EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0553

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-25 ta’ Lulju 2018.
"TTL" EOOD vs Direktor na Direktsia "Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika" - Sofia.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Varhoven administrativen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu provduti servizzi – Tassazzjoni tal-kumpanniji – Ħlasijiet imwettqa minn kumpannija residenti lil kumpanniji mhux residenti għall-kiri ta’ vaguni b’tank – Obbligu li tinġabar taxxa f’ras il-għajn fuq id-dħul irċevut minn sorsi nazzjonali ttrasferit lil kumpannija barranija – Nuqqas ta’ osservanza – Ftehimiet dwar ħelsien minn taxxa doppja – Ġbir ta’ interess moratorji mill-kumpannija resident minħabba nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa f’ras il-għajn – Interessi dovuti mill-iskadenza tat-terminu legali ta’ ħlas sal-jum fejn il-provi tal-applikabbiltà tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja jiġu ssodisfatti – Interessi li jistgħu jiġu rkuprati.
Kawża C-553/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:604

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

25 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu provduti servizzi – Tassazzjoni tal-kumpanniji – Ħlasijiet imwettqa minn kumpannija residenti lil kumpanniji mhux residenti għall-kiri ta’ vaguni b’tank – Obbligu li tinġabar taxxa f’ras il-għajn fuq id-dħul irċevut minn sorsi nazzjonali ttrasferit lil kumpannija barranija – Nuqqas ta’ osservanza – Ftehimiet dwar ħelsien minn taxxa doppja – Ġbir ta’ interess moratorji mill-kumpannija resident minħabba nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa f’ras il-għajn – Interessi dovuti mill-iskadenza tat-terminu legali ta’ ħlas sal-jum fejn il-provi tal-applikabbiltà tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja jiġu ssodisfatti – Interessi li jistgħu jiġu rkuprati”

Fil-Kawża C‑553/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill‑Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), deċiżjoni tal‑24 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Novembru 2016, fil-proċedura

“TTL” EOOD

vs

Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofia,

fil-preżenza ta’:

Varhovna administrativna prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Rosas (Relatur), President tal-Awla, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M. Aleksejev, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Jannar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “TTL” EOOD, minn V. Terzieva, advokat,

għad-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofia, minn A. Georgiev u S. Atanasova, bħala aġenti,

għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova, M. Georgieva u T. Mitova, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u R. Lyal kif ukoll minn P. Mihaylova, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49, 54 u 63 kif ukoll tal‑Artikolu 65(1) u (3) TFUE, tal-Artikolu 5(4) u tal-Artikolu 12(b) TUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “TTL” EOOD u d-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofia (id-Direttur tad-Direttorat “Appelli u Prassi fil-Qasam tat-Taxxi u tas-Sigurtà Soċjali” ta’ Sofija, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni konvenuta fil-kawża prinċipali”) fir-rigward tal-ħlas, minn TTL, ta’ interessi moratorji li ma jistgħux jiġu rkuprati minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu tagħha li tiġbor taxxa fuq ras il-għajn fuq il-ħlasijiet ta’ dħul transkonfinali mwettqa lejn kumpanniji mhux relatati stabbiliti fi Stat Membru minbarra r-Repubblika tal-Bulgarija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) TUE jipprovdi:

“Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-kontenut u l-forma ta’ l-azzjoni ta’ l-Unjoni m’għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati.”

4

L-Artikolu 12(b) TUE jipprevedi:

“Il-Parlamenti nazzjonali għandhom jikkontribwixxu attivament għall-funzjonament tajjeb ta’ l-Unjoni:

[…]

b)

billi jassiguraw li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jiġi rispettat skond il-proċeduri previsti fil-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità”.

Id-dritt Bulgaru

5

Bis-saħħa tal-Artikolu 195(1) taż-Zakon za korporativnoto podohodno oblagane (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji) (DV Nru 105, tat‑22 ta’ Diċembru 2006), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, id-dħul li l-persuni ġuridiċi barranin jirċievu minn sorsi nazzjonali, ġaladarba ma jkunx inkiseb permezz ta’ stabbiliment permanenti fit-territorju Bulgaru, huwa suġġett għal taxxa f’ras il-għajn li tpaċi d-dejn fiskali b’mod definittiv. Skont l-Artikolu 195(2) ta’ din il-liġi, it-taxxa f’ras il-għajn imsemmija fil-paragrafu 1 titħallas mill-persuni ġuridiċi Bulgari li jittrasferixxu d-dħul lill-persuni ġuridiċi barranin. Konformement mal-Artikolu 200 tal-imsemmija liġi, ir-rata ta’ din it-taxxa f’ras il-għajn hija ta’ 10 %.

6

L-Artikolu 202(2) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji jipprevedi li l-entitajiet li jittrasferixxu d-dħul suġġett għal taxxa f’ras il-għajn konformement mal-Artikolu 195 ta’ din il-liġi għandhom iħallsu t-taxxa miġbura f’terminu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri mill-bidu tax-xahar ta’ wara dak li matulu ġie ttrasferit id-dħul.

7

Id-Danachno-osiguritelen protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali u tal-Assigurazzjonijiet Soċjali), tal‑1 ta’ Jannar 2006 (DV Nru 105, tad‑29 ta’ Diċembru 2005, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, jipprovdi, fl-Artikolu 18 tiegħu, intitolat “Responsabbiltà tal-persuni li għandhom jiġbru u jħallsu t-taxxi jew ħlasijiet soċjali”:

“1)   Persuna li legalment għandha tiġbor u tħallas taxxa jew ħlasijiet soċjali obbligatorji li ma tiġborx u ma tħallasx it-taxxa jew il-ħlasijiet hija responsabbli in solidum mad-debitur tat-taxxa jew tal-ħlasijiet soċjali mhux miġbura u mhux imħallsa.

2)   Meta l-persuna msemmija fil-paragrafu 1 tkun ġabret it-taxxa jew il-ħlasijiet soċjali obbligatorji iżda ma tkunx ħallsithom, hija tkun responsabbli mill-ħlas ta’ din it-taxxa jew ta’ dawn il-ħlasijiet soċjali obbligatorji iżda r-responsabbiltà tad-debitur tintemm”.

8

L-Artikolu 175(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali jipprovdi:

“1)   Huma dovuti interessi bir-rata legali għal kull dejn lejn l-Istat li ma jitħallasx fit-termini ffisati legalment.

2)   L-interess huma dovuti wkoll:

1.

għal dejn pubbliku li ma ġiex irrimborsat jew imputat korrettament, inklużi l-pagamenti kollha rċevuti fuq il-bażi ta’ talba għal rimbors konformement għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ħlasijiet fiskali u soċjali;

2.

fuq ħlas antiċipat li ma tħallasx fit-terminu legali previst, fit‑31 ta’ Diċembru tas-sena kkonċernata;

3.

għal kull taxxa ta’ persuna barranija li għandha titħallas f’ras il-għajn, mill-iskadenza tat-terminu mogħti mil-liġi Bulgara sabiex din titħallas sad-data li fiha l-persuna barranija tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja li għalih ir-Repubblika tal-Bulgarija hija parti kontraenti jiġu sodisfatti, inkluż meta, konformement mal-ftehim, ma tkun dovuta ebda taxxa jew fejn l-ammont tat-taxxa dovuta jkun iżgħar”.

9

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali jipprevedi, fl-Artikoli 135 sa 142 tiegħu, proċedura speċjali għall-applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet fiskali previsti fi ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja.

10

Skont din il-proċedura, l-eżenzjonijiet fiskali jiġu applikati wara li jkun ġie pprovat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ftehim intiż li jevita t-tassazzjoni doppja jiġu ssodisfatti.

11

Għal dan il-għan, konformement mal-Artikolu 136 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, il-persuna barranija għandha b’mod partikolari tipprova li, meta d-dejn fiskali li jikkorrispondi għad-dħul suġġett għal taxxa f’ras il-għajn fit-territorju Bulgaru jkun sar dovut, hija kellha r-residenza fiskali tagħha fl-Istat l-ieħor, fis-sens tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja rilevanti, hija kellha dħul li s-sors tiegħu kien jinsab fil-Bulgarija, u hija ma kellhiex stabbiliment permanenti u lanqas ċentru ta’ attività fissa fit-territorju Bulgaru li magħha huwa effettivament marbut id-dħul inkwistjoni.

12

Skont l-Artikolu 139 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, minn ammont ta’ dħul annwali suġġett għal taxxa f’ras il-għajn, li jikkorrispondi għal 100000 Leva Bulgara (BGN) (madwar EUR 51000), il-persuna barranija għandha tistabbilixxi li ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet li jippermettu l-applikazzjoni tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja rilevanti, skont il-modalitajiet previsti fl-Artikoli 139 sa 141 ta’ dan il-kodiċi, quddiem it-Teritorialna direktia na Nationalna agentsia za prihodite (id-Direttorat Territorjali tal-Aġenzija Nazzjonali tat-Taxxi, il-Bulgarija) tal-post fejn hija stabbilita l-kumpannija li tħallas id-dħul. Konformement mal-Artikolu 139 tal-imsemmi kodiċi, id-dokumenti li jipprovaw li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim ġew issodisfatti għandhom jiġu prodotti fl-istess mument li titressaq it-talba għall-applikazzjoni tal-imsemmi ftehim.

13

Madankollu, skont l-Artikolu 142 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, intitolat “Każ partikolari”, meta l-ammont tad-dħul annwali suġġett għal taxxa f’ras il-għajn ikun inqas minn BGN 100000, huwa mingħand il-persuna li tkun ittrasferixxiet id-dħul li jeħtieġ li jiġi pprovat li ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet li jippermettu l-applikazzjoni tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja rilevanti. F’dan il-każ, il-persuna li ttrasferixxiet id-dħul tiċċertifika li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ftehim rilevanti ġew issodisfatti.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Matul is-snin 2007 sa 2010, TTL, kumpannija rreġistrata u stabbilita fil-Bulgarija, ikkonkludiet mal-kumpanniji GATX Dutch Holding, irreġistrata fil-Pajjiżi l-Baxxi, VTG Austria GmbH, irreġistrata fl-Awstrija, u GATX Reil Poland sp. z.o.o., irreġistrata fil-Polonja (iktar ’il quddiem it-“tliet kumpanniji barranin”), kuntratti li kellhom bħala għan il-kiri ta’ vaguni b’tank u ttrasferixxitilhom dħul bħala korrispettiv ta’ dan il-kiri. Dawn il-kumpanniji ma għandhom ebda rabta ma’ TTL.

15

Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Bulgaru jirriżulta li d-dħul minn sors Bulgaru rċevut, għal kull sena tal-perijodu mill‑2007 sal‑2010, mill-kumpanniji GATX Dutch Holding u GATX Reil Poland kien inqas minn BGN 100000 filwaqt li dak irċevut mill-kumpannija VTG Austria kien ogħla minn dan l-ammont.

16

Peress li TTL qieset li l-imsemmi dħul kien jaqa’ taħt il-ftehimiet dwar ħelsien minn taxxa doppja konklużi bejn ir-Repubblika tal-Bulgarija u kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati, jiġifieri r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika tal-Polonja, hija ma ħallsitx taxxa f’ras il-għajn.

17

It-tliet kumpanniji barranin ma talbux deċiżjoni dwar l-applikabbiltà tal-ftehimiet dwar ħelsien minn taxxa doppja rilevanti, iżda pproduċew, quddiem TTL, il-provi tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet. Peress li dawn il-provi ġew prodotti lil TTL minn sena sa erba’ snin biss wara li saru t–trasferimenti tad-dħul, fl‑21 ta’ Marzu 2011 fir-rigward tal-kumpannija Pollakka, fit‑28 ta’ Marzu 2011 fir-rigward tal-kumpannija Awstrijaka, u fl‑24 ta’ Awwissu 2011 fir-rigward tal-kumpannija tal-Pajjiżi l-Baxxi, dawn il-kumpanniji kisbu mingħand TTL iċ-ċertifikazzjoni li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ftehimiet dwar ħelsien minn taxxa doppja li tikkonċernahom rispettivament kienu ssodisfatti.

18

TTL kienet suġġetta għal kontroll fiskali, ordnat permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Mejju 2011, li kien jirrigwarda l-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2007 sal‑31 ta’ Diċembru 2010 u li jikkonċernaw l-eżistenza eventwali ta’ dejn fis-sens tal-Artikolu 195 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji.

19

It-Teritorialna direktia na Nationalna agentsia za prihodite – Sofia (id-Direttorat Territorjali tal-Aġenzija Nazzjonali tat-Taxxi ta’ Sofija, il-Bulgarija) ħarġet avviż ta’ aġġustament fiskali tat‑22 ta’ Ottubru 2013, li ġie nnotifikat lil TTL fit‑30 ta’ Ottubru segwenti.

20

Dan l-avviż jikkonstata l-eżistenza ta’ dejn fiskali skont l-Artikolu 195 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mal-interessi. Fih huwa indikat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ftehimiet dwar ħelsien minn taxxa doppja huma ssodisfatti għat-tliet kumpanniji barranin, li GATX Dutch Holding u VTG Austria ma huma suġġetti għal ebda taxxa fil-Bulgarija, u li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Ftehim dwar Ħelsien minn Taxxa Doppja konkluż ben ir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Repubblika tal-Polonja, id-dħul ittrasferit minn TTL lil GATX Reil Poland għall-kiri ta’ vaguni b’tank imissu kien suġġett għal taxxa f’ras il-għajn fil-Bulgarija bir-rata ta’ 5 % biss, li tikkorrispondi għal BGN 2 231.11 (madwar EUR 1140).

21

L-imsemmi avviż jindika wkoll li interess minħabba nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa f’ras il-għajn huma dovuti fuq il-bażi tal-punt 3 tal-Artikolu 175(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, għall-perijodu mid-data ta’ skadenza tat-terminu legali ta’ ħlas tat-taxxa f’ras il-għajn skont l-Artikolu 195 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji fid-data li fiha t-tliet kumpanniji barranin urew li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ftehimiet dwar ħelsien minn taxxa doppja konklużi bejn ir-Repubblika tal-Bulgarija u kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati kienu ssodisfatti.

22

L-istess avviż ta’ aġġustament iffissa l-ammont totali tal-interessi għal BGN 71 473.42 (madwar EUR 36500). Minkejja li sussegwentement ġie stabbilit li t-taxxa ma kinitx dovuta, dawn l-interessi ma ġewx irrimborsati.

23

TTL ippreżentat rikors kontra l-avviż ta’ aġġustament quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), li ġie miċħud permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2014.

24

TTL ippreżentat appell kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija).

25

Din il-qorti tosserva li, bis-saħħa tal-punt 3 tal-Artikolu 175(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, kumpannija residenti li tittrasferixxi dħul suġġett għal taxxa f’ras il-għajn għandha l-obbligu li tħallas interessi meta l-kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor li tirċievi dan id-dħul ma tkunx ipproduċiet il-prova li l-kundizzjonijiet li jippermettu l-applikazzjoni tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż bejn ir-Repubblika tal-Bulgarija u l-Istat Membru tas-sede ta’ din il-kumpannija huma ssodisfatti, inkluż meta, konformement ma’ dan il-ftehim, din il-kumpannija mhux resident ma tkun suġġetta għal ebda taxxa fil-Bulgarija jew meta l-ammont ta’ din it-taxxa jkun inqas minn dak normalment dovut taħt id-dritt fiskali Bulgaru. Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li dawn l-interessi jinġabru għall-perijodu inkluż bejn l-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas tat-taxxa fuq id-dħul u d-data li fiha l-kumpannija mhux residenti li tirċievi d-dħul tipprova li l-kundizzjonijiet li jippermettu l-applikazzjoni tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja rilevanti jkunu ġew issodisfatti, u li ma jistgħux jiġu rkuprati, filwaqt li, konformement mal-imsemmi ftehim, il-ħlas ta’ dħul minn sors Bulgaru huwa eżenti mit-taxxa f’ras il-għajn fil-Bulgarija.

26

Din il-qorti tistaqsi jekk tali dispożizzjoni kif ukoll il-prassi fiskali li tirriżulta minn din id-dispożizzjoni jikkostitwixxux restrizzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 63 u l-Artikolu 65(1) u (3)) fl-Unjoni Ewropea.

27

Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tqis li l-fatt li kumpannija li tittrasferixxi dħul suġġett għal taxxa f’ras il-għajn hija obbligata tħallas interessi fuq it-taxxa li għaliha ma hijiex suġġetta l-kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor imur kontra n-natura aċċessorja tad-dejn ta’ interessi. Skont din il-qorti, fl-ordinament ġuridiku Bulgaru ma teżisti ebda dispożizzjoni oħra li, meta ma jiġix issodisfatt l-obbligu legali li tiġi prodotta l-prova tal-eżistenza ta’ dritt, timponi li jinġabru interessi minn persuna oħra fuq taxxa li ma għandhiex titħallas.

28

Din il-qorti tistaqsi, għalhekk, jekk l-Artikolu 5(4) u l-Artikolu 12(b) TUE kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fih jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali bħall-punt 3 tal-Artikolu 175(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Dispożizzjoni nazzjonali, bħall-punt 3 tal-Artikolu 175(2) [tal-Kodiċi ta’ Proċedurali Fiskali], li tobbliga lil kumpannija nazzjonali, li tħallas dħul suġġett għal taxxa f’ras il-għajn, tħallas interessi fir-rigward tal-perijodu bejn l-iskadenza tat-terminu għall-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul u d-data li fiha l-entità barranija stabbilita fi Stat Membru ieħor tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż mar-Repubblika tal-Bulgarija huma applikabbli, inkluż f’sitwazzjoni fejn, konformement mal-ftehim, ebda taxxa ma hija dovuta jew l-ammont tagħha huwa iżgħar, hija kompatibbli mal-Artikolu 5(4) TUE u mal-Artikolu 12(b) TUE?

2)

Dispożizzjoni nazzjonali, bħall-punt 3 tal-Artikolu 175(2) [tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali] u prassi fiskali, li bis-saħħa tagħhom, fil-każ ta’ kumpannija li tħallas dħul suġġett għal taxxa f’ras il-għajn, jiġu imposti interessi fir-rigward tal-perijodu bejn l-iskadenza tat-terminu għall-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul u d-data li fiha l-entità barranija stabbilita fi Stat Membru ieħor tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż mar-Repubblika tal-Bulgarija huma applikabbli, inkluż f’sitwazzjoni fejn, konformement mal-ftehim, ebda taxxa ma hija dovuta jew l-ammont tagħha huwa iżgħar, hija kompatibbli mal-Artikoli 49, 54, 63 u [l-Artikolu] 65(1) u (3) TFUE?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(4) u l-Artikolu 12(b) TUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi lil kumpannija residenti, li tittrasferixxi lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor dħul suġġett għal taxxa f’ras il-għajn, sakemm ma jiġix ipprovdut mod ieħor fil-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż bejn dawn iż-żewġ Stat Membri, il-ħlas ta’ interessi għall-perijodu inkluż bejn l-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas tat-taxxa fuq id-dħul u d-data li fiha l-kumpannija mhux residenti tipprova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim huma ssodisfatti, inkluż meta, konformement mal-imsemmi ftehim, ebda taxxa ma tkun dovuta fl-ewwel Stat Membru jew meta l-ammont ta’ din it-taxxa jkun inqas minn dak normalment dovut taħt id-dritt fiskali tal-imsemmi Stat Membru.

31

Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti tirrispondi domanda preliminari meta jkun evidenti li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni suġġetta għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tapplikax (sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 2014, Caixa d’Estalvis i Pensions de Barcelona, C‑139/12, EU:C:2014:174, punt 41, u tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Admiral Casinos & Entertainment, C‑464/15, EU:C:2016:500, punt 20).

32

Issa, ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom qed tintalab fil-kuntest tal-ewwel domanda ma humiex applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

33

B’hekk, minn naħa, l-Artikolu 5(4) TUE, jirrigwarda l-azzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Konformement mal-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-kontenut u l-forma ta’ azzjoni tal-Unjoni ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati. Fir-rigward tat-tieni subparagrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni, dan jirrigwarda l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jimponilhom sabiex jikkonformaw lilhom infushom mal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta jaġixxu fl-eżerċizzju ta’ kompetenza. Issa, f’dan il-każ, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta mill-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali adottata mil-leġiżlatur Bulgaru u tirrigwarda t-trattament proċedurali tal-persuni taxxabbli fil-Bulgarija.

34

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 12(b) TUE li skontu l-parlamenti nazzjonali jikkontribwixxu għall-funzjonament it-tajjeb tal-Unjoni billi jħarsu għall-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, jagħti lill-parlamenti nazzjonali s-saħħa li jħarsu għall-osservanza ta’ dan il-prinċipju waqt l-eżerċizzju ta’ kompetenza mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni filwaqt li jħarsu għall-funzjonament it-tajjeb tal-Unjoni. Din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali iżda l-abbozzi ta’ atti leġiżlattivi tal-Unjoni.

35

Għaldaqstant ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(4) u tal-Artikolu 12(b) TUE, peress li dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq it-tieni domanda

Osservazzjonijiet preliminari

36

TTL, l-amministrazzjoni konvenuta fil-kawża prinċipali, il-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li d-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapitali, li jinsabu fl-Artikoli 49, 54 u 63 kif ukoll fl-Artikolu 65(1) u (3) TFUE, imsemmija mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha, huma neqsin minn rilevanza fid-dawl tal-fatti fil-kawża prinċipali u ma humiex applikabbli f’din il-kawża.

37

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertà ta’ stabbiliment tinkludi, fir-rigward tal-kumpanniji kkostitwiti konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li għandhom l-uffiċċju rreġistrat, it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali tagħhom ġewwa l-Unjoni, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stati Membri oħra permezz ta’ kumpannija sussidjarja, fergħa jew aġenzija (sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha, C‑303/07, EU:C:2009:377, punt 37, u tal‑21 ta’ Mejju 2015, Verder LabTec, C‑657/13, EU:C:2015:331, punt 32).

38

Hekk kif josserva b’mod partikolari l-Gvern Bulgaru, fid-dawl tal-fatti fil-kawża prinċipali, TTL ma tagħmilx użu mil-libertà ta’ stabbiliment, peress li hija ma teżerċitax attività, permezz ta’ kumpannija sussidjarja, fergħa jew aġenzija, fuq it-territorji tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tar-Repubblika tal-Polonja u tar-Repubblika tal-Awstrija. Fir-rigward tat-tliet kumpanniji barranin, huma ma jeżerċitawx attivitajiet fit-territorju Bulgaru permezz ta’ kumpannija sussidjarja, fergħa jew aġenzija. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li dawn it-tliet kumpanniji barranin ma għandhom ebda rabta ma’ TTL.

39

Barra minn hekk, fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapitali ggarantit fl-Artikolu 63(1) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet ir-restrizzjonijiet għall-movimenti ta’ kapitali pprojbiti minn din id-dispożizzjoni bħala li jinkludu miżuri li huma ta’ natura li jiddiswadu lin-nonresidenti milli jwettqu investimenti fi Stat Membru jew li jiddiswadu lir-residenti tal-imsemmi Stat Membru milli jwettqu investimenti fi Stati oħra (sentenzi tal‑10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C‑436/08 u C‑437/08, EU:C:2011:61, punt 50, kif ukoll tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 44).

40

Issa, xejn minn dan ma ġie invokat f’dan il-każ. Fil-fatt, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-obbligu li titħallas taxxa f’ras il-għajn u li jitħallas dejn ta’ interessi moratorji fuq din it-taxxa li ma tteħditx jew ma tħallsitx fit-terminu meħtieġ. L-imsemmi dejn fiskali rriżulta wara kuntratti kummerċjali bejn resident fiskali Bulgaru u persuni barranin, li fid-dawl tagħhom ir-resident Bulgaru wettaq ħlasijiet favur dawn il-persuni barranin, li għaldaqstant irċevew dħul.

41

Madankollu, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, iċ-ċirkustanza li l-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Unjoni ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan.(ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 28, kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 55).

42

F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija l-kiri ta’ vaguni b’tank. Peress li l-kiri ta’ vetturi jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE (sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen, C‑451/99, EU:C:2002:195, punt 19, u tal‑4 ta’ Diċembru 2008, Jobra, C‑330/07, EU:C:2008:685, punt 22), il-kawża prinċipali inkwistjoni għandha tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFU, li jiggarantixxi l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha t-trasferiment ta’ dħul minn kumpannija residenti lejn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor huwa, bħala prinċipju, suġġett għal taxxa f’ras il-għajn, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż bejn dawn iż-żewġ Stati Membri, jekk din il-leġiżlazzjoni timponi lill-kumpannija residenti li la tiġbor u lanqas tħallas dan l-ammont lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-ewwel Stat Membru, li tħallas interessi moratorji li ma jistgħux jiġu rkuprati għall-perijodu inkluż bejn l-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas tat-taxxa fuq id-dħul u d-data li fiha l-kumpannija mhux residenti tipprova li l-kundizzjonijiet li jippermettu l-applikazzjoni tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja huma sodisfatti, filwaqt li, konformement ma’ dan il-ftehim, il-kumpannija mhux residenti ma hija suġġetta għal ebda taxxa fl-ewwel Stat Membru jew li l-ammont ta’ din it-taxxa huwa inqas minn dak li normalment huwa dovut skont id-dritt fiskali tal-imsemmi Stat Membru.

Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

44

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-qasam ta’ fiskalità diretta fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE (sentenzi tat‑23 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 171, u tat‑2 ta’ Marzu 2017, Eschenbrenner, C‑496/15, EU:C:2017:152, punt 45).

45

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interna fi Stat Membru. Barra minn hekk, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 56 TFUE jirrikjedi t-tneħħija ta’ kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu provduti s-servizzi imposta minħabba li l-fornitur ikun stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak li fih jingħata s-servizz (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, X, C‑498/10, EU:C:2012:635, punti 2021 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Il-miżuri nazzjonali li jipprojbixxu, jostakolaw jew li jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal din il-libertà (sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2008, Jobra, C‑330/07, EU:C:2008:685, punt 19, kif ukoll tat-18 ta’ Jannar 2018, Wind, C-249/15, EU:C:2018:21, punt 21).

47

F’dan il-każ, jeħtieġ li jitfakkar li, minn naħa, bis-saħħa tal‑Artikolu 195(1) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, id-dħul li l-persuni ġuridiċi barranin jirċievu minn sorsi nazzjonali, sa fejn dan ma jkunx inkiseb permezz ta’ stabbiliment permanenti fit-territorju Bulgaru, huwa suġġett għal taxxa f’ras il-għajn li jtemm definittivament id-dejn fiskali. Min-naħa l-oħra, skont il-punt 3 tal-Artikolu 175(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, kumpannija residenti li tittrasferixxi dħul lil persuna barranija għandha, għal kull taxxa ta’ persuna barranija li bħala prinċipju hija suġġetta għal taxxa f’ras il-għajn, tħallas interessi moratorji fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas mill-iskadenza tat-terminu mogħti mill-liġi Bulgara għall-ħlas ta’ din it-taxxa sad-data li fiha l-persuna barranija tipproduċi l-prova li ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż mir-Repubblika tal-Bulgarija mal-Istat Membru li fih din il-persuna hija stabbilita, inkluż meta, konformement ma’ dan il-ftehim, l-imsemmija persuna ma tkun suġġetta għal ebda taxxa fil-Bulgarija jew meta l-ammont ta’ din it-taxxa jkun inqas minn dak normalment dovut taħt id-dritt fiskali Bulgaru.

48

Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Bulgaru waqt is-seduta jirriżulta li l-ħlas ta’ tali interessi moratorji huwa dovut biss fil-każ ta’ tranżazzjonijiet transkonfinali, u li dawn l-interessi ma jistgħux jiġu rrimborsati.

49

B’hekk, teżisti, fid-dritt Bulgaru, differenza fit-trattament bejn il-kumpanniji residenti li jittrasferixxu dħul bħala korrispettiv għal provvista ta’ servizzi bħal, f’dan il-każ, il-kiri ta’ vaguni b’tank, skont jekk il-kumpannija li tirċievi dan id-dħul tkunx kumpannija oħra stabbilita fil-Bulgarija jew kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor. Sitwazzjoni transkonfinali li fil-kuntest tagħha kumpannija residenti tagħmel użu mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi bis-saħħa tal-Artikolu 56 TFUE għaldaqstant tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn sitwazzjoni nazzjonali.

50

Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiskoraġġixxi l-kumpanniji residenti milli jitolbu servizzi ta’ kiri minn kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra u għaldaqstant tista’ tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li bħala prinċipju hija pprojbita mill-Artikolu 56 KE. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk restrizzjoni bħal din tistax tiġi ġġustifikata oġġettivament.

Fuq il-ġustifikazzjoni eventwali tar-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

52

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tiġi aċċettata biss jekk l-għan tagħha jkun leġittimu u kompatibbli mat-Trattat FUE u jkun iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa fejn, jekk ikun il-każ, hija tkun kapaċi tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li tixtieq tilħaq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jinkiseb (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri, C‑341/05, EU:C:2007:809, punt 101; tal‑4 ta’ Diċembru 2008, Jobra, C‑330/07, EU:C:2008:685, punt 27, u tas‑26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International, C‑48/15, EU:C:2016:356, punt 58).

53

F’dan ir-rigward, il-Gvern Bulgaru u l-amministrazzjoni konvenuta fil-kawża prinċipali jsostnu li r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tirriżulta mill-punt 3 tal-Artikolu 175(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali hija ġġustifikata. Il-Gvern Bulgaru jinvoka l-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-irkupru tat-taxxa kif ukoll dik li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli fiskali, li jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et, C‑262/09, EU:C:2011:438, punt 41; tad‑9 ta’ Ottubru 2014, van Caster, C‑326/12, EU:C:2014:2269, punt 46, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International, C‑48/15, EU:C:2016:356, punt 59).

54

F’dan il-kuntest, il-Gvern Bulgaru u l-amministrazzjoni konvenuta fil-kawża prinċipali jfakkru l-għanijiet u l-funzjonijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Skont l-Artikolu 202(2) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-kumpanniji, il-kumpannija residenti li tittrasferixxi dħul suġġett għal taxxa f’ras il-għajn bis-saħħa tal-Artikolu 195 ta’ din il-liġi għandha l-obbligu li tħallas it-taxxa dovuta f’terminu ta’ tliet xhur li jibdew jiddekorru mill-bidu tax-xahar li jsegwi dak li matulu ġie ttrasferit dan id-dħul, meta d-destinatarja tad-dħul tkun persuna stabbilita fi Stat Membru li miegħu r-Repubblika tal-Bulgarija kkonkludiet ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja. Ladarba dan it-terminu jkun iddekorra, il-kumpannija li ttrasferixxiet id-dħul, li ma tiġborx u ma tħallasx it-taxxa f’ras il-għajn, tkun f’qagħda ta’ nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa. Skont l-Artikolu 203 tal-imsemmija liġi, hija wkoll responsabbli in solidum mill-ħlas tat-taxxa miġbura f’ras il-għajn. Sakemm jiġi stabbilit li l-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja jkun applikabbli, it-taxxa tkun titqies li hija dovuta, konformement mal-leġiżlazzjoni Bulgara.

55

Skont l-amministrazzjoni konvenuta fil-kawża prinċipali, in-nuqqas ta’ ħlas, fit-termini, tat-taxxa dovuta huwa ssanzjonat mill-ħlas, mill-kumpannija residenti, ta’ interessi fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 175(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali. Hija tippreċiża li l-interessi huma dovuti indipendentement mill-fatt li, skont il-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja rilevanti, id-dħul ma huwiex taxxabbli fil-Bulgarija. Il-ħlas ta’ dawn l-interessi jkun jissanzjona l-fatt li ma jkunx ġie stabbilit utilment li għandu japplika l-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, li jeskludi l-applikazzjoni tad-dritt Bulgaru.

56

Skont il-Gvern Bulgaru, dispożizzjoni bħal dik tal-punt 3 tal-Artikolu 175(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali tippermetti li jintlaħaq l-għan segwit mid-dritt nazzjonali, li huwa li jinġabru fil-ħin it-taxxi tal-persuni taxxabbli, mingħajr ma jiġu preklużi l-għanijiet u l-prinċipji ffissati mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tippermetti lill-amministrazzjoni fiskali tippjanifika u tipprevedi d-dħul tat-taxxa fuq il-kumpanniji kif ukoll li tiggarantixxi l-effikaċja tal-irkupru tat-taxxa. Barra minn hekk, il-punt 3 tal-Artikolu 175(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali jkun jikkostitwixxi inċentiv għall-persuni suġġetti għat-taxxa sabiex jipprovaw fit-terminu mogħti li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja rilevanti huma ssodisfatti, meta, konformement ma’ dan il-ftehim, it-taxxa ma tkunx dovuta jew meta l-ammont tagħha jkun inqas minn dak normalment dovut taħt id-dritt fiskali Bulgaru.

57

Fir-rigward tar-raġunijiet proposti sabiex jiġġustifikaw ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u kif tfakkar fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ħtieġa li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-irkupru tat-taxxa kif ukoll dik li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli fiskali jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li t-tassazzjoni ta’ sanzjonijiet, inkluż ta’ natura kriminali, tista’ titqies bħala neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-osservanza effettiva ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, madankollu bil-kundizzjoni li n-natura u l-ammont tas-sanzjoni imposta jkunu f’kull każ inkwistjoni proporzjonati mal-gravità tal-ksur li hija tixtieq tissanzjona (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International, C‑48/15, EU:C:2016:356, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

F’dan il-każ, il-ħtieġa li jiġi żgurat l-irkupru tat-taxxa miġbura f’ras il-għajn fuq il-pagamenti transkonfinali u li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli fiskali f’sitwazzjonijiet transkonfinali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidhru li jiġġustifikaw il-fatt li sanzjonijiet jiġu imposti fuq il-kumpanniji li ma jħallsux it-taxxi fit-terminu previst u li jipprovdu wara ż-żmien mogħti lilhom id-dokumenti li jipprovaw li huma setgħu jinvokaw eżenzjoni tal-obbligu li jħallsu l-imsemmija taxxi.

59

Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjoni taħt il-forma ta’ interessi li ma jistgħux jiġu rkuprati, ikkalkolati fuq il-bażi tal-ammont tat-taxxa dovuta f’ras il-għajn skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u li jkunu akkumulaw għall-perijodu mid-data li fiha t-taxxa ssir eżiġibbli sad-data li fiha jiġu prodotti d-dokumenti li jipprovaw l-applikazzjoni tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja lill-awtoritajiet fiskali, ma hijiex idonea li tiggarantixxi t-twettieq tal-għanijiet imsemmija fil-punt preċedenti fil-każ fejn ikun ġie stabbilit li t-taxxa ma hijiex dovuta skont il-ftehim rilevanti. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma teżistix rabta bejn l-ammont tal-interessi mitluba, minn naħa, u l-ammont tat-taxxa dovuta, li hija ineżistenti, jew il-gravità tad-dewmien fil-produzzjoni tal-imsemmija dokumenti lill-awtoritajiet fiskali, min-naħa l-oħra.

60

Barra minn hekk, tali sanzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu l-imsemmija għanijiet, inkwantu l-ammont tal-interessi akkumulati jista’ jirriżulta li huwa eċċessiv meta mqabbel mal-ammont tat-taxxa dovuta u ladarba ma huwa previst ebda rimbors ta’ dawn l-interessi.

61

Fil-fatt, kif osservat il-Kummissjoni, l-ammont tal-interessi dovuti minħabba dewmien fil-ħlas tat-taxxa jkun l-istess sew jekk it-taxxa finalment ma tkunx eżiġibbli sew jekk it-taxxa miġbura f’ras il-għajn tkun eżiġibbli iżda ma tkunx tħallset fiż-żmien. F’din l-aħħar sitwazzjoni, li hija differenti minn dik tal-kawża prinċipali, l-awtorità fiskali Bulgara ġġarrab telf ta’ dħul matul il-perijodu li matulu t-taxxa ma titħallasx. Min-naħa l-oħra, fil-kawża prinċipali, huwa ssanzjonat biss id-dewmien fil-produzzjoni ta’ provi.

62

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi indikat li possibbiltajiet oħra jippermettu li jintlaħqu l-istess għanijiet. Dan ikun il-każ li kieku r-rimbors lill-kumpannija residenti tal-interessi mħallsa minħabba dewmien fil-ħlas kien previst fl-ipoteżi fejn id-dejn fiskali jkun suġġett għal kalkolu ġdid u jkun ġie stabbilit li ma hija eżiġibbli ebda taxxa fil-Bulgarija għad-dħul ittrasferit lill-kumpannija mhux residenti.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iktar ’il fuq, jeħtieġ li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha t-trasferiment ta’ dħul minn kumpannija residenti lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor huwa, bħala prinċipju, suġġett għal taxxa f’ras il-għajn, sakemm ma jiġix ipprovdut mod ieħor fil-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż bejn dawn iż-żewġ Stat Membri, jekk din il-leġiżlazzjoni timponi fuq il-kumpannija residenti li la tiġbor u lanqas ma tħallas din it-taxxa lill-awtorità fiskali tal-ewwel Stat Membru, il-ħlas ta’ interessi moratorji li ma jistgħux jiġu rkuprati għall-perijodu inkluż bejn l-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas tat-taxxa fuq id-dħul u d-data li fiha l-kumpannija mhux residenti tipprova li l-kundizzjonijiet li jippermettu l-applikazzjoni tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja huma ssodisfatti, filwaqt li, konformement ma’ dan il-ftehim, il-kumpannija mhux residenti ma hija suġġetta għal ebda taxxa fl-ewwel Stat Membru jew meta l-ammont ta’ din it-taxxa jkun inqas minn dak normalment dovut taħt id-dritt fiskali Bulgaru.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha t-trasferiment ta’ dħul minn kumpannija residenti lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor huwa, bħala prinċipju, suġġett għal taxxa f’ras il-għajn, sakemm ma jiġix ipprovdut mod ieħor fil-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż bejn dawn iż-żewġ Stat Membri, jekk din il-leġiżlazzjoni timponi fuq il-kumpannija residenti li la tiġbor u lanqas ma tħallas din it-taxxa lill-awtorità fiskali tal-ewwel Stat Membru, il-ħlas ta’ interessi moratorji li ma jistgħux jiġu rkuprati għall-perijodu inkluż bejn l-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas tat-taxxa fuq id-dħul u d-data li fiha l-kumpannija mhux residenti tipprova li l-kundizzjonijiet li jippermettu l-applikazzjoni tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja huma ssodisfatti, filwaqt li, konformement ma’ dan il-ftehim, il-kumpannija mhux residenti ma hija suġġetta għal ebda taxxa fl-ewwel Stat Membru jew meta l-ammont ta’ din it-taxxa jkun inqas minn dak normalment dovut taħt id-dritt fiskali Bulgaru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top