mhux biss possibbli — li l-awtur tagħha kien jaf bin-natura antikompetittiva tal-ksur.

153

Fit-tieni lok, fid-dawl tan-natura kumplessa tal-ftehimiet kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li skontha Lundbeck ma setgħetx ma tkunx taf bin-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha. Barra minn hekk, Lundbeck tindika li din il-konklużjoni ma setgħetx tiġi ssostanzjata mid-dokumenti, imsemmija fil-punt 776 tas-sentenza appellata, li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali għal dan il-għan, tal-inqas għall-ftehimiet kontenzjużi kollha, mingħajr ma tiżnatura l-imsemmija dokumenti.

154

Fit-tielet lok, Lundbeck tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-interpretazzjoni l-ġdida ta’ dispożizzjoni li tistabbilixxi ksur billi kkonfermat l-għoti ta’ sanzjonijiet li jmorru lil hinn minn multi simboliċi. Ammont simboliku kellu jiġi impost minħabba, l-ewwel, in-natura kumplessa u mingħajr preċedent tal-kwistjonijiet imqajma mill-ftehimiet kontenzjużi, it-tieni, l-inċertezza eżistenti fil-mument tal-fatti fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE li tirriżulta, b’mod partikolari, mid-dikjarazzjonijiet tal-KFST kif ukoll, it-tielet, mill-assenza ta’ preċedenti dwar tali ftehimiet.

155

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

156

Kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 762 tas-sentenza appellata, impriża tista’ tiġi ssanzjonata għal aġir li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE peress li hija ma setgħetx ma tkunx taf bin-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha, irrispettivament minn jekk kinitx konxja jew le li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2013, Schenker & Co. et, C‑681/11, EU:C:2013:404, punt 37).

157

Minn dan jirriżulta li l-fatt li din l-impriża kienet ikklassifikat b’mod ġuridikament żbaljat l-aġir tagħha li fuqu hija bbażata l-konstatazzjoni tal-ksur ma jistax ikollu bħala effett li jeżentaha mill-impożizzjoni ta’ multa sa fejn din ma setgħetx tinjora n-natura antikompetittiva tal-imsemmi aġir (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2013, Schenker & Co. et, C‑681/11, EU:C:2013:404, punt 38).

158

B’hekk, huwa importanti biss li jsir magħruf jekk l-imsemmija impriża kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina li l-aġir tagħha kien ta’ natura antikompetittiva u mhux, kif issostni Lundbeck, li jsir magħruf jekk din l-istess impriża kinitx effettivament ikkonstatat dan.

159

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 764 u 777 tas-sentenza appellata, li, mhux talli ma kinux imprevedibbli fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehimiet kontenzjużi ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni previsti minn dawn il-ftehimiet, iżda dawn setgħu raġonevolment jiġu pperċepiti mill-partijiet fl-imsemmija ftehimiet bħala li jmorru kontra l-Artikolu 101(1) TFUE.

160

Insostenn ta’ din l-evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkonstatat, fil-punti 765 sa 776 ta’ din is-sentenza, l-ewwel, li la l-ittra tal-Artikolu 101(1) TFUE u lanqas il-ġurisprudenza relatata ma’ din id-dispożizzjoni b’rabta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li Lundbeck ma tallegax li dawn ġew interpretati ħażin mill-Qorti Ġenerali, ma ħallew l-ebda lok għal dubju dwar li l-ftehimiet kontenzjużi huma kontra l-Artikolu 101(1) TFUE, it-tieni, li l-pożizzjoni meħuda mill-KFST fir-rigward ta’ dawk il-ftehimiet, anki jekk jiġi preżunt li kienet ekwivoka, ma setgħetx twassal għal aspettattiva leġittima dwar l-assenza ta’ sanzjoni tal-imsemmija ftehimiet, it-tielet, li n-natura mingħajr preċedenti tas-sanzjoni tal-ftehimiet kontenjużi ma setgħetx tiġġustifika multi limitati għal ammont simboliku u, ir-raba’, li ċerti manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kienu nnutaw b’mod ċar in-natura ta’ ksur ta’ ftehimiet simili għall-ftehimiet kontenzjużi u kienu rrifjutaw, preċiżament għal dan il-motiv, li jiffirmaw tali ftehimiet.

161

Issa, tali motivazzjoni tistabbilixxi suffiċjentement b’mod suffiċjenti fid-dritt in-natura tal-inqas prevedibbli tas-sanzjoni tal-ftehimiet kontenzjużi.

162

Barra minn hekk, Lundbeck ma tistax validament issostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-punti ta’ fatt jew ta’ prova meta kkonstatat li ċerti manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kienu pperċepixxew sew in-natura ta’ ksur ta’ ftehimiet analogi għall-ftehimiet kontenzjużi u kienu rrifjutaw, għal din ir-raġuni, li jiffirmaw tali ftehimiet. Fil-fatt, minbarra l-fatt li din l-allegazzjoni hija diretta kontra wieħed mill-motivi biss li fuqhom hija bbażata l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, kif esposti fil-punt 160 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, fid-dawl tan-natura eċċezzjonali ta’ motiv ibbażat fuq l-iżnaturament tal-fatti u tal-provi, l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jimponu, b’mod partikolari, fuq rikorrent li jindika b’mod preċiż l-elementi li ġew żnaturati u li juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, kienu jwassluha għal dik id-distorsjoni (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

163

Issa, għalkemm Lundbeck invokat żnaturament tad-dokumenti msemmija fil-punt 776 tas-sentenza appellata, hija bl-ebda mod ma esponiet liema huma l-iżbalji ta’ analiżi allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali li wasslu lil din tal-aħħar tiżnatura dawn id-dokumenti. Konsegwentement, sa fejn huwa bbażat fuq allegat żnaturament tal-fatti u tal-provi, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

164

Barra minn hekk, il-fatt li ċerti manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jew membri tal-persunal ta’ Lundbeck setgħu qajmu dubji dwar il-legalità tal-ftehimiet kontenzjużi jew ta’ ftehimiet simili għalihom jikkostitwixxi element perfettament kapaċi li jissostanzja l-konstatazzjoni li Lundbeck kienet f’pożizzjoni li tiddetermina li l-aġir tagħha kien jippreżenta jew, minn tal-inqas, seta’ jippreżenta natura antikompetittiva.

165

Fl-aħħar nett, il-fatt li l-Qorti Ġenerali kkonfermat l-impożizzjoni fuq Lundbeck ta’ multi li jeċċedu livell simboliku bl-ebda moda ma kiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, minkejja n-natura mingħajr preċedent u kumplessa tal-kwistjonijiet imqajma mill-ftehimiet kontenzjużi, l-assenza ta’ preċedent jew l-eżistenza ta’ dokumenti relatati ma’ dawn il-ftehimiet ippubblikati mill-KFST u li l-kontenut tagħhom huwa rrapportat fil-punti 749 sa 752 tas-sentenza appellata.

166

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-natura ġdida tas-sanzjoni tal-ftehimiet kontenzjużi, kif fakkret essenzjalment il-Qorti Ġenerali fil-punt 763 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli, iggarantit mill-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi l-kjarifika gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali permezz ta’ interpretazzjonijiet ġurisprudenzjali, sakemm dawn ikunu raġonevolment prevedibbli (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata).

167

Issa, mill-punt 114 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-klassifikazzjoni bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”, u a fortiori dik ta’ “restrizzjoni tal-kompetizzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, għandha tiġi adottata meta mill-analiżi tal-ftehim bonarju kkonċernat jirriżulta li t-trasferimenti ta’ valuri previsti minnu huma spjegati biss mill-interess kummerċjali kemm tal-proprjetarju tal-privattiva inkwistjoni kif ukoll tal-allegat awtur tal-ksur tal-privattiva li ma jikkompetux fuq il-merti sa fejn ftehimiet li permezz tagħhom kompetituri jissostitwixxu konxjament kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni juru manifestament il-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan”.

168

Barra minn hekk, ġie kkonstatat mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 764 u 777 tas-sentenza appellata, li s-sanzjoni tal-ftehimiet kontenzjużi skont l-Artikolu 101 TFUE kienet prevedibbli minn Lundbeck.

169

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-indikazzjonijiet li jirriżultaw mid-dokumenti li joriġinaw mill-KFST, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod sovran, essenzjalment, fil-punti 749 u 750 kif ukoll fil-punti 834 u 835 tas-sentenza appellata, kemm li dawn kienu juru li l-imsemmija awtorità kienet tqis li l-ftehimiet kontenzjużi setgħu jinfluwenzaw il-kompetizzjoni jekk kien jidher li Lundbeck kienet ħallset lill-kompetituri sabiex iżommu ’l bogħod mis-suq u, minħabba f’hekk, kienu jikkostitwixxu ksur gravi ħafna tal-Artikolu 101 TFUE, kemm li kienu jikkostitwixxu sempliċi r-rapport ta’ opinjoni preliminari tal-Kummissjoni.

170

Jingħad ukoll li, kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 748 tas-sentenza appellata, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jistgħux joħolqu għall-impriżi aspettattiva leġittima li l-aġir tagħhom ma jiksirx l-Artikolu 101 TFUE, peress li l-imsemmija awtoritajiet ma għandhomx il-kompetenza sabiex jieħdu deċiżjoni negattiva, jiġifieri deċiżjoni li tikkonkludi li ma hemmx ksur tal-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2013, Schenker & Co. et, C‑681/11, Ġabra, EU:C:2013:404, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

171

Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ Lundbeck li l-impożizzjoni tal-multi kkonċernati twassal għal ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi kriminali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din l-allegazzjoni ppreżentata għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell tikkostitwixxi aggravju ġdid u għalhekk hija inammissibbli, skont l-Artikoli 127 u 190, moqrija flimkien, tar-Regoli tal-Proċedura.

172

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 757 tas-sentenza appellata, Lundbeck kienet illimitat ruħha, fil-kuntest tal-ewwel parti tad-disa’ motiv ta’ annullament tagħha, li tinvoka l-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege).

173

Konsegwentement, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud billi huwa parzjalment innammissibli u parzjalment infondat.

Fuq is-sitt aggravju

Fuq il-punti rilevanti tas-sentenza appellata.

174

Permezz tal-għaxar motiv tar-rikors għal annullament tagħha, li ċ-ċaħda tal-ewwel u tat-tieni parti biss hija kkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell, Lundbeck sostniet li l-Kummissjoni kienet wettqet diversi żbalji ta’ liġi u ta’ fatt meta qieset bħala ammont bażiku tal-multi li ġew imposti fuqha perċentwali eċċessivament għoli ta’ 10 u 11 % tal-valur tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat, skont il-portata ġeografika tal-ftehimiet kontenzjużi, kif ukoll billi ma llimitatx it-tul tal-ksur inkwistjoni biss għall-perijodu li matulu l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kienu effettivament lesti jidħlu fis-suq, li ppreżuma li għandhom mill-inqas ATS fil-pajjiżi rilevanti, li ma kienx il-każ, pereżempju, fl-Awstrija.

175

Sabiex tiċħad l-ewwel parti tal-għaxar motiv ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 806 u 812 tas-sentenza appellata, li, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi u mingħajr ma kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni kienet iddeterminat l-ammont bażiku tal-multi kkonċernati skont il-punt 22 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006.

176

B’mod partikolari, fil-punt 804 tas-sentenza appellata hija indikat li, “[g]ħall-kuntrarju ta’ dak li [kienet issostni Lundbeck] f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tnaqqas l-ammont bażiku tal-multa sabiex tieħu inkunsiderazzjoni biss il-valur tal-bejgħ fil-pajjiżi fejn [il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali] ġeneriċi kienu mmanifatturati minn [Lundbeck] kienu avvanzaw iktar fil-preparazzjonijiet tagħhom sabiex jidħlu fis-suq” u li, “[f]il-fatt, peress li huwa involut ksur minħabba l-għan, sa fejn il-ksur imwettaq mill-ftehimiet kontenzjużi (bl-eċċezzjoni tal-ftehimiet konklużi ma’ Arrow) kellhom portata ġeografika li tkopri ż-ŻEE kollha, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq din il-portata ġeografika, mingħajr ma twettaq eżami fil-fond tal-perspettivi konkreti ta’ dħul tal-[manifatturi] ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi f’kull Stat [Membru] taż-ŻEE”. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat f’dan ir-rigward li “kienu l-partijiet fil-ftehimiet kontenzjużi li ddefinixxew il-portata ġeografika ta’ dawn il-ftehimiet u għalhekk tal-ksur inkwistjoni f’dan il-każ meta ddeċidew li dawn il-ftehimiet kontenzjużi kellhom ikopru ż-ŻEE kollha (bl-eċċezzjoni tal-ksur ma’ Arrow).”

177

Sabiex tiċħad it-tieni parti tal-għaxar aggravju ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 815 u 816 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-kompetizzjoni kienet ġiet ristretta minħabba l-ftehimiet kontenzjużi matul it-tul kollu tagħhom u li Lundbeck ma kinitx uriet li, fl-assenza tal-ftehimiet kontenzjużi, il-kompetizzjoni — anki potenzjali — bejnha u l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kienet tkun impossibbli jew ineżistenti u lanqas li dawn il-ftehimiet ma kienu bl-ebda mod irrestrinġew il-kompetizzjoni, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li pprevalixxiet fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni (T‑360/09, EU:T:2012:332). Hija rrilevat ukoll li s-soluzzjoni opposta twassal sabiex tiċħad id-distinzjoni bejn “kompetizzjoni reali” u “kompetizzjoni potenzjali”.

178

Fl-aħħar nett, fil-punt 842 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li ma kienx hemm lok li jingħata, f’dan il-każ, il-benefiċċju ta’ ċirkustanzi attenwanti u li l-ammont tal-multi imposti fuq Lundbeck fid-deċiżjoni kontenzjuża kellu jiġi kkonfermat.

L-argumenti tal-partijiet

179

Permezz tas-sitt aggravju tagħha, ippreżentat sussidjarjament u kompost minn tliet partijiet, Lundbeck issostni li l-konferma mill-Qorti Ġenerali tal-kalkolu tal-multi li ġew imposti fuqha mill-Kummissjoni hija żbaljata fid-dritt u ma hijiex motivata suffiċjentement.

180

Insostenn ta’ dan l-aggravju, Lundbeck tqis, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li ma kienx neċessarju, fil-punt 804 tas-sentenza appellata, li teskludi, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multi li ġew imposti fuqha, il-bejgħ li ma setax ġie affettwat mill-ftehimiet kontenzjużi, jiġifieri l-bejgħ imwettaq minn Lundbeck f’ċerti Stati Membri taż-ŻEE li fir-realtà s-suq tagħhom kien magħluq għall-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, peress li ebda ATS ma ngħatatilhom qabel l-iskadenza ta’ dawn il-ftehimie, jew, fir-rigward tal-Awstrija, peress li l-privattiva dwar l-IPA citalopram ta’ Lundbeck baqgħet fis-seħħ matul il-parti l-kbira tat-tul tal-imsemmija ftehimiet. Issa, skont il-punti 6 u 13 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006, hija l-Kummissjoni li għandha tikkunsidra biss il-bejgħ li effettivament kien relatat mal-ksur inkwistjoni.

181

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 804 tas-sentenza appellata, allegatament applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza, minn naħa, meta qieset li n-natura ta’ “ksur minħabba l-għan” li għandom il-ftehimiet kontenzjużi kienet teżenta lill-Kummissjoni milli twettaq eżami konkret, filwaqt li tali eżami jista’ madankollu jkun ta’ ċerta importanza fid-dawl tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 31 tas-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343). Min-naħa l-oħra, billi ma eskludietx, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni (T‑360/09, EU:T:2012:332), mill-kalkolu tal-multi l-bejgħ li jikkorrispondi mal-attivitajiet li ma jistgħux ikunu f’kompetizzjoni matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-analiżi fattwali u legali neċessarja sabiex tiddetermina l-bejgħ f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur inkwistjoni, rikjest mis-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, Telefónica vs Il‑Kummissjoni (T‑216/13, EU:T:2016:369, punt 309).

182

Fit-tieni lok, Lundbeck tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma mmotivatx suffiċjentement, fil-punt 816 tas-sentenza appellata, il-fatt li ma applikatx il-metodu adottat fis-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni (T‑360/09, EU:T:2012:332). B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma spjegatx kif il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi ma kinux de facto preklużi milli jippenetraw fis-suq tal-Istati Membri taż-ŻEE kkonċernati minħabba l-assenza ta’ ATS u l-eżistenza tal-privattiva dwar l-IFA citalopram ta’ Lundbeck.

183

Fit-tielet lok, Lundbeck issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi tal-każ billi qieset, fil-punt 806 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkunsidrat, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqha skont il-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006, perċentwali tal-valur tal-bejgħ fir-rigward tal-ksur ta’ 10 u 11 % skont il-portata ġeografika tal-ftehimiet kontenzjużi. Issa, fid-dawl tal-impatt ġeografiku limitat ta’ dawn il-ftehimiet u tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni f’każijiet simili kif ukoll tal-fatt li l-imsemmija akkordji ma jikkostitwixxux akkordji, dawn il-perċentwali kellhom ikunu iktar baxxi u ffissati fil-livell l-iktar baxx possibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

184

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ewwel u tat-tieni parti tas-sitt aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, Lundbeck tqis, essenzjalment, li, fil-punti 804 u 816 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta qieset, mingħajr ma wieġbet għall-argument tagħha, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tnaqqas l-ammont bażiku tal-multi sabiex tieħu inkunsiderazzjoni biss il-valur tal-bejgħ fil-pajjiżi fejn il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kienu iktar avvanzati fil-preparazzjonijiet tagħhom bil-għan li jidħlu fis-suq.

185

Fir-rigward tal-impożizzjoni mill-Kummissjoni ta’ multa skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din l-istituzzjoni għandha tevalwa, f’kull każ speċifiku u fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tal-għanijiet segwiti mis-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita mill-imsemmi regolament, l-impatt imfittex fuq l-impriża kkonċernata, b’mod partikolari, billi tieħu inkunsiderazzjoni dħul mill-bejgħ li jirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika reali tagħha waqt il-perijodu li matulu twettaq il-ksur (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il‑Kummissjoni, C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt 16 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

186

F’dan ir-rigward, huwa aċċettat, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża li jagħti indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll il-parti minnn dan id-dħul li ġej minn prodotti suġġetti għall-ksur u li għaldaqstant jista’ jagħti indikazzjoni tad-daqs tal-ksur (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il‑Kummissjoni, C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

187

Sa fejn il-multi imposti mid-deċiżjoni kontenzjuża ġew stabbiliti, mill-Kummissjoni, billi applikat il-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm il-kunċett ta’ “valur tal-bejgħ” imsemmi fil-punt 13 ta’ dawn il-linji ma jistax, ċertament, jiġi estiż sabiex jinkludi l-bejgħ imwettaq mill-impriża inkwistjoni li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju kkontestat, madankollu ikun hemm ksur tal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni jekk dan il-kunċett kellu l-intenzjoni li jinkludi d-dħul mill-bejgħ imwettaq bil-bejgħ biss li bih huwa stabbilit li huma realment affettwati (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs ll‑Kummissjoni, C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt 19).

188

Ċertament, minn din il-kunsiderazzjoni jirriżulta li għandu jiġi eskluż mill-valur tal-bejgħ li huwa s-suġġett ta’ ksur il-bejgħ tal-awtur tal-imsemmi ksur li seħħ f’suq mhux miftuħ għall-kompetizzjoni, bħal dak inkwistjoni fis-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni (T‑360/09, EU:T:2012:332, punti 105155), imsemmija minn Lundbeck, sa fejn tali suq ma jistax jiġi affettwat minn prattika antikompetittiva prevista fl-Artikolu 101 TFUE, jew inkella l-bejgħ imwettaq minn wieħed mill-partijiet f’akkordju fuq swieq li fuqhom il-partijiet l-oħra f’dan l-akkordju ma humiex preżenti u ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala kompetituri potenzjali.

189

Madankollu, f’dan il-każ, ebda bejgħ integrat mill-Kummissjoni fil-valur tal-bejgħ ikkunsidrat, li l-ammont globali tiegħu ġie kkonfermat mill-Qorti Ġenerali, ma jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji ta’ bejgħ esklużi msemmija fil-punt preċedenti.

190

Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 222 u 223 tal-konklużjonijiet tagħha, kemm fir-rigward tal-bejgħ imwettaq fl-Awstrija fejn il-privattiva tal-IFA citalopram ta’ Lundbeck skadiet, skont din tal-aħħar, biss fix-xahar ta’ April 2003, jiġifieri matul il-perijodu ta’ eżekuzzjoni tal-ftehimiet kontenzjużi, jew dwar il-bejgħ imwettaq fl-Istati li fihom il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kisbu ATS biss matul il-perijodu ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn il-ftehimiet jew saħansitra wara dan tal-aħħar, dan il-bejgħ kollu sar fi swieq li fihom il-manifatturi tal-prodotti mediċinali kkonċernati kienu għall-inqas f’kompetizzjoni potenzjali matul it-tul kollu tal-imsemmija ftehimiet, li ġie ġustament irrelevat mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 815 tas-sentenza appellata, u dan li jikkonferma ċ-ċaħda tar-raba’ aggravju.

191

Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li l-bejgħ imsemmi fil-punt preċedenti ma kellux rabta tal-inqas indiretta mal-ksur ikkonstatat u, għaldaqstant, li dan ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multi imposti fuq Lundbeck.

192

Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 804 tas-sentenza appellata, huma l-partijiet fil-ftehimiet kontenzjużi li huma stess iddefinixxew il-portata ġeografika ta’ dawn il-ftehimiet, bl-esklużjoni ta’ dawk konklużi bejn Lundbeck u Arrow, bħala li jestendu għaż-ŻEE kollha, u dan juri li huma qiesu li kienu jinsabu, f’kull wieħed mis-swieq taż-ŻEE, f’kompetizzjoni, jekk mhux reali tal-inqas potenzjali, bil-konsegwenza li l-bejgħ imwettaq minn Lundbeck f’kull wieħed mill-imsemmija swieq, skont il-punt 13 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006, għandu jitqies bħala bejgħ “f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur”.

193

Għaldaqstant, Lundbeck ma tistax tilmenta li l-Qorti Ġenerali aċċettat, fil-punt 804 tas-sentenza appellata, it-teħid inkunsiderazzjoni, fir-rigward tal-ftehimiet kontenzjużi bl-esklużjoni tal-ftehimiet konklużi bejn Lundbeck u Arrow, tal-bejgħ imwettaq fit-territorju kollu taż-ŻEE mingħajr ma wettqet eżami fil-fond tal-prospetti konkreti ta’ dħul tal-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi fit-territorju ta’ kull Stat Membru taż-ŻEE.

194

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali lanqas ma tista’ tiġi validament ikkritikata talli, fil-punt 816 tas-sentenza appellata, ma mmotivatx b’mod suffiċjenti l-fatt li ma applikatx, f’dan il-każ, is-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni (T‑360/09, EU:T:2012:332).

195

Billi indikat, fl-imsemmi punt, li l-kawża li tat lok għal din is-sentenza ma kienet ta’ ebda għajnuna għal Lundbeck, peress li f’dik il-kawża, kwalunkwe kompetizzjoni kienet tkun impossibbli, anki fl-assenza tal-ftehim antikompetittiv inkwistjoni fl-imsemmija kawża, matul parti mill-perijodu tal-ksur, peress li s-suq kien legalment eskluż minn kwalunkwe kompetizzjoni skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli matul dan il-perijodu, u dan ħoloq sitwazzjoni ta’ monopolju de facto, il-Qorti Ġenerali ppermettiet lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom hija ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

196

Minn dan isegwi li l-ewwel u t-tieni parti ta’ dan l-aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

197

Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, meta hija tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, għal raġunijiet ta’ ekwità, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’dik tagħha, billi tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, dwar l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur, minnhom, tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Philips u Philips France vs Il‑Kummissjoni, C‑98/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:774, punt 107 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

198

Huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont tal-multa (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Philips u Philips France vs Il‑Kummissjoni, C-98/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:774, punt 107 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

199

Minn dan isegwi li, sa fejn Lundbeck tikkontesta, permezz tat-tielet parti tas-sitt aggravju, l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punt 842 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-ammont tal-multi imposti fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, mingħajr madankollu ma tistabbilixxi u lanqas tallega li dan l-ammont mhux biss ma huwiex xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, hija fir-realtà tipprova tikseb evalwazzjoni ġdida tan-natura xierqa tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqha. Għaldaqstant, din it-taqsima għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

200

Konsegwentement, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

201

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

202

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184 tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

203

Peress li l-Kummissjoni talbet li Lundbeck tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet fir-rigward tal-aggravji tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

204

Skont l-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, meta ma jkunx ippreżenta l-appell huwa stess, intervenjent fl-ewwel istanza jista’ jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura fl-appell biss jekk ikun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tali parti tipparteċipa fil-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

205

Peress li l-EUIPA pparteċipat fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi deċiż li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

206

L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprevedi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

207

Konsegwentement, ir-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

H. Lundbeck A/S u Lundbeck Ltd huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Il-European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations (EFPIA) għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

4)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top