EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0449

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-21 ta’ Ġunju 2017.
Kerly Del Rosario Martinez Silva vs Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS) u Comune di Genova.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Corte d'appello di Genova.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 3 – Benefiċċji tal-familja – Direttiva 2011/98/UE – Artikolu 12 – Dritt għall-ugwaljanza fit-trattament – Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom permess uniku.
Kawża C-449/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:485

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

21 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali — Regolament (KE) Nru 883/2004 — Artikolu 3 — Benefiċċji tal-familja — Direttiva 2011/98/UE — Artikolu 12 — Dritt għall-ugwaljanza fit-trattament — Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom permess uniku”

Fil-Kawża C‑449/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte d’appello di Genova (qorti tal-appell ta’ Genova, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Awwissu 2016, fil-proċedura

Kerly Del Rosario Martinez Silva

vs

Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS),

Comune di Genova,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, A. Rosas u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal K. D. R. Martinez Silva, minn L. Neri u A. Guariso, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u C. Cattabriga, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 284, p. 43) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”), u tal-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (ĠU 2011, L 343, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Kerly Del Rosario Martinez Silva u, min-naħa l-oħra, l-Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS) (istitut nazzjonali ta’ sigurtà soċjali, l-Italja) u l-Comune di Genova (komun ta’ Genova, l-Italja), dwar iċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-għoti ta’ allowance għan-nuklei familjari li għandhom tal-inqas tlett itfal minuri (iktar ’il quddiem l-“ANF”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 2(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), “permess KE ta’ residenza għal residenti għat-tul” huwa permess ta’ residenza maħruġ mill-Istat Membru kkonċernat mal-kisba tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil previst minn din id-direttiva.

4

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/98, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“ċittadin ta’ pajjiż terz” tfisser persuna li ma tkunx ċittadin tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 20(1) tat-TFUE;

(b)

“ħaddiem ta’ pajjiż terz” tfisser ċittadin minn pajjiż terz li jkun ġie ammess fit-territorju ta’ Stat Membru, u li jkun jirrisjedi legalment u jkun jista’ jaħdem fil-kuntest ta’ relazzjoni bi ħlas, f’dak l-istat Membru skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali;

(c)

“permess uniku” tfisser permess ta’ residenza maħruġ mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jippermetti ċittadin ta’ pajjiż terz li jireresjedi legalment fit-territorju tiegħu għal fini ta’ xogħol;

[…]”

5

L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal:

[…]

(c)

ċittadini ta’ pajjiż terz li ġew ammessi fi Stat Membru għall-fini ta’ xogħol f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali.”

6

Skont l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt għal trattament ugwali”:

“1.   Il-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi, kif imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) għandhom igawdu minn trattament ugwali maċ-ċittadini tal-Istat Membru fejn jirrisjedu fir-rigward ta’:

[…]

(e)

fergħat tas-sigurtà soċjali, kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 883/2004;

[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu t-trattament ugwali:

[…]

(b)

billi jillimitaw id-drittijiet konferriti fuq ħaddiema ta’ pajjiżi terzi taħt il-punt (e) tal-paragrafu 1, iżda ma jillimitawx tali drittijiet mogħtija lil ħaddiema ta’ pajjiżi terzi li jkollhom impjieg jew li jkunu f’impjeg għal mhux anqas minn sitt xhur u li jkunu reġistrati bħala qiegħda.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-punt (e) tal-paragrafu 1 rigward il-benefiċċji għall-familja ma għandux japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu awtorizzati jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru għal perijodu ta’ żmien li ma jeċċedix is-sitt xhur, għal ċittadini ta’ pajjizi terzi li ġew ammessi għall-fini ta’ studju, jew għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom il-permess jaħdmu abbażi ta’ viża.

[…]”

7

Skont l-Artikolu 1(z) tar-Regolament Nru 883/2004, it-terminu “benefiċċju marbut mal-familja” ifisser il-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba sabiex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija jew ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I.

8

L-Artikolu 3(1)(j) tal-imsemmi regolament jipprovdi li dan tal-aħħar għandu japplika għal-leġiżlazzjonijiet kollha li jirrigwardaw il-benefiċċji tal-familja. Skont l-Artikolu 3(5)(a) tiegħu, huwa ma għandux japplika għall-assistenza soċjali u medika.

Id-dritt Taljan

9

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 65 tal-Legge n. 448 – Misure di finanza pubblica per la stabilizzazione e lo sviluppo (Liġi Nru 448, dwar miżuri ta’ finanza pubblika għall-istabbilizzazzjoni u għall-iżvilupp), tat-23 ta’ Diċembru 1998 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 210, tad-29 ta’ Diċembru 1998, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 448/1998”), in-nuklei familjari li għandhom tal-inqas tlett itfal ta’ età ta’ inqas minn 18-il sena u li d-dħul tagħhom huwa iktar baxx minn ċertu limitu (EUR 25384.91 fl-2014) jirċievu l-ANF. Fir-rigward tas-sena 2014, l-ammont ta’ kull xahar ta’ din l-allowance kien ta’ EUR 141.02.

10

Għalkemm inizjalment kienet irriżervata għaċ-ċittadini Taljani biss, l-ANF ġiet estiża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea matul is-sena 2000, u sussegwentement għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu l-istatus ta’ refuġjat politiku jew ta’ protezzjoni sussidjarja matul is-sena 2007 u, fl-aħħar nett, permezz tal-Artikolu 13 tal-Legge n. 97 – Disposizioni per l’adempimento degli obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia all’Unione europea – Legge europea 2013 (Liġi Nru 97, dwar dispożizzjonijiet għat-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-isħubija tal-Italja fl-Unjoni Ewropea – Liġi Ewropea 2013), tas-6 ta’ Awwissu 2013 (GURI Nru 194, tal-20 ta’ Awwissu 2013), għall-persuni li jkollhom permess ta’ residenza għal perijodu twil u għall-familji ta’ ċittadini tal-Unjoni.

11

It-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/98 fid-dritt intern kienet is-suġġett tad-Decreto legislativo n. 40 – Attuazione della direttiva 2011/98/UE relativa a una procedura unica di domanda per il rilascio di un permesso unico che consente ai cittadini di Paesi terzi di soggiornare e lavorare nel territorio di uno Stato membro e a un insieme comune di diritti per i lavoratori di Paesi terzi che soggiornano regolarmente in uno Stato membro (Digriet Leġiżlattiv Nru 40, li jittrasponi d-Direttiva 2011/98), tal-4 ta’ Marzu 2014 (GURI Nru 68, tat-22 ta’ Marzu 2014), li stabbilixxa “permess uniku ta’ xogħol”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

K. D. R. Martinez Silva, li hija ċittadina ta’ pajjiż terz, tirrisjedi fil-komun ta’ Genova u għandha permess uniku ta’ xogħol għal perijodu itwal minn sitt xhur. Peress li hija omm ta’ tliet ulied ta’ età ta’ inqas minn 18-il sena u d-dħul tagħha huwa iktar baxx mil-limitu previst mil-Liġi Nru 448/1998, hija talbet, matul is-sena 2014, li tingħata l-ANF, liema allowance ġiet irrifjutata lilha għar-raġuni li hija ma kellhiex permess KE ta’ residenza għal residenti għat-tul.

13

Għalhekk hija ressqet azzjoni ċivili għal diskriminazzjoni, quddiem it-Tribunale di Genova (qorti ta’ Genova, l-Italja), kontra l-Comune di Genova (komun ta’ Genova) u l-INPS bil-għan li tikseb il-ħlas tas-somma ta’ EUR 1833.26 għas-sena 2014 u r-rikonoxximent tad-dritt tagħha għal din l-allowance għas-snin ta’ wara, billi sostniet li dan ir-rifjut kien imur kontra l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/98. Dawn it-talbiet ġew miċħuda b’digriet tat-18 ta’ Awwissu 2015 għar-raġunijiet li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004 invokati kienu ta’ natura purament programmatika, li dan ir-regolament ma kienx jinkludi l-għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment fost il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali li għalihom kienet responsabbli l-kollettività u li ma ġiex ipprovat li K. D. R. Martinez Silva kienet tinsab fl-Italja legalment għal tal-inqas ħames snin.

14

Adita b’appell, il-Corte d’appello di Genova (qorti tal-appell ta’ Genova, l-Italja), tesponi li hija għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 65 tal-Liġi Nru 448/1998 mad-dritt tal-Unjoni, peress li din id-dispożizzjoni, kuntrarjament għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/98, ma tippermettix lil ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkollu permess uniku, jikseb l-ANF.

15

L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tesponi li l-ANF hija benefiċċju fi flus, intiż sabiex jikkumpensa l-piżijiet tal-familja u jingħata lill-familji li jkollhom bżonnu b’mod partikolari minħabba n-numru ta’ wlied tagħhom u ċ-ċirkustanzi ekonomiċi tagħhom. Hija jidhrilha li dan il-benefiċċju jaqa’ taħt dawk previsti fl-Artikolu3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004, filwaqt li jiġi speċifikat li ma huwiex għotja ta’ pagament għall-manteniment u lanqas ma huwa xi benefiċċju previst fl-Anness I ta’ dan ir-regolament.

16

It-tieni nett, filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal-24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233), il-qorti tar-rinviju tqis li ebda waħda mil-limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previsti fl-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/98 ma hija applikabbli fil-kawża prinċipali, peress li r-Repubblika Taljana ma kellhiex l-intenzjoni li tinvoka l-possibbiltà, prevista minn din id-dispożizzjoni, li tillimita l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju u li, barra minn hekk, K. D. R. Martinez Silva ma tinsab f’ebda waħda mis-sitwazzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, billi għandha permess uniku ta’ xogħol għal perijodu itwal minn sitt xhur. Għalhekk hija tqis li l-persuna kkonċernata tifforma parti mill-persuni li għalihom japplika l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte d’appello di Genova (qorti tal-appell ta’ Genova) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Benefiċċju bħal dak previst fl-Artikolu 65 tal-Liġi Nru 448/1998, imsemmi [ANF], jikkostitwixxi benefiċċju tal-familja fis-sens tal-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004?

2)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sanċit fl-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98/UE, jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik Taljana, li tgħid li ħaddiem ta’ pajjiż terz li għandu “permess uniku għal xogħol” (validu għal iktar minn sitt xhur) ma jistax jibbenefika mill-[ANF] minkejja li jkun jgħix ma’ tliet ulied minuri jew iktar u jkun jirċievi dħul li jkun inqas mil-limitu legali?”

Fuq id-domandi preliminari

18

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/98 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkollu permess uniku, fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva, ma jistax jikseb benefiċċju bħall-ANF stabbilita mil-Liġi Nru 448/1998.

19

Peress li l-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98 jipprovdi li l-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) ta’ din id-direttiva għandhom igawdu minn ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membru fejn jirrisjedu fir-rigward tal-fergħat tas-sigurtà soċjali, kif iddefiniti fir-Regolament Nru 883/2004, għandu, fl-ewwel lok, jiġi eżaminat, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, jekk benefiċċju bħall-ANF jikkostitwixxix benefiċċju tas-sigurtà soċjali, eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament skont l-Artikolu 3(5)(a) tiegħu, kif isostni l-Gvern Taljan.

20

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif iddeċidiet diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), id-distinzjoni bejn benefiċċji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u benefiċċji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu hija bbażata essenzjalment fuq l-elementi li jikkostitwixxu kull benefiċċju, b’mod partikolari l-għanijiet tiegħu u l-kundizzjonijiet għall-għoti tiegħu, u mhux fuq jekk benefiċċju huwiex ikklassifikat jew le minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Hughes, C‑78/91, EU:C:1992:331, punt 14; tal-20 ta’ Jannar 2005, Noteboom, C‑101/04, EU:C:2005:51, punt 24, u tal-24 ta’ Ottubru 2013, Lachheb, C‑177/12, EU:C:2013:689, punt 28). Benefiċċju jista’ jitqies li huwa benefiċċju tas-sigurtà soċjali jekk jingħata lill-benefiċjarji mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment, u jekk ikun marbut ma’ wieħed mir-riskji elenkati espressament fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Hughes, C‑78/91, EU:C:1992:331, punt 15; tal-15 ta’ Marzu 2001, Offermanns, C‑85/99, EU:C:2001:166, punt 28, u tad-19 ta’ Settembru 2013, Hliddal u Bornand, C‑216/12 u C‑217/12, EU:C:2013:568, punt 48).

21

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li l-metodu ta’ finanzjament ta’ benefiċċju u, b’mod partikolari, il-fatt li l-għoti tiegħu ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni ta’ kontribuzzjoni huma irrilevanti għall-klassifikazzjoni tiegħu bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Hughes, C‑78/91, EU:C:1992:331, punt 21; tal-15 ta’ Marzu 2001, Offermanns, C‑85/99, EU:C:2001:166, punt 46, u tal-24 ta’ Ottubru 2013, Lachheb, C‑177/12, EU:C:2013:689, punt 32).

22

Barra minn hekk, il-fatt li benefiċċju jingħata jew jiġi rrifjutat b’riferiment għad-dħul u għan-numru ta’ wlied ma jimplikax li l-għoti tiegħu jiddependi minn evalwazzjoni individwali tal-bżonnijiet personali tal-persuna li titolbu, li hija karatteristika tal-assistenza soċjali, sa fejn dawn huma kriterji oġġettivi u ddefiniti legalment li, meta jkunu ssodisfatti, jagħtu d-dritt għal dan il-benefiċċju mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi personali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1992, Hughes, C‑78/91, EU:C:1992:331, punt 17). Għaldaqstant, benefiċċji mogħtija awtomatikament lill-familji li jissodisfaw ċerti kriterji oġġettivi bbażati b’mod partikolari fuq id-daqs tagħhom, id-dħul tagħhom u r-riżorsi kapitali tagħhom, mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, u li huma intiżi sabiex jikkumpensaw il-piżijiet tal-familja, għandhom jitqiesu li huma benefiċċji tas-sigurtà soċjali (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑308/14, EU:C:2016:436, punt 60).

23

F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk benefiċċju partikolari jaqax taħt il-benefiċċji tal-familja previsti fl-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(z) ta’ dan ir-regolament, it-termini “benefiċċju marbut mal-familja” ifissru l-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba sabiex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija jew ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I ta’ dan ir-regolament. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-termini “jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja” għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu, b’mod partikolari, għal kontribuzzjoni pubblika għall-baġit tal-familja, intiża sabiex tnaqqas l-ispejjeż li jirriżultaw mill-manteniment tal-ulied (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Hliddal u Bornand, C‑216/12 u C‑217/12, EU:C:2013:568, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

F’dak li jirrigwarda l-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, l-ANF titħallas lill-benefiċjarji li jitolbuha meta l-kundizzjonijiet marbuta man-numru ta’ ulied minuri u mad-dħul previsti fl-Artikolu 65 tal-Liġi Nru 448/1998 jkunu ssodisfatti. Konsegwentement, dan il-benefiċċju jingħata mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali tal-persuna li titolbu, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment. Min-naħa l-oħra, l-ANF tikkonsisti f’somma ta’ flus li titħallas kull sena lill-imsemmija benefiċjarji u li hija maħsuba sabiex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, permezz ta’ kontribuzzjoni pubblika għall-baġit tal-familja, sabiex tnaqqas l-ispejjeż li jirriżultaw mill-manteniment tal-ulied.

25

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li benefiċċju bħall-ANF jikkostitwixxi benefiċċju tas-sigurtà soċjali, li jaqa’ taħt il-benefiċċji tal-familja previsti fl-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004.

26

Għaldaqstant, fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkollu permess uniku fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2011/98 jistax jiġi eskluż milli jikseb tali benefiċċju permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

27

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(c) tagħha, jirriżulta li għandhom b’mod partikolari jgawdu mill-ugwaljanza fit-trattament prevista fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li ġew ammessi fi Stat Membru għall-fini ta’ xogħol konformement mad-dritt tal-Unjoni jew mad-dritt nazzjonali. Issa, dan huwa l-każ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkollu permess uniku, fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva, għaliex, skont din id-dispożizzjoni, dan il-permess jippermetti lil tali ċittadin jirrisjedi legalment fit-territorju tal-Istat Membru li ħarġu, sabiex jaħdem hemmhekk.

28

Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/98, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-drittijiet mogħtija skont l-Artikolu 12(1)(e) ta’ din id-direttiva lill-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi, ħlief fir-rigward ta’ dawk li jkollhom impjieg jew li kellhom impjieg għal mhux inqas minn sitt xhur u li jkunu rreġistrati bħala persuni qiegħda. Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(2)(b) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-Artikolu 12(1)(e) tagħha, li jirrigwarda l-benefiċċji tal-familja, ma għandux japplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew awtorizzati jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru għal perijodu li ma jeċċedix sitt xhur kif ukoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew ammessi sabiex jirrisjedu f’dan it-territorju għall-fini ta’ studju jew għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom permess jaħdmu hemmhekk abbażi ta’ viża.

29

Għaldaqstant, bħad-Direttiva 2003/109, id-Direttiva 2011/98 tipprevedi, favur ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi, dritt għall-ugwaljanza fit-trattament, li jikkostitwixxi r-regola ġenerali, u telenka d-derogi għal dan id-dritt li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jistabbilixxu. Għaldaqstant, dawn id-derogi jistgħu jiġu invokati biss jekk l-entitajiet kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat għall-implementazzjoni ta’ din id-direttiva jkunu esprimew b’mod ċar li huma kellhom l-intenzjoni li jinvokawhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punti 8687).

30

Issa, il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-Repubblika Taljana ma kellhiex l-intenzjoni li tinvoka l-possibbiltà li tillimita l-ugwaljanza fit-trattament billi tagħmel użu mid-derogi previsti fl-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/98, peress li b’ebda mod ma mmanifestat tali intenzjoni. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Taljana li jillimitaw il-benefiċċju tal-ANF, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, għall-persuni li jkollhom permess ta’ residenza għal perijodu twil u għall-familji ta’ ċittadini tal-Unjoni, li barra minn hekk ġew adottati qabel it-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva fid-dritt intern, kif jirrużulta mill-punti 10 u 11 ta’ din is-sentenza, ma jistgħux jitqiesu li jimplementaw il-limitazzjonijiet għad-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jistabbilixxu skont l-imsemmija direttiva.

31

Minn dan isegwi li ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkollu permess uniku, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2011/98, ma jistax jiġi eskluż milli jikseb benefiċċju bħall-ANF permezz ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/98 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkollu permess uniku, fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva, ma jistax jikseb benefiċċju bħall-ANF stabbilita mil-Liġi Nru 448/1998.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkollu permess uniku, fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva, ma jistax jikseb benefiċċju bħall-allowance għan-nuklei familjari li għandhom tal-inqas tlett itfal minuri stabbilita mil-Legge n. 448 – Misure di finanza pubblica per la stabilizzazione e lo sviluppo (Liġi Nru 448, dwar miżuri ta’ finanza pubblika għall-istabbilizzazzjoni u għall-iżvilupp), tat-23 ta’ Diċembru 1998.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top