This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0528
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 25 July 2018.#Confédération paysanne and Others v Premier ministre and Ministre de l’agriculture, de l’agroalimentaire et de la forêt.#Request for a preliminary ruling from the Conseil d'État.#Reference for a preliminary ruling — Deliberate release of genetically modified organisms into the environment — Mutagenesis — Directive 2001/18/EC — Articles 2 and 3 — Annexes I A and I B — Concept of ‘genetically modified organism’ — Techniques/methods of genetic modification conventionally used and deemed to be safe — New techniques/methods of mutagenesis — Risks for human health and the environment — Discretion of the Member States when transposing the directive — Directive 2002/53/EC — Common catalogue of varieties of agricultural plant species — Herbicide-tolerant plant varieties — Article 4 — Acceptability of genetically modified varieties obtained by mutagenesis for inclusion in the common catalogue — Human health and environmental protection requirement — Exemption.#Case C-528/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta’ Lulju 2018.
Confédération paysanne et vs Premier ministre u Ministre de l’agriculture, de l’agroalimentaire et de la forêt.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (Franza).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi mmodifikati ġenetikament – Mutaġenesi – Direttiva 2001/18/KE – Artikoli 2 u 3 – Annessi I A u I B – Kunċett ta’ ‘orġaniżmu mmodifikat ġenetikament’ – Tekniki/metodi ta’ modifika ġenetika użati tradizzjonalment u meqjusa li huma siguri – Tekniki/metodi ġodda ta’ mutaġenesi – Riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttiva – Direttiva 2002/53/KE – Katalgu komuni tal-varjetajiet tal-ispeċi ta’ pjanti agrikoli – Varjetajiet ta’ pjanti magħmula tolleranti għall-erbiċidi – Artikolu 4 – Ammissibbiltà fil-katalgu komuni ta’ varjetajiet immodifikati ġenetikament miksuba permezz ta’ mutaġenesi – Rekwiżit marbut mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent – Eżenzjoni.
Kawża C-528/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta’ Lulju 2018.
Confédération paysanne et vs Premier ministre u Ministre de l’agriculture, de l’agroalimentaire et de la forêt.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (Franza).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi mmodifikati ġenetikament – Mutaġenesi – Direttiva 2001/18/KE – Artikoli 2 u 3 – Annessi I A u I B – Kunċett ta’ ‘orġaniżmu mmodifikat ġenetikament’ – Tekniki/metodi ta’ modifika ġenetika użati tradizzjonalment u meqjusa li huma siguri – Tekniki/metodi ġodda ta’ mutaġenesi – Riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttiva – Direttiva 2002/53/KE – Katalgu komuni tal-varjetajiet tal-ispeċi ta’ pjanti agrikoli – Varjetajiet ta’ pjanti magħmula tolleranti għall-erbiċidi – Artikolu 4 – Ammissibbiltà fil-katalgu komuni ta’ varjetajiet immodifikati ġenetikament miksuba permezz ta’ mutaġenesi – Rekwiżit marbut mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent – Eżenzjoni.
Kawża C-528/16.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:583
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
25 ta’ Lulju 2018 ( *1 ) ( 1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi mmodifikati ġenetikament – Mutaġenesi – Direttiva 2001/18/KE – Artikoli 2 u 3 – Annessi I A u I B – Kunċett ta’ ‘orġaniżmu mmodifikat ġenetikament’ – Tekniki/metodi ta’ modifika ġenetika użati tradizzjonalment u meqjusa li huma siguri – Tekniki/metodi ġodda ta’ mutaġenesi – Riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttiva – Direttiva 2002/53/KE – Katalgu komuni tal-varjetajiet tal-ispeċi ta’ pjanti agrikoli – Varjetajiet ta’ pjanti magħmula tolleranti għall-erbiċidi – Artikolu 4 – Ammissibbiltà fil-katalgu komuni ta’ varjetajiet immodifikati ġenetikament miksuba permezz ta’ mutaġenesi – Rekwiżit marbut mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent – Eżenzjoni”
Fil-Kawża C-528/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ottubru 2016, fil-proċedura
Confédération paysanne,
Réseau Semences Paysannes,
Les Amis de la Terre France,
Collectif Vigilance OGM et Pesticides 16,
Vigilance OG2M,
CSFV 49,
OGM dangers,
Vigilance OGM 33,
Fédération Nature et Progrès
vs
Premier ministre,
Ministre de l’Agriculture, de l’Agroalimentaire et de la Forêt,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen (Relatur), T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, E. Levits, C.G. Fernlund u C. Vajda, Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, E. Jarašiūnas, S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Confédération paysanne, għal Réseau Semences Paysannes, għal Les Amis de la Terre France, għal Collectif Vigilance OGM et Pesticides 16, għal Vigilance OG2M, għal CSFV 49, għal OGM dangers, għal Vigilance OGM 33 u għal Fédération Nature et Progrès, minn G. Tumerelle, avocat, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, J. Traband u S. Horrenberger, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Elleniku, minn G. Kanellopoulos u A. Vasilopoulou, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u M. A. M. de Ree, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, H. Shev, L. Swedenborg u F. Bergius, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn G. Brown, R. Fadoju u J. Kraehling, bħala aġenti, assistiti minn C. Banner, barrister, |
– |
għall-Parlament Ewropew, minn A. Tamás, D. Warin u I. McDowell, bħala aġenti, |
– |
għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Moore u M. Alver, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Valero, B. Eggers u I. Galindo Martín, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Jannar 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikoli 2 u 3 kif ukoll tal-Annessi I A u I B tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 77), kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli [dwar il-katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 36, p. 281), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/53”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Confédération paysanne, Réseau Semences Paysannes, Amis de la Terre France, Collectif Vigilance OGM et Pesticides 16, Vigilance OG2M, CSFV 49, OGM dangers, Vigilance OGM 33 u Fédération Nature et Progrès u, min-naħa l-oħra, il-Premier ministre (il-Prim Ministru, Franza) u l-Ministre de l’Agriculture, de l’Agroalimentaire et de la Forêt (il-Ministru għall-Agrikoltura, għall-Industrija tal-Ikel u għall-Foresti, Franza) dwar ir-rifjut li titħassar id-dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-organiżmi miksuba permezz ta’ mutaġenesi ma humiex meqjusa, bħala prinċipju, li jagħtu lok għal modifika ġenetika u dwar ir-rifjut li jiġu pprojbiti l-kultivazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ varjetajiet ta’ kolza magħmula tolleranti għall-erbiċidi u miksuba permezz ta’ mutaġenesi. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2001/18
3 |
Il-premessi 4 sa 6, 8, 17, 44 u 55 tad-Direttiva 2001/18 huma fformulati hekk:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva: “Skond il-prinċipju ta’ prekawzjoni, l-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tapprossima l-liġijiet, regolamenti, u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent meta:
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Għall-iskop ta’ din id-Direttiva: […]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprevedi: “Din id-Direttiva ma tapplikax għal organiżmi miksubha minn metodi ta’ teknika ta’ modifika ġenetika mniżżla fl-Anness I B.” |
7 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/18 jistabbilixxi l-obbligi ġenerali imposti fuq l-Istati Membri. Il-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi: “L-Istati Membri skond il-prinċipju ta’ prekawzjoni jassiguraw li jittieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiġu evitati effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent li jista’ jsir mir-rilaxx intenzjonat jew tpoġġija ta’ GMOs fis-suq. GMOs jistgħu jiġu rilaxxati jew jitpoġġew fis-suq intenzjonalment biss in konformità mal-parti B jew mal-parti C rispettivament.” |
8 |
L-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. Id-Direttiva [tal-Kunsill] 90/220/KEE [tat-23 ta’ April 1990 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi mmodifikati ġenetifikament (ĠU 1990, L 117, p. 15)] għandha tiġi mħassra fis-17 ta’ Ottubru 2002. 2. Riferenzi li jsiru għad-Diettiva mħassra għandhom jiġu mfissra li saru lil din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond il-kaxxa ta’ korrelazjoni fl-Anness VIII.” |
9 |
Intitolat “Prattiċi imsemmija fl-Artikolu 2(2)”, l-Anness I A tad-Direttiva 2001/18 jipprovdi: “PART 1 Metodi ta’ teknika ta’ modifika ġenetika riferita fl-Artikolu 2(2)(a) huma inter alia:
PARTI 2 Metodi ta’ teknika riferiti fl-Artikolu 2(2)(b) li mhumiex meqjusa li jirriżultaw f’modifika ġenetika, b’kondizzjoni li ma jinvolvux l-użu ta’ molekuli recombinant ta’ aċidu nucleic jew organiżmi modifikati ġenetikament magħmula minn metodi ta’ teknika/metodi ħlief dawk esklużi mill-Anness I B:
|
10 |
Intitolat “Metodi ta’ teknika riferiti fl-Artikolu 3”, l-Anness I B ta’ din id-direttiva jipprevedi: “Metodi ta’ teknika/metodi ta’ modifika ġenetika li tagħti organiżmi li jridu jiġu esklużi minn din id-Direttiva, b’kondizzjoni li ma jinvolvux l-użu ta’ molekuli recombinant ta’ aċidu nucleic jew organiżmi modifikati ġenetikament barra dawk prodotti b’waħda jew iktar mill-metodi ta’ teknika/metodi li huma elenkati hawn taħt huma:
[…]” |
Id-Direttiva 2002/53
11 |
L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 2002/53 jipprovdi: “1. Din id-Direttiva tikkonċerna l-aċċettazzjoni għal inklużjoni f’katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli ta’ dawk il-varjetajiet ta’ pitravi, pjanti mill-għalf, ċereali, patata u pjanta taż-żejt u tal-fibra li ż-żerriegħa tagħhom tista’ tiġi mibjugħa […] 2. Il-katalgu komuni ta’ varjetajiet għandu jiġi kompilat fuq il-bażi tal-katalgi nazzjonali ta’ l-Istati Membri.” |
12 |
L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2002/53 jipprovdi: “Fil-każ ta’ varjetà ġenetikament modifikata fit-tifsira ta’ l-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 90/220/KEE ir-rilaxx deliberat fl-ambjent tal-varjetà għandha tiġi aċċettata biss jekk il-miżuri xierqa kollha jkunu ttieħdu biex jiġu evitati effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa umana u l-ambjent.” |
13 |
L-Artikolu 7(4)(a) tad-Direttiva 2002/53 jipprevedi: “Fil-każ ta’ varjetà ġenetikament modifikata riferita fl-Artikolu 4(4), għandha titwettaq stima ta’ riskju ambjentali ekwivalenti għal dik preskritta fid-Direttiva 90/220/KEE.” |
14 |
L-Artikolu 9(5) tad-Direttiva 2002/53 jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li varjetajiet ġenetikament modifikati li ġew aċċettati huma ndikati hekk b’mod ċar fil-katalgu tal-varjetajiet. Għandhom jiżguraw ukoll li kull persuna li tbiegħ fis-suq varjetà bħal din tindika b’mod ċar fil-katalgu tal-bejgħ tagħha li l-varjetà hija ġenetikament modifikata.” |
Id-dritt Franċiż
15 |
L-Artikolu L. 531 1 tal-code de l’environnement (il-Kodiċi Ambjentali) jiddefinixxi organiżmu mmodifikat ġenetikament bħala “organiżmu li l-materjal ġenetiku tiegħu ġie mmodifikat apparti milli permezz ta’ multiplikazzjoni jew rikombinazzjoni naturali”. |
16 |
L-Artikolu L. 531-2 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi: “Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu u tal-Artikoli L. 125 3 u L. 515 13 ma għandhomx japplikaw għal organiżmi mmodifikati ġenetikament miksuba bl-użu ta’ tekniki li, peress li huma naturali, ma humiex ikkunsidrati li jinvolvu modifika ġenetika jew minn dawk li tradizzjonalment ġew użati mingħajr ħsara ppruvata għas-saħħa pubblika jew għall-ambjent. Il-lista ta’ dawn it-tekniki għandha tiġi ddeterminata b’digriet wara li jkun ta l-opinjoni tiegħu l-Haut Conseil des biotechnologies [il-Kunsill Għoli għall-Bijoteknoloġiji]” |
17 |
Skont l-Artikolu L. 531-2-1 tal-imsemmi kodiċi: “L-organiżmi mmodifikati ġenetikament jistgħu jiġu kkultivati, ikkummerċjalizzati jew użati biss b’osservanza tal-ambjent u tas-saħħa pubblika, tal-istrutturi agrikoli, tal-ekosistemi lokali u tal-katini ta’ produzzjoni u kummerċjali msejħa ‘mingħajr organiżmi mmodifikati ġenetikament’, u bi trasparenza sħiħa. […] Id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni fir-rigward tal-organiżmi mmodifikati ġenetikament jistgħu jingħataw biss wara evalwazzjoni minn qabel indipendenti u trasparenti tar-riskji għall-ambjent u għas-saħħa pubblika. […]” |
18 |
L-Aritkolu D. 531-2 tal-istess kodiċi jipprovdi: “It-tekniki msemmija fl-Artikolu L. 531‑2, li ma humiex ikkunsidrati li joħolqu modifika ġenetika, huma dawn li ġejjin: […]
[…]” |
19 |
L-Artikolu D. 531-3 tal-Kodiċi Ambjentali jipprevedi: “It-tekniki u d-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli D. 531‑1 u D. 531‑2 għandhom jiġu interpretati u implimentati skont l-iżvilupp tat-tagħrif xjentifiku fil-qasam tal-inġinerija ġenetika, il-ġenetika molekulari u l-bijoloġija taċ-ċelluli.” |
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
20 |
Permezz ta’ rikors tat-12 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sindakat agrikolu Franċiż kif ukoll tmien assoċjazzjonijiet li l-għan tagħhom huwa l-protezzjoni tal-ambjent u d-diffużjoni ta’ informazzjoni dwar il-perikoli tal-OMĠ, talbu lill-qorti tar-rinviju tannulla d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, mill-Prim Ministru, tat-talba tagħhom intiża, b’mod partikolari, għat-tħassir tal-Artikolu D. 531‑2 tal-Kodiċi Ambjentali, li jittrasponi d-Direttiva 2001/18, li jeskludi l-mutaġenesi mid-definizzjoni tat-tekniki li jagħtu lok għal modifika ġenetika, fis-sens tal-Artikolu L. 531‑1 tal-imsemmi kodiċi, u għall-projbizzjoni tal-kultivazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-varjetajiet ta’ kolza magħmula tolleranti għall-erbiċidi, miksuba permezz ta’ mutaġenesi, kif ukoll tordna lill-Prim Ministru, taħt piena ta’ ħlas ta’ multa, jieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jistabbilixxi moratorju fuq il-varjetajiet ta’ pjanti magħmula tolleranti għall-erbiċidi u miksuba permezz ta’ mutaġenesi. |
21 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew b’mod partikolari, quddiem il-qorti tar-rinviju, li t-tekniki ta’ mutaġenesi evolvew u llum il-ġurnata jippermettu l-produzzjoni, bħalma jagħmlu wkoll it-tekniki ta’ transġenesi, ta’ varjetajiet reżistenti għal erbiċida. Issa, skonthom, l-obbligi previsti mid-Direttiva 2001/18 ma japplikawx għal dawn il-varjetajiet minkejja li jippreżentaw riskji għall-ambjent jew għas-saħħa li jirriżultaw b’mod partikolari mir-rilaxx tal-materjal ġenetiku tal-imsemmija varjetajiet li jikkawża d-dehra ta’ ħaxix ħażin li jkun kiseb il-ġene reżistenti għall-erbiċida, mill-ħtieġa korollarja li jiżdiedu l-kwantitajiet u li jiġu varjati t-tipi ta’ erbiċidi użati kif ukoll mit-tniġġis tal-ambjent li jirriżulta minn dan, jew inkella mill-effetti mhux intenzjonati bħalma huma mutazzjonijiet mhux mixtieqa jew mhux intenzjonati fuq partijiet oħra tal-ġenoma kif ukoll mill-akkumulazzjoni, fi pjanti kkultivati u maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali, ta’ molekuli karċinoġeniċi jew ta’ elementi endokrinali li joħolqu disturb. |
22 |
Skont il-Prim Ministru kif ukoll il-Ministru għall-Agrikoltura, għall-Industrija tal-Ikel u għall-Foresti, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud għaliex il-motivi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma humiex fondati. Fil-fatt, ir-riskji allegati ma jirriżultawx mill-proprjetajiet tal-pjanta miksuba permezz tal-modifiki ġenetiċi iżda mill-prattiki ta’ kultivazzjoni tal-bdiewa. Barra minn hekk, il-mutazzjonijiet miksuba permezz tat-tekniki ġodda ta’ mutaġenesi ggwidata huma simili għall-mutazzjonijiet spontanji jew ikkawżati b’mod każwali u l-mutazzjonijiet mhux intenzjonati jistgħu jiġu eliminati meta ssir is-selezzjoni tal-varjetà permezz ta’ tekniki ta’ inkroċjar. |
23 |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-metodi ta’ mutaġenesi tradizzjonali in vivo ilhom jintużaw għal diversi għexieren ta’ snin, mingħajr ma kkawżaw riskji identifikati għall-ambjent jew għas-saħħa. Għall-kuntrarju, mill-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18 lil hawn, inkisbu varjetajiet ġodda, b’mod partikolari dawk reżistenti għall-erbiċidi, permezz tat-tekniki ta’ mutaġenesi każwali applikati in vitro għal ċelluli veġetali kif ukoll permezz tat-tekniki/metodi ta’ mutaġenesi ggwidata li jimplimentaw tekniki ġodda ta’ inġinerija ġenetika, bħalma huma l-mutaġenesi ggwidata permezz ta’ oligonukleidi jew il-mutaġenesi permezz ta’ nukleasi ggwidata. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, jirriżulta impossibbli li jiġu ddeterminati b’ċertezza l-eżistenza u l-importanza tar-riskji li dawn il-varjetajiet ġodda reżistenti għal erbiċida jippreżentaw għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, sa fejn l-uniċi evalwazzjonijiet tar-riskji sal-lum il-ġurnata twettqu fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għalihom dawn il-varjetajiet kienu magħmula reżistenti. |
24 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li dawn ir-riskji huma parzjalment simili għal dawk li jistgħu jirriżultaw miż-żrieragħ miksuba permezz tat-transġenesi. Fil-fatt, fir-rigward b’mod partikolari tal-mutazzjonijiet miksuba permezz tat-tekniki ġodda ta’ mutaġenesi ggwidata, il-modifika diretta tal-ġenoma li dawn jimplikaw tikkawża l-istess effetti bħall-introduzzjoni ta’ ġene barranija, li hija partikolari għat-transġenesi. Barra minn hekk, peress li l-iżvilupp tat-tekniki ġodda ta’ mutaġenesi jippermetti tħaffif fil-pass tal-modifiki tal-patrimonju ġenetiku mingħajr paragun ma’ dawk li jista’ jkun hemm b’mod naturali jew każwali, hija ħafna ikbar il-possibbiltà li jkun hemm danni minħabba modifiki mhux intenzjonati tal-ġenoma jew tal-proprjetajiet tal-pjanta miksuba b’dan il-mod. |
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
26 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi, l-ewwel nett, jekk il-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/18 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-organiżmi miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi jikkostitwixxu OMĠ, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. It-tieni nett, dik il-qorti qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/18, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Anness I B ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-premessa 17 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li tali organiżmi huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istess direttiva fil-każ biss li jkunu nkisbu permezz ta’ tekniki ta’ mutaġenesi li ntużaw tradizzjonalment għal diversi applikazzjonijiet u li għandhom rekord twil ta’ sigurtà. |
Fuq il-klassifikazzjoni tal-organiżmi miksuba permezz ta’ mutaġenesi bħala “OMĠ”
27 |
Il-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/18 jiddefinixxi OMĠ bħala organiżmu, bl-eċċezzjoni ta’ bnedmin, li l-materjal ġenetiku tiegħu jkun ġie mmodifikat b’mod li ma jseħħx b’mod naturali permezz ta’ multiplikazzjoni u/jew ta’ rikombinazzjoni naturali. |
28 |
Fid-dawl tal-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies, minn naħa, li l-mutazzjonijiet ipprovokati mit-tekniki/metodi ta’ mutaġenesi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-implimentazzjoni tagħhom hija intiża li tipproduċi varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti reżistenti għal erbiċida, jikkostitwixxu modifiki magħmula fil-materjal ġenetiku ta’ organiżmu, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. |
29 |
Min-naħa l-oħra, peress li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-imsemmija tekniki/metodi jimplikaw, fil-każ ta’ wħud minnhom, l-użu ta’ aġenti mutaġeni kimiċi jew fiżiċi, u, fil-każ ta’ oħrajn, l-użu tal-inġinerija ġenetika, dawn l-istess tekniki/metodi jimmodifikaw il-materjal ġenetiku ta’ organiżmu b’mod li ma jseħħx b’mod naturali, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. |
30 |
Minn dan isegwi li l-organiżmi miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi għandhom jitqiesu li huma OMĠ fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/18. |
31 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva, li hija fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tagħha. |
32 |
Fil-fatt, għandu jiġi osservat li d-definizzjoni ta’ OMĠ li tinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva hija bbażata fuq distinzjoni bejn it-tekniki li l-użu tagħhom jimplika modifika ġenetika u t-tekniki li ma humiex meqjusa li jimplikaw tali modifika ġenetika. |
33 |
F’dan id-dawl, il-punt 2(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/18 jispeċifika li, għall-finijiet tad-definizzjoni ta’ OMĠ, il-modifika ġenetika għandha ssir minn tal-inqas bl-użu tat-tekniki elenkati fil-Parti 1 tal-Anness I A ta’ din id-direttiva. |
34 |
Issa, għalkemm din il-Parti 1 tal-Anness I A tal-imsemmija direttiva ma ssemmix espliċitament it-tekniki/metodi ta’ mutaġenesi, dan il-fatt ma huwiex ta’ natura li jeskludi li l-organiżmi miksuba permezz ta’ dawn it-tekniki/metodi jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ OMĠ li tinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din l-istess direttiva. |
35 |
Fil-fatt, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, kif jirriżulta mill-espressjoni “inter alia” li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Parti 1 tal-Anness I A tad-Direttiva 2001/18, il-lista ta’ tekniki ta’ modifika ġenetika li tinsab f’din il-parti ma hijiex eżawrjenti. Għaldaqstant, din il-lista ma tistax titqies li teskludi tekniki oħra ta’ modifika ġenetika li ma jissemmewx espliċitament fiha. |
36 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ma inkludiex il-mutaġenesi fil-lista eżawrjenti tat-tekniki li ma jimplikawx modifika ġenetika, previsti fil-punt 2(b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/18, moqri flimkien mal-Parti 2 tal-Anness I A tagħha. |
37 |
Għall-kuntrarju, il-mutaġenesi tissemma espliċitament, fl-Anness I B ta’ din id-direttiva, fost it-tekniki/metodi ta’ “modifika ġenetika” li għalihom jirreferi l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, dwar l-organiżmi li għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. |
38 |
Fid-dawl tal-elementi preċedenti, il-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-organiżmi miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi jikkostitwixxu OMĠ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq l-esklużjoni ta’ ċerti tekniki/metodi ta’ mutaġenesi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/18
39 |
Mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/18, dwar l-eżenzjonijiet, jirriżulta li din id-direttiva ma tapplikax għall-organiżmi miksuba permezz ta’ tekniki ta’ modifika ġenetika elenkati fl-Anness I B ta’ din id-direttiva. |
40 |
F’dan ir-rigward, dan l-Anness I B jelenka t-tekniki/metodi ta’ modifika ġenetika li jipproduċu organiżmi li, bil-kundizzjoni li ma jinvolvux l-użu ta’ molekuli ta’ aċidu nukleiku rikombinanti jew OMĠ oħra għajr dawk prodotti minn waħda jew wieħed, jew iktar, mit-tekniki/metodi elenkati fl-imsemmi annessi, għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. Fost dawn it-tekniki/metodi, il-punt 1 tal-istess anness isemmi l-mutaġenesi. |
41 |
Għandu qabel kollox jiġi enfasizzat li, bħala dispożizzjoni li tidderoga mir-rekwiżit li l-OMĠ ikunu suġġetti għall-obbligi previsti mid-Direttiva 2001/18, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Anness I B tagħha, għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 189 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Barra minn hekk, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tas-27 ta’ April 2017, Pinckernelle, C‑535/15, EU:C:2017:315, punt 31). |
43 |
Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/18, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Anness I B tagħha, għandu jiġi osservat li dan il-punt, meta jirreferi b’mod ġenerali għall-mutaġenesi, ma jipprovdix, waħdu, indikazzjoni determinanti fir-rigward tat-tipi ta’ tekniki/metodi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu preċiżament l-intenzjoni li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. |
44 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntest ta’ din l-esklużjoni, għandu jiġi osservat li l-leġiżlatur tal-Unjoni speċifika, fil-premessa 17 tad-Direttiva 2001/18, il-kundizzjonijiet li fihom ċerti OMĠ għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
45 |
Din il-premessa 17 tiddikjara li d-Direttiva 2001/18 ma għandhiex tapplika għall-organiżmi miksuba permezz ta’ ċerti tekniki ta’ modifika ġenetika li tradizzjonalment intużaw għal diversi applikazzjonijiet u li għandhom rekord twil ta’ sigurtà. |
46 |
Għaldaqstant, il-portata tad-deroga prevista fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Anness I B tagħha, għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet mogħtija b’dan il-mod mil-leġiżlatur tal-Unjoni. |
47 |
F’dan id-dawl, għandu jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi, b’mod partikolari, dwar tekniki/metodi ta’ mutaġenesi ggwidata li jimplikaw l-użu tal-inġinerija ġenetika, li ġew introdotti jew li żviluppaw prinċipalment mill-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18 lil hawn u li r-riskji tagħhom għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem għadhom ma jistgħux jiġu stabbiliti b’ċertezza. |
48 |
Issa, kif tenfasizza essenzjalment il-qorti tar-rinviju, ir-riskji marbuta mal-użu ta’ dawn it-tekniki/metodi ġodda ta’ mutaġenesi jistgħu jirriżultaw simili għal dawk li jirriżultaw mill-produzzjoni u mir-rilaxx ta’ OMĠ permezz ta’ transġenesi. B’hekk, mill-elementi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li l-modifika diretta tal-materjal ġenetiku ta’ organiżmu permezz ta’ mutaġenesi tippermetti li jinkisbu l-istess effetti bħall-introduzzjoni ta’ ġene barranija fl-imsemmi organiżmu u, min-naħa l-oħra, li l-iżvilupp ta’ dawn it-tekniki/metodi ġodda jippermetti l-produzzjoni ta’ varjetajiet immodifikati ġenetikament b’ritmu u fi proporzjonijiet fuq livell kompletament differenti minn dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ metodi tradizzjonali ta’ mutaġenesi każwali. |
49 |
Barra minn hekk, kif tispeċifika l-premessa 4 tad-Direttiva 2001/18, l-organiżmi ħajjin irrilaxxati fl-ambjent, fi kwantità kbira jew żgħira, għal finijiet ta’ esperimenti jew bħala prodotti kummerċjali, jistgħu jirriproduċu fl-ambjent u jaqsmu l-fruntieri nazzjonali, b’tali mod li jaffettwaw lil Stati Membri oħra. Tali rilaxx jista’ jkollu effetti irreversibbli fuq l-ambjent. Bl-istess mod, il-premessa 5 ta’ din id-direttiva tindika li l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem teħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-kontroll tar-riskji li jirriżultaw minn tali rilaxx. |
50 |
Barra minn hekk, fil-premessa 8 tal-imsemmija direttiva, ġie enfasizzat li l-prinċipju ta’ prekawzjoni ttieħed inkunsiderazzjoni fl-abbozzar ta’ din id-direttiva u li dan il-prinċipju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll fl-implimentazzjoni tagħha. Fil-premessa 55 tad-Direttiva 2001/18 saret enfasi wkoll fuq il-ħtieġa li jiġu segwiti mill-qrib l-iżvilupp u l-użu tal-OMĠ. |
51 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/18, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Anness I B tagħha, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-organiżmi miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ġodda ta’ mutaġenesi li ġew introdotti jew li żviluppaw prinċipalment mill-adozzjoni tal-imsemmija direttiva lil hawn. Fil-fatt, tali interpretazzjoni twassal sabiex tiġi injorata l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif riflessa fil-premessa 17 ta’ din id-direttiva, li mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jiġu esklużi biss l-organiżmi miksuba permezz ta’ tekniki/metodi li ntużaw tradizzjonalment għal diversi applikazzjonijiet u li għandhom rekord twil ta’ sigurtà. |
52 |
Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-għan tad-Direttiva 2001/18 li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, huwa li, konformement mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, minn naħa, meta jkun hemm rilaxx intenzjonat ta’ OMĠ fl-ambjent għal kull skop ieħor għajr it-tqegħid fis-suq fi ħdan l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, meta OMĠ jitqiegħdu fis-suq fi ħdan l-Unjoni bħala prodotti jew bħala elementi ta’ prodotti. |
53 |
Fil-fatt, kif previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/18, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, konformement mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li l-miżuri xierqa kollha jkunu ttieħdu sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent li jistgħu jirriżultaw mir-rilaxx intenzjonat jew mit-tqegħid fis-suq ta’ OMĠ. Dan jimplika, b’mod partikolari, li tali rilaxx intenzjonat jew tqegħid fis-suq jistgħu jitwettqu biss wara l-konklużjoni ta’ proċeduri ta’ evalwazzjoni tar-riskji msemmija rispettivament fil-Parti B u fil-Parti C ta’ din id-direttiva. Issa, kif intqal fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, ir-riskji għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem marbuta mal-użu ta’ tekniki/metodi ġodda ta’ mutaġenesi li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju jistgħu jkunu simili għal dawk li jirriżultaw mill-produzzjoni u mir-rilaxx ta’ OMĠ permezz ta’ transġenesi. Minn dan isegwi li interpretazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/18, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Anness I B tagħha, fis-sens li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-organiżmi miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi, mingħajr ebda distinzjoni, tikkomprometti l-għan ta’ protezzjoni segwit mill-imsemmija direttiva u tonqos milli tosserva l-prinċipju ta’ prekawzjoni li din id-direttiva hija intiża li timplimenta. |
54 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li:
|
Fuq it-tieni domanda
55 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2002/53 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-varjetajiet miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi huma eżentati mill-obbligi previsti f’din id-dispożizzjoni. |
56 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2002/53 tikkonċerna, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tagħha, l-inklużjoni ta’ varjetajiet ta’ ċerti speċi agrikoli f’katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli li ż-żrieragħ jew il-pjanti tagħhom jistgħu jiġu kkummerċjalizzati, fejn dan il-katalgu komuni huwa stabbilit, konformement mal-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva, fuq il-bażi tal-katalgi nazzjonali tal-Istati Membri. |
57 |
L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2002/53 jipprovdi li, fir-rigward ta’ varjetà mmodifikata ġenetikament fis-sens tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/220, din il-varjetà għandha tiġi inkluża biss jekk ikunu ttieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiġu evitati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. |
58 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-portata tal-kunċett ta’ “varjetà mmodifikata ġenetikament”, previst fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2002/53, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni, mingħajr ma tirreferi espliċitament għall-varjetajiet miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi, tagħmel riferiment għad-definizzjonijiet li jinsabu fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/220. |
59 |
F’dan id-dawl, kif jispeċifika l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2001/18, peress li d-Direttiva 90/220 tħassret, ir-riferimenti magħmula għal din id-direttiva tal-aħħar għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għad-Direttiva 2001/18. Għalhekk, skont it-tabella ta’ korrispondenza li tinsab fl-Anness VIII ta’ din id-direttiva, ir-riferiment li jinsab fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2002/53 għandu jinftiehem fis-sens li qiegħed jirreferi għall-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/18. |
60 |
Kif ġie kkonstatat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, l-organiżmi miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ OMĠ previst fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/18. Għaldaqstant, il-varjetajiet miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi, bħal dawk li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju, għandhom ukoll jitqiesu li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “varjetà mmodifikata ġenetikament”, previst fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2002/53. |
61 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk ċerti varjetajiet immodifikati ġenetikament jaqgħux jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2002/53, huwa minnu li għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma tagħmilx riferiment espliċitu għall-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/18, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Anness I B tagħha. |
62 |
Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 7(4)(a) tad-Direttiva 2002/53 jipprovdi li, fil-każ ta’ varjetà mmodifikata ġenetikament imsemmija fl-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva, għandha titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ekwivalenti għal dik prevista mid-Direttiva 90/220, riferiment dan li, konformement ma’ dak li tfakkar fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, għandu jinftiehem bħala riferiment għad-Direttiva 2001/18. |
63 |
Barra minn hekk, f’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 63 tas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑165/08, EU:C:2009:473), li, meta varjetà mmodifikata ġenetikament tibbenefika minn awtorizzazzjoni maħruġa skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18, għandu jkun preżunt li ttieħdu l-miżuri xierqa kollha fir-rigward ta’ din il-varjetà sabiex jiġu evitati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem, fis-sens tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2002/53. |
64 |
Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 161 tal-konklużjonijiet tiegħu, ikun inkoerenti jekk fuq il-varjetajiet immodifikati ġenetikament fis-sens tad-Direttiva 2002/53 jiġu imposti obbligi fil-qasam ta’ evalwazzjoni tar-riskji għas-saħħa u għall-ambjent li huma eżentati minnhom espliċitament permezz tad-Direttiva 2001/18. |
65 |
Għaldaqstant, ir-riferiment għall-kunċett ta OMĠ li jinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/18 li jsir fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2002/53, sabiex jiġi ddeterminat jekk varjetà hijiex immodifikata ġenetikament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-eżenzjoni dwar l-organiżmi miksuba permezz ta’ mutaġenesi, prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/18, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Anness I B tagħha. |
66 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie konkluż fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, l-eżenzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/18 tikkonċerna biss l-organiżmi miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi li ntużaw tradizzjonalment għal diversi applikazzjonijiet u li għandhom rekord twil ta’ sigurtà. |
67 |
Minn dan isegwi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2002/53 u li huma suġġetti għall-obbligi fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent imposti minn din id-dispożizzjoni għall-finijiet tal-inklużjoni ta’ varjetajiet fil-katalgu komuni l-varjetajiet immodifikati ġenetikament miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bl-esklużjoni tal-varjetajiet miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi li ntużaw tradizzjonalment għal diversi applikazzjonijiet u li għandhom rekord twil ta’ sigurtà. |
68 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2002/53 għandu jiġi interpretat fis-sens li huma eżentati mill-obbligi previsti f’din id-dispożizzjoni l-varjetajiet immodifikati ġenetikament miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi li ntużaw tradizzjonalment għal diversi applikazzjonijiet u li għandhom rekord twil ta’ sigurtà. |
Fuq it-tielet domanda
69 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/18, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Anness I B tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li għandu l-effett li jċaħħad lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jissuġġettaw għall-obbligi previsti f’din id-direttiva jew għal obbligi oħra l-organiżmi miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. |
Fuq l-ammissibbiltà
70 |
Preliminarjament, il-Kummissjoni Ewropea tqajjem dubju dwar l-ammissibbiltà tat-tielet domanda sa fejn, fil-kuntest tal-proċedura pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qegħdin jikkontestaw il-legalità tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu D. 531‑2 tal-Kodiċi Ambjentali, sa fejn l-imsemmija dispożizzjoni teżenta lill-organiżmi miksuba permezz ta’ mutaġenesi mill-qafas regolamentari previst mill-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2001/18 u mhux sa fejn din id-dispożizzjonji tissuġġetta lil dawn l-organiżmi għal obbligi mhux previsti mill-imsemmija direttiva. |
71 |
Skont il-Kummissjoni, sa fejn teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-organiżmi miksuba permezz ta’ mutaġenesi, id-Direttiva 2001/18 ma tipprojbixxix lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri li jirregolaw dawn l-organiżmi, bil-kundizzjoni li jiġu osservati regoli oħra li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, bħalma huma, b’mod partikolari, dawk dwar il-moviment liberu tal-merkanzija. Għaldaqstant, il-kwistjoni ta’ jekk l-Istati Membri jistgħux jadottaw miżuri li jirregolaw l-imsemmija organiżmi hija ta’ natura ipotetika. |
72 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabel kollox li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, huwa esklużivament il-kompitu tal-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni (sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Kubota (UK) u EP Barrus, C‑545/16, EU:C:2018:101, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
73 |
Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, id-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, fis-sens tal-imsemmi artikolu, fil-każ biss li, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti dwar il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari previsti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jkunux osservati jew meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma għandhom l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Kubota (UK) u EP Barrus, C‑545/16, EU:C:2018:101, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
74 |
F’dan il-każ, kif tispeċifika l-qorti tar-rinviju, l-eżami tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jeħtieġ li jiġi ddeterminat il-marġni ta’ diskrezzjoni li kellhom l-Istati Membri fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/18, u dan sabiex jiġi stabbilit jekk, f’dan il-każ, l-awtoritajiet Franċiżi kellhomx jew le, fir-rigward tal-organiżmi miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, il-possibbiltà li jissuġġettaw tali organiżmi għall-obbligi li joħorġu mill-imsemmija direttiva jew għal obbligi oħra. |
75 |
Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan ir-rikors huwa essenzjalment intiż li l-awtoritajiet Franċiżi jiġu ordnati jissuġġettaw għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ambjentali dwar l-OMĠ il-varjetajiet ta’ pjanti magħmula reżistenti għal erbiċida permezz ta’ mutaġenesi, irrispettivament mit-teknika/metodu ta’ mutaġenesi użati. |
76 |
Minn dan isegwi li t-tielet domanda preliminari ma hijiex ta’ natura ipotetika u, għaldaqstant, għandha titqies li hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
77 |
Kif ġie konkluż fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, l-organiżmi miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi li ma ntużawx tradizzjonalment għal diversi applikazzjonijiet u li ma għandhomx rekord twil ta’ sigurtà jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/18 u, għalhekk, huma suġġetti għall-obbligi li joħorġu minnha. |
78 |
Għall-kuntrarju, l-organiżmi miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi li ntużaw tradizzjonalment għal diversi applikazzjonijiet u li għandhom rekord twil ta’ sigurtà ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, skont l-Artikolu 3(1) tagħha, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Anness I B tagħha. |
79 |
Għaldaqstant, u sa fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni ma rregolax dawn l-organiżmi tal-aħħar, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jiddefinixxu l-qafas legali tagħhom billi jissuġġettawhom, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija stabbiliti fl-Artikoli 34 sa 36 TFUE, għall-obbligi previsti fid-Direttiva 2001/18 jew għal obbligi oħra. |
80 |
Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda dawn l-istess organiżmi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva mingħajr ma speċifika, b’xi mod jew ieħor, il-qafas legali li għalih jistgħu jkunu suġġetti. B’mod partikolari, mill-imsemmija direttiva ma jirriżultax li l-fatt li l-organiżmi miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi li ntużaw tradizzjonalment għal diversi applikazzjonijiet u li għandhom rekord twil ta’ sigurtà huma esklużi minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni jimplika li l-persuni kkonċernati jistgħu jipproċedu b’mod liberu għar-rilaxx intenzjonat tagħhom fl-ambjent jew għat-tqegħid fis-suq, fi ħdan l-Unjoni, ta’ tali organiżmi bħala prodotti jew elementi ta’ prodotti. |
81 |
Għaldaqstant, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/18, moqrija flimkien mal-punt 1 tal-Anness I B tagħha, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi lill-Istati Membri milli jilleġiżlaw f’dan il-qasam. |
82 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/18, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Anness I B tagħha, sa fejn jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-organiżmi miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi li ntużaw tradizzjonalment għal diversi applikazzjonijiet u li għandhom rekord twil ta’ sigurtà, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma għandux l-effett li jċaħħad lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jissuġġettaw tali organiżmi, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija stabbiliti fl-Artikoli 34 sa 36 TFUE, għall-obbligi previsti fl-imsemmija direttiva jew għal obbligi oħra. |
Fuq ir-raba’ domanda
83 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi dwar il-validità, fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, kif iggarantit fl-Artikolu 191(2) TFUE, tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/18 u tal-Artikolu 3 tagħha, moqri flimkien mal-Anness I B ta’ din id-direttiva. |
84 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, risposta għal din id-domanda hija meħtieġa biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/18 u l-Artikolu 3 tagħha, moqri flimkien mal-Anness I B ta’ din id-direttiva, fis-sens li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva l-organiżmi kollha miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi, irrispettivament mit-teknika użata. Issa, dan ma huwiex il-każ peress li, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, l-organiżmi miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi li ma ntużawx tradizzjonalment għal diversi applikazzjonijiet u li ma għandhomx rekord twil ta’ sigurtà huma, l-istess bħal OMĠ oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, suġġetti għall-obbligi previsti minnha. |
85 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda. |
Fuq l-ispejjeż
86 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
( 1 ) Fil-punti 80 u 84 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.